Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0704

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Novembru 2022.
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs C u B u X vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mir-Raad van State u mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats 's-Hertogenbosch.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Dritt fundamentali għal-libertà – Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 15 – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 9 – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 28 – Stħarriġ tal-legalità ta’ detenzjoni u taż-żamma ta’ miżura ta’ detenzjoni – Eżami ex officio – Dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
Kawżi magħquda C-704/20 u C-39/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:858

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Dritt fundamentali għal-libertà – Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet tal-legalità tad-detenzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 15 – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 9 – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 28 – Stħarriġ tal-legalità ta’ detenzjoni u taż-żamma ta’ miżura ta’ detenzjoni – Eżami ex officio – Dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Fil-Kawżi magħquda C‑704/20 u C‑39/21,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) u mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Diċembru 2020 u tas‑26 ta’ Jannar 2021, rispettivament, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Diċembru 2020 u fis‑26 ta’ Jannar 2021, fil-proċeduri

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

C,

B (C‑704/20)

u

X

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (C‑39/21),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos (Relatur), E. Regan u L. S. Rossi, Presidenti tal-Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C u B, minn P. H. Hillen, advocaat,

għal X, minn C. F. Wassenaar, advocaat,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), tal-Artikoli 9 u 21 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), u tal-Artikoli 6 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50), moqrija flimkien mal-Artikoli 6, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, B, C u X, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), fir-rigward tal-legalità ta’ miżuri ta’ detenzjoni li jikkonċernaw dawn it-tliet persuni.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2008/115

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett” jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni] kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(9)

‘persuni vulnerabbli’ tfisser minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri waħedhom bi tfal minuri u persuni li ġew soġġettati għal tortura, stupru jew forom serji oħrajn ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet aktar favorevoli”, jistabbilixxi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 15 tal-istess direttiva intitolat “Detenzjoni” jipprevedi:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.   Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

a)

jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

b)

jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.   F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

Id‑Direttiva 2013/33

7

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Għan” jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali […] fl-Istati Membri.”

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

h)

‘detenzjoni’ tfisser restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha; […]”

9

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Detenzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [(ĠU 2013, L 180, p. 60)].

2.   Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.   Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

a)

sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

b)

sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

c)

sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

d)

meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva [2008/115] sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

e)

meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

f)

skont l-Artikolu 28 tar-[Regolament Nru 604/2013].

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, jew l-obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata, huma stipulati fil-liġi nazzjonali.”

10

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti”, jipprevedi:

“1.   Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

Il-proċeduri amministrattivi relevanti għar-raġunijiet għad-detenzjoni stipulati fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġi eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Dewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni.

2.   Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.

3.   Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnehdija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant.

Meta, b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.

4.   L-applikanti detenuti għandhom jiġu infurmati minnufih bil-miktub, f’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas,

5.   Id-detenzjoni għandha tiġi riveduta minn awtorità ġudizzjarja f’intervalli raġonevoli ta’ żmien, ex officio u/jew fuq talba tal-applikant ikkonċernat, b’mod partikolari kull meta din tkun għal perjodu estiż, iqumu ċirkostanzi relevanti jew issir disponibbli informazzjoni ġdida li jista’ jkollhom effett fuq il-legalità tad-detenzjoni.

6.   Fil-każijiet ta’ rieżami ġudizzjarju tal-ordni tad-detenzjoni previst fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-applikanti għandhom aċċess għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas. Din għandha tinkludi, mill-inqas, it-tħejjija tad-dokumenti proċedurali meħtieġa u parteċipazzjoni fis-smigħ quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’isem l-applikant.

[…]”

11

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Il-prinċipju ġenerali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħalma huma minorenni […] fil-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Direttiva […]”

Ir-Regolament Nru 604/2013

12

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 604/2013, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida. […]”

13

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Garanziji għall-minorenni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-aħjar interess tat-tifel jew tifla għandha tkun il-konsiderazzjoni prinċipali għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

14

L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri ma’ għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija soġġetta għall-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament.

2.   Meta jkun hemm riskju sinifikanti li l-persuna taħrab, l-Istati Membri jistgħu jżommu lill-persuna kkonċernata taħt detenzjoni sabiex jiżguraw proċeduri ta’ trasferiment skont dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali u biss sa fejn id-detenzjoni tkun proporzjonali, jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati effettivament miżuri alternattivi oħra inqas koerżivi.

3.   Id-detenzjoni għandha tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun u m’għandiex tkun għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-proċeduri amministrattivi meħtieġa b’diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment taħt dan ir-Regolament

Fejn persuna tinżamm taħt detenzjoni skont dan l-Artikolu, il-perijodu għall-preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura ma għandux ikun itwal minn xahar minn meta t-talba tiġi ppreżentata. L-Istat Membru li jwettaq l-proċedura f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jitolob tweġiba urġenti f’dawn il-każijiet. Tali tweġiba għandha tingħata fi żmien ġimgħatejn minn meta jirċievi t-talba. Nuqqas ta’ tweġiba fil-perijodu ta’ ġimgħatejn għandu l-istess effett ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u għandu jinvolvi l-obbligu li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna, inkluż l-obbligu li jagħmel arranġamenti xierqa għall-wasla.

Meta persuna tinżamm taħt detezjoni skont dan l-Artikolu, it-trasferiment ta’ dik il-persuna mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-aċċettazzjoni impliċita jew espliċita tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata […]

Meta l-Istat Membru rikjedenti jonqas milli jikkonforma mat-termini ta’ żmien biex jippreżenta talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura jew fejn it-trasferiment ma jseħħx fl-iskadenza ta’ sitt ġimgħat imsemmija fit-tielet subparagrafu, il-persuna ma għandhiex tinżamm aktar taħt detenzjoni. […]

4.   Fir-rigward tal-kondizzjonijiet għad-detenzjoni, u l-garanziji applikabbli għal persuni taħt detenzjoni, sabiex jiġu żgurati l-proċeduri ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli, għandhom japplikaw l-Artikolu 9, 10 u 11 tad-[Direttiva 2013/33].”

Id‑dritt Olandiż

Il‑Vw

15

L-Artikolu 59(1)(a) tal-wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) (il-Liġi tal 2000 dwar il-Barranin) tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb.2000, no 495) kif emendata b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2011 għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 fid-dritt Olandiż (iktar ’il quddiem il-“Vw”) jistabbilixxi li ċ-ċittadin barrani li ma għandux residenza regolari jista’, jekk l-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali jeħtieġu dan, jitqiegħed f’detenzjoni mis-Segretarju tal-Istat sakemm jitneħħa mit-territorju Olandiż.

16

L-Artikolu 59a tal-Vw jipprovdi li ċ-ċittadini barranin li għalihom japplika r-Regolament Nru 604/2013, jistgħu, b’osservanza tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, jitqiegħdu f’detenzjoni sakemm jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fit-territorju Olandiż.

17

L-Artikolu 59b tal-Vw jipprovdi li ċerti ċittadini barranin li jkunu talbu permess ta’ residenza jistgħu jitqiegħdu f’detenzjoni jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tal-applikant jew sabiex jiġu ddeterminati elementi oħra neċessarji għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, b’mod partikolari jekk ikun hemm riskju ta’ tneħħija.

18

L-Artikolu 91(2) tal-Vw jipprovdi:

“Jekk [ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), fl-appell] iqis li lment invokat ma jistax iwassal għall-annullament, huwa jista’ jillimita ruħu għal din l-evalwazzjoni fil-motivi tad-deċiżjoni tiegħu”.

19

L-Artikolu 94 tal-Vw huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta jkun ħa deċiżjoni li timponi miżura li ċċaħħad il-libertà msemmija fl-Artikoli […] 59, 59a u 59b, is-[Segretarju tal-Istat] għandu jinforma lill-[qorti kompetenti] b’dan mhux iktar tard minn tmienja u għoxrin ġurnata wara l-komunikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, sakemm iċ-ċittadin barrani ma jkunx diġà appella huwa stess. Hekk kif il-qorti tiġi nnotifikata, iċ-ċittadin barrani jitqies li appella minn din id-deċiżjoni li timponi miżura li ċċaħħad il-libertà. L-appell huwa intiż ukoll għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu.

[…]

4.   Il-qorti tistabbilixxi immedjatament id-data tas-seduta. Is-seduta tinżamm mhux iktar tard mill-erbatax-il ġurnata minn meta tirċievi r-rikors jew l-avviż. […]

[…]

6.   Jekk tikkunsidra li l-applikazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-miżura tmur kontra din il-liġi, jew jekk tikkunsidra, wara li tkun ikkunsidrat l-interessi kollha preżenti, li l-miżura ma hijiex iġġustifikata, il-qorti adita tilqa’ r-rikors. F’dan il-każ, il-qorti tordna t-tneħħija tal-miżura jew il-modifika tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha.”

[…]”

L‑Awb

20

L-Artikolu 8:69 tal-wet houdende algemene regels van bestuursrecht (Algemene wet bestuursrecht) (il-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli Ġenerali tad-Dritt Amministrattiv) (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv)), tal‑4 ta’ Ġunju 1992 (Stb. 1992, no 315), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Awb”), jipprovdi:

“1.   Il-qorti adita tiddeċiedi abbażi tar-rikors, id-dokumenti prodotti, l-istruttorja preliminari u t-trattazzjonijiet fis-seduta.

2.   Il-qorti tikkompleta ex officio l-motivi ta’ dritt.

3.   Il-qorti tista’ tikkompleta l-fatti ex officio.”

21

Skont l-Artikolu 8:77 tal-Awb:

“1.   Id-deċizjoni bil-miktub għandha tindika:

[…]

b. il-motivi tad-deċiżjoni,

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑proċeduri li jirrigwardaw lil B u C (C‑704/20)

22

B, ta’ nazzjonalità Alġerina, esprima l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2019, is-Segretarju tal-Istat qiegħdu f’detenzjoni skont l-Artikolu 59b tal-Vw, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-identità tiegħu u tal-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni ta’din l-applikazzjoni.

23

B ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi).

24

Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, din il-qorti, mingħajr ma ddeċidiet dwar il-motivi invokati insostenn ta’ dan ir-rikors, laqgħetu għall-motiv, mhux invokat minn B, li s-Segretarju tal-Istat ma kienx aġixxa bid-diliġenza kollha meħtieġa. Għalhekk, l-imsemmija qorti ordnat it-tneħħija tal-miżura ta’ detenzjoni u tat kumpens lill-persuna kkonċernata.

25

C huwa ċittadin ta’ Sjerra Leone. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2019, is-Segretarju tal-Istat, abbażi tal-Artikolu 59a tal-Vw, qiegħdu f’detenzjoni sabiex jiżgura t-trasferiment tiegħu lejn l-Italja skont ir-Regolament Nru 604/2013.

26

C ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch).

27

B’sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, din il-qorti ċaħdet bħala infondati l-motivi invokati minn C, iżda madankollu, laqgħet ir-rikors, għall-motiv li s-Segretarju tal-Istat ma kienx organizza t-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Italja bid-diliġenza kollha meħtieġa. Għalhekk, l-imsemmija qorti ordnat it-tneħħija tal-miżura ta’ detenzjoni fir-rigward ta’ C u tat kumpens lil dan tal-aħħar.

28

Is-Segretarju tal-Istat appella mis-sentenzi msemmija fil-punti 24 u 27 ta’ din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Dan tal-aħħar jixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-teżi sostnuta minn B u C, kif ukoll minn xi qrati Olandiżi, li tipprovdi li d-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-qrati jeżaminaw ex officio l-kundizzjonijiet kollha li miżura ta’ detenzjoni għandha tissodisfa sabiex tkun legali.

29

Fir-rigward preċiżament tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, qabelxejn, li B u C kienu jirrisjedu b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi meta tqiegħdu f’detenzjoni. Filwaqt li tqis, konsegwentement, li r-regoli rilevanti fil-qasam tad-detenzjoni huma, f’dan il-każ, dawk li jinsabu fid-Direttiva 2013/33 u fir-Regolament Nru 604/2013, din il-qorti tixtieq li, barra minn hekk, tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2008/115 fil-kuntest tal-eżami tad-domanda magħmula.

30

L-imsemmija qorti tindika, sussegwentement, li kull detenzjoni prevista minn dawn l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni taqa’, fil-Pajjiżi l-Baxxi, taħt id-dritt tal-proċedura amministrattiva, li ma jawtorizzax, bħala prinċipju, lill-qrati Olandiżi jeżaminaw ex officio, jekk il-miżura ta’ detenzjoni kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-legalità mhux invokati mill-persuna kkonċernata. L-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju tirrigwarda l-istħarriġ tal-osservanza ta’ regoli ta’ ordni pubbliku, bħal dawk relatati mal-aċċess għall-qorti u l-ġurisdizzjoni tagħha.

31

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni li tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz huma numerużi. Dawn jikkonċernaw b’mod partikolari l-interrogazzjoni tal-persuna kkonċernata, il-verifika tal-identità, tan-nazzjonalità u tad-dritt ta’ residenza tagħha, id-dritt għall-assistenza konsulari, legali u lingwistika tal-persuna kkonċernata, id-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar, l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba jew ta’ tneħħija mill-kontrolli, il-perspettiva ta’ tneħħija jew ta’ trasferiment tagħha, id-diliġenza li s-Segretarju tal-Istat wera, l-iffirmar u d-data tal-adozzjoni ta’ din il-miżura ta’ detenzjoni kif ukoll il-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija miżura hijiex proporzjonata.

32

Din il-qorti tqis li obbligu ta’ eżami ex officio ta’ dawn il-kundizzjonijiet tal-legalità kollha ma jirriżultax mid-dritt tal-Unjoni. Mis-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318), jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-qorti tivverifika ex officio, fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-legalità ta’ att amministrattiv, l-osservanza tar-regoli ta’ dan id-dritt, sakemm dawn tal-aħħar ma jkollhomx, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, rwol komparabbli għar-regoli ta’ ordni pubbliku jew ikun impossibbli għall-partijiet li jinvokaw motiv ibbażat fuq il-ksur tal-imsemmi dritt fil-proċedura kkonċernata. Issa, skont l-imsemmija qorti, il-kundizzjonijiet fil-qasam tad-detenzjoni ma għandhomx l-istess grad bħar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku u, fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa possibbli għal ċittadin barrani li jinvoka motivi bbażati fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-miżura ta’ detenzjoni li huwa s-suġġett tagħha.

33

Skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali milli jqajmu, ex officio, fatti jew motivi fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri ta’ detenzjoni adottati fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

34

Din il-projbizzjoni ma tippreġudikax il-prinċipju ta’ effettività, peress li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom aċċess rapidu u mingħajr ħlas għall-ġustizzja u jistgħu jinvokaw il-motivi kollha li jixtiequ.

35

L-imsemmija projbizzjoni lanqas ma tippreġudika l-prinċipju ta’ ekwivalenza. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-interpretazzjoni tagħha tal-portata tal-Artikolu 8:69 (2) u (3) tal-Awb tikkonċerna l-proċeduri amministrattivi kollha u mhux speċifikament dawk relatati ma’ miżuri ta’ detenzjoni. Skont din l-interpretazzjoni, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jimplika li l-qorti għandha tittraduċi f’termini legali l-motivi invokati mill-parti f’kawża u l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu li l-qorti tista’ ma teżaminax il-fatti kif ippreżentati mill-partijiet. Madankollu, huwa mistenni mill-partijiet li jipproduċu bidu ta’ prova, peress li l-qorti tista’ sussegwentement tipprova tikkompleta din il-prova, pereżempju billi titlob ix-xhieda.

36

Il-qorti tar-rinviju żżid ukoll li l-garanziji speċifikament previsti fil-qasam ta’ detenzjoni mid-Direttiva 2008/115, mid-Direttiva 2013/33 u mir-Regolament Nru 604/2013 ġew implimentati mil-leġiżlatur Olandiż, b’mod partikolari fl-Artikolu 94 tal-Vw. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiggarantixxi li kull miżura ta’ detenzjoni tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 15(2) tad-[Direttiva 2008/115] u l-Artikolu 9 tad-[Direttiva 2013/33], moqrija flimkien mal-Artikolu 6 tal-[Karta], jobbligaw lill-qorti tipproċedi bi stħarriġ ex officio fis-sens li hija marbuta tevalwa fuq inizjattiva tagħha stess (ex officio) jekk il-kundizzjonijiet kollha tad-detenzjoni ġewx issodisfatti, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li l-ksur tagħhom ma ġiex invokat miċ-ċittadin barrani, minkejja li huwa kellu effettivament il-possibbiltà li jagħmel dan?”

Il‑proċedura li tirrigwarda lil X (C‑39/21)

38

X huwa ċittadin Marokkin, imwieled fl‑1973. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Novembru 2020, is-Segretarju tal-Istat qiegħdu f’detenzjoni abbażi tal-punt (a) tal-Artikolu 59(1) tal-Vw, li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom id-Direttiva 2008/115 ġew trasposti fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-miżura ta’ detenzjoni kienet iġġustifikata mill-protezzjoni tal-ordni pubbliku, peress li kien jeżisti riskju li X jaħrab mill-kontrolli u jevita t-tneħħija tiegħu.

39

Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2020, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch), ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn X kontra din il-miżura ta’ detenzjoni.

40

Fit‑8 ta’ Jannar 2021, X ippreżenta quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) rikors kontra ż-żamma tal-miżura ta’ detenzjoni. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa invoka l-assenza ta’ prospett ta’ tneħħija fi żmien raġonevoli.

41

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija għandha tevalwa l-legalità ta’ din iż-żamma biss għall-perijodu li jibda fit‑8 ta’ Diċembru 2020. Fil-fatt, il-legalità tad-detenzjoni ta’ X matul il-perijodu preċedenti għal din id-data ġiet evalwata fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Diċembru 2020.

42

Din il-qorti tixtieq tikseb kjarifiki fir-rigward tar-rekwiżiti, li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, dwar l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-miżuri ta’ detenzjoni.

43

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tesponi li r-rikorsi ppreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi kontra miżuri ta’ detenzjoni adottati mis-Segretarju tal-Istat jaqgħu taħt id-dritt amministrattiv Olandiż u li l-Artikolu 8:69(1) tal-Awb jobbliga lill-qrati aditi b’tali rikorsi jiddeċiedu billi jibbażaw ruħhom fuq dawn ir-rikorsi, id-dokumenti prodotti, l-investigazzjoni preliminari u l-eżami tal-kawża fis-seduta.

44

Tali regola hija, ċertament, ikkwalifikata permezz tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, li jipprovdu li l-qorti għandha tikkompleta ex officio l-motivi ta’ dritt u tista’ tikkompleta l-fatti ex officio. Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) madankollu adotta interpretazzjoni partikolarment stretta ta’ dawn il-paragrafi, li tipprovdi li l-unika setgħa ta’ eżami ex officio li jgawdu minnha l-qrati hija li tiġi mistħarrġa l-osservanza tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal smigħ xieraq. Għalhekk, fil-kuntest tal-eżami fil-mertu tal-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni, il-qrati ma jistgħux iqajmu ex officio punti ta’ liġi jew ta’ fatt. Din il-projbizzjoni tapplika bl-istess mod meta l-persuna kkonċernata tkun persuna vulnerabbli, bħalma huwa minuri.

45

Din il-qorti tindika li, fil-każijiet fejn qorti adita minn rikors ippreżentat kontra miżura ta’ detenzjoni tqajjem madankollu, ex officio, punti ta’ fatt jew ta’ liġi, is-Segretarju tal-Istat jappella b’mod sistematiku quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) u dejjem b’suċċess.

46

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, f’dan il-każ, hija għandha, għall-perijodu li jibda fit‑8 ta’ Diċembru 2020, rapport tal-intervista ta’ nofs paġna u rapport ta’ segwitu, tat‑8 ta’ Jannar 2021, fil-forma ta’ formularju li jindika l-miżuri konkreti li l-awtoritajiet Olandiżi ħadu sabiex jipproċedu bit-tneħħija tal-persuna kkonċernata.

47

Din il-qorti tqis li huwa impossibbli li minn tali inkartament sommarju jiġu dedotti l-fatti kollha rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk iż-żamma tad-detenzjoni hijiex legali. Hija tesponi li, fil-kawża prinċipali, hija tixtieq b’mod partikolari tkun taf jekk l-awtoritajiet Olandiżi eżaminawx debitament il-possibbiltà li japplikaw miżura inqas koersiva. Hija tixtieq tkun taf ukoll liema servizzi jeżistu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni sabiex jgħinu lil X jiffaċċja l-patoloġija tad-dipendenza li minnha jsofri u li huwa semma fir-rikors tiegħu.

48

Peress li ma kinitx awtorizzata teżamina dawn il-punti ex officio, il-qorti tar-rinviju tqis li hija mċaħħda mill-possibbiltà li tevalwa l-legalità taż-żamma tal-miżura ta’ detenzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha. Tali sitwazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, speċjalment la mhux possibbli li jsir appell mis-sentenzi li jirrigwardaw iż-żamma ta’ miżuri ta’ detenzjoni. Skont din il-qorti, sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tkun effettiva f’dan it-tip ta’ fajls, il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tiżgura b’mod sħiħ ir-rispett tad-dritt fundamentali għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta.

49

L-imsemmija qorti tenfasizza wkoll li fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 8:77(1)(b) tal-Awb, hija prevista eċċezzjoni fl-Artikolu 91(2) tal-Vw, fis-sens li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), f’deċiżjoni ta’ appell mis-sentenzi li jirrigwardaw it-tqegħid fid-detenzjoni, jista’ jiddeċiedi permezz ta’ motivazzjoni mqassra, limitata essenzjalment għall-indikazzjoni li l-persuna kkonċernata ma qajmitx ilmenti validi.

50

Skont il-qorti tar-rinviju, tali eċċezzjoni ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mid-dritt tagħha għal rimedju effettiv. L-Artikolu 47 tal-Karta għandu, fil-fehma tagħha, jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess għall-ġustizzja, fil-qasam tad-dritt tal-barranin, jinkludi wkoll id-dritt għal deċiżjoni mmotivata fil-mertu tal-qorti li tiddeċiedi fit-tieni u l-aħħar istanza.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fid-dawl tal-Artikolu 47, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 53 tal-[Karta] kif ukoll fil-kuntest tal-Artikolu 15(2)(b) tad-[Direttiva 2008/115], tal-Artikolu 9(3) tad-[Direttiva 2013/33] u tal-Artikolu 28(4) tar-[Regolament Nru 604/2013], l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw il-proċedura ġudizzjarja li tippermetti l-kontestazzjoni tad-detenzjoni ordnata mill-awtoritajiet b’tali mod li l-qorti tkun ipprojbita milli teżamina u tevalwa ex officio l-aspetti kollha tal-legalità tad-detenzjoni u, jekk hija tikkonstata ex officio li d-detenzjoni hija illegali, milli ttemm immedjatament din id-detenzjoni illegali u tordna l-ħelsien immedjat taċ-ċittadin barrani? Jekk il-[Qorti tal-Ġustizzja] tqis li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan ifisser ukoll li, jekk iċ-ċittadin barrani jitlob lill-qorti l-ħelsien tiegħu, din il-qorti għandha dejjem teżamina u tevalwa ex officio, b’mod attiv u fid-dettall, il-fatti u l-elementi rilevanti kollha tal-legalità tad-detenzjoni?

2)

Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2008/115], l-Artikolu 21 tad-[Direttiva 2013/33] u tal-Artikolu 6 tar-[Regolament Nru 604/2013], ir-risposta għall-ewwel domanda hija differenti jekk iċ-ċittadin barrani mqiegħed f’detenzjoni mill-awtoritajiet ikun minuri?

3)

Id-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 [tal-Karta], moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 53 [tagħha] u fil-kuntest tal-Artikolu 15(2)(b) tad-[Direttiva 2008/115], tal-Artikolu 9(3) tad-[Direttiva 2013/33] u tal-Artikolu 28(4) tar-[Regolament Nru 604/2013], jimplika li l-qorti, fuq kull livell ta’ ġurisdizzjoni, meta ċittadin barrani jitlobha t-tmiem tad-detenzjoni u l-ħelsien tiegħu, għandha takkumpanja kull deċiżjoni dwar din it-talba b’motivazzjoni sostantiva suffiċjenti jekk ir-rimedju, barra minn hekk, huwa organizzat bl-istess mod bħal fil-Pajjiżi l-Baxxi? Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni prattika ġudizzjarja nazzjonali li fiha l-qorti tat-tieni u għaldaqstant tal-ogħla istanza tista’ sempliċement tiddeċiedi mingħajr ebda motivazzjoni sostantiva, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mod li bih dan ir-rimedju ġie organizzat fil-Pajjiżi l-Baxxi, dan ifisser li din is-setgħa tal-qorti li tiddeċiedi fit-tieni u għaldaqstant fl-ogħla istanza f’kawżi fil-qasam ta’ ażil u f’kawżi ordinarji tad-dritt dwar il-barranin għandha wkoll titqies bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni vulnerabbli taċ-ċittadin barrani, tal-interessi importanti inkwistjoni fil-proċeduri fil-qasam tad-dritt dwar il-barranin u tal-konstatazzjoni li, bil-kontra tal-proċeduri amministrattivi l-oħra kollha, fir-rigward ta’ protezzjoni ġudizzjarja, dawn il-proċeduri għandhom l-istess garanziji proċedurali dgħajfa għaċ-ċittadin barrani bħall-proċedura ta’ detenzjoni? Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, ir-risposta għal dawn id-domandi hija differenti jekk iċ-ċittadin barrani li jikkontesta quddiem qorti deċiżjoni tal-awtoritajiet fil-qasam tad-dritt dwar il-barranin ikun minuri?”

Il‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

52

Skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, rinviju għal deċiżjoni preliminari li jqajjem kwistjoni waħda jew iktar dwar l-oqsma li jaqgħu fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

53

Fil-kawża C‑39/21, peress li X jinsab f’detenzjoni u, għalhekk, peress li huwa mċaħħad mil-libertà tiegħu fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari tar-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch), din il-qorti talbet l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura.

54

Fil‑25 ta’ Frar 2021, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ din it-talba sabiex tapplika l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑39/21.

55

Minħabba l-konnessjoni parzjali tal-Kawżi C‑704/20 u C‑39/21, hija ddeċidiet, ex officio, li tapplika din il-proċedura wkoll fil-Kawża C‑704/20.

56

Barra minn hekk, ġie deċiż li din il-kawża tintbagħat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata lill-Awla Manja.

57

Barra minn hekk, l-imsemmija kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

58

Fil‑31 ta’ Marzu 2021, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet, permezz ta’ deċiżjoni interlokutorja tas‑26 ta’ Marzu 2021, temmet id-detenzjoni ta’ X.

59

Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ma kinux issodisfatti u ddeċidiet li l-Kawżi C‑704/20 u C‑39/21 kellhom jiġu ttrattati skont il-proċedura ordinarja.

60

Ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch), sussegwentement informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet tat, permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2021, kumpens lil X għar-raġuni li d-detenzjoni tiegħu kienet illegali u kkawżatlu dannu. Madankollu, sakemm tistenna r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tagħha, din il-qorti ssospendiet id-deċiżjoni dwar jekk X jistax jibbenefika minn kumpens ikbar.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibiltà

61

Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ persuna akkużata maħruba), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Issa, fil-Kawża C‑39/21, il-kwistjoni tat-tqegħid f’detenzjoni ta’ minuri, li għaliha r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) tirreferi fit-tieni domanda preliminari tagħha, hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża jirriżulta mingħajr ambigwità li X, li twieled fl‑1973 u li għalhekk huwa maġġorenni, huwa l-unika persuna kkonċernata mill-proċedura li tat lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

63

Għaldaqstant, li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑39/21 ma għandu ebda utilità għall-qorti tar-rinviju għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali f’din il-kawża, iżda jkun ifisser, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħti opinjoni konsultattiva. Minn dan isegwi li t-tieni domanda preliminari hija ammissibbli.

64

Fir-rigward, barra minn hekk, tat-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑39/21, għandu jiġi rrilevat li din tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, fl-appell f’kawża li tirrigwarda l-istħarriġ tal-legalità ta’ miżura ta’ tqegħid f’detenzjoni tistax sempliċement tesponi motivazzjoni mqassra.

65

Issa, kif jirriżulta mill-informazzjoni, miġbura fil-qosor fil-punti 40 u 48 ta’ din is-sentenza, li tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑39/21, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s‑Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch) għandha tiddeċiedi fl-ewwel u l-aħħar istanza dwar iż-żamma tal-miżura ta’ detenzjoni li X kien suġġett għaliha.

66

Għalkemm huwa minnu li din il-qorti esponiet, permezz tal-osservazzjonijiet tagħha miġbura fil-qosor fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, li d-dritt Olandiż jippermetti li jitressaq appell quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) minn deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ din l-aħħar qorti f’tali sitwazzjoni hija ta’ natura purament ipotetika fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch), li tikkonċerna, fl-ewwel u l-aħħar istanza, iż-żamma tal-miżura ta’ detenzjoni kkonċernata.

67

Konsegwentement, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑39/21 ma hijiex iġġustifikata taqbilx minn ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, minkejja l-konnessjoni parzjali bejn il-Kawżi C‑704/20 u C‑39/21, kif ukoll id-deċiżjoni li dawn iż-żewġ kawżi jingħaqdu, it-tielet domanda magħmula fil-kuntest tal-Kawża C‑39/21 ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑704/20.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza stabbilita tinkiser jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li tirrispondi għal domanda preliminari li permezz tagħha l-qorti li tkun għamlitilha ma titlobx interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex issolvi l-kawża pendenti quddiemha, iżda tfittex li tikkompleta talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti oħra.

70

Minn dan jirriżulta li t-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑39/21 hija inammissibbli.

Fuq il‑mertu

71

Permezz tad-domanda magħmula fil-Kawża C‑704/20 u l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑39/21, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 9(3) u (5) tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Nru 604/2013, moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-istħarriġ, minn awtorità ġudizzjarja, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni għandu jwassal lil din l-awtorità sabiex tirrileva ex officio l-eventwali nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ legalità li ma ġiex invokat mill-persuna kkonċernata.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li kwalunkwe detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, kemm jekk abbażi tad-Direttiva 2008/115 fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn wara soġġorn irregolari, abbażi tad-Direttiva 2013/33 fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew abbażi tar-Regolament Nru 604/2013 fil-kuntest tat-trasferiment ta’ applikant għal tali protezzjoni lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, tikkostitwixxi ndħil serju fid-dritt għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 40, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 105).

73

Fil-fatt, kif jipprevedi l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, miżura ta’ detenzjoni tikkonsisti fl-iżolament ta’ persuna f’post speċifiku. Jirriżulta mill-formulazzjoni, mill-oriġini u mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, li l-portata tagħha tista’, barra minn hekk, tiġi trasposta għall-kunċett ta’ “detenzjoni” li jinsab fid-Direttiva 2008/115 u fir-Regolament Nru 604/2013, li d-detenzjoni timponi fuq il-persuna kkonċernata li tibqa’ tirrisjedi b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq, b’tali mod, li din il-persuna tiġi iżolata mill-bqija tal-popolazzjoni u mċaħħda mil-libertà ta’ moviment tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság,C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 217 sa 225).

74

Issa, l-għan tal-miżuri ta’ detenzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, tad-Direttiva 2013/33 u tar-Regolament Nru 604/2013, ma huwiex il-prosekuzzjoni jew ir-repressjoni ta’ reati kriminali, iżda t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn dawn l-istrumenti fil-qasam, rispettivament, tar-ritorn, tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u tat-trasferiment ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

75

Fid-dawl tal-gravità ta’ dan l-indħil fid-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta u fid-dawl tal-importanza ta’ dan id-dritt, is-setgħa mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jżommu f’detenzjoni ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija strettament limitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Valstybės sienos apsaugos tarnyba et, C‑72/22 PPU, EU:C:2022:505, punti 83 u 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Miżura ta’ detenzjoni għalhekk tista’ tiġi ordnata jew estiża biss b’osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 62).

76

Ir-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu, bħala regoli komuni tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jinsabu fl-Artikolu 15(1), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) u fl-Artikolu 15(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115, fl-Artikolu 8(2) u (3), fl-Artikolu 9(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2013/33 u fl-Artikolu 28(2), (3) u (4) tar-Regolament Nru 604/2013. Dawn ir-regoli huma mingħajr preġudizzju għal dawk, li jinsabu f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dawn l-istrumenti, li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni f’ċerti sitwazzjonijiet, li ma humiex rilevanti fil-kawżi prinċipali, bħal dawk li jirrigwardaw id-detenzjoni ta’ minuri.

77

L-imsemmija regoli previsti mid-Direttiva 2008/115, mid-Direttiva 2013/33 u mir-Regolament Nru 604/2013, minn naħa, u d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentawhom, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu r-regoli, li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni, inkluż mill-perspettiva tal-Artikolu 6 tal-Karta.

78

B’mod partikolari, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jistax, bħalma jippreċiżaw l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 604/2013, jitqiegħed f’detenzjoni meta miżura inqas koersiva tista’ tiġi applikata b’mod effettiv.

79

Meta jidher li l-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni identifikati fil-punt 77 ta’ din is-sentenza ma ġewx jew ma jkunux għadhom issodisfatti, il-persuna kkonċernata għandha, kif barra minn hekk jindika espressament il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(2) u fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33, tiġi lliberata immedjatament.

80

Dan japplika, b’mod partikolari, meta jiġi kkonstatat li l-proċedura ta’ ritorn, ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ trasferiment, jekk ikun il-każ, ma tibqax eżegwita bid-diliġenza kollha meħtieġa.

81

Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenuti minn Stat Membru għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hija ġurisprudenza stabbilita sew li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet individwali derivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 142).

82

F’dak li jirrigwarda t-tqegħid f’detenzjoni, regoli komuni tal-Unjoni fil-qasam ta’ protezzjoni ġudizzjarja jinsabu fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 u fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33. Din l-aħħar dispożizzjoni tapplika wkoll, skont l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Nru 604/2013 fil-kuntest tal-proċeduri ta’ trasferiment irregolati minn dan tal-aħħar.

83

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkostitwixxu materjalizzazzjoni, fil-qasam ikkunsidrat, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 289), kull Stat Membru għandu jipprevedi, meta t-tqegħid f’detenzjoni jkun ġie ordnat minn awtorità amministrattiva, stħarriġ ġudizzjarju “rapid[u]”, jew ex officio, jew fuq talba tal-persuna kkonċernata, tal-legalità ta’ dan it-tqegħid f’detenzjoni.

84

Fir-rigward taż-żamma ta’ miżura ta’ detenzjoni, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 2013/33, li huwa wkoll applikabbli, abbażi tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament Nru 604/2013, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ trasferiment irregolati minn dan ir-regolament, jimponu reviżjoni jew stħarriġ perijodiku. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, tali reviżjoni jew stħarriġ għandu jseħħ “f’intervalli raġonevoli” u għandu jirrigwarda l-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni jkunux għadhom issodisfatti. Fil-każ ta’ detenzjoni msemmija mid-Direttiva 2013/33 jew mir-Regolament Nru 604/2013, dawn il-kontrolli perijodiċi għandhom, fil-każijiet kollha, jitwettqu minn awtorità ġudizzjarja, peress li d-Direttiva 2008/115 timponi, min-naħa tagħha, stħarriġ minn tali awtorità tar-reviżjonijiet f’każ ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ detenzjoni.

85

Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi, mingħajr eċċezzjoni, li kontroll li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni jseħħ “f’intervalli raġonevoli”, l-awtorità kompetenti hija obbligata twettaq l-imsemmi kontroll ex officio, anki jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx talbet dan.

86

Kif jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax ruħu li jistabbilixxi regoli komuni sostantivi, iżda stabbilixxa wkoll regoli komuni proċedurali, li għandhom l-għan li jiżguraw li teżisti, f’kull Stat Membru, sistema li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti li teħles, jekk ikun il-każ wara eżami ex officio, il-persuna kkonċernata hekk kif jirriżulta li d-detenzjoni tagħha ma hijiex, jew ma għadhiex, legali.

87

Sabiex tali sistema ta’ protezzjoni tiżgura b’mod effettiv l-osservanza tal-kundizzjonijiet stretti li għalihom għandha tirrispondi l-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni msemmija mid-Direttiva 2008/115, mid-Direttiva 2013/33 jew mir-Regolament Nru 604/2013, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tivverifika din il-legalità. Għal dan il-għan, hija għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u l-provi prodotti mill-awtorità amministrattiva li ordnat id-detenzjoni inizjali. Hija għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet li eventwalment jiġu ppreżentati lilha mill-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, hija għandha tkun f’pożizzjoni li tfittex kull element ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tqis li dan huwa neċessarju. Is-setgħat li hija għandha fil-kuntest ta’ stħarriġ ma jistgħu, fl-ebda każ, ikunu limitati biss għall-elementi ppreżentati mill-awtorità amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 6264, kif ukoll tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 65).

88

Kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal-libertà, tal-gravità tal-indħil f’dan id-dritt li tikkostitwixxi d-detenzjoni ta’ persuni għal raġunijiet oħra minbarra l-prosekuzzjoni jew ir-repressjoni ta’ reati kriminali u r-rekwiżit, enfasizzat mir-regoli komuni stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ protezzjoni ġudizzjarja ta’ livell għoli li tippermetti li tali persuna tikkonforma ruħha mal-ħtieġa imperattiva li teħles lil tali persuna meta l-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni, ma humiex, jew ma għadhomx, issodisfatti, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha, b’mod partikolari, dawk fattwali li jinġiebu għall-attenzjoni tagħha, kif ikkompletati jew iċċarati fil-kuntest ta’ miżuri proċedurali li hija tqis neċessarji li tadotta abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, u, abbażi ta’ dawn l-elementi, tirrileva, skont il-każ, il-ksur ta’ kundizzjoni ta’ legalità li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, anki meta dan il-ksur ma jkunx ġie invokat mill-persuna kkonċernata. Dan l-obbligu huwa bla ħsara għal dak li jikkonsisti, għall-awtorità ġudizzjarja hekk imsejħa sabiex tqajjem ex officio tali kundizzjoni ta’ legalità, li tistieden lil kull waħda mill-partijiet sabiex tesprimi ruħha fuq din il-kundizzjoni skont il-prinċipju ta’ kontradittorju.

89

F’dan ir-rigward, ma jistax, b’mod partikolari, jiġi aċċettat li, fl-Istati Membri fejn id-deċiżjonijiet ta’ tqegħid f’detenzjoni jittieħdu minn awtorità amministrattiva, l-istħarriġ ġudizzjarju ma għandux jinkludi l-verifika mill-awtorità ġudizzjarja, abbażi tal-elementi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li tkun issodisfatta kundizzjoni ta’ legalità li l-ksur tagħha ma jkunx ġie invokat mill-persuna kkonċernata, filwaqt li, fl-Istati Membri fejn id-deċiżjonijiet ta’ tqegħid f’detenzjoni għandhom jittieħdu minn awtorità ġudizzjarja, din tal-aħħar għandha titwettaq tali verifika ex offiċio fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi.

90

Issa, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 88 ta’ din is-sentenza tiżgura li l-protezzjoni ġudizzjarja tad-dritt fundamentali għal-libertà tiġi ggarantita b’mod effikaċi fl-Istati Membri kollha, irrispettivament minn jekk dawn jipprevedux sistema li fiha d-deċiżjoni ta’ detenzjoni tittieħed minn awtorità amministrattiva permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju jew sistema li fiha din id-deċiżjoni tittieħed direttament minn awtorità ġudizzjarja.

91

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li abbażi tagħha, fid-dawl tal-prinċipju li l-inizjattiva ta’ kawżi tappartjeni lill-partijiet, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali jinvokaw ex officio motivi bbażati fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meta l-eżami ta’ dawn il-motivi jkun jobbligahom jeċċedu l-limiti tal-kawża ddefiniti mill-partijiet, billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom il-parti li għandha interess fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun ibbażat it-talba tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel et van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 2122; tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punti 35 u 36, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 145).

92

Fil-fatt, il-qafas strett, stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tat-tqegħid f’detenzjoni u taż-żamma ta’ miżura ta’ detenzjoni jwassal għal sitwazzjoni li ma hijiex simili f’kull aspett għal proċeduri amministrattivi li fihom l-inizjattiva u d-delimitazzjoni tat-tilwima jappartjenu lill-partijiet.

93

Għaldaqstant, l-obbligu, għall-awtoritajiet ġudizzjarji inkarigati mill-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri ta’ detenzjoni li jqajmu ex officio, abbażi tal-elementi msemmija fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, il-ksur ta’ kundizzjoni ta’ legalità ta’ tali miżura li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, huwa impost indipendentement mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 ta’ din is-sentenza kif ukoll mill-kwistjoni, imqajma mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fid-dawl tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punti 29 sa 31), dwar jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dritt rilevanti humiex ta’ ordni pubbliku.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑704/20 u għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑39/21 għandha tkun li l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 9(3) u (5) tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Nru 604/2013, moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istħarriġ, minn awtorità ġudizzjarja, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, għandu jwassal sabiex din l-awtorità tirrileva ex officio, abbażi tal-elementi tal-fajl miġjuba għall-attenzjoni tagħha, kif ikkompletati jew iċċarati waqt il-proċedura kontradittorja quddiemha, l-eventwali nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni ta’ legalità li ma ġiex invokat mill-persuna kkonċernata.

Fuq l‑ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, l-Artikoli 9(3) u (5) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, u l-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqrija flimkien mal-Artikoli 6, u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

l-istħarriġ, minn awtorità ġudizzjarja, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, għandu jwassal sabiex din l-awtorità tirrileva ex officio, abbażi tal-elementi tal-fajl miġjuba għall-attenzjoni tagħha, kif ikkompletati jew iċċarati waqt il-proċedura kontradittorja quddiemha, l-eventwali nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni ta’ legalità li ma ġiex invokat mill-persuna kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top