EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0584

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021.
Il-Kummissjoni Ewropea u Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni vs Landesbank Baden-Württemberg.
Appell – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2017 – Awtentikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Obbligu ta’ motivazzjoni – Data kunfidenzjali – Legalità tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63.
Kawżi magħquda C-584/20 P u C-621/20 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:601

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Appell – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2017 – Awtentikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Obbligu ta’ motivazzjoni – Data kunfidenzjali – Legalità tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63”

Fil-Kawżi magħquda C‑584/20 P u C‑621/20 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis-6 u fl-20 ta’ Novembru 2020 rispettivament,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis, V. Di Bucci u A. Steiblytė, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża C‑584/20 P,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

intervenjent fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Landesbank Baden-Württemberg, stabbilita fi Stuttgart (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn H. Berger u M. Weber, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Fédération bancaire française, stabbilita fi Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Gosset-Grainville, M. Trabucchi u M. Dalon, avocats,

intervenjenti fl-appell,

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn K.‑P. Wojcik, P. A. Messina, J. Kerlin u H. Ehlers, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann u P. Gey, Rechtsanwälte, kif ukoll minn F. Louis, avocat,

konvenut fl-ewwel istanza,

u

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn K.‑P. Wojcik, P. A. Messina, J. Kerlin u H. Ehlers, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann u P. Gey, Rechtsanwälte, kif ukoll minn F. Louis, avocat,

rikorrent fil-Kawża C‑621/20 P,

sostnut minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

intervenjent fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Landesbank Baden-Württemberg, stabbilita fi Stuttgart (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn H. Berger u M. Weber, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Fédération bancaire française, stabbilita fi Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Gosset-Grainville, M. Trabucchi u M. Dalon, avocats,

intervenjenti fl-appell,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis, V. Di Bucci u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, M. Safjan, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, N. Jääskinen u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Marzu 2021,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Settembru 2020, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB (T‑411/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:435), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din tikkonċerna lil Landesbank Baden‑Württemberg.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2014/59/UE

2

Il-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), huma fformulati kif ġej:

“(105)

Bħala prinċipju, il-kontribuzzjonijiet għandhom jinġabru mill-industrija qabel kwalunkwe operazzjoni ta’ riżoluzzjoni u indipendentement minnha. Meta l-finanzjament minn qabel ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri t-telf jew l-ispejjeż imġarrba mill-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament, kontribuzzjonijiet addizzjonali għandhom jinġabru sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispiża jew it-telf addizzjonali.

(106)

Sabiex tintlaħaq massa kritika u biex jiġu evitati effetti proċikliċi li jinħolqu jekk l-arranġamenti ta’ finanzjament kellhom jiddependu biss fuq kontribuzzjonijiet ex post fi kriżi sistemika, huwa indispensabbli li l-mezzi finanzjarji disponibbli ex-ante tal-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament tal-inqas jammontaw għal ċertu livell minimu ta’ mira.

(107)

Sabiex tiġi żgurata kalkolazzjoni ġusta tal-kontribuzzjonijiet u jiġi inċentivat l-operat taħt mudell anqas riskjuż, il-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għandhom iqisu l-grad ta’ riskju tal-kreditu, tal-likwidità u tas-suq li jieħdu l-istituzzjonijiet.”

3

L-Artikolu 102(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament tagħhom, jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli mmirati li jeċċedu dak l-ammont.”

4

L-Artikolu 103 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Sabiex jilħqu l-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jinġabru mill-anqas annwalment mill-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom inkluż mill-fergħat fl-Unjoni.

2.   Il-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni għandha tkun pro rata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru.

Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati proporzjonalment għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, f’konformità mal-kriterji adottati skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

7.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 115 sabiex tispeċifika l-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis dan kollu li ġej:

(a)

l-iskopertura tar-riskju tal-istituzzjoni, inkluża l-importanza tal-attivitajiet tal-kummerċ tagħha, l-iskoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ tagħha u l-grad ta’ ingranaġġ tagħha;

(b)

l-istabbiltà u l-varjetà ta’ sorsi ta’ finanzjament tal-kumpanija u assi likwidi ħafna li mhux imfixkla;

(c)

il-kondizzjoni finanzjarji tal-istituzzjoni;

(d)

il-probabbilità li l-istituzzjoni tidħol f’riżoluzzjoni;

(e)

il-punt safejn l-istituzzjoni tkun ibbenefikat preċedentement minn għajnuna finanzarja pubblika straordinarja;

(f)

il-kumplessità tal-istruttura tal-istituzzjoni u r-riżolvibbiltà tagħha, u

(g)

l-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija ta’ wieħed mill-Istati Membri jew aktar jew tal-Unjoni;

(h)

il-fatt li l-istituzzjoni hija parti minn IPS.”

Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014

5

Il-premessa 41 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), tistabbilixxi:

“Fid-dawl tal-missjonijiet tal-Bord u l-objettivi tar-riżoluzzjoni li jinkludu l-protezzjoni tal-fondi pubbliċi, il-funzjonament tal-[Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM)] għandu jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.”

6

L-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Sal-aħħar ta’ perijodu inizjali ta’ tmien snin mill-1 ta’ Jannar 2016 […], il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-[Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF)] għandhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Mebri parteċipanti kollha.”

7

L-Artikolu 70(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

2.   Kull sena, il-Bord, wara li jikkonsulta l-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira.

Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:

(a)

kontribuzzjoni fissa, li tkun ibbażata prorata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet totali, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti; u

(b)

kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva [2014/59], filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri.

Ir-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjonijiet aġġustati skont ir-riskju għandha tikkunsidra distribuzzjoni bbilanċjata tal-kontribuzzjonijiet bejn tipi differenti ta’ banek.

[…]”

8

L-Artikolu 88(1) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Il-membri tal-Bord, il-Viċi President, […] il-persunal tal-Bord u l-persunal ta’ skambju ma’ jew issekondat minn Stati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, anki wara li dmirijiethom ikunu spiċċaw. B’mod partikolari għandhom ikunu pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali li jkunu rċevew matul l-attivitajiet professjonali tagħhom jew minn awtorità kompetenti jew awtorità ta’ riżoluzzjoni b’rabta mal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, lil kwalunkwe persuna jew awtorità, sakemm dan ma jkunx fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament jew f’sommarju jew forma kollettiva b’tali mod li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew bil-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtorità jew l-entità li tkun forniet l-informazzjoni.

L-informazzjoni soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi żvelata lil entità pubblika jew privata oħra għajr meta tali żvelar ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċess legali.”

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63

9

L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38), jippreċiża:

“1.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet annwali li jitħallsu minn kull istituzzjoni fi propozjon mal-profil tar-riskju tagħha abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni […] billi japplikaw il-metodoloġija stipulata f’din it-Taqsima.

2.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-livell annwali fil-mira tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni billi tqis il-livell fil-mira li jrid jintlaħaq sal-31 ta’ Diċembru 2024 skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 102 tad-Direttiva [2014/59] u fuq il-bażi tal-ammont medju ta’ depożiti koperti fis-sena preċedenti, kalkolat kull tliet xhur, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħha.”

10

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ta’ delega jistabbilixxi l-prinċipji tal-aġġustament, skont ir-riskju, tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi.

11

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament ta’ delega jiddefinixxi l-pilastri u l-indikaturi tar-riskju, li l-piż relattiv tagħhom huwa stabbilit fl-Artikolu 7 tal-istess regolament ta’ delega.

12

L-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprovdi:

“1.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju [skont ir-riskju] addizzjonali għal kull istituzzjoni billi tgħaqqad l-indikaturi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 skont il-formula u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-kontribuzzjoni annwali ta’ kull istituzzjoni tiġi ddeterminata għal kull perjodu kontributorju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni billi timmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika bil-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju [skont ir-riskju] addizzjonali skont il-formula u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju jkollu firxa ta’ bejn 0,8 u 1,5.”

13

L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament ta’ delega jistipula:

“L-awtorità tar-riżoluzzjoni tinnotifika lil kull istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 2 bid-deċiżjoni tagħha li tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali dovuta minn kull istituzzjoni mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju ta’ kull sena.”

14

L-Anness I tal-imsemmi regolament ta’ delega huwa intitolat “Proċedura għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet” u jispeċifika l-passi li għandhom jiġu segwiti mis-SRB matul il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

15

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-SRB iddeċieda dwar l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF għas-sena 2017, inkluż l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ Landesbank Baden-Württemberg, li hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Ġermanja.

16

Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal-21 ta’ April 2017, irċevut minn Landesbank Baden-Württemberg fl-24 ta’ April 2017, il-Bundesanstalt für Finanzmarktstabilisierung (l-Uffiċċju Federali ta’ Stabilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji, il-Ġermanja) informa lil Landesbank Baden‑Württemberg li s-SRB kien stabbilixxa l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-sena 2017 għas-SRF u indikalha l-ammont li kellu jitħallas lir-Restrukturierungsfonds (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni, il-Ġermanja). Ma’ dan l-avviż għall-ħlas kienu mehmuża żewġ dokumenti, jiġifieri verżjoni bil-Ġermaniż tat-test tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr l-anness imsemmi f’dan it-test, u dokument intitolat “Dettalji tal-kalkolu (aġġustat skont ir-riskju): Kontribuzzjonijiet ex ante għas-[SRF] għall-2017” (iktar ’il quddiem l-“anness armonizzat”).

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Ġunju 2017, Landesbank Baden-Württemberg ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

18

Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat sitt motivi. Dawn il-motivi kienu bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta minħabba li Landesbank Baden-Württemberg ma nstemgħetx, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba n-natura inverifikabbli ta’ din id-deċiżjoni, ir-raba’ wieħed, fuq ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju kif ukoll tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta minħabba l-applikazzjoni tal-multiplikatur għall-indikatur “skema ta’ protezzjoni istituzzjonali”, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-applikazzjoni tal-multiplikatur tal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, u, is-sitt wieħed, fuq l-illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kif ukoll tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tas-SRB.

20

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u tliet digrieti dwar miżuri istruttorji, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB jikkomunika diversi informazzjoni kif ukoll diversi dokumenti, fosthom kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjoni kontenzjuża flimkien mal-anness tagħha.

21

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna lil Landesbank Baden‑Württemberg, u ddeċidiet li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni jinżammu għal sitt xhur sa mid-data li fiha dik is-sentenza ssir definittiva.

22

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat ex officio motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

23

F’dan ir-rigward, hija rrilevat, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata li, għalkemm is-SRB kien ipproduċa kopja tal-verżjoni ffirmata tat-test tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll kopja ta’ skeda tal-progress dwar il-fajl iffirmata wkoll, huwa ma kien ipproduċa l-ebda prova tal-awtentikazzjoni tal-anness ta’ din id-deċiżjoni, li kien jikkostitwixxi element essenzjali tal-imsemmija deċiżjoni. B’mod partikolari, fil-punt 51 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali enfasizzat li s-SRB ma kienx stabbilixxa li dan l-anness kien ġie ffirmat b’mod elettroniku.

24

Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li l-argument imressaq mis-SRB waqt is-seduta li l-imsemmi anness kien disponibbli f’sistema ta’ dokumentazzjoni msejħa “Advanced Records System” (iktar ’il quddiem is-“sistema ARES”) fil-mument tal-iffirmar tal-iskeda tal-progress, kien wieħed ġdid u, għaldaqstant inammissibbli, kif ukoll, fi kwalunkwe każ, mhux issostanzjat. Fil-punt 53 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali b’hekk osservat li l-iskeda tal-progess prodotta mis-SRB ma kienet tinkludi ebda element li jagħti prova tal-fondatezza ta’ dan l-argument jew li jippermetti li tiġi stabbilita rabta inseparabbli bejn l-imsemmija skeda u dokument preżenti fis-sistema ARES, li allegatament jikkorrispondi għall-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża.

25

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li r-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx issodisfatt.

26

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset opportun, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li teżamina l-ewwel, it-tielet u s-sitt motiv invokati mil-Landesbank Baden-Württemberg u laqgħet dawn il-motivi.

27

Il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, eżaminat l-osservanza tal-obbligu ta’motivazzjoni u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

28

Fil-punti 95 sa 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kien fiha kważi l-ebda element li jservi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF ta’ Landesbank Baden-Württemberg għas-sena 2017 u li, għalkemm l-anness armonizzat kien jippreċiża elementi oħra ta’ kalkolu, dan ma kienx jinkludi elementi suffiċjenti sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ din il-kontribuzzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan id-dokument ma kien jinkludi ebda element dwar l-istituzzjonijiet bankarji l-oħra kkonċernati minn dan il-kalkolu, filwaqt li, b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, il-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjoni kien jimplika kemm kalkolu pro rata tal-obbligazzjonijiet ta’ Landesbank Baden‑Württemberg mat-total tal-obbligazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet l-oħra kollha u kif ukoll evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju tagħha b’rabta mal-profili ta’ riskju tal-imsemmija istituzzjonijiet l-oħra.

29

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 100 u 102 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tan-natura kunfidenzjali tad-data meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF ta’ Landesbank Baden-Württemberg għas-sena 2017, il-metodu ta’ kalkolu tagħha kien intrinsikament opak u kien jippreġudika l-possibbiltà li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi kkontestata b’mod utli. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 109 ta’ dik is-sentenza, li l-motivazzjoni pprovduta lil Landesbank Baden-Württemberg kienet tpoġġiha f’sitwazzjoni fejn hija ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf jekk l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni kienx ġie kkalkolat b’mod korrett jew jekk kellhiex tikkontestah quddiem il-qrati tal-Unjoni.

30

Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li s-SRB kien kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni.

31

Fit-tieni lok, fil-punt 127 ta’ dik is-sentenza, hija rrilevat li l-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li titlob lis-SRB jipproduċi informazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx, f’dan il-każ, temenda l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u lanqas ma setgħet tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt ta’ Landesbank Baden-Württemberg għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

32

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Landesbank Baden-Württemberg.

33

F’dan ir-rigward, fil-punt 129 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li l-opaċità tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF kienet tirriżulta, tal-inqas parzjalment, mir-Regolament ta’ Delega 2015/63. Konsegwentement, fil-punt 141 ta’ dik is-sentenza hija ddeċidiet li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kkonstatat f’dik il-kawża kien joriġina, għall-parti tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet relatata mal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, mill-illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kif ukoll mill-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

It-talbiet tal-partijiet

34

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑584/20 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u

tikkundanna lil Landesbank Baden-Württemberg għall-ispejjeż tal-appell.

35

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑621/20 P, is-SRB jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Landesbank Baden-Württemberg, u

tikkundanna lil Landesbank Baden-Württemberg għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-appell.

36

Landesbank Baden-Württemberg titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli, u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB għall-ispejjeż.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

37

Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt il-preżentata tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u s-SRB talbu li l-kawżi preżenti jkunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikoli 133 sa 136 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli.

38

Insostenn tat-talbiet tagħhom, il-Kummissjoni u s-SRB sostnew, essenzjalment, li s-sentenza appellata kellha konsegwenzi kbar fuq il-kalkolu annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF, li kien neċessarju li jiġi kkjarifikat malajr kemm jista’ jkun il-kuntest ġuridiku li jirregola dan il-kalkolu sabiex is-SRF jkun jista’ jikseb il-kapaċità finanzjarja li r-rwol tiegħu jeżiġi u li, fl-istennija ta’ din il-kjarifika, kien hemm riskju li numru kbir ta’ azzjonijiet jitressqu quddiem il-qrati tal-Unjoni.

39

Mill-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-parti l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li kawża għandha tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

40

Fl-4 u fit-8 ta’ Diċembru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni u tas-SRB.

41

Fil-fatt, is-sentenza appellata tqiegħed inkwistjoni l-proċeduri segwiti fi ħdan is-SRB sabiex tiġi żgurata l-awtentikazzjoni u l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF kif ukoll il-legalità ta’ elementi essenzjali tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Minn dan isegwi li, mill-għoti ta’ dik is-sentenza, is-SRB jinsab espost għal inċertezza kbira fir-rigward tal-proċeduri u tal-metodu ta’ kalkolu li għandhom jiġu applikati għal dan il-għan, filwaqt li huwa obbligat, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li jinforma, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Mejju ta’ kull sena, lil kull waħda mill-istituzzjonijiet kkonċernati bid-deċiżjoni tiegħu li tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali għas-SRF dovuta minn dawn l-istituzzjonijiet.

42

Fid-dawl tal-importanza tar-rwol tas-SRF fil-kuntest tal-unjoni bankarja, il-persistenza ta’ tali inċertezza fuq il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu jista’ jkollha effett negattiv sinjifikattiv, ta’ natura sistematika, fuq il-funzjonament ta’ din l-unjoni u, għaldaqstant, fuq l-istabbiltà taż-żona tal-euro. Għaldaqstant, sabiex jiġi evitat kull xkiel għall-proċess ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet li jiżguraw dan il-finanzjament, din l-inċertezza għandha titneħħa mill-iktar fis possibbli (ara, b’analoġija, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2012, Pringle, C‑370/12, mhux ippubblikat, EU:C:2012:620, punti 78, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2018, BĊE vs Il-Latvja, C‑238/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:488, punt 17).

43

Konformement mal-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-12 ta’ Frar 2021 il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

44

Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:150), u SRB vs Landesbank Baden-Württemberg (C‑621/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:151), il-Fédération bancaire française ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Landesbank Baden-Württemberg.

45

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-12 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni u SRB vs Landesbank Baden‑Württemberg (C‑584/20 P u C‑621/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:261), ir-Renju ta’ Spanja ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tas-SRB.

Fuq l-appelli

46

Il-Kummissjoni tinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑584/20 P. L-ewwel aggravju huwa bbażat, minn naħa, fuq żnaturament tal-fatti kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża, f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni sal-ħames aggravju huma bbażati, rispettivament, fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità milqugħa mill-Qorti Ġenerali, fuq żewġ żbalji fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll fuq estensjoni żbaljata tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE.

47

Insostenn tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑621/20 P, is-SRB jinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, qabel kollox, fuq ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sussegwentement, fuq żnaturament tal-provi kif ukoll, fl-aħħar nett, fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, fir-rigward tal-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑584/20 P u fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑621/20 P

L-argumenti tal-partijiet

48

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑584/20 P u permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑621/20 P, li għandhom jiġu eżaminati qabel kollox, il-Kummissjoni u s-SRB, sostnuti mir-Renju ta’ Spanja, isostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq tas-SRB.

49

Huma jqisu, fil-fatt, li s-SRB ma setax jieħu pożizzjoni utli fuq il-motiv, imqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova suffiċjenti tal-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

50

Skont is-SRB, id-dritt tal-partijiet għal smigħ jimplika li huma jkunu jistgħu jsiru jafu bil-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-Qorti Ġenerali u li dawn ikunu jistgħu effettivament jiddiskutuhom. Għalhekk is-SRB kellu jkollu l-possibbiltà li jiffamiljarizza ruħu mal-kwistjonijiet imqajma quddiem il-Qorti Ġenerali f’forma u f’terminu xierqa sabiex ikun jista’ jieħu pożizzjoni effettiva fir-rigward tagħhom.

51

F’dan ir-rigward, is-SRB jenfasizza li l-kwistjoni tal-awtentikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma kinitx ġiet diskussa fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura qabel is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali, li din tal-aħħar ma kinitx indikat, tal-inqas matul din is-seduta, li l-provi prodotti mis-SRB kienu insuffiċjenti u li hija kienet irrifjutat il-produzzjoni ta’ prova magħmula, f’din l-okkażjoni, mis-SRB. Peress li l-osservanza tal-obbligu ta’ awtentikazzjoni normalment hija preżunta, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx sempliċement tagħmel domandi ta’ fatt u messha approfondixxiet l-investigazzjoni tagħha minflok ma tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ prova biss.

52

Li kieku l-Qorti Ġenerali kienet tat lis-SRB l-possibbiltà li japprofondixxi l-kwistjoni tal-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, dan tal-aħħar kien jistabbilixxi li l-iskeda tal-progress li huwa jinvoka kienet ġiet iġġenerata awtomatikament fi ħdan is-sistema ARES, kien jipprovdi ritratt tal-iskrin (screenshot) li juri l-kontenut ta’ din is-sistema fil-mument tal-iffirmar u kien juri li l-imsemmija sistema kienet magħluqa u sigura.

53

Landesbank Baden-Württemberg tqis li dan l-argument ma huwiex fondat.

54

Hija ssostni li l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji adottati fl-ewwel istanza kellhom bħala għan l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn l-istedina sabiex jiġi ppreżentat l-oriġinal ta’ din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha, tirrigwarda l-verżjoni awtentikata tal-imsemmija deċiżjoni. Is-SRB, li allegatament ipproduċa skeda tal-progress b’risposta għal dawn il-miżuri, messu wera, mingħajr ma stenna s-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rabta bejn din l-iskeda u s-sistema ARES.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li tiġbed l-attenzjoni tas-SRB fuq il-kwistjoni tal-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li ma tinkludix fir-rapport tas-seduta allegazzjoni ta’ Landesbank Baden-Württemberg dwar din il-kwistjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tagħha tas-6 ta’ Novembru 2019 dwar it-tweġibiet tas-SRB għall-imsemmija miżuri, peress li din l-allegazzjoni ma kkostitwixxietx element prinċipali tal-argument tiegħu.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Id-dritt għal smigħ xieraq jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 32, u Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), illum sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

57

Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan id-dritt, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta’ kontradittorju jiġi osservat quddiemhom u minnhom stess, prinċipju dan li japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tolqot b’mod kunsiderevoli l-interessi ta’ persuna (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Dan il-prinċipju għandu jibbenefika lil kull parti f’kawża li għandhom quddiemhom il-qrati tal-Unjoni, irrispettivament mill-kwalità ġuridika tagħha. L-organi tal-Unjoni, bħas-SRB, jistgħu konsegwentement jinvokawh ukoll meta jkunu parti f’tali kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 53).

59

Il-prinċipju ta’ kontradittorju ma jagħtix biss lil kull parti f’kawża d-dritt li tieħu konjizzjoni tad-dokumenti u tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-qorti mill-parti avversarja u li tiddiskutihom. Huwa jimplika wkoll id-dritt għall-partijiet li jieħdu konjizzjoni tal-elementi mqajma ex officio mill-qorti u li fuq il-bażi tagħhom din ikollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom. Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa fil-fatt meħtieġ li l-partijiet ikollhom għarfien u jkunu jistgħu jiddibattu b’mod kontradittorju kemm punti ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Sabiex tiġi ggarantita l-osservanza effettiva tal-prinċipju ta’ kontradittorju, stedina minn qabel lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-motiv li l-qorti tal-Unjoni għandha l-intenzjoni li tqajjem ex officio għandha tiġi indirizzata lilhom f’kundizzjonijiet li jippermettulhom jieħdu pożizzjoni b’mod utli u effettiv fuq dan il-motiv inkluż, jekk ikun il-każ, billi jippreżentaw lil din il-qorti l-provi neċessarji sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-imsemmi motiv billi tkun informata b’mod sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 57, kif ukoll tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punti 55 sa 59).

61

F’din il-kawża, mill-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali.

62

Konsegwentement, kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tinforma lill-partijiet li kien beħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-imsemmi motiv u li konsegwentement tistedinhom jippreżentawlha l-argumenti li huma kienu jqisu utli sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-imsemmi motiv.

63

Issa, mill-kliem tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u mit-tliet miżuri istruttorji adottati mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li dawn il-miżuri ma kinux jinvolvu kwistjonijiet relatati direttament mal-proċedura segwita mis-SRB sabiex tiġi żgurata l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li dawn bl-ebda mod ma kienu jindikawlu li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tqajjem ex officio motiv relatat ma’ eventwali nuqqas ta’ awtentikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha.

64

Għalkemm huwa minnu li l-imsemmija miżuri kienu intiżi, kif tirrileva Landesbank Baden-Württemberg, sabiex jinġabru informazzjoni u dokumenti relatati mal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni mis-SRB li mill-istess miżuri jiddeduċi li huwa kien mistieden preċiżament sabiex jesprimi ruħu dwar il-kundizzjonijiet ta’ awtentikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

65

Għaldaqstant, peress li s-SRB ma ġiex mistieden jesprimi ruħu dwar il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża qabel is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi ddeterminat jekk kienx tqiegħed f’pożizzjoni mill-Qorti Ġenerali, matul din is-seduta, li jieħu pożizzjoni b’mod utli u effettiv dwar dan il-motiv.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, peress li l-awtentikazzjoni tal-atti ta’ organu tal-Unjoni tiddependi mill-applikazzjoni ta’ proċeduri interni speċifiċi implementati għal dan il-għan minn dan l-organu, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu neċessarjament jiġi evalwat abbażi tal-provi prodotti mis-SRB fir-rigward tan-natura tal-proċeduri interni tiegħu u tal-applikazzjoni tagħhom f’dan il-każ.

67

Minn dan isegwi li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, is-SRB kellu jiġi mistieden jippreżenta argumenti dwar dan il-motiv f’kundizzjonijiet li jippermettulu jiġbor provi relatati mal-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li jippreżentahom lill-Qorti Ġenerali. Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma setax raġonevolment jiġi mistenni mis-SRB li huwa jippreżenta tali provi waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali.

68

Barra minn hekk, ma jirriżulta la mis-sentenza appellata, la mill-proċess verbal tas-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas mir-reġistrazzjoni tagħha, li l-Qorti Ġenerali kienet informat b’mod ċar lis-SRB, waqt din is-seduta, li kienet beħsiebha tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jew li kien is-SRB li kellu jiddiskuti dan il-motiv waqt l-imsemmija seduta.

69

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali qieset li, matul is-seduta fl-ewwel istanza s-SRB ma kellux id-dritt li jippreżenta argumenti jew provi dwar l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

70

Fil-fatt, filwaqt li huwa paċifiku li s-SRB ma kienx ħa pożizzjoni dwar dan is-suġġett fir-risposta, fil-kontroreplika jew fl-osservazzjonijiet tiegħu bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għall-miżuri istruttorji adottati mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li argument dwar l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża mressaq mis-SRB matul is-seduta kellu jitqies bħala inammissibbli inkwantu kien ġdid.

71

Barra minn hekk, mir-reġistrazzjoni tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li din ma tatx segwitu għal offerta tas-SRB li jippreżenta immedjatament provi addizzjonali intiżi sabiex juru l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

72

Għaldaqstant, il-fatt li żewġ membri tal-Qorti Ġenerali, waqt is-seduta quddiemha, għamlu diversi mistoqsijiet lis-SRB fir-rigward tal-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jistax jitqies li huwa suffiċjenti sabiex jissodisfa l-obbligi li għandha l-Qorti Ġenerali skont il-prinċipju ta’ kontradittorju, imfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza.

73

Fil-fatt, minn naħa, mill-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li r-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx issodisfatt, u dan billi bbażat ruħha b’mod partikolari, prinċipalment, fuq l-inammissibbiltà tal-argument tas-SRB dwar id-disponibbiltà, fis-sistema ARES, ta’ dokument li jinkludi l-anness ta’ din id-deċiżjoni fil-mument tal-iffirmar tal-iskeda tal-progress li għaliha jirreferi s-SRB u, sussidjarjament, fuq l-assenza ta’ produzzjoni, mis-SRB, ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu din id-disponibbiltà jew ir-rabta inseparabbli bejn dan id-dokument u l-iskeda tal-progress.

74

Min-naħa l-oħra, is-SRB isostni li, li kieku kien ġie mistieden mill-Qorti Ġenerali sabiex jieħu pożizzjoni fuq motiv imqajjem ex officio bbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa kien jippreżenta provi dwar il-kundizzjonijiet tal-ħolqien ta’ din l-iskeda tal-progress kif ukoll dwar il-kontenut u l-karatteristiċi tas-sistema ARES.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet effettivament tat lis-SRB il-possibbiltà li jipproduċi provi relatati mal-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-SRB kien seta’ jipproduċi sensiela ta’ provi li għandhom, prima facie, rilevanza f’dan ir-rigward. Konsegwentement, sabiex tiddeċiedi fuq din l-awtentikazzjoni, il-Qorti Ġenerali messha evalwat dawn il-provi u għaldaqstant ma setgħetx sempliċement tikkunsidra li l-allegazzjonijiet dwar ir-rwol tas-sistema ARES fl-imsemmija awtentikazzjoni kienu inammissibbli jew li dawn l-allegazzjonijiet ma kinux sostnuti.

76

Il-fatt li s-SRB esprima ruħu dwar l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża waqt it-trattazzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, u sussegwentement bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula minn żewġ membri tagħha, ma huwiex, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 66 sa 71 ta’ din is-sentenza, ta’ natura li jikkontesta din l-evalwazzjoni, iktar u iktar peress li s-SRB ma jsostnix li ġie mċaħħad minn kull possibbiltà li jippreżenta argumenti dwar din l-awtentikazzjoni, iżda jsostni li ma kienx f’pożizzjoni li jippreżenta provi f’dan ir-rigward fl-ewwel istanza.

77

Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑584/20 P u t-tielet parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑621/20 P għandhom jintlaqgħu mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-partijiet l-oħra ta’ dawn l-aggravji.

78

Madankollu, din il-konklużjoni ma hijiex biżżejjed sabiex twassal, waħedha, għall-annullament tas-sentenza appellata, inkwantu mill-punti 56, 141 u 143 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat, sussidjarjament, l-ewwel, it-tielet u s-sitt motiv imressqa fl-ewwel istanza minn Landesbank Baden-Württemberg u li, fi tmiem dan l-eżami, hija laqgħet dawn il-motivi.

Fuq il-ħames aggravju fil-Kawża C‑584/20 P u fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑621/20 P

L-argumenti tal-partijiet

79

Permezz tal-ħames aggravju fil-Kawża C‑584/20 P u permezz tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑621/20 P, il-Kummissjoni u s-SRB, sostnuti mir-Renju ta’ Spanja, isostnu, minn naħa, li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma hijiex biss insuffiċjenti, inkwantu l-Qorti Ġenerali laqgħet b’mod sħiħ l-ilment ifformulat kontra diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 mingħajr ma ppreċiżat kif kull waħda minnhom tikkontribwixxi għall-opaċita rrilevata tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF, iżda wkoll kontradittorja, peress li l-Qorti Ġenerali tammetti li ċerti aspetti ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu jistgħu jiġu eżaminati mid-debituri ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u peress li hija taċċetta n-natura kunfidenzjali tad-data inkwistjoni mingħajr ma tislet konsegwenzi minn dan.

80

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jqisu li fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE.

81

Fl-ewwel lok, huwa suffiċjenti li d-deċiżjoni kontenzjuża turi b’mod ċar il-metodoloġija segwita mis-SRB, jiġifieri l-kriterji użati u r-raġunijiet għall-applikazzjoni tagħhom għall-istituzzjoni kkonċernata, mingħajr ma din tal-aħħar għandha neċessarjament tkun f’pożizzjoni li tivverifika b’mod preċiż l-eżattezza tal-kalkolu mwettaq abbażi tad-data finanzjarja ta’ istituzzjonijiet oħra.

82

Is-SRB jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tkun limitata sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ protezzjoni tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE, li jikkostitwixxi wkoll prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

83

Fit-tieni lok, id-data dwar istituzzjonijiet terzi, użata sabiex jiġi kkalkolat il-passiv totali tas-settur u sabiex jitqabblu l-profili ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, ma hijiex determinanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF ta’ istituzzjoni b’mod partikolari. Barra minn hekk, skont is-SRB, li kieku l-eżami ta’ din id-data kellu jirriżulta neċessarju, ikun possibbli li din tiġi żvelata lill-qrati tal-Unjoni.

84

Fit-tielet lok, il-limitazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni proposta mill-Kummissjoni u mis-SRF tista’, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali, tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

85

Fil-fatt, il-loġika ta’ assigurazzjoni li tikkaratterizza lis-SRF hija differenti minn dik tal-proċessi parafiskali l-antiki li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 122 tas-sentenza appellata.

86

Barra minn hekk, huwa aċċettat, b’mod ġenerali, li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżerċizzju konkret ta’ marġni ta’ diskrezzjoni, data kunfidenzjali li għaliha d-destinatarju tad-deċiżjoni ma għandux aċċess, iżda li għandha, jekk ikun il-każ, tiġi kkomunikata lill-qrati kompetenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-oqsma tad-dritt tal-kompetizzjoni, tal-kuntratti pubbliċi, tas-servizz pubbliku u tal-miżuri antidumping, li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibbażaw ruħhom fuq data kunfidenzjali mhux żvelata.

87

Fir-raba’ lok, is-SRB isostni li l-metodu ta’ kalkolu previst mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 jiggarantixxi livell xieraq ta’ trasparenza tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF.

88

Il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, stabbilixxa metodu intiż sabiex jiġi ddeterminat minn qabel l-ammont globali li għandu jinġabar mis-SRB u sabiex dan l-ammont jinqasam b’mod ekwu bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati, u dan jippreżupponi li tiġi ddefinita pożizzjoni ta’ riskju relattiva preċiża għal kull istituzzjoni. Dan il-metodu għandu jiġi ddifferenzjat mill-approċċ “assolutament individwali” li s-soltu jikkaratterizza l-ġbir tat-taxxi.

89

L-imsemmi metodu huwa maqsum f’seba’ stadji distinti. Erbgħa minnhom huma bbażati fuq data individwali dwar kull istituzzjoni kif ukoll fuq data komuni stabbilita mis-SRB u kkomunikata minnu, li jippermetti lil kull istituzzjoni tikkalkola mill-ġdid mhux biss il-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha iżda wkoll il-koeffiċjent individwali ta’ aġġustament tagħha skont il-profil ta’ riskju u, konsegwentement, il-kontribuzzjoni annwali ex ante tagħha għas-SRF. Tlieta minn dawn l-istadji huma bbażati fuq data kunfidenzjali dwar istituzzjonijiet terzi u jwasslu għall-istabbiliment ta’ data komuni użata bl-istess mod għall-istituzzjonijiet kollha kkonċernati.

90

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-profil ta’ riskju ta’ istituzzjoni, id-data tal-input għall-kalkolu tad-data komuni għall-finijiet tal-assenjazzjoni ta’ kull istituzzjoni għall-gruppi ta’ riskju ma tiġix żvelata. Madankollu, din l-assenjazzjoni hija spjegata f’anness armonizzat li jippermetti lil kull istituzzjoni tifhem il-prestazzjonijiet tagħha relattivi għal kull indikatur ta’ riskju. Id-data ppubblikata mis-SRB fuq is-sit internet tiegħu tiżgura l-aċċess għal informazzjoni kollettiva supplimentari u, barra minn hekk, it-trasparenza żdiedet iktar matul iċ-ċikli ta’ kontribuzzjoni sussegwenti għal dak tas-sena 2017.

91

Landesbank Baden-Württemberg, sostnut mill-Fédération bancaire française, issostni li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur, mis-SRB, tal-Artikolu 296 TFUE u li l-argumenti mressqa fl-appelli ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din il-motivazzjoni.

92

Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-obbligu li jiġu osservati s-sigrieti tan-negozju ma jistax iċaħħad ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni mill-kontenut essenzjali tiegħu. L-ebda bbilanċjar bejn ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju u l-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwa neċessarju, peress li kien plawżibbli għall-Kummissjoni li tiddefinixxi metodu ieħor ta’ kalkolu li jevita li jsir intervent permezz ta’ data kunfidenzjali.

93

It-tieni nett, l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ natura determinanti tad-data dwar istituzzjonijiet oħra huwa inammissibbli inkwantu ma ġiex ippreżentat fl-ewwel istanza u huwa, fi kwalunkwe każ, infondat peress li l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante, għas-SRF, ta’ Landesbank Baden-Württemberg għas-sena 2017 jiddependi minn din id-data.

94

It-tielet nett, l-analoġiji bejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni f’dawn il-kawżi u dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma bħal dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni, tal-kuntratti pubbliċi, tas-servizz pubbliku jew tal-miżuri antidumping ma humiex rilevanti. Id-deċiżjoni kontenzjuża, li timponi l-ħlas ta’ kontribuzzjoni estremament kbira, fil-fatt ma tistax titqabbel mad-deċiżjonijiet inkwistjoni fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li għalihom jirreferu l-appellanti.

95

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx suffiċjentement motivata, peress li ma tqegħidx lil Landesbank Baden-Württemberg f’pożizzjoni li tivverifika l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2017. L-argumenti tal-appellanti diretti kontra din l-evalwazzjoni jikkontestaw konstatazzjonijiet fattwali u għalhekk huma inammissibbli.

96

Barra minn hekk, regolarizzazzjoni fil-mori tal-kawża ta’ dan id-difett, permezz tal-komunikazzjoni ta’ data kunfidenzjali lill-qrati tal-Unjoni, ma hijiex possibbli. Minn naħa, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, anki li kieku l-Qorti Ġenerali kellha d-data kunfidenzjali miżmuma mis-SRB, hija ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ dan l-ammont hija stess, peress li ma kellhiex il-programm tal-informatika li għandu s-SRB neċessarju għal dan il-għan.

97

Il-ħames nett, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-legalità tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, l-argument tas-SRB ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu dan l-argument ma jidentifikax il-punti tas-sentenza appellata li huwa intiż li jikkontesta.

98

Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ livell fil-mira u ta’ proporzjon massimu ta’ dan il-livell li jista’ jinġabar kull sena ma jimponux li jintuża approċċ relattiv għall-evalwazzjoni tal-profil ta’ riskju, kif juri l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti stabbilita bid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47, u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37).

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

99

Għandu jitfakkar li, fil-punti 141 u 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet mhux biss li s-SRB kien kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda wkoll li l-Artikoli 4 sa 7 u 9 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kienu illegali. Konsegwentement, hija laqgħet l-ewwel, it-tielet u s-sitt motiv invokati fl-ewwel istanza minn Landesbank Baden-Württemberg.

100

Fl-ewwel lok, mill-punti 97, 103, 109 u 110 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, skont l-Artikolu 296 TFUE, is-SRB kien obbligat jinkludi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża l-elementi li jippermettu lil Landesbank Baden-Württemberg jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2017 u li huwa ma kienx issodisfa dan l-obbligu.

101

Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ħames aggravju invokat fil-Kawża C‑584/20 P u tat-tieni aggravju invokat fil-Kawża C‑621/20 P, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali għaldaqstant evalwatx korrettament il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq is-SRB.

102

Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti ġuridiċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu motivati u, min-naħa l-oħra, li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jipprevedi l-obbligu għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni li jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom.

103

Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari inkwantu tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk hijiex biħsiebha tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services, C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 40, u tal-24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li tali motivazzjoni tista’ tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-motivazzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus għandha neċessarjament tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lid-destinatarju tagħha jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus.

106

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni ta’ titolu eżekuttiv li jirrigwarda l-ġbir ta’ imposta parafiskali kellha tinkludi rendikont preċiż u ddettaljat tal-elementi tal-pretensjoni inkwistjoni u li huwa dan ir-rendikont biss li seta’ jippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 1956, Meroni vs Haute Autorité, 9/56, EU:C:1958:7, punti 3031, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 1963, Macchiorlati Dalmas vs Haute Autorité, 1/63, EU:C:1963:58, p. 636).

107

Madankollu, il-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF stabbiliti mid-deċiżjoni kontenzjuża ma jistgħux, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 122 tas-sentenza appellata, jiġu assimilati mal-pretensjonijiet li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt ta’ qabel dan.

108

Fil-fatt, filwaqt li dawn il-pretensjonijiet kienu relatati kemm ma’ ġbir ta’ imposta parafiskali kif ukoll ma’ interessi moratorji, li l-ammonti rispettivi tagħhom u l-metodi ta’ kalkolu tagħhom ma setgħux jiġu ddeterminati fl-assenza ta’ rendikont eżatt u ddettaljat, id-deċiżjoni kontenzjuża sempliċement tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF ta’ kull istituzzjoni kkonċernata, abbażi ta’ regoli ta’ kalkolu previsti, b’mod iddettaljat, mir-Regolament ta’ Delega 2015/63.

109

It-tieni nett, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni bħala prinċipju huma obbligati, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet tan-negozju, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), li huwa kkonkretizzat b’mod partikolari fl-Artikolu 339 TFUE, li ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 109).

110

Sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dawn l-obbligi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni, li l-motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju lil parti f’kawża, li hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-pożizzjoni relattiva ta’ operaturi privati, tista’, sa ċertu punt, tkun limitata sabiex tiġi protetta informazzjoni dwar dawn l-operaturi koperti mis-sigriet tan-negozju.

111

B’mod partikolari, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma teżistix għajnuna mill-Istat allegata minn lanjant tista’, fir-rigward tal-obbligu tal-osservanza tas-sigriet tan-negozju, tkun suffiċjentement motivata mingħajr ma tkun tinkludi ċ-ċifri kollha li fuqhom huwa bbażat ir-raġunament ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 108 sa 111). Għaldaqstant, verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni, meta turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-imsemmija istituzzjoni kif ukoll il-metodoloġija użata minnha, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu dawn il-ġustifikazzjonijiet u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħhom, hija biżżejjed sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-istess istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 55).

112

Bl-istess mod, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad l-offerta ta’ offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jimplikax li dan għandu jkollu informazzjoni kompleta fir-rigward tal-karatteristiċi tal-offerta miżmuma mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punti 2122), peress li l-aċċess għal tali informazzjoni għandu jkun limitat sabiex, b’mod partikolari, tinżamm relazzjoni ta’ fiduċja bejn din l-awtorità u l-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw f’tali proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 36).

113

Issa, minħabba n-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF, li jikkonsistu, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, li jiġi ggarantit, f’loġika bbażata fuq l-assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jagħti riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM sabiex ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jinkoraġġixxi l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi, il-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huwa bbażat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 143 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhux fuq l-applikazzjoni ta’ rata għal bażi taxxabbli, iżda abbażi tal-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59 kif ukoll tal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, fuq id-definizzjoni ta’ livell fil-mira li għandu jintlaħaq mit-total tal-imsemmija kontribuzzjonijiet miġbura qabel tmiem is-sena 2023, u sussegwentement ta’ livell fil-mira annwali li għandu jitqassam fuq l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti fis-SRM.

114

Peress li l-livell fil-mira totali huwa ddefinit bħala li għandu jkun ta’ 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha u peress li l-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni hija kkalkolata prorata skont l-ammont tal-passiv tagħha (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, marbuta mal-passiv aggregat (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tat-total tal-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju ta’ dawn l-Istati Membri kollha, jidher li l-prinċipju stess tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF, kif jirriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, li l-validità tiegħu bl-ebda mod ma ġiet ikkontestata minn Landesbank Baden‑Württemberg, jimplika l-użu, mis-SRB, ta’ data koperta mis-sigriet tan-negozju li ma tistax tiġi inkluża fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

115

F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Landesbank Baden-Württemberg li ma hemmx lok li jsir ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigriet tan-negozju, imsemmi fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jistabbilixxi metodu alternattiv ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF li ma jinvolvix l-użu ta’ data kunfidenzjali.

116

Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jagħżel, bil-quddiem, metodu alternattiv ta’ kalkolu ma jistax ikollu effett fuq id-determinazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni meta mqabbel mal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet tan-negozju, fil-kuntest ta’ metodu parzjalment ibbażat fuq l-użu ta’ data kunfidenzjali. Issa, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel b’mod validu l-għażla ta’ tali metodu, dan jimplika neċessarjament ibbilanċjar ta’ dan l-obbligu u ta’ dan il-prinċipju.

117

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta huwa jkollu jintervjeni f’qasam li jinvolvi għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118

Issa, li jiġi kkunsidrat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża għandha neċessarjament tippermetti lil Landesbank Baden-Württemberg tivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2017 jimplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiġi pprojbit milli jistabbilixxi metodu ta’ kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni li jintegra data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li titnaqqas b’mod eċċessiv is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li dan il-leġiżlatur għandu jkollu għal dan il-għan, billi jiġi prekluż, b’mod partikolari, milli jagħżel metodu li jista’ jiżgura adattament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF skont l-iżviluppi tas-settur finanzjarju, permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni komparattiv, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti fis-SRF.

119

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li s-sistema ta’ garanzija tad-depożiti stabbilita mid-Direttiva 2014/49, li għaliha Landesbank Baden‑Württemberg tirreferi sabiex tistabbilixxi l-possibbiltà li jiġi stabbilit metodu alternattiv ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF, hija bbażata wkoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 160 tal-konklużjonijiet tiegħu, fuq kontribuzzjonijiet ikkalkolati bl-użu ta’ data koperta mis-sigriet tan-negozju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

120

It-tielet nett, għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB għandu jiġi bbilanċjat, minħabba l-loġika tas-sistema ta’ finanzjament tas-SRF u tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mal-obbligu tas-SRF li josserva s-sigriet tan-negozju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-aħħar obbligu ma għandux jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li jċaħħad lill-obbligu ta’ motivazzjoni mis-sustanza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Madankollu, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet tan-negozju ma jistax jitqies li motivazzjoni għal deċiżjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus mingħajr ma tipprovdilu l-elementi kollha li jippermettu li jiġi vverifikat b’eżattezza l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus neċessarjament tippreġudika, fil-każijiet kollha, is-sustanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

122

F’dan il-każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies li ġie osservat meta d-destinatarji ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF, filwaqt li ma tiġix trażmessa lilhom data koperta mis-sigriet tan-negozju, ikollhom il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB u informazzjoni suffiċjenti sabiex jifhmu, essenzjalment, b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħhom ittieħdet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għas-SRF, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha.

123

F’każ bħal dan, dawn id-destinatarji huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk il-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għas-SRF ġietx stabbilita b’mod arbitrarju, billi tkun ġiet injorata r-realtà tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew billi tkun intużat data dwar il-kumplament tas-settur finanzjarju li ma tkunx plawżibbli. L-imsemmija destinatarji jistgħu, għalhekk, jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għas-SRF u jevalwaw jekk jidhirx utli li titressaq azzjoni kontra din id-deċiżjoni, b’tali mod li jkun eċċessiv li s-SRB jintalab jikkomunika kull waħda miċ-ċifri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fil-punti 97, 103 u 109 tas-sentenza appellata qieset li, skont l-Artikolu 296 TFUE, is-SRB kien obbligat li fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jinkludi l-elementi li jippermettu lil Landesbank Baden‑Württemberg tivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2017, mingħajr ma n-natura kunfidenzjali ta’ wħud minn dawn l-elementi tkun tista’ tostakola dan l-obbligu.

125

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx validament tagħti tali portata lill-obbligu ta’ motivazzjoni sabiex, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, tiddeċiedi li s-SRB kien kiser dan l-obbligu.

126

Fit-tieni lok, fil-punti 129 sa 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Landesbank Baden-Württemberg fil-kuntest tas-sitt motiv tagħha ppreżentat fl-ewwel istanza fir-rigward ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kif ukoll tal-Anness I tiegħu, u sussegwentement, fil-punt 141 ta’ dik is-sentenza, laqgħet dak il-motiv.

127

Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet li l-metodu ta’ kalkolu ddefinit mill-Kummissjoni fl-Artikoli 4 sa 7 u 9 kif ukoll fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kellu opaċità, tal-inqas fir-rigward tal-adattament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, u li din l-opaċità kienet tipprekludi lis-SRB milli jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE.

128

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-metodu preċiż ta’ kalkolu użat mis-SRB sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF huwa ddefinit mir-Regolament ta’ Delega 2015/63. B’mod partikolari, l-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ delega jispeċifika l-passi differenti ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu u jistabbilixxi l-formuli matematiċi li għandhom jiġu applikati mis-SRB.

129

L-imsemmi regolament ta’ delega jikkostitwixxi għalhekk element essenzjali tal-kuntest tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-motivazzjoni tagħha, inkwantu dan jiggarantixxi li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni jkunu informati b’mod sħiħ bil-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB.

130

It-tieni nett, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-adattament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF skont il-profil tar-riskju, meħtieġ mill-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59 kif ukoll mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-prinċipji li għandhom jiġu applikati f’dan ir-rigward mis-SRB huma stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u implimentati, b’mod iktar konkret, fl-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

131

L-adattament tal-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF għall-profil ta’ riskju ta’ istituzzjoni huwa bbażat fuq paragun tal-espożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-fatturi ta’ riskju rilevanti ma’ dik tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra.

132

Mit-tieni sar-raba’ pass tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF, previsti fl-Anness I tal-imsemmi regolament ta’ delega, jirriżulta li dan l-adattament huwa żgurat essenzjalment, qabel xejn, permezz tat-tqassim, fir-rigward tal-parti l-kbira tal-fatturi ta’ riskju, ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet ikkonċernati f’“intervall”, li jiġbor fih sensiela ta’ istituzzjonijiet meqjusa li huma simili abbażi tal-valuri tal-indikatur mhux maħdum relatat mal-fattur ta’ riskju inkwistjoni, u permezz tal-għoti, lill-istituzzjonijiet li jagħmlu parti mill-istess “intervall”, ta’ valur komuni ta’ indikatur li jkun ingħata gradazzjoni mill-ġdid.

133

Il-valuri hekk attribwiti, għal istituzzjoni partikolari, lil kull indikatur ta’ riskju huma sussegwentement ikkonsolidati, fil-kuntest tal-ħames pass tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF previst fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, f’indikatur kompost li jieħu inkunsiderazzjoni l-piż tad-diversi pilastri tar-riskju.

134

Il-multiplikatur ta’ aġġustament skont il-profil tar-riskju huwa finalment iddeterminat, matul is-sitt pass ta’ dan il-kalkolu, abbażi ta’ gradazzjoni mill-ġdid tal-indikatur kompost inkluż f’medda ta’ bejn 0.8 u 1.5.

135

Minn dan isegwi, ċertament, li s-SRB ma huwiex f’pożizzjoni li jipprovdi lil istituzzjoni data li tippermettilha tivverifika, b’mod komplet, l-eżattezza tal-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament skont il-profil tar-riskju li ġie attribwit lilha għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tiegħu għas-SRF, peress li din il-verifika tippreżupponi li dak li jkun ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni koperta mis-sigriet tan-negozju dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati.

136

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi l-possibbiltà li tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali miksuba mis-SRB fil-kuntest tal-attività tiegħu meta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun jista’ jsir f’forma mqassra jew kollettiva b’tali mod li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

137

Għaldaqstant, fil-kuntest iddefinit mir-Regolament ta’ Delega 2015/63, is-SRB jista’, mingħajr ma jikser l-obbligu tiegħu li josserva s-sigriet tan-negozju, jiżvela l-valuri limitu ta’ kull “intervall” u l-indikaturi relatati miegħu, sabiex jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tiżgura ruħha, b’mod partikolari, li l-klassifikazzjoni li ġiet attribwita lilha waqt id-diskretizzazzjoni tal-indikaturi, kif iddefinita fl-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ delega, tikkorrispondi effettivament għas-sitwazzjoni ekonomika tagħha, li din id-diskretizzazzjoni saret b’mod konformi mal-metodu ddefinit minn dan ir-regolament ta’ delega abbażi ta’ data plawżibbli u li l-fatturi ta’ riskju kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament ta’ delega tassew ittieħdu inkunsiderazzjoni.

138

It-tielet nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-passi l-oħra tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF huma bbażati, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 149 tal-konklużjonijiet tiegħu, fuq data kollettiva tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, li tista’ tiġi żvelata f’forma kollettiva mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-obbligu tas-SRB li josserva s-sigriet tan-negozju.

139

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidher li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 bl-ebda mod ma jostakola l-possibbiltà, għas-SRB, li jiżvela, f’forma kollettiva u anonimizzata, informazzjoni suffiċjenti sabiex istituzzjoni tkun tista’ tifhem b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati kollha.

140

Għandu jingħad ukoll li, għalkemm motivazzjoni bbażata fuq l-iżvelar tal-informazzjoni rilevanti f’tali forma ma tippermettix lil kull istituzzjoni tidentifika b’mod sistematiku żball eventwali mwettaq mis-SRB fil-ġabra u fl-aggregazzjoni tad-data inkwistjoni, għall-kuntrarju hija suffiċjenti sabiex tippermetti lil din l-istituzzjoni tiżgura ruħha li l-informazzjoni li hija pprovdiet lill-awtoritajiet kompetenti tabilħaqq ġiet integrata fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF, b’mod konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, u sabiex tippermetti li jiġi identifikat, fuq il-bażi tal-għarfien ġenerali tagħha tas-settur finanzjarju, użu eventwali ta’ informazzjoni li mhix plawżibbli jew li manifestament hija inkorretta, kif ukoll sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF.

141

Minn dan isegwi li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jipprekludix lis-SRB milli jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, kif iddefinit fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, u li dan ir-regolament ta’ delega jippermettilu jipprovdi lill-istituzzjonijiet ikkonċernati informazzjoni suffiċjenti sabiex jifhem ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF kif ukoll sabiex jevalwa n-neċessità li jippreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet.

142

Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li tikkonstata l-illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, inkwantu l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kkonstatat fil-punt 110 ta’ din is-sentenza jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

143

Fit-tielet lok, mill-punti 127 u 143 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li s-SRB kien kiser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma pprovdiex lil Landesbank Baden‑Württemberg elementi li jippermettulha tivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2017, mingħajr ma l-possibbiltà, għall-Qorti Ġenerali, li titlob lis-SRB jipproduċi quddiemha informazzjoni għal dan il-għan tkun ta’ natura li tiggarantixxi r-rispett ta’ dan id-dritt.

144

Madankollu, għalkemm l-osservanza, mis-SRB, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu hija neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja tad-destinatarji tad-deċiżjonijiet tiegħu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li s-SRB, f’dan il-każ, kiser dan l-obbligu hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-imsemmi obbligu vvizzjata bi żball ta’ liġi.

145

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet fejn il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni kellha tiġi limitata sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data kunfidenzjali meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtur ta’ dik id-deċiżjoni, fil-każ ta’ argumenti quddiem il-qrati tal-Unjoni li jikkontestaw din id-data huwa dan l-awtur tad-deċiżjoni li għandu jiġġustifika ruħu quddiem dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-istruzzjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 110).

146

Jekk ikun il-każ, sabiex jiġi eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qrati tal-Unjoni jistgħu għalhekk jitolbu lis-SRB jipproduċi data li tista’ tiġġustifika l-kalkoli li l-eżattezza tagħhom hija kkontestata quddiemhom, filwaqt li jiżgura, jekk ikun hemm bżonn, il-kunfidenzjalità ta’ din id-data (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 120 u 125).

147

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014 isemmi l-possibbiltà għas-SRB li jiżvela informazzjoni koperta mir-rekwiżiti tas-sigriet tan-negozju meta dan l-iżvelar ikun neċessarju fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.

148

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa abbażi ta’ raġunament żbaljat fid-dritt li, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u b’hekk laqgħet l-ewwel, it-tielet u s-sitt motiv ippreżentati minn Landesbank Baden-Württemberg fl-ewwel istanza.

149

Peress li l-ħames aggravju invokat fil-Kawża C‑584/20 P u t-tieni aggravju invokat fil-Kawża C‑621/20 P huma fondati, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati t-tieni sar-raba’ aggravju invokati fil-Kawża C‑584/20 P.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

150

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

151

Dan huwa l-każ tal-kawża preżenti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors.

Fuq l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża

152

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-atti tal-Kummissjoni essenzjalment jirriżulta li l-awtentikazzjoni ta’ dawn l-atti għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tikkristallizza t-test adottat mill-kulleġġ, u b’hekk tippermetti li tiġi vverifikata, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-korrispondenza perfetta, tat-testi ppubblikati jew innotifikati, ma’ dan tal-aħħar. Din l-awtentikazzjoni tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali li l-ksur tiegħu jista’ jwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat u jitqajjem ex officio mill-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 7576, kif ukoll tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 40, 4151).

153

F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kontenzjuża hija komposta, minn naħa, mit-test ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, minn anness.

154

Mill-elementi ppreżentati mis-SRB quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-proċedura stabbilita fi ħdan dan l-organu sabiex tiġi żgurata l-awtentikazzjoni ta’ tali deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-firma bl-id tat-test tad-deċiżjoni u ta’ skeda tal-progress.

155

L-awtentikazzjoni tat-test tad-deċiżjoni kontenzjuża hija żgurata, suffiċjentement, permezz tal-firma bl-id imqiegħda fuqha mill-President tas-SRB.

156

Fir-rigward tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-SRB ipproduċa, quddiem il-Qorti Ġenerali, skeda tal-progress, iffirmat bl-id mill-President tas-SRB, li jirreferi espliċitament għal żewġ elementi mehmuża u li jinkludu numru ta’ identifikazzjoni.

157

Barra minn hekk, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-SRB ipproduċa ritratt tal-iskrin relatat mal-kontenut tas-sistema ARES.

158

Issa, jirriżulta, qabel kollox, minn dan ir-ritratt tal-iskrin li n-numru fuq l-iskeda tal-progress imsemmija fil-punt 156 ta’ din is-sentenza huwa n-numru ta’ ssejvjar (Save number) li jindika, fis-sistema ARES, il-fajl korrispondenti għad-deċiżjoni kontenzjuża.

159

L-imsemmi ritratt tal-iskrin imbagħad jippermetti li jiġu identifikati ż-żewġ elementi mehmuża msemmija f’din l-iskeda tal-progress bħala, minn naħa, it-test tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, l-anness ta’ din id-deċiżjoni.

160

Fl-aħħar nett, mill-istess ritratt tal-iskrin jirriżulta li l-fajl li jikkorrispondi għad-deċiżjoni kontenzjuża fis-sistema ARES inħoloq u ntbagħat fil-11 ta’ April 2017, jiġifieri fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

161

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-allegazzjoni tas-SRB li f’dik id-data s-sistema ARES kienet tinkludi fajl li jikkorrispondi għall-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża, li għalih kienet tirreferi l-iskeda tal-progress, għandha tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

162

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li r-ritratt tal-iskrin prodott mis-SRB jindika wkoll numru ta’ reġistrazzjoni (Reg. number), li huwa differenti min-numru ta’ ssejvar, u data ta’ reġistrazzjoni tal-fajl, jiġifieri t-13 ta’ Ġunju 2017, li jirreferu, skont l-ispjegazzjonijiet mhux ikkontestati tas-SRB, għall-għeluq tal-fajl inkwistjoni.

163

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-firma bl-id imqiegħda mill-President tas-SRB fuq l-iskeda tal-progress hija suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

164

Permezz tal-ewwel motiv tagħha ppreżentat fl-ewwel istanza, Landesbank Baden-Württemberg issostni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex motivata suffiċjentement, inkwantu din ma tinkludix sensiela ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-adattament tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2017 għall-profil ta’ riskju tagħha.

165

Mill-punt 122 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiżgura, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, il-komunikazzjoni lil Landesbank Baden‑Württemberg ta’ informazzjoni suffiċjenti sabiex jinftiehem b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2017, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha.

166

Għal dan il-għan, huwa s-SRB, kif ġie kkonstatat fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, li għandu jippubblika jew jibgħat lil Landesbank Baden‑Württemberg, f’forma kollettiva u anonimizzata, l-informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet ikkonċernati, użata sabiex tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni, sa fejn din l-informazzjoni tista’ tiġi kkomunikata mingħajr ma tippreġudika s-sigriet tan-negozju.

167

Fost l-informazzjoni li għandha għalhekk titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Landesbank Baden-Württemberg sabiex dan ikollha għad-dispożizzjoni tagħha motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża, hemm, b’mod partikolari, il-valuri limitu ta’ kull “intervall” u dawk tal-indikaturi relatati miegħu, li abbażi tagħhom il-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF ta’ Landesbank Baden-Württemberg għas-sena 2017 ġiet adattata għall-profil ta’ riskju tagħha.

168

Issa, huwa paċifiku li l-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża u fl-anness armonizzat kif ukoll dawk aċċessibbli fuq is-sit internet tas-SRB fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu jkopru biss parti mill-informazzjoni rilevanti li s-SRB seta’ jikkomunika mingħajr ma jippreġudika s-sigriet tan-negozju.

169

B’mod partikolari, l-anness armonizzat ma kienx jinkludi data dwar il-valuri limitu ta’ kull “intervall” u dwar il-valuri tal-indikaturi relatati miegħu.

170

Barra minn hekk, is-SRB indika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża huwa lanqas ma kien ippubblika tali informazzjoni fuq is-sit internet tiegħu.

171

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex suffiċjentement motivata u li l-ewwel motiv ippreżentat fl-ewwel istanza minn Landesbank Baden-Württemberg huwa fondat.

172

Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati fl-ewwel istanza, hemm lok li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg.

Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża

173

Is-SRB talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tipposponi l-effett ta’ annullament eventwali tad-deċiżjoni kontenzjuża għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza tagħha tkun saret definittiva.

174

Ta’ min wieħed jiftakar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li dan huwa meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

175

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl ta’ motivi marbuta maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu fiss-seħħ b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jkunu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji għall-persuni kkonċernati u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu iżda minħabba motivi ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

176

F’dan il-każ, għalkemm id-deċiżjoni kontenzjuża ttieħdet bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, f’din il-proċedura ma kkonstatatx żball li jaffettwa l-konformità ta’ dan l-att mar-regoli dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF stabbiliti mid-Direttiva 2014/59, mir-Regolament Nru 806/2014 u mir-Regolament ta’ Delega 2015/63.

177

Għaldaqstant, li jiġi deċiż li d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata mingħajr ma tiġi prevista ż-żamma fis-seħħ tal-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid jista’ jippreġudika l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li jikkostitwixxu parti essenzjali tal-unjoni bankarja, liema unjoni tikkontribwixxi għall-istabbilità taż-żona tal-euro.

178

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża jinżammu fis-seħħ, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Landesbank Baden-Württemberg, u dan sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF ta’ din l-istituzzjoni għas-sena 2017.

Fuq l-ispejjeż

179

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja stess taqta’ definittivament il-kawża, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

180

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. L-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, barra minn hekk jipprovdi li jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

181

F’dan il-każ, fid-dawl tal-annullament tas-sentenza appellata u tal-fatt li ntlaqa’ r-rikors fl-ewwel istanza, hemm lok li, minn naħa, il-Kummissjoni, is-SRB u Landesbank Baden-Württemberg jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell u, min-naħa l-oħra, is-SRB jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza, dawk ta’ Landesbank Baden-Württemberg relatati ma’ din il-proċedura.

182

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-appell u l-Kummissjoni, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

183

Skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 140(1) u (2) tal-imsemmija regoli, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Fil-kawża preżenti, hemm lok li jiġi deċiż li l-Fédération bancaire française għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Settembru 2020, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB (T‑411/17, EU:T:2020:435), hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05), hija annullata inkwantu din tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg.

 

3)

L-effetti tad-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05), inkwantu din tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg, huma miżmuma fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għas-sena 2017.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha stess relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

 

5)

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell, l-ispejjeż ta’ Landesbank Baden-Württemberg relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

6)

Landesbank Baden-Württemberg, il-Fédération bancaire française u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top