EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0581

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad vs TOTO SpA - Costruzioni Generali u Vianini Lavori SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (Bulgarija).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 35 – Miżuri provviżorji u kawtelatorji – Azzjoni bbażata fuq kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika konkluż bejn awtorità pubblika u żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt privat – Talba għal miżuri provviżorji relatata mal-penalitajiet u mal-garanziji li jirriżultaw minn dan il-kuntratt – Deċiżjoni għal miżuri provviżorji diġà mogħtija minn qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.
Kawża C-581/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:808

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 35 – Miżuri provviżorji u kawtelatorji – Azzjoni bbażata fuq kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika konkluż bejn awtorità pubblika u żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt privat – Talba għal miżuri provviżorji relatata mal-penalitajiet u mal-garanziji li jirriżultaw minn dan il-kuntratt – Deċiżjoni għal miżuri provviżorji diġà mogħtija minn qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu”

Fil-Kawża C‑581/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad

vs

TOTO SpA ‑ Costruzioni Generali,

Vianini Lavori SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur), M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-iSkarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad, minn O. Temnikov, advokat,

għal TOTO SpA ‑ Costruzioni Generali u Vianini Lavori SpA, minn A. Valov, assistit minn V. P. Penkov, N. G. Tsvetanov, P. D. Tsanov, V. V. Tomova, B. H. Strizhlev u V. K. Semkov, advokati, u minn M. T. Stoeva, rappreżentant,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iSkarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej reprezentowany przez Generalnego Dyrektora Dróg Krajowych i Autostrad (it-Teżor Pubbliku tar-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tiegħu għat-Toroq u għall-Awtostrada Nazzjonali) (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali għat-Toroq”) minn naħa, u TOTO SpA ‑ Costruzioni Generali u Vianini Lavori SpA (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji ta’ kostruzzjoni”), kumpanniji rregolati mid-dritt Taljan, min-naħa l-oħra, dwar kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida fil-Polonja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 10, 33 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:

“(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew, […]

[…]

(33)

Meta miżuri proviżorji, inklużi miżuri kawtolatorji, ikunu ordnati minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq is-sustanza tal-kwistjoni, iċ-ċirkolazzjoni libera tagħhom għandha tkun żgurata skont dan ir-Regolament. Madankollu, miżuri proviżorji, inklużi kawtolatorji, li jkunu ġew ordnati mit-tali qorti mingħajr ma l-konvenut ikun irċieva taħrika biex jidher m’għandhomx jiġu rikonoxxuti u eżegwiti skont dan ir-Regolament sakemm is-sentenza li jkun fiha l-miżura ma tkunx ingħatat lill-konvenut qabel l-infurzar. Dan m’għandux jeskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali miżuri skont il-liġi nazzjonali. Meta, miżuri proviżorji, inklużi kawtolatorji, jiġu ordnati minn qorti ta’ Stat Membru li ma jkollhiex ġurisdizzjoni fuq is-sustanza tal-kwistjoni, l-effett ta’ tali miżuri għandu jkun limitat, skont dan ir-Regolament, għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)], ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [ta’ din il-Konvenzjoni] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

5

Skont l-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

[…]

Għall-finijiet tal-Kapitolu III, ‘sentenza’ tinkludi miżuri proviżorji, inklużi miżuri kawtolatorji, ordnati minn qorti jew tribunal li, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament ikollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni. Ma jinkludix miżura proviżorja, inkluża miżura kawtelatorja, li tkun ordnata minn tali qorti jew tribunal meta l-konvenut ma jkunx irċieva taħrika biex jidher, sakemm is-sentenza li jkun fiha l-miżura ma tiġix notifikata lill-konvenut qabel l-infurzar”.

6

L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. […]

[…]”

7

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fit-Taqsima 10 ta’ dan il-Kapitolu II, jipprevedi:

“Tista’ ssir talba lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri kawtolatorji, previsti mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni rigward is-sustanza tal-kwistjoni.”

Id-dritt Bulgaru

8

L-Artikolu 18 tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GPK”), intitolat “Immunità ġudizzjarja”, jipprevedi:

“(1)   Il-qrati Bulgari għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet li fihom ikun parti Stat barrani jew persuna li jkollha l-immunità ġudizzjarja, fil-każijiet li ġejjin:

1.

f’każ ta’ rinunzja għall-immunità ġudizzjarja;

2.

fil-każ ta’ rikorsi bbażati fuq relazzjonijiet kuntrattwali, jekk il-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu jkun jinsab fir-Repubblika tal-Bulgarija;

3.

fil-każ ta’ rikors għad-danni għal nuqqas imwettaq fir-Repubblika tal-Bulgarija;

4.

fil-każ ta’ rikors li jikkonċerna drittijiet fuq proprjetà tas-suċċessjoni u fuq bona vacantia fir-Repubblika tal-Bulgarija;

5.

f’kawżi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Bulgari.

(2)   Id-dispożizzjonijiet tal-punti 2, 3 u 4 tal-paragrafu 1 ma japplikawx għall-atti u għall-fatti legali mwettqa fl-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet pubbliċi ta’ persuni, jew fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ drittijiet sovrani ta’ Stati barranin.”

9

Intitolat “Miżuri provviżorji relatati ma’ rikorsi ippreżentati”, l-Artikolu 389 tal-GPK jipprovdi:

“(1)   F’kull stadju tal-proċedura sal-għeluq tal-istruttorja fil-proċedura ta’ appell, ir-rikorrent jista’ jressaq talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti li quddiemha tkun pendenti l-kawża.

(2)   Il-miżuri provviżorji huma awtorizzati fir-rigward tal-kategoriji kollha ta’ rikorsi.”

10

L-Artikolu 391 tal-GPK, intitolat “Kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ miżuri provviżorji”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-tressiq ta’ talba għal miżuri provviżorji relatata ma’ rikors prinċipali hija awtorizzata, meta, altrimenti, ikun impossibbli jew diffiċli għar-rikorrent li jimplementa d-drittijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni u jekk:

1.

ir-rikors prinċipali jkun ibbażat fuq provi bil-miktub konvinċenti, jew

2.

tiġi prodotta garanzija f’ammont iddeterminat mill-qorti […]”

11

Taħt it-titolu “Inammissibbiltà ta’ miżuri provviżorji”, l-Artikolu 393 tal-GPK jipprovdi:

“(1)   Ma humiex ammessi miżuri provviżorji relatati ma’ rikors li jirrigwarda kreditu pekunjarju fir-rigward tal-Istat, tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-muniċipalitajiet u tal-isptarijiet fis-sens tal-Artikolu 5(1) taz-Zakon za lechebnite zavedenya [il-Liġi dwar l-Isptarijiet] kif ukoll dwar il-krediti ta’ sptarijiet tal-Fond Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni għall-Mard.

(2)   Il-miżuri provviżorji ma humiex awtorizzati fir-rigward ta’ rikors li jirrigwarda kreditu pekunjarju u li għandu l-forma ta’ mandat ta’ qbid fuq dejn li ma jistax ikun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata.”

12

L-Artikolu 397 tal-GPK, intitolat “Kategorija ta’ miżuri”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-miżuri provviżorji għandhom isiru:

1.

billi jsir sekwestru ta’ proprjetà immobbli;

2.

permezz ta’ sekwestru ta’ beni mobbli u ta’ krediti tad-debitur;

3.

permezz ta’ miżuri adegwati oħra, iddeterminati mill-qorti, inkluż l-immobilizzazzjoni ta’ vettura bil-mutur u permezz ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Hekk kif jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit‑30 ta’ Lulju 2015, fi tmiem proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi mibdija mid-Direttur Ġenerali għat-Toroq u għall-Awtostrada Nazzjonali, fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti, ġie konkluż kuntratt dwar il-kostruzzjoni tat-triq rapida S-5 Poznań – Wrocław, ġunzjoni Poznań A 2. villaġġ Głuchowo-Wronczyn (il-Polonja), mal-kumpanniji ta’ kostruzzjoni, bħala offerenti rebbieħa.

14

Skont dan il-kuntratt, fuq talba tal-kumpanniji ta’ kostruzzjoni, inħarġu żewġ garanziji favur l-awtorità kontraenti minn kumpannija ta’ assigurazzjoni rregolata mid-dritt Bulgaru, Evroins AD, l-ewwel waħda, għal eżekuzzjoni tajba, valida sal‑31 ta’ Lulju 2019 u estiża sat-30 ta’ Ġunju 2024, li tagħti garanzija kontra n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ħażina tal-imsemmi kuntratt, it-tieni waħda, valida sal-31 ta’ Lulju 2019, li tiggarantixxi l-ħlas ta’ penalità kuntrattwali fil-każ li jinqabżu t-termini ta’ eżekuzzjoni.

15

Skont il-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni, għal kull tilwima li tista’ sseħħ fir-rigward tal-eżekuzzjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tingħata lill-qorti tas-sede tal-awtorità kontraenti u d-dritt Pollakk huwa indikat bħala l-liġi applikabbli, inkluż għall-imsemmija garanziji.

16

Peress li qamet tilwim bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar il-kwalità tax-xogħlijiet jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fit-termini stabbiliti, il-kumpanniji ta’ kostruzzjoni ressqu quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża, essenzjalment, sabiex id-Direttur Ġenerali għat-Toroq jiġi prekluż milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu fuq il-garanziji maħruġa.

17

Quddiem l-istess qorti tressqu talbiet għal miżuri provviżorji mill-kumpanniji ta’ kostruzzjoni intiżi, b’mod partikolari, sabiex id-Direttur Ġenerali għat-Toroq jiġi obbligat jastjeni sas-26 ta’ Ġunju 2019 milli jinnotifikalhom ir-rieda tiegħu li jxolji l-kuntratt inkwistjoni, li joħroġ fatturi għall-penalitajiet u li jirrikorri għall-garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt maħruġa minn Evroins.

18

Is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) ċaħdet, permezz ta’ digrieti tas-7 ta’ Ġunju 2019 u tat-2 ta’ Diċembru 2019, dawn it-talbiet għal miżuri provviżorji essenzjalment minħabba li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex juru l-fumus boni iuris.

19

B’mod parallel mal-proċeduri mibdija quddiem din il-qorti, fil-31 ta’ Lulju 2019, il-kumpanniji ta’ kostruzzjoni ressqu quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) talba għal miżuri provviżorji għall-kontenut analogu għal dak ta’ dawn il-proċeduri kontra d-Direttur Ġenerali għat-Toroq, talba li ġiet miċħuda bħala inammissibbli permezz ta’ digriet.

20

L’Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija) annullat l-imsemmi digriet, awtorizzat it-talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikolu 389 tal-GPK u tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 u ħarġet mandat ta’ qbid fuq il-kreditu tad-Direttur Ġenerali għat-Toroq, ibbażat fuq iż-żewġ garanziji maħruġa minn Evroins.

21

Id-Direttur Ġenerali għat-Toroq ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), fejn ikkontesta, b’mod partikolari, l-applikazzjoni fil-każ inkwistjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, minħabba li l-proċedura fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.

22

F’din l-okkażjoni, huwa pproduċa ordni ta’ ħlas Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), maħruġa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) kontra Evroins.

23

Wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, il-qorti tar-rinviju tesponi d-dubji tagħha dwar in-natura ċivili jew kummerċjali tal-kawża prinċipali, fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012, fid-dawl tal-kwalità tal-kontraent pubbliku Pollakk.

24

Fil-każ fejn din it-tilwima tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisdizzjoni ta’ qorti adita skont l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament, sabiex tagħti deċiżjoni dwar miżuri provviżorji, hijiex eskluża mill-fatt li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima fir-rigward tal-mertu, fil-każ ineżami l-qorti Pollakka, diġà tat deċiżjoni dwar talba simili. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, skont id-dritt nazzjonali tagħha, jiġifieri l-Artikoli 389 u 390 tal-GPK, l-eżistenza ta’ deċiżjoni dwar talba għal miżuri provviżorji ma tipprekludix li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiġi adita b’talba ulterjuri.

25

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-punt jekk talba għal miżuri provviżorji għandhiex tiġi analizzata biss fid-dawl tal-kunċett awtonomu ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji, jiġifieri miżuri intiżi sabiex tinżamm sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi għall-finijiet ta’ ħarsien tad-drittijiet li r-rikonoxximent tagħhom huwa, barra minn hekk, mitlub mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 50), jew jekk għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet kollha previsti mil-lex fori. Hija tippreċiża li, f’dan l-aħħar każ, skont il-prinċipju ta’ effettività, hija tista’ tkun obbligata li ma tapplikax l-Artikolu 393 tal-GPK.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li kwistjoni bħal dik indikata fid-digriet tar-rinviju għandha titqies li hija kompletament jew parzjalment kwistjoni ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament?

2)

F’sitwazzjoni fejn ikun ġie eżerċitat id-dritt li jintalbu miżuri provviżorji/kawtelatorji u f’sitwazzjoni fejn il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu tkun eżaminat it-talba, il-qorti li quddiemha titressaq talba għal miżuri fuq l-istess bażi u taħt l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha titqies li ma jkunx għad għandha ġurisdizzjoni mill-mument li fih ikunu ġew prodotti provi li juru li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu ħadet deċiżjoni?

3)

Fil-każ li għall-ewwel żewġ domandi għandha tingħata r-risposta li l-qorti li quddiemha titressaq it-talba skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha ġurisdizzjoni, il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ talba għal miżuri provviżorji taħt l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu? F’każ bħal dak ineżami, għandha titħalla mhux applikata regola li tipprevedi li t-talba għal miżuri provviżorji kontra awtorità pubblika hija inammissibbli?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża preżenti jkun suġġett għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet, minn naħa, li, skont ir-regoli nazzjonali, in-natura tal-proċedura fil-kawża prinċipali tobbligaha tagħti deċiżjoni fl-iqsar żmien possibbli u, min-naħa l-oħra, li l-miżuri provviżorji awtorizzati jinvolvu l-impossibbiltà għal waħda mill-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali li teżerċita d-drittijiet tagħha matul perijodu twil sa’ għeluq il-proċedura fuq il-mertu.

28

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa.

29

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, la l-fatt li talba għal deċiżjoni preliminari hija fformulata fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, u lanqas il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħmel kollox sabiex tiżgura soluzzjoni rapida tal-kawża prinċipali ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 2007, Consel Gi. Emme, C‑467/06, mhux ippubblikat, EU:C:2007:49, punt 7, u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Vilkas, C‑640/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:862, punt 8 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex il-kawża preżenti tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2020.

31

Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li din il-kawża għandha tinqata’ deċiżjoni bi prijorità, abbażi tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji li titressaq u titkompla, skont ir-regoli tad-dritt komuni, quddiem qorti ta’ Stat Membru, li tkun tirrigwarda penalitajiet abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika konkluż fi tmiem proċedura għall-għoti ta’ kuntratti li l-awtorità kontraenti tiegħu tkun awtorità pubblika, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

33

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li dan ir-regolament japplika f’materji ċivili u kummerċjali. Konsegwentement, l-ewwel domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk l-azzjoni għal miżuri provviżorji msemmija iktar ’il fuq taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

34

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-azzjoni għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali hija intiża għall-kisba ta’ miżuri provviżorji sabiex tiġi mħarsa sitwazzjoni ta’ fatt suġġetta għall-evalwazzjoni tal-qorti fil-kuntest ta’ proċedura fuq il-mertu, peress li din il-kawża u din il-proċedura tressqu bejn l-istess partijiet. Għaldaqstant, tali azzjoni għal miżuri provviżorji tirrigwarda “miżuri provviżorji u kawtelatorji”, fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, bil-kundizzjoni li din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-appartenenza tal-miżuri provviżorji u kawtelatorji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandha tiġi ddeterminata mhux min-natura tagħhom stess, iżda min-natura tad-drittijiet li tagħhom huma intiżi li jiżguraw il-ħarsien fir-rigward tal-mertu (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 54).

36

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni ġudizzjarja taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u konsegwentement fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hemm lok li tiġi identifikata r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fil-kawża u s-suġġett tagħha, jew, alternattivament, li jiġu eżaminati l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Movic et, C‑73/19, EU:C:2020:568, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 meta l-azzjoni ġudizzjarja tkun tirrigwarda atti mwettqa iure gestionis, dan ma jkunx il-każ meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2013, Sunico et., C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 34, kif ukoll tas-7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fil-fatt, il-manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minn din ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, jeskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et., C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li l-għan pubbliku ta’ ċerti attivitajiet ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element suffiċjenti sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kklassifikati bħala mwettqa iure imperii, sa fejn dawn ma jikkorrispondux għall-eżerċizzju ta’ setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fil-każ ineżami, għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fit-tilwima u s-suġġett tagħha, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-suġġett tal-azzjoni għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali jikkonsisti f’li jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet imnissla mill-kuntratt konkluż fit-30 ta’ Lulju 2015 bejn il-kumpanniji ta’ kostruzzjoni u d-Direttur Ġenerali għat-Toroq.

41

Issa, la s-suġġett ta’ tali kuntratt u lanqas il-fatt li huwa biss id-Direttur Ġenerali għat-Toroq li għandu d-dritt jibda proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-kostruzzjoni ta’ triq rapida ma jistgħu jitqiesu li jiżvelaw l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

42

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni, għandu jiġi osservat li, kif espost mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel domanda tirrigwarda azzjoni għal miżuri provviżorji li tressqet u tkompliet skont ir-regoli tad-dritt komuni.

43

Konsegwentement, minkejja li jirriżulta minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika, kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa bażi ta’ relazzjoni legali bejn il-partijiet, li fil-kuntest tagħha huma assumew drittijiet u obbligi liberament ikkonsentiti u li, għaldaqstant, huwa marbut mal-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

44

Il-fatt li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 393 tal-GPK, ma tawtorizzax il-proċeduri għal miżuri provviżorji relatati ma’ rikors li jirrigwarda krediti pekunjarji fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Istat u tal-awtoritajiet pubbliċi u jidher, għalhekk, li jistabbilixxi immunità ġudizzjarja limitata favur dawn tal-aħħar, fatt li għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju, ma jippreġudikax in-natura ċivili u kummerċjali ta’ azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

45

Fil-fatt, il-privileġġ tal-immunità ma jikkostitwixxix awtomatikament ostakolu għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 62).

46

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji li titressaq u titkompla, skont ir-regoli tad-dritt komuni, quddiem qorti ta’ Stat Membru, li tkun tirrigwarda penalitajiet abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika konkluż fi tmiem proċedura għall-għoti ta’ kuntratti li l-awtorità kontraenti tiegħu tkun awtorità pubblika taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji skont din id-dispożizzjoni għandha l-obbligu tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni meta l-qorti ta’ Stat Membru ieħor, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, tkun diġà ddeċidiet fuq talba li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża u tkun imressqa bejn l-istess partijiet.

48

Din id-domanda hija intiża sabiex tiggwida lill-qorti tar-rinviju dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal miżuri provviżorji mressqa quddiemha fil-kawża prinċipali. Madankollu, għandu jiġi rrilevat preliminarjament li din il-ġurisdizzjoni ma tiddependix biss mir-risposta għat-tieni domanda, hekk kif ifformulata mill-ġdid.

49

B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati Pollakki għal kull tilwima li tista’ sseħħ waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

50

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012, u b’mod partikolari skont l-Artikolu 25 ta’ dan tal-aħħar, il-partijiet jistgħu jiddeterminaw, bi ftehim, il-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiġu ordnati miżuri provviżorji jew kawtelatorji u jista’ jiġi preżunt li klawżola tal-għażla tal-qorti mfassla f’termini ġenerali tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti magħżula għall-adozzjoni ta’ tali miżuri.

51

Għalkemm, waqt is-seduta miżmuma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-pożizzjonijiet espressi mill-partijiet fil-kawża prinċipali kienu differenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kuntratt fil-kawża prinċipali testendix għall-miżuri provviżorji jew kawtelatorji mitluba, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni u l-portata ta’ tali klawżola huma kwistjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrigwarda l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun invokata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Hőszig, C‑222/15, EU:C:2016:525, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq analiżi, skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, sabiex jiġi stabbilit jekk teżistix rabta vera bejn is-suġġett tal-miżuri mitluba fil-kawża prinċipali u l-ġurisdizzjoni territorjali tal-Istat Membru tal-qorti adita, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden, C‑391/95, EU:C:1998:543, punt 40).

53

Fir-rigward tat-talba għall-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu fformulata fit-tieni domanda, għandu qabel kollox jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, KRONE – Verlag, C‑65/20, EU:C:2021:471, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji previsti mil-liġi ta’ stat Membru jistgħu jintalbu lill-qrati ta’ dak l-Istat, anki jekk il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni fir-rigward tal-mertu.

55

Dan l-artikolu għalhekk jattribwixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiġu ordnati miżuri provviżorji jew kawtelatorji, minn naħa, lill-qrati ta’ Stat Membru li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawża u, min-naħa l-oħra, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-qrati ta’ Stati Membri oħra.

56

Għal dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jinsab l-imsemmi artikolu, għandu jiġi rrilevat li mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament u tal-premessa 33 tiegħu jirriżulta li huma biss il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji ordnati minn qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu li huma kklassifikati bħala “sentenza”, li l-moviment liberu tagħhom għandu jiġi żgurat skont l-imsemmi regolament.

57

Bil-kontra, meta miżuri provviżorji jew kawtelatorji jiġu ordnati minn qorti ta’ Stat Membru li ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, l-effett tagħhom ikun limitat, skont dan ir-Regolament Nru 1215/2012, għat-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

58

Minn dan isegwi li parti kkonċernata għandha l-possibbiltà titlob miżura provviżorja jew kawtelatorja jew quddiem il-qorti ta’ Stat Membru li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, li s-sentenza tagħha f’dan ir-rigward tkun intiża li tiċċirkola liberament, jew quddiem il-qrati ta’ Stati Membri oħra fejn ikunu jinsabu l-beni jew il-persuna li fir-rigward tagħhom għandha tiġi eżegwita l-miżura.

59

Għalkemm mill-istruttura tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-effetti tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu u dawk tad-deċiżjonijiet tal-qrati ta’ Stati Membri oħra huma differenti, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament ma jistabbilixxix ġerarkija bejn dawn il-qrati.

60

B’mod partikolari, mill-kliem tal-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament bl-ebda mod ma jirriżulta li dan jagħti lill-qrati ta’ Stat Membru li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu, ġurisdizzjoni ta’ prinċipju sabiex jadottaw miżuri provviżorji jew kawtelatorji, li jimplika li l-qrati ta’ Stati Membri oħra ma jkollhomx iktar ġurisdizzjoni sabiex jadottaw tali miżuri, ladarba dawn l-ewwel qrati quddiemhom tkun tressqet talba sabiex jiddeċiedu dwar tali miżuri jew ikunu ddeċidew dwar tali talba.

61

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji skont din id-dispożizzjoni ma għandhiex obbligu tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni meta l-qorti ta’ Stat Membru ieħor, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, tkun diġà ddeċidiet fuq talba li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża u tkun imressqa bejn l-istess partijiet.

Fuq it-tielet domanda

62

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżami ta’ talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji huwa suġġett għal kundizzjonijiet awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u, fl-affermattiv, jekk jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax azzjoni għal miżuri provviżorji relatata ma’ rikors dwar kreditu pekunjarju fir-rigward tal-Istat jew ta’ awtorità pubblika.

63

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-qorti adita abbażi ta’ dan l-artikolu għandha tadotta l-miżuri provviżorji konformement mad-dritt nazzjonali tagħha.

64

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk bażi ta’ ġurisdizzjoni alternattiva favur qrati ta’ Stat Membru differenti minn dak li l-qrati tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu, iżda ma tiggarantixxix l-għoti ta’ miżura provviżorja jew kawtelatorja f’kawża konkreta, li tibqa’ kompletament suġġetta għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istat Membru li quddiemu tressqet il-kawża.

65

Għaldaqstant, dispożizzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-possibbiltà li jiġu ordnati miżuri provviżorji relatati ma’ rikors li jirrigwarda kreditu pekunjarju fir-rigward tal-Istat u ta’ wħud mill-awtoritajiet pubbliċi tiegħu ma tistax titqies li hija inkompatibbli mar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012.

66

Il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 jikkonferma tali affermazzjoni.

67

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż sabiex isaħħaħ, fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-materji ċivili u kummerċjali, is-sistema ssimplifikata u effettiva tar-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni, ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi ġudizzjarji, stabbilita permezz tal-istrumenti ġuridiċi li fil-kontinwità tagħhom dan jinstab, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja bl-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni Ewropea li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għaldaqstant, l-istess bħall-istrumenti ġuridiċi li ppreċedewh, ir-Regolament Nru 1215/2012 ma għandux l-għan li jgħaqqad ir-regoli tal-proċedura tal-Istati Membru, iżda li jqassam il-ġurisdizzjoni għas-soluzzjoni tal-kawżi f’materji ċivili u kummerċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Italian Leather, C‑80/00, EU:C:2002:342, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-liġi tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq u ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax azzjoni għal miżuri provviżorji relatata ma’ rikors dwar kreditu pekunjarju fir-rigward tal-Istat jew ta’ awtorità pubblika.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal miżuri provviżorji li titressaq u titkompla, skont ir-regoli tad-dritt komuni, quddiem qorti ta’ Stat Membru, li tkun tirrigwarda penalitajiet abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ triq rapida pubblika konkluż fi tmiem proċedura għall-għoti ta’ kuntratti li l-awtorità kontraenti tiegħu tkun awtorità pubblika taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji skont din id-dispożizzjoni ma għandhiex obbligu tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni meta l-qorti ta’ Stat Membru ieħor, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, tkun diġà ddeċidiet fuq talba li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża u tkun imressqa bejn l-istess partijiet.

 

3)

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-liġi tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq u ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax azzjoni għal miżuri provviżorji relatata ma’ rikors dwar kreditu pekunjarju fir-rigward tal-Istat jew ta’ awtorità pubblika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top