EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0577

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2022.
Kawża mressqa minn A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 13(2) – Professjonijiet irregolati – Kundizzjonijiet għall-kisba tad-dritt ta’ aċċess għat-titolu ta’ psikoterapista fi Stat Membru abbażi ta’ diploma fil-psikoterapija maħruġa minn università stabbilita fi Stat Membru ieħor – Artikoli 45 u 49 TFUE – Libertajiet ta’ moviment u ta’ stabbiliment – Evalwazzjoni tal-ekwivalenza tat-taħriġ inkwistjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri – Kontestazzjoni, mill-Istat Membru ospitanti, tal-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li diploma maħruġa fi Stat Membru ieħor tippermetti li jiġi preżunt – Kundizzjonijiet.
Kawża C-577/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:467

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 13(2) – Professjonijiet irregolati – Kundizzjonijiet għall-kisba tad-dritt ta’ aċċess għat-titolu ta’ psikoterapista fi Stat Membru abbażi ta’ diploma fil-psikoterapija maħruġa minn università stabbilita fi Stat Membru ieħor – Artikoli 45 u 49 TFUE – Libertajiet ta’ moviment u ta’ stabbiliment – Evalwazzjoni tal-ekwivalenza tat-taħriġ inkwistjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri – Kontestazzjoni, mill-Istat Membru ospitanti, tal-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li diploma maħruġa fi Stat Membru ieħor tippermetti li jiġi preżunt – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑577/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura mibdija minn

A

fil-preżenza ta’:

Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, I. Ziemele, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Ströholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Diċembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A, minn A. Palmujoki, asianajaja, u J. Pihlaja,

għas-Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto, minn K. Heiskanen, M. Henriksson u M. Mikkonen, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u N. Vincent, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn K. S. Borge, bħala aġent, assistita minn I. Meinich u T. Sunde, advokater,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati u T. Sevón, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28, u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”), kif ukoll tal-Artikoli 45 u 49 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn A fir-rigward tad-deċiżjoni tas-Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (l-Uffiċċju ta’ Awtorizzazzjoni u ta’ Superviżjoni fil-Qasam Soċjali u tas-Saħħa, il-Finlandja) (iktar ’il quddiem il-“Valvira”) li tirrifjuta li tirrikonoxxilha d-dritt li ġġib it-titolu professjonali ta’ psikoterapista fil-Finlandja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 1, 3, 6, 11 u 44 tad-Direttiva 2005/36 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Skond l-Artikolu 3(1)(ċ) tat-Trattat, l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi huwa wieħed mill-għanijiet tal-Komunità. Għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, din tinkludi, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jeżerċita professjoni, għal rasu jew bħala impjegat, fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ikun kiseb il-kwalifiki professjonali tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 47(1) tat-Trattat jistabbilixxi li għandhom jiġu ppubblikati direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali.

[…]

(3)

Il-garanzija mogħtija minn din id-Direttiva lil persuni li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru sabiex ikollhom aċċess għall-istess professjoni u jeżerċitawha fi Stat Membru ieħor bl-istess drittijiet bħal ċittadini hija bla ħsara għall-konformità mill-professjonist li jkun emigra ma’ kondizzjonijiet mhux diskriminatorji ta’ eżerċizzju li jistgħu jkunu stabbiliti mill-Istat Membru ta’ l-aħħar, kemm-il darba dawn ikunu oġġettivament ġustifikati u proporzjonati.

[…]

(6)

Il-faċilitazzjoni tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun assigurata fil-kuntest ta’ rispett serju tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur. Għalhekk, għandhom ikunu maħsuba dispożizzjonijiet speċifiċi għall-professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet fuq is-saħħa jew is-sigurtà pubblika, li joffru servizzi transkonfini ta’ natura temporanja jew ta’ kultant.

[…]

(11)

Fil-każ tal-professjonijiet koperti mis-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki, hawn taħt msejħa ‘s-sistema ġenerali’, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jistabbilixxu l-livell minimu ta’ kwalifiki meħtieġa sabiex tiġi assigurata l-kwalità tas-servizzi provduti fit-territorju tagħhom. Minkejja dan, skond l-Artikoli 10, 39 u 43 tat-Trattat, dawn ma għandhomx jeħtieġu li ċittadin ta’ Stat Membru jikseb kwalifiki, li huma ġeneralment jistabbilixxu biss f’termini ta’ diplomi mogħtija taħt is-sistema edukattiva nazzjonali tagħhom, fejn il-persuna konċernata tkun diġà kisbet dawk il-kwalifiki kollha jew parti minnhom fi Stat Membru ieħor. Bħala riżultat, għandu jiġi stabbilit li Stat Membru ospitanti li fih professjoni hija regolata għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki miksuba fi Stat Membru ieħor u jistma dwar jekk dawn jaqblux ma’ dawk li huwa jeħtieġ. Is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent, madankollu, ma twaqqafx Stat Membru milli jissuġġetta persuna li tkun qed teżerċita professjoni fit-territorju tiegħu għal rekwiżiti speċifiċi minħabba l-applikazzjoni ta’ regoli professjonali li jkunu ġustifikati mill-interess pubbliku ġenerali. Regoli ta’ dan it-tip huma dawk li, per eżempju, jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-professjoni, standards professjonali, inklużi dawk dwar l-etika, u kontroll u responsabbiltà. Fl-aħħarnett, din id-Direttiva mhix maħsuba sabiex tinterferixxi ma’ l-interess leġittimu ta’ l-Istati Membri li jżommu liċ-ċittadini milli jevadu l-infurzar tal-liġi nazzjonali dwar il-professjonijiet.

[…]

(17)

Sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet kollha li għalihom ma hemmx regoli rigward ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, is-sistema ġenerali għandha tkun estiża għal dawk il-każijiet li mhumiex koperti minn sistema speċifika, kemm fejn il-professjoni mhijiex koperta minn waħda minn dawk is-sistemi jew fejn, għalkemm il-professjoni hija koperta minn tali sistema speċifika, l-applikant ma jissodisfax il-kondizzjonijiet sabiex jibbenefika minnha għal xi raġuni partikolari u eċċezzjonali.”

[…]

(44)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għal miżuri meħtieġa sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumatur”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jipprevedi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.

Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess parzjali għal professjoni regolata u r-rikonoxximent ta’ dan it-taħriġ prattiku professjonali li jsir fi Stat Membru ieħor.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skop”, jgħid, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li hija għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għall-professjonijiet liberali, li jkunu jixtiequ jeżerċitaw, bħala persuni li jaħdmu għal rashom jew bħala impjegati, professjoni rregolata fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih ikunu kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom.

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘professjoni regolata’: attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, professjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi trattata bħala professjoni regolata;

(b)

‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali;

(ċ)

‘prova ta’ kwalifiki formali’: diplomi, ċertifikati u provi oħra maħruġa minn awtorità fi Stat Membru nominata skond dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amminstrattivi ta’ dak l-Istat Membru u li jiċċertifikaw it-temma b’suċċess ta’ taħriġ professjonali miksub prinċiparjament fil-Komunità. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, prova ta’ kwalifiki formali msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi ttrattata bħala prova ta’ kwalifiki formali;

(d)

‘awtorità kompetenti’: kwalunkwe awtorità jew korp inkarigat speċifikament minn Stat Membru sabiex joħroġ jew jirċievi diplomi ta’ taħriġ u dokumenti oħrajn jew informazzjoni u sabiex jilqa applikazzjoni u jieħu deċiżjonijiet, imsemmija f’din id-Direttiva;

(e)

‘edukazzjoni u taħriġ regolat’: kull taħriġ li huwa speċifikatament intiż għall-eżerċizzju ta’ professjoni speċifika u li jkun fih kors jew korsijiet komplimentati, fejn jixraq, b’taħriġ professjonali, jew bi prattika bi prova jew professjonali.

L-istruttura u l-livell tat-taħriġ professjonali, il-prattika bi prova jew professjonali għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru konċernat jew evalwat jew approvat mill-awtorità maħtura għal dan l-iskop;

[…]”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Effetti tar-rikonoxximent”, jipprevedi li:

“1.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarji sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedu għall-istess professjoni bħal dik li huma kkwalifikati għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini u sabiex jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.

[…]”

8

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għar-rikonoxximent”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.

L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru.

2.   L-aċċess għal u l-eżerċitar tal-professjoni kif deskritt fil-paragrafu 1 għandhom jiġu awtorizzati wkoll għal applikanti li eżerċitaw il-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena jew għal perjodu globali ekwivalenti fuq bażi part-time matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, u li jippossjedu attestazzjoni waħda jew aktar ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni.

L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza u l-prova ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

inħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula [skont] il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

jikkonfermaw li d-detentur ġie ppreparat għall-eżerċitar tal-professjoni kkonċerata.

Is-sena ta’ esperjenza professjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tistax, madankollu, tkun meħtieġa jekk il-prova ta’ kwalifiki formali li jippossjedi l-applikant tiċċertifika edukazzjoni u taħriġ regolati.

[…]”

Id‑dritt Finlandiż

Il‑Liġi dwar il‑Professjonisti tal‑Kura tas‑Saħħa

9

Skont il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-laki terveydenhuollon ammattihenkilöistä (559/1994) (il-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa (559/1994), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa”), għall-finijiet ta’ din il-liġi, “professjonist tal-kura tas-saħħa” tfisser persuna li, skont l-imsemmija liġi, għandha d-dritt iġġib it-titolu professjonali ta’ professjonist tal-kura tas-saħħa previst f’digriet tal-Gvern (professjonist detentur ta’ titolu professjonali protett). Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-istess liġi, professjonist awtorizzat, detentur ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ titolu protett, għandu d-dritt jeżerċita l-professjoni inkwistjoni u jġib it-titolu professjonali marbut magħha. Persuni oħra li jkollhom taħriġ, esperjenza u kompetenzi professjonali suffiċjenti jistgħu wkoll jeżerċitaw professjoni li t-titolu tagħha huwa protett.

10

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3a tal-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa, il-Valvira huwa, għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-awtorità kompetenti msemmija fid-Direttiva 2005/36 u fil-laki ammattipätevyyden tunnustamisesta (1384/2015) (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (1384/2015), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali”).

Id‑Digriet dwar il‑Professjonisti tal‑Kura tas‑Saħħa

11

Skont l-Artikolu 1 tal-asetus terveydenhuollon ammattihenkilöistä (564/1994) (id-Digriet dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa (564/1994), iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa”), fost it-titoli professjonali, għall-professjonisti detenturi ta’ titolu professjonali protett, previsti fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa, hemm, b’mod partikolari, it-titolu ta’ psikoterapista.

12

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2a tad-Digriet dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa, sabiex persuna tkun awtorizzata ġġib it-titolu professjonali protett ta’ psikoterapista, hija għandha tkun segwiet taħriġ ta’ psikoterapista mogħti minn università jew minn università u organu ieħor ta’ tagħlim.

Il‑Liġi dwar ir‑Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali

13

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali huwa bbażat fuq attestazzjoni ta’ kompetenza, prova ta’ kwalifiki formali partikolari jew sensiela ta’ tali dokumenti maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Finlandja. Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna interessata jkollha d-dritt, fl-Istat Membru ta’ oriġini, teżerċita l-professjoni li għall-finijiet tal-eżerċizzju tagħha hija titlob deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħha.

14

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali japplika wkoll għall-applikanti li, matul l-aħħar għaxar snin, eżerċitaw il-professjoni tagħhom full-time matul sena jew part-time matul perijodu ekwivalenti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Finlandja li fih il-professjoni inkwistjoni ma hijiex irregolata u li jkollhom attestazzjoni ta’ kompetenza waħda jew iktar jew prova ta’ kwalifiki formali waħda jew iktar. Dawn id-dokumenti għandhom juru l-kompetenza tad-detentur tagħhom sabiex jeżerċita l-professjoni inkwistjoni. Madankollu, esperjenza professjonali ta’ sena ma tkunx meħtieġa jekk il-provi ta’ kwalifiki formali tal-applikant jirrigwardaw taħriġ irregolat.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

A, ta’ nazzjonalità Finlandiża, talbet lill-Valvira, fuq il-bażi ta’ Postgraduate Diploma in Solution Focused Therapy (diploma postgradwatorja wara taħriġ f’“terapija li tiffoka fuq is-soluzzjonijiet”, iktar ’il quddiem it-“taħriġ in kwistjoni”), maħruġa fis‑27 ta’ Novembru 2017 mill-University of the West of England (l-Università tal-Punent tal-Ingilterra, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem il-“UWE”), id-dritt li ġġib it-titolu professjonali ta’ psikoterapista, li huwa protett mil-leġiżlazzjoni Finlandiża.

16

It-taħriġ inkwistjoni kien ġie organizzat mill-UWE fil-Finlandja u bil-Finlandiż, bi sħubija mal-Helsingin Psykoterapiainstituutti Oy, kumpannija pubblika Finlandiża ta’ responsabbiltà limitata li teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-Finlandja.

17

Matul is-sena 2017, il-Valvira ġie kkuntattjat minn ex parteċipanti f’dan it-taħriġ li esprimewlu t-tħassib tagħhom dwar diversi nuqqasijiet għal dak li jirrigwarda l-kontenut effettiv tal-imsemmi taħriġ u l-modalitajiet prattiċi tiegħu meta mqabbla mal-għanijiet previsti. Il-Valvira stess ikkuntattja persuni oħra li kienu ipparteċipaw fih u li kienu ddeskrivew esperjenzi simili.

18

Peress li kellu dubji dwar l-ekwivalenza tat-taħriġ inkwistjoni mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapista u l-eżerċizzju tagħha, il-Valvira, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2018, ċaħad it-talba ta’ A, għar-raġuni prinċipali li din tal-aħħar ma kinitx ipprovdietlu informazzjoni suffiċjenti dwar il-kontenut ta’ dan it-taħriġ. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2018, il-Valvira ċaħad l-ilment ta’ A kontra d-deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2018.

19

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ April 2019, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn A kontra d-deċiżjoni tal-Valvira tal‑10 ta’ Settembru 2018. Dik il-qorti ddeċidiet li t-taħriġ inkwistjoni kellu jitqies li ġie segwit fir-Renju Unit, minkejja l-fatt li, fil-prattika, huwa kien ġie organizzat fil-Finlandja u bil-Finlandiż. Madankollu, is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali prevista mid-Direttiva 2005/36 ma teżiġix li tintlaqa’ t-talba ta’ A, għaliex din tal-aħħar la eżerċitat il-professjoni ta’ psikoterapista fir-Renju Unit, li fih il-professjoni u t-taħriġ ta’ psikoterapista ma humiex irregolati, u lanqas fi Stat Membru ieħor li għandu sistema simili.

20

Peress li stabbilixxiet li t-taħriġ inkwistjoni kellu nuqqasijiet kbar u kien jippreżenta differenzi meta mqabbel mat-taħriġ ta’ psikoterapista fil-Finlandja, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) qieset li l-Valvira kien korrett meta ddeċieda li A ma kinitx weriet li l-konoxxenzi u l-kwalifiki tagħha kienu ekwivalenti għal dawk miksuba minn persuna li tkun segwiet taħriġ ta’ psikoterapista fil-Finlandja. Il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE lanqas ma jwasslu sabiex jirrendu illegali d-deċiżjoni ta’ ċaħda adottata mill-Valvira.

21

Fl-appell tagħha ppreżentat kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), A ssostni li t-taħriġ inkwistjoni għandu jitqies bħala li ngħata fil-Finlandja u li l-UWE ċċertifikat, bħala awtorità kompetenti, li dan it-taħriġ kien konformi mar-rekwiżiti relatati mat-taħriġ ta’ psikoterapista previsti, fil-Finlandja, mid-Digriet dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa. Għaldaqstant, it-taħriġ inkwistjoni għandu jiġi rrikonoxxut bħala taħriġ li jagħti d-dritt għat-titolu professjonali ta’ psikoterapista li hija titlob.

22

Madankollu, fil-każ fejn it-taħriġ inkwistjoni ma għandux jitqies li ngħata fil-Finlandja, l-ekwivalenza tiegħu mat-taħriġ ta’ psikoterapista organizzat fil-Finlandja għandha tiġi evalwata abbażi tad-dokumenti relatati mal-kors u mal-kwalità tal-programm tat-taħriġ inkwistjoni, bħal dawk prodotti minn A u l-organizzaturi tat-taħriġ. Il-Valvira ma wettaqx tali evalwazzjoni, iżda bbaża d-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu fuq ittri anonimi, opinjoni mitluba mingħand università Finlandiża kompetitriċi tal-UWE u intervisti li wettaq huwa stess. Issa, il-prinċipju ta’ lealtà kif stabbilit mid-dritt tal-Unjoni jimplika li l-Valvira ma għandux jqiegħed fid-dubju dokument maħruġ mill-UWE fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

23

Min-naħa tiegħu, il-Valvira jqis li t-taħriġ ta’ psikoterapista segwit fi Stat Membru ieħor għandu jkun komparabbli ma’ dak mogħti bħalissa mill-universitajiet Finlandiżi. Issa, skont din l-awtorità, it-taħriġ inkwistjoni ma jissodisfax, f’diversi aspetti, il-kundizzjonijiet materjali u kwalitattivi li t-taħriġ fil-psikoterapija għandu jissodisfa fil-Finlandja u, konsegwentement, ma jistax jagħti lok għad-dritt li jinġieb it-titolu professjonali ta’ psikoterapista. Il-Valvira jżid li, bħala prinċipju, huwa jirrikonoxxi ċ-ċertifikati maħruġa mill-universitajiet u mill-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll l-informazzjoni li huma jipprovdu dwar il-kontenut u l-modalitajiet prattiċi tat-taħriġ offrut, u li hija teżaminahom biss sa fejn ikun neċessarju sabiex tiddetermina l-eżistenza jew le ta’ differenzi bejn it-taħriġ Finlandiż u t-taħriġ korrispondenti fi Stat Membru ieħor.

24

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li hija diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża oħra, li t-taħriġ inkwistjoni ma jistax jitqies li ġie segwit fil-Finlandja, fis-sens tal-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa. Fil-Finlandja, il-professjoni ta’ psikoterapista hija professjoni rregolata, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, għaliex id-dritt li jinġieb it-titolu professjonali kkonċernat jingħata biss lil minn jissodisfa l-kwalifiki professjonali meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Finlandiża applikabbli.

25

Il-professjoni ta’ psikoterapista hija suġġetta għas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali prevista, b’mod partikolari, fl-Artikoli 10 sa 14 ta’ din id-direttiva. Peress li l-professjoni u t-taħriġ ta’ psikoterapista ma humiex irregolati fir-Renju Unit, l-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva huwa applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ A.

26

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, peress li A ma tissodisfax il-kundizzjoni, prevista f’din id-dispożizzjoni, li tgħid li hija għandha tkun eżerċitat il-professjoni ta’ psikoterapista fi Stat Membru ieħor fejn din il-professjoni ma hijiex irregolata, il-persuna kkonċernata ma tistax titlob id-dritt ta’ aċċess għal din il-professjoni fil-Finlandja.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36, is-sitwazzjoni ta’ A għandhiex tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-libertajiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 45 u 49 TFUE kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħhom. Fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi jekk, sabiex tiżgura ruħha li d-diploma maħruġa fi Stat Membru ieħor tiċċertifika, fir-rigward tad-detentur tagħha, il-konoxxenzi u l-kwalifiki, jekk mhux identiċi, tal-inqas ekwivalenti għal dawk iċċertifikati mid-diploma nazzjonali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tistax tibbaża ruħha wkoll fuq informazzjoni oħra li hija tkun kisbet fir-rigward tal-modalitajiet tat-taħriġ inkwistjoni jew inkella jekk għandhiex tillimita ruħha għall-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward minn università ta’ Stat Membru ieħor, bħall-UWE.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat [F]UE u mid-Direttiva 2005/36 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tevalwa d-dritt ta’ applikant li jeżerċita professjoni rregolata skont l-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE u l-ġurisprudenza relatata (b’mod partikolari is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou[, C‑340/89, EU:C:1991:193], u s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard[, C-298/14, EU:C:2015:652]) minkejja l-fatt li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 jidher li jarmonizza l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata li permezz tagħhom l-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti l-eżerċizzju tal-professjoni minn applikant li jkollu evidenza ta’ edukazzjoni u taħriġ minn Stat li fih il-professjoni ma hijiex rregolata iżda li ma jissodisfax ir-rekwiżit sabiex jeżerċita l-professjoni hekk kif stipulat f’dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, wara teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunament fil-kawża [fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015,] Brouillard ([C‑298/14, EU:C:2015:652,] punt 55 tas-sentenza) fir-rigward tal-kriterji esklużivi għall-evalwazzjoni tal-ekwivalenza ta’ ċertifikati, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti, milli tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-ekwivalenza tat-taħriġ ukoll fuq informazzjoni għajr dik miksuba mill-fornitur tat-taħriġ jew l-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor dwar il-kontenut iktar iddettaljat u l-metodu ta’ implimentazzjoni tat-taħriġ?”

Osservazzjoni preliminari

29

Għandu jiġi osservat li l-fatti rilevanti relatati mal-kawża prinċipali seħħew meta d-dritt tal-Unjoni kien għadu japplika għar-Renju Unit. Għaldaqstant, l-Artikoli 45 u 49 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2005/36 jistgħu jiġu applikati f’dan il-każ.

Fuq l‑ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 kif ukoll l-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li talba għal aċċess għal professjoni rregolata u għal awtorizzazzjoni sabiex din tiġi eżerċitata fl-Istat Membru ospitanti, imressqa, skont dan l-Artikolu 13(2), minn persuna li, minn naħa, hija detentriċi ta’ prova ta’ kwalifiki formali relatata ma’ din il-professjoni, maħruġa fi Stat Membru li fih l-imsemmija professjoni ma hijiex irregolata, u li, min-naħa l-oħra, ma tissodisfax ir-rekwiżit li għandha tkun eżerċitat l-istess professjoni matul il-perijodu minimu msemmi fl-istess Artikolu 13(2), għandha tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fid-dawl tal-Artikoli 45 jew 49 TFUE.

31

Qabelxejn, għandu jiġi osservat, f’dan il-każ, li għalkemm huwa minnu li A segwiet taħriġ organizzat mill-UWE fil-Finlandja u bil-lingwa Finlandiża, bi sħubija mal-Helsingin Psykoterapiainstituutti, xorta jibqa’ l-fatt li d-diploma fil-psikoterapija nħarġet lil A fi tmiem dan it-taħriġ mill-UWE, li għandha s-sede tagħha fir-Renju Unit.

32

Issa, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2005/36, din għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għall-professjonijiet liberali, li jixtiequ jeżerċitaw professjoni rregolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali fuq bażi ta’ xogħol għal rashom jew bħala impjegati.

33

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1)(b) sa (d) tal-imsemmija direttiva, “kwalifiki professjonali” tfisser, b’mod partikolari, il-kwalifiki ċċertifikati minn prova ta’ kwalifiki formali, bħal, b’mod partikolari, diploma, maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u li tiċċertifika taħriġ professjonali miksub prinċipalment fl-Unjoni Ewropea.

34

Minn dan isegwi li, peress li l-prova ta’ kwalifiki formali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiċċertifika taħriġ professjonali miksub fl-Unjoni, inħarġet minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih A għandha l-intenzjoni li teżerċita professjoni rregolata, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36.

35

Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, mill-ewwel domanda, jirriżulta li A ma tissodisfax ir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36, li hija għandha tkun eżerċitat il-professjoni li hija tinvoka matul il-perijodu minimu msemmi f’din id-dispożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, A mhux biss ma tistax tinvoka din id-dispożizzjoni, u lanqas, b’mod iktar wiesa’, is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali prevista fl-Artikoli 10 sa 14 tad-Direttiva 2005/36, iżda lanqas ma tista’ tinvoka sistema oħra ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali stabbilita minn din id-direttiva.

36

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni bħal dik ta’ A għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikoli 45 jew 49 TFUE.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-moviment liberu tal-persuni ma jintlaħaqx kompletament jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrifjutaw il-benefiċċju tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 45 u 49 TFUE lil dawk iċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu użaw il-faċilitajiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u li jkunu kisbu, permezz tagħhom, kwalifiki professjonali fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkollhom in-nazzjonalità. Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll meta ċittadin ta’ Stat Membru jkun kiseb fi Stat Membru ieħor kwalifika universitarja li jkun bi ħsiebu jinvoka fl-Istat Membru li tiegħu jkollu n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard, C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 27).

38

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652), peress li l-persuna kkonċernata invoka, fl-Istat Membru li tiegħu kienet ċittadina, diploma universitarja li hija kienet kisbet fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni ma setax jiġi rrifjutat lilha u li l-fatt li din id-diploma kienet inkisbet wara taħriġ b’korrispondenza ma kellux effett f’dan ir-rigward.

39

L-istess japplika għal persuna bħal A, li tinvoka fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina diploma universitarja li hija tkun kisbet fi Stat Membru ieħor, anki jekk dan kien wara taħriġ mogħti fl-ewwel Stat Membru bi sħubija ma’ awtorità kompetenti sabiex tinħareġ tali diploma tal-Istat Membru l-ieħor.

40

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, aditi minn ċittadin tal-Unjoni b’talba għal awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita professjoni li l-aċċess għaliha huwa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, suġġett għall-pussess ta’ diploma jew ta’ kwalifika professjonali, jew anki għal perijodi ta’ esperjenza prattika, huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali, kif ukoll l-esperjenza rilevanti tal-persuna kkonċernata, billi jwettqu paragun bejn, minn naħa, il-kompetenzi ċċertifikati minn dawn il-provi ta’ kwalifiki formali u minn din l-esperjenza u, min-naħa l-oħra, il-konoxxenzi u l-kwalifiki mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija, C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Peress li din il-ġurisprudenza hija biss l-espressjoni ġurisprudenzjali ta’ prinċipju inerenti għal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat FUE, dan il-prinċipju ma jistax jitlef parti mill-valur ġuridiku tiegħu minħabba l-adozzjoni ta’ direttivi dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija, C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fil-fatt, id-direttivi dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, u b’mod partikolari d-Direttiva 2005/36, ma għandhomx bħala għan u ma jistax ikollhom l-effett li jirrendu iktar diffiċli r-rikonoxximent ta’ diplomi, ta’ ċertifikati u ta’ provi oħra ta’ kwalifiki formali fis-sitwazzjonijiet mhux koperti minnhom (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Taħriġ tal-ewwel grad fil-mediċina), C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali fejn, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-persuna kkonċernata ma tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ebda waħda mis-sistemi ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali stabbiliti mid-Direttiva 2005/36, l-Istat Membru ospitanti kkonċernat għandu josserva l-obbligi tiegħu fil-qasam tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, kif imfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li japplikaw għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 45 TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 49 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija, C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 kif ukoll l-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li talba għal aċċess għal professjoni rregolata u għal awtorizzazzjoni sabiex din tiġi eżerċitata fl-Istat Membru ospitanti, imressqa, skont dan l-Artikolu 13(2), minn persuna li, minn naħa, hija detentriċi ta’ prova ta’ kwalifiki formali relatata ma’ din il-professjoni, maħruġa fi Stat Membru li fih l-imsemmija professjoni ma hijiex irregolata, u li, min-naħa l-oħra, ma tissodisfax ir-rekwiżit li għandha tkun eżerċitat l-istess professjoni matul il-perijodu minimu msemmi fl-istess Artikolu 13(2), għandha tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fid-dawl tal-Artikoli 45 jew 49 TFUE.

Fuq it‑tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 45 u 49 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, adita b’talba għal awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata professjoni rregolata f’dan l-Istat Membru, tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-ekwivalenza tat-taħriġ li jinvoka l-applikant fir-rigward tat-taħriġ korrispondenti fl-imsemmi Stat Membru wkoll fuq informazzjoni relatata mal-kontenut eżatt u mal-modalitajiet konkreti ta’ dan it-taħriġ ipprovduta lilha minn persuni għajr l-organizzaturi tal-imsemmi taħriġ jew mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor.

46

Għandu jitfakkar li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha l-persuna kkonċernata ma tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ebda waħda mis-sistemi ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali stabbiliti mid-Direttiva 2005/36, iżda li għaliha japplika l-Artikolu 45 TFUE jew l-Artikolu 49 TFUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu josserva l-obbligi tiegħu fil-qasam tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, kif imfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Taħriġ tal-ewwel grad fil-mediċina), C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 41).

47

Il-proċedura ta’ eżami komparattiv imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza għandha tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jivverifikaw oġġettivament jekk id-diploma barranija tattestax li d-detentur tagħha għandu konoxxenzi u kwalifiki li, jekk mhux identiċi, huma għall-inqas ekwivalenti għal dawk attestati permezz tad-diploma nazzjonali. Din l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza tad-diploma barranija għandha ssir esklużivament billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-konoxxenzi u tal-kwalifiki li din id-diploma tippermetti li jiġi preżunt li għandu d-detentur tagħha, fid-dawl tan-natura u tat-tul tal-istudji u tat-taħriġ prattiku marbuta magħha (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Taħriġ tal-ewwel grad fil-mediċina), C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din il-proċedura ta’ eżami komparattiv tippresupponi l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-provi li jiċċertifikaw il-kwalifiki professjonali maħruġa minn kull Stat Membru. Għaldaqstant, l-awtorità tal-Istat Membru ospitanti hija bħala prinċipju marbuta li tqis bħala veru dokument bħal, b’mod partikolari, diploma, maħruġa mill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor.

49

Madankollu, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jkollha dubji serji, li jmorru lil hinn minn sempliċi suspetti, dwar l-awtentiċità jew il-veraċità ta’ dokument, l-awtorità jew l-istituzzjoni emittenti hija obbligata, fuq talba tal-ewwel awtorità, li teżamina mill-ġdid il-fondatezza tad-dokument ikkonċernat u, jekk ikun il-każ, tirtirah (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2003, Tennah-Durez, C‑110/01, EU:C:2003:357, punt 80).

50

B’hekk, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tadixxi lill-awtorità emittenti b’elementi konkreti li jikkostitwixxu sensiela konkordanti ta’ indizji li jagħtu x’jifhem li d-diploma li jinvoka l-applikant ma tirriflettix il-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li hija tippermetti li jiġi preżunt li d-detentur tagħha kiseb skont is-sistema mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-awtorità emittenti hija obbligata, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, teżamina mill-ġdid, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fondatezza tal-ħruġ ta’ dik id-diploma u, jekk meħtieġ, tirtiraha.

51

Fost l-imsemmija elementi konkreti jista’ jkun hemm, jekk ikun il-każ, b’mod partikolari, informazzjoni trażmessa kemm minn persuni li ma humiex l-organizzaturi tat-taħriġ ikkonċernat, kif ukoll mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor li jaġixxu fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom.

52

L-awtorità tal-Istat Membru ospitanti, li, kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, hija bħala prinċipju marbuta li tqis bħala veru dokument bħal diploma maħruġa mill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor, ma tistax, bħala prinċipju, tikkontesta l-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki professjonali li din id-diploma tippermetti li jiġi preżunt li għandu d-detentur tagħha meta l-awtorità emittenti tkun eżaminat mill-ġdid, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il-fondatezza tal-ħruġ tagħha, mingħajr ma tirtiraha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2003, Tennah-Durez, C‑110/01, EU:C:2003:357, punt 79). Huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tikkontesta l-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li din id-diploma tippermetti li jiġi preżunt li d-detentur tagħha kiseb.

53

B’hekk, fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi tal-każ, li seħħew, bħal fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, jiżvelaw b’mod manifest l-assenza ta’ veraċità tal-imsemmija diploma, dan l-Istat Membru ma jistax ikun obbligat jinjorahom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1989, van de Bijl, 130/88, EU:C:1989:349, punti 2526).

54

Fil-fatt, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jiġi rrifjutat id-dritt li jadotta dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprekludu li l-libertajiet ta’ moviment tal-persuni stabbiliti mit-Trattat FUE jintużaw mill-persuni kkonċernati sabiex jevitaw ir-rekwiżiti fil-qasam tat-taħriġ professjonali imposti fuq id-detenturi ta’ diploma nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1989, van de Bijl, 130/88, EU:C:1989:349, punti 26).

55

B’mod partikolari, ġie deċiż li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-imsemmija libertajiet ta’ moviment, bil-kundizzjoni li din tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punti 5859).

56

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li l-assenza ta’ veraċità ta’ diploma tkun manifesta, b’mod partikolari, meta jkun ċar li l-kontenut reali tat-taħriġ mogħti huwa kunsiderevolment differenti mill-kontenut tat-taħriġ kif jirriżulta mid-diploma kkonċernata.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikoli 45 u 49 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li quddiemha titressaq talba għal awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata professjoni rregolata f’dak l-Istat Membru, hija obbligata tqis bħala vera diploma maħruġa mill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor u ma tistax, bħala prinċipju, tikkontesta l-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li hija tippermetti li jiġi preżunt li l-applikant kiseb. Huwa biss meta jkollha dubji serji, ibbażati fuq elementi konkreti li jikkostitwixxu sensiela konkordanti ta’ indizji li jagħtu x’jifhem li d-diploma li dan l-applikant jinvoka ma tirriflettix il-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li hija tippermetti li jiġi preżunt li huwa kiseb, li din l-awtorità tista’ titlob lill-awtorità emittenti sabiex teżamina mill-ġdid, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija diploma, fejn din l-aħħar awtorità għandha, jekk ikun il-każ, tirtiraha. Fost l-imsemmija elementi konkreti, jista’ jkun hemm, jekk ikun il-każ, b’mod partikolari, informazzjoni trażmessa kemm minn persuni li ma humiex l-organizzaturi tat-taħriġ ikkonċernat kif ukoll mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor li jaġixxu fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom. Meta l-awtorità emittenti tkun eżaminat mill-ġdid, fid-dawl tal-imsemmija elementi, il-fondatezza tal-ħruġ tagħha, mingħajr ma tirtiraha, huwa biss b’mod eċċezzjonali, fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi tal-każ juru b’mod manifest l-assenza ta’ veraċità tad-diploma kkonċernata, li l-awtorità tal-Istat Membru ospitanti tista’ tikkontesta l-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija diploma.

Fuq l‑ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 kif ukoll l-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li talba għal aċċess għal professjoni rregolata u għal awtorizzazzjoni sabiex din tiġi eżerċitata fl-Istat Membru ospitanti, imressqa, skont dan l-Artikolu 13(2), minn persuna li, minn naħa, hija detentriċi ta’ prova ta’ kwalifiki formali relatata ma’ din il-professjoni, maħruġa fi Stat Membru li fih l-imsemmija professjoni ma hijiex irregolata, u li, min-naħa l-oħra, ma tissodisfax ir-rekwiżit li għandha tkun eżerċitat l-istess professjoni matul il-perijodu minimu msemmi fl-istess Artikolu 13(2), għandha tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fid-dawl tal-Artikoli 45 jew 49 TFUE.

 

2)

L-Artikoli 45 u 49 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li quddiemha titressaq talba għal awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata professjoni rregolata f’dak l-Istat Membru, hija obbligata tqis bħala vera diploma maħruġa mill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor u ma tistax, bħala prinċipju, tikkontesta l-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li hija tippermetti li jiġi preżunt li l-applikant kiseb. Huwa biss meta jkollha dubji serji, ibbażati fuq elementi konkreti li jikkostitwixxu sensiela konkordanti ta’ indizji li jagħtu x’jifhem li d-diploma li dan l-applikant jinvoka ma tirriflettix il-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li hija tippermetti li jiġi preżunt li huwa kiseb, li din l-awtorità tista’ titlob lill-awtorità emittenti sabiex teżamina mill-ġdid, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija diploma, fejn din l-aħħar awtorità għandha, jekk ikun il-każ, tirtiraha. Fost l-imsemmija elementi konkreti, jista’ jkun hemm, jekk ikun il-każ, b’mod partikolari, informazzjoni trażmessa kemm minn persuni li ma humiex l-organizzaturi tat-taħriġ ikkonċernat kif ukoll mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor li jaġixxu fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom. Meta l-awtorità emittenti tkun eżaminat mill-ġdid, fid-dawl tal-imsemmija elementi, il-fondatezza tal-ħruġ tagħha, mingħajr ma tirtiraha, huwa biss b’mod eċċezzjonali, fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi tal-każ juru b’mod manifest l-assenza ta’ veraċità tad-diploma kkonċernata, li l-awtorità tal-Istat Membru ospitanti tista’ tikkontesta l-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija diploma.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top