Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0431

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
    Carlo Tognoli et vs Il-Parlament Ewropew.
    Appell – Dritt istituzzjonali – Status uniku ta’ deputat Ewropew – Deputati Ewropej eletti f’kostitwenzi Taljani – Bidla tad-drittijiet tal-pensjoni – Att li jikkawża preġudizzju – Pożizzjoni provviżorja – Effetti legali awtonomi.
    Kawża C-431/20 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:807

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Appell – Dritt istituzzjonali – Status uniku ta’ deputat Ewropew – Deputati Ewropej eletti f’kostitwenzi Taljani – Bidla tad-drittijiet tal-pensjoni – Att li jikkawża preġudizzju – Pożizzjoni provviżorja – Effetti legali awtonomi”

    Fil-Kawża C‑431/20 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑12 ta’ Settembru 2020,

    Carlo Tognoli, residenti f’Milano (l-Italja),

    Emma Allione, residenti f’Milano,

    Luigi Alberto Colajanni, residenti f’Palermo (l-Italja),

    Claudio Martelli, residenti f’Ruma (l-Italja),

    Luciana Sbarbati, residenti fi Chiaravalle (l-Italja),

    Carla Dimatore, bħala eredi ta’ Mario Rigo, residenti f’Noale (l-Italja),

    Roberto Speciale, residenti f’Bogliasco (l-Italja),

    Loris Torbesi, bħala eredi ta’ Eugenio Melandri, residenti f’Ruma,

    Luciano Pettinari, residenti f’Ruma,

    Pietro Di Prima, residenti f’Palermo,

    Carla Barbarella, residenti f’Magione (l-Italja),

    Carlo Alberto Graziani, residenti fi Fiesole (l-Italja),

    Giorgio Rossetti, residenti fi Trieste (l-Italja),

    Giacomo Porrazzini, residenti f’Terni (l-Italja),

    Guido Podestà, residenti f’Vila Real de Santo António (il-Portugall),

    Roberto Barzanti, residenti fi Siena (l-Italja),

    Rita Medici, residenti f’Bologna (l-Italja),

    irrappreżentati minn M. Merola, avvocato,

    Aldo Arroni, residenti f’Milano,

    Franco Malerba, residenti f’Issy-les-Moulineaux (Franza),

    Roberto Mezzaroma, residenti f’Ruma,

    irrappreżentati minn M. Merola u L. Florio, avvocati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Alves u S. Seyr, bħala aġenti,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de La Tour

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, Carlo Tognoli et jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Lulju 2020, Tognoli et vs Il‑Parlament (T‑395/19, T‑396/19, T‑405/19, T‑408/19, T‑419/19, T‑423/19, T‑424/19, T‑428/19, T‑433/19, T‑437/19, T‑443/19, T‑455/19, T‑458/19 sa T‑462/19, T‑464/19, T‑469/19 u T‑477/19, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:302), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tan-noti tal‑11 ta’ April 2019 stabbiliti mill-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tad-deputati” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew u li jikkonċernaw l-aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet li huma jibbenefikaw minnhom wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2019, tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) (iktar ’il quddiem in-“noti kontenzjużi”).

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    L-appellanti huma jew ex membri tal-Parlament Ewropew, eletti fl-Italja, jew konjuġi superstiti ta’ ex membri ta’ din l-istituzzjoni. Kull wieħed minnhom jibbenefika, taħt dan it-titolu, minn pensjoni tal-irtirar jew minn pensjoni tas-superstiti.

    3

    Fit‑12 ta’ Lulju 2018, l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati ddeċieda li jikkalkola mill-ġdid, skont is-sistema tal-kontribuzzjoni, l-ammont tal-pensjonijiet tal-ex membri ta’ din il-Kamra għas-snin tal-mandat imwettqa sal‑31 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 14/2018”).

    4

    Permezz taż-żieda ta’ kumment fuq ir-rendikonti tal-pensjoni tal-appellanti tax-xahar ta’ Jannar 2019, il-Parlament informahom bil-fatt li l-ammont tal-pensjonijiet tagħhom seta’ jiġi rrivedut, skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018, u li dan il-kalkolu l-ġdid seta’ eventwalment jagħti lok għal irkupru tas-somom imħallsa indebitament.

    5

    Permezz ta’ nota mingħajr data tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tad-deputati” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament, annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tal-appellanti tax-xahar ta’ Frar 2019, il-Parlament informahom, qabelxejn, li s-servizz legali tiegħu kien ikkonferma l-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għas-sitwazzjoni tagħhom. Din in-nota kienet tippreċiża, sussegwentement, li, hekk kif il-Parlament ikun irċieva l-informazzjoni neċessarja mill-Camera dei deputati (il-Kamra tad-Deputati, l-Italja), huwa kien jikkomunika lill-appellanti l-iffissar mill-ġdid tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom u kien jipproċedi għall-irkupru tad-differenza eventwali matul it-tnax-il xahar sussegwenti. Fl-aħħar nett, din in-nota kienet tinforma lill-appellanti li l-iffissar definittiv tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom kien ser ikun stabbilit permezz ta’ att formali li kontrih ikun possibbli li jitressaq ilment jew rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

    6

    Sussegwentement, permezz tan-noti kontenzjużi, dan il-Kap tad-Diviżjoni kkomunika lill-appellanti li l-ammont tal-pensjonijiet tagħhom kien ser jiġi adattat sat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet analogi mħallsa fl-Italja lill-ex deputati nazzjonali b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Dawn in-noti kienu jippreċiżaw ukoll li l-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti kien ser jiġi adattat mix-xahar ta’ April 2019 b’applikazzjoni tal-abbozzi għall-iffissar tad-drittijiet tal-pensjoni l-ġodda trażmessi fl-anness tal-imsemmija noti. Barra minn hekk, l-istess noti kienu jagħtu lill-appellanti terminu ta’ 30 jum, li jibda jiddekorri minn meta jirċevuhom, sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom. Fin-nuqqas tal-preżentata ta’ tali osservazzjonijiet fit-terminu mogħti, in-noti kontenzjużi jkunu jitqiesu li jipproduċu effetti definittivi li jkunu jimplikaw, b’mod partikolari, l-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament għax-xhur minn Jannar sa Marzu 2019.

    7

    Permezz ta’ ittri elettroniċi li ntbagħtu bejn it‑13 ta’ Mejju u l‑4 ta’ Ġunju 2019, l-appellanti bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom lid-dipartiment kompetenti tal-Parlament. Permezz ta’ ittri elettroniċi li ntbagħtu bejn it‑22 ta’ Mejju u l‑24 ta’ Ġunju 2019, il-Parlament irrikonoxxa li rċieva dawn l-osservazzjonijiet u indika lill-appellanti li kienet ser tingħatalhom risposta wara li jiġu eżaminati l-argumenti tagħhom.

    8

    Wara l-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittri tal‑20 ta’ Ġunju (Kawża T‑396/19), tat‑8 ta’ Lulju (Kawżi T‑405/19, T‑408/19, T‑443/19 u T‑464/19), tal‑15 ta’ Lulju (Kawżi T‑419/19, T‑433/19, T‑455/19, T‑458/19 sa T‑462/19, T‑469/19 u T‑477/19) u tat‑23 ta’ Lulju 2019 (Kawżi T‑395/19, T‑423/19, T‑424/19 u T‑428/19), il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tad-deputati” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament indika li l-osservazzjonijiet mibgħuta mill-appellanti ma kinux jinkludu elementi ta’ natura li jiġġustifikaw reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, kif espressa fin-noti kontenzjużi, u li, konsegwentement, id-drittijiet tal-pensjoni kif ukoll il-pjan ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, kif ikkalkolati mill-ġdid u kkomunikati fl-anness ta’ dawn in-noti, kienu saru definittivi.

    9

    Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjoni ta’ Eugenio Melandri, li kien talab l-applikazzjoni ta’ deroga bbażata fuq il-livell tad-dħul tiegħu, il-Parlament ma kienx iddeċieda b’mod definittiv fuq is-sitwazzjoni tiegħu fid-data tad-digriet appellat.

    Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

    10

    Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bejn it‑28 ta’ Ġunju u t‑8 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ppreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament tan-noti kontenzjużi.

    11

    Fis‑16, id‑19 u l‑24 ta’ Settembru 2019, il-Parlament, permezz ta’ atti separati, eċċepixxa l-inammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi.

    12

    Bejn id‑19 ta’ Settembru u l‑4 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-eċċezzjoni ta’ Emma Allione u ta’ E. Melandri, ippreżentaw noti ta’ adattament tar-rikorsi rispettivi tagħhom.

    13

    Fil‑15 ta’ Jannar 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad l-eżami tar-rikorsi għal annullament ippreżentati rispettivament mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

    14

    Permezz tad-digriet appellat, adottat skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali bħala manifestament inammissibbli.

    15

    Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 57 tad-digriet appellat, li n-noti kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju u, għaldaqstant, ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, fil-punt 63 tad-digriet appellat, hija ċaħdet bħala manifestament inammissibbli t-talba tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament ta’ dawn in-noti.

    16

    Sabiex tiġġustifika din l-evalwazzjoni, hija, fl-ewwel lok, ippreċiżat, fil-punti 51 sa 53 tad-digriet appellat, li ċ-ċirkustanza li l-metodu l-ġdid ta’ kalkolu tal-pensjonijiet kien applikabbli mix-xahar ta’ April 2019 ma kienx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-Parlament kien ħa pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward. Minn naħa, in-noti kontenzjużi kienu espliċitament ippreżentati bħala abbozzi. Min-naħa l-oħra, hija speċifikat li dawn jsiru definittivi biss fl-assenza ta’ osservazzjonijiet ifformulati mid-destinatarji tagħhom f’terminu ta’ 30 jum minn meta jiġu riċevuti. Issa, ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali kienu ppreżentaw tali osservazzjonijiet f’dan it-terminu.

    17

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 56 u 60 tad-digriet appellat, li l-ittri sussegwenti tal-Parlament, imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, kienu jikkostitwixxu teħid ta’ pożizzjoni definittiva ta’ din l-istituzzjoni fil-konfront tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u ma setgħux jiġu analizzati bħala atti purament konfermattivi tan-noti kontenzjużi.

    18

    Fit-tielet lok, hija ddeċidiet, fil-punti 61 u 62 tad-digriet appellat, li ċ-ċirkustanza li n-noti kontenzjużi ma kinux jippreċiżaw it-terminu li fih il-Parlament kien ser iwieġeb għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali kien irrilevanti, bħall-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    19

    Sussegwentement, fil-punti 66 u 67 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kap tat-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet espressi fl-ittri msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, hija qieset li n-noti ta’ adattament ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali kienu manifestament inammissibbli, għar-raġuni li parti tista’ tadatta t-talbiet u l-motivi tar-rikors inizjali tagħha biss jekk dan tal-aħħar kien huwa nnifsu ammissibbli fid-data tal-preżentata tiegħu.

    20

    Fl-aħħar nett, fil-punt 74 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kap tat-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi sabiex il-Parlament jiġi kkundannat iħallas is-somom li huwa żamm indebitament, sa fejn dan il-kap tat-talbiet kien manifestament inammissibbli.

    It-talbiet tal-partijiet

    21

    Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet appellat;

    tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

    tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż tal-proċedura fl-istadju tal-appell, b’riżerva tal-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    22

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell; u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell.

    Fuq l-appell

    L-argumenti tal-partijiet

    23

    L-appellanti jinvokaw tliet aggravji insostenn tal-appell tagħhom, ibbażati, rispettivament, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura kontestabbli tan-noti kontenzjużi, fuq żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u fuq żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 126 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura. It-tieni u t-tielet aggravju huma ppreżentati b’mod sussidjarju.

    24

    Fid-dawl tal-argumenti li huma jiżviluppaw insostenn tal-aggravji tagħhom, l-appellanti għandhom jiġu kkunsidrati bħala li qegħdin jitolbu l-annullament tad-digriet appellat inkwantu, permezz ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tan-noti kontenzjużi kif ukoll tad-deċiżjonijiet espressi fl-ittri msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza.

    25

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li n-noti kontenzjużi jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati.

    26

    Skont l-appellanti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-kriterju essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk att jistax jiġi kkontestat huwa l-effetti legali tiegħu u mhux in-natura definittiva tiegħu. Għalhekk, atti ta’ natura provviżorja ġew ikkunsidrati bħala li jistgħu jiġu kkontestati għaliex kienu jipproduċu tali effetti.

    27

    L-appellanti jsostnu, f’dan ir-rigward, li n-noti inkwistjoni pproduċew l-effetti tagħhom sa mix-xahar ta’ April 2019. Barra minn hekk, dawn in-noti jikkawżaw dannu gravi ħafna lill-appellanti, li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ a posteriori. Barra minn hekk, in-natura provviżorja ta’ dawn in-noti ma hijiex ibbażata fuq bażi legali identifikata.

    28

    L-appellanti jsostnu wkoll, sussidjarjament, li ebda element ċar ma kien jippermettilhom jikkonkludu li n-noti kontenzjużi huma segwiti minn deċiżjonijiet li ma humiex purament konfermattivi. Huma jqisu li n-natura konfermattiva tagħhom tirriżulta barra minn hekk mit-tweġibiet tal-Parlament għall-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw, peress li l-Parlament iddikjara lilu nnifsu li ma kellux kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni tal-argumenti ppreżentati f’dawn l-osservazzjonijiet.

    29

    Skont l-appellanti, huwa wkoll illoġiku li jiġi kkunsidrat li n-natura tan-noti kontenzjużi tista’ tvarja skont jekk ġewx ippreżentati osservazzjonijiet jew le. Fil-fatt, fl-ewwel każ, il-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet ikollha biss l-effett li tibdel id-data li fiha l-att isir definittiv, iżda dan l-att jibqa’ identiku. Fit-tieni każ, l-att inkwistjoni jsir att definittiv mingħajr ebda element addizzjonali ma jkun neċessarju.

    30

    Il-Parlament isostni li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti kien ta’ natura provviżorja u li seta’ jiġi rrivedut abbażi tal-osservazzjonijiet ippreżentati minn dawn tal-aħħar, mingħajr l-assenza ta’ bażi legali ma tkun rilevanti f’dan ir-rigward. Din in-natura provviżorja tirriżulta b’mod ċar mill-kliem tan-noti kontenzjużi u mill-fakultà li kellhom l-appellanti li jippreżentaw osservazzjonijiet qabel ma dawn in-noti saru definittivi, fakultà li l-appellanti ġustament użaw. Il-pożizzjoni definittiva tal-Parlament ġiet deċiża biss sussegwentement.

    31

    L-appellanti jagħmlu qari parzjali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li l-kriterju deċiżiv sabiex deċiżjoni intermedja tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat huwa l-fatt li r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali ma jkunx ta’ natura li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti. Issa, f’dan il-każ, l-eżerċizzju ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finalment adottata mill-Parlament kien ta’ natura li jiżgura tali protezzjoni.

    32

    Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet finali adottati mill-Parlament ma humiex purament konfermattivi, peress li huma bbażati fuq analiżi tal-argumenti mqajma mill-appellanti fl-osservazzjonijiet tagħhom. L-assenza ta’ indikazzjoni ta’ terminu għar-risposta għall-osservazzjonijiet fin-noti kontenzjużi hija, f’dan il-kuntest, indifferenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    33

    Bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tad-digriet appellat, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li jitqiesu li huma “atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu xi effetti legali vinkolanti (sentenzi tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (sentenzi tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Għandu jitfakkar ukoll li, kif essenzjalment enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tad-digriet appellat, miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw, fil-kuntest ta’ proċedura li tinkludi diversi fażijiet, id-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Tali atti intermedjarji huma qabelxejn atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 51 sa 55 tad-digriet appellat, li n-noti kontenzjużi ma kinux jiffissaw il-pożizzjoni definittiva tal-Parlament, peress li l-pożizzjoni adottata f’dawn in-noti setgħet tinbidel sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi inklużi fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

    38

    F’dan ir-rigward, l-argument imressaq mill-appellanti, li n-noti kontenzjużi ma kinux ta’ natura provviżorja minħabba li l-Parlament finalment ikkunsidra li ma kellux kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni tal-argumenti ppreżentati f’dawn l-osservazzjonijiet, ma jistax jintlaqa’.

    39

    Minn naħa, billi qies li ma kienx il-kompitu tiegħu li jiddeċiedi dwar il-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, il-Parlament iddeċieda dwar ir-rilevanza tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-appellanti u għalhekk evalwa mill-ġdid id-deċiżjonijiet inizjali tiegħu fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

    40

    Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni bħala att preparatorju tan-noti kontenzjużi ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiddependi mill-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati sussegwentement mill-Parlament.

    41

    Madankollu, il-konstatazzjoni li att ta’ istituzzjoni jikkostitwixxi miżura intermedjarja li ma tesprimix il-pożizzjoni finali ta’ istituzzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, b’mod sistematiku, li dan l-att ma jikkostitwixxix “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

    42

    Għalhekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li att intermedjarju li jipproduċi effetti legali awtonomi jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament sa fejn ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata l-illegalità marbuta ma’ dan l-att fl-okkażjoni ta’ rikors dirett kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Għaldaqstant, meta l-kontestazzjoni tal-legalità ta’ att intermedjarju fil-kuntest ta’ tali rikors ma hijiex ta’ natura li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rikorrent kontra l-effetti ta’ dan l-att, dan għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 63; tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 56, kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 48).

    44

    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tad-digriet appellat u kif isostnu l-appellanti fl-appell tagħhom, in-noti kontenzjużi kienu jwasslu għal tnaqqis immedjat tal-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti, mix-xahar ta’ April 2019, peress li l-applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis ma kinitx sospiża sakemm tintemm il-proċedura mmexxija mill-Parlament.

    45

    Minn dan isegwi li n-noti kontenzjużi kienu jipproduċu, bħala tali, effetti legali awtonomi fuq is-sitwazzjoni patrimonjali tal-appellanti.

    46

    Tali effetti ma jistgħux jiġu assimilati mal-effetti proċedurali tal-atti li jesprimu pożizzjoni provviżorja tal-Kummissjoni Ewropea jew mal-effetti ta’ tali atti li ġew irrikonoxxuti bħala li ma jippreġudikawx l-interessi tal-persuni kkonċernati, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala li ma jistgħux iwasslu għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra tali atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punti 1718).

    47

    Il-fatt, irrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tad-digriet appellat, li min-noti kontenzjużi jsegwi li l-Parlament kien ipproċeda għall-irkupru tas-somom irċevuti għax-xhur minn Jannar sa Marzu 2019 biss fl-assenza ta’ osservazzjonijiet ippreżentati mill-appellanti f’terminu ta’ 30 jum wara li rċevew dawn in-noti ma huwiex ta’ natura li jikkontesta n-natura immedjata tal-effetti legali prodotti mill-imsemmija noti.

    48

    Barra minn hekk, minkejja li n-noti kontenzjużi kienu jipprevedu li l-Parlament kellu jadotta pożizzjoni finali wara li jirċievi l-osservazzjonijiet magħmula mill-appellanti, huwa paċifiku li l-adozzjoni ta’ tali pożizzjoni ma kienet akkumpanjata minn ebda terminu.

    49

    L-effetti legali awtonomi tan-noti kontenzjużi setgħu, konsegwentement, ikomplu jeżistu għal perijodu potenzjalment twil li t-terminu tiegħu ma huwiex iddefinit a priori.

    50

    Barra minn hekk, mid-digriet appellat u mill-informazzjoni pprovduta mill-Parlament jsegwi li, għal wieħed mill-appellanti, it-teħid ta’ pożizzjoni definittiva ta’ din l-istituzzjoni seħħ biss tmien xhur wara li rċieva n-nota li tikkonċernah.

    51

    F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li t-tnaqqis durabbli tal-ammont ta’ pensjoni huwa ta’ natura li jkollu konsegwenzi potenzjalment irriversibbli fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, l-appellanti kellu jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw rikors effettiv kontra n-noti kontenzjużi u għalhekk jagħmlu ostakolu għat-tnaqqis tal-pensjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1992, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑47/91, EU:C:1992:284, punt 28, u tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 63).

    52

    Minn dan isegwi li l-eżerċizzju ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet finali li l-Parlament kellu jadotta wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-appellanti ma kienx ta’ natura li jiżguralhom protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    53

    Il-possibbiltà li għandhom il-persuni kkonċernati, fl-assenza ta’ tweġiba tal-Parlament għall-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw, li jippreżentaw rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontrih lanqas ma hija ta’ natura li tiżguralhom protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    54

    Ċertament, il-Parlament għandu jwieġeb għal tali osservazzjonijiet f’terminu raġjonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28) u l-persuni kkonċernati għandhom, konsegwentement, id-dritt li jippreżentaw rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jekk din l-istituzzjoni ma tikkonformax ma’ dan l-obbligu.

    55

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat tali rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni setgħet tkun biżżejjed sabiex teskludi l-kontinwazzjoni ta’ stat ta’ nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni wara l-adozzjoni ta’ miżura intermedjarja adottata minn din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, C‑282/95 P, EU:C:1997:159, punt 38).

    56

    Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux ikunu determinanti f’dan il-każ peress li, minn naħa, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentat kontra l-Parlament ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-effetti legali awtonomi tan-noti kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, it-termini neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat tali rikors u sussegwentement, jekk ikun il-każ, ta’ rikors għal annullament ikunu eċċessivi f’kuntest fejn dawn in-noti jwasslu immedjatament għal tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet imħallsa lil persuni fiżiċi.

    57

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 57 tad-digriet appellat, li n-natura provviżorja tan-noti kontenzjużi kienet tippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn ma kinux jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju u, għaldaqstant, li ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

    58

    Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel aggravju jintlaqa’ u li jiġi annullat id-digriet appellat sa fejn dan ċaħad il-kap tat-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tan-noti kontenzjużi.

    59

    Minn dan isegwi wkoll li d-digriet appellat għandu jiġi annullat sa fejn dan ċaħad il-kap tat-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet espressi fl-ittri msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, peress li ċ-ċaħda ta’ dan il-kap tat-talbiet hija esklużivament ibbażata fuq l-inammissibbiltà tal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tan-noti kontenzjużi.

    60

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju, sa fejn dawn ma humiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jinvolvu annullament iktar estiż tad-digriet appellat.

    Fuq ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali

    61

    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

    62

    Fl-ewwel lok, peress li l-Parlament sostna biss, permezz tal-eċċezzjonijiet tiegħu ta’ inammissibbiltà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-rikorsi għal annullament ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali kienu inammissibbli minħabba li n-noti kontenzjużi kienu jikkostitwixxu atti preparatorji, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 41 sa 57 ta’ din is-sentenza, dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għandhom jiġu miċħuda.

    63

    Fit-tieni lok, peress li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali rrigwardaw esklużivament l-ammissibbiltà tar-rikorsi u peress li din ċaħdet dawn ir-rikorsi bħala manifestament inammissibbli mingħajr ma fetħet il-proċedura orali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament fuq l-imsemmija rikorsi.

    64

    Konsegwentement, hemm lok li l-kawżi jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tan-noti kontenzjużi u tad-deċiżjonijiet espressi fl-ittri msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza.

    Fuq l-ispejjeż

    65

    Peress li l-kawżi ġew irrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Lulju 2020, Tognoli et vs Il-Parlament (T‑395/19, T‑396/19, T‑405/19, T‑408/19, T‑419/19, T‑423/19, T‑424/19, T‑428/19, T‑433/19, T‑437/19, T‑443/19, T‑445/19, T‑458/19 sa T‑462/19, T‑464/19, T‑469/19 u T‑477/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:302), huwa annullat sa fejn huwa ċaħad it-talbiet ippreżentati minn Carlo Tognoli et intiżi għall-annullament tan-noti tal‑11 ta’ April 2019 stabbiliti mill-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tad-deputati” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew u li jikkonċernaw l-aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet li huma jibbenefikaw minnhom wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2019, tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) u tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew espressi fl-ittri tal‑20 ta’ Ġunju (Kawża T‑396/19), tat‑8 ta’ Lulju (Kawżi T‑405/19, T‑408/19, T‑443/19 u T‑464/19), tal‑15 ta’ Lulju (Kawżi T‑419/19, T‑433/19, T‑455/19, T‑458/19 sa T‑462/19, T‑469/19 u T‑477/19) u tat‑23 ta’ Lulju 2019 (Kawżi T‑395/19, T‑423/19, T‑424/19 u T‑428/19).

     

    2)

    L-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament Ewropew quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huma miċħuda.

     

    3)

    Il-kawżi huma rrinvijati lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex hija tiddeċiedi fuq it-talbiet ippreżentati minn Carlo Tognoli et intiżi għall-annullament ta’ dawn in-noti u ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top