This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0371
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 2 September 2021.#Peek & Cloppenburg KG, v Peek & Cloppenburg KG.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Consumer protection – Directive 2005/29/EC – Unfair commercial practices – Commercial practices deemed to be unfair in all circumstances – Misleading commercial practices – First sentence of point 11 of Annex I – Advertising campaigns – Use of editorial content in the media to promote a product – Promotion financed by the trader itself – Concept of ‘payment’ – Promotion of sales of the products of the media operator company and of the trader – Advertorial.#Case C-371/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-2 ta’ Settembru 2021.
Peek & Cloppenburg KG, légalement représentée par Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär B.V. vs Peek & Cloppenburg KG, légalement représentée par Van Graaf Management GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Prattiki kummerċjali meqjusa li huma żleali fi kwalunkwe ċirkustanza – Prattiki kummerċjali qarrieqa – L-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I – Azzjonijiet ta’ reklamar – Użu ta’ kontenut editorjali fil-media għall-promozzjoni ta’ prodott – Promozzjoni ffinanzjata mill-kummerċjant innifsu – Kunċett ta’ ‘finanzjament’ – Promozzjoni tal-bejgħ tal-prodotti ta’ min jirreklama u tal-kumpannija editriċi tal-media – ‘Rapport pubbliċitarju’.
Kawża C-371/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-2 ta’ Settembru 2021.
Peek & Cloppenburg KG, légalement représentée par Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär B.V. vs Peek & Cloppenburg KG, légalement représentée par Van Graaf Management GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Prattiki kummerċjali meqjusa li huma żleali fi kwalunkwe ċirkustanza – Prattiki kummerċjali qarrieqa – L-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I – Azzjonijiet ta’ reklamar – Użu ta’ kontenut editorjali fil-media għall-promozzjoni ta’ prodott – Promozzjoni ffinanzjata mill-kummerċjant innifsu – Kunċett ta’ ‘finanzjament’ – Promozzjoni tal-bejgħ tal-prodotti ta’ min jirreklama u tal-kumpannija editriċi tal-media – ‘Rapport pubbliċitarju’.
Kawża C-371/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:674
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Prattiki kummerċjali meqjusa li huma żleali fi kwalunkwe ċirkustanza – Prattiki kummerċjali qarrieqa – L-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I – Azzjonijiet ta’ reklamar – Użu ta’ kontenut editorjali fil-media għall-promozzjoni ta’ prodott – Promozzjoni ffinanzjata mill-kummerċjant innifsu – Kunċett ta’ ‘finanzjament’ – Promozzjoni tal-bejgħ tal-prodotti ta’ min jirreklama u tal-kumpannija editriċi tal-media – ‘Rapport pubbliċitarju’”
Fil-Kawża C‑371/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura
Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata legalment minn Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär BV
vs
Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata legalment minn Van Graaf Management GmbH
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Peek & Cloppenburg KG, legalment irrappreżentata minn Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär B.V., minn A. Auler, Rechtsanwalt, |
– |
għal Peek & Cloppenburg KG, legalment irrappreżentata minn Van Graaf Management GmbH, minn A. Renck u M. Petersenn, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér kif ukoll minn Z. Biró-Tóth, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, Korriġendum fil-ĠU 2006, L 114, p. 86). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata legalment minn Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär B. V. (iktar ’il quddiem “P&C Düsseldorf”), u Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata legalment minn Van Graaf Management GmbH (iktar ’il quddiem “P&C Hamburg”), kumpanniji ġuridikament u ekonomikament indipendenti, dwar in-natura żleali ta’ operazzjoni promozzjonali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-kliem tal-premessi 6 u 17 tad-Direttiva 2005/29:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.” |
5 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, il-kelma “kummerċjant” tfisser “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant”. L-Artikolu 2(d) tal-istess direttiva jiddefinixxi l-“prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”. |
6 |
L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2005/29 jiddisponi: “Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.” |
7 |
L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Prattiċi Kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali”, isemmi, bħala “[p]rattiċi kummerċjali żleali”, fl-ewwel sentenza tal-punt 11 tiegħu, il-fatt li dak li jkun “juża kontenut editorjali fil-medja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur. (advertorial [rapport pubbliċitarju]). […]” |
Id-dritt Ġermaniż
8 |
Il-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1414), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2010 I, p. 254) (iktar ’il quddiem l-“UWG”), hija intiża, b’mod partikolari, li tittrasponi fid-dritt Ġermaniż id-Direttiva 2005/29. L-Artikolu 3 tal-UWG u l-anness ta’ din il-liġi għandhom lista ta’ prattiċi kummerċjali li jitqiesu li huma żleali. |
9 |
L-Artikolu 3 tal-UWG, intitolat “Projbizzjoni ta’ Prattiki Kummerċjali Żleali”, jipprevedi: “1. Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali. […] 3. Ir-reklamar indirizzat lejn il-konsumaturi msemmija fl-anness mehmuż mal-liġi preżenti għadhom illegali. […] […]” |
10 |
Il-punt 11 tal-anness tal-UWG isemmi “l-użu, imħallas minn impriża, ta’ kontenut editorjali sabiex jippromwovi prodott, mingħajr ma din ir-rabta ma’ din l-impriża tirriżulta b’mod ċar mill-kontenut jew mill-preżentazzjoni viżwali jew awdjo kkonċernat (rapport pubbliċitarju)”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 |
P&C Düsseldorf u P&C Hamburg huma żewġ kumpanniji ġuridikament u ekonomikament indipendenti minn xulxin li t-tnejn jeżerċitaw l-attività ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ħwejjeġ taħt l-isem kummerċjali “Peek & Cloppenburg”, permezz ta’ diversi sussidjarji. Ftehim konkluż bejn żewġ kumpanniji jipprevedi li dawn jaqsmu s-suq Ġermaniż f’żewġ żoni ekonomiċi u li kull waħda minn dawn topera ħwienet tal-ħwejjeġ f’żona waħda biss. L-imsemmija kumpanniji jiżguraw il-promozzjoni tal-kummerċ tal-ħwejjeġ tagħhom b’mod separat u indipendenti. |
12 |
Fix-xahar ta’ Marzu 2011, P&C Düsseldorf nediet operazzjoni promozzjonali ta’ portata nazzjonali fir-rivista tal-moda Grazia, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ artiklu fuq żewġ paġni, li kien jistieden lill-qarrejja, taħt it-titolu “Operazzjoni qarrejja”, għal serata ta’ xiri privat, imsejħa “Grazia StyleNight by Peek & Cloppenburg”. |
13 |
Fuq l-isfond ta’ immaġini fejn il-kliem “Peek & Cloppenburg” jinqraw b’ittri illuminati fuq il-faċċata tal-ħwienet irrappreżentati, kien indikat kif ġej: “Serata għall-Grazia-Girls kollha: Innavigaw magħna fit-tempju tal-moda wara x-xogħol! Bil-crémant u stilista personali. Kif tista’ ssir V.I.S. (Very important Shopper)? Għaġġlu u rreġistraw!”. Kien ippreċiżat li jeżistu żewġ kumpanniji indipendenti bl-isem ta’ Peek & Cloppenburg u li din kienet tirrigwarda, f’dan il-każ, reklam ta’ P&C Düsseldorf. Dawn l-immaġini kienu qegħdin jippreżentaw prodotti kkummerċjalizzati minn din tal-aħħar fil-kuntest ta’ dan l-avveniment. |
14 |
P&C Hamburg ressqet rikors quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) intiż li jipprojbixxi lil P&C Düsseldorf milli juri, bħala kompetitriċi, avviżi pubbliċitarji li ma kinux identifikabbli bħala tali, kif ukoll sabiex tikkundanna lil din tal-aħħar tikkomunika ċerta informazzjoni u tikkundannaha tikkumpensa d-dannu sostnut minnha minħabba din l-operazzjoni promozzjonali. Insostenn ta’ dan ir-rikors, P&C Hamburg sostniet li avviż bħal dak ippubblikat fir-rivista Grazia kien imur kontra l-projbizzjoni ta’ kontenut editorjali previst fl-Artikolu 3(3) tal-UWG, moqri flimkien mal-punt 11 tal-anness ta’ din. |
15 |
Il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) laqgħet dan ir-rikors. L-appell ta’ P&C Düsseldorf kontra d-deċiżjoni tal-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) ġie miċħud mill-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja). |
16 |
Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, ġiet adita fl-appell bil-kawża prinċipali minn P&C Düsseldorf. Din il-qorti tirrileva li s-soluzzjoni għal din it-tilwima tiddependi mill-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Artikolu 3(3) tal-UWG, moqri flimkien mal-punt 11 tal-anness ta’ din il-liġi. |
17 |
Skont l-imsemmija qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-pubblikazzjoni tal-kontenut editorjali li tħabbar l-operazzjoni promozzjonali tistax titqies li hija “rapport pubbliċitarju” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tal-UWG, sa fejn P&C Düsseldorf u l-kumpannija editriċi tar-rivista Grazia qasmu l-ispejjeż relatati ma’ din l-operazzjoni u jekk P&C Düsseldorf qegħditx għad-dispożizzjoni tar-rivista u mingħajr ħlas l-immaġini użati fl-artiklu li dehru fin-numru kkonċernat ta’ din ir-rivista. |
18 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li diversi kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva huma ssodisfatti. Fil-fatt, skont din il-qorti, l-artiklu li ħabbar is-serata ta’ xiri privat, imsejħa “Grazia StyleNight by Peek & Cloppenburg”, jikkostitwixxi “prattika kummerċjali” ta’ P&C Düsseldorf. Dan l-artiklu kellu kontenut editorjali. Il-pubblikazzjoni ta’ dan il-kontenut editorjali intuża għall-finijiet ta’ promozzjoni għall-bejgħ ta’ prodotti ta’ P&C Düsseldorf. Fl-aħħar, ir-rabta bejn din il-promozzjoni u l-finanzjament tagħha ma’ dan il-kummerċjant ma tirriżultax b’mod ċar biżżejjed lill-qarrej tal-imsemmi artiklu. |
19 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk setax jitqies, f’dan il-każ, li P&C Düsseldorf “iffinanzjat” il-promozzjoni tal-bejgħ tal-prodotti tagħha bl-użu tal-imsemmi kontenut editorjali, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. |
20 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li P&C Düsseldorf irrikonoxxiet li organizzat is-serati ta’ xiri privat flimkien mal-kumpannija editriċi tar-rivista Grazia u li l-ispejjeż u n-nefqa ġew sostnuti minn dawn it-tnejn. Barra minn hekk, P&C Düsseldorf qiegħdet lill-ħwienet u lill-persunal tagħha għad-dispożizzjoni għall-organizzazzjoni tal-operazzjoni promozzjonali kkonċernata, u ttrasferixxiet mingħajr ħlas lill-kumpannija editriċi tar-rivista Grazia d-drittijiet ta’ użu marbuta mal-immaġini ppubblikati fl-artiklu li deher fin-numru kkonċernat ta’ din tal-aħħar. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti tistaqsi, minn naħa, jekk P&C Düsseldorf tistax tkun meqjusa bħala li “ffinanzjat”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, din l-operazzjoni promozzjonali jew jekk tali kunċett jimplikax li l-kummerċjant ikkonċernat iħallas somma flus bħala korrispettiv għall-użu ta’ kontenut editorjali fil-media għall-promozzjoni tal-bejgħ tal-prodotti tiegħu. Għalkemm, skont l-istess qorti, jeżistu diversi elementi favur interpretazzjoni stretta tal-kelma “ffinanzjat”, fis-sens tal-ewwel sentenza ta’ dan il-punt 11, li jgħid li din il-kelma tkopri biss servizzi ta’ natura finanzjarja, din l-interpretazzjoni ma hijiex daqstant ċara. |
22 |
Paragun ta’ verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din l-ewwel sentenza tal-punt 11 ma jippermettix li jiġi eskluż li din il-kelma tkopri wkoll servizzi oħra minbarra dawk ta’ servizzi ta’ natura finanzjarja. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-konsumatur jidentifika n-natura promozzjonali ta’ tali kontenut, li jifhem in-natura kummerċjali tal-messaġġ ikkonċernat sabiex jirreaġixxi għalih b’mod xieraq, u dan indipendentement mill-fatt li l-promozzjoni tkun iffinanzjata mill-kummerċjant bil-ħlas ta’ somma flus jew b’mod ieħor. Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkorroborata mill-għan usa’ tal-Artikolu 1 tagħha, li jiġi żgurat “livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur”. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk l-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 teħtieġx li l-kummerċjant ikkonċernat ikun ipprovda lill-kumpannija editriċi tal-media vantaġġ f’valur patrimonjali bħala korrispettiv għall-użu tal-kontenut editorjali u, fl-affermattiv, jekk tali kundizzjoni tiġix issodisfatta fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni kkonċernata tirrigwarda operazzjoni promozzjonali organizzata b’mod konġunt minn dan il-kummerċjant u din il-kumpannija editriċi tal-media, sabiex tiżgura l-promozzjoni tal-bejgħ tal-prodotti ta’ dawn tal-aħħar. |
24 |
Minn naħa, jista’ jitqies li servizzi eventwali pprovduti mill-kummerċjant ikkonċernat kienu jirrigwardaw biss l-organizzazzjoni tal-operazzjoni promozzjonali fiha nnifisha, u mhux ir-reklam ippubblikat fir-rivista li tirrigwarda. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali rabta bejn dawn il-provvisti u dan ir-reklam tista’ tiġi rrikonoxxuta meta wieħed iqis li din l-operazzjoni promozzjonali u l-imsemmija reklam jifformaw ħaġa waħda inseparabbli. |
25 |
Fi kwalunkwe każ, skont il-qorti tar-rinviju, it-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas lill-kumpannija editriċi tal-media minn P&C Düsseldorf tad-drittijiet ta’ użu tal-immaġini riprodotti fil-kontenut editorjali kkonċernat jista’ jikkostitwixxi servizz ta’ valur patrimonjali pprovdut bħala korrispettiv għar-reklam. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
27 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjoni ta’ finanzjament prevista f’din id-dispożizzjoni tkopri kull forma ta’ servizz tal-kummerċjant kkonċernat u kull vantaġġ ekonomiku pprovdut minn dan tal-aħħar fid-dawl tal-pubblikazzjoni ta’ artiklu u jekk, fl-affermattiv, tali servizz għandux jiġi pprovdut b’korrispettiv dirett għal din il-pubblikazzjoni. |
28 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li ż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali, P&C Düsseldorf u P&C Hamburg, żewġ kumpanniji ta’ bejgħ tal-ħwejjeġ, huma kummerċjanti, ma jipprekludix l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tad-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, huma biss esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, il-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali żleali li jippreġudikaw biss l-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li jikkonċernaw tranżazzjoni bejn kummerċjanti (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Köck, C‑206/11, EU:C:2013:14, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Issa, f’dan il-każ, il-projbizzjoni ta’ “rapporti pubbliċitarji”, prevista fid-Direttiva 2005/29 u trasposta fid-dritt Ġermaniż, hija intiża sabiex iżżomm il-fiduċja tal-konsumatur fin-newtralità tal-kontenut editorjali u sabiex tevita r-reklamar moħbi, kemm fl-interess tal-konsumatur kif ukoll f’dak tal-kompetituri eventwali ta’ min jirreklama. |
30 |
Konsegwentement, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-kundizzjonijiet ta’ prattika kummerċjali żleali jkunu ssodisfatti, din id-direttiva ma teskludix il-possibbiltà għal kummerċjant kompetitur ta’ min jirreklama milli jikkontesta tali prattika quddiem il-qorti nazzjonali. |
31 |
Fit-tieni lok, sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, l-aġir ikkonċernat għandu jikkostitwixxi prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva. Dan ikun il-każ meta dan l-aġir li joriġina minn kummerċjant, jaqa’ fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali tiegħu u jkun intiż direttament għall-promozzjoni, għall-bejgħ jew għall-provvista tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu lill-konsumatur (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punti 35 u 36). |
32 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-pubblikazzjoni tal-artiklu kkonċernat kienet tirrigwarda reklam dwar operazzjoni promozzjonali li kienet tagħmel parti mill-kuntest tal-istrateġija ta’ bejgħ ta’ ħwejjeġ u ta’ fedeltà tal-klijenti ta’ P&C Düsseldorf. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 23 u 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li din il-pubblikazzjoni kienet tikkonċerna operazzjoni promozzjonali organizzata b’kooperazzjoni mal-kumpannija editriċi tal-media kkonċernata, li kienet intiża wkoll sabiex tippromwovi l-bejgħ ta’ din tal-aħħar, ma tistax titqiegħed inkwistjoni n-natura ta’ “prattika kummerċjali” ta’ din l-operazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, attribwibbli lil P&C Düsseldorf. |
33 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-klassifikazzjoni bħala “rapport pubbliċitarju”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, ta’ pubblikazzjoni li tirrigwarda tali operazzjoni promozzjonali fir-rivista tal-moda tal-kumpannija editriċi tal-media msieħba, peress li huwa paċifiku li P&C Düsseldorf ma ħallsitx somma flus lil din il-kumpannija editriċi tal-media bħala korrispettiv għal din il-pubblikazzjoni. B’mod iktar partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar jekk il-kunċett ta’ “finanzjament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandux jinftiehem bħala li jkopri l-ħlasijiet ta’ somom ta’ flus, jew jekk dan il-kunċett jinkludix kull vantaġġ ta’ valur patrimonjali mogħti mill-kummerċjant li jirreklama lill-kumpannija editriċi tal-media kkonċernata. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2005/29 twettaq armonizzazzjoni kompleta fil-livell tal-Unjoni tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi u tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma meqjusa żleali “f’kull ċirkostanza”. Konsegwentement, hekk kif tippreċiża espressament il-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, dawn il-prattiki kummerċjali biss jistgħu jitqiesu li huma żleali mingħajr ma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
B’hekk, b’applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, jiġi kklassifikat bħala prattika kummerċjali żleali fi kwalunkwe ċirkustanza l-fatt li kummerċjant jippromwovi prodott billi juża kontenut editorjali fil-media, mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur li huwa jkun iffinanzja l-imsemmi kontenut, prattika komunement magħrufa bħala “rapport pubbliċitarju”. |
36 |
Issa, għandu jitqies, għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li għalkemm f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva, bħall-verżjoni Spanjola (“pagando”), Ġermaniża (“bezahlt”), Ingliża (“paid for”), Olandiża (“betaald”) jew ukoll dik Pollakka (“zapłacił”), huma użati kliem li jissuġġerixxu “ħlasijiet” fis-sens ta’ ħlas ta’ somom ta’ flus, waqt li oħrajn, bħall-verżjoni Franċiża (“financer”), jew Taljana (“i costi di tale promozione siano stati sostenuti”), huma użati kliem iktar ġeneriċi, li jippermettu li tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “finanzjament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull forma ta’ korrispettiv li għandu valur patrimonjali. |
37 |
Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li n-neċessità ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tad-dritt tal-Unjoni teskludi li dan jitqies b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, 4finance, C‑515/12, EU:C:2014:211, punt 19). Fil-fatt, dispożizzjoni għandha tiġi interpretata mhux biss skont il-kliem tagħha, iżda wkoll skont il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, KRONE – Verlag, C‑65/20, EU:C:2021:471, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Fir-rigward tad-Direttiva 2005/29, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din hija kkaratterizzata minn kamp ta’ applikazzjoni materjali partikolarment wiesa’, li huwa estiż għal kull prattika kummerċjali li jkollha rabta diretta mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi u tidħol fil-kuntest tal‑istrateġija kummerċjali ta’ operatur (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C‑304/08, EU:C:2010:12, punt 39). |
39 |
Għalhekk, l-għan imfittex minn din id-direttiva huwa b’mod partikolari li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali żleali u huwa bbażat fuq il-fatt li, meta mqabbel ma’ kummerċjant, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ informazzjoni, peress li ma jistax jiġi miċħud li teżisti asimetrija sinjifikattiva ta’ informazzjoni u kompetenzi bejn dawn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et, C‑428/11, EU:C:2012:651, punt 48, kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Orange Polska, C‑628/17, EU:C:2019:480, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Issa, fil-kuntest tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, din il-protezzjoni tikkonkretizza ruħha fil-qasam tal-istampa miktuba u tal-media ta’ informazzjoni oħra, sa fejn dan il-punt jimponi fuq l-impriżi li jirreklamaw obbligu li jindikaw b’mod ċar li huma jkunu qegħdin jiffinanzjaw kontenut editorjali fil-media meta dan il-kontenut ikun intiż li jippromwovi prodott jew servizz ta’ dawn il-kummerċjanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 48). |
41 |
Minn dan jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ġie kkonċepit b’mod partikolari sabiex jiżgura li kull pubblikazzjoni li fuqha l-kummerċjant ikkonċernat ikun eżerċita influwenza fl-interess kummerċjali tiegħu tiġi indikata u magħrufa b’mod ċar bħala tali mill-konsumatur. F’dan il-kuntest, il-forma konkreta tal-finanzjament, kemm jekk ikun il-ħlas ta’ somma flus jew kull korrispettiv ieħor li għandu valur patrimonjali huwa irrilevanti mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-fiduċja tal-qarrejja fin-newtralità tal-istampa. |
42 |
Fil-fatt, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “finanzjament”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens li din teżiġi l-ħlas ta’ somma flus ma tikkorrispondix mar-realtà tal-prattika ġurnalistika u ta’ reklamar u fil-biċċa l-kbira ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha. |
43 |
Dan l-approċċ huwa kkorroborat mir-rapport tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 [2013/2116(INI] (A 7-0474/2014). Fil-fatt, fil-punt 16 ta’ dan ir-rapport, il-Parlament talab lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2005/29, b’mod partikolari fir-rigward tar-reklamar “moħbi” fuq l-internet permezz tax-xandir ta’ kummenti fuq networks soċjali, forums jew bloggs, li jidhru li joriġinaw minn konsumaturi stess meta fir-realtà jkunu messaġġi ta’ natura pubbliċitarja jew kummerċjali, direttament jew indirettament iġġenerati jew iffinanzjati minn atturi ekonomiċi, u jinsistu fuq l-effetti dannużi ta’ tali prattiki fuq il-fiduċja tal-konsumaturi u l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. |
44 |
Fir-rigward ta’ pubblikazzjoni f’rivista dwar operazzjoni promozzjonali organizzata minn kummerċjant f’kollaborazzjoni mal-kumpannija editriċi tal-media kkonċernati, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din l-operazzjoni fiha nnifisha kinitx, għall-inqas parzjalment, iffinanzjata mill-kummerċjant, fis-sens li dan tal-aħħar ta vantaġġ, fil-forma tal-ħlas ta’ somma flus, ta’ oġġetti, ta’ servizzi jew ta’ kull vantaġġ patrimonjali ieħor, għal din l-operazzjoni, ta’ natura li tinfluwenza l-kontenut ta’ din il-pubblikazzjoni. |
45 |
Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li l-finanzjament, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jkopri l-promozzjoni tal-prodott permezz ta’ kontenut editorjali fil-media, li jimplika rabta ċerta, fis-sens ta’ korrispettiv, bejn il-vantaġġ patrimonjali pprovdut mill-kummerċjant ikkonċernat u dan il-kontenut editorjali. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, li huwa, kif jirriżulta mill-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, li jipproteġi lill-konsumatur mir-reklamar moħbi, jiġifieri kontra l-kontenut editorjali li għalih il-kummerċjanti li jirreklamaw ikunu pprovdew vantaġġi mingħajr ma indikawhom, u li jippreservaw il-fiduċja tal-qarrejja fin-newtralità tal-istampa. |
46 |
F’dan il-kuntest, it-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr, favur il-kumpannija editriċi tal-media mill-kummerċjant ikkonċernat, ta’ immaġini protetti mid-drittijiet tal-awtur jista’ jikkostitwixxi finanzjament dirett ta’ din il-pubblikazzjoni, sa fejn dawn l-immaġini jirrappreżentaw dehra tal-bini u tal-prodotti kkummerċjalizzati minn dan il-kummerċjant fil-kuntest tal-operazzjoni promozzjonali kkonċernata. Fil-fatt, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu valur patrimonjali u huwa intiż li jippromwovi l-bejgħ tal-prodotti tal-imsemmi kummerċjant. |
47 |
Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma tipprevedi ebda regola dwar l-ammont minimu tal-valur tal-finanzjament jew il-proporzjon ta’ dan il-finanzjament fuq l-ispiża totali tal-operazzjoni promozzjonali kkonċernata, u ma jeskludix li l-kumpannija editriċi tal-media tbati hija stess parti mill-ispejjeż tal-pubblikazzjoni fl-interess tagħha stess. |
48 |
Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet l-oħra tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 humiex issodisfatti. |
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta lid-domandi magħmula li l-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-promozzjoni ta’ prodott permezz tal-pubblikazzjoni ta’ kontenut editorjali huwa “ffinanzjat” minn kummerċjant, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan il-kummerċjant jipprovdi korrispettiv li għandu valur patrimonjali għal din il-pubblikazzjoni, kemm jekk din tkun taħt il-forma ta’ ħlas ta’ somma flus jew taħt kull forma oħra, meta teżisti rabta ċerta bejn il-finanzjament hekk mogħti mill-imsemmi kummerċjant u l-imsemmija pubblikazzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-istess kummerċjant ta’ immaġini protetti mid-drittijiet tal-awtur, li fuqhom huma viżibbli l-bini kummerċjali u l-prodotti kkummerċjalizzati minnu. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-promozzjoni ta’ prodott permezz tal-pubblikazzjoni ta’ kontenut editorjali huwa “ffinanzjat” minn kummerċjant, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan il-kummerċjant jipprovdi korrispettiv li għandu valur patrimonjali għal din il-pubblikazzjoni, kemm jekk din tkun taħt il-forma ta’ ħlas ta’ somma flus jew taħt kull forma oħra, meta teżisti rabta ċerta bejn il-finanzjament hekk mogħti mill-imsemmi kummerċjant u l-imsemmija pubblikazzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-istess kummerċjant ta’ immaġini protetti mid-drittijiet tal-awtur, li fuqhom huma viżibbli l-bini kummerċjali u l-prodotti kkummerċjalizzati minnu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.