Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0353

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2022.
    Skeyes vs Ryanair DAC.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de l’Entreprise du Hainaut, division de Charleroi.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 549/2004 – Regolament (KE) Nru 550/2004 – Fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru – Deċiżjoni li jingħalaq l-ispazju tal-ajru – Eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika – Utent tal-ispazju tal-ajru – Kumpanniji tal-ajru – Dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni li jingħalaq l-ispazju tal-ajru – Artikolu 58 TFUE – Moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport – Artikoli 16 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għal rimedju effettiv.
    Kawża C-353/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:423

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    2 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 549/2004 – Regolament (KE) Nru 550/2004 – Fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru – Deċiżjoni li jingħalaq l-ispazju tal-ajru – Eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika – Utent tal-ispazju tal-ajru – Kumpanniji tal-ajru – Dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni li jingħalaq l-ispazju tal-ajru – Artikolu 58 TFUE – Moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport – Artikoli 16 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għal rimedju effettiv”

    Fil-Kawża C‑353/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de l’entreprise du Hainaut, division de Charleroi (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Hainaut, Sezzjoni ta’ Charleroi, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

    Skeyes

    vs

    Ryanair DAC,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan, N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Skeyes, minn N. Becker, R. Thüngen u K. De Vulder, avocats,

    għal Ryanair DAC, minn A. Cassart, A.-V. Rensonnet u E. Vahida, avocats, S. Rating, abogado u Rechtsanwalt, kif ukoll minn I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros,

    għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, C. Pochet, S. Baeyens u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn L. Delmotte u B. Van Hyfte, advocaten,

    għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, T. Lisiewski u S. Żyrek, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Berghe, T. Franchoo, W. Mölls u B. Sasinowska, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 31), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU 2009, L 300, p. 34) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 550/2004”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-impriża pubblika awtonoma Skeyes u l-kumpannija tal-ajru Ryanair DAC dwar deċiżjoni adottata b’urġenza estrema mit-Tribunal de l’entreprise du Hainaut, division de Charleroi (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Hainaut, Sezzjoni ta’ Charleroi, il-Belġju), li tordna lil Skeyes, wara azzjoni kollettiva tal-persunal tagħha, li tiżgura s-servizz li hija l-fornitur esklużiv tiegħu sabiex it-traffiku tal-ajru jkun jista’ jopera b’mod normali.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament Nru 549/2004,

    3

    Skont il-premessa 3 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta’ l-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 23), kif emendat bir-Regolament Nru 1070/2009 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 549/2004”):

    “Operat għal-lixx [Il-funzjonament tajjeb] tas-sistema tat-trasport ta’ l-ajru jirrikjedi livell għoli, konsistenti ta’ sigurezza fis-servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru li tippermetti l-aħjar użu ta’ l-ispazju ta’ l-ajru ta’ l-Ewropa u livell għoli, konsistenti ta’ sigurezza fl-ivvjaġġar bl-ajru, skond id-dmir ta’ interess ġenerali tas-servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru, inklużi obbligi tas-servizz pubbliku. Għalhekk huwa għandu jitwettaq bl-ogħla standards ta’ responsabbilta u kompetenza.”

    4

    L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “L-għan tal-inizzjattiva dwar l-ajru uniku Ewropew hu li jittejbu l-istandards attwali tat-traffiku tal-ajru, biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport bl-ajru u biex ittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u s-sistema ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (ANS) għat-traffiku tal-ajru ġenerali fl-Ewropa, bil-ħsieb li jinqdew il-ħtiġijiet ta’ dawk li jużaw l-ispazju tal-ajru. L-ajru uniku Ewropew se jkun jikkonsisti minn netwerk pan-Ewropew koerenti ta’ rotot, ġestjoni tan-netwerk u sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bbażati biss fuq is-sikurezza, l-effiċjenza u l-kunsiderazzjonijiet tekniċi, għall-benefiċċju tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru. Biex jilħaq dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas regolatorju armonizzat għall-ħolqien tal-ajru uniku Ewropew.”

    5

    Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “(4)

    ‘servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru’ tfisser servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru; servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza; servizzi meteoroloġiċi għal navigazzjoni ta’ l-ajru [u servizzi ta’ informazzjoni tal-aeronawtika];

    […]

    (8)

    ‘utenti tal-ispazju tal-ajru’ tfisser l-inġenji tal-ajru kollha operati bħala traffiku tal-ajru ġenerali;

    […]”

    Ir‑Regolament Nru 550/2004

    6

    Skont il-premessi 3 sa 5, 10, 13 u 22 tar-Regolament Nru 550/2004:

    “(3)

    Ir-Regolament […] Nru 549/2004 […] jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta’ ajru uniku Ewropew.

    (4)

    Biex jinħoloq ajru uniku Ewropew, għandhom ikunu addottati miżuri biex jiżguraw il-forniment salv w effiċjenti ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru konsistenti ma’ l-organizzazzjoni w l-użu ta’ l-ispazju ta’ l-ajru kif jipprovdi għalihom ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑10 ta’ Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni w l-użu ta’ l-ispazju ta’ l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament ta’ l-ispazju ta’ l-ajru) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 41)]. L-istabbiliment ta’ organizzazzjoni armonizzata għal forniment ta’ servizzi tali hija importanti biex twieġeb b’mod adegwat għad-domanda ta’ l-utenti ta’ l-ispazju ta’ l-ajru u tirregola t-traffiku ta’ l-ajru b’mod salv w effiċjenti.

    (5)

    Il-forniment ta’ servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru, kif ipprevedut minn dan ir-Regolament, huwa konness ma’ l-eżerċizzju tal-poteri (setgħat) ta’ awtorita pubblika, li m’humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat.

    […]

    (10)

    Filwaqt li tkun iggarantita l-kontinwita ta’ forniment ta’ servizz, sistema komuni għandha tkun stabbilita biex tiċċertifika fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru, li tikkostitwixxi mezz li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk il-fornituri u għal moniteraġġ regolari tal-konformita ma’ rekwiżiti tali.

    […]

    (13)

    Il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza, kif ukoll servizzi ta’ informazzjoni aeronawtika, għandu jkun organizzat taħt kundizzjonijiet tas-suq filwaqt li jitqiesu l-fattizzi speċjali ta’ servizzi tali u jinżamm livell għoli ta’ sigurezza.

    […]

    (22)

    Fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru joffru ċerti faċilitajiet u servizzi konnessi direttament ma’ l-operat ta’ ajruplan, li l-ispejjeż tagħhom huma għandhom ikunu jistgħu jirkopru skond il-prinċipju ‘l-utent iħallas’, li jfisser li l-utenti ta’ l-ispazju ta’ l-ajru għandhom iħallsu għall-ispejjeż li joħolqu fil-punt ta’ l-użu jew kemm jista’ jkun possibbli qrib tiegħu.”

    7

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ambitu u għanijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fl-ambitu tar-[Regolament Nru 549/2004], dan ir-Regolament jjikkonċerna l-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru fl-ajru uniku Ewropew. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment salv w effiċjenti ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru fil-Komunità.”

    8

    L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ċertifikazzjoni tal-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru”, jistipula:

    “1.   Il-forniment tas-servizzi kollha ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru ġewwa l-[Unjoni] għandu jkun suġġett għal ċertifikazzjoni mill-Istati Membri.

    […]

    3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom joħorġu ċertifikati lill-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru fejn jikkonformaw mar-rekwiżiti komuni li jirreferi għalihom l-Artikolu 6. Ċertifikati jistgħu jinħarġu individwalment għal kull tip ta’ servizz ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-[Regolament Nru 549/2004], jew għal qatta (grupp) ta’ servizzi tali, inter alia, fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru, ikun x’ikun l-istatus legali tiegħu, jopera u jimmantjeni s-sistemi proprji tiegħu ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza. Iċ-ċertifikati għandhom ikunu kontrollati fuq bażi regolari.

    4.   Iċ-ċertifikati għandhom jispeċifikaw id-drittijiet u l-obbligi tal-fornituri ta’ servizz ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru, inkluż aċċess non-diskriminatorju ta’ servizzi għal utenti ta’ l-ispazju ta’ l-ajru, b’mod partikulari fir-rigward ta’ sigurezza. Iċ-ċertifikazzjoni tista’ tkun sugġetta biss għall-kondizzjonijiet miġjuba fl-Anness II. Kondizzjonijiet tali għandhom ikunu ġustifikati b’mod oġġettiv, non-diskriminatorju, proporzjonat u trasparenti.

    […]

    7.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jimmonitorjaw il-konformita mar-rekwiżiti komuni u mal-kondizzjonijiet mehmuża maċ-ċertifikati. Dettalji ta’ tali moniteraġġ għandhom ikunu inklużi fir-rapporti annwali li għandhom ikunu sottomessi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12(1) tar-[Regolament Nru 549/2004]. Jekk awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza ssib li d-detentur ta’ ċertifikat m’għadux jissodisfa rekwiżiti jew tali kundizzjonijiet, hija għandha tieħu miżuri xierqa filwaqt li tiżgura l-kontinwita ta’ servizzi bil-kondizzjoni li ma tiġix kompromessa s-sikurezza. Miżuri tali jistgħu jinkludu r-revoka taċ-ċertifikat.

    […]”

    9

    L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Nominazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-forniment ta’ servizzi ta’ traffiku tal-ajru fuq bażi esklussiva ġewwa blokok speċifiċi ta’ spazju tal-ajru rigward l-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għal dan il-għan, Stati Membri għandhom jinnominaw fornitur ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru li jkollu ċertifikat validu [fl-Unjoni].

    2.   Għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità ma’ dan l-artikolu u mal-Artikolu 10(3) ma tkunx imxekkla mis-sistema legali nazzjonali tagħhom li tkun tirrikjedi li l-fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru li jipprovdu s-servizzi fi spazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru:

    (a)

    ikunu proprjetà diretta jew permezz ta’ ishma maġġoritarji ta’ dak l-Istat Membru jew taċ-ċittadini tiegħu;

    (b)

    ikollhom il-post prinċipali tal-operazzjoni jew uffiċju reġistrat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru; jew

    (c)

    jużaw biss il-faċilitajiet f’dak l-Istat Membru.

    3.   Stati Membri għandhom jiddefinixxu d-drittijiet u obbligi li l-fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru nominati għandhom jissodisfaw. L-obbligi jistgħu jinkludu kundizzjonijiet għall-provvista f’waqtha ta’ informazzjoni relevanti li tagħmel possibbli li l-movimenti kollha ta’ ajruplani fl-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom ikunu identifikati.

    4.   Stati Membri għandu jkollhom setgħa diskrezzjonali fil-għażla ta’ fornitur ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar jissodisfa r-rekwiżiti u kundizzjonijiet li jirreferu għalihom l-Artikli 6 u 7.

    5.   Rigward il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 9a li jestendu ruħhom min-naħa għall-oħra tal-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà responsabbiltà ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom b’mod konġunt[, konformement mal-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu,] jinnominaw fornitur ta’ servizz tal-ispazju tal-ajru jew aktar minn wieħed, talanqas xahar qabel l-implimentazzjoni tal-blokk tal-ispazju tal-ajru.

    6.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra immedjatament bi kwalunkwe deċiżjoni fi ħdan il-qafas ta’ dan l-Artikolu rigward in-nominazzjoni ta’ fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fi ħdan blokok ta’ spazju tal-ajru fir-rigward tal-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom.”

    10

    Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 550/2004:

    “L-iskema ta’ tariffi ghandha tkun ibbażata fuq il-kont ta’ spejjeż ghas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru minfuqa minn fornituri ta’ servizz ghall-beneficcju tal-utenti tal-ispazju tal-ajru. L-iskema ghandha talloka dawn l-ispejjeż fost il-kategoriji tal-utenti”.

    Ir‑Regolament (KE) Nru 1008/2008,

    11

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), huwa intitolat “Definizzjonijiet”. Dan jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    […]

    (14)

    ‘dritt tat-traffiku’ tfisser id-dritt ta’ operazzjoni ta’ servizz ta’ l-ajru bejn żewġ ajruporti [tal-Unjoni];

    […]”

    12

    L-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “It-trasportaturi ta’ l-ajru [tal-Unjoni] għandhom ikunu intitolati joperaw servizzi ta’ l-arju [ġewwa l-Unjoni].”

    13

    L-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament jistipula:

    “L-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku għandu jkun suġġett għal regoli operattivi pubblikati [tal-Unjoni], nazzjonali, reġjonali u lokali, li jirriferu għas-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slots”.

    Id‑dritt Belġjan

    14

    L-Artikolu 1(1) u (4) tal-loi du 21 mars 1991 portant réforme de certaines entreprises publiques économiques (il-Liġi tal‑21 ta’ Marzu 1991 li Tirriforma Ċerti Impriżi Pubbliċi) (Moniteur belge tas‑27 ta’ Marzu 1991, p. 6155), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Impriżi Pubbliċi”), jipprevedi:

    “1.   Kull organu ta’ interess pubbliku li għandu jkollu awtonomija ta’ ġestjoni f’settur industrijali jew kummerċjali partikolari, jista’, wara adattament permezz ta’ liġi tal-istatus organiku tiegħu għad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu, jikseb tali awtonomija permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġestjoni mal-Istat taħt il-kundizzjonijiet ta’ din il-liġi.

    […]

    4.   L-organi kklassifikati bħala impriżi pubbliċi awtonomi huma:

    […]

    4° Skeyes”

    15

    L-Artikolu 170 tal-Liġi dwar l-Impriżi Pubbliċi jipprovdi:

    “Skeyes għandha l-għan:

    li tiżgura s-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru fl-ispazji tal-ajru li minnhom huwa responsabbli l-Istat Belġjan skont il-Konvenzjoni relattiva għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas‑7 ta’ Diċembru 1944, b’mod partikolari l-Anness 2 tagħha, approvata mil-Liġi tat‑30 ta’ April 1947, jew skont kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor;

    li tiżgura fl-ajruport ta’ Bruxelles-National il-kontroll tal-movimenti tal-ajruplani ġejjin, neżlin, tilgħin u fir-runways u fit-taxiways, kif ukoll il-marshalling tal-ajruplani fir-rampi, u li tkompli tiżgura s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru tal-ajruporti u ajrudromi reġjonali pubbliċi skont il-ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż fit‑30 ta’ Novembru 1989 mar-Reġjuni;

    li tipprovdi lis-servizzi tal-pulizija u ta’ spezzjoni ajrunawtika u tal-ajruporti b’informazzjoni dwar l-ajruplani, il-pilotaġġ tagħhom, il-movimenti tagħhom u l-effetti osservabbli ta’ dawn;

    li tipprovdi informazzjoni meteoroloġika għan-navigazzjoni bl-ajru, kif ukoll servizzi ta’ telekomunikazzjoni jew servizzi oħra marbuta mal-attivitajiet imsemmija fil-punti 1 jew 2.”

    16

    L-Artikolu 171 tal-Liġi dwar l-Impriżi Pubbliċi jipprevedi:

    “L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 170(1) sa (3), jikkostitwixxu missjonijiet ta’ servizz pubbliku.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    17

    Skeyes ġiet innominata mir-Renju tal-Belġju, konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004, bħala l-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru (iktar ’il quddiem l-“ispazju tal-ajru Belġjan”). Il-missjoni tiegħu tikkonsisti, b’mod partikolari, f’li tiġi żgurata s-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Belġjan. F’dan il-kuntest, Skeyes hija awtorizzata tadotta miżuri msejħa “zero rate”, li jimplikaw li ebda tluq, inżul jew tranżitu ma jkun permess fl-ispazju tal-ajru Belġjan jew f’ċerti oqsma minn dan l-ispazju.

    18

    Wara azzjonijiet kollettivi minn kontrolluri tal-ajru, Skeyes kellha, diversi drabi matul il-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Frar u x-xahar ta’ Mejju 2019, tagħlaq l-ispazju tal-ajru Belġjan minħabba n-numru insuffiċjenti ta’ persunal.

    19

    Fis‑16 ta’ Mejju 2019, wara li Skeyes iddeċidiet li tagħlaq l-ispazju tal-ajru Belġjan minħabba strajk tal-kontrolluri tal-ajru, Ryanair, li topera minn ajruporti li jinsabu fil-Belġju, adixxiet lit-Tribunal de l’entreprise du Hainaut, division de Charleroi (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Hainaut, Sezzjoni ta’ Charleroi), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba b’urġenza estrema intiża sabiex Skeyes tiġi ordnata tiżgura operazzjoni normali tat-traffiku tal-ajru.

    20

    Din il-qorti laqgħet it-talba ta’ Ryanair permezz ta’ digriet tal-istess jum, flimkien ma’ pagament ta’ penalità ta’ EUR 250000 għal kull siegħa li matulha l-ispazju tal-ajru Belġjan kien ser jibqa’ magħluq minħabba l-istrajk tal-kontrolluri tal-ajru. L-effetti ta’ dan id-digriet kienu limitati għall-perijodu ta’ bejn is‑16 u l‑24 ta’ Mejju 2019.

    21

    Ryanair irċeviet l-imsemmi digriet fis‑16 ta’ Mejju 2019, wara li l-ispazju tal-ajru Belġjan reġa’ nfetaħ. Fl-assenza ta’ għeluq ġdid sal‑24 ta’ Mejju 2019, dan id-digriet waqaf jipproduċi l-effetti legali tiegħu mingħajr ma kien ġie implimentat il-pagament ta’ penalità.

    22

    Fil‑21 ta’ Ġunju 2019, Skeyes ippreżentat oppożizzjoni ta’ terzi kontra d-digriet tas‑16 ta’ Mejju 2019, quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija targumenta, prinċipalment, li l-qorti tar-rinviju ma kellhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba relattiva għall-funzjoni tagħha ta’ kontrollur tal-ispazju tal-ajru Belġjan. Fil-fatt, Ryanair ma għandha ebda dritt suġġettiv li jippermettilha tressaq tali talba, sa fejn l-irregolar tal-ispazju tal-ajru Belġjan jaqa’ biss taħt is-setgħa ta’ Skeyes. Sussidjarjament, hija tqis li hija ma tistax, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija rregolata mid-dritt pubbliku, taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, li hija qorti ċivili.

    23

    Il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikors ta’ Ryanair kien ibbażat fuq l-eżistenza ta’ drittijiet suġġettivi, bħad-dritt tagħha li ma tiġix ostakolata b’mod sproporzjonat fl-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħha bħala kumpannija tal-ajru, id-dritt tagħha li tressaq azzjoni għad-danni kontra Skeyes, kif ukoll id-dritt tagħha li titlob li din tal-aħħar tiġi pprojbita, taħt piena ta’ pagament ta’ penalità, li tagħlaq għal darba oħra l-ispazju tal-ajru.

    24

    Din il-qorti tistaqsi jekk, minkejja s-setgħa diskrezzjonali li għandha Skeyes sabiex tiddeċiedi dwar l-adegwatezza tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru Belġjan, kumpanniji tal-ajru, bħal Ryanair, għandux ikollhom, skont ir-Regolament Nru 550/2004, rimedju effettiv li jippermettilhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fil-każ ta’ nuqqasijiet min-naħa ta’ Skeyes.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de l’entreprise du Hainaut, division de Charleroi (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Hainaut, Sezzjoni ta’ Charleroi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    (1)

    Ir-Regolament Nru 550/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri li jevitaw li jiġu mistħarrġa mill-qrati tagħhom in-nuqqasijiet allegati inkonnessjoni mal-obbligu ta’ provvista ta’ servizzi mill-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, jew id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 550/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jobbligaw lill-Istati Membri jipprovdu rimedju effettiv kontra n-nuqqasijiet allegati b’kont meħud tan-natura tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti?

    (2)

    Ir-Regolament Nru 550/2004, sa fejn jispeċifika li: ‘Il-forniment ta’ servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru, kif ipprevedut minn dan ir-Regolament, huwa konness ma’ l-eżerċizzju tal-poteri (setgħat) ta’ awtorita pubblika, li m’humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat’, għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi mhux biss ir-regoli tal-kompetizzjoni fil-veru sens tal-kelma iżda wkoll ir-regola l-oħra applikabbli għall-impriżi pubbliċi attivi fis-suq tal-oġġetti u tas-servizzi, li għandhom effett indirett fuq il-kompetizzjoni, bħal dawk li jipprojbixxu l-ostakoli għal-libertà ta’ intrapriża u ta’ provvista ta’ servizzi?”

    Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

    26

    Il-Gvern Belġjan iqis li ż-żewġ domandi preliminari huma inammissibbli.

    27

    Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha li tirriproduċi l-pożizzjoni ta’ Skeyes. Hija naqset milli tippreċiża l-kuntest ġuridiku nazzjonali rilevanti u li tispjega l-utilità ta’ din il-kwistjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima. Fir-rigward tat-tieni domanda, din hija fformulata f’termini ġenerali wisq sabiex il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jifformulaw osservazzjonijiet bil-miktub u ma tosservax, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, biss meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura ma jkunux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, mill-iżviluppi ddedikati għall-espożizzjoni tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-kompetenza tal-qrati ċivili, isegwi li hija tqis li r-risposta għad-domandi magħmula hija neċessarja sabiex tippermettilha tiddeċiedi dwar it-tilwima li hija adita biha. B’mod partikolari, dawn id-domandi għandhom jippermettulha, minn naħa, tiddeċiedi dwar il-kompetenza rispettiva tagħha fid-dawl tal-attribuzzjonijiet ta’ Skeyes skont ir-Regolament Nru 550/2004, u, min-naħa l-oħra, li tiddetermina jekk kumpannija tal-ajru tistax tinvoka l-libertà ta’ intrapriża jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kontra deċiżjoni meħuda minn Skeyes fil-kuntest tal-prerogattivi tagħha ta’ servizz pubbliku.

    30

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

    Fuq id‑domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    31

    Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 550/2004, imsemmi fid-domandi preliminari, jaqa’, konformement mal-premessi 3 u 4, kif ukoll mal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 549/2004 li jistabbilixxi l-qafas għall-ħolqien tal-ajru uniku Ewropew.

    32

    Konformement mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 549/2004, l-ajru uniku Ewropew huwa intiż li jsaħħaħ l-istandards ta’ sigurtà attwali tat-traffiku tal-ajru, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema ta’ trasport bl-ajru u li jtejjeb il-prestazzjoni globali tas-sistema ta’ amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali fl-Ewropa, sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru. Dawn l-utenti huma ddefiniti fil-punt (8) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament bħala l-operaturi tal-inġenji tal-ajru operati skont ir-regoli tat-traffiku tal-ajru ġenerali.

    33

    Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jirriżulta għalhekk li l-kumpanniji tal-ajru, bħala operaturi tal-inġenji tal-ajru, huma utenti tal-ispazju tal-ajru.

    34

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jingħataw ir-risposti għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l‑ewwel domanda

    35

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħall-kumpanniji tal-ajru, dritt għal rimedju effettiv, quddiem il-qrati nazzjonali, kontra l-fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru sabiex jissuġġettaw għall-istħarriġ ġudizzjarju l-allegat ksur tal-obbligu ta’ provvista ta’ servizzi impost fuq dan tal-aħħar fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu ta’ servizz pubbliku.

    36

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 550/2004, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-provvista tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru b’mod esklużiv fi blokok ta’ spazju tal-ajru speċifiċi li jagħmlu parti mill-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom u li huma għandhom jaħtru, għal dan l-għan, fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru li għandu ċertifikat validu fl-Unjoni. L-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża espressament li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu d-drittijiet, iżda wkoll l-obbligi tal-fornitur ta’ servizzi maħtur.

    37

    Barra minn hekk, dan ir-regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni partikolari li għandha l-għan li tagħti lill-utenti tal-ispazju tal-ajru dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet tal-imsemmi fornitur.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk, minkejja s-silenzju tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004 f’dan ir-rigward, dawn l-utenti għandhom madankollu tali dritt għal azzjoni legali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti.

    39

    Fil-fatt, kemm mill-kuntest tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004 kif ukoll mill-għan ta’ dan tal-aħħar isegwi li l-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħall-kumpanniji tal-ajru, għandhom ċerti drittijiet li jistgħu jiġu affettwati mill-għeluq ta’ dan l-ispazju.

    40

    L-ewwel, fir-rigward tal-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004, għandu, qabelxejn, jiġi osservat li l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li ċ-ċertifikati neċessarji għall-provvista tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali lill-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru għal kull wieħed mis-servizzi ddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 549/2004 jew għal numru ta’ servizzi.

    41

    Konformement mal-punt (4) ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, dawn is-servizzi jinkludu, minbarra s-servizzi tat-traffiku tal-ajru, is-servizzi ta’ komunikazzjoni, ta’ navigazzjoni u ta’ sorveljanza, is-servizzi meteoroloġiċi intiżi għan-navigazzjoni tal-ajru u servizzi ta’ informazzjoni tal-aeronawtika. Barra minn hekk, mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 549/2004 isegwi li dawn is-servizzi jaqgħu taħt missjoni ta’ interess ġenerali li tinkludi obbligi ta’ servizz pubbliku.

    42

    It-tieni, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 550/2004 jeżiġi li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jkunu jistgħu jaċċedu għall-imsemmija servizzi fuq bażi nondiskriminatorja. Barra minn hekk, huma dawn l-utenti li għandhom, konformement mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 22 tiegħu, ibatu l-ispejjeż tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru pprovduti għall-benefiċċju tagħhom jew marbuta direttament mal-operat tal-inġenji tal-ajru.

    43

    Għalhekk, mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004 isegwi li l-obbligi tal-fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru maħtur abbażi ta’ din id-dispożizzjoni huma wkoll servizzi li jistgħu jkunu neċessarji għall-attività ekonomika tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

    44

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 550/2004, mill-premessa 10 kif ukoll mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 7(1) u (7) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa intiż li jiżgura l-kontinwità tal-provvista tas-servizzi kollha ta’ navigazzjoni bl-ajru fl-ajru uniku Ewropew.

    45

    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004 u tal-għan imfittex minn dan ir-regolament, l-obbligi msemmija fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 549/2004 jikkostitwixxu servizzi pprovduti fl-interess tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u għalhekk jistgħu jagħtuhom drittijiet li l-għeluq tal-ispazju tal-ajru jista’ jaffettwa.

    46

    Madankollu, għalkemm l-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħall-kumpanniji tal-ajru, għandhom drittijiet mogħtija mid-dritt sekondarju tal-Unjoni applikabbli, dawn tal-aħħar huma wkoll suġġetti għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar is-sigurtà, kif juru, minn naħa, il-premessa 3 tar-Regolament Nru 549/2004 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Bħalma jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tas-sigurtà fl-avjazzjoni huwa fil-qalba tar-Regolamenti Nri 549/2004 u 550/2004. Dan jagħmel parti mill-kuntest li fih tittieħed deċiżjoni ta’ għeluq tal-ispazju tal-ajru minn fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru.

    47

    Barra minn hekk, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-utenti jibbenefikaw ukoll mid-drittijiet u mil-libertajiet mogħtija mid-dritt primarju tal-Unjoni, fosthom il-libertà ta’ intrapriża rrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    48

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u l-prassi nazzjonali. Il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 4142, kif ukoll tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punti 5556).

    49

    Minn dan jirriżulta li utent tal-ispazju tal-ajru, bħal Ryanair, huwa d-detentur ta’ ċerti drittijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 549/2004, u għandu jitqies li huwa potenzjalment ippreġudikat f’dawn id-drittijiet minn deċiżjoni ta’ għeluq tal-ispazju tal-ajru meħuda minn fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru.

    50

    Issa, fir-rigward tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 47 tal-Karta jistipula, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv, skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu.

    51

    Għal dan id-dritt jikkorrispondi l-obbligu tal-Istati Membri, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 44, u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 47).

    52

    Dan ingħad, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ dawn ir-rimedji, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 58).

    53

    Barra minn hekk, peress li l-proċedura fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kuntest ta’ talba mressqa b’urġenza estrema, għandu jitfakkar ukoll li l-qorti nazzjonali adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tagħti miżuri provviżorji sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati abbażi tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 67, kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 297).

    54

    Peress li huwa biss il-prinċipju ta’ effettività li huwa inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jiġi indikat li d-dritt tal-Unjoni ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji legali differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew li l-uniku mod ta’ aċċess għal qorti huwa li l-partijiet fil-kawża jiġu mġiegħla jiksru l-liġi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 62).

    55

    Fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li teżisti duwalità fir-rigward tal-kompetenza tal-qrati ċivili u dik tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). F’dan ir-rigward, huwa possibbli, skont id-dritt tal-Unjoni, li l-Istat Membru kkonċernat jagħżel li jagħti lil qorti amministrattiva l-kompetenza li tiddeċiedi dwar tilwima jew li jattribwixxi din il-kompetenza lill-qrati ċivili, jew saħansitra lit-tnejn, skont ir-regoli ta’ tqassim ta’ kompetenzi li huwa jiddetermina, sakemm dawn ir-regoli ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

    56

    Min-naħa l-oħra, għalkemm is-setgħa diskrezzjonali li għandha, skont il-każ, awtorità amministrattiva jew impriża pubblika awtonoma, bħal Skeyes, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ setgħa pubblika, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Association of Independent Meat Suppliers u Cleveland Meat Company, C‑579/19, EU:C:2021:665, punti 7879), din ma tistax twassal għan-nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti li tista’ tiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-azzjoni legali.

    57

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 549/2004 u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jagħti lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħalma huma l-linji tal-ajru, dritt għal rimedju effettiv, quddiem il-qrati nazzjonali, kontra l-fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru sabiex jiġu ssuġġettati għall-istħarriġ ġudizzjarju n-nuqqasijiet allegati għall-obbligu ta’ provvista ta’ servizzi impost fuq dan tal-aħħar.

    Fuq it‑tieni domanda

    58

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 550/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 58(1) TFUE u tal-Artikolu 16 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni prevista mit-Trattat FUE għall-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, bħalma huma previsti minn dan ir-regolament, iżda wkoll l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħalma huma l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ intrapriża.

    59

    Skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 550/2004, il-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, prevista f’dan ir-regolament, hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, li ma hijiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

    60

    F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jippreċiża l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att iżda li ma għandux valur legali vinkolanti. Għaldaqstant, la jista’ jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punti 7576).

    61

    Issa, is-sustanza tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 550/2004 ma hija kkonkretizzata minn ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament.

    62

    Sussegwentement, minkejja li din il-premessa tirrifletti, essenzjalment, ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema l-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, peress li din hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, ma għandhiex natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 71), il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament tindika, min-naħa l-oħra, li l-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjoni, ta’ navigazzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll ta’ servizzi ta’ informazzjoni tal-aeronawtika, għandha tiġi organizzata skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

    63

    Fl-aħħar, minkejja li l-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, li jawtorizza lill-Istati Membri jaħtru, abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 550/2004, fornitur ta’ servizzi tal-moviment tal-ajru barra mir-regoli tal-kompetizzjoni, dan ma jfissirx li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jiġu miċħuda bl-istess mod mill-benefiċċju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, bħall-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport imsemmi fl-Artikolu 58(1) TFUE.

    64

    Barra minn hekk, kif indikat fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, il-kumpanniji tal-ajru jibbenefikaw ukoll mil-libertà tal-impriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta u rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali.

    65

    Madankollu, għandu jitfakkar li l-libertà ta’ intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta. Din tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-awtorità pubblika li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 4546; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 83, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 88).

    66

    Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jawtorizza li jsiru xi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u libertajiet stabbiliti minnha, bħal-libertà ta’ intrapriża, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 86, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 88).

    67

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, tivverifika l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Madankollu, f’dan ir-rigward, bħalma jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, jista’ jitfakkar li l-eżerċizzju tad-dritt tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħall-kumpanniji tal-ajru, li joperaw servizzi tal-ajru fl-Unjoni huwa suġġett għar-rekwiżiti tas-sigurtà. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonferma li l-għan intiż għall-istabbiliment u għaż-żamma ta’ livell uniformi u għoli ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa kien jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 43).

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 550/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 58(1) TFUE u tal-Artikolu 16 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE għall-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, bħal dawk previsti minn dan ir-regolament, iżda li ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE u tal-Karta dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħal dawk marbuta mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport u mal-libertà ta’ intrapriża.

    Fuq l‑ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru fl-ajru uniku Ewropew, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta’ l-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas), kif emendat bir-Regolament Nru 1070/2009, u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jagħti lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħalma huma l-linji tal-ajru, dritt għal rimedju effettiv, quddiem il-qrati nazzjonali, kontra l-fornitur ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru sabiex jiġu ssuġġettati għall-istħarriġ ġudizzjarju n-nuqqasijiet allegati għall-obbligu ta’ provvista ta’ servizzi impost fuq dan tal-aħħar.

     

    2)

    Ir-Regolament Nru 550/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1070/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 58(1) TFUE u tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE għall-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, bħal dawk previsti minn dan ir-regolament, iżda li ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE u ta’ din il-Karta dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, bħal dawk marbuta mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport u mal-libertà ta’ intrapriża.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top