EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0280

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2021.
ZN vs Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria v grad Valensia, Kralstvo Ispania.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru – Artikolu 5(1) – Ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru – Kuntratt konkluż ma’ rappreżentanza konsulari ta’ dan l-Istat Membru fi Stat Membru ieħor – Funzjonijiet tal-ħaddiem – Assenza ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.
Kawża C-280/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:443

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru – Artikolu 5(1) – Ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru – Kuntratt konkluż ma’ rappreżentanza konsulari ta’ dan l-Istat Membru fi Stat Membru ieħor – Funzjonijiet tal-ħaddiem – Assenza ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika”

Fil-Kawża C‑280/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

ZN

vs

Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria v grad Valensia, Kralstvo Ispania,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u I. Gavrilova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u G. Koleva, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZN u l-Generalno konsulstvo na Republika Bulgaria v grad Valensia, Kralstvo Ispania (il-Konsulat Ġenerali tar-Repubblika tal-Bulgarija f’Valencia (Spanja), iktar ’il quddiem il-“Konsulat Ġenerali”) dwar talba intiża għall-ħlas ta’ allowance kumpensatorja għal-leave annwali mħallas mhux meħud.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3 sa 5 u 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistipulaw:

“(3)

L-Unjoni [Ewropea] stabbilixxiet għaliha nfisha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, inter alia billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(4)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

(5)

Tali dispożizzjonijiet jaqgħu taħt il-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

[…]

(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni. […]”

4

L-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

[…]”

5

L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

6

L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati [is-servizzi ġew ipprovduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [ipprovduti];

(c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a)”.

7

It-Taqsima 5 tal-imsemmi regolament tirregola l-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol. Għalhekk, skont l-Artikolu 20 tal-istess regolament, inkluż fl-imsemmija taqsima:

“1.   Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, għall-punt 5 tal-Artikolu 7, u, f’każ ta’ proċedimenti mressqa mill-impjegat, għall-punt 1 tal-Artikolu 8.

2.   Meta impjegat jidħol f’kuntratt individwali ta’ impjieg ma’ min jimpjegah u dan tal-aħħar ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru iżda jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dak li jimpjegah għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment, ikun meqjus li huwa domiċiljat f’dak l-Istat Membru.”

8

Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tar-Regolament, inkluż ukoll f’din it-taqsima:

“1.   Min jimpjega li jkun domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

(a)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat; jew

(b)

fi Stat Membru ieħor:

(i)

fil-qrati tal-post fejn jew minn fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati fl-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

(ii)

jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab jew fejn kien jinstab in-negozju li kien impjega lill-impjegat.

2.   Min jimpjega li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Kodiċi tax-Xogħol

9

L-Artikolu 362 tal-Kodeks na truda (il-Kodiċi tax-Xogħol) jiddisponi:

“[…] Il-kunflitti tax-xogħol bejn l-impjegati – ċittadini Bulgari li jaħdmu barra mill-pajjiż – u l-persuni li jimpjegaw Bulgari barra mill-pajjiż huma suġġetti għall-qorti kompetenti ta’ Sofija, filwaqt li, meta l-ħaddiem ikun konvenut, [l-imsemmija kunflitti huma suġġetti] għall-qorti tal-post ta’ residenza tal-ħaddiem fil-pajjiż.”

Il-Liġi dwar is-Servizz Diplomatiku

10

L-Artikolu 21 taż-Zakon za diplomaticheskata sluzhba (il-Liġi dwar is-Servizz Diplomatiku) jistabbilixxi:

“(1)   […] Ir-rappreżentanzi barra mill-pajjiż tar-Repubblika tal-Bulgarija huma strutturi territorjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li jiżguraw l-attività diplomatika u/jew konsulari f’pajjiż ieħor jew fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet governattivi internazzjonali.

(2)   Ir-rappreżentanzi barra mill-pajjiż huma:

1.

l-ambaxxati;

2.

ir-rappreżentanzi permanenti u d-delegazzjonijiet permanenti fi ħdan l-organizzazzjonijiet governattivi internazzjonali;

3.

il-konsulati ġenerali, il-konsulati, il-viċi konsulati u l-aġenziji konsulari;

4.

l-uffiċċji diplomatiċi u l-uffiċċji ta’ kollegament;

5.

il-missjonijiet speċjali fis-sens tal-Konvenzjoni dwar Missjonijiet Speċjali, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit‑8 ta’ Diċembru 1969 […]

(3)   Il-ftuħ tar-rappreżentanzi barra mill-pajjiż, l-għażla tat-tip tagħhom u l-għeluq tagħhom isiru mill-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin.”

11

L-Artikolu 22 tal-Liġi dwar is-Servizzi Diplomatiku jipprevedi:

“(1)   Ir-rappreżentanza barra mill-pajjiż hija magħmula mill-kap tal-missjoni, mill-persunal diplomatiku, mill-persunal amministrattiv u tekniku u mill-persunal tas-servizz, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi adottata fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 […], tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari adottata fi Vjenna fl‑24 ta’ April 1963 […] u tal-Konvenzjoni dwar Missjonijiet Speċjali.

(2)   Jistgħu jiġu stabbiliti servizzi fi ħdan ir-rappreżentanza barra mill-pajjiż, skont it-tip tagħhom, il-funzjonijiet u l-kompożizzjoni tagħhom.

[…]”

12

L-Artikolu 80 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Bl-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, mogħtija abbażi ta’ rapport motivat, il-kap tal-missjoni tar-rappreżentanza barra mill-pajjiż jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ xogħol ma’ resident lokali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

ZN hija ċittadina Bulgara residenti f’Sofija, detentriċi ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza fi Spanja fejn, bħala fornitur, hija kienet tipprovdi servizzi marbuta mal-attività tal-Konsulat Ġenerali.

14

Fit‑30 ta’ April 2019, ZN ippreżentat, fil-Bulgarija, rikors kontra l-Konsulat Ġenerali intiż sabiex tikseb, minn naħa, ir-rikonoxximent tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ allowance kumpensatorja għal-leave annwali mħallas mhux meħud, jiġifieri 120 jum ta’ leave annwali mhux użat li jikkorrispondi għal 30 jum fis-sena, għall-perijodu mit‑2 ta’ Jannar 2013 sad‑29 ta’ Ġunju 2017.

15

ZN issostni li, għall-imsemmi perijodu, hija kienet ipprovdiet servizzi marbuta mar-riċezzjoni ta’ dokumenti fil-fajls miftuħa fil-konsulat minn ċittadini Bulgari kif ukoll mal-ġestjoni ta’ dawn il-fajls skont sitt kuntratti suċċessivi konklużi mal-Konsulat Ġenerali.

16

ZN issostni li, konformement mal-Liġi dwar is-Servizz Diplomatiku, ir-rappreżentanzi tar-Repubblika tal-Bulgarija jistgħu jimpjegaw persuni biss permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol li jifformalizzaw ir-relazzjoni bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-kuntratti konklużi jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ kuntratt ta’ xogħol skont id-dritt Bulgaru.

17

Il-Konsulat Ġenerali, min-naħa tiegħu, jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari sabiex jiddeċiedu l-kawża prinċipali u jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli bħala qrati tal-post tax-xogħol ta’ ZN.

18

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ effett transkonfinali sa fejn it-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna ħaddiem Bulgaru u persuna li timpjega Bulgara u r-relazzjoni ġuridika tagħhom hija marbuta mill-qrib mar-Repubblika tal-Bulgarija.

19

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-liġi Bulgara tiddisponi espressament li, fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi bejn persuna li timpjega Bulgara stabbilita barra mill-pajjiż u ċittadin Bulgaru li jaħdem barra mill-pajjiż, tilwim eventwali jistgħu jiġu eżaminati biss mill-qrati Bulgari. Sa fejn il-Konsulat Ġenerali huwa suddiviżjoni ta’ organu tal-Istat Bulgaru stabbilit fi Stat Membru ieħor u li l-attività tiegħu hija, bħala prinċipju, marbuta mas-servizz taċ-ċittadini Bulgari, ir-Regolament Nru 1215/2012 ma japplikax għaldaqstant għat-tilwim bejn iċ-ċittadini ta’ Stat Membru u r-rappreżentanzi konsulari tal-istess Stat Membru stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 tal-preambolu ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi regolament għandu japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ tilwima bejn impjegat minn dan l-Istat u l-konsulat tal-istess Stat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jew l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali tilwima għandha tiġi deċiża skont ir-regoli nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni tal-Istat tan-nazzjonalità komuni għall-partijiet?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima bejn ħaddiem ta’ Stat Membru u awtorità konsulari ta’ dan l-Istat Membru li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

22

Ir-risposta għad-domanda preliminari, li tirrigwarda l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 tal-imsemmi regolament, teżiġi li tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012 għas-sitwazzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali.

23

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.

24

Sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati “bħala ekwivalenti” (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dan japplika f’materji ċivili u kummerċjali. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” wasslet għall-esklużjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament minħabba f’elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet għat-tilwima jew l-għan tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, dan ikun differenti meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minn din ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, jeskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fir-rigward ta’ tilwima li qamet bejn ambaxxata ta’ Stat terz li tinsab fi Stat Membru u l-impjegati tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-funzjonijiet ta’ ambaxxata, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961, jikkonsistu essenzjalment fir-rappreżentanza tal-Istat akkreditanti, fil-protezzjoni tal-interessi tiegħu kif ukoll fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet mal-Istat li jakkredita. Fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, l-ambaxxata, bħal kull entità pubblika oħra, tista’ taġixxi iure gestionis u ssir titolari tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ natura ċivili, b’mod partikolari sussegwentement għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ dritt privat. Dan huwa l-każ meta hija tikkonkludi kuntratti ta’ xogħol ma’ persuni li ma jwettqux funzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 49).

28

Dan huwa, a fortiori, ukoll il-każ meta jkun hemm tilwima li tinvolvi konsulat ġenerali u persuna li hemmhekk tipprovdi provvisti ta’ servizzi fil-forma ta’ xogħol individwali marbuta mar-riċezzjoni ta’ dokumenti fil-fajls miftuħa fil-konsulat minn ċittadini Bulgari, kif ukoll mal-ġestjoni ta’ dawn il-fajls, servizzi li ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li ma jistgħux jinterferixxu mal-interessi tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-qasam tas-sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 56).

29

Konsegwentement, tilwima li tirriżulta minn kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala ta’ materji ċivili u kummerċjali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fid-dawl tal-fatti kollha tal-kawża prinċipali.

30

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-element barrani li l-eżistenza tiegħu tikkundizzjona l-applikabbiltà tal-imsemmi regolament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1215/2012, filwaqt li juża, fil-premessi 3 u 26 tiegħu, il-kunċett ta’ “kwistjonijiet transkonfinali”, ma jinkludi ebda definizzjoni f’dan ir-rigward.

31

Issa, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), jiddefinixxi l-kunċett ekwivalenti ta’ “tilwima transkonfinali” bħala tilwima li fiha mill-inqas waħda mill-partijiet għandha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics, C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punt 33).

32

Sa fejn dawn iż-żewġ regolamenti jaqgħu t-tnejn li huma fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom effett transkonfinali, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ekwivalenti użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dawn ir-regolamenti għandha tiġi armonizzata (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics, C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punt 35).

33

Fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 3(1), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn ir-rikorrent fi proċedura għal ordni ta’ ħlas ikun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti, it-tilwima jkollha natura transkonfinali u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics, C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kuntratti ta’ xogħol konklużi minn ambaxxata f’isem l-Istat, dan jammonta għal “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001, meta l-funzjonijiet tal-impjegati li magħhom ikkonkludiet dawn il-kuntratti huma relatati mal-attività ta’ ġestjoni mwettqa mill-ambaxxata fl-Istat li jakkredita (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 52).

35

Din il-konklużjoni tapplika a fortiori meta l-kuntratt ta’ xogħol jiġi konkluż mhux minn ambaxxata, iżda minn konsulat ġenerali, sakemm il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 48 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491) ikunu ssodisfatti.

36

B’analoġija, għandu jiġi kkunsidrat li l-Konsulat Ġenerali jikkostitwixxi “stabbiliment” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod iktar preċiż, bħala struttura territorjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Konsulat Ġenerali jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern bħala l-estensjoni ta’ dan il-ministeru. Il-Konsulat Ġenerali jirrappreżenta lill-Ministeru fl-Istat li jakkredita; huwa mmexxi mill-Konslu Ġenerali u huwa kapaċi jassumi b’mod awtonomu d-drittijiet u l-obbligi tad-dritt ċivili. Minn dan isegwi li konsulat jista’ jiġi pperċepit bħala ċentru operattiv, konformement ma’ dak li ġie kkunsidrat fil-punti 49 u 50 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491).

37

Minn dan jirriżulta li, meta konsulat jikkostitwixxi “stabbiliment” ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor, waħda mill-partijiet fit-tilwima għandha titqies li għandha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew konklużi fi Spanja u huwa f’dan l-istess Stat Membru li ġew eżegwiti l-obbligi imposti minn dawn il-kuntratti.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kawża prinċipali għandha effett transkonfinali.

40

Sa fejn id-domanda preliminari hija limitata għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 u ma tikkonċernax id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari jew Spanjoli f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konklużjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tax-Xogħol Bulgaru.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima bejn ħaddiem ta’ Stat Membru li ma jeżerċitax funzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u awtorità konsulari ta’ dan l-Istat Membru li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima bejn ħaddiem ta’ Stat Membru li ma jeżerċitax funzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u awtorità konsulari ta’ dan l-Istat Membru li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top