Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0247

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Marzu 2022.
VI vs Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Appeal Tribunal (Northern Ireland).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7(1)(b) u Artikolu 16 – Wild li huwa ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor – Dritt idderivat ta’ residenza tal-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ dan il-wild – Rekwiżit ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva – Wild li għandu dritt ta’ residenza permanenti għal parti mill-perijodi kkonċernati.
Kawża C-247/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:177

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7(1)(b) u Artikolu 16 – Wild li huwa ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor – Dritt idderivat ta’ residenza tal-ġenitur li jiżgura effettivament il-kustodja ta’ dan il-wild – Rekwiżit ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva – Wild li għandu dritt ta’ residenza permanenti għal parti mill-perijodi kkonċernati”

Fil-Kawża C‑247/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Social Security Appeal Tribunal (Northern Ireland) (il-Qorti tal-Appell għas-Sigurtà Soċjali, l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2020, fil-proċedura

VI

vs

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President ta’ Awla, C. Lycourgos, President tar‑Raba’ Awla, I. Jarukaitis, M. Ilešič (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VI, inizjalment minn R. Drabble, QC, u M. Black, solicitor, sussegwentement minn R. Drabble, QC, C. Rothwell u S. Park, solicitors,

għall-Gvern Norveġiż, minn K. Moe Winther, L. Furuholmen, T. Hostvedt Aarthun u T. Midttun Tobiassen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VI u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit) (iktar ’il quddiem, il-“HMRC”) dwar il-jedd ta’ VI li tirrisjedi fir-Renju Unit għall-perijodi mill‑1 ta’ Mejju 2006 sal‑20 ta’ Awwissu 2006 kif ukoll mit‑18 ta’ Awwissu 2014 sal‑25 ta’ Settembru 2016 u li hemmhekk tirċievi, għal dawk il-perijodi, kreditu tat-taxxa għal wild dipendenti kif ukoll benefiċċji tal-familja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2004/38

3

Il-premessi 1, 2, 10 u 18 tad-Direttiva 2004/38 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

(2)

Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

[...]

(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx [...] ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[...]

(18)

Sabiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti, ġaladarba miksub, m’għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet.”

4

Konformement mal-Artikolu 1(a) u (b) tagħha, id-Direttiva 2004/38 tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu liberament u jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll id-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istati Membri.

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

‘ċittadini ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)

‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)

ir-raġel jew martu [il-konjuġi];

(b)

is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ)

id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

(d)

il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

[...]”

6

Il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva jinkludi, fl-Artikoli 6 sa 15 tagħha, id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ residenza.

7

L-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

(d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).”

8

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, intitolat: “Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, jipprevedi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu:

“Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa’ suġġett għall-ħtieġa li jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom, kif ukoll li għandhom assigurazzjoni tal-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma parti min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. [...]”

9

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva intitolat “Żamma tad-dritt ta’ dħul”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2:

“Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.”

10

Il-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva jinkludi, fl-Artikoli 16 sa 21 tagħha, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt ta’ residenza permanenti.

11

Fit-Taqsima I tad-Direttiva 2004/38, intitolata “Eliġibilità”, hemm l-Artikolu 16 li jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.”

Ir‑Regolament (UE) Nru 492/2011

12

Il-premessa 1 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), hija fformulata kif ġej:

“Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15),] ġie emendat kemm‑il darba b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.”

13

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, li jikkorrispondi għall-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

Il‑Ftehim dwar il‑Ħruġ

14

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 tiegħu, tat‑30 ta’ Jannar 2020, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) (ĠU 2020, L 29, p. 1), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-KEEA, dan il-ftehim (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), li ġie anness ma’ din id-deċiżjoni.

15

L-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolat “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [...] fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti [l-att promotur] jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja [...]”

16

L-Artikolu 89(1) tal-istess ftehim dwar il-ħruġ jiddikjara:

“Sentenzi u digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll sentenzi u digrieti tali mogħtija wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-proċedimenti msemmija fl-Artikoli 86 u 87, għandhom ikunu legalment vinkolani fl-intier tagħhom fil-konfront tar-Renju Unit u fir-Renju Unit.”

17

Konformement mal-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-perijodu ta’ tranżizzjoni beda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, jiġifieri l‑1 ta’ Frar 2020 u skada fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

Id‑dritt tar‑Renju Unit

18

Id-Direttiva 2004/38 kienet ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku tar-Renju Unit permezz tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (ir-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) tal‑2006, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2006”), li ġew sussegwentement ikkonsolidati permezz tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2016 (ir-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) tal‑2016, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2016”).

19

L-Artikolu 4(1) tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2016 jiddefinixxi l-kategoriji differenti taċ-ċittadini tal-Unjoni ddikjarati fl-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri dawk ta’ ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni awtosuffiċjenti u studenti rispettivament. L-Artikolu 4(1)(c) jiddefinixxi “persuna awtosuffiċjenti” bħala persuna li għandha biżżejjed riżorsi biex tevita li tkun piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ residenza tagħha u li għandha assigurazzjoni għall-mard komprensiva fir-Renju Unit.

20

L-Artikolu 4(3) tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2016 jippreċiża, fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ persuna awtosuffiċjenti li d-dritt ta’ residenza tagħha jiddependi minn dak ta’ din il-persuna, li r-rekwiżit ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva fir-Renju Unit huwa ssodisfatt biss jekk din l-assigurazzjoni tkopri kemm l-imsemmija persuna kif ukoll il-membri tal-familja tagħha.

21

L-Artikolu 6(1) tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2016 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuni kkwalifikati” għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti. Bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 6(1)(d), il-kunċett ta’ “persuna kwalifikata” jinkludi l-persuni awtosuffiċjenti, fis-sens tal-Artikolu 4(1(c) tal-imsemmija regolamenti.

22

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal‑2016, persuna kwalifikata għandha d-dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit sakemm tibqa’ kkwalifikata.

23

Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal‑2016, ċittadin taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li rrisjeda fir-Renju Unit konformement ma’ dawn ir-regolamenti matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin jikseb hemmhekk dritt ta’ residenza permanenti. Bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 15(1)(b), l-istess japplika għal membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE li ma għandux huwa stess in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, iżda li rrisjeda fir-Renju Unit flimkien ma’ dan iċ-ċittadin, konformement mal-imsemmija regolamenti, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin.

24

L-Artikolu 16 tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal‑2016, li jikkorrispondi għall-Artikolu 15a tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2006, jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom persuna tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala li tgawdi minn dritt ta’ residenza dderivat fir-Renju Unit. Skont l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal‑2016, persuna li tiżgura prinċipalment il-kustodja ta’ ċittadin taż-ŻEE residenti fir-Renju Unit tgawdi minn dritt idderivat ta’ residenza f’dan l-Istat meta ċ-ċittadin taż-ŻEE inkwistjoni jkollu inqas minn 18-il sena, jirrisjedi fir-Renju Unit bħala persuna awtosuffiċjenti u ma jkunx jista’ jibqa’ fir-Renju Unit jekk l-imsemmija persuna tkun telqet ir-Renju Unit għal żmien indeterminat.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

25

VI hija ċittadina Pakistana li tirrisjedi flimkien mar-raġel tagħha, ukoll ċittadin Pakistani, u l-erbat itfal tagħhom fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit). Matul is-sena 2004, tweldilhom it-tifel tagħhom li għandu n-nazzjonalità Irlandiża.

26

VI u r-raġel tagħha għandhom riżorsi suffiċjenti biex jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom kif ukoll għal dawk tal-familja tagħhom. B’mod partikolari, ir-raġel ta’ VI ħadem u kien suġġett għat-taxxa matul il-perijodi kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali. VI, li għall-ewwel ħadet ħsieb uliedhom, ilha taħdem u ilha suġġetta għat-taxxa mix-xahar ta’ April 2016.

27

Huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-inqas matul il-perijodu mis‑17 ta’ Awwissu 2006 sas‑16 ta’ Awwissu 2014, li VI u l-familja tagħha kellhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva u li VI kienet tgawdi, konsegwentement, bis-saħħa tal-Artikolu 15a(1) u (2) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal‑2006, minn dritt ta’ residenza dderivat bħala persuna li għandha prinċipalment il-kustodja ta’ wild ċittadin taż-ŻEE “awtosuffiċjenti”.

28

Huwa wkoll paċifiku bejn il-partijiet li, permezz tar-residenza legali tiegħu fir-Renju Unit matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, iben VI kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit.

29

Min-naħa l-oħra, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar id-dritt ta’ VI li tibbenefika, għall-perijodi mill‑1 ta’ Mejju 2006 sal‑20 ta’ Awwissu 2006 kif ukoll mit‑18 ta’ Awwissu 2014 sal‑25 ta’ Settembru 2016, minn naħa, mill-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti u, min-naħa l-oħra, minn allowances tal-familja. Iż-żewġ rikorsi relatati mat-tilwim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ingħaqdu minn din il-qorti għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari minħabba li għandhom l-istess suġġett, jiġifieri d-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit ta’ VI matul il-perijodi inkwistjoni.

30

Fil-fatt, skont il-HMRC, tali dritt huwa nieqes peress li VI ma kinitx koperta minn assigurazzjoni għall-mard komprensiva matul l-imsemmija perijodi. Konsegwentement, hija ma tistax tibbenefika għal dawn il-perijodi la mill-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti u lanqas minn allowances tal-familja. Madankollu, il-HMRC issa tikkonċedi li l-ammont ta’ flus imħallsa żejda ma jistgħux jiġu rkuprati minn VI peress li hija qatt ma żnaturat jew naqset milli tiżvela fatti materjali.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Social Security Appeal Tribunal (Northern Ireland) (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali, l-Irlanda ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Wild, li jkun residenti permanenti fiż-Żona Ekonomika Ewropea, għandu jkollu assigurazzjoni tal-mard komprensiva sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu, bl-istess mod bħalma hija għandha jkollha/huwa għandu jkollu bħala persuna awtosuffiċjenti, skont ir-Regola [Artikolu] 4(1) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal-2016?

2)

Ir-rekwiżit, skont ir-Regola 4(3)(b) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal-2016 (li tipprovdi li l-kriterju ta’ assigurazzjoni tal-mard komprensiva huwa ssodisfatt biss fir-Renju Unit fir-rigward ta’ student jew ta’ persuna awtosuffiċjenti, imsemmija fir-Regola [Artikolu] 16(2)(b)(ii) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal-2016, jekk din l-assigurazzjoni tkun tkopri kemm lil din il-persuna kif ukoll lill-membri tal-familja tagħha), huwa illegali skont id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 u tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira (C-480/08, EU:C:2010:83, punt 70)?

3)

Sussegwentement għas-sentenza tal-2014 Ahmad v. Secretary of State for the Home Department (Civ 988, punt 53), il-ftehimiet ta’ reċiproċità fis-seħħ li jirrigwardaw iż-Żona Komuni tal-Ivvjaġġar applikabbli għall-assigurazzjoni tal-mard bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda huma kkunsidrati bħala ‘ftehimiet ta’ reċiproċità’, u, għaldaqstant, jikkostitwixxu assigurazzjoni tal-mard komprensiva għall-finijiet tar-Regola [Artikolu] 4(1) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal-2016?”

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja

32

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. It-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 267 TFUE jippreċiża, essenzjalment, li meta kwistjoni li tista’ tkun suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, din il-qorti tista’, jekk tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt tkun neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni.

34

F’dan il-każ, fl‑1 ta’ Frar 2020, data li fiha l-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni, u b’hekk sar Stat terz. Minn dan isegwi li l-qrati ta’ dan l-Istat ma jistgħux iktar, minn din id-data, jitqiesu li huma qrati ta’ Stat Membru.

35

Madankollu, dan il-ftehim jipprevedi, fl-Artikolu 126 tiegħu, perijodu ta’ tranżizzjoni inkluż bejn id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim, jiġifieri l‑1 ta’ Frar 2020 u l‑31 ta’ Diċembru 2020. L-Artikolu 127 tiegħu jipprovdi li, matul dan il-perijodu, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor minn dan il-ftehim, id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli fir-Renju Unit u fit-territorji tiegħu, jipproduċi l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fi ħdan l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u jiġi interpretat u applikat skont l-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fi ħdan l-Unjoni.

36

L-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi wkoll, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja jibqa’ jkollha l-ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati tar-Renju Unit imressqa qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari titqies li tressqet, fis-sens tal-imsemmi paragrafu 2, fid-data li fiha l-att promotur ikun ġie rreġistrat mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti tar-Renju Unit fis‑7 ta’ April 2020, jiġifieri qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, fil-kuntest tat-tilwim inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar id-dritt ta’ VI li tirrisjedi fir-Renju Unit matul il-perijodi mill‑1 ta’ Mejju 2006 sal‑20 ta’ Awwissu 2006 kif ukoll mit‑18 ta’ Awwissu 2014 sal‑25 ta’ Settembru 2016 u li hemmhekk tibbenefika, għal dawn il-perijodi, mill-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti kif ukoll minn allowances tal-familja.

38

Minn dan isegwi, minn naħa, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna perijodi ta’ qabel ma r-Renju Unit kien ħareġ mill-Unjoni u qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar it-talba tal-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 86(2) ta’ dan il-ftehim, sa fejn din it-talba hija intiża biex tinkiseb interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq it‑talba għal proċedura mħaffa

39

Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tissottometti l-kawża preżenti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm din il-qorti ma mmotivatx din it-talba hija stess, mid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha jirriżulta li din tressqet wara talba f’dan is-sens min-naħa ta’ VI u li din tal-aħħar immotivat il-ħtieġa ta’ rikors għal din il-proċedura, l-ewwel, permezz tal-iskadenza, fil‑31 ta’ Diċembru 2020, tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst mill-ftehim ta’ rtirar, li kif jiskadi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun iktar diffiċli, it-tieni, permezz tal-fatt li l-HMRC kienet għadha qiegħda tipprova tikseb l-irkupru ta’ somom li, fil-fehma tagħha, tħallsu indebitament fir-rigward ta’ krediti ta’ taxxa għal wild dipendenti, u, it-tielet, permezz tal-fatt li, mix-xahar ta’ Ottubru 2016, VI ma kinitx qiegħda tgawdi minn benefiċċji soċjali li għalihom hija tallega li għandha dritt.

40

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa.

41

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-każ, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, ċaħad it-talba intiża għall-issuġġettar ta’ din il-kawża għal proċedura mħaffa.

43

Fil-fatt, l-ewwel, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, mill-Artikolu 89(1) ta’ dan il-ftehim, moqri flimkien mal-Artikolu 86(2) tiegħu, jirriżulta li d-deċiżjonijiet preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni fuq it-talba ta’ qorti tar-Renju Unit, imressqa qabel tmiem dan il-perijodu, għandhom saħħa vinkolanti fl-elementi kollha tagħhom għar-Renju Unit u fir-Renju Unit.

44

It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-HMRC għadha qiegħda tipprova tikseb l-irkupru ta’ somom li, fil-fehma tagħha, tħallsu indebitament bħala krediti ta’ taxxa għal wild dipendenti, mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, miġbura fil-qosor fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-HMRC issa tikkonċedi li l-ammont ta’ dħul eċċessiv eventwali ma jistax jiġi rkuprat mingħand VI peress li din qatt ma żnaturat jew naqset milli tiżvela fatti materjali.

45

It-tielet, fir-rigward tal-fatt li, sa mix-xahar ta’ Ottubru 2016, VI ma tgawdix mill-benefiċċji soċjali li għalihom hija tallega li għandha dritt, għandu jiġi kkonstatat li, anki fil-każ fejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji fit-tilwim inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw perijodi qabel din id-data, kellhom joħolqu obbligu għall-HMRC li jwettaq il-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji wkoll għal perijodi ta’ wara din id-data, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-assenza ta’ ħlas tal-imsemmija benefiċċji tesponi lil VI u lill-familja tagħha għal sitwazzjoni ta’ indiġenza materjali li tista’ tiġġustifika r-rikors għal proċedura mħaffa (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 44). Issa, la s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, huwa kemm huwa importanti u leġittimu, sabiex tiġi ddeterminata bl-iktar mod rapidu possibbli l-portata tad-drittijiet li dawn jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, u lanqas in-natura ekonomikament jew soċjalment sensittiva tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jimplikaw, waħedhom, il-bżonn ta’ trattament fl-iqsar żmien possibbli, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑26 ta’ Novembru 2020, DSK Bank u FrontEx International, C‑807/19, EU:C:2020:967, punt 38).

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kawża kellha natura tant urġenti li jkun iġġustifikat li ssir deroga, eċċezzjonalment, mir-regoli ta’ proċedura ordinarji applikabbli fil-qasam tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

47

Għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ proċedura mressqa bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u din tal-aħħar ma għandhiex obbligu li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli ta’ dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi interpretattivi kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Syndicat CFTC, C‑463/19, EU:C:2020:932, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Barra minn hekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ kooperazzjoni, li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li VI għandha riżorsi suffiċjenti biex taqdi l-bżonnijiet tagħha kif ukoll dawk ta’ binha, ċittadin tal-Unjoni mwieled matul is-sena 2004 u li, mill-inqas matul il-perijodu mis‑17 ta’ Awwissu 2006 sas‑16 ta’ Awwissu 2014, huma kellhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva. Minn dan jirriżulta li iben VI u hija stess, bħala ġenitur li tiżgura effettivament il-kustodja tiegħu, kienu jgawdu, matul dan il-perijodu kollu, minn dritt ta’ residenza fir-Renju Unit taħt l-Artikolu 21(1) TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 42 sa 47, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 41 sa 53).

50

Ġaladarba iben VI irrisjeda legalment fir-Renju Unit għal perijodu kontinwu ta’ iktar minn ħames snin, huwa kiseb, l-iktar tard fis‑17 ta’ Awwissu 2011, dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat bis-saħħa tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

51

Il-kawżi prinċipali jirrigwardaw id-dritt ta’ VI li tibbenefika mill-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti u minn allowances tal-familja, minn naħa, għal perijodu qabel is‑17 ta’ Awwissu 2006, li matulu binha kien għad ma kellux dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit bis-saħħa tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, u, min-naħa l-oħra, għal perijodu wara s‑16 ta’ Awwissu 2014, li matulu huwa kien igawdi minn tali dritt. Skont il-HMRC, VI ma tistax tibbenefika għal dawn il-perijodi, la mill-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti, u lanqas minn allowances tal-familja, għar-raġuni li, matul l-imsemmija perijodi, hija ma kinitx koperta minn assigurazzjoni għall-mard komprensiva u, konsegwentement, ma kellhiex dritt ta’ residenza dderivat fir-Renju Unit.

52

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex għalhekk, li tiddetermina sa fejn ir-rekwiżit ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, previst fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, kien applikabbli għal VI u għal binha matul l-istess perijodi u, jekk ikun il-każ, jekk il-kopertura ta’ assigurazzjoni li huma kellhom kinitx suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit. Għaldaqstant, id-domandi għandhom jiġu fformulati mill-ġdid f’dan is-sens.

Fuq l‑ewwel domanda

53

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li wild, ċittadin tal-Unjoni, li kiseb dritt ta’ residenza permanenti, u l-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu, huma obbligati jkollhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, sabiex iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat ospitanti.

54

Fir-rigward ta’ dan il-wild, li huwa ċittadin tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi espressament li d-dritt ta’ residenza permanenti, li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiksbu wara li jkunu rrisjedew legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, “m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III”. Għaldaqstant, dan id-dritt ma huwiex, b’mod partikolari, suġġett għall-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, li persuna jkollha, għaliha nnifisha u għall-familja tagħha, riżorsi suffiċjenti kif ukoll assigurazzjoni għall-mard komprensiva.

55

Il-premessa 18 tal-imsemmija direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, “[s]abiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti, ġaladarba miksub, m’għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet”.

56

Fir-rigward tal-ġenitur, ċittadin ta’ Stat terz, li effettivament għandu l-kustodja tal-imsemmi wild, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu japplika wkoll għall-membri tal-familja li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li jkunu rrisjedew legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ tali ġenitur.

57

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, fis-sens ta’ din id-direttiva, huwa limitat, għal dak li jirrigwarda l-axxendenti ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-“axxendenti diretti dipendenti”. Konsegwentement, meta ċittadin tal-Unjoni minuri jkun taħt il-kustodja tal-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka l-kwalità ta’ axxendent dirett “li għandu l-kustodja”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, bil-għan li jibbenefika minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

B’hekk, hija ġurisprudenza stabbilita sew li d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, mogħti mid-dritt tal-Unjoni liċ-ċittadin minuri ta’ Stat Membru ieħor, għandu, sabiex jiżgura l-effettività ta’ dan id-dritt ta’ residenza, jitqies li jinvolvi neċessarjament, bis-saħħa tal-Artikolu 21 TFUE, dritt għall-ġenitur li jiżgura effettivament il-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni minuri li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti, u dan indipendentement min-nazzjonalità ta’ dan il-ġenitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 4546, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 5152).

59

Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-kundizzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, wara l-kisba, mill-imsemmi minuri, ta’ dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, testendi, skont l-Artikolu 21 TFUE, għal dan il-ġenitur.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li la l-wild, ċittadin tal-Unjoni, li kiseb dritt ta’ residenza permanenti, u lanqas il-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu ma huma obbligati li jkollhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, sabiex iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat ospitanti.

Fuq it‑tieni domanda

61

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tal-perijodi ta’ qabel ma wild, ċittadin tal-Unjoni, kiseb dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat ospitanti, kemm dan il-wild, meta jintalab dritt ta’ residenza għalih fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 7(1)(b), kif ukoll il-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu għandhom ikollhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva, fis-sens ta’ din id-direttiva.

62

Skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur “jekk huma għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti”.

63

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Ingliża, fiha ċerta ambigwità, madankollu minn verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, bħal dawk bil-lingwa Ġermaniża, Spanjola, Franċiża u Taljana, kif ukoll mill-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta b’mod ċar li, skont l-istess dispożizzjoni, mhux biss iċ-ċittadin tal-Unjoni iżda wkoll il-membri tal-familja tiegħu li jirrisjedu miegħu fl-Istat ospitanti għandhom ikunu koperti minn assigurazzjoni għall-mard komprensiva.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, b’mod analogu għal dak li tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li għalkemm, ċertament, il-ġenitur li jiżgura effettivament il-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri ma jiġix ikklassifikat bħala membru tal-familja tiegħu fis-sens tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza ta’ tul ta’ iktar minn tliet xhur u ta’ inqas minn ħames snin mogħti minn din id-direttiva lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni minuri jestendi madankollu, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan id-dritt ta’ residenza, għal dan il-ġenitur bis-saħħa tal-Artikolu 21 TFUE.

65

Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi ġenitur, ċittadin ta’ Stat terz, jibbenefikax minn tali dritt ta’ residenza minħabba s-sitwazzjoni tal-wild tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-wild jissodisfax il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jitqiesu li huma applikabbli b’analoġija għall-istess ġenitur.

66

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tikkonstata li mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-premessa 10 u l-Artikolu 14(2) tagħha, jirriżulta li, matul il-perijodu kollu ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ta’ iktar minn tliet xhur u inqas minn ħames snin, iċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv għandu, b’mod partikolari, ikollu assigurazzjoni tal-mard komprensiva għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu sabiex dawn ma jsirux piż mhux raġonevoli għall-finanzi pubbliċi ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura pubblika tas-saħħa), C‑535/19, EU:C:2021:595, punti 53 sa 55).

67

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, li jirrisjedi fl-Istat ospitanti ma’ ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu, dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt kemm meta dan il-wild ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva li tkopri l-ġenitur tiegħu kif ukoll fil-każ oppost fejn dan il-ġenitur ikollu tali assigurazzjoni li tkopri lill-wild (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 29 sa 33).

68

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li VI u binha kienu affiljati matul il-perijodu inkwistjoni, jiġifieri dak mill‑1 ta’ Mejju 2006 sal‑20 ta’ Awwissu 2006, mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tar-Renju Unit, offruta, mingħajr ħlas, min-National Health Service (is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa).

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Istat Membru ospitanti jista’, suġġett għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jissuġġetta l-affiljazzjoni mas-sistema pubblika tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, li jirrisjedi fit-territorju tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, għal kundizzjonijiet intiżi sabiex dan iċ-ċittadin ma jsirx piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi tal-imsemmi Stat Membru, bħall-konklużjoni jew iż-żamma, mill-imsemmi ċittadin, ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva privata, li tippermetti r-rimbors lill-imsemmi Stat Membru tal-ispejjeż tas-saħħa sostnuti minn dan tal-aħħar favur l-istess ċittadin, jew il-ħlas, min-naħa tiegħu, ta’ kontribuzzjoni għas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-istess Stat Membru (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura pubblika tas-saħħa), C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 59), xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif ċittadin tal-Unjoni jkun affiljat ma’ tali sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard fl-Istat Membru ospitanti, huwa jkollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7(1)(b).

70

Barra minn hekk, f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv inkwistjoni huwa wild li wieħed mill-ġenituri tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, ħadem u kien suġġett għat-taxxa fl-Istat ospitanti matul il-perijodu inkwistjoni, ikun sproporzjonat li jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza lil dan il-wild u lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu taħt l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, għas-sempliċi raġuni li, matul dan il-perijodu, huma kienu affiljati mingħajr ħlas mas-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, ma jistax jitqies li din is-sħubija mingħajr ħlas tikkostitwixxi, f’tali kundizzjonijiet, piż irraġonevoli għall-finanzi pubbliċi tal-imsemmi Stat.

71

Fl-aħħar, sa fejn il-qorti tar-rinviju tirreferi, fit-tieni domanda tagħha, għall-punt 70 tas-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2010, Teixeira (C‑480/08, EU:C:2010:83), għandu jiġi kkonstatat li din ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hemmhekk li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li minnu jibbenefika l-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ wild li jeżerċita d-dritt li jsegwi studji konformement mal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan il-ġenitur għandu jkollu riżorsi suffiċjenti biex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat Membru matul ir-residenza tiegħu u minn assigurazzjoni għall-mard komprensiva fih. Madankollu, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, bħall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 li ssostitwixxih, jagħtu drittijiet biss lit-tfal tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew kien impjegat fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Issa, ir-raġel ta’ VI u missier il-wild ikkonċernat huwa ċittadin ta’ Stat terz.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tal-perijodi ta’ qabel ma wild, ċittadin tal-Unjoni, kiseb dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat ospitanti, kemm dan il-wild, meta jintalab dritt ta’ residenza għalih fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 7(1)(b), kif ukoll il-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu għandhom ikollhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva, fis-sens ta’ din id-direttiva.

Fuq it‑tielet domanda

73

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, wara sentenza mogħtija matul is-sena 2014 mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Diviżjoni Ċivili), ir-Renju Unit), il-ftehimiet ta’ reċiproċità fis-seħħ marbuta maż-żona ta’ vvjaġġar komuni applikabbli għall-assigurazzjoni għall-mard bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhomx jitqiesu bħala “ftehim ta’ reċiproċità” u, għaldaqstant, bħala assigurazzjoni għall-mard komprensiva, għall-finijiet tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal‑2016.

74

Għalkemm, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preliminari esposti fil-punti 47 sa 52 ta’ din is-sentenza, jidher possibbli li din id-domanda tiġi rriformulata fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehimiet ta’ reċiproċità, bħal dawk fis-seħħ marbuta maż-żona ta’ vvjaġġar komuni applikabbli għall-assigurazzjoni għall-mard bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda, jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dan il-ftehim u r-rilevanza tagħhom fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

75

Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Dawn ir-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju għandha tosserva fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn huma mfakkra wkoll fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

77

Peress li, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax l-imsemmija rekwiżiti fir-rigward tat-tielet domanda, din hija inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li la l-wild, ċittadin tal-Unjoni, li kiseb dritt ta’ residenza permanenti, u lanqas il-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu ma huma obbligati li jkollhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, sabiex iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat ospitanti.

 

2)

L-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tal-perijodi ta’ qabel ma wild, ċittadin tal-Unjoni, kiseb dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat ospitanti, kemm dan il-wild, meta jintalab dritt ta’ residenza għalih fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 7(1)(b), kif ukoll il-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tiegħu għandhom ikollhom assigurazzjoni għall-mard komprensiva, fis-sens ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top