EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0232

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Marzu 2022.
NP vs Daimler AG, Mercedes-Benz Werk Berlin.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2008/104/KE – Xogħol temporanju – Artikolu 1(1) – Assenjazzjoni ‘b’mod temporanju’ – Kunċett – Okkupazzjoni ta’ pożizzjoni permanenti – Artikolu 5(5) – Assenjazzjonijiet suċċessivi – Artikolu 10 – Sanzjonijiet – Artikolu 11 – Deroga mill-imsieħba soċjali għall-perijodu massimu stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali.
Kawża C-232/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:196

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2008/104/KE – Xogħol temporanju – Artikolu 1(1) – Assenjazzjoni ‘b’mod temporanju’ – Kunċett – Okkupazzjoni ta’ pożizzjoni permanenti – Artikolu 5(5) – Assenjazzjonijiet suċċessivi – Artikolu 10 – Sanzjonijiet – Artikolu 11 – Deroga mill-imsieħba soċjali għall-perijodu massimu stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali”

Fil-Kawża C‑232/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Industrijali Superjuri, Berlin Brandenburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

NP

vs

Daimler AG, Mercedes-Benz Werk Berlin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele (Relatriċi), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NP, minn R. Buschmann u K. Jessolat, conseils,

għal Daimler AG, Mercedes-Benz Werk Berlin, minn U Baeck u M. Launer, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u N. Vincent, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008 L 327, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, NP u, min-naħa l-oħra Daimler AG, Mercedes-Benz Werk Berlin (iktar ’il quddiem “Daimler”), dwar it-talba tiegħu sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ Daimler minħabba li, abbażi tal-perijodu tat-tul tagħha, l-assenjazzjoni tiegħu ma’ din il-kumpannija bħala ħaddiem temporanju ma tistax tiġi kklassifikata li hija “temporanja”.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 12, 16, 17, 19 u 21 tad-Direttiva 2008/104 jipprovdu:

“(12)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa non-diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

[...]

(16)

Sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw b’mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg, sakemm jiġi rispettat il-livell ġenerali ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

(17)

Barra minn hekk, f’ċerti ċirkostanzi limitati, l-Istati Membri għandhom, abbażi ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, ikunu jistgħu jidderogaw f’limiti mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, sakemm jiġi pprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni.

[...]

(19)

Din id-Direttiva la taffettwa l-awtonomija ta’ l-imsieħba soċjali u lanqas m’għandha taffettwa r-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inkluż id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi strumenti ta’ ftehim kollettivi skond il-liġi u l-prattiki nazzjonali filwaqt li tiġi rispettata l-liġi Komunitarja prevalenti.

[...]

(21)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex iħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u għandhom jipprovdu pieni effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-ksur ta’ l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg konklużi taħt programm speċifiku pubbliku jew sostnut b’mezzi pubbliċi ta’ taħriġ vokazzjonali, ta’ integrazzjoni jew ta’ taħriġ mill-ġdid.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għan”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(b) sa (e) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(b)

‘aġenzija ta’ xogħol temporanju’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg ma’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija sabiex tassenjahom lil impriżi utenti biex jaħdmu hemm temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom;

(ċ)

‘ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija’ tfisser ħaddiem b’kuntratt ta’ impjieg jew li għandu relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju bil-ħsieb li jiġi assenjat għal ma’ impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(d)

‘impriża utenti’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(e)

‘assenjazzjoni’ tfisser il-perijodu li matulu l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jintbagħat fl-impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha.”

7

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104 intitolat, “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali” jipprovdi fil-paragrafi 1, 3 u 5 tiegħu:

“1.   Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu, ir-regoli fis-seħħ fl-impriża utenti dwar:

1.

il-protezzjoni ta’ nisa tqal u ommijiet li qed ireddgħu u l-protezzjoni ta’ tfal u żgħażagħ; u

2.

t-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa u kwalunkwe azzjoni biex tiġi miġġielda kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, it-twemmin, diżabbiltajiet, l-età jew l-orjentament sesswali;

għandhom jiġu rrispettati kif stabbilit mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali oħra.

[...]

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom, fil-livell adatt u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, l-għażla li jżommu jew jikkonkludu strumenti ta’ ftehim kollettivi li, waqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

[...]

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti, skond il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika, bil-ħsieb li jipprevjenu l-użu ħażin fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’tali miżuri.”

8

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti minimi”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jippromwovu jew jippermettu strumenti ta’ ftehim kollettivi konklużi bejn l-imsieħba soċjali li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

2.   L-implimentazzjoni tad-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza m’għandha tikkostitwixxi raġunijiet suffiċjenti biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ Stati Membri u/jew ta’ min iħaddem u l-ħaddiema li jistabbilixxu, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti minn dawk li jipprevalu fiż-żmien ta’ l-addozzjoni ta’ din id-Direttiva, dejjem sakemm jiġu rispettati r-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Pieni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva mill-aġenziji tax-xogħol temporanju jew mill-impriżi utenti. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati biex l-obbligi li ġejjin minn din id-Direttiva jkunu jistgħu jiġu infurzati.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tagħhom. Il-pieni pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. [...] ”

10

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Implimentazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Diċembru 2011, jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, li bih l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa li jippermettulhom jiggarantixxu f’kull ħin li l-objettivi ta’ din id-Direttiva jintlaħqu. [...] ”

Id-dritt Ġermaniż

11

L-Artikolu 1 tal-Gesetz zur Regelung der Arbeitnehmerüberlassung (il-Liġi li Tirregola Xogħol Temporanju), tat‑3 ta’ Frar 1995 (BGB1. 1995 I, p. 158), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill‑1 ta’ Diċembru 2011 sal‑31 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem l-“AÜG”), intitolat “Obbligu ta’ Awtorizzazzjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuni li jimpjegaw li, bħala aġenzija tax-xogħol temporanju, jixtiequ, fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom, jassenjaw (ħaddiema temporanji) lil impriżi terzi (impriżi utenti) għandu jkollhom awtorizzazzjoni. L-assenjazzjoni ta’ ħaddiema lil impriżi utenti għandha tkun temporanja.”

12

L-Artikolu 3 tal-AÜG kien jipprevedi, f’dan ir-rigward, li l-awtorizzazzjoni jew l-estensjoni tagħha kellha tiġi miċħuda meta elementi ta’ fatt kienu jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-applikant ma kellux l-affidabbiltà meħtieġa fl-Artikolu 1 għall-eżerċizzju tal-attività, b’mod partikolari, minħabba li ma kienx josserva d-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ sigurtà soċjali, dwar il-ġbir u l-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul, dwar is-servizzi ta’ assenjazzjoni, is-servizzi ta’ reklutaġġ fi Stati oħra jew l-impjieg ta’ ħaddiema ġejjin minn Stati oħra, id-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ħaddiema jew l-obbligi previsti mid-dritt industrijali.

13

Skont l-Artikolu 5 tal-AÜG, l-awtorizzazzjoni setgħet tiġi rtirata għall-futur meta l-awtorità li ħarġet l-awtorizzazzjoni setgħet, fuq il-bażi ta’ fatti li seħħew sussegwentement, tirrifjuta dan il-ħruġ. L-awtorizzazzjoni kienet titlef il-validità tagħha mad-dħul fis-seħħ tal-irtirar.

14

Skont l-Artikolu 9 tal-AÜG, il-kuntratti bejn l-aġenzija tax-xogħol temporanju u l-impriża utenti, kif ukoll dawk bejn l-aġenzija tax-xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju, fil-każ li l-aġenzija tax-xogħol temporanju ma kellhiex l-awtorizzazzjoni meħtieġa bil-liġi, kienu mingħajr effett. F’dan il-każ, l-Artikolu 10 tal-AÜG, kien jipprevedi li relazzjoni tax-xogħol kienet meqjusa li ġiet stabbilita bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju.

15

L-AÜG ġiet emendata mill-Gesetz zur Änderung des Arbeitnehmerüberlassungsgesetzes und anderer Gesetze (il-Liġi li Temenda l-Liġi li Tirregola Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija u Liġijiet Oħra), tal‑21 ta’ Frar 2017 (BGBl 2017 I, p. 258, iktar ’il quddiem l-“AÜG, kif emendata”), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2017.

16

L-Artikolu 1 tal-AÜG, kif emendata, intitolat “Assenjazzjoni ta’ ħaddiema, obbligu ta’ awtorizzazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   [...] L-assenjazzjoni ta’ ħaddiema hija awtorizzata b’mod temporanju sa perijodu massimu stabbilit fil-paragrafu 1b.

[...]

(1b)   L-aġenzija ta’ xogħol temporanju ma għandhiex tassenja l-istess ħaddiem temporanju lill-istess impriża utenti għal iktar minn tmintax-il xahar konsekuttivi; l-impriża utenti ma għandhiex timpjega l-istess ħaddiem temporanju għal iktar minn tmintax-il xahar konsekuttivi. Kull assenjazzjoni preċedenti mill-istess aġenzija jew oħra ta’ xogħol temporanju lill-istess impriża utenti tgħodd bħala perijodu wieħed meta kull żewġ assenjazzjonijiet bħal dawn ikunu separati b’mhux iktar minn tliet xhur. Ftehim kollettiv milħuq minn imsieħba soċjali fis-settur li fih isseħħ l-assenjazzjoni jista’ jippreskrivi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni differenti minn dak stabbilit fl-ewwel sentenza hawnhekk. [...] Ftehim ta’ kunsill ta’ xogħlijiet tas-settur privat jew pubbliku milħuq ma’ min iħaddem abbażi ta’ ftehim kollettiv konkluż minn imsieħba soċjali fis-settur li fih isseħħ l-assenjazzjoni jista’ jippreskrivi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni differenti minn dak stabbilit fl-ewwel sentenza hawnhekk. [...]”

17

Il-punt 1b tal-Artikolu 9(1) tal-AÜG, kif emendata, jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu invalidi:

1b)

kuntratti ta’ impjieg bejn aġenziji ta’ xogħol temporanju u ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jaqbżu l-perijodu massimu permissibbli ta’ assenjazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1(1b), sakemm il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma jgħarrafx bil-miktub lill-aġenzija ta’ xogħol temporanju jew lill-impriża utenti, mhux iktar tard minn xahar li l-perijodu massimu permissibbli ta’ assenjazzjoni jkun inqabeż, li huwa jkun qiegħed iżomm il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju,

[...]”

18

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-AÜG, kif emendata, jipprovdi:

“Jekk il-kuntratt konkluż bejn aġenzija ta’ xogħol temporanju u ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jkun invalidu skont l-Artikolu 9, relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandu jitqies li jkun daħal fis-seħħ fid-data li fiha jibda l-impjieg miftiehem bejn l-impriża utenti u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju; jekk dak il-kuntratt ma jsirx invalidu sa wara li jkun beda l-impjieg mal-impriża utenti, ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandha titqies li tkun daħlet fis-seħħ fiż-żmien meta l-kuntratt ikun sar invalidu […]”.

19

L-Artikolu 19(2) tal-AÜG, kif emendata, jinkludi dispożizzjoni tranżitorja, li hija fformulata kif ġej:

“Perijodi ta’ qabel l‑1 ta’ April 2017 ma għandhomx jitqiesu sabiex jiġi kkalkolat il-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(1b). [...] ”

20

Il-Ftehim Kollettiv tat‑23 ta’ Mejju 2012 li jirregola x-Xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija fl-industriji tal-ħadid u tal-elettriku f’Berlin u fi Brandenburg, u dak tal‑1 ta’ Ġunju 2017, sussegwenti għalih, jipprevedu b’mod partikolari li huwa possibbli l-użu b’mod temporanju ta’ ħaddiema temporanji. Il-Ftehim Kollettiv tal‑1 ta’ Ġunju 2017, barra minn hekk, jirreferi b’mod espliċitu għal-possibbiltà legali ta’ deroga prevista fl-Artikolu 1(1b) tal-AÜG, kif emendata. L-imsieħba soċjali jaqblu, barra minn hekk, dwar il-fatt li, b’applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim kollettiv, il-perijodu massimu ta’ missjoni ma’ jistax jeċċedi 48 xahar. Il-punt 8 tal-imsemmi Ftehim kollettiv jinkludi dispożizzjoni tranżitorja. Skont din id-dispożizzjoni, l-imsieħba soċjali fil-livell tal-impriża dwar il-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni. Fl-assenza ta’ ftehim għandu japplika perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ 36 xahar mill‑1 ta’ Ġunju 2017.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

NP ġie impjegat mill‑1 ta’ Settembru 2014 minn aġenzija tax-xogħol temporanju. Minn din id-data sal‑31 ta’ Mejju 2019, bl-eċċezzjoni ta’ perijodu ta’ leave parentali ta’ xahrejn, dan tal-aħħar ġie assenjat b’mod esklużiv għal Daimler bħala impriża utenti, fejn huwa ħadem b’mod kontinwu fil-workshop ta’ assemblaġġ tal-magni. Skont il-qorti tar-rinviju, l-impjieg inkwistjoni ma kellux l-għan ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddiem.

22

Fis‑27 ta’ Ġunju 2019, NP ressaq azzjoni quddiem l-Arbeitsgericht Berlin (il-Qorti Industrijali ta’ Berlin, il-Ġermanja) fejn huwa talab għal dikjarazzjoni li kien hemm relazzjoni ta’ xogħol bejnu u Daimler mill‑1 ta’ Settembru 2015, b’mod alternattiv, u sa mill-1 ta’ Marzu 2016, u iktar b’mod alternattiv, sa mill‑1 ta’ Novembru 2016, u iktar b’mod alternattiv, sa mill‑1 ta’ Ottubru 2018 jew sa mill‑1 ta’ Mejju 2019. Għal dan il-għan, huwa b’mod partikolari sostna li, minħabba li l-assenjazzjoni tiegħu ma’ Daimler kienet għal perijodu ta’ iktar minn sena, din ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “temporanja” u li d-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 19(2) tal-AÜG, kif emendata, kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2019, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

23

Fit‑22 ta’ Novembru 2019, NP ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Industrijali Superjuri, Berlin Brandeburg, il-Ġermanja).

24

Din il-qorti ssostni li għalkemm id-dritt nazzjonali li jimplimenta d-Direttiva 2008/104 kien jipprevedi, mill-bidu nett, li l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema setgħet tkun biss ta’ natura “temporanja”, perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ġie introdott biss fid-dritt nazzjonali sa mill‑1 ta’ April 2017, fejn dan il-perijodu ġie stabbilit għal 18-il xahar, bla ħsara għal eventwali derogi fil-qafas ta’ ftehimiet kollettivi konklużi mill-imsieħba soċjali kkonċernat jew fil-qafas ta’ ftehim ta’ kunsill ta’ xogħlijiet tas-settur privat jew pubbliku abbażi ta’ tali ftehimiet kollettivi. Sa minn din id-data wkoll, il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi, bħala sanzjoni fil-każ ta’ qbiż tal-imsemmi perijodu, li relazzjoni ta’ xogħol titqies li ġiet stabbilita bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju fid-data li fiha nbdiet l-assenjazzjoni miftiehma.

25

L-imsemmija qorti żżid li l-emenda leġiżlattiva msemmija fil-punt preċedenti tinkludi dispożizzjoni tranżitorja, li abbażi tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni biss għall-kalkolu tal-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa wara l‑1 ta’ April 2017. Barra minn hekk, il-Ftehim Kollettiv tal‑1 ta’ Ġunju 2017 imsemmi fil-punt 20 ta din is-sentenza kif ukoll ftehim ġenerali ta’ impriża tal‑20 ta’ Settembru 2017 li tapplika għal Daimler jipprevedu perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ 36 xahar, ikkalkolat rispettivament mill‑1 ta’ Ġunju 2017 u mill‑1 ta’ April 2017. Minn dan isegwi li, għal ħaddiem bħal NP, il-perijodu ta’ assenjazzjoni tiegħu ma’ Daimler ma huwiex, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, ikkunsidrat li qabeż il-perijodu massimu previst minn din il-leġiżlazzjoni, għalkemm din l-assenjazzjoni kienet estiża fuq perijodu ta’ kważi ħames snin.

26

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sa fejn NP jitlob li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ Daimler qabel l‑1 ta’ Ottubru 2018, l-azzjoni tiegħu tista’ tintlaqa’ bis-sħiħ biss jekk id-dritt tal-Unjoni jimponi dan.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Berlin Brandenburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma’ impriża utenti għandha titqies li ma għadhiex “temporanja” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-[Direttiva 2008/104], meta l-impjieg ta’ dan il-ħaddiem ikun għal pożizzjoni li hija permanenti, u ma jkunx imtela bħala sostituzzjoni?

(2)

L-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għal perijodu ta’ inqas minn 55 xahar għandha titqies li ma għadhiex ‘temporanja’ fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104?

[...] Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda [...]:

[(3)]

Ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jista’ jsostni li għandu bażi għal relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża utenti, ukoll meta d-dritt nazzjonali ma jipprevedix din is-sanzjoni qabel l-1 ta’ April 2017?

[(4)]

Regola nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 19(2) tal-[AÜG] tikser l-Artikolu 1 tad-[Direttiva 2008/104] sa fejn tipprevedi, għall-ewwel darba, perijodu massimu individwali ta’ assenjazzjoni ta’ 18-il xahar, iżda teskludi speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi mgħoddija, jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi mgħoddija jkollu bħala konsegwenza li l-assenjazzjoni ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi kklassifikata bħala temporanja?

[5)]

L-estensjoni tal-perijodu massimu individwali ta’ assenjazzjoni tista’ titħalla f’idejn l-imsieħba soċjali? Fil-każ ta’ risposta affermattiva: dan japplika wkoll għal imsieħba soċjali li għandhom kompetenza mhux fir-rigward tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiem temporanju kkonċernat, iżda fir-rigward tas-settur tal-impriża utenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “b’mod temporanju”, inkluż f’din id-dispożizzjoni, jipprekludi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem li għandu kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol ma’ aġenzija tax-xogħol temporanju ma’ impriża utenti sabiex jokkupa pożizzjoni li hija permanenti, u li ma jkunx imtela bħala sostituzzjoni.

29

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et, C‑375/08, EU:C:2010:365, punt 58, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jirriżulta li din id-direttiva tapplika, skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, għall-ħaddiema li għandhom kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol ma’ aġenzija tax-xogħol temporanju u li jiġu assenjati għal impriżi utenti b’mod temporanju taħt il-kontroll u d-direzzjoni tagħhom.

31

Għalhekk mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kliem “b’mod temporanju” ma huwiex intiż li jillimita l-applikazzjoni tax-xogħol temporanju għal pożizzjonijiet li ma humiex permanenti jew li jridu jimtlew bħala sostituzzjoni, peress li dan il-kliem ma jikkaratterizzax il-pożizzjoni li għandha timtela fi ħdan l-impriża utenti, iżda l-modalitajiet tal-assenjazzjoni ta’ ħaddiem ma’ din l-impriża.

32

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104 hija kkorroborata mill-kuntest li fih din id-dispożizzjoni tagħmel parti, u b’mod partikolari mill-istruttura ta’ din id-direttiva.

33

Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/104 ma tikkonċerna n-natura tax-xogħol jew it-tip ta’ pożizzjoni li għandha timtela fi ħdan l-impriża utenti. Bl-istess mod, din id-direttiva ma telenkax il-każijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol, peress li l-Istati Membri żammew, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv sabiex jiddeterminaw is-sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw l-użu tagħha. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2008/104 tipprevedi biss l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 41).

34

It-tieni, għandu jiġi enfasizzat li l-kliem “b’mod temporanju” jintuża wkoll fl-Artikolu 3(1)(b) sa (e) tad-Direttiva 2008/104 li jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “aġenzija tax-xogħol temporanju”, ta’ “ħaddiem temporanju”, ta’ “impriża utenti” u ta’ “assenjazzjoni”. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li hija r-relazzjoni tax-xogħol ma’ impriża utenti li għandha, minnha nnifisha, ta’ natura temporanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 61).

35

It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li tipprevedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki fis-seħħ fl-Istat membru kkonċernat, sabiex jiġi evitat l-użu abbużiv tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikoli u, b’mod partikolari, l-għoti ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, ma tobbligax lill-Istati Membri jissuġġettaw l-użu tax-xogħol temporanju għall-indikazzjoni ta’ raġunijiet ta’ natura teknika jew ta’ ħtiġijiet ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju)C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 42).

36

Minn dan isegwi, kif tirrileva essenzjalment il-Kummissjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jillimita l-użu tax-xogħol temporanju billi jawtorizza biss ix-xogħol temporanju biex timtela pożizzjoni temporanja.

37

Fit-tielet lok, tali interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-għanijiet intiżi tad-Direttiva 2008/104, kif indikati fil-premessa 12 u fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li huma intiżi jistabbilixxu qafas ta’ protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, li jkun qafas mhux diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li jirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u tar-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali u jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, il-ħolqien tal-impjiegi u l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, sa fejn, kif ġie rrilevat essenzjalment mill-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kisba ta’ dawn l-għanijiet ma teżiġix li ħaddiema temporanji ma jistgħux ikunu impjegati sabiex jimlew pożizzjonijiet permanenti u ma jkunx imtela bħala sostituzzjoni. Għall-kuntrarju, il-fatt li d-Direttiva 2008/104 hija intiża wkoll, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, tinkoraġġixxi l-aċċess tal-ħaddiema temporanji għal impjieg permanenti fl-impriża utenti (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest tax-xogħol temporanju), C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 51) isostni l-interpretazzjoni li ħaddiem temporanju jista’ jiġi assenjat ma’ impriża utenti sabiex timtela, b’mod temporanju, pożizzjoni permanenti, li huwa jkun jista’ jokkupa sussegwentement b’mod permanenti.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “b’mod temporanju”, inkluż f’din id-dispożizzjoni, ma jipprekludix l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem li għandu kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija tax-xogħol temporanju ma’ impriża utenti sabiex timtela pożizzjoni permanenti u li ma jkunx imtela bħala sostituzzjoni.

Fuq it-tieni domanda

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Daimler tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni domanda, peress li din id-domanda hija intiża sabiex hija twettaq evalwazzjoni fattwali tal-assenjazzjoni tal-ħaddiem li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali.

40

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-tieni domanda ma tirrigwardax il-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali, iżda l-klassifikazzjoni legali tal-perijodu ta’ assenjazzjoni tal-ħaddiem temporanju inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-rekwiżit, indikat b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 li tali assenjazzjoni għandha tibqa’ “temporanja”. Issa, il-klassifikazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ta’ fatti stabbiliti mill-qorti tar-rinviju tippreżumi interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li fir-rigward tagħha, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tieni domanda.

Fuq l-ammissibbiltà

42

Daimler tqis li t-tieni domanda hija, fi kwalunkwe każ, inammissibbli, minħabba li hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il‑Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif stabbilit fl‑Artikolu 267 TFEU, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit‑tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal‑karatteristiċi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Minn dan isegwi li domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-klassifikazzjoni legali tal-perijodu ta’ assenjazzjoni tal-ħaddiem temporanju inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-rekwiżit, indikat b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, li abbażi tiegħu tali assenjazzjoni għandha tibqa’ “temporanja”. Din il-qorti żżid, kif ġie rrilevat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li, peress li NP jixtieq dikjarazzjoni li kienet teżisti relazzjoni tax-xogħol ma’ Daimler qabel l‑1 ta’ Ottubru 2018, l-azzjoni tiegħu tista’ tintlaqa’ bis-sħiħ biss jekk id-dritt tal-Unjoni jimponi dan.

46

Konsegwentement, għandu jiġi għaldaqstant ikkonstatat li t-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li r-risposta għal din id-domandi hija rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju.

47

Minn dan isegwi li din id-domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar t li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat it-tieni domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 biss, tali fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għall-evalwazzjoni tal-kawża li hija adita biha, indipendentement minn jekk din il-qorti tagħmel riferiment għalihom jew le fid-domanda tagħha. F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, għalkemm, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 u, b’mod partikolari, il-kliem “b’mod temporanju” indikat fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, din il-qorti tixtieq tkun taf, mhux jekk l-assenjazzjoni tal-ħaddiem temporanju inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda jekk din l-assenjazzjoni tistax tkun ta’ natura “temporanja”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, jew, għall-kuntrarju, hijiex ta’ natura abbużiva minħabba t-tiġdid suċċessiv tal-assenjazzjoni ta’ dan il-ħaddiem, li jirriżulta f’perijodu ta’ assenjazzjoni ta’ 55 xahar, filwaqt li l-imsemmija qorti tenfasizza li, quddiemha, NP sostna tali natura abbużiva.

51

Għalhekk, l-imsemmija domanda hija intiża, essenzjalment, tiddetermina jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali tiġdid suċċessiv jistax jikkostitwixxi użu abbużiv tal-għoti ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi lil ħaddiem temporanju, fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid u għandu jitqies li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi użu abbużiv tal-għoti ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi lil ħaddiem temporanju, it-tiġdid ta’ tali assenjazzjonijiet fl-istess pożizzjoni ma’ impriża utenti għal perijodu ta’ 55 xahar.

53

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-Direttiva 2008/104 ma għandhiex l-għan li tiddefinixxi b’mod speċifiku l-perijodu ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju ma’ impriża utenti li lil hinn minnu din l-assenjazzjoni ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata iktar bħala “temporanja”. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104, li, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, jirreferi għall-assenjazzjoni ta’ ħaddiema ma impriżi utenti sabiex jaħdmu b’mod “temporanju”, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jistabbilixxu perijodu li lil hinn minnu assenjazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata iktar bħala “temporanja”. Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma timponi fuq l-Istati Membri obbligu li jipprevedi, fid-dritt nazzjonali, tali perijodu.

54

Min-naħa l-oħra, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw l-assenjazzjonijiet suċċessivi bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, ma tobbligax lil dawn l-Istati li jillimitaw in-numru ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem mal-istess impriża utenti, bl-istess mod kif hija ma tipprevedi l-ebda miżura speċifika li l-Istati Membri għandhom jadottaw għal dan il-għan, inkluż sabiex jiġi evitat l-abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punti 4244).

55

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 ma jobbligawx lill-Istati Membri jaddottaw leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, AKT, C‑533/13, EU:C:2015:173, punt 31).

56

Xorta jibqa’ l-fatt li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu evitati assenjazzjonijiet suċċessivi ta’ ħaddiem temporanju bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xogħol temporanju mal-istess impriża utenti ma jsirx sitwazzjoni permanenti għal ħaddiem temporanju (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju), C‑681/18, EU:C:2020:823, punti 5560).

57

Huwa, f’dan ir-rigward, tajjeb, li l-Istati Membri jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali, perijodu preċiż li lil hinn minnu assenjazzjoni ma tkunx tista’, b’mod partikolari meta tiġdid suċċessiv tal-assenjazzjoni tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti testendi tul żmien, titqies li hija temporanja. Madankollu, tali perijodu għandu neċessarjament, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104, ikun ta’ natura temporanja, jiġifieri, skont it-tifsira ta’ din il-kelma fil-lingwaġġ kurrenti, ikun limitat fiż-żmien.

58

Fil-każ li l-leġiżlazzjoni applikabbli ta’ Stat Membru ma tkunx ipprovdiet għal tali perijodu, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw dan każ b’każ, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti rilevanti kollha, li jinkludu l-partikolaritajiet tas-settur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Andersen, C‑306/07, EU:C:2008:743, punt 52) u li għandhom jiżguraw, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għoti ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi lil ħaddiem temporanju ma jkunx intiż li jiġu evitati l-għanijiet tad-Direttiva 2008/104, b’mod partikolari, in-natura temporanja tax-xogħol temporanju.

59

Għall-finijiet ta’ tali determinazzjoni, il-qorti tar-rinviju tkun tista’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tieħu inkunsiderazzjoni il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

60

Jekk l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti jwasslu għal perijodu ta’ attività ma’ din l-impriża li huwa itwal minn dak li jista’ jiġi raġonevolment ikklassifikat bħala “temporanju”, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi b’mod partikolari l-partikolaritajiet tas-settur, dan jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ użu abbużiv tal-assenjazzjonijiet suċċessivi, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju)C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 69).

61

Bl-istess mod, assenjazzjonijiet suċċessivi mogħtija lill-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti jevitaw il-qalba stess tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 u jikkostitwixxu abbuż ta’ din il-forma ta’ relazzjoni ta’ xogħol, sa fejn dawn jippreġudikaw il-bilanċ milħuq minn din id-direttiva bejn il-flessibbiltà tal-persuni li jimpjegaw u s-sigurtà għall-ħaddiema billi jdgħajfu din tal-aħħar (is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju), C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 70).

62

Fl-aħħar nett, meta, f’każ konkret, ma tingħata l-ebda spjegazzjoni oġġettiva għall-fatt li l-impriża utenti kkonċernata tirrikorri għal sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina, fil-kuntest tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 tkunx ġiet evitata, u dan iktar u iktar meta jkun l-istess ħaddiem temporanju li jiġi assenjat lill-impriża utenti bis-sensiela ta’ kuntratti inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju), C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 71).

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi użu abbużiv tal-għoti ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi ta’ ħaddiem temporanju t-tiġdid ta’ tali assenjazzjonijiet għall-istess pożizzjoni ma’ impriża utenti għal perijodu ta’ 55 xahar, fil-każ li l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti jwasslu għal perijodu ta’ attività ma’ din l-impriżi li hija itwal minn dak li jista’ raġonevolment jiġi kklassifikat bħala “temporanju”, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li jinkludu b’mod partikolari, il-partikolaritajiet tas-settur, u fil-kuntest tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali meta ma tingħata l-ebda spjegazzjoni oġġettiva għall-fatt li l-impriża utenti kkonċernata tirrikorri għal sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina.

Fuq ir-raba’ domanda

64

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ domanda, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, hija magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-fatt, indikat minn din tal-aħħar, li, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprevedi, sa mill‑1 ta’ Diċembru 2011, li l-assenjazzjoni tal-ħaddiem mal-impriża utenti kellha tkun ta’ natura temporanja, huwa biss permezz ta’ emenda għal din il-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2017, jiġifieri iktar minn sitt snin wara d-data li fiha d-Direttiva 2008/104 kellha tiġi implimentata, li l-leġiżlatur Ġermaniż ippreveda, bla ħsara għal derogi li jistgħu jsiru fil-qafas ta’ ftehimiet kollettivi bejn l-imsieħba soċjali utenti u fil-qafas ta’ ftehimiet ta’ kunsill ta’ xogħlijiet tas-settur privat jew pubbliku abbażi ta’ tali ftehimiet kollettivi, li l-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju kellu jiġi stabbilit għal 18-il xahar, filwaqt li jipprevedi, bħala dispożizzjoni tranżitorja, li huma biss il-perijodi ta’ assenjazzjoni sussegwenti għall‑1 ta’ April 2017 li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-perijodu massimu.

65

Issa, minbarra l-fatt li din il-qorti tistaqsi dwar jekk id-Direttiva 2008/104 tipprekludix tali leġiżlazzjoni, sa fejn din teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħha, meta tali teħid inkunsiderazzjoni tista’ twassal għal fatt li assenjazzjoni ma tkunx iktar ta’ natura “temporanja”, l-imsemmija qorti tixtieq tifhem jekk hijiex obbligata li ma tapplikax id-dispożizzjoni tranżitorja, b’mod totali jew parzjali.

66

Għalhekk, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/104 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti, filwaqt li teskludi, permezz ta’ dispożizzjoni tranżitorja, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-perijodu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ tali leġiżlazzjoni. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, din il-qorti tixtieq tifhem jekk, adita b’tilwima bejn esklużivament bejn individwi, hija hijiex obbligata li ma tapplikax tali dispożizzjoni tranżitorja.

67

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 tobbliga lill-Istati Membri, f’termini ċari, preċiżi u inkundizzjonati, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprekludu l-abbużi li jikkonsistu f’sensiela ta’ assenjazzjonijiet ta’ xogħol temporanju bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li Stat Membru ma jieħu ebda miżura sabiex jippreżerva n-natura temporanja tax-xogħol temporanju. (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju)C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 63).

68

Madankollu, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza tfakkar li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/104 ma timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali, perijodu li lil hinn minnu assenjazzjoni ma tkunx tista’ iktar tiġi kklassifikata bħala “temporanja”.

69

Huwa, għall-kuntrarju, tajjeb li l-Istati Membri, minn naħa, jintroduċu fid-dritt nazzjonali perijodu massimu ta’ assenjazzjoni li lil hinn minnu l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju ma’ impriża utenti titqies li ma tkunx iktar ta’ natura temporanja u, min-naħa l-oħra, jipprevedu dispożizzjonijiet tranżitorji għal dan il-għan.

70

Fil-fatt, mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li din id-direttiva hija bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw u li jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi iktar favorevoli għall-ħaddiema, li jinkludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi perijodu massimu li lil hinn minnu l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju ma’ impriża utenti titqies li ma hijiex ta’ natura temporanja.

71

Madankollu, b’dan il-mod, l-Istati Membri ma jistgħux jiksru d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104. Għalhekk, minn naħa, meta jistabbilixxu perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju ma’ impriża utenti, Stat Membru ma jistax jistabbilixxi tali perijodu b’tali mod li dan jeċċedi n-natura temporanja ta’ tali assenjazzjoni jew li jippermetti l-għoti ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi lil ħaddiem temporanju b’mod li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 1(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tagħha. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/104, l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma tikkostitwixxi fl-ebda każ motiv suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-direttiva.

72

Sa fejn, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/104, l-Istati Membri kienu obbligati li jikkonformaw ruħhom ma’ dawn id-dispożizzjonijiet mhux iktar tard mill‑5 ta’ Diċembru 2011, għandu jiġi kkunsidrat li, sa minn din id-data, dawn kellhom l-obbligu li jiżguraw li l-assenjazzjoni tal-ħaddiema temporanji ma teċċedix perijodu li jista’ jiġi kklassifikat bħala “temporanju”.

73

Issa, f’dan il-każ, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali, essenzjalment fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, dispożizzjoni tranżitorja, bħal dik indikata fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad mill-effett utli l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2008/104 lil ħaddiem temporanju li, minħabba l-perijodu ta’ assenjazzjoni tiegħu ma’ impriża utenti, meħud fit-totalità tiegħu, kien is-suġġett ta’ tali assenjazzjoni li ma tistax titqies iktar bħala waħda “temporanja” fis-sens ta’ din id-direttiva.

74

Minn dan isegwi li d-Direttiva 2008/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti, fil-każ fejn din il-leġiżlazzjoni ċċaħħad mill-effett utli l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2008/104 lil ħaddiem temporanju li, minħabba l-perijodu ta’ assenjazzjoni tiegħu ma’ impriża utenti, meħud fit-totalità tiegħu, kien is-suġġett ta’ tali assenjazzjoni li ma tistax titqies iktar bħala waħda “temporanja” fis-sens ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex effetivament il-każ.

75

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, hijiex obbligata li ma tapplikax dispożizzjoni tranżitorja bħal dik indikata fil-punt 19 ta’ din is-sentenza.

76

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’kawża esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali ta’ din id-direttiva sabiex jinkiseb riżultat li jikkorrispondi għall-għan imfittex minnha (sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 33).

77

Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli relevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39; tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 51 u tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju)C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

F’dan il-każ, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjoni tranżitorja indikata fil-punt 19 ta’ din is-sentenza tistax, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/104, u, għaldaqstant, li tiġi interpretata b’mod ieħor milli ċċaħħad lir-rikorrent fil-kawża prinċipali mid-dritt li jipprevalixxi ruħu mill-perijodu totali tal-assenjazzjoni tiegħu mal-impriża utenti, sabiex jiġi kkonstatat, jekk ikun il-każ, qbiż tan-natura temporanja ta’ din l-assenjazzjoni.

79

Fil-każ li jkun impossibbli li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti nazzjonali li għandha tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt tiżgura l-effett sħiħ tagħha billi ma tapplikax, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax, ex officio, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, mingħajr ma titlob jew tistenna l-eliminazzjoni minn qabel tagħha b’mezzi leġiżlattivi jew bi kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll karatteristiċi essenzjali oħra tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, in-natura u l-effetti ġuridiċi tad-direttivi (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Għalhekk, direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu, u ma tistax għalhekk tiġi invokata bħali tali fir-rigward tiegħu quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva, li fuqha hija bbażata l-possibbiltà li tiġi invokata, teżisti biss fil-konfront tal-“Istati Membri”, filwaqt li l-Unjoni għandha biss is-setgħa li tistabbilixxi, b’mod ġenerali u astratt, b’effett immedjat obbligi għal individwi fil-każijiet biss fejn għandha s-setgħa tadotta regolamenti. Għaldaqstant, anki jekk tkun ċara, preċiża u inkundizzjonata, dispożizzjoni ta’ direttiva ma tippermettix lill-qorti nazzjonali li twarrab dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontriha, jekk, b’dan il-mod, ikun hemm obbligu addizzjonali li jiġi impost fuq individwu (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Minn dan isegwi li qorti nazzjonali, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, ma hijiex obbligata, unikament fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dispożizzjoni tranżitorja kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni li teskludi, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assenjazzjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ tali leġiżlazzjoni.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva 2008/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti, fil-każ li din il-leġiżlazzjoni teskludi, permezz ta’ dispożizzjoni tranżitorja, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-perijodu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ tali leġiżlazzjoni, b’tali mod li tiċħad lill-qorti tar-rinviju mill-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu reali ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju għad-determinazzjoni ta’ jekk din l-assenjazzjoni kinitx ta’ natura “temporanja”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li hija din il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina. Il-qorti nazzjonali, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, ma hijiex obbligata, unikament fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax tali dispożizzjoni tranżitorja kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

Fuq it-tielet domanda

Fuq l-ammissibbiltà

84

Daimler issostni li t-tielet domanda hija inammissibbli, minħabba li r-rabta mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex stabbilita.

85

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din id-domanda tirrigwarda speċifikament il-punt dwar jekk ħaddiem temporanju jistax jislet direttament mid-dritt tal-Unjoni dritt ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża utenti meta d-dritt nazzjonali ma jkunx ippreveda sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104. Ir-rabta mad-dritt tal-Unjoni hija, għaldaqstant, suffiċjentement stabbilita.

86

Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

87

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjoni intiża li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-direttiva mill-aġenzija tax-xogħol temporanju jew mill-impriżi utenti, il-ħaddiem temporanju jista’ jislet mid-dritt tal-Unjoni dritt suġġettiv għall-ħolqien ta’ relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża utenti.

88

Din i-domanda hija magħmula mill-qorti tar-rinviju tar-rinviju minħabba l-fatt li l-leġiżlatur Ġermaniż ma pprovda, sal‑31 ta’ Marzu 2017, għall-ebda sanzjoni meta l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju ma tistax iktar titqies li hija temporanja.

89

Issa din il-qorti, li tirrileva li d-dritt nazzjonali applikabbli jipprevedi li relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża utenti tinħoloq meta l-aġenzija tax-xogħol temporanju ma jkollhiex l-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-assenjazzjoni tal-ħaddiema, tistaqsi jekk hemmx lok li jiġi dedott mill-effett utli tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/104 li l-istess sanzjoni għandha tiġi imposta għal assenjazzjoni li ma tkunx iktar ta’ natura temporanja.

90

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-premessa li fuqha tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju, li l-ebda sanzjoni ma ġiet prevista fil-Ġermanja għas-sitwazzjoni fejn l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanja ma tistax iktar titqies li hija temporanja, hija kkontestata mill-Gvern Ġermaniż, li jenfasizza li l-assenjazzjonijiet ta’ ħaddiem temporanju li ma jkunux ta’ natura temporanja kienu diġà ssanzjonata qabel l‑1 ta’ April 2017 permezz tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-assenjazzjoni ta’ ħaddiema mill-aġenziji ta’ xogħol temporanju.

91

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma distinti b’mod ċar u hija esklużivament din tal-aħħar li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, Spedidam, C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Għalhekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, dwar l-interpetazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, Spedidam, C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitat).

93

Skond it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-direttiva torbot lill-Istat Membri destinatarji kollha fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-għażla tal-forma u tal-mezzi.

94

Għalkemm din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-libertà tal-għażla tal-metodi u tal-mezzi intiżi li jiżguraw l-implimentazzjoni tad-direttiva, din il-libertà ma taffettwax madankollu l-obbligu, għal kull wieħed mill-Istati destinatarji, li jieħdu, fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-direttiva, b’mod konformi mal-għan tagħha (sentenza tal‑10 ta’ April 1984, vol Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 15).

95

F’dan il-każ l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/104 jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jipprevedu miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-direttiva mill-aġenziji tax-xogħol temporanju jew mill-impriżi utenti. B’mod partikolari, dawn l-Istati għandhom jiżguraw li proċeduri amministrattivi jew ġuridiċi xierqa jkunu jeżistu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jżid li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti b’applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 u għandhom jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom, u jispeċifika li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi, fatt li jitfakkar ukoll fil-premessa 21 ta’ din id-direttiva.

96

Kif jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/104, din id-dispożizzjoni ma tinkludix regoli preċiżi f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tas-sanzjonijiet inklużi fiha, iżda tħalli lill-Istati Membri l-libertà tal-għażla minn fost dawk li jkunu xierqa għat-twettiq tal-għan tagħha.

97

Minn dan isegwi li ħaddiem temporanju, li l-assenjazzjoni tiegħu ma’ impriża utenti ma tkunx iktar ta’ natura temporanja, bi ksur tal-Artikolu 1(1) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104, ma jistax, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, jislet mid-dritt tal-Unjoni dritt suġġettiv għall-ħolqien ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ din l-impriża.

98

Interpretazzjoni kuntrarja twassal, fil-prattika, għal eliminazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija esklużivament lil-leġiżlaturi nazzjonali, li huwa l-kompitu tagħhom li jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet xierqa, fil-qafas iddefinit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/104, (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link LogistikN&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 54).

99

Madankollu, għandu jitfakkar li l-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428),sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu mġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-direttiva mill-aġenzija tax-xogħol temporanju jew mill-impriżi utenti, il-ħaddiem temporanja ma jistax jislet mid-dritt tal-Unjoni dritt suġġettiv għall-ħolqien ta’ relazzjoni tax-xogħol mal-impriża utenti.

Fuq il-ħames domanda

101

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/104 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-imsieħba soċjali jidderogaw, fil-livell tal-fergħa tal-impriżi utenti, mill-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju stabbilit minn tali leġiżlazzjoni.

102

Skont din il-qorti, din id-domanda hija magħmula fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, li jipprevedi li l-imsieħba soċjali jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, jikkonċerna biss id-derogi għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hekk kif ikkonkretizzat fl-imsemmi artikolu. Għalhekk, ma jidhirx li ingħataw setgħat lill-imsieħba soċjali f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-perijodu ta’ assenjazzjoni tal-ħaddiema.

103

Ċertament, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, l-Istati Membri jistgħu, unikament taħt ċerti kundizzjonijiet, jagħti lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà li jwarrbu kundizzjonijiet indikati fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, il-premessa 17 ta’ din id-direttiva tipprovdi f’dan ir-rigward li, f’ċerti każijiet limitati sew, l-Istati Membri għandhom, fuq il-bażi ta’ ftehim konkluż mal-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, ikollhom il-possibbiltà li jidderogaw, b’mod limitat, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sakemm livell ta’ protezzjoni suffiċjenti tkun żgurata.

104

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rwol tal-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/104 ma huwiex limitat għall-kompitu mogħti lilhom permezz tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

105

B’mod partikolari, l-ewwel, il-premessa 16 tal-imsemmija direttiva tipprevedi qasam wiesa’ ta’ intervent tal-imsieħba soċjali billi tispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, sakemm josservaw il-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema temporanji. Barra minn hekk, mill-premessa 19 tal-istess direttiva jirriżulta li din la taffettwa l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u lanqas ir-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inkluż id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehimiet kollettivi skont mhux biss id-dritt tal-Unjoni, iżda anki l-prattiki nazzjonali, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ. Minn dan isegwi li l-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, b’mod partikolari sabiex jiddefinixxi l-imsieħba soċjali awtorizzata għal dan il-għan.

106

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/104 jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jippermettu ftehimiet kollettivi jew ftehimiet konklużi bejn l-imsieħba soċjali, sakemm ir-rekwiżiti minimi previsti minn din id-direttiva jkunu osservati.

107

It-tielet, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/104, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, sabiex jikkonformaw ruħhom mar-riżultat ta’ din id-direttiva, jew li jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji f’dan ir-rigward, jew li jiżguraw li l-imsieħba soċjali jimplimentaw id-dispożizzjonijiet neċessarji bi ftehim, peress li l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji kollha sabiex ikunu jistgħu f’kull mument jilħqu l-għanijiet stabbiliti minnha.

108

Il-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri mid-Direttiva 2008/104 hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li abbażi tagħha huwa tajjeb li dawn tal-aħħar iħallu fl-ewwel lok lill-imsieħba soċjali l-isbriga li jilħqu l-għanijiet ta’ politika soċjali indikati minn direttiva li tirrregola dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑405/08, EU:C:2010:69, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

Din il-fakultà ma teżentax madankollu lill-Istati Membri mill-obbligu li jiżguraw, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi xierqa, li l-ħaddiema temporanji jkunu jistgħu jibbenefikaw, mill-protezzjoni sħiħa mogħtija lilhom mid-Direttiva 2008/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑405/08, EU:C:2010:69, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Fir-rigward tal-fatt li huma kompetenti, f’dan il-każ, l-imsieħba soċjali fil-livell tal-fergħa tal-impriżi utenti, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2008/104 ma tipprevedi l-ebda limitu jew obbligu f’dan ir-rigward, b’tali mod li tali deċiżjoni taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.

111

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2008/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-imsieħba soċjali jidderogaw, fil-livell tal-fergħa tal-impriżi utenti, mill-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju stabbiliet minn tali leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

112

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “b’mod temporanju”, inkluż f’din id-dispożizzjoni, ma jipprekludix l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem li għandu kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija tax-xogħol temporanju ma’ impriża utenti sabiex timtela pożizzjoni permanenti u li ma jkunx imtela bħala sostituzzjoni.

 

2)

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2008/104 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi użu abbużiv tal-għoti ta’ assenjazzjonijiet suċċessivi ta’ ħaddiem temporanju t-tiġdid ta’ tali assenjazzjonijiet għall-istess pożizzjoni ma’ impriża utenti għal perijodu ta’ 55 xahar, fil-każ li l-assenjazzjonijiet suċċessivi tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti jwasslu għal perijodu ta’ attività ma’ din l-impriżi li hija itwal minn dak li jista’ raġonevolment jiġi kklassifikat bħala “temporanju”, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li jinkludu b’mod partikolari, il-partikolaritajiet tas-settur, u fil-kuntest tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali meta ma tingħata l-ebda spjegazzjoni oġġettiva għall-fatt li l-impriża utenti kkonċernata tirrikorri għal sensiela ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol temporanju, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina.

 

3)

Id-Direttiva 2008/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi perijodu massimu ta’ assenjazzjoni tal-istess ħaddiem temporanju mal-istess impriża utenti, fil-każ li din il-leġiżlazzjoni teskludi, permezz ta’ dispożizzjoni tranżitorja, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-perijodu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ tali leġiżlazzjoni, b’tali mod li tiċħad lill-qorti tar-rinviju mill-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu reali ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju għad-determinazzjoni ta’ jekk din l-assenjazzjoni kinitx ta’ natura “temporanja”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li hija din il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina. Il-qorti nazzjonali, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, ma hijiex obbligata, unikament fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax tali dispożizzjoni tranżitorja kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni

 

4)

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-direttiva mill-aġenzija tax-xogħol temporanju jew mill-impriżi utenti, il-ħaddiem temporanja ma jistax jislet mid-dritt tal-Unjoni dritt suġġettiv għall-ħolqien ta’ relazzjoni tax-xogħol mal-impriża utenti.

 

5)

Id-Direttiva 2008/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-imsieħba soċjali jidderogaw, fil-livell tal-fergħa tal-impriżi utenti, mill-perijodu massimu ta’ assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju stabbiliet minn tali leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top