Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0231

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2021.
    MT vs Landespolizeidirektion Steiermark.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Logħob tal-ażżard – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ lotteriji pprojbiti – Sanzjonijiet – Proporzjonalità – Multi ta’ ammont minimu – Kumulu – Assenza ta’ limitu – Piena ta’ priġunerija alternattiva – Kontribuzzjoni proporzjonali għall-ispejjeż tal-proċedura – Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-231/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:845

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    14 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Logħob tal-ażżard – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ lotteriji pprojbiti – Sanzjonijiet – Proporzjonalità – Multi ta’ ammont minimu – Kumulu – Assenza ta’ limitu – Piena ta’ priġunerija alternattiva – Kontribuzzjoni proporzjonali għall-ispejjeż tal-proċedura – Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

    Fil-Kawża C‑231/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

    MT

    vs

    Landespolizeidirektion Steiermark

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele (Relatur), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal MT, minn P. Ruth u D. Pinzger, Rechtsanwälte,

    għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, advocaat, u minn M. Thibault, avocate,

    għall-Gvern Ungeriż, minn B. R. Kissné, M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Silva Coelho, L. Inez Fernandes, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, L. Malferrari u L. Armati, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn MT u l-Landespolizeidirektion Steiermark (id-Direttorat Reġjonali tal-Pulizija ta’ Steiermark, l-Awstrija) dwar sanzjonijiet li ġew imposti fuqu minħabba ksur li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni, għal finijiet kummerċjali, ta’ lotteriji pprojbiti.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-GSpG

    3

    Il-Glücksspielgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Logħob tal-Ażżard), tat‑28 ta’ Novembru 1989 (BGBl. 620/1989), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GSpG”), tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Lotteriji”:

    “(1)   Il-lotteriji huma logħob tal-ażżard

    1.

    li huma installati, organizzati, offerti jew imqiegħda għad-dispożizzjoni minn operatur,

    2.

    li permezz tagħhom lagħba jew persuni oħra jħallsu l-flus (ġugata) fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fil-logħba u

    3.

    li għalihom l-operatur, il-lagħba jew persuni oħra jistennew ħlas fi flus (rebħ).

    […]

    (4)   Il-lotteriji pprojbiti huma lotteriji li għalihom ma ngħata ebda permess jew awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ din il-liġi federali u li ma humiex esklużi mill-monopolju tal-Istat Federali dwar il-logħob tal-ażżard previst fl-Artikolu 4.”

    […]”

    4

    L-Artikolu 52 tal-GSpG, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet amministrattivi”, jipprovdi kif ġej:

    “(1)   Iwettaq ksur amministrattiv u huwa suġġett għal multa imposta mill-awtorità amministrattiva ta’ ammont li jista’ jammonta għal EUR 60000 fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 u għal EUR 22000 fil-każijiet imsemmija fil-punti 2 sa 11:

    1.

    kull min, għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni mit-territorju nazzjonali, jimplementa, jorganizza jew iqiegħed għad-dispożizzjoni bħala operatur lotteriji pprojbiti fis-sens tal-Artikolu 2(4), jew jipparteċipa f’dawn tal-aħħar bħala operatur fis-sens tal-Artikolu 2(2);

    […]

    (2)   Fil-każ ta’ ksur tal-punt 1 tal-paragrafu 1, permezz ta’ massimu ta’ tliet magni tal-logħob jew ta’ oġġetti oħra li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni, l-użu ta’ kull magna tal-logħob jew suġġett ieħor li jmur kontra l-leġiżlazzjoni huwa punibbli b’multa ta’ bejn EUR 1000 u EUR 10000 fil-każ tal-ewwel ksur, jew ta’ EUR 3000 sa EUR 30000 fil-każ ta’ reċidiva; fil-każ ta’ ksur permezz ta’ iktar minn tliet magni tal-logħob jew ta’ oġġetti oħra li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni, l-użu ta’ kull magna tal-logħob jew suġġett ieħor li jmur kontra l-leġiżlazzjoni huwa punibbli b’multa ta’ bejn EUR 3000 u EUR 30000 fil-każ tal-ewwel ksur, jew multa ta’ bejn EUR 6000 u EUR 60000 fil-każ ta’ reċidiva.”

    Il-VStgG

    5

    L-Artikolu 9 tal-Verwaltungsstrafgesetz (il-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi, BGBl. 52/1991), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“VStG”), intitolat “Każijiet speċifiċi ta’ responsabbiltà” jistabbilixxi:

    “(1)   Fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet amministrattivi minn persuna ġuridika […], sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji u sa fejn ma jkunux inħatru mandatarji responsabbli (paragrafu 2), għandu jiġi kkunsidrat bħala responsabbli dak li huwa mitlub jirrappreżenta l-kumpannija fil-konfront ta’ terzi.

    […]

    (7)   Il-persuni ġuridiċi […] kif ukoll il-persuni fiżiċi msemmija fil-paragrafu 3 huma responsabbli in solidum għall-multi imposti fuq il-persuni msejħa sabiex jirrappreżentaw il-kumpannija fil-konfront ta’ terzi jew rappreżentant responsabbli, danni oħra espressi fi flus u spejjeż proċedurali.”

    6

    L-Artikolu 16 tal-VStG, intitolat “Piena ta’ priġunerija alternattiva”, jipprevedi:

    “(1)   Jekk tiġi imposta multa, fl-istess ħin, għandha tiġi ffissata, fil-każ li ma jkunx possibbli li din tal-aħħar tiġi rkuprata, piena ta’ priġunerija alternattiva.

    (2)   Il-piena ta’ priġunerija alternattiva ma tistax teċċedi l-piena ta’ priġunerija massima imposta għar-reat amministrattiv u, fil-każijiet fejn ebda piena ta’ priġunerija u ebda dispożizzjoni oħra ma huma previsti, tul ta’ ġimagħtejn. Piena ta’ priġunerija alternattiva ta’ iktar minn sitt ġimgħat hija illegali. Tali piena għandha tiġi ffissata skont ir-regoli ta’ determinazzjoni tas-sanzjoni, mingħajr kunsiderazzjoni tal-Artikolu 12.

    […]”

    7

    L-Artikolu 19 tal-VStG, intitolat “Determinazzjoni tas-sanzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   Is-sanzjoni hija ddeterminata skont l-importanza tal-interess ġuridiku protett u tal-gravità tad-dannu għal dan l-oġġett li jirriżulta mill-ksur.

    […]”

    8

    L-Artikolu 20 tal-VStG, intitolat “Attenwazzjoni eċċezzjonali tas-sanzjoni”, jipprovdi:

    “(1) Jekk ikun hemm b’mod ċar iktar ċirkustanzi attenwanti minn ċirkustanzi aggravanti jew jekk l-awtur preżunt tal-ksur ikun minuri, is-sanzjoni minima tista’ titnaqqas bin-nofs.”

    9

    L-Artikolu 64 tal-VStG, intitolat “Spejjeż tal-proċedura ta’ sanzjoni”, jipprevedi:

    “(1)   Kull deċiżjoni li timponi sanzjoni għandha tikkundanna lill-persuna ssanzjonata tħallas kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ sanzjoni.

    (2)   L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni huwa ffissat, f’dak li jikkonċerna l-proċedura [amministrattiva], għal 10 % tas-sanzjoni deċiża, mingħajr mandankollu ma jista’ jkun inqas minn EUR 10; meta s-sanzjoni tkun tikkonsisti f’piena ta’ priġunerija, ġurnata priġunerija hija ekwivalenti, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-proċedura, għal ammont ta’ EUR 100. […]

    […]”

    Il-Liġi dwar il-Proċedura tal-Kontenzjuż Amministrattiv

    10

    L-Artikolu 38 tal-Verwaltungsgerichtsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar il-Proċedura tal-Kontenzjuż Amministrattiv, BGBl. I, 33/2013), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet b’mod partikolari tal-VStG fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża amministrattiva.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11

    Mit‑30 ta’ April sat‑3 ta’ Mejju 2016, il-kumpannija rrappreżentata minn MT qiegħdet għad-dispożizzjoni, għal finijiet kummerċjali, fi stabbiliment partikolari, għaxar magni tal-logħob. L-organizzatur tal-logħob tal-ażżard inkwistjoni hija kumpannija stabbilita fis-Slovakkja.

    12

    Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 9 tal-VStG, instab ħati tal-ksur tat-tielet każ tal-punt 1 tal-Artikolu 52(1) tal-GSpG, imwettaq minn din il-kumpannija. Skont l-Artikolu 52(2) ta’ din il-liġi, l-awtorità repressiva amministrattiva imponiet fuqha, għal kull ksur, sanzjoni amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 10000 kif ukoll, abbażi tal-Artikolu 16 tal-VStG, applikabbli fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża amministrattiva skont l-Artikolu 38 tal-Liġi dwar il-Proċedura tal-Kontenzjuż Amministrattiv, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, piena ta’ priġunerija alternattiva ta’ tliet ijiem, jiġifieri total, għall-għaxar magni tal-logħob, ta’ multa ta’ EUR 100000 u piena ta’ priġunerija alternattiva ta’ 30 jum. Hija imponiet ukoll, skont l-Artikolu 64(2) tal-VStG, il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 10000 bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

    13

    Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija), li ġie miċħud.

    14

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta l-ewwel appell għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni ta’ din il-qorti quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija). Din tal-aħħar ikkonfermat din is-sentenza f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni dwar il-ħtija, iżda annullatha fir-rigward tad-deċiżjoni dwar is-sanzjoni.

    15

    Wara li l-kawża ntbagħtet lura, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark), għal kull ksur, naqqset l-ammont tal-multa imposta għal EUR 4000 u stabbilixxiet piena ta’ priġunerija alternattiva ta’ jum wieħed, jiġifieri, b’kollox, għall-għaxar magni tal-flus, multa ta’ EUR 40000 u piena ta’ priġunerija alternattiva ta’ għaxart ijiem. Hija ffissat ukoll għal EUR 4000 il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

    16

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell għal reviżjoni ġdid kontra d-determinazzjoni ta’ din is-sanzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    17

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni li għandha quddiemha, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark) wettqet, fl-ewwel istanza, l-eżami tal-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mis-sistema ta’ monopolju inkwistjoni, billi wettqet evalwazzjoni globali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, u waslet għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tal-GSpG li jinkriminaw l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard awtomatizzat fl-assenza tal-permess ma kinux kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tas-sanzjoni tiddependi minn jekk id-dispożizzjonijiet tal-GSpG, ikkunsidrati flimkien ma’ dawk tal-VStG, li għandhom jiġu applikati mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark) għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-piena, humiex konformi mal-Artikolu 56 TFUE u, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 49(3) tal-Karta.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali intiżi sabiex jipproteġu sistema ta’ monopolju, il-qorti nazzjonali għandha teżamina r-regola fil-qasam ta’ sanzjoni kriminali li hija għandha tapplika fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, meta hija preċedentement tkun diġà eżaminat is-sistema ta’ monopolju skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja […] u meta dan l-eżami jkun wera li s-sistema ta’ monopolju kienet iġġustifikata?

    2)

    Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

    a)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta tqegħid għad-dispożizzjoni għal skopijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti skont il-[GSpG], tipprevedi b’mod imperattiv multa minima ta’ EUR 3000 għal kull magna tal-logħob?

    b)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta tqegħid għad-dispożizzjoni għal skopijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti skont il-[GSpG], tipprevedi b’mod imperattiv multa minima ta’ EUR 3000 għal kull magna tal-logħob?

    c)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta tqegħid għad-dispożizzjoni għal skopijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti skont il-[GSpG], tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija alternattiva għal kull magna tal-logħob mingħajr limitu massimu assolut tal-ammont totali tal-piena ta’ priġunerija alternattiva imposta?

    d)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ sanzjoni imposta minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni għal skopijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti skont il-[GSpG], tipprevedi kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri kriminali sa 10 % tal-multi imposti?

    3)

    Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

    a)

    L-Artikolu 49(3) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta tqegħid għad-dispożizzjoni għal skopijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti skont il-[GSpG], tipprevedi b’mod imperattiv l-impożizzjoni ta’ multa għal kull magna tal-logħob mingħajr limitu massimu assolut tal-ammont totali tal-multi imposti?

    b)

    L-Artikolu 49(3) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għal skopijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti skont il-[GSpG], tipprevedi b’mod imperattiv multa minima ta’ EUR 3000 għal kull magna tal-logħob?

    c)

    L-Artikolu 49(3) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għal skopijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti skont il-[GSpG], tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija alternattiva għal kull magna tal-logħob mingħajr limitu massimu assolut tal-ammont totali tal-piena ta’ priġunerija alternattiva imposta?

    d)

    L-Artikolu 49(3) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ sanzjoni imposta minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni għal skopijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti skont il-[GSpG], tipprevedi kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri kriminali sa 10 % tal-multi imposti?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    Fuq l-ammissibbiltà

    20

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-ewwel domanda hija ipotetika, minħabba li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali u kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-formulazzjoni ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju stess ma stħarrġitx is-sistema ta’ monopolju inkwistjoni skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik, C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 20, u tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik, C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 21, u tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark), fl-ewwel istanza, evalwat il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tal-GSpG li jinkriminaw l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard awtomatizzat fl-assenza tal-permess meħtieġ. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 267 TFUE, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hija għandhiex tipproċedi b’mod speċifiku, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-legalità tas-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali skont l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-GSpG, flimkien ma’ dawk tal-VStG, li twettaq evalwazzjoni ta’ din is-sanzjoni fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju tiddependi mir-risposta għad-domanda magħmula, li għalhekk ma hijiex ta’ natura ipotetika.

    24

    Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    25

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur ta’ monopolju fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-qorti nazzjonali, adita bl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ sanzjoni imposta għal tali ksur, għandhiex speċifikament tevalwa l-kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE tas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, meta l-istabbiliment ta’ tali dispożizzjoni ta’ monopolju diġà ġie deċiż li huwa kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

    26

    Il-Gvern Awstrijak u dak Belġjan kif ukoll, essenzjalment, il-Gvern Ungeriż, isostnu li ma hemmx lok li jiġu eżaminati separatament, fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, ir-regoli nazzjonali dwar is-sanzjonijiet intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-monopolju, peress li dawn diġà, bħala prinċipju, kienu s-suġġett ta’ eżami fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi relatati mal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva inkwistjoni. Min-naħa l‑oħra, il-Gvern Portugiż, il-Kummissjoni Ewropea u, essenzjalment, MT, isostnu li tali regoli għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami separat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    27

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-eżerċizzju f’dan l-Istat ta’ attività fis-settur tal-logħob tal-ażżard b’mod partikolari għall-obbligu li wieħed ikollu permess u awtorizzazzjoni tal-pulizija u li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li għandhom jiġu eżaminati separatament għal kull waħda mir-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi s-sanzjonijiet previsti minnha, b’mod partikolari jekk hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan jew l-għanijiet invokati mill-Istat Membru inkwistjoni u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punti 4049). Dan ir-rekwiżit tfakkar repetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 93; tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds,C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 22, kif ukoll id-digriet tat‑18 ta’ Mejju 2021, Fluctus et, C‑920/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:395, punt 29).

    28

    Minn dan isegwi li l-qorti nazzjonali, adita bl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ sanzjoni imposta għal ksur ta’ monopolju fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, għandha speċifikament tevalwa l-kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE ta’ din ir-restrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et, C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punt 33), anki jekk ir-restrizzjonijiet l-oħra madwar l-istabbiliment ta’ dan il-monopolju diġà ġew ikkunsidrati kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni.

    29

    Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-verifika tal-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni restrittiva mal-Artikolu 56 TFUE, il-qorti nazzjonali diġà għandha l-obbligu li tagħmel evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi madwar mhux biss l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda wkoll l-implimentazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment, C‑464/15, EU:C:2016:500, punt 31, u tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li jinkludi neċessarjament l-iskema ta’ sanzjonijiet prevista speċifikament b’din il-leġiżlazzjoni, li abbażi tagħha ġiet adottata id-deċiżjoni ta’ sanzjoni.

    30

    Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat f’dan ir-rigward li l-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark), fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, qieset, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dispożizzjonijiet tal-GSpG li jinkriminaw l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard awtomatizzat fl-assenza tal-permess meħtieġ ma kinux imorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

    31

    Il-Gvern Awstrijak, min-naħa tiegħu, enfasizza li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark) hija konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-qrati supremi Awstrijaċi, li, fil-kuntest ta’ tali eżami, jieħdu inkunsiderazzjoni sistematikament id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-GSpG, li għandhom l-għan li jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-logħob tal-ażżard illegali.

    32

    Madankollu, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma indikatx jekk din l-evalwazzjoni kinitx tirrigwarda speċifikament dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sanzjonijiet imposti fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġew iddeterminati mhux biss abbażi tal-Artikolu 52 tal-GSpG, iżda wkoll abbażi tal-Artikoli 16 u 64 tal-VStG, applikabbli għall-proċeduri kontenzjużi amministrattivi, li jipprevedu l-impożizzjoni, flimkien ma’ kull deċiżjoni li timponi sanzjoni, ta’ piena ta’ priġunerija alternattiva u ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva.

    33

    Issa, fir-rigward tal-fatt li dawn ma humiex previsti mill-GSpG, iżda mid-dispożizzjonijiet ġenerali li jinsabu fil-VStG, għandu jitfakkar li tali sanzjonijiet għandhom, f’kull każ partikolari, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ determinazzjoni tagħhom, ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u josservaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 68; tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 61, u tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Għaldaqstant, għandu jsir eżami partikolari tal-iskema ta’ sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE.

    35

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur ta’ monopolju fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-qorti nazzjonali, adita bl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ sanzjoni imposta għal tali ksur, għandha speċifikament tevalwa l-kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE tas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti tad-determinazzjoni tagħhom.

    Fuq it-tieni domanda

    36

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi imperattivament, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għal finijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti:

    l-impożizzjoni ta’ multa minima għal kull magna tal-logħob mhux awtorizzata, mingħajr limitu massimu tal-ammont totali tal-multi imposti;

    l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija alternattiva għal kull magna tal-logħob mhux awtorizzata mingħajr limitu tat-tul totali tal-pieni ta’ priġunerija alternattiva imposti, u

    kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tammonta għal 10 % tal-multi imposti.

    37

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li għalkemm il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni jimponi limiti għal din il-kompetenza, peress li tali leġiżlazzjoni ma tistax, fil-fatt, tillimita l-libertajiet fundamentali ggarantiti minn dan l-istess dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerdin, C‑447/08 u C‑448/08, EU:C:2010:415, punt 49, u tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal din il-libertà (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et, C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punt 30 kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjonijiet fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi kkonċernati fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligi li, minnhom infushom, jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ trendi l-eżerċizzju ta’ tali libertà inqas attraenti u, għaldaqstant, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et, C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punti 3334).

    40

    Minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew irendu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali żgurati mit-Trattat FUE inqas attraenti jistgħu madankollu jiġu ammessi sakemm dawn jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li jkunu xierqa sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minnhom u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquh (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et, C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punt 35 kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata)

    41

    Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk ippreċiżat li l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Madankollu, ir-restrizzjonijiet li jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerdin, C‑447/08 u C‑448/08, EU:C:2010:415, punt 39).

    42

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta Stat Membru jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali biex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-ġustifikazzjoni, prevista mid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali issa ggarantiti bil-Karta. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti biss jekk hija tikkonforma mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel, li, sa fejn id-dritt tal-Unjoni jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mill-Artikolu 56 TFUE u jimponu restrizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard, u sa fejn dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex minnhom u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali sabiex dawn jiġu applikati għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jirrispondu għall-istess raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħall-imsemmija restrizzjonijiet.

    44

    It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali għall-ksur ta’ leġiżlazzjoni restrittiva dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard hija ta’ natura li tiggarantixxi l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni u, għaldaqstant, li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex f’dan ir-rigward.

    45

    It-tielet, is-severità tas-sanzjonijiet imposti tkun adegwata għall-gravità tal-ksur li trażżan, b’mod partikolari billi tiżgura effett verament dissważiv, filwaqt li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li tali rekwiżit jirriżulta b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 55).

    46

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-impożizzjoni ta’ multa minima għal kull magna tal-logħob mhux awtorizzata, tali sanzjoni ma tidhirx, fiha nnifisha, li hija sproporzjonata fid-dawl tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, peress li l-offerti illegali ta’ logħob tal-ażżard għal magni tal-logħob, li min-natura tagħhom jevitaw il-kontroll tal-awtoritajiet amministrattivi u li fir-rigward tagħhom l-osservanza tal-miżuri imposti mil-liġi sabiex jipproteġu l-lagħba ma jistgħux jiġu vverifikati, peress li jistgħu, kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, jipproduċu effetti dannużi b’mod partikolari gravi għas-soċjetà, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-lotteriji jikkostitwixxu inċitazzjoni għall-infiq li jista’ jkollu konsegwenzi individwali u soċjali dannużi (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/92, EU:C:1994:119, punt 60; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 47; tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 27, kif ukoll tal‑15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 45).

    47

    F’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ din il-multa minima, hija l-qorti nazzjonali, sabiex tevalwa l-proporzjonalità tagħha, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta u l-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-ksur imwettaq, sabiex jiġi skoraġġut lill-persuni li wettqu l-ksur milli jwettqu tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 49). Madankollu, hija għandha tiżgura, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, li l-ammont minimu hekk impost ma huwiex sproporzjonat meta mqabbel ma’ dan il-vantaġġ.

    48

    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedix limitu massimu tal-ammont totali tal-multi imposti, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, it-teħid flimkien tal-impożizzjoni ta’ ammont minimu tal-multa flimkien mal-kumulu mingħajr limitu tal-multi meta l-ksur jikkonċerna diversi magni tal-logħob mhux awtorizzati jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji ta’ ammont kunsiderevoli.

    49

    Madankollu, kif irrilevaw kemm il-qorti tar-rinviju, li tibbaża ruħha fuq il-motivi esposti fl-abbozz ta’ liġi governattiva li introduċiet l-ammonti tas-sanzjonijiet inkwistjoni fl-Artikolu 52(2) tal-GSpG, kif ukoll il-Gvern Awstrijak u dak Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni, tali miżura tippermetti b’mod partikolari li jiġi oppost il-vantaġġ ekonomiku li jista’ jagħti l-ksur issanzjonat u li b’hekk l-offerta illegali ssir inqas attraenti, b’tali mod li, fiha nnifisha, hija ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li l-ammont totali tal-multi imposti ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel ma’ dan il-vantaġġ.

    50

    Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija alternattiva, għandu jiġi kkunsidrat li l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni lanqas ma tidher, fiha nnifisha, li hija sproporzjonata fid-dawl tan-natura u tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, peress li din hija intiża, kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, sabiex tiggarantixxi li dawn ir-reati jkunu jistgħu jiġu effettivament issanzjonati f’każ ta’ impossibbiltà li tiġi rkuprata l-multa.

    51

    Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni għandha, f’kull każ, tkun iġġustifikata b’motivi solidi ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 19 ta’ Jannar 2021, Lacatus vs L‑Isvizzera, ECLI:CE:ECHR:2021:0119JUD001406515, § 110), fejn din hija ta’ natura partikolarment severa fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha għall-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et, C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward ta’ reati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-piena ta’ priġunerija alternattiva ma tistax teċċedi massimu ta’ ġimagħtejn għal kull ksur.

    53

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li kull magna tal-logħob jew għan kuntrarju għal-leġiżlazzjoni jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ tali piena ta’ priġunerija u li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix limitu tat-tul totali tal-pieni ta’ priġunerija alternattiva li jistgħu jiġu imposti, il-kumulu ta’ tali sanzjonijiet jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija alternattiva ta’ tul kunsiderevoli, li jista’ ma jkunx konformi mal-gravità tar-reati kkonstatati, li għalihom il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi biss sanzjonijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ, fir-rigward tat-tul tal-piena ta’ priġunerija alternattiva effettivament imposta.

    54

    F’dan il-kuntest, il-Gvern Awstrijak sostna li ma jeżistix limitu minimu ġenerali għall-pieni ta’ priġunerija alternattiva, peress li tali piena għandha tkun adegwata għall-multa imposta.

    55

    Madankollu, tali ċirkustanza ma tistax tkun deċiżiva, peress li piena ta’ priġunerija alternattiva ma tistax tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità sempliċement minħabba l-fatt li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu, fuq id-diskrezzjoni tagħhom, inaqqsu t-tul tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland, C‑482/18, EU:C:2020:141, punt 53).

    56

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż proċedurali li tammonta għal 10 % tal-multi imposti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġbir tal-ispejjeż ġudizzjarji jikkontribwixxi, bħala prinċipju, għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja, sa fejn dan jikkostitwixxi sors ta’ finanzjament tal-attività ġudizzjarja tal-Istati Membri (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-impożizzjoni ta’ tali kontribuzzjoni, fiha nnifisha, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    57

    Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li, sa fejn il-kontribuzzjoni għall-imsemmija spejjeż hija ffissata abbażi ta’ perċentwali tal-ammont tal-multa imposta, tali kontribuzzjoni, fl-iffissar konkret tal-ammont tagħha, u fid-dawl tal-assenza ta’ limitu ta’ din il-multa, ma hijiex eċċessiva fir-rigward tal-ispiża reali ta’ tali proċedura u lanqas ma tikser id-dritt ta’ aċċess għall-qrati sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).

    58

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi imperattivament, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għal finijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti:

    l-impożizzjoni ta’ multa minima għal kull magna tal-logħob mhux awtorizzata, mingħajr limitu tal-ammont totali tal-multi imposti, sakemm l-ammont totali tal-multi imposti ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mal-vantaġġ ekonomiku li jistgħu jirriżultaw mill-ksur issanzjonat;

    l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija alternattiva għal kull magna tal-logħob mhux awtorizzata mingħajr limitu tat-tul totali tal-pieni ta’ priġunerija alternattiva imposti, sakemm it-tul tal-piena ta’ priġunerija alternattiva effettivament imposta ma jkunx eċċessiv fid-dawl tal-gravità tal-ksur ikkonstatat, u

    kontribuzzjoni għall-ispejjeż proċedurali li tammonta għal 10 % tal-multi imposti, sakemm din il-kontribuzzjoni ma tkunx eċċessiva fir-rigward tal-ispiża reali ta’ tali proċedura u lanqas ma tikser id-dritt ta’ aċċess għall-qrati stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

    Fuq it-tielet domanda

    59

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur ta’ monopolju fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-qorti nazzjonali, adita bl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ sanzjoni imposta għal tali ksur, għandha speċifikament tevalwa l-kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE tas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti tad-determinazzjoni tagħhom.

     

    2)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi imperattivament, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għal finijiet kummerċjali ta’ lotteriji pprojbiti:

    l-impożizzjoni ta’ multa minima għal kull magna tal-logħob mhux awtorizzata, mingħajr limitu tal-ammont totali tal-multi imposti, sakemm l-ammont totali tal-multi imposti ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mal-vantaġġ ekonomiku li jistgħu jirriżultaw mill-ksur issanzjonat;

    l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija alternattiva għal kull magna tal-logħob mhux awtorizzata mingħajr limitu tat-tul totali tal-pieni ta’ priġunerija alternattiva imposti, sakemm it-tul tal-piena ta’ priġunerija alternattiva effettivament imposta ma jkunx eċċessiv fid-dawl tal-gravità tal-ksur ikkonstatat, u

    kontribuzzjoni għall-ispejjeż proċedurali li tammonta għal 10 % tal-multi imposti, sakemm din il-kontribuzzjoni ma tkunx eċċessiva fir-rigward tal-ispiża reali ta’ tali proċedura u lanqas ma tikser id-dritt ta’ aċċess għall-qrati stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top