EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0142

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Mejju 2021.
Analisi G. Caracciolo srl vs Regione Siciliana - Assessorato regionale della salute - Dipartimento regionale per la pianificazione et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione siciliana.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 765/2008 – Rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. – Korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku – Ħruġ taċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni lill-korpi ta’ evalwazzjoni tal-konformità – Korp ta’ akkreditazzjoni li għandu s-sede tiegħu fi Stat terz – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 102 TFUE – Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità.
Kawża C-142/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:368

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Mejju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 765/2008 – Rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. – Korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku – Ħruġ taċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni lill-korpi ta’ evalwazzjoni tal-konformità – Korp ta’ akkreditazzjoni li għandu s-sede tiegħu fi Stat terz – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 102 TFUE – Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità”

Fil-Kawża C‑142/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione Siciliana (il-Kunsill tal-Ġustizzja Amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sicilia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

Analisi G. Caracciolo Srl

vs

Regione Siciliana – Assessorato regionale della salute – Dipartimento regionale per la pianificazione,

Regione Sicilia – Assessorato della salute – Dipartimento per le attività sanitarie e osservatorio,

Accredia – Ente Italiano di Accreditamento,

Azienda sanitaria provinciale di Palermo,

fil-preżenza ta’:

Perry Johnson Laboratory Accreditation Inc.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur), M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Analisi G. Caracciolo Srl u Perry Johnson Laboratory Accreditation Inc., minn S. Pensabene Lionti, avvocato,

pour Accredia – Ente Italiano di Accreditamento, minn L. Grisostomi Travaglini u G. Poli, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo u E. Feola, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Müller u J. Vláčil kif ukoll minn T. Machovičová, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio u L. Stefani, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A.-L. Meyer u E. Ambrosini, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, L. Malferrari, F. Thiran u P. Rossi, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU 2008, L 218, p. 30).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Analisi G. Caracciolo Srl, laboratorju ta’ analiżi li jopera bħala korp ta’ evalwazzjoni tal-konformità tal-impriżi fis-settur tal-ikel u li jeżerċita l-attività tiegħu fl-Italja (iktar ’il quddiem il-“laboratorju Caracciolo”), u r-Regione Siciliana (ir-Reġjun ta’ Sicilia, l-Italja) dwar il-validità taċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni maħruġ lill-imsemmi laboratorju minn Perry Johnson Laboratory Accreditation Inc. (iktar ’il quddiem “PJLA”), korp li għandu s-sede tiegħu fl-istati Uniti.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 765/2008

3

Il-premessi 1, 9, 12, 13, 15, 19 u 20 tar-Regolament Nru 765/2008 jipprovdu:

“(1)

Huwa meħtieġ li jkun assigurat li l-prodotti li jgawdu mill-moviment liberu ta’ prodotti fil-Komunità jissodisfaw rekwiżiti li jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-interess pubbliku bħal fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza ġenerali, tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, tal-protezzjoni tal-konsumaturi, protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-sigurtà, filwaqt li jiġi assigurat li l-moviment liberu tal-prodotti ma jkunx ristrett aktar milli tippermetti l-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni jew kwalunkwe regola Komunitarja oħra. Għaldaqstant, għandhom jiġu previsti regoli dwar l-akkreditament, is-sorveljanza tas-suq, il-kontrolli tal-prodotti minn pajjiżi terzi u l-markatura CE.

[…]

(9)

Il-valur partikolari ta’ l-akkreditament jinsab fil-fatt li dan jipprovdi dikjarazzjoni awtorevoli tal-kompetenza teknika ta’ korpi li x-xogħol tagħhom ikun li jassiguraw il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli.

[…]

(12)

Meta l-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni tipprovdi għall-għażla ta’ korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità għall-implimentazzjoni tagħha, l-akkreditament trasparenti kif previst f’dan ir-Regolament sabiex jassigura l-livell meħtieġ ta’ fiduċja fiċ-ċertifikati ta’ konformità, għandu jitqies mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali mal-Komunità kollha bħala l-mezz preferut ta’ dimostrazzjoni tal-kompetenza teknika ta’ dawn l-entitajiet. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jqisu rwieħhom li għandhom il-mezzi adegwati sabiex huma stess iwettqu din il-valutazzjoni. F’dawn il-każijiet, sabiex ikun assigurat livell adegwat ta’ kredibbiltà tal-valutazzjonijiet eżegwiti minn awtoritajiet nazzjonali oħra, huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-evidenza dokumentarja meħtieġa li turi l-konformità ta’ l-entitajiet ta’ valutazzjoni ta’ konformità li jiġu evalwati, mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti.

(13)

Sistema ta’ akkreditament li tiffunzjona b’referenza għal regoli obbligatorji tgħin sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn Stati Membri fir-rigward tal-kompetenza ta’ korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità u, b’riżultat ta’ dan, fiċ-ċertifikati u rapporti ta’ testijiet li huma joħorġu. Għaldaqstant, hija ssaħħaħ il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u, għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-akkreditament f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw fir-rigward ta’ korpi li jagħmlu l-valutazzjoni ta’ konformità kemm f’oqsma regolati kif ukoll f’dawk li mhumiex regolati. Il-kwistjoni prinċipali hija l-kwalità taċ-ċertifikati u r-rapporti ta’ testijiet irrispettivament jekk dawn jaqgħux fil-qasam regolat jew f’dak li mhuwiex regolat, u m’għandhiex issir distinzjoni, għalhekk, bejn dawk iż-żewġ oqsma.

[…]

(15)

Ladarba l-iskop ta’ l-akkreditament huwa li tiġi provduta dikjarazzjoni awtorevoli tal-kompetenza ta’ korp li jagħmel attivitajiet ta’ valutazzjoni ta’ konformità, l-Istati Membri m’għandhomx ikollhom aktar minn korp nazzjonali wieħed ta’ akkreditament u għandhom jassiguraw li tali korp ikun organizzat b’mod li jkun jista’ jissalvagwarda l-oġġettività u l-imparzjalità ta’ l-attivitajiet tiegħu. Korpi nazzjonali ta’ akkreditament bħal dawn għandhom jaħdmu b’mod indipendenti minn attivitajiet tal-valutazzjoni ta’ konformità kummerċjali. Huwa meħtieġ, għalhekk, li jsir provvediment sabiex l-Istati Membri jassiguraw li l-korpi nazzjonali ta’ akkreditament, fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom, jitqiesu bħala korpi li jeżerċitaw awtorità pubblika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom.

[…]

(19)

Il-kompetizzjoni bejn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament tista’ twassal għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ din l-attività li ma tkunx kompatibbli ma’ l-irwol tagħhom bħala l-aħħar punt ta’ kontroll fil-katina ta’ valutazzjoni ta’ konformità. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun assigurat li fl-Unjoni Ewropea jkun suffiċjenti ċertifikat wieħed ta’ akkreditament għat-territorju kollu ta’ l-Unjoni u li jiġi evitat l-akkreditament multiplu, li jfisser spiża żejda li ma tipprovdix valur miżjud. Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament jistgħu jidħlu f’kompetizzjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, iżda dan ma għandux jinċidi fuq l-attivitajiet tagħhom fil-Komunità, jew fuq l-attivitajiet ta’ koperazzjoni u ta’ valutazzjoni bejn il-pari organizzati mill-korp rikonoxxut taħt dan ir-Regolament.

(20)

Sabiex jevitaw li jkun hemm akkreditament multiplu, sabiex isaħħu l-aċċettazzjoni u r-rikonoxximent ta’ ċertifikati ta’ l-akkreditament u sabiex jimmonitorjaw korpi akkreditati tal-valutazzjoni ta’ konformità, il-korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità għandhom jitolbu l-akkreditament mingħand il-korp nazzjonali ta’ akkreditament ta’ l-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti. B’danakollu, jeħtieġ li jkun assigurat li korp tal-valutazzjoni ta’ konformità ikollu l-possibbiltà li jitlob l-akkreditament fi Stat Membru ieħor fil-każ li fl-Istat Membru tiegħu ma jkunx hemm korp nazzjonali ta’ akkreditament jew fejn dak il-korp ma jkunx kompetenti sabiex jagħti s-servizzi ta’ l-akkreditament mitlubin minnu. F’dawn il-każijiet għandhom jiġu stabbiliti koperazzjoni adegwata u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi ta’ akkreditament.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ l-akkreditament ta’ korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità li jwettqu attivitajiet ta’ valutazzjoni ta’ konformità.

2.   Dan ir-Regolament jipprovdi qafas għas-sorveljanza tas-suq ta’ prodotti sabiex jassiguraw li dawk il-prodotti jissodisfaw rekwiżiti li jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi, bħas-saħħa u s-sikurezza ġenerali, is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-sigurtà.”

5

Il-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-“akkreditazzjoni” bħala l-“attestazzjoni minn korp nazzjonali ta’ akkreditament li korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn standards armonizzati u, fejn applikabbli, kwalunkwe rekwiżit addizzjonali, inklużi dawk stipulati fl-iskemi settorali rilevanti, sabiex iwettaq l-attività speċifika ta’ valutazzjoni ta’ konformità”.

6

Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament jiddefinixxi l-“korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni” bħala “il-korp awtorevoli waħdani fi Stat Membru li jwettaq akkreditament b’awtorità derivata minn dak l-Istat”.

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 765/2008, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2, 5 u 7 tiegħu:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp nazzjonali uniku ta’ l-akkreditament.

2.   Fejn Stat Membru jqis li m’huwiex ekonomikament rilevanti u lanqas sostenibbli li jkollu korp nazzjonali tiegħu ta’ akkreditament jew li joffri ċerti servizzi ta’ akkreditament, huwa għandu, sa fejn ikun possibbli, jirrikorri għand il-korp nazzjonali ta’ akkreditament ta’ Stat Membru ieħor.

[…]

5.   Fejn l-akkreditament ma jiġix operat direttament mill-awtoritajiet pubbliċi stess, Stat Membru għandu jafda lill-korp nazzjonali tiegħu ta’ akkreditament bl-operat ta’ l-akkreditament bħala attività ta’ awtorità pubblika u għandu jirrikonoxxih formalment.

[…]

7.   Il-korp nazzjonali ta’ akkreditament għandu jopera mingħajr profitt.”

8

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-operazzjoni ta’ l-akkreditament”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 sa 5 tiegħu:

“1.   Korp nazzjonali ta’ akkreditament għandu, meta jintalab minn korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità, jevalwa jekk il-korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità huwiex kompetenti li jagħmel attività speċifika valutazzjoni ta’ konformità. Fejn dan jinstab kompetenti, il-korp nazzjonali ta’ akkreditament għandu joħroġ ċertifikat ta’ akkreditament għal dak il-għan.

[…]

3.   Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament għandhom jimmonitorjaw il-korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità li lilhom ikunu ħarġu ċertifikat ta’ akkreditament.

4.   Fejn korp nazzjonali ta’ akkreditament jistabbilixxi li korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità li jkun ingħata ċertifikat ta’ akkreditament ma jkunx aktar kompetenti sabiex jagħmel attività speċifika ta’ valutazzjoni ta’ konformità jew jikkommetti ksur serju ta’ l-obbligi tiegħu, dan il-korp ta’ akkreditament għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa f’perijodu ta’ żmien raġonevoli sabiex jillimita, jissospendi jew jirtira ċ-ċertifikat ta’ akkreditament.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ appelli, inklużi, fejn ikun il-każ, rimedji legali kontra deċiżjonijiet ta’ akkreditament jew kontra n-nuqqas tagħhom.”

9

Konformement mal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-prinċipju ta’ non-kompetizzjoni”:

“1.   Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament ma għandhomx jikkompetu mal-korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità.

2.   Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament ma għandhomx jikkompetu ma’ korpi nazzjonali oħra ta’ akkreditament.

3.   Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament għandhom ikunu permessi joperaw transkonfinalment, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fuq talba ta’ xi korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità fiċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 7(1) jew jekk jintalbu sabiex jagħmlu hekk minn korp nazzjonali ta’ akkreditament skond l-Artikolu 7(3), b’koperazzjoni mal-korp nazzjonali ta’ akkreditament ta’ dak l-Istat Membru.”

10

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Akkreditazzjoni transkonfinali”, jipprovdi:

“1.   Fejn korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità jitlob l-akkreditament, huwa għandu jagħmel dan mal-korp nazzjonali ta’ akkreditament ta’ l-Istat Membru fejn ikun stabbilit jew mall-korp nazzjonali ta’ akkreditament li għandu jkun irrikorra dak l-Istat Membru skond l-Artikolu 4(2).

Madankollu, korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità jista’ jitlob l-akkreditament mingħand korp nazzjonali ta’ akkreditament divers minn dawk imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn l-Istat Membru li fih huwa jkun stabbilit jiddeċiedi li ma jwaqqafx korp nazzjonali ta’ akkreditament u ma rrikorriex għand korp nazzjonali ta’ akkreditament ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 4(2);

(b)

fejn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament msemmijin fl-ewwel subparagrafu ma jagħmlux l-akkreditament fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ valutazzjoni ta’ konformità li għalihom ikun intalab l-akkreditament;

(c)

fejn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament msemmijin fl-ewwel subparagrafu ma jkunux irnexxielhom jissodisfaw il-valutazzjoni bejn il-pari taħt l-Artikolu 10 fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ valutazzjoni ta’ konformità li għalihom ikun intalab l-akkreditament.

2.   Fejn korp nazzjonali ta’ akkreditament jirċievi talba skond il-paragrafu 1(b) jew (c), huwa għandu jgħarraf lill-korp nazzjonali ta’ akkreditament ta’ l-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità li jkun għamel it-talba. F’każijiet bħal dawn, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjzoni ta’ l-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp ta’ valutazzjoni ta’ konformità jista’ jipparteċipa bħala osservatur.

3.   Korp nazzjonali ta’ akkreditament jista’ jitlob lil korp nazzjonali ieħor ta’ akkreditament sabiex jesegwixxi parti mill-attività ta’ valutazzjoni. F’dak il-każ, iċ-ċertifikat ta’ akkreditament għandu jinħareġ mill-korp li jagħmel it-talba.”

11

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 765/2008, intitolat “Valutazzjoni bejn il-pari”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament għandhom jissottomettu lilhom infushom għal valutazzjoni bejn il-pari organizzata mill-korp rikonoxxut taħt l-Artikolu 14.”

12

L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Preżunzjoni ta’ konformità għall-korpi nazzjonali ta’ akkreditament”, jipprovdi:

“1.   Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament li juru konformità mal-kriterji stabbiliti fl-istandard armonizzat rilevanti, li r-referenza tiegħu tkun ġiet pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, billi jkun irnexxielhom jissodisfaw valutazzjoni bejn il-pari taħt l-Artikolu 10, għandhom ikunu preżunti bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-servizzi mogħtija minn dawk il-korpi ta’ akkreditament li jkunu għaddew minn valutazzjoni bejn il-pari kif stabbilita fl-Artikolu 10, u b’hekk jaċċettaw, fuq il-bażi tal-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iċ-ċertifikati ta’ akkreditament ta’ dawk il-korpi u l-attestazzjonijiet maħruġa mill-korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità akkreditati minnhom.”

Id-dritt Taljan

13

L-Artikolu 40 tal-legge n. 88 – Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’ appartenenza dell’ Italia alle Comunità europee – Legge comunitaria 2008 (il-Liġi Nru 88, dwar Dispożizzjonijiet adottati għall-Implimentazzjoni ta’ Obbligi li Jirriżultaw mis-Sħubija tal-Italja fil-Komunitajiet Ewropej – Liġi Komunitarja 2008), tas-7 ta’ Lulju 2009 (GURI Nru 161, tal-14 ta’ Lulju 2009, u Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 110, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 88/2009”), jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw:

a)

għal-laboratorji mhux marbuta ma’ impriżi tas-settur tal-ikel li jwettqu analiżi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtokontroll għall-impriżi fis-settur tal-ikel;

b)

għal-laboratorji marbuta ma’ impriżi tas-settur tal-ikel li jwettqu analiżi għal skopijiet ta’ awtokontroll f’isem impriżi oħra fis-settur tal-ikel li jappartjenu lil persuni ġuridiċi differenti.

2.   Il-laboratorji msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) (iktar ’il quddiem il-“laboratorji”), għandhom jiġu akkreditati, skont l-istandard UNI CEI EN ISO/IEC 17025, għat-testijiet partikolari jew għall-gruppi ta’ testijiet, minn organu ta’ akkreditazzjoni rrikonoxxut u li jopera skont l-istandard UNI CEI EN ISO/IEC 17011.”

14

Fit-8 ta’ Lulju 2010 ġie ffirmat il-ftehim, konkluż skont l-Artikolu 40(3) tal-Liġi Nru 88/2009, bejn il-Gvern, ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano dwar id-dokument li jirrigwarda l-modalitajiet operattivi ta’ iskrizzjoni, aġġornament u tħassir fil-listi reġjonali ta’ laboratorji, kif ukoll dwar il-modalitajiet tal-ispezzjonijiet uniformi intiżi sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-laboratorji, (GURI Nru 176 tat‑30 ta’ Lulju 2010, Suppliment Ordinarju Nru 175). Skont l-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar:

“Dan il-ftehim għandu japplika:

a)

għal-laboratorji mhux marbuta ma’ impriżi tas-settur tal-ikel li jwettqu analiżi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtokontroll għall-impriżi fis-settur tal-ikel;

b)

għal-laboratorji marbuta ma’ impriżi tas-settur tal-ikel li jwettqu analiżi għal skopijiet ta’ awtokontroll f’isem impriżi oħra tas-settur tal-ikel li jappartjenu lil persuni ġuridiċi differenti.”

15

L-Artikolu 3 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Listi reġjonali tal-laboratorji”, jipprovdi:

“1.   Ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano jniżżlu fil-listi stabbiliti għal dan il-għan il-laboratorji preżenti fit-territorju tagħhom:

a)

li jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(1);

b)

li għadhom ma ġewx akkreditati skont l-Artikolu 2(1) iżda li ġabu prova tal-ftuħ tal-proċedura ta’ akkreditazzjoni għat-testijiet jew gruppi ta’ testijiet ikkonċernati. F’dan il-każ, l-akkreditazzjoni għandha tinkiseb mhux iktar tard minn 18-il xahar mid-data li fiha tintbagħat l-applikazzjoni lir-reġjun jew lill-provinċja awtonoma.

2.   Ir-reġistrazzjoni prevista fil-paragrafu 1 tippermetti li tiġi eżerċitata l-attività msemmija f’dan il-ftehim fit-territorju nazzjonali kollu u hija valida sakemm ikunu għadhom jeżistu l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom din tkun saret.

Ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni, mill-inqas darba fis-sena, tal-listi previsti f’dan l-artikolu, aġġornati, u għandhom jibagħtu kopja tagħhom lill-Ministeru għas-Saħħa, għall-pubblikazzjoni tal-lista nazzjonali fuq is-sit ta’ dan l-istess ministeru.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Sa mill-2014, il-laboratorju Caracciolo jeżerċita fl-Italja l-attivitajiet mogħtija lill-korpi ta’ evalwazzjoni tal-konformità fil-qasam tal-proċeduri ta’ awtokontroll għall-impriżi fis-settur tal-ikel, abbażi ta’ akkreditazzjoni mogħtija mill-PJLA.

17

Wara talba għal akkreditazzjoni, imressqa fl-2012, quddiem Accredia – Ente Italiano di accreditamento (iktar ’il quddiem “Accredia”), il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku fl-Italja, il-laboratorju Caracciolo ġie rreġistrat provviżorjament fil-lista tar-Reġjun ta’ Sicilia tal-laboratorji akkreditati għall-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u ta’ analiżi tal-imsemmija impriżi. Peress li l-proċedura ta’ akkreditazzjoni quddiem Accredia ma rnexxietx, l-imsemmi laboratorju tneħħa mil-lista reġjonali tal-laboratorji akkreditati fl-2017, permezz ta’ deċiżjoni tar-Reġjun ta’ Sicilia li taġġorna din il-lista.

18

Il-laboratorju Caracciolo ppreżenta azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għar-Reġjun ta’ Sicilia, l-Italja), fejn sostna li għandu akkreditazzjoni maħruġa mill-PJLA skont ir-regola UNI CEI EN ISO/IEC 17011, kif jeżiġi l-Artikolu 40(1) u (2) tal-Liġi Nru 88/2009. Skont dan il-laboratorju, l-attività ta’ akkreditazzjoni ta’ PJLA għandha titqies bħala ekwivalenti għal dik eżerċitata minn Accredia.

19

Permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tal-10 ta’ Lulju 2017, dik il-qorti ordnat l-inklużjoni provviżorja tal-laboratorju Caracciolo fil-lista reġjonali.

20

Accredia appella minn dan id-digriet quddiem il-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione Siciliana (il-Kunsill tal-Ġustizzja Amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sicilia, l-Italja), li, b’digriet tad-29 ta’ Settembru 2017, annulla d-digriet għal miżuri provviżorji.

21

Adita mill-ġdid bil-kawża, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għar-Reġjun ta’ Sicilia) ċaħdet ir-rikors tal-laboratorju Caracciolo għar-raġuni li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika segwiti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mil-leġiżlazzjoni Taljana li ttrasponietha, il-laboratorji huma obbligati, sabiex jiksbu akkreditazzjoni, jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom quddiem il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. Skont din il-qorti, peress li l-leġiżlazzjoni Taljana indikat lil Accredia bħala l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku, fis-sens tar-Regolament Nru 765/2008, dan il-korp għandu ġurisdizzjoni esklużiva sabiex joħroġ iċ-ċertifikati ta’ akkreditazzjoni fl-Italja.

22

Il-laboratorju Caracciolo ressaq appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna li l-għoti ta’ tali kompetenza lil Accredia jikser l-Artikolu 56 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 102 TFUE dwar il-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

23

Il-laboratorju Caracciolo jsostni wkoll li PJLA u Accredia huma, fil-kwalità tagħhom bħala membri tal-International Laboratory Accredition Cooperation (ILAC), li fi ħdanha huma ffirmaw arranġament ta’ rikonoxximent reċiproku, suġġetti għall-istess leġiżlazzjoni teknika. Konsegwentement, peress li r-Regolament Nru 765/2008 ma jipprekludix, skont dan il-laboratorju, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni speċjali Taljana, jiġifieri l-Artikolu 40 tal-Liġi Nru 88/2009, li jippermetti lil-laboratorji jirrikorru, għall-akkreditazzjoni tagħhom, għand korp ieħor li ma huwiex Accredia, PJLA jeżerċita attività ekwivalenti għal dik ta’ Accredia u kkredita validament lil-laboratorju Caracciolo.

24

Il-qorti tar-rinviju ma taqbilx mal-interpretazzjoni proposta mil-laboratorju Caracciolo. Din il-qorti tqis li d-dritt Taljan huwa konformi mar-Regolament Nru 765/2008, sa fejn dan jipprevedi li Accredia biss jista’ joħroġ l-akkreditazzjonijiet. Madankollu, hija tal-opinjoni li talba għal deċiżjoni preliminari hija neċessarja, sabiex isir magħruf, b’mod partikolari, jekk interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li taċċetta l-attività ta’ akkreditazzjoni minn korp li ma huwiex Accredia hijiex kompatibbli mar-Regolament Nru 765/2008 u jekk dan tal-aħħar jippermettix lil korpi stabbiliti f’pajjiżi terzi, sa fejn joffru garanziji professjonali xierqa, li jeżerċitaw l-attività ta’ akkreditazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-każ ta’ risposta negattiva, din il-qorti tistaqsi dwar il-validità tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-Artikoli 56 u 102 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, sa fejn jirriżerva l-attività ta’ akkreditazzjoni lil korp nazzjonali uniku.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Giustizia amministrativa per la Regione Siciliana (il-Kunsill tal-Ġustizzja Amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sicilia) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Ir-Regolament Nru 765/2008 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (bħall-Artikolu 40 tal-Liġi Nru 88/2009) li hija interpretata fis-sens li l-attività ta’ akkreditament tista’ tiġi eżerċitata minn organi li ma għandhomx is-sede tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u, għaldaqstant, mingħajr ma jiġi indirizzat l-organu ta’ akkreditament uniku, meta dawn l-organi jiggarantixxu mill-inqas l-osservanza tar-regoli UNI CEI EN ISO/IEC 17025 u UNI CEI EN ISO/IEC 17011 u juru, fost oħrajn permezz ta’ ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandhom kwalifika essenzjalment ekwivalenti għal dik tal-organi uniċi previsti fir-Regolament Nru 765/2008?

2)

Fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 102 TFUE, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, sa fejn jistabbilixxi essenzjalment sistema ta’ monopolju fuq livell nazzjonali għall-attivitajiet ta’ akkreditament permezz tas-sistema tal-‘organu uniku’, jikser il-prinċipji tad-dritt primarju tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji tal-provvista libera tas-servizzi u ta’ nondiskriminazzjoni, il-projbizzjoni tad-disparitajiet ta’ trattament kif ukoll ir-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu s-sitwazzjonijiet ta’ monopolju?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

26

Għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, fil-livell formali, id-domandi li saru jirreferu prinċipalment għall-interpretazzjoni ta’ ebda dispożizzjoni speċifika tar-Regolament Nru 765/2008, tali fatt ma jżommx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex il-kawża prinċipali tiġi deċiżi. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni ta’ kontijiet bankarji), C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw essenzjalment l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Akkreditament”, u b’mod partikolari tal-Artikolu 4(1) u (5) u kif ukoll tal-Artikolu 7(1) ta’ dan tal-aħħar. Konsegwentement, id-domandi magħmula għandhom jiġu fformulati mill-ġdid sabiex jiġu riflessi dawn il-kunsiderazzjonijiet.

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) u (5) u kif ukoll l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 765/2008 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-attività ta’ akkreditazzjoni tista’ tiġi eżerċitata minn korpi differenti mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku, fis-sens ta’ dan ir-regolament, li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz, meta dawn il-korpi jiggarantixxu l-osservanza tal-istandards internazzjonali u juru, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti ta’ rikonoxximent reċiproku, li huma għandhom kwalifika ekwivalenti għal dik tal-imsemmi korp ta’ akkreditazzjoni uniku.

29

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 765/2008 jiddefinixxi l-“korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni” bħala “il-korp awtorevoli waħdani fi Stat Membru li jwettaq akkreditament b’awtorità derivata minn dak l-Istat”.

30

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, kull Stat Membru għandu jaħtar korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku. L-Artikolu 4(5) jipprovdi li, meta l-akkreditazzjoni ma tkunx żgurata direttament mill-awtoritajiet pubbliċi stess, l-Istat Membru għandu jafda din l-attività ta’ awtorità pubblika lill-korp nazzjonali tiegħu u jagħtih rikonoxximent formali.

31

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 765/2008 jiddeskrivi l-modalitajiet tal-akkreditazzjoni transkonfinali. Fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni huwa ppreċiżat li l-korpi ta’ evalwazzjoni tal-konformità għandhom jitolbu l-akkreditazzjoni lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni maħtur mill-Istat Membru li fih huma stabbiliti. Skont il-punti (a) sa (c) ta’ dan l-istess paragrafu, tista’ ssir deroga minn din ir-regola meta ebda korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ma jkun ġie kkostitwit fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-korp ta’ evalwazzjoni tal-konformità, jew meta jkunu involuti attivitajiet li għalihom il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ma jkunx jista’ jwettaq l-akkreditazzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

32

Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kull Stat Membru huwa obbligat jaħtar korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku u li l-korpi ta’ evalwazzjoni tal-konformità huma bħala prinċipju obbligati jitolbu l-akkreditazzjoni mingħand dan il-korp. Minbarra l-eċċezzjonijiet previsti fil-punti (a) sa (c) tal-imsemmi Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 765/2008, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jippermettux għalhekk lil korp ta’ evalwazzjoni tal-konformità li jippreżenta talba għal akkreditazzjoni quddiem korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni differenti minn dak tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit. Dawn l-istess dispożizzjonijiet lanqas ma jippermettu lil korp ta’ evalwazzjoni tal-konformità li jikseb akkreditazzjoni mingħand korp stabbilit fi Stat terz sabiex jeżerċita l-attività tiegħu fit-territorju tal-Unjoni.

33

Għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni li saret fil-punt preċedenti hija kkorroborata mill-kuntest li fih jaqgħu l-Artikolu 4(1) u (5) u kif ukoll l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 765/2008.

34

Mill-premessa 15 tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li l-Istati Membri ma għandhomx iżommu iktar minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni u għandhom jiżguraw li dan il-korp ikun organizzat b’mod li jipproteġi l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tiegħu. Barra minn hekk, skont din l-istess premessa, dawn il-korpi, fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti tagħhom, huma meqjusa li jirrappreżentaw l-awtorità pubblika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom.

35

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 765/2008, dwar l-akkreditazzjoni, jipprevedi, barra minn hekk, li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni japplika għall-korpi ta’ evalwazzjoni u għall-korpi ta’ akkreditazzjoni. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar huma suġġetti għall-osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, li fosthom hemm l-indipendenza, l-oġġettività, l-imparzjalità kif ukoll l-assenza ta’ pressjonijiet kummerċjali u ta’ kunflitt ta’ interessi.

36

L-interpretazzjoni msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmi regolament.

37

Mill-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 1 tiegħu, jirriżulta li l-imsemmi regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ evalwazzjoni inkarigati bit-twettiq ta’ kompiti ta’ evalwazzjoni tal-konformità sabiex jiġi żgurat li l-prodotti li jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħas-saħħa u s-sigurtà b’mod ġenerali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-ambjent u s-sigurtà pubblika.

38

Fil-fatt, skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 765/2008, il-valur partikolari tal-akkreditazzjoni jinsab fil-fatt li din tikkostitwixxi dikjarazzjoni awtorevoli tal-kompetenza teknika ta’ korpi inkarigati li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli.

39

Il-premessi 12 u 13 ta’ dan ir-regolament jippreċiżaw ukoll li l-akkreditazzjoni, organizzata b’mod trasparenti sabiex tiżgura li l-livell ta’ fiduċja meħtieġ fiċ-ċertifikati ta’ konformità, għandha titqies mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali tal-Unjoni bħala mezz privileġġat sabiex tintwera l-kompetenza teknika tal-korpi ta’ evalwazzjoni tal-konformità. Ir-regoli vinkolanti li fuqhom hija bbażata s-sistema ta’ akkreditazzjoni għandhom l-għan li jsaħħu l-fiduċja li l-Istati Membri għandhom fil-kompetenza tal-korpi rispettivi tagħhom ta’ evalwazzjoni tal-konformità u, għaldaqstant, fiċ-ċertifikati u fir-rapporti tat-testijiet maħruġa minn dawn il-korpi, b’mod li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jiġi msaħħaħ.

40

Kif jirriżulta mill-premessa 20 tal-istess regolament, din is-sistema hija intiża sabiex tevita kull akkreditazzjoni multipla, li tiffavorixxi l-aċċettazzjoni u r-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ akkreditazzjoni u l-eżerċizzju ta’ superviżjoni effikaċi tal-korpi akkreditati ta’ evalwazzjoni tal-konformità.

41

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 765/2008, li huma li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżiti li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda għalhekk dispożizzjonijiet li jirregolaw l-akkreditazzjoni, relatati b’mod partikolari man-natura u mal-funzjonament tal-korp inkarigat minn dan il-kompitu jew mal-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ konformità u mar-rikonoxximent reċiproku tagħhom, intiżi sabiex jiżguraw il-fiduċja neċessarja f’dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni ta’ uniċità tal-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni maħtura f’kull Stat Membru hija intiża sabiex tiżgura l-osservanza tal-għanijiet esposti iktar ’il fuq, u b’mod partikolari dak tas-sorveljanza effettiva tal-korpi akkreditati ta’ evalwazzjoni tal-konformità, segwiti mill-imsemmi regolament.

42

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (5) u kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 765/2008 ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li korp ta’ akkreditazzjoni ta’ Stat terz jista’ jkollu kwalifika li tikkonferma l-osservanza tal-istandards internazzjonali sabiex jeżerċita l-attività ta’ akkreditazzjoni u jikkonkludi arranġamenti ta’ rikonoxximent reċiproku, fil-kuntest ta’ entitajiet internazzjonali tat-tip assoċjattiv, bħal, f’dan il-każ, l-ILAC.

43

Fil-fatt, kif jirrilevaw il-Gvern Pollakk u, essenzjalment, il-Gvern Spanjol, l-adeżjoni għal tali arranġament ta’ rikonoxximent reċiproku ma tippermettix li jiġi ggarantit li l-korp ta’ akkreditazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 765/2008. Ċertament, il-firmatarji tal-arranġament ta’ rikonoxximent reċiproku tal-ILAC għandhom juru li huma jissodisfaw l-istandards internazzjonali ISO dwar ir-rekwiżiti intiżi għall-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-korpi ta’ evalwazzjoni tal-konformità kif ukoll rekwiżiti addizzjonali, b’mod partikolari f’termini ta’ esperjenza. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma jikkorrispondux għal dawk stabbiliti minn dan ir-regolament, relatati b’mod partikolari mal-fatt li, skont l-Artikolu 4(5) tiegħu, dawn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jeżerċitaw attività ta’ awtorità pubblika fl-osservanza tar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ kompetenza.

44

Barra minn hekk, l-arranġament ta’ rikonoxximent reċiproku tal-ILAC jirrigwarda r-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ konformità maħruġa minn entitajiet akkreditati minn firmatarji tal-arranġament, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ internazzjonali, u mhux dak tal-ekwivalenza tal-kwalifiki tal-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 765/2008.

45

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u (5) u kif ukoll l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 765/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-attività ta’ akkreditazzjoni tista’ tiġi eżerċitata minn korpi li ma humiex il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku, fis-sens ta’ dan ir-regolament, li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz, anki meta dawn il-korpi jiggarantixxu l-osservanza tal-istandards internazzjonali u juru, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti ekwivalenti ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandhom kwalifika ekwivalenti għal dik tal-imsemmi korp ta’ akkreditazzjoni uniku.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, sabiex tevalwa l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 765/2008 fid-dawl tal-Artikoli 56 u 102 TFUE u kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, sa fejn dawn jipprevedu li l-attività ta’ akkreditazzjoni hija eżerċitata esklużivament mill-korp nazzjonali uniku, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

47

Qabelxejn, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk tal-Istati Membri l-oħra, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tostakola jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdi legalment servizzi simili (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2019, TV Play Baltic, C‑87/19, EU:C:2019:1063, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni tista’ madankollu tiġi aċċettata bis-saħħa tal-miżuri derogatorji, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, li huma espressament previsti fl-Artikoli 51 u 52 TFUE u li huma applikabbli wkoll fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew iġġustifikata, meta hija tapplika b’mod mhux diskriminatorju, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont il-kliem tal-Artikolu 51 TFUE, huma esklużi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, f’dak li jirrigwarda l-Istat Membru kkonċernat, l-attivitajiet li jipparteċipaw f’dan l-Istat fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(1) u (5) tar-Regolament Nru 765/2008, kull Stat Membru għandu jaħtar korp nazzjonali uniku sabiex jeżerċita, bħala attività ta’ awtorità pubblika, l-attività ta’ akkreditazzjoni, u jagħtih rikonoxximent formali. Il-punt 11 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jispeċifika f’dan ir-rigward li l-korp inkarigat mill-akkreditazzjoni għandu jikseb l-awtorità tal-Istat Membru li jkun innominah.

50

Mill-Artikolu 4(7) u kif ukoll mill-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament Nru 765/2008 jirriżulta li l-korpi ta’ akkreditazzjoni ma jistgħux iwettqu attivitajiet ta’ natura kummerċjali u lanqas jidħlu f’kompetizzjoni ma’ korpi oħra ta’ evalwazzjoni tal-konformità jew ta’ akkreditazzjoni u għandhom jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom mingħajr skop ta’ lukru. Huma għandhom jaġixxu b’indipendenza u imparzjalità u għandhom ġurisdizzjoni esklużiva fit-territorju tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti sabiex jeżerċitaw l-attività ta’ akkreditazzjoni fdata lilhom minn dan l-Istat, ħlief fil-każijiet, strettament irregolati mill-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, fejn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jista’ jintalab jagħmel dan.

51

Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li l-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandhom, kif jirriżulta mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 765/2008, setgħa li jieħdu deċiżjonijiet, kif ukoll setgħa ta’ kontroll u ta’ sanzjoni, li jinsabu fost in-numru ta’ elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk attività tkunx marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tal-awtorità pubblika (ara, f’dan s-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punti 45 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għalhekk, l-attività ta’ akkreditazzjoni tikkostitwixxi parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE, li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827, punti 5051).

53

Mill-punti 47 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 765/2008 dwar l-akkreditazzjoni ma jistgħux imorru kontra l-Artikolu 56 TFUE, peress li l-attività ta’ akkreditazzjoni eżerċitata fil-kuntest tar-Regolament Nru 765/2008 hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

54

Sussegwentement, skont l-Artikolu 102(1) TFUE, huwa inkompatibbli mas-suq intern u jipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat, il-fatt li impriża waħda jew iktar tuża b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala “impriżi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika u li tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti u servizzi f’suq partikolari (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Dwar l-effett li jista’ jkollu, fuq il-klassifikazzjoni tal-entità inkwistjoni bħala impriża, il-fatt li l-attività ta’ akkreditazzjoni ma għandhiex skop ta’ lukru, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-element determinanti f’dan ir-rigward huwa l-fatt li l-offerta ta’ oġġetti u ta’ servizzi ma hijiex f’kompetizzjoni ma’ dik ta’ operaturi oħra li għandhom skop ta’ lukru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27).

58

F’dan il-każ, mill-Artikolu 4(5) u (7) u mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 765/2008, moqrija fid-dawl tal-premessa 15 tiegħu, jirriżulta li l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jeżerċita attività ta’ awtorità pubblika, lil hinn minn kull kuntest kummerċjali, li huwa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu mingħajr skop ta’ lukru u li din l-attività ta’ akkreditazzjoni għandha tosserva l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali korp ma jistax jitqies bħala “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u ma jistax, għaldaqstant, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti.

59

Fl-aħħar nett, l-ammissibbiltà tal-parti tat-tieni domanda dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 765/2008 fid-dawl tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ ugwaljanza u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, hija kkontestata mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Awstrijak, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma miksura ma jirriżultawx mid-deċiżjoni tar-rinviju. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaqbel ma’ din l-analiżi, mingħajr madankollu ma jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni domanda.

60

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar jekk ir-Regolament Nru 765/2008 jintroduċix diskriminazzjoni bejn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni sa fejn jeskludi li korp ta’ evalwazzjoni tal-konformità jitlob akkreditazzjoni minn korp ta’ akkreditazzjoni differenti minn dak maħtur mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fejn l-implimentazzjoni amministrattiva ta’ regolamenti tal-Unjoni hija responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, il-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mid-dritt tal-Unjoni tinkludi d-dritt għall-individwi li jikkontestaw, b’mod inċidentali, il-legalità ta’ dawn ir-regolamenti quddiem il-qorti nazzjonali u li jwasslu lil din tal-aħħar sabiex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari (sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65, punt 16, u tad-9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I)C‑465/93, EU:C:1995:369, punt 20). Din il-parti tad-domanda preliminari hija għalhekk ukoll ammissibbli.

62

Madankollu, fid-dawl tal-motivi kkunsidrati fil-punti 47 sa 59 ta’ din is-sentenza, li jiġġustifikaw il-validità, fid-dawl tal-Artikoli 56 u 102 TFUE, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 765/2008 li jipprevedu li l-attività ta’ akkreditazzjoni titwettaq esklużivament mill-korp nazzjonali uniku, l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex jiġi kkontestat l-obbligu prinċipali għall-korpi ta’ evalwazzjoni tal-konformità li jiġu akkreditati minn dan il-korp, li jibbenefika minn prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti.

63

Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 765/2008 fid-dawl tal-Artikoli 56 u 102 TFUE u kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(1) u (5) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-attività ta’ akkreditazzjoni tista’ tiġi eżerċitata minn korpi li ma humiex il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni uniku, fis-sens ta’ dan ir-regolament, li għandhom is-sede tagħhom fi Stat terz, anki meta dawn il-korpi jiggarantixxu l-osservanza tal-istandards internazzjonali u juru, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti ekwivalenti ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandhom kwalifika ekwivalenti għal dik tal-imsemmi korp ta’ akkreditazzjoni uniku.

 

2)

L-eżami tat-tieni domanda preliminari ma wassal għal ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 765/2008 fid-dawl tal-Artikoli 56 u 102 TFUE u kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top