Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0139

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-31 ta’ Marzu 2022.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija użati mill-impriżi b’konsum enerġetiku għoli – Id-Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 17(1)(b) u (4) – Impriżi li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa.
Kawża C-139/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:240

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

31 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija użati mill-impriżi b’konsum enerġetiku għoli – Id-Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 17(1)(b) u (4) – Impriżi li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa”

Fil-Kawża C‑139/20,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis‑16 ta’ Marzu 2020,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn M. Siekierzyńska u A. Armenia, sussegwentement minn A. Armenia, bħala aġenti,

rikorrenti

kontra

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi implimentat id-dritt li jagħti eżenzjoni totali mid-dazju tas-sisa lill-prodotti tal-enerġija użati mill-impriżi ta’ konsum enerġetiku għoli li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2003/96

2

Il-premessi 28 u 29 tad-Direttiva 2003/96 jistabbilixxu:

“(28)

Ċertu eżenzjonijiet u tnaqqis fil-livell tat-taxxa jistgħu jirriżultaw neċessarji; l-iktar minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, minħabba riskji ta’ telf ta’ kompettitivita internazzjonali jew minħabba konsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali.

(29)

Negozji li jidħlu f’arranġamenti biex isaħħu sostanzjalment il-protezzjoni fuq l-ambjent u l-effiċjenza fil-qasam ta’ l-enerġija għandhom jingħataw attenzjoni; fost dawn in-negozji, dawk li jimmiraw fuq l-enerġija speċifikament jistħoqqilhom trattament speċifiku.”

3

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.

2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva ‘livell ta’ tassazzjoni’ huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief [it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.”

4

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Jekk kemm-il darba il-livelli minimi ta’ tassazzjoni preskritti f’din id-Direttiva ikunu rispettati fuq livell ġenerali għal kull negozju, Stati membri jistgħu japplikaw tnaqqis fit-taxxa fuq il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija użati sabiex isaħħnu jew għall-skopijiet skond l-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) u fuq l-elettriku fil-każijiet li ġejjin:

(a)

favur negozju konċentrat fl-enerġija

‘negozju konċentrat fl-enerġija’ għandu jfisser entità kummerċjali, kif riferita fl-Artikolu 11, fejn jew ix-xiri ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku jammontaw għal ta’ l-inqas 3,0 % tal-valur tal-produzzjoni jew it-taxxa nazzjonali pagabbli fuq l-enerġija tammonta għal ta’ l-inqas 0,5 % tal-valur miżjud. F’din id-definizzjoni, Stati membri jistgħu japplikaw kunċetti iktar ristretti, li jinkludi il-valur tal-bejgħ, definizzjonijiet proċessorjali u settorjali.

‘Xiri ta’ oġġetti ta’ l-enerġija u elettriku’ għandu jfisser l-ispiża attwali enerġija mixtrija jew iġġenerata fin-negozju. Prodotti ta’ elettriku, sħana u enerġija biss u li jintużaw sabiex isaħħnu jew skon l-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) huma inklużi. It-taxxi kollha huma inklużi, ħlief il-VAT li trid titnaqqas.

‘Valur tal-produzzjoni’ għandu jfisser bejgħ, u jinkludi sussidji direttament marbutin mal-prezz tal-prodott, iżżid u tnaqqas it-tibdil fl-istokks ta’ oġġetti lesti, xogħol mhux lest u oġġetti u servizzi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, naqqas ix-xiri ta’ oġġetti li se jerġgħu jinbiegħu.

‘Valur miżjud’ għandu jfisser il-bejgħ totali li fuqu tapplika il-VAT li jinkludi bejgħ permezz ta’ esportazzjoni u tnaqqas ix-xiri totali li fuqu tapplika il-VAT inkluż dawk l-oġġetti importati.

Stati Membri, li bħalissa japplikaw sistemi ta’ taxxa nazzjonali dwar l-enerġija u fejn negozji li huma konċentrati fuq l-enerġija huma definiti skond kriterji barra minn spejjeż ta’ enerġija meta tqabbel mal-valur tal-produzzjoni u taxxa nazzjonali pagabbli fuq l-enerġija mqabbla mal-valur miżjud, għandhom jingħataw perjodu ta’ transizzjoni sa mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2007 biex jadottaw għad-definizzjoni kif imniżżla f’punt (a) l-ewwel subparagrafu;

(b)

fejn ikun hemm ftehim milħuq bl-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, jew fejn skemi ta’ permessi negozzjabbli jew arranġamenti ekwivalenti ikunu implimentati, jekk kemm-il darba iwasslu biex jintlaħqu l-oġġettivi dwar protezzjoni ambjentali jew titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija.

2.   Minkejja l-Artikolu 4(1), Stati Membri jistgħu japplikaw livell ta’ tassazzjoni sa zero fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku kif definit fl-Artikolu 2, meta jkunu użati għall-negozji konċentrati fuq enerġija kif definit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Minkejja l-Artikolu 4(1), Stati Membri jistgħu japplikaw livell ta’ tassazzjoni sa 50 % tal-livelli minimi f’din id-Direttiva għall-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif definit fl-Artikolu 2, meta użati minn entitajiet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 11, li mhumiex konċentrati fuq enerġija kif definit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Negozji li jgawdu mill-possibilitajiet li hemm rifernza għalihom f’paragrafi 2 u 3 għandhom jidħlu fi ftehim, skemi ta’ permessi negozjabbli jew arranġamenti ekwivalenti kif hemm riferut fil-paragrafu 1(b). Il-ftehim, skemi ta’ permessi negozjabbli jew arranġamenti ekwivalenti għandhom iwasslu biex jintlaħqu għanijiet ambjentali jew effiċjenza ikbar fl-enerġija, ġeneralment ekwivalenti għal dak li seta’ kiseb li kieku r-rati minimi standard tal-Komunità kienu osservati.”

5

L-Anness I tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi l-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-faħam, għall-kombustibbli u għall-elettriku.

Id‑Direttiva 2003/87/KE

6

L-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑14 ta’ Marzu 2018 (ĠU 2018, L 76, p. 3), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”) intitolat “Miżuri transizzjonali li jappoġġaw ċerti industriji intensivi fl-enerġija f’każ ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”, jipprovdi:

“1.   Is-setturi u s-subsetturi li fir-rigward tagħhom il-prodott li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-intensità tal-kummerċ tagħhom ma’ pajjiżi terzi, definita bħala l-proporzjon bejn il-valur totali tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi flimkien mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u d-daqs totali tas-suq għaż-Żona Ekonomika Ewropea (il-fatturat annwali flimkien mal-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi), bl-intensità tal-emissjonijiet tagħhom, imkejla f’kgCO2 diviża bil-valur miżjud gross (f’euro) tagħhom, jeċċedi 0,2, għandhom jitqiesu li huma f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Lil tali setturi u subsetturi għandhom jiġu allokati kwoti bla ħlas għall-perijodu sal-2030 ta’ 100 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a.

2.   Is-setturi u subsetturi li fir-rigward tagħhom il-prodott li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-intensità tal-kummerċ tagħhom ma’ pajjiżi terzi bl-intensità tal-emissjonijiet tagħhom jeċċedi 0,15 jistgħu jkunu inklużi fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1, bl-użu tad-data għas-snin mill-2014 sal-2016, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni kwalitattiva u tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-limitu sa fejn huwa possibbli għal installazzjonijiet individwali fis-settur jew subsetturi kkonċernati li jnaqqsu l-livelli tal-emissjonijiet jew il-konsum tal-elettriku;

(b)

il-karatteristiċi attwali u previsti tas-suq, inkluż, fejn rilevanti, kwalunkwe prezz ta’ referenza komuni;

(c)

il-marġni tal-profitti bħala indikatur potenzjali ta’ investiment fit-tul jew deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-bidliet fl-ispejjeż tal-produzzjoni marbuta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

3.   Is-setturi u s-subsetturi li ma jeċċedux il-livell limitu msemmi fil-paragrafu 1, iżda li jkollhom intensità tal-emissjonijiet imkejla f’kgCO2 diviża bil-valur gross miżjud tagħhom (f’euro), li teċċedi 1,5, għandhom ukoll jiġu vvalutati fil-livell ta’ 4 numri (kodiċi NACE-4). Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni.

Fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, is-setturi u s-subsetturi msemmija f’dak is-subparagrafu jistgħu japplikaw lill-Kummissjoni jew għal valutazzjoni kwalitattiva tal-espożizzjoni tagħhom għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-livell ta’ 4 figuri (kodiċi NACE-4), jew għal valutazzjoni abbażi tal-klassifikazzjoni ta’ oġġetti użati għal statistika dwar il-produzzjoni industrijali fl-Unjoni fil-livell ta’ 8 figuri (Prodcom). Għal dak il-għan, is-settur u s-subsettur għandhom jippreżentaw data li tkun debitament sostanzjata, sħiħa u verifikata b’mod indipendenti li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-valutazzjoni flimkien mal-applikazzjoni.

Fejn settur jew subsettur jagħżel li jiġi vvalutat fil-livell ta’ 4 figuri (kodiċi NACE-4), dan jista’ jiġi inkluż fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1 abbażi tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2. Fejn settur jew subsettur jagħżel li jiġi vvalutat fil-livell ta’ 8 figuri (Prodcom), dan għandu jiġi inkluż fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1 dment li, f’dak il-livell, il-livell limitu ta’ 0,2 imsemmi fil-paragrafu 1 jinqabeż.

Is-setturi u subsetturi li għalihom l-allokazzjoni bla ħlas tiġi kkalkulata abbażi tal-valuri tal-punt ta’ referenza msemmija fis-subparagrafu 4 tal-Artikolu 10a(2) jistgħu jitolbu wkoll li jiġu vvalutati f’konformità mas-subparagrafu 3 ta’ dan il-paragrafu.

B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, sat‑30 ta’ Ġunju 2018 Stat Membru jista’ jitlob li settur jew subsettur elenkat fl-Anness mad-[Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/746/UE tas‑27 ta’ Ottubru 2014 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu mill‑2015 sal‑2019 (ĠU 2014, L 308, p. 114)] fir-rigward ta’ klassifikazzjonijiet fil-livell ta’ 6 figuri jew ta’ 8 figuri (Prodcom) jitqies li jiġi inkluż fil-grupp imsemmi fil-paragrafu 1. Kwalunkwe tali talba għandha tiġi kkunsidrata biss fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jistabbilixxi li l-applikazzjoni ta’ dik id-deroga hija ġġustifikata fuq il-bażi ta’ data debitament sostanzjata, sħiħa, verifikata u awditjata għall-ħames snin l-aktar reċenti pprovduta mis-settur jew is-subsettur ikkonċernat u tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha mat-talba tiegħu. Abbażi ta’ dik id-data, is-settur jew is-subsettur ikkonċernat għandu jiġi inkluż fir-rigward ta’ dawk il-klassifikazzjonijiet fejn, fi ħdan livell eteroġenu ta’ 4 figuri (kodiċi NACE-4), jintwera li jkollu intensità tal-kummerċ u tal-emissjonijiet sostanzjalment ogħla fil-livell ta’ 6 figuri jew ta’ 8 figuri (Prodcom), li taqbeż il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1.

4.   Setturi u subsetturi oħrajn jitqiesu li jistgħu jgħaddu aktar mill-ispejjeż tal-kwoti lill-prezzijiet tal-prodotti, u għandhom jiġu allokati lilhom kwoti bla ħlas ta’ 30 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a. Sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor fir-reviżjoni skont l-Artikolu 30, l-allokazzjonijiet bla ħlas għal setturi u subsetturi oħrajn, għajr it-tisħin urban, għandhom jitnaqqsu b’ammonti indaqs wara l-2026 sabiex jintlaħaq livell ta’ ebda allokazzjoni bla ħlas fl-2030.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta, sal-31 ta’ Diċembru 2019, atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, kif imsemmi fil- paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, għall-attivitajiet f’livell ta’ 4 numri (kodiċi NACE-4) fir-rigward tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, abbażi ta’ data għat-tliet snin kalendarji l-aktar reċenti disponibbli.”

Id‑dritt Pollakk

7

L-Artikolu 31a tal-Ustawa o podatku akcyzowym (il-Liġi dwar id-dazju tas-sisa), tas‑6 ta’ Diċembru 2008 (Dz. U. tal-2014, pożizzjoni 752), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal dan ir-rikors (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-dazju tas-sisa”), tipprevedi, fil-punt 8 tal-paragrafu 1 tagħha:

Tranżazzjonijiet taxxabbli li huma suġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu eżentati mid-dazju tas-sisa jekk huma jikkonċernaw prodotti tal-faħam użati sabiex isaħħnu:

[…]

(8)

għal impriżi b’konsum enerġetiku għoli li jużaw prodotti tal-faħam u li fihom tkun ġiet fis-seħħ sistema li tippermetti t-twettiq tal-għanijiet ambjentali jew rendiment tal-enerġija ikbar”.

8

L-Artikolu 31b tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa jipprovdi fil-punt 5 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Tranżazzjonijiet taxxabbli li huma suġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu eżentati mid-dazju tas-sisa jekk jikkonċernaw prodotti tal-gass użati sabiex isaħħnu:

[…]

(5)

għal impriżi b’konsum enerġetiku għoli li jużaw prodotti tal-gass u li fihom ġiet fis-seħħ sistema li tippermetti t-twettiq tal-għanijiet ambjentali jew rendiment tal-enerġija ikbar”.

9

L-Artikolu 31c tal-liġi fuq id-dazju tas-sisa huwa redatt kif ġej:

“Din li ġejja għandha titqies skema sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ protezzjoni ambjentali jew effiċjenza ikbar fl-enerġija indikati fil-punt (8) tal-Artikolu 31a(1) u fil‑punt 5 tal-Artikolu31b(1):

1)

l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni konformi mal-ustawa o systemie handlu uprawnieniami do emisji gazów cieplarnianych [(il-Liġi dwar l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra), tat‑12 ta’ Ġunju 2015 (Dz. U. tal-2015, pożizzjoni 1223, u Dz. U. tal-2016, pożizzjonijiet 266, 542, 1579 u 1948)] u għad-dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikoli 25(4) u 29(1) ta’ din l-istess liġi;

[…]”

Il‑proċedura prekontenzjuża

10

Fit‑3 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ konformità tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa mal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96 sa fejn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali teżenta mid-dazju tas-sisa l-prodotti tal-enerġija (prodotti tal-faħam u tal-gass) użati mill-impriżi ta’ konsum enerġetiku għoli peress li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni prevista mid-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-impriżi ma setgħux awtomatikament, minħabba s-sempliċi fatt li kienu jaqgħu taħt din is-sistema, jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96, iżda li kellhom, għal dan il-għan, jistabbilixxu sistemi li jippermettu t-twettiq ta’ għanijiet ambjentali jew ta’ redditu enerġetiku ogħla minn dawk li tippermetti li tintlaħaq din is-sistema.

11

Fir-risposta tagħha tal‑31 ta’ Marzu 2016, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li l-imsemmija sistema kellha titqies bħala li tippermetti t-twettiq ta’ għanijiet ambjentali jew ta’ rendiment enerġetiku ikbar u li s-sempliċi fatt, għall-impriżi b’konsum enerġetiku għoli, li jaqgħu taħt din l-istess sistema kien biżżejjed sabiex tkun tista’ tingħatalhom eżenzjoni fiskali skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96.

12

Fit‑8 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja li permezz tagħha lmentat li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96 billi ta eżenzjoni totali mid-dazju tas-sisa lill-prodotti tal-enerġija użati mill-impriżi ta’ konsum enerġetiku għoli li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni.

13

Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Mejju 2018, ir-Repubblika tal-Polonja ċaħdet f’daqqa l-ilmenti tal-Kummissjoni, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni tikkostitwixxi “skema ta’ permess negozjabbli”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96.

14

Fis‑26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Polonja b’opinjoni motivata li permezz tagħha hija kkonstatat nuqqas, minn dan l-Istat Membru, tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

15

Fir-risposta tagħha tad‑19 ta’ Settembru 2019, ir-Repubblika tal-Polonja żammet il-pożizzjoni tagħha.

16

Billi ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors.

Fuq ir‑rikors

L‑Argumenti tal‑partijiet

17

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni lment wieħed, ibbażat fuq il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96 billi eżentat mid-dazju tas-sisa l-prodotti tal-enerġija użati mill-impriżi ta’ konsum enerġetiku għoli minħabba l-fatt li dawn l-impriżi jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni.

18

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, sabiex jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, l-impriżi ta’ konsum enerġetiku għoli għandhom japplikaw il-ftehimiet, l-iskemi ta’ permessi negozjabbli jew il-miżuri ekwivalenti msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet.

19

Issa, skont din l-istituzzjoni, l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni ma tistax tikkostitwixxi “skema ta’ permessi negozjabbli”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

20

Ċertament, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni hija skema ta’ permessi negozjabbli li għandha l-għan li tiffavorixxi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u, għaldaqstant, il-protezzjoni tal-ambjent.

21

Madankollu, hija tikkunsidra li s-sempliċi fatt li operatur partikolari jaqa’ taħt din is-sistema ta’ skambju obbligatorju ma jistax jawtorizza lil Stat Membru sabiex jibbenefika minn eżenzjoni jew minn tnaqqis tad-dazju tas-sisa abbażi tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/96.

22

B’hekk, minn dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mehmuża mal-minuti tas-seduta li matulha ġiet adottata d-Direttiva 2003/96, jirriżulta li din l-istituzzjoni ntrabtet li “tanalizza b’mod kostruttiv il-miżuri fiskali li jakkumpanjaw l-implimentazzjoni futura tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, sabiex b’mod partikolari jiġu evitati l-każijiet ta’ tassazzjoni doppja”. Skont il-Kummissjoni, dan ifisser li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li s-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita bid-Direttiva 2003/96 teżisti flimkien mal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tawtorizza lill-Istati Membri jeżentaw mid-dazju tas-sisa l-prodotti tal-enerġija użati mill-impriżi li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni.

23

Barra minn hekk, il-premessi 28 u 29 tad-Direttiva 2003/96 kienu jikkonfermaw ir-rieda ta’ dan il-leġiżlatur li jiżgura li l-vantaġġi fiskali previsti fl-Artikolu 17 tagħha jikkontribwixxu għal titjib tal-protezzjoni tal-ambjent jew għall-effiċjenza enerġetika. Issa, tali għanijiet ma jintlaħqux jekk tingħata eżenzjoni fiskali skont din id-dispożizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li operatur partikolari jaqa’ taħt strument obbligatorju ieħor tad-dritt tal-Unjoni, bħall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “skemi ta’ permessi negozjabbli” fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96 ikopri biss skemi li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali jew l-effiċjenza ikbar fl-enerġija li jeċċedu r-riżultati tal-implimentazzjoni ta’ skemi imperattivi oħrajn stabbiliti mill-atti tal-Unjoni. L-għanijiet ta’ protezzjoni ambjentali jew ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, għaldaqstant, jikkonsistu f’għanijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-istrumenti vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, bħall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

24

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li lanqas ma teżisti kontradizzjoni bejn il-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96 u t-test tal-proposta tagħha għal direttiva tal-Kunsill, tat‑13 ta’ April 2011, li temenda d-Direttiva 2003/96 [COM (2011)169]. Fil-fatt, din il-proposta introduċiet distinzjoni bejn, minn naħa, it-tassazzjoni ġenerali tal-konsum tal-enerġija u, min-naħa l-oħra, forma ġdida ta’ tassazzjoni marbuta speċifikament maċ-CO2. Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 14(1)(d) tal-imsemmija proposta kien jipprevedi eżenzjoni mit-taxxa marbuta maċ-CO2 fil-każ ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni, l-ebda skema ta’ eżenzjoni ma kienet madankollu prevista fir-rigward tat-tassazzjoni ġenerali tal-konsum tal-enerġija f’din l-istess ipoteżi. Huwa minħabba din il-proposta ta’ trattament differenzjat tat-tassazzjoni marbuta maċ-CO2, u tat-taxxa ġenerali marbuta mal-konsum tal-enerġija li l-Kummissjoni indikat espressament, fil-premessa 22 tal-istess proposta u fl-Artikolu 17(2) tagħha, li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni ma kinitx koperta mill-kunċett ta’ “skemi ta’ permessi negozjabbli”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tagħha. Għall-kuntrarju, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax din il-proposta ta’ distinzjoni fid-Direttiva 2003/96, ma kienx neċessarju li tiġi inkluża l-istess preċiżjoni. Skont il-Kummissjoni, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jinkludi l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni fil-kunċett ta’ “skemi ta’ permessi negozjabbli”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96, huwa kien jagħmel dan b’mod espliċitu sa mill-adozzjoni tagħha.

25

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li t-tassazzjoni, skont id-Direttiva 2003/96, tal-impriżi li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni tikser il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li jinsab fl-Artikolu 191(2) TFUE, ma jistax jintlaqa’.

26

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja introduċiet fil-leġiżlazzjoni tagħha vantaġġi fiskali għal entitajiet b’konsum enerġetiku għoli li jipproduċu ċ-CO2 għas-sempliċi raġuni li huma jipparteċipaw fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni jista’ jwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Fil-fatt, id-Direttiva 2003/87 diġà tipprevedi strumenti speċifiċi intiżi għall-ġlieda kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, bħall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mingħajr ħlas jew il-kumpens tal-ispejjeż indiretti tal-emissjonijiet.

27

Fit-tweġibiet bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tippreċiża li l-eżenzjoni prevista mil-Liġi dwar id-dazju tas-sisa tingħata anki jekk l-impriżi kkonċernati jkunu diġà bbenefikaw mill-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mingħajr ħlas abbażi tad-Direttiva 2003/87. B’dan il-mod, skont il-Kummissjoni, il-vantaġġi li jirriżultaw mill-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa jakkumulaw sistematikament mal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mingħajr ħlas abbażi tal-Artikolu 10b ta’ din id-direttiva.

28

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Repubblika tal-Polonja kienet innotifikat skema ta’ għajnuna mill-Istat għas-snin 2019 u 2020, li bis-saħħa tagħha ċerti impriżi setgħu jitolbu kumpens ta’ parti mill-ispejjeż indiretti tal-emissjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-iskema kienet kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjoni li l-għajnuna inkwistjoni ma tkunx miżjuda ma’ eżenzjoni fiskali skont il-liġi dwar id-dazju tas-sisa. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li huma biss ftit l-impriżi li ħadu vantaġġ minn din l-iskema tal-għajnuna mill-Istat. Hija tippresupponi li l-vantaġġi fiskali mogħtija taħt din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jingħataw awtomatikament għall-faħam u l-gass użati mill-impriżi għat-tisħin meta impriża kbira li tikkonsma l-enerġija taqa’ taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, huma iktar interessanti għall-impriżi milli l-iskema ta’ kumpens għall-ispejjeż indiretti tal-emissjonijiet.

29

Fl-aħħar, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-impriżi ta’ konsum enerġetiku għoli li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni jingħataw eżenzjoni mid-dazji tas-sisa jwassal sabiex jiġu kkontestati l-inċentivi ambjentali li jirriżultaw minn din l-iskema, sa fejn l-ispejjeż sostnuti mill-impriżi sabiex jipparteċipaw f’din l-iskema obbligatorja jistgħu jiġu kkumpensati mill-eżenzjoni inkwistjoni.

30

Ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax li l-Liġi dwar id-dazju tas-sisa tipprevedi eżenzjoni totali mid-dazju tas-sisa fir-rigward tal-prodotti tal-enerġija, b’mod iktar partikolari l-prodotti tal-faħam u tal-gass, użati mill-impriżi bl-unika kundizzjoni li dawn l-impriżi jkunu suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni.

31

Fit-tweġibiet bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Polonja kkonfermat li, skont il-Liġi dwar id-dazju tas-sisa, l-eżenzjoni totali mid-dazju tas-sisa hija awtomatikament applikata minħabba s-sempliċi fatt li l-impriżi b’konsum enerġetiku għoli jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni. Hija kkonfermat ukoll li din l-eżenzjoni tapplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-impriżi b’konsum enerġetiku għoli li jibbenefikaw minnha diġà rċevewx jew jirċevux ukoll kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas skont id-Direttiva 2003/87.

32

Madankollu, hija tqis li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni tikkostitwixxi “skema ta’ permess negozjabbli”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96.

33

Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, minn naħa, l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni hija skema ta’ permessi negozjabbli li jieħdu l-forma ta’ kwoti li jistgħu jiġu ttrasferiti jew akkwistati. Min-naħa l-oħra, tali sistema tippermetti t-twettiq tal-għanijiet ambjentali billi tiffavorixxi b’mod iktar partikolari t-tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi u effiċjenti, għall-finijiet tal-osservanza tal-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri fid-dawl tal-Protokoll ta’ Kyoto, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑504/09 P, EU:C:2012:178).

34

Kuntrarjament għall-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ permess negozjabbli”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96, l-iskema inkwistjoni ma għandhiex tkun tali li tippermetti t-twettiq ta’ għanijiet ambjentali jew rendiment enerġetiku ikbar li jeċċedi r-riżultati tal-implimentazzjoni ta’ sistemi oħra ta’ natura obbligatorja stabbiliti mill-atti tal-Unjoni. Fil-fatt, skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-Direttiva 2003/96 ma tipprevedix tali rekwiżit.

35

Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, peress li d-Direttiva 2003/96 ġiet elaborata b’mod kważi konkomitanti mad-Direttiva 2003/87, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mill-kunċett ta’ “skema ta’ permess negozjabbli” kif jidher fl-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96, huwa kien isemmiha b’mod espliċitu fiha.

36

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li hija tindika biss li din l-istituzzjoni ntrabtet li tanalizza l-miżuri fiskali li jakkumpanjaw l-implimentazzjoni futura tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni, sabiex jiġu evitati l-każijiet ta’ tassazzjoni doppja. Din id-dikjarazzjoni fl-ebda każ ma tirreferi għall-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, ir-raġunament tal-Kummissjoni li jikkonsisti f’li ma jingħatawx il-vantaġġi fiskali, previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96, lill-impriżi b’konsum enerġetiku għoli li implimentaw l-iskema obbligatorja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni, iwassal għall-impożizzjoni ta’ piż doppju fuq dawn l-impriżi.

37

Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta wkoll l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-premessa 22 tal-proposta tagħha għal direttiva, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. Skont dan l-Istat Membru, minn dan ma jistax jiġi dedott li, qabel l-imsemmija proposta, l-iskemi ta’ permessi negozjabbli msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96 ma kinux jinkludu l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni. F’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ wara l-proposta għal direttiva msemmija iktar ’il fuq, peress li din ma ġietx approvata, huwa ċar li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96 jippermetti dejjem lill-Istati Membri japplikaw l-eżenzjoni għall-impriżi b’konsum enerġetiku għoli li jaqgħu taħt din l-iskema.

L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

38

Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-ilment uniku bbażat fuq ksur, mir-Repubblika tal-Polonja, tal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96 minħabba li l-kunċett ta’ “skemi ta’ permessi negozjabbli”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri biss skemi “volontarji” li għandhom jippermettu t-twettiq tal-għanijiet ambjentali jew rendiment tal-enerġija ikbar “li jeċċedu r-riżultati tal-implimentazzjoni ta’ skemi obbligatorji oħra stabbiliti mill-atti tal-Unjoni”, bħall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva 2003/87.

39

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġifieri l-faħam, il-kombustibbli u l-elettriku, billi japplikawlhom livelli ta’ tassazzjoni li ma jistgħux ikunu inqas mil-livelli minimi previsti minnha.

40

Madankollu, l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jagħtu tnaqqis fiskali fuq il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija użati b’mod partikolari għat-tisħin, sakemm il-livelli minimi ta’ tassazzjoni tal-Unjoni, previsti mill-imsemmija direttiva, jiġu osservati bħala medja għal kull impriża.

41

Il-punt (b) ta’ din l-istess dispożizzjoni jippreċiża li dan it-tnaqqis jista’ jiġi applikat meta jkun sar ftehim ma’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, jew meta jiġu implimentati skemi ta’ permessi negozjabbli jew miżuri ekwivalenti, sakemm ikunu intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni ambjentali jew sabiex itejbu l-effiċjenza tal-enerġija.

42

L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2003/96 jippermetti lill-Istati Membri japplikaw livell ta’ tassazzjoni li jestendi sa żero fuq il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li jaqgħu taħt din id-direttiva meta jintużaw minn impriżi b’konsum enerġetiku għoli.

43

Madankollu, sabiex jibbenefikaw minn tali eżenzjoni, l-impriżi ta’ konsum enerġetiku għoli għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(4) ta’ din id-direttiva.

44

F’dan ir-rigward, din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi li dawn l-impriżi jaċċettaw il-ftehim jew l-iskemi ta’ permessi negozjabbli jew il-miżuri ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 17(1)(b) tal-imsemmija direttiva u jippreċiża li dawn il-ftehimiet jew skemi ta’ permess negozjabbli jew miżuri ekwivalenti għandhom jippermettu t-twettiq tal-għanijiet ambjentali jew rendiment tal-enerġija ikbar minn kważi ekwivalenti għal dak li kien jinkiseb kieku r-rati minimi normali tal-Unjoni kienu ġew osservati.

45

Insostenn tal-allegazzjoni li tgħid li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva 2003/87, ma tistax titqies bħala “skema ta’ permess negozjabbli”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96, il-Kummissjoni ssostni li din l-iskema timplika li l-impriżi kkonċernati jimpenjaw ruħhom għaliha volontarjament. Issa, dan ma huwiex il-każ tal-impriżi li jipparteċipaw fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, fid-dawl tan-natura obbligatorja ta’ din l-iskema.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li d-Direttiva 2003/96 ma teskludix espressament l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva 2003/87, mill-kunċett ta’ “skema ta’ permessi negozjabbli”.

47

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kliem tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2003/96 isemmi l-ftehim jew l-iskemi ta’ permessi negozjabbli jew il-miżuri ekwivalenti, imsemmija fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva. Issa, skont din l-aħħar dispożizzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-ftehim “konklużi” ma’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari l-iskemi ta’ permessi negozjabbli, li huma “implimentati”.

48

Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jinqraw fis-sens li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-parteċipazzjoni tal-impriżi fi skema obbligatorja bħall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni.

49

Għaldaqstant, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “skema ta’ permessi negozjabbli” imsemmi fl-Artikolu 17(1)(b) u (4) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għal sistemi li jippermettu t-twettiq ta’ għanijiet ambjentali jew ta’ rendiment enerġetiku ikbar li jeċċedi r-riżultati tal-implimentazzjoni ta’ skemi obbligatorji oħra, għandu jiġi kkonstatat li tali qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex sostnut mill-kliem tagħhom.

50

Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-kontenut ta’ tali dikjarazzjoni, li hija nieqsa minn kull portata normattiva, ma jistax imur kontra l-formulazzjoni ċara ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

51

Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-għan finali tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti huwa l-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 31, kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑504/09 P, EU:C:2012:178, punt 77).

52

Madankollu, mill-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li, sabiex jibbenefikaw minn eżenzjoni totali mid-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 17(2) tagħha, l-inċentivi ambjentali li jirriżultaw mill-issuġġettar għal ftehimiet, skemi ta’ permessi negozjabbli jew miżuri ekwivalenti għandhom ikunu kważi ekwivalenti għal dak li kien jinkiseb kieku l-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti fl-Anness I ta’ din id-direttiva kienu ġew applikati.

53

Minn dan jirriżulta li, skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2003/96, l-impriżi b’konsum enerġetiku għoli li jaqgħu taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jibbenefikaw awtomatikament, minn dan is-sempliċi fatt, minn eżenzjoni totali mid-dazju tas-sisa skont l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva mingħajr ma jiġi stabbilit li l-kundizzjoni mfakkra fil-punt iktar ’il fuq hija ssodisfatta.

54

Madankollu, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rikors tagħha l-Kummissjoni ma sostnietx li din il-kundizzjoni ma kinitx osservata mil-leġiżlazzjoni Pollakka.

55

Issa, mill-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll l-espożizzjoni sommarja tal-motivi, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 21).

56

Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑508/08, EU:C:2010:643, punt 16).

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment uniku tal-Kummissjoni bħala infondat u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 52 ta’ din is-sentenza hijiex osservata mil-leġiżlazzjoni Pollakka.

Fuq l‑ispejjeż

58

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir‑rikors huwa miċħud.

 

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top