EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0118

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Jannar 2022.
JY vs Wiener Landesregierung.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20 u 21 TFUE – Kamp ta’ applikazzjoni – Rinunzja tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru sabiex tinkiseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor konformement mal-assigurazzjoni ta’ dan tal-aħħar li jinnaturalizza lill-persuna kkonċernata – Revoka ta’ din l-assigurazzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Sitwazzjoni ta’ persuna apolida.
Kawża C-118/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:34

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20 u 21 TFUE – Kamp ta’ applikazzjoni – Rinunzja tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru sabiex tinkiseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor konformement mal-assigurazzjoni ta’ dan tal-aħħar li jinnaturalizza lill-persuna kkonċernata – Revoka ta’ din l-assigurazzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Sitwazzjoni ta’ persuna apolida”

Fil-Kawża C‑118/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

JY

vs

Wiener Landesregierung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal JY, minn G. Klammer u E. Daigneault, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u D. Hudsky kif ukoll minn J. Schmoll u E. Samoilova, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u N. Vincent kif ukoll minn D. Dubois, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn J. M. Hoogveld, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn JY u l-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrevoka l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka lil JY u li jiċħad it-talba tiegħu intiża għall-kisba ta’ din in-nazzjonalità.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑Konvenzjoni dwar it‑Tnaqqis tal‑Apolidija

3

L-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, adottata fi New York fit‑30 ta’ Awwissu 1961 u li daħlet fis-seħħ fit‑13 ta’ Diċembru 1975 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija”), jipprovdi:

“Individwu li jippossjedi n-nazzjonalità ta’ Stat kontraenti u li jitlob in-naturalizzazzjoni f’pajjiż barrani jitlef in-nazzjonalità tiegħu biss jekk jikseb jew ikun assigurat li jikseb in-nazzjonalità ta’ dan il-pajjiż.”

Il‑Konvenzjoni Ewropea dwar in‑Nazzjonalità

4

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, adottata fis‑6 ta’ Novembru 1997 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa, daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000 u hija applikabbli għar-Repubblika tal-Awstrija minn dik id-data.

5

L-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Prinċipji”, jipprovdi:

“Ir-regoli dwar in-nazzjonalità ta’ kull Stat għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji segwenti:

a) kull individwu għandu d-dritt għal nazzjonalità;

b) l-apolidija għandha tiġi evitata;

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 7 tal-konvenzjoni msemmija, intitolat “Telf tan-nazzjonalità ex lege jew fuq inizjattiva ta’ Stat Parti”, jipprovdi:

“1   Stat Parti ma jistax jipprevedi fid-dritt intern tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu ex lege jew fuq inizjattiva tiegħu, ħlief fil-każijiet segwenti:

a)

il-kisba volontarja ta’ nazzjonalità oħra;

b)

il-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat Parti bħala riżultat ta’ mġieba frawdolenti, informazzjoni falza jew il-ħabi ta’ fatt rilevanti minn-naħa tar-rikorrent;

[…]

d)

imġieba li tippreġudika serjament l-interessi essenzjali tal-Istat Parti;

[…]

3   Stat Parti ma jistax jipprovdi fid-dritt intern tiegħu għat-telf tan-nazzjonalità tiegħu skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jekk il-persuna kkonċernata b’hekk issir persuna apolida, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punt b tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Telf tan-nazzjonalità fuq inizjattiva tal-individwu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Parti għandu jippermetti r-rinunzja tan-nazzjonalità tiegħu, bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati ma jsirux apolidi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-nazzjonalità jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ma jillimitawx id-dritt ta’ kull Stat Parti li jiddetermina fid-dritt intern tiegħu jekk:

a)

iċ-ċittadini tiegħu li jiksbu jew jippossjedu n-nazzjonalità ta’ Stat ieħor iżommu jew jitilfu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Parti,

b)

il-kisba jew iż-żamma tan-nazzjonalità tiegħu hija suġġetta għar-rinunzja jew għat-telf ta’ nazzjonalità oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

Skont l-Artikolu 16 ta’ din il-konvenzjoni:

“Stat Parti ma għandux jagħmel ir-rinunzja jew it-telf ta’ nazzjonalità oħra kundizzjoni għall-kisba jew għaż-żamma tan-nazzjonalità tiegħu meta din ir-rinunzja jew dan it-telf ma jkunx possibbli jew ma jistax jiġi rikjest b’mod raġonevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

10

L-Artikolu 20 TFUE jipprovdi:

“1.   Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.   Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

a)

id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

[…]”

Id-dritt Awstrijak

11

L’Artikolu 10 tal-iStaatsbürgerschaftsgesetz 1985 (il-Liġi dwar in-Nazzjonalità tal-1985) (BGBl. 311/1985), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar in-Nazzjonalità”), jipprovdi:

“(1)   Sakemm mhux previst mod ieħor f’din il-liġi federali, in-nazzjonalità ma tistax tingħata lil barrani ħlief

[…]

6.

jekk dan jippreżenta l-garanzija, fir-rigward tal-imġiba tiegħu preċedenti, li huwa għandu attitudni pożittiva fir-rigward tar-Repubblika u li huwa ma jikkostitwixxix riskju għall-paċi, għall-ordni u għas-sigurtà pubblika, u lanqas ma jhedded interessi pubbliċi oħra msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950];

[…]

(2)   In-nazzjonalità ma tistax tingħata lil barrani

[…]

2.

jekk huwa għandu iktar minn kundanna eżekuttiva waħda għal reat amministrattiv serju bi grad ta’ serjetà partikolari […]

[…]

(3)   In-nazzjonalità ma tistax tingħata lil barrani li għandu nazzjonalità barranija meta dan

1.

jonqos milli jipproċedi bl-atti neċessarji għax-xoljiment tar-relazzjoni preċedenti tiegħu ma’ Stat, meta tali atti jkunu possibbli għalih u jistgħu jiġu raġonevolment rikjesti minnu […]

[…]”

12

L-Artikolu 20(1) sa (3) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità jipprovdi:

“(1)   Barrani għandu jkun assigurat li n-nazzjonalità ser tingħatalu qabel kollox fil-każ li dan jistabbilixxi, fi żmien sentejn, li r-relazzjoni tiegħu mal-Istat ta’ oriġini preċedenti tiegħu ġiet xolta, meta

1.

ma jkunx persuna apolida;

2.

[…] u

3.

din l-assigurazzjoni tagħmillu possibbli jew tista’ tiffaċilitalu x-xoljiment tar-relazzjoni mal-Istat ta’ oriġini preċedenti tiegħu.

(2)   L-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità għandha tiġi rrevokata meta l-barrani, bl-eċċezzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 10(1), ma jkunx jissodisfa iktar kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet rikjesti għal dan l-għoti.

(3)   In-nazzjonalità li ġie assigurat li tingħata għandha tingħata malli

1.

ir-relazzjoni tal-barrani mal-Istat ta’ oriġini preċedenti tiegħu tkun ġiet xolta jew

2.

il-barrani jistabbilixxi li l-azzjonijiet rikjesti sabiex tiġi xolta r-relazzjoni preċedenti tiegħu ma’ Stat ma kinux possibbli jew ma setgħux jiġu raġonevolment rikjesti minnu.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2008, JY, dak iż-żmien ċittadina Estonjana, talbet l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014, in-Niederösterreichische Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Niederösterreich, l-Awstrija) iggarantixxa lil JY, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 20 tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, li n-nazzjonalità Awstrijaka kienet ser tingħatalha fil-każ li hija tipprova, fi żmien sentejn, ix-xoljiment tar-relazzjoni tagħha mar-Repubblika tal-Estonja.

15

JY, li kienet, minn dak iż-żmien, stabbilixxiet ir-residenza prinċipali tagħha fi Vjenna (l-Awstrija), ippreżentat fit-terminu ta’ sentejn il-konferma tar-Repubblika tal-Estonja li tgħid li, permezz ta’ deċiżjoni tal-Gvern ta’ dak l-Istat Membru tas‑27 ta’ Awwissu 2015, ir-relazzjoni ta’ nazzjonalità tagħha mal-Istat Membru msemmi kienet ġiet xolta. Wara x-xoljiment ta’ din ir-relazzjoni, JY saret persuna apolida.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2017, il-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija), li kien sar kompetenti sabiex teżamina t-talba ta’ JY, irrevoka d-deċiżjoni tan-Niederösterreichische Landesregierung (il-Gvern tal-Land tal-Awstrija ta’ Isfel) tal‑11 ta’ Marzu 2014, konformement mal-Artikolu 20(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, u ċaħad, skont il-punt 6 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi, it-talba ta’ JY sabiex tingħatalha n-nazzjonalità.

17

Biex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu, il-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna) indika li JY kienet wettqet, wara li din kienet ingħatat assigurazzjoni li kienet ser tingħatalha n-nazzjonalità Awstrijaka, żewġ reati amministrattivi serji, li rriżultaw min-nuqqas ta’ twaħħil tal-istiker tal-kontroll tekniku fuq il-vettura tagħha kif ukoll is-sewqan ta’ vettura bil-mutur waqt li kienet taħt l-influwenza tal-alkoħol, u li kienet responsabbli għal tmien reati amministrattivi mwettqa bejn l-2007 u l-2013, jiġifieri qabel ma kienet ingħatat din l-assigurazzjoni. Għaldaqstant, skont din l-awtorità amministrattiva, JY ma kinitx tissodisfa iktar il-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità previsti fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità.

18

Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn JY kontra l-imsemmija deċiżjoni. Wara li rrilevat li l-assigurazzjoni fir-rigward tal-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka tista’ tiġi rrevokata, skont l-Artikolu 20(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, anki fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, raġuni għal rifjut tidher wara l-produzzjoni tal-prova tax-xoljiment tar-relazzjoni ta’ nazzjonalità preċedenti, din il-qorti enfasizzat li ż-żewġ reati amministrattivi serji mwettqa minn JY kienu ta’ natura, għall-ewwel waħda, li jipperikolaw il-protezzjoni tas-sigurtà tat-traffiku pubbliku u, għat-tieni waħda, li tqiegħed b’mod partikolari f’perikolu s-sigurtà tal-utenti tat-toroq l-oħra. B’hekk, skont l-imsemmija qorti, dawn iż-żewġ reati amministrattivi serji, ikkunsidrati flimkien mat-tmien reati amministrattivi mwettaq bejn l-2007 u l-2013, ma kinux jippermettu iktar li jingħata, fir-rigward ta’ JY, pronostiku favorevoli għall-futur, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi. Ir-residenza fit-tul ta’ JY fl-Awstrija kif ukoll l-integrazzjoni professjonali u personali tagħha f’dan l-Istat Membru ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni din il-konklużjoni.

19

Barra minn hekk, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) qieset li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ dawn ir-reati, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet proporzjonata fid-dawl tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija. Din il-qorti qieset ukoll li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

20

JY ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

21

Din il-qorti tispjega li d-dritt Awstrijak tan-nazzjonalità huwa bbażat b’mod partikolari fuq il-kunċett li jgħid li n-nazzjonalitajiet multipli għandhom, jekk possibbli, jiġu evitati. Barra minn hekk, ordinamenti ġuridiċi barranin differenti, sabiex tiġi evitata l-apolidija, ma jawtorizzawx ix-xoljiment minn qabel tar-rapport ta’ nazzjonalità. Madankollu, huma ma jeħtiġux li n-nazzjonalità l-oħra (f’dan il-każ, in-nazzjonalità Awstrijaka) tkun inizjalment miksuba, iżda jikkuntentaw ruħhom b’assigurazzjoni li din in-nazzjonalità l-oħra ser tingħata.

22

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità tistabbilixxi dritt għall-għoti tan-nazzjonalità bil-kundizzjoni biss tal-prova tax-xoljiment tar-relazzjoni ta’ Nazzjonalità barranija. Madankollu, skont l-Artikolu 20(2) ta’ din il-liġi, din l-assigurazzjoni għandha tiġi rrevokata meta l-barrani ma jkunx jissodisfa iktar waħda mill-kundizzjonijiet rikjesti għall-imsemmi għoti.

23

Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tar-reati amministrattivi mwettqa minn JY qabel u wara li ngħatatlu l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont id-dritt Awstrijak, il-kundizzjonijiet ta’ revoka ta’ din l-assigurazzjoni kienu ssodisfatti, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, peress li l-persuna kkonċernata ma kinitx għadha tissodisfa wieħed mir-rekwiżiti meħtieġa għall-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, jiġifieri dik imsemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi.

24

Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni ta’ JY, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha, taqax taħt id-dritt tal-Unjoni u jekk, sabiex tadotta d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità amministrattiva kompetenti kellhiex tosserva dan id-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit minnu.

25

F’dan ir-rigward, bħall-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna), il-qorti tar-rinviju qieset li sitwazzjoni bħal din ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

26

Fil-fatt, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema data kienet determinanti sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tas-sentenza tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna), JY ma kellhiex iktar l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Konsegwentement, b’differenza mis-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), u tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189), it-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma kienx il-korollarju ta’ din id-deċiżjoni. Għall-kuntrarju, bir-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, flimkien maċ-ċaħda tat-talba tagħha għall-għoti ta’ din in-nazzjonalità, JY tilfet id-dritt miksub b’mod kundizzjonali li tikseb mill-ġdid iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ċittadinanza li hija kienet diġà abbandunat hija stess qabel.

27

Madankollu, fil-każ fejn sitwazzjoni bħal dik ta’ JY tkun taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhomx jivverifikaw, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ir-revoka tal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità kkonċernata, li tipprekludi li n-nazzjonalità tal-Unjoni terġa’ tinkiseb, hijiex kompatibbli, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-konsegwenzi ta’ tali deċiżjoni fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata. Din il-qorti tqis li jkun loġiku, f’din l-ipoteżi, li tali stħarriġ ta’ proporzjonalità jkun meħtieġ u tistaqsi, f’dan il-każ, jekk is-sempliċi fatt li JY irrinunzjat għan-nazzjonalità tal-Unjoni tagħha billi temmet hija stess ir-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà li kienet torbotha mal-Estonja kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet ma’ dan l-Istat Membru, li kienu l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 33), huwiex deċiżiv f’dan ir-rigward.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Is-sitwazzjoni ta’ persuna fiżika li, bħar-rikorrenti fi ‘proċedura ta’ reviżjoni’ fil-kawża prinċipali, irrinunzjat għan-nazzjonalità tagħha ta’ Stat Membru wieħed tal-Unjoni, u bl-istess mod għaċ-ċittadinanza tagħha tal-Unjoni, sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor konformement mal-assigurazzjoni li din in-nazzjonalità, li hija talbet, ser tingħatalha, u li l-possibbiltà tagħha li tikseb mill-ġdid iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija sussegwentement eskluża permezz tar-revoka ta’ din l-assigurazzjoni, taqa’, fid-dawl tan-natura u tal-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li dan tal-aħħar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal dak li jirrigwarda ir-revoka tal-imsemmija assigurazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

2.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, għandhom jivverifikaw, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar ir-revoka tal-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità tal-Istat Membru, jekk ir-revoka tal-assigurazzjoni li teskludi l-kisba mill-ġdid taċ-ċittadinanza tal-Unjoni hijiex, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha għas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sitwazzjoni ta’ persuna li, filwaqt li ma jkollhiex ħlief in-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss, tirrinunzja għal din in-nazzjonalità u, għalhekk, titlef l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, wara li l-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat Membru jagħtu l-assigurazzjoni li din in-nazzjonalità ser tingħatalha, taqax, minħabba n-natura u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni meta din l-assigurazzjoni tiġi rrevokata, bil-konsegwenza li din il-persuna tiġi miċħuda milli tirkupra l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni.

30

Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet li tipprevedi din id-dispożizzjoni jiġi assigurat li n-nazzjonalità Awstrijaka tingħatalu jekk huwa jistabbilixxi, f’terminu ta’ sentejn, li r-relazzjoni tiegħu mal-Istat ta’ oriġini tiegħu ġiet xolta. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ naturalizzazzjoni, l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka lil dan il-barrani, wara tali assigurazzjoni, jimponi, bħala kundizzjoni preliminari, it-telf tan-nazzjonalità preċedenti tiegħu.

31

Konsegwentement, fl-ewwel lok, it-telf – għall-inqas provviżorju – tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ta’ persuna, bħal JY, li għandha biss in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha u li tibda proċedura ta’ naturalizzazzjoni sabiex tikseb in-nazzjonalità Awstrijaka, jirriżulta direttament mill-fatt li, fuq talba ta’ din il-persuna, il-Gvern tal-Istat Membru ta’ oriġini xolja r-rabta ta’ nazzjonalità magħha.

32

Huwa biss sussegwentement li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Awstrijaki kompetenti biex jirrevokaw l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka twassal għat-telf definittiv tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ta’ tali persuna.

33

Għaldaqstant, fid-data li fiha, skont il-qorti tar-rinviju, il-fondatezza tar-rikors li hija adita bih għandha tiġi eżaminata, jiġifieri dik tad-deċiżjoni ta’ revoka tal-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, JY kienet diġà saret apolida u, għalhekk, kienet tilfet l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni.

34

Minn dan, dik il-qorti u l-Gvern Awstrijak jikkonkludu li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u jispeċifikaw f’dan ir-rigward li din is-sitwazzjoni hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), u tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189).

35

Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ JY, għalkemm it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jirriżulta mill-fatt li l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ din il-persuna, fuq talba tagħha, xolja r-rabta ta’ nazzjonalità ma’ din tal-aħħar, din it-talba ġiet ifformulata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ naturalizzazzjoni intiża għall-kisba tan-nazzjonalità Awstrijaka u tikkostitwixxi l-konsegwenza tal-fatt li l-imsemmija persuna, fid-dawl tal-assigurazzjoni li ngħatatilha li kienet ser tingħata n-nazzjonalità Awstrijaka, ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti li jinsabu kemm fil-Liġi dwar in-Nazzjonalità kif ukoll fid-deċiżjoni relattiva għal din l-assigurazzjoni.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li persuna bħal JY irrinunzjat volontarjament għall-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, peress li rċeviet, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, l-assigurazzjoni li n-nazzjonalità tiegħu kienet ser tingħatalha, it-talba għax-xoljiment tar-rabta ta’ nazzjonalità mal-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina għandha l-għan li tippermettilha tissodisfa kundizzjoni għall-akkwist ta’ din in-nazzjonalità u, ladarba din tinkiseb, tkompli tibbenefika mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u mid-drittijiet marbuta miegħu.

37

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, minn naħa, id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf tan-nazzjonalità taqa’, skont id-dritt internazzjonali, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru u li, min-naħa l-oħra, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, V.М.А., C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż, skont ġurisprudenza stabbilita, li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika), C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Issa, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ naturalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jirrevokaw l-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, il-persuna kkonċernata li kienet ċittadina ta’ Stat Membru wieħed biss u rrinunzjat għan-nazzjonalità oriġinali tagħha sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti marbuta ma’ din il-proċedura tinsab f’sitwazzjoni li fiha huwa impossibbli għaliha li tkompli tinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni.

40

Konsegwentement, tali proċedura, ikkunsidrata kollha kemm hi, anki jekk tinvolvi deċiżjoni amministrattiva ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu tintalab in-nazzjonalità, taffettwa l-istatus mogħti mill-Artikolu 20 TFUE liċ-ċittadini tal-Istati Membri, peress li tista’ twassal sabiex persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ JY tiġi mċaħħda mid-drittijiet kollha marbuta ma’ dan l-istatus, minkejja li, fil-mument li fih il-proċedura ta’ naturalizzazzjoni bdiet, din il-persuna kellha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru u għalhekk kellha l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

41

Fit-tielet lok, huwa stabbilit li JY, bħala ċittadina Estonjana, eżerċitat il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, billi stabbilixxiet ruħha fl-Awstrija fejn ilha tirrisjedi għal diversi snin.

42

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiffavorixxu l-integrazzjoni progressiva taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 56).

43

Għalhekk, il-loġika ta’ integrazzjoni progressiva ffavorita minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE teżiġi li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ngħata drittijiet skont l-imsemmija dispożizzjoni minħabba l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni u li huwa espost mhux biss għat-telf tal-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet iżda wkoll għal dak tal-kwalità stess ta’ ċittadin tal-Unjoni, minkejja l-fatt li huwa fittex, permezz tan-naturalizzazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, l-inklużjoni tiegħu iktar mill-qrib fis-soċjetà ta’ dan tal-aħħar, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat relattivi għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-sitwazzjoni ta’ persuna li, peress li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss, tirrinunzja għal din in-nazzjonalità u titlef, minħabba f’hekk, l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni, sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, wara l-assigurazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat li din in-nazzjonalità tingħatalha, taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni meta din l-assigurazzjoni tiġi rrevokata, bl-effett li din il-persuna tiġi prekluża milli tirkupra l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

Fuq it‑tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti humiex obbligati jivverifikaw jekk id-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li tirrendi definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-konsegwenzi li din tinvolvi fuq is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna.

46

Kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mogħti mill-Artikolu 20(1) TFUE lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(2)(a) TFUE jipprevedi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u huma suġġetti għall-obbligi previsti mit-Trattati u għandhom, fost oħrajn, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

47

Issa, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ naturalizzazzjoni mibdija fi Stat Membru, dan tal-aħħar, skont il-kompetenza li huwa għandu li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ akkwist u ta’ telf tan-nazzjonalità, jeżiġi li ċittadin tal-Unjoni jirrinunzja għan-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, l-eżerċizzju u l-effettività tad-drittijiet li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jislet mill-Artikolu 20 TFUE jeżiġi li fl-ebda mument ma jkun espost għat-telf tal-istatus fundamentali tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni sempliċement minħabba din il-proċedura.

48

Fil-fatt, kull telf, anki provviżorju, ta’ dan l-istatus jimplika li l-persuna kkonċernata tiġi mċaħħda, għal perijodu indeterminat, mill-possibbiltà li tgawdi mid-drittijiet kollha mogħtija mill-imsemmi status.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tan-nazzjonalità kif ukoll l-obbligi tagħhom li jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni japplikaw kemm għall-Istat Membru ta’ naturalizzazzjoni kif ukoll għall-Istat Membru tan-nazzjonalità oriġinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 62).

50

Minn dan isegwi li, meta ċittadin ta’ Stat Membru jitlob li titneħħielu n-nazzjonalità tiegħu sabiex ikun jista’ jikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor u jkompli, għalhekk, igawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ oriġini ma għandux jadotta, abbażi ta’ assigurazzjoni mogħtija minn dan l-Istat Membru l-ieħor li n-nazzjonalità tiegħu ser tingħata lill-persuna kkonċernata, deċiżjoni definittiva dwar ir-revoka tan-nazzjonalità, mingħajr ma jiżgura li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ biss ladarba ċ-ċittadinanza l-ġdida tkun ġiet effettivament miksuba.

51

Madankollu, f’sitwazzjoni fejn l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jkun diġà ntilef provviżorjament minħabba l-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ naturalizzazzjoni, l-Istat Membru ta’ oriġini rtira n-nazzjonalità tiegħu lill-persuna kkonċernata qabel ma din tkun effettivament kisbet in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, l-obbligu li tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 20 TFUE jaqa’ qabel kollox fuq dan l-aħħar Stat Membru. Dan l-obbligu huwa impost, b’mod partikolari, meta l-imsemmi Stat Membru jiddeċiedi li jirrevoka l-assigurazzjoni preċedentement mogħtija lil din il-persuna li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità, peress li din id-deċiżjoni jista’ jkollha l-effett li tirrendi definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali deċiżjoni tista’ tittieħed biss għal raġunijiet leġittimi u billi tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu li Stat Membru jkun irid jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet, li huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità (sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 51, kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 33).

53

F’dan il-każ, kif indika l-Gvern Awstrijak u kif jirriżulta mill-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, din il-liġi għandha b’mod partikolari l-għan li tevita l-pussess, mill-istess persuna, ta’ nazzjonalitajiet multipli. L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija liġi jifforma parti mid-dispożizzjonijiet intiżi, preċiżament, sabiex jintlaħaq dan l-għan.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza li huwa għandu li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ akkwist u ta’ telf tan-nazzjonalità tiegħu, huwa leġittimu għal Stat Membru, bħar-Repubblika tal-Awstrija, li jqis li għandhom jiġu evitati l-effetti mhux mixtieqa tal-pussess ta’ diversi nazzjonalitajiet.

55

Il-leġittimità, fil-prinċipju, ta’ dan l-għan hija kkorroborata mill-Artikolu 15(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jillimitawx id-dritt ta’ kull Stat parti li jiddetermina fid-dritt intern tiegħu jekk il-kisba jew iż-żamma tan-nazzjonalità tiegħu hijiex suġġetta għar-rinunzja jew għat-telf ta’ nazzjonalità oħra. Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-leġittimità hija sostnuta wkoll mill-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-każijiet ta’ Apolidija, li jipprovdi li individwu li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat kontraenti u li jitlob in-naturalizzazzjoni f’pajjiż barrani jitlef in-nazzjonalità tiegħu biss jekk jikseb jew irċieva l-assigurazzjoni li jikseb in-nazzjonalità ta’ dan il-pajjiż.

56

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità jipprevedi r-revoka tal-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka meta l-persuna kkonċernata ma tibqax tissodisfa anki waħda mill-kundizzjonijiet rikjesti għal dan l-għoti. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm dik prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi, li tgħid li l-persuna interessata għandha tippreżenta l-garanzija, fir-rigward tal-aġir preċedenti tagħha, li għandha attitudni pożittiva fir-rigward tar-Repubblika tal-Awstrija u li hija ma tikkostitwixxix riskju għall-paċi, għall-ordni u għas-sigurtà pubblika u lanqas theddida għal interessi pubbliċi oħra msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

57

Issa, id-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità minħabba li l-persuna kkonċernata ma għandhiex attitudni pożittiva fir-rigward tal-Istat Membru li tiegħu tixtieq tikseb in-nazzjonalità u li l-aġir tagħha jista’ jhedded l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika ta’ dan l-Istat Membru hija bbażata fuq raġuni ta’ interess ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 51).

58

Madankollu, fid-dawl tal-importanza li d-dritt primarju jagħti lill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni li, kif tfakkar fil-punti 38 u 46 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk id-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità, meta din twassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet li jirriżultaw minnu, tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, tal-membri tal-familja tagħha, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 5556, kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 40).

59

L-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mid-dritt tal-Unjoni jeħtieġ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, dik tal-familja tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità, meta din tkun twassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikollhiex konsegwenzi li jaffettwaw b’mod sproporzjonat, meta mqabbel mal-għan imfittex mil-leġiżlatur nazzjonali, l-iżvilupp normali tal-ħajja familjari u professjonali tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Tali konsegwenzi ma jistgħux ikunu ipotetiċi jew eventwali. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 44).

60

F’dan ir-rigward għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk din id-deċiżjoni tkunx iġġustifikata meta mqabbla mal-gravità tal-ksur imwettaq mill-persuna kkonċernata kif ukoll mal-possibbiltà li din terġa’ tirkupra n-nazzjonalità oriġinali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 56).

61

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ta’ proporzjonalità, huma, b’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li tali telf ta’ nazzjonalità jkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ din il-karta, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta msemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel, tal-possibbiltà għal JY li tirkupra n-nazzjonalità Estonjana, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Estonjan waqt is-seduta, id-dritt Estonjan jeżiġi li l-persuna li tkun kisbet ix-xoljiment tar-rapport statali mar-Repubblika tal-Estonja, b’mod partikolari, tirrisjedi għal tmien snin f’dan l-Istat Membru sabiex tkun tista’ tirkupra n-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar.

63

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li Stat Membru ma jistax jiġi prekluż milli jirrevoka l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità tiegħu għas-sempliċi raġuni li l-persuna kkonċernata, li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tikseb din in-nazzjonalità, tkun tista’ biss diffiċilment tirkupra n-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 57).

64

It-tieni, fir-rigward tar-reati mwettqa minn JY, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ġie lmentat fil-konfront tagħha, wara li ġiet assigurata li ser tingħatalha n-nazzjonalità Awstrijaka, li wettqet żewġ reati amministrattivi serji, relatati, l-ewwel, man-nuqqas ta’ twaħħil mal-vettura tagħha tal-istiker tal-kontroll tekniku tal-vettura u, it-tieni, mas-sewqan ta’ vettura bil-mutur waqt li kienet taħt l-influwenza tal-alkoħol, kif ukoll li kienet responsabbli għal tmien reati amministrattivi mwettqa bejn l-2007 u l-2013, qabel ma ngħatatilha din l-assigurazzjoni.

65

Minn naħa, fir-rigward ta’ dawn it-tmien reati amministrattivi, għandu jiġi rrilevat li dawn kienu magħrufa fid-data li fiha ngħatat l-imsemmija assigurazzjoni u ma ostakolawx l-għoti tagħha. Għaldaqstant, l-imsemmija reati ma jistgħux jittieħdu iktar inkunsiderazzjoni sabiex iservu ta’ bażi għad-deċiżjoni ta’ revoka tal-istess assigurazzjoni.

66

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, taż-żewġ reati amministrattivi mwettqa minn JY wara li ngħatatilha l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, dawn tqiesu mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) bħala, rispettivament, li “jipperikolaw il-protezzjoni tas-sigurtà tat-traffiku pubbliku” u li “jipperikolaw b’mod partikolari s-sigurtà tal-utenti l-oħra tat-triq”. Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-ksur tal-aħħar jikkostitwixxi “ksur serju tad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni li jservu sabiex jiggarantixxu l-ordni u s-sigurtà tat-traffiku fit-triq” u jista’ “waħdu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità previsti fil-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità ma humiex issodisfatti […] mingħajr ma l-livell ta’ alkoħol fid-demm huwa deċiżiv”.

67

Il-Gvern Awstrijak indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir globali tal-applikant għal nazzjonalità, b’mod partikolari r-reati mwettqa minnu. Il-kwistjoni determinanti hija jekk dawn humiex atti illeċiti li jippermettu li jiġi konkluż li dan l-applikant ser jikser, anki fil-futur, dispożizzjonijiet essenzjali adottati bil-għan li jiġu protetti r-riskji għall-ħajja, għas-saħħa, għas-sigurtà jew għall-paċi u għall-ordni pubblika, jew sabiex jiġu protetti interessi ġuridiċi oħra msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħala ġustifikazzjoni ta’ deċiżjoni li twassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mogħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri mill-Artikolu 20 TFUE, il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika” għandhom jinftiehmu b’mod strett, peress li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 82).

69

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jippresupponi l-eżistenza, minbarra tat-tifxkil għall-ordni soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida ġenwina, attwali u biżżejjed serja, li għandha impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu u li, għalhekk, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll it-theddida għas-sopravivenza tal-popolazzjoni, bl-istess mod bħar-riskju ta’ disturb serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tan-natura u tal-gravità taż-żewġ reati amministrattivi msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza kif ukoll tar-rekwiżit li l-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika” jinstemgħu strettament, ma jidhirx li JY tippreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew thedded is-sigurtà pubblika tar-Repubblika tal-Awstrija. Ċertament, dan il-ksur jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-kodiċi tat-triq li jippreġudika s-sigurtà fit-toroq. Madankollu, kemm mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn JY kif ukoll mir-risposta tal-Gvern Awstrijak għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta jirriżulta li dawn iż-żewġ reati amministrattivi, li, barra minn hekk, wasslu għal multi relattivament minimi ta’ EUR 112 u ta’ EUR 300 rispettivament, ma kinux ta’ natura li jwasslu għall-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan ta’ JY u, għalhekk, li jipprojbixxu lil din tal-aħħar milli ssuq vettura bil-mutur fit-toroq pubbliċi.

71

Ksur tal-kodiċi tat-traffiku, punibbli b’sempliċi multi amministrattivi, ma jistax jitqies li jista’ juri li l-persuna responsabbli għal dan il-ksur tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika li tista’ tiġġustifika li t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tagħha jsir definittiv. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, f’dan il-każ, dawn ir-reati wasslu għal multi amministrattivi minuri u ma ċaħħdux lil JY mid-dritt li tkompli ssuq vettura bil-mutur fit-toroq pubbliċi.

72

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li, konformement mal-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, din tal-aħħar kienet diġà ngħatat lill-persuna kkonċernata, tali reati ma jkunux jistgħu, fihom infushom, iwasslu għal revoka tan-naturalizzazzjoni.

73

Għalhekk, fid-dawl tal-konsegwenzi sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni ta’ JY, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-iżvilupp normali tal-ħajja familjari u professjonali tagħha, li tinvolvi d-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, li għandha l-effett li tirrendi definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, din id-deċiżjoni ma tidhirx li hija proporzjonata għall-gravità tar-reati mwettqa minn din il-persuna.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati jivverifikaw jekk id-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li tirrendi definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-konsegwenzi li din tinvolvi fuq is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna. Dan ir-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jkunx issodisfatt meta tali deċiżjoni tkun motivata minn reati amministrattivi fir-rigward tal-kodiċi tat-triq, li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jinvolvu sempliċi sanzjoni pekunjarja.

Fuq l‑ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sitwazzjoni ta’ persuna li, peress li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss, tirrinunzja għal din in-nazzjonalità u titlef, minħabba f’hekk, l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni, sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, wara l-assigurazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat li din in-nazzjonalità tingħatalha, taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni meta din l-assigurazzjoni tiġi rrevokata, bl-effett li din il-persuna tiġi prekluża milli tirkupra l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

 

2)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati jivverifikaw jekk id-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li tirrendi definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-konsegwenzi li din tinvolvi fuq is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna. Dan ir-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jkunx issodisfatt meta tali deċiżjoni tkun motivata minn reati amministrattivi fir-rigward tal-kodiċi tat-triq, li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jinvolvu sempliċi sanzjoni pekunjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top