Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0109

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Ottubru 2021.
Republiken Polen vs PL Holdings Sàrl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta domstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, min-naħa l-oħra, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproċi tal-investimenti ffirmat fid‑19 ta’ Mejju 1987 – Proċedura ta’ arbitraġġ – Tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor – Klawżola ta’ arbitraġġ li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni prevista f’dan il-ftehim – Invalidità – Ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bejn il-partijiet f’din il-kawża – Parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ arbitraġġ – Manifestazzjoni taċita tar-rieda ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor li jikkonkludi dan il-ftehim ta’ arbitraġġ – Illegalità.
Kawża C-109/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:875

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, min-naħa l-oħra, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproċi tal-investimenti ffirmat fid‑19 ta’ Mejju 1987 – Proċedura ta’ arbitraġġ – Tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor – Klawżola ta’ arbitraġġ li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni prevista f’dan il-ftehim – Invalidità – Ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bejn il-partijiet f’din il-kawża – Parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ arbitraġġ – Manifestazzjoni taċita tar-rieda ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor li jikkonkludi dan il-ftehim ta’ arbitraġġ – Illegalità”

Fil-Kawża C‑109/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

Republiken Polen

vs

PL Holdings Sàrl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi (Relatriċi) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Marzu 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Republiken Polen, minn F. Hoseinian, A.‑M. Tamminen, J. Tavaststjerna u M. Wallin, advokater, assistiti minn L. Guterstam

għal PL Holdings Sàrl, minn R. Oldenstam, D. Sandberg u J. Rosell Svensson, advokater, L. Rees‑Evans, counsel, P. Paschalidis, advocate, kif ukoll minn S. Fietta, QC,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil, T. Müller, I. Gavrilova, T. Machovičová u L. Březinová, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u A. Daniel, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri u S. Fiorentino, bħala aġenti,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, A. Germeaux u T. Uri, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, C. S. Schillemans u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Rzotkiewicz, M. Martyński, B. Soloch u J. Jackowska-Majeranowska, bħala aġenti, assistiti minn J. Zasada, radca prawny,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn H. Shev, S. Hodgson, C. Meyer Seitz, A. M. Runeskjöld, H. Eklinder, R. S. Eriksson u J. Lundberg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, K. Simonsson, L. Malferrari, T. Maxian Rusche u E. Ljung Rasmussen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 267 u 344 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-Republiken Polen (ir-Repubblika tal-Polonja) u PL Holdings Sàrl rigward il-ġurisdizzjoni ta’ korp ta’ arbitraġġ li ta żewġ deċiżjonijiet arbitrali fit-tilwima bejniethom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

It-TBI

3

L-Artikolu 9 tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u l-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, min-naħa l-oħra, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproċi tal-investimenti, iffirmat fid‑19 ta’ Mejju 1987 (iktar ’il quddiem it-“TBI”), jipprevedi:

“1.   

a)

It-tilwim bejn waħda mill-Partijiet Kontraenti u investitur tal-Parti Kontraenti l-oħra għandu jkun is-suġġett ta’ notifika bil-miktub akkumpanjata minn nota ddettaljata, mibgħuta minn dan l-investitur lill-Parti Kontraenti kkonċernata.

b)

Fis-sens ta’ dan l-artikolu, it-terminu ‘tilwim’ jirreferi għat-tilwim rigward l-esproprjazzjoni, in-nazzjonalizzazzjoni jew kwalunkwe miżura oħra simili li taffettwa l-investimenti, u b’mod partikolari t-trasferiment ta’ investiment lill-proprjetà pubblika, it-tqegħid tiegħu taħt sorveljanza pubblika kif ukoll kull ċaħda jew restrizzjoni oħra ta’ drittijiet in rem permezz ta’ miżuri sovrani li jwasslu għal konsegwenzi simili għall-esproprjazzjoni.

c)

Dan it-tilwim għandu, kemm jista’ jkun, jiġi solvut b’mod bonarju bejn iż-żewġ partijiet ikkonċernati.

2.   Jekk it-tilwima ma tkunx tista’ tiġi riżolta fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1, din għandha titressaq, skont l-għażla tal-investitur, għall-arbitraġġ quddiem wieħed mill-korpi indikati hawn taħt:

a)

l-Istitut għall-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma [iktar ’il quddiem is-‘SCC’];

[…]

5.   Il-korp ta’ arbitraġġ għandu jiddeċiedi fuq il-bażi:

tad-dritt nazzjonali tal-Parti Kontraenti li tkun parti fil-kawża, li fit-territorju tagħha jkun jinsab l-investiment, inklużi r-regoli dwar il-kunflitti ta’ liġijiet;

tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim;

tat-termini tal-impenn partikolari li jkun sar fir-rigward tal-investiment;

tar-regoli u prinċipji tad-dritt internazzjonali ġeneralment aċċettati.

6.   Id-deċiżjonijiet arbitrali għandhom ikunu definittivi u obbligatorji għall-partijiet fit-tilwima. Kull Parti Kontraenti timpenja ruħha li teżegwixxi d-deċiżjonijiet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha.”

Il-Ftehim għat-Terminazzjoni ta’ Trattati Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

4

L-Artikolu 4(1) tal-Ftehim għat-Terminazzjoni ta’ Trattati Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, L 169, p. 1) jipprevedi:

“Il-Partijiet Kontraenti b’dan jikkonfermaw li l-Klawsoli ta’ Arbitraġġ [bejn investitur u Stat li jinsab fi trattat bilaterali ta’ investiment] imorru kontra t-Trattati tal-UE u għalhekk ma japplikawx. Minħabba din l-inkompatibbiltà bejn il-Klawsoli ta’ Arbitraġġ u t-Trattati tal-UE, mid-data minn meta l-aħħar waħda mill-partijiet għat-Trattat Bilaterali dwar l-Investiment tkun saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Klawsola ta’ Arbitraġġ f’tali Trattat Bilaterali dwar l-Investiment ma tistax isservi bħala l-bażi ġuridika għal Proċedimenti ta’ Arbitraġġ.”

5

L-Artikolu 7 ta’ dan il-ftehim jiddisponi:

“Fejn il-Partijiet Kontraenti jkunu partijiet għal Trattati Bilaterali dwar l-Investiment li abbażi tagħhom ikunu nbdew Proċedimenti ta’ Arbitraġġ Pendenti jew Proċedimenti ta’ Arbitraġġ Ġodda, huma għandhom:

(a)

jinformaw, f’kooperazzjoni bejniethom u abbażi tad-dikjarazzjoni fl-Anness C, lit-tribunali ta’ arbitraġġ dwar il-konsegwenzi legali tas-sentenza [tas‑6 ta’ Marzu 2018,] Achmea [(C‑284/16, EU:C:2018:158),] kif deskritt fl-Artikolu 4; u

(b)

fejn ikunu parti għal proċedimenti ġudizzjarji dwar deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun inħarġet abbażi ta’ Trattat Bilaterali dwar l-Investiment, jitolbu lill-qorti nazzjonali kompetenti, inkluż fi kwalunkwe pajjiż terz, skont il-każ, biex topponi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, tannullaha jew li żżomm lura milli tirrikonoxxiha u timplimentaha.”

Id-dritt Svediż

Il-Liġi dwar l-Arbitraġġ

6

L-Artikolu 1 tal-lag om skiljeförfarande (il-Liġi dwar il-Proċeduri ta’ Arbitraġġ) (SFS 1999, Nru 116), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Arbitraġġ”), huwa fformulat kif ġej:

“It-tilwim relatat ma’ materji li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim bonarju bejn il-partijiet jistgħu, permezz ta’ ftehim bejniethom, jitressqu quddiem arbitru wieħed jew iktar bil-għan tar-riżoluzzjoni tagħhom. Tali ftehim jista’ jirrigwarda tilwim futur dwar relazzjoni ġuridika msemmija fil-Ftehim. It-tilwim jista’ jirrigwarda l-eżistenza ta’ fatt partikolari.

[…]”

7

L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Arbitraġġ jipprevedi:

“L-arbitri jistgħu jeżaminaw jekk għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu t-tilwima.

Jekk l-arbitri, permezz ta’ deċiżjoni, ikkonkludew li huma kellhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu t-tilwima, il-parti mhux sodisfatta b’din id-deċiżjoni tista’ titlob li l-kwistjoni tiġi eżaminata minn qorti tal-appell. Dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat mhux iktar tard minn tletin jum wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lil din il-parti. L-arbitri jistgħu jkomplu l-proċedura ta’ arbitraġġ, fl-istennija tad-deċiżjoni mogħtija fl-appell.

Fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni arbitrali li tinkludi deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni, għandhom japplikaw l-Artikoli 34 u 36.”

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Deċiżjoni arbitrali hija nulla u bla effett

1)

jekk hija tinkludi l-eżami ta’ kwistjoni li, fid-dritt Svediż, ma tistax tiġi deċiża minn arbitri,

2)

jekk id-deċiżjoni arbitrali jew il-mod kif ingħatat huma manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku Svediż, jew

[…]”

9

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 34 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Parti ma għandhiex id-dritt tinvoka fatt li hija titqies li astjeniet milli tinvoka billi pparteċipat fil-proċedura mingħajr ma qajmet oġġezzjoni fir-rigward tagħha jew b’xi mod ieħor. Is-sempliċi fatt li parti tkun ħatret arbitru ma jimplikax neċessarjament li hija aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-arbitri sabiex jiddeċiedu fuq id-domanda magħmula. […]”

10

Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, mix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 34 tal-istess liġi jirriżulta li parti fil-proċedura li ma tqajjimx oġġezzjoni mill-bidu għall-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ arbitraġġ hija, b’mod ġenerali, meqjusa li aċċettat il-ġurisdizzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex jieħu konjizzjoni tat-tilwima. Il-fatt li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra l-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ jista’ wkoll jitqies bħala li jista’ jobbliga lill-partijiet jirrikorru għall-arbitraġġ abbażi tad-dritt tal-kuntratti. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika f’dan ir-rigward li, skont ir-regoli ġenerali ta’ dan id-dritt, ftehim ta’ arbitraġġ validu jista’ jirriżulta, pereżempju, mill-aġir impliċitu tal-partijiet jew min-nuqqas ta’ azzjoni ta’ waħda minnhom.

Ir-Regoli dwar l-Arbitraġġ

11

Skont l-Artikolu 2 tar-Regoli dwar l-Arbitraġġ tal-Istitut għall-Arbitraġġ tas-SCC tal‑2010, talba għal arbitraġġ għandha tinkludi b’mod partikolari “kopja jew deskrizzjoni tal-ftehim ta’ arbitraġġ jew tal-klawżola ta’ arbitraġġ invokata għas-soluzzjoni tat-tilwima”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

PL Holdings hija kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż u inkorporata fil-Lussemburgu. Matul is-snin 2010 sa 2013, hija akkwistat azzjonijiet f’żewġ banek Pollakki. Peress li dawn tal-aħħar ingħaqdu fl‑2013, PL Holdings saret proprjetarja ta’ 99 % tal-azzjonijiet tal-bank il-ġdid li rriżulta minn din l-amalgamazzjoni.

13

Fix-xahar ta’ Lulju tal‑2013, il-Komisja Nadzoru Finansowego (il-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju, il-Polonja), korp stabbilit taħt id-dritt Pollakk responsabbli għas-superviżjoni ta’ banek u istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Polonja, iddeċidiet li tissospendi d-drittijiet tal-vot marbuta mal-azzjonijiet ta’ PL Holdings fi ħdan dan il-bank il-ġdid u ordnatilha tbigħ l-azzjonijiet b’mod obbligatorju.

14

PL Holdings iddeċidiet li tibda proċedura ta’ arbitraġġ kontra r-Repubblika tal-Polonja quddiem tribunal ta’ arbitraġġ ikkostitwit fl-Istitut għall-Arbitraġġ tas-SCC (iktar ’il quddiem it-“Tribunal tal-Arbitraġġ”).

15

Permezz tat-talba tagħha tat‑28 ta’ Novembru 2014, PL Holdings invokat l-Artikolu 9 tat-TBI sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni ta’ dan it-tribunal biex jieħu konjizzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija talbet lill-imsemmi tribunal jikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja kienet kisret it-TBI u jikkundanna lil dan l-Istat Membru għall-ħlas tad-danni.

16

Fit‑30 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għal din it-talba, billi bagħtet ittra lis-segretarjat tas-SCC li fiha esprimiet l-intenzjoni tagħha li tikkontesta l-eżistenza tal-kunsens validu tagħha għall-proċedura ta’ arbitraġġ mibdija minn PL Holdings.

17

Fis‑7 ta’ Awwissu 2015, PL Holdings ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ, fejn spjegat b’mod partikolari l-ilmenti tagħha dwar il-miżuri msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza.

18

Fir-risposta tagħha tat‑13 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ minħabba li PL Holdings ma kinitx “investitur”, fis-sens tat-TBI.

19

Permezz ta’ nota tas‑27 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika tal-Polonja invokat argument supplimentari sabiex tikkontesta l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ, ibbażat fuq il-fatt li l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

20

Permezz tad-deċiżjoni arbitrali parzjali tat‑28 ta’ Ġunju 2017, it-Tribunal tal-Arbitraġġ iddikjara ruħu li għandu ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 9 tat-TBI. Dan it-tribunal ikkonstata li, billi ordnat il-bejgħ forzat tal-ishma ta’ PL Holdings fil-bank Pollakk il-ġdid, ir-Repubblika tal-Polonja kienet kisret it-TBI u li PL Holdings setgħet għalhekk titlob id-danni.

21

Permezz tad-deċiżjoni arbitrali definittiva tat‑28 ta’ Settembru 2017, it-Tribunal tal-Arbitraġġ ikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas danni lil PL Holdings u kkundanna lill-imsemmija Repubblika tal-Polonja wkoll għall-ispejjeż sostnuti minn PL Holdings fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ.

22

Fit‑28 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat rikors quddiem is-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet arbitrali tat‑28 ta’ Ġunju u tat‑28 ta’ Settembru 2017.

23

Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija sostniet, qabelxejn, li l-Artikoli 267 u 344 TFUE jipprekludu li tilwima bejn investitur ta’ Stat Membru u Stat Membru ieħor li jkollha bħala suġġett investimenti titressaq quddiem korp ta’ arbitraġġ. Għalhekk, l-Artikolu 9 tat-TBI jmur allegatament kontra d-dritt tal-Unjoni, li jimplika li d-deċiżjonijiet arbitrali mogħtija abbażi ta’ dan l-artikolu jmorru kontra l-ordni pubbliku tal-Unjoni u huma, konsegwentement, invalidi, skont il-punti 1 u 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tal-Liġi dwar l-Arbitraġġ. Peress li l-invalidità ta’ dawn id-deċiżjonijiet arbitrali tirriżulta direttament mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tkun tista’ titqajjem ex officio mill-qorti.

24

Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja tgħid li kkontestat, fit-terminu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 34 tal-Liġi dwar l-Arbitraġġ, il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ billi invokat l-invalidità tal-Artikolu 9 tat-TBI. Fi kwalunkwe każ, fil-każ li l-applikazzjoni ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 34 kellha twassal għall-inammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mir-Repubblika tal-Polonja, din id-dispożizzjoni għandha tiġi miċħuda sa fejn tostakola l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni.

25

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li hija ma kinitx irrinunzjat milli teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi dedott mill-aġir tagħha, adottat wara t-tressiq tat-talba ta’ arbitraġġ ta’ PL Holdings, l-intenzjoni taċita tagħha li tikkonkludi ma’ dan tal-aħħar ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc, minbarra l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI.

26

PL Holdings ikkontestat l-argument tar-Repubblika tal-Polonja. Hija sostniet li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda kwistjonijiet, bħalma huma l-ksur mir-Repubblika tal-Polonja tal-obbligi tagħha skont it-TBI kif ukoll id-dritt tagħha għal kumpens, li jistgħu jiġu deċiżi permezz ta’ arbitraġġ, skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar l-Arbitraġġ.

27

Issa, PL Holdings issostni li l-Artikolu 9 tat-TBI jikkostitwixxi “offerta ta’ arbitraġġ” valida magħmula mir-Repubblika tal-Polonja, li PL Holdings aċċettat billi ressqet it-talba tagħha għal arbitraġġ. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat il-validità tal-klawżola ta’ arbitraġġ tard u l-kwistjoni dwar jekk din il-klawżola tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni ma tistax titqajjem ex officio mill-qorti.

28

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-“offerta ta’ arbitraġġ” tar-Repubblika tal-Polonja li tirriżulta mill-Artikolu 9 tat-TBI kienet invalida, jibqa’ l-fatt li ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc ġie konkluż bejn il-partijiet fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont id-dritt Svediż u l-prinċipji tal-arbitraġġ kummerċjali, fid-dawl tal-aġir ta’ dawn il-partijiet. Fil-fatt, billi għamlet talba għal arbitraġġ, PL Holdings ippreżentat offerta ta’ arbitraġġ skont l-istess modalitajiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 9 tat-TBI u r-Repubblika tal-Polonja kienet aċċettat taċitament din l-offerta billi naqset milli tikkontesta validament il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ abbażi ta’ dan il-ftehim.

29

L-iSvea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma) iddeċidiet li tiċħad fl-ewwel istanza r-rikors tar-Repubblika tal-Polonja. Din il-qorti, qabelxejn, qieset li, anki jekk is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), applikabbli, fil-fehma tagħha, għat-tilwima fil-kawża prinċipali, timplika l-invalidità tal-Artikolu 9 tat-TBI u, konsegwentement, dik tal-offerta permanenti magħmula mir-Repubblika tal-Polonja lill-investituri ta’ Stati Membri oħra, li tipprovdi li tilwima li tikkonċerna dan il-ftehim għandha tiġi deċiża minn korp ta’ arbitraġġ, tali invalidità ma tipprekludix lil Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor milli jikkonkludu, fi stadju ulterjuri, ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc sabiex isolvu din it-tilwima. Tali ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc huwa bbażat fuq ir-rieda komuni tal-partijiet fl-imsemmija tilwima u huwa konkluż skont l-istess prinċipji bħal proċedura ta’ arbitraġġ kummerċjali.

30

Sussegwentement, id-deċiżjonijiet arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jirrigwardaw kwistjonijiet li jistgħu jiġu deċiżi permezz ta’ arbitraġġ u l-kontenut tagħhom ma kienx imur kontra l-ordni pubbliku, b’tali mod li ma kienx hemm lok li dawn jiġu annullati abbażi tal-punti 1 jew 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tal-Liġi dwar l-Arbitraġġ.

31

Fl-aħħar nett, il-kontestazzjoni, mir-Repubblika tal-Polonja, tal-validità tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI kienet tardiva u għalhekk iddekadiet, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 34 tal-Liġi dwar l-Arbitraġġ.

32

Adita mir-Repubblika tal-Polonja b’appell mid-deċiżjoni tas-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma), il-qorti tar-rinviju, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja), tqis li huwa stabbilit li l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, hija tqis neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-pożizzjonijiet tal-partijiet, li ġew irrepetuti quddiemha, peress li l-mod kif għandhom jiġu interpretati, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ma huwiex ċar.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 267 u 344 TFUE, kif interpretati mis-sentenza [tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158)], ifissru li ftehim ta’ arbitraġġ ikun invalidu jekk ikun ġie konkluż bejn Stat Membru u investitur — fejn ftehim ta’ investiment ikun fih klawżola ta’ arbitraġġ li tkun invalida b’riżultat tal-fatt li l-kuntratt kien ġie konkluż bejn żewġ Stati Membri — [minħabba] li l-Istat Membru, wara li nbdew proċeduri ta’ arbitraġġ mill-investitur, iżomm lura, bir-rieda ħielsa tal-Istat, milli jqajjem eċċezzjonijiet fir-rigward tal-ġurisdizzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

34

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit, fil-kawża prinċipali, li l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI hija invalida minħabba li tippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, l-effett sħiħ tiegħu u l-applikazzjoni uniformi tiegħu, u li ebda proċedura ta’ arbitraġġ ma tista’ tinbeda b’mod validu abbażi ta’ din il-klawżola ta’ arbitraġġ.

36

Minkejja li PL Holdings, inizjalment, bdiet proċedura ta’ arbitraġġ kontra r-Repubblika tal-Polonja abbażi tal-Artikolu 9 tat-TBI, hija mbagħad affermat li t-talba tagħha għal arbitraġġ, minflok ma tikkostitwixxi l-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ arbitraġġ tar-Repubblika tal-Polonja li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI, kellha titqies bħala li tikkostitwixxi offerta ta’ arbitraġġ bl-istess kontenut li r-Repubblika tal-Polonja kienet impliċitament aċċettat peress li din tal-aħħar ma kkontestatx validament il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ fit-terminu previst għal dan il-għan mid-dritt Svediż, applikabbli għal din il-proċedura ta’ arbitraġġ. Dan il-ftehim għalhekk issostitwixxa l-imsemmija klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntest tat-TBI, li kompliet tapplika għall-istess proċedura ta’ arbitraġġ fuq din il-bażi legali ġdida. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet finalment ikkundannata għall-ksur tat-TBI.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil Stat Membru jikkonkludi ma’ investitur ta’ Stat Membru ieħor ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc li jirrendi possibbli t-tkomplija ta’ proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ b’kontenut identiku għal dan il-ftehim, li tinsab fi ftehim internazzjonali konkluż bejn dawn iż-żewġ Stati Membri u li hija invalida minħabba li tmur kontra dawn l-artikoli.

38

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li, fid-dawl tal-invalidità tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI, ir-Repubblika tal-Polonja kienet taċitament aċċettat, abbażi tad-dritt Svediż applikabbli, l-offerta ta’ arbitraġġ ta’ PL Holdings billi naqset milli tikkontesta fi żmien xieraq il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ u għalhekk ikkonkludiet ma’ din tal-aħħar ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc distint, iżda ta’ kontenut identiku għall-klawżola ta’ arbitraġġ ibbażata fuq l-Artikolu 9 tat-TBI.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti għandha ssir mill-qorti nazzjonali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għaldaqstant, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, minn qabel, il-punti ta’ fatt kollha li jirrigwardaw is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tiġi stabbilita l-eventwali eżistenza tar-rieda tar-Repubblika tal-Polonja, li din tal-aħħar tikkontesta, li taċċetta l-offerta ta’ arbitraġġ ta’ PL Holdings.

41

Madankollu għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha fid-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ikkontestat mill-bidu l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ abbażi tat-TBI. B’dan il-mod, hija, qabel kollox, uriet, fl-ittra tagħha tat‑30 ta’ Novembru 2014 indirizzata lis-segretarjat tas-SCC, l-intenzjoni tagħha li ssostni l-ineżistenza ta’ kwalunkwe ftehim ta’ arbitraġġ validu. Sussegwentement, hija kkontestat, fir-risposta tagħha tat‑13 ta’ Novembru 2015 ippreżentata quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ, il-ġurisdizzjoni ta’ dan tal-aħħar, minħabba li PL Holdings allegatament ma kinitx “investitur”, fis-sens tat-TBI. Fl-aħħar nett, fin-nota tagħha tas‑27 ta’ Mejju 2016, xi jiem wara t-tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), hija sostniet li t-Tribunal tal-Arbitraġġ ma kellux ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba l-invalidità tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI, li kienet l-unika bażi li PL Holdings użat sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għal arbitraġġ, peress li din il-klawżola kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

42

F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet li r-Repubblika tal-Polonja qajmet matul il-proċedura arbitrali kollha sabiex tiġi stabbilita l-eventwali eżistenza tar-rieda ta’ dan l-Istat Membru li jikkonkludi, minkejja l-invalidità tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI u, għaldaqstant, il-bażi legali invokata minn PL Holdings sabiex tibda l-proċedura ta’ arbitraġġ, ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc b’kontenut identiku għal din il-klawżola. B’mod partikolari, din il-qorti għandha tiżgura ruħha li t-talba ta’ arbitraġġ ta’ PL Holdings tat‑28 ta’ Novembru 2014, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regoli dwar l-Arbitraġġ tas-SCC tal‑2010, tippermetti, flimkien mal-aġir sussegwenti tar-Repubblika tal-Polonja, li tiġi dedotta b’mod ċar l-eżistenza ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bejn dan l-investitur u r-Repubblika tal-Polonja, u li din tal-aħħar kienet għalhekk f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod utli l-validità ta’ dan il-ftehim quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ.

43

Huwa biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li r-Repubblika tal-Polonja effettivament tat il-kunsens tagħha b’mod taċitu li tkun marbuta b’tali ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc, li l-kontenut tiegħu kien identiku għal dak tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI, li għandu jiġi vverifikat jekk il-konklużjoni ta’ tali ftehim f’tali kundizzjonijiet hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni fi ftehim internazzjonali konkluż bejn żewġ Stati Membri li tipprovdi li investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, jibda proċedura kontra dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar quddiem tribunal tal-arbitraġġ, li dan l-Istat Membru obbliga ruħu li jaċċetta l-ġurisdizzjoni tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 60).

45

Fil-fatt, permezz tal-konklużjoni ta’ tali ftehim, l-Istati Membri partijiet f’dan il-ftehim jaqblu li jneħħu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati proprji tagħhom u, għaldaqstant, mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbligahom li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34), tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt. Tali ftehim jista’, għaldaqstant, jipprekludi li tittieħed deċiżjoni dwar dan it-tilwim b’mod li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tal-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Komstroy, C‑741/19, EU:C:2021:655, punti 5960 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Huwa stabbilit li l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 9 tat-TBI tista’, bħal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), twassal lil korp ta’ arbitraġġ jiddeċiedi f’tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din il-klawżola ta’ arbitraġġ hija tali li tippreġudika, minbarra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-preżervazzjoni tan-natura proprja tad-dritt tal-Unjoni, żgurata mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE. L-imsemmija klawżola għalhekk ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE u tippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni stabbilita, b’mod partikolari, fl-Artikolu 344 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 5859). Barra minn hekk, kif jikkonferma l-Artikolu 4(1) tal-ftehim dwar l-estinzjoni tat-trattati bilaterali ta’ investiment bejn Stati Membri tal-Unjoni, mid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 9 tat-TBI ma setax jibqa’ jservi bħala bażi għal proċedura ta’ arbitraġġ bejn investitur u dan l-Istat Membru.

47

Issa, il-fatt li Stat Membru, li huwa parti f’tilwima li tista’ tirrigwarda l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jingħata l-possibbiltà li jressaq din it-tilwima quddiem korp ta’ arbitraġġ li għandu l-istess karatteristiċi bħal dak previst minn klawżola ta’ arbitraġġ invalida li tinsab fi ftehim internazzjonali bħal dak imsemmi fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc bl-istess kontenut bħal din il-klawżola, iwassal fir-realtà għal evażjoni mill-obbligi li jirriżultaw għal dan l-Istat Membru mit-Trattati u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll mill-Artikoli 267 u 344 TFUE, kif interpretati fis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158).

48

Fil-fatt, qabelxejn, tali ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc jipproduċi, fir-rigward tat-tilwima li fil-kuntest tagħha dan ġie konkluż, l-istess effetti bħal dawk marbuta ma’ tali klawżola. Ir-raġuni wara dan il-ftehim hija preċiżament li tiġi ssostitwita l-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’dispożizzjoni bħall-Artikolu 9 tat-TBI sabiex jinżammu l-effetti tagħha minkejja l-invalidità ta’ din.

49

Sussegwentement, kif il-Kummissjoni Ewropea rrilevat ġustament, il-konsegwenzi ta’ din l-evażjoni tal-Istat Membru kkonċernat mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza ma humiex inqas serji minħabba li dan huwa każ individwali. Fil-fatt, l-approċċ ġuridiku previst minn PL Holdings jista’ jiġi adottat f’numru kbir ta’ kawżi li jistgħu jikkonċernaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk jippreġudika b’mod repetut l-awtonomija ta’ dan id-dritt.

50

Għandu jiġi rrilevat ukoll li kull talba għal arbitraġġ indirizzata lil Stat Membru minn investitur ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fi trattat bilaterali ta’ investiment bejn dawn iż-żewġ Stati Membri tista’, minkejja l-invalidità ta’ din il-klawżola, tinkludi offerta ta’ arbitraġġ lill-Istat Membru konvenut ikkonċernat, li jista’ mbagħad jitqies bħala li aċċetta din l-offerta mis-sempliċi fatt li naqas milli jsostni argumenti speċifiċi kontra l-eżistenza ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc. Issa, tali sitwazzjoni jkollha bħala konsegwenza li żżomm l-effetti tal-impenn, meħud minn dan l-Istat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk invalidu, li jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ arbitraġġ adit.

51

Barra minn hekk, il-validità tal-bażi għall-ġurisdizzjoni ta’ korp ta’ arbitraġġ, fid-dawl tal-Artikoli 267 u 344 TFUE, ma tistax tiddependi mill-aġir tal-partijiet fit-tilwima kkonċernata, u b’mod partikolari minn dak tal-Istat Membru li kiser dawn l-artikoli, li wassal għall-invalidità tal-klawżola ta’ arbitraġġ li abbażi tagħha ġie adit dan il-korp ta’ arbitraġġ. Issa, jekk jiġi dedott mill-aġir ta’ Stat Membru li dan tal-aħħar wera rieda kwalunkwe li jirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-imsemmi korp ta’ arbitraġġ, din ir-rieda tkun tikkoinċidi neċessarjament ma’ dik espressa meta ġiet stabbilita din il-klawżola ta’ arbitraġġ u għalhekk ma tistax tkun il-bażi ta’ din il-ġurisdizzjoni.

52

Fl-aħħar nett, kemm mis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), kif ukoll mill-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li l-Istati Membri mhux biss ma jistgħux jimpenjaw ruħhom li jneħħu mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni t-tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li, meta tali tilwim jitressaq quddiem korp ta’ arbitraġġ bis-saħħa ta’ impenn li jmur kontra l-imsemmi dritt, huma obbligati jikkontestaw, quddiem dan il-korp ta’ arbitraġġ jew quddiem il-qorti kompetenti, il-validità tal-klawżola ta’ arbitraġġ jew tal-ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc li abbażi tagħhom l-imsemmi korp ġie adit.

53

Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-Artikolu 7(b) tal-ftehim dwar l-estinzjoni tat-trattati bilaterali ta’ investiment bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li, meta l-partijiet kontraenti jkunu partijiet fi trattati bilaterali ta’ investiment li abbażi tagħhom tkun infetħet proċedura ta’ arbitraġġ pendenti, dawn għandhom b’mod partikolari, meta jkunu parti fi proċedura ġudizzjarja dwar deċiżjoni arbitrali mogħtija abbażi ta’ trattat bilaterali ta’ investiment, jitolbu lill-qorti nazzjonali kompetenti tannulla din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew tastjeni milli tirrikonoxxiha u milli tipproċedi bl-eżekuzzjoni tagħha, skont il-każ. Din ir-regola hija applikabbli mutatis mutandis għal sitwazzjoni li fiha l-proċedura ta’ arbitraġġ oriġinarjament mibdija abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li hija invalida minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni titkompla abbażi ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc konkluż mill-partijiet skont id-dritt nazzjonali applikabbli u li l-kontenut tiegħu jkun identiku għal dak ta’ din il-klawżola.

54

B’dan il-mod, kull tentattiv ta’ Stat Membru li jirrimedja l-invalidità ta’ klawżola ta’ arbitraġġ permezz ta’ kuntratt ma’ investitur ta’ Stat Membru ieħor ikun imur kontra l-obbligu tal-ewwel Stat Membru li jikkontesta l-validità tal-klawżola ta’ arbitraġġ u għalhekk jista’ jivvizzja b’illegalità r-raġuni nnifisha li għaliha sar dan il-kuntratt peress li din tmur kontra d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li għandha tilqa’ talba għall-annullament ta’ deċiżjoni arbitrali meħuda abbażi ta’ ftehim ta’ arbitraġġ li jikser l-Artikoli 267 u 344 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

56

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil Stat Membru jikkonkludi ma’ investitur ta’ Stat Membru ieħor ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc li jirrendi possibbli t-tkomplija ta’ proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ b’kontenut identiku għal dan il-ftehim, li tinsab fi ftehim internazzjonali konkluż bejn dawn iż-żewġ Stati Membri u li hija invalida minħabba li tmur kontra dawn l-istess artikoli.

Fuq it-talba għal-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza li ser tingħata

57

PL Holdings talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li din tal-aħħar tiddeċiedi li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ftehim ta’ arbitraġġ konkluż bejn Stat Membru u investitur privat ta’ Stat Membru ieħor, tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza li hija ser tagħti sabiex din ma taffettwax il-proċeduri ta’ arbitraġġ li jkunu nbdew bona fide abbażi ta’ ftehimiet ta’ arbitraġġ ad hoc u mitmuma qabel l-għoti ta’ din is-sentenza.

58

Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar din it-talba, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li fih hija daħlet fis-seħħ. Minn dan isegwi li r-regola interpretata b’dan il-mod tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi li jinħolqu u li jiġu stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni sakemm, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ din ir-regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu ssodisfatti (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti, C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jkollha tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti, C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi, b’mod partikolari fejn kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti, b’mod partikolari, għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u fejn kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li eventwalment ikkontribwixxa għaliha l-aġir innifsu adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti, C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Għandu jitfakkar ukoll li limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti abbażi tal-Artikolu 267 TFUE tista’ tiġi ammessa biss fis-sentenza nnifisha li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba. Dan il-prinċipju jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri u ta’ individwi oħrajn suġġetti għad-dritt tal-Unjoni u fl-istess waqt jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Herst, C‑401/18, EU:C:2020:295, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-kriterju relatat mal-bona fide, PL Holdings issostni li din il-kawża hija l-ewwel waħda li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tieħu pożizzjoni dwar il-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Waqt il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim ta’ arbitraġġ, xejn ma kien jindika li dan kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), biss wara li d-deċiżjonijiet arbitrali tat‑28 ta’ Ġunju u tat‑28 ta’ Settembru 2017 kienu ngħataw. Barra minn hekk, PL Holdings ibbażat ruħha fuq l-aġir tar-Repubblika tal-Polonja, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ din fil-proċedura ta’ arbitraġġ, mingħajr ma qajmet fi żmien xieraq eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

63

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kriterju marbut mat-tfixkil serju, PL Holdings issostni li s-sentenza li ser tingħata tista’ taffettwa numru kbir ta’ atturi individwali li kkonkludew ftehimiet ta’ arbitraġġ ma’ Stati Membri fil-kuntest ta’ tipi differenti ta’ kuntratti. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-kunċett ta’ “tfixkil serju” ma jistax ikopri sitwazzjoni li fiha kumpannija stabbilita fl-Unjoni, bħal PL Holdings, li aġixxiet in bona fide, kienet inizjalment is-suġġett ta’ esproprjazzjoni illegali bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari bi ksur tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha ggarantita fl-Artikoli 49 u 54 TFUE, u sussegwentement ġiet imċaħħda mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

64

F’dan ir-rigward, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tagħha, l-elementi ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 267 u 344 TFUE rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża jirriżultaw direttament mis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-effetti ratione temporis tagħha.

65

Fil-fatt, li Stat Membru jitħalla jissostitwixxi klawżola ta’ arbitraġġ, li tinsab fi ftehim internazzjonali bejn Stati Membri, bil-konklużjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc, sabiex jirrendi possibbli t-tkomplija ta’ proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ din il-klawżola, ikun ifisser, kif ġie kkunsidrat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li jiġu evitati l-obbligi ta’ dan l-Istat Membru li jirriżultaw mit-Trattati u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4(3) TUE u mill-Artikoli 267 u 344 TFUE, kif interpretati fis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158).

66

Għalhekk, limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza tkun timplika, fir-realtà, il-limitazzjoni tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158).

67

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tfixkil serju allegat, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward, minn naħa, tal-allegat impatt li din is-sentenza jista’ jkollha fuq il-ftehimiet ta’ arbitraġġ konklużi mill-Istati Membri għal tipi differenti ta’ kuntratti, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija f’din is-sentenza tirreferi biss għall-ftehimiet ta’ arbitraġġ ad hoc konklużi f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u miġbura fil-qosor b’mod partikolari fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

68

Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet suġġettivi li PL Holdings għandha abbażi tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi żgurata fil-kuntest tas-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri, f’dan il-każ, is-sistema ġudizzjarja Pollakka. Għaldaqstant, jekk jitqies li hija stabbilita lakuna fil-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, kif allegat minn PL Holdings, din il-lakuna għandha tiġi korretta fi ħdan din is-sistema, jekk ikun il-każ bil-kooperazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, mingħajr ma tali lakuna tista’ tiġġustifika li jiġi ttollerat il-ksur tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji fundamentali msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba ta’ PL Holdings intiża sabiex l-effetti tas-sentenza li ser tingħata jkunu limitati ratione temporis, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi vverifikata l-bona fide tagħha.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil Stat Membru jikkonkludi ma’ investitur ta’ Stat Membru ieħor ftehim ta’ arbitraġġ ad hoc li jirrendi possibbli t-tkomplija ta’ proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ b’kontenut identiku għal dan il-ftehim, li tinsab fi ftehim internazzjonali konkluż bejn dawn iż-żewġ Stati Membri u li hija invalida minħabba li tmur kontra dawn l-istess artikoli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Top