EUR-Lex L'accès au droit de l'Union européenne

Retour vers la page d'accueil d'EUR-Lex

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 62020CJ0083

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022.
BPC Lux 2 Sàrl et vs Banco de Portugal et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Unjoni bankarja – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti ta’ investiment – Artikoli 36, 73 u 74 – Protezzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri – Implimentazzjoni parzjali qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni – Traspożizzjoni bi stadji – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 17(1) – Dritt għall-proprjetà.
Kawża C-83/20.

Recueil – Recueil général

Identifiant ECLI: ECLI:EU:C:2022:346

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Unjoni bankarja – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti ta’ investiment – Artikoli 36, 73 u 74 – Protezzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri – Implimentazzjoni parzjali qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni – Traspożizzjoni bi stadji – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 17(1) – Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawża C‑83/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

BPC Lux 2 Sàrl,

BPC UKI LP,

Bennett Offshore Restructuring Fund Inc.,

Bennett Restructuring Fund LP,

Queen Street Limited,

BTG Pactual Global Emerging Markets and Macro Master Fund LP,

BTG Pactual Absolute Return II Master Fund LP,

CSS LLC,

Beltway Strategic Opportunities Fund LP,

EJF Debt Opportunities Master Fund LP,

TP Lux HoldCo Sàrl,

VR Global Partners LP,

CenturyLink Inc. Defined Benefit Master Trust,

City of New York Group Trust,

Dignity Health,

GoldenTree Asset Management Lux Sàrl,

GoldenTree High yield Value Fund Offshore 110 Two Ltd,

San Bernardino County Employees Retirement Association,

EJF DO Fund (Cayman) LP,

Massa Insolvente da Espírito Santo Financial Group SA

vs

Banco de Portugal,

Banco Espírito Santo SA,

Novo Banco SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, I. Ziemele (Relatriċi), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Massa Insolvente da Espírito Santo Financial Group SA, minn D. Duarte Campos, T. Duarte u R. Oliveira, advogados, kif ukoll minn P. Brito, J. Schmid Moura u S. Estima Martins, advogadas,

għal BPC Lux 2 Sàrl, BPC UKI LP, Bennett Offshore Restructuring Fund Inc., Bennett Restructuring Fund LP, Queen Street Limited, BTG Pactual Global Emerging Markets and Macro Master Fund LP, BTG Pactual Absolute Return II Master Fund LP, CSS LLC, Beltway Strategic Opportunities Fund LP, EJF Debt Opportunities Master Fund LP, TP Lux HoldCo Sàrl, VR Global Partners LP, CenturyLink Inc. Defined Benefit Master Trust, City of New York Group Trust, Dignity Health, GoldenTree Asset Management Lux Sàrl, GoldenTree High Yield Value Fund Offshore 110 Two Ltd, San Bernardino County Employees Retirement Association u EJF DO Fund (Cayman) LP, minn N. da Costa Silva Vieira u M. Marques Mendes, advogados, kif ukoll minn D. Guimarães u A. Dias Henriques, advogadas,

għal Banco de Portugal, minn T. Rosado, R. Esteves de Oliveira u P. Moura Pinheiro, advogados, kif ukoll minn T. Tönnies, advogada,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, S. Jaulino, J. Marques u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis, B. Rechena u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 36, 73 u 74 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), kif ukoll tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BPC Lux 2 Sàrl, BPC UKI LP, Bennett Offshore Restructuring Fund Inc., Bennett Restructuring Fund LP, Queen Street Limited, BTG Pactual Global Emerging Markets and Macro Master Fund LP, BTG Pactual Absolute Return II Master Fund LP, CSS LLC, Beltway Strategic Opportunities Fund LP, EJF Debt Opportunities Master Fund LP, TP Lux HoldCo Sàrl, VR Global Partners LP, CenturyLink Inc. Defined Benefit Master Trust, City of New York Group Trust, Dignity Health, GoldenTree Asset Management Lux Sàrl, GoldenTree High Yield Value Fund Offshore 110 Two Ltd, San Bernardino County Employees Retirement Association u EJF DO Fund (Cayman) LP (iktar ’il quddiem “BPC Lux 2 et”) kif ukoll Massa Insolvente da Espírito Santo Financial Group SA (iktar ’il quddiem “Massa Insolvente”) u Banco de Portugal, Banco Espírito Santo SA (iktar ’il quddiem “BES”) u Novo Banco SA, dwar id-deċiżjoni, meħuda minn Banco de Portugal fit‑3 ta’ Awwissu 2014, li jipproċedi għar-riżoluzzjoni ta’ BES.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Valwazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni” jipprovdi:

“1.   Qabel ma jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew jeżerċitaw is-setgħa tal-valwazzjoni negattiva jew tal-konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) minn persuna indipendenti minn ta’ awtorità pubblika, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1). […]

[…]

4.   L-għanijiet tal-valwazzjoni għandhom ikunu:

[…]

(e)

meta tiġi applikata l-għodda ta’ istituzzjoni transitorja jew l-għodda tas-separazzjoni tal-assi, tipprovdi informazzjoni biex tittieħed id-deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet[, l-ishma] jew l-istrumenti ta’ sjieda [titoli oħra ta’ proprjetà] li għandhom jiġu ttrasferiti u d-deċiżjoni dwar il-valur ta’ kwalunkwe konsiderazzjoni li għandha tingħata lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lill-azzjonisti [jew proprjetarji ta’ titoli oħra ta’ proprjetà];

[…]

10.   Valwazzjoni li ma tikkonformax mar-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu għandha titqies bħala provviżorja sakemm persuna indipendenti tkun wettqet valwazzjoni li tkun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu. Dik il-valwazzjoni ex post definittiva għandha titwettaq hekk malli jkun prattikabbli. Tista’ titwettaq separatament jew flimkien mal-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 74 jew simultanjament miegħu u mal-istess persuna indipendenti bħal dik il-valwazzjoni, iżda għandha tkun distinta minnha.

[…]”

4

L-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trattament tal-azzjonisti u l-kredituri f’każ ta’ trasferimenti parzjali u l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna” huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tiġi applikata għodda waħda jew aktar ta’ riżoluzzjoni u, b’mod partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 75:

(a)

ħlief meta japplika l-punt (b), fejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jittrasferixxu biss partijiet mid-drittijiet, l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-azzjonisti u dawk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ma jkunux ġew ittrasferiti, jirċievu b’risarċiment għall-pretensjonijiet tagħhom mill-inqas kemm kieku kienu jirċievu kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza jew meta d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 82 ittieħdet;

(b)

fejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni japplikaw l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, l-azzjonisti u l-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew valwati negattivament jew ikkonvertiti f’ekwità ma jġarrbux telf akbar milli kienu jġarrbu kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza immedjatament jew meta d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 82 ittieħdet.”

5

Skont l-Artikolu 74 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Valwazzjoni tad-differenza fit-trattament”:

“1.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk l-azzjonisiti u l-kredituri jkunux ħadu trattament aħjar kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni kienet daħlet fi proċeduri normali ta’ insolvenza, inkluż iżda mhux limitat għall-finijiet tal-Artikolu 73, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq valwazzjoni minn persuna indipendenti mill-aktar fis possibbli wara li titwettaq azzjoni jew azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. Dik il-valwazzjoni għandha tkun distinta mill-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 36.

2.   Il-valwazzjoni fil-paragrafu 1 għandha tiddetermina:

(a)

it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri, jew l-iskemi rilvanti ta’ garanzija ta’ depożiti, kienu jirċievu kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jkunu seħħu, daħlet fi proċeduri normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 82;

(b)

it-trattament effettiv li l-azzjonisti u l-kredituri rċevew, fir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; u;

(c)

jekk hemmx xi differenza fit-trattament imsemmi fil-punt (a) u t-trattament imsemmi fil-punt (b).

3.   Il-valutazzjoni għandha:

(a)

tassumi li l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jkunu seħħu, daħlet fi proċeduri normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 82;

(b)

tassumi li l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni ma kinux seħħu;

(c)

tinjora kwalunkwe dispożizzjoni ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.

[…]”

6

L-Artikolu 130 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Traspożizzjoni”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal‑31 ta’ Diċembru 2014 liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn il-miżuri mill‑1 ta’ Jannar 2015.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom japplikaw dispożizzjonijiet adottati sabiex jikkonformaw mat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV mill‑1 ta’ Jannar 2016 l-aktar tard.”

7

Skont l-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva, din daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Lulju 2014, jiġifieri fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑12 ta’ Ġunju 2014.

Id‑dritt Portugiż

8

Il-leġiżlatur Portugiż approva s-sistema legali tar-riżoluzzjoni bankarja permezz tad-Digriet-Liġi Nru 31‑A/2012 tal‑10 ta’ Frar 2012, billi introduċieha fir-Regime Geral das Instituições de Crédito e Sociedades Financeiras (is-Sistema Ġenerali tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u tal-Kumpanniji Finanzjarji, iktar ’il quddiem is-“SĠIKKF”).

9

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tas-SĠIKKF, kif kienu jirriżultaw mid-Digriet-Liġi Nru 31‑A/2012, kienu jinqraw kif ġej:

“Artikolu 145‑B

Prinċipju ewlieni tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni

1 –   Fl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni, huwa mfittex li jiġi żgurat li l-azzjonisti u l-kredituri tal-istituzzjoni ta’ kreditu jassumu b’mod prijoritarju t-telf tal-istituzzjoni inkwistjoni, konformement mal-ġerarkija tagħhom u taħt kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza f’kull klassi ta’ kredituri.

2 –   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jkoprux id-depożiti ggarantiti konformement mal-Artikoli 164 u 166.

Artikolu 145‑C

Applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni

1 –   Meta istituzzjoni ta’ kreditu ma tissodisfax, jew hemm riskju li ma tissodisfax, ir-rekwiżiti dwar iż-żamma tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-attività tagħha, Banco de Portugal jista’ japplika l-miżuri ta’ riżoluzzjoni li ġejjin, jekk dan ikun indispensabbli sabiex jintlaħaq kwalunkwe wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 145‑A:

(a)

bejgħ parzjali jew totali tal-attività lil stabbiliment ieħor awtorizzat sabiex jeżerċita l-attività inkwistjoni;

(b)

trasferiment, parzjali jew totali, tal-attività lil bank tranżitorju wieħed jew iktar.

2 –   Il-miżuri ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati jekk Banco de Portugal iqis li ma huwiex prevedibbli li l-istituzzjoni ta’ kreditu tasal, f’terminu xieraq, għall-eżekuzzjoni tal-azzjonijiet neċessarji sabiex tiġi lura għall-kundizzjonijiet adegwati ta’ solidità u ta’ osservanza tal-proporzjonijiet prudenzjali.

3 –   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, istituzzjoni ta’ kreditu għandha titqies li tippreżenta riskju serju li ma tissodisfax ir-rekwiżiti dwar iż-żamma tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-attività tagħha meta, fost fatti oħra li jistgħu jiġu kkunsidrati, li Banco de Portugal tevalwa r-rilevanza tagħhom fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 145‑A, hija kkonstatata waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun sofriet telf jew ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li ser iġġarrab fi żmien qasir telf li jista’ jikkonsma l-kapital tal-kumpannija;

(b)

l-attiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu jkun inqas jew ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li ser isir fi żmien qasir inqas mill-obbligi tagħha;

(c)

l-istituzzjoni ta’ kreditu hija fl-impossibbiltà li tissodisfa l-obbligi tagħha jew hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li din tista’ ssib ruħha f’din l-impossibbiltà fi żmien qasir.

4 –   L-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni ma tiddependix mill-applikazzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent korrettiv.

5 –   L-applikazzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex tippreġudika l-possibbiltà ta’ applikazzjoni, f’kull mument, ta’ miżura ta’ intervent korrettriċi waħda jew iktar.

[…]

Artikolu 145‑F

[…]

5 –   Għall-finijiet tal-bejgħ imsemmi fil-paragrafu 1, l-attiv, il-passiv, l-entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali u l-assi investiti taħt ġestjoni magħżula minn Banco de Portugal għandhom ikunu s-suġġett ta’ valutazzjoni mwettqa minn entità indipendenti indikata minn Banco de Portugal, f’terminu li huwa jiffissa, għall-ispejjeż tal-istituzzjoni ta’ kreditu, permezz ta’ metodu ta’ valutazzjoni bbażat fuq il-kundizzjonijiet tas-suq u, sussidjarjament, għall-valur ġust, li għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-valur intrinsiku, pożittiv jew negattiv, li jirriżulta mill-bejgħ għall-istabbilment xerrej.

[…]

Artikolu 145‑H

Patrimonju u finanzjament tal-bank tranżitorju

1. –   Banco de Portugal jagħżel l-attiv, passiv, entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali u attivi investiti taħt ġestjoni li għandhom jiġu ttrasferiti lill-bank tranżitorju fil-mument tal-kostituzzjoni tiegħu.

[…]

4 –   L-attiv, passiv, entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali u l-attiv taħt amministrazzjoni magħżula skont il-paragrafu 1 huma suġġetti għal evalwazzjoni, imwettqa fil-mument tat-trasferiment, magħmula minn istituzzjoni indipendenti nnominata mill-Banco de Portugal, f’terminu stabbilit minnu, bi spejjeż tal-isitituzzjoni ta’ kreditu.

[…]

Artikolu 145‑I

[…]

3 –   Id-dħul mill-bejgħ għandu jintuża b’mod prijoritarju, proporzjonalment, għall-ħlas lura:

(a)

lill-Fond ta’ riżoluzzjoni tal-ammonti kollha mislufa skont l-Artikolu 145‑H(5);

(b)

lill-Fond ta’ garanzija tad-depożiti u lill-Fond ta’ garanzija tal-Crédito Agrícola Mútuo tal-ammonti kollha mislufa skont l-Artikolu 145‑H(6).

4 –   Wara l-ħlas lura tal-ammonti previsti fil-paragrafu preċedenti, il-bilanċ eventwali tad-dħul mill-bejgħ jiġi rritornat lill-istituzzjoni ta’ kreditu ta’ oriġini jew lill-massa fallimentari tagħha, jekk din tkun tqiegħdet fi stralċ.

[…]”

10

Is-SĠIKKF ġiet emendata bid-Digriet-Liġi Nru 114‑A/2014 tal‑1 ta’ Awwissu 2014, li b’mod partikolari emenda l-Artikoli 145‑B, 145‑F, 145‑H u 145‑I. Dawn l-artikoli huma issa fformulati kif ġej:

“Artikolu 145‑B […]

1 –   L-applikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, fid-dawl tal-għanijiet tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fl-artikolu preċedenti, hija intiża li tiggarantixxi li:

(a)

l-azzjonisti tal-istituzzjoni ta’ kreditu jbatu b’mod prijoritarju t-telf tal-istituzzjoni kkonċernata;

(b)

il-kredituri tal-istituzzjoni ta’ kreditu jbatu b’mod sekondarju u b’kundizzjonijiet ġusti l-bqija tat-telf tal-istituzzjoni kkonċernata, skont l-ordni ġerarkika tad-diversi klassijiet ta’ kredituri;

(c)

ebda kreditur tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma jbati telf ikbar minn dak li kien ibati f’każ ta’ stralċ tal-istituzzjoni.

[…]

3 –   F’każ fejn, mat-terminazzjoni tal-istralċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għall-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, il-kredituri tal-istituzzjoni li l-krediti tagħhom ma ġewx ittrasferiti lejn istituzzjoni ta’ kreditu oħra jew bank tranżitorju batew telf ikbar mill-ammont stmat, skont l-evalwazzjoni prevista mill-Artikolu 145‑F(6) u mill-Artikolu 145‑H(4), li kienu jġarrbu f’każ ta’ stralċ tal-istituzzjoni fil-mument immedjatament preċedenti għal dak tal-applikazzjoni tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, tali kredituri għandhom dritt jirċievu tali differenza mill-Fond ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 145‑F […]

[…]

6 –   Skont ma jipprovdi l-Artikolu 145‑B(3), l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti tinkludi wkoll stima tal-livell ta’ rkupru tal-krediti ta’ kull klassi ta’ kredituri, skont l-ordni ġerarkika stabbilita mil-liġi, f’każ ta’ stralċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu fil-mument immedjatament preċedenti għal dak tal-applikazzjoni tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

[…]

Artikolu 145‑H

[…]

4 –   L-attiv, il-passiv, l-entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali u l-attiv taħt amministrazzjoni magħżula skont il-paragrafu 1 huma suġġetti għal evalwazzjoni, imwettqa fil-mument tat-trasferiment, magħmula minn istituzzjoni indipendenti nnominata mill-Banco de Portugal, f’terminu stabbilit minnu, bi spejjeż tal-istituzzjoni ta’ kreditu, fejn tali evalwazzjoni għandha tinkludi wkoll, skont ma jipprovdi l-Artikolu 145‑B(3) stima tal-livell ta’ rkupru tal-krediti ta’ kull klassi ta’ kredituri, skont l-ordni ġerarkika stabbilita mil-liġi, f’każ ta’ stralċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu oriġinali fil-mument immedjatament preċedenti għal dak tal-applikazzjoni tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

[…]

Artikolu 145‑I

[…]

3 -   […]:

(a)

lill-Fond ta’ riżoluzzjoni tal-ammonti kollha mislufa skont l-Artikolu 145‑H(6);

(b)

lill-Fond ta’ garanzija tad-depożiti u lill-Fond ta’ garanzija tal-Crédito Agrícola Mútuo tal-ammonti kollha mislufa skont l-Artikolu 145‑H(7).”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11

Il-BES kien wieħed mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu prinċipali fis-sistema bankarja Portugiża.

12

Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u r-riskju serju u gravi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha, din l-istituzzjoni ta’ kreditu kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni meħuda minn Banco de Portugal fit‑3 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ riżoluzzjoni”).

13

Il-miżura ta’ riżoluzzjoni, li ġiet adottata abbażi tas-SĠIKKF, kif emendata permezz tad-Digriet-Liġi Nru 114‑A/2014, tippreċiża b’mod partikolari li, mingħajr l-approvazzjoni urġenti tagħha, BES kienet inevitabbilment tiġi kkonfrontata bis-sospensjoni tal-ħlasijiet u bl-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha li teżerċita attività bħala istituzzjoni ta’ kreditu u, konsegwentement, bit-tpoġġija fi stralċ tagħha, sitwazzjoni li kienet tirrappreżenta riskju sistemiku enormi u theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja.

14

Din il-miżura wasslet għall-ħolqien ta’ bank tranżitorju, Novo Banco, li lilu ġew ittrasferiti ċerti attivi, passivi, entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali u attivi li jinsabu taħt il-ġestjoni ta’ BES.

15

BPC Lux 2 et huma proprjetarji ta’ bonds subordinati maħruġa minn BES. Massa Insolvente kellha, direttament u indirettament, ishma fil-kapital azzjonarju ta’ BES.

16

Quddiem il-qrati nazzjonali, BPC Lux 2 et kif ukoll Massa Insolvente kkontestaw il-miżura ta’ riżoluzzjoni u, f’dan il-kuntest, sostnew b’mod partikolari li din il-miżura ġiet adottata bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

17

Is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, adita b’żewġ appelli ppreżentati minn BPC Lux 2 et kif ukoll minn Massa Insolvente, għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva 2014/59 u mal-Artikolu 17 tal-Karta. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi, fid-dawl taċ-ċirkustanza li t-terminu tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien għadu ma skadiex fid-data tal-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, jekk il-leġiżlatur Portugiż setax ikkomprometta b’mod serju r-riżultat previst mill-imsemmija direttiva permezz tal-adozzjoni tad-Digriet-Liġi Nru 114‑A/2014, li implimenta parzjalment din id-direttiva.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tal-[Karta] u d-Direttiva 2014/59/UE […] u, speċjalment, l-Artikoli 36, 73 u 74 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija iktar ’il fuq u li ġiet applikata permezz tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ istituzzjoni tranżitorja u strument ta’ separazzjoni tal-assi, li, waqt li kienet tittrasponi parzjalment dik id-direttiva u dan matul id-dekorriment tal-perijodu totali ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva:

a)

ma tipprevedix it-twettiq ta’ evalwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-attiv u tal-passiv tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni fil-mument qabel l-adozzjoni ta’ din l-azzjoni?

b)

ma tipprevedix il-ħlas ta’ korrispettiv eventwali, skont l-evalwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, lill-istituzzjoni li hija s-suġġett ta’ riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lill-proprjetarji tal-azzjonijiet jew ta’ strumenti oħra ta’ proprjetà u, minflok, tillimita lilha nnifisha tipprovdi li l-ammont residwu eventwali tal-prodott ta’ trasferiment tal-bank tranżitorju għandu jingħata lura lill-istituzzjoni ta’ kreditu oriġinali jew lill-massa fallimentari tagħha?

c)

ma tipprevedix li l-azzjonisti tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandhom id-dritt jirċievu valur mhux inferjuri minn dak stmat li jirċievu li kieku l-istituzzjoni kellha titqiegħed totalment fi stralċ skont il-proċeduri normali ta’ falliment, iżda tipprevedi tali mekkaniżmu ta’ salvagwardja biss għall-kredituri li l-krediti tagħhom ma jkunux ġew ittrasferiti?

d)

ma tipprevedix evalwazzjoni indipendenti mill-evalwazzjoni msemmija fil-punt a), intiża sabiex tevalwa jekk l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu trattament inqas favorevoli li kieku l-istituzzjoni suġġett ta’ riżoluzzjoni kellha tidħol fi proċedura normal ta’ falliment?

2)

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie [(C‑129/96, EU:C:1997:628)], leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-proċess fil-kawża prinċipali, inkwantu traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2014/59, tirriżulta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, tista’ tikkomprometti serjament ir-riżultat li għandu jintlaħaq mid-Direttiva, b’mod speċifiku mil-Artikoli 36, 73 u 74 tagħha?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

19

Peress li, bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-miżura ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, mal-Artikoli 36, 73 u 74 tad-Direttiva 2014/59 u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 17 tal-Karta, għandu, preliminarjament, jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 131 tagħha, id-Direttiva 2014/59, bla ħsara għall-Artikolu 124 tagħha, daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Lulju 2014 u, skont l-Artikolu 130 tagħha, it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva skada fil‑31 ta’ Diċembru 2014.

21

Minn dan isegwi li, fid-data tal-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, fit‑3 ta’ Awwissu 2014, it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59 ma kienx skada.

22

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jiġu kkritikati talli jkunu għadhom ma adottawx il-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha fl-ordinament ġuridiku tagħhom (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 43, u tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Milev, C‑439/16 PPU, EU:C:2016:818, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Barra minn hekk, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li direttiva jista’ jkollha effett dirett biss minn wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tagħha fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2008, Velasco Navarro, C‑246/06, EU:C:2008:19, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw quddiem il-qorti tar-rinviju l-Artikoli 36, 73 u 74 tad-Direttiva 2014/59, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

25

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 17 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

26

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma taqax fil-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ġaladarba tali leġiżlazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li hija tiżgura r-rispett tagħhom (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, hemm lok li jiġu vverifikati, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex bħala għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk din għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, minn naħa, il-Gvern Portugiż indika, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-approvazzjoni tad-Digriet-Liġi Nru 31‑A/2012 kienet intiża għall-implimentazzjoni u għall-osservanza ta’ wieħed mill-obbligi meħuda mir-Repubblika Portugiża fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Politika Ekonomika tas‑17 ta’ Mejju 2011 bejn, minn naħa, l-Istat Portugiż u, min-naħa l-oħra, il-missjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

29

F’dan ir-rigward, bħalma jirriżulta mill-kliem tiegħu, dan il-memorandum ta’ ftehim għandu bħala bażi legali l-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal‑11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU 2010, L 118, p. 1). Peress li dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 122(2) TFUE, l-imsemmi memorandum ta’ ftehim jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni.

30

Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta Stat Membru jadotta miżuri intiżi sabiex jimplimentaw l-impenji meħuda fil-kuntest ta’ memorandum ta’ qbil li jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, dan għandu jitqies bħala li jimplimenta dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

31

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi espressament li d-Digriet-Liġi Nru 114‑A/2014, li emenda d-Digriet-Liġi Nru 31‑A/2012 qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni fit‑3 ta’ Awwissu 2014, jikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2014/59 u, għaldaqstant, implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

32

Minn dan isegwi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, li l-għan tagħha huwa l-ħolqien ta’ istituzzjoni tranżitorja u strument ta’ separazzjoni tal-attiv, li:

ma tipprevedix it-twettiq ta’ valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-attiv u tal-passiv tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-miżura ta’ riżoluzzjoni qabel l-adozzjoni tagħha;

ma tipprevedix il-ħlas ta’ eventwali korrispettiv, skont il-valutazzjoni msemmija fl-inċiż preċedenti, lill-istituzzjoni li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lill-azzjonisti jew lid-detenturi ta’ titoli oħra ta’ proprjetà;

ma tipprevedix li l-azzjonisti tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-miżura ta’ riżoluzzjoni għandhom id-dritt li jirċievu ammont mhux inferjuri minn dak stmat li jirċievu li kieku l-istituzzjoni kellha titqiegħed totalment fi stralċ skont il-proċeduri normali ta’ falliment, iżda tipprevedi tali mekkaniżmu ta’ salvagwardja biss għall-kredituri li l-krediti tagħhom ma jkunux ġew ittrasferiti, u

ma tipprevedix valutazzjoni, indipendenti mill-valutazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż, intiża sabiex jiġi evalwat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu trattament inqas favorevoli li kieku l-istituzzjoni li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni kellha tkun suġġetta għall-proċedura normal ta’ stralċ.

34

Kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, din id-domanda saret, minn naħa, minħabba ċ-ċirkustanza li, quddiem il-qorti tar-rinviju, Massa Insolvente u BPC Lux 2 et sostnew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali la tipprevedi t-twettiq ta’ valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-attiv u tal-passiv tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-miżura ta’ riżoluzzjoni qabel l-adozzjoni tagħha u lanqas il-ħlas ta’ korrispettiv eventwali, skont din il-valutazzjoni, lill-istituzzjoni li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lill-azzjonisti jew lid-detenturi ta’ titoli oħrajn ta’ proprjetà. Issa, dawn ir-rekwiżiti, li jinsabu fl-Artikolu 36(9) u (10) tad-Direttiva 2014/59, għandhom, skont dawn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-għan li jissodisfaw ir-rekwiżit stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, skont liema kull ċaħda ta’ proprjetà għandha tiġi kkumpensata, fi żmien xieraq, permezz ta’ kumpens ġust.

35

Min-naħa l-oħra, Massa Insolvente u BPC Lux 2 et sostnew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-miżura ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludix prinċipju li jiggarantixxi li l-azzjonisti ma jbatux telf ikbar minn dak li kienu jsostnu li kieku l-istituzzjoni kienet ġiet illikwidata fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza (prinċipju “no creditor worse off”). Issa, tali rekwiżit, li jinsab b’mod partikolari fl-Artikoli 73 u 74 tad-Direttiva 2014/59, għandu l-għan li jiggarantixxi li l-interferenza fid-dritt għall-proprjetà ma tkunx sproporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti fil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien xieraq għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess ġenerali.

37

Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet korrispondenti għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea Għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), is-sens tagħhom u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB. Madankollu din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estensiva. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, li jistabbilixxi l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà, bħala livell ta’ protezzjoni minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’mod kostanti fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 17(1) tal-Karta jinkludi tliet regoli distinti. L-ewwel waħda, li hija espressa fl-ewwel sentenza u hija ta’ natura ġenerali, tistabbilixxi l-prinċipju tar-rispett tal-proprjetà. It-tieni waħda, li tinsab fit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu, tirrigwarda ċ-ċaħda ta’ proprjetà u tissottomettiha għal ċerti kundizzjonijiet. Fir-rigward tat-tielet waħda, li tinsab fit-tielet sentenza tal-imsemmi paragrafu, din tirrikonoxxi lill-Istati s-setgħa, b’mod partikolari, li jirregolaw l-użu tal-proprjetà sa fejn ikun neċessarju għall-interess ġenerali. Għaldaqstant ma humiex regoli mhux relatati ma’ xulxin. It-tieni u t-tielet regola jirrigwardaw eżempji partikolari ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà, u għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fl-ewwel waħda minn dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 2014, Vistinš u Perepjolkins vs Il‑Latvja, CE:ECHR:2012:1025JUD007124301, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 17(1) tal-Karta huwiex applikabbli għal restrizzjonijiet għad-dritt għall-proprjetà ta’ ishma jew għal bonds negozjabbli fis-swieq tal-kapital bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni tirrigwarda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku kkonċernat, pożizzjoni legali miksuba li tippermetti eżerċizzju awtonomu ta’ dawn id-drittijiet minn u favur il-proprjetarju tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432), punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, ishma jew bonds negozjabbli fis-swieq tal-kapital bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom valur patrimonjali u jagħtu lid-detentur tagħhom pożizzjoni legali miksuba li tippermetti l-eżerċizzju awtonomu tad-drittijiet li jirriżultaw minnhom.

41

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB isegwi li l-ishma u l-bonds negozjabbli fis-swieq tal-kapital għandhom jitqiesu bħala “proprjetà” li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni ggarantita f’dan l-Artikolu 1 (Qorti EDB, 20 ta’ Settembru 2011, Shesti Mai Engineering OOD et vs Il‑Bulgarija, Nru 17854/04, CE:ECHR:2011:0920JUD001785404, punt 77; il-Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2016:0721JUD006306614, punt 90; il-Qorti EDB, 19 ta’ Novembru 2020, Project-trade d.o.o. vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2020:1119JUD000192014, punt 75).

42

It-tieni, huwa paċifiku li l-ishma jew il-bonds negozjabbli fis-swieq tal-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew akkwistati legalment.

43

Minn dan isegwi li ishma jew bonds negozjabbli fis-swieq tal-kapital bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

44

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura ta’ riżoluzzjoni adottata konformement ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ċaħda ta’ proprjetà, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta jew ta’ rregolar tal-użu tal-proprjetà, fis-sens tat-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċaħda ta’ proprjetà, għandu mhux biss jiġi eżaminat jekk kienx hemm tneħħija ta’ pussess jew esproprjazzjoni formali, iżda għandu jiġi mfittex ukoll jekk is-sitwazzjoni kontenzjuża hijiex ekwivalenti għal esproprjazzjoni de facto (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 28 ta’ Lulju 1999, Immobiliare Saffi vs L‑Italja, CE:ECHR:1999:0728JUD002277493, punt 46; il-Qorti EDB, 29 ta’ Marzu 2010, Depalle vs Franza, CE:ECHR:2010:0329JUD003404402, punt 78).

45

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżura ta’ riżoluzzjoni adottata konformement mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma pprevedietx tneħħija ta’ pussess jew esproprjazzjoni formali tal-ishma jew tal-bonds ikkonċernati. B’mod partikolari, din il-miżura ma ċaħħditx, b’mod forzat, sħiħ u definittiv lid-detenturi tagħhom mid-drittijiet li jirriżultaw minn dawn l-ishma jew minn dawn il-bonds (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 81).

46

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ tali miżura tistax twassal għal esproprjazzjoni de facto, Massa Insolvente u BPC Lux 2 et sostnew, essenzjalment, li t-trasferiment lil Novo Banco ta’ ċerti attivi, passivi, entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali u attivi li jinsabu taħt il-ġestjoni ta’ BES, imwettaq mill-punt 2 tal-miżura ta’ riżoluzzjoni konformement mal-Artikolu 145‑H tas-SĠIKKF, kif emendat bid-Digriet-Liġi Nru 114‑A/2014, wassal għal deprezzament sostanzjali tal-valur ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

47

F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li dan huwa effettivament il-każ, ma jistax neċessarjament jiġi dedott minn din iċ-ċirkustanza li l-miżura ta’ riżoluzzjoni adottata konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tali esproprjazzjoni de facto. Fil-fatt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju peress li din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 145‑C tas-SĠIKKF jirriżulta, qabelxejn, li miżura ta’ riżoluzzjoni adottata konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni hija applikata għal istituzzjoni ta’ kreditu biss fil-każ ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Sussegwentement, mill-kliem tal-Artikolu 145‑I(4) tas-SĠIKKF jirriżulta li, wara l-ħlas lura tal-ammonti mħallsa mill-fond ta’ riżoluzzjoni jew mill-fondi ta’ garanzija, il-bilanċ eventwali tad-dħul mill-bejgħ jiġi rritornat lill-istituzzjoni ta’ kreditu ta’ oriġini jew lill-massa fallimentari tagħha, jekk tkun tqiegħdet fi stralċ. Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li, li kieku l-miżura ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ttiħditx b’urġenza, l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni kienet inevitabbilment tersaq lejn il-waqfien tal-ħlasijiet u kienet tkun suġġetta għal proċedura ta’ tqegħid fi stralċ.

48

Issa, f’każ bħal dan, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 115 u 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok jitqies li t-telf fil-valur tal-attivi li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni ggarantita fl-Artikolu 17(1) tal-Karta ma jirriżultax mill-miżura ta’ riżoluzzjoni, iżda mill-istat ta’ falliment jew mir-riskju ta’ falliment li fih tinsab l-istituzzjoni ta’ kreditu.

49

Minn dan isegwi li miżura ta’ riżoluzzjoni adottata konformement ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix ċaħda ta’ proprjetà, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi eżaminat, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħalma tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, jekk tali miżura tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’din it-tieni sentenza, dwar, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ raġuni ta’ utilità pubblika għaċ-ċaħda tal-proprjetà u għall-ħlas fi żmien xieraq ta’ kumpens ġust.

50

Xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni konformement mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, b’mod partikolari, it-trasferiment ta’ elementi ta’ attivi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu lil bank tranżitorju, tikkostitwixxi rregolar tal-użu tal-proprjetà, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, li tista’ tippreġudika d-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti tal-istituzzjoni ta’ kreditu, li l-pożizzjoni ekonomika tagħha hija affettwata, u dak tal-kredituri, bħad-detenturi ta’ bonds, li l-krediti tagħhom ma ġewx ittrasferiti lill-istituzzjoni tranżitorja.

51

Bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun neċessarju għall-interess ġenerali. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet stabbiliti minnha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 88 u tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 155 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, l-ewwel, huwa paċifiku li l-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tal-Karta li tinkludi l-miżura ta’ riżoluzzjoni huma previsti mil-liġi, konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli tas-SĠIKKF, kif emendati bid-Digriet-Liġi Nru 114‑A/2014.

53

It-tieni, sa fejn miżura ta’ riżoluzzjoni adottata konformement ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassalx għal ċaħda ta’ proprjetà, iżda tikkostitwixxi rregolar tal-użu tal-proprjetà, kif ġie rrilevat fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, din ma tistax tippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adubef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 89).

54

It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li tali miżura tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni fis-settur bankarju tissodisfa għan ta’ interess ġenerali mfittex mill-Unjoni, jiġifieri dak li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona ewro fit-totalità tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u l-BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll dak li jiġi evitat riskju sistemiku (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Ir-raba’, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjonijiet li ġġib magħha l-miżura ta’ riżoluzzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tal-Karta jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku partikolari, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadottaw deċiżjonijiet fil-qasam ekonomiku u li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddefinixxu l-miżuri li jistgħu jilħqu l-għan imfittex (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 57).

56

Barra minn hekk, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti tal-investituri, madankollu, hija ppreċiżat li dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha fuq l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 91). Issa, id-difiża ta’ tali interess mill-Istati Membri teħtieġ li dawn jingħataw, f’dan il-kuntest, marġni ta’ diskrezzjoni (Qorti EDB, 7 ta’ Novembru 2002, Olczak vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2002:1107DEC003041796, punt 77; Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2012, Grainger et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2012:0710DEC003494010, punt 36).

57

F’dan il-każ, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-miżura ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tinkludi dispożizzjonijiet li kienu jieħdu biżżejjed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u tal-interessi tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni mwettqa konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni.

58

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kredituri tal-istituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jsegwi fil-fatt li l-kredituri li l-krediti tagħhom ma ġewx ittrasferiti għandhom id-dritt li jirċievu ammont mhux inqas minn dak li kienu jirċievu li kieku l-istituzzjoni kienet tpoġġiet totalment fi stralċ skont il-proċeduri normali ta’ falliment.

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-azzjonisti tal-istituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar, minn naħa, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 145‑C tas-SĠIKKF isegwi li miżura ta’ riżoluzzjoni hija applikata għal istituzzjoni ta’ kreditu biss fil-każ ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 145‑B(1)(a) tas-SĠIKKF, fid-dawl tal-għanijiet tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni, fl-applikazzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, huwa mfittex li jiġi żgurat b’mod partikolari li l-azzjonisti tal-istituzzjoni ta’ kreditu jassumu b’mod prijoritarju t-telf tal-istituzzjoni inkwistjoni. Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li, bħala prinċipju, it-telf tal-azzjonisti tal-banek f’diffikultà jkollu l-istess portata, indipendentement minn jekk il-kawża tagħhom tkunx ibbażata fuq sentenza ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment jew fuq miżura ta’ riżoluzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 75).

60

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 145‑I tas-SĠIKKF jirriżulta li din id-dispożizzjoni tinkludi mekkaniżmu speċifiku ta’ salvagwardja tad-drittijiet tal-azzjonisti, peress li l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-bilanċ tad-dħul mill-bejgħ tal-bank tranżitorju, wara li l-ammonti mqiegħda għad-dispożizzjoni jkunu tħallsu lill-fond ta’ riżoluzzjoni u lill-fondi ta’ garanzija, jiġi rritornat lill-bank suġġett tar-riżoluzzjoni jew lill-massa fallimentari tiegħu. Issa, bħala ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li tali dispożizzjoni tippermetti, bħala prinċipju, li tiġi żgurata n-newtralità ekonomika tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni u li l-istituzzjoni ta’ kreditu ta’ oriġini jew il-massa fallimentari tagħha ma jiġux imċaħħda mill-ammont li jirriżulta mill-bejgħ tal-attivi tal-bank tranżitorju wara l-ħlas lura tal-ammonti mħallsa mid-diversi fondi bħala self.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li t-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tinkludix dispożizzjoni espressa li tiżgura li l-azzjonisti ma jbatux telf ikbar minn dak li kienu jsofru li kieku l-istituzzjoni kienet ġiet illikwidata fid-data li fiha ġiet adottata l-miżura ta’ riżoluzzjoni (prinċipju “no creditor worse off”).

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, li billi tippermetti, bħala prinċipju, li tiġi żgurata n-newtralità ekonomika ta’ din il-miżura ta’ riżoluzzjoni u li l-għan tagħha huwa li jinħolqu istituzzjoni tranżitorja u strument ta’ separazzjoni tal-attiv, ma tipprevedix, f’dispożizzjoni espressa:

it-twettiq ta’ valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-attiv u tal-passiv tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-miżura ta’ riżoluzzjoni qabel l-adozzjoni tagħha;

il-ħlas ta’ korrispettiv eventwali, skont il-valutazzjoni msemmija fl-inċiż preċedenti, lill-istituzzjoni li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lill-azzjonisti jew lid-detenturi ta’ titoli oħra ta’ proprjetà;

li l-azzjonisti tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-miżura ta’ riżoluzzjoni għandhom id-dritt li jirċievu ammont mhux inqas minn dak li huwa stmat li kienu jirċievu li kieku l-istituzzjoni kienet tpoġġiet fi stralċ totali skont il-proċeduri normali ta’ falliment, b’tali mekkaniżmu ta’ salvagwardja jkun previst biss għall-kredituri li l-krediti tagħhom ma ġewx ittrasferiti, u

valutazzjoni, indipendenti mill-valutazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż, intiża sabiex jiġi evalwat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jirċievu trattament inqas favorevoli li kieku l-istituzzjoni li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni kienet ġiet suġġetta għall-proċedura normali ta’ stralċ.

Fuq it‑tieni domanda

63

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-traspożizzjoni parzjali minn Stat Membru, f’leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tagħha tistax tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat previst mill-imsemmija direttiva, fis-sens tas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628).

64

Bħalma ġie rrilevat fil-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza, it-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59, li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Lulju 2014, skada fil‑31 ta’ Diċembru 2014, b’tali mod li r-Repubblika Portugiża ma tistax tiġi kkritikata li ma adottatx il-miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku tagħha fid-data tal-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri fit‑3 ta’ Awwissu 2014.

65

Xorta jibqa’ l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, matul il-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jibqgħu lura milli jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament il-ksib tar-riżultat previst minn din id-direttiva (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45; tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 78, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 75).

66

Tali obbligu ta’ astensjoni, li huwa impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha, għandu jinftiehem fis-sens, min-naħa, li jagħmel riferiment għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura, ġenerali u speċifika, li tista’ tipproduċi tali effett negattiv (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, mid-data li fiha direttiva tidħol fis-seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom jastjenu, sa fejn huwa possibbli, milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jista’ jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, il-kisba tal-għan imfittex minn din id-Direttiva (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 123, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 39).

67

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Digriet-Liġi Nru 114‑A/2014 tal‑1 ta’ Awwissu 2014, li huwa paċifiku li huwa ttraspona korrettament, iżda biss parzjalment, ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 billi emenda l-Artikoli 145‑B, 145‑F, 145‑H u 145‑I tas-SĠIKKF, huwiex ta’ natura li jikkomprometti serjament ir-riżultat previst minn din id-direttiva.

68

F’dan ir-rigward, ċertament, hemm lok li jitfakkar li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-legalità tagħhom hija kkontestata humiex ta’ natura li jikkompromettu serjament ir-riżultat imfittex minn direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punti 4546, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable, C‑119/09, EU:C:2011:208, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tali verifika għandha neċessarjament titwettaq abbażi ta’ evalwazzjoni globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-politiki u l-miżuri kollha adottati fit-territorju nazzjonali kkonċernat (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 81).

69

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk it-traspożizzjoni parzjali minn Stat Membru, ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tagħha, tistax, bħala prinċipju, tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat previst minn din id-direttiva.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw dispożizzjonijiet provviżorji jew li jimplimentaw direttiva fi stadji. F’tali ipoteżijiet, in-nuqqas ta’ konformità ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji tad-dritt nazzjonali ma’ din id-direttiva jew l-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva ma jikkompromettux neċessarjament ir-riżultat imfittex minnha (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 49). Fil-fatt, għandu jitqies, f’ipoteżi bħal din, li tali riżultat dejjem ikun jista’ jintlaħaq permezz tat-traspożizzjoni definittiva u kompleta tal-imsemmija direttiva fit-termini mogħtija.

71

It-tieni, kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ astensjoni li tagħmel riferiment għalih il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punt 45 tas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628), għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-adozzjoni ta’ kull miżura, ġenerali u speċifika, li tista’ tikkomprometti serjament it-twettiq tar-riżultat previst mid-direttiva inkwistjoni.

72

Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 79 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżura hija intiża li tittrasponi, anki jekk parzjalment, direttiva tal-Unjoni, u li din it-traspożizzjoni hija korretta, l-adozzjoni ta’ tali miżura parzjali ta’ traspożizzjoni ma tistax titqies li tista’ tipproduċi tali effett negattiv, peress li din neċessarjament twettaq approssimazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali u d-direttiva li din il-leġiżlazzjoni tittrasponi, u tikkontribwixxi, minħabba f’hekk, għat-twettiq tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

73

Minn dan isegwi li t-traspożizzjoni, parzjali biss, minn Stat Membru, ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha ma tistax, bħala prinċipju, tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat previst minn din id-direttiva.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-traspożizzjoni parzjali biss minn Stat Membru, f’leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tagħha, ma tistax, bħala prinċipju, tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat previst mill-imsemmija direttiva, fis-sens tas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628).

Fuq l‑ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, li billi tippermetti, bħala prinċipju, li tiġi żgurata n-newtralità ekonomika ta’ din il-miżura ta’ riżoluzzjoni u li l-għan tagħha huwa li jinħolqu istituzzjoni tranżitorja u strument ta’ separazzjoni tal-attiv, ma tipprevedix, f’dispożizzjoni espressa:

it-twettiq ta’ valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-attiv u tal-passiv tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-miżura ta’ riżoluzzjoni qabel l-adozzjoni tagħha;

il-ħlas ta’ korrispettiv eventwali, skont il-valutazzjoni msemmija fl-inċiż preċedenti, lill-istituzzjoni li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lill-azzjonisti jew lid-detenturi ta’ titoli oħra ta’ proprjetà;

li l-azzjonisti tal-istituzzjoni li hija s-suġġett tal-miżura ta’ riżoluzzjoni għandhom id-dritt li jirċievu ammont mhux inqas minn dak li huwa stmat li kienu jirċievu li kieku l-istituzzjoni kienet tpoġġiet fi stralċ totali skont il-proċeduri normali ta’ falliment, b’tali mekkaniżmu ta’ salvagwardja jkun previst biss għall-kredituri li l-krediti tagħhom ma ġewx ittrasferiti, u

valutazzjoni, indipendenti mill-valutazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż, intiża sabiex jiġi evalwat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jirċievu trattament inqas favorevoli li kieku l-istituzzjoni li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni kienet ġiet suġġetta għall-proċedura normali ta’ stralċ.

 

2)

It-traspożizzjoni parzjali minn Stat Membru, f’leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tagħha, ma tistax, bħala prinċipju, tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat previst mill-imsemmija direttiva, fis-sens tas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Haut