Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0054

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Stefano Missir Mamachi di Lusignano, fil-kwalità ta’ werriet ta' Livio Missir Mamachi di Lusignano u Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano, fil-kwalità ta’ werriet ta' Livio Missir Mamachi di Lusignano.
    Appell – Servizz pubbliku – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq in-nuqqas ta’ istituzzjoni milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha – Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Marokk – Uffiċjal maqtul – Dannu morali imġarrab minn ħu u oħt l-uffiċjal – Rimedju ġudizzjarju – Artikoli 270, 268 u 340 TFUE – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 40, 42b, 55a, 73, 90 u 91 – Kunċett ta’ ‘persuna koperta’ – Motivazzjoni.
    Kawża C-54/20 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:349

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

    “Appell – Servizz pubbliku – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq in-nuqqas ta’ istituzzjoni milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha – Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Marokk – Uffiċjal maqtul – Dannu morali imġarrab minn ħu u oħt l-uffiċjal – Rimedju ġudizzjarju – Artikoli 270, 268 u 340 TFUE – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 40, 42b, 55a, 73, 90 u 91 – Kunċett ta’ ‘persuna koperta’ – Motivazzjoni”

    Fil-Kawża C‑54/20 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑30 ta’ Jannar 2020,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Schima, T. S. Bohr u G. Gattinara, bħala aġenti,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

    Stefano Missir Mamachi di Lusignano, residenti f’Shanghai (iċ-Ċina),

    Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano, residenti fi Brussell (il-Belġju),

    irrappreżentati minn F. Di Gianni, G. Coppo, u A. Scalini, avvocati,

    Anne Jeanne Cécile Magdalena Maria Sintobin,

    Carlo Amadeo Missir Mamachi di Lusignano,

    Giustina Missir Mamachi di Lusignano,

    Tommaso Missir Mamachi di Lusignano,

    Filiberto Missir Mamachi di Lusignano,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal (Relatur), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, F. Biltgen, N. Wahl u L. Arastey Sahún, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob, l-ewwel, l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Novembru 2019, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑502/16, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:795), li permezz tagħha din ikkundannatha tħallas, fuq bażi ta’ responsabbiltà in solidum, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnhom minħabba l-mewt ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, is-somma ta’ EUR 10000 lil Stefano Missir Mamachi di Lusignano kif ukoll is-somma ta’ EUR 10000 lil Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano u, it-tieni, li taqta’ l-kawża sabiex ir-rikors fl-ewwel istanza jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Il‑kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 40 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din it-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi:

    “1.   Uffiċjal stabbilit jista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fuq talba tiegħu stess, jingħata leave għal raġunijiet personali bla ħlas.

    […]

    2.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15, it-tul tat-tali vakanzi m’għandux jaqbeż sena. Il-vakanzi jistgħu jkunu estiżi għal aktar perjodi.

    L-estensjonijiet jistgħu jkunu għall-perjodi li ma jaqbżux sena. It-tul totali tal-vakanzi fuq raġunijiet personali ma jistax jaqbeż it‑12‑il sena matul il-karriera kollha ta’ l-uffiċjal.

    Jekk, madankollu, uffiċjal japplika għat-tali vakanzi sabiex ikun jista’:

    […]

    (iii)

    biex jassisti lil konjuġi, lill-qraba fil-linja axxendenti, lill-qraba fil-linja dixxendenti, lill-aħwa fil-każ ta’ mard serju jew diżabilità ċċertifikati minn tabib.

    il-vakanzi jisgħu jkunu estiżi mingħajr limiti, sakemm, fil-ħin ta’ kull estensjoni, il-kondizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti tal-vakanzi jkomplu jitħarsu.

    […]”

    3

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42b tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi:

    “Fil-każ ta’ mard jew disabilità ċċertifikat medikalment tas-sieħeb ta’ l-uffiċjal, qraba ta’ qablu, qraba ta’ warajh, ħuh jew oħtu, l-uffiċjal għandu jkun intitolat għal perjodu ta’ vakanzi tal-familja, mingħajr salarju bażiku. Il-perjodu totali tat-tali vakanzi m’għandux jaqbeż id-disa’ xhur tul il-karriera kollha ta’ l-uffiċjal.”

    4

    Skont l-Artikolu 55a tar-Regolamenti tal-Persunal:

    “1.   Uffiċjal jista’ jitlob awtorizzazzjoni biex jaħdem part-time.

    L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tagħti t-tali awtorizzazzjoni jekk din hija kompatibbli ma’ l-interessi tas-servizz.

    2.   L-uffiċjal għandu jkun intitolat għall-awtorizzazzjoni fil-każijiet li ġejjin:

    […]

    (e)

    biex jieħu ħsieb il-konjuġi li marid(a) serjament jew diżabbli, qraba axxendenti, qraba dixxendenti, ħu jew oħt,

    […]”

    5

    L-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

    “1.   Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni tal-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni [Ewropea] wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa għandu jikkontribwixxi għan-nefqa ta’ l-assigurazzjoni kontra r-riskji mhux tax-xogħol sa 0.1 % tas-salarju tiegħu.

    It-tali regoli għandhom jispeċifikaw liema riskji mhux koperti.

    2.   Il-benefiċċji pagabbli jkunu kif ġej:

    (a)

    fil-każ ta’ mewt:

    Pagament lill-persuni mniżżla hawn taħt ta’ somma f’daqqa daqs ħames darbiet is-salarju bażiku fis-sena tal-mejjet maħduma b’riferenza għall-ammonti fix-xahar tas-salarju riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-aċċident:

    lill-konsorti u t-tfal tal-mejjet skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal; madankollu, l-ammont pagabbli lill-konsorti m’għandux ikun anqas minn 25 % tas-somma f’daqqa;

    fejn m’hemmx persuni tal-kategorija t’hawn fuq, lid-dixxedenti l-oħra skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal;

    fejn m’hemmx persuni mill-ebda waħda miż-żewġ kategoriji t’hawn fuq, lill-qraba ta’ warajh skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal;

    fejn m’hemmx persuni fl-ebda waħda mit-tliet kategoriji t’hawn fuq, lill-istituzzjoni.

    […]”

    6

    L-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “1.   Kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolament tal-Persunal tista’ tibgħat talba lill-awtorità tal-ħatra biex tieħu deċiżjoni dwaru. L-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erbgħa xhur mid-data ta’ meta ssir it-talba. Jekk fl-aħħar ta’ dak il-perjodu, ma tasal l-ebda tweġiba għat-talba, din titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ma kenitx aċċettata, li kontriha ilment jista’ jsir skond il-paragrafu li ġej.

    2.   Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-awtorità tal-ħatra kontra att li taffettwah ħażin, kemm jekk l-imsemmi awtorità ħadet deċiżjoni, jew fejn naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment irid isir fi żmien tliet xhur. […]

    […]

    […] Jekk fl-aħħar ta’ dak il-perjodu ma tasal l-ebda tweġiba għall-ilment, din titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ma taċċettahiex, li kontriha jista’ jsir appell taħt l-Artikolu 91.”

    7

    L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). […]”

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    8

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif spjegati fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    9

    Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, li kellu jieħu l-kariga tiegħu ta’ kunsillier politiku u diplomatiku mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Marokk, ġie maqtul flimkien ma’ martu fit‑18 ta’ Settembru 2006 f’Rabat (il-Marokk). Dan il-qtil twettaq f’dar mikrija minn din id-delegazzjoni għal Alessandro Missir Mamachi di Lusignano (iktar ’il quddiem l-“uffiċjal mejjet”), martu u l-erba’ wliedhom.

    10

    Fit‑12 ta’ Mejju 2009, Livio Missir Mamachi di Lusignano, missier l-uffiċjal mejjet, ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea intiż sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa kemm id-danni materjali mġarrba minn ulied l-uffiċjal mejjet kif ukoll id-danni morali mġarrba minn dawn tal-aħħar, minnu nnifsu bħala missier l-uffiċjal mejjet u minn dan tal-aħħar f’isem uliedu li huma aventi kawża ta’ dan tal-aħħar.

    11

    Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad dan ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn kien intiż sabiex jikseb kumpens għad-danni morali u bħala infondat sa fejn kien intiż sabiex jikseb il-kumpens għad-danni materjali.

    12

    Il-missier u t-tfal tal-uffiċjal mejjet appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiksbu l-annullament tagħha.

    13

    Il-Qorti Ġenerali laqgħet dan l-appell permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625). Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, li annullatha parzjalment permezz tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588). Fuq rinviju wara eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874), fuq il-motivi li hija ma kinitx eżaminat fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

    14

    Fis‑16 ta’ Settembru 2011, il-missier u t-tfal tal-uffiċjal mejjet, flimkien ma’ omm, ħu u oħt dan l-uffiċjal, ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE, li tħassar bid-digriet tal‑25 ta’ Novembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑494/11, mhux ippubblikat, EU:T:2015:909), wara li r-rikorrenti kienu rtirawh.

    15

    Fis‑17 ta’ Settembru 2011, missier l-uffiċjal mejjet, issostitwit wara l-mewt tiegħu mill-aventi kawża tiegħu, kif ukoll it-tfal ta’ dan l-uffiċjal, flimkien ma’ ommu, ħuh u oħtu, ressqu għal darba oħra talbiet għal kumpens għad-danni morali li kienu ġarrbu, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    16

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet. Fit‑13 ta’ April 2012, l-aventi kawża ta’ missier l-uffiċjal mejjet, it-tfal, l-omm, ħu u oħt dan l-uffiċjal ippreżentaw ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2012. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2012, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment.

    Il‑proċeduri quddiem it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku u l‑Qorti Ġenerali kif ukoll is‑sentenza appellata

    17

    Fis‑7 ta’ Novembru 2012, l-aventi kawża ta’ missier l-uffiċjal mejjet, it-tfal, l-omm, ħu u oħt dan l-uffiċjal ippreżentaw rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kontra d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2012, abbażi tal-Artikolu 270 TFUE. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bir-referenza F‑132/12.

    18

    Permezz ta’ dan ir-rikors, huma talbu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla din id-deċiżjoni, jikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu morali mġarrab minnhom kif ukoll dak tal-uffiċjal mejjet u tikkundanna lil din l-istituzzjoni tħallas interessi kumpensatorji kif ukoll interessi moratorji. B’mod partikolari, ħu u oħt l-uffiċjal mejjet talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lil kull wieħed minnhom is-somma ta’ EUR 154350 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnhom.

    19

    Il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġiet sospiża għall-ewwel darba sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza fil-Kawżi T‑401/11 P u T‑494/11 imsemmija fil-punti 13 u 14 ta’ din is-sentenza, u t-tieni darba sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑417/14 RX‑II kif ukoll ir-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑401/11 P RENV‑RX imsemmija fl-imsemmija punti.

    20

    Fit‑2 ta’ Settembru 2016, skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali u rreġistrata bir-referenza T‑502/16.

    21

    Il-Kummissjoni kkontestat kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza tal-imsemmi rikors.

    22

    Fir-rigward tal-ammissibbiltà, il-Kummissjoni qieset li ħu u oħt l-uffiċjal mejjet ma setgħux jitqiesu li huma persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali, adita bil-kompetenza tagħha bħala qorti tas-servizz pubbliku mogħtija mill-Artikolu 270 TFUE, ma kellhiex ġurisdizzjoni u li r-rikors kien inammissibbli.

    23

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-punti 40 sa 64 tas-sentenza appellata, billi qieset li ħu u oħt l-uffiċjal mejjet kellhom locus standi permezz ta’ rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 270 TFUE.

    24

    Insostenn ta’ din iċ-ċaħda, il-Qorti Ġenerali fakkret li rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa ammissibbli biss jekk jikkonċerna tilwima bejn l-Unjoni u persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal. Sabiex jitqies li r-Regolamenti tal-Persunal japplikaw għal rikorrent, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li huwa meħtieġ li dan ma jkunx bi kwalunkwe mod, iżda b’mod li jew jirrifletti rabta rilevanti bejnu u l-att li huwa jikkontesta, jew jirrifletti tali rabta bejnu u l-uffiċjal li l-ħsara lill-interessi tiegħu allegatament tikkawża dannu speċifiku għalih. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, dan huwa l-każ għall-aħwa ta’ uffiċjal peress li huma msemmija fl-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirrikonoxxi, permezz ta’ dispożizzjonijiet statutorji konkreti, ir-relazzjoni ta’ prossimità tagħhom mal-uffiċjal. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-fatt li, fiż-żmien tal-qtil tal-uffiċjal mejjet, ħuh u oħtu ma kienu jinsabu konkretament fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal bl-ebda mod ma jeskludi r-rikonoxximent statutorju tar-rabtiet ta’ fratellanza. B’hekk, skont il-punt 54 tas-sentenza appellata, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal huma rilevanti mhux għaliex jikkorrispondu għas-sitwazzjoni konkreta tal-partijiet fiż-żmien tal-fatti iżda għaliex huma jimmanifestaw ir-rikonoxximent statutorju tar-rabtiet tal-familja bejn l-uffiċjali u l-aħwa tagħhom. Skont il-Qorti Ġenerali, din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 41 u 42 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588).

    25

    Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-aħwa ta’ uffiċjal għandhom jitqiesu li huma “kkonċernati mir-Regolamenti tal-Persunal” sabiex jiġi ddeterminat ir-rimedju ġudizzjarju li għandu jingħata meta dawn ikollhom l-intenzjoni li jitolbu kumpens għad-dannu morali li jkunu ġarrbu minħabba l-mewt ta’ uffiċjal li jkun ħuhom jew oħthom fejn, fil-fehma tagħhom, l-istituzzjoni tkun responsabbli għal dan. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll, essenzjalment, li l-fatt li l-aħwa ta’ uffiċjal ma jidhrux fil-lista ta’ kaskata tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk ma humiex benefiċjarji potenzjali tal-benefiċċji ggarantiti taħt dan l-artikolu, iżda huma koperti minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal li jirriflettu rabta rilevanti mal-uffiċjal mejjet bl-ebda mod ma jimplika li huma mċaħħda mill-possibbiltà proċedurali li jitolbu, permezz tal-Artikolu 270 TFUE, il-kumpens għad-dannu mġarrab minnhom.

    26

    Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-fondatezza tat-talbiet għad-danni ta’ ħu u ta’ oħt l-uffiċjal mejjet, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ċaħdet, fil-punti 134 u 135 tas-sentenza appellata, l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-punti 33 u 34 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588), minħabba li dawn il-punti kienu jirrigwardaw il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali u mhux il-fondatezza ta’ dawn it-talbiet.

    27

    Barra minn hekk, fil-punti 155 sa 172 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li ħu u oħt l-uffiċjal mejjet ma kinux urew suffiċjentement l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ protezzjoni tal-uffiċjal mejjet u d-dannu tagħhom. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq ir-rikonoxximent definittiv tar-rabta kawżali bejn dan il-ksur u l-qtil tal-uffiċjal mejjet fis-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), kif ukoll tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874, punt 63), u qieset li l-fatt li d-dannu morali ta’ ħu u ta’ oħt dan l-uffiċjal kien jikkostitwixxi dannu indirett jew medju meta mqabbel mad-dannu mġarrab minn dan tal-aħħar ma kellux effett fuq il-fatt li dan id-dannu morali seta’ jiġi rrikonoxxut bħala suġġett għal kumpens skont il-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri.

    28

    Fl-aħħar nett, abbażi tal-motivi kollha msemmija fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni in solidum sabiex tħallas ammont ta’ EUR 10000 lil kull wieħed minn ħu u oħt l-uffiċjal mejjet bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnhom, flimkien mal-interessi moratorji.

    It‑talbiet tal‑partijiet

    29

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkundannatha tikkumpensa d-dannu morali mġarrab minn Stefano Missir Mamachi di Lusignano u minn Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano wara l-mewt ta’ ħuhom;

    taqta’ l-kawża u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli, u

    tikkundanna lil Stefano Missir Mamachi di Lusignano u lil Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell u mal-proċedura tal-ewwel istanza.

    30

    Stefano Missir Mamachi di Lusignano u Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell u mal-proċedura tal-ewwel istanza.

    Fuq l‑appell

    31

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ aggravji. Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, hija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat li ħu u oħt l-uffiċjal mejjet kellhom il-possibbiltà li jressqu kawża abbażi tal-Artikolu 270 TFUE sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li rriżulta mill-mewt ta’ dan l-uffiċjal. Fil-kuntest tat-tieni aggravju, imressaq sussidjarjament, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

    Fuq l‑ewwel aggravju

    32

    L-ewwel aggravju jinkludi żewġ partijiet.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    33

    Il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li ħu u oħt l-uffiċjal mejjet setgħu jippreżentaw rikors skont l-Artikolu 270 TFUE sa fejn huma persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tagħhom.

    34

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 48 sa 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat stabbiliet u applikat dikjarazzjoni ta’ prinċipju li skontha membru tal-familja ta’ uffiċjal kien persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal minħabba r-rabta familjari tiegħu mal-uffiċjal. L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirreferix għal rabta li abbażi tagħha persuna titqies li hija koperta mir-Regolamenti tal-Persunal, iżda għad-dritt ta’ persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal li tikkontesta att li jikkawżalha preġudizzju. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeduċi mill-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal li ħu jew oħt uffiċjal huma koperti mir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tagħhom, peress li l-obbligi previsti minn dawn l-artikoli kienu jeżistu biss fir-rigward tal-uffiċjali, u mhux tal-membri tal-familja tagħhom. Dawn tal-aħħar ma humiex identifikati mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li jistgħu jibbenefikaw minn benefiċċju previst mir-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, huma biss l-uffiċjali li għandhom dritt li jressqu kawża abbażi tal-imsemmija artikoli.

    35

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-kriterju stabbilit u applikat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 51 sa 62 tas-sentenza appellata, li jgħid li persuna għandha tkun koperta b’mod li jirrifletti rabta bejnha u l-uffiċjal li l-ħsara għall-interessi tiegħu allegatament tikkawża dannu speċifiku għalih, imur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi għal persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal li tikkontesta att li jikkawżalha preġudizzju. Il-kriterju deċiżiv għall-Qorti Ġenerali huwa dak tal-ħsara għall-interessi tal-uffiċjal, u mhux dak tal-ħsara għall-interessi tal-persuna li teżerċita d-dritt tagħha għal qorti. B’hekk, il-kriterju adottat mill-Qorti Ġenerali jwassal għal evalwazzjoni diskrezzjonali tar-rilevanza tar-rabta eżistenti bejn ir-rikorrent u l-att li huwa jikkontesta u għalhekk jiġġenera l-aċċess għall-qorti msemmi fl-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan il-kriterju jċaħħad minn kull kontenut il-kundizzjoni għall-ammissibbiltà marbuta mal-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, peress li, fil-preżenza ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun xi tkun, anki jekk din ma tapplikax għal persuna partikolari, din tal-aħħar tista’ dejjem tiġi kkunsidrata bħala persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, indipendentement minn kwalunkwe rabta bejn l-att li hija tikkontesta u l-obbligi previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

    36

    Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mis-sentenza appellata, il-punti 30 sa 35 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588), ma jikkorroborawx l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tagħhom. Għalhekk, fil-punt 34 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li persuna hija koperta mir-Regolamenti tal-Persunal meta hija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, li huwa ddeterminat minn dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li jsemmu persuni li ma humiex uffiċjali bħala d-destinatarji potenzjali ta’ benefiċċju preċiż, bħall-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedi li membri tal-familja ta’ uffiċjal huma benefiċjarji potenzjali ta’ ċerti benefiċċji fil-każ tal-mewt ta’ dan tal-aħħar. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aħwa ta’ uffiċjal humiex persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal mhux għaliex jesprimi rabta bejn uffiċjal u l-familja tiegħu b’mod ġenerali, iżda għaliex dan jista’ japplika għal ċerti membri speċifiċi tal-familja ta’ uffiċjal fil-każ tal-mewt tiegħu. Skont il-Kummissjoni, peress li, insostenn tar-rikors tagħhom, ħu u oħt l-uffiċjal mejjet jinvokaw dannu morali li jirriżulta mill-mewt ta’ dan tal-aħħar, l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa l-unika dispożizzjoni rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal. Issa, skont dan l-artikolu, ma humiex.

    37

    Stefano Missir Mamachi di Lusignano u Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano jqisu li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    – L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    38

    Bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-Artikoli 50a u 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, din il-ġurisdizzjoni hija eżerċitata fl-ewwel istanza mill-Qorti Ġenerali u fl-istadju tal-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    39

    L-Artikolu 270 TFUE joħloq b’dan il-mod rimedju għall-kontenzjuż tas-servizz pubbliku distint mir-rimedji ġenerali, bħar-rikors għal annullament irregolat mill-Artikolu 263 TFUE kif ukoll ir-rikors għad-danni rregolat mill-Artikolu 268 TFUE u mit-tieni u mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

    40

    Sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni adita skont l-Artikolu 270 TFUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra t-termini ta’ dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tar-riferiment għal dawn tal-aħħar fl-imsemmi artikolu, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimplimentaw l-Artikolu 270 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-imsemmija ġurisdizzjoni kemm ratione materiae kif ukoll ratione personae.

    41

    Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ratione materiae tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE, għandu jiġi rrilevat li r-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-għan li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali tagħhom, billi jistabbilixxu b’mod partikolari sensiela ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-Regolamenti tal-Persunal jirregolaw b’dan il-mod il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-uffiċjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, l-Artikolu 270 TFUE jagħti lill-qrati tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni ratione materiae li jiddeċiedu t-tilwim li joriġina mir-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil dawn il-persuni mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    42

    Sa fejn, skont l-Artikolu 270 TFUE kif implimentat permezz tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar “kull tilwima” bejn l-Unjoni u l-persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, hija ġurisprudenza stabbilita li taqa’ taħt dawn id-dispożizzjonijiet li kull tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha jiddependi, anki jekk dan ikun rikors għad-danni, meta din it-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg li torbot lil dan l-uffiċjal ma’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, OH (Immunità minn ġurisdizzjoni), C‑758/19, EU:C:2021:603, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Għalhekk, il-ġurisdizzjoni ratione materiae tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE tirriżulta mill-oriġini tat-tilwima inkwistjoni, kif iddefinita fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, u mhux mill-bażi legali li tista’ tibbaża d-dritt għal kumpens bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 50).

    44

    Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ratione personae tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE, din tirrigwarda biss tilwim individwali. Fil-fatt, l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu proċedura li hija intiża esklużivament għal tilwim individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale – Service public européen et vs Il‑Kunsill, 175/73, EU:C:1974:95, punt 19).

    45

    Barra minn hekk, l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Unjoni u “kull persuna li għaliha japplikaw […] ir-Regolamenti tal-Persunal” u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni “[k]ull persuna li japplikaw għaliha […] ir-Regolamenti tal-Persunal” tista’ tmur quddiem l-Awtorità tal-Ħatra b’ilment kontra att li jikkawżalha preġudizzju.

    46

    Dawn id-dispożizzjonijiet li jirreferu, f’termini ġenerali, għal kull persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal ma jippermettux, bħala tali, li ssir distinzjoni skont jekk ir-rikors jiġix ippreżentat minn uffiċjal jew minn kwalunkwe persuna oħra li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 33). Għalhekk, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, il-ġurisdizzjoni ratione personae tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE ma hijiex limitata biss għar-rikorsi ppreżentati minn uffiċjali, iżda tinkludi dawk ippreżentati minn kwalunkwe persuna oħra li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal.

    47

    Sabiex jiġu ddeterminati l-persuni li ma humiex uffiċjal li jistgħu jitqiesu li huma “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, li r-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-għan li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali tagħhom.

    48

    Sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu mhux biss sensiela ta’ drittijiet u obbligi reċiproċi bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, iżda jagħtu wkoll drittijiet u benefiċċji lil ċerti membri tal-familja tal-uffiċjali.

    49

    B’hekk, l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-konjuġi superstiti, lit-tfal, lid-dixxendenti l-oħra u/jew lill-axxendenti tal-uffiċjal, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dritt għal benefiċċji fil-każ tal-mewt ta’ dan tal-aħħar.

    50

    Barra minn hekk, l-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal jippermettu lill-konjuġi, lil axxendent, lil dixxendent, lil ħu jew lil oħt uffiċjal, li għandhom marda serja jew diżabbiltà kbira, li jibbenefikaw mill-għajnuna ta’ dan l-uffiċjal meta dan tal-aħħar jeżerċita, għall-finijiet ta’ din l-għajnuna, id-dritt tiegħu li jitlob rispettivament il-ħruġ tiegħu fuq leave għal raġunijiet personali, il-ħruġ tiegħu fuq leave tal-familja jew li jaħdem part-time. Dawn id-dispożizzjonijiet li huma intiżi sabiex jippermettu lil uffiċjal jirrikonċilja l-ħajja professjonali tiegħu ma’ ċerti rekwiżiti tal-ħajja privata tiegħu jagħtu għalhekk vantaġġ lil ċerti membri tal-familja tiegħu f’diffikultà meta dan l-uffiċjal jingħata ż-żmien sabiex jieħu ħsiebhom.

    51

    L-għoti ta’ dawn id-drittijiet u dawn il-benefiċċji lil dawn il-membri indikati tal-familja tal-uffiċjal jikkostitwixxi rikonoxximent tar-rabtiet tal-familja mill-qrib li jgħaqqdu lil dawn il-persuni mal-uffiċjal u tal-influwenza potenzjali ta’ dawn ir-rabtiet tal-familja fuq il-kundizzjonijiet li fihom l-uffiċjal jintalab iwettaq xogħlu.

    52

    It-teħid inkunsiderazzjoni b’dan il-mod, mir-Regolamenti tal-Persunal, ta’ dawn il-membri tal-familja tal-uffiċjal għandu l-konsegwenza li dawn huma persuni “li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”, fis-sens tal-Artikolu 91(1) ta’ dawn tal-aħħar, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk rikorrent effettivament għandux, fil-każ inkwistjoni, dritt jew vantaġġ mogħti mir-Regolamenti tal-Persunal bħal dawk imsemmija fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni ratione personae tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal hija indipendenti mill-kwistjoni dwar l-għoti effettiv ta’ dritt jew ta’ vantaġġ lil persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal li tippreżenta rikors quddiem dawn il-qrati. Li kieku kien mod ieħor, kien ikun neċessarju, sabiex tingħata deċiżjoni dwar din il-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ rikors ippreżentat quddiem l-imsemmija qrati, li l-ewwel tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 35).

    53

    L-evalwazzjoni li skontha l-membri tal-familja ta’ uffiċjal imsemmija fl-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal huma persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hijiex ikkontestata mill-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li t-tilwima għandha tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi proċedura obbligatorja, qabel ir-rikors, b’tali mod li rikors jista’ jiġi ppreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE biss wara li l-ilment imressaq mir-rikorrent ikun ġie miċħud wara deċiżjoni, espressa jew impliċita, tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad it-talba tiegħu. Rikors għal annullament jew għad-danni ppreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE huwa, għalhekk, ammissibbli biss fil-preżenza ta’ deċiżjoni espressa jew impliċita ta’ ċaħda tal-ilment amministrattiv, li huwa l-att li jikkawża preġudizzju lill-persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, xejn ma jipprekludi li membru tal-familja ta’ uffiċjal indikat fl-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal ikun id-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment fir-rigward ta’ deċiżjoni inizjali li tikkawżalu preġudizzju, konformement mal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    54

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-evalwazzjoni li tgħid li l-ġurisdizzjoni ratione personae tal-qrati tal-Unjoni aditi abbażi tal-Artikolu 270 TFUE tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħtu vantaġġi lil ċerti membri tal-familja tal-uffiċjal, ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni diskrezzjonali tar-rabta li teżisti bejn ir-rikorrent u l-att li huwa jikkontesta. Fil-fatt, huwa żbaljat li jitqies li, fil-preżenza ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun xi tkun, rikorrent jista’ dejjem jitqies bħala persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, indipendentement minn kull rabta bejn l-att li huwa jikkontesta u l-obbligi previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE huwa ammissibbli biss jekk, minn naħa, ir-rikorrent ikun kopert mir-Regolamenti tal-Persunal u jikkontesta deċiżjoni li tiċħad l-ilment amministrattiv tiegħu, fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, min-naħa l-oħra, it-tilwima toriġina minn rabta ta’ impjieg li torbot uffiċjal jew membru tal-persunal ma’ istituzzjoni jew ma’ organu tal-Unjoni.

    55

    B’hekk, il-membri tal-familja tal-uffiċjal imsemmija fl-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal huma persuni li, minkejja li ma humiex uffiċjali, huma koperti mir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tagħhom, minħabba r-rabtiet tal-familja li għandhom ma’ dan l-uffiċjal u li għalhekk jistgħu jippreżentaw rikors għad-danni meta t-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 42).

    56

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 48 sa 64 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-kontenut tal-Artikoli 40, 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal li jimplika rikonoxximent minn dan tal-aħħar tar-rabtiet bejn uffiċjal u l-aħwa tiegħu, dawn tal-aħħar huma persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tagħhom.

    57

    Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it‑tieni parti tal-ewwel aggravju

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    58

    Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-aħwa ta’ uffiċjal mejjet huma persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, hija għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li mill-punti 31 sa 35 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588) jirriżulta li, f’każ tal-mewt ta’ uffiċjal, huma biss il-persuni espressament indikati fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu persuni koperti minn dawn tal-aħħar għall-finijiet tal-preżentata ta’ azzjoni għall-kumpens għad-danni li rriżultaw minn dan il-mewt.

    59

    Konsegwentement, fil-punti 134 u 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet il-locus standi ta’ ħu u ta’ oħt l-uffiċjal mejjet bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE sabiex jintalab kumpens għad-dannu morali tagħhom abbażi ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li ma hijiex l-Artikolu 73 tagħhom u billi ddikjarat li r-riferiment magħmul fil-punti 33 u 34 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588), ma kienx xieraq u kellu jiġi miċħud.

    60

    Stefano Missir Mamachi di Lusignano u Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano jqisu li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    – L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    61

    Għandu jitfakkar li, fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni ratione personae tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens imressqa minn missier l-uffiċjal mejjet f’ismu u f’isem ulied dan tal-aħħar. Hija rrilevat f’dan ir-rigward li dawn il-persuni kienu koperti mill-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn din id-dispożizzjoni tindika espressament it-tfal tal-uffiċjal kif ukoll l-axxendenti tiegħu bħala persuni li jistgħu, fil-każ tal-mewt tiegħu, jibbenefikaw mill-benefiċċji previsti fl-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, hija ppreċiżat ukoll li l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija persuni effettivament kellhomx dritt għall-benefiċċji ggarantiti mir-Regolamenti tal-Persunal ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni ratione personae ta’ dan it-tribunal għaliex, li kieku kien mod ieħor, kien ikun neċessarju, sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni dwar din il-ġurisdizzjoni, li l-ewwel tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ rikors ippreżentat quddiemha.

    62

    Issa, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, mill-punti 33 u 34 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588), ma jirriżultax li l-uniċi persuni minbarra uffiċjali li jistgħu jippreżentaw rikors għad-danni abbażi tal-Artikolu 270 TFUE wara l-mewt ta’ uffiċjal huma dawk imsemmija fl-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-indikazzjoni li ssir, f’din l-aħħar dispożizzjoni, tal-konjuġi, tad-dixxendenti u tal-axxendenti tal-uffiċjal bħala persuni li jistgħu, fil-każ tal-mewt ta’ dan tal-aħħar, jibbenefikaw minn benefiċċju tikkostitwixxi biss każ wieħed, fost oħrajn, fejn persuni oħra minbarra l-uffiċjali jkunu koperti minn dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) ta’ dawn tal-aħħar u għalhekk jistgħu jippreżentaw rikors għad-danni abbażi tal-Artikolu 270 TFUE. Għalhekk, l-indikazzjoni magħmula fl-imsemmi Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija dispożizzjoni li tipprevedi l-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ ċerti benefiċċji finanzjarji lil persuni speċifiċi fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal, ma tillimitax lill-persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal li jistgħu jressqu azzjoni intiża għall-ħlas ta’ kumpens, distinta mill-imsemmija benefiċċji, abbażi tal-Artikolu 270 TFUE minħabba dannu li jirriżulta mill-mewt ta’ uffiċjal.

    63

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talbiet għal kumpens ta’ ħu u ta’ oħt l-uffiċjal mejjet indirizzati lill-Kummissjoni, ikkunsidrat, fil-punti 134 u 135 tas-sentenza appellata, li l-punti 33 u 34 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588), kienu jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-qorti kompetenti ratione personae u li, għaldaqstant, ir-riferiment għal dawn il-punti ma kienx xieraq u kellu jiġi miċħud.

    64

    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it‑tieni aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    65

    Permezz tat-tieni aggravju, invokat sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

    66

    Minn naħa, fil-punti 154 sa 168, 171, 172 u 181 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu morali kkawżat lil ħu u lil oħt l-uffiċjal mejjet. Il-motivi mressqa fil-punti 155 u 161 tas-sentenza appellata, li skonthom il-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżistenza ta’ din ir-rabta kawżali u din tirriżulta mis-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874), ma humiex rilevanti peress li huma żbaljati.

    67

    Min-naħa l-oħra, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa kontradittorju sa fejn, fil-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata, hija qieset li kienet marbuta bis-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874), li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mewt tal-uffiċjal inkwistjoni, filwaqt li, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, hija eskludiet li l-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà jista’ jkun rilevanti f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi, fil-punti 172 u 181 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet responsabbli għad-danni morali mġarrba minn ħu u oħt l-uffiċjal mejjet.

    68

    Stefano Missir Mamachi di Lusignano u Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano jqisu li t-tieni aggravju tal-appell huwa infondat.

    L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    69

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni, impost fuq il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-fondatezza tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 79).

    70

    B’hekk, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-obbligu jobbligaha tispjega b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit minnha b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen vs EUIPO, C‑471/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:602, punt 28, u tal‑25 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs GEA Group, C‑823/18 P, EU:C:2020:955, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    F’dan il-każ, fil-punti 153 sa 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-punti 182 sa 190 tas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien iddeċieda li kienet teżisti rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal inkwistjoni u l-qtil tiegħu, u li din l-evalwazzjoni kienet definittiva fl-assenza ta’ appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra dik is-sentenza. Hija fakkret ukoll li, fis-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874), hija kienet irrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tikkontesta l-imsemmija evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

    72

    Barra minn hekk, fil-punti 156 sa 161 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod partikolari li d-diskussjoni dwar ir-rabta bejn it-teoriji tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet u tal-kawżalità adegwata li seħħet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874), kienet seħħet esklużivament għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tiġi ddikjarata bħala responsabbli għall-mewt tal-uffiċjal inkwistjoni.

    73

    Fil-punti 162 sa 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-konstatazzjoni definittiva mill-qorti tal-Unjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir żbaljat tal-Kummissjoni u l-qtil tal-uffiċjal inkwistjoni kienet kompletament trasponibbli għall-każ inkwistjoni. Hija qieset b’mod partikolari li l-fatt li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux it-tfal jew il-ġenituri tal-uffiċjal mejjet, iżda ħuh u oħtu kien irrilevanti peress li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx jipprekludi l-possibbiltà għall-aħwa ta’ uffiċjal li jiksbu kumpens u li mill-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri kien jirriżulta dritt għall-aħwa li jitolbu, jekk ikun il-każ, kumpens għal dannu morali għat-telf ta’ ħuhom. Barra minn hekk, hija indikat li l-fatt li d-dannu morali tal-aħwa ta’ uffiċjal kien jikkostitwixxi dannu indirett jew medju meta mqabbel mad-dannu mġarrab mill-uffiċjal innifsu ma jeskludix li dan id-dannu morali jista’ jiġi rrikonoxxut bħala suġġett għal kumpens skont il-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri.

    74

    Fl-aħħar nett, fil-punti 167 sa 169 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu sostnew kunsiderazzjonijiet partikolari sabiex jistabbilixxu r-realtà u l-intensità tad-dannu morali li huma jġarrbu minħabba l-mewt ta’ ħuhom billi invokaw iċ-ċirkustanzi uniċi u partikolarment drammatiċi ta’ dan il-mewt, it-tagħbijiet kbir tal-familja għall-futur tal-ulied ta’ dan l-uffiċjal u l-uġigħ u tbatija inġusti li rriżultaw minħabba t-telf ta’ ħuhom. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu effettivament ta’ natura li kkawżaw lil ħu u lil oħt l-uffiċjal mejjet tbatija morali ta’ intensità mhux tas-soltu, iżda li, lil hinn minnha, dawn ma ressqux il-prova tar-realtà ta’ rabtiet affettivi bejn dan l-uffiċjal u ħutu li kienu jmorru lil hinn mir-rabtiet komuni bejn l-aħwa adulti li jgħixu ħajjiet awtonomi.

    75

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali mmotivat debitament ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li kien hemm rabta kawżali bejn il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ protezzjoni tal-uffiċjal mejjet u d-dannu morali mġarrab minn ħuh u minn oħtu wara l-qtil tiegħu. Fil-fatt, il-punti 153 sa 169 tas-sentenza appellata jesponu b’mod suffiċjentement ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali u jippermettu, b’mod partikolari lill-Kummissjoni, li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    76

    Din l-aħħar evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li, l-ewwel, hija kienet ikkontestat, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tagħha u d-dannu morali ta’ ħu u ta’ oħt l-uffiċjal mejjet, it-tieni, hija ma setgħetx tippreżenta appell kontra s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), peress li hija ma kinitx tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha u, għaldaqstant, minn din l-assenza ta’ appell ma setax jiġi dedott li hija ma kkontestatx l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dik is-sentenza, u, it-tielet, il-kunsiderazzjonijiet meħuda fis-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874), ma eżentawx lill-Qorti Ġenerali mill-obbligu li tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom kienet teżisti rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu morali sostnut minn ħu u minn oħt l-uffiċjal mejjet.

    77

    Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-argumenti, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ din ir-rabta kawżali u mhux il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma indikatx b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li hija segwiet fis-sentenza appellata. Issa, kif inhu espost fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

    78

    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni li tgħid li s-sentenza appellata hija debitament motivata ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq kontradizzjoni bejn il-motivi li jinsabu fil-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata u dawk li jinsabu fil-punt 166 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, tikkonstata li, minn naħa, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874), kienet rilevanti sabiex tiġi stabbilita rabta kawżali bejn l-aġir żbaljat tal-Kummissjoni u l-qtil tal-uffiċjal inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjoni li d-dannu morali tal-aħwa ta’ uffiċjal, imġarrab minħabba l-mewt tiegħu, huwa dannu rrikonoxxut bħala suġġett għal kumpens skont il-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri ma ġietx ikkontestata mis-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Missir Mamachi di Lusignano et vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P RENV‑RX, EU:T:2017:874), peress li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma kinitx adita mill-kwistjoni tal-kumpens għad-dannu morali ta’ ħu u ta’ oħt l-uffiċjal mejjet.

    79

    Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat u li, konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l‑ispejjeż

    80

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    81

    L-Artikolu 138 ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    82

    Peress li Stefano Missir Mamachi di Lusignano u Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hija għandha tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti minn Stefano Missir Mamachi di Lusignano u Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti minn Stefano Missir Mamachi di Lusignano u Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top