Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0702

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-14 ta’ Ġunju 2022.
    SIA "DOBELES HES" SIA u Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-operatur pubbliku li jikseb il-provvisti tiegħu mingħand produtturi ta’ enerġiji rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq – Assenza ta’ ħlas ta’ parti mill-għajnuna kkonċernata – Talba għal kumpens imressqa minn dawn il-produtturi quddiem awtorità pubblika distinta minn dik li, bħala prinċipju, hija marbuta, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tħallas din l-għajnuna u li l-baġit tagħha huwa intiż biss li jiżgura l-funzjonament tagħha stess – Għajnuna ġdida – Obbligu ta’ komunikazzjoni – Għajnuna de minimis – Regolament (UE) Nru 1407/2013 – Artikolu 5(2) – Akkumulazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ammonti ta’ għajnuna diġà mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza abbażi tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali.
    Kawżi magħquda C-702/20 u C-17/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:465

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    RANTOS

    ippreżentati fl‑14 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑702/20 u C‑17/21

    SIA “DOBELES HES” (C‑702/20)

    Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (C‑17/21)

    fil-preżenza ta’:

    Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija,

    Ekonomikas ministrija,

    Finanšu ministrija,

    SIA “GM”,

    Ekonomikas ministrija,

    Finanšu ministrija

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 107(1) TFUE – Obbligu tal-operatur pubbliku li jixtri mingħand produtturi tal-enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq – Danni għall-ammonti ta’ għajnuna mhux irċevuti – Għajnuna eżistenti – Għajnuna ġdida – Obbligu ta’ notifika – Għajnuna de minimis – Kumulu – Imputazzjoni tal-kumpens għall-baġit ta’ awtorità li għandu jintuża esklużivament għall-finijiet tal-attività regolatorja”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE għal dak li jikkonċerna dispożizzjonijiet tad-dritt Latvjan dwar ix-xiri ta’ elettriku mingħand impriżi li jipproduċu l-elettriku f’impjanti ta’ enerġija idroelettrika.

    2.

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, SIA “DOBELES HES” (ir-rikorrenti fil-Kawża C‑702/20) u SIA “GM” (ir-rikorrenti fil-Kawża C‑17/21) (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) u min-naħa l-oħra, is-Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (il-Kummissjoni Regolatorja tas-Servizzi Pubbliċi, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Regolatorja”) minħabba li din tal-aħħar, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Marzu 2006 u l‑1 ta’ April 2010, ma kinitx stabbilixxiet it-tariffa medja għall-bejgħ tal-elettriku li fuq il-bażi tagħha kien ikkalkolat il-prezz ogħla li bih organu pubbliku, jiġifieri l-kumpannija AS Latvenergo, xtrat lura l-elettriku żejjed prodott mir-rikorrenti. Peress li ħassew ruħhom leżi mill-aġir tal-Kummissjoni Regolatorja, ir-rikorrenti talbu kumpens għad-dannu li huma allegatament sofrew minħabba li din it-tariffa ma ġietx iffissata.

    3.

    Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw tliet problemi “klassiċi” fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Din il-qorti tistaqsi, l-ewwel, fuq il-punt dwar jekk miżura nazzjonali li tikkonsisti fix-xiri tal-enerġija idroelettrika bid-doppju tat-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku timplikax “riżorsi tal-Istat” b’mod li tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat. Sussegwentement, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-ħlas ta’ danni minn qorti nazzjonali jistax jammonta għal “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fl-aħħar nett, l-istess qorti tagħmel sensiela ta’ domandi li jirrigwardaw il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi analizzata l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mad-dritt tal-Unjoni f’każ li din tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    1. Ir‑Regolament (UE) Nru 1407/2013

    4.

    L-Artikolu 3, intitolat “Għajnuna de minimis”, tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013 ( 2 ) jipprovdi li:

    “1.   Il-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) [TFUE] u għaldaqstant ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) [TFUE], jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil xi impriża waħda m’għandhiex tkun iktar minn EUR 200000 fuq kwalunkwe perijodu ta’ tliet snin fiskali.

    […]”

    5.

    L-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

    “L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew mal-għajnuna mill-Istat għall-istess miżura ta’ finanzjament tar-riskju, jekk akkumulazzjoni bħal dik teċċedi l-ogħla intensità ta’ għajnuna rilevanti jew ammont ta’ għajnuna ffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’ regolament għal eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni […]”

    6.

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi, bħala dispożizzjonijiet tranżitorji:

    “Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe għanjnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti”.

    2. Ir‑Regolament (UE) 2015/1589

    7.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1589 ( 3 ) jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    b)

    ‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

    i)

    mingħajr preġudizzju […] għall-punt 3 u l-Appendiċi tal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni […] tal-Latvja […], l-għajnuna kollha li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat- TFUE fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat- TFUE fl-Istat Membri rispettiv;

    ii)

    għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

    iii)

    għajnuna meqjusa awtorizzata skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 [ ( 4 )] jew l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-Regolament, jew awtorizzata qabel ir-[Regolament Nru 659/1999] iżda f’konformità ma’ din il-proċedura;

    iv)

    għajnuna meqjusa għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament;

    v)

    għajnuna meqjusa għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ ma kinitx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq intern u mingħajr ma l-Istat Membru jkun għamel tibdil fiha. Fejn ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mil-liġi tal- Unjoni, dawk il-miżuri m’għandhomx jitqiesu li jkunu għajnuna eżistenti wara d-data stabbilita għall-liberalizzazzjoni;

    c)

    ‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

    […]”

    8.

    L-Artikolu 2, intitolat “Notifika ta’ għajnuna ġdida” tar-Regolament 2015/1589 huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 109 tat-TFUE jew skont kull disposizzjoni oħra rilevanti tagħhom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat […]

    […]”

    9.

    L-Artikolu 3, intitolat “Klawsola ta’ sospensjoni”, ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Għajnuna notifikabbli skont l-Artikolu 2(1) m’għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet, jew jitqies li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza dik l-għajnuna”.

    10.

    L-Artikolu 17, intitolat “Perjodu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-għajnuna”, tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

    “1.   Il-setgħat tal-Kummissjoni biex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.

    2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna kontra l-liġi tingħata lill-benefiċarju bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna […]

    3.   Kull għajnuna li fir-rigward tagħha jkun skada l-perjodu ta’ preskrizzjoni, għandha titqies li hi għajnuna eżistenti”.

    3. Id‑Direttiva 2002/20/KE

    11.

    Il-premessa 30 tad-Direttiva 2002/20/KE ( 5 ) hija fformulata kif ġej:

    “Ħlasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u fl-għoti ta’ drittijiet ta’ użu […]”

    12.

    L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:

    a)

    fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali […]

    […]”

    B.   Id‑dritt Latvjan

    13.

    L-Artikolu 40(1) tal-Enerģētikas likums (il-Liġi dwar l-Enerġija), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Ġunju 2001 u s‑7 ta’ Ġunju 2005 jipprovdi li:

    “L-impriża tad-distribuzzjoni tal-elettriku awtorizzata tixtri mingħand l-impjanti żgħar tal-enerġija idroelettrika l-elettriku żejjed li huma jipproduċu, […], bi prezz li jikkorrispondi għal darbtejn it-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku. Il-prezz ta’ tali akkwist jiġi mbagħad stabbilit mill-awtorità regolatorja”.

    14.

    L-Artikolu 30(1) tal-Elektroenerģijas tirgus likums (il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ matul il-perijodu bejn it‑8 ta’ Ġunju 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2014, jipprovdi li:

    “Il-produtturi li, għall-produzzjoni tal-elettriku, jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jkunu bdew l-attività tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom ibiegħu l-elettriku lill-operatur pubbliku skont […] il-prezzijiet li jkunu ġew applikati lilhom fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi”.

    15.

    L-Artikolu 30(3) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ matul il-perijodu bejn it‑8 ta’ Ġunju 2005 u l‑14 ta’ Mejju 2008, jipprovdi:

    “[…] Il-prezz ta’ dan l-akkwist japplika għall-klijenti finali kollha tal-elettriku fil-Latvja pro rata għall-konsum tal-elettriku tagħhom, meta parti mill-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tinxtara mingħand l-operatur pubbliku jew meta l-ispiża li jġarrab dan tal-aħħar tkun is-suġġett ta’ kumpens”.

    16.

    L-Artikolu 29(1) tal-likums “Par sabiedrisko pakalpojumu regulatoriem” (il-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi) jipprovdi:

    “Il-funzjonament tal-awtorità regolatorja huwa ffinanzjat mid-dħul mill-ġbir tat-tariffa tal-Istat biex jirregola s-servizzi pubbliċi u mill-ħlasijiet għas-servizzi pprovduti mill-awtorità regolatorja, li huma previsti f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji oħra”.

    III. Il‑kawżi prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    17.

    Sa minn qabel ma r-Repubblika tal-Latvja daħlet fl-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur ta’ dan l-Istat Membru kien introduċa leġiżlazzjoni intiża li tippromwovi l-produzzjoni tal-elettriku b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, l-Artikolu 40(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija kien jagħti lill-impjanti żgħar ta’ enerġija idroelettrika, għal perijodu ta’ tmien snin b’effett mill-bidu tal-operat tagħhom, id-dritt li jbigħu l-elettriku żejjed tagħhom lill-impriża ta’ distribuzzjoni tal-elettriku awtorizzata b’tariffa d-doppju tat-tariffa medja ta’ bejgħ tal-elettriku. Din it-tariffa kellha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni Regolatorja.

    18.

    Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Latvja fl-Unjoni, dan il-benefiċċju nżamm mil-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, li daħlet fis-seħħ fit‑8 ta’ Ġunju 2005. Għaldaqstant, matul il-perijodu kontenzjuż, bejn Marzu 2006 sa Settembru 2008, il-produtturi tal-enerġija idroelettrika (bħar-rikorrenti) kellhom id-dritt li jbigħu l-eċċess tal-produzzjoni tagħhom lill-operatur pubbliku, jiġifieri l-kumpannija Latvenergo proprjetà 100 % tal-Istat, bil-prezz ogħla. Skont id-dritt nazzjonali, it-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku kienet iffissata mill-Kummissjoni Regolatorja fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità li tirregola s-suq tal-elettriku.

    19.

    Matul is-sena 2010, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) ddeċidiet li, bejn is-snin 2005 u 2010, il-prezz ogħla kien ġie kkalkolat b’mod żbaljat mill-Kummissjoni Regolatorja. Konsegwentement, ir-rikorrenti, li kienu operaw impjanti ta’ enerġija idroelettrika matul dan il-perijodu, talbu lil din l-awtorità kumpens għat-telf imġarrab minnhom minħabba li ma ġietx iffissata t-tariffa kkonċernata ( 6 ), u mbagħad adixxew lill-qorti amministrattiva bir-rifjuti li huma rċevew.

    20.

    Permezz ta’ żewġ sentenzi tal‑31 ta’ Mejju u tal‑10 ta’ Lulju 2019, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) ikkundannat lill-Kummissjoni Regolatorja biex tħallashom rispettivament l-ammont ta’ EUR 3 406.63 u ta’ EUR 662.26. Madankollu, meħud kont tal-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea li hija kienet talbet matul il-proċeduri, din il-qorti ssuġġettat il-ħlas ta’ dawn l-ammonti għall-kundizzjoni sospensiva li dawn jiġu nnotifikati, bħala għajnuna mill-Istat, lil din l-istituzzjoni u li din tal-aħħar tagħti l-approvazzjoni tagħha jew titqies li tatha.

    21.

    Il-Kummissjoni Regolatorja ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, kontra dawn is-sentenzi. Din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fiż-żewġ kawżi u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma identiċi fiż-żewġ kawżi:

    “1)

    L-obbligu skont liema l-operatur pubbliku għandu jixtri l-elettriku minn produtturi li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq, billi japprofittaw mill-obbligu skont liema l-konsumatur finali għandu jħallas prezz proporzjonali għall-konsum, għandu jitqies bħala intervent tal-Istat jew bħala għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

    2)

    Il-kunċett ta’ ‘liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku’ għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed jista’ jqis li l-liberalizzazzjoni tkun diġà seħħet fid-dawl ta’ ċerti elementi ta’ kummerċ ħieles, bħal kuntratti konklużi mill-operatur pubbliku ma’ fornituri ta’ Stati Membri oħrajn? Jista’ wieħed iqis li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku tibda minn meta l-liġi tagħti lil parti mill-utenti tal-elettriku (bħall-utenti tal-elettriku konnessi man-network tat-trasport jew l-utenti tal-elettriku mhux residenzjali konnessi man-network ta’ distribuzzjoni) id-dritt li jibdlu l-fornitur tal-elettriku? L-evoluzzjoni tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Latvja, b’mod partikolari s-sitwazzjoni qabel is-sena 2007, għandha effett fuq l-evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE (risposta għall-ewwel domanda)?

    3)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-fatt li r-rikorrenti attwalment topera f’suq tal-elettriku lliberalizzat u li l-ħlas tad-danni jagħtiha, preżentement, vantaġġ meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn fis-suq inkwistjoni jwassal sabiex id-danni jiġu assimilati mal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

    4)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-talba tar-rikorrenti intiża li tikseb kumpens għad-danni għat-telf subit minħabba l-eżerċizzju inkomplet tad-dritt legali għal ħlas ogħla għall-elettriku prodott għandha, fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 107 TFUE, tiġi assimilata għal talba ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida jew għal talba għal ħlas ta’ parti tal-għajnuna mill-Istat mhux miġbura qabel?

    5)

    Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun fis-sens li t-talba tar-rikorrenti għandha titqies fil-kuntest taċ-ċirkustanzi preċedenti bħala talba ta’ ħlas ta’ parti mill-għajnuna mill-Istat mhux miġbura qabel, mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li, biex issir deċiżjoni preżentement dwar il-ħlas ta’ tali għajnuna mill-Istat, huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni attwali tas-suq u li tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni fis-seħħ (inklużi restrizzjonijiet attwali fil-qasam ta’ kumpens żejjed)?

    6)

    Il-fatt li, kuntrarjament għall-impjanti tal-enerġija idroelettrika, l-impjanti tal-enerġija eolika ikunu bbenefikaw, fil-passat, minn għajnuna kompleta huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

    7)

    Il-fatt li hija biss parti mill-impjanti tal-enerġija idroelettrika li bbenefikaw minn għajnuna inkompleta li hija fil-preżent ikkumpensata huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

    8)

    L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 1407/2013] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kriterji previsti għall-għajnuna de minimis huma applikabbli għall-għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża sa fejn l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx il-limitu de minimis? L-Artikolu 5(2) [ta’ dan ir-regolament] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’din il-kawża, il-fatt li t-telf inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala għajnuna de minimis jista’ jagħti lok għal kumulu pprojbit, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.43140 sabiex jiġi evitat kumpens żejjed?

    9)

    Jekk l-għoti/il-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat huwa stabbilit f’din il-kawża, l-Artikolu 1(b) u (c) tar-[Regolament 2015/1589] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħal dawk ikkonstatati f’din il-kawża jikkorrispondu mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida, u mhux mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti?

    10)

    Jekk ir-risposta għad-disa’ domanda hija fl-affermattiv, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hijiex assimilata għall-għoti ta’ għajnuna eżistenti tat-tip imsemmi fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 jimplika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data tal-ħlas effettiv tal-għajnuna bħala l-bidu tad-dekorrenza ta’ preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 17(2) [ta’ dan ir-regolament]?

    11)

    Jekk l-għoti/il-pagament ta’ għajnuna mill-Istat huwa stabbilit, l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589 għandhom jiġu interpretati fis-sens li modalitajiet ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża huma ġġustifikati meta l-qorti nazzjonali tilqa’ talba għad-danni bil-kundizzjoni li tkun ġiet irċevuta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun awtorizzat l-għajnuna, u li hija tordna lill-Ministeru għall-Ekonomija li jinnotifika lill-Kummissjoni l-għajnuna għall-attivitajiet kummerċjali f’terminu ta’ xahrejn sa mid-data tal-għoti tas-sentenza?

    12)

    Il-fatt li jintalbu danni minn awtorità pubblika ([il-Kummissjoni Regolatorja]) li qatt ma kellha tkun responsabbli għall-ħlas ta’ tali spejjeż u li l-baġit tagħha jinkludi t-tariffi tal-Istat imħallsa mill-fornituri ta’ servizzi pubbliċi tas-setturi rregolati, li huma intiżi biss li jiġi żgurat il-funzjonament tal-awtorità regolatorja, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

    13)

    Modalitajiet ta’ kumpens bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża huma kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw is-setturi rregolati li huma stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, inklużi l-Artikolu 12 u l-premessa 30 tad-[Direttiva 2002/20], kif emendata bid-Direttiva [2009/140]?”

    22.

    Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-awtorità regolatorja, mill-Gvern Latvjan, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet wieġbu wkoll bil-miktub fit-terminu mogħti għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-partijiet kif ukoll ir-rikorrenti u l-Gvern Spanjol ittrattaw ukoll waqt is-seduta li nżammet, fl-Awla Manja, fid‑29 ta’ Marzu 2022.

    IV. Analiżi ġuridika

    A.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

    23.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk sistema li timponi fuq l-operaturi pubbliċi li jixtru l-elettriku prodott b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq, permezz ta’ obbligu impost fuq il-konsumatur finali biex jiffinanzja dawn il-ħlasijiet, għandhiex titqies bħala “intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    24.

    Jeħtieġ li jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tippresupponi li jkunu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 7 ).

    25.

    Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda biss l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tista’ tkun ikklassifikata bħala intervent tal-Istat jew bħala għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi mill-Istat jekk ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet distinti u kumulattivi: 1) il-miżura tkun imputabbli lil Stat Membru u 2) il-miżura tingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat ( 8 ).

    26.

    Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Istat Membru għandux jitqies bħala li kien involut fl-adozzjoni ta’ din il-miżura. Din il-kundizzjoni titqies issodisfatta meta l-miżura inkwistjoni tkun ġiet stabbilita mil-liġi jew minn leġiżlazzjoni ( 9 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu ta’ kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie stabbilit b’mezz leġiżlattiv u għandu għaldaqstant jitqies imputabbli lill-Istat, ħaġa li, barra minn hekk, ma ġiet ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati.

    27.

    Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-kundizzjoni dwar li l-vantaġġ jingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jiġi rrilevat li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li huma rrikonoxxuti bħala li jaqgħu taħt l-Artikolu 107(1) TFUE ( 10 ).

    28.

    Ninnota mill-ewwel li l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni li jikkonċernaw dan it-tieni kriterju wasslu għal talba min-naħa tal-Gvern Ġermaniż biex dawn il-kawżi jiġu ttrattati mill-Awla Manja, skont l-Artikolu 16(3) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont dan il-gvern, dan it-trattament huwa ġġustifikat minħabba l-fatt li l-problema dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “riżorsi tal-Istat” għandha portata ta’ prinċipju għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod iktar preċiż, dan il-Gvern isostni li n-natura fiskali ta’ miżura ma tagħtix, waħidha, natura Statali lir-riżorsi rċevuti, u dan għall-kuntrarju tal-pożizzjoni li ġiet adottata mill-Kummissjoni fuq dan il-punt. Min-naħa l-oħra, ikun determinanti l-fatt li r-riżorsi rċevuti jkunu effettivament għad-dispożizzjoni tal-organi pubbliċi jew taħt il-kontroll tal-Istat. Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, in-natura fiskali tikkostitwixxi biss indizju tal-eżistenza ta’ kontroll pubbliku u tas-setgħa li r-riżorsi rċevuti jkunu għad-dispożizzjoni tal-organu pubbliku.

    29.

    Qabel ma nieħu pożizzjoni fuq din il-problema, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tinvolvix riżorsi tal-Istat.

    1. L‑evalwazzjoni tas‑sistema Latvjana inkwistjoni fid‑dawl tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    30.

    Nirrileva mill-ewwel li żviluppat ġurisprudenza abbundanti fuq is-suġġett tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli implimentati mill-parti l-kbira tal-Istati Membri. Din il-ġurisprudenza tipprovdilna indikazzjonijiet utli biex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari.

    31.

    Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura li tikkonsisti fl-obbligu ta’ xiri ta’ enerġija tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, minkejja li ma tinvolvix trasferiment tar-riżorsi tal-Istat ( 11 ). L-Artikolu 107(1) TFUE jinkludi, fil-fatt, il-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, irrispettivament minn jekk dawn il-mezzi jkunux assi permanenti tal-Istat jew le. Għaldaqstant, anki jekk is-somom li jikkorrispondu mal-miżura ta’ għajnuna kkonċernata ma humiex permanentement fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” ( 12 ).

    32.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat, ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika ( 13 ). L-element deċiżiv, f’dan ir-rigward, jikkonsisti fil-fatt li tali entitajiet ikunu awtorizzati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsa tal-Istat, u mhux sempliċiment ikunu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess ( 14 ). F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tkun teżisti rabta bejn, minn naħa, il-vantaġġ inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tnaqqis – tal-inqas potenzjali – tal-baġit tal-Istat ( 15 ). Din ir-rabta teżisti fi kwalunkwe każ meta l-leġiżlatur jobbliga lill-utenti finali sabiex iħallsu, skont kriterju oġġettiv (pereżempju skont il-konsum tal-enerġija), kontribuzzjoni lill-awtorità pubblika. Tali kontribuzzjoni hija fil-fatt simili għal taxxa. L-istess japplika jekk il-kontribuzzjoni tinġabar minn entità li ma hijiex l-awtorità pubblika, bħall-ġestjonarju tan-network ( 16 ).

    33.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-elementi preċedenti biex tiddeċiedi li l-miżuri msemmija f’ċertu numru ta’ kawżi li għandhom ċerta xebh mal-kawżi prinċipali kellhom jitqiesu bħala li jinvolvu riżorsi tal-Istat ( 17 ).

    34.

    Barra mill-każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien hemm kontroll mill-Istat fuq ir-riżorsi inkwistjoni, jeħtieġ ukoll li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali kontroll ma kienx jeżisti.

    35.

    Għaldaqstant, fis-sentenza PreussenElektra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma jkunux involuti riżorsi tal-Istat f’miżuri li permezz tagħhom l-Istat jillimita ruħu biex jiffissa prezz minimu jew massimu għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ prodott jew ta’ servizz partikolari ( 18 ). Minn dan isegwi li l-Istat la jikkontrolla u lanqas ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-fondi meta l-leġiżlatur jipproċedi biex jirregola l-prezzijiet u jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, il-mod ta’ tqassim tal-piż finanzjarju li dan il-prezz jiġġenera bejn l-entitajiet privati kkonċernati, mingħajr, għall-bqija, ma jintervjeni fil-ġestjoni jew l-allokazzjoni tal-fondi. F’dan il-każ, l-entitajiet privati jiġġestixxu l-mezzi finanzjarji tagħhom stess u mhux riżorsi Statali.

    36.

    Barra minn hekk, il-preżenza ta’ riżorsi Statali ma tkunx stabbilita meta ħlas previst mil-liġi imposta fuq kategorija predefinita ta’ persuni (jiġifieri l-konsumaturi) ma tkunx obbligatorja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat għaldaqstant fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni li, biex wieħed ikun jista’ jitkellem fuq riżorsi tal-Istat, il-ħlas irid ikun obbligatorju de jure, fis-sens li n-natura obbligatorja tiegħu għandha tirriżulta mid-dritt nazzjonali ( 19 ). Konsegwentement, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita ruħha, sempliċiment, biex “tippermetti” r-riperkussjoni ta’ ħlas fuq kategorija partikolari ta’ persuni, ebda “ħlas obbligatorju” ma jkun jinsab impost fuq din il-kategorija ta’ persuni u, għaldaqstant, ir-riżorsi bbażati fuq tali ħlas ma jsirux riżorsi tal-Istat.

    37.

    Jeħtieġ issa li tiġi analizzata l-miżura Latvjana inkwistjoni fid-dawl tas-suespost.

    38.

    Ninnota, fl-ewwel lok, li s-sistema implimentata mill-Gvern Latvjan kienet tinkludi ħlas obbligatorju li kien impost fuq il-konsumaturi finali kollha unilateralment mil-leġiżlatur permezz ta’ att ġuridiku vinkolanti, b’mod li dan jista’ jixbah taxxa ( 20 ).

    39.

    Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li l-ammonti miġbura mingħand il-konsumaturi finali li ntużaw għax-xiri tal-elettriku prodott b’sorsi rinnovabbli kienu amministrati minn organu taħt il-kontroll pubbliku, jiġifieri mill-kumpannija Latvenergo, li hija proprjetà 100 % tal-Istat. Din il-kumpannija kienet tamministra l-fondi li hija kienet tirċievi u kienet tqassamhom lill-fornituri tal-enerġija rinnovabbli skont il-kriterji ddefiniti mil-liġi Latvjana. Il-fatt li Latvenergo ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-allokazzjoni tal-fondi miġbura (li għandhom jintużaw biss għall-finijiet previsti minn din is-sistema) ma jneħħi xejn mill-fatt li huma l-awtoritajiet pubbliċi li jieħdu d-deċiżjonijiet kollha f’dan ir-rigward ( 21 ).

    40.

    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tad-distribuzzjoni tal-fondi kkonċernati, jiġifieri mill-mument li dawn jinġabru mingħand il-konsumaturi finali tal-elettriku sat-tqassim tagħhom bejn l-impriżi inkwistjoni, dawn il-fondi kienu jinsabu b’mod kostanti taħt il-kontroll pubbliku f’qafas irregolat b’mod strett.

    41.

    Nirrileva wkoll li, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, is-sistema Latvjana hija differenti mis-sistemi inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi PreussenElektra u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni. Għaldaqstant, fis-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tariffi marbutin max-xiri huma koperti b’att ġuridiku vinkolanti, jiġifieri l-ħlas obbligatorju impost bil-liġi, u dan għall-kuntrarju tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni. Barra minn hekk, b’kuntrast mas-sistema inkwistjoni fil-kawża PreussenElektra li kienet tipprevedi li l-finanzjament tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli kien joriġina esklużivament minn sorsi privati, il-fondi użati fil-kuntest tas-sistema Latvjana sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż marbuta max-xiri ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli bil-prezz ogħla ffissat mill-Istat kienu jinġabru mingħand il-konsumaturi finali. Għandu wkoll jitfakkar li l-obbligu ta’ xiri fil-kuntest tas-sistema Latvjana huwa impost fuq operatur speċifiku, kompletament pubbliku, u mhux fuq entitajiet privati.

    42.

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jiena tal-fehma li, minkejja l-approċċ adottat li jikkonċerna l-problema li tqajmet mill-Gvern Ġermaniż, is-sistema Latvjana tinvolvi “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, min-naħa, kif jispjega l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sistema hija ffinanzjata minn ħlas obbligatorju li jixbah lil taxxa. Min-naħa l-oħra, kif ġie espost fil-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-riżorsi involuti fil-finanzjament tas-sistema jinġabru, huma ġestita u jitqassmu minn kumpannija totalment proprjetà tal-Istat u għaldaqstant jinsabu dejjem taħt il-kontroll tal-Istat.

    2. Teħid ta’ pożizzjoni fuq il‑problema mqajma mill‑Gvern Ġermaniż

    43.

    Il-problema mqajma mill-Gvern Ġermaniż hija xhieda tal-kumplessità li toħloq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli. Għaldaqstant, l-isfida li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja hija li tistabbilixxi punt ta’ bilanċ bejn, min-naħa, ir-“riskju ta’ sottoinklużjoni”, li jwassal biex id-dritt tal-Unjoni jippermetti l-ħolqien ta’ skemi kumplessi li jippermettu li jiġu evitati r-regoli li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, ir-“riskju ta’ inklużjoni żejda”, li tirriżulta mill-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli li ma jinvolvux l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

    44.

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat sensiela ta’ kawżi li jirrigwardaw skemi ta’ appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli implimentati mill-Istati Membri. Issa, l-element determinanti li joħroġ minn din il-ġurisprudenza huwa li, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, il-fondi involuti għandhom ikunu konsistentement taħt il-kontroll pubbliku u jkunu effettivament għad-dispożizzjoni tal-Istat. Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat tkun tiddependi fuq il-grad ta’ kontroll li l-Istat jeżerċita fuq il-fondi involuti.

    45.

    Dan l-element jippermettilna, fl-ewwel lok, li tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat meta l-Istat ma jkollu ebda kontroll fuq il-fondi involuti. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta skema ta’ appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli tipprevedi li l-fondi ta’ oriġini privata jitqassmu bejn l-impriżi mingħajr ma dawn il-fondi jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Istat, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra.

    46.

    Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-kundizzjoni tal-kontroll tar-riżorsi tal-Istat titqies issodisfatta f’żewġ każijiet, jiġifieri, minn naħa, meta l-miżura inkwistjoni tikkonċerna fondi ffinanzjati minn taxxa jew ħlasijiet obbligatorji oħra bħalma huma l-kontribuzzjonijiet jew tariffi li minnhom jibbenefika l-baġit tal-Istat u jistgħu għaldaqstant jiġu assimilati ma’ taxxa u, min-naħa l-oħra, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi l-ħlas ta’ kontribuzzjoni u meta l-fondi li jirriżultaw minnhom jiġu amministrati u minfuqa mill-Istat stess jew minn entità li taġixxi f’isem u taħt il-kontroll tal-Istat.

    47.

    Dawn huma żewġ kundizzjonijiet kumulattivi? Din hija, essenzjalment, il-problema mqajma mill-Gvern Ġermaniż. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

    48.

    Nikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun interpretata fis-sens li, fil-preżenza ta’ fondi ffinanzjati minn taxxa jew minn ħlasijiet, kontribuzzjonijiet jew tariffi oħra imposti fuq il-konsumatur finali kollha b’mod unilaterali mil-leġiżlatur permezz ta’ att ġuridiku vinkolanti li jistgħu għaldaqstant jiġu assimilati għal taxxa, dawn ir-riżorsi jkollhom dejjem natura Statali – li ovvjament hija inerenti għall-kunċett ta’ “taxxa” –, b’mod li l-kundizzjoni marbuta mal-kontroll tal-fondi mill-Istat u mat-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-Istat titqies issodisfatta. Jidhirli li din il-pożizzjoni hija kkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ).

    49.

    Madankollu, din il-kundizzjoni ma hijiex l-unika waħda li tippermetti li miżura tiġi kklassifikata bħala li tinvolvi r-riżorsi tal-Istat. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat tista’ tintwera wkoll permezz tat-tieni kriterju, li jippermetti li jiġi stabbilit li r-riżorsi miġbura fuq il-bażi ta’ att leġiżlattiv ikunu jinsabu fil-fatt taħt il-kontroll tal-Istat ( 23 ).

    50.

    Barra minn hekk, insostni li l-fatt li, f’ċerti kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi bl-analiżi ta’ dan it-tieni kriterju, filwaqt li qabel hija kienet ikkonkludiet li kien hemm taxxa, ma għandux jiġi interpretat bħala rikonoxximent impliċitu tan-natura kumulattiva ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, kif isostni l-Gvern Ġermaniż. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħmel, b’mod partikolari fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna miżuri li jvarjaw sostanzjalment mill-aspett tal-kumplessità kemm ġuridika kif ukoll ekonomika. Minn dan isegwi li l-analiżi “taċ-ċirkustanzi kollha” ta’ miżura speċifika – biex nuża kliem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Essent Netwerk Noord et – tista’ tirriżulta neċessarja f’każijiet fejn in-natura fiskali tal-miżura inkwistjoni ma tistax tintwera b’mod ċar u inekwivoku. Barra minn hekk, tali analiżi tkun ovvjament meħtieġa meta l-miżura inkwistjoni ma hijiex taxxa jew ħlas obbligatorju li jista’ jkun assimilat għal taxxa.

    51.

    Ninnota wkoll li n-natura alternattiva ta’ dawn iż-żewġ “kundizzjonijiet” hija kkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, skont l-interpretazzjoni tiegħi tas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni ( 24 ) huwa minħabba li s-soprataxxa-EEG inkwistjoni f’dik is-sentenza ma kellhiex l-istess karatteristiċi bħas-suppliment fil-prezz tal-elettriku eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Essent Netwerk Noord et (jiġifieri l-karatteristiċi ta’ taxxa) li l-Qorti tal-Ġustizzja ħassitha obbligata li tivverifika l-elementi l-oħra adottati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata favur l-oriġini Statali tar-riżorsi ( 25 ). Barra minn hekk, fis-sentenza Achema et ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fondi miġbura b’mod obbligatorju mill-ġestjonarji ta’ networks tal-elettriku mingħand operaturi ekonomiċi u konsumaturi finali jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat (punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza) u, sussegwentement, hija kkonstatat, “[b]arra minn hekk”, li dawn il-fondi, li jitqassmu bejn il-benefiċjarji tal-iskema minn organu taħt il-kontroll pubbliku, li ma jgawdi minn ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni u tad-destinazzjoni ta’ dawn il-fondi, għandhom jitqiesu bħala li jibqgħu taħt il-kontroll pubbliku (punti 66 u 67 tal-imsemmija sentenza).

    3. Risposta għad‑domanda preliminari

    52.

    Fid-dawl tas-suespost, jiena tal-fehma li jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-obbligu li bih l-operatur pubbliku għandu jixtri l-elettriku mingħand produtturi li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq, billi japprofittaw mill-obbligu li bih il-konsumatur finali għandu jħallas prezz proporzjonat għall-konsum, għandu jitqies bħala għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    B.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

    53.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema elementi jippermettu li tiġi ddeterminata d-data tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Latvja u safejn is-sitwazzjoni tal-imsemmi suq qabel is-sena 2007 kellha impatt fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    54.

    Skont il-Gvern Latvjan, din id-domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja peress li ma tistax ikollha effett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali inkwantu l-kumpensi mitluba mir-rikorrenti jaqgħu taħt il-kriterji ta’ “għajnuna mill-Istat”, indipendentement mill-mument tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku.

    55.

    Għalkemm huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha l-kompetenza biex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, biex tiddeċiedi dwar din id-domanda, jidhirli li, b’din id-domanda, din il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li jkun hemm għajnuna mill-Istat f’suq li ma huwiex illiberalizzat. Fil-fatt, tista’ tqum id-domanda dwar jekk, fl-assenza tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija, uħud mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE jistgħux ikunu nieqsa. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” tippresupponi li jkunu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, fosthom dawk li l-għajnuna għandha twassal għal “distorsjoni tal-kompetizzjoni” u “taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

    56.

    Għandu jiġi nnotat, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li vantaġġ mogħti lil ċerti impriżi, pereżempju fil-forma ta’ sussidji, jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkun ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, anki qabel il-liberalizzazzjoni kompleta tas-suq fis-settur ikkonċernat ( 27 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk is-suq huwiex miftuħ għall-kompetizzjoni ( 28 ). Issa, il-qorti tar-rinviju tidher li rrispondiet fl-affermattiv għal din id-domanda, billi indikat li s-suq tal-elettriku Latvjan kien diġà lliberalizzat (u marbut ma’ swieq tal-elettriku ta’ Stati Membri oħra) qabel l‑1 ta’ Lulju 2007 u, konsegwentement, qabel iż-żmien tal-fatti tal-kawżi prinċipali.

    57.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li t-tieni domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja peress li tidher li hija ipotetika u ma taffettwax l-eżitu tal-kawżi prinċipali. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma għandhiex kompetenza biex tipprovdi risposta lill-qorti tar-rinviju, meta d-domandi magħmula lilha ma juru ebda rabta mal-fatti jew is-suġġett tal-proċedura prinċipali u ma jindirizzawx għaldaqstant bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 29 ).

    C.   Fuq it‑tielet domanda preliminari

    58.

    Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, jiena tal-fehma li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tielet domanda. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jeħtieġ li tingħata risposta għal din id-domanda, jiena nirreferi għall-analiżi li ġejja dwar ir-raba’ domanda preliminari.

    D.   Fuq ir‑raba’ u d‑disa’ domanda preliminari

    59.

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’każ fejn il-miżura inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, il-fatt li tintlaqa’ t-talba għad-danni jkunx jikkostitwixxi għajnuna ġdida jew għandux jiġi mxebbah mal-ħlas ta’ parti mill-għajnuna mill-Istat mhux miġbura minn qabel. Permezz tad-disa’ domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi fuq il-punt dwar jekk għajnuna mill-Istat mogħtija bħala tali kumpens għandhiex tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida” jew “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament 2015/1589. Jien tal-fehma li dawn iż-żewġ domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien minħabba li huma konnessi bejniethom.

    1. Fuq l‑effett tal‑klassifikazzjoni tat‑talbiet għal kumpens tar‑rikorrenti fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l‑għajnuna mill‑Istat

    60.

    Jeħtieġ li jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-partijiet fil-kawża prinċipali qajmu l-punt dwar jekk il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat tistax tiddependi fuq il-klassifikazzjoni tar-rikorsi ppreżentati skont id-dritt nazzjonali.

    61.

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti u l-Gvern Olandiż jikkunsidraw li l-qorti tar-rinviju, fil-kawżi prinċipali, għandha tiddeċiedi fuq talba għad-danni bbażata fuq ir-responsabbiltà aquiliana tal-awtorità regolatorja. Fil-fatt, id-dannu li għalih intalab kumpens jirriżulta min-nuqqas imwettaq minn din l-awtorità li ġie wkoll ikkonstatat minn qorti nazzjonali. Għaldaqstant, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457) deskritta fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li azzjoni mibdija hija azzjoni għad-danni huwa suffiċjenti, minnu nnifsu, biex jeskludi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

    62.

    Min-naħa l-oħra, il-Gvern Latvjan isostni li l-kumpens mitlub mir-rikorrenti jikkorrispondi mhux għal azzjoni għad-danni bbażata fuq dannu kkawżat b’intervent Statali – u dan minkejja l-klassifikazzjoni ta’ din l-azzjoni bħala tali taħt id-dritt nazzjonali –, imma pjuttost għall-ksib ta’ vantaġġ previst fl-Artikolu 30(3) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku ( 30 ).

    63.

    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq kwistjoni simili fis-sentenza Asteris et meta ddeċidiet li l-għajnuna mill-Istat għandha natura ġuridika fundamentalment differenti mid-danni li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu kkundannati jħallsu lill-individwi bħala kumpens ta’ dannu li huma jkunu kkawżawlhom ( 31 ). Għaldaqstant, bil-ħlas ta’ kumpens, l-Istat jimmira li jirripristina s-sitwazzjoni finanzjarja li kienet tkun teżisti kieku huwa ma jkunx iggravaha bl-intervent tiegħu. Ma hemm ebda dubju li ċerti forom ta’ kumpens mogħtija lill-impriżi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa li tagħti lil ċerti impriżi vantaġġ li jtejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja eżistenti tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq meta mqabbla ma’ kompetituri oħra.

    64.

    Madankollu, tali azzjonijiet għad-danni ma jistgħux iwasslu biex tiġi evitata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ( 32 ). Persuni li ma setgħux jibbenefikaw minn għajnuna mhux innotifikata lill-Kummissjoni u mhux awtorizzata minnha ma jistgħux jitolbu bħala “danni” l-ekwivalenti tal-ammont tal-għajnuna mhux irċevuta, peress li dan ikun jammonta għal għoti indirett ta’ għajnuna illegali ( 33 ).

    65.

    Ninnota, fit-tielet lok, li l-fatt li l-ħlas ta’ somma jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja ma jeskludix, minnu nnifsu, li dan jista’ jkun ikklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat”. B’hekk, fis-sentenza Buonotourist vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Italja kienet tat għajnuna mill-Istat permezz ta’ sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li kien ta lil fornitur ta’ servizzi ta’ trasport tal-linja kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku ( 34 ). Bl-istess mod, fis-sentenza DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Greċja kienet tat għajnuna mill-Istat permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tal-Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) li kienet stabbilixxiet mill-ġdid, għal diversi xhur, l-applikazzjoni tar-rata preferenzjali għall-provvista tal-elettriku favur produttur tal-aluminju ( 35 ).

    66.

    Huwa minnu li, mill-perspettiva purament teorika, li għajnuna mill-Istat titqies li tkun tista’ tingħata minn qorti nazzjonali tmur kontra l-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja ma toħloqx (minnha nfisha) drittijiet ġodda li ma kinux jeżistu qabel imma hija limitata biex tinterpreta u tapplika regoli ta’ dritt eżistenti. Madankollu, din il-pożizzjoni ta’ prinċipju ma tistax tiġi applikata b’mod sħiħ fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li ma tagħmilx differenza għal dan tal-aħħar fir-rigward tal-organu Statali li jagħti l-għajnuna (inkluż meta dan ikun qorti).

    67.

    Għar-raġunijiet li ġejjin, jiena tal-fehma li deċiżjoni ġudizzjarja li tilqa’ t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti tista’ tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” u dan irrispettivament mill-klassifikazzjoni ta’ dawn ir-rikorsi bħala azzjonijiet għad-danni, taħt id-dritt nazzjonali.

    68.

    Dan joħroġ, fil-fehma tiegħi, l-ewwel nett, kemm mill-imsemmija sentenza Buonotourist vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat huma ddefiniti oġġettivament mill-effetti tagħhom u mhux mill-kawżi tagħhom jew mill-għanijiet tagħhom ( 36 ). Issa, il-fatt li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat tiġi eskluża awtomatikament meta deċiżjoni tirrigwarda “formalment” talba għal kumpens iwassal biex il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jkunx iddefinit oġġettivament skont l-effetti tiegħu, imma suġġettivament skont l-awtorità pubblika li adottatha.

    69.

    Imbagħad, li jittieħed kriterju formali fuq il-bażi biss tad-dritt nazzjonali biex jiġu identifikati liema azzjonijiet jistgħu jagħtu dritt għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat joħloq, fil-fehma tiegħi, riskju reali ta’ evażjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, ikun biżżejjed li talba għall-għajnuna mill-Istat illegali ssir bħala talba għad-danni biex tevita r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u għall-istħarriġ kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-qrati nazzjonali. Issa, huwa evidenti li tali soluzzjoni tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 108(3) TFUE.

    70.

    Fl-aħħar nett, dawn il-kawżi juru, fil-fehma tiegħi, b’mod pjuttost impressjonanti dan ir-riskju, inkwantu jidher li – fuq il-bażi tal-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju – l-azzjonijiet għad-danni jwasslu għall-istess riżultat bħall-applikazzjoni tal-liġi li tipprevedi x-xiri tal-elettriku bi prezz ogħla, li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (kif ġie kkonstatat b’risposta għall-ewwel domanda preliminari). Għaldaqstant, permezz tal-azzjonijiet għad-danni, ir-rikorrenti jitolbu lil qorti nazzjonali biex tagħtihom għajnuna mill-Istat li minnha ma setgħux jibbenefikaw qabel skont il-liġi. Il-fatt li t-talbiet tar-rikorrenti huma kklassifikati bħala talbiet għall-kumpens skont id-dritt nazzjonali ma jbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni. Konsegwentement, il-kumpens mitlub mir-rikorrenti jista’ jitqies bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    2. Fuq il‑klassifikazzjoni tat‑talbiet għall‑kumpens bħala għajnuna “ġdida” jew “eżistenti”

    71.

    Jidhirli li r-risposta għad-domanda dwar jekk, f’dan il-każ, teżistix “għajnuna ġdida” jew “għajnuna eżistenti” tista’ tiġi dedotta mingħajr diffikultà kbira mill-qari tar-Regolament 2015/1589.

    72.

    Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, “għajnuna ġdida” tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, b’effett mill-mument li fih jingħataw il-kumpensi lir-rikorrenti ma jaqgħu taħt ebda kategorija ta’ “għajnuna eżistenti” msemmija fil-punt (b) ta’ dan l-artikolu, dawn jikkostitwixxu “għajnuna ġdida”. B’mod partikolari, l-għajnuna mill-Istat mitluba mir-rikorrenti ma taqax manifestament taħt il-punti (ii) u (iii) tal-imsemmi dispożizzjoni, peress li hija ma ġietx approvata mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill u lanqas ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.

    73.

    Fid-dawl tas-suespost, nipproponi li tingħata risposta għar-raba’ u disa’ domanda preliminari fis-sens li deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti nazzjonali tagħti d-danni lir-rikorrenti tista’ tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u għandha tkun ikklassifikata bħala “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, peress li ma taqa’ taħt ebda kategorija ta’ “għajnuna eżistenti” msemmija fl-Artikolu 1(b) ta’ dan ir-regolament.

    E.   Fuq il‑ħames domanda preliminari

    74.

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, f’każ fejn it-talbiet għall-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jitqiesu bħala talbiet għal ħlas ta’ għajnuna mill-Istat mhux irċevut minn qabel, dan il-ħlas għandux jiddependi mis-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-elettriku u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, inkluż ir-restrizzjonijiet attwali fil-qasam tal-kumpens żejjed.

    75.

    Meħud kont tar-risposta li nipproponi li tingħata lir-raba’ domanda, nikkunsidra li ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda.

    76.

    Fi kwalunkwe każ, jien tal-fehma li din id-domanda hija inammissibbli, peress li tidher li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà, mas-suq intern tal-elettriku, tal-ħlas tal-kumpensi inkwistjoni, jekk wieħed jikkunsidrahom bħala għajnuna mill-Istat mogħtija fuq il-bażi tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat fis-seħħ bejn is-snin 2005 sa 2008. Infakkar, f’dan ir-rigward, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna, jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ( 37 ).

    F.   Fuq is‑sitt u s‑seba’ domanda preliminari

    77.

    Permezz tas-sitt u s-seba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, min-naħa, il-fatt li l-impjanti tal-enerġija eolika, kuntrarjament għall-impjanti tal-enerġija idroelettrika, ibbenefikaw minn għajnuna kompleta fil-passat u jekk, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija biss parti mill-produtturi tal-enerġija idroelettrika li ġew ikkumpensati humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    78.

    L-istess kemm bħall-Kummissjoni kif ukoll bħall-Gvern Latvjan, jien tal-fehma li dawn iċ-ċirkustanzi huma irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali. Fil-fatt, dawn il-fatti jikkostitwixxu eventwalment elementi ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna fis-seħħ bejn is-snin 2005 sa 2008 mas-suq intern, li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, dawn id-domandi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    G.   Fuq it‑tmien domanda preliminari

    79.

    Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kriterji previsti għall-għajnuna de minimis japplikawx għall-għajnuna inkwistjoni f’dawn il-kawżi inkwantu l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-limitu de minimis iffissat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1407/2013 ( 38 ).

    80.

    Jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-limitu massimu tal-għajnuna de minimis għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-għajnuna diġà rċevuta mir-rikorrenti fuq l-istess bażi tal-istess leġiżlazzjoni matul l-istess perijodu.

    81.

    Nenfasizza wkoll li, għalkemm il-qrati nazzjonali ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, min-naħa l-oħra huma jistgħu jkunu aditi b’tilwim li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari bil-għan li jiġi ddeterminat jekk miżura introdotta mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll minn qabel prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE għandhiex tkun suġġetta għaliha jew le ( 39 ).

    82.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tista’ tiġi mitluba tevalwa jekk għajnuna mill-Istat taqax taħt l-iskema derogatorja tal-għajnuna de minimis. Għaldaqstant, hija din il-qorti li għandha tivverifika, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, jekk l-għajnuna inkwistjoni takkumulax mal-għajnuna l-oħra mill-Istat rċevuta diġà mir-rikorrenti skont il-liġi dwar is-suq tal-elettriku jew skont skemi oħra ta’ għajnuna awtorizzati mill-Kummissjoni ( 40 ).

    83.

    Fid-dawl tas-suespost, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tmien domanda preliminari fis-sens li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1407/2013, jekk il-kumulu tal-għajnuna inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali flimkien ma’ għajnuna oħra rċevuta mill-istess rikorrenti jwassalx biex jinqabeż il-limitu ffissat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

    H.   Fuq l‑għaxar domanda preliminari

    84.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema hu l-punt tat-tluq tal-preskrizzjoni ta’ għaxar snin fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589.

    85.

    L-istess bħall-Gvern Latvjan, nikkunsidra li ma hijiex meħtieġa risposta għal din id-domanda, peress li din hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-għoti tal-kumpensi inkwistjoni jixbah għajnuna eżistenti, filwaqt li dawn il-kumpensi għandhom jitqiesu bħala “għajnuna ġdida”.

    86.

    Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-data li fiha l-għajnuna illegali tingħata effettivament lill-benefiċjarju tagħha tikkostitwixxi l-punt tat-tluq tat-terminu tal-preskrizzjoni ( 41 ), filwaqt li jiġi ppreċiżat li d-data tal-għoti tal-għajnuna ma tikkorrispondix għad-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna ( 42 ). Infakkar ukoll, f’dan ir-rigward li, fis-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50) (fil-kawża magħrufa bl-isem ta’ “Micula”), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-formazzjoni tal-Awla Manja, ippreċiżat li l-mument tal-għoti ta’ għajnuna eventwali ma kienx dak li fih ir-rikorrent kiseb id-dritt sostantiv li jitlob kumpens lill-Istat minħabba ksur allegat, imma dak li fih dak id-dritt kien irrikonoxxut u kkwantifikat f’digriet ta’ tribunal ta’ arbitraġġ. Fil-fatt, huwa biss f’dan il-mument preċiż li rikorrent jista’ jikseb il-ħlas effettiv tal-kumpens mitlub, billi jakkwista dritt definittiv li jirċievi din l-għajnuna, u li l-Istat huwa obbligat li jagħti din l-għajnuna. Huwa wkoll f’din id-data li l-miżura setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 43 ).

    87.

    Jeħtieġ madankollu li jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, is-sentenzi tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) pprevedew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom sakemm issir in-notifika tal-għajnuna li huma jagħtu u tad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni li tikkonċernahom. Konsegwentement, l-għoti effettiv tal-għajnuna, jiġifieri l-ħlas tal-kumpensi, għadu ma seħħx u t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589 ma bediex jiddekorri.

    88.

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija lir-raba’ u disa’ domanda preliminari, jeħtieġ li tingħata risposta għall-għaxar domanda preliminari li, fid-dawl tal-klassifikazzjoni tal-azzjoni għad-danni bħala “għajnuna ġdida”, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 ma humiex issodisfatti, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin mill-għoti tal-għajnuna ma ddekorriex. Dan it-terminu jibda jiddekorri b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza li laqgħet it-talba għad-danni, fejn din id-data tikkostitwixxi l-ġurnata li fiha tingħata l-għajnuna lill-benefiċjarju fis-sens tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament.

    I.   Fuq id‑domanda preliminari ħdax

    89.

    Permezz tad-domanda ħdax, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament 2015/1589, hija tistax tilqa’ talba għad-danni biss bil-kundizzjoni sospensiva li hija tkun innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar tawtorizzaha.

    90.

    Infakkar, qabel xejn, li l-missjoni li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-qrati nazzjonali fl-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna Statali ( 44 ) tinvolvi b’mod partikolari l-obbligu, meta dawn il-qrati jikkonstataw li l-miżura kkonċernata kellha tkun innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li jivverifikaw jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu u, jekk dan ma jkunx il-każ, li tiddikjara din il-miżura illegali ( 45 ). Minn dan isegwi li qorti nazzjonali hija obbligata tislet il-konsegwenzi kollha, skont id-dritt nazzjonali tagħha, ta’ ksur tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat, u, b’mod iktar partikolari, ta’ ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

    91.

    Mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta għaldaqstant li l-qorti tar-rinviju ma tistax tilqa’ t-talbiet għad-danni tal-produtturi, peress li dawn it-talbiet huma bbażati fuq għajnuna illegali. Kif ġie ppreċiżat fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt għall-kumpens ikollu de facto l-istess effett bħall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tikser id-dritt tal-Unjoni li tinvolvi distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-produtturi jirċievu, fil-fatt, somma ekwivalenti għal dik li huma kienu jirċievu f’każ ta’ skema ta’ għajnuna illegali, ħaġa li l-qorti nazzjonali għandha, fil-prinċipju, tipprekludi.

    92.

    Barra minn hekk, infakkar li fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali, dawn tal-aħħar jevalwaw l-eżistenza ta’ għajnuna, imma mhux il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, peress li din l-aħħar evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni u hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 46 ).

    93.

    Issa, f’dan il-każ, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) issuġġettat id-danni għal klawżola sospensiva, li bis-saħħa tagħha l-awtoritajiet Latvjani ma għandhom iħallsu ebda għajnuna, sakemm ma jkunux innotifikawha u jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, meta fis-sentenzi tagħha tal‑31 ta’ Mejju u tal‑10 ta’ Lulju 2019 hija pprovdiet li l-kumpensi li hija kkundannat lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex iħallsu lir-rikorrenti jistgħu jseħħu biss wara li l-Kummissjoni tkun tat l-awtorizzazzjoni tagħha jew tkun meqjusa li tatha, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) osservat ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 108(3) TFUE.

    94.

    Għaldaqstant, jidhirli li għandha tingħata risposta għad-domanda ħdax fis-sens li l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament 2015/1589 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jawtorizzaw l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat meta qorti nazzjonali tilqa’ talba għad-danni bil-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jipproċedi bin-notifika tal-għajnuna inkwistjoni lill-Kummissjoni u jirċievi deċiżjoni ta’ din li tawtorizza din il-miżura ta’ għajnuna.

    J.   Fuq id‑domanda preliminari tnax

    95.

    Permezz tad-domanda tnax tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk għall-evalwazzjoni ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat huwiex rilevanti li d-danni jintalbu mingħand awtorità pubblika distinta minn dik li, fil-prinċipju, hija obbligata tixtri l-elettriku “aħdar” mingħand il-produtturi u li l-baġit tagħha huwa ddedikat biss li jiżgura l-funzjonament tagħha stess.

    96.

    Fi kliem ieħor, din id-domanda ssarraf li jiġi mistoqsi jekk l-istatus ġuridiku u l-missjonijiet li jingħataw lill-persuna ġuridika li hija obbligata tħallas vantaġġ finanzjarju humiex rilevanti biex jiġi evalwat jekk dan il-vantaġġ jingħatax permezz ta’ “riżorsi tal-Istat”. Din id-domanda tidher li toħroġ mill-karatteristiċi partikolari ta’ dawn il-kawżi u, b’mod partikolari, mill-partikolarità tad-dritt nazzjonali li, f’dan il-każ, jafda l-iffissar tat-tariffa ogħla tal-elettriku lil persuna distinta minn dik li għandha l-kompetenza li tixtri l-elettriku “aħdar” b’din it-tariffa ( 47 ). Madankollu, skont id-dritt nazzjonali l-awtorità regolatorja ma setgħetx, fil-prinċipju, tuża l-baġit tagħha stess biex tħallas għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-limitazzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali, peress li jippermettilha biss li tuża l-fondi biex tiżgura l-funzjonament tagħha stess.

    97.

    Mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-evalwazzjoni ta’ għajnuna, ta importanza mhux lill-organu responsabbli mill-ħlas tal-għajnuna mill-Istat, imma lill-oriġini tal-fondi li bihom titħallas l-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta ċar li la l-istatus pubbliku jew privat u lanqas l-awtonomija tal-persuna responsabbli milli tagħti l-vantaġġ inkwistjoni ma huma rilevanti biex tingħata deċiżjoni fuq dan il-punt ( 48 ).

    98.

    Fid-dawl tas-suespost, jeħtieġ li tingħata risposta lid-domanda preliminari tnax li l-istatus ġuridiku u l-missjonijiet li jingħataw lil persuna ġuridika skont id-dritt nazzjonali huma irrilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk vantaġġ jingħatax permezz ta’ “riżorsi tal-Istat”, peress li s-sors speċifiku tar-riżorsi tal-Istat ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat.

    K.   Fuq id‑domanda preliminari tlettax

    99.

    Permezz tad-domanda preliminari tlettax, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2002/20 tistax tkun ta’ ostaklu għall-eventwali kumpens tar-rikorrenti.

    100.

    Issa, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn il-kawżi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li din ma tapplikax għas-settur tal-elettriku. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni mill-imsemmija direttiva ma tidher li tindika li din tapplika f’oqsma differenti mis-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Din id-domanda għandha għaldaqstant tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

    V. Konklużjoni

    101.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) bil-mod kif ġej:

    1)

    L-obbligu li bih l-operatur pubbliku għandu jixtri l-elettriku mingħand produtturi li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq, billi japprofittaw mill-obbligu li bih il-konsumatur finali għandu jħallas prezz proporzjonat għall-konsum, għandu jitqies bħala għajnuna mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    2)

    Deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti nazzjonali tagħti d-danni tista’ tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u għandha tkun ikklassifikata bħala “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li ma taqa’ taħt ebda kategorija ta’ “għajnuna eżistenti” msemmija fl-Artikolu 1(b) ta’ dan ir-regolament.

    3)

    Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis, jekk kumulu tal-għajnuna inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali flimkien ma’ għajnuna oħra rċevuta jwassalx biex jinqabeż il-limitu ffissat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

    4)

    Fid-dawl tal-klassifikazzjoni tal-azzjoni għad-danni bħala “għajnuna ġdida”, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 ma humiex issodisfatti, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin mill-għoti tal-għajnuna ma ddekorriex. Dan it-terminu jibda jiddekorri b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza li laqgħet it-talba għad-danni, fejn din id-data tikkostitwixxi l-ġurnata li fiha tingħata l-għajnuna lill-benefiċjarju fis-sens tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament.

    5)

    L-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament 2015/1589 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jawtorizzaw l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat meta qorti nazzjonali tilqa’ talba għad-danni bil-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jipproċedi bin-notifika tal-għajnuna inkwistjoni lill-Kummissjoni u jirċievi deċiżjoni ta’ din li tawtorizza din il-miżura ta’ għajnuna.

    6)

    L-istatus ġuridiku u l-missjonijiet li jingħataw lil persuna ġuridika skont id-dritt nazzjonali huma irrilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk vantaġġ jingħatax permezz ta’ “riżorsi tal-Istat”, peress li s-sors speċifiku tar-riżorsi tal-Istat ma jaffettwax il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU 2013, L 352, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 410, p. 204).

    ( 3 ) Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

    ( 4 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339).

    ( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 29, p. 337), kif emendata mid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/20”).

    ( 6 ) Il-preġudizzju allegat jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz imħallas lir-rikorrenti mill-operatur pubbliku u l-prezz li bih dan tal-aħħar kien ikollu jixtri l-elettriku kieku t-tariffa medja għall-bejgħ tal-elettriku kienet ġiet iffissata għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Marzu 2006 u t‑30 ta’ Novembru 2007 għal DOBELES HES u l‑1 ta’ Marzu 2006 u t‑30 ta’ Settembru 2008 għal GM.

    ( 7 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 9 ) Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2019:268, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24).

    ( 11 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, EU:C:1974:71, punt 35), u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25).

    ( 14 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 3035 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (punti 60 u 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza Essent Netwerk Noord et”, EU:C:2008:413, punti 45 sa 4766), kif ukoll is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 65 sa 71).

    ( 17 ) Sentenza Essent Netwerk Noord et. Ara wkoll is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407).

    ( 18 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001 (C‑379/98, iktar ’il quddiem is-“sentenza PreussenElektra, EU:C:2001:160, punti 5859).

    ( 19 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (punti 70 u 71).

    ( 20 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Essent Netwerk Noord et (punti 69 u 70).

    ( 22 ) Ara s-sentenza Essent Netwerk Noord et (punti 69 sa 75); ara, ukoll, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 21, 25, 28 sa 36; tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 63 sa 67), kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2021, FVE Holýšov I et vs Il-Kummissjoni (C‑850/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:740, punt 46).

    ( 23 ) Biex din il-kundizzjoni titqies issodisfatta, jeħtieġ li jintwera li l-fondi jinġabru u jiġu amministrati minn impriża li tinsab taħt il-kontroll tal-Istat.

    ( 24 ) Ara l-punti 65 sa 72 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, FVE Holýšov et (C‑850/19 P, EU:C:2021:740, punt 46).

    ( 25 ) Għaldaqstant, fil-punt 72 tas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, kien biss wara li eskludiet l-eżistenza ta’ “taxxa speċjali” li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, “[k]onsegwentement”, kien hemm lok jiġi vverifikat jekk iż-żewġ elementi l-oħrajn imsemmija (jiġifieri l-kontroll Statali fuq il-fondi jew fuq il-ġestjonarji tan-network) kinux jippermettulha “madankollu” li tikkonkludi li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa “EEG” kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat.

    ( 26 ) Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019 (C‑706/17, EU:C:2019:407).

    ( 27 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 49).

    ( 28 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 50).

    ( 29 ) Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C‑18/93, EU:C:1994:195, punt 14).

    ( 30 ) Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi d-dritt li tbiegħ l-elettriku żejjed lill-operatur pubbliku bi prezz li jikkorrispondi għal darbtejn it-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku, ogħla minn dak stabbilit matul il-perijodu kkonċernat.

    ( 31 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457, punt 23).

    ( 32 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 42 sa 44).

    ( 33 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawżi magħquda Atzeni et (C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2005:256, punt 198).

    ( 34 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020 (C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punti 88 sa 97).

    ( 35 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016 (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 58 u 59).

    ( 36 ) Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 17).

    ( 37 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197, punt 23).

    ( 38 ) Din id-domanda tidher li hija motivata mill-fatt li kull wieħed mill-ammonti miksuba mir-rikorrenti huwa, fil-fatt, inqas mil-limitu de minimis.

    ( 39 ) Sentenza DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 40 ) Ninnota, f’dan ir-rigward, li kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll ċerti partijiet fil-proċedura jirreferu għall-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li kienet fis-seħħ b’mod parallel mal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.43140 (2015/NN) tal‑24 ta’ April 2017 – Appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli u għall-koġenerazzjoni.

    ( 41 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED (C‑233/16, EU:C:2018:280, punti 7982).

    ( 42 ) Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 81).

    ( 43 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punti 123 sa 125).

    ( 44 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 95 sa 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 45 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank (C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 68).

    ( 46 ) Sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds (C‑598/17, EU:C:2019:352, punti 4546).

    ( 47 ) Infakkar, f’dan ir-rigward, li, skont id-dritt nazzjonali, il-kumpannija Latvenergo kellha bħala missjoni li tixtri l-elettriku żejjed bi prezz ogħla, filwaqt li t-tariffa tal-bejgħ medja tal-elettriku kienet iffissata mill-Kummissjoni Regolatorja fil-kwalità tagħha ta’ awtorità regolatorja tas-suq tal-elettriku.

    ( 48 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punti 4445).

    Top