SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

26 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Produzzjoni ta’ aluminju — Tariffa preferenzjali ta’ elettriku mogħtija permezz ta’ kuntratt — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Xoljiment ta’ kuntratt — Sospensjoni ġudizzjarja tal-effetti tax-xoljiment — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna illegali — Artikolu 108(3) TFUE — Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ — Distinzjoni”

Fil-Kawża C‑590/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2014,

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn E. Bourtzalas, avukat, kif ukoll minn E. Salaka, C. Synodinos, C. Tagaras u A. Oikonomou, dikigoroi,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Alouminion tis Ellados VEAE, li qabel kienet Alouminion AE, stabbilita f’Maroussi (il-Greċja), irrappreżentata minn G. Dellis, N. Korogiannakis, E. Chrysafis, D. Diakopoulos u N. Keramidas, dikigoroi,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla (Relatur), E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Ottubru 2014, Alouminion vs Il‑Kummissjoni (T‑542/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:859), li permezz tagħha hija annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/339/UE, tat-13 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.26117 – C 2/2010 (ex NN 62/09) mogħtija mill-Greċja lil Alouminion tis Ellados AE (ĠU 2012, L 166, p. 83, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fl-1960, Alouminion tis Ellados AE (iktar ’il quddiem “AtE”), li għaliha ssuċċedew Alouminion AE u Alouminion tis Ellados VEAE (iktar ’il quddiem “Alouminion”), rispettivament, fix-xahar ta’ Lulju 2007 u fix-xahar ta’ Mejju 2015, fil-produzzjoni tal-aluminju fil-Greċja, ikkonkludew kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal-1960”) mal-kumpannija pubblika tal-elettriku DEI, li permezz tiegħu ingħatat tariffa preferenzjali ta’ provvista tal-elettriku.

3

L-Artikolu 2(3) tal-kuntratt tal-1960 kien jipprovdi għat-tiġdid taċitu tiegħu għal perijodi suċċessivi ta’ ħames snin, fin-nuqqas ta’ xoljiment minn waħda mill-partijiet bi preavviż ta’ sentejn innotifikat permezz ta’ ittra rreġistrata bil-konferma ta’ riċeviment.

4

Bis-saħħa ta’ ftehim bejn AtE u l-Istat Grieg u fformalizzat permezz ta’ digriet leġiżlattiv tal-1969, il-kuntratt tal-1960 kellu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2006, sakemm ma kienx jiġi estiż konformement mad-dispożizzjonijiet tiegħu.

5

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 1992, il-Kummissjoni Ewropea qieset li t-tariffa preferenzjali mogħtija lil AtE kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern.

6

Fix-xahar ta’ Frar 2004, DEI informat lil AtE dwar l-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt tal-1960 u, konformement mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali, waqfet milli tapplika fil-konfront tagħha t-tariffa preferenzjali mill-1 ta’ April 2006.

7

AtE kkontestat dan ix-xoljiment quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti.

8

Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Jannar 2007 (iktar ’il quddiem l-“ewwel digriet għal miżuri provviżorji”), il-Monomeles Protodikeio Athinon (qorti ċivili tal-prim’istanza b’imħallef uniku ta’ Ateni, il-Greċja), li kienet qed tiddeċiedi fil-kapaċità tagħha bħala qorti għal miżuri provviżorji, issospendiet b’mod provviżorju ex nunc l-effetti tal-imsemmi xoljiment. Din il-qorti qieset li dan l-istess xoljiment ma kienx konformi mat-termini tal-kuntratt tal-1960 u mal-qafas legali nazzjonali applikabbli.

9

DEI ikkontestat l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji quddiem il-Polymeles Protodikeio Athinon (qorti ċivili tal-prim’istanza ta’ Ateni, il-Greċja), li, filwaqt li hija wkoll kienet qed tiddeċiedi fil-kapaċità tagħha bħala qorti għal miżuri provviżorji, laqgħet, ex nunc, it-talba tagħha għal xoljiment tal-kuntratt tal-1960 u ta’ waqfien tat-tariffa preferenzjali, permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Marzu 2008.

10

B’hekk, matul il-perijodu mill-5 ta’ Jannar 2007 sas-6 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”), AtE u, sussegwentement, Alouminion, komplew jibbenefikaw mit-tariffa preferenzjali.

11

Fix-xahar ta’ Lulju 2008, tressqu lmenti quddiem il-Kummissjoni. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2010, hija informat lir-Repubblika Ellenika dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahar mid-data ta’ pubblikazzjoni tagħha.

12

Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ April 2010 (ĠU 2010, C 96, p. 7).

13

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk it-tariffa preferenzjali ffatturata mid-DEI lil AtE u sussegwentement lil Alouminion, matul il-perijodu inkwistjoni, kinitx simili għat-tariffa applikata lill-konsumaturi l-kbar l-oħra tal-industrija tal-elettriku b’vultaġġ għoli, peress li l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali kellha tispiċċa fil-31 ta’ Marzu 2006, iżda din ġiet estiża permezz tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji.

14

Ir-Repubblika Ellenika, Alouminion u DEI bagħtu l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni.

15

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Ellenika kienet tat illegalment lil AtE u lil Alouminion għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 17400000 permezz tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali matul il-perijodu inkwistjoni. Peress li l-imsemmija għajnuna kienet ingħatat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u li, għaldaqstant, kienet inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Ellenika sabiex tirkupraha mingħand Alouminion.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2011, Alouminion titlob annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

17

Alouminion invokat għaxar motivi insostenn tar-rikors tagħha, li permezz tagħhom hija kienet qed tikkontesta, b’mod prinċipali, il-kwalifika tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna ġdida, b’mod sussidjarju, il-kwalifika tat-tariffa preferenzjali bħala għajnuna mill-Istat, u b’mod ulterjorment sussidjarju, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna ġdida li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni.

18

Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma tat deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra ta’ dan ir-rikors.

Fuq l-appell

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

19

Alouminion tqis li dan l-appell huwa inammissibbli.

20

DEI tfakkar li, fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tagħha għal intervent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Issa, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-partijiet intervenjenti fil-proċedura fl-ewwel istanza jistgħu jippreżentaw appell jekk id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali taffettwahom direttament.

21

DEI targumenta li, sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża, hija pproċediet għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, flimkien mal-interessi, għal ammont ta’ EUR 21276766.43. Sa fejn is-sentenza appellata annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, dan l-irkupru ma jkunx għad għandu bażi legali.

22

DEI issostni li għaldaqstant hija jkollha tħallas lura s-somma rkuprata u li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha, għalhekk, titqies li hija direttament affettwata mis-sentenza appellata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-partijiet intervenjenti minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħu jippreżentaw appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali biss meta din id-deċiżjoni taffettwahom direttament.

24

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rikorrent li għandu jħallas lura ammont sabiex tiġi eżegwita s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandu jitqies li huwa direttament affettwat minn din is-sentenza (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 46 sa 58, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2003, International Power et vs NALOO, C‑172/01 P, C‑175/01 P, C‑176/01 P u C‑180/01 P, EU:C:2003:534, punti 5253).

25

F’dan il-każ, sabiex tiġi eżegwita s-sentenza appellata, DEI tkun marbuta tħallas lura s-somma li hija kienet irkuprat sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri EUR 21276766.43, li jikkorrispondu għad-differenza bejn it-tariffa preferenzjali ta’ provvista ta’ elettriku applikata indebitament lil Alouminion u t-tariffa normali.

26

Għalhekk is-sentenza appellata hija tali li taffettwa direttament is-sitwazzjoni ekonomika ta’ DEI, konformement mal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, l-appell huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

27

DEI tinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha.

28

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, maqsum fi tliet partijiet, DEI, sostnuta mill-Kummissjoni, tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108(3) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

29

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, DEI, sostnuta mill-Kummissjoni, tikkritika lill-Kummissjoni talli ddeċidiet li l-estensjoni ta’ għajnuna eżistenti ma tikkostitwixxix, ipso facto, għajnuna ġdida.

30

DEI u l-Kummissjoni jsostnu li, wara li fakkru, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-estensjoni ta’ għajnuna eżistenti toħloq għajnuna ġdida distinta mill-għajnuna estiża u li t-tibdil fit-tul ta’ għajnuna eżistenti għandu jitqies bħala għajnuna ġdida (sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑121/10, EU:C:2013:784, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58), il-Qorti Ġenerali, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, ipprovat tnaqqas ir-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza billi interpretat is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur‑Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), u tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), fis-sens li huwa biss jekk l-iskema ta’ għajnuna tiġi mibdula b’mod sostanzjali li għandha titqies bħala għajnuna ġdida.

31

Madankollu, mis-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur‑Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), u tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), ma jirriżultax li l-estensjoni tat-tul tal-validità ta’ għajnuna eżistenti ma tagħtix lok, waħedha, għall-għoti ta’ għajnuna ġdida u, fi kwalunkwe każ, is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur‑Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ.

32

DEI u l-Kummissjoni jsostnu li ċ-ċirkustanza li l-estensjoni tat-tul tal-validità ta’ għajnuna eżistenti toħloq għajnuna ġdida tikkostitwixxi l-konsegwenza evidenti tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

33

Skont DEI u l-Kummissjoni, is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet tipprovdi proċedura differenti skont jekk l-għajnuna inkwistjoni tkunx eżistenti jew ġdida. Issa, li kieku kellu jiġi aċċettat li l-estensjoni ta’ għajnuna eżistenti ma tikkostitwixxix ipso facto għajnuna ġdida, Stat Membru jkun jista’ jevita din id-differenza fil-proċedura billi jestendi indefinittivament tali għajnuna, jew billi jestendiha għal terminu qasir.

34

DEI u l-Kummissjoni jqisu li l-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti” għandu għaldaqstant jiġi interpretat b’mod restrittiv sabiex ma jaffettwax l-obbligu ta’ notifika u ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, li wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet fis-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑47/91, EU:C:1994:358, punti 24 sa 26), u tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑36/00, EU:C:2002:196, punt 24).

35

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “għajnuna ġdida” għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa peress li, konformement mal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, huwa jinkludi “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

36

DEI u l-Kummissjoni jenfasizzaw, barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3), jipprovdi li, “[g]ħall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni.”

37

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u tal-fatt li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern tibbaża ruħha fuq l-eżami tal-informazzjoni ekonomika u taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw fis-suq inkwistjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha u għat-tul ta’ żmien li fir-rigward tiegħu huwa previst l-għoti tal-għajnuna, DEI u l-Kummissjoni jsostnu li l-estensjoni tat-tul ta’ validità ta’ għajnuna ma tistax titqies bħala modifika “ta’ natura purament formali jew amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, iżda tikkostitwixxi l-modifika ta’ għajnuna eżistenti.

38

Skont DEI, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 53 tas-sentenza appellata, tidħol fl-istess loġika.

39

Alouminion tqis li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

40

Fil-fehma tagħha, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat il-metodu ta’ interpretazzjoni li għandu jiġi segwit sabiex jiġi kkonstatat jekk hemmx effettivament modifika fl-iskema ta’ għajnuna eżistenti u għaldaqstant ma pprovatx tnaqqas ir-rilevanza tal-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 53 tal-istess sentenza.

41

Alouminion issostni li s-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur‑Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), hija rilevanti f’dan il-każ peress li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma kinitx biddlet il-leġiżlazzjoni li ġabet fis-seħħ il-vantaġġi kontenzjużi, kemm fir-rigward tan-natura tagħhom kif ukoll l-attivitajiet tal-istabbiliment pubbliku li għalihom huma kienu japplikaw, u minn dan ikkonkludiet li din il-miżura ma setgħetx titqies bħala l-ħolqien jew il-modifika ta’ għajnuna eżistenti. Issa, l-istess konklużjoni għandha ssir f’din il-kawża peress li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, skont Alouminion, la mmodifikat u lanqas issostitwixxiet il-bażi legali u kuntrattwali tal-għajnuna eżistenti.

42

Alouminion tgħid li l-Qorti Ġenerali wkoll ġustament iċċitat is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), peress li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 46 u 47 tal-imsemmija sentenza, li s-sitwazzjonijiet fejn il-modifika tal-qafas legali twassal għaż-żieda tal-baġit allokat lill-iskema ta’ għajnuna u għall-estensjoni tat-tul tagħha jikkostitwixxu għajnuna illegali, hija kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li dan ma huwiex il-każ tas-sitwazzjonijiet li jbiddlu l-qafas leġiżlattiv, iżda li ma jinfluwenzawx l-ammont tal-għajnuna.

43

Minn dan Alouminion tiddeduċi li, fid-dawl tal-imsemmija sentenzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma jistax jitqies bħala l-ħolqien jew il-modifika ta’ għajnuna eżistenti.

44

Fir-rigward tal-argument li l-estensjoni ta’ għajnuna eżistenti tikkostitwixxi ipso facto għajnuna ġdida, Alouminion issostni li l-ġurisprudenza invokata minn DEI u mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward peress li hija tirrigwarda l-evalwazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti” u mhux tal-kunċett ta’ “estensjoni”.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuniet mill-Istat, stabbilita permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUR, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implementata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-irregolarità tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li l-proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna eżistenti għandhom jiġu nnotifikati, fi żmien effettiv, lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 35).

46

Jeħtieġ li jitfakkar ukoll, minn naħa, li, skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

47

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 jipprovdi li, “[g]ħall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-[Regolament Nru 659/1999], alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni”.

48

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” jissodisfa sitwazzjoni oġġettiva li għandha tiġi evalwata b’riferiment għad-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 16; tal-11 ta’ Settembru 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, EU:C:2003:444, punt 86, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 144).

49

Għalhekk l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-informazzjoni ekonomika u taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw fis-suq inkwistjoni fid-data meta l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha u tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul ta’ żmien li fir-rigward tiegħu huwa previst l-għoti tal-għajnuna. Konsegwentement, it-tul tal-validità ta’ għajnuna eżistenti jikkostitwixxi element tali li jinfluwenza l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑121, EU:C:2013:784, punt 59) u tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58), l-estensjoni tat-tul tal-validità ta’ għajnuna eżistenti għandha titqies bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti u, għalhekk, tikkostitwixxi għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999.

51

Huwa fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

52

Fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, DEI, sostnuta mill-Kummissjoni, tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-estensjoni ta’ għajnuna eżistenti ma tikkostitwixxix, ipso facto, għajnuna ġdida.

53

DEI u l-Kummissjoni jsostnu li, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur‑Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), u tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), sabiex tnaqqas ir-rilevanza tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 tal-istess sentenza, jiġifieri s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑121/10, EU:C:2013:784, punt 59), u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58).

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat lilha nnifisha, minn naħa, fuq is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur‑Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), sabiex tiddikjara li, “għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE, l-introduzzjoni ta’ għajnuna ġdida jew it-tibdil ta’ għajnuna eżistenti għandha tiġi evalwata b’riferiment għad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxuha, għall-modalitajiet tagħhom u għal-limiti tagħhom”.

55

Min-naħa l-oħra, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-punti 46 u 47 tas-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), sabiex iżżid li “huwa biss fil-każ li l-bidla taffettwa s-sustanza stess tal-iskema inizjali li din l-iskema tinbidel għal skema ta’ għajnuna ġdida”.

56

Issa, din l-interpretazzjoni tistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din l-aħħar sentenza. Fil-fatt, huwa biss mill-imsemmija punti 46 u 47 li jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi stabbilixxa żieda fil-baġit allokat lill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kif ukoll estensjoni ta’ sentejn fit-tul ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ din l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat kien ħoloq għajnuna ġdida distinta mill-għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni.

57

Għalhekk, kif issostni DEI, il-ġurisprudenza stabbilita permezz tas-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑121/10, EU:C:2013:784, punt 59), u tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58), li skontha l-estensjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti toħloq għajnuna ġdida, tidħol fl-istess loġika bħas-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), u tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291). Għandu jingħad li hemm lok biex jiġi enfasizzat li, f’dawn is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel espressament riferiment għall-punti 46 u 47 ta’ din l-aħħar sentenza.

58

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, mill-fatti hekk kif ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali u deskritti fil-punti 2 sa 10 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kuntratt tal-1960 kellu jintemm fil-31 ta’ Marzu 2006, fin-nuqqas ta’ estensjoni tiegħu konformement mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Issa, fix-xahar ta’ Frar 2004, DEI informat lil AtE dwar l-intenzjoni tagħha li xxolji dan il-kuntratt u, mill-1 ta’ April 2006, waqfet tapplika t-tariffa preferenzjali fil-konfront tagħha. Madankollu, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ssospenda, provviżorjament, l-effetti ta’ dan ix-xoljiment b’tali mod li, matul il-perijodu inkwistjoni, AtE u, sussegwentement, Alouminion komplew jibbenefikaw mit-tariffa preferenzjali.

59

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata, billi stabbilixxiet mill-ġdid l-applikazzjoni tar-rata preferenzjali matul il-perijodu inkwistjoni, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji kellu l-effett li jimmodifika l-limiti ratione temporis tal-iskema ta’ għajnuna hekk kif approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Jannar 1992. Konsegwentement, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji għandu jitqies li jikkostitwixxi modifika ta’ għajnuna eżistenti.

60

Fir-rigward tal-iżviluppi kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tas-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311), kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), u kkonfermata bis-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑121/10, EU:C:2013:784, punt 59), kif ukoll tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58), u li, billi ddeċidiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma jistax jitqies bħala l-ħolqien jew il-modifika ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

61

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi milqugħa.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

62

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, DEI, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni li l-iżviluppi fformulati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 61 sa 68 tas-sentenza appellata huma żbaljati.

63

Fl-ewwel lok, DEI u l-Kummissjoni jsostnu li, billi tirreferi, fil-punti 53 u 61 sa 63 tas-sentenza appellata, għas-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59), u tal-1 ta’ Lulju 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑53/08, EU:T:2010:267), sabiex issostni li hija biss l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ għajnuna eżistenti permezz ta’ intervent leġiżlattiv li jista’ jkollha bħala konsegwenza l-istituzzjoni ta’ għajnuna ġdida, il-Qorti Ġenerali interpretat dawn is-sentenzi b’mod żbaljat.

64

F’dan ir-rigward, DEI u l-Kummissjoni jfakkru li, jekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, nuqqas attribwit lil Stat Membru jista’ jkollu bħala konsegwenza l-konstatazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punti 100 sa 103), dan ikollu jitqies, a fortiori, bħala att maħruġ minn korp tal-istat, anki meta dan ma jkunx każ ta’ intervent leġiżlattiv.

65

Fit-tieni lok, DEI u l-Kummissjoni l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, għamlet distinzjoni bejn is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59), u tal-1 ta’ Lulju 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑53/08, EU:T:2010:267), u din il-kawża minħabba li fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, l-estensjoni ta’ tul ta validità tal-għajnuna inkwistjoni ma kinitx awtomatika. Fil-fatt, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali ma rriżultatx awtomatikament mill-kuntratt tal-1960, iżda rriżultat mill-ewwel digriet għal miżuri provviżorji.

66

Fit-tielet lok, DEI u l-Kummissjoni josservaw li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata, mis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni (T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, EU:T:2011:493), ma jirriżultax li miżura, bħall-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, għandha, sabiex tikkostitwixxi għajnuna ġdida, timmodifika l-qafas legali tal-għajnuna eżistenti u għaldaqstant timmodifika lil din l-għajnuna fis-sustanza tagħha. Effettivament mill-imsemmija sentenza jirriżulta li anki modifika mhux sostanzjali ta’ għajnuna eżistenti jkollha bħala konsegwenza l-istabbiliment ta’ għajnuna ġdida.

67

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-bażi legali tal-għajnuna matul il-perijodu inkwistjoni kienet l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji u li għaldaqstant, fil-punti 64, 67 u 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma kellux bħala għan li jimmodifika l-qafas legali tal-kuntratt tal-1960, iżda sempliċement interpreta l-kontenut tiegħu, b’mod provviżorju.

68

B’hekk, il-Qorti Ġenerali tkun qieset li dan il-kuntratt biss kien jipproduċi effetti legali. Issa, skont il-Kummissjoni, id-digrieti għal miżuri provviżorji ma jinterpretawx u ma jiddeċidux it-tilwima b’mod provviżorju, iżda jipproduċu effetti legali awtonomi, billi jirrikonoxxu drittijiet u obbligi eżistenti u billi jikkostitwixxu drittijiet ġodda kif ukoll obbligi ġodda. Il-qorti nazzjonali tkun tista’ b’mod partikolari tordna miżuri provviżorji meta, minn naħa, ikun meħtieġ li dritt jiġi ppreżervat jew li sitwazzjoni tiġi solvuta u, min-naħa l-oħra, ikun hemm urġenza jew ħtieġa li jiġi evitat riskju imminenti.

69

Alouminion tqis li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma mmodifikax la l-qafas legali nazzjonali inizjali u lanqas il-qafas leġiżlattiv tat-tariffa preferenzjali u li, għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

70

Qabel kollox, Alouminion issostni li DEI b’mod żbaljat tagħmel riferiment għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni (T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, EU:T:2011:493), sabiex issostni li anki modifika mhux sostanzjali ta’ għajnuna eżistenti tagħti lok għall-ħolqien ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, mill-verżjoni bil-lingwa Taljana ta’ din is-sentenza jirriżulta li modifika bħal din hija biss “suxxettibbli” li tagħti lok għall-ħolqien ta’ għajnuna ġdida.

71

Sussegwentement, Alouminion issostni li mis-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni (T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59), u tal-1 ta’ Lulju 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑53/08, EU:T:2010:267), jirriżulta li, jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida, dan huwa minħabba l-eżistenza ta’ intervent leġiżlattiv.

72

Fl-aħħar nett, Alouminion tqis li l-ġurisprudenza ċċitata minn DEI li anki nuqqas attribwit lil Stat Membru jista’ jkollu l-konsegwenza jingħata lok għal għajnuna ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punti 61 sa 64 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, l-ewwel nett, fil-punt 63 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59), u tal-1 ta’ Lulju 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑53/08, EU:T:2010:267), l-estensjonijiet inkwistjoni tqis li ma jikkostitwixxux għajnuna ġdida “l-imsemmija estensjonijiet mhux talli ma kinux awtomatiċi iżda kienu jeħtieġu interventi leġiżlattivi sabiex jinbidel il-vantaġġ iffissat inizjalment”.

74

Issa, anki jekk mill-espożizzjoni tal-fatti fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59), u fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑53/08, EU:T:2010:267), jirriżulta li l-estensjonijiet inkwistjoni jirriżultaw minn intervent leġiżlattiv, għandu jiġi kkonstatat li ma jeżisti ebda element li jindika li huwa minħabba din iċ-ċirkustanza li, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali qieset li l-imsemmija estensjonijiet jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

75

Fil-fatt, b’mod partikolari mill-punti 174 u 175 tas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59), jirriżulta li l-għajnuna inkwistjoni kienet ingħatat abbażi ta’ strument legali, jiġifieri intervent leġiżlattiv, adottat meta r-Renju ta’ Spanja diġà kien Stat Membru u li, anki jekk il-vantaġġ previst f’dan l-istrument legali kien jikkostitwixxi biss l-estensjoni ta’ miżura preċedenti, xorta kien jibqa’ l-fatt li, minħabba l-modifika tat-tul ta’ żmien tal-għajnuna inkwistjoni, din kellha titqies bħala għajnuna ġdida. Għalhekk l-estensjonijiet inkwistjoni tqiesu bħala għajnuna ġdida mhux għaliex kienu jirriżultaw minn intervent leġiżlattiv, iżda minħabba l-effetti tagħhom.

76

It-tieni nett, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59), u tal-1 ta’ Lulju 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑53/08, EU:T:2010:267) u din il-kawża minħabba li, fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, l-estensjoni tat-tul ta’ validità tal-għajnuna inkwistjoni ma kinitx awtomatika.

77

Issa, għandu jiġi enfasizzat li mill-fatti hekk kif ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali u deskritti fil-punti 8 sa 10 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod ċar li, f’dan il-każ, l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali ma rriżultatx awtomatikament mill-kuntratt tal-1960, iżda rriżultat mill-ewwel digriet għal miżuri provviżorji.

78

Konsegwentement, l-iżviluppi fil-punti 61 sa 64 tas-sentenza appellata jistrieħu fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tas-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59), u tal-1 ta’ Lulju 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑53/08, EU:T:2010:267).

79

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punti 65 sa 68 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, fil-punti 65 u 66 tagħha, il-Qorti Ġenerali indikat li fis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni (T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, EU:T:2011:493), filwaqt li ġie deċiż li l-għajnuna mogħtija fuq bażi legali sostanzjalment differenti mill-iskema approvata mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kellha titqies bħala għajnuna ġdida, madankollu, l-għajnuna inizjali, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni u l-għajnuna ġdida kienet ingħatat minn att leġiżlattiv ġdid kuntrarju għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

80

Sussegwentement, wara li enfasizzat, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li, f’din il-kawża, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma kellux bħala għan li jimmodifika l-qafas legali tat-tariffa preferenzjali meta mqabbla ma’ dik approvata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 68 tal-imsemmija sentenza, li l-bażi legali tal-għajnuna inkwistjoni ma hijiex l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, iżda l-kuntratt tal-1960 u d-dritt nazzjonali rilevanti, kif interpretat, b’mod provviżorju, mill-ewwel digriet għal miżuri provviżorji.

81

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, sa fejn mill-punt 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, billi estenda l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali matul il-perijodu inkwistjoni, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji kellu bħala effett li jimmodifika l-limiti ratione temporis tal-kuntratt tal-1960 u għaldaqstant il-limiti ratione temporis tat-tariffa preferenzjali hekk kif deskritti fil-punt 4 ta’ din is-sentenza, il-bażi legali tal-għajnuna matul il-perijodu inkwistjoni kienet l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji.

82

Konsegwentement, il-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

83

Għaldaqstant hemm lok li tintlaqa’ wkoll it-tieni parti tal-ewwel aggravju.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

84

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, DEI issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni għal miżuri provviżorji minn qorti nazzjonali ma jistax ikollha bħala riżultat l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat.

85

DEI tfakkar, f’dan ir-rigward, li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qrati nazzjonali huma kompetenti sabiex jadottaw miżuri provviżorji bil-għan li jevitaw distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti ta’ għajnuna bi ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE u li d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li jadottaw tali miżuri, għalhekk, jagħmlu parti mill-mekkaniżmu preventiv tal-għajnuna mill-Istat.

86

Skont DEI, jirriżulta li kull qorti nazzjonali, inkluż dik li qed tiddeċiedi fil-kapaċità tagħha bħala qorti għal miżuri provviżorji, għandha l-obbligu li teżamina jekk miżura imposta minnha stess tistax tipproduċi riżultati li jistgħu jagħmluha inkompatibbli mas-suq intern minħabba li tagħti lok għal vantaġġ antikompetittiv illegali għall-futur.

87

F’dan il-każ, dan ikun ifisser li l-evalwazzjoni provviżorja magħmula mill-qorti nazzjonali fl-ewwel digriet għal miżuri provviżorji fir-rigward tax-xoljiment tal-kuntratt tal-1960 ma setgħetx tneħħi definittivament l-inċertezza fuq in-natura legali u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità inizjali tagħha u li dan id-digriet imissu ġie ssuġġettat għal kontroll minn qabel previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

88

Il-Kummissjoni tqis, bħal ma tagħmel DEI, li ċ-ċirkustanza li għajnuna ġdida ġiet stabbilita permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tal-qorti nazzjonali ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern.

89

Skont il-Kummissjoni, konklużjoni kuntrarja tfisser li l-kunċett ta’ “għajnuna” jkun qed jiġi interpretat b’mod suġġettiv, skont l-istanza li tadotta l-miżura li tistabbilixxi din l-għajnuna, u għaldaqstant tkun qed tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, li fiha ġie deċiż li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi u skont l-effetti ta’ din l-għajnuna.

90

Il-Kummissjoni żżid li l-argument ta’ DEI li hija l-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, li għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u li tissuġġetta għall-kontroll preventiv tagħha kull miżura li tistabbilixxi għajnuna ġdida jew li timmodifika għajnuna eżistenti huwa kkorroborat bis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 59 sa 63), li minnha jirriżulta li l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jobbligaw lill-qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali meta l-applikazzjoni tagħha tkun tostakola l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat.

91

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, konformement mal-punt 58 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1), meta l-ħlas ta’ għajnuna illegali jgħaddi mir-riskju li jsir fil-mori ta’ kawża quddiem qorti nazzjonali, l-obbligu għal din il-qorti li tipprekludi kull ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE jista’ jimponi fuqha li tagħti digriet għal miżuri provviżorji bil-għan li jiġi prekluż il-ħlas illegali sakemm hija tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża. Minn dan hija tiddeduċi li, taħt kull loġika, din l-għajnuna ma tistax toriġina mill-qorti nazzjonali nnifisha.

92

Alouminion tqis li t-tielet parti tal-ewwel aggravju tistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

93

Alouminion issostni li, fil-verità, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma jagħtix vantaġġ ġdid, separat mill-għajnuna eżistenti. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma eskludietx il-każ fejn għajnuna mill-Istat tingħata permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tagħti vantaġġ ġdid separat ta’ għajnuna eżistenti, iżda kkonkludiet sempliċement li dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

94

Fi kwalunkwe każ, Alouminion issostni, minn naħa, li l-punt 58 tas-sentenza appellata huwa superfluwu sa fejn jikkonferma, a contrario, ir-raġunament żviluppat fil-punti 55 sa 57 tal-imsemmija sentenza u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kontenut tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji tikkostitwixxi evalwazzjoni fattwali, li ma taqax taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95

Preliminarjament għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuniet mill-Istat, minn naħa, taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali, li jissodisfaw rwoli komplementari u distinti (sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, EU:C:1994:311, punt 14; tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 36).

96

Fil-fatt, il-qrati nazzjonali ma humiex kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, billi dan il-kontroll jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 27; tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 37).

97

Min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali jħarsu għas-salvagwardja, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-partijiet f’kawża fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 39, kif ukoll tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 28).

98

Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali jistgħu jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari bil-għan li jiġi ddeterminat jekk miżura introdotta mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll minn qabel prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE għandhiex tkun suġġetta għaliha jew le (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 38).

99

Jekk il-qrati nazzjonali jaslu għall-konstatazzjoni li l-miżura kkonċernata jmissha effettivament ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, huma jkollhom jivverifikaw jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax lilu nnifsu ma’ dan l-obbligu u, jekk dan ma jkunx il-każ, jiddikjaraw din il-miżura illegali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 68).

100

Fil-fatt, huma għandhom l-obbligu li jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, kemm fir-rigward tal-validità tal-atti li jinvolvu t-tqegħid għal implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

Il-qrati nazzjonali huma, b’mod partikolari, kompetenti sabiex jadottaw miżuri provviżorji bil-għan li jevitaw id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti ta’ għajnuna bi ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 11; tal-11 ta’ Lulju 1996, SFE et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punti 394053, kif ukoll tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 34). B’hekk, kif jipprevedi l-punt 58 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1), meta l-ħlas ta’ għajnuna illegali jgħaddi mir-riskju li jsir fil-mori ta’ kawża quddiem qorti nazzjonali, din tal-aħħar tista’ tasal tagħti digriet għal miżuri provviżorji bil-għan li tipprekludi l-ħlas illegali sakemm tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu.

102

Huwa fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tielet parti tal-ewwel motiv, li permezz tagħha DEI tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni għal miżuri provviżorji ta’ qorti nazzjonali ma jistax ikollha bħala effett l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat.

103

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li jiġi ammess li l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji jikkostitwixxi l-ħolqien jew il-modifika ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE, “ikun iffisser li l-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fi proċeduri għal miżuri provviżorji fuq kawża li tirrigwarda kuntratt, bħal fil-każ ineżami, tkun obbligata, fil-fatt u fid-dritt, tinnotifika lill-Kummissjoni u tissottometti għall-istħarriġ preventiv tagħha mhux biss l-għajnuna ġdida jew it-tibdil ta’ għajnuna [effettiva] mogħtija lil impriża benefiċjarja ta’ għajnuna eżistenti, iżda l-miżuri kollha li jaffettwaw l-interpretazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt li jistgħu jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, fuq il-kompetizzjoni jew sempliċiment fuq it-tul attwali, matul perijodu speċifiku, ta’ għajnuna li bħala prinċipju tibqa’ disponibbli u dan minkejja li l-Kummissjoni ma tkun ħadet l-ebda deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ inkompatibbiltà”.

104

B’hekk, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn l-“għajnuna ġdida jew it-tibdil ta’ għajnuna [effettiva]” u l-miżuri li jaffettwaw l-interpretazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt approvat mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, fi kliem ieħor, miżuri bħall-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, u minn dan ikkonkludiet li l-qorti nazzjonali li tkun qed taġixxi bħala qorti għal miżuri provviżorji ma hijiex suġġetta għall-obbligu imposti, b’mod ġenerali, fuq il-qrati nazzjonali konformement mal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

105

Madankollu, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat FUE. Fl-ambitu ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u joqogħdu lura minn dawk li jistgħu jqiegħdu f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE. B’hekk, il-qrati nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, joqgħodu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 41).

106

Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525), li l-qrati nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jivverifikaw jekk il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna ġewx immodifikati u li, kieku kellu jirriżulta li dawn il-modifikazzjonijiet kellhom l-effett li jestendu l-portata tal-iskema, jista’ jkun meħtieġ li jitqies li din hija għajnuna ġdida li għandha bħala konsegwenza l-applikabbiltà tal-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE.

107

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li, peress li tagħti deċiżjoni għal miżuri provviżorji, qorti nazzjonali adita b’kawża dwar kuntratt ma għandhiex l-obbligu li tinnotifika lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, “l-miżuri kollha li jaffettwaw l-interpretazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt li jistgħu jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, fuq il-kompetizzjoni jew sempliċiment fuq it-tul attwali, matul perijodu speċifiku, ta’ għajnuna li bħala prinċipju tibqa’ disponibbli”.

108

Fil-fatt, ir-rikonoxximent lill-qrati nazzjonali li jkunu qed jaġixxu bħala qorti għal miżuri provviżorji tal-possibbiltà li jevitaw l-obbligi imposti fuqhom fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUE iwassal lil dawn il-qrati sabiex imorru kontra l-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, intiżi li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll sabiex jiksru l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, imfakkar fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, u, għaldaqstant, ikun jippreġudika inkontestabbilment l-effettività tal-imsemmija artikoli.

109

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’.

110

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ kollu kemm hu u, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

111

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni.

112

F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat biss wieħed mill-aggravji mressqa mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

113

Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Ottubru 2014, Alouminion vs Il‑Kummissjoni (T‑542/11, EU:T:2014:859), hija annullata.

 

2)

Il-Kawża T‑542/11 hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.