EUR-Lex Der Zugang zum EU-Recht

Zurück zur EUR-Lex-Startseite

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 62020CC0671

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
Proċeduri kriminali kontra YP et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Indipendenza tal-qrati – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Tneħħija tal-immunità minn proċeduri kriminali u sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef ordnati mill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ din l-awla – Bidla fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jieħu konjizzjoni ta’ kawża li sa dak iż-żmien kienet fdata lil dak l-imħallef – Projbizzjonijiet għall-qrati nazzjonali li jikkontestaw il-leġittimità ta’ qorti, li jikkompromettu l-funzjonament tagħha jew li jevalwaw il-legalità jew l-effettività tal-ħatra tal-imħallfin jew tas-setgħat ġudizzjarji tagħhom taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari – Obbligu għall-qrati kkonċernati u għall-korpi kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li jeskludu l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ tneħħija tal-immunità u ta’ sospensjoni tal-imħallef ikkonċernat – Obbligu għal dawn l-istess qrati u korpi li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-imsemmija projbizzjonijiet.
Kawżi magħquda C-615/20 u C-671/20.

ECLI-Identifikator: ECLI:EU:C:2022:986

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑615/20 u C‑671/20

Prokuratura Okręgowa w Warszawie,

vs

Y.P. et (C‑615/20),

M.M. (C‑671/20),

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja (il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Indipendenza tal-imħallfin – Awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallef u sospensjoni tal-funzjonijiet tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Qrati nazzjonali pprojbiti milli jeżaminaw il-leġittimità ta’ qrati u tribunali jew jevalwaw il-legalità tal-ħatra ta’ mħallfin u ta’ setgħat ġudizzjarji derivanti minn tali ħatra – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Dmir ta’ kooperazzjoni leali – Prinċipji ta’ ċertezza legali u l-awtorità ta’ res judicata

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Il‑kuntest ġuridiku – Id‑dritt Pollakk

 

A. Il‑Kostituzzjoni

 

B. Il-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema

 

C. Il-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

 

D. Il‑Liġi dwar il‑KRS

 

E. Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

 

III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawżi prinċipali u d‑domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari

 

A. Kawża C‑615/20

 

B. Kawża C‑671/20

 

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

 

V. Evalwazzjoni

 

A. Ammissibbiltà

 

B. Fuq il‑mertu

 

1. Osservazzjonijiet preliminari

 

2. L‑ewwel, it‑tieni u t‑tielet domanda fil‑Kawża C‑615/20

 

3. It‑tieni domanda fil‑Kawża C‑671/20

 

4. Ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑615/20 u l‑ewwel, it‑tielet u r‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑671/20

 

VI. Konklużjoni

I. Introduzzjoni

1.

Dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari għal darb’oħra jqajmu kwistjonijiet dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti aspetti tar-riforma reċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka. Jikkonċernaw awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) ( 2 ) għall-prosekuzzjoni u għas-sospensjoni ta’ mħallef mill-kariga, sabiex b’hekk huwa ma jitħalliex jiddeċiedi ċerti kawżi kriminali li kienu assenjati lilu. Għal dan il-fini, il-qorti tar-rinviju ( 3 ) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ), u l-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kooperazzjoni leali ( 5 ) u ta’ ċertezza legali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-Awla Dixxiplinari ma setgħetx legalment tagħti dawk l-awtorizzazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju titlob sabiex jiġu aċċertati l-konsegwenzi li dik il-konklużjoni għandha għall-kompożizzjoni tal-qorti adita bil-proċeduri kriminali.

II. Il‑kuntest ġuridiku – Id‑dritt Pollakk

A.   Il‑Kostituzzjoni

2.

Skont l-Artikolu 45(1) tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja; iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Pollakka”):

“Kulħadd huwa intitolat għal smigħ ġust u pubbliku, mingħajr dewmien żejjed, minn qorti indipendenti u imparzjali b’kompetenza.”

3.

L-Artikolu 144(2) u (3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jipprovdi:

“2.   Sabiex ikunu validi, atti uffiċjali tal-President tar-Repubblika għandu jkollhom il-kontrofirma tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, li b’hekk huwa jerfa’ r-responsabbiltà quddiem is-Sejm [(l-Awla Inferjuri tal-Parlament Pollakk)].

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 iktar ’il fuq ma għandhomx japplikaw fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(17) il-ħatra ta’ mħallfin;

[…]”

4.

L-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja huwa fformulat kif ġej:

“L-Imħallfin għandhom jinħatru għal żmien indeterminat mill-President tar-Repubblika fuq proposta [tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja; iktar ’il quddiem il-“KRS”)].”

5.

Skont l-Artikolu 180(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, imħallfin ma jistgħux jitneħħew.

6.

L-Artikolu 181 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jgħid:

“Imħallef jista’ jinżamm responsabbli kriminalment jew titneħħielu l-libertà biss bil-kunsens minn qabel ta’ qorti stabbilita bil-liġi. Mħallef ma jistax jiġi ddetenut jew arrestat, ħlief fil-każ meta jinqabad jikkommetti offiża jekk id-detenzjoni tiegħu tkun essenzjali sabiex jiġi żgurat il-kors xieraq ta’ proċeduri. Il-president tal-qorti li jkollha kompetenza territorjali għandu jiġi informat minnufih bid-detenzjoni u jkun jista’ jordna l-ħelsien immedjat tal-persuna ddetenuta.”

7.

L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jipprovdi:

“1.   Il-[KRS] għandu jkun kompost kif ġej:

(1)

L-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-Ministru [għall-]Ġustizzja, il-President tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja)] u persuna maħtura mill-President tar-Repubblika,

(2)

ħmistax-il imħallef magħżula minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari,

(3)

Erba’ membri magħżula mis-[Sejm (il-Kamra Inferjuri tal-Parlament Pollakk)] minn fost id-Deputati tagħha u żewġ membri magħżula mis-[Senat (il-Kamra Superjuri tal-Parlament Pollakk)] minn fost is-Senaturi tagħha.

[…]

3.   It-terminu tal-kariga ta’ dawk magħżula bħala membri tal-[KRS] għandu jkun ta’ erba’ snin.

4.   L-istruttura organizzattiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività u tal-proċeduri għax-xogħol tal-[KRS], kif ukoll il-mod tal-għażla tal-membri tiegħu, għandhom ikunu speċifikati bi statut.”

8.

L-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jgħid:

“Id-deċiżjonijiet tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja)] huma vinkolanti erga omnes u finali.”

B.   Il-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema

9.

L-Artikolu 27(1) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, punt 5) li ġiet emendata mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi Relatata mal-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, punt 190, iktar ’il quddiem il-“Liġi li Temenda”) (iktar ’il quddiem “il-Liġi Emendata tal-Qorti Suprema”) jipprovdi:

“Il-kawżi li ġejjin huma ta’ kompetenza tal-Awla Dixxiplinari:

[…]

(1a)

kawżi relatati ma’ awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin, imħallfin apprendisti, prosekuturi u prosekuturi assoċjati jew sabiex dawn jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja.

[…]”

C.   Il-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

10.

L-Artikolu 41b tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi Dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas-27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal‑2001, Nru 98, punt 1070) jipprovdi:

“1.   L-awtorità kompetenti sabiex teżamina lment jew talba dwar l-attività ta’ qorti għandu jkun il-president tal-qorti.

[…]

3.   L-awtorità kompetenti sabiex teżamina lment dwar l-attività tal-president ta’ sąd rejonowy (qorti distrettwali), tal-president ta’ sąd okręgowy (qorti reġjonali) jew tal-president ta’ sąd apelacyjny (qorti ta’ appell) għandu jkun il-president tas-sąd okręgowy (il-qorti reġjonali), il-president tas-sąd apelacyjny (il-qorti tal-appell) u l-[KRS] rispettivament.”

11.

L-Artikolu 42a ta’ din il-liġi, kif emendata mil-Liġi li Temenda (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji”) huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fil-kuntest tal-attivitajiet tal-qrati jew tal-organi tal-qrati, ma jkunx permissibbli jkun hemm dubju dwar il-leġittimità tat-tribunali u tal-qrati, tal-organi kostituzzjonali tal-Istat jew tal-organi responsabbli għar-reviżjoni u għall-protezzjoni tal-liġi.

2.   Qorti ordinarja jew awtorità oħra ma tistax tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa ta’ eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji li joriġina minn dik il-ħatra.”

12.

Skont l-Artikolu 47a(1) ta’ din il-liġi, kawżi għandhom jiġu assenjati lil mħallfin u lil imħallfin apprendisti b’mod aleatorju. Skont l-Artikolu 47b(1) ta’ din il-liġi, tista’ ssir bidla fil-kompożizzjoni ta’ qorti biss meta jkun impossibbli li dik il-qorti teżamina l-kawża fil-kompożizzjoni attwali tagħha jew jekk ikun hemm ostakolu permanenti għall-eżami minn dik il-qorti fil-kompożizzjoni attwali tagħha. F’każ bħal dan, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47a sabiex il-kawża tiġi assenjata mill-ġdid. L-Artikolu 47b(3) ta’ din il-liġi jgħid li d-deċiżjoni sabiex tinbidel il-kompożizzjoni ta’ qorti għandha tittieħed mill-president ta’ dik il-qorti jew minn imħallef awtorizzat minnu.

13.

L-Artikolu 80 tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jipprovdi:

“1.   Imħallfin jistgħu jiġu arrestati jew ikunu s-suġġett għal proċeduri kriminali biss bl-awtorizzazzjoni tal-qorti dixxiplinari li jkollha kompetenza. Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax arrest in flagrante delicto, jekk dak l-arrest ikun essenzjali sabiex tkun żgurata t-tmexxija sewwa tal-proċeduri. Sakemm tiġi adottata deċiżjoni li tawtorizza l-bidu ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef, ikunu jistgħu jitwettqu biss miżuri urġenti.

[…]

2c.   Il-qorti dixxiplinari għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-bidu ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jekk is-suspetti kontrih jkunu ssustanzjati biżżejjed. Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra l-imħallef u għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

2d.   Il-qorti dixxiplinari għandha teżamina r-rikors għal awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallef fi żmien erbatax-il jum minn meta jaslilha.”

14.

Bl-Artikolu 107(1) ta’ din il-liġi:

“Imħallef għandu jkun responsabbli, fil-livell dixxiplinari, għal ksur ta’ obbligi professjonali (nuqqasijiet dixxiplinari), inklużi każijiet ta’:

[…]

(3)

atti li jixħtu dubji dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-leġittimità ta’ organu kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja;

[…]”

15.

Kif stabbilit fl-Artikolu 110(2a) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji:

“Il-qorti dixxiplinari li fit-territorju tiegħu l-imħallef li jkun qiegħed jaffaċċja l-proċeduri jwettaq jew wettaq il-funzjonijiet tiegħu għandha tkun kompetenti ratione territoriae sabiex tisma’ u tiddetermina l-kawżi msemmija fl-Artikolu 37(5) u fil-punt 3 tal-Artikolu 75(2). Fil-kawżi msemmija fl-Artikolu 80 u fl-Artikolu 106zd, il-qorti li jkollha kompetenza għandha tkun, fl-ewwel istanza, is-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] ippresjeduta minn imħallef wieħed tal-Awla Dixxiplinari u, fit-tieni istanza, is-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)] ippresjeduta minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-Awla Dixxiplinari.”

16.

L-Artikolu 129 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Il-qorti dixxiplinari tista’ tissospendi mħallef li kontra tiegħu jkunu nbdew proċeduri dixxiplinari jew proċeduri ta’ inkapaċità mill-funzjonijiet tiegħu u tista’ wkoll tagħmel hekk jekk tadotta riżoluzzjoni li tippermetti li l-imħallef jinżamm kriminalment responsabbli.

2.   Jekk il-qorti dixxiplinari tadotta riżoluzzjoni li tippermetti li mħallef jinżamm kriminalment responsabbli għal reat deliberat prosegwibbli b’akkuża pubblika, hija għandha tissospendi lill-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu awtomatikament.

3.   Il-qorti dixxiplinari, meta tissospendi mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, għandha tnaqqas l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu b’bejn 25 % u 50 % sakemm iddum dik is-sospensjoni; dan ma jikkonċernax persuni b’rabta ma’ min ikunu nbdew proċeduri ta’ inkapaċità.

3a.   Jekk il-qorti dixxiplinari tadotta riżoluzzjoni li tippermetti mħallef irtirat jinżamm kriminalment responsabbli għal reat deliberat prosegwibbli b’akkuża pubblika, hija għandha tnaqqas l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu b’bejn 25% u 50% sakemm idumu għaddejja l-proċeduri dixxiplinari.

4.   Jekk il-proċeduri dixxiplinari ma jintlaqgħux jew jintemmu f’liberazzjoni, għandu jitħallas kumpens sħiħ fir-rigward tal-komponenti kollha tar-remunerazzjoni jew tal-emolumenti.”

D.   Il‑Liġi dwar il‑KRS

17.

Skont l-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, Nru 126, punt 714), kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, punt 3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”):

“1.   Is-Sejm [(l-Awla Inferjuri tal-Parlament Pollakk] għandha teleġġi minn fost l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy [(il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari, ħmistax-il membru tal-[KRS] għal terminu kollettiv ta’ erba’ snin.

2.   Għall-elezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Awla Inferjuri għandha, kemm jista’ jkun, tqis il-ħtieġa għal rappreżentanza fil-[KRS] ta’ diversi tipi u livelli tal-qrati.

3.   It-terminu kollettiv tal-membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda mill-jum wara li jkunu ġew eletti. Membri li jkunu ser jitilqu mill-[KRS] għandhom jeżerċitaw il-kariga tagħhom sal-jum li fih jibda t-terminu kollettiv tal-membri l-ġodda tal-[KRS].”

18.

Bis-saħħa tad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 6 tal-il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018:

“It-teminu tal-kariga tal-membri tal-[KRS] msemmi fl-Artikolu 187(1)(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, eletti skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ bħalissa, għandu jissokta sal-jum li jiġi qabel it-terminu tal-membri l-ġodda tal-[KRS], iżda mingħajr ma jaqbeż disgħin jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jekk dan it-terminu ma jkunx diġà skada.”

E.   Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

19.

L-Artikolu 439(1) tal-ustawa – Kodeks postępowania karnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. tal‑1997, punt 555) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”) jipprovdi:

“Irrispettivament mil-limiti tal-appell u l-aggravji tal-appell ippreżentati u mill-impatt tal-ksur fuq il-kontenut tad-deċiżjoni, il-qorti ta’ appell għandha twarrab id-deċiżjoni appellata jekk:

(1)

persuna li ma mhijiex awtorizzata tieħu deċiżjoni jew li ma tkunx tista’ tagħmel hekk jew li hija eskluża tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 40 kellha sehem fid-deċiżjoni;

(2)

il-kompożizzjoni tal-qorti ma kinitx skont il-liġi jew wieħed mill-membri tagħha ma kienx preżenti l-ħin kollu waqt is-smigħ;

[…]”

20.

Skont l-Artikolu 523(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, appell dwar punt ta’ dritt jista’ jinġieb biss abbażi tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 439 tagħha jew ta’ vjolazzjoni oħra flagranti tad-dritt jekk tali vjolazzjoni seta’ kellha effett sinjifikattiv fuq il-kontenut tad-deċiżjoni.

III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawżi prinċipali u d‑domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari

A.   Kawża C‑615/20

21.

Il-Prokuratura Okręgowa w Warszawie (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Pubbliku Reġjonali’) akkuża lil Y.P. u tlettax individwi oħra b’għadd ta’ offiżi skont il-Kodiċi Kriminali li kkawżaw ħsara lil mitejn u disgħa u għoxrin vittma. Il-kawża ( 6 ) tinsab għaddejja kontra ħdax-il konvenut. Il-proċess tal-kawża huwa magħmul minn mija u sebgħa u disgħin volum u diversi tużżani volumi ta’ annessi. Il-kawża tmexxiet għal iktar minn mitt jum, li matulhom taw xhieda l-konvenuti, il-vittmi u iktar minn mija u ħamsin persuna. Baqa’ biss ftit xhieda u tliet esperti x’jinstemgħu. L-imħallef I. T. ippresjeda l-kawża u ħa sehem fis-smigħ.

22.

Fl‑14 ta’ Frar 2020, il-Wydział Spraw Wewnętrznych Prokuratury Krajowej (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Nazzjonali, Diviżjoni tal-Affarijiet Interni, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“UPPN”) talab awtorizzazzjoni mingħand l-Awla Dixxiplinari ( 7 ) sabiex jixli lill-Imħallef I.T. talli naqas pubblikament fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu u talli aġixxa ultra vires billi ħalla li rappreżentanti tal-media jirreġistraw seduta tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali f’Varsavja, il-Polonja), il-qari fil-qorti tad-digriet mogħti f’dik il-kawża u r-raġunijiet mogħtija verbalment hemmhekk. Skont l-UPPN, l-Imħallef I.T. svela informazzjoni lil persuni mhux awtorizzati dwar investigazzjoni preliminari li kien mexxa l-Prosekutur Pubbliku Reġjonali. Minħabba li l-Imħallef I.T. kien kiseb dik l-informazzjoni fil-kors tal-funzjonijiet tiegħu, l-UPPN kien tal-fehma li l-azzjonijiet tal-imħallef kienu għamlu ħsara lill-interess pubbliku.

23.

Filwaqt li aġixxiet bħala qorti tal-ewwel istanza, fid‑9 ta’ Ġunju 2020, l-Awla Dixxiplinari ċaħdet it-talba tal-UPPN għal awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni tal-Imħallef I.T. L-UPPN appella minn dik id-deċiżjoni. Fit‑18 ta’ Novembru 2020, l-Awla Dixxiplinari, din id-darba billi taġixxi bħala qorti tat-tieni istanza, neħħiet l-immunità tal-Imħallef I.T. minn prosekuzzjoni, issospendietu mill-kariga u naqqset ir-remunerazzjoni tiegħu b’25 % sakemm tintemm is-sospensjoni tiegħu ( 8 ). Is-sospensjoni għandha tissokta sakemm ikunu konklużi l-proċeduri kriminali kontrih.

24.

Minħabba s-sospensjoni tiegħu mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, l-Imħallef I.T. ma jista’ jisma’ ebda waħda mill-kawżi li kienu assenjati lilu, inkluża l-Kawża VIII K 105/17. Skont il-prinċipju ta’ kompożizzjoni kostanti ta’ kulleġġi ġudikanti ta’ qrati sanċit fil-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, huwa biss il-kulleġġ ġudikanti tal-qorti ( 9 ) li tkun mexxiet il-kawża kollha li huwa kompetenti jagħti sentenza. Il-proċeduri fil-Kawża VIII K 105/17 għandhom, għalhekk, jerġgħu jibdew mill-ġdid. B’mod partikolari, l-imħallef maħtur sabiex jieħu post l-Imħallef I.T. għandu jisma’ mill-ġdid ix-xhieda kollha miġjuba fil-kawża s’issa. Skont il-qorti tar-rinviju din is-sitwazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari għad-dritt għal rimedju effettiv u għad-dritt ta’ kull persuna għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi ( 10 ).

25.

Id-digriet tar-rinviju jgħid li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 ( 11 ) u fid-digrieti tagħha tal‑15 ta’ Jannar 2020 ( 12 ), is-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (Awla Industrijali u Assigurazzjoni Soċjali), il-Polonja) ( 13 ), li ddeċidiet dwar il-proċeduri li minnhom oriġinat is-sentenza A. K., iddeċidiet li, fil-kompożizzjoni attwali tiegħu, il-KRS ma huwiex indipendenti mil-leġiżlatur u mill-eżekuttiv, u li l-Awla Dixxiplinari – li l-membri tagħha kienu nħatru fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni attwali tiegħu – ma hijiex “qorti” skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u tal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja. Permezz ta’ riżoluzzjoni konġunta tat‑23 ta’ Jannar 2020, l-Awli Ċivili, Kriminali u Industrijali u tal-Assigurazzjoni Soċjali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) flimkien ikkonfermaw il-pożizzjoni tal-Awla Industrijali u tal-Assigurazzjoni Soċjali, billi ddeċidew li kulleġġ ġudikanti tal-Awla Dixxiplinari li fiha tpoġġi persuna maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni attwali tiegħu huwa difettuż. L-awli konġunti ddikjaraw ukoll li, minħabba l-karatteristiċi strutturali tagħha, l-Awla Dixxiplinari ma hijiex “qorti” għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’l fuq, u li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex “deċiżjonijiet ġudizzjarji”. B’deċiżjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020 ( 14 ), l-Awla Dixxiplinari ddeċidiet li s-Sentenza A. K. “ma tistax titqies bħala vinkolanti fis-sistema legali Pollakka” peress li l-Awla Industrijali u tal-Assigurazzjoni Soċjali kienet operat b’“kulleġġi ġudikanti illegali”, fil-kawża prinċipali li tat lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

26.

Il-qorti tar-rinviju, li fiha jpoġġi l-Imħallef I.T. tagħmel parti mis-sistema ġudizzjarja Pollakka u tiddeċiedi kawżi “fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 15 ). Id-deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari li tneħħi l-immunità tal-Imħallef I.T. minn prosekuzzjoni kriminali u li tissospendieh milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, bil-konsegwenza li l-Kawża VIII K 105/17 jkollha tinstema’ mill-bidu minn kulleġġ ġudikanti differenti, iġġiegħel lill-qorti tar-rinviju tiddubita jekk l-Awla Dixxiplinari tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

27.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, regoli li jistipulaw kif imħallfin jiġu ddixxiplinati ( 16 ) u mkeċċija ( 17 ) huma suġġetti għar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk regoli nazzjonali li jawtorizzaw il-prosekuzzjoni kriminali ta’ mħallfin jew id-detenzjoni tagħhom humiex ugwalment suġġetti għar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Hija tal-fehma li l-bidu ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef għandu jkun suġġett għall-istess rekwiżiti bħal bidu ta’ proċeduri dixxiplinari għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel, awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni għandha tingħata biss jekk, fil-fehma tal-qorti dixxiplinari, ikun hemm suspett suffiċjentement iġġustifikat li tkun twettqet offiża. It-tieni, ladarba tkun ingħatat tali awtorizzazzjoni, il-qorti dixxiplinari tista’ ( 18 ) tissospendi lill-imħallef inkwistjoni, sabiex b’hekk huwa ma jitħalliex jiddeċiedi kawżi sakemm dawk il-proċeduri kriminali jintemmu. It-tielet, għat-tul ta’ dik is-sospensjoni, il-qorti dixxiplinari hija obbligata tnaqqas ir-remunerazzjoni tal-imħallef b’bejn 25 % u 50 %. Ir-raba’, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni ta’ mħallef ma tindika ebda limitu ta’ żmien sabiex tiġi ppreżentata akkuża f’dik il-kawża. Bħala konsegwenza ta’ dik l-awtorizzazzjoni, imħallef għandu jkun sospiż u r-remunerazzjoni tiegħu titnaqqas għal żmien indefinit. Evalwazzjoni ta’ dawk iċ-ċirkustanzi tista’ tiġġustifika konklużjoni li l-proċedura sabiex titneħħa l-immunità ta’ mħallef minn prosekuzzjoni u/jew minn detenzjoni jkollha konsegwenzi simili għal miżuri adottati skont is-sistema dixxiplinari għal imħallfin. Dik il-proċedura għandha, għalhekk, tkun ugwalment suġġetta għar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

28.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-prosekuturi pubbliċi kollha fil-Polonja jirrapportaw lill-Ministru għall-Ġustizzja li, bil-liġi, jokkupa l-kariga ta’ Prokurator Generalny (Prosekutur Ġenerali). Filwaqt li prosekutur pubbliku huwa viżibbilment indipendenti fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, huwa obbligat jesegwixxi d-digrieti, linji gwida u istruzzjonijiet tal- prosekutur pubbliku li lilu jirrapporta, li jista’ jkun il-Ministru għall-Ġustizzja, inkluż fi proċeduri quddiem l-Awla Dixxiplinari.

29.

It-talba għal-deċiżjoni preliminari tindika li, skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-Ministru għall-Ġustizzja huwa membru tal-KRS. Kważi l-ħmistax-il membru minn ħamsa u għoxrin tal-KRS, li s-Sejm kien għażel minn fost l-imħallfin, kellhom rabtiet mill-qrib mal-Ministru għall-Ġustizzja fiż-żmien tal-għażla u huma jżommu dawk ir-rabtiet. Il-KRS, kif hekk kompost, sussegwentement ħa sehem fin-nomina tal-membri kollha tal-Awla Dixxiplinari, li jinkludu kemm dawk li kienu prosekuturi pubbliċi, kif ukoll avukati li pubblikament kienu jappoġġjaw l-azzjonijiet tal-Ministru għall-Ġustizzja.

30.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “indipendenza”, li huwa inerenti fil-kompitu ta’ aġġudikazzjoni, jeżiġi li korp jaġixxi bħala terz b’rabta ma’ partijiet fi proċeduri quddiemha ( 19 ). Minħabba l-kompożizzjoni tal-Awla Dixxiplinari, il-kompożizzjoni attwali tal-KRS, in-natura ġerarkika tas-sistema ta’ prosekuzzjoni pubblika u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni jew għal detenzjoni ta’ mħallef, il-qorti tar-rinviju għandha dubji serji dwar jekk l-Awla Dixxiplinari taġixxix bħala terz b’rabta mal-prosekutur pubbliku.

31.

Barra minn dan, fid-dawl tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll riżervi dwar jekk l-Awla Dixxiplinari għandhiex tisma’ rikorsi għal awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni jew għal detenzjoni ta’ mħallfin. Hija tqis li l-kunċett ta’ “kawżi dixxiplinari dwar mħallfin” msemmi fl-ewwel inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dak id-digriet għandu jinkludi wkoll każijiet li jawtorizzaw il-prosekuzzjoni u d-detenzjoni ta’ mħallfin. Fi kwalunkwe każ, peress li l-kompożizzjoni tal-Awla Dixxiplinari tibqa’ ma tinbidilx, il-kawżi kollha pendenti quddiem dan il-korp jinstemgħu minn kulleġġ ġudikanti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza skont it-tieni inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020.

32.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tqis li l-awtorizzazzjoni tal-Awla Dixxiplinari ma hijiex “deċiżjoni ġudizzjarja” peress li din l-awla la tissodisfa r-rekwiżiti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni u lanqas ma tiżgura “kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” ( 20 ). Għaldaqstant, hija ma tqisx lilha nnifisha marbuta bid-digrieti tal-Awla Dixxiplinari. Peress li l-validità tal-awtorizzazzjoni tal-Awla Dixxiplinari għandha impatt dirett dwar jekk il-qorti tar-rinviju hijiex minnha nnifisha qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, hija titlob il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju titlob sabiex jiġi aċċertat jekk l-obbligu li deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari ma tiġix ittrattata bħala vinkolanti japplikax ugwalment għal korpi oħra tal-Istat ( 21 ) u, għaldaqstant, jekk imħallef li fir-rigward tiegħu tali prosekuzzjoni tkun ġiet awtorizzata ma jitħalliex inġustament ipoġġi f’qorti jiksirx id-dritt tal-Unjoni.

33.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-[Karta] u d-dritt sanċit fih għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif ukoll id-dritt għal smigħ ġust u pubbliku tal-kawża f’terminu raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali stabbiliti fid-dettall fil-punti 2 u 3 ta’ dawn id-domandi, jiġifieri [l-Artikolu 80, l-Artikolu 110(2a) u l-Artikolu 129 tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji] u l-punt 1a tal-Artikolu 27(1) tal-[Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema], li jippermettu lill-Awla Dixxiplinari […] tneħħi l-immunità lil imħallef u tissospendih mill-funzjonijiet tiegħu, u għaldaqstant tipproċedi bit-tneħħija effettiva tal-imħallef mit-teħid ta’ deċiżjoni ta’ kawżi assenjati lilu, fejn:

a)

l-Awla Dixxiplinari […] ma hijiex ‘qorti’ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 6 KEDB u tal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982);

b)

il-membri tal-Awla Dixxiplinari […] għandhom rabtiet partikolarment qawwija mas-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277);

c)

ir-Repubblika tal-Polonja hija obbligata tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema li jirrigwardaw l-hekk imsejħa Awla Dixxiplinari u li tieqaf milli tibgħat kawżi pendenti quddiem din l-awla għal eżami minn kulleġġ ġudikanti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277).

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 TUE u l-valur tal-istat tad-dritt li jinsab fih kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema ta’ mezzi dixxiplinari fil-każ ta’ persuni li għandhom il-kompitu li jiġġudikaw’ ikopru wkoll dispożizzjonijiet dwar il-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, bħall-Aritkolu 181 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja flimkien mal-Artikolu 80 u l-Artikolu 129 tal-[Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji], li skonthom:

a)

il-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, bħala regola teħtieġ, fuq talba tal-prosekutur, awtorizzazzjoni mill-qorti dixxiplinari kompetenti;

b)

il-qorti dixxiplinari, meta tippermetti l-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, tista’ (u f’xi każijiet għandha l-obbligu) tissospendi lill-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu;

c)

meta tissospendi lil imħallef tal-qorti nazzjonali mill-funzjonijiet tiegħu, il-qorti dixxiplinari fl-istess waqt ikollha l-obbligu li tnaqqas ir-remunerazzjoni ta’ dak l-imħallef, sal-limitu ddefinit permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għaż-żmien tas-sospensjoni?

3)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domanda 2, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn jipprekludu regoli ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 110(2a) tal-[Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji] u l-punt 1a tal-Artikolu 27(1) tal-[Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema], li skonthom il-kawżi dwar l-awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali jaqgħu, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza, taħt il-kompetenza esklużiva tal-korp, bħall-Awla Dixxiplinari, li jieħu inkunsiderazzjoni (b’mod individwali jew konġunt), li:

a)

l-istabbiliment tal-Awla Dixxiplinari ikkoinċida mal-bidla fir-regoli għall-ħatra tal-membri tal-korp, bħall-[KRS], li jipparteċipa fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, u li fuq proposta tiegħu ġew maħtura l-membri kollha tal-Awla Dixxiplinari;

b)

il-leġiżlatur nazzjonali eskluda l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti għall-Awla Dixxiplinari mħallfin ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li fl-istrutturi tagħha topera din l-awla, b’mod li fl-Awla Dixxiplinari jista’ jkun hemm biss il-membri l-ġodda maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni mibdula tiegħu;

c)

l-Awla Dixxiplinari hija kkaretterizzata minn livell partikolarment għoli ta’ awtonomija fi ħdan [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)];

d)

[is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], fis-sentenzi mogħtija b’eżekuzzjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), ikkonfermat li l-KRS fil-kompożizzjoni mibdula tiegħu ma huwiex korp indipendenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex ‘qorti’ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja;

e)

it-talba għal awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali toriġina, bħala prinċipju, mill-prosekutur, li bħala superjur ġerarkiku għandu korp tas-setgħa eżekuttiva, bħall-Ministru għall-Ġustizzja, li jista’ jagħti lill-prosekutur struzzjonijiet vinkolanti dwar il-kontenut tal-attivitajiet proċesswali, u fl-istess waqt il-membri tal-Awla Dixxiplinari u l-KRS fil-kompożizzjoni mibdula juru, kif ikkonstatat [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 2d, rabtiet partikolarment qawwija mas-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva, u fid-dawl ta’ dan l-Awla Dixxiplinari ma tistax titqies bħala terza persuna fil-konfront tal-partijiet fil-kawża;

f)

ir-Repubblika tal-Polonja kienet obbligata tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema li jirrigwardaw l-Awla Dixxiplinari u li tieqaf milli tibgħat kawżi pendenti quddiem din l-awla għal eżami minn kompożizzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza, skont id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277)?

4)

Fil-każ li tingħata awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali u l-imħallef jiġi sospiż milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu u fl-istess waqt ir-remunerazzjoni tiegħu titnaqqas għaż-żmien ta’ din is-sospensjoni, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domanda 2 u l-prinċipji ta’ supremazija, ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TFUE u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ saħħa vinkolanti lill-imsemmija awtorizzazzjoni, speċjalment fil-kuntest tas-sospensjoni ta’ mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, jekk din tkun ingħatat minn korp bħalma huwa l-Awla Dixxiplinari, li fil-konfront tiegħu:

a)

kull korp nazzjonali (fosthom il-qorti tar-rinviju li, fil-kulleġġ ġudikanti tagħha jinsab l-imħallef ikkonċernat minn din l-awtorizzazzjoni, kif ukoll korpi li għandhom kompetenza fil-qasam tal-ħatra u tal-bidla tal-kompożizzjoni tal-qorti nazzjonali) għandu l-obbligu li jinjora tali awtorizzazzjoni u li jippermetti lil imħallef ta’ qorti nazzjonali li fil-konfront tiegħu ingħatat tali awtorizzazzjoni jagħmel parti mill-kullleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti;

b)

il-qorti li fil-kulleġġ ġudikanti tagħha jinsab l-imħallef ikkonċernat minn din l-awtorizzazzjoni, hija qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, jew qorti indipendenti u imparzjali, u b’hekk tista’ tiddeċiedi, bħala ‘qorti’, kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?”

B.   Kawża C‑671/20

34.

Il-fatti li minnhom toriġina din it-talba għal deċiżjoni preliminari jixbhu lil dawk tal-Kawża C‑615/20.

35.

Il-Prosekutur Pubbliku Reġjonali xela lil M.M. b’seba’ offiżi kriminali inkluż, inter alia, li naqas milli jirreġistra għal falliment, naqas milli jissodisfa talbiet ta’ kredituri, ikkommetta frodi bankarja u naqas milli jirreġistra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ kumpannija. B’deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2020, il-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ordna l-ħolqien ta’ ipoteka mandatorja fuq proprjetà immobbli ta’ M.M. u martu, bħala sidien konġunti, bħala garanzija għal multi u tariffi potenzjali tal-qrati. M.M. appella minn dik id-deċiżjoni.

36.

Fid-dawl tar-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari, il-President tas- Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) ordna ( 22 ) lill-President tal-awla li fiha kien ipoġġi l-Imħallef I.T. sabiex jibdel il-kulleġġ ġudikanti fil-kawżi kollha ( 23 ) li oriġinarjament kienu assenjati lil dan l-imħallef ( 24 ). Il-President ta’ dik l-awla assenja mill-ġdid il-kawżi li oriġinarjament kienu assenjati lill-Imħallef I.T. Wara dik l-assenjazzjoni mill-ġdid, il-qorti tar-rinviju għamlet għadd ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

37.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont is-sentenza Simpson ( 25 ), kull qorti għandha tivverifika motu proprio jekk hijiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Hija għandha dubji dwar jekk hija tikkostitwixxix “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” minħabba li l-bidla fil-kompożizzjoni tagħha b’digriet tal-President tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) wara s-sospensjoni tal-Imħallef I.T. kienet riżultat dirett tar-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari. Minħabba “l-karatteristiċi strutturali” tagħha, din l-awla ma hijiex “qorti” skont id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis li biss permezz ta’ eżami mill-ġdid effettiv tar-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari hija tkun tista’ tevalwa jekk hijiex qorti stabbilita minn qabel bil-liġi u tkun tista’ tiddeċiedi fil-proċeduri quddiemha. Il-qorti tar-rinviju tqis li hija tista’ tikser id-dritt tal-partijiet għal qorti, bir-riżultat li d-deċiżjoni tagħha tiġi annullata f’appell ( 26 ) jekk kulleġġ ġudikanti li fiha jkun poġġa persuna mhux awtorizzata jkun ta sentenza, minħabba li l-qorti ma kinitx tkun komposta sewwa ( 27 ) jew minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

38.

Il-qorti tar-rinviju tqis li evalwazzjoni dwar jekk hijiex konformi mar-rekwiżit li hija tkun stabbilita minn qabel bil-liġi teżiġi eżami tal-effett vinkolanti tar-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari. Kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll il-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li jgħidu li qrati nazzjonali ma jistgħux jeżaminaw mill-ġdid il-ħatra ta’ mħallef, inkluża l-legalità tal-funzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Polonja ( 28 ) u tal-KRS fil-proċedura ta’ ħatra ( 29 ), jipprojbixxu li jsir dak l-eżami. Barra minn dan, tali eżami jitqies li jkun offiża dixxiplinari. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali u l-imsemmija ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).

39.

Il-qorti tar-rinviju hija wkoll inċerta dwar jekk hijiex marbuta bir-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari u bi kwalunkwe konsegwenzi li din jista’ jkollha għall-kompożizzjoni tagħha, inkluża l-effettività legali tas-sospensjoni tal-Imħallef I.T. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ripetutament l-importanza, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri tagħha, tal-“prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata”. Sabiex ikunu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u ta’ relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jistax ikun hemm dubji dwar deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi. Id-dritt tal-Unjoni, għalhekk, ma jeżiġix li qorti nazzjonali tinjora regoli domestiċi ta’ proċedura li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil sentenza, anki jekk dan ikun jippermetti li jkun hemm rimedju għal sitwazzjoni domestika li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 30 ).

40.

Il-qorti tar-rinviju tqis li n-natura tal-Awla Dixxiplinari hija tali li r-riżoluzzjoni tagħha tat‑18 ta’ Novembru 2020 ma hijiex “deċiżjoni ġudizzjarja” minħabba li dan it-terminu japplika biss għal deċiżjonijiet ta’ korp li jissodisfa r-rekwiżiti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont id-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li l-Awla Dixxiplinari tista’ tissospendi mħallef – fil-prattika għal perijodu indefinit – bl-ebda mod ma jiżgura l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet legali u ċertament ma jikkontribwixxix għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu li jiġi rrifjutat li d-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari jingħataw effett vinkolanti japplikax ukoll għal deċiżjonijiet ta’ uffiċjali oħra tal-Istat bħall-Ministru għall-Ġustizzja, il-prosekutur pubbliku, il-presidenti ta’ qrati u t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk rifjut mhux iġġustifikat sabiex imħallef, li fir-rigward tiegħu tkun ġiet awtorizzata tali prosekuzzjoni, jitħalla ipoġġi f’formazzjoni ta’ qorti jiksirx id-dritt tal-Unjoni.

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod speċifiku l-Artikolu 2 TUE flimkien mal-valur tal-istat tad-dritt espress fih, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’: supremazija, kooperazzjoni leali u ċertezza legali – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 41b(1) u (3) tal-[Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji], b’tali mod li president ta’ qorti jista’ – minn rajh u mingħajr kontroll ġudizzjarju – jiddeċiedi li jbiddel il-kompożizzjoni tal-qorti b’riżultat tal-għoti minn awtorità, bħall-[Awla Dixxiplinari], ta’ awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali ta’ mħallef li jagħmel parti mill-kompożizzjoni tal-qorti oriġinarjament maħtura (l-imħallef tal-qorti reġjonali I. T.), liema deċiżjoni tikkomporta s-sospensjoni mandatorja ta’ dan l-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu, li tinkludi, b’mod partikolari, projbizzjoni ta’ tali mħallef milli jpoġġi fil-formazzjonijiet ġudikanti għal kawżi assenjati lilu, inklużi wkoll dawk il-kawżi assenjati lilu qabel l-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni?

2)

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ewwel domanda – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi:

a)

leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 42a(1) u (2) kif ukoll il-punt 3 tal-Artikolu 107(1) [tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji], li tipprojbixxi lil qorti nazzjonali milli tevalwa – meta tistħarreġ jekk l-istess qorti tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti minn qabel bis-saħħa tal-liġi – is-saħħa vinkolanti u ċ-ċirkustanzi legali tal-awtorizzazjoni tal-[Awla Dixxiplinari], imsemmija fl-ewwel domanda, li huma r-raġuni diretta wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-qorti, li fl-istess waqt tipprevedi li tali tentattiv ta’ eżami huwa l-bażi tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallef?

b)

ġurisprudenza ta’ organu nazzjonali bħat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja], li skontha l-atti tal-organi nazzjonali, bħall-[President tar-Repubblika tal-Polonja] u l-[KRS], fir-rigward tal-ħatra ta’ persuni fi ħdan organu bħall-[Awla Dixxiplinari], ma humiex suġġetti għal kontroll ġudizzjarju, inkluż il-kontroll mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni – irrispettivament mill-gravità u l-livell tal-ksur – u l-att ta’ ħatra ta’ persuni fil-kariga ta’ mħallef huwa ta’ natura definittiva u irrevokabbli?

3)

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ewwel domanda – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-attribuzzjoni ta’ saħħa vinkolanti għall-awtorizzazzjoni, imsemmija fl-ewwel domanda, b’mod partikolari fir-rigward tas-sospensjoni ta’ mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-fatt li din tkun ingħatat minn organu, bħall-[Awla Dixxiplinari], bil-konsegwenza li:

a)

l-organi kollha tal-Istat (inkluża l-qorti tar-rinviju, kif ukoll l-organi li għandhom kompetenza biex jikkostitwixxu u jibdlu l-kompożizzjoni ta’ qorti nazzjonali, b’mod partikolari l-president ta’ qorti) għandhom obbligu jinjoraw din l-awtorizzazzjoni u jippermettu lill-imħallef tal-qorti nazzjonali, li fil-konfront tiegħu ngħatat din l-awtorizzazzjoni, li jpoġġi fil-kulleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti;

b)

qorti, li fil-kompożizzjoni tagħha ma jpoġġix l-imħallef oriġinarjament maħtur biex jisma’ l-kawża – sempliċement minħabba li dan l-imħallef huwa suġġett għall-imsemmija awtorizzazzjoni – ma hijiex qorti preċedentement ikkostitwita bis-saħħa ta’ liġi u għaldaqstant ma tistax tiddeċiedi bħala ‘qorti’ kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

4)

Il-fatt li l-[Awla Dixxiplinari] u t-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] ma jiggarantixxux protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl tan-nuqqas ta’ indipendenza u tal-ksur ikkonstatat tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra tal-membri tagħhom huwa rilevanti għar-risposti għad-domandi magħmula iktar ’il fuq?”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

42.

B’deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad il-Kawżi C‑615/20 u C‑671/20 għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali tas-sentenza.

43.

Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa fil-Kawżi C‑615/20 u C‑671/20, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura. B’deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Diċembru 2020 u tal‑21 ta’ Jannar 2021 rispettivament, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad dawk it-talbiet. Madankollu l-kawżi ngħataw trattament prijoritarju skont l-Artikolu 53(3) tal-istess Regoli tal-Proċedura.

44.

Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Y.P., mill-Prosekutur Pubbliku Reġjonali, mill-Gvern Belġjan, Daniż, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Pollakk, Finlandiż u Svediż u mill-Kummissjoni Ewropea. Ħlief għal Y.P., il-partijiet kollha msemmija hawn għamlu sottomissjonijiet orali u wieġbu għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tat‑28 ta’ Ġunju 2022.

V. Evalwazzjoni

A.   Ammissibbiltà

45.

Il-Prosekutur Pubbliku Reġjonali u l-Gvern Pollakk jikkontendu li d-domandi preliminari magħmula huma inammissibbli. Fl-assenza ta’ kwalunkwe fattur ta’ konnessjoni bejn dawn il-kwistjonijiet fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob interpretazzjoni, ma hijiex meħtieġa risposta għal dawk id-domandi sabiex dik il-qorti tkun tista’ taqta’ l-kawżi quddiemha ( 31 ). Il-Gvern Pollakk iżid li anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tawtorizza lill-qorti tar-rinviju ma tagħtix kas ir-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari, ebda dispożizzjoni tad-dritt Pollakk ma tippermetti l-bdil ta’ mħallef assenjat għal kawża jew it-trasferiment ta’ dawk il-kawżi lil imħallef ieħor.

46.

Il-Kummissjoni u l-Gvern Svediż isostnu li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli minħabba li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa sabiex il-kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju jkun jista’ jirriżolvi in limine litis jekk għandux kompetenza jiddeċiedi l-azzjonijiet kriminali fil-kawża prinċipali.

47.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta tiddeċiedi dwar tali domandi biss meta jkun jidher b’mod tassew manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew l-għan tagħha, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 32 ).

48.

Huwa tassew manifest kemm mit-test kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE li qorti jew tribunal nazzjonali ma għandhomx is-setgħa jressqu kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari sakemm kawża tkun pendenti quddiemha, li fiha hija tintalab tagħti deċiżjoni li tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dik id-deċiżjoni preliminari. Rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun iġġustifikat mill-ħtieġa li tilwima tiġi riżolta u mhux li jiffaċilita l-għoti ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 33 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet ukoll li jista’ jkun meħtieġ li tingħata risposta għal domandi magħmula sabiex qrati ta’ rinviju jingħataw interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tgħinhom jirriżolvu kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma jiddeċiedu dwar il-mertu ta’ tilwimiet pendenti quddiemhom ( 34 ).

49.

Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri jitolbu li jiġi stabbilit jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-Awla Dixxiplinari, b’mod partikolari l-mod tal-ħatra tal-membri tagħha, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li bihom dik l-awla tkun tista’ tawtorizza l-prosekuzzjoni ta’ mħallef sabiex b’hekk tirriżulta s-sospensjoni tiegħu. Jekk dan huwa l-każ, x’konsegwenzi jkun hemm, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, għal-legalità tal-kulleġġ ġudikanti tal-qorti li tkun qiegħda tisma’ t-tilwima fil-kawża prinċipali? F’tali ċirkustanzi l-qorti tar-rinviju titlob sabiex jiġi aċċertat jekk hijiex konformi mar-rekwiżit li hija tkun stabbilita minn qabel bil-liġi. Peress li, skont is-sentenza Simpson ( 35 ), qorti tista’ tkun obbligata teżamina jekk, kif tkun komposta, hija tkunx tikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi meta jinqala dubju serju dwar dan, tkun meħtieġa l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju sabiex hija tkun tista’ tirriżolvi kwistjoni proċedurali mqajma in limine litis qabel ma tiddeċiedi fuq il-proċeduri kriminali li bihom hija tkun adita ( 36 ).

50.

Is-sottomissjoni li tgħid li, jekk ir-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari titqies kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, id-dritt Pollakk ma jippermettix il-bdil ta’ mħallef assenjat għal kawża jew it-trasferiment ta’ kawżi, tirrigwarda aspetti tal-mertu tas-suġġett tad-digriet tar-rinviju relatat mal-kamp ta’ applikazzjoni u mal-effett tad-dritt tal-Unjoni u mas-supremazija tiegħu. Argumenti dwar il-mertu ta’ kawża ma jipprovdux bażi sabiex jiġi iddikjarat li talba għal deċiżjoni preliminari tkun inammissibbli ( 37 ).

51.

Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk invoka s-sentenza Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) ( 38 ) sabiex issostni l-argument tagħha li r-rinviji għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li talba għal deċiżjoni preliminari kienet inammissibbli minħabba li, inter alia, id-domandi magħmula dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ servizz bejn imħallef u l-Awla Dixxiplinari kienu relatati ma’ tilwima oħra differenti mis-suġġett tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. Sabiex tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tad-domandi magħmula u tipprovdi risposta adatta, il-Qorti tal-Ġustizzja kien ikollha teżamina mill-ġdid kwistjonijiet li kienu jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tilwima fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’dik il-kawża effettivament kellha l-għan li tiġi invalidata erga omnes il-ħatra ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jawtorizza oppożizzjoni għall-ħatra ta’ mħallef b’azzjoni diretta sabiex tali ħatra tiġi annullata. Kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

52.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-oġġezzjonijiet magħmula għall-ammissibbiltà tad-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju.

B.   Fuq il‑mertu

1. Osservazzjonijiet preliminari

53.

Is-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 39 ) fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) ( 40 ), jixbah parzjalment dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari. Filwaqt li l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma proċeduri differenti b’effetti legali distinti ( 41 ), irrid nirreferi, fejn huwa opportun, għall-konklużjonijiet tiegħi f’dawk il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għandhom jiġu ppreżentati fl-istess data bħal dawn il-konklużjonijiet. B’mod partikolari, il-punti 46 sa 60 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) jiddeskrivu dak li nqis huma propożizzjonijiet ta’ dritt stabbiliti sewwa rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ dawn il-proċeduri.

2. L‑ewwel, it‑tieni u t‑tielet domanda fil‑Kawża C‑615/20

54.

Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawża C‑615/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta japplikawx fil-kawżi li jawtorizzaw, inter alia, il-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin u ta’ mħallfin apprendisti u t-tnaqqis obbligatorju tar-remunerazzjoni tagħhom. Jekk huwa hekk, għandhom dawk id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli nazzjonali li jagħtu kompetenza lill-Awla Dixxiplinari sabiex tiddeċiedi tali kawżi fl-ewwel u fit-tieni istanza, fid-dawl tal-fatt li ċerti karatteristiċi ta’ din l-awla, inkluż il-mod tal-ħatra tal-membri tagħha, jagħtu lok għal dubji dwar jekk hijiex “qorti” għall-finijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta?

55.

L-eżami ta’ dawn id-domandi jeħtieġ, l-ewwel, evalwazzjoni tar-rilevanza tal-Artikolu 47 tal-Karta fil-kuntest tal-Kawża C‑615/20 u tal-Kawża C‑671/20. Hija ġurisprudenza stabbilita li persuna li tinvoka d-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta f’kawża partikolari għandha tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Ma huwiex ċar mid-digrieti tar-rinviju fil-Kawżi C‑615/20 u C‑671/20 li Y.P. jew M.M. jinvokaw dritt li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tagħtihom jew li huma s-suġġett ta’ proċeduri li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 47 tal-Karta ma japplikax għall-kawżi prinċipali. Madankollu, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi li l-Istati Membri kollha jipprovdu rimedji suffiċjenti sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni ( 42 ), l-iktar skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta, kwalunkwe interpretazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni ( 43 ).

56.

It-tieni, ngħaddi sabiex inqis ir-rilevanza ta’ żewġ digrieti interlokutorji f’żewġ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja. Fid-digriet tat‑8 ta’ April 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat is-sospensjoni ta’ ċerti attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari. Il-qorti tar-rinviju f’dak ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tesprimi riżervi dwar jekk, fid-dawl tad-digriet mogħti f’dik il-kawża, l-Awla Dixxiplinari setgħetx tisma’ kawżi b’talba għal awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni u sospensjoni ta’ mħallef. Hija rreferiet ukoll għal għadd ta’ domandi dwar ir-rilevanza tas-sospensjoni kif ordnata f’dawn il-proċeduri ( 44 ).

57.

Id-dispożittiv tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, jordna s-sospensjoni ta’ ċerti attivitajiet imwettqa mill-Awla Dixxiplinari skont dispożizzjonijiet speċifiċi ( 45 ) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema. Dawk id-dispożizzjonijiet taw il-bażi legali tal-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari sabiex tiddeċiedi dwar proċeduri dixxiplinari kontra mħallfin. Dawn huma għalkollox differenti minn dawk tal-bażi legali tal-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari sabiex ikunu awtorizzati l-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin u t-tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom, li huma s-suġġett tal-proċeduri li minnhom joriġinaw dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari ( 46 ). Għalhekk inqis li d-digriet tat‑8 ta’ April 2020 bħala irrilevanti għall-kwistjonijiet li jinħolqu sabiex jiġu ddeterminati hawnhekk ( 47 ).

58.

Għall-kuntrarju, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża C‑204/21 R, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja ( 48 ), jidher li huwa rilevanti. Id-dispożittiv tiegħu jeżiġi li r-Repubblika tal-Polonja, inter alia, tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1)(1a) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema u dispożizzjonijiet tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji li jagħtu lill-Awla Dixxiplinari kompetenza tiddeċiedi dwar rikorsi għal awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin jew imħallfin apprendisti ( 49 ). Dak id-digriet jeżiġi wkoll li r-Repubblika tal-Polonja tissospendi l-effetti ta’ kwalunkwe deċiżjoni li l-Awla Dixxiplinari tkun diġà adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u li żżomm milli tirreferi kawżi relatati magħhom lil qorti li ma tkunx indipendenti ( 50 ).

59.

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-istess digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, fis‑27 ta’ Ottubru 2021 il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li r-Repubblika tal-Polonja tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 1,000,000 kuljum mid-data tan-notifika ta’ dak id-digriet sakemm dan l-Istat Membru jkun konformi mal-obbligi li jirriżultaw mid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, jew, jekk jonqos jagħmel hekk, sad-data tal-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċeduri fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) ( 51 ).

60.

Waqt is-seduta l-Kummissjoni kkonfermat ( 52 ) li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx għarrfitha dwar kwalunkwe miżura li dan l-Istat Membru kien adotta sabiex ikun konformi mad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, wara li kien ingħata dak id-digriet, l-Imħallef I.T. missu ngħata postu mill-ġdid mill‑14 ta’ Lulju 2021 sal-għoti tas-sentenza fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin).

61.

It-tielet, il-Gvern Pollakk sostna waqt is-seduta li l-Awla Dixxiplinari kienet tneħħiet permezz tal-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tad‑9 ta’ Ġunju 2022 (Dz. U. tal‑2022, punt 1259) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tad‑9 ta’ Ġunju 2022”). Minn dik id-data ’l hemm, imħallef seta’ jopponi riżoluzzjoni definittiva tal-Awla Dixxiplinari li tawtorizza l-prosekuzzjoni tiegħu quddiem l-Izba Odpowiedzialności Zawodowej (l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali), li għadha kif ġiet maħluqa, tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali’).

62.

Permezz tal-Artikolu 8 tal-Liġi tad‑9 ta’ Ġunju 2022, malli din daħlet fis-seħħ ( 53 ), l-Awla Dixxiplinari tneħħiet u twaqqfet l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali. L-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali għandha tmexxi l-kawżi kollha li ma kinux intemmu quddiem l-Awla Dixxiplinari fil‑15 ta’ Lulju 2022. Bis-saħħa tal-Artikolu 18 tal-Liġi tad‑9 ta’ Ġunju 2022, imħallef jista’, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tagħha, iressaq mozzjoni quddiem l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali sabiex hija tibda mill-ġdid proċeduri fir-rigward ta’ riżoluzzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li kienet tawtorizza l-prosekuzzjoni tiegħu u li kienet adottata minn kulleġġ ġudikanti li fiha kien ipoġġi mħallef tal-Awla Dixxiplinari.

63.

Minkejja t-tneħħija tal-Awla Dixxiplinari, jidher li l-Imħallef I.T. ser jibqa’ sospiż milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont id-dritt nazzjonali għalkemm huwa jista’ jressaq ( 54 ) mozzjoni quddiem l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali sabiex jopponi r-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari. Id-domandi tal-qorti tar-rinviju, għalhekk, ikomplu jkunu rilevanti. Sabiex tiġi indirizzata l-legalità tas-sospensjoni tal-Imħallef I.T. jeħtieġ li jiġi eżaminat kemm jekk l-Awla Dixxiplinari hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2 TUE u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll il-konsegwenzi għall-kompożizzjoni tal-qorti tar-rinviju ta’ kwalunkwe assenza ta’ konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

64.

Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jidher li, minkejja li l-Awla Dixxiplinari kienet adottat ir-riżoluzzjoni tagħha fit-tieni istanza, fid-dritt Pollakk, l-Imħallef I.T. jista’ issa jopponi l-validità tagħha. Jidher ukoll li r-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari ma għadx għanda l-awtorità ta’ res judicata.

65.

Ngħaddi għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑615/20. Filwaqt li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, inklużi r-regoli għal proċeduri kriminali kontra mħallfin, hija ta’ kompetenza tagħhom, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza għandu jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Meta Stat Membru jistabbilixxi regoli speċifiċi għal proċeduri kriminali kontra mħallfin ( 55 ), dawk ir-regoli għandhom – f’konformità mar-rekwiżit ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju raġonevoli f’moħħ il-partijiet fil-kawża dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari kwalunkwe influwenza diretta jew indiretta li l-leġiżlatur jew l-eżekuttiv jista’ jkollu fuq id-deċiżjonijiet tagħhom – ikunu ġġustifikati b’rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli relatati mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Tali regoli għandhom, bħal dawk dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallfin, jipprovdu l-garanziji meħtieġa sabiex ikun żgurat li proċeduri kriminali ma jintużawx bħala sistema ta’ kontroll politiku fuq l-attività ta’ mħallfin u jissalvagwardjaw b’mod sħiħ id-drittijiet minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ( 56 ).

66.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li qrati jew tribunali responsabbli sabiex jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 57 ). Min-natura tagħhom stess il-kawżi li jkunu ta’ kompetenza tal-Awla Dixxiplinari skont l-Artikolu 80, l-Artikolu 110(2a) u l-Artikolu 129 tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u skont l-Artikolu 27(1)(1a) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema ( 58 ) għandhom impatt immedjat, dirett u profond fuq l-istatus ta’ mħallfin u fuq it-twettiq tal-kariga tagħhom ( 59 ). Isegwi li miżuri adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk fir-rigward ta’ mħallfin ta’ qrati Pollakki responsabbli sabiex jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid minn korp li huwa stess ikun jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 60 ). Minħabba li l-Awla Dixxiplinari kellha kompetenza tapplika l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk, hija għandha toffri l-garanziji kollha meħtieġa fir-rigward tal-indipendenza tagħha, tal-imparzjalità tagħha u tal-istabbiliment tagħha minn qabel bil-liġi sabiex ikun evitat kwalunkwe riskju li miżuri li tadotta f’dan ir-rigward ikunu jistgħu jintużaw bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Filwaqt li bbażat ruħha b’mod estensiv fuq il-fatturi li hija kienet saħqet dwarhom qabel fis-sentenza A. K. tagħha ( 61 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sistema dixxiplinari tal-imħallfin iddeċidiet b’mod kategoriku, b’riferiment għall-osservazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 89 sa 110 tagħha, li l-Awla Dixxiplinari ma kinitx konformi mar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ibbażat ruħha, inter alia, fuq il-fatt li t-twaqqif tal-Awla Dixxiplinari ex nihilo b’kompetenza esklużiva li tisma’ ċerti kawżi dixxiplinari kkoinċida mal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li mminat il-kunċett li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma setgħux jitneħħew u tal-indipendenza tagħhom. Is-sentenza osservat li, mqabbla ma’ awli oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Awla Dixxiplinari kienet tgawdi minn livell relattivament għoli ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja fil-Qorti Suprema. Ir-remunerazzjoni ta’ mħallfin tal-Awla Dixxiplinari eċċediet ukoll b’madwar 40 % dik ta’ mħallfin assenjati għall-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mingħajr ma nġiebet ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal tali trattament preferenzjali.

67.

Mat-twaqqif tagħha, l-Awla Dixxiplinari kien jeħtiġilha tkun magħmula esklużivament minn mħallfin ġodda maħtura mill-President tar-Repubblika fuq proposta mill-KRS ( 62 ). Il-KRS kien ġie rristrutturat b’mod komprensiv qabel ma saru dawk il-ħatriet ( 63 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja tali bidliet setgħu joħolqu riskju, li ma kienx jeżisti fil-proċedura ta’ għażla kif kienet topera qabel, li l-leġiżlatur u l-eżekuttiv kien ser ikollhom influwenza ikbar fuq il-KRS u jimminaw l-indipendenza ta’ dan il-korp. Il-KRS bil-kompożizzjoni l-ġdida kien, barra minn dan, stabbilit billi tnaqqas it-terminu ta’ erba’ snin tal-kariga ta’ dawk il-membri tiegħu li sa dak iż-żmien kienu jikkostitwixxu dan il-korp. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li r-riforma leġiżlattiva tal-KRS kienet twettqet fl-istess waqt tal-ħruġ ta’ liġi ġdida dwar il-Qorti Suprema ( 64 ), li implimentat riforma mifruxa ħafna ta’ dik il-qorti ( 65 ).

68.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-fatturi kollha ħolqu dubji raġonevoli, fl-imħuħ tal-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-Awla Dixxiplinari fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari l-influwenza diretta jew indiretta tal-leġiżlatur u tal-eżekuttiv Pollakki, u n-newtralità tagħha fir-rigward tal-interess irrappreżentat quddiemha. Dawk il-fatturi aktarx kienu jwasslu sabiex l-Awla Dixxiplinari ma titqiesx bħala indipendenti jew imparzjali, u b’hekk tkun ippreġudikata l-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika rregolata mill-Istat tad-dritt għandha tispira f’tali korp ( 66 ).

69.

Evalwazzjoni ġenerali tal-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u tal-kundizzjonijiet li bihom hija kienet topera ma teskludix l-eżistenza ta’ dubji raġonevoli dwar il-possibbiltà li ssir pressjoni esterna fuq il-membri tagħha ( 67 ). Fid-data tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, jippersistu d-dubji leġittimi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari deskritti fis-sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin u fis-sentenza A. K. Dawn id-dubji jtebbgħu mhux biss is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin fil-Polonja iżda wkoll ir-regoli li jawtorizzaw il-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin jew ta’ mħallfin apprendisti u t-tnaqqis obbligatorju fir-remunerazzjoni tagħhom.

70.

Il-qorti tar-rinviju ddeskriviet ukoll ir-rabtiet bejn il-Ministru għall-Ġustizzja Pollakk u l-prosekutur pubbliku, il-Ministru għall-Ġustizzja Pollakk u l-KRS u l-KRS u l-Awla Dixxiplinari ( 68 ). Dwar dan hija għandha dubji dwar jekk l-Awla Dixxiplinari taġixxix bħala terz fir-rigward tal-partijiet fil-proċeduri quddiemha ( 69 ).

71.

Huwa stabbilit sewwa li l-indipendenza tal-qrati għandha żewġ aspetti. L-ewwel wieħed, ta’ natura esterna, jeżiġi li qorti teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda kontroll ġerarkiku jew ma tkun subordinata għal ebda korp ieħor u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn imkien ikun xi jkun, u b’hekk tkun protetta kontra interventi esterni jew pressjoni li jistgħu jdgħajfu l-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni wieħed minn dawn iż-żewġ aspetti, deskritt bħala ta’ natura interna, huwa konness mal-imparzjalità. Għandu l-għan li jiżgura li qrati jżommu distanza ugwali mill-partijiet fi proċeduri ġudizzjarji u mill-interessi rispettivi tagħhom. Qrati għandhom ikunu oġġettivi u ma jkollhomx interess fl-eżitu tal-proċeduri quddiemhom ħlief l-applikazzjoni stretta tal-istat tad-dritt ( 70 ).

72.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma dwar it-tieni aspett ta’ dak li jikkostitwixxi qorti indipendenti u għandhom x’jaqsmu mal-perċezzjoni li, meta tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-prosekuzzjoni u għas-sospensjoni tal-imħallfin, l-Awla Dixxiplinari la hija indipendenti u lanqas imparzjali. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-rabtiet istituzzjonali diretti u indiretti li dik il-qorti tiddeskrivi bejn il-Ministru għall-Ġustizzja Pollakk, il-prosekutur pubbliku ( 71 ), il-KRS u l-Awla Dixxiplinari, kif imsemmija fil-qosor fil-punti 28 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 72 ), iżidu mar-riskju diġà konsiderevoli li l-Awla Dixxiplinari tista’ ma tkunx tidher bħala aġġudikatur għalkollox newtrali meta tiddeċiedi dwar dawn il-materji. Dawk ir-rabtiet x’aktarx li jkomplu jimminaw il-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika rregolata mill-istat tad-dritt għandha tispira.

73.

Il-parir tiegħi, għalhekk, lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, japplikaw f’kawżi fejn qorti jew tribunal jawtorizza, skont id-dritt nazzjonali, inter alia, il-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin jew ta’ mħallfin apprendisti u, bħala konsegwenza, it-tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom. Dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu regoli nazzjonali li jagħtu kompetenza sabiex tiġi awtorizzata l-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin jew ta’ mħallfin apprendisti u t-tnaqqis, bħala konsegwenza, tar-remunerazzjoni tagħhom, lil qorti jew tribunal li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ indipendenza, imparzjalità jew stabbiliment minn qabel bil-liġi.

3. It‑tieni domanda fil‑Kawża C‑671/20

74.

Il-qorti tar-rinviju titlob li jiġi aċċertat jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 42a(1) u (2) u l-Artikolu 107(1)(3) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji li, fl-ewwel lok, jipprojbixxu qrati nazzjonali – meta jeżaminaw jekk, kif komposti, huma jkunux jikkostitwixxu qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – milli jistħarrġu l-legalità u l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari li jawtorizzaw il-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin u, fit-tieni lok, jittrattax tali stħarriġ bħala offiża dixxiplinari. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux il-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li tipprojbixxi stħarriġ ġudizzjarju tal-att ta’ ħatra ta’ mħallfin mill-President tar-Repubblika u tal-atti li l-KRS jadotta waqt li jkun għaddej il-proċess ta’ ħatra.

75.

Korollarju tad-dritt għal aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi huwa li kulħadd għandu jkun jista’ jinvoka dak id-dritt ( 73 ). Meta tkun ikkontestata l-eżistenza ta’ qorti indipendenti u imparzjali għal raġuni li minnufih ma tkunx tidher li b’mod ċar tkun nieqsa minn mertu ( 74 ), kull qorti ( 75 ) hija obbligata teżamina jekk, kif komposta, tkunx tikkostitwixxi tali qorti. Dik il-kompetenza hija meħtieġa sabiex issostni l-fiduċja li qrati f’soċjetà demokratika għandhom jispiraw f’dawk suġġetti għad-deċiżjonijiet tagħhom. Tali eżami huwa, għalhekk, rekwiżit formali essenzjali, li l-konformità miegħu hija materja ta’ politika pubblika u għandha tkun ivverifikata meta titqajjem mill-partijiet jew mill-qorti motu proprio ( 76 ). L-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Simpson għandhom karattru reċiproku. Japplikaw kull meta tkun meħtieġa kompetenza sabiex jiġu deċiżi kawżi “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” ( 77 ).

76.

Il-Gvern Pollakk iqis li la s-sentenza A. K. u lanqas kwalunkwe ġurisprudenza nazzjonali fis-sens li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi ma jistgħu jikkontestaw l-att ta’ ħatra ta’ mħallfin ta’ din l-awla mill-President tar-Repubblika.

77.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji msemmija fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, milli jidher ma hijiex limitata sabiex iżżomm qorti milli jkollha tħassar, erga omnes, l-att ta’ ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika. Minflok, b’mod ċar hija ma tħallix lill-qrati Pollakki kollha, kemm jekk motu proprio kif ukoll jekk mitluba minn parti, iqajmu jew jindirizzaw, fi kwalunkwe ċirkustanza u għall-ebda raġuni, jekk qorti tistax tkun konformi mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi jew jekk imħallef ikunx inħatar legalment jew ikunx jista’ jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji irrispettivament min-natura tal-illegalità allegata, l-att jew il-proċedura kkontestata jew ir-rimedju disponibbli. Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji hija tant wiesgħa li ma tħallix qorti nazzjonali teżamina kwistjonijiet dwar il-kompożizzjoni ta’ kwalunkwe qorti kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 78 ).

78.

It-termini tal-Artikolu 107(1)(3) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jidher li jsaħħu l-projbizzjonijiet tal-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. L-Artikolu 107(1)(3) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jidher li jikkonċerna kull tentattiv sabiex tiġi kkontestata kwalunkwe aspett tal-proċedura li jwassal għall-ħatra ta’ mħallef ( 79 ), inkluż, pereżempju, il-ħarsien tar-rekwiżit li qorti tkun stabbilita minn qabel bil-liġi. Minħabba li l-Artikolu 42a(1) u (2) u l-Artikolu 107(1)(3) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ma jħallux lil dawk il-qrati jivverifikaw jekk ikunux konformi mal-Artikolu 2 TUE u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta kif interpretat fis-sentenza Simpson, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jippermettux tali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

79.

Fir-rigward tal-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ( 80 ), filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi ( 81 ) li l-fatt li deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika li jaħtar mħallfin għas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jistgħux jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament skont id-dritt Pollakk per se ma jagħtix lok għal problemi ( 82 ), hija ddeċidiet f’għadd ta’ drabi li stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ proposti tal-KRS għall-ħatra ta’ mħallfin – inkluż, mill-inqas, eżami dwar jekk kienx hemm eżerċizzju ultra vires jew mhux xieraq ta’ poter, żball fid-dritt jew żball ċar ta’ evalwazzjoni – huwa meħtieġ meta jinqalgħu dubji sistemiċi fl-imħuħ tal-partijiet fil-kawża dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura skont dik il-proċedura ( 83 ). Barra minn dan, fil-punti 104 sa 107 tas-sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet għadd ta’ fatturi, inkluża l-funzjoni importanti li għandu l-KRS fil-ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari, bħala li jagħtu lok għal dubji raġonevoli fl-imħuħ tal-partijiet fil-kawża dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan il-korp. Huwa ċar minn dik il-ġurisprudenza ( 84 ) li proposti tal-KRS għall-ħatra ta’ mħallfin għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fl-assenza tiegħu l-Awla Dixxiplinari ma tkunx meqjusa bħala qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u ma tkunx konformi mar-rekwiżiti, inter alia, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 85 ). Dik il-ġurisprudenza torbot lill-qrati kollha Pollakki, inkluż it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Fis-sentenza tagħha Grossmania, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn hija tikkonstata li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattati skont l-Artikolu 260(1) TFUE, ikun meħtieġ li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm konformità ma’ dik is-sentenza, li għandha s-saħħa ta’ res judicata fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li hija tkun attwalment jew neċessarjament irriżolviet. Bis-saħħa tal-awtorità tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, qorti nazzjonali li tkun qiegħda tikkunsidra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ dritt iddeterminati hemmhekk b’awtorità. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jonqsu milli jimplimentaw sentenza ta’ qorti li tkun iddikjarat li jkun hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, qorti nazzjonali tkun jeħtiġilha tieħu l-miżuri kollha sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni skont il-kontenut ta’ dik is-sentenza ( 86 ).

80.

Skont l-Artikolu 267 TFUE, is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti f’dawn il-kawżi tkun torbot lill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi riżolta t-tilwima quddiemha. Il-qorti tar-rinviju għandha, għalhekk, jekk ikun meħtieġ, tinjora deċiżjonijiet tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) jekk hija tqis li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawk id-deċiżjonijiet huma inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun meħtieġ billi tirrifjuta tapplika kwalunkwe regola nazzjonali ( 87 ) li tkun titlobha tkun konformi ma’ deċiżjonijiet tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ( 88 ).

81.

Għalhekk il-parir tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikolu 42a(1) u (2) u l-punt 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li, fl-ewwel lok, jipprojbixxu lil qrati nazzjonali – meta jeżaminaw jekk, kif komposti, huma jkunux jikkostitwixxux qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – milli jistħarrġu l-legalità u l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari li jawtorizzaw il-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin u, fit-tieni lok, jittrattaw tali stħarriġ bħala offiża dixxiplinari.

4. Ir‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑615/20 u l‑ewwel, it‑tielet u r‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑671/20

82.

Ir-raba’ domanda li l-qorti tar-rinviju tistaqsi fil-Kawża C‑671/20 tafferma li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tiggarantixxix protezzjoni ġudizzjarja effettiva mingħajr ma tgħid b’dettalji biżżejjed għaliex hija tqis li dan huwa l-każ, kif jitlob l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’qagħda li tgħin lill-qorti tar-rinviju billi tagħmel evalwazzjoni dwar jekk it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) hijiex konformi, inter alia, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Għaldaqstant, jiena tal-parir li l-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-raba’ domanda fil-Kawża C-671/20 tistaqsiha tagħmel dik l-evalwazzjoni, tqis din id-domanda inammissibbli.

83.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑615/20 u tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑671/20, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, li jiġu aċċertati il-konsegwenzi ta’ konstatazzjoni li l-Awla Dixxiplinari ma kinitx konformi, inter alia, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex din l-awla tkun kompetenti tawtorizza l-prosekuzzjoni, id-detenzjoni, is-sospensjoni u t-tnaqqis fir-remunerazzjoni ta’ mħallfin u ta’ mħallfin apprendisti. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 41b(1) u (3) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li jippermettu li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti tinbidel abbażi ta’ deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari li tawtorizza l-prosekuzzjoni, id-detenzjoni, is-sospensjoni u t-tnaqqis fir-remunerazzjoni ta’ mħallef. Hija tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali, jeżiġux li l-korpi kollha tal-Istat, inkluża l-qorti tar-rinviju, jinjoraw deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari sabiex iħallu mħallef, li tkun tħennietlu l-immunità tiegħu minn prosekuzzjoni u li kien sospiż, ipoġġi f’kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti ( 89 ). Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk imħallef, li jkun ħa post l-imħallef f’dik il-qorti li jkun ġie sospiż, jistax jiddeċiedi kwistjoni dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 90 ).

84.

Il-punti 66 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet jispjegaw għaliex, fiż-żmien li fih hija adottat ir-riżoluzzjoni dwar l-Imħallef I.T., l-Awla Dixxiplinari ma kinitx qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u, għalhekk, ma kinitx konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 91 ). Il-ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet huwa partikolarment gravi bħala evalwazzjoni ġenerali tal-proċedura għall-ħatra ta’ mħallfin tal-Awla Dixxiplinari, u l-kundizzjonijiet li bihom kienet topera dik l-awla ma jeskludux li jkun hemm dubji raġonevoli li setgħet saret pressjoni esterna fuq mħallfin maħtura hemmhekk. Fil-fehma tiegħi, dik l-inċertezza mminat l-integrità ta’ dik l-awla u l-atti kollha li hija adottat, inkluża r-riżoluzzjoni fir-rigward tal-Imħallef I.T.

85.

Il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-korpi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma għandux jimmina l-effett mogħti lil dawk id-dispożizzjonijiet fit-territorji rispettivi tagħhom. Qorti nazzjonali li tisma’ kawża fil-kompetenza tagħha għandha l-obbligu ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’effett dirett, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 92 ). Barra minn dan, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 93 ). Bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ir-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari hija nulla u bla effett ( 94 ).

86.

It-tneħħija tal-Awla Dixxiplinari permezz tal-Liġi tad‑9 ta’ Ġunju 2022 ma għandhiex il-konsegwenza li r-riżoluzzjonijiet tagħha jitqiesu nulli u bla effett. Bħala materja ta’ dritt nazzjonali, is-sospensjoni tal-Imħallef I.T. u t-tnaqqis fir-remunerazzjoni tiegħu jibqgħu kif kienu. Sabiex jirrettifika dik is-sitwazzjoni, huwa għandu jressaq mozzjoni quddiem l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali, li għadha kif ġiet stabbilita, sabiex jikkontesta r-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari. Huwa obbligatorju għall-Gvern Pollakk ( 95 ) li jiżgura mhux biss li l-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari tiġi eżerċitata bħala qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, iżda wkoll li jannulla l-effetti ta’ riżoluzzjonijiet li dik l-awla adottat ( 96 ) mingħajr dewmien ( 97 ). L-applikazzjoni immedjata u effettiva tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tkun suġġetta għal rekwiżit li tinfetaħ kawża quddiem l-Awla ta’ Responsabbiltà Professjonali. Xort’oħra, l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tiġi mminata b’żewġ modi. L-ewwel, ikun jiddependi mill-inizjattiva tal-partijiet jekk jiddaħħlux proċeduri ġodda quddiem dik l-awla. It-tieni, riżoluzzjonijiet tal-Awla Dixxiplinari għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm dawk il-proċeduri jkunu ġew riżolti.

87.

Kif jindikaw il-punti 62 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari ma tidhirx li għandha l-awtorità ta’ res judicata fid-dritt Pollakk. Isegwi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-awtorità ta’ res judicata ma tapplikax għaliha ( 98 ). Minn din il-ġurisprudenza ( 99 ) jirriżulta wkoll b’mod ċar li, peress li r-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari kienet adottata minn korp li ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew ta’ finalità allegata ta’ sentenza ma huwiex, f’dan il-każ, ostaklu li ma jħallix lil-leġiżlatur jew lil qorti jittrattaw bħala nulli u bla effett il-konsegwenzi illegali ta’ tali ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 100 ).

88.

Għalhekk, jiena tal-parir li l-korpi kollha tal-Istat, inkluża l-qorti tar-rinviju – li tinkludi lill-Imħallef I.T. ( 101 ) – kif ukoll korpi li għandhom setgħat jaħtru u jibdlu l-kompożizzjoni ta’ qrati nazzjonali ( 102 ), għandhom jinjoraw ir-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari u jħallu lill-Imħallef I.T. ipoġġi fil-kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju ( 103 ).

89.

Dawn l-osservazzjonijiet huma bla ħsara għall-kundizzjoni importanti li kawża ma kinitx assenjata mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti ieħor li minnu nnifsu jikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Filwaqt li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni bla dubju għandha tibbenefika mit-tneħħija tal-effetti ħżiena ħafna tar-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari, inkluż l-annullament ex nunc ta’ deċiżjonijiet sabiex kawżi tal-Imħallef I.T. jiġu assenjati mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti ieħor, dan il-metodu – li jeżiġi li l-kawżi kollha assenjati qabel lil dan l-imħallef jerġgħu jinfetħu mill-ġdid u/jew jinstemgħu mill-ġdid – ma jiħux inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-partijiet fil-kawża għal ċertezza legali ( 104 ) u għal proċess fi żmien raġonevoli skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

90.

Isegwi li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑615/20, l-Imħallef I.T. għandu jkompli jpoġġi fil-kulleġġ ġudikanti adit bil-kawża prinċipali. Ir-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari tat‑18 ta’ Novembru 2020 li riedet tissospendih kienet adottata fl-istess jum tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑615/20, li bħala konsegwenza tagħha kienu sospiżi l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa ċar mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja li, minkejja s-sospensjoni tal-Imħallef I.T., il-proċeduri li minnhom oriġinat il-Kawża C‑615/20 ma kinux reġgħu ġew assenjati mill-ġdid ( 105 ). Il-kawża li tat lok għar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 kienet assenjata mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti ieħor tal-qorti tar-rinviju. Ma hemm l-ebda suġġeriment fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dik il-formazzjoni ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. F’dak il-każ, dawk il-proċeduri jistgħu jibqgħu quddiem il-kulleġġ ġudikanti l-ġdid ( 106 ).

91.

Għaldaqstant, il-parir tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali jeżiġu li l-korpi kollha tal-Istat, inkluża l-qorti tar-rinviju, jannullaw il-konsegwenzi illegali ta’ deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, bħar-riżoluzzjoni tagħha tat‑18 ta’ Novembru 2020, u b’hekk tippermetti mħallef li kien sospiż ipoġġi f’dik il-qorti ħlief f’dawk il-kawżi li kienu assenjati mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti ieħor li jkun jikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

VI. Konklużjoni

92.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea:

japplikaw f’kawżi fejn qorti jew tribunal jawtorizza, skont id-dritt nazzjonali, inter alia, il-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin jew ta’ mħallfin apprendisti u, bħala konsegwenza, it-tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom. Dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu regoli nazzjonali li jagħtu kompetenza sabiex tiġi awtorizzata l-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin jew ta’ mħallfin apprendisti u t-tnaqqis, bħala konsegwenza, tar-remunerazzjoni tagħhom, lil qorti jew tribunal li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ indipendenza, imparzjalità jew stabbiliment minn qabel bil-liġi

jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikolu 42a(1) u (2) u l-Artikolu 107(1)(3) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li, fl-ewwel lok, jipprojbixxu lil qrati nazzjonali – meta jeżaminaw jekk, kif komposti, huma jkunux jikkostitwixxux qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – milli jistħarrġu l-legalità u l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari li jawtorizzaw il-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin u, fit-tieni lok, jittrattaw tali stħarriġ bħala offiża dixxiplinari.

L-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali jeżiġu li l-korpi kollha tal-Istat, inkluża l-qorti tar-rinviju, jannullaw il-konsegwenzi illegali ta’ deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari, bħar-riżoluzzjoni tagħha tat‑18 ta’ Novembru 2020, u b’hekk tippermetti mħallef li kien sospiż ipoġġi f’dik il-qorti ħlief f’dawk il-kawżi li kienu assenjati mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti ieħor li jkun jikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”.

( 3 ) Li hija l-istess fil-Kawża C‑615/20 u C‑671/20 iżda komposta minn kulleġġi ġudikanti differenti.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 5 ) Imsemmija fl-Artikolu 4(3) TUE.

( 6 ) Kawża VIII K 105/17.

( 7 ) Skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, l-Awla Dixxiplinari kienet kompetenti tisma’ rikorsi għal awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni jew għad-detenzjoni ta’ mħallef kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza.

( 8 ) Kawża II DO 74/20. Iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari”.

( 9 ) Jiġifieri l-istess imħallfin jew imħallfin u ġurati.

( 10 ) B’riferiment, inter alia, għas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982) (iktar ’il quddiem is-“sentenza A. K.”).

( 11 ) Kawża III PO 7/18.

( 12 ) Kawżi III PO 8/18 u III PO 9/18.

( 13 ) Iktar ’il quddiem l-“Awla Industrijali u tal-Assigurazzjoni Soċjali”.

( 14 ) II DO 52/20.

( 15 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punti 3435 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem id-“digriet tat‑8 ta’ April 2020”).

( 17 ) Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza ta’ qrati ordinarji), C‑192/18 (EU:C:2019:924, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

( 18 ) U għandha tagħmel hekk meta mħallef jiġi akkużat b’offiża mwettqa bi ħsieb, mixli b’akkuża pubblika.

( 19 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punti 8889).

( 21 ) Bħall-Ministru għall-Ġustizzja, il-presidenti ta’ qrati, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) jew korpi dixxiplinari.

( 22 ) Il-bażi legali ta’ dak id-digriet, iddatat 24 ta’ Novembru 2020, kien l-Artikolu 47b(1) u (3) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

( 23 ) Ħlief għall-Kawża VIII K 105/17.

( 24 ) Ħlief għall-Kawża VIII K 105/17, li tat lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑615/20.

( 25 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Simpson”).

( 26 ) Mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

( 27 ) Ara l-Artikolu 439(1)(1) u (2), moqri flimkien mal-Artikolu 523(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

( 28 ) Iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika”.

( 29 ) Ara s-sentenza TK, 4 ta’ Marzu 2020 (Kawża P 22/19), u d-digriet TKz, 20 ta’ April 2020 (Kawża U 1/20).

( 30 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punti 8889 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48). Skont il-Gvern Pollakk, il-kawżi kriminali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw materji purament interni li għalihom ma japplikawx l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 19(1) TUE.

( 32 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20).

( 33 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 38) u tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 28 u 29).

( 34 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara l-punt 57.

( 36 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 49). Ara wkoll, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-qorti suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 9394).

( 37 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022 (C‑508/19, EU:C:2022:201, punti 60 sa 71).

( 39 ) Skont l-Artikolu 258 TFUE.

( 40 ) ĠU 2021, C 252, p. 9.

( 41 ) L-effetti differenti ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikoli 258 u 267 TFUE għandhom ikunu enfasizzati ħafna. Pereżempju, fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania (C‑177/20, EU:C:2022:175) il-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar iddeskriviet l-effetti flimkien li jista’ jkollhom is-sentenzi tagħha skont iż-żewġ proċeduri.

( 42 ) Ma huwiex ikkontestat li l-qorti tar-rinviju, bħala qorti jew tribunal skont it-tifsira tad-dritt tal-Unjoni, taġixxi f’konformità mal-ordinament ġuridiku Pollakk “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u, għalhekk, għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-qorti suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 34 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara d-domandi 1(c) u d-domanda 3(f) fil-Kawża C‑615/20.

( 45 ) Jiġifieri l-punt 5 tal-Artikolu 3, l-Artikolu 27 u l-Artikolu 73(1) tagħha. Skont id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, ir-Repubblika tal-Polonja kien jeħtiġilha wkoll ma tirreferix il-kawżi pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari lil qorti li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, inter alia, fis-sentenza A. K.

( 46 ) Ara l-Artikolu 27(1)(1a) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 80, l-Artikolu 110(2a) u l-Artikolu 129 tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

( 47 ) Fi kwalunkwe każ, is-sospensjoni ntemmet bl-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin”). Id-dikjarazzjoni li l-Gvern Pollakk ma kienx wettaq l-obbligi tiegħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE meta naqas milli jiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari u, partikolarment, il-kriterji tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet ibbażat fuqhom meta waslet għal dik il-konstatazzjoni, huma ta’ rilevanza partikolari għal dawn il-proċeduri. Ara wkoll is-sentenza A. K.

( 48 ) Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑204/21 R, EU:C:2021:593) (iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021”).

( 49 ) Minnufih u sal-għoti tas-sentenza li temmet il-proċeduri fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin).

( 50 ) Kif iddefinit fis-sentenza A. K. et.

( 51 ) Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Ottubru 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑204/21 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:878).

( 52 ) Mingħajr ma kienet ikkontradetta mill-Gvern Pollakk.

( 53 ) Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dik il-liġi daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Lulju 2022.

( 54 ) Sabiex, pereżempju, titneħħa s-sospensjoni tiegħu.

( 55 ) Kif il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni indikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-materja, huwa għall-Istati Membri li jiddeterminaw jekk ċerti azzjonijiet minn imħallef ikunux ta’ natura dixxiplinari jew kriminali. Id-dritt tal-Unjoni, għalhekk, bħala prinċipju, ma jipprekludix dispożizzjoni bħall-Artikolu 181 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li tipprevedi t-tneħħija tal-immunità ta’ mħallef minn prosekuzzjoni kriminali jew minn detenzjoni minn qorti stabbilita bil-liġi. Ara t-tieni domanda fil-Kawża C‑615/20.

( 56 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 210 sa 213). Ara d-domanda 2(a) fil-Kawża C‑615/20.

( 57 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-qorti suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) Kawżi relatati mal-awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin jew mħallfin apprendisti jew sabiex jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja, kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tad-dritt tas-sigurtà soċjali li jirrigwardaw imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u kawżi relatati mal-irtirar obbligatorju ta’ dawn l-imħallfin.

( 59 ) Ara wkoll id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 (punt 81).

( 60 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin (punti 80 u 83).

( 61 ) Ara d-domandi 1(a) u 3(d) fil-Kawża C‑615/20.

( 62 ) B’hekk kienet eskluża kwalunkwe possibbiltà ta’ trasferiment għal dik l-awla ta’ mħallfin li kienu diġà jservu fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) anki għalkemm, bħala prinċipju, tali trasferimenti kienu permessi.

( 63 ) Tlieta u għoxrin mill-ħamsa u għoxrin membru tal-KRS fil-kompożizzjoni ġdida tiegħu nħatru mill-eżekuttiv jew mil-leġiżlatur tal-Polonja jew kienu membri tiegħu. Qabel l-imħallfin kienu jagħżlu ħmistax-il membru tal-KRS minn fosthom.

( 64 ) L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, punt 5), fil-verżjoni kkonsolidata ppubblikata fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal‑2019 (punt 825).

( 65 ) Li kienet tinkludi, b’mod partikolari, il-ħolqien ta’ żewġ awli f’dik il-qorti, waħda hija l-Awla Dixxiplinari, flimkien mal-introduzzjoni ta’ makkinarju sabiex titnaqqas l-età tal-irtirar ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-applikazzjoni tiegħu għal mħallfin sedenti ta’ dik il-qorti. It-tmiem qabel żmienhom tat-termini tal-kariga ta’ ċerti membri tal-KRS u r-riorganizzazzjoni ta’ dan il-korp seħħew f’kuntest li fih kien mistenni li għadd ta’ postijiet kienu ser jsiru vakanti fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u b’mod partikolari fl-Awli Dixxiplinari tagħha.

( 66 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li tali żvilupp naqqas il-protezzjoni tal-valur tal-istat tad-dritt. Sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin (punt 112).

( 67 ) Ara l-punt 212 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin).

( 68 ) Ara l-punti 28 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll id-domanda 3(e) fil-Kawża C‑615/20. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-funzjoni tal-KRS fil-proċess ta’ ħatra ta’ mħallfin tal-Awla Dixxiplinari hija deċiżiva u li l-indipendenza tagħha mill-awtoritajiet politiċi hija dubjuża, tali li tagħti lok għal dubji leġittimi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ din l-awla. Sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin (punti 101 u 108).

( 69 ) Ara d-domanda 3(f) fil-Kawża C‑615/20.

( 70 ) Sentenza A. K. (punti 120 sa 122).

( 71 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Tista’ tinstilet analoġija mas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċju tal-prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18, EU:C:2019:456, punti 73 sa 90) dwar ir-rabtiet bejn il-Ministru għall-Ġustizzja Ġermaniż u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku dwar ir-riskju li dan tal-ewwel jagħti istruzzjonijiet lil dan tal-aħħar f’kawżi speċifiċi.

( 72 ) Flimkien mal-fatturi l-oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għalihom fis-sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin.

( 73 ) Sentenza Simpson (punt 55).

( 74 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46).

( 75 ) Ara s-sentenza Simpson (punt 57) u s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il-Kummissjoni (C‑130/21 P, EU:C:2022:226, punt 15), fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-qorti suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 126 sa 131), fir-rigward ta’ qrati u tribunali tal-Istati Membri.

( 76 ) Sentenza Simpson (punti 55 u 57) u s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46).

( 77 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 29, 3637).

( 78 ) Sentenza Simpson (punt 55).

( 79 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-qorti suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 128 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata). Jista’ jingħad, pereżempju, li hija offiża dixxiplinari li tiġi eżaminata l-funzjoni tal-KRS fil-proċedura li twassal għall-ħatra ta’ mħallef.

( 80 ) Fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Marzu 2020 (Kawża P 22/19) (Dz. U. tal‑2020, punt 413), it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ddeċidiet li dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu mozzjoni sabiex imħallef jiġi eskluż minn kawża, minħabba l-ħatra difettuża tiegħu mill-President tar-Repubblika li jaġixxi fuq proposta tal-KRS, huma inkonsistenti mal-Artikolu 179 moqri flimkien mal-Artikolu 144(3)(17) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika.

( 81 ) Sentenza A. K. (punt 145).

( 82 ) Il-punt 129 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-qorti suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153) jgħid li “l-assenza eventwali tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata azzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali tista’, f’ċerti każijiet, ma tirriżultax problematika fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE”.

( 83 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-qorti suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 128 sa 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 84 ) Sentenzi A. K. Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-qorti suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153) u s-sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin.

( 85 ) Is-sentenza Sistema dixxiplinari tal-imħallfin hija dwar il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari sabiex tiddeċiedi kawżi ta’ dixxiplina dwar mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati ordinarji. Kif il-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-punt 212 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) jindikaw, il-motivazzjoni f’dik il-ġurisprudenza tapplika wkoll għall-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari sabiex din tawtorizza l-prosekuzzjoni, id-detenzjoni u s-sospensjoni ta’ mħallfin u ta’ mħallfin apprendisti u t-tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom.

( 86 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania (C‑177/20, EU:C:2022:175, punti 35, 36, 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 87 ) Ara l-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.

( 88 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 73 sa 75). Ara wkoll is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-qorti suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 146) u tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 250).

( 89 ) Ara d-domanda 4(a) u (b) fil-Kawża C‑615/20 u domanda 3(a) fil-Kawża C‑671/20.

( 90 ) Ara d-domanda 3(b) fil-Kawża C‑671/20. Y.P. iqis li awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni ta’ mħallef tista’ tingħata biss minn qorti indipendenti u imparzjali wara li jkun sar eżami trasparenti ta’ każ. Peress li l-Awla Dixxiplinari ma kinitx konformi ma ebda wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, ir-riżoluzzjoni tagħha hija nulla u bla effett. Il-Gvern Pollakk iqis li s-sospensjoni tal-Imħallef I.T. hija valida u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċeduri kriminali tkun, għalhekk, qiegħda tikser id-dritt tal-partijiet għal qorti indipendenti stabbilita minn qabel bil-liġi.

( 91 ) Irrispettivament min-natura tal-kompetenza li hija kienet intenzjonata teżerċita.

( 92 ) Peress li l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta ċara għad-domanda dwar jekk l-Awla Dixxiplinari hijiex konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – partikolarment fis-sentenza tagħha Sistema dixxiplinari tal-imħallfin – il-qorti nazzjonali jkollha tagħmel dak kollu meħtieġ fil-kompetenza tagħha sabiex tiżgura l-applikazzjoni ta’ dik l-interpretazzjoni. Ara dwar dan is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania (C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 93 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania (C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 63).

( 94 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-qorti suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 152 sa 155).

( 95 ) U kull ma joriġina minn dak l-Istat, inkluża l-qorti tar-rinviju.

( 96 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 36).

( 97 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 23), li tgħid, inter alia, li kwalunkwe dispożizzjoni ta’ sistema legali nazzjonali u kwalunkwe prassi leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja li jistgħu jidhru li jagħmlu ħsara lill-effettività tad-dritt tal-Unjoni billi ma jħallux li qorti nazzjonali b’kompetenza tapplika tali dritt ikollha s-setgħa tagħmel kull ma jkun meħtieġ fil-waqt tal-applikazzjoni tiegħu sabiex tħassar dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jkunu jistgħu ma jħallux regoli tal-Unjoni jkollhom qawwa u effett sħiħ huma inkompatibbli ma’ dawk ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punti 4344 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 98 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punti 8889) u s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il-Kunsill (C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 99 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-qorti suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 160).

( 100 ) Dan ma jfissirx li mħallfin li kienu suġġetti għal proċeduri quddiem l-Awla Dixxiplinari skont, pereżempju, l-Artikolu 80 tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, jistgħu ma jkunux suġġetti għal proċeduri ulterjuri skont din id-dispożizzjoni quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Huma l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat li għandhom jibdew (mill-ġdid) tali proċeduri kontra l-imħallfin inkwistjoni, fejn ikun xieraq.

( 101 ) Kieku kien impossibbli li jiġu stabbiliti kulleġġi ġudikanti tal-qorti tar-rinviju li jkunu jinkludu lill-Imħallef I.T., qrati ma jkunux jistgħu jivverifikaw jekk huma jkunux indipendenti u imparzjali u stabbiliti minn qabel bil-liġi, sabiex b’hekk tirrendi inoperabbli s-sentenza Simpson (punti 55 u 57).

( 102 ) Partikolarment president ta’ qorti. Ara l-Artikolu 41b(1) u (3) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

( 103 ) Dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà għal imħallef li jressaq kawża għal danni. Id-dritt Pollakk jidher li jipprovdi għall-kumpens f’ċerti okkażjonijiet lil mħallfin sospiżi. Ara l-Artikolu 129 tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

( 104 ) Meqjus iż-żmien konsiderevoli li jkun għadda mis-sospensjoni tal-Imħalle I.T.fit‑18 ta’ Novembru 2020, ħafna mill-kawżi inizjalment assenjati lilu jkunu setgħu ġew deċiżi.

( 105 ) Ara l-punt 4 tal-osservazzjonijiet tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali.

( 106 ) Jiena konxju li ż-żmien li jkun għadda bejn ir-riżoluzzjoni tal-Awla Dixxiplinari tat‑18 ta’ Novembru 2020 u t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑671/20 tad‑9 ta’ Diċembru 2020 – u, għalhekk, is-sospensjoni tal-kawża prinċipali – huwa qasir u li l-proċeduri ewlenin f’dik il-kawża setgħu ma mxewx ’il quddiem sadanittant. Dan il-ħsieb ma jbiddilx il-pożizzjoni tiegħi. Ċertezza legali u pożizzjoni ċara u astratta dwar tali materji li huma applikabbli għall-kawżi kollha għandhom jingħataw prijorità fuq talbiet għal espedjenza f’kawżi individwali.

nach oben