EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0560

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-4 ta’ Mejju 2023.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:375

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑4 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

Kawża C‑560/20

CR,

GF,

TY

konvenut:

Landeshauptmann von Wien

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien, (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna, l-Awstrija))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Dritt għal riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati – Minuri mhux akkumpanjat – Artikolu 10(3)(a) – Ġenituri li qegħdin japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ minuri mhux akkumpanjat bi status ta’ refuġjat flimkien ma’ oħt adulta b’diżabbiltà tar-refuġjat – Membru tal-familja tar-refuġjat mhux imsemmi fl-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 10(3) – Artikolu 3(5) – Possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli – Artikolu 4(2)(b) – Riunifikazzjoni tal-familja ma’ tfal adulti mhux miżżewġa tal-isponsor li huma inkapaċi li jipprovdu għall-ħtiġijiet tagħhom stess minħabba l-istat ta’ saħħithom – Artikolu 17 – Eżami ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni fuq il-bażi ta’ każ b’każ – Evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi rilevanti kollha – Artikolu 7 u Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna, l-Awstrija) tikkonċerna l-eliġibbiltà għal riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri u l-oħt adulta b’diżabbiltà ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat ( 2 ). Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika d-data li fiha għandha tevalwa l-istatus ta’ minuri tar-refuġjat. Hija tistaqsi wkoll jekk, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandux jingħata permess ta’ residenza lill-oħt adulta b’diżabbiltà ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat jekk rifjut li jingħata dan ikollu l-effett li jipprevjeni lill-ġenituri tagħhom milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

2.

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jiddefinixxi t-terminu “sponsor” bħala:

“… ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha”.

3.

Permezz tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 it-terminu “minorenni mhux akkompanjat [minuri mhux akkumpanjat]” huwa definit bħala:

“… ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni [minuri] li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

4.

Permezz tal-Artikolu 3(5) tagħha, id-Direttiva 2003/86 ma għandhiex taffettwa l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli.

5.

Skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, skont dik id-direttiva u suġġetti għal konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IV tagħha, id-dħul u r-residenza tat-tfal adulti mhux miżżewġa tal-isponsor jew il-konjuġi tagħha jew tiegħu, fejn huma oġġettivament inkapaċi li jipprovdu għall-ħtiġijiet tagħhom stess minħabba l-istat ta’ saħħithom.

6.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi li:

“[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri oħra tal-familja li ma jirreferix għalihom l-Artikolu 4, jekk huma dipendenti fuq ir-refuġjat.

3.   Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat [minuri mhux akkumpanjat], l-Istat Membru:

(a)

għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);

…”

7.

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/86:

“1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7, l-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat u/jew il-membri tal-familja jipprovdu, fir-rigward ta’ applikazzjonijiet dwar dawk il-membri tal-familja li jirreferi għalihom l-Artikolu 4(1), ix-xiehda li r-refuġjat jissodisfa r-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 7.

[…]

Stati Membri jistgħu jirrikjedu li r-refuġjat jissodisfa l-kondizzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tkunx issottomessa fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-għoti ta’ l-istatus ta’ refuġjat.

[…]”

B.   Id‑dritt Awstrijak

8.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jinsabu fil-punti 11 u 46 tal-Bundesgesetz über die Niederlassung und den Aufenthalt in Österreich (Niederlassungs-und Aufenthaltsgesetz – NAG) (il-Liġi Federali dwar l-istabbiliment u r-residenza fl-Awstrija, iktar ’il quddiem in-“NAG”) tas‑16 ta’ Awwissu 2005 ( 3 ) u l-punti 34 u 35 tal-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (Asylgesetz 2005) (il-Liġi Federali dwar l-għoti tal-ażil (Liġi dwar l-Ażil, 2005), iktar ’il quddiem l-“AsylG 2005”) tas‑16 ta’ Awwissu 2005 ( 4 ).

III. Il‑fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari

9.

RI huwa ċittadin Sirjan, imwieled fl‑1 ta’ Settembru 1999. Huwa wasal fl-Awstrija bħala minuri mhux akkumpanjat fil‑31 ta’ Diċembru 2015 u applika għal protezzjoni internazzjonali fit‑8 ta’ Jannar 2016. Il-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għall-Immigrazzjoni u l-Ażil, l-Awstrija) ta l-istatus ta’ refuġjat lil RI meta kien minuri u nnotifikah b’dik id-deċiżjoni fil‑5 ta’ Jannar 2017. Fis‑6 ta’ April 2017, tliet xhur u ġurnata wara, il-ġenituri ta’ RI, CR u GF, u oħtu adulta, TY ( 5 ) applikaw ( 6 ) għand l-Ambaxxata tal-Awstrija fis-Sirja sabiex jingħataw permess jidħlu u jirrisjedu fl-Awstrija ma’ RI għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja. RI kien minuri fiż-żmien meta ġew ippreżentati dawk l-applikazzjonijiet. L-Ambaxxata tal-Awstrija ċaħdithom ( 7 ) għar-raġuni li RI kien sar adult matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Ma ġie ppreżentat ebda appell mid-deċiżjoni u din saret finali fis‑26 ta’ Ġunju 2018.

10.

Fil‑11 ta’ Lulju 2018, CR, GF u TY applikaw lill-Landeshauptmann von Wien (il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna) għal permessi ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 46(1)(2) tan-NAG. CR u GF invokaw id-drittijiet tagħhom taħt id-Direttiva 2003/86. TY ibbażat l-applikazzjoni tagħha fuq l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fl‑20 ta’ April 2020, il-Landeshauptmann von Wien (il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna) ċaħad dawk l-applikazzjonijiet peress li ma kinux ġew ippreżentati fi żmien tliet xhur mid-data li fiha ġie rikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat ta’ RI.

11.

CR, GF u TY (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna). Din il-qorti tistaqsi, inter alia, jekk ir-rikorrenti għandhomx dritt għal riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 meta jiġi kkunsidrat li RI sar adult matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja. Jekk ir-risposta hija le, tixtieq tkun taf id-data li fiha kellha tiġi ppreżentata din l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja sabiex dan id-dritt ikun jeżisti.

12.

Wara seduta, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna) ikkonstatat li r-rikorrenti ma għandhomx dritt għal akkomodazzjoni meqjusa bħala “normali” ( 8 ), ma għandhomx “assigurazzjoni kontra l-mard” li tiggarantilhom kopertura stabbli u regolari ( 9 ) u ma għandhomx dħul ( 10 ) fl-Awstrija. Għaldaqstant, dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/86. Il-qorti tar-rinviju kkonstatat ukoll li TY, li tgħix mal-ġenituri tagħha fis-Sirja, tbati minn paraliżi ċerebrali, li b’konsegwenza ta’ dan qiegħda f’siġġu tar-roti u teħtieġ assistenza personali kuljum, inkluż għajnuna biex tiekol. Ommha, CR, tipprovdi dik l-assistenza. Il-ġenituri ta’ TY ma jistgħux iħalluha waħedha peress li l-assistenza li tipprovdilha ommha ma hijiex disponibbli b’mod ieħor fis-Sirja u l-ebda membru ieħor tal-familja ma joqgħod hemmhekk.

13.

Il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna) iddeċidiet li peress li r-Repubblik tal-Awstrija ma tapplikax l-għażla fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, TY ma hijiex membru tal-familja għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja bħala kwistjoni tad-dritt Awstrijak. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tqis li l-ġenituri ta’ RI jkunu obbligati jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jekk oħt RI, TY, ma tingħatax permess ta’ residenza fl-istess ħin magħhom. Hija tistaqsi jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE fis-sentenzi Ruiz Zambrano ( 11 ) u Dereci et ( 12 ) tistax tapplika b’analoġija għall-eżerċizzju tad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal kategoriji ta’ persuni li ma humiex espressament previsti fiha. Il-qorti tar-rinviju ssemmi l-fatt li, skont il-liġi Awstrijaka, TY tista’ tkun eliġibbli għal permess ta’ residenza għal raġunijiet konvinċenti relatati mal-ħajja privata u tal-familja tagħha skont l-Artikolu 8 KEDB. Madankollu hija tqis li dritt għal permess ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni jista’ jagħti protezzjoni ikbar minn dik li tista’ tkun disponibbli permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 KEDB mill-awtoritajiet fl-Awstrija.

14.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Il-ġenituri, ċittadini ta’ pajjiż terz, ta’ refuġjat li ppreżenta applikazzjoni għall-ażil inkwantu minuri mhux akkumpanjat u li kiseb l-ażil meta kien għadu minuri, jistgħu jkomplu jinvokaw l-Artikolu 2(f), moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tad-[Direttiva 2003/86] meta r-refuġjat ikun sar maġġorenni wara l-għoti tal-ażil, iżda matul il-proċedura għall-għoti ta’ permess ta’ residenza lill-ġenituri tiegħu?

(2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: f’każ bħal dan, huwa neċessarju li l-ġenituri taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz josservaw it-terminu msemmi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ April 2018, C‑550/16, A u S, [(C‑550/16, EU:C:2018:248] punt 61)], għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, jiġifieri ‘bħala prinċipju, […]fi żmien tliet xhur mill-jum li fih il-minuri kkonċernat jingħata l-istatus ta’ refuġjat’?

(3)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: għandu jingħata, direttament abbażi tad-dritt tal-Unjoni, permess ta’ residenza lill-oħt adulta, ċittadina ta’ pajjiż terz, ta’ persuna li tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat jekk, fil-każ ta’ rifjut ta’ dan il-permess ta’ residenza, il-ġenituri tar-refuġjat, minħabba dan, ikunu mġiegħla jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva [2003/86] għaliex, minħabba l-istat ta’ saħħa tagħha, din l-oħt adulta tar-refuġjat għandha bżonn imperattiv ta’ kura għal żmien twil mill-ġenituri tagħha u ma tistax għaldaqstant tibqa’ waħedha fil-pajjiż ta’ oriġini?

(4)

Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: liema huma l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk tali applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ġietx ippreżentata fit-terminu stabbilit, jiġifieri, ‘bħala prinċipju’, fi żmien tliet xhur fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ April 2018, […], A u S, [(C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 61)]?

(5)

Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-ġenituri tar-refuġjat jistgħu jkomplu jinvokaw id-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva [2003/86] meta tliet xhur u ġurnata jkunu għaddew bejn il-jum li fih il-minuri ngħata l-istatus ta’ refuġjat u l-applikazzjoni tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja?

(6)

Fil-kuntest ta’ proċedura għal riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva [2003/86] Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jeżiġi mill-ġenituri tar-refuġjat li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/86]?

(7)

Ir-rekwiżit li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/86] fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva [2003/86] jiddependi mill-punt dwar jekk, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2003/86] l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tkun ġiet ippreżentata fi żmien tliet xhur mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat?”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

15.

Fid‑9 ta’ Lulju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda l-proċeduri f’din il-kawża sakemm tittieħed deċiżjoni finali fil-Kawża C‑279/20 u fil-Kawżi Magħquda C‑273/20 u C‑355/20. Fit‑8 ta’ Awwissu 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja staqsa lill-qorti tar-rinviju jekk, fid-dawl tas-sentenzi mogħtija f’dawn il-kawżi, riditx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi jew parzjalment ( 13 ). Fis‑6 ta’ Settembru 2022, il-qorti tar-rinviju rtirat l-ewwel domanda fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari iżda żammet it-talba tagħha fir-rigward tat-tieni sas-seba’ domanda.

16.

Ir-rikorrenti, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet ippreżentaw argumenti orali u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tal‑14 ta’ Frar 2023.

V. Evalwazzjoni

17.

B’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-konklużjonijiet tiegħi għal analiżi tat-tielet domanda ( 14 ).

18.

Il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna) tistaqsi, essenzjalment, jekk ċittadin ta’ pajjiż terz, l-oħt adulta ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat li, minħabba l-istat ta’ saħħa tagħha, tiddependi għal kollox mill-ġenituri tagħha, hijiex intitolata għal permess ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni fejn rifjut li jingħata dan il-permess ikollu l-effett li jipprevjeni lill-ġenituri tagħha milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja ( 15 ). Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jqisu li din id-domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv. Il-Gvern Olandiż u l-Gvern Awstrijak jipproponu li tingħata risposta fin-negattiv.

19.

Ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba l-istat ta’ saħħa ta’ TY, rifjut li tingħata riunifikazzjoni tal-familja jkun ifisser li l-ġenituri tagħha, CR u GF, ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ binhom RI, u għalhekk dan id-dritt jitneħħielu kwalunkwe effett prattiku. Dan ir-riżultat imur kontra l-għan tad-Direttiva 2003/86 li jippromwovi r-riunifikazzjoni tal-familja u l-obbligu li tingħata kunsiderazzjoni partikolari tas-sitwazzjoni tar-refuġjati. Imur ukoll kontra l-prinċipju ta’ effettività skont liema dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma għandhomx jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat b’tali mod li jdaħħal lill-oħt adulta b’diżabbilità ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jibbenefika mir-riunifikazzjoni mal-ġenituri tiegħu jew tagħha.

20.

Il-Gvern Olandiż iqis li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 sabiex jinkludi l-oħt adulta b’diżabbiltà ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat tneħħi l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva li jippermettu espressament lill-Istati Membri jestendu ċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja. Il-Gvern Awstrijak isostni li estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 tmur kontra r-rieda espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni peress li din il-miżura tiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-kategoriji ta’ persuni mogħtija dritt għal riunifikazzjoni tal-familja taħtha.

21.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ RI għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu jiddependi mill-għoti ta’ dritt ta’ residenza lil TY fl-istess ħin bħall-ġenituri tagħha ( 16 ). Għalhekk l-ewwel ser neżamina d-dritt ta’ RI għal riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni qabel nikkunsidra jekk TY għandhiex dritt għal permess ta’ residenza taħtu.

A.   Id‑dritt ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat għal riunifikazzjoni tal‑familja mal‑ġenituri tiegħu jew tagħha – Artikolu 10(3)(a) tad‑Direttiva 2003/86

22.

Fl-għan tagħha li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri billi tagħmel il-ħajja tal-familja possibbli permezz ta’ riunifikazzjoni, id-Direttiva 2003/86 tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju tal-Istati Membri ( 17 ). L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2003/86 jobbliga lill-Istati Membri jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni fl-interessi ta’ kwalunkwe tfal minuri kkonċernati u bil-għan li jippromwovu l-ħajja tal-familja ( 18 ). Id-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata u applikata fid-dawl, inter alia, tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) ( 19 ). L-Artikolu 7 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja ( 20 ). Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-obbligu li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi tat-tfal, kif jirrikonoxxi l-Artikolu 24(2) tal-Karta. Għandha titqies ukoll il-ħtieġa, kif espressa fl-Artikolu 24(3) tal-Karta, li t-tfal kollha jkollhom relazzjoni personali maż-żewġ ġenituri regolarment ( 21 ).

23.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 jiddefinixxi l-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-Istati Membri għandhom jew jistgħu, skont il-każ, jagħtuhom dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fis-sens ta’ din id-direttiva ( 22 ). L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 jirregola d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-membri tal-familja nukleari tal-isponsor, jiġifieri l-konjuġi tiegħu/tagħha u t-tfal minuri tagħhom ( 23 ). L-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri tal-isponsor jew tal-konjuġi tiegħu/tagħha. Il-possibbiltà ta’ riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri hija għalhekk, bħala prinċipju, kwistjoni li kull Stat Membru għandu jiddetermina b’riferiment għal din id-dispożizzjoni. It-tgawdija tagħha hija suġġetta, b’mod partikolari għall-kundizzjoni li l-ġenituri jkunu dipendenti fuq l-isponsor u li jkunu mċaħħda mill-appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ( 24 ). L-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 huwa wkoll “[suġġett] għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV” tad-Direttiva 2003/86.

24.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, jippermetti lill-Istati Membri jirrikjedu xiehda li l-isponsor għandu (a) akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli f’dak l-Istat; (b) assigurazzjoni tal-mard għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha; u (ċ) riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Peress li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 juża l-kelma “jista’”, l-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw ir-rekwiżiti li tistabbilixxi din id-dispożizzjoni.

25.

F’ċerti każijiet ir-refuġjati jibbenefikaw minn kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ( 25 ). L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/86 jindirizza speċifikament is-sitwazzjoni tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati. Dan jagħtihom trattament preferenzjali ( 26 ) billi jiżgura r-riunifikazzjoni tal-familja, inter alia, mal-ġenituri tagħhom ( 27 ) jew il-kustodji legali tagħhom ( 28 ) mingħajr ma jimponi ċerti kundizzjonijiet normalment applikabbli taħt dik id-direttiva. L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għalhekk jeħtieġ ( 29 ) li l-Istati Membri jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjat li jkun minuri mhux akkumpanjat mal-ġenituri tiegħu jew tagħha “mingħajr ma [japplikaw] il-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a)” ta’ dik id-Direttiva.

26.

Peress li l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 jirreferi espliċitament għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IV, l-Istati Membri ma jistgħux jirrikjedu li refuġjat minuri mhux akkumpanjat jew il-ġenituri tiegħu jew tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 fi proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja bbażata fuq l-Artikolu 10(3)(a) tagħha ( 30 ). L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jagħmilha ċara li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda speċifikament, inter alia, ir-rekwiżit li refuġjat minuri mhux akkumpanjat ikun dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu jew tagħha ( 31 ) u li jikkonforma mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 ( 32 ). Dan il-qari tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 huwa konformi kemm mal-kuntest li jidher fih kif ukoll mal-għan tad-Direttiva 2003/86 li tagħti protezzjoni preferenzjali lir-refuġjati u li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni vulnerabbli tal-minuri, partikolarment minuri mhux akkumpanjati. Jekk il-ġenituri ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat ikunu obbligati li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 10(3)(a) tagħha u t-trattament preferenzjali tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati jkunu ristretti.

B.   Id‑dritt ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat għal riunifikazzjoni tal‑familja ma’ membri oħra tal‑familja – l‑Artikolu 10(2) u 10(3)(a) tad‑Direttiva 2003/86

27.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li oħt refuġjat ma hijiex waħda mill-membri tal-familja ta’ sponsor li jirreferi għalihom l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 ( 33 ). Barra minn hekk, RI ma għandux dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ oħtu, TY, skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86. It-test ta’ dik id-dispożizzjoni huwa inekwivoku: japplika biss għar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati u l-ġenituri tagħhom ( 34 ).

28.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux, abbażi tad-Direttiva 2003/86, joħorġu permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax ir-rekwiżiti li din id-direttiva tistabbilixxi għal dan il-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja saħansitra waslet sabiex iddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2003/86 lil persuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti li hemm fiha tippreġudika l-effettività ta’ din id-direttiva u tmur kontra l-għanijiet tagħha ( 35 ).

29.

Permezz tal-promulgazzjoni tad-Direttiva 2003/86, li tapplika għall-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka u l-Irlanda, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jirregola l-kwistjonijiet kollha relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja b’mod eżawrjenti ( 36 ), iżda minflok stabbilixxa sett ta’ regoli minimi komuni bbażati fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità ( 37 ). Id-Direttiva 2003/86 għalhekk tipprevedi armonizzazzjoni minima u ma teskludix id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja f’każijiet li ma humiex irregolati minn din id-direttiva ( 38 ). Il-kundizzjonijiet fid-Direttiva 2003/86 huma għalhekk bla ħsara għall-Istati Membri, taħt l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, li jagħtu drittijiet ta’ dħul u residenza taħt kundizzjonijiet iktar favorevoli fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom ( 39 ). Meta Stat Membru jipprevedi tali kundizzjonijiet favorevoli, huwa d-dritt nazzjonali, u mhux id-Direttiva 2003/86 ( 40 ), li jirregola l-eżerċizzju tagħhom, u għalhekk dan jeskludi l-applikazzjoni tal-Karta ( 41 ).

30.

Waqt is-seduta, il-Gvern Awstrijak ikkonferma li għalkemm iqis li TY ma għandhiex dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, ir-Repubblika tal-Awstrija tagħti dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja lil tali individwi taħt id-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 8 tal-KEDB. Dan it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huwa rifless kemm fit-termini ċari li bihom hija inkwadrata d-Direttiva 2003/86 kif ukoll fl-interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

31.

Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni madankollu jsostnu li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu jew tagħha taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata sabiex tagħti dak id-dritt lill-aħwa b’diżabbiltà tiegħu jew tagħha. Dan il-għan għandu jintlaħaq permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta sabiex jiġi ggarantit id-dritt ta’ RI għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu u, b’estensjoni, ma’ oħtu ( 42 ).

32.

Meta jimplimentaw l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali sanċiti fil-Karta, hawnhekk l-Artikoli 7 u 24 tagħha. L-eżistenza ta’ dan l-obbligu, madankollu, ma tistax tappoġġja interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva li tmur kontra t-termini espliċiti li huma espressi fiha. Interpretazzjoni contra legem ta’ dan it-tip, kemm jekk b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Karta jew għall-prinċipju ta’ effettività, hija eskluża wkoll peress li tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 43 ). In-nuqqas ta’ riferiment għal xi membri oħra tal-familja fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 lanqas ma jista’ jiġi attribwit għal nuqqas min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni peress li dan ippreveda speċifikament sitwazzjonijiet analogi għal dawk li jinqalgħu fil-każ preżenti kif evidenzjat b’mod ċar mill-Artikolu 4(2)(b) u mill-Artikolu 10(2) tagħha.

33.

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 jippermetti espliċitament lill-Istati Membri jagħtu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja lill-membri tal-familja ta’ refuġjat minbarra dawk li jirreferi għalihom l-Artikolu 4 tagħha meta dawn il-persuni jiddependu fuq ir-refuġjat ( 44 ). L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 iħalli lil kull Stat Membru jiddeċiedi jekk jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 jew le. Huwa jagħti wkoll libertà sinjifikanti lil kull Stat Membru sabiex jagħżel il-membri tal-familja ta’ refuġjat, minbarra dawk li jirreferi għalihom l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86, li jistgħu jibbenefikaw minn din l-estensjoni ( 45 ).

34.

Mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċar li r-Repubblika tal-Awstrija għażlet li ma tużax il-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86. Fi kwalunkwe każ, TY hija dipendenti mill-ġenituri tagħha u mhux minn ħuha RI ( 46 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tosservax il-kundizzjoni ta’ dipendenza stabbilita fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 tmur kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva, sa fejn din tippermetti li jingħata l-istatus li jirriżulta minnha lil persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-kisba tiegħu ( 47 ).

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Karta ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom meta jiddeċiedu li jimplimentaw l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 u jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati skont din id-dispożizzjoni ( 48 ). Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-fakultà li tbiddel jew testendi t-test u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 24 tal-Karta ( 49 ).

36.

Għalhekk, il-parir tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li, skont l-Artikoli 10(2) u 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 24 tal-Karta, RI ma għandu l-ebda dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ oħtu TY. Estensjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tmur kontra l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tippreġudika l-effettività tad-Direttiva 2003/86 u tfixkel il-bilanċ leġiżlattiv imfassal bir-reqqa li waslu għalih l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri.

37.

Lanqas ma tista’ tiġi applikata, b’analoġija, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 20 TFUE u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li rreferiet għalihom il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġġustifika estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 ( 50 ) Fis-sentenza tagħha Ruiz-Zambrano ( 51 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, inter alia, li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa responsabbli għal uliedu minuri, ċittadini tal-Unjoni, id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn it-tfal li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza, sa fejn tali deċiżjoni ċċaħħad lil dawn it-tfal mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. F’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea hija “l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri” ( 52 ). L-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi refuġjati, ma jistax jitqabbel ma’ dak taċ-ċittadini tal-Unjoni ħlief fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifikament tagħtihom obbligi komparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea ( 53 ).

C.   Id‑dritt ta’ tfal adulti mhux miżżewġa għal riunifikazzjoni tal‑familja meta huma inkapaċi li jipprovdu għall‑ħtiġijiet tagħhom stess minħabba l‑istat ta’ saħħithom – Artikolu 4(2)(b) tad‑Direttiva 2003/86

38.

L-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tat-tfal adulti mhux miżżewġa tal-isponsor jew tal-konjuġi tiegħu jew tagħha, suġġett għar-rekwiżit li t-tfal inkwistjoni jkunu oġġettivament inkapaċi li jipprovdu għall-ħtiġijiet tagħhom stess minħabba l-istat ta’ saħħithom. F’dan il-kuntest, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu ssodisfatti.

39.

Jekk ninjoraw il-fatt li ma huwiex ċar jekk ir-Repubblika tal-Awstrija għażlitx li tagħmel użu mill-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/86 ( 54 ), din id-dispożizzjoni tirreferi għall-familja nukleari tal-isponsor iktar milli għal ħutu jew ħutha. TY għalhekk ma tistax tibbaża ruħha fuq it-termini tiegħu sabiex issostni dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI. Kif jindikaw il-punti 36 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/86 li l-protezzjoni li jagħti l-Artikolu 4(2)(b) tagħha tiġi estiża lil persuni oħra. Il-Karta lanqas ma tista’ topera b’tali mod li tillimita l-għażla tal-Istati Membri dwar jekk jimplimentawx tali fakultà ( 55 ).

40.

Għalkemm RI u oħtu, TY, ma għandhomx dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/86, il-ġenituri tiegħu, CR u GF, huma intitolati għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI skont l-Artikolu 10(3)(a) tagħha. Ladarba l-applikazzjoni tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun ġiet aċċettata, CR u GF għandhom ukoll id-dritt li jiksbu permess ta’ residenza fir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/86. Fis-sentenza O et ( 56 ), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru li jfittxu li jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu rikonoxxuti bħala “sponsors” fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2003/86. CR u GF huma intitolati għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ TY skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/86, sakemm ir-Repubblika tal-Awstrija tagħmel użu minn din il-possibbiltà. Ladarba l-Istati Membri jeżerċitaw dik il-possibbiltà huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dan il-għan għandha għalhekk tkun konformi mad-drittijiet fundamentali sanċita fil-Karta u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 57 ).

41.

CR, GF u TY applikaw flimkien għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI. Fid-dawl tan-natura tar-relazzjoni familjari tagħhom u d-diżabbiltà severa ta’ TY, l-applikazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu eżaminati simultanjament ( 58 ) sabiex jiġu aċċertati d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 4(2)(b), l-Artikolu 10(3)(a) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/86, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta ( 59 ). F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jirrikjedi li l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu eżaminati b’mod individwali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jimplimentaw id-Direttiva 2003/86 u jeżaminaw tali applikazzjonijiet, għandhom jagħmlu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha involuti ( 60 ). Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-aħjar interessi tat-tfal minuri u ċ-ċirkustanzi speċjali ta’ refuġjati minuri mhux akkumpanjati ( 61 ).

42.

Għaldaqstant, huwa kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/86 u tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta li applikanti bħal CR u/jew GF ( 62 ) ikunu obbligati li jkollhom permess ta’ residenza skont l-Artikolu 13(2) tagħha qabel tiġi eżaminata l-applikazzjoni ta’ TY għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tagħha skont l-Artikolu 4(2)(b) tagħha. Tali approċċ frammentat, barra minn hekk, jippreġudika d-dritt ta’ RI għar-riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86.

43.

Ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tirrikjedi li r-riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/86 tkun suġġetta għal konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw fir-rigward ta’ TY biss, peress li CR u GF huma eżentati minnha bis-saħħa tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ( 63 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, il-fakultà mogħtija mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata b’mod strett. L-Istati Membri ma għandhomx jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom sabiex jimminaw l-għan li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja ( 64 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti osservawx jew humiex se josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 u tal-ġurisprudenza dwarha.

VI. Konklużjoni

44.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda magħmula mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikolu 4(2)(b), l-Artikolu 10(3)(a), l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja u l-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li aħwa adulti b’diżabbiltà ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat li, minħabba l-istat ta’ saħħithom jiddependu kompletament mill-ġenituri tagħhom, huma intitolati għal riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tagħhom u ma’ ħuthom minuri skont id-dritt tal-Unjoni, sakemm l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx eżerċita l-possibbiltà stipulata fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/86.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Kif definit permezz tal-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

( 3 ) BGBl. I, Nru 100/2005. Il-verżjoni tal‑14 ta’ Awwissu 2018 tapplika għall-kawża preżenti: BGB1. I, Nru 56/2018.

( 4 ) BGB1. I Nru I 100/2005. Il-verżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2017 tapplika għall-kawża preżenti. BGB1. I, Nru I 145/2017.

( 5 ) Hija twieldet fil‑15 ta’ Awwissu 1988. CR, GF u TY huma ċittadini Sirjani.

( 6 ) Skont l-Artikolu 35 tal-AsylG 2005.

( 7 ) Id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dawk l-applikazzjonijiet ġiet innotifikata fid‑29 ta’ Mejju 2018.

( 8 ) Ara l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2003/86.

( 9 ) Ara l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2003/86.

( 10 ) Ara l-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva 2003/86.

( 11 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124).

( 12 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734).

( 13 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild li sar maġġorenni) (C‑279/20, EU:C:2022:618) u tal-1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ refuġjat minuri), (C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617).

( 14 ) Peress li t-tielet u s-sitt domanda jikkoinċidu parzjalment, ser nindirizza s-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju sal-punt meħtieġ sabiex ngħin lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-deliberazzjonijiet tagħha.

( 15 ) It-tielet domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-ġenituri ċittadini ta’ pajjiż terz (CR u GF) ta’ refuġjat (RI) li applika għal ażil u ngħata dan bħala minuri mhux akkumpanjat qabel sar maġġorenni jista’ juża l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha, anki jekk dak ir-refuġjat sar maġġorenni wara li ngħata l-ażil iżda matul il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

( 16 ) L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi li hekk kif applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tiġi aċċettata: “l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu lill-membri tal-familja l-ewwel permess ta’ residenza għal tul ta’ mill-inqas sena. Il-permess ta’ residenza għandu jiġġedded.” L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi wkoll li hekk kif jaċċettaw applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja “l-Istati Membri kkonċernati għandhom jawtorizzaw id-dħul tal-membru jew membri tal-familja”.

( 17 ) Li jirreferu għalih il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86.

( 18 ) Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja ma’ refuġjat minuri) (C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punti 35 u 39).

( 19 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86.

( 20 ) Sa fejn l-Artikolu 7 tal-Karta fih drittijiet li jikkorrispondu għal dawk id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 8(1) KEDB, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huma l-istess (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 5556 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt rifuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 35). L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 ma huwiex eżawrjenti. Ara, pereżempju, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86.

( 23 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2003/86. Fis-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 6465), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 jaderixxi għal kunċett wiesa’ ta’ “familja nukleari”. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 jimponi obbligi pożittivi speċifiċi fuq l-Istati Membri, bi drittijiet individwali korrispondenti definiti b’mod ċar, peress li jobbligahom, fil-każijiet irregolati minn din id-direttiva, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jkollhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2019, Belgische Staat (Sistema ta’ deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni impliċita) (C‑706/18, EU:C:2019:993, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 34).

( 25 ) Ara l-Kapitolu V tad-Direttiva 2003/86 intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati”. Il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86 tipprovdi “[a]ttenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.”

( 26 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 44).

( 27 ) L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jirreferi għal qraba tal-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti.

( 28 ) L-Artikolu 10(3)(b) tad-Direttiva 2003/86.

( 29 ) Dik id-dispożizzjoni tuża t-terminu “għandu”. Id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati minuri mhux akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għalhekk ma huwiex suġġett għal marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-Istati Membri (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 43).

( 30 ) Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 japplikaw għar-riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tagħha. Huwa jenfasizza li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 speċifikament jirreferi u jeskludi l-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha. Skont dan il-gvern, l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ma jirreferix espliċitament, u għalhekk jeskludi, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tagħha.

( 31 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 34).

( 32 ) Permezz tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu li r-refuġjat u/jew il-membru/membri tal-familja nukleari tiegħu jew tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tagħha. L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għalhekk jipprovdi protezzjoni iktar estensiva lir-refuġjati minuri mhux akkumpanjati milli l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86, li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata għar-refuġjati u l-membri. tal-familja nukleari tagħhom.

( 33 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 69).

( 34 ) Din id-dispożizzjoni hija marbuta b’mod inseparabbli mal-kunċett ta’ “familja nukleari” kif previst mid-Direttiva 2003/86.

( 35 ) Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2019, Belgische Staat (Sistema ta’ deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni impliċita) (C‑706/18, EU:C:2019:993, punti 3537 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/86.

( 37 ) Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 2003/86.

( 38 ) Għal dan il-għan, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe f’Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2021:780, punt 53) u tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-Konklużjonijiet 1/19 (Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) (EU:C:2021:198, nota ta’ qiegħ il-paġna 81).

( 39 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 43). Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 32 sa 43), li tinterpreta l-Artikolu 3(2)(c) tad-Direttiva 2003/86 hekk sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha membri tal-familja ta’ pajjiż terz ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja. Filwaqt li dawk il-membri tal-familja ma jaqgħux fil-qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, Stat Membru jista’ jagħtihom trattament iktar favorevoli skont id-dritt nazzjonali (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punti 3437).

( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punti 3449). Ara, ukoll b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (Id-Dipartiment għall-Komunitajiet fl-Irlanda ta’ Fuq) (C‑709/20, EU:C:2021:602, punti 8283) fir-rigward tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Land Oberösterreich (Għajnuna għall-akkomodazzjoni) (C‑94/20, EU:C:2021:477, punti 60 sa 63).

( 42 ) Ara wkoll il-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86.

( 43 ) B’analoġija mal-interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipji deskritti mill-ġurisprudenza japplikaw għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u nazzjonali. Ara, ukoll b’analoġija, Lenaerts, K., u Gutiérrez-Fons, J. To Say What the Law of the EU Is: Methods of Interpretation and the European Court of Justice, EUI AEL 2013/09, paġna 16 fejn l-awturi jsostnu li “where a provision of EU law is open to several interpretations, preference must be given to that interpretation which ensures that the provision retains its effectiveness … It goes without saying that that general principle of interpretation must not trespass on the limit of ‘contra legem’” (“meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun miftuħa għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tiżgura li d-dispożizzjoni żżomm l-effettività tagħha […] Huwa ovvju li dan il-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni ma għandux imur kontra l-limitu ta’ ‘contra legem’”) [traduzzjoni libera].

( 44 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 48).

( 45 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 3940). Il-premessa 10 tad-Direttiva 2003/86 tiddikjara li “huwa għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jixtiequx jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja għal qraba f’linja diretta axxendenti, tfal adulti mhux miżżewġa […]”

( 46 ) Filwaqt li r-rikorrenti ddikjaraw waqt is-seduta li RI jibgħat madwar EUR 100 fix-xahar lill-familja tiegħu fis-Sirja, ma hemm ebda prova li TY hija dipendenti fuq RI.

( 47 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 42). Il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/86 tiddikjara li “il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni”. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punti 4849), fejn il-Qorti ddikjarat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/86 jitneħħewlu l-effikaċja u ċ-ċarezza tiegħu jekk Stat Membru ma jitħalliex jimponi terminu għall-preżentata ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja skont dan.

( 48 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 65).

( 49 ) L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni Ewropea, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (Id-Dipartiment għall-Komunitajiet fl-Irlanda ta’ Fuq) (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 85).

( 50 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124); tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734) u s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (Id-Dipartiment għall-Komunitajiet fl-Irlanda ta’Fuq) (C‑709/20, EU:C:2021:602).

( 51 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124).

( 52 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Ara, pereżempju, il-premessa 3 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/86. Ara, ukoll b’analoġija, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU 2004 L 16, p. 44). Il-limitazzjonijiet għall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 ikkonfermati mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 36 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet japplikaw mutatis mutandis għar-riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86.

( 54 ) Il-Gvern Olandiż indika waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett mill-Gvern Awstrijak, li r-Repubblika tal-Awstrija kienet eżerċitat il-possibbiltà taħt l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/86.

( 55 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 4265).

( 56 ) Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 68).

( 57 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 61 sa 67).

( 58 ) Il-Gvern Awstrijak ikkonferma waqt is-seduta li l-applikazzjonijiet inkwistjoni kollha kienu qegħdin jiġu eżaminati simultanjament.

( 59 ) Ara, b’analoġija, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2013 L 180, p. 31). L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprovdi, inter alia, li fejn persuna b’diżabbiltà severa tkun tiddependi fuq l-assistenza tal-ġenitur(i) tagħha legalment residenti fi Stat Membru, dan l-Istat Membru għandu normalment iħalli jew iġib flimkien l-applikant ma’ dak il-ġenitur. Skont il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, dik id-dispożizzjoni għandha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri jġibu flimkien “membri tal-familja” meta dan ikun meħtieġ fuq bażijiet umanitarji. Ara, ukoll b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, K (C‑245/11, EU:C:2012:685, punti 26 sa 54).

( 60 ) Sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Khachab (C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punti 26 sa 36).

( 62 ) CR u GF għandhom dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ RI skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 u għalhekk huma intitolati għal permess ta’ residenza skont l-Artikolu 13(2) tagħha.

( 63 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 43).

Top