EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0415

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2022.


Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:14

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑13 ta’ Jannar 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20

Gräfendorfer Geflügel- und Tiefkühlfeinkost Produktions GmbH (C‑415/20)

F. Reyher Nchfg. GmbH & Co. KG vertr. d. d. Komplementärin Verwaltungsgesellschaft F. Reyher Nchfg. mbH (C‑419/20)

vs

Hauptzollamt Hamburg (C‑415/20 u C‑419/20)

u

Flexi Montagetechnik GmbH & Co. KG

vs

Hauptzollamt Kiel (C‑427/20)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rimbors ta’ ammonti miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea – Ħlas ta’ interessi – Unjoni doganali – Artikolu 241 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (Kodiċi Doganali tal-Komunità) – Artikolu 116(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (Kodiċi Doganali tal-Unjoni) – Limitazzjoni tal-ħlas ta’ interessi fil-każ ta’ rimbors tad-dazji doganali – Prinċipju ta’ effettività – Miżuri nazzjonali li jipprevedu l-ħlas ta’ interessi mill-mument meta jitressqu l-proċeduri quddiem il-qrati”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn it-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja) jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ persuni għall-ħlas ta’ interessi stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala rimedju li joriġina mid-dritt tal-Unjoni. Dawn huma relatati ma’ tliet sitwazzjonijiet differenti li jinvolvu t-talbiet għall-ħlas ta’ interessi fuq somom miġbura indebitament bi ksur tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward, l-ewwel, tal-ħlas tardiv ta’ rimborsi ta’ esportazzjoni fuq prodotti agrikoli u l-ħlas lura ta’ sanzjonijiet pekunjarji imposti illegalment fir-rigward ta’ dawn ir-rimborsi, it-tieni, ir-rimbors ta’ dazji antidumping u, it-tielet, ir-rimbors ta’ dazji fuq l-importazzjoni.

2.

Id-domandi magħmula f’dawn il-kawżi jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-opportunità li tispjega u tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar id-dritt għall-ħlas ta’ interessi, u b’mod partikolari sabiex tindirizza l-kwistjoni ta’ f’liema sitwazzjonijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta dan id-dritt bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jitqiegħdu dawn il-limiti fuq id-dritt għall-ħlas ta’ interessi mid-dritt tal-Unjoni u mid-dritt nazzjonali.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

3.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 2 ) ġie mħassar u ssostitwit mir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) ( 3 ), li hu stess ġie mħassar u ssostitwit mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 4 ).

4.

L-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprevedi:

“Ħlas lura mill-awtoritajiet kompetenti ta’ ammonti ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jew ta’ imgħax ta’ kreditu jew imgħax fuq arretrati miġbura fuq il-ħlas ta’ dawk id-dazji m’għandux jagħti lok għall-ħlas ta’ imgħax minn dawk l-awtoritajiet. Iżda, l-imgħax għandu jitħallas:

fejn deċiżjoni li tilqa’ talba għall-ħlas lura ma tiġix implimentata fi żmien tliet xhur mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni,

fejn dispożizzjonijiet nazzjonali jistipulaw hekk.

[…]”

5.

L-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jistabbilixxi:

“Il-ħlas lura m’għandux jagħti lok għall-ħlas ta’ imgħax mill-awtoritajiet doganali kkonċernati.

Madankollu, għandu jitħallas imgħax fejn deċiżjoni li tagħti ħlas lura mhix implimentata fi żmien tliet xhur mid-data li fiha dik id-deċiżjoni ttieħdet, sakemm in-nuqqas li tiġi sodisfatta l-iskadenza kien barra mill-kontroll tal-awtoritajiet doganali.

F’tali każijiet, l-imgħax għandu jitħallas mid-data meta jiskadi l-perijodu ta’ tliet xhur sad-data tal-ħlas lura. Ir-rata tal-imgħax għandha tkun stabbilita skont l-Artikolu 112.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

6.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-liġi Ġermaniża rilevanti hija l-Abgabenordnung (il-Kodiċi Fiskali) (BGB1. 2002 I, p. 3866), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwimiet fil-proċeduri prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AO”).

7.

L-Artikolu 3 tal-AO jistabbilixxi:

“[…]

(3) Id-dazji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni, skont l-Artikolu 5(20) u (21) tal-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni] għandhom ikunu taxxi fis-sens ta’ dan il-Kodiċi […]

(4) ‘Il-ħlasijiet fiskali anċillari’ huma […] interessi skont l-Artikoli 233 sa 237, […] interessi fuq id-dazji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 5(20) u (21) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni […]

[…]”

8.

Skont l-Artikolu 233 tal-AO:

“L-interessi għandhom jiġu miġbura fuq talbiet li joriġinaw mir-relazzjoni ta’ bejn id-debitur u l-kreditur fiskali (Artikolu 37) biss sa fejn dan huwa previst bil-liġi […]”

9.

L-Artikolu 236 tal-AO jipprevedi:

“(1) Skont id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (3) hawn isfel, fejn taxxa evalwata tiġi mnaqqsa jew fejn rimbors fiskali mogħti permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali u vinkolanti jew bħala riżultat ta’ tali deċiżjoni, l-interessi għandhom jakkumulaw fuq l-ammont li għandu jiġi rrimborsat jew imnaqqas mid-data tal-ftuħ tal-proċeduri sad-data tal-ħlas […]

[…]”

10.

Barra minn hekk, fil-Kawża C‑415/20, il-leġiżlazzjoni rilevanti tinkludi l-Gesetz zur Durchführung der gemeinsamen Marktorganisationen und der Direktzahlungen (il-Liġi li Timplimenta l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq u l-Ħlasijiet Diretti) (BGB1. 2017 I, p. 3746), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-proċeduri prinċipali (iktar ’il quddiem il-“MOG”).

11.

L-Artikolu 14 tal-MOG jistabbilixxi:

“1. L-ammonti dovuti għall-ħlas mill-ġdid ta’ benefiċċju jew il-ksur ta’ kwalunkwe obbligu ieħor għandhom jagħtu interessi skont ir-rata bażika biż-żieda ta’ ħames punti perċentwali mill-ġurnata li fiha jkunu dovuti. Kwalunkwe dazju mhux imħallas fil-ħin għandu jagħti interessi skont ir-rata bażika biż-żieda ta’ ħames punti perċentwali mid-data li fiha jkun dovut. L-ewwel u t-tieni sentenzi għandhom japplikaw skont id-dispożizzjonijiet u l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).

2. L-ammonti dovuti fir-rigward ta’ benefiċċju jew intervent għandhom jagħtu interessi mid-data tar-rinviju lill-qorti, skont l-Artikoli 236, 238 u 239 tal-AO. Mill-bqija ma għandhomx jirriżultaw fi ħlas ta’ interessi.”

III. Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domandi magħmula

A.   Kawża C‑415/20

12.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Gräfendorfer Geflügel- und Tiefkühlfeinkost Produktions GmbH (iktar ’il quddiem “Gräfendorfer”) hija kumpannija Ġermaniża li tesporta l-karkassi tat-tjur lil pajjiżi terzi.

13.

Fil-perijodu ta’ bejn Jannar u Ġunju 2012, il-Hauptzollamt Hamburg (il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) irrifjuta li jagħti lil Gräfendorfer rimborsi ta’ esportazzjoni fuq il-bażi li l-karkassi tat-tjur ma kinux ta’ kwalità li tista’ tiġi kkummerċjalizzata, peress li ma kinux ġew kompletament imnittfa jew kellhom wisq ġewwieni. Fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni rilevanti ( 5 ), il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg ukoll impona sanzjonijiet fuq Gräfendorfer peress li kienet applikat għal rimbors ta’ esportazzjoni ikbar minn dak li kienet intitolata għalih.

14.

Imbagħad, f’rikorsi ppreżentati minn persuni li ma kinux Gräfendorfer ( 6 ), il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet, fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Novembru 2011, Gebr. Stolle ( 7 ), li l-preżenza ta’ numru żgħir ta’ rix ma kinitx ta’ preġudizzju għal rimbors ta’ esportazzjoni u li numru totali ta’ mhux iktar minn erba’ ġewwieni kien ammissibbli. Konsegwentement, il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg aċċetta l-ilment amministrattiv imressaq minn Gräfendorfer, u taha l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mitluba u rrimborsaha għas-sanzjonijiet imposti.

15.

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2015, Gräfendorfer ippreżentat rikors quddiem il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg għall-ħlas ta’ interessi fuq il-ħlas tardiv ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u fuq is-sanzjonijiet irrimborsati. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2015, il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg ċaħad dan ir-rikors. Huwa ċaħad ukoll, permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2018 l-ilment amministrattiv ta’ Gräfendorfer kontra d-deċiżjoni tiegħu tat‑22 ta’ Lulju 2015.

16.

Fit‑23 ta’ Mejju 2018, Gräfendorfer ippreżentat rikors li permezz tiegħu kkontestat din iċ-ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat id-dritt tal-Unjoni u d-dritt għall-ħlas ta’ interessi li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg isostni, inter alia, li ċ-ċaħda tiegħu, f’dak il-mument, li jagħti r-rimbors ta’ esportazzjonijiet ma kinitx kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, iżda f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-ġurisprudenza nazzjonali applikabbli; kien biss ir-riżultat tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-deċiżjonijiet sussegwenti tal-qorti tar-rinviju li Gräfendorfer saret intitolata għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u, f’sitwazzjoni bħal din, hija ma tistax titlob l-interessi fuq l-ammont ikkorreġut. Il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg invoka f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Jannar 2017, Wortmann ( 8 ).

17.

Il-qorti tar-rinviju tindika li ma hemm ebda dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew dritt nazzjonali li hija applikabbli għat-tilwima fil-proċeduri prinċipali li jagħmilha possibbli li jintlaqgħu t-talbiet ta’ Gräfendorfer għal interessi fuq il-ħlas tardiv ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jew is-sanzjonijiet irrimborsati. Għaldaqstant l-eżitu tat-tilwima jiddependi fuq jekk dawn it-talbiet jistgħux ikunu bbażati fuq id-dritt għall-ħlas ta’ interessi skont id-dritt tal-Unjoni, kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

18.

Peress li kienet inċerta jekk id-dritt għall-ħlas ta’ interessi bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni joriġinax f’sitwazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni bħal f’dan il-każ, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri prinċipali u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.

L-obbligu impost fuq l-Istati Membri, skont id-dritt tal-Unjoni, li jħallsu lura, flimkien mal-interessi, id-dazji miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni japplika wkoll fejn ir-raġuni għall-ħlas lura ma tkunx deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ (sub)intestatura tan-Nomenklatura Magħquda?

2.

Il-prinċipji li jirregolaw, skont id-dritt tal-Unjoni, id-dritt għall-ħlas tal-interessi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha japplikaw ukoll għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li l-awtorità nazzjonali rrifjutat li tħallas, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni?”

B.   Kawża C‑419/20

19.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, F. Reyher Nchfg. GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Reyher”) hija kumpannija Ġermaniża li importat fl-Unjoni, matul is-snin 2010 u 2011, qfieli minn kumpannija fl-Indoneżja u li hija sussidjarja ta’ kumpannija stabbilita fiċ-Ċina.

20.

Il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg ħa l-pożizzjoni li dawn il-qfieli oriġinaw fiċ-Ċina u għandhom ikunu suġġetti, meta jiġu importati fl-Unjoni, għad-dazji antidumping stabbiliti fir-Regolament Nru 91/2009 ( 9 ). Konsegwentement, fl‑2013, il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg ħareġ diversi avviżi għall-ġbir ta’ dazji antidumping minn Reyher, li hija ħallset. Imbagħad, Reyher ippreżentat rikors li jikkontesta l-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji quddiem il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg).

21.

Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ April 2019, li saret finali, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) laqgħet ir-rikors ta’ Reyher u annullat id-dazji antidumping imposti fuqha fuq il-bażi li l-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg naqas milli jipproduċi provi li l-qfieli impurtati fl-Unjoni minn Reyher oriġinaw miċ-Ċina.

22.

F’Mejju 2019, il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Hamburg irrimborsa lil Reyher għad-dazji antidumping li kienet ħallset. Madankollu, huwa ċaħad it-talba ta’ Reyher għall-ħlas ta’ interessi fuq dawn id-dazji, imbagħad ċaħad l-ilment amministrattiv ta’ Reyher kontra din iċ-ċaħda.

23.

Fl‑10 ta’ Frar 2020, Reyher ippreżentat rikors li jikkontesta din iċ-ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju. Minkejja li l-partijiet qegħdin f’tilwima dwar jekk il-ħlas ta’ interessi huwiex eskluż fuq il-bażi tal-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ma huwiex dan il-kodiċi, iżda l-Kodiċi Doganali preċedenti tal-Komunità li huwa applikabbli għall-fatti tal-kawża. Skont l-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, l-interessi huma pagabbli fejn dan ikun stipulat mid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li Reyher tista’ titlob l-interessi applikabbli mill-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji fuq il-bażi tal-Artikolu 236(1) tal-AO. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk Reyher hijiex intitolata għal interessi għall-perijodu mill-ħlas tad-dazji antidumping indebiti sal-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji.

24.

Peress li hija inċerta dwar jekk Reyher tistax tinvoka d-dritt għall-ħlas ta’ interessi li joriġina mid-dritt tal-Unjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interessi li ma tistax titlob fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri prinċipali u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħala kundizzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, tad-dritt għall-ħlas tal-interessi żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, jirriżulta wkoll meta awtorità nazzjonali timponi dazji skont id-dritt tal-Unjoni iżda qorti nazzjonali tikkonstata sussegwentement li l-kundizzjonijiet konkreti għall-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji ma jkunux issodisfatti?”

C.   Kawża C‑427/20

25.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Flexi Montagetechnik GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Flexi Montagetechnik”) hija kumpannija Ġermaniża li timporta bolt hooks fl-Unjoni li jintużaw fil-produzzjoni ta’ ċineg tal-klieb.

26.

Il-Hauptzollamt Kiel (il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Kiel, il-Ġermanja) ħa l-pożizzjoni, wara eżami estern tad-dwana, li dawn il-bolt hooks ma għandhomx jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8308 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem “NM”), li tinvolvi rata ta’ 2.7 % dazju doganali, kif iddikjarat minn Flexi Montagetechnik, iżda bħala prodotti kklassifikati taħt l-intestatura tan-NM 7907, li tinvolvi rata ta’ 5 % dazju doganali, u għalhekk suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni ta’ ammont ogħla minn dawk imħallsa minn Flexi Montagetechnik. Il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Kiel ħareġ żewġ avviżi għall-irkupru ta’ dazji ta’ importazzjoni, li Flexi Montagetechnik ħallset f’Marzu 2014. Imbagħad, f’Settembru 2014, Flexi Montagetechnik ippreżentat rikors quddiem il-qrati kontra dawn l-avviżi.

27.

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2017, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) annullat dawn l-avviżi fuq il-bażi li l-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni kien illegali minħabba li l-bolt hooks kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura tan-NK 8308, kif kienet għamlet Flexi Montagetechnik.

28.

F’Ottubru 2017, il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Kiel irrimborsa lil Flexi Montagetechnik għad-dazji fuq l-importazzjoni li kienet ħallset. Madankollu, huwa rrifjuta li jħallas l-interessi fuq dawn id-dazji għall-perijodu mid-data tal-ħlas sad-data tar-rimbors, imbagħad ċaħad it-tilwima amministrattiva ta’ Flexi Montagetechnik kontra din iċ-ċaħda.

29.

Flexi Montagetechnik ippreżentat rikors li jikkontesta din iċ-ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju. Matul il-proċeduri, il-Post tad-Dwana Prinċipali ta’ Kiel taha l-interessi għall-perijodu mill-preżentata tar-rikors kontra l-avviżi tal-irkupru (Settembru 2014) sar-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni (Ottubru 2017). Madankollu, il-partijiet għadhom f’tilwima dwar jekk Flexi Montagetechnik tistax titlob ukoll l-interessi għall-perijodu mill-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni miġbura illegalment (Marzu 2014) sal-preżentata tar-rikors kontra l-avviżi ta’ rkupru (Settembru 2014).

30.

Peress li hija inċerta jekk Flexi Montagetechnik tistax tinvoka d-dritt ta’ ħlas ta’ interessi li joriġina fid-dritt tal-Unjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interessi li ma tistax titlob fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri prinċipali u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħala kundizzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, tad-dritt għall-ħlas tal-interessi żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, jirriżulta wkoll meta awtorità nazzjonali timponi dazji bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni validi u meta dan il-ksur ikun ikkonstatat minn qorti nazzjonali?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li l-Kawżi C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, il-proċedura orali u s-sentenza.

32.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Gräfendorfer, Reyher, Flexi Montagetechnik, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet wieġbu wkoll għal mistoqsijiet bil-miktub li sarulhom mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

V. Analiżi

33.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex gwida dwar diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw id-dritt għall-ħlas ta’ interessi ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni kif żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34.

Il-qorti tar-rinviju ma tiddubitax li d-dritt għall-ħlas ta’ interessi joriġina skont id-dritt tal-Unjoni, iżda hija inċerta jekk tali dritt joriġinax f’sitwazzjonijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni li huma differenti minn dik li hemm quddiemha.

35.

L-ewwel domanda li tinsab fil-bażi tat-tliet kawżi kollha hija, essenzjalment, jekk huwiex importanti kif sar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni sabiex id-dritt għall-ħlas ta’ interessi joriġina bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, indirettament tqum il-mistoqsija dwar jekk huwiex importanti li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni ġie stabbilit mill-qrati nazzjonali u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36.

It-tieni domanda li tinsab fil-bażi ta’ dawn il-kawżi hija essenzjalment jekk u taħt liema kundizzjonijiet jistax jiġi llimitat id-dritt għall-ħlas ta’ interessi li joriġina bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-Kawżi C‑419/20 u C‑427/20 jqajmu l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-limitazzjoni għad-dritt tal-ħlas ta’ interessi previst fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, filwaqt li t-tliet kawżi kollha jqajmu l-kwistjoni tal-possibbiltà tal-limitazzjoni ta’ dan id-dritt permezz tad-dritt nazzjonali.

37.

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, l-ewwel sejjer nikkunsidra d-dritt għall-ħlas ta’ interessi kif żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-rimbors ta’ somom imħallsa kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni (it-Taqsima A). Imbagħad sejjer neżamina jekk, sabiex joriġina d-dritt għall-ħlas ta’ interessi skont id-dritt tal-Unjoni, huwiex importanti kif seħħ il-ksur tad-dritt tal-Unjoni (Taqsima B.1), li warajha sejjer niddiskuti jekk huwiex importanti li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġix stabbilit mill-qrati nazzjonali jew mill-Qorti tal-Ġustizzja (Taqsima B.2). Finalment, sejjer nindirizza l-ġustifikazzjonijiet possibbli tal-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-ħlas tal-interessi, taħt id-dritt tal-Unjoni (Taqsima C.1) u taħt id-dritt nazzjonali (Taqsima C.2).

38.

L-analiżi tiegħi sejra turi li d-dritt għall-ħlas ta’ interessi hija regola ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha meta pagament dovut skont id-dritt tal-Unjoni jitwettaq b’ dewmien, jekk is-sitwazzjoni tikkonċerna rimbors ta’ somom ta’ flus imħallsa indebitament jew ħlas tardiv ta’ benefiċċji li persuna hija intitolata għalihom skont id-dritt tal-Unjoni. Tali regola ġenerali tista’ tiġi llimitata mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali, sakemm tali limitazzjoni hija ġġustifikata minn interess pubbliku aċċettabbli u hija proporzjonata għal dan l-interess. Sejjer neżamina l-limitazzjoni introdotta mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, kif ukoll il-limitazzjoni li teżisti skont id-dritt nazzjonali applikabbli f’dan id-dawl.

A.   Id-dritt għall-ħlas ta’ interessi skont id-dritt tal-Unjoni

39.

Għandu jiġi nnotat mill-bidu li d-dritt għall-ħlas ta’ interessi bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni ġie żviluppat flimkien mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għar-rimbors ta’ somom imħallsa indebitament bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

40.

Is-sitwazzjonijiet li fihom ġew imposti drittijiet differenti kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni ma humiex ġodda. F’ġurisprudenza tal-bidu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet affaċċjata, pereżempju, bi drittijiet għal spezzjonijiet fitosanitarji ( 10 ), drittijiet ta’ esportazzjoni ( 11 ), drittijiet ta’ kontrolli sanitarji fuq l-importazzjonijiet ( 12 ), imposti fuq il-karkassi tal-ħnieżer intiżi għall-manifattura tal-bacon ( 13 ), taxxi fuq il-konsum tal-banana ( 14 ) u drittijiet miġbura fuq ir-reġistrazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi u privati ta’ responsabbiltà limitata ( 15 ). Il-kawżi iktar reċenti kkonċernaw il-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq il-kumpanniji fuq profitti ddistribwiti minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha ( 16 ), taxxa miġbura żejda fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ( 17 ), taxxa fuq it-tniġġis ta’ vetturi bil-mutur ( 18 ) u taxxi mħallsa żejda fuq il-konsum tal-elettriku ( 19 ), biex insemmi ftit biss.

41.

Meta tali drittijiet ġew ikkonstatati li kienu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, il-persuni li ħallsuhom talbu r-rimbors tagħhom. Dawn it-talbiet ta’ sikwit kienu jkunu marbuta ma’ talbiet għall-ħlas ta’ interessi.

42.

Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda regoli ġenerali miktuba dwar drittijiet jew rimedji disponibbli lil persuni li ħallsu somom kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni. Dan il-qasam tad-dritt għaldaqstant ġie żviluppat, u għadu qiegħed jiġi żviluppat, permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-segwenti huwa sommarju qasir tal-fehma tiegħi ta’ din il-ġurisprudenza.

43.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għar-rimbors ta’ somom miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkumplimenta d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istati Membri huma għalhekk obbligati, bħala prinċipju, jirrimborsaw it-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 20 ).

44.

Fil-fehma tiegħi, isegwi b’mod ċar minn din il-ġurisprudenza li d-dritt għal rimbors huwa hu stess dritt li joriġina mid-dritt tal-Unjoni fis-sitwazzjoni fejn persuna tħallas somom kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni ( 21 ).

45.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, meta Stat Membru jkun ġabar taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-individwi għandhom id-dritt mhux biss għar-rimbors tat-taxxa indebitament imħallsa, iżda wkoll għall-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’rabta diretta ma’ din it-taxxa. Dan jinkludi wkoll it-telf ikkostitwit mill-indisponibbiltà ta’ somom ta’ flus imħallsa ( 22 ).

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li jirriżulta b’mod ċar minn din il-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ obbligu tal-Istati Membri li jirrimborsaw bl-interessi l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn dan id-dritt tal-aħħar ( 23 ).

47.

Jiena ninterpreta l-ġurisprudenza ċċitata li tfisser li meta d-dritt għar-rimbors joriġina mid-dritt tal-Unjoni, dan ikun marbut mad-dritt għall-ħlas ta’ interessi. Din l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza hija sostnuta mill-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ) u mill-iskulari ( 25 ).

48.

Il-mistoqsija li, madankollu, ma ġietx indirizzata b’mod ċar fil-ġurisprudenza hija jekk ikunux dovuti l-interessi fis-sitwazzjonijiet kollha meta d-dritt għal rimbors ikun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, jew jekk jeżistux sitwazzjonijiet fejn id-dritt tal-Unjoni jagħti d-dritt għal rimbors, iżda ma jobbligax il-ħlas ta’ interessi. Barra minn hekk, għadu ma ġiex iċċarat jekk id-dritt għall-ħlas ta’ interessi joriġinax biss flimkien mad-dritt għal rimbors skont id-dritt tal-Unjoni, jew jekk joriġinax ukoll f’sitwazzjonijiet oħra fejn l-obbligu ta’ ħlas imwettaq tardivament huwa bbażat direttament fuq id-dritt tal-Unjoni (bħall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fil-Kawża C‑415/20).

49.

It-tweġiba għal din il-mistoqsija għandha tinsab, fil-fehma tiegħi, fid-dritt tal-Unjoni wkoll, u ma tiddependix fuq l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fi kliem ieħor, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għall-ħlas ta’ interessi ma huwiex kwistjoni ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali. Dan it-terminu jagħmel riferiment għall-kompetenzi tal-Istati Membri sabiex jirregolaw fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom kwistjonijiet ta’ sustanza u ta’ proċedura rilevanti għall-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ rimedju tal-Unjoni (bħad-dritt għal rimbors jew id-dritt għad-danni kif jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni), fejn ikunu neqsin ir-regoli tal-Unjoni li huma neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Madankollu, il-mistoqsija dwar jekk id-dritt għall-ħlas ta’ interessi jirriżultax fis-sitwazzjonijiet kollha jew fi wħud minnhom biss fejn id-dritt għal rimbors ikun irriżulta, jew inkella wkoll f’sitwazzjonijiet oħra fejn l-obbligu pekunjarju huwa bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni hija kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt, u mhux tal-implimentazzjoni tiegħu, u għaldaqstant hija kompletament kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni. Bil-maqlub, il-mistoqsija dwar jekk dan id-dritt meta jeżisti fid-dritt tal-Unjoni jistax ikun limitat mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali hija tip differenti ta’ kwistjoni, li sejjer nindirizza separatament iktar ’il quddiem (ara t-taqsima C.2).

B.   Il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta fid-dritt ta’ rimbors bl-interessi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

1. Huwa importanti kif seħħ il-ksur tad-dritt tal-Unjoni?

50.

Waħda mill-kwistjonijiet imqajma minn dawn il-kawżi hija relatata ma’ jekk huwiex importanti, għall-għanijiet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-irkupru ta’ ħlasijiet indebiti bl-interessi, kif seħħ il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-interessi humiex pagabbli biss f’każijiet fejn il-miżura tal-Unjoni jew dik nazzjonali li sservi bħala l-bażi ġuridika għall-impożizzjoni tas-somom miġbura indebitament jiġu mħassra jew invalidati, kif isostni l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, jew jekk l-interessi humiex pagabbli, kif indikat mill-qorti tar-rinviju, Gräfendorfer, Reyher, Flexi Montagetechnik u l-Kummissjoni, fir-rigward ta’ kwalunkwe tip ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

51.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-karatteristika komuni tal-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rikorrenti kienu intitolati għall-interessi bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet li d-dritt għal rimbors irriżulta wara l-invalidazzjoni tal-bażi ġuridika għall-ħlas mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 26 ).

52.

B’kuntrast, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni f’dawn il-kawżi oriġina mill-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wettqu żball fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew fl-evalwazzjoni tal-fatti fl-applikazzjoni ta’ regoli ġuridikament validi tad-dritt tal-Unjoni. Fil-Kawża C‑415/20, il-ksur kien jikkonsisti f’interpretazzjoni żbaljata ta’ leġiżlazzjoni valida tal-Unjoni, li skontha r-rikorrenti ġiet miċħuda l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u ġiet immultata wkoll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-Kawża C‑419/20, il-ksur kien jikkonsisti fi żball fl-evalwazzjoni tal-fatti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li wassal għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping li ma kinux dovuti skont id-dritt validu tal-Unjoni u, fil-Kawża C‑427/20, l-impożizzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni kienet ir-riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata ta’ dritt validu tal-Unjoni minn dawn l-awtoritajiet.

53.

Huwa minnu li l-kawżi invokati mill-qorti tar-rinviju kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn il-bażi ġuridika għall-ħlas ġiet invalidata. Is-sentenza Zuckerfabrik Jülich ( 27 ) involviet il-ħlas ta’ interessi fuq somom imħallsa indebitament fir-rigward ta’ dazji ta’ produzzjoni fis-settur taz-zokkor fuq il-bażi ta’ regolamenti tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat invalidi. Is-sentenza Irimie ( 28 ) kienet relatata mal-ħlas ta’ interessi fuq taxxa fuq it-tniġġis irrimborsata li kienet ġiet imposta minn dritt nazzjonali li ġie kkonstatat bħala kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni fuq il-bażi tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Finalment, is-sentenza Wortmann ( 29 ) kienet tikkonċerna l-ħlas ta’ interessi fir-rigward tar-rimbors ta’ dazji antidumping li kienu tħallsu mir-rikorrenti skont regolament tal-Unjoni li kien ġie parzjalment imħassar mill-Qorti tal-Ġustizzja.

54.

Madankollu, għandu jiġi indikat li l-ewwel, dawn huma kawżi li ġew deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja fejn ir-raġuni għall-ħlas ta’ interessi ma kinitx l-invalidazzjoni tal-bażi ġuridika għall-ħlas, iżda xi ksur differenti tad-dritt tal-Unjoni. Waħda minn dawn il-kawżi ssemmiet mill-qorti tar-rinviju stess ( 30 ). It-tieni, hemm, fil-fehma tiegħi, raġunijiet kunċettwali importanti li jimmilitaw favur risposta fis-sens li hemm dritt għal ħlas ta’ interessi skont id-dritt tal-Unjoni irrispettivament minn kif joriġina l-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, ma hemmx ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tad-dritt għall-ħlas ta’ interessi esklużivament għal sitwazzjonijiet li jinvolvu l-invalidazzjoni tal-bażi ġuridika għall-ħlas. Sabiex nispjega din il-pożizzjoni, l-ewwel jeħtieġ li neżamina r-raġunijiet li mmotivaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprevedi d-dritt għall-ħlas ta’ interessi.

a) L-għan tad-dritt għall-ħlas ta’ interessi

55.

Meta persuna tkun ħallset somma flus kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni, id-dritt li tirċeviha lura joriġina fl-istess ħin, anki jekk jiġi kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-qorti nazzjonali fi żmien iktar tard. Dan isegwi mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li d-dritt għar-rimbors ta’ drittijiet miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkumplimenta d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma jħallsux dawn is-somom. Bejn id-data meta oriġina d-dritt għal rimbors u d-data meta r-rimbors iseħħ hemm perijodu ta’ żmien, xi drabi anki wieħed sinjifikattiv ( 31 ). L-interessi jservu sabiex jindirizzaw din il-mogħdija ta’ żmien.

56.

L-obbligu li jitħallsu l-interessi ma jirrappreżentax kastig jew sanzjoni fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-ksur li twettaq tad-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost għandu l-għan li jiżgura li l-individwi jkollhom kumpens adegwat għat-telf sostnut min-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-somom miġbura indebitament bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, id-dritt għall-ħlas ta’ interessi huwa bbażat fuq l-idea li l-individwi jingħataw restitutio in integrum għall-impossibbiltà li jużaw dawn is-somom matul ċertu perijodu ( 32 ).

57.

Peress li huwa biss mezz sabiex jiġi indirizzat it-telf tal-valur ta’ flus matul iż-żmien, id-dritt għall-ħlas ta’ interessi ma jiddependix fuq jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti emmnux li aġixxew f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, li kien biss sussegwentement li ġie interpretat b’mod differenti minn dak li l-awtoritajiet ikkunsidraw bħala l-applikazzjoni korretta tiegħu f’dak il-mument. It-tħassib imqajjem mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, li jimplika li dawn l-awtoritajiet jistgħu ma jkunux responsabbli għall-ħlas tal-interessi minħabba li ġabru d-drittijiet b’bona fide huwa għaldaqstant irrilevanti sabiex jirriżulta d-dritt għall-ħlas ta’ interessi.

58.

Id-dritt għall-ħlas ta’ interessi ma huwiex l-istess bħad-dritt għad-danni. F’każijiet relatati mar-rimbors, dan jirriżulta bħala konsegwenza tal-ħlas ta’ somom ta’ flus kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni u ma huwiex dipendenti fuq il-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li wettqu l-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Huwa għaldaqstant irrilevanti għaliex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ġabru somom ta’ flus kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni. L-istess kif d-dritt ta’ rimbors bħala rimedju tal-Unjoni jirreaġixxi biss għall-fatt oġġettiv li dawn is-somom ma kinux dovuti, id-dritt għall-ħlas ta’ interessi jirreaġixxi għall-fatt tal-mogħdija taż-żmien.

59.

F’każijiet fejn jirriżulta r-rimedju tar-rimbors, l-interessi jkopru l-perijodu ta’ żmien li matulu il-persuna suppost kellha s-somom ta’ flus iżda ma kellhiex, mingħajr il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati r-raġunijiet għaliex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wettqu ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-ksur innifsu huwa biżżejjed. L-interessi sempliċiment jindirizzaw il-mogħdija taż-żmien u huma għaldaqstant imbiegħda mill-kwistjoni tal-eżenzjoni potenzjali mir-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

60.

Il-ġurisprudenza tappoġġja tali ġustifikazzjoni ekonomika għad-dritt tal-ħlas ta’ interessi. Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel indikat ir-ratio legis ekonomika tad-dritt ta’ rimbors. Hija kkunsidrat li “d-dritt għall-irkupru ta’ ħlas indebitu għandu l-għan li jirrimedja l-konsegwenzi tal-inkompatibbiltà tat-taxxa mad-dritt tal-Unjoni billi jinnewtralizza l-piż ekonomiku li hija indebitament imponiet fuq l-operatur li, definittivament, effettivament sofrieha” ( 33 ). F’għadd ta’ kawżi reċenti, kif imsemmi fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li d-dritt tal-Unjoni jobbliga l-ħlas mill-ġdid ta’ somom ta’ flus miġbura indebitament flimkien mal-interessi, peress li l-interessi jkopru t-“telf ikkostitwit mill-indisponibbiltà ta’ somom ta’ flus” imħallsa ( 34 )

61.

Għaldaqstant, il-ħlas ta’ interessi huwa neċessarju sabiex jirrestawra r-rispett għad-dritt tal-Unjoni billi tinħoloq sitwazzjoni li hija l-eqreb possibbli għal dik li kienet tkun teżisti kieku l-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma seħħx. Għalhekk, dan għandu l-għan li jirrestawra l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

62.

Il-kunċett ta’ arrikkiment indebitu huwa spjegazzjoni alternattiva, jew possibbilment addizzjonali, għall-għoti tal-interessi, kif invokata mill-qorti tar-rinviju, Gräfendorfer u Flexi Montagetechnik ( 35 ).

63.

Dak il-kunċett ġie invokat mill-Avukata Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha f’Zuckerfabrik Jülich et ( 36 ), kawża li wkoll ikkonċernat ir-rimbors ta’ somom mitluba minn awtoritajiet nazzjonali, li madankollu nġabru għall-benefiċċju tal-baġit tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ bażi ġuridika invalida tal-Unjoni.

64.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat l-arrikkiment indebitu fis-sentenzi tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni ( 37 ), u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni ( 38 ), bħala ġustifikazzjoni tal-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għar-rimbors mill-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artiklu 340 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li persuna li sostniet telf li jarrikkixxi lil persuna oħra (f’dan il-każ, l-Unjoni) mingħajr ma jkun hemm ebda bażi ġuridika għal dan l-arrikkiment għandha d-dritt, bħala regola ġenerali, għal rimbors mill-persuna arrikkita, sal-ammont tat-telf. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors li jitlob rimbors mill-baġit tal-Unjoni jkun jeħtieġ prova tal-arrikkiment tal-konvenut li għalih ma hemm ebda bażi ġuridika u prova tat-tfaqqir tar-rikorrent marbut ma’ dan l-arrikkiment.

65.

Jekk il-kunċett ta’ arrikkiment indebitu jista’ jkun ġustifikazzjoni xierqa għal rikors ippreżentat minn Stat Membru li jitlob ir-rimbors ta’ somom li huwa ħallas indebitament għall-baġit tal-Unjoni, l-invokazzjoni ta’ dan il-kunċett, fil-fehma tiegħi, ma hijiex neċessarja sabiex jiġi ġġustifikat il-ħlas ta’ interessi f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni f’dawn il-kawżi. Dan jista’ anki joħloq ostakolu għall-ħlas ta’ interessi. Minħabba l-organizzazzjoni tal-governanza fl-Unjoni, ta’ sikwit jiġu miġbura somom differenti minn awtoritajiet nazzjonali għall-benefiċċju tal-baġit tal-Unjoni. Konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, persuna li ħallset somom li ġew miġbura indebitament ikollha tipprova l-arrikkiment tal-awtoritajiet nazzjonali li ġabru dawn is-somom. Jekk dawn is-somom ġew ittrasferiti lill-baġit tal-Unjoni, il-prova tal-arrikkiment tal-awtoritajiet nazzjonali tista’ ma tkunx possibbli.

66.

Minflok ma jinvoka l-loġika tal-arrikkiment indebitu, id-dritt għall-ħlas ta’ interessi jiffoka fuq in-naħa l-oħra ta’ din ir-relazzjoni – it-tfaqqir inġust. L-għan tiegħu huwa li jiżgura l-effettività tad-dritt tal-Unjoni billi jġib lill-persuna mfaqqra kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni lura fis-sitwazzjoni li kienet tkun teżisti kieku ma seħħx il-ksur. Li jgħodd, għalhekk, huwa t-tfaqqir tar-rikorrent, minflok l-arrikkiment tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-prova tal-arrikkiment ma hijiex neċessarja għad-dritt għall-ħlas ta’ interessi fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni ( 39 ).

67.

Fil-fehma tiegħi, il-ġustifikazzjoni ekonomika li l-Qorti tal-Ġustizzja offriet għall-eżistenza tad-dritt għall-ħlas ta’ interessi ssostni l-konklużjoni li, fid-dritt tal-Unjoni, dan id-dritt joriġina meta persuna titfaqqar kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni, mingħajr il-ħtieġa li jiġi mistoqsi jekk il-persuna li wettqet il-ksur aġixxietx b’bona fide, u jekk ġietx arrikkita.

b) Hemm dritt għal ħlas ta’ interessi f’dawn il-kawżi?

68.

Jekk huwa aċċettat li d-dritt tal-Unjoni jagħti d-dritt għall-ħlas ta’ interessi sabiex jirrestawra l-effettività tiegħu billi jkopri t-telf tal-valur tal-flus matul il-perijodu li fih persuna tkun imċaħħda minnhom kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni, ma hemm ebda ġustifikazzjoni li ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet differenti ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

69.

L-interessi huma dovuti jekk il-ksur ikkonsista f’bażi ġuridika tal-Unjoni jew nazzjonali għall-ħlas li hija invalida, interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ dritt nazzjonali li jimplimentah, evalwazzjoni żbaljata ta’ fatti li wasslet għall-ġabra ta’ somom ta’ flus kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni, jew kwalunkwe ksur ieħor.

70.

Fil-fehma tiegħi, jista’ jkun li huwa implikat mill-ġurisprudenza li d-dritt għall-ħlas ta’ interessi joriġina fis-sitwazzjonijiet kollha fejn somma ta’ flus hija dovuta skont id-dritt tal-Unjoni sabiex tkopri l-mogħdija taż-żmien mill-mument li fih oriġina l-intitolament għall-ħlas sa meta l-ħlas isir ( 40 ). Id-dritt għall-ħlas ta’ interessi joriġina bħala konsegwenza tal-ksur tar-regola tal-Unjoni li tagħti dritt għal ħlas jew nuqqas ta’ ħlas mill-mument li jinkiser dan id-dritt u jservi sabiex jirrestawra l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

71.

Għaldaqstant, f’sitwazzjonijiet fejn id-dritt għal rimbors oriġina minħabba l-invalidazzjoni tal-bażi ġuridika għall-ħlas li kisret id-dritt tal-Unjoni, il-ħlas ta’ interessi huwa neċessarju sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet isseħħ kieku l-att invalidat ma ġie adottat qatt ( 41 ).

72.

Bl-istess mod, il-ħlas ta’ interessi huwa neċessarju għal raġunijiet simili f’sitwazzjonijiet fejn ir-rimbors jintalab bħala riżultat tal-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti jew interpretazzjoni żbaljata tad-dritt. Fil-Kawża C‑415/20, ir-rikorrenti ma kinitx tkun obbligata tħallas sanzjonijiet pekunjarji kieku l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti interpretaw id-dritt tal-Unjoni b’mod korrett. Sabiex tiġi rrestawrata s-sitwazzjoni li kieku kienet teżisti kieku ma seħħx il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex biżżejjed li sempliċiment jitħallsu mill-ġdid dawn is-sanzjonijiet, iżda li jitħallsu wkoll l-interessi sabiex tiġi koperta l-mogħdija taż-żmien. Huwa biss b’dan il-mod li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi rrestawrata.

73.

Dan ir-raġunament huwa applikabbli wkoll fil-Kawżi C‑419/20 u C‑427/20. L-effettività tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi rrestawrata biss jekk ir-rikorrenti “jinġiebu lura” għal sitwazzjoni fejn ma seħħx il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq bl-evalwazzjoni żbaljata ta’ fatti jew l-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni. Dan jeħtieġ li jiġi kopert it-telf tal-valur tal-flus li r-rikorrenti ġew imċaħħda minnu minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

74.

Dan l-approċċ huwa kkonfermat f’ġurisprudenza reċenti, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interessi huma pagabbli wkoll f’sitwazzjonijiet fejn id-dritt tar-rikorrenti għal rimbors ma rriżultax mill-invalidazzjoni tal-bażi ġuridika għall-ħlas, iżda mill-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt jew tal-fatti li wasslu għall-ħlas indebitu. Fis-sentenza Littlewoods Retail ( 42 ), ir-rikorrenti ħallset VAT żejda minħabba l-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt rilevanti tal-Unjoni u dak nazzjonali. Fis-sentenza Hauptzollamt B ( 43 ), ir-rimbors kien konsegwenza ta’ taxxi fuq l-elettriku kkalkolati b’mod żbaljat. Fiż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rikorrenti kienu intitolati għal ħlas ta’ interessi bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni.

75.

Is-sitwazzjoni fil-Kawża C‑416/20, fejn ir-rikorrenti kienet, għal ċertu żmien, imċaħħda mill-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li kienet intitolata għalihom skont id-dritt tal-Unjoni, hija differenti minn kawżi relatati ma’ rimbors. F’dawn il-kawżi, id-dritt għal ħlas ta’ interessi oriġina bħala riżultat tal-ksur tad-dritt li ma jsirx ħlas, filwaqt li fil-Kawża C‑415/20, id-dritt għall-ħlas ta’ interessi ntalab b’rabta mad-dritt li jiġi rċevut ħlas. Għaldaqstant, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt għall-ħlas ta’ interessi joriġinax biss flimkien mad-dritt għal rimbors, jew jekk joriġinax ukoll f’sitwazzjoni fejn jinkiser id-dritt ta’ persuna għal ħlas li huwa bbażat direttament fuq id-dritt tal-Unjoni.

76.

Jekk, kif issuġġerixxejt, id-dritt għall-ħlas ta’ interessi skont id-dritt tal-Unjoni huwa ġġustifikat bil-ħtieġa li tiġi rrestawrata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, billi jkopri l-mogħdija taż-żmien li matulha individwu kien imċaħħad minn somma ta’ flus kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni, id-dritt għall-ħlas ta’ interessi joriġina wkoll fejn il-ksur jikkonsisti fiċ-ċaħda ta’ ħlas li persuna kienet intitolata għalih skont id-dritt tal-Unjoni. L-interessi huma pagabbli fis-sitwazzjoni fil-Kawża C‑415/20 mill-mument meta nħoloq id-dritt għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni sal-mument meta tali rimborsi ta’ esportazzjoni tħallsu.

77.

Bħala konklużjoni, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinftiehem li tinkludi, bħala regola ġenerali, id-dritt għall-ħlas ta’ interessi fis-sitwazzjonijiet kollha fejn jitħallsu b’dewmien somom ta’ flus dovuti fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

78.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal ħlas ta’ interessi tapplika għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni miċħuda b’mod żbaljat u għal sanzjonijiet pekunjarji imposti b’mod żbaljat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħal fil-Kawża C‑415/20. Hija tapplika wkoll għar-rimbors ta’ dazji antidumping miġbura fuq il-bażi ta’ fatti stabbiliti b’mod żbaljat, bħal fil-Kawża C‑419/20, u għar-rimbors ta’ dazji fuq l-importazzjoni miġbura b’mod żbaljat bħala riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, bħal fil-Kawża C‑427/20. F’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, l-għan tal-ħlas ta’ interessi huwa l-istess – li jiġi kopert it-telf ta’ valur tal-flus ikkawżat bil-mogħdija ta’ żmien mill-mument tal-intitolament għas-somom ta’ flus inkwistjoni sal-mument tal-ħlas tagħhom.

79.

Interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala limitata għal sitwazzjonijiet fejn miżura tal-Unjoni jew waħda nazzjonali tiġi annullata jew invalidata mill-Qorti tal-Ġustizzja timmina l-għan stess tal-ġurisprudenza, li huwa dak li jiżgura li, irrispettivament kif jinkiser id-dritt tal-Unjoni, hemm dritt għal ħlas ta’ interessi mogħti lil individwi sabiex tiġi rrestawrata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

2. Tagħmel differenza jkunux il-qrati nazzjonali jew il-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonstataw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni?

80.

Bħala punt relatat, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-irkupru ta’ somom miġbura indebitament għall-għanijiet ta’ dawn il-kawżi indirettament tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk huwiex importanti jekk ikunux il-qrati nazzjonali jew il-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonstataw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

81.

Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tiġi mwieġba fin-negattiv.

82.

Bħalma rrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet f’kawża jisiltu minn dan id-dritt ( 44 ). Dawn il-qrati għalhekk jissodisfaw, b’kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, funzjoni mogħtija lilhom b’mod konġunt, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati ( 45 ).

83.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-proċedura rregolata mill-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kooperazzjoni diretta li bħala parti minnha dawn tal-aħħar huma involuti mill-qrib fl-applikazzjoni korretta u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u anki fil-protezzjoni tad-drittijiet individwali mogħtija minnu. Għalhekk, il-funzjonijiet attribwiti, rispettivament, lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja huma essenzjali għaż‑żamma tan-natura stess tad-dritt stabbilit mit-Trattati ( 46 ).

84.

Isegwi minn dan li l-qrati nazzjonali għandhom rwol seminali, flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala qrati ta’ “dritt komuni” fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 47 ). Għaldaqstant, jekk qorti nazzjonali tistabbilixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, dan għandu l-istess valur daqs dak stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dritt għal rimbors ta’ somom miġbura indebitament u l-interessi korrispondenti mogħtija lil individwi skont id-dritt tal-Unjoni.

85.

Għandu jiġi nnotat li dan l-approċċ jidher li huwa rifless fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest. Fis-sentenza Wortmann ( 48 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fejn jiġu rrimborsati d-dazji fuq il-bażi li nġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, “ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika”, hemm obbligu fuq l-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni li jħallsu l-interessi korrispondenti.

86.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta fid-dritt għal ħlas ta’ interessi kemm jekk ikunu l-qrati nazzjonali jew il-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonstataw dan il-ksur.

C.   Limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq id-dritt għal ħlas ta’ interessi mid-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali

87.

Fit-tliet kawżi kollha, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-rikorrenti huma intitolati għal ħlas ta’ interessi għall-perijodu kollu li fihom kienu mċaħħda mis-somom ta’ flus kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni biss jekk jeżisti dritt għal ħlas skont id-dritt tal-Unjoni. Fit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, esprimejt il-fehma li d-dritt tal-Unjoni fil-fatt jintitola lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ interessi.

88.

Madankollu, huwa ċar mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, almenu fil-Kawżi C‑419/20 u C‑427/20, ir-rikorrenti kienu intitolati għal ħlas ta’ interessi skont id-dritt nazzjonali għall-perijodu mill-ftuħ tal-proċeduri ġudizzjarji sad-data tar-rimbors, filwaqt li fil-Kawża C‑415/20, ir-rikorrenti ma hijiex intitolata għal xi interessi skont id-dritt nazzjonali minħabba li ma ppreżentatx rikors li permezz tiegħu jintalbu l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni quddiem qorti.

89.

F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, huwa irrilevanti jekk id-dritt nazzjonali jagħtix lir-rikorrenti d-dritt għal ħlas ta’ interessi f’dawn il-kawżi, peress li dan id-dritt inħoloq direttament fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni li tqum bħala rilevanti għad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju ma hijiex jekk l-interessi jistgħux jingħataw fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu sal-ftuħ tal-proċeduri ġudizzjarji, iżda pjuttost, jekk ir-regoli tad-dritt nazzjonali jistgħux legalment jillimitaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal ħlas ta’ interessi ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan il-perijodu, jew jikkundizzjonawh bil-ħtieġa li jiġi ppreżentat rikors f’qorti.

90.

Bl-istess mod, tqum il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti jistgħux jiġu mċaħħda mill-ħlas ta’ interessi li kieku jkunu intitolati għalihom skont id-dritt tal-Unjoni fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

91.

Drittijiet li joriġinaw taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt għal ħlas ta’ interessi, jistgħu, f’ċerti kundizzjonijiet jiġu llimitati mid-dritt tal-Unjoni stess jew mid-dritt nazzjonali.

92.

B’mod ġenerali, sabiex tiġi aċċettata l-limitazzjoni tad-drittijiet tal-Unjoni, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, il-miżura li tillimita d-dritt tal-Unjoni għandha tkun iġġustifikata minn għan ta’ interess pubbliku li huwa aċċettabbli skont id-dritt tal-Unjoni u, it-tieni, din il-miżura għandha tkun proporzjonata fir-rigward ta’ dan l-għan.

93.

Huwa f’dak il-qafas li issa ndur sabiex neżamina żewġ miżuri ta’ limitazzjoni rilevanti għal dawn il-kawżi, l-ewwel, waħda ta’ dritt tal-Unjoni u, it-tieni, waħda ta’ dritt nazzjonali.

1. Limitazzjonijiet imposti mid-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni)

94.

Waħda mid-domandi li teħtieġ risposta f’dawn il-kawżi hija jekk l-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (li sejjer nagħmel riferiment għalihom flimkien bħala “il-Kodiċi Doganali”) japplikawx għaċ-ċirkustanzi tal-kawżi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

95.

Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rispettivament jillimitaw u jeskludu, suġġett għal ċerti kwalifikazzjonijiet, il-ħlas ta’ interessi fil-każ tar-rimbors ta’ dazji doganali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għaldaqstant dawn huma potenzjalment rilevanti fir-rigward tar-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑427/20, kif ukoll ir-rimbors ta’ dazji antidumping inkwistjoni fil-Kawża C‑419/20.

96.

Skont l-argumenti mressqa mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-regola li teskludi l-interessi inkluża fil-Kodiċi Doganali tapplika għaċ-ċirkustanzi tal-Kawżi C‑419/20 u C‑427/20, li huwa għaliex l-interessi ma humiex pagabbli f’dawn il-kawżi. Gräfendorfer, Reyher, Flexi Montagetechnik u l-Kummissjoni ma jaqblux. Huma jsostnu, billi jinvokaw is-sentenza Wortmann, li r-regola tal-Kodiċi Doganali li teskludi l-ħlas ta’ interessi ma tapplikax għaċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi.

97.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jibni l-argument tiegħu mill-pożizzjoni li r-regola tal-Kodiċi Doganali li teskludi l-ħlas ta’ interessi hija regola ġenerali. Huwa jagħmel riferiment għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wortmann bħala eċċezzjoni għal din ir-regola.

98.

Kuntrarjament għal din il-pożizzjoni, jiena tal-fehma li r-regola tal-Kodiċi Doganali inkwistjoni ma hijiex regola ġenerali, iżda pjuttost eċċezzjoni għar-regola ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-interessi huma pagabbli f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-rimbors ta’ somom imħallsa kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni. Preċiżament minħabba li r-regola ġenerali titlob il-ħlas ta’ interessi, kien neċessarju li tiġi eskluża b’regola espressa.

99.

Bħala limitazzjoni tar-regola ġenerali, ir-regola tal-Kodiċi Doganali għandha tkun iġġustifikata u proporzjonata għall-ġustifikazzjoni offruta. Mingħajr din il-ġustifikazzjoni, ir-regola tal-Kodiċi Doganali li teskludi l-interessi fil-każ ta’ rimbors tkun invalida ( 49 ).

100.

Is-sentenza Wortmann ( 50 ) offriet il-ġustifikazzjoni għar-regola tal-Kodiċi Doganali inkwistjoni ( 51 ), iżda llimitat, fl-istess ħin, l-applikazzjoni tagħha għal ċerti tipi ta’ sitwazzjonijiet biss. Jiena sejjer nispjega li dan kien neċessarju sabiex tiġi ssalvagwardjata l-legalità tar-regola tal-Kodiċi Doganali, u li, għall-istess raġuni, din ir-regola ma hijiex applikabbli għal dawn il-kawżi.

101.

Fis-sentenza Wortmann, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-linja ta’ raġunament imressqa mill-Avukat Ġenerali f’dik il-kawża, iddeċidiet li l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità tindika li tapplika għal “sitwazzjoni fejn, wara li l-awtorità doganali tkun irrilaxxat il-merkanzija kkonċernata, jirriżulta li l-kalkolu inizjali tad-dazji fuq l-importazzjoni jkollu jiġi rrivedut sabiex jitnaqqas u, għalhekk, id-dazji fuq l-importazzjoni kollha mħallsa minn operatur jew parti minnhom ikollhom jiġu rrimborsati lilu [jew lilha]” ( 52 ).

102.

Kif ġie spjegat mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona, “l-awtorità doganali ma tispezzjonax il-merkanzija qabel ma tirrilaxxaha, u huwa biss wara li twettaq kontroll tar-regolarità tal-importazzjonijiet. Jekk, f’dan iż-żmien sussegwenti jkollu jsir ħlas ġdid, jista’ jirriżulta minn dan kemm li l-importatur ikollu [jew ikollha] jħallas is-somom li sa dakinhar ikunu għadhom ma tħallsux (ħlas inizjali insuffiċjenti), kif ukoll li l-amministrazzjoni jkollha tirrimborsa l-ammont żejjed riċevut” ( 53 ). Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, il-Kodiċi Doganali jeskludi l-ħlas ta’ interessi ( 54 ).

103.

Għaldaqstant, il-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni tal-Kodiċi Doganali tar-regola ġenerali li tobbliga l-ħlas ta’ interessi tinsab fl-iffaċilitar tas-sistema ta’ sdoganament rapida u r-rilaxx ta’ malajr tal-prodotti fiċ-ċirkulazzjoni fis-suq ( 55 ).

104.

Sabiex din ir-regola tibqa’ proporzjonata għall-għan li hija maħsuba li tikseb, l-applikazzjoni tagħha għandha tkun illimitata għas-sitwazzjonijiet ta’ proċeduri ta’ sdoganament kif spjegat fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dawn huma s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità doganali jew operatur jeħtieġu l-aġġustament tad-dazji doganali hekk kif isir l-isdoganament oriġinali, u ż-żewġ partijiet jaċċettaw dan l-aġġustament. Jekk, madankollu, tqum tilwima, is-sitwazzjoni tkun taqa’ lil hinn mill-eċċezzjoni tal-Kodiċi Doganali li teskludi l-ħlas ta’ interessi.

105.

Din il-perspettiva hija kkonfermata fis-sentenza Wortmann, li skontha r-regola tal-Kodiċi Doganali li teskludi l-interessi ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn ir-rimbors ta’ dazji joriġina minn żbalji fil-kalkolu ta’ dazji li ma kinux dovuti għar-rapidità tas-sistema ta’ sdoganament. Għaldaqstant, ma tapplikax għall-ħlas ta’ interessi f’dan il-każ fir-rigward tar-rimbors ta’ dazji antidumping imposti fuq il-bażi ta’ regolament tal-Unjoni li kien ġie parzjalment annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

106.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li s-sentenza Wortmann eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola tal-Kodiċi Doganali biss każijiet fejn ir-rimbors iseħħ wara l-invalidazzjoni tal-bażi ġuridika għall-ħlas, li kienu ċ-ċirkustanzi li oriġinaw f’din is-sentenza.

107.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni ma tkunx konsistenti mal-ġustifikazzjoni għal din ir-regola kif offruta fis-sentenza Wortmann, jiġifieri dik li tiffaċilita s-sistema ta’ sdoganament rapida u li l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona sejjaħ “ċirkustanzi normali” ( 56 ). Sakemm sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt operazzjonijiet ta’ sdoganament “normali” jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola tal-Kodiċi Doganali, din ir-regola tirriskja li tiġi kkonstatata bħala invalida, talli ma hijiex proporzjonata mal-għan ġustifikatorju tagħha. Tali sitwazzjonijiet ma humiex biss dawk fejn ir-rimbors iseħħ wara l-invalidazzjoni tal-bażi ġuridika għall-ħlas.

108.

F’dawn il-kawżi, l-evalwazzjoni żbaljata tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma ġietx ikkoreġuta bi proċeduri “normali” ta’ sdoganament rapidi. L-aġġustament tad-dazji pjuttost kien ir-riżultat tal-implimentazzjoni ta’ sentenzi tal-qrati nazzjonali li kkonstataw li d-dazji nġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex koperti mill-eċċezzjoni prevista fil-Kodiċi Doganali.

109.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jeskludux l-ħlas ta’ interessi fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi u li dawn il-kawżi jaqgħu fi ħdan ir-regola ġenerali tad-dritt għall-ħlas ta’ interessi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Limitazzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali (regoli nazzjonali li jikkundizzjonaw id-dritt għal ħlas ta’ interessi mal-preżentata ta’ rikors fil-qorti u li jillimitaw il-ħlas ta’ interessi mill-mument li fih jitressaq dan ir-rikors)

110.

Il-qafas normali li fih tiġi evalwata l-analiżi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw ir-regoli ta’ rimedju tal-Unjoni huwa permezz tal-kunċett li għalih isir riferiment bħala awtonomija proċedurali nazzjonali. F’dawn il-konklużjonijiet, ma għandix l-intenzjoni li niddiskuti kemm huwa xieraq il-kunċett ta’ “awtonomija proċedurali nazzjonali” ( 57 ). Biżżejjed jingħad li dan il-kunċett jirrikonoxxi li huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw kwistjonijiet ta’ sustanza u proċedura rilevanti għall-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ rimedju tal-Unjoni. Din l-awtonomija proċedurali nazzjonali teżisti meta ma jkun hemm ebda regoli tal-Unjoni rilevanti. Madankollu, hija kkontrollata mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività ( 58 ).

111.

Regoli nazzjonali li jillimitaw l-effettività ta’ drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni jistgħu, madankollu, xorta jkunu ġġustifikati, sakemm isegwu għan leġittimu b’mod proporzjonat.

112.

Din ir-“regola proċedurali tar-raġuni”, kif semmewha l-iskulari ( 59 ) ġiet ifformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen ( 60 ) u Peterbroeck ( 61 ), u ġiet ikkonfermata f’ġurisprudenza sussegwenti. ( 62 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi eżaminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura, meqjusa globalment, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. Għaldaqstant, dispożizzjonijiet nazzjonali li jsegwu għan leġittimu, bħall-iżvolġiment korrett tal-proċedura jew ir-rispett tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża jew il-prinċipju taċ-ċertezza legali huma konsistenti mal-prinċipju ta’ effettività sa fejn jiżguraw dan l-għan leġittimu b’mod proporzjonat. Dan għandu jiġi vverifikat fil-kawża partikolari mill-qorti nazzjonali kkonċernata.

113.

Huwa fid-dawl ta’ dan il-qafas analitiku li għandhom jiġu evalwati r-regoli nazzjonali li jillimitaw id-dritt għal ħlas ta’ interessi f’din il-kawża.

114.

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-regoli nazzjonali applikabbli fit-tliet kawżi kollha jillimitaw id-data li minnha huma pagabbli l-interessi mill-mument li fih jitressqu l-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.

115.

Għandu jiġi nnotat mill-bidu li ma jidhirx li hemm xi indikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’dubju fir-rigward tal-konformità ta’ dawn ir-regoli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza ( 63 ).

116.

Madankollu, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, hemm, fil-fehma tiegħi, indikazzjonijiet b’saħħithom li r-regoli nazzjonali inkwistjoni ma humiex konsistenti ma’ dan il-prinċipju.

117.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 64 ), id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ fil-prinċipju l-ħlas ta’ interessi għall-perijodu kollu mid-data tal-ħlas jew in-nuqqas ta’ ħlas tas-somom imposti jew miżmuma bi ksur tad-dritt tal-Unjoni sad-data tar-rimbors jew il-ħlas tagħhom. Dan jiżgura kumpens xieraq għat-telf ikkawżat mill-indisponibbiltà tas-somom ikkonċernati.

118.

Għalhekk, fis-sentenza Irimie ( 65 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skema li tillimita l-interessi għal dawk li jiddekorru mill-jum ta’ wara d-data tat-talba għall-ħlas lura tat-taxxa miġbura indebitament ma tissodisfax il-prinċipju ta’ effettività. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fil-konklużjonijiet tiegħu f’Wortmann ( 66 ), l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona kkunsidra li l-istess japplika għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li hija inkwistjoni f’dawn il-kawżi.

119.

Jiena naqbel. Regoli nazzjonali li jillimitaw il-ħlas ta’ interessi biss mid-data ta’ meta jitressqu l-proċeduri quddiem il-qrati jċaħħdu lil persuni minn kumpens adegwat għall-perijodu kollu tat-telf sostnut mill-fatt li kienu mċaħħda mill-pussess ta’ somom miġbura indebitament, kif teħtieġ l-applikazzjoni effettiva tad-dritt għal ħlas ta’ interessi.

120.

Kif indikat minn Gräfendorfer, Reyher u Flexi Montagetechnik, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dawn il-kawżi, il-perijodu mill-ħlas tas-somom miġbura indebitament sal-preżentata tar-rikors quddiem il-qrati jista’ jdum diversi snin, meħuda inkunsiderazzjoni l-proċedura ta’ lment amministrattiv li tippreċedi l-preżentata ta’ rikors quddiem il-qrati. Għaldaqstant, ir-regoli nazzjonali applikabbli fit-tliet kawżi kollha ma narax li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività.

121.

Il-qorti tar-rinviju indikat element ieħor preżenti biss fil-Kawża C‑415/20 fir-rigward tal-ħlas ta’ interessi fuq il-ħlas tardiv ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. Skont din il-qorti, jidher li, skont id-dritt nazzjonali rilevanti ( 67 ), f’sitwazzjonijiet ta’ ħlas tardiv ta’ benefiċċji, l-interessi huma pagabbli mill-mument meta l-proċeduri jitressqu quddiem il-qrati li fihom operatur jitlob il-ħlas ta’ tali benefiċċji. Jekk, madankollu, il-ħlas tardiv jitwettaq mingħajr proċeduri ġudizzjarji, jiġifieri, jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeċiedu li jagħmlu l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, mela l-operatur ma jkollu dritt għal ebda interessi. Għaldaqstant, jekk l-operatur, bħalma kienet is-sitwazzjoni f’din il-kawża, ressaq ilment amministrattiv biss mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u stenna d-deċiżjoni f’kawża pilota, li warajha dawn l-awtoritajiet għamlu l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni iżda mingħajr interessi, dan l-operatur ma jkun intitolat għal ebda interessi.

122.

Tali regoli nazzjonali, fil-fehma tiegħi, ma jikkonformawx mal-prinċipju ta’ effettività. Isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt għal ħlas ta’ interessi jeżisti bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni u għalhekk irrispettivament mid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, operatur li ngħata l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni tardivament huwa intitolat għall-ħlas ta’ interessi. Li tali dritt jiġi magħmul dipendenti fuq il-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji jċaħħad lil persuni, bħar-rikorrenti fil-Kawża C‑415/20 li ma ressqux talba għal tali rimborsi quddiem il-qrati, mid-dritt li jgawdu fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni.

123.

Minkejja li r-regoli nazzjonali inkwistjoni, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, jillimitaw l-effettività tad-dritt i għall-ħlas ta’ interessi ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, dan ma jipprekludix li, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, tali regoli jistgħu jkunu permessi skont id-dritt tal-Unjoni. Dan huwa possibbli biss sakemm tali regoli jkunu proporzjonati fir-rigward ta’ interessi importanti tal-ordinament ġuridiku domestiku.

124.

Madankollu, f’dawn il-kawżi, ma ġiet prodotta ebda informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti evalwazzjoni dwar jekk ir-regoli nazzjonali li jillimitaw id-dritt għal ħlas ta’ interessi humiex iġġustifikati. Sa fejn huma kkonċernati r-regoli nazzjonali li jikkundizzjonaw id-dritt għal ħlas ta’ interessi bl-introduzzjoni ta’ rikors quddiem il-qrati, il-qorti tar-rinviju semmiet li tali regoli jistgħu jiġu spjegati bl-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li tappartjeni lill-operaturi, jiġifieri, li deċiżjoni li jiġi mistenni l-eżitu ta’ kawża pilota, minflok ma jitressqu proċeduri ġudizzjarji, tista’ tiġi kkunsidrata bħala eżerċizzju ta’ tali awtonomija li permezz tagħha l-operatur irrinunzja d-dritt tiegħu għal interessi. Jiena ma nistax nara l-għan pubbliku ta’ tali regoli. Pjuttost, u bil-maqlub, jidhirli li l-effett tagħhom huwa żieda mhux neċessarja ta’ proċeduri ġudizzjarji. Madankollu, fit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li t-tnejn li huma jaġixxu bħala qrati Ewropej (ara l-punti 82 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet), hija il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-ġustifikazzjonijiet u l-proporzjonalità tar-regoli nazzjonali inkwistjoni.

125.

Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni, billi jillimitaw il-ħlas ta’ interessi fuq ir-rimbors tas-somom miġbura indebitament jew imħallsa tardivament mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività.

126.

Il-konsegwenza li tirriżulta minn tali konstatazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni hija li l-qorti tar-rinviju tista’ tinterpreta dawn ir-regoli nazzjonali bil-mod li jissodisfa l-applikazzjoni effettiva tad-dritt għall-ħlas ta’ interessi, jew, jekk dan ikun impossibbli, ma tapplikahomx fil-kawżi inkwistjoni.

VI. Konklużjoni

127.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja)) bil-mod segwenti:

Kawża C‑415/20

(1)

L-obbligu impost fuq l-Istati Membri, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, li jħallsu lura, flimkien mal-interessi, id-dazji miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea japplika fejn ir-raġuni għall-ħlas lura ma tkunx deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, iżda l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ (sub)intestatura tan-Nomenklatura Magħquda.

(2)

Il-prinċipji li jirregolaw id-dritt għall-ħlas tal-interessi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha japplikaw għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tħallas, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

Kawża C‑419/20.

Il-ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, bħala kundizzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, tad-dritt għall-ħlas tal-interessi żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, jirriżulta meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimponu dazji skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea iżda qorti nazzjonali tikkonstata sussegwentement li l-kundizzjonijiet konkreti għall-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji ma humiex issodisfatti.

Kawża C‑427/20.

Il-ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, bħala kundizzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, tad-dritt għall-ħlas tal-interessi żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, jirriżulta meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimponu dazji bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea validi u meta dan il-ksur ikun ikkonstatat minn qorti nazzjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”).

( 3 ) ĠU 2008, L 145, p. 1.

( 4 ) ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”). Skont l-Artikoli 287 u 288 tiegħu, dan il-kodiċi daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Ottubru 2013 u japplika, apparti minn ċerti dispożizzjonijiet (mhux inkluż l-Artikolu 116 tiegħu), mill‑1 ta’ Mejju 2016.

( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal‑15 ta’ April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129). Dan ir-regolament ġie mħassar u ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 tas‑7 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2009, L 186, p. 1).

( 6 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2014 tal-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg), 4 K 18/12 u 4 K 264/11.

( 7 ) C‑323/10 sa C‑326/10, EU:C:2011:774. Din il-kawża kkonċernat l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 02071210 u 02071290 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjoni tal-esportazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 7, p. 325).

( 8 ) C‑365/15, EU:C:2017:19 (is-“sentenza Wortmann”).

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas‑26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1). Dan ir-regolament ġie mħassar mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278 tas‑26 ta’ Frar 2016 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24).

( 10 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188).

( 11 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Comet (45/76, EU:C:1976:191).

( 12 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, EU:C:1983:318).

( 13 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 1979, McCarren (177/78, EU:C:1979:164).

( 14 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 1999, Dilexport (C‑343/96, EU:C:1999:59).

( 15 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1997, Fantask et (C‑188/95, EU:C:1997:580).

( 16 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C‑397/98 u C‑410/98, EU:C:2001:134).

( 17 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:478).

( 18 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ April 2013, Irimie (C‑565/11, EU:C:2013:250), u tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Nicula (C‑331/13, EU:C:2014:2285).

( 19 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716).

( 20 ) Din il-ġurisprudenza bdiet bis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (C‑199/82, EU:C:1983:318, punt 12). Din ġiet ikkonfermata minn ġurisprudenza sussegwenti, bħas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C‑397/98 u C‑410/98, EU:C:2001:134, punt 84), jew iktar reċentement, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 26).

( 21 ) Jista’ anki jiġi sostnut li d-dritt għal rimbors kien l-ewwel rimedju bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni li ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala inerenti fis-sistema kif stabbilita mit-Trattati. Il-ġurisprudenza dwar id-dritt għar-rimborsar tippreċedi dik li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat rimedji oħra, bħad-dritt għal miżuri provviżorji (li beda bis-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257) jew id-dritt għad-danni (li beda bis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428)). Madankollu, id-dritt għal rimbors ma ġiex irrikonoxxut immedjatament bħala rimedju bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni minħabba li l-maġġoranza tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kienu jipprevedu xi forma ta’ rikors għar-restituzzjoni ta’ drittijiet imħallsa indebitament. Għaldaqstant, ma kienx immedjatament ċar li d-dritt tal-Unjoni jinkludi l-bażi ġuridika tiegħu stess għar-rimbors li ma tiddependix fuq id-dritt nazzjonali. Ara, f’dan ir-rigward, Dougan, M., “Cutting Your Losses in the Enforcement Deficit: A Community Right to the Recovery of Unlawfully Levied Charges?”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, 1998-1999, vol. 1, p. 233; Ćapeta, T., Sudovi Europske unije. Nacionalni sudovi kao europski sudovi (EU Courts. National Courts as European Courts), Institut za međunarodne odnose, IMO, Zagreb, 2002, p. 109 et seq.

( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 25), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 27).

( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 26), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 27).

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:9, punti 26 sa 30), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’Irimie (C‑565/11, EU:C:2012:803, punti 21 sa 29).

( 25 ) Ara, pereżempju, Gazin, F. “L’étendue du versement des sommes dues par les États en violation du droit de l’Union européenne: le beurre et l’argent du beurre au service de l’efficacité du droit”, Revue du marché commun et de l’Union européenne, 2013, Nru 571, p. 475; Schlote, M., “The San Giorgio ‘cause of action’”, British Tax Review, 2014, p. 103; van de Moosdijk, M., Unjust Enrichment in European Union Law, Kluwer, 2018, b’mod partikolari p. 68-83; Episcopo, F., “The Vicissitudes of Life at the Coalface: Remedies and Procedures for Enforcing Union Law before the National Courts”, f’Craig, P. u de Búrca, G. (edituri), The Evolution of EU Law, it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, 2021, p. 275, b’mod partikolari p. 290-291.

( 26 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et (C‑113/10, C-147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Zuckerfabrik Jülich”); tat‑18 ta’ April 2013, Irimie (C‑565/11, EU:C:2013:250); u tat‑18 ta’ Jannar 2017, Wortmann (C‑365/15, EU:C:2017:19).

( 27 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591).

( 28 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Irimie (C‑565/11, EU:C:2013:250).

( 29 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, Wortmann (C‑365/15, EU:C:2017:19).

( 30 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:478).

( 31 ) Pereżempju, fil-Kawża C‑419/20, Reyher indikat li hija ħallset is-somma ta’ EUR 774000 fl‑2013, filwaqt li ġiet irrimborsata biss fl‑2019.

( 32 ) Ara, pereżempju, Dougan, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet; Gazin, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Danfoss u Sauer-Danfoss (C‑94/10, EU:C:2011:674, punt 23).

( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 25), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 27).

( 35 ) Ara, f’dak ir-rigward, van de Moosdijk, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

( 36 ) C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2011:701, punti 125 sa 129.

( 37 ) C‑47/07 P, EU:C:2008:726, b’mod partikolari l-punti 44 sa 50.

( 38 ) C‑575/18 P, EU:C:2020:530, b’mod partikolari l-punti 81 sa 84. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:205, punti 120 sa 129), u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni u Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑593/15 P, C‑594/15 P u C‑599/15 P, EU:C:2017:441, punt 108).

( 39 ) F’dan ir-rigward, huwa utli li tissemma l-ġurisprudenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ arrikkiment indebitu. Din il-ġurisprudenza oriġinat f’ċirkustanzi li jinvolvu regoli nazzjonali li jillimitaw id-dritt ta’ rimbors ta’ somom imħallsa indebitament bi ksur tad-dritt tal-Unjoni fejn is-somom ġew mgħoddija lil negozjanti jew konsumaturi oħra. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 1980, Just (68/79, EU:C:1980:57, punti 2627). Din il-ġurisprudenza tikkonferma l-perspettiva proposta li d-dritt għall-ħlas ta’ interessi skont id-dritt tal-Unjoni huwa ġġustifikat bil-ħtieġa tal-prevenzjoni tat-tfaqqir kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni. Persuna li għaddiet somom miġbura indebitament lil ħaddieħor ma tkunx tfaqqret, li huwa għalfejn jista’ jiġi miċħud id-dritt ta’ din il-persuna għal rimbors bl-interessi skont id-dritt tal-Unjoni.

( 40 ) Ir-rimbors ta’ taxxi, dazji u drittijiet oħra ma huwiex l-unika sitwazzjoni fejn id-dritt tal-Unjoni jipprevedi l-ħlas ta’ interessi. Tali interessi huma, pereżempju, dovuti wkoll fil-kuntest ta’ talbiet għal danni li jirriżultaw mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 31).

( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Wortmann (C‑365/15, EU:C:2016:663, punt 66).

( 42 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:478).

( 43 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716).

( 44 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32), u tas‑16 ta’ Novembru 2021, WB et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 59).

( 45 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li Joħloq Sistema Unifikata ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim fil-Qasam tal-Privattivi) tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 69), u s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 33).

( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SatCen vs KF (C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 61), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 31).

( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li Joħloq Sistema Unifikata ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim fil-Qasam tal-Privattivi) tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 80).

( 48 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, Wortmann (C‑365/15, EU:C:2017:19, punt 38) (enfasi miżjuda minni).

( 49 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Wortmann (C‑365/15, EU:C:2016:663, punt 45), l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona offra bħala waħda mis-soluzzjonijiet possibbli f’din il-kawża l-konstatazzjoni tal-invalidità tad-dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali li teskludi l-ħlas ta’ interessi. Din ma kinitx is-soluzzjoni li huwa ssuġġerixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-dispożizzjoni inkwistjoni kellha ġustifikazzjoni aċċettabbli. Huwa xieraq li jiġi nnotat li l-validità ta’ din ir-regola ma ġietx iddubitata f’dawn il-kawżi.

( 50 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, Wortmann (C‑365/15, EU:C:2017:19, b’mod partikolari l-punti 24 sa 32).

( 51 ) L-istess ġustifikazzjoni ġiet sostnuta mill-Kummissjoni kemm fil-kawża Wortmann u fl-osservazzjonijiet tagħha f’dawn il-kawżi.

( 52 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, Wortmann (C‑365/15, EU:C:2017:19, punt 27).

( 53 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Wortmann (C‑365/15, EU:C:2016:663, punt 50).

( 54 ) Din is-simetrija, li teskludi l-obbligu għall-ħlas ta’ interessi għaż-żewġ awtoritajiet doganali, jekk id-dazji doganali jiġu aġġustati ’l isfel, u għall-operatur, jekk id-dazji doganali jiġu aġġustati ’l fuq, ġiet enfasizzata bħala element importanti għall-ġustifikazzjoni tar-regola inkwistjoni. Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, Wortmann (C‑365/15, EU:C:2017:19, punti 29 sa 31), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Wortmann (C‑365/15, EU:C:2016:663, punti 48 sa 52).

( 55 ) Jidhirli li ma hemm ebda raġuni għaliex il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Wortmann, li indirizzaw l-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ma għandhomx japplikaw għall-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Wortmann (C‑365/15, EU:C:2016:663, punt 51, nota ta’ qiegħ il-paġna 25).

( 56 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Wortmann (C‑365/15, EU:C:2016:663, punt 52).

( 57 ) Iżda ara, f’dan ir-rigward, Kakouris, C.N., “Do the Member States Possess Judicial Procedural ‘Autonomy’?”, Common Market Law Review, 1997, vol. 34, p. 1389; Bobek, M., “Why There is No Principle of ‘Procedural Autonomy’ of the Member States”, f’de Witte, B. and Micklitz, H.-W. (edituri), The European Court of Justice and the Autonomy of the Member States, Intersentia, 2012, p. 305; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:9, punti 23 sa 25).

( 58 ) Ara, fir-rigward tal-ħlas ta’ interessi, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail Ltd et (C‑591/10, EU:C:2012:478, punti 2728), u tat‑23 ta’ April 2020, Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C‑13/18 u C‑126/18, EU:C:2020:292, punt 37). Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja indikat f’dawn is-sentenzi, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprovdi għall-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitħallsu tali interessi sakemm ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħti mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività).

( 59 ) Ara, f’dan ir-rigward, Prechal, S., “Community Law in National Courts: The Lessons from Van Schijndel”, Common Market Law Review, 1998, vol. 35, p. 681, p. 690. Ara wkoll, pereżempju, Widdershoven, R., “National Procedural Autonomy and General EU Law Limits”, Review of European Administrative Law, 2019, vol. 12, p. 5; Episcopo, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441.

( 61 ) C‑312/93, EU:C:1995:437.

( 62 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland (C‑360/18, EU:C:2019:1124, punt 51), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 6364).

( 63 ) Kuntrarjament għall-argumenti mressqa minn Reyher fil-Kawża C‑419/20, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni ma narahomx li jittrattaw talbiet tad-dritt tal-Unjoni inqas favorevolment minn talbiet ibbażati fid-dritt nazzjonali; il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jsostnu fil-proċeduri prinċipali li l-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jeskludi l-ħlas ta’ interessi joriġina mill-possibbiltà ta’ limitazzjoni imposta fuq id-dritt għal ħlas ta’ interessi mid-dritt tal-Unjoni, u mhux mid-dritt nazzjonali.

( 64 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Irimie (C‑565/11, EU:C:2013:250, punti 2628). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Sole-Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági (C‑13/18 u C‑126/18, EU:C:2020:292, punt 43).

( 65 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Irimie (C‑565/11, EU:C:2013:250, punti 2729). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Nicula (C‑331/13, EU:C:2014:2285, punti 3738).

( 66 ) C‑365/15, EU:C:2016:663, punti 1469 sa 73.

( 67 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 236 tal-AO, moqri flimkien mal-Artikolu 14(2) tal-MOG.

Top