EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0349

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2021.
NB u AB vs Secretary of State for the Home Department.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Regoli relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2004/83/KE – Artikolu 12 – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA) – Kundizzjonijiet sabiex wieħed jinvoka ipso facto d-Direttiva 2004/83/KE – Waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA.
Kawża C-349/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:826

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )

Kawża C-349/20

NB,

AB

vs

Secretary of State for the Home Department,

intervenjent:

Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit)

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (United Kindgdom) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Standards minimi għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2004/83/KE – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) – Esklużjoni milli tkun refuġjat – Persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (l-UNRWA) – It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 – Kundizzjonijiet sabiex wieħed ikun intitolat ipso facto għall-benefiċċji tad-Direttiva 2004/83 – Waqfien tal-protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA – Evalwazzjoni, fuq bażi individwali, tal-fatturi rilevanti kollha – Evalwazzjoni tinkludi evalwazzjoni ex nunc – Artikolu 4 – Assenza ta’ rekwiżit ta’ kkawżar ta’ dannu jew ċaħda tal-assistenza b’mod intenzjonali mill-UNRWA jew mill-Istat li fih hija topera – Protezzjoni jew assistenza minn atturi tas-soċjetà ċivili li jaġixxu taħt l-awspiċi tal-UNRWA jew tal-Istat li fih hija topera”

I. Introduzzjoni

1.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 u l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 2 ).

2.

Ir-rinviju sar fi proċeduri bejn NB u AB, omm u l-iben minuri tagħha u s-Secretary of State for the Home Department (United Kingdom) (il-Ministru għall-Intern, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Ministru għall-Intern”). NB u AB huma persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana preċedentement residenti fil-Libanu u li huma rreġistrati bħala refuġjati fl-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (iktar ’il quddiem l-“UNRWA”). Daqs li kieku l-ħajja ma tefgħetx biżżejjed ostakoli fuq din il-familja, għandu jiġi nnotat li AB innifsu huwa b’diżabbiltà serja u għandu bżonnijiet mediċi u soċjali kumplessi ħafna.

3.

Il-proċeduri jikkonċernaw oġġezzjoni kontra d-deċiżjoni meħuda mill-Ministru għall-Intern li jinċaħdu l-applikazzjonijiet ta’ NB u AB għall-istatus ta’ refuġjat jew protezzjoni umanitarja. Minħabba li NB u AB huma persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li huma rreġistrati mal-UNRWA, huma eliġibbli li jirċievu protezzjoni u assistenza minn din l-aġenzija u għalhekk huma, bħala prinċipju, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, esklużi mill-istatus ta’ refuġjat skont il-kliem ta’ din id-direttiva sakemm tali protezzjoni jew assistenza tieqaf skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83.

4.

Il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju għaldaqstant tikkonċerna l-kwistjoni, inter alia, ta’ jekk kienx hemm waqfien tal-protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA fir-rigward ta’ AB fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. Fil-każ li tali protezzjoni jew assistenza tiġi kkonstatata li waqfet, AB jkun ipso facto intitolat għall-benefiċċji tad-Direttiva 2004/83 minħabba l-istatus tiegħu qua refuġjat Palestinjan mingħajr Stat mingħajr ma jkollu neċessarjament juri, pereżempju, biża’ raġonevoli li jiġi ppersegwitat fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva ( 3 ).

5.

Qabel ma jitqiesu d-domandi magħmula, huwa neċessarju, madankollu, li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

1. Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

6.

Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija kienet issupplimentata u emendata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

7.

L-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jintroduċi status legali eċċezzjonali għal ċerti gruppi ta’ persuni, huwa fformulat kif ġej:

“Din il-konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-persuni li attwalment qegħdin jirċievu protezzjoni jew assistenza minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma humiex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.

F’sitwazzjoni fejn din il-protezzjoni jew din l-assistenza tintemm għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma tiġi riżolta b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni konformement mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ikunu intitolati jibbenefikaw ipso jure [ipso facto] mir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2. L-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib

8.

L-UNRWA kienet stabbilita permezz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 302 (IV) tat-8 ta’ Diċembru 1949, li tikkonċerna l-assistenza lir-refuġjati Palestinjani. L-irwol tagħha huwa li sservi l-benessri u l-iżvilupp uman tar-refuġjati Palestinjani. Iż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA tkopri lil-Libanu, lis-Sirja, lill-Ġordan, lix-Xatt tal-Punent (inkluż Ġerusalem tal-Lvant) u l-Istrixxa ta’ Gaza. Il-mandat tal-UNRWA kien estiż sat-30 ta’ Ġunju 2023 mir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/74/83 fit-13 ta’ Diċembru 2019.

9.

Bħalissa l-UNRWA tikkostitwixxi l-uniku organu jew aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti (li ma huwiex il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti) li huwa indikat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

B.   Id-dritt tal-Unjoni – id-Direttiva 2004/83

10.

Il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/83 tiddikjara li l-Konvenzjoni ta’ Genève tipprovdi l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

11.

Kif jidher mill-premessa 10 tad-Direttiva 2004/83, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 6(1) TUE, din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti partikolarment mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). B’mod partikolari, id-direttiva tfittex li tiżgura, fuq il-bażi tal-Artikoli 1 u 18 tal-Karta, rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u għad-dritt għall-ażil tal-applikanti għall-ażil.

12.

Il-premessi 16 u 17 tad-Direttiva 2004/83 huma miktuba kif ġej:

“(16)

Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(17)

Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal kenn (asylum) bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.”

13.

Il-premessa 38 tad-Direttiva 2004/83 tiddikjara li “[b]i qbil ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, annessat mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit għarraf, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2002, ix-xewqa tiegħu li jieħu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

14.

L-Artikolu 11, li jinsab fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/83 (“Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”), huwa intitolat “Waqfien” u huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jieqaf milli jkun refuġjat jekk huwa jew hija:

[…]

(f)

billi hija persuna mingħajr stat bl-ebda nazzjonalita, huwa jew hija tista’, minħabba li ċ-ċirkostanzi li f’konnessjoni magħhom huwa jew hija ġie magħruf bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tirritorna lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel.

[…]”

15.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/83, li wkoll jinsab fil-Kapitolu III, u huwa intitolat “Esklużjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1(a) tiegħu – dispożizzjoni li tikkonsisti f’żewġ sentenzi li jirriflettu ż-żewġ subparagrafi tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève – kif ġej:

“1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat, jekk:

(a)

huwa jew hija jaqgħu fl-iskop ta’ l-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li għandha x’taqsam mal-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti oħra għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma’ l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-risoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ipso facto jiġu ntitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva.”

16.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/83, fil-Kapitolu IV (“Stat ta’ refuġjat”), huwa intitolat “L-għoti ta’ stat ta’ refuġjat”, u huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li jikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

17.

Id-Direttiva 2004/83 tħassret b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013 permezz tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 4 ). Madankollu, skont il-premessa 50 tad-direttiva tal-aħħar, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ma ħax sehem fl-adozzjoni ta’ din id-direttiva u ma huwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

18.

Id-Direttiva 2004/83 kompliet, madankollu, tapplika għar-Renju Unit minkejja l-fatt li hija kienet tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/95.

C.   Id-dritt nazzjonali

19.

Id-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt tar-Renju Unit li jittrasponu d-Direttiva 2004/83 jinstabu f’The Refugee or Person in Need of International Protection (Qualification) Regulations 2006 ( 5 ) (ir-Regolamenti (ta’ Kwalifika) tal-2006 dwar ir-Refuġjat jew Persuna fil-Bżonn ta’ Protezzjoni Internazzjonali), u l-Immigration Rules (ir-Regoli tal-Immigrazzjoni) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2006”) ( 6 ).

20.

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-2006, “refuġjat” tfisser persuna li taqa’ taħt l-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève u li għaliha l-Artikolu 7 ma japplikax. L-Artikolu 7(1) jipprevedi li “persuna ma hijiex refuġjata jekk hija taqa’ fil-portata tal-[Artikolu 1D, 1E jew 1F] tal-Konvenzjoni ta’ Genève”.

21.

L-Artikolu 339AA tar-Regoli tal-Immigrazzjoni għandu l-intestatura “Esklużjoni mill-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati”. Huwa jipprevedi li:

“Dan il-paragrafu japplika fejn il-Ministru għall-Intern huwa ssodisfatt li l-persuna kellha tkun jew hija eskluża milli tkun refuġjata skont l-Artikolu 7 tar-Regolamenti (ta’ Kwalifika) tal-2006 dwar ir-Refuġjat jew Persuna fil-Bżonn ta’ Protezzjoni Internazzjonali.

[…]”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

22.

NB, żewġha u erbgħa minn uliedha (inkluż binha AB) waslu fir-Renju Unit fil-11 ta’ Ottubru 2015. Il-ħames wild tagħhom, H, kien twieled sussegwentement fir-Renju Unit. Huma kollha refuġjati Palestinjani rreġistrati mal-UNRWA, minbarra H. Kienu qegħdin jgħixu fil-kamp ta’ refuġjati Al Bass, f’Sour, fil-Libanu ta’ Nofsinhar sakemm telqu mil-Libanu fl-2015.

23.

Kif diġà indikajt, AB huwa tifel b’diżabbiltà bi bżonnijiet severi u kumplessi. Huwa jsofri minn idroċefalu; paraliżi ċerebrali li taffettwa lit-torso, lis-saqajn u lill-id ix-xellugija tiegħu, li jfisser li ma jistax jimxi; skoljożi; diżabbiltajiet ta’ tagħlim severi; atrofija ottika u nystagmus fiż-żewġ għajnejn (huwa rreġistrat bħala batut fil-vista); attakki (seizures) intermittenti (li huma ttrattati b’medikazzjoni ta’ emerġenza); u inkontinenza doppja.

24.

NB u AB għamlu applikazzjoni għall-ażil fl-2019 fir-Renju Unit. Din l-applikazzjoni kienet irrifjutata mill-Ministru għall-Intern permezz ta’ deċiżjoni datata 3 ta’ Settembru 2019. NB u AB appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont il-qorti tar-rinviju, hija fehma komuni li r-riżultat tal-appell tagħhom idur prinċipalment fuq is-sitwazzjoni ta’ AB u jekk “jistax jintwera li r-raġuni għalfejn il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA waqfet kienet għal raġunijiet li ma humiex marbuta mar-rieda tiegħu”. Jekk dan huwa l-każ, sussegwentement NB u AB għandhom jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet inklussivi (“ipso facto”) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu ID tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(l)(a) tad-Direttiva 2004/83.

25.

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti. Il-qorti tar-rinviju indikat, madankollu, li hija ma għamlitx kostatazzjoni definittiva fir-rigward ta’ ħafna mill-fatti kruċjali fil-kawża adita biha fir-rigward tat-trattament ta’ NB u AB fil-Libanu. Hija minflok ikkunsidrat li kien iktar konvenjenti li l-kawża tkun l-ewwel iddifferita sabiex issir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Jidher mit-talba għal deċiżjoni preliminari li NB u AB jsostnu li huma jaqgħu fil-portata tal-kliem ta’ din il-klawżola inklussiva fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(l)(a) tad-Direttiva 2004/83 fuq il-bażi li t-tluq tagħhom mill-kamp Al Bass fil-Libanu kien iġġustifikat permezz ta’ raġunijiet oġġettivi li jmorru lil hinn mill-kontroll tagħhom u indipendentement mir-rieda tagħhom sa fejn “l-UNRWA ma tistax tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-mandat tagħha fir-rigward ta’ tfal b’diżabbiltà severa” u għaliex AB ffaċċja (u għadu jiffaċċja) “diskriminazzjoni severa” minħabba d-diżabbiltà tiegħu ( 7 ). Il-Ministru għall-Intern isostni li NB u AB ma jistgħux jirbħu fuq din il-bażi għaliex AB rċieva assistenza suffiċjenti bid-diżabbiltà tiegħu meta huwa għex fil-Libanu u kien jagħmel l-istess li kieku huwa kellu jiġi rritornat lejn dan l-Istat ( 8 ).

27.

B’żieda ma’ dan, NB u AB jsostnu li fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826), il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet miftuħa d-domanda dwar jekk diskriminazzjoni severa tistax tikkostitwixxi raġuni għalfejn dak li jkun ikun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-UNRWA. F’dan ir-rigward, huma jiddikjaraw li fil-Libanu tan-Nofsinhar, l-awtoritajiet Libaniżi jiddiskriminaw kontra Palestinjani mingħajr Stat f’diversi oqsma tal-ħajja, inkluż l-edukazzjoni, l-impjieg, is-servizzi soċjali u t-trattament ta’ min hu b’diżabbiltà.

28.

Il-pożizzjoni tal-Ministru għall-Intern hija b’mod wiesa’ simili għalkemm huwa ma jaċċettax li hemm diskriminazzjoni severa.

29.

Minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma pproċeditx sabiex tagħmel konstatazzjonijiet kemm fir-rigward taċ-ċirkustanzi ġenerali ta’ Palestinjani mingħajr Stat irreġistrati mal-UNRWA fil-Libanu tan-Nofsinhar jew, saħansitra, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ NB u AB, huwa madankollu nnota li “sussegwentement għar-riżenja tal-Prim Ministru Hariri f’Ottubru 2019 komplew isiru protesti tal-massa f’Tyre, Saida u Bejrut u s-sitwazzjoni ma hijiex stabbli. Il-Gvern Libaniż għamel tnaqqis sever fil-fondi għall-baġit tal-affarijiet soċjali fl-2019, u dan affettwa b’mod ħażin is-servizzi għan-nies b’diżabbiltà. F’Lulju tal-2019 il-Gvern Libaniż introduċa restrizzjonijiet fl-impjieg li ħallew impatt negattiv fuq iċ-ċittadini kollha li ma humiex Libaniżi inkluż ir-refuġjati Palestinjani rreġistrati mal-UNRWA”. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju qieset li kif inhuma l-affarijiet preżentement, NB u AB ma stabbilixxewx li l-familja ma kinitx tista’ għal raġunijiet validi taċċedi għal edukazzjoni suffiċjenti u assistenza minn NGOs bħall-Early Intervention Centre (Ċentru għal Intervent Bikri).

30.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hemm nuqqas ta’ kjarezza dwar jekk it-test fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 huwiex purament test storiku (jew ex tunc) li jinvolvi evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li ġiegħlu lill-persuna kkonċernata sabiex titlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA meta hija telqet jew jekk huwiex test li addizzjonalment jew alternattivament jinvolvi evalwazzjoni ex nunc.

31.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(l)(a) tad-Direttiva 2004/83 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu ID tal-Konvenzjoni ta’ Genève, huwa fil-verb tal-passat li jissuġġerixxi test purament storiku. Barra minn hekk, hemm numru ta’ siltiet fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C-364/11, EU:C:2012:826) li jużaw evalwazzjoni li tħares lura ( 9 ). Skont, madankollu, il-qorti tar-rinviju, huwa wkoll possibbli li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(l)(a) tad-Direttiva 2004/83 tinftiehem kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826) li tapplika test ex nunc. Barra minn hekk, “fir-rigward ta’ suġġett u skop, huwa possibbli li jiġi argumentat li l-fatt li ma jiġix applikat test ex nunc joħloq xaqq ta’ protezzjoni minħabba li jkun ifisser li persuni li jkunu telqu miż-żona ta’ operazzjoni volontarjament iżda preżentement jiffaċċjaw ċaħda ta’ protezzjoni jew assistenza ser jiffaċċjaw esklużjoni”.

32.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li huwa neċessarju li tfittex gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza tal-qafas territorjali bbażat fuq l-istat li fih l-UNRWA twettaq l-operazzjonijiet tagħha. Skont din il-qorti, jekk il-kwalità tal-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA hija inkwistjoni, dan jista’ jeħtieġ kunsiderazzjoni mhux biss tal-operazzjonijiet tal-UNRWA b’mod iżolat iżda wkoll kif hija tista’ topera fil-qafas usa’ tal-Istat ikkonċernat (f’dan il-każ, dan huwa fil-Libanu).

33.

B’żieda ma’ dan, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta meta tevalwa jekk protezzjoni u assistenza min-naħa tal-UNRWA waqfitx, u għalhekk jekk din il-protezzjoni u l-assistenza hijiex effettiva jew le, jistgħux jitqiesu l-funzjonijiet protettivi mwettqa mill-atturi tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, jekk il-funzjonijiet protettivi ta’ tali atturi tas-soċjetà ċivili huma rilevanti dwar jekk l-UNRWA bħala attriċi ta’ protezzjoni hijiex effettiva, huwa possibbli li l-qorti tar-rinviju tista’ tiddeċiedi li NB u AB ma jistgħux jirbħu billi juru li kien hemm jew ikun hemm twaqqif ta’ protezzjoni u assistenza għal raġunijiet oġġettivi. Mill-banda l-oħra, jekk l-irwol ta’ tali atturi kien irrilevanti għall-effettività tal-protezzjoni u assistenza tal-UNRWA, il-qorti tar-rinviju tista’ tikkonkludi sewwa li tali protezzjoni u assistenza, fil-każ ta’ NB u AB, ma humiex effettivi (speċjalment fid-dawl tal-fatt li s-sottomissjonijiet tal-Ministru għall-Intern kienu ċċentrati fuq l-eżistenza ta’ sorsi ta’ assistenza tal-NGO fil-kamp ta’ Al Bass).

34.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (United Kingdom) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Fl-evalwazzjoni dwar jekk kienx hemm waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva [2004/83] lil Palestinjan mingħajr Stat irregġistrat mal-UNRWA fir-rigward tal-assistenza pprovduta lil persuni b’diżabbiltà:

1)

L-evalwazzjoni hija purament eżerċizzju storiku fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi li jkunu ġiegħlu lil applikant jitlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA fil-mument li fih huwa telaq, jew hija wkoll evalwazzjoni ex nunc u prospettiva dwar jekk l-applikant jistax issa jibbenefika minn tali protezzjoni jew assistenza?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija li l-evalwazzjoni hija waħda prospettiva, huwa leġittimu li tiġi invokata b’analoġija l-klawżola ta’ waqfien fl-Artikolu 11, b’tali mod li jekk l-applikant ikun jista’ juri li kien hemm raġuni valida fil-passat li abbażi tagħha telaq miż-żona tal-UNRWA, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-Istat Membru sabiex juri li tali raġuni ma teżistix iktar?

3)

Sabiex ikun hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tluq ta’ tali persuna mill-kamp ta’ protezzjoni jew assistenza tal-UNRW[A], huwa neċessarju li jiġi stabbilit li l-UNRWA jew l-Istat li fih hija topera kkawża dannu jew ċaħad assistenza b’mod intenzjonali (permezz ta’ att jew omissjoni)?

4)

Huwa rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assistenza pprovduta lil tali persuni minn atturi tas-soċjetà ċivili bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.

Ir-Renju Unit ħarġet mill-Unjoni f’nofsillejl (CET) fil-31 ta’ Jannar 2020. Skont l-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq talbiet għal deċiżjoni preliminari ppreżentati mill-qrati u mit-tribunali tar-Renju Unit qabel ma spiċċa l-perijodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020 kif iddefinit fl-Artikolu 126 ta’ dan il-ftehim.

36.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 89 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kull sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser tingħata f’data futura ser ikollha saħħa li torbot fl-intier tagħha fir-Renju Unit u fuqu.

37.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari kienet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Lulju 2020. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tibqa’ kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)) hija marbuta bis-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

38.

Osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domandi magħmula mill-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)) kienu ppreżentati minn NB u AB, mill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit), li kien intervenjent fl-azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea.

39.

Fil-25 ta’ Mejju 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat mistoqsija lill-partijiet u persuni interessati oħra għall-finijiet tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li biha huma kienu mistiedna sabiex jistabbilixxu l-fehmiet tagħhom dwar l-effett, jekk hemm, tas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3) għall-finijiet tar-risposta, b’mod partikolari, għall-ewwel domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari. Tweġibiet għal din il-mistoqsija kienu ppreżentati minn NB u AB, mill-Ministru għall-Intern, mill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit) u mill-Kummissjoni. Fil-25 ta’ Mejju 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat ukoll mistoqsija lill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit) dwar l-obbligi legali tal-UNRWA fir-rigward tal-provvista ta’ assistenza lil tfal b’diżabbiltà u miżuri effettivament stabbiliti, partikolarment fil-Libanu ( 10 ). Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit) u NB u AB wieġbu din il-mistoqsija.

V. Analiżi

A.   Kummenti preliminari

40.

Għandu jiġi nnotat li filwaqt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi wkoll għat-talbiet magħmula minn NB u AB skont l-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 11 ) u l-Artikoli 3 u 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ( 12 ), il-qorti tar-rinviju kjarament tiddikjara li hija titlob interpretazzjoni biss tal-Artikolu 11 u l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. F’dan ir-rigward, u kif il-Kummissjoni korrettement tippuntwalizza, l-ebda domanda ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 7 tal-Karta jew tal-prinċipju ta’ non‑refoulement ma ġiet ippreżentata mill-qorti tar-rinviju. Kif il-Kummissjoni osservat barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma talbitx il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-severità tad-diffikultajiet iffaċċjati minn tifel b’diżabbiltà bħal AB tali li tkun tippermetti lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkonstata li dan il-wild huwa ipso facto intitolat għal status ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 minħabba l-waqfien ta’ protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA.

41.

Fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligi legali tal-UNRWA fir-rigward tal-provvista ta’ assistenza lil tfal b’diżabbiltà, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit) inkluda bħala anness ittra mill-UNRWA ( 13 ) li fiha din tal-aħħar indikat, inter alia, l-obbligi legali tagħha fir-rigward tal-provvista ta’ assistenza lil tfal refuġjati Palestinjani b’diżabbiltà u l-miżuri effettivament stabbiliti għal tfal b’diżabbiltà fil-Libanu. F’din l-ittra l-UNRWA ddikjarat li “hija għandha d-dmir sabiex taġixxi in bona fide sabiex tikkunsidra, bħala parti mill-proċess ta’ ppjanar tagħha, kif tagħmel progress meta tindirizza l-bżonnijiet, id-drittijiet u l-protezzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, inkluż it-tfal. Ma hijiex, madankollu, obbligata li tissodisfa kull element tal-mandat tagħha f’xi livell jew standard partikolari. Kif stabbilit iktar ’il fuq, il-limitu sa fejn l-UNRWA tista’ tipprovdi dawn is-servizzi huwa ddeterminat b’mod wiesa’ mill-ammont ta’ finanzjament li hija tirċievi” ( 14 ).

42.

Filwaqt li l-ebda domanda ma ġiet indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istandard speċifiku ta’ kura li għandu jiġi pprovdut lil tfal b’diżabbiltà bħal AB u minkejja li l-ebda domanda fir-rigward tal-Artikoli 4 u 7 tal-Karta ma ġiet speċifikament indirizzata mill-qorti tar-rinviju, dan ma jfissirx li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 ma għandux jiġi interpretat fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u, b’mod iktar importanti, l-Artikolu 1 tal-Karta, li jipprevedi li d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli.

43.

Jidher mill-premessi 16 u 17 tad-Direttiva 2004/83 li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sabiex jiġi ddeterminat min jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat u l-kontenut tagħhom kienu adottati sabiex jiggwidaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fuq il-bażi ta’ kunċetti u kriterji komuni. Id-Direttiva 2004/83 għandha, għal din ir-raġuni, tiġi interpretata fid-dawl tal-iskema u l-għan ġenerali tagħha, u b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève u t-trattati rilevanti l-oħrajn indikati fl-Artikolu 78(1) TFUE, anki jekk din il-konvenzjoni ma hijiex, bħala tali, parti mid-dritt tal-Unjoni. Kif jidher mill-premessa 10 tagħha, id-Direttiva 2004/83 għandha wkoll tiġi interpretata b’mod konsistenti mad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta ( 15 ).

44.

B’żieda ma’ dan, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 jikkorrispondi, fis-sustanza, mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, bir-riżultat li l-ġurisprudenza li tikkonċerna d-dispożizzjoni tal-aħħar hija rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ dik tal-ewwel ( 16 ).

B.   Fuq l-ewwel domanda

45.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika dwar liema punt(i) fiż-żmien huwa (huma) ta’ rilevanza temporali sabiex jiġi evalwat jekk applikanti bħal NB u AB humiex “ipso facto” intitolati għal status ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 minħabba l-waqfien ta’ protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA. Hija għalhekk tistaqsi jekk għandhomx jitqiesu biss iċ-ċirkustanzi tal-passat jew storiċi, jiġifieri, iċ-ċirkustanzi prevalenti fiż-żmien li fih applikanti bħal NB u AB effettivament telqu miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA fl-2015, jew jekk iċ-ċirkustanzi li jipprevalu bħalissa fil-Libanu għandhomx jitqiesu b’mod addizzjonali jew alternattiv ( 17 ). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk evalwazzjoni ex nunc għandhiex (ukoll) titwettaq ( 18 ).

46.

Il-qorti tar-rinviju ma indikatx jekk id-domanda tagħha hijiex diretta lejn l-istandard tal-evalwazzjoni applikabbli quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ( 19 ) u/jew l-istandard ta’ reviżjoni quddiem qorti jew tribunal bħall-qorti tar-rinviju nnifisha. Jiena nqis li minħabba li la l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u lanqas, fil-fatt, l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jagħmel xi distinzjoni fuq il-kwistjoni, l-istandard li jiena preżentement ser nindika huwa applikabbli fiż-żewġ okkażjonijiet ( 20 ).

47.

Għandu jiġi nnotat ukoll li d-domanda tidher li qed tiġi magħmula fid-dawl taċ-ċirkustanzi allegatament deterjoranti ffaċċjati minn Palestinjani mingħajr Stat irreġistrati mal-UNRWA fil-Libanu tan-Nofsinhar b’mod ġenerali u dawk iffaċċjati minn applikanti b’diżabbiltà b’mod partikolari. F’dan ir-rigward, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li tali ċirkustanzi setgħu tjiebu minn meta NB u AB telqu mil-Libanu. Jekk, barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi fil-Libanu marru għall-agħar sadanittant, dawn ikunu jidhru li huma ċirkustanzi indipendentement mill-kontroll u r-rieda ta’ NB u AB ( 21 ). Jiena nipproponi għalhekk li nirrispondi din id-domanda b’dan il-kuntest f’moħħi.

48.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 tipprevedi li ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat jekk “huwa jew hija jaqgħu fl-iskop ta’ l-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li għandha x’taqsam mal-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti oħra għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.”

49.

L-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li għalih l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 tirreferi, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni dawk il-persuni li “attwalment qegħdin jirċievu” protezzjoni jew assistenza minn xi organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma humiex il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti ( 22 ). L-Artikolu 1D jiddikjara b’mod ulterjuri li meta tali protezzjoni jew assistenza “tintemm għal kwalunkwe raġuni” ( 23 ), dawn il-persuni għandhom ikunu intitolati ipso facto sabiex jibbenefikaw mir-regoli ta’ din il-konvenzjoni ( 24 ). Dan essenzjalment jikkorrispondi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83.

50.

Il-frażi “attwalment qegħdin jirċievu” tirrappreżenta l-użu tal-verb fil-preżent kontinwu li, skont l-użu tal-Ingliż standard, jirreferi għal azzjonijiet li jew qegħdin iseħħu bħalissa (jiġifieri “huwa preżentement qiegħed jirċievi viżitatur minn barra l-pajjiż”) jew viċin tal-lum, kemm jekk fil-passat, fil-preżent jew fil-futur immedjat (jiġifieri “hija preżentement qiegħda tirċievi ħafna ittri ta’ awgurju”). Għalhekk huwa ċar li l-użu tal-verb fil-preżent kontinwu jaqbad il-passat immedjat kif ukoll avvenimenti tal-preżent.

51.

Madankollu, b’mod pjuttost indipendenti minn kull analiżi fina lingwistika jew grammatikali, huwa wkoll ċar, f’dan il-kuntest partikolari, li l-użu tal-verb fil-preżent kontinwu kien maħsub sabiex jaqbad kemm avvenimenti fil-passat immedjat kif ukoll avvenimenti fil-preżent, għalhekk jenfasizza l-leġittimità duwali kemm tal-approċċ ex tunc kif ukoll tal-approċċ ex nunc ( 25 ).

52.

Dak li huwa, fi kwalunkwe każ, deċiżiv, huwa jekk il-protezzjoni jew assistenza rilevanti effettivament waqfitx għal kwalunkwe raġuni ( 26 ). Filwaqt li l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève – u, fil-fatt, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 – ma jindikawx speċifikament liema mument huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-waqfien mill-awtoritajiet jew qrati nazzjonali kompetenti, l-użu tal-frażi “attwalment qegħdin jirċievu” ( 27 ) fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni u “waqfet” fit-tieni subparagrafu ( 28 ) kollha jiffavorixxu evalwazzjoni dinamika li tħares lejn is-sitwazzjoni fiż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA fil-mument tat-tluq tal-applikant ( 29 ) u b’mod addizzjonali teħtieġ evalwazzjoni ex nunc. Dan l-approċċ joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

53.

F’dan ir-rigward, huwa ċar mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 61, 63, 6465), li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sabiex jiġi ddeterminat jekk l-assistenza jew il-protezzjoni effettivament waqfitx fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, huwa għall-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti sabiex jivverifikaw jekk it-tluq tal-persuna kkonċernata jistax ikun iġġustifikat għal raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tagħha u li huma indipendenti mir-rieda tagħha li ġiegħluha titlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA inkwistjoni u għalhekk ma tkunx tista’ tibbenefika mill-protezzjoni jew assistenza mogħtija mill-UNRWA ( 30 ).

54.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li s-sitwazzjoni li tipprevali fit-territorju rilevanti fil-mument meta l-persuna inkwistjoni telqet kienet rilevanti ( 31 ). Il-mistoqsija tibqa’, madankollu, jekk il-fatti kollha neċessarji sabiex tagħmel evalwazzjoni attwali tal-każ li hija adita bih – b’mod partikolari, kull prova jew fatturi ġodda li setgħu rriżultaw minn meta applikanti bħal NB u AB telqu minn żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA – jistgħux/għandhomx ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew fl-aħħar mill-aħħar minn qorti jew tribunal fuq appell.

55.

Huwa ċar mis-sentenza reċenti tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punti 51 sa 67), li l-mistoqsija ta’ waqfien ta’ protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni fuq bażi individwali tal-provi jew fatturi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-mument tat-tluq tal-applikanti miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA u fil-mument li l-qorti jew it-tribunal jiddeċiedu fuq l-appell imressaq kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti status ta’ refuġjat. Għalhekk, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament tirreferi għall-mument tat-tluq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA u fil-punt 56 ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti huma obbligati jivverifikaw jekk persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana hijiex f’qagħda li tirċievi protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA ( 32 ).

56.

Filwaqt li l-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3) ikkonċernat l-ambitu ġeografiku tal-qasam taż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA iktar milli l-mument tal-waqfien ta’ protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA li għandu jiġi evalwat, jiena ma nara l-ebda raġuni valida sabiex nitlaq mill-approċċ adottat f’dik is-sentenza f’din il-kawża. Fil-fatt, li jiġi kkonstatat mod ieħor jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet u sentenzi li ma jikkorrispondux mar-realtà li tipprevali kkonfrontata mill-applikanti. Kif il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit) osserva, tali approċċ ikun artifiċjali.

57.

Huwa għalhekk għall-awtoritajiet u qrati jew tribunali nazzjonali kompetenti sabiex iwettqu evalwazzjoni fuq bażi individwali tal-fatturi rilevanti kollha sabiex jivverifikaw mhux biss jekk it-tluq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA ta’ applikanti għal status ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 jistax ikun iġġustifikat permezz ta’ raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tagħhom u indipendentement mir-rieda tagħhom (u għalhekk waqqafhom milli jirċievu protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA) iżda wkoll jekk humiex preżentement imwaqqfa milli jirċievu din il-protezzjoni jew l-assistenza minħabba s-sitwazzjoni li allegatament qiegħda tiddeterjora fiż-żona ta’ operazzjoni inkwistjoni għal raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tagħhom u indipendentement mir-rieda tagħhom.

58.

Fid-dawl ta’ dak li ġie stabbilit iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra li evalwazzjoni fuq bażi individwali tal-fatturi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni għandha titwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk kienx hemm waqfien ta’ protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. Dan jeħtieġ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li allegatament ġiegħlu lil applikant sabiex jitlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA meta huwa għamel hekk u wkoll evalwazzjoni ex nunc, prospettiva, dwar jekk l-applikant jistax, fil-preżent, igawdi minn tali protezzjoni jew assistenza.

C.   Fuq it-tieni domanda

59.

Permezz tat-tieni domanda tagħha – li hija rilevanti biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-domanda dwar jekk kienx hemm waqfien ta’ protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 teħtieġ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li allegatament ġiegħlu lil applikant sabiex jitlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA meta huwa għamel hekk u wkoll evalwazzjoni ex nunc, prospettiva, dwar jekk l-applikant jistax, fil-preżent, igawdi minn tali protezzjoni jew assistenza – il-qorti tar-rinviju titlob li jiġi vverifikat jekk l-oneru tal-prova jaqax fuq l-Istat Membru sabiex juri li r-raġuni għalfejn l-applikant telaq miż-żona tal-UNRWA ma għadhiex teżisti.

60.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex leġittimu li tistrieħ, permezz ta’ analoġija, fuq il-klawżola ta’ waqfien fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/83, sabiex fejn storikament l-applikant jista’ juri raġuni valida għalfejn huwa telaq miż-żona tal-UNRWA, l-oneru tal-prova sussegwentement jaqa’ fuq l-Istat Membru sabiex juri li tali raġuni ma għadhiex valida ( 33 ).

61.

Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 7677), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li persuna li hija ipso facto intitolata għall-benefiċċji tad-Direttiva 2004/83 għandha tippreżenta applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat li għandha tkun eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli. Meta jwettqu dan l-eżami, dawn l-awtoritajiet għandhom jivverifikaw mhux biss li l-applikant effettivament talab l-assistenza tal-UNRWA, u li din l-assistenza waqfet, iżda wkoll li l-applikant ma jaqax taħt raġuni jew oħra ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(b) jew (2) u (3) tad-direttiva. B’żieda ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 11(f) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tagħha, għandu jiġi interpretat li jfisser li l-persuna kkonċernata ma tibqax tkun refuġjata jekk tkun f’pożizzjoni li tmur lura fiż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA li fiha hija kellha r-residenza abitwali tagħha għaliex iċ-ċirkustanzi li minħabba fihom l-istatus ta’ refuġjat ġie rrikonoxxut lilha ma għadhomx jeżistu.

62.

Huwa, fi kwalunkwe każ, ċar mill-punt 71 ta’ din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rinunzja volontarja għall-assistenza tal-UNRWA ma setgħetx tirriżulta fl-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 (u, permezz ta’ estensjoni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève) bħala tali li tippermetti lil tali persuna sabiex titlob ipso facto status ta’ refuġjat. Dan kien għaliex l-Artikolu 1D ta’ din il-konvenzjoni kien maħsub sabiex jeskludi lill-persuni li kienu f’pożizzjoni li jgawdu mill-assistenza tal-UNRWA mill-benefiċċji tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Il-propożizzjoni bil-kontra – li hija, tal-inqas, impliċita f’dik is-sentenza – hija li persuni li ma għadhomx “għal kwalunkwe raġuni” jistgħu jgawdu mill-assistenza tal-UNRWA (i.e., f’ċirkustanzi li ma humiex ir-rinunzja volontarja) huma intitolati li jiġu ttrattati ipso facto bħala refuġjati għall-finijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

63.

Isegwi mis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 42), li fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/83 (u impliċitament l-Artikolu 11 tagħha) dwar il-waqfien ta’ status ta’ refuġjat, preċiżament jiġi preżunt li dan l-istatus diġà ngħata. Minħabba li l-applikanti NB u AB għandhom ma ngħatawx status ta’ refuġjati skont id-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2004/83 u l-possibbiltà li jingħataw dan l-istatus qiegħda preżentement tiġi evalwata, la l-Artikolu 11 u lanqas l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/83 ma huma rilevanti.

64.

Fir-rigward tan-natura tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ NB u AB għall-istatus ta’ refuġjat, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/83, li huwa intitolat “L-għoti ta’ stat ta’ refuġjat”, jipprevedi li “L-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li jikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III”. Għalhekk, sabiex wieħed ikun intitolat għall-istatus ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 – li tinstab fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva – evalwazzjoni ta’ fatti u ċirkustanzi għandha titwettaq skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva (li jinstab fil-Kapitolu II).

65.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri jistgħu jqisu li huwa d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fil-kooperazzjoni mal-applikant, huwa d-dmir tal-Istat Membru li jevalwa l-elementi rilevanti kollha tal-applikazzjoni ( 34 ).

66.

Hija ġurisprudenza stabbilita skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 li għalkemm huwa ġeneralment għall-applikant sabiex jissottometti l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni, il-fatt jibqa’ li huwa d-dmir tal-Istat Membru sabiex jikkoopera mal-applikant fl-istadju tad-determinazzjoni tal-elementi rilevanti ta’ dik l-applikazzjoni ( 35 ). Dan ir-rekwiżit li l-Istat Membru jikkoopera jfisser għalhekk, f’termini prattiċi, li jekk, tkun liema tkun ir-raġuni, l-elementi pprovduti mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, attwali jew rilevanti, huwa neċessarju li l-Istat Membru kkonċernat jikkoopera attivament mal-applikant, f’dak l-istadju tal-proċedura, sabiex jippermetti li jinġabru l-provi kollha li jistgħu jissostanzjaw l-applikazzjoni. Stat Membru jista’ jkun ukoll f’pożizzjoni aħjar mill-applikant sabiex jikseb aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti ( 36 ).

67.

Fil-fatt, applikanti bħal NB u AB jistgħu biss ikunu meħtieġa skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 li jipproduċu provi li huma raġonevolment disponibbli għalihom. Għalhekk, jista’ jkun hemm informazzjoni, data, dokumentazzjoni, eċċ. li tirrigwarda b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi li jipprevalu mit-tluq tagħhom miż-żona ta’ protezzjoni tal-UNRWA li huma ma jistgħux raġonevolment jaċċedu għalihom jew jipproduċuhom. F’tali okkażjonijiet, huwa d-dmir tal-Istat Membru inkwistjoni li jikkoopera attivament mal-applikanti sabiex jikseb u jevalwa tali informazzjoni, data, dokumentazzjoni, eċċ. attwali, dwar is-sitwazzjoni hemmhekk.

68.

Jiena għalhekk nikkunsidra li evalwazzjoni dwar jekk applikant huwiex intitolat għal status ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 għandha titwettaq skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-ġurisprudenza dwarha. Filwaqt li ġeneralment huwa għall-applikant sabiex jissottometti l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni, huwa d-dmir tal-Istat Membru sabiex jikkoopera mal-applikant fl-istadju tad-determinazzjoni tal-elementi rilevanti ta’ din l-applikazzjoni. Jekk, tkun liema tkun ir-raġuni, l-elementi pprovduti minn applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkunux kompleti, attwali jew rilevanti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera attivament mal-applikant, f’dak l-istadju tal-proċedura, sabiex l-elementi kollha meħtieġa li jissostanzjaw l-applikazzjoni jkunu jistgħu jinġabru.

D.   Fuq it-tielet domanda

69.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob li tivverifika essenzjalment jekk sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikanti li qegħdin jitolbu status ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 humiex imġiegħla li jitilqu miż-żona ta’ protezzjoni tal-UNRWA, huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-UNRWA jew l-Istat li fih hija topera kkawża dannu jew ċaħad assistenza b’mod intenzjonali (permezz ta’ att jew omissjoni), f’dan il-każ, il-Libanu.

70.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, M'Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452) u tal-24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (C‑353/16, EU:C:2018:276), fejn it-tnejn li huma jikkonċernaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal protezzjoni sussidjarja u l-kunċett ta’ perikolu serju skont l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 fir-rigward ta’ persuni morda serjament. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet skont l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 li, persuna tista’ tinvoka n-nuqqas ta’ trattament jew faċilitajiet mediċi adattati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha sabiex tistabbilixxi perikolu serju biss fejn din il-persuna hija mċaħħda b’mod intenzjonali mill-kura tas-saħħa. Defiċjenzi ġenerali jew nuqqasijiet żgħar ma humiex biżżejjed.

71.

Jiena nikkunsidra bħala kwistjoni preliminari li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 – li tikkonċerna ċ-ċirkustanzi tassew speċifiċi li fihom il-persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève jistgħu jingħataw status ta’ refuġjat skont din id-direttiva - ma hijiex relatata maċ-ċirkustanzi li fihom protezzjoni sussidjarja tista’ tingħata skont l-Artikolu 15(b) ta’ din id-direttiva.

72.

Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, it-tielet domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv peress li interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 li tkun teħtieġ l-ikkawżar ta’ dannu jew ċaħda tal-assistenza b’mod intenzjonali mill-UNRWA jew mill-Istat li fih hija topera tkun contra legem, għaliex din tmur kontra l-kliem ċar u imperattiv ta’ dik id-dispożizzjoni u, fil-fatt, dak tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Iż-żewġ dispożizzjonijiet b’mod inekwivoku jipprevedu li meta protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA tintemm għal kwalunkwe raġuni, il-persuni inkwistjoni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-direttiva u konvenzjoni.

73.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 65), ikkonfermat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza mill-UNRWA “għal kwalunkwe raġuni” jinkludi s-sitwazzjoni li fiha persuna li, wara li tkun gawdiet minn tali protezzjoni jew assistenza, tieqaf tirċeviha għal raġuni li ma hijiex fil-kontroll tagħha u indipendentement mir-rieda tagħha. Kif il-Kummissjoni korrettement tosserva, ma hemm l-ebda rekwiżit li l-UNRWA jew, fil-fatt, l-Istat li fih l-UNRWA topera ( 37 ), jaġixxu b’mod intenzjonali jew b’mod diskriminatorju. Kulma huwa meħtieġ huwa li l-persuni waqfu milli jiksbu assistenza jew protezzjoni mill-UNRWA għal raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tagħhom u indipendentement mir-rieda tagħhom ( 38 ).

74.

Li kieku kien stabbilit li l-UNRWA jew l-Istat li fih hija topera kkawża dannu jew ċaħad lil persuni mill-assistenza jew protezzjoni b’mod intenzjonali (permezz ta’ att jew omissjoni), tali prova tkun naturalment partikolarment pertinenti. Ma huwiex, madankollu, neċessarju li tintwera intenzjoni ta’ din in-natura għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 67), il-fatturi rilevanti kollha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

75.

Jiena għalhekk nikkunsidra li sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikanti li qegħdin jitolbu l-istatus ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 humiex imġiegħla li jitilqu miż-żona ta’ protezzjoni tal-UNRWA, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-UNRWA jew l-Istat li fih hija topera kkawża dannu jew ċaħad assistenza b’mod intenzjonali (permezz ta’ att jew omissjoni). Minflok, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 65), dawn l-applikanti waqfu milli jiksbu assistenza jew protezzjoni mill-UNRWA għal raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tagħhom u indipendentement mir-rieda tagħhom. Barra minn hekk, tali assistenza jew protezzjoni għandha tkun effettiva.

E.   Fuq ir-raba’ domanda

76.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk assistenza pprovduta lil persuni bħall-applikanti minn atturi tas-soċjetà ċivili bħal NGOs hijiex rilevanti għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. F’dan il-kuntest l-irwol tal-Istat li fih l-UNRWA topera għandu wkoll jiġi eżaminat.

77.

Huwa ċar mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li kemm l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 preżentement jipprevedu biss attur uniku ta’ protezzjoni jew assistenza, jiġifieri l-UNRWA ( 39 ).

78.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 japplika meta jirriżulta ċar, skont evalwazzjoni, imwettqa fuq bażi individwali, tal-provi rilevanti kollha, li s-sigurtà personali tal-persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana kkonċernata tinstab f’riskju serju u li, minkejja talba minn dik il-persuna, huwa impossibbli għall-UNRWA sabiex tiżguralha kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni tagħha, u li l-persuna inkwistjoni hija għaldaqstant mġiegħla titlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA minħabba ċirkustanzi indipendenti mill-kontroll tagħha ( 40 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li protezzjoni jew assistenza effettiva tal-UNRWA f’żona koperta mill-mandat ta’ din l-aġenzija għandha tippermetti lill-persuna inkwistjoni sabiex tirrisjedi hemmhekk f’sigurtà, f’“kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi” ( 41 ).

79.

Filwaqt li l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirreferu biss, essenzjalment, għall-protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA, jiena nikkunsidra li l-irwol tal-Istat li fih l-UNRWA topera ma jistax jiġi injorat f’dan il-kuntest. Huwa ċar li l-UNRWA ma toperax f’vacuum u l-Istat inkwistjoni għandu rwol determinanti sabiex jippermetti lill-UNRWA sabiex tissodisfa l-mandat tagħha b’mod effettiv u sabiex tiżgura li l-persuni inkwistjoni jgħixu f’kundizzjonijiet dinjitużi ( 42 ). Dan ifisser li kemm l-impatt pożittiv kif ukoll dak negattiv tal-azzjonijiet ta’ dak l-Istat u l-kundizzjonijiet ġenerali tas-sigurtà u tal-għixien ta’ refuġjati Palestinjani, bħall-applikanti, li jirrisjedu fil-Libanu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti mwettqa skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83.

80.

Għalhekk, pereżempju, fejn refuġjati Palestinjani għandhom intitolament legali effettiv sabiex jaċċedu, fuq bażi durabbli, għall-edukazzjoni u l-kura medika pprovduti mill-Istat inkwistjoni, jiena nikkunsidra li din is-sitwazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. Ikun naturalment artifiċjali jekk wieħed jiffoka esklużivament fuq il-protezzjoni jew assistenza pprovduta mill-UNRWA, għaliex l-adegwatezza tal-portata tal-protezzjoni jew assistenza prattika tiddependi fuq il-kuntest li fih din l-aġenzija topera.

81.

F’dan ir-rigward, jidher, madankollu, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (u suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju) li refuġjati Palestinjani fil-Libanu jiffaċċjaw restrizzjonijiet legali jew restrizzjonijiet oħrajn de facto sabiex jaċċedu għal servizzi tal-Istat, bħal trattament mediku u edukazzjoni. Jekk dan jiġi fil-fatt ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju li huwa l-każ, sussegwentement f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jkunx realistiku li jiġi preżunt li kull defiċjenza allegata fl-ambitu ta’ tali protezzjoni jew assistenza ma jkollhiex impatt ikbar fuq refuġjati Palestinjani milli fuq il-bqija tal-popolazzjoni.

82.

Barra minn hekk, jiena nikkunsidra li (kif diġà indikajt) fejn il-missjoni tal-UNRWA hija mwaqqfa jew mhedda minħabba s-sitwazzjoni politika u ekonomika deterjoranti fl-Istat inkwistjoni pjuttost milli permezz ta’ azzjoni diretta tal-Istat, tali ċirkustanzi huma wkoll rilevanti ħafna fir-rigward ta’ kull evalwazzjoni dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 hijiex applikabbli.

83.

B’żieda ma’ dan, l-irwol importanti tal-atturi tas-soċjetà ċivili bħall-NGOs ( 43 ) f’dan il-kuntest ma jistax jiġi injorat. Għalhekk, pereżempju, fejn l-NGOs jaġixxu taħt l-awspiċi tal-UNRWA jew huma subappaltati legalment mill-UNRWA sabiex jipprovdu protezzjoni jew assistenza f’isimha, tali azzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-effikaċja tal-protezzjoni jew l-assistenza pprovduta mill-UNRWA. F’tali ċirkustanzi, l-NGOs jaġixxu għall-finijiet kollha bħala aġenti tal-UNRWA.

84.

Barra minn hekk, nikkunsidra li l-assistenza pprovduta minn NGOs li jaġixxu taħt l-awspiċi tal-Istat li fih l-UNRWA topera fejn tali assistenza hija subappaltata legalment minn dak l-Istat għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, sakemm – u dan huwa proviso kritiku – refuġjati Palestinjani għandhom dritt legali sabiex jaċċedu għall-protezzjoni jew għall-assistenza pprovduta mill-NGOs inkwistjoni u tali protezzjoni jew assistenza hija effettiva u durabbli. Sempliċi protezzjoni ad hoc jew assistenza temporanja ma hijiex ser tkun suffiċjenti.

85.

Kull assistenza oħra pprovduta lil persuni bħall-applikanti mill-NGOs li jew ma humiex qed jaħdmu taħt l-awspiċi tal-UNRWA/l-Istat li fih l-UNRWA topera jew li ma humiex subappaltati legalment mill-UNRWA/l-Istat li fih l-UNRWA topera sabiex jipprovdu protezzjoni jew assistenza f’isimhom ma hijiex rilevanti għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, għaliex l-aċċessibbiltà, l-effettività u d-durabbiltà ta’ tali assistenza ma jistgħux jiġu ggarantiti jew, fil-fatt evalwati b’mod validu. Tali assistenza – filwaqt li mingħajr dubju hija ta’ valur – hija min-natura tagħha stess instabbli u prekarja. Bħala tali, ma tistax tiddetermina d-drittijiet legali ta’ persuna skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83.

86.

Għalhekk jiena nikkunsidra li l-protezzjoni jew l-assistenza pprovduta lil refuġjati Palestinjani minn atturi tas-soċjetà ċivili bħal NGOs hija rilevanti għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 fejn huma jaġixxu taħt l-awspiċi tal-UNRWA jew huma subappaltati legalment mill-UNRWA sabiex jipprovdu protezzjoni jew assistenza f’isimha. Protezzjoni jew assistenza pprovduta lil refuġjati Palestinjani minn atturi tas-soċjetà ċivili fejn huma jaġixxu taħt l-awspiċi tal-Istat li fih l-UNRWA topera jew huma subappaltati legalment minn dan l-Istat sabiex jipprovdu protezzjoni jew assistenza f’ismu hija wkoll rilevanti għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, sakemm ir-refuġjati inkwistjoni għandhom dritt legali sabiex jaċċedu għall-protezzjoni jew għall-assistenza pprovduta minn dawn l-atturi bħall-NGOs u tali protezzjoni jew assistenza hija effettiva u durabbli. Mill-banda l-oħra, sempliċi protezzjoni ad hoc jew temporanja jew assistenza ta’ karità ma hijiex ser tkun suffiċjenti. Kull assistenza oħra pprovduta minn atturi tas-soċjetà ċivili ma hijiex suffiċjenti għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, għaliex l-aċċessibbiltà, l-effettività u d-durabbiltà ta’ tali assistenza ma jistgħux jiġu ggarantiti jew, tabilħaqq, evalwati b’mod validu.

VI. Konklużjoni

87.

Jiena għaldaqstant nipproponi li d-domandi magħmula mill-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber)(United Kingdom) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit) għandhom jingħataw risposta kif ġej:

(1)

Evalwazzjoni fuq bażi individwali tal-fatturi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni għandha titwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk kienx hemm waqfien tal-protezzjoni jew assistenza mill-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija. Dan jeħtieġ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li allegatament ġiegħlu lil applikant sabiex jitlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA meta huwa għamel hekk u wkoll evalwazzjoni ex nunc, prospettiva, dwar jekk l-applikant jistax, fil-preżent, igawdi minn tali protezzjoni jew assistenza.

(2)

Evalwazzjoni dwar jekk applikant huwiex intitolat għal status ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 għandha titwettaq skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-ġurisprudenza dwarha. Filwaqt li ġeneralment huwa l-applikant sabiex jissottometti l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni, huwa d-dmir tal-Istat Membru sabiex jikkoopera mal-applikant fl-istadju tad-determinazzjoni tal-elementi rilevanti għal din l-applikazzjoni. Jekk, tkun liema tkun ir-raġuni, l-elementi pprovduti minn applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, attwali jew rilevanti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera attivament mal-applikant, fl-istadju tal-proċedura, sabiex l-elementi kollha meħtieġa li jissostanzjaw l-applikazzjoni jkunu jistgħu jinġabru.

(3)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikanti li qegħdin jitolbu status ta’ refuġjat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 humiex imġiegħla li jitilqu miż-żona ta’ protezzjoni tal-UNRWA, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-UNRWA jew l-Istat li fih hija topera kkawża dannu jew ċaħad assistenza b’mod intenzjonali (permezz ta’ att jew omissjoni). Minflok, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dawn l-applikanti waqfux jiksbu assistenza jew protezzjoni mill-UNRWA għal raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tagħhom u indipendentement mir-rieda tagħhom. Barra minn hekk, tali assistenza jew protezzjoni għandha tkun effettiva.

(4)

Protezzjoni jew assistenza pprovduta lil refuġjati Palestinjani minn atturi tas-soċjetà ċivili bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) hija rilevanti għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 meta huma jaġixxu taħt l-awspiċi tal-UNRWA jew huma subappaltati legalment mill-UNRWA sabiex jipprovdu protezzjoni jew assistenza f’isimha. Protezzjoni jew assistenza pprovduta lil refuġjati Palestinjani minn atturi tas-soċjetà ċivili fejn huma jaġixxu taħt l-awspiċi tal-Istat li fih l-UNRWA topera jew huma subappaltati legalment minn dan l-Istat sabiex jipprovdu protezzjoni jew assistenza f’ismu hija wkoll rilevanti għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 sakemm ir-refuġjati inkwistjoni għandhom dritt legali sabiex jaċċedu għall-protezzjoni jew assistenza pprovduta minn dawn l-atturi bħall-NGOs u tali protezzjoni jew assistenza hija effettiva u durabbli. Mill-banda l-oħra, sempliċi protezzjoni ad hoc jew temporanja jew assistenza ta’ karità ma hijiex ser tkun suffiċjenti. Kull assistenza oħra minn atturi tas-soċjetà ċivili ma hijiex rilevanti għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, għaliex l-aċċessibbiltà, l-effettività u d-durabbiltà ta’ tali assistenza ma jistgħux jiġu ggarantiti jew tabilħaqq evalwati b’mod validu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.

( 3 ) Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-punt 81 tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil jkunu stabbilixxew li l-kundizzjoni relatata mal-waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA hija sodisfatta fir-rigward tal-applikant, il-fatt li dak li jkun jista’ ipso facto“jiġ[i] ntitolat għall-benefiċċji ta[d]-direttiva” jimplika li dan l-Istat Membru għandu jirrikonoxxih bħala refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-direttiva u din il-persuna għandha awtomatikament tingħata istatus ta’ refuġjat, madankollu sa fejn din tal-aħħar ma taqax taħt l-Artikolu 12(1)(b) jew (2) jew (3) tad-direttiva. Fil-punt 101 tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 għandha effett dirett. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom, refuġjati Palestinjani għalhekk jibbenefikaw minn trattament speċjali u sui generis skont l-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara l-kwotazzjoni sħiħa fir-rigward ta’ din il-konvenzjoni fil-punt 6 ta’ dawn il-Konklużjonijiet) u l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 80).

( 4 ) ĠU 2011, L 337, p. 9.

( 5 ) Strument Statutorju tar-Renju Unit 2006/2525.

( 6 ) HC 395 (kif emendat).

( 7 ) NB u AB jsostnu b’mod partikolari quddiem il-qorti tar-rinviju li: “fil-Libanu AB kien immobbli u kkonfinat fid-dar ħafna mill-ħin u suġġett għal abbuż mill-komunità li tiċċirkondah, li għalih huwa rreaġixxa billi jgħajjat u jwerżaq. Huwa ma setax jimxi jew jimxi mbeqq u kien jistabat meta jpoġġi. In-nuqqas ta’ sostenn speċjalizzat f’ħajtu fil-Libanu kien ser ikollu konsegwenzi għal ħajtu kollha. Madankollu, minn meta ssetilja fl-iskola tar-Renju Unit (skola sekondarja f’Bolton għal studenti b’diżabbiltajiet ta’ tagħlim severi u profondi bl-etajiet ta’ 11-19-il sena), huwa tjieb b’mod drammatikali. B’żieda mat-tagħlim skolastiku tiegħu, huwa għandu network ta’ sostenn ta’ ħafna aġenziji li jinkludi konsulent kirurgu ortopediku, konsulent kirurgu tal-ispina, konsulent newrologu pedjatriku, newro-kirurgu, psikoterapista pedjatriku, konsulent pedjatra u terapista tat-taħdit u tal-lingwa, fost oħrajn. Huwa għadu inkontinenti doppjament. Li kieku l-familja kien ikollha tirritorna, AB jmur lura u kien probabbli li l-attakki tiegħu jerġgħu jibdew. Il-familja kollha kienet sofriet fil-Libanu minħabba d-diffikultajiet tal-iżvilupp ta’ AB, fejn ħutu jiffaċċjaw abbuż, diskriminazzjoni u redikolaġni mill-ħbieb u mill-ġirien. L-atmosfera tal-familja kienet imdejqa u dipressanti. L-atmosfera fi ħdan il-familja kienet waħda tad-dwejjaq u ta’ depressjoni. Li kieku kien ikollhom jirritornaw, is-saħħa mentali tal-familja kollha tiddeterjora. […] [NB] sofriet minn dipressjoni fil-Libanu u dan sussegwentement ħalla impatt fuq żewġha u uliedha. Preżentement hija tjiebet u hija ħafna iktar kuntenta, għalkemm għadha fuq medikazzjoni għad-dipressjoni. Dan tejjeb ukoll is-saħħa mentali ta’ żewġha. It-tfal l-oħra għandhom livell sinjifikattiv ta’ vulnerabbiltà emozzjonali bħala riżultat tal-istorja familjari marbuta mal-kundizzjoni ta’ AB, iżda issa, fl-ambjent ġdid tagħhom, iħossuhom pożittivi dwar AB iktar milli jistħu minnu”.

( 8 ) Il-Ministru għall-Intern isostni quddiem il-qorti tar-rinviju li NB u żewġha kienu jafu dwar l-organizzazzjoni mhux governattiva (NGO), Early Intervention Centre, li topera fil-kamp ta’ Al Bass li tipprovdi assistenza lil tfal b’diżabbiltajiet u li huma ma pprovdew l-ebda prova dokumentarja li dan iċ-ċentru kien iddikjara li huwa ma setax jgħin.

( 9 ) Ara punti 65 b’mod partikolari u 61, 63 u 64.

( 10 ) Għall-finijiet tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-partijiet u persuni interessati oħrajn kienu wkoll awtorizzati sabiex iwieġbu għal din il-mistoqsija jekk huma xtaqu hekk.

( 11 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprevedi li l-kelma “refuġjat” għandha tapplika għal kull persuna li “minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tagħha, mar-reliġjon tagħha, man-nazzjonalità tagħha, mal-appartenenza tagħha fi grupp soċjali partikolari jew mal-opinjoni politika tagħha, tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, minħabba li tkun persuna apolidi u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn kellha r-residenza abitwali tagħha [...] ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tmur lura fih” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 12 ) Dwar il-projbizzjoni tat-tortura u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja.

( 13 ) L-ittra kienet ipprovduta mill-UNRWA fuq talba tal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit) fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri kurrenti għal deċiżjoni preliminari. Huwa għall-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika u tevalwa l-kontenut ta’ din l-ittra.

( 14 ) Enfasi miżjuda.

( 15 ) Ara għal dan il-għan, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 4243). B’mod partikolari, id-Direttiva 2004/83 tfittex li tiżgura, fuq il-bażi tal-Artikoli 1 u 18 tal-Karta, osservanza sħiħa tad-dinjità tal-bniedem u tad-dritt għall-ażil ta’ applikanti għall-ażil. Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 12).

( 16 ) Ara għal dan il-għan, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 37).

( 17 ) Fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża Bolbol (C-31/09, EU:C:2010:119), l-Avukata Ġenerali Sharpston ikkunsidrat li l-frażi “persuni li attwalment qegħdin jirċievu protezzjoni jew għajnuna” kienet ambigwa kemm minn perspettiva ġeografika kif ukoll temporali.

( 18 ) Huwa ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju tixtieq li taċċerta jekk evalwazzjoni ex nunc għandhiex titwettaq b’mod addizzjonali jew bħala alternattiva għal evalwazzjoni ex tunc.

( 19 ) F’dan il-każ, il-Ministru għall-Intern.

( 20 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 66).

( 21 ) Madankollu din hija fl-aħħar mill-aħħar kwistjoni għall-qorti tar-rinviju. Ara b’kuntrast, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 80), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata li tfisser li l-protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA ma tistax titqies li waqfet fejn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tkun neħħiet lilha nnifisha mill-protezzjoni tal-UNRWA u esponiet lilha nnifisha volontarjament għal riskju serju. Barra minn hekk, fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 59), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sempliċi assenza miż-żona ta’ protezzjoni tal-UNRWA jew deċiżjoni volontarja li titlaq minnha ma tistax titqies bħala waqfien ta’ assistenza.

( 22 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din ir-raġuni għal esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u a fortiori mid-Direttiva 2004/83, għandha tiġi interpretata b’mod ristrett. Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351, punt 51). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-Kawża Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:119, punti 7475). F’din il-kawża, is-Sinjura Bolbol ġiet ikkunsidrata li ma gawdietx mill-assistenza tal-UNRWA qabel ma telqet miż-żona ta’ operazzjoni tal-aġenzija sabiex tapplika għall-ażil fl-Ungerija. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonstatat li ma kienx neċessarju li jiġu indirizzati, l-ewwel, iċ-ċirkustanzi li skonthom tali assistenza jista’ jingħad li “tintemm għal kwalunkwe raġuni” jew in-natura tal-benefiċċji li għalihom hija setgħet ipso facto kienet intitolata skont id-Direttiva 2004/83 bħala riżultat tal-waqfien ta’ din l-assistenza.

( 23 ) Mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun ġiet deċiża definittivament skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

( 24 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

( 25 ) Dan huwa wkoll effettivament il-każ fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Konvenzjoni ta’ Genève li tuża l-verbi tal-preżent, tal-futur u b’mod importanti tal-futur perfett (“futur antérieur”). Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1D jipprevedi li “Cette Convention ne sera pas applicable aux personnes qui bénéficient actuellement d’une protection ou d’une assistance […]” u t-tieni subparagrafu jipprevedi “Lorsque cette protection ou cette assistance aura cessé pour une raison quelconque, […]” L-użu tal-kliem “aura cessé” fil-verb tal-futur perfett jimplika li l-protezzjoni jew assistenza ma għadhiex tiġi pprovduta.

( 26 ) Ara wkoll, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 65). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 56) li l-awtoritajiet kompetenti amministrattivi jew ġudizzjarji huma meħtieġa, inter alia, sabiex jivverifikaw jekk il-persuna kkonċernata tistax fil-fatt tirċievi tali protezzjoni jew assistenza.

( 27 ) Li ma jirreferix għal xi mument fiż-żmien speċifiku.

( 28 ) Jiena nikkunsidra li l-frażi “attwalment qegħdin jirċievu” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève u “waqfet” fit-tieni subparagrafu tiegħu huma marbuta b’mod strett għaliex huma effettivament kuntrastanti.

( 29 ) Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 52), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa neċessarju li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 tiġi interpretata li tfisser li r-raġuni sabiex persuna tiġi eskluża milli tkun refuġjata stabbilita f’din id-dispożizzjoni tkopri mhux biss persuni li bħalissa qegħdin igawdu minn assistenza pprovduta mill-UNRWA iżda wkoll dawk il-persuni li fil-fatt gawdew minn tali assistenza ftit qabel ma ssottomettew applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru, sakemm, madankollu, din l-assistenza ma waqfitx fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-direttiva.

( 30 ) Fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huma għalhekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jivverifikaw, billi jwettqu evalwazzjoni tal-applikazzjoni fuq bażi individwali, jekk din il-persuna ġietx imġiegħla titlaq miż-żona ta’ operazzjoni ta’ dan l-organu jew ta’ din l-istituzzjoni, liema sitwazzjoni hija l-każ meta hija tkun tinsab fi stat personali ta’ nuqqas serju ta’ sigurtà u dan l-organu jew istituzzjoni kkonċernat kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li jiżguralha, f’din iż-żona, kundizzjonijiet ta’ ħajja li huma konformi mal-missjoni li għandu dan l-organu jew din l-istituzzjoni.

( 31 ) Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 86).

( 32 ) Ara wkoll punt 57 ta’ dik is-sentenza.

( 33 ) Filwaqt li l-klawżola ta’ waqfien tinstab fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/83, huwa l-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva li jipprevedi li “[m]ingħajr preġudizzju għad-dmir tar-refuġjat bi qbil ma’ l-Artikolu 4(1) li jiżvela l-fatti rilevanti kollha u jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu/tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istat ta’ refuġjat, għandu fuq bażi individwali juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet refuġjat bi qbil ma’ paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu”.

( 34 ) L-awtoritajiet kompetenti għandhom jadattaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tagħhom tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi dokumentarji jew oħrajn skont il-karatteristiċi speċifiċi għal kull kategorija ta’ applikazzjoni għall-ażil, u dan fl-osservanza tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/83, din l-evalwazzjoni għandha ssir fuq bażi individwali u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, inklużi fatturi bħal ma huma l-passat, is-sess u l-età (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punti 5457)). Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 33), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, il-fatt li applikant kien suġġett ta’ perikoli serji fil-passat jikkostitwixxi indikazzjoni serja ta’ riskju reali għall-applikant li jġarrab mill-ġdid perikoli serji. Madankollu, dak l-artikolu jiddikjara wkoll li dan ma huwiex il-każ meta jkun hemm raġunijiet tajbin li jitqies li l-perikoli serji mġarrba fil-passat ma jiġux irripetuti jew ma jitkomplewx. L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/83, li jiena nemmen jista’ jkun ta’ rilevanza partikolari fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jispeċifika l-kundizzjonijiet li skonthom Stat Membru, li japplika l-prinċipju li huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu, għandu jikkunsidra li ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jeħtiġux konferma. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ġew ikkonstatati li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni disponibbli speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tiegħu, kif ukoll il-fatt li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita. Ara b’analoġija, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 33); tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 55) u tal-10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda) (C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 43) li jikkonċernaw l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 li huwa miktub b’mod simili għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83.

( 35 ) Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkostitwixxu sempliċement il-punt tat-tluq fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ċirkustanzi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti. Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 28).

( 36 ) Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 6566), u tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punti 54 sa 57).

( 37 ) Ara wkoll ir-risposta tiegħi għar-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-irwol ta’ dan l-Istat bħala attur ta’ protezzjoni jew assistenza.

( 38 ) B’mod addizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament iddikjarat li assistenza jew protezzjoni għandha tkun “effettiva”. Is-sempliċi eżistenza ta’ organu jew ta’ istituzzjoni li l-irwol tagħha jkun li tipprovdi din il-protezzjoni jew assistenza ma hijiex suffiċjenti. Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 60).

( 39 ) Għalkemm l-UNRWA ma hijiex speċifikament indikata bl-isem.

( 40 ) Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 51).

( 41 ) Ara għal dan il-għan, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 54).

( 42 ) Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-Renju Unit) inkluda bħala anness ittra mill-UNRWA li fiha din tal-aħħar iddikjarat li “hija ma tamministrax kampijiet tar-refuġjati u ma hijiex responsabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà fiżika jew sigurtà tar-refuġjati Palestinjani jew sabiex iżżomm il-liġi u l-ordni fil-ħames żoni ta’ operazzjoni tal-UNRWA. Ir-responsabbiltà sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fiżika tar-refuġjati Palestinjani li jirrisjedu f’xi waħda mill-ħames żoni ta’ operazzjoni tal-UNRWA taqa’ fis-sovranità u r-responsabbiltà tal-gvern ospitanti rispettiv”.

( 43 ) Jiena ser nirreferi għalihom bħala NGOs għall-finijiet ta’ qosor.

Top