Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0143

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2021.
    A vs O u G. W. u E. S. vs A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja – Kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital għal poloz marbuta ma’ unitajiet – Direttiva 2002/83/KE – Artikolu 36 – Direttiva 2002/92/KE – Artikolu 12(3) – Obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali – Informazzjoni fuq in-natura ta’ attivi bażi ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni marbuta ma’ unitajiet – Kamp ta’ applikazzjoni – Portata – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Prattiċi kummerċjali żleali – Ommissjoni qarrieqa.
    Kawżi magħquda C-143/20 u C-213/20.

    Court reports – general ; Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:687

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fit‑2 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑143/20 u C‑213/20

    A

    vs

    O (C‑143/20)

    u

    G.W.,

    E.S.

    vs

    A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A. (C‑213/20)

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għal Warszawa‑Wola, Varsavja, il-Polonja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2002/83/KE – Kuntratti kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fondi ta’ investiment – Kamp ta’ applikazzjoni u kontenut ta’ obbligi prekuntrattwali ta’ żvelar ta’ informazzjoni – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Ommissjonijiet qarrieqa”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-tilwim fil-proċeduri prinċipali tressqu minn konsumaturi fil-Polonja li daħlu f’kuntratti kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Il-konsumaturi jsostnu li ma ġiex ikkomunikat lilhom il-livell ta’ dettall meħtieġ rigward il-karatteristiċi u r-riskji ta’ dawn il-prodotti tal-assigurazzjoni. Għalhekk, huma qegħdin ifittxu l-irkupru tal-flus kollha investiti fihom. F’dan il-kuntest, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għal Warszawa-Wola, Varsavja, il-Polonja) tagħmel numru ta’ domandi rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja”) u l-effetti tan-nuqqas ta’ tali żvelar (sħiħ).

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja

    2.

    Id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja hija intiża li telimina diverġenzi li jeżistu bejn leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ sorveljanza billi tikkoordina ċerti aspetti dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja ( 3 ). F’dan ir-rigward, il-premessa 52 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li ġej:

    “F’suq intern għall-assigurazzjoni il-konsumatur ikollu għażla usa u iktar varjata ta’ kuntratti. Jekk hu/hi għandhom japprofittaw kompletament minn din id-diversità u minn kompetizzjoni msaħħa, hu/hi għandhom jiġu pprovduti bi kwalunkwe informazzjoni li hija neċessarja sabiex hu/hi ikunu jistgħu jagħżlu il-kuntratt l-aħjar adattat għall-bżonnijiet tiegħu/tagħha. Din il-ħtieġa ta’ informazzjoni hija iktar importanti ladarba d-durata ta’ l-impenji tista’ tkun twila ħafna. Id-dispożizzjonijiet minimi għandhom għalhekk jiġu koordinati sabiex il-konsumatur jirċievi informazzjoni ċara u eżatta dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti lilu/lilha kif ukoll id-dettalji tal-korpi li lilhom kwalunkwe ilmenti ta’ titolari ta’ poloz, persuni assigurati jew benefiċjarji ta’ kuntratti jistgħu jiġu indirizzati.”

    3.

    Skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, intitolat “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz”:

    “1.   Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza.

    […]

    3.   L-Istat Membru ta’ l-impenn jista jeħtieġ li intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni jfornu informazzjoni b’żieda ma dik elenkata fl-Anness IIi [Anness III] biss jekk hija neċessarja għal ftehim sewwa mit-titolari tal-polza ta’ l-elementi essenzjali ta’ l-impenn.

    4.   Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Anness II [Anness III] għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru ta’ l-impenn.”

    4.

    Fil-parti rilevanti, l-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz”, jipprevedi li ġej:

    “L-informazzjoni li ġejja, li għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza qabel ma l-kuntratt huwa konkluż (A) jew tul it-terminu tal-kuntratt (B), għandha tiġi pprovduta b’mod ċar u eżatt, bil-miktub, f’lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-impenn.

    […]

    A Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt

    Informazzjoni dwar l-intrapriża

    Informazzjoni dwar l-impenn

    […]

    […]

    (a)11 Għal poloz marbuta ma’ unitajiet, definizzjoni ta’ l-untiajiet li huma marbuta magħhom il-benefiċċji

    (a)12 Indikazzjoni tan-natura ta’ l-assi bażi għal poloz marbuta ma’ unitajiet

    […]”

    2. Id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali

    5.

    Id-Direttiva 2005/29/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali”) ( 4 ) tapplika “għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott” ( 5 ). L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li ġej:

    “1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

    […]

    4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

    (a)

    jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

    […]”

    6.

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, intitolat “Ommissjonijiet qarrieqa”, jistabbilixxi:

    “1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqameta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

    […]

    5.   Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.”

    B.   Id-dritt Pollakk

    7.

    Fil-mument tal-fatti fil-proċeduri prinċipali, in-negozju tal-assigurazzjoni fil-Polonja kien irregolat mill-Ustawa o działalności ubezpieczeniowej (il-Liġi dwar l-Attivitajiet ta’ Assigurazzjoni) ( 6 ). Din il-liġi fittxet li tittrasponi d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    8.

    Fil-parti rilevanti, l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar l-Attivitajiet ta’ Assigurazzjoni kien jipprevedi kif ġej:

    “[…]

    4.   Rigward l-assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ investiment, imsemmija fit-Taqsima I, Grupp 3 tal-anness ta’ din il-liġi, il-kumpannija tal-assigurazzjoni hija obbligata tispeċifika jew issemmi s-segwenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni:

    (1)

    il-lista ta’ fondi ta’ investiment proposti;

    (2)

    ir-regoli għad-determinazzjoni tal-valur tal-benefiċċji u l-valur ta’ rinunzja tal-assigurazzjoni, inkluż ir-regoli għall-fidi ta’ unitajiet ta’ fondi ta’ investiment u t-termini għall-konverżjoni fi flus u l-ħlas tal-benefiċċju;

    (3)

    ir-regoli li jirregolaw kif il-fond għandu jinvesti r-riżorsi tiegħu, inkluż, b’mod partikolari, il-karatteristiċi ta’ assi li jikkostitwixxu l-fond, il-kriterji għall-għażla tal-attivi u l-prinċipji għad-diversifikazzjoni tagħhom u limiti oħra fuq l-investimenti;

    (4)

    ir-regoli u t-termini għall-valutazzjoni tal-unitajiet tal-fondi ta’ investiment;

    (5)

    ir-regoli għad-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż u t-taxxi l-oħra kollha mnaqqsa mill-primjums tal-assigurazzjoni jew mill-fond ta’ investiment;

    […]”

    III. Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi magħmula

    A.   C‑143/20

    9.

    O (iktar ’il quddiem il-“konvenut fil-Kawża C‑143/20”) huwa persuna ġuridika bbażata fil-Polonja. Huwa daħal f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ unitajiet ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja. Skont dan il-kuntratt, il-kumpannija tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja aġixxiet bħala assiguratriċi u l-konvenut fil-Kawża C‑143/20 bħala d-detentur tal-polza.

    10.

    Il-kuntratt partikolari konkluż bejn il-konvenut u l-kumpannija tal-assigurazzjoni kien marbut ma’ unitajiet ta’ fond ta’ investiment. Ir-regoli tal-fond kienu jispeċifikaw li l-primjums ta’ assigurazzjoni għandhom jiġu investiti sa 100 % f’ċertifikati maħruġa minn B1. Il-ħlasijiet skont dawn iċ-ċertifikati kienu bbażati fuq l-indiċi B2.

    11.

    Fit‑8 ta’ Ottubru 2010, A, persuna fiżika (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent fil-Kawża C‑143/20”), daħal fil-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja konkluż bejn il-konvenut fil-Kawża C‑143/20 u impriża tal-assigurazzjoni. Skont id-dispożizzjonijiet tad-dikjarazzjoni għall-adeżjoni għal dan il-kuntratt, ir-rikorrent fil-Kawża C‑143/20 kellu jħallas primjum inizjali mbagħad primjum ta’ assigurazzjoni regolari kull xahar. Il-perijodu ta’ assigurazzjoni f’dan ir-rigward ġie stabbilit għal 15‑il sena.

    12.

    Il-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma kienx jispeċifika r-regoli li jirregolaw il-valutazzjoni tal-unitajiet tal-fond ta’ investiment, l-assi netti tal-fond sħiħ, jew iċ-ċertifikati li fihom kienu investiti l-primjums imħallsa mir-rikorrent fil-Kawża C‑143/20. Lanqas ma kien jiddikjara l-metodu għall-kalkolu tal-valur tal-indiċi li fuqu kienu bbażati l-ħlasijiet ta’ dawn iċ-ċertifikati.

    13.

    Madankollu, ir-regolamenti tal-fond kienu spjegaw li l-garanzija tal-maturità mħallsa mill-kumpannija tal-assigurazzjoni fit-tmiem tal-perijodu kuntrattwali ta’ 15‑il sena ma kinitx se tkun iktar baxxa mill-ammont tat-totalità tal-primjums investiti, u li setgħet tiżdied fil-każ ta’ żvilupp pożittiv tal-indiċi B2. Fil-każ tat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-assigurazzjoni qabel it-tmiem tal-perijodu tal-validità tiegħu, il-kumpannija tal-assigurazzjoni impenjat ruħha li tirrimborsa lill-assigurat ammont ugwali għall-valur tal-ishma tiegħu fil-fond ta’ investiment f’dak il-mument.

    14.

    Wara perijodu ta’ seba’ snin, u fid-dawl tat-telf sinjifikattiv tal-valur tal-fondi investiti mir-rikorrent fil-Kawża C‑143/20, dan tal-aħħar ittermina l-kuntratt. Il-kumpannija tal-assigurazzjoni ħallsitu, bħala valur ta’ rinunzja, ammont li jikkorrispondi għall-valur tal-ishma tiegħu fil-fond tal-investiment fid-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    15.

    Ir-rikorrent fil-Kawża C‑143/20 ippreżenta rikors għall-irkupru quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għal Warszawa-Wola, Varsavja, il-Polonja). Huwa jsostni li ġie mqarraq dwar in-natura tal-investiment li fih kellhom jitqiegħdu l-primjums.

    16.

    Il-qorti tar-rinviju tinnota li, skont il-verżjoni lingwistika, l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni inkluż fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, moqri flimkien mal-punti (a)11 u (a)12 tal-Anness III(A) tagħha, u l-Artikolu 185(3) tad-Direttiva 2009/138/KE ( 7 ) (id-“Direttiva dwar is-Solvibbiltà II”), jeħtieġ li l-informazzjoni kollha dwar l-istrumenti finanzjarji u l-istrateġiji ta’ investiment offruti tiġi żvelata lir-rikorrent fil-Kawża C‑143/20. In-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni jwassal għal prattika kummerċjali żleali fi ħdan is-sens tal-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

    17.

    F’dan il-kuntest fattwali u ġuridiku, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għal Warszawa‑Wola, Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

    “(1)

    L-Artikolu 185(3)(i) tad-[Direttiva dwar is-Solvibbiltà II] u l-Artikolu 36(1) flimkien mal-punt 12 tal-Anness III(A) tad-[Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja], għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), fejn l-attivi bażi ta’ dan il-fond huma strumenti derivati (jew strumenti finanzjarji strutturati li fihom huma inkorporati strumenti derivati), l-assiguratur tal-persuna assigurata jew id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni (li joffri tali assigurazzjoni, jiddistribwixxi l-prodott ta’ assigurazzjoni, ‘ibiegħ’l-assigurazzjoni) huwa obbligat li jagħti informazzjoni dwar in-natura, l-ispeċifikazzjoni tat-tip, il-karatteristiċi (bl-Ingliż: indication of the nature, bil-Ġermaniż: Angabe der Art., bil-Franċiż: Indications sur la nature) tal-istrument bażi (l-istrument derivat jew l-istrument finanzjarju strutturat li fih huma inkorporati strumenti derivati), jew is-sempliċi indikazzjoni tat-tip ta’ attivi bażi, mingħajr ma jiġu kkomunikati l-karatteristiċi ta’ dan l-istrument, hija biżżejjed?

    (2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tingħata fis-sens li l-assiguratur jew id-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni (li joffri tali assigurazzjoni, jiddistribwixxi l-prodott ta’ assigurazzjoni, ‘ibiegħ’ l-assigurazzjoni għal poloz marbuta ma’ unitajiet – fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni) huwa obbligat li jagħti informazzjoni dwar in-natura, l-ispeċifikazzjoni tat-tip u l-karatteristiċi tal-istrument bażi (l-istrument derivat jew l-istrument finanzjarju strutturat li fih huma inkorporati strumenti derivati), l-Artikolu 185(3)(i) tad-[Direttiva dwar is-Solvibbiltà II] u l-Artikolu 36(1) flimkien mal-punt 12 tal-Anness III(A) tad-[Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni kkomunikata lill-konsumatur assigurat dwar in-natura, l-ispeċifikazzjoni tat-tip, il-karatteristiċi tal-istrument bażi (l-istrument derivat jew l-istrument finanzjarju strutturat li fih huma inkorporati strumenti derivati) għandu jkun fiha informazzjoni identika għal dik meħtieġa mill-Artikolu 19(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/39/KE tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263] u mill-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE [ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, u fil-ĠU 2017, L 64, p. 116], bħal informazzjoni kumplessa dwar strumenti derivati u strateġiji ta’ investiment proposti, li għandhom jinkludu gwida xierqa u twissijiet dwar ir-riskju marbut mal-investimenti f’tali strumenti jew relatat mal-istrateġiji ta’ investiment speċifiku, b’mod partikolari informazzjoni dwar il-metodoloġija ta’ valutazzjoni ta’ strument bażi applikata mill-persuna li tassigura jew mill-aġent tal-kalkolu matul il-perijodu ta’ kopertura tal-assigurazzjoni u informazzjoni li tirrigwarda r-riskju marbut mal-istrument derivat u min joħorġu, inklużi bidliet fil-valur tal-istrument derivat matul iż-żmien, il-fatturi individwali li jiddeterminaw dawn il-bidliet u l-livelli tal-impatt tagħhom fuq il-valur?

    (3)

    L-Artikolu 185(4) tad-[Direttiva dwar is-Solvibbiltà II] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u s-sopravivenza għal poloz marbuta ma’ unitajiet (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), fejn l-attiv bażi ta’ dan il-fond huwa strument derivat (jew strument finanzjarju strutturat li fih huma inkorporati strumenti derivati), l-assiguratur jew id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni (li joffri tali assigurazzjoni, jiddistribwixxi l-prodott ta’ assigurazzjoni, ‘ibiegħ’ l-assigurazzjoni) huwa obbligat li jagħti informazzjoni lill-konsumatur assigurat identika għal dik meħtieġa mill-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/39/KE u l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65/UE, bħal informazzjoni kumplessa dwar strumenti derivati u strateġiji ta’ investiment proposti li għandhom jinkludu gwida xierqa u twissijiet dwar ir-riskju marbut mal-investimenti f’tali strumenti jew relatat mal-istrateġiji ta’ investiment speċifiku, b’mod partikolari informazzjoni dwar il-metodoloġija ta’ valutazzjoni tal-istrument bażi applikata mill-persuna li tassigura jew mill-aġent tal-kalkolu matul il-perijodu ta’ kopertura tal-assigurazzjoni u informazzjoni li tirrigwarda r-riskju marbut mal-istrument derivat u min joħorġu, inklużi bidliet fil-valur tal-istrument derivat matul iż-żmien, il-fatturi individwali li jiddeterminaw dawn il-bidliet u l-livelli tal-impatt tagħhom fuq il-valur?

    (4)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni jew għat-tielet domanda (jew għat-tnejn li huma), in-nuqqas ta’ għoti, lill-konsumatur assigurat, mill-assiguratur jew mid-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni li joffri assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni) tal-informazzjoni meħtieġa (indikata fit-tieni u t-tielet domanda) meta tiġi offruta assigurazzjoni lill-konsumatur, jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-[Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali], jew in-nuqqas ta’ għoti tal-informazzjoni meħtieġa huwa prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?

    (5)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv kemm għat-tieni kif ukoll għat-tielet domanda, in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara lill-konsumatur min-naħa tal-assiguratur jew tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni (li joffri tali assigurazzjoni, jiddistribwixxi l-prodott ta’ assigurazzjoni, ‘ibiegħ’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet – fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), fir-rigward tal-fatt li l-assi tal-fond ta’ investiment (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni) huma mqiegħda fi strumenti derivati (jew prodotti strutturati li fihom huma inkorporati strumenti derivati), jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, jew in-nuqqas ta’ għoti tal-informazzjoni meħtieġa jikkostitwixxi prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?

    (6)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv kemm għat-tieni kif ukoll għat-tielet domanda, in-nuqqas ta’ spjegazzjoni ddettaljata lill-konsumatur, min-naħa tal-assiguratur jew tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li joffri assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), fir-rigward tal-karatteristiċi preċiżi tal-istrument li fih jitqiegħdu l-assi tal-fond ta’ investiment (fond ta’ kapital tal-assigurazzjoni), inkluża l-informazzjoni dwar il-prinċipji operazzjonali ta’ tali strument, f’sitwazzjoni fejn dan huwa strument derivat (jew strument strutturat li fih huwa inkorporat strument derivat), jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, jew in-nuqqas ta’ għoti tal-informazzjoni meħtieġa jikkostitwixxi prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva?”

    B.   C‑213/20

    18.

    A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A. (iktar ’il quddiem il-“konvenuta fil-Kawża C‑213/20”) hija persuna ġuridika bbażata fil-Polonja li tbigħ prodotti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja. F’Lulju 2011, hija daħlet f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ unitajiet ma’ A. S.A., kumpannija attiva fis-settur bankarju, li fuq il-bażi tiegħu l-konvenuta fil-Kawża C‑213/20 kellha taġixxi bħal assiguratriċi u A. S.A. bħala detentriċi tal-polza (iktar ’il quddiem id-“detentriċi tal-polza fil-Kawża C‑213/20”).

    19.

    Il-kuntratt partikolari konkluż bejn il-konvenuta u d-detentriċi tal-polza fil-Kawża C‑213/20 kien marbut ma’ unitajiet ta’ fond. Ir-regoli tal-fond kienu jispeċifikaw li l-primjums tal-assigurazzjoni kellhom jiġu investiti sa 100 % f’obbligazzjonijiet marbuta mal-indiċi ta’ kumpannija terza.

    20.

    Fit‑28 u t‑30 ta’ Novembru 2011, G.W. u E.S., it-tnejn persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-Kawża C‑213/20”), ippreżentaw rispettivament id-dikjarazzjonijiet individwali tagħhom sabiex jidħlu fil-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 kellhom iħallsu primjum inizjali mbagħad primjum ta’ assigurazzjoni regolari kull xahar. Il-perijodu ta’ assigurazzjoni f’dan ir-rigward ġie stabbilit għal 15‑il sena.

    21.

    L-offerta ta’ adeżjoni għall-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni saret f’laqgħa waħda fil-post tad-detentriċi tal-polza. Il-prodott tal-assigurazzjoni ġie ppreżentat lir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 bħala investiment kapitali fil-forma ta’ tfaddil sistematiku. Il-preżentazzjoni orali tal-prodott tal-assigurazzjoni ffokat fuq il-preżentazzjoni tal-grafika relatata mad-dħul potenzjali mill-investiment f’fond ta’ investiment tal-assigurazzjoni. Fl-istess laqgħa, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 kienu pprovduti wkoll b’dokumenti, speċifikament id-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni u l-klawżoli kuntrattwali standard.

    22.

    Madankollu, ma ġiet ipprovduta ebda informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xiri ta’ obbligazzjonijiet marbuta mal-indiċi fil-kumpannija terza lir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 ma kellhom ebda informazzjoni dwar il-fatturi ta’ riskju assoċjati mal-investiment fi prodotti strutturati bħal dawn. L-unika informazzjoni dwar ir-riskju li tirriżulta mir-regoli tal-fond kienet tinkludi, b’mod partikolari, ir-riskji assoċjati mal-iżvalutar tal-indiċi li fih il-primjums tal-assigurazzjoni kienu investiti bħala riżultat ta’ żviluppi fis-swieq finanzjarji, u t-telf possibbli ta’ parti mill-primjums investiti fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ assigurazzjoni.

    23.

    Flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni għall-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 iffirmaw ukoll dokument bil-miktub li jinkludi informazzjoni li tispjega li, matul il-perijodu ta’ assigurazzjoni, il-valur tal-unitajiet fil-fond jista’ jvarja b’mod sinjifikattiv skont il-valutazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li l-fond investa fihom. Madankollu, huma kienu żgurati li, fit-tmiem tal-perijodu kuntrattwali ta’ 15‑il sena, huma kienu sejrin jitħallsu t-totalità tal-valur tal-unitajiet tal-fond ta’ investiment.

    24.

    Skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, il-primjums imħallsa mir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 ġew investiti f’obbligazzjonijiet marbuta mal-indiċi tal-kumpannija terza. Matul il-perijodu ta’ assigurazzjoni, il-valur tal-unitajiet fil-fond ta’ investiment gradwalment naqas. Wara perijodu ta’ tmien snin, ir-rikorrenti G.W. itterminat il-kuntratt b’effett mit‑23 ta’ Jannar 2019.

    25.

    Il-kumpannija ta’ assigurazzjoni ħallset lil G.W. valur ta’ rinunzja li jikkorrispondi għall-valur tal-unitajiet tagħha fil-kont wara li tnaqqsu ċerti spejjeż ta’ likwidazzjoni. Fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorrenti E.S. kienet għadha tħallas il-primjums u kienet għadha ma tterminatx ir-relazzjoni ġuridika riżultanti mill-kuntratt li kienet daħlet fih.

    26.

    Madankollu, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 ippreżentaw rikors kontra l-konvenuta quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għal Warszawa-Wola, Varsavja). Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jsostnu li l-konvenuta naqset milli tipprovdihom bl-informazzjoni sħiħa dwar il-karatteristiċi tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-indiċi tal-kumpannija terza u dwar ir-riskji assoċjati magħhom. Għaldaqstant, ma kien hemm ebda dikjarazzjoni effettiva ta’ rieda ta’ adeżjoni għall-kuntratt kollettiv dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja.

    27.

    Il-qorti tar-rinviju tinnota li, filwaqt li r-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 ma humiex formalment parti għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni bejn il-konvenuta u d-detentriċi tal-polza, l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jinkludi obbligu ta’ żvelar ta’ “mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A)” tad-direttiva, “qabel” ma jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni. Peress li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, il-konsumatur jassumi wħud mill-obbligi tad-detentur tal-polza, b’mod partikolari l-obbligu li jħallas il-primjums, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-persuna assigurata għandhiex tiġi pprovduta bi kwalunkwe informazzjoni pprovduta lid-detentriċi tal-polza fil-Kawża C‑213/20 meta daħlet fil-kuntratt mal-konvenuta fil-Kawża C‑213/20. Jekk dan huwa l-każ, mela hemm inċertezza rigward il-mument li fih sar dan l-iżvelar u l-mod li bih għandu jiġi interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti (a)11 u (a)12 tal-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    28.

    Għaldaqstant, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għal Warszawa-Wola, Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-punt 12 tas-Sezzjoni A tal-Anness III tad-[Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ provvista tal-informazzjoni msemmi f’din id-direttiva jinkludi wkoll lill-persuna assigurata, jekk din ma tkunx fl-istess waqt titolari tal-polza u li minn naħa taġixxi bħala persuna li tidħol fil-kapaċità tagħha bħala konsumatur f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta’ fond ta’ tfaddil b’fond ta’ kapital assigurat, konkluż bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u l-imprenditur assigurat u min-naħa l-oħra taġixxi bħala investitur effettiv fil-fondi monetarji mħallsa mill-premium tal-assigurazzjoni?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-punti 11 u 12 tas-Sezzjoni A tal-Anness III tad-[Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja], għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ relazzjoni legali bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, l-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-assi kapitali relatati mal-fond ta’ kapital assigurat ifisser ukoll li l-konsumatur – il-persuna assigurata – għandu jiġi informat b’mod eżawrjenti u li jinftiehem dwar ir-riskji kollha, in-natura u l-iskala tagħhom, konnessi mal-investiment f’assi ta’ fond ta’ kapital (bħal obbligazzjonijiet strutturati jew strumenti dderivati), jew jista’ jiġi interpretat, skont it-tifsira tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li huwa suffiċjenti li l-konsumatur – il-persuna assigurata – jingħata sempliċement informazzjoni bażika dwar it-tipi prinċipali ta’ riskji marbuta mal-fond ta’ investiment permezz ta’ fond ta’ kapital assigurat?

    3)

    L-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-punti 11 u 12 tas-Sezzjoni A tal-Anness III tad-[Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ relazzjoni legali bħal dik imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domandi, jeżisti obbligu li meta konsumatur, inkwantu persuna assigurata, jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja dan għandu jkun ġie informat dwar ir-riskji kollha marbuta mal-investiment u l-kundizzjonijiet relatati miegħu, li fir-rigward tagħhom l-emittent tal-assi (obbligazzjonijiet strutturati jew strumenti dderivati) li jikkomponu l-fond ta’ kapital assigurat ikun informa lill-assiguratur?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, l-Artikolu 36(1) tad-[Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja] għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur, inkwantu persuna assigurata, li jikkonkludi kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta’ fond ta’ tfaddil b’fond ta’ kapital assigurat għandu jikseb informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-assi kapitali u tar-riskji marbuta mal-investiment f’dawn l-assi qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, fil-kuntest ta’ proċedura prekuntrattwali separata, u għaldaqstant dan jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 13(4) tal-ustawy o działalności ubezpieczeniowej [il-Liġi dwar is-Settur tal-Assigurazzjonijiet] li skontu huwa biżżejjed li din l-informazzjoni tiġi żvelata biss fil-kontenut tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, u l-mument tal-kisba tal-informazzjoni ma jkunx inekwivokabbilment u kjarament separat u distint fil-proċedura ta’ adeżjoni għall-kuntratt?

    5)

    Fil-każ ta’ risposti fl-affermattiv għall-ewwel tliet domandi, l-Artikolu 36(1) moqri flimkien mal-punti 11 u 12 tas-Sezzjoni A tal-Anness III tad-[Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja], għandu jiġi interpretat ukoll fis-sens li l-implimentazzjoni korretta tal-obbligu ta’ informazzjoni speċifikat fih għandu jitqies bħala element essenzjali oġġettiv tal-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta’ fond ta’ tfaddil b’fond ta’ kapital assigurat u konsegwentement, il-konstatazzjoni li dan l-obbligu ma twettaqx korrettament tista’ tirriżulta fl-għoti lill-konsumatur assigurat tad-dritt li jitlob ir-rimbors tal-premiums tal-assigurazzjoni kollha mħallsa minħabba l-eventwali konstatazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew in-nuqqas ta’ effettività ab initio jew saħansitra minħabba l-eventwali konstatazzjoni ta’ invalidità jew ta’ nuqqas ta’ effettività tad-dikjarazzjoni eventwali ta’ adeżjoni għal dan il-kuntratt?”

    C.   Proċedura sussegwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    29.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2021, iż-żewġ Kawżi C‑143/20 u C‑213/20 ġew magħquda għall-għanijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    30.

    Ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20, mill-konvenuta fil-Kawża C‑213/20, mill-Gvern tal-Greċja, tal-Italja u tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20, il-konvenuta fil-Kawża C‑213/20, il-Gvern tal-Italja u dak tal-Polonja, kif ukoll il-Kummissjoni, wieġbu wkoll għal mistoqsijiet bil-miktub li sarulhom fit‑23 ta’ Marzu 2021.

    IV. Analiżi

    31.

    Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Sejjer nibda billi nistabbilixxi u nispjega n-natura tal-prodotti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni mbagħad nagħti sunt taċ-ċirkustanzi fattwali komuni li sejrin ikunu rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet (A). Imbagħad, sejjer indur għall-ordni tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju (B) qabel ma nittratta l-mertu tagħhom: min huwa obbligat jiżvela l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja (C); liema informazzjoni għandha tiġi żvelata skontha (D); meta għandu jsir dan l-iżvelar (E); u x’inhuma l-konsegwenzi ta’ nuqqas li jsir dan (F).

    A.   Prodotti ta’ assigurazzjoni kollettiva fuq il-ħajja u l-kuntest fattwali rilevanti

    32.

    Is-settur tal-insurance huwa qasam partikolarment sensittiv fir-rigward tal-bżonn tal-protezzjoni tal-konsumatur ( 8 ). Il-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma prodotti finanzjarji legalment kumplessi, li jistgħu jkunu kunsiderevolment differenti skont l-assiguratur li joffrihom u li jistgħu jinvolvu impenji finanzjarji sinjifikattivi u li potenzjalment japplikaw għal żmien twil. F’dan il-kuntest, il-konsumatur naturalment jinsab f’sitwazzjoni ta’ dgħufija meta mqabbel mal-assiguratur ( 9 ). Fl‑2013, il-Kummissjoni pproduċiet rapport dwar id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, bl-enfasi tal-fatt inkwetanti li, għas-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, il-prattiki żleali irrapportati l-iktar komunement fl-Istati Membri kienu relatati ma’ nuqqas ta’ informazzjoni essenzjali fl-istadju tar-reklamar u deskrizzjoni qarrieqa tal-prodotti inkwistjoni ( 10 ).

    33.

    Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkopri umbrella ristretta ta’ protezzjoni tal-konsumatur ( 11 ). Anki jekk mhux assolut ( 12 ), il-livell ogħla ta’ protezzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tirrikonoxxi huwa maħsub li jibbilanċja mill-ġdid il-pożizzjoni tan-negozjar tal-parti l-iktar dgħajfa li tidħol għal relazzjoni kuntrattwali ma’ impriża tal-assigurazzjoni (jiġifieri d-detentur tal-polza jew il-konsumatur) ( 13 ).

    34.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex differenti għas-settur tal-assurance. B’mod ġenerali, filwaqt li l-insurance tkopri perikoli jew riskji li jistgħu jseħħu (u għalhekk għandha valur biss fil-każ ta’ talba), l-assurance tagħmel riferiment għal kopertura finanzjarja li tipprevedi remunerazzjoni għal avveniment li se jseħħ żgur. Din tal-aħħar għalhekk twiegħed ħlas fil-forma ta’ minimu ggarantit jew il-valutazzjoni tal-investiment tagħha meta tinfeda.

    35.

    Kuntratt kollettiv dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja huwa kuntratt wieħed għall-kopertura tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u detentur tal-polza. Konsumaturi individwali jistgħu jagħżlu li jidħlu fil-kopertura tal-kuntratt kollettiv billi jippreżentaw dikjarazzjonijiet individwali li jindikaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan. Inkambju għall-ħlas ta’ primjums regolari, dawn il-konsumaturi jibbenefikaw mill-protezzjoni li toffri l-iskema bażi tal-kuntratt rispettiv.

    36.

    Madankollu, ħafna prodotti jew kuntratti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja huma maħsuba u mibjugħa purament bħala strumenti ta’ investiment finanzjarju personali jew strumenti li joffru ħafna elementi simili. Sikwit jiġu rreklamati bħala metodu ta’ tfaddil għall-irtirar. Dan huwa l-każ tal-poloz ta’ assigurazzjoni marbuta ma’ unitajiet. Skont dawn it-tipi ta’ kuntratti, il-primjums imħallsa jiġu investiti f’“unitajiet” ta’ fond ta’ investiment. Il-valur ta’ dawn l-unitajiet imbagħad jiddependi fuq l-assi fil-qalba tal-fond. Jekk il-valur ta’ dan l-assi bażi jvarja, allura l-valur tal-unitajiet li fihom ġew investiti l-primjums tad-detentur tal-polza jvarja wkoll. Sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda għas-sigurtà fid-dawl ta’ dawn il-varjazzjonijiet possibbli fil-valur, il-pjanijiet ta’ assigurazzjoni marbuta ma’ unitajiet x’aktarx jinkludu “garanziji tal-maturità”. Essenzjalment, dawn il-garanziji jistabbilixxu livell minimu tal-valur tal-kuntratt fil-maturità tiegħu, jiġifieri fil-mument meta l-kuntratt jiskadi, irrispettivament mill-valur tas-suq tal-unitajiet bażi.

    37.

    It-tip ta’ skemi kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ unitajiet inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali tendenzjalment huma prodotti ta’ assigurazzjoni popolari. Dawn huma rreklamati għal konsumaturi medji bil-wiegħda li jidħlu f’impenn ta’ tfaddil sigur u fit-tul li x’aktarx jirriżulta fi dħul miżjud fit-tmiem tal-polza jew mat-twettiq tal-avveniment tal-polza ( 14 ). Fil-fatt, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, il-kawżi inkwistjoni huma sempliċiment żewġ eżempji ta’ ħafna tilwim pendenti ta’ natura simili quddiem l-istess qorti.

    38.

    Finalment, qabel ma nindirizza l-mertu (kumpless) tat-tilwim fil-proċeduri prinċipali, jista’ jkun utli li jitfakkru fil-qosor iċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti u komuni li fil-kuntest tagħhom it-tilwim fil-proċeduri prinċipali qam.

    39.

    F’data li ma ġietx ikkomunikata mill-qorti tar-rinviju, żewġ kuntratti kollettivi indipendenti u mhux marbuta ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja ġew konklużi bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u detentur tal-polza. It-tnejn li huma persuni ġuridiċi. Fl‑2010 u l‑2011, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali, li huma persuni fiżiċi fil-Polonja u apparentament ukoll konsumaturi għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, volontarjament daħlu fil-kopertura ta’ dawn il-kuntratti għal 15‑il sena. Inkambju, huma qablu mal-obbligu li jħallsu primjum fiss kull xahar għat-tul kollu ta’ dan il-perijodu.

    40.

    Peress li l-kopertura rispettiva tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja kienet marbuta ma’ unitajiet ta’ fond ta’ investiment, il-kumpannija tal-assigurazzjoni kellha tinvesti l-primjums imħallsa mir-rikorrenti f’“unitajiet” (fi kliem ieħor, ishma) ta’ dan il-fond. Dawn l-investimenti kellhom ir-riskju li l-valur ta’ dawn l-unitajiet ivarja b’mod sinjifikattiv matul it-terminu tal-perijodu tal-assigurazzjoni.

    41.

    Madankollu, fit-tmiem tal-perijodu tal-maturità ta’ 15‑il sena, ir-rikorrenti ġew żgurati garanzija ta’ maturità ta’ mill-inqas l-ammont totali ta’ primjums investiti (C‑143/20) jew il-valur totali tal-unitajiet fil-fond ta’ investiment (C‑213/20). Kien hemm ukoll il-possibbiltà ta’ ħlas ta’ dħul ogħla jekk il-fondi rispettivi li l-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja kien marbut magħhom ikunu kibru fil-valur matul il-perijodu ta’ assigurazzjoni rilevanti.

    42.

    Fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni qabel id-data tal-maturità, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali kellhom jiġu rrimborsati biss ammont ugwali għall-valur tal-unitajiet rispettivi fil-fond ta’ investiment, evalwat fil-mument tal-irtirar, u suġġett għal miżata ta’ likwidazzjoni. Fil-proċeduri prinċipali, dan fisser li l-valur tat-totalità tal-fondi rrimborsati kien sinjifikattivament iktar baxx minn dak li r-rikorrent rispettiv kien investa.

    43.

    Ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jiddikjaraw li ma ġewx informati b’mod suffiċjenti bin-natura u l-karatteristiċi tal-istrumenti finanzjarji fil-bażi tal-kuntratti kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja li daħlu fihom. Bħala riżultat, dan fisser li ma kellhomx stampa ċara biżżejjed tar-riskji involuti. Għalhekk, dawn ippreżentaw kawża rispettivament kontra detentur tal-polza (C‑143/20) u kontra kumpannija tal-assigurazzjoni (C‑213/20) bil-ħsieb li jinvalidaw id-dikjarazzjonijiet ta’ adeżjoni għall-kuntratti kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni u b’talba għar-rimbors tal-flus kollha investiti f’dawn il-poloz.

    B.   Il-formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi u l-ordni tagħhom

    44.

    Qabel ma nidħol fil-mertu tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li nipprovdi kjarifiki preliminari dwar żewġ aspetti ta’ dawn il-kawżi: l-ewwel, id-dritt tal-Unjoni applikabbli, u, fuq din il-bażi, it-tieni, il-formulazzjoni u s-simplifikazzjoni tad-domandi magħmula.

    45.

    L-ewwel, f’numru ta’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II. Madankollu, bħalma l-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni korrettament jindikaw, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ġiet imdewma sal‑1 ta’ Jannar 2016 ( 15 ). Għalhekk, peress li r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali diġà lestew id-dikjarazzjonijiet tagħhom sabiex jidħlu fil-kuntratti kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni fit‑8 ta’ Ottubru 2010 (C‑143/20) u fit‑28 u fit‑30 ta’ Novembru 2011 (C‑213/20) rispettivament, id-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II ma hijiex applikabbli ratione temporis għal dawn il-kawżi.

    46.

    B’mod simili, fit-tieni domanda fil-Kawża C‑143/20, il-qorti tar-rinviju tfittex tqabbil tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja mal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/39/KE u d-Direttiva 2014/65/UE. Madankollu, id-Direttivi 2004/39 u 2014/65 espressament jeskludu l-impriżi tal-assigurazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ( 16 ). Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/65 ma kinitx applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-proċeduri prinċipali mill-bidu nett. Għalhekk, kwalunkwe evalwazzjoni skontha tkun totalment teoretika ( 17 ).

    47.

    Għalhekk, nissuġġerixxi li l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑143/20 u l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑213/20 jiġu fformulati mill-ġdid bħala li jfittxu biss interpretazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li t-tielet domanda fil-Kawża C‑143/20 titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 185(4) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II biss, din id-domanda ssir mingħajr skop u għalhekk ma għandhiex għalfejn tiġi mwieġba mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    48.

    It-tieni, id-domandi, ifformulati mill-ġdid u ssimplifikati, jindirizzaw l-iżvelar ta’ informazzjoni qabel l-adeżjoni għal kuntratt ta’ assigurazzjoni taħt id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja minn erba’ angoli differenti: min iġorr l-oneru sabiex jinforma lill-konsumaturi bil-karatteristiċi u r-riskji ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni kollettiva fuq il-ħajja marbuta ma’ unitajiet; liema informazzjoni għandha tiġi żvelata; meta għandu jseħħ dan l-iżvelar; u x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dan l-iżvelar.

    49.

    L-ewwel domanda fil-Kawża C‑143/20 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑213/20 jistaqsu, essenzjalment, min eżattament għandu l-obbligu li jinforma lid-detentur tal-polza skont l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Fiċ-ċirkustanzi fattwali partikolari fil-proċeduri prinċipali, din id-determinazzjoni hija kkumplikata bil-fatt li l-“bejjiegħ” effettiv tal-prodott ta’ assigurazzjoni inkwistjoni ma huwiex impriża tal-assigurazzjoni iżda persuna (ġuridika) oħra (C).

    50.

    It-tieni domanda fil-Kawża C‑143/20 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑213/20 ifittxu, essenzjalment, interpretazzjoni tax-“xiex”. Kif ifformulati mill-ġdid, dawn id-domandi jistaqsu dwar x’tip ta’ informazzjoni u liema livell ta’ dettall għandu jiġi kkomunikat lir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali permezz tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, moqri flimkien mal-punti (a)11 u (a)12 tal-Anness III(A) (D).

    51.

    Il-“kif” huwa indirizzat mir-raba’ domanda fil-Kawża C‑213/20. Din tistaqsi jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jimplikax ir-rekwiżit li tiġi stabbilita proċedura prekuntrattwali separata li matulha l-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) għandha tiġi żvelata lill-konsumatur. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju mbagħad tfittex gwida dwar jekk dan l-artikolu jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 13(4) tal-Liġi dwar l-Attivitajiet ta’ Assigurazzjoni, li ma tispeċifikax il-mument fejn l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni għandu jseħħ (E).

    52.

    Ir-raba’ sas-sitt domanda fil-Kawża C‑143/20 u l-ħames domanda fil-Kawża C‑213/20 jistaqsu dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ żvelar tal-informazzjoni neċessarja sabiex konsumatur jiġi informat dwar in-natura u l-karatteristiċi ta’ prodott tal-assigurazzjoni. Dawn jagħmlu hekk mill-angolu tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja rispettivament (F).

    53.

    Sejjer nindirizza dawn il-kwistjonijiet wara xulxin.

    C.   Min għandu l-obbligu li jiżvela u min huwa d-destinatarju?

    54.

    Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑213/20 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑143/20, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk persuna assigurata li ma hijiex detentur ta’ polza, u li sempliċiment daħlet bħala konsumatur f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ unitajiet, għandhiex tirċievi l-informazzjoni koperta mill-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    55.

    Il-konvenuta fil-Kawża C‑213/20 tikkunsidra li r-risposta għal dawn id-domandi għandha tingħata fin-negattiv. Hija ssostni li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jistabbilixxi biss obbligu ta’ żvelar bejn l-impriża tal-assigurazzjoni u d-detentur tal-polza. Fejn il-konsumaturi jidħlu f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja bejn impriża tal-assigurazzjoni u detentur tal-polza, mingħajr, madankollu, ma jsiru detenturi tal-polza huma stess, l-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva ma huwiex applikabbli.

    56.

    Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20, il-Gvern Taljan u dak Pollakk, u l-Kummissjoni, essenzjalment isostnu li jsegwi minn interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja li l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni inkluż fiha għandu jiġi interpretat li jestendi għal konsumaturi li jidħlu f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja jekk dawn il-konsumaturi jassumu l-obbligi prinċipali tad-detentur tal-polza (bħall-ħlas tal-primjum u t-teħid tar-riskju ta’ investiment fil-bażi tal-kuntratt).

    57.

    Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni.

    58.

    Skont il-premessi 2, 3 u 5, id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja hija intiża li tippromwovi suq intern fl-assigurazzjoni fuq il-ħajja, filwaqt li tiżgura protezzjoni xierqa għad-detenturi tal-polza u l-benefiċjarji fl-Unjoni.

    59.

    Dwar it-tieni għan, id-direttiva hija intiża li tipproteġi lill-konsumaturi permezz ta’ għażla bbażata fuq l-informazzjoni ( 18 ). Dan l-approċċ huwa rifless fil-premessa 52 tal-preambolu, li tispjega li d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja inter alia tfittex li tikkoordina d-dispożizzjonijiet minimi sabiex il-konsumatur jirċievi informazzjoni ċara u preċiża dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti ta’ assigurazzjoni proposti lilu jew lilha. Bħalma huwa indikat fl-istess premessa, sabiex il-konsumatur jibbenefika b’mod sħiħ mill-għażla ikbar u iżjed varjata fis-suq uniku tal-assigurazzjoni, u minn kompetizzjoni ikbar, hu għandu jiġi pprovdut bl-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-kuntratt l-iżjed adattat għall-bżonnijiet tagħhom ( 19 ).

    60.

    Huwa intiż li tiġi żgurata protezzjoni adegwata bħal din, inter alia, permezz tal-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni inkluż fl-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li mill-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness III għandha tiġi kkomunikata lit-“titolari tal-polza” qabel il-konklużjoni ta’ xi “kuntratt ta’ assigurazzjoni”. Skont il-paragrafu 2, dan it-“titolari tal-polza” jingħata d-dritt li jiġi informat dwar xi tibdiliet fl-informazzjoni elenkata fl-Anness III(B) matul il-perijodu tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fejn neċessarju sabiex it-“titolari tal-polza” jifhem b’mod xieraq l-elementi essenzjali tal-impenn, il-paragrafu 3 mbagħad jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq “intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni” iktar obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni minn dawk inklużi fil-paragrafi 1 u 2. Skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, id-dritt nazzjonali jirregola r-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-obbligi.

    61.

    Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja huma redatti fil-passiv. Dawn ma jispeċifikawx l-entità li għandha l-obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni inklużi hemm. Għalhekk dawn huma opposti, pereżempju, għall-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li speċifikament isemmi “intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni” bħala potenzjalment suġġetti għal obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni lil hinn minn dawk armonizzati fid-direttiva.

    62.

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni għaliex ma speċifikax min għandu jġorr l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni fil-paragrafu 1 (u 2) tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja? Is-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jipprovdu ebda indikazzjoni dwar ir-raġuni wara dan l-istil ta’ redazzjoni. Din l-informazzjoni lanqas ma tista’ tiġi dedotta mid-dokumenti preparatorji tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    63.

    It-tweġiba għall-kwistjoni dwar min iġorr l-obbligu ta’ żvelar hija ċara u intuwittiva f’każijiet ta’ xenarji ta’ kuntratt sempliċi bejn żewġ kontropartijiet, fejn hemm biss assiguratur wieħed u detentur tal-polza wieħed. L-istess tweġiba hija inqas ovvja f’każijiet ta’ arranġamenti iktar kumplessi, li fihom hemm iktar miż-żewġ partijiet biss. X’jiġri jekk id-detentur tal-polza (inizjali, nominali) jibda jistieden lil ħaddieħor biex jingħaqad fil-polza, jew ibigħ dan il-prodott mill-ġdid lil terzi, u dawn it-terzi effettivament jassumu r-riskji ġuridiċi u/jew ekonomiċi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni?

    64.

    Il-klassifikazzjoni ġuridika preċiża ta’ arranġamenti kumplessi bħal dawn x’aktarx tkun dipendenti ħafna fuq il-kategoriji applikabbli ta’ dritt nazzjonali (ċivili) u t-tip preċiż ta’ arranġament ġuridiku li jsir taħtu. Madankollu, irrispettivament mit-tassonomija li eventwalment sejra tiġi stabbilita hemm, fuq qari tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja fid-dawl tal-premessi 2, 3 u 52 tagħha, wieħed ma jistax sempliċiment jasal għall-fehma li skontha l-konsumatur, li dejjem suppost kellu jkun protett mill-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni inkluż fl-Artikolu 36, jaqa’ kompletament ’il barra minn din l-istampa. L-għażla ta’ ċertu mudell ta’ negozju jew ta’ bejgħ għal prodotti ta’ assigurazzjoni, u għalhekk l-involviment ta’ numru ikbar ta’ atturi minn dak preċedentement previst mil-leġiżlazzjoni, ma jistax ikollha bħala konsegwenza ħarba mill-obbligi ta’ din id-direttiva.

    65.

    Nammetti li l-akkomodazzjoni tax-xenarji iktar kumplessi fi ħdan il-formulazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja teħtieġ espansjoni minuri ta’ din id-dispożizzjoni ( 20 ). Madankollu, fid-dawl tal-loġika u tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll dan il-qasam ġenerali tad-dritt, din hija pjuttost waħda normali. Barra minn hekk, hija kompatibbli mal-formulazzjoni passiva użata kemm fl-Artikolu 36(1) u (2) tad-direttiva, li jistabbilixxi min għandu jikseb l-informazzjoni, iżda mhux min għandu jipprovdiha.

    66.

    Fil-fatt, ikkunsidrati fi ħdan dan il-kuntest, l-obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni inklużi fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja japplikaw għal kwalunkwe parti li tikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ “titolari tal-polza”. Dawn il-paragrafi jimponu obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni “dinamiku” li “jivvjaġġa” mal-bdil tal-kontroparti f’kuntratt ta’ assigurazzjoni. B’kuntrast, l-obbligu addizzjonali possibbli fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu japplika biss għal “intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni”, li huma grupp iddefinit u magħluq skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, jekk l-Istati Membri jagħżlu li jmorru lil hinn mill-istandards minimi armonizzati inklużi fid-direttiva. Fejn japplika dan l-obbligu addizzjonali, huwa konsegwentement japplika biss għal tip wieħed ta’ kontroparti (jiġifieri, “intrapriżi tal-assigurazzjoni”). Dan l-obbligu għaldaqstant jibqa’ “statiku”.

    67.

    B’mod verament alġebrajiku, sabiex jiġi identifikat fuq min jaqa’ l-obbligu dinamiku ta’ żvelar ta’ informazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, għandhom jiġu evalwati żewġ varjabbli. L-ewwel wieħed huwa l-eżistenza ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni”. It-tieni wieħed huwa l-preżenza ta’ “detentur tal-polza”. Sejjer nevalwa jekk dawn iż-żewġ varjabbli humiex issodisfatti fiċ-ċirkustanzi fil-proċeduri prinċipali ((1) u (2)), qabel nipproponi risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑143/20 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑213/20 (3).

    1. Il-preżenza ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni”

    68.

    X’inhu “kuntratt ta’ assigurazzjoni” għall-għanijiet tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja? Il-formulazzjoni tad-direttiva ma tgħid xejn dwar dan il-kunċett. Din id-direttiva lanqas ma tagħmel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri dwar dan il-punt. Fil-fatt, il-premessa 44 tad-direttiva espressament tispjega li ma tfittixx li tarmonizza l-liġijiet kuntrattwali tal-Istati Membri. Minflok, hija tħalli d-deċiżjonijiet dwar il-kontenut ta’ dawn il-liġijiet f’idejn l-Istati Membri fejn mhux previst mod ieħor ( 21 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni” għalhekk għandu jiġi mfittex bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja u għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi speċifika għad-dritt tal-Unjoni ( 22 ).

    69.

    Il-Qorti tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) diġà kellha l-opportunità tispjega li wieħed mill-prinċipji bażiċi ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni”, fi ħdan is-sens tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, huwa l-eżistenza ta’ tranżazzjoni ġuridika li tfisser “teħid ta’ riskju ġdid u indipendenti inkambju għal pagament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 23 ). Dan huwa wkoll l-approċċ meħud mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi kuntesti, meta kkunsidrat il-karatteristiċi essenzjali ta’ tranżazzjoni tal-assigurazzjoni. Hawn ukoll, l-element prinċipali huwa li l-assiguratur jintrabat, inkambju għal ħlas bil-quddiem ta’ primjum, li jipprovdi lill-persuna assigurata, fil-każ li jseħħ ir-riskju kopert, is-servizz miftiehem meta jkun ġie konkluż il-kuntratt ( 24 ). Din it-tranżazzjoni timplika l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn (normalment) il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha huma koperti mill-assigurazzjoni ( 25 ).

    70.

    L-element li huwa komuni għaż-żewġ definizzjonijiet huwa l-enfasi fuq il-loġika ekonomika (jiġifieri, it-teħid tar-riskju), minflok l-arranġamenti kuntrattwali formali. Fil-fatt, fil-każ partikolari ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, ir-“riskju” li jinġarr mill-entità (istituzzjonali) – tipikament l-impriża tal-assigurazzjoni – huwa li l-politika tal-ħlas tiġi skattata matul il-perijodu tat-terminu maqbul u li d-detentur tal-polza għandu jiġi kkumpensat għal kwalunkwe telf mal-maturità tal-kuntratt. L-obbligu maqbul mid-detentur tipikament jikkorrispondi għall-ħlas ta’ primjum għat-terminu kollu tal-polza.

    71.

    Huwa ċar li l-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jfittex li jassisti lid-detenturi tal-polza sabiex jagħmlu għażla kkalkolata dwar l-aċċettazzjoni tal-obbligi tagħhom taħt relazzjoni kuntrattwali ġdida għal prodotti ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt, il-premessa 52 ta’ din id-direttiva tispjega li fil-qalba tal-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni hemm l-intenzjoni li jiġu msaħħa d-detenturi tal-polza u l-konsumaturi meta dawn jidħlu fi tranżazzjoni ġuridika li tirriżulta fil-konklużjoni ta’ kuntratt dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja ( 26 ). Dan jimplika li d-direttiva hija intiża sabiex tipprovdi lil dawn il-partijiet bl-għodda kollha neċessarja sabiex tippermettilhom jagħmlu l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji li x’aktarx sejrin jassumu ( 27 ).

    72.

    Għalhekk, fejn konsumatur jassumi riskju (jew obbligu) ġdid u indipendenti permezz tal-adeżjoni tiegħu f’din it-tip ta’ relazzjoni ġuridika ma’ terz, l-obbligi ta’ żvelar ta’ qabel u ta’ wara l-kuntratt riżultanti mill-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jfittxu li jippermettu lil dan il-konsumatur sabiex jagħmel għażla informata dwar il-kuntratt l-iktar xieraq għalih jew għaliha qabel u waqt l-eżistenza ta’ dan il-kuntratt.

    73.

    Il-kwistjoni ta’ jekk dan l-obbligu ġiex konkluż għalhekk issir evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali f’każ partikolari, li hija l-qorti tar-rinviju li tista’ tagħmilha l-aħjar. Madankollu, mis-sottomissjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali ppreżentaw “dikjarazzjonijiet” individwali sabiex jidħlu fil-kuntratti kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni. B’dan il-mod, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali aċċettaw ċerti drittijiet u obbligi. Dawn tal-aħħar jingħad li inkludew l-oneru ekonomiku ta’ ħlasijiet regolari tal-primjums li l-kumpannija tal-assigurazzjoni mbagħad kellha tinvesti f’unitajiet tal-fondi ta’ investiment relatati. Tal-ewwel kellhom inter alia jkunu riflessi f’garanzija tal-maturità li, fit-tmiem ta’ perijodu ta’ 15‑il sena, ir-rikorrenti kellhom jirċievu ħlas potenzjalment ogħla minn jew mill-inqas ugwali għall-investiment ġenerali tagħhom fil-polza. Fid-dawl tal-preżenza ta’ dawn l-elementi bażiċi, jidher li, mill-perspettiva tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, id-dikjarazzjonijiet ta’ adeżjoni mal-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni rriżultaw fil-konklużjoni ta’ “kuntratti ta’ assigurazzjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva.

    74.

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex affettwata mill-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju li, skont id-dritt Pollakk, meta konsumatur jidħol f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, hu fil-fatt ma jsirx parti ta’ dan il-kuntratt iżda sempliċiment jakkwista l-istatus ta’ “persuna assigurata”.

    75.

    Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta jew tikkummenta dwar id-dritt nazzjonali. Madankollu, għadni konfuż dwar kif wieħed jista’ jikseb l-istatus ta’ persuna assigurata mingħajr ma jkun hemm ebda kuntratt. Loġikament, nassumi li persuna assigurata f’sitwazzjoni bħal din għandha tkun taħt xi tip ta’ relazzjoni ġuridika (kuntrattwali). Dikjarazzjoni ta’ adeżjoni, li apparentament ġiet iffirmata mir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali, tista’ tiġi kkunsidrata li tammonta għal sħubija mal-kuntratt oriġinali bejn l-assiguratur u d-detentur tal-polza, bir-rikorrenti jsiru detenturi tal-polza (affiljati) taħt il-kuntratt oriġinali. Sussidjarjament, l-istess dikjarazzjoni tista’ tiġi interpretata bħala konklużjoni ta’ kuntratt ieħor bejn id-detentur tal-polza u l-persuna assigurata. Għaldaqstant, bħala kwistjoni ta’ dritt nazzjonali, ikun hemm żewġ kuntratti suċċessivi: dak oriġinali bejn l-assiguratur u d-detentur tal-polza oriġinali, u ieħor, bejn id-detentur tal-polza u l-konsumatur.

    76.

    Madankollu, huwa diffiċli għalija li nassumi li l-ebda minn dawn iż-żewġ xenarji ma kien fil-fatt preżenti skont id-dritt nazzjonali, bil-persuni assigurati effettivament jiggalleġġjaw f’tip ta’ vojt ġuridiku (bla kuntratti) ( 28 ).

    77.

    Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, it-tieni għażla jidher li hija iktar plawżibbli. Skont dan ix-xenarju, fil-fatt ikun hemm żewġ kuntratti sussegwenti taħt id-dritt nazzjonali. Minn naħa, ikun hemm ir-relazzjoni ġuridika “upstream” bejn l-impriża tal-assigurazzjoni u d-detentur tal-polza “oriġinali” li tifforma l-bażi tal-kuntratt kollettiv tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja. Min-naħa l-oħra, hemm relazzjoni ġuridika “downstream” ġdida u indipendenti bejn id-detentur tal-polza u l-konsumatur.

    78.

    Għalhekk jidher li r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali daħlu f’“kuntratt ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, irrispettivament mill-kwalifika legali mhux ċara u saljenti ta’ din ir-realtà taħt id-dritt Pollakk, u li dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi joriġinaw separatament mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni “oriġinali” (u “upstream”) bejn l-impriża tal-assigurazzjoni u d-detentur tal-polza.

    2. Min huwa d-“detentur tal-polza” skont il-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni?

    79.

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “detentur tal-polza”, id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja lanqas ma tinkludi definizzjoni jew riferiment għad-dritt nazzjonali. Madankollu jirriżulta mill-istruttura tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja li, filwaqt li l-kunċett ta’ “detentur tal-polza” huwa ġeneralment mifhum bħala l-persuna li taġixxi bħala l-persuna li saritilha l-offerta fir-relazzjoni ġuridika li tikkwalifika “kuntratt ta’ assigurazzjoni” ( 29 ), dawn il-kunċetti mhux neċessarjament jissovrapponu lil xulxin ( 30 ).

    80.

    Fir-rigward tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement indikat li r-riferiment fiha għal “detentur tal-polza” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex jinkludi l-kunċett ta’ “konsumatur” ukoll, minħabba l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur stabbilit fil-premessa 52 tad-direttiva ( 31 ).

    81.

    Fil-fehma tiegħi, l-istess loġika għandha tapplika wkoll f’dawn il-kawżi.

    82.

    Kif spjegajt fil-punti 77 sa 78ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidher li fil-kawżi fil-proċeduri prinċipali, ir-rikorrenti daħlu f’“kuntratti ta’ assigurazzjoni” individwali, fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, ma’ detenturi tal-polza differenti. Skont dawn il-kuntratti, li joriġinaw “downstream” mir-relazzjoni bejn l-impriża tal-assigurazzjoni u d-detenturi tal-polza fil-proċeduri prinċipali, dawn id-detenturi tal-polza aġixxew bħala offerenti fir-rigward tal-adeżjoni għall-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Il-fatt probabbli li dawn id-detenturi tal-polza ma għamlux ħafna iktar milli aġixxew bħala intermedjarji sabiex jippromwovu l-kopertura tal-assigurazzjoni kollettiva fuq il-ħajja lil terzi (jiġifieri, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali) ma jaffettwax l-istatus tagħhom bħala offerenti taħt il-kuntratti tal-assigurazzjoni “downstream” rispettivi. Fil-fatt, bħalma tispjega l-qorti tar-rinviju, konsumatur li jidħol f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja jista’ jistenna li jgawdi l-istess drittijiet u jassumi l-istess obbligi bħal dawk li jirriżultaw minn kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja konkluż direttament ma’ impriża tal-assigurazzjoni.

    83.

    Konsegwentement, u suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, minkejja li kienu sempliċiment konsumaturi ta’ polza kollettiva ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali effettivament assumew l-istess drittijiet u obbligi bħad-“detenturi tal-polza” fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja meta ffirmaw id-“dikjarazzjonijiet” inkwistjoni mad-detenturi tal-polza fil-proċeduri prinċipali.

    3. Is-soluzzjoni tal-“x”

    84.

    Peress li ż-żewġ varjabbli tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja ġew iċċarati, huwa possibbli li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tapplikax fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi.

    85.

    Kif spjegajt fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, in-natura tal-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni prekuntrattwali inkluż fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja tistabbilixxi sors tal-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni “li jivvjaġġa”, li jibbaża ruħu fuq il-ħtieġa tal-protezzjoni tal-konsumatur inkwistjoni.

    86.

    Bħalma l-Gvern Pollakk josserva korrettament, meta d-detenturi tal-polza fil-proċeduri prinċipali pproponew il-ħolqien ta’ relazzjonijiet ġuridiċi separati mar-rikorrenti inkwistjoni, fejn dawn tal-aħħar kellhom jassumu riskji ġodda u indipendenti inkambju għad-dritt li jkunu koperti mill-kopertura tal-assigurazzjoni kollettiva fuq il-ħajja, dawn id-detenturi tal-polza saru l-offerenti skont il-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni. Għalhekk dawn attivaw l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni “dinamiku” previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Dawn id-detenturi tal-polza għalhekk kellhom jikkomunikaw lir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) ta’ din id-direttiva sabiex jippermettilhom jevalwaw l-effetti u r-riskji tal-kopertura tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja applikabbli u li jagħżlu din il-kopertura bl-għarfien sħiħ tal-fatti rilevanti kollha.

    87.

    Fid-dawl tal-preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb l-ewwel domanda fil-Kawża C‑143/20 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑213/20 kif ġej:

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja għandu jiġi interpretat li jfisser li l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni prekuntrattwali li jinsab fih jeħtieġ li l-kontroparti f’kuntratt ma’ konsumatur, fejn dan tal-aħħar jidħol f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja mingħajr ma jsir detentur tal-polza skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni bażi u oriġinali, tikkomunika lil dan il-konsumatur mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) ta’ din id-direttiva.

    D.   X’informazzjoni għandha tiġi żvelata?

    88.

    Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑143/20 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑213/20, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex gwida dwar x’tip ta’ informazzjoni u x’livell ta’ dettall għandu jiġi kkomunikat lir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali permezz tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, moqri flimkien mal-punti (a)11 u (a)12 tal-Anness III(A) tagħha. Il-qorti tar-rinviju żżid li evalwazzjoni lingwistika komparattiva tal-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Pollakk tal-punt (a)12 tal-Anness III(A) tad-direttiva tikxef livell iktar baxx skont il-verżjoni Pollakka tad-direttiva (“wskazanie” jew “indikazzjonijiet”), filwaqt li l-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bl-Ingliż kollha jeħtieġu informazzjoni dwar in-natura, speċifikazzjoni tat-tip u karatteristiċi tal-assi bażi.

    89.

    Fil-Kawża C‑143/20, ir-rikorrent jidher li fil-proċeduri prinċipali qiegħed isostni li kellu jingħata informazzjoni ddettaljata dwar il-karatteristiċi tal-investiment u r-regoli li jirregolaw l-allokazzjoni tal-primjum tal-assigurazzjoni lill-unitajiet varji tal-indiċi. Is-sempliċi żvelar tal-fatt li l-investiment kien jikkonċerna “ċertifikati”, kif il-konvenut f’din il-kawża jidher li għamel, ikun insuffiċjenti. Fil-Kawża C‑213/20, ir-rikorrenti jsostnu li kellhom jirċievu informazzjoni“kompleta” dwar il-karatteristiċi tal-obbligazzjonijiet strutturati mixtrija għall-fondi marbuta ma’ unitajiet, inkluż informazzjoni “ddettaljata” u “eżawrjenti” dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, il-portata u t-tip ta’ “kull riskju” assoċjat ma’ dawn l-investimenti.

    90.

    Min-naħa tagħha, il-konvenuta fil-Kawża C‑213/20 ssostni li l-punt (a)12 tal-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja ma jeħtieġx il-komunikazzjoni ta’ deskrizzjoni “ddettaljata” tal-livell, il-portata u n-natura tar-riskju ta’ investiment inerenti fl-assi tal-fond ta’ investiment. Din it-tip ta’ informazzjoni ma tiffurmax parti min-“natura” tal-assi bażi għall-prodotti marbuta ma’ unitajiet fis-sens tagħhom.

    91.

    Il-Gvern tal-Polonja u l-Kummissjoni jsegwu b’mod ġenerali din il-perspettiva. Essenzjalment, dawn il-partijiet isostnu li huma biss il-karatteristiċi essenzjali tal-assi rappreżentattiv bażi tal-fond ta’ investiment li għandhom jiġu żvelati b’mod ċar u preċiż. Dan ifisser l-iżvelar tan-natura ekonomika u ġuridika ta’ dan l-assi, kif ukoll ir-riskju marbut miegħu.

    92.

    Jiena naqbel ma’ din it-tieni pożizzjoni.

    93.

    Isegwi mill-punti (a)11 u (a)12 tal-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja li l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ unitajiet għandha tinkludi żewġ elementi. L-ewwel element, elenkat fil-punt (a)11 tagħha, jobbliga l-istabbiliment tad-“definizzjoni ta’ l-unitajiet” li magħhom huma marbuta l-benefiċċji taħt il-polza ta’ assigurazzjoni. It-tieni element, elenkat fil-punt (a)12 tal-istess anness, jeħtieġ “indikazzjoni tan-natura ta’ l-assi” bażi tal-polza marbuta ma’ unitajiet.

    94.

    Mingħajr iktar spjegazzjoni id-“definizzjoni ta’ l-unitajiet” f’fond ta’ investiment tista’ tkun estremament iddettaljata, iżda ma għandhiex għalfejn tkun hekk. B’mod simili, in-“natura ta’ l-assi” bażi tal-polza tista’, minnha nnifisha, tiġi spjegata b’riferiment għat-terminu finanzjarju ġenerali tagħha (bħal “derivattiv”) iżda tista’ wkoll teħtieġ spjegazzjoni pjuttost iddettaljata tat-tip u l-funzjonament ta’ dan l-assi.

    95.

    Dan huwa fejn il-premessa 52 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja żżid fl-importanza. Hija tinkludi numru ta’ kejlijiet li għandhom jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36(1) u l-Anness III(A) tad-direttiva ( 32 ). Għal dan l-għan, il-premessa 52 tipprevedi, fil-parti rilevanti, li d-direttiva għandha tikkoordina fost l-Istati Membri l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-ammont minimu ta’ informazzjoni sabiex il-konsumatur jiġi pprovdut bi “kwalunkwe informazzjoni […] neċessarja sabiex hu/hi ikunu jistgħu jagħżlu il-kuntratt l-aħjar adattat għall-bżonnijiet tiegħu/tagħha.” L-informazzjoni pprovduta għandha tkun “ċara u eżatta dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti lilu/lilha” ( 33 ).

    96.

    Fil-fehma tiegħi, dawn l-elementi kollha jirriżultaw fi tliet kunsiderazzjonijiet. L-ewwel, id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja ma fittxitx kompletament li tarmonizza l-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Għaldaqstant, tibqa’ xi diskrezzjoni għad-dritt nazzjonali sabiex imur lil hinn mir-rekwiżiti inklużi fid-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. It-tieni, id-dettall tal-informazzjoni li jeħtieġ l-iżvelar jiddependi fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet espressi mill-konsumatur. Madankollu, dawn it-talbiet għandhom ikunu bbilanċjati permezz tal-perspettiva oġġettiva tal-“ħtieġa”. It-tielet, l-informazzjoni żvelata fit-tmiem ta’ dan il-proċess ta’ bilanċ għandha, bħala minimu, tkopri l-“karatteristiċi essenzjali” tal-prodott ta’ assigurazzjoni. Għall-għanijiet tal-obbligu tal-iżvelar minn qabel inkluż fl-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, dawn il-karatteristiċi huma stabbiliti fl-Anness III(A), u b’mod partikolari fil-punti (a)11 u (a)12 tagħha ( 34 ).

    97.

    Huwa ovvju li evalwazzjoni tat-tielet kunsiderazzjoni ma tistax isseħħ fl-astratt. Minħabba l-kumplessità tal-prodotti ta’ assigurazzjoni, il-“karatteristiċi essenzjali” ta’ prodott mhux neċessarjament ikunu l-istess bħal ta’ ieħor. L-osservanza tal-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni inkluż fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja għalhekk għandha titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali partikolari, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżerċizzju ta’ bilanċ spjegat fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    98.

    Filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq din id-determinazzjoni f’dawn il-kawżi, jista’ madankollu jkun utli li jsiru tliet osservazzjonijiet relatati mal-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju tal-evalwazzjoni ġuridika u fattwali quddiemha.

    99.

    L-ewwel, kwalunkwe diverġenza fis-sens tal-verżjoni lingwistika bil-Pollakk tal-punt (a)11 tal-Anness III(A) ma tibdilx il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata skont dan l-anness. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ċar li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata preċedenza fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra f’dan ir-rigward. In-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teskludi li verżjoni waħda tat-test titqies b’mod iżolat, u tirrikjedi li hija tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha ( 35 ).

    100.

    It-tieni, fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-Kawża C‑143/20, naqbel mal-qorti tar-rinviju, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni li definizzjoni sempliċi komposta minn kelma waħda, fi kliem ieħor definizzjoni tal-unitajiet tal-fond ta’ investiment bħala komposti minn “derivattivi” jew “prodotti strutturati”, hija insuffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-punt (a)11 tal-Anness III(A). Huwa ċar li l-“karatteristiċi essenzjali” ta’ prodott jeħtieġu mill-inqas xi deskrizzjoni ekonomika u/jew ġuridika ta’ dawn l-unitajiet sabiex il-konsumatur ikun jista’ jiddeċiedi jekk dan il-prodott jissodisfax il-ħtiġijiet tiegħu.

    101.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-kuntratt ippreżentat lir-rikorrent fil-Kawża C‑143/20 ma inkludiex regoli dwar il-valutazzjoni, la tal-unitajiet tal-fond u lanqas tal-assi netti tal-fond totali, jew, fil-fatt, informazzjoni dwar kif kellhom jiġu magħżula ċ-ċertifikati li kellhom jitqiegħdu fihom il-primjums. Informazzjoni dwar tali kamp ta’ applikazzjoni daqshekk limitat hija ovvjament insuffiċjenti sabiex konsumatur ikun jista’ jifhem in-natura ekonomika u ġuridika tal-assi bażi u sabiex jevalwa r-riskji relatati tagħhom. Madankollu, l-aħħar kelma dwar din l-evalwazzjoni mqabbla mal-livell ta’ informazzjoni inkluż fil-punti (a)11 u (a)12 tal-Anness III(A) hija tal-qorti nazzjonali.

    102.

    It-tielet, fir-rigward tar-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20, jekk il-premessa 52 tad-direttiva tingħata xi importanza, l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata lilhom ma tistax tkun “iddettaljata” jew “eżawrjenti” vis-à-vis il-kamp ta’ applikazzjoni jew il-portata u t-tipi tar-“riskji kollha” assoċjati mal-investiment. Bħala definizzjoni, il-“karatteristiċi essenzjali” ta’ prodott ma humiex “iddettaljati” jew “eżawrjenti”. Huma sempliċiment ikopru l-elementi “essenzjali” tiegħu. Fil-fatt, huwa naturalment impossibbli li jiġu elenkati r-riskji kollha ta’ prodott ta’ investiment kumpless. Kulma huwa meħtieġ huwa li tiġi żvelata n-natura vera tal-istrument bażi u r-riskji strutturali inerenti fih, magħrufa jew raġonevolment prevedibbli meta jitwettaq l-iżvelar. Madankollu, hija biss il-qorti nazzjonali li tista’ twettaq evalwazzjoni kompleta dwar jekk it-talbiet tar-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 jaqgħux lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti (a)11 u (a)12 tal-Anness III(A), kif meħtieġ mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    103.

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb it-tieni domanda fil-Kawża C‑132/20 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑213/20 kif ġej:

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja għandu jiġi interpretat li jeħtieġ il-komunikazzjoni tan-natura vera tal-prodott bażi u r-riskji strutturali inerenti fih. Din l-informazzjoni tinkludi definizzjoni tal-unitajiet li magħhom huma marbuta l-benefiċċji tal-poloz marbuta ma’ unitajiet u indikazzjoni tan-natura tal-assi bażi ta’ dawn il-poloz li tkopri mill-inqas il-karatteristiċi ekonomiċi u/jew ġuridiċi essenzjali ta’ dawn l-unitajiet u assi bażi.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kawża, l-informazzjoni kkomunikata lil konsumatur tissodisfax dan il-livell.

    E.   Meta għandha tiġi żvelata din l-informazzjoni?

    104.

    Permezz tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑213/20, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jimplikax ir-rekwiżit li tiġi stabbilita proċedura prekuntrattwali separata li matulha l-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) għandha tiġi żvelata lill-konsumatur. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju mbagħad tfittex gwida dwar jekk dan l-artikolu jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 13(4) tal-Liġi dwar l-Attivitajiet ta’ Assigurazzjoni, li skontha huwa suffiċjenti li tiġi żvelata l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja għall-ewwel darba fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni u matul l-iffirmar tiegħu.

    105.

    Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑213/20 isostnu li l-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja kellha tiġi kkomunikata lilhom qabel u mhux waqt l-iffirmar tad-dikjarazzjonijiet ta’ adeżjoni fil-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni. Huwa hekk biss li konsumatur jista’ jagħmel deċiżjoni informata dwar l-għażla ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni li taqdi l-ħtiġijiet tiegħu bl-aħjar mod.

    106.

    Il-konvenuta fil-Kawża C‑213/20 u l-Gvern Pollakk ma jaqblux ma’ din il-fehma. Dawn essenzjalment jispjegaw li l-formulazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja ma jinkludix il-ħtieġa għal proċedura prekuntrattwali u lanqas il-mument preċiż meta l-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur. Fuq din il-bażi, il-konvenuta fil-Kawża C‑213/20 u l-Gvern Pollakk jispjegaw li peress li l-Artikolu 13(4) tal-Liġi dwar l-Attivitajiet ta’ Assigurazzjoni ma jispjegax il-mument meta għandu jitwettaq l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni, din id-dispożizzjoni ma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    107.

    Il-Kummissjoni tagħmel analoġija mal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kreditu għall-konsum u tad-drittijiet tal-konsumatur li interpretat obbligi simili bħala li jeħtieġu l-iżvelar “fi żmien xieraq” qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ( 36 ). Fuq din il-bażi, ikun insuffiċjenti li tiġi kkomunikata l-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) biss fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

    108.

    Jiena naqbel mal-Kummissjoni.

    109.

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja hija l-punt tat-tluq. Din id-dispożizzjoni tispjega li mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi żvelata “[q]abel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni” ( 37 ). Ma hija pprovduta ebda spjegazzjoni ulterjuri dwar meta għandha sseħħ din il-komunikazzjoni, jew jekk għandhiex tiġi stabbilita proċedura “prekuntrattwali” separata mid-dritt nazzjonali. L-ewwel paragrafu tal-Anness III(A) sempliċiment iżid li din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta “b’mod ċar u eżatt, bil-miktub, f’lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-impenn”.

    110.

    Għalhekk, il-formulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja teħtieġ li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni minima stabbilita fiha sseħħ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni. Minnha nnifisha, din diġà loġikament tipprojbixxi dan il-“mument tal-iżvelar tal-informazzjoni” milli jkun identiku għall-“mument tal-konklużjoni tal-kuntratt”.

    111.

    Barra minn hekk, kif il-Gvern Pollakk indika korrettament, fuq qari tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja fid-dawl tal-premessa 52 tiegħu, huwa ċar li l-għan tad-distinzjoni ta’ dawn iż-żewġ mumenti huwa li l-konsumatur jiġi offrut ċertu perijodu ta’ żmien li fih hu jista’ jieħu vantaġġ sħiħ mid-diversità u l-kompetizzjoni miżjuda (fis-suq intern għall-assigurazzjoni) sabiex “hu/hi ikunu jistgħu jagħżlu il-kuntratt l-aħjar adattat għall-bżonnijiet tiegħu/tagħha”.

    112.

    Madankollu, bil-maqlub ta’ ċerti strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 38 ), id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja ma tistabbilixxix perijodu ta’ żmien minimu f’dan ir-rigward. Fl-assenza ta’ regoli bħal dawn huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi regoli proċedurali sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumatur f’dan is-sens. Dan iżda bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 39 ).

    113.

    Ma kien hemm ebda indikazzjoni li t-tilwim fil-proċeduri prinċipali jqajjem kwistjonijiet ta’ ekwivalenza. Madankollu, bħalma tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, sa fejn l-Artikolu 13(4) tal-Liġi dwar l-Attivitajiet ta’ Assigurazzjoni jippermetti l-possibbiltà li tiġi żvelata l-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja fl-istess ħin tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, huwa neċessarju li din id-dispożizzjoni tiġi eżaminata fid-dawl tal-effettività tal-għan imfittex mid-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, u b’mod partikolari tal-Artikolu 36(1) tagħha.

    114.

    F’dan ir-rigward, jidher mill-ispjegazzjonijiet tal-partijiet fil-proċess li l-Artikolu 13(4) tal-Liġi dwar l-Attivitajiet ta’ Assigurazzjoni jadotta l-formulazzjoni ġenerali tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja mingħajr, madankollu, ma jispeċifika meta għandu jseħħ l-iżvelar tal-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) ta’ din id-direttiva.

    115.

    Din ma hijiex problema bħala tali. Anki jekk jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tad-direttiva, l-Artikolu 36 tagħha ma jeħtieġx li l-liġi nazzjonali li tittrasponih tipprevedi għal mument fiss, perijodu ta’ żvelar minimu, jew imqar proċedura ta’ żvelar separata. Fl-istess ħin, madankollu, fir-realtà ta’ każijiet individwali, il-konsumatur għandu jingħata żmien suffiċjenti sabiex jagħmel għażla informata dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni li hu jixtieq jidħol fih. Għażla informata bħal din tista’ sseħħ biss jekk konsumatur jingħata, bil-miktub, l-ammont minimu ta’ informazzjoni rilevanti, u jiġi offrut xi ħin, sakemm hu ma jiġix imċaħħad b’mod espliċitu mili jagħmel użu minn dan il-ħin sabiex iwieżen ir-riskji u l-benefiċċji li joriġinaw mid-deċiżjoni kuntrattwali riżultanti.

    116.

    Huwa evidenti li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li din l-informazzjoni tiġi pprovduta bil-fomm biss jew inkella bil-miktub biss fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Għalhekk xi direttivi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jagħmlu riferiment għall-ħtieġa li lill-konsumatur jiġi trażmess ċertu minimu ta’ informazzjoni “[f]i żmien debitu” qabel ma tiġi fformulata deċiżjoni ta’ konsum ( 40 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll formulazzjoni suġġettiva simili fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83/UE, mingħajr ma din id-direttiva kienet tinkludi tali formulazzjoni ( 41 ).

    117.

    L-għan tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jipprevedi l-istess tip ta’ perijodu “buffer” għall-konsumatur sabiex jifformula d-deċiżjoni tiegħu. It-tul preċiż ta’ dan il-perijodu xieraq ta’ riflessjoni x’aktarx ikun dipendenti fuq il-kawża, u jinkludi elementi bħall-kumplessità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni propost, is-sitwazzjoni tal-konsumatur inkwistjoni, kif ukoll iċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tal-kuntratt u l-preżentazzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-preċedenti, dak li preċiżament jammonta għal “żmien debitu” u jekk l-ammont ta’ “riflessjoni raġonevoli” ġiex issodisfatt jistgħu naturalment ivarjaw bejn każijiet individwali.

    118.

    Għaldaqstant jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi r-raba’ domanda fil-Kawża C‑213/20 kif ġej:

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiżgurax li konsumatur jirċievi mill-inqas l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III(A) ta’ din id-direttiva f’xi mument qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, bil-miktub, u b’mod ċar u preċiż li tippermettilu, wara perijodu ta’ riflessjoni, jagħmel għażla informata dwaru.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx osservati fil-proċeduri prinċipali.

    F.   X’inhuma l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ żvelar ta’ din l-informazzjoni?

    119.

    Ir-raba’ sas-sitt domanda fil-Kawża C‑143/20 u l-ħames domanda fil-Kawża C‑213/20 jistaqsu dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ żvelar mill-inqas tal-informazzjoni inkluża fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    120.

    Dawn id-domandi jqajmu din il-kwistjoni mill-perspettiva tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, rispettivament. Peress li din tal-aħħar tieħu preċedenza fuq tal-ewwel fil-każ ta’ kunflitt bejn dawn l-istrumenti ( 42 ), l-ewwel huwa neċessarju li tiġi ttrattata l-ħames domanda fil-Kawża C‑213/20. Huwa biss jekk din id-domanda tikxef li d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja ma tirregolax il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ żvelar ta’ mill-inqas l-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) ta’ din id-direttiva li wieħed ikun jista’ validament jirritorna għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑143/20.

    1. L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jirregola n-nuqqas ta’ żvelar tal-informazzjoni inkwistjoni?

    121.

    Il-ħames domanda fil-Kawża C‑213/20 tistaqsi jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja għandux jiġi interpretat li jfisser li jekk l-obbligu inkluż fih ma jkunx twettaq korrettement, il-konsumatur ikollu d-dritt li jitlob ir-rimbors tal-primjums ta’ assigurazzjoni kollha mħallsa, irrispettivament jekk ikunx fuq il-bażi tal-possibbiltà ta’ dikjarazzjoni li l-kuntratt huwa invalidu jew null.

    122.

    Fil-fehma tiegħi, dan ma jistax ikun il-każ. Bħalma l-partijiet kollha bl-eċċezzjoni tar-rikorrent fil-Kawża C‑213/20 jindikaw korrettement, interpretazzjoni bħal din ma ssegwix mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Din id-dispożizzjoni sempliċement ma tirregolax il-konsegwenzi ta’ ksur tal-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 36(1) tagħha ( 43 ).

    123.

    Fil-fatt, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li fir-rigward tad-dispożizzjoni preċedenti ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 36(3) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, “l-effetti li d-dritt intern jorbot man-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, bħala prinċipju, ma għandhomx rilevanza għall-konformità [ma’ din id-dispożizzjoni] tal-obbligu ta’ komunikazzjoni” ( 44 ).

    124.

    Ma hemm ebda indikazzjoni, u lanqas ma ġew imressqa argumenti li jissuġġerixxu, li din il-konstatazzjoni għandha tkun differenti għall-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Ċertament, għandu jkun hemm konsegwenzi għan-nuqqas li mill-inqas tiġi pprovduta l-informazzjoni inkluża fl-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Madankollu, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi t-tipi speċifiċi ta’ konsegwenzi skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali u suġġett għar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività.

    125.

    Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja ma jirregolax il-konsegwenzi ta’ nuqqas li mill-inqas tiġi pprovduta l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) tagħha, li għalhekk huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddeterminahom.

    2. L-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali japplikaw għaċ-ċirkustanzi fil-proċeduri prinċipali?

    126.

    Ir-raba’ sas-sitt domanda fil-Kawża C‑143/20 jistaqsu wkoll jekk in-nuqqas li mill-inqas tiġi żvelata l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jew ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tagħha.

    127.

    Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑143/20 ( 45 ), il-ħames u s-sitt domanda, magħmula fl-istess kawża, isiru mingħajr skop. F’din it-taqsima, sejjer għalhekk nikkunsidra biss ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑143/20, u għalhekk nevalwa jekk in-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni minima lil konsumatur jistax jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jew ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tagħha.

    128.

    Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni essenzjalment jikkunsidraw li n-nuqqas li mill-inqas tiġi kkomunikata l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jista’ jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fi ħdan is-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali. Jista’ jammonta b’mod partikolari għal ommissjoni qarrieqa fi ħdan is-sens tal-Artikolu 7 tagħha, fejn tali ommissjoni twassal jew x’aktarx twassal lill-konsumatur medju sabiex jagħmel deċiżjoni tranżazzjonali li kieku ma kienx jagħmel.

    129.

    Il-Gvern Pollakk iżid li din il-kunsiderazzjoni ma tiġix iddubitata mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali. Din id-direttiva tal-aħħar ma tikkontradixxix id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Minflok, hija tikkumplimenta d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ nuqqas li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni minima stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

    130.

    B’mod ġenerali naqbel mal-Kummissjoni u mal-Gvern Pollakk.

    131.

    Il-“klawżola dwar il-kunflitti” fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali hija spjegata fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva bħala applikabbli biss “safejn m’hemmx dispożizzjonijiet ta’ liġi Komunitarja speċifiċi li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur”. Hija għalhekk tagħti preċedenza lil dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jipprevedu għal konsegwenzi bħal dawn ( 46 ).

    132.

    Madankollu, kif spjegat fil-punti 121 sa 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja ma tirregolax il-kwistjoni speċifika tal-konsegwenzi ta’ nuqqas li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni tal-Artikolu 36(1) tagħha. Għaldaqstant, ma jistax ikun hemm xi kunflitt dixxernibbli li joriġina mill-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti ġuridiċi fl-istess ħin ( 47 ). Minflok, id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali tikkumplimenta d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja dwar dan il-punt billi sempliċiment tindika x’tip ta’ rekwiżiti skont l-Artikolu 36 tat-tieni direttiva jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “importanti” għall-għanijiet tal-Artikolu 7 tal-ewwel direttiva ( 48 ).

    133.

    Wara li din il-kwistjoni ġiet iċċarata, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas li jiġi ssodisfatt l-obbligu tal-iżvelar ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja jistax jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, jew ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tagħha.

    134.

    Id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali hija intiża li tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-prattiki kummerċjali żleali min-naħa tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 49 ). Hija tapplika għal tali prattiki żleali li joriġinaw qabel, matul u wara li sseħħ tranżizzjoni kummerċjali ( 50 ). F’dan il-kuntest, jidher li ma huwiex ikkontestat li, billi taw il-kunsens għall-adeżjoni fil-kuntratt kollettiv dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ unitajiet fil-proċeduri prinċipali, il-konvenuti u r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali ħadu sehem fi ’“prattiċi kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-direttiva ( 51 ).

    135.

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali tikkonċerna l-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali. Il-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi din il-projbizzjoni ġenerali ( 52 ). Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jispjega dak li huwa kkunsidrat żleali: prattiki kummerċjali, li huma kuntrarji għar-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali u joħolqu distorsjoni sostanzjali jew jheddu li joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-aġir ekonomiku tal-“konsumatur medju” ( 53 ). Il-paragrafu 4 mbagħad jiddefinixxi żewġ kategoriji speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali “żleali”. Waħda minn dawn il-kategoriji tikkonċerna prattiki kummerċjali “li […] jqarrqu”.

    136.

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali huwa espressjoni tal-kategorija speċifika ta’ “prattiċi kummerċjali qarrieqa” ( 54 ). Dan jikkonċerna “ommissjonijiet qarrieqa”. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jimponi fuq in-negozjanti obbligu pożittiv li jipprovdu lill-konsumaturi bl-informazzjoni kollha kkunsidrata “importanti” li l-ommissjoni tagħha hija suġġetta għal sanzjonijiet skont id-dritt nazzjonali ( 55 ), sakemm din l-ommissjoni tikkawża jew x’aktarx twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li hu kieku ma kienx jieħu.

    137.

    Fl-istess ħin, il-premessa 15, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(5) u l-Anness II tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, jimplika preżunzjoni leġiżlattiva li l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja, inkluż il-paragrafu 1 tiegħu, għandhom jiġu kkunsidrati “importanti” għall-għanijiet tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali ( 56 ).

    138.

    Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha quddiemha, jekk, l-ewwel, id-detenturi tal-polza fil-Kawża C‑143/20 naqsux milli jikkomunikaw it-“tagħrif importanti” inkluż fl-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja; u, it-tieni, jekk, fuq il-bażi ta’ din l-ommissjoni, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑143/20 (imqabbla mal-livell ta’ konsumatur raġonevolment attent u medju), x’aktarx ħadu jew kienu x’aktarx se jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali li kieku ma kinux jieħdu ( 57 ).

    139.

    Fundamentalment, din hija evalwazzjoni li hija biss il-qorti nazzjonali, b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi fattwali fil-proċeduri prinċipali, li tista’ tagħmel. Madankollu, jista’ jkun utli li jsiru żewġ osservazzjonijiet li jkun xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju fl-għoti tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

    140.

    L-ewwel, huwa importanti li jiġi kkunsidrat li, permezz tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-informazzjoni fl-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja hija l-minimu assolut għall-iżvelar fil-każ ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Fejn dan ma huwiex il-każ, il-premessa 52 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja timplika li konsumatur ma għandux il-kapaċità li jagħżel “il-kuntratt l-aħjar adattat għall-bżonnijiet tiegħu/tagħha”. Dawn il-preżunzjonijiet għalhekk għandhom jissodisfaw rwol sinjifikattiv fl-evalwazzjoni ta’ jekk in-nuqqas ta’ żvelar tagħhom wassalx jew kienx x’aktarx sejjer iwassal lil konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li hu kieku ma kienx jieħu.

    141.

    It-tieni, l-istandard tal-istħarriġ fl-evalwazzjoni ta’ jekk konsumatur medju kienx jieħu d-deċiżjoni tranżazzjonali inkwistjoni huwa ta’ natura oġġettiva. Dan jieħu inkunsiderazzjoni lill-konsumatur raġonevolment informat u attent ( 58 ). Fil-fatt, il-kejl huwa sseparat minn kwalunkwe xewqat suġġettivi partikolari jew speċjali ta’ konsumatur partikolari. B’mod partikolari, il-fehmiet suġġettivi ta’ konsumatur, jiġifieri li hu suġġettivament kien jixtieq jirċievi iktar informazzjoni, ma humiex deċiżivi f’evalwazzjoni (neċessarjament oġġettifikata) bħal din.

    142.

    Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi r-raba’ domanda fil-Kawża C‑143/20 kif ġej:

    L-Artikolu 7(1) u (5) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali għandu jiġi interpretat li jfisser li l-ommissjoni li mill-inqas tiġi kkomunikata l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja tikkostitwixxi prattika kummerċjali qarrieqa, jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħha u l-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, il-konsumatur medju ma ġiex ipprovdut bl-informazzjoni li hu għandu bżonn, skont il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali u għalhekk twassal jew x’aktarx twassal lil dak il-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li hu kieku ma kienx jieħu.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-proċeduri prinċipali.

    V. Konklużjoni

    143.

    Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tas-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il‑Qorti Distrettwali għal Warszawa-Wola, Varsavja, il-Polonja) kif ġej:

    L-ewwel domanda fil-Kawża C‑143/20 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑213/20:

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għandu jiġi interpretat li jfisser li l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni prekuntrattwali li jinsab fih jeħtieġ li l-kontroparti f’kuntratt ma’ konsumatur, fejn dan tal-aħħar jidħol f’kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja mingħajr ma jsir detentur tal-polza skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni bażi u oriġinali, tikkomunika lil dan il-konsumatur mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) ta’ din id-direttiva.

    It-tieni domanda fil-Kawża C‑143/20 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑213/20:

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat li jeħtieġ il-komunikazzjoni tan-natura vera tal-prodott bażi u r-riskji strutturali inerenti fih. Din l-informazzjoni tinkludi definizzjoni tal-unitajiet li magħhom huma marbuta l-benefiċċji tal-poloz marbuta ma’ unitajiet u indikazzjoni tan-natura tal-assi bażi ta’ dawn il-poloz li tkopri mill-inqas il-karatteristiċi ekonomiċi u/jew ġuridiċi essenzjali ta’ dawn l-unitajiet u assi bażi. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kawża, l-informazzjoni kkomunikata lil konsumatur tissodisfax dan il-livell.

    Ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑213/20:

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiżgurax li konsumatur jirċievi mill-inqas l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III(A) ta’ din id-direttiva f’xi mument qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, bil-miktub, u b’mod ċar u preċiż li tippermettilu, wara perijodu ta’ riflessjoni, jagħmel għażla informata dwaru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx osservati fil-proċeduri prinċipali.

    Ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑143/20:

    L-Artikolu 7(1) u (5) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi interpretat li jfisser li l-ommissjoni li mill-inqas tiġi kkomunikata l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 tikkostitwixxi prattika kummerċjali qarrieqa, jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħha u l-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, il-konsumatur medju ma ġiex ipprovdut bl-informazzjoni li hu għandu bżonn, skont il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali u għalhekk twassal jew x’aktarx twassal lil dak il-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li hu kieku ma kienx jieħu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-proċeduri prinċipali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3).

    ( 3 ) Premessa 2 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    ( 4 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

    ( 5 ) L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

    ( 6 ) Din il-liġi tħassret fl‑1 ta’ Jannar 2016 permezz tal-Ustawa o działalności ubezpieczeniowej i reasekuracyjnej (il-Liġi dwar l-Attivitajiet ta’ Assigurazzjoni u ta’ Riassigurazzjoni) tal‑11 ta’ Settembru 2015 (Dz. U. 2015, punt 1844).

    ( 7 ) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 262, p. 34 u fil-ĠU 2019, L 316, p. 107).

    ( 8 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (205/84, EU:C:1986:463, punt 33), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-preżenza ta’ raġunijiet imperattivi relatati mal-interess pubbliku għas-settur tal-prodotti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    ( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 29).

    ( 10 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, L-Ewwel Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM(2013) 139 final, p. 25.

    ( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Heininger (C‑481/99, EU:C:2001:684, punt 47); tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 30); tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 50); u tad‑29 ta’ April 2015, Nationale-Nederlanden Levensverzekering Mij (C‑51/13, EU:C:2015:286, punt 21).

    ( 12 ) Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, González Alonso (C‑166/11, EU:C:2012:119, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punti 2930). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 50).

    ( 14 ) Bħalma l-Kummissjoni tindika korrettement, il-prodotti inkwistjoni ma jikkonċernawx kuntratti kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja fejn is-sħubija hija obbligatorja, bħal dawk konklużi fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ impjieg. Dawn it-tipi ta’ kuntratti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    ( 15 ) Ibid., l-Artikolu 311, kif emendat mid-Direttiva 2013/58/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II) rigward id-data tat-traspożizzjoni tagħha u d-data tal-applikazzjoni tagħha, u d-data tat-tħassir ta’ ċerti Direttivi (Solvenza I) (ĠU 2013, L 341, p. 1).

    ( 16 ) Ara l-Artikoli 2(1)(a) tad-Direttivi 2004/39 u 2014/65 kif ukoll il-premessa 27 tat-tieni waħda.

    ( 17 ) Ara l-Artikolu 94 et seq tad-Direttiva 2014/65.

    ( 18 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża Franz-Josef Hagedorn und Vienna-Life Lebensversicherung AG vs Rainer Armbruster und Swiss Life (Liechtenstein) AG (Kawżi Magħquda E‑15/15 u E‑16/15, punt 52).

    ( 19 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2002, Axa Royale Belge (C‑386/00, EU:C:2002:136, punt 20), u tad‑29 ta’ April 2015, Nationale-Nederlanden Levensverzekering Mij (C‑51/13, EU:C:2015:286, punt 19).

    ( 20 ) Għalhekk żgur ma tilħaqx, fil-fehma tiegħi, il-livell ta’ espansjoni interpretattiva li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt lesta twettaq fil-passat sabiex timla l-vojt fil-protezzjoni effettiva tal-konsumatur attribwibbli għal redazzjoni jew formulazzjoni ġuridika problematika jew b’nuqqasijiet – ara, bħala illustrazzjoni, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 49 sa 54).

    ( 21 ) Ara wkoll il-premessa 7 u l-Artikolu 36(4) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    ( 22 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2012, González Alonso (C‑166/11, EU:C:2012:119, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et (C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 49). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34).

    ( 23 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża Franz-Josef Hagedorn und Vienna-Life Lebensversicherung AG vs Rainer Armbruster und Swiss Life (Liechtenstein) AG (Kawżi Magħquda E‑15/15 u E‑16/15, punt 61).

    ( 24 ) Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et (C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 50), li tagħmel riferiment għas-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 17), u tas‑26 ta’ Marzu 2015, Litaksa (C‑556/13, EU:C:2015:202, punt 28).

    ( 25 ) Ibid., punt 50, li jagħmel riferiment għas-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Aspiro (C‑40/15, EU:C:2016:172, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) F’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, kunsthaus muerz (C‑20/19, EU:C:2020:273, punti 35 sa 3641).

    ( 27 ) Ibid., punt 39. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punti 2829), u tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Heininger (C‑481/99, EU:C:2001:684, punti 45 u 47).

    ( 28 ) Li kieku dan kien il-każ skont id-dritt nazzjonali, jiena nassumi li l-parti l-kbira tad-domandi (jekk mhux kollha) magħmula mill-qorti tar-rinviju f’dawn il-proċeduri kienu bla bżonn. Ir-rikorrenti jistgħu sempliċiment jitolbu r-restituzzjoni ta’ arrikkiment indebitu mid-detentur tal-polza, minħabba li din il-parti tkun irċeviet il-flus tagħhom mingħajr ebda titolu ġuridiku.

    ( 29 ) Qabbel mal-premessi 44 sa 47, l-Artikolu 35, u l-Artikolu 38(1), (2) u (5) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    ( 30 ) Ara, pereżempju, il-premessi 2 u 39 u l-Artikoli 14(5) u 53(6) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Nationale-Nederlanden Levensverzekering Mij (C‑51/13, EU:C:2014:1921, punt 37).

    ( 31 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, kunsthaus muerz (C‑20/19, EU:C:2020:273, punti 35 sa 3641).

    ( 32 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, kunsthaus muerz (C‑20/19, EU:C:2020:273, punti 35 sa 3641).

    ( 33 ) Enfasi miżjud minni.

    ( 34 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2002, Axa Royale Belge (C‑386/00, EU:C:2002:136, punt 24) dwar l-Artikolu 31(3), Anness II u l-premessa 23 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal‑10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (ĠU 1992, L 360, p. 1).

    ( 35 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 14); tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience and Stichting De Bijenstichting (C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 84); u tal‑25 ta’ Frar 2021, Bartosch Airport Supply Services (C‑772/19, EU:C:2021:141, punt 26).

    ( 36 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 46), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑380/19, EU:C:2020:498, punti 33 sa 35).

    ( 37 ) Enfasi miżjud minni.

    ( 38 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

    ( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 23); u tat‑22 ta’ April 2021, PROFI CREDIT Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 40 ) Ara iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.

    ( 41 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑380/19, EU:C:2020:498, punt 34) li interpretat l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

    ( 42 ) Ara l-premessa 10 u l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

    ( 43 ) Qabbel mal-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 35(1) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Citroën Commerce (C‑476/14, EU:C:2016:527, punt 44).

    ( 44 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2015, Nationale-Nederlanden Levensverzekering Mij (C‑51/13, EU:C:2015:286, punt 36). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat‑13 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża Beatrix Koch, Dipl. Kfm. Lothar Hummel u Stefan Müller vs Swiss Life (Liechtenstein) AG (Kawża E‑11/12, punt 73).

    ( 45 ) Iktar ’il fuq, il-punti 54 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punti 6168 sa 69).

    ( 47 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Ministerstwo Sprawiedliwości (C‑55/20, EU:C:2021:500, punti 77 sa 81).

    ( 48 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Abcur (C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punt 78).

    ( 49 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Trento Sviluppo u Centrale Adriatica (C‑281/12, EU:C:2013:859, punt 31).

    ( 50 ) Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

    ( 51 ) Dwar l-interpretazzjoni ġenerali ta’ dan it-terminu, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 52 ) Qabbel mal-premessa 11 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

    ( 53 ) Il-konsumatur medju huwa xi ħadd li jeżerċita l-fehma tiegħu stess, mingħajr ma jikkummissjona rapport ta’ espert jew riċerka professjonali ulterjuri – ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne (C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 54 ) F’dan is-sens, is-sentenzu tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Trento Sviluppo u Centrale Adriatica (C‑281/12, EU:C:2013:859, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart (C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 44).

    ( 55 ) Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.

    ( 56 ) Irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk “tagħrif importanti” fil-fatt ikoprix l-istess kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness III(A) tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja.

    ( 57 ) L-istess punti ta’ riferiment evidentement japplikaw ukoll għall-Kawża C‑213/20, kieku l-qorti tar-rinviju kellha tfittex li tidħol f’din l-evalwazzjoni fil-proċeduri prinċipali rilevanti.

    ( 58 ) Ara iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53.

    Top