Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0124

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2021.
    Bank Melli Iran vs Telekom Deutschland GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali – Regolament (KE) Nru 2271/96 – Protezzjoni mill-effetti tal-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz – Miżuri restrittivi meħuda mill‑Istati Uniti tal‑Amerika kontra l-Iran – Sanzjonijiet sekondarji adottati minn dan il-pajjiż terz, li jipprekludu lil persuni milli jkollhom, barra mit-territorju tiegħu, relazzjonijiet kummerċjali ma’ ċerti impriżi Iranjani – Projbizzjoni tal-osservanza ta’ din il‑leġiżlazzjoni – Eżerċizzju ta’ dritt ta’ xoljiment ordinarju.
    Kawża C-124/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section ;

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:386

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    HOGAN

    ippreżentati fit‑12 ta’ Mejju 2021 ( 1 )

    Kawża C‑124/20

    Bank Melli Iran, Aktiengesellschaft nach iranischem Recht

    vs

    Telekom Deutschland GmbH

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali – Protezzjoni mill-effetti tal-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Sanzjonijiet sekondarji adottati mill-Istati Uniti – Projbizzjoni tal-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni – Eżerċizzju ta’ dritt ordinarju ta’ xoljiment ta’ kuntratt”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat‑22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (iktar ’il quddiem l-“Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni”) ( 2 ), kif ġie l-aħħar emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1100 tas‑6 ta’ Ġunju 2018 ( 3 ). Huwa joriġina direttament mid-deċiżjoni ta’ Mejju 2018 ta’ (dak li dak iż-żmien kien) il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Donald J. Trump, f’isem l-Istati Uniti tal-Amerika li jirtiraw minn dak magħruf b’mod popolari bħala l-ftehim Iranjan dwar l-armi nukleari, ftehim li kien ġie preċedentement konkluż f’Lulju 2015. L-effett ta’ din id-deċiżjoni kien li tiġi skattata l-applikazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika fuq kumpanniji Iranjani u entitajiet Iranjani oħra, li l-applikazzjoni tagħhom kienet ġiet preċedentement sospiża fl‑2015.

    2.

    Għal raġunijiet ta’ politika estera u sigurtà nazzjonali, partikolarment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-Istati Uniti tal-Amerika imponew diversi tipi ta’ sanzjonijiet ekonomiċi kontra Stati u individwi jew entitajiet ġuridiċi. Uħud minn dawn is-sanzjonijiet ilhom stabbiliti, bħall-embargo fuq Kuba, li ġie awtorizzat permezz tal-Foreign Assistance Act of 1961 (l-Att dwar l-Għajnuna Barranija tal‑1961) u kkodifikat, fl‑1996, permezz tal-Cuban Liberty and Democractic Solidarity (Libertad) Act (l-Att dwar il-Libertà u s-Solidarjetà Demokratika Kubana (Libertad)). Mill-11 ta’ Settembru 2001 u l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-programm ta’ sanzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Uniti tal-Amerika kiber.

    3.

    Filwaqt li dawn is-sanzjonijiet japplikaw prinċipalment għal persuni tal-Istati Uniti tal-Amerika u persuni li ma humiex tal-Istati Uniti tal-Amerika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika li jinnegozjaw jew jinvestu mal-pajjiżi kkonċernati (sanzjonijiet primarji), uħud mid-dispożizzjonijiet għandhom ukoll fil-mira attivitajiet barra mill-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, primarjament ta’ kumpanniji barranin (sanzjonijiet sekondarji). Fil-fatt, ħafna mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika li timplimenta dawn is-sanzjonijiet tfittex jew li timponi sanzjonijiet fuq entitajiet ta’ Stati terzi li jinnegozjaw mal-Istat inkwistjoni jew billi, imbagħad, tipprojbixxi lil dawn l-entitajiet ta’ Stati terzi milli jinnegozjaw mal-Istati Uniti tal-Amerika ( 4 ).

    4.

    Dawn l-attentati għal ġurisdizzjoni ekstraterritorjali kienu storikament ikkritikati fil-livell tal-Unjoni Ewropea ( 5 ), peress li dawn tipikament jammontaw għal tip ta’ ġurisdizzjoni eżorbitanti li wħud jemmnu li ma hijiex faċilment rikonċiljabbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali pubbliku ( 6 ). Hawn jista’ jiġi osservat li l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 21(2)(h) tat-TUE jobbligaw lill-Unjoni sabiex tipproteġi u tippromwovi din is-sistema ta’ dritt internazzjonali. Iktar minn hekk, il-komunità kummerċjali tal-Unjoni oġġezzjonat għal dan it-tip ta’ leġiżlazzjoni fuq il-bażi li, fil-prattika, taffettwa kważi esklużivament lil kumpanniji barranin ( 7 ).

    5.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni bħal din b’effett ekstraterritorjali potenzjalment kunsiderevoli ma ġietx injorata. Fl‑1996 l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ġie adottat mill-Unjoni, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tiegħu jipprojbixxi kumpanniji Ewropej milli josservaw il-miżuri tal-Istati Uniti tal-Amerika ( 8 ). Madankollu, it-tensjonijiet bejn iż-żewġ sistemi ġuridiċi, li huma fil-qalba ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jippreżentaw problemi ġeopolitiċi potenzjali, mhux biss f’termini ta’ kunflitt tas-sovranità, iżda wkoll l-ostakoli regolatorji kompetittivi fis-swieq tal-Unjoni u tal-Istati Uniti tal-Amerika. Kif il-fatti ta’ din il-kawża juru b’mod grafiku, l-operazzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni tirriżulta f’serje ta’ kwistjonijiet ġuridiċi li għadhom sa issa mhux riżolti u varjetà ta’ problemi intensament prattiċi, fosthom li l-kumpanniji Ewropej jaffaċċjaw dilemmi impossibbli – u pjuttost inġusti – b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ żewġ sistemi ġuridiċi differenti u direttament opposti ( 9 ). Ma nistax nevita li nosserva li n-natura ta’ dawn id-dilemmi, flimkien man-nuqqas li tingħata gwida ċara dwar kwistjonijiet ġuridiċi importanti li jirriżultaw direttament mill-operazzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, hija tali li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ utilment u malajr jirrevedi l-mod li bih dan l-Istatut attwalment jopera.

    6.

    B’mod partikolari, ħafna minn dawn id-diffikultajiet ġew mill-ġdid imqiegħda taħt lenti wara d-deċiżjoni ta’ Mejju 2018 ta’ dak li dak iż-żmien kien il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Donald J. Trump, li jirtira mill-ftehim nukleari Iranjan (formalment magħruf bħala l-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt) konkluż mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u dik li hija b’mod informali imsejħa P5 plus 1 fi Vjenna f’Lulju 2015 ( 10 ). Dan ma jidhirx li kien trattat formali bħala tali iżda pjuttost ftehim politiku bejn il-ħames Membri Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Franċiża) flimkien mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Unjoni Ewropea minn naħa u r-Repubblika Iżlamika tal-Iran min-naħa l-oħra. Dan il-ftehim ippreveda, inter alia, li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran kellha tnaqqas il-ħażna tagħha ta’ uranju arrikkit u apparat ċentrifugu u taċċetta programm ta’ spezzjoni ta’ rutina inkambju għat-tneħħija gradwali ta’ ċerti sanzjonijiet ekonomiċi. L-għan kollu ta’ dan il-ftehim kien li jiżgura li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran ma tilħaq l-ebda ambizzjoni li jista’ jkollha li tikseb il-kapaċità li timmanifattura u tipproduċi armi nukleari.

    7.

    Id-deċiżjoni tal-President D. Trump li jirtira minn dan il-ftehim wasslet imbagħad għal sanzjonijiet ġodda tal-Istati Uniti tal-Amerika. Dan qajjem diffikultajiet kunsiderevoli għal ċerti kumpanniji Ewropej prinċipali, li wħud minnhom kienu ġew esposti għal sanzjonijiet amministrattivi bħala riżultat tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-passat ( 11 ). Għalhekk, sabiex, jiġu pprevenuti l-effetti ta’ din l-attivazzjoni mill-ġdid ta’ sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika kontra entitajiet Iranjani wara l-irtirar tal-Istati Uniti tal-Amerika mill-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt, l-Unjoni żiedet il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika relatata mal-programm ta’ sanzjonijiet Iranjani mal-lista ta’ leġiżlazzjoni barranija koperti mill-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    8.

    Qabel ma ngħaddi sabiex nindirizza dawn il-kwistjonijiet, huwa l-ewwel neċessarju li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kuntest ġuridiku.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. L-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni

    9.

    Il-premessi 1 sa 7 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprevedu:

    “Billi l-għanijiet tal-Komunità jinkludu l-kontribuzzjoni għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji u t-tneħħija progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali;

    Billi l-Komunità tipprova tilħaq bl-aqwa mod possibli l-għan tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, inkluża t-tneħħija ta’ xi restrizzjonijiet fuq l-investiment dirett — inkluż l-investiment fil-proprjeta immobbli — stabbiliment, il-provvista tas-servizzi finanzjarji jew id-dħul tal-ġaranziji fis-swieq tal-kapitali;

    Billi pajjiz terz ikun ippromulga ċertu liġijiet, regolamenti, u strumenti leġislattivi oħra li suppost li jkollhom l-għan li jirregolaw l-attivitajiet tal-persuni naturali u legali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri;

    Billi permezz ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tagħhom dawn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti leġislattivi oħra jkunu jiksru l-liġi internazzjonali u jimpedixxu l-ksib ta’ l-għanijiet hawn fuq imsemmija;

    Billi dawn il-liġijiet, inklużi r-regolamenti u l-istrumenti leġislattivi l-oħra, kif ukoll l-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom jaffettwaw jew x’aktarx għad jaffettwaw l-ordni legali stabbilit u għandhom l-effetti negattivi fuq l-interessi tal-Komunità u l-interessi tal-persuni naturali u legali li jeżerċitaw id-drittijiet taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

    Billi, taħt dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa neċessarju li tittieħed azzjoni fuq livell Komunitarju biex jitħares l-ordni legali stabbilit, l-interessi tal-Komunità u l-interessi ta’ l-imsemmija persuni naturali u legali, b’mod partikolari billi jitneħħew, jiġu newtralizzati, jiġu mwaqqfa’ jew inkella jintlaqgħu l-effetti tal-leġislazzjoni barranija konċernata;

    Billi t-talba biex tiġi pprovduta l-informazzjoni taħt dan ir-Regolament ma tipprekludix Stat Membru milli jitlob informazzjoni ta’ l-istess tip biex tiġi pprovduta lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat”.

    10.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jistabbilixxi:

    “Dan ir-Regolament jipprovdi protezzjoni kontra u jikkumbatti l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-liġijiet speċifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, inklużi regolamenti u strumenti leġislattivi oħra, u ta’ l-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, fejn din l-applikazzjoni teffettwa l-interessi tal-persuni, imsemmija fl-Artikolu 11, involuti fil-kummerċ internazzjonali u/jew fil-moviment tal-kapital u f’attivitajiet kummerċjali relatati bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.”

    11.

    L-Artikolu 4 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprevedi:

    “Ebda sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal u ebda deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrativa li tinsab barra mill-Komunità u li tagħti effett, direttament jew indirettament, lil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew lil azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, ma tiġi rikonoxxuta jew tkun imponibbli bi kwalunkwe mod.”

    12.

    L-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jistabbilixxi:

    “Ebda persuna msemmija fl-Artikolu 11 m’għandha tikkonforma, kemm direttament jew permezz ta’ persuna sussidjarja jew intermedjarju ieħor, attivament jew permezz ta’ omissjoni intenzjonata, ma’ kwalunkwe rikjesta [rekwiżit] jew projbizzjoni, inklużi talbiet minn qrati barranin, ibbażati fuq jew li jirriżultaw, direttament jew indirettament, mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.

    Persuni jistgħu jiġu awtorizzati, skond il-proċeduri provduti fl-Artikoli 7 u 8, biex jikkonformaw kompletament jew parzjalment safejn in-non-konformità tkun ser tikkawża danni serji lill-interessi tagħhom jew lil dawk tal-Komunità. Il-kriterji għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ser jiġu stabbiliti skond il-proċedura mfassla fl-Artikolu 8. Meta jkun hemm provi biżżejjed li non-konformità tkun ser tikkawża danni serji lil persuna naturali jew legali, il-Kummissjoni għandha tissottometti malajr lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 8 abbozz tal-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu skond il-kondizzjonijiet tar-Regolament.”

    13.

    L-Artikolu 6 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprevedi:

    “Kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 11, li li tkun involuta fi kwalunkwe attività msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun intitolata tirkupra kwalunkwe danni, inklużi l-ispejjeż legali, ikkawżati lil dik il-persuna bl-applikazzjoni tal-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.

    Dan l-irkupru jista’ jsir mingħand il-persuna naturali jew legali jew min għand kwalunkwe entità oħra li tkun ikkawżat id-danni jew mingħand kwalunkwe persuna li tkun topera f’isimha jew bħala intermedjarju tagħha.”

    14.

    L-Artikolu 7 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprevedi:

    “Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha:

    […]

    (b)

    tagħti awtorizzazzjoni taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 u, meta tistabbilixxi l-limiti taż-żmien rigward l-għoti ta’ l-opinjoni tal-Kumitat, din għandha tieħu inkonsiderazzjoni bis-sħiħ il-limiti taż-żmien li għandhom jiġu mħarsa mill-persuni li ser ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni;

    […]”

    15.

    L-Artikolu 8 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jistabbilixxi:

    “1.   Għall-għan tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 7(b), il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Leġislazzjoni Ekstraterritorjali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ ( 12 )].

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

    16.

    L-Artikolu 9 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jaqra:

    “Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu mposti f’każ ta’ ksur ta’ xi dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan ir-Regolament. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u disswasivi.”

    17.

    L-Artikolu 11 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprevedi:

    “Dan ir-Regolament għandu jgħodd għal:

    1.

    kull persuna naturali li tkun residenti fil-Komunità […] [u ċittadin ta’ Stat Membru] ( 13 ),

    2.

    kull persuna legali nkorporata fil-Komunità,

    3.

    kull persuna naturali jew legali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4055/86,

    4.

    kull persuna oħra naturali li tkun residenti fil-Komunità, sakemm dik il-persuna tkun fil-pajjiż li tiegħu jkollha ċ-ċittadinanza,

    5.

    kull persuna oħra naturali fil-Komunità, inklużi l-ibħra territorjali u l-ispazju ta’ l-ajru fuq il-pajjiżi u f’kull inġenju ta’ l-ajru jew fuq kull bastiment taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll ta’ Stat Membru, li jkun jaġixxi f’kapaċità professjonali.”

    2. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1101

    18.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1101 tat‑3 ta’ Awwissu 2018 li jistabbilixxi l-kriterji għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 [tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] ( 14 ), jipprevedi:

    “Meta tevalwa jekk jistax ikun hemm dannu serju lill-interessi protetti msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 [tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] il-Kummissjoni fejn xieraq għandha tikkunsidra, inter alia l-kriterji mhux kumulattivi li jmiss:

    (a)

    jekk l-interess protett huwiex probabbli li jkun f’risjku speċifiku, skont il-kuntest, in-natura u l-oriġini tad-dannu lill-interess protett;

    (b)

    l-eżistenza ta’ investigazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li għaddejja, flimkien mal-formola tal-applikant, jew ftehim minn qabel ta’ riżoluzzjoni mal-pajjiż terz li huwa l-oriġini tal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata;

    (c)

    l-eżistenza ta’ konnessjoni sostanzjali mal-pajjiż terz li hija l-oriġini tal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata jew l-azzjonijiet sussegwenti; perezempju l-applikant ikollu l-kumpaniji omm jew is sussidjarji, jew parteċipazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi suġġett għall-ġuriżdizzjoni primarja tal-pajjiż terz li hija l-oriġini tal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata jew l-azzjonijiet sussegwenti;

    (d)

    jekk il-miżuri jistgħux jittieħdu b’mod raġonevoli mill-applikant biex jevitaw jew itaffu d-dannu;

    (e)

    l-effett kuntrarju fuq it-twettiq tal-attività ekonomika, b’mod partikolari jekk l-applikant jaffaċċax telf ekonomiku sinifikanti jew le, li pereżempju jista’ jhedded il-vijabilità tiegħu jew ikun ta’ riskju serju ta’ falliment;

    (f)

    Jekk l-attività tal-applikant tispiċċax eċċessivament diffiċli minħabba telf ta’ inputs jew riżorsi essenzjali, li ma jistgħux jiġu sostitwiti b’mod raġonevoli.

    (g)

    jekk it-tgawdija tad-drittijiet individwali tal-applikant tkunx imxekkla b’mod sinifikanti;

    (h)

    jekk ikun hemm theddida għas-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana u l-protezzjoni tal-ambjent;

    (i)

    jekk ikun hemm theddida għall-kapaċità tal-Unjoni li twettaq il-politiki umanitarji, ta’ żvilupp jew ta’ kummerċ tagħha, jew l-aspetti esterni tal-politiki interni tagħha;

    (j)

    is-sigurtà ta’ forniment ta’ oġġetti jew servizzi strateġiċi fi ħdan jew għall-Unjoni jew Stat Membru u l-impatt ta’ kwalunkwe nuqqas jew tfixkil għal din;

    (k)

    Il-konsegwenzi għas-suq intern f’termini ta’ moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital, kif ukoll stabilità finanzjarja u ekonomika jew infrastrutturi ewlenin tal-Unjoni;

    (l)

    l-implikazzjonijiet sistematiċi tad-dannu, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti konsegwenzjali tiegħu f’setturi oħra;

    (m)

    l-impatt fuq is-suq tal-impjiegi ta’ Stat Membru jew ta’ diversi Stati Membri u l-konsegwenzi transfruntiera tiegħu fl-Unjoni;

    (n)

    Kwalunkwe fattur rilevanti ieħor.”

    B.   Id-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika

    1. Il-miżuri relatati mal-Iran

    19.

    L-Istati Uniti tal-Amerika ppromulgaw leġiżlazzjoni li tipprevedi s-sanzjonar ta’ ksur fir-rigward tal-embargos tagħha fuq pajjiżi oħra. Inizjalment, madankollu, l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni semma biss tliet biċċiet ta’ leġiżlazzjoni fl-Anness tiegħu, jiġifieri, n-“National Defense Authorization Act for Fiscal Year 1993” (l-Att Dwar l-Awtorizzazzjoni tad-Difiża Nazzjonali għas-Sena Fiskali 1993) li r-rekwiżiti tiegħu huma kkonsolidati fit-Titolu I tal-“Cuban Liberty and Democratic Solidarity Act 1999” (l-Att dwar il-Libertà u s-Solidarjetà Demokratika Kubana tal‑1996) u l-“Iran and Libya Sanctions Act 1996” (l-Att dwar is-Sanzjonijiet kontra l-Iran u l-Libja tal‑1996).

    20.

    L-Att dwar il-Libertà u s-Solidarjetà Demokratika Kubana (Libertad) tal‑1996 (komunement magħruf bħala l-“Att Helms–Burton”) ġie ppromulgat sabiex isaħħaħ u jkompli l-embargo tal-Istati Uniti tal-Amerika fuq Kuba. Huwa jipprojbixxi l-esportazzjoni lill-Istati Uniti tal-Amerika ta’ kwalunkwe merkanzija jew servizz ta’ oriġini Kubana jew li fihom materjali jew merkanzija li joriġinaw f’Kuba kemm direttament kif ukoll permezz ta’ pajjiżi terzi, in-negozju f’merkanzija li hi jew li ġiet illokalizzata jew ittrasportata jew li għaddiet minn Kuba, l-esportazzjoni mill-ġdid taz-zokkor li joriġina minn Kuba lejn l-Istati Uniti tal-Amerika mingħajr ma jkun hemm notifikazzjoni mill-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ l-esportatur u l-importazzjoni għall-Istati Uniti tal-Amerika prodotti taz-zokkor mingħajr ma jiġi żgurat li dawk il-prodotti ma humiex prodotti ta’ Kuba. Iktar minn hekk, dan l-att jiffriża l-assi Kubani, u n-negozji finanzjarji mar-Repubblika ta’ Kuba.

    21.

    B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ dan l-att jipprovdu kemm mezz sabiex jiġi skoraġġit l-investiment f’Kuba, u rimedju għal dawk li kellhom il-proprjetà tagħhom esproprjata. B’mod partikolari, tipprovdi rimedju għaċ-ċittadini tal-Unjoni li huma vittmi tal-prattiki tal-esproprjazzjoni tar-Repubblika ta’ Kuba billi tipprovdilhom id-dritt li jfittxu fi qrati tal-Istati Uniti tal-Amerika lil kwalunkwe ċittadini barranin li “jittraffikaw” proprjetà “ikkonfiskata” mill-Gvern Kuban fl‑1 ta’ Jannar 1959 jew wara. L-Att Helms-Burton jiddefinixxi “traffiku” b’mod wiesa’, bl-inklużjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ attivitajiet marbuta mal-proprjetà esproprjata, inkluż il-bejgħ jew il-ġestjoni tagħha, kif ukoll il-profitt permezz tat-traffikar ta’ persuna oħra ( 15 ).

    22.

    L-Att dwar is-Sanzjonijiet kontra l-Iran u l-Libja tal‑1996 (magħruf ukoll bħala d-“d’Amato-Kennedy Act” (l-Att d’Amato-Kennedy)) jipprevedi li atturi ekonomiċi koperti mill-embargo fuq l-Iran jew il-Libja ma jistgħux jinvestu fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-pajjiżi ammont ikbar minn USD 40 miljun matul perijodu ta’ 12‑il xahar “li jikkontribwixxi direttament u b’mod sinjifikattiv favur tkabbir fl-abbiltà Iranjana jew Libjana biex dawn jiżviluppaw ir-riżorsi tagħhom tal-petrolju”. It-terminu “investiment” ikopri l-parteċipazzjoni f’kuntratt għall-imsemmi żvilupp, jew li dan jiġi ggarantit, jew li jsir profitt minnu jew ix-xiri ta’ sehem proprjetarju fih.

    23.

    B’reazzjoni għall-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, apparti l-għoti ta’ twiddib politiku u l-promulgazzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, l-Unjoni ppreżentat talba permezz tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), bl-għan li leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika tiġi ddikjarata illegali skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) ( 16 ). Iktar tard din ġiet irtirata wara li l-Unjoni kkonkludiet Ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-leġiżlazzjoni ekstraterritorjali tal-Istati Uniti tal-Amerika fil‑11 ta’ April 1997.

    24.

    Kif diġà osservajt, f’Mejju 2018 l-Istati Uniti tal-Amerika rtiraw mill-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-Iran”) iffirmat fi Vjenna fl‑14 ta’ Lulju 2015. Il-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt kien intiż li jikkontrolla l-programm nukleari tal-Iran u li jneħħi sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Iran. Bħala riżultat, ir-Regolamenti tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-Tranżazzjonijiet u s-Sanzjonijiet tal-Iran (iktar ’il quddiem l-“ITSR”) ġew stabbiliti mill-ġdid. B’risposta għal dawn il-miżuri ta’ sanzjonijiet ġodda l-Anness tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ġie emendat fl‑2018 ( 17 ) sabiex jinkludi iktar leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika, prinċipalment, leġiżlazzjoni intiża li teżegwixxi sanzjonijiet fuq l-Iran. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jispeċifika li r-rikorrent kien ġie inkluż fis-Specially Designated Nationals List (iktar ’il quddiem is-“SDN”) miżmuma mill-Office of Foreign Assets Control (iktar ’il quddiem l-“OFAC”), li jsir riferiment għaliha f’diversi partijiet tal-leġiżlazzjoni msemmija fl-Anness tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    25.

    Leġiżlazzjoni bħal din hija l-Iran Threat Reduction and Syria Human Rights Act of 2012 (l-Att għat-Tnaqqis tat-Theddida tal-Iran u d-Drittijiet Umani tas-Sirja tal‑2012). L-Artikolu 220(c) ta’ dan l-att jipprevedi li fil-każ li persuna tkompli konsapevolment u direttament tipprovdi servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati lil, jew konsapevolment tippermetti jew tiffaċilita aċċess dirett jew indirett għal dawn is-servizzi ta’ messaġġi, għall-Bank Ċentrali tal-Iran jew istituzzjoni finanzjarja, il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika jista’ jimponi sanzjonijiet.

    26.

    Il-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra miżjuda mal-Anness tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni hija l-ITSR.

    27.

    Il-punt 560.211 tal-ITSR intitolat “Tranżazzjonijiet ipprojbiti li jinvolvu proprjetà mblukkata”, jipprevedi:

    “a) Kull proprjetà u interessi fil-proprjetà tal-Gvern tal-Iran, inkluż il-Bank Ċentrali tal-Iran, li huma fl-Istati Uniti tal-Amerika, li minn issa ’il quddiem jiġu fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika, jew li huma jew li minn issa ’l quddiem jiġu fi ħdan il-pussess jew kontroll ta’ kwalunkwe persuna tal-Istati Uniti tal-Amerika, inkluż kwalunkwe fergħa internazzjonali, huma mblukkati u ma jistgħux jiġu ttrasferiti, imħallsa, esportati, irtirati, jew b’xi mod ieħor innegozjati.

    (b) Kull proprjetà u interessi fil-proprjetà ta’ kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja Iranjana, inkluż il-Bank Ċentrali tal-Iran, li huma fl-Istati Uniti tal-Amerika, li minn issa ’l quddiem jiġu fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika, jew li huma jew minn issa ’l quddiem jidħlu fi ħdan il-pussess jew kontroll ta’ kwalunkwe persuna tal-Istati Uniti tal-Amerika, inkluż kwalunkwe fergħa internazzjonali, huma mblukkati u ma jistgħux jiġu ttrasferiti, imħallsa, esportati, irtirati jew b’xi mod ieħor innegozjati.

    (c)(1) Kull proprjetà u interessi fil-proprjetà li huma fl-Istati Uniti tal-Amerika, li minn issa ’il quddiem jiġu fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika, jew li huma jew minn issa ’l quddiem jiġu fi ħdan il-pussess jew kontroll ta’ kwalunkwe persuna tal-Istati Uniti tal-Amerika, inkluż kwalunkwe fergħa barranija, tal-persuni segwenti huma mblukkati u ma jistgħux jiġu ttrasferiti, imħallsa, esportati, irtirati, jew b’xi mod ieħor innegozjati:

    (i) Kwalunkwe persuna ddeterminata mis-Segretarju tat-Teżor, f’konsultazzjoni mas-Segretarju tal-Istat, li hija fis-sjieda jew ikkontrollata minn, jew li aġixxiet jew allegatament taġixxi għal jew f’isem ta’, direttament jew indirettament, kwalunkwe persuna li l-proprjetà u l-interessi tagħha fil-proprjetà huma mblukkati skont il-punti (a) sa (c)(1)(i) ta’ din it-taqsima […]

    […]

    (d) Il-projbizzjonijiet fil-punti (a) sa (c) ta’ din it-taqsima jinkludu, iżda ma humiex limitati għal, projbizzjonijiet fuq it-tranżazzjonijiet segwenti:

    (1) Kwalunkwe kontribuzzjoni jew provvista ta’ fondi, prodotti, jew servizzi minn, lil, jew għall-benefiċċju ta’ kwalunkwe persuna li l-proprjetà u l-interessi tagħha fil-proprjetà huma mblukkati skont il-punti (a) sa (c) ta’ din it-taqsima; u

    (2) Ir-riċeviment ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni jew provvista ta’ fondi, prodotti, jew servizzi minn kwalunkwe persuna li l-proprjetà u l-interessi tagħha fil-proprjetà huma mblukkati skont il-punti (a) sa (c) ta’ din it-taqsima.”

    28.

    Il-punt 560.325 ta’ dawn ir-regolamenti, intitolat “Proprjetà, interess fil-proprjetà”, jipprevedi:

    “It-termini proprjetà u interess fil-proprjetà jinkludu, iżda ma humiex limitati għal, flus, ċekkijiet, drafts, ingotti tad-deheb, depożiti bankarji, kontijiet għat-tfaddil, djun, li wieħed ikun midjun, obbligazzjonijiet, noti, garanziji, dejn normali, ishma, bonds, stokks, kupuni, kwalunkwe strumenti finanzjarji oħra, aċċettazzjonijiet bankarji, ipoteki, pleġġijiet, privileġġi, jew drittijiet oħra ta’ natura ta’ titolu, irċevuta tal-maħżen, poloz ta’ kargu, irċevuti ta’ trust, fatturi ta’ bejgħ, kwalunkwe evidenza oħra ta’ titolu, proprjetà jew li wieħed ikun midjun, ittri ta’ kreditu u kwalunkwe dokumenti relatati ma’ kwalunkwe drittijiet jew obbligazzjonijiet taħthom, prokuri, prodotti, ħwejjeġ, merkanzija, oġġetti mobbli, stokks fl-idejn, bastimenti, prodotti fuq il-bastimenti, ipoteki fuq l-immobbli, ftehim ta’ trust, ftehim ta’ bejgħ tal-vendituri, kuntratti tal-art, kirjiet, ċnus, proprjetà immobbli u kwalunkwe interess oħra fiha, opzjonijiet, strumenti negozjabbli, aċċettazzjonijiet ta’ negozji, drittijiet patrimonjali, kontijiet, kontijiet pagabbli, sentenzi, privattivi, trade marks jew drittijiet tal-awtur, poloz tal-assigurazzjoni, kaxxi tad-depożitu siguri u l-kontenuti tagħhom, annwalitajiet, kuntratti ta’ pooling, servizzi ta’ kwalunkwe natura, kuntratti ta’ kwalunkwe natura, u kwalunkwe proprjetà oħra, immobbli, personali, jew imħallta, tanġibbli jew intanġibbli, jew interess jew interessi fiha, preżenti, futuri, jew kontinġenti.”

    29.

    Il-punt 560.410 ta’ dawn ir-regolamenti, intitolat “Għoti tas-servizzi”, jipprevedi:

    “[…]

    (c) Il-projbizzjonijiet tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu proprjetà mblukkata inkluża f’§560.211 japplikaw għas-servizzi mwettqa fl-Istati Uniti tal-Amerika jew minn persuni tal-Istati Uniti tal-Amerika, jinsabu fejn jinsabu, inkluż permezz ta’ fergħa barranija ta’ entità li tinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika:

    […]

    (2) Fir-rigward ta’ interessi fil-proprjetà tal-Gvern tal-Iran, istituzzjoni finanzjarja Iranjana, jew kwalunkwe persuna oħra li l-proprjetà u l-interessi tagħha fil-proprjetà huma mblukkati skont §560.211.

    […]”

    30.

    F’din il-kawża, la l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, lanqas xi ħadd mill-partijiet fl-osservazzjonijiet tiegħu, ma speċifikaw eżattament liema leġiżlazzjoni u d-dispożizzjonijiet tagħha kellhom xaktarx japplikaw għal Deutsche Telekom GmbH li kieku din il-kumpannija ma xoljietx il-kuntratti tagħha ma’ Bank Melli Iran. Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ partijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika msemmija iktar ’il fuq jidher li huma l-uniċi li x’aktarx ikollhom dan l-effett, minkejja li dan jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ.

    31.

    Fir-rigward tas-sanzjonijiet monetarji, kemm l-Att d’Amato-Kennedy kif ukoll l-ITSR jagħmlu riferiment għat-Taqsima 206 tal-Emergency Economic Powers Act (l-Att dwar is-Setgħat Ekonomiċi ta’ Emerġenza) (50 U.S.C. 1705). Dan l-att jipprevedi li sanzjoni ċivili għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tagħha (u għalhekk għall-ksur tad-dispożizzjonijiet taż-żewġ Atti l-oħra ċċitati iktar ’il fuq) għandha tkun ammont ta’ mhux iktar minn dak li huwa l-ikbar bejn USD 250000 jew ammont li huwa d-doppju tal-ammont tat-tranżazzjoni li hija l-bażi tal-ksur li għalih hija imposta s-sanzjoni. L-International Emergency Economic Powers Act (l-Att dwar is-Setgħat Ekonomiċi ta’ Emerġenza Internazzjonali) jipprevedi wkoll, fir-rigward ta’ sanzjonijiet kriminali, li persuna kkundannata għal kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-att (u għalhekk tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att d’Amato-Kennedy u l-ITSR) għandha, meta tiġi kkundannata, tiġi mmultata mhux iktar minn USD 1000000, jew jekk persuna fiżika, tista’ tintbagħat il-ħabs għal mhux iktar minn 20 sena, jew it-tnejn ( 18 ).

    2. Id-Duttrina tal-Forza Sovrana Baranija fid-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika

    32.

    Id-duttrina tal-forza sovrana barranija hija mezz ta’ difiża rrikonoxxut mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika fl‑1958 f’Société Internationale vs Rogers 357 U.S. 197 (1958) ( 19 ). Din id-duttrina għandha l-għeruq tagħha fil-prinċipju tal-proċess ta’ smigħ xieraq, kif ukoll fid-duttrina ta’ korteżija internazzjonali, jiġifieri, ir-rispett għas-sistema ġuridika ta’ Stat sovran ieħor ( 20 ). Skont din id-duttrina, li ġiet applikata b’mod partikolari fir-rigward ta’ liġijiet antitrust ( 21 ), Stat jew l-amministrazzjoni federali huma preklużi milli jobbligaw lil persuna (i) twettaq att fi Stat ieħor li huwa pprojbit mid-dritt tal-Istat li hija ċittadina tiegħu; jew (ii) toqgħod lura milli twettaq att fi Stat ieħor li huwa meħtieġ mid-dritt ta’ dan l-Istat jew mid-dritt tal-Istat li tiegħu hija ċittadina.

    33.

    Madankollu, fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha fil-kuntest tal-istatuti għall-imblukkar adottati mill-Kanada, ir-Renju Unit u l-Unjoni, il-US District Court for the Eastern District of Pennsylvania (il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti tal-Amerika għad-Distrett tal-Lvant ta’ Pennsylvania) iddeċidiet fil-kawża L‑Istati Uniti vs Brodie, 174 F. Supp. 2d 294 (E.D. Pa. 2001) li l-konvenuti f’dik il-kawża, li kienu pparteċipaw fi tranżazzjonijiet mar-Repubblika ta’ Kuba li kienu pprojbiti mid-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika, ma setgħux jinvokaw id-duttrina tal-forza sovrana barranija bħala difiża għal żewġ raġunijiet ( 22 ). L-ewwel, jekk ir-ratio legis għad-duttrina huwa deferenza għall-atti ta’ sovran barrani, ma hemmx post għad-duttrina f’kawża kriminali peress li l-ksur tal-ordinament ġuridiku tal-Istati Uniti tal-Amerika kellu prijorità fuq kwalunkwe kunsiderazzjonijiet ta’ korteżija internazzjonali. It-tieni, mingħajr ma jiġi kkonstatat li d-duttrina ma tista’ qatt tqajjem tħassib dwar is-smigħ xieraq fil-kuntest kriminali, l-US District Court (il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti tal-Amerika) iddeċidiet li ma kien hemm l-ebda kwistjonijiet ta’ smigħ xieraq imqajma f’din il-kawża għar-raġunijiet diskussi iktar ’il quddiem minħabba li d-diversi statuti għall-imblukkar nazzjonali li kienu fis-seħħ dak iż-żmien fil-Kanada, fir-Renju Unit u fl-Unjoni ma ħolqux obbligu għal kumpannija sabiex tinnegozja mar-Repubblika ta’ Kuba. Tabilħaqq, f’kawżi preċedenti fejn din id-duttrina ġiet ikkonstatata bħala applikabbli, il-konvenuti kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet partikolari mogħtija minn ġurisdizzjonijiet barranin, li jordnawlhom speċifikament sabiex jagħmlu xi ħaġa. Mingħajr dawn l-ordnijiet, it-theddida ta’ prosekuzzjoni ma kinitx teżisti. Ordnijiet bħal dawn kienu assenti fil-kawża United States vs Brodie. X’aktarx l-iktar importanti, f’dik il-kawża ma ġiet prodotta ebda evidenza li l-istatuti għall-imblukkar inkwistjoni obbligaw lill-konvenuti jbigħu l-prodott tagħhom lil Kuba. L-element ta’ forza meħtieġ mid-duttrina tal-forza sovrana barranija għalhekk kien nieqes.

    C.   Id-dritt Ġermaniż

    34.

    Skont il-Gvern Ġermaniż, fil-każ tal-kuntratti ta’ servizz hekk imsejħa “mingħajr terminu” (li magħhom jagħmlu parti l-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet), fejn dawn jiġu konklużi għal perijodu indefinit, kull parti għandha, taħt l-Artikolu 620(2) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniża, iktar ’il quddiem il-“BGB”), l-hekk imsejjaħ dritt ordinarju ta’ xoljiment, li jfisser li għandha l-possibbiltà xxolji l-kuntratt mingħajr xi raġuni partikolari. Il-perijodi applikabbli ta’ notifika u ta’ dati ta’ skadenza huma stabbiliti mill-Artikolu 621 BGB, li jipprevedi għal perijodi ta’ avviż differenti u d-dati tal-iskadenza skont id-data tal-iskadenza għar-remunerazzjoni (kuljum, kull ġimgħa, kull xahar, kull tliet xhur jew oħra). Bil-maqlub, għal kuntratti ta’ servizz konklużi għal terminu fiss, ma huwa legalment previst l-ebda dritt “ordinarju” ta’ xoljiment. Dawn il-kuntratti jiġu xolti fit-tmiem tal-kuntratt, skont l-Artikolu 620(1). Peress li dawn ir-regoli huma dispożizzjonijiet awtomatiċi, il-partijiet jistgħu jiddevjaw minnhom. Iktar minn hekk, il-kuntratti kollha bi prestazzjoni kontinwa, li huwa l-każ b’ħafna kuntratti ta’ servizz, jistgħu jiġu xolti f’kull ħin għal raġunijiet serji skont l-Artikolu 314 BGB.

    35.

    L-Artikolu 134 tal-BGB jipprevedi:

    “Tranżazzjoni legali li tikser projbizzjoni legali hija nulla, sakemm l-istatut ma jindikax konklużjoni differenti ( 23 ).”

    36.

    Azzjoni fil-konfront tal-ksur tal-ewwel punt tal-Artikolu 5 tal-[Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] tista’ tittieħed fil-Ġermanja bħala reat amministrattiv skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(4) tal-Außenwirtschaftsgesetz (l-Att dwar il-Kummerċ Barrani, iktar ’il quddiem l-“AWG”) moqri flimkien mal-Artikolu 82(2) tal-Außenwirtschtsverordnung (ir-Regolament dwar il-Kummerċ Barrani, u huwa punibbli b’multa sa EUR 500000 (l-Artikolu 19(6) AWG) ( 24 ).

    III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u r-rinviju għad-deċiżjoni preliminari

    37.

    Ir-rikorrent, Bank Melli Iran, huwa bank Iranjan fil-forma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata inkorporata taħt id-dritt Iranjan. Huwa għandu fergħa f’Hambrug (il-Ġermanja) u n-negozju prinċipali tiegħu huwa li jissodisfa tranżazzjonijiet ta’ kummerċ barrani mal-Iran. Il-konvenuta, Telekom Deutschland GmbH, hija sussidjarja ta’ Deutsche Telekom AG, waħda mill-fornituri ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni prinċipali fil-Ġermanja. Il-grupp għandu iktar minn 270000 impjegat madwar id-dinja, li minnhom iktar minn 50000 huma fl-Istati Uniti tal-Amerika, fejn huwa ġġenerat madwar 50 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

    38.

    Ir-rikorrent u l-konvenuta daħlu f’kuntratt qafas li jippermetti li r-rikorrent jiġbor lill-konnessjonijiet tal-kumpanniji kollha tiegħu f’diversi siti fil-Ġermanja taħt kuntratt wieħed. Fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni kuntrattwali, ir-rikorrent ordna servizzi differenti li l-konvenuta għamlet disponibbli u ffatturat kull xahar għal ammont ta’ madwar EUR 2000, liema somma dejjem tħallset mingħajr dewmien. Is-servizzi rregolati minn dawn il-kuntratti jiffurmaw il-bażi esklużiva tal-istrutturi ta’ komunikazzjoni interni u esterni tar-rikorrent fil-Ġermanja u huma għaldaqstant, kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, indispensabbli għall-attivitajiet tan-negozju tiegħu.

    39.

    Wara d-deċiżjoni tal-President D. J. Trump f’Mejju 2018 li permezz tagħha l-Istati Uniti tal-Amerika rtiraw mill-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt, ir-Regolamenti tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-Tranżazzjonijiet u s-Sanzjonijiet tal-Iran ġew għaldaqstant stabbiliti mill-ġdid. B’mod partikolari, wara l-adozzjoni tal-Executive Order 13846 of 6 August 2018 Reimposing Certain Sanctions With Respect to Iran (l-Ordni Eżekuttiv 13846 tas‑6 ta’ Awwissu 2018 li Jimponi mill-Ġdid Ċerti Sanzjonijiet fir-Rigward tal-Iran), Bank Melli Iran għal darba oħra tqiegħed fuq lista ta’ sanzjonijiet ippreparata mill-OFAC: l-SDN. Bank Melli Iran preċedentement kien fuq din il-lista mill‑2007, wara li ġie indikat bħala persuna mblukkata mill-OFAC skont l-Executive Order 13382 of 28 June 2005, intitolat Blocking Property of Weapons of Mass Destruction Proliferators and Their Supporters (l-Ordni Eżekuttiv 13382 tat‑28 ta’ Ġunju 2005, li Jimblokka l-Proprjetà tal-Proliferaturi ta’ Armi ta’ Distruzzjoni tal-Massa u s-Sostenituri Tagħhom) ( 25 ), qabel ma dawn is-sanzjonijiet tneħħew mill-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt. Dawn is-sanzjonijiet il-ġodda daħlu fis-seħħ fil‑5 ta’ Novembru 2018.

    40.

    Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Novembru 2018, il-konvenuta tat l-avviż tax-xoljiment tal-kuntratti kollha mar-rikorrent, b’effett immedjat. Hija bagħtet avviżi tax-xoljiment identiċi fl-istess data lil tal-inqas erba’ klijenti oħra b’konnessjonijiet mal-Iran li kienu bbażati fil-Ġermanja. Ir-rikorrent beda l-proċeduri kontra l-konvenuta għall-ksur tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni u, fit‑28 ta’ Novembru 2018, il-qorti tal-ewwel istanza, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) tat ordni provviżorju li ordna lill-konvenuta twettaq il-kuntratti sat-tmiem tal-perijodu tal-avviż għax-xoljiment ordinarju.

    41.

    Permezz ta’ ittra ddatata l‑11 ta’ Diċembru 2018, il-konvenuta bagħtet avviż ta’ xoljiment ieħor. Din l-ittra kienet taqra, inter alia, kif ġej: “[…] permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Novembru 2018, aħna nagħtu avviż tax-xoljiment tas-servizzi elenkati iktar ’il quddiem b’effett immedjat. Bħala miżura purament kawtelatorja, aħna qegħdin ukoll nagħtu avviż tax-xoljiment ordinarju sa mill-iktar data kmieni possibbli”.

    42.

    Il-perijodu tal-avviż għax-xoljiment ordinarju għall-kuntratti ntemm rispettivament fil‑25 ta’ Jannar 2019, fl‑10 ta’ Frar 2019, fit‑13 ta’ Marzu 2019, fl‑10 u fil‑25 ta’ Settembru 2019 u fit‑30 ta’ Jannar 2020, fit‑22 ta’ Awwissu 2020 u fis‑7 ta’ Jannar 2021. B’risposta, ir-rikorrent talab lil-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) tordna lill-konvenuta tħalli l-linji kuntrattwali miftiehma kollha attivi.

    43.

    Il-qorti tal-ewwel istanza ordnat lill-konvenuta twettaq il-kuntratti sal-iskadenza tal-perijodi ta’ avviż ordinarji. Hija ddeċidiet li x-xoljiment ordinarju mill-konvenuta tal-kuntratti kkontestati kien validu u, b’mod partikolari, ma kisirx l-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni. Dik il-qorti ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

    44.

    Ir-rikorrent appella mid-deċiżjoni tal-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) billi ddikjara li l-avviż ta’ xoljiment ordinarju mogħti mill-konvenuta jikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni u għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux vinkolanti u ineffettiv, peress li kien immotivat biss mix-xewqa tal-konvenuta li tosserva wieħed mill-punti ta’ leġiżlazzjoni elenkati fl-Anness ta’ dan l-istatut. Il-konvenuta, billi tinvoka n-Nota ta’ Gwida tal-Kummissjoni, tikkontesta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ma jibdilx id-dritt tagħha għal xoljiment ordinarju, li ma jiddependix fuq raġuni għax-xoljiment, peress li dan l-artikolu jħalliha libera li ttemm ir-relazzjoni kummerċjali tagħha mar-rikorrent fi kwalunkwe ħin, u l-motivi tagħha huma irrilevanti.

    45.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju nnotat, l-ewwel, li r-rikorrent ma weriex li x-xoljiment ta’ dawn il-kuntratti kien ippreċedut minn ordni dirett jew indirett uffiċjali jew tal-qorti mill-Istati Uniti tal-Amerika. Fil-fatt qorti tal-appell oħra Ġermaniża, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), adottat il-fehma f’sentenza tas‑7 ta’ Frar 2020, li f’sitwazzjoni bħal din l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ma jkunx applikabbli. Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-sempliċi eżistenza ta’ sanzjonijiet sekondarji hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, peress li dan huwa l-unika mod li bih jista’ effettivament jiġi implimentat l-obbligu stabbilit.

    46.

    It-tieni, il-qorti tar-rinviju tosserva li x-xoljiment (ordinarju) ta’ kuntratt jikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni fejn il-motiv deċiżiv tiegħu huwa l-osservanza tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika. Madankollu, ix-xoljiment ordinarju ta’ kuntratti ma jiksirx l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni meta jkun motivat minn raġunijiet purament ekonomiċi bl-ebda rabta konkreta mas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju jkollha tiddeċiedi jekk, sabiex tiżgura l-effettività ta’ dan l-artikolu, ikunx xieraq li jiġi kkunsidrat li l-konvenuta jkollha tispjega b’mod eċċezzjonali r-raġunijiet għax-xoljiment, jew anki, skont il-każ, turi li d-deċiżjoni għax-xoljiment tal-kuntratt ma tteħditx minħabba biża’ mill-possibbiltà ta’ riperkussjonijiet negattivi fis-suq tal-Istati Uniti.

    47.

    It-tielet, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li taħt l-Artikolu 134 tal-BGB, xoljiment ta’ kuntratt li jikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni huwa nieqes minn effett legali. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tar-riskju ta’ dannu ekonomiku għall-konvenuta, li tiġġenera 50 % mid-dħul mill-bejgħ tagħha fis-suq tal-Istati Uniti, jistax jiġi kkunsidrat kuntrarju għall-prinċipju tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni li l-konvenuta tiġi meħtieġa tkompli r-relazzjoni kuntrattwali mar-rikorrent apparti l-impożizzjoni tal-multa pekunjarja msemmija.

    48.

    Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-preambolu tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni dan huwa intiż sabiex jipproteġi lill-operaturi ekonomiċi. Madankollu, din il-qorti tikkunsidra li dan l-għan ma jkunx jista’ jinkiseb peress li r-riskju ta’ dannu ekonomiku fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerika li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan l-Istatut ma huwiex ikkumpensat biżżejjed bit-talba għall-irkupru rregolata fl-Artikolu 6 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni u bil-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni awtorizzata taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan l-Istatut sa fejn telf ekonomiku imminenti waħdu għandu mnejn ma jipprovdix bażi suffiċjenti għal eżenzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk miżura li tipprojbixxi impriża milli tissepara ruħha minn imsieħeb kummerċjali hijiex kompatibbli mal-libertà ta’ intrapriża protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 52 tal-imsemmija Karta.

    49.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 [tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] japplika biss meta jkunu ġew indirizzati, direttament jew indirettament, lil operatur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 11 ta’ dan [l-Istatut], istruzzjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji mill-Istati Uniti tal-Amerika jew huwa biżżejjed li, anki fin-nuqqas ta’ tali istruzzjonijiet, l-azzjoni tal-operatur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea tkun intiża li tikkonforma mas-sanzjonijiet sekondarji?

    2)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li tapplika t-tieni alternattiva:

    l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 [tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li l-persuna li tissokta bix-xoljiment tista’ wkoll ixxolji kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali għal żmien indeterminat ma’ parti kontraenti msemmija fis-[SDN] miżmuma mill-[OFAC] tal-Istati Uniti tal-Amerika, inkluż fejn ix-xoljiment isir għall-finijiet ta’ konformità mas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata raġuni għax-xoljiment u għalhekk mingħajr ma jkun neċessarju li tintwera u tiġi pprovata fi proċedura ċivili li r-raġuni għax-xoljiment ma kinitx fi kwalunkwe każ il-konformità mas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika?

    3)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fl-affermattiv:

    xoljiment ordinarju bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 [tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] għandu neċessarjament jitqies li huwa bla effett jew l-għan tar-Regolament jista’ wkoll jiġi ssodisfatt permezz ta’ sanzjonijiet oħra, pereżempju multa?

    4)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li tapplika l-ewwel alternattiva:

    fid-dawl tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u tal-possibbiltà ta’ derogi skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 [tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni], min-naħa l-oħra, dan japplika wkoll fil-każ li l-operatur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea jieħu riskju, billi jissokta bir-relazzjoni kummerċjali mas-sieħeb kuntrattwali elenkat, li jġarrab telf ekonomiku kbir fis-suq Amerikan (fil-każ ineżami 50 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp)?”

    IV. Analiżi

    50.

    Bħala rimarka preliminari, nixtieq nindika li, minkejja li ċerti partijiet għamlu riferiment għan-Nota ta’ Gwida tal-Kummissjoni – Mistoqsijiet u Tweġibiet: l-adozzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar aġġornat tas‑7 ta’ Awwissu 2018 ( 26 ), dan id-dokument ma għandu l-ebda valur normattiv vinkolanti, peress li ma ġiex adottat taħt proċedura prevista mit-Trattati, lanqas ma jista’ jkollu valur interpretattiv vinkolanti, peress li skont it-Trattati hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha l-kompetenza li tinterpreta att magħmul mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħall-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ( 27 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li dan id-dokument ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tad-domandi magħmula.

    51.

    B’mod simili, peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1101 huwa regola ta’ grad inferjuri, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ( 28 ).

    52.

    Konsegwentement, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom għaldaqstant jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni u tad-dritt primarju.

    A.   Fuq l-ewwel domanda

    53.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandux jiġi interpretat li japplika biss fejn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ pajjiż li l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu huma elenkati fl-Anness ta’ dan l-istatut indirizzat, direttament jew indirettament, xi istruzzjonijiet lil persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istess statut, jew jekk huwiex suffiċjenti li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni japplikax fil-każ fejn l-operatur ekonomiku li huwa fit-territorju tal-Unjoni spontanjament josserva l-leġiżlazzjoni ekstraterritorjali barranija inkwistjoni sabiex jipprevjeni l-applikazzjoni potenzjali ta’ leġiżlazzjoni bħal din.

    54.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprevedi li “Ebda persuna msemmija fl-Artikolu 11 m’għandha tikkonforma, kemm direttament jew permezz ta’ persuna sussidjarja jew intermedjarju ieħor, attivament jew permezz ta’ omissjoni intenzjonata, ma’ kwalunkwe rikjesta [rekwiżit] jew projbizzjoni, inklużi talbiet minn qrati barranin, ibbażati fuq jew li jirriżultaw, direttament jew indirettament, mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.”

    55.

    Kif jidher minn din il-formulazzjoni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jagħmel riferiment għal “talbiet minn qrati barranin” biss bħala waħda minn diversi “rikjesta [rekwiżitii] jew projbizzjoni[jiet]” taħt il-liġijiet elenkati fl-Anness tiegħu u li kwalunkwe persuna fi ħdan is-sens tal-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut hija prekluża milli tosservahom ( 29 ). Dan jimplika li, minn tal-inqas, l-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ma japplikax biss fejn talba jew istruzzjoni fil-fatt inħarġet minn awtorità ġudizzjarja. Wieħed jista’ josserva wkoll li dan l-artikolu jipprekludi l-osservanza ta’ kwalunkwe “rikjesta [rekwiżit]” stabbilita f’waħda mil-liġijiet speċifikati fl-Anness tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni filwaqt li t-terminu “rikjesta [rekwiżit]”, jagħmel riferiment, fid-dritt, għal obbligu impost minn kwalunkwe tip ta’ att ġuridiku, irrispettivament minn jekk huwiex trattat, konvenzjoni, statut, regolament jew deċiżjoni ġudizzjarja. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ elementi, huwa ċar li l-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jappoġġja l-interpretazzjoni li skontha din id-dispożizzjoni tapplika anki fl-assenza ta’ istruzzjonijiet jew ta’ talbiet minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ( 30 ).

    56.

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni teħtieġ li għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll lill-kuntest u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha ( 31 ).

    57.

    Fir-rigward tal-kuntest li fih huwa kkonċernat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, jista’ jiġi nnotat li kull darba li dan l-istatut jistabbilixxi dispożizzjoni li teħtieġ l-eżistenza ta’ deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja sabiex ikun applikabbli, dan l-istatut espressament jagħmel riferiment għal dan it-tip ta’ att u mhux għal kunċetti iktar ġenerali bħal dawk ta’ “rikjesta [rekwiżit] jew projbizzjoni”. Għalhekk, peress li mqabbel magħhom l-Artikolu 5 tiegħu huwa fformulat b’mod wiesa’, nemmen li din id-dispożizzjoni ma tapplikax biss fejn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ pajjiż li l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu huma elenkati fl-Anness tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni tkun indirizzat, direttament jew indirettament, xi istruzzjonijiet lil persuna msemmija fl-Artikolu 11 tal-imsemmi statut. Iktar minn hekk, peress li l-Artikolu 4 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jeskludi l-possibbiltà li istruzzjonijiet mogħtija minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja li tinsab barra l-Unjoni jistgħu jipproduċu effetti fi ħdanha, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jkun nieqes minn kwalunkwe kamp ta’ applikazzjoni awtonomu jekk din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-persuni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut ikunu rċevew istruzzjonijiet bħal dawn qabel ma din id-dispożizzjoni jkollha tiġi applikata ( 32 ).

    58.

    L-għan imfittex mill-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu t-tendenza wkoll li jikkonferma l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ li għandu jiġi rrikonoxxut fir-rigward tal-Artikolu 5 tiegħu.

    59.

    L-ewwel, isegwi mill-premessi 4 sa 6 tiegħu li l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ġie ppromulgat b’reazzjoni għall-effetti prodotti mil-liġijiet speċifikati fl-Anness tiegħu. B’mod partikolari, mill-premessa 5 ta’ dan l-istatut jista’ jiġi dedott li huma dawn il-liġijiet fihom innifishom, u ma humiex biss l-azzjonijiet meħuda fuq il-bażi tagħhom, li x’aktarx jaffettwaw l-ordinament ġuridiku internazzjonali stabbilit, li l-Unjoni għamlitu l-missjoni tagħha li tiddefendi, u li għandhom effetti negattivi fuq l-interessi tagħha jew fuq dawk ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jeżerċitaw id-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni.

    60.

    It-tieni, isegwi mill-premessa 7 li l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu l-għan li jipproteġi lil dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li l-interessi tagħhom huma affettwati mil-liġijiet imsemmija, li għandu jsir, skont il-premessa 6, “billi jitneħħew, jiġu newtralizzati, jiġu mwaqqfa’ jew inkella jintlaqgħu l-effetti tal-leġislazzjoni barranija konċernata” ( 33 ). Huwa għalhekk ċar minn din il-premessa li l-għan huwa li jiġi miġġieled l-effett tal-leġiżlazzjoni barranija nnifisha u mhux sempliċement l-effetti ta’ deċiżjonijiet li jagħtu effett lill-obbligi previsti f’dawn il-liġijiet.

    61.

    It-tielet, l-Artikolu 1 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, li jagħti sunt tal-għanijiet imfittxija minn dan l-istatut, jindika wkoll li dawn l-għanijiet huma intiżi bħala kontromiżura għall-effetti tal-liġijiet speċifikati fl-Anness tiegħu u li jipproteġi lill-operaturi Ewropej minnhom, u mhux biss l-applikazzjoni tagħhom meta awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja tagħti istruzzjoni, kif iddikjarat mill-konvenuta. Dawn l-għanijiet ma jistgħux jinkisbu jekk dan l-istatut u, b’mod partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tiegħu, kellhom jiġu interpretati li jkopru biss is-sitwazzjoni fejn operatur ekonomiku rċieva istruzzjoni formali minn qorti jew awtorità amministrattiva ( 34 ). Fil-fatt, peress li l-operaturi ekonomiċi huma ġeneralment ikkunsidrati li jevitaw ir-riskju, dawk li huma diliġenti x’aktarx li josservaw spontanjament kwalunkwe restrizzjoni ġuridika li tirriżulta mill-ambjent ġuridiku tagħhom ( 35 ). Li kieku kien mod ieħor, kien ikun hemm riskju reali li anki fl-assenza ta’ istruzzjoni formali għat-twaqqif tal-kummerċ, l-entitajiet ikunu xorta waħda jistgħu jiċċitaw l-applikazzjoni potenzjali tal-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq jew il-ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kwalunkwe parti affettwata b’dan il-mod titħalla mingħajr rimedju taħt l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni sempliċement peress li ma tkunx tista’ tindika xi istruzzjoni formali għal dan l-għan, anki jekk it-tħassib dwar l-applikazzjoni potenzjali tas-sanzjonijiet kien sempliċement ivvintat.

    62.

    Fi kwalunkwe każ, peress li l-Artikolu 4 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni japplika b’mod ċar sabiex jipprevjeni l-infurzar ta’ kwalunkwe aġġudikazzjoni minn organu ġudizzjarju jew amministrattiv fuq il-bażi tal-eżistenza tal-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet anki fl-assenza ta’ istruzzjoni f’dan is-sens minn kwalunkwe organu barrani jew amministrattiv bħal dan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jkun imċaħħad minn kwalunkwe kamp ta’ applikazzjoni awtonomu jekk l-applikazzjoni tiegħu tkun suġġetta għar-rekwiżit li l-persuni msemmija fl-Artikolu 11 tiegħu jkunu rċevew din l-istruzzjoni.

    63.

    Barra minn hekk, il-liġijiet elenkati fl-Anness fil-fatt ma jobbligawx lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ din il-liġi elenkata fl-Anness sabiex jindirizzaw istruzzjonijiet għall-għoti ta’ avviż formali lil kwalunkwe msieħeb kummerċjali kontraenti ta’ impriża suġġetta għall-ewwel sanzjonijiet sabiex josserva dawn l-istess liġijiet qabel ma jkunu intitolati jimponulhom sanzjoni. Għalhekk, dawn il-liġijiet jiġġeneraw riskju ġudizzjarju għall-persuni msemmija fl-Artikolu 11 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni mill-mument li jsiru applikabbli fl-intier tagħhom. Huwa għaldaqstant minn dan il-mument li dawn l-operaturi jkollhom jiddeċiedu jekk għandhomx jippruvaw jevitaw dan ir-riskju billi jitbiegħdu minn (jew jevitaw) is-swieq ikkonċernati (strateġija ta’ evitar) jew jekk għandhomx jippruvaw inaqqsu r-riskju billi josservaw din il-leġiżlazzjoni b’riżorsi adegwati, li, fil-prattika, jeħtieġ mill-inqas li dawn il-kumpanniji jissorveljaw it-tranżazzjonijiet tagħhom (strateġiji ta’ tnaqqis) ( 36 ).

    64.

    Fil-prattika, diversi kumpanniji kbar diġà stabbilixxew dipartimenti tal-osservanza sabiex jiżguraw li l-azzjonijiet tagħhom ikunu konformi ma’ dawn il-limitazzjonijiet ( 37 ). Bħala riżultat, dawn il-kumpanniji, meta joperaw fil-pajjiżi li huma potenzjalment affettwati mil-leġiżlazzjoni stabbilita fl-Anness tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandhom it-tendenza li josservawha anki fl-assenza ta’ xi istruzzjoni f’dan is-sens. Konsegwentement, sabiex jiġu miġġielda l-effetti ta’ leġiżlazzjoni bħal din u sabiex jiġu protetti kumpanniji Ewropej, huwa neċessarju li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu jkun jista’ japplika anki fl-assenza ta’ istruzzjoni formali bħal din mill-fergħat amministrattivi jew ġudizzjarji tal-istat terz sabiex jitwaqqaf il-kummerċ. Tassew, kif innotat mill-konvenuta, l-Artikolu 1 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jagħti sunt tal-għanijiet imfittxija minn dan l-istatut bħala li “jipprovdi protezzjoni kontra u jikkumbatti l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-liġijiet speċifikati fl-Anness”. Madankollu, ma naħsibx li t-terminu “applikazzjoni” użat fl-Artikolu 1 għandu jinftiehem fil-kuntest tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni li jfisser li dan l-istatut jeħtieġ, sabiex jiġi applikat, konkretizzazzjoni tal-obbligi previsti mil-liġijiet elenkati fl-Anness fil-forma ta’ istruzzjoni ġudizzjarja jew amministrattiva minn Stat barrani. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li, il-protezzjoni li dan l-istatut ifittex li jistabbilixxi, tapplika għal azzjonijiet ibbażati fuq jew li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni bħal din ukoll, li jimplika, a fortiori, li din il-protezzjoni hija mistennija li topera fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-liġijiet fl-ewwel lok. Għalhekk, nemmen pjuttost li dan it-terminu ntuża b’riferiment għal dak li l-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li jara bħala problema, jiġifieri, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tal-Istatut, mhux il-prinċipju nnifsu tal-projbizzjonijiet li jistabbilixxu, iżda l-kamp ta’ applikazzjoni ekstraterritorjali tagħhom.

    65.

    Fid-dawl ta’ dan, nipproponi risposta għall-ewwel domanda fis-sens li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu jiġi interpretat bħala li ma japplikax biss fejn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ pajjiż, li l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu huma elenkati fl-Anness ta’ dan l-istatut, indirizzat, direttament jew indirettament, ċerti istruzzjonijiet lil persuna msemmija fl-Artikolu 11 tiegħu. Il-projbizzjoni inkluża f’din id-dispożizzjoni għalhekk tapplika anki fil-każ li operatur josserva din il-leġiżlazzjoni mingħajr ma l-ewwel ikun ġie mġiegħel minn aġenzija amministrattiva jew ġudizzjarja barranija sabiex jagħmel dan.

    B.   Fuq it-tieni domanda

    66.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandux jiġi interpretat li jipprekludi interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali li tgħid li persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut tista’ xxolji obbligu kontinwu ma’ parti kontraenti msemmija fis-SDN miżmuma mill-OFAC, mingħajr ma tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li xxolji dawn il-kuntratti.

    67.

    Filwaqt li huwa aċċettat li d-dritt kuntrattwali Ġermaniż (flimkien mas-sistemi ġuridiċi ta’ diversi Stati Membri) ġeneralment jippermetti lin-negozjanti jxolju relazzjonijiet kuntrattwali ma’ kwalunkwe operaturi ekonomiċi oħra mingħajr ma jagħtu raġunijiet għal din id-deċiżjoni, l-argument hawn huwa li sakemm id-deċiżjoni għax-xoljiment tar-relazzjoni kuntrattwali ma’ Bank Melli Iran tista’ tiġi ġġustifikata b’xi mod minn Telekom Deutschland, il-qorti tar-rinviju ma tistax taċċerta jekk din il-kumpannija xoljietx dawn ir-relazzjonijiet għal raġuni li ma tiksirx l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    68.

    Qabel nipproċedi sabiex niddiskuti jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandux jiġi interpretat li jistabbilixxi obbligu fir-rigward ta’ persuna fiżika jew ġuridika msemmija fl-Artikolu 11 tiegħu li tagħti raġunijiet meta xxolji kuntratt ma’ parti msemmija fil-lista SDN jew inkella tiġġustifika dan ix-xoljiment, huwa l-ewwel neċessarju li titqajjem il-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jistax jiġi invokat minn parti kokontraenti ta’ din il-persuna ( 38 ).

    1. L-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

    69.

    Il-kwistjoni hawnhekk hija jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandux jinftiehem li ta lil persuna d-dritt li jinvoka din id-dispożizzjoni biex jipprekludi lil operatur Ewropew milli jikser din id-dispożizzjonijiet tiegħu sabiex, fil-kawża prinċipali, Bank Melli Iran ikun jista’ jinvoka dan l-artikolu sabiex jikkontesta x-xoljiment tal-kuntratti inkwistjoni.

    70.

    L-ewwel ħaġa li għandha tiġi nnotata hija li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu jiġi interpretat restrittivament peress li jaffettwa b’mod sever il-libertà ta’ intrapriża. Jekk, pereżempju, dan l-artikolu jista’ jiġi eżegwit fuq talba ta’ entità privata bħal Bank Melli Iran, dan tabilħaqq ikollu l-effett li jobbliga lil impriża Ewropea oħra bħal Telekom Deutschland sabiex tinnegozja miegħu. Dan ikollu interferenza estensiva fil-libertajiet kummerċjali ordinarji.

    71.

    It-tieni, ma hemm l-ebda riferiment espress fl-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għal xi drittijiet li dan ir-regolament jagħti lil persuni li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 11 tiegħu. B’mod partikolari, jista’ l-ewwel jiġi osservat, li, fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni trid tipprojbixxi aġir iġġeneralizzat meħtieġ mill-impriżi msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, li josservaw waħda mil-liġijiet elenkati fl-Anness tiegħu. Minħabba n-natura ġenerali ta’ din il-projbizzjoni u l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta regolament iktar milli direttiva, jekk din id-dispożizzjoni kienet intiża li tagħti drittijiet lil individwi, seta’ jkun mistenni li din tindirizza ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom parti affettwata minn waħda mil-leġiżlazzjonijiet imsemmija fl-Anness tista’ tinvoka l-projbizzjoni inkluża fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni sabiex tiddefendi l-interessi privati tagħha. Madankollu, dan ma huwiex il-każ.

    72.

    It-tielet, l-Artikolu 9 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni (li huwa l-unika dispożizzjoni ddedikata għall-konsegwenzi tal-ksur tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni) jimponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-istatut. Din it-terminoloġija ‐ b’mod partikolari l-użu tal-aġġettiv “dissważivi” ‐ normalment tagħmel riferiment għal eżekuzzjoni pubblika minflok privata ( 39 ).

    73.

    Ir-raba’, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, li jagħti lill-Kummissjoni Ewropea s-setgħa li tawtorizza lil persuni sabiex josservaw b’mod sħiħ jew parzjalment ir-rekwiżiti jew il-projbizzjonijiet stabbiliti jew riżultanti minn din il-leġiżlazzjoni ma jipprevedix li, fid-deċiżjoni dwar jekk din l-eżenzjoni għandhiex tingħata, din l-istituzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi, kif seta’ jkun mistenni jekk l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni kellu jirrikonoxxi d-drittijiet ta’ persuni li x’aktarx ikunu indirizzati mil-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness għall-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ( 40 ).

    74.

    Apparti minn dawn l-argumenti misluta mill-formulazzjoni u l-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, x’aktarx l-iktar argument b’saħħtu favur l-interpretazzjoni tiegħu bħala li sempliċement jistabbilixxi regola ta’ politika ekonomika u mhux li jagħti drittijiet lil partijiet kontraenti, jinsab fl-għanijiet tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ( 41 ). Fil-fatt, dawn l-għanijiet, wara kollox, ma humiex sabiex jipproteġu kumpanniji ta’ pajjiżi terzi direttament fil-mira ta’ miżuri tal-Istati Uniti tal-Amerika, iżda pjuttost, kif jistabbilixxi l-Artikolu 1 ta’ dan l-istatut, sabiex jikkumbattu l-effetti tal-liġijiet fil-mira u sabiex jipproteġu lill-kumpanniji Ewropej, u indirettament, is-sovranitajiet nazzjonali tal-Istati Membri, kontra leġiżlazzjoni kuntrarja għad-dritt internazzjonali ( 42 ). Jekk Bank Melli Iran ikun jista’ jeżegwixxi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni permezz ta’ azzjoni ta’ eżekuzzjoni privata tat-tip inkwistjoni hawn, dan jista’ jidher bħala ksur tal-għanijiet ta’ dan l-istatut, li huma l-protezzjoni ta’ kumpanniji Ewropej (u mhux il-kumpanniji fil-mira tas-sanzjonijiet primarji) minħabba li jqegħidhom f’pożizzjoni diffiċli u kważi impossibbli ( 43 ).

    75.

    Filwaqt li nirrikonoxxi s-saħħa ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, min-naħa tiegħi madankollu nħossni obbligat nikkonkludi li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu jiġi interpretat li jagħti dawn id-drittijiet lil partijiet terzi bħal Bank Melli Iran.

    76.

    Il-punt tat-tluq hawn hija l-lingwa imperattiva tal-kliem tal-ftuħ tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni stess (“Ebda persuna msemmija fl-Artikolu 11 m’għandha tikkonforma […] ma’ kwalunkwe rikjesta [rekwiżit] jew projbizzjoni […] ibbażati fuq […] [il]-liġijiet speċifikati fl-Anness.”) Bħallikieku din il-formulazzjoni ċara u bla kompromessi ma kinitx biżżejjed, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex fil-fond fl-armerija ta’ formulazzjonijiet legali tiegħu sabiex jiżgura li s-saħħa u l-effett kollu jingħataw lil din il-projbizzjoni (“kemm direttament jew permezz ta’ persuna sussidjarja jew intermedjarju ieħor, attivament jew permezz ta’ omissjoni intenzjonata […] ibbażati fuq jew li jirriżultaw, direttament jew indirettament, mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom”).

    77.

    Dawn l-għanijiet tal-politika previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet huma stabbiliti ulterjorment fil-premessi. Dawn jinkludu l-konvinzjoni (stabbilita fil-premessi 3, 4 u 5) li din it-tip ta’ leġiżlazzjoni ekstraterritorjali tikser id-dritt internazzjonali u tikkomprometti l-operazzjoni effettiva tas-suq intern. Il-premessa 6 tistabbilixxi li f’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali huwa neċessarju li sabiex jiġu protetti l-“ordni legali stabbilit […] l-interessi tal-[Komunità] u l-interessi tal-persuni naturali u legali li jeżerċitaw” id-drittijiet tat-Trattati billi “jitneħħew, jiġu newtralizzati, jiġu mwaqqfa’ jew inkella jintlaqgħu l-effetti tal-leġiżlazzjoni barranija konċernata”.

    78.

    Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti effett lill-għażla tal-politika li hija riflessa fil-premessi u fid-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni obbliga fl-iktar termini bla kompromess u ċari ( 44 ). Iżda jekk ma jiġix irrikonoxxut dritt għal azzjoni favur Bank Melli Iran, l-effett nett ikun li l-eżekuzzjoni tal-politika espressa fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni tistrieħ biss fuq ir-rieda tal-Istati Membri ( 45 ) u, indirettament, tal-Kummissjoni.

    79.

    Dan ifisser, imbagħad, li, f’ċerti Stati Membri retiċenti li jinforzaw l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, pereżempju, operatur ekonomiku kbir bħal Telekom Deutschland jista’ attivament jiddeċiedi li josserva s-sistema ta’ sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika billi jxolji l-kuntratt ma’ Bank Melli Iran.

    80.

    Fejn dawn imexxu, oħrajn żgur li jsegwu u l-ordni pubbliku kollu tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jista’ jiġi mminat malajr b’sitwazzjoni fejn ħafna entitajiet Ewropej jiddeċiedu bil-kwiet li josservaw (anki indirettament) dawn is-sanzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-theddida ta’ sanzjonijiet “dissważivi” fil-liġijiet tal-Istati Membri prevista mill-Artikolu 9 ta’ dan l-istatut x’aktarx tkun waħda artifiċjali u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiġu ridotti, bħar-Re Lear ta’ Shakespear, li jipprotestaw li huma lesti “jagħmlu affarjiet […] ma nafx [xiex], iżda li jkunu t-terrur tad-dinja”.

    81.

    Huwa minnu li konsegwenza waħda ta’ din l-interpretazzjoni hija li entità barranija – bħal Bank Melli Iran – kollateralment tikseb il-benefiċċju ta’ dan id-dritt ta’ azzjoni a skaptu ta’ entità Ewropea – bħal Telekom Deutschland – li mbagħad tkun obbligata tibqa’ kuntrattwalment marbuta ma’ klijent li ma għadhiex tixtieq ix-xogħol tiegħu. Iżda, irrispettivament minn kemm tidher li ma hijiex sodisfaċenti għal xi wħud, ma nara l-ebda alternattiva oħra jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssostni l-għanijiet ta’ ordni pubbliku intiżi li jingħataw effett mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    82.

    Dan jista’ x’aktarx jiġi eżaminat mod ieħor. Nimmaġinaw, pereżempju, li kumpannija tal-Istati Uniti tal-Amerika tikseb deċiżjoni ġudizzjarja fl-Istati Uniti tal-Amerika kontra Bank Melli Iran u din id-deċiżjoni ġudizzjarja kienet ibbażata “direttament jew indirettament” fuq is-sistema ta’ sanzjonijiet tal-Istati Uniti. Ejja nimmaġinaw ukoll li l-kumpannija tal-Istati Uniti tal-Amerika mbagħad fittxet li teżegwixxi din id-deċiżjoni quddiem il-qrati Ġermaniżi. Jista’ jiġi ssuġġerit li Bank Melli Iran ma għandux id-dritt jippreżenta rikors quddiem dawn il-qrati sabiex jitwaqqfu dawn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, anki jekk (kif huwa l-każ) din id-dispożizzjoni lanqas ma tgħid xejn dwar id-dritt ta’ entitajiet mhux Ewropej li jippreżentaw rikors ta’ dan it-tip?

    83.

    Jiena naħseb li din il-mistoqsija twieġeb lilha nnifisha u li l-istess jista’ wkoll jingħad dwar drittijiet ta’ terzi fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    2. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu fuq il-persuna msemmija fl-Artikolu 11 tal-istess statut li tipprovi raġunijiet ab initio meta jxolju relazzjoni kuntrattwali ma persuna suġġetta għal sanzjonijiet primarji?

    84.

    Mill-bidu nett, għandu jiġi nnotat li din il-mistoqsija għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tad-dritt Ġermaniż, li jippermetti li persuni fil-pożizzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali, jeżerċitaw fuq il-bażi tal-libertà kuntrattwali d-dritt ordinarju li jxolju kwalunkwe kuntratt miftuħ li la jeħtieġ l-eżistenza u lanqas l-identifikazzjoni ta’ bażi għal xoljiment. It-tieni domanda għandha għaldaqstant tinftiehem li essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-ewwel paragrafu tal-Atikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu eċċezzjoni għal din il-libertà kuntrattwali fejn il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna suġġetta għal sanzjonijiet primarji, li permezz tagħhom, f’din iċ-ċirkustanza partikolari, għandha tingħata raġuni sabiex jiġi aċċertat jekk ix-xoljiment huwiex motivat mill-eżistenza tal-liġijiet elenkati fl-Anness tiegħu u, għaldaqstant, jagħtu lil din id-dispożizzjoni effet utile.

    85.

    Huwa minnu li la fil-formulazzjoni speċifika tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, b’mod partikolari, u lanqas f’dik tal-istatut b’mod ġenerali ma hemm xejn li jsostni l-fehma li dan l-istatut jimponi obbligu li jingħataw raġunijiet li jiġġustifikaw ix-xoljiment ta’ relazzjoni kummerċjali ma’ persuna suġġetta għal sanzjonijiet primarji. Jiena madankollu nikkunsidra li obbligu bħal dan għandu neċessarjament jiġi dedott mill-għanijiet imfittxija minn dan l-istatut, essenzjalment għar-raġunijiet kollha li għadni kemm tajt fir-rigward tal-eżistenza ta’ dritt għal azzjoni għall-eżekuzzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni. Li kieku kien mod ieħor, entità tista’ bil-kwiet tiddeċiedi li tagħti effett lil-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika u, billi żżomm silenzju oskuranti, impenetrabbli fir-rigward tar-raġunijiet tagħha u (effettivament) mingħajr ma jista’ jiġi mistħarreġ fir-rigward tal-metodi tagħha ( 46 ), l-għanijiet tal-politika prinċipali stabbiliti fil-premessi u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jiġu kompromessi u mxejna.

    86.

    Dan huwa essenzjalment dak li jidher li seħħ hawn. Il-fatt li Telekom Deutschland fittxet li xxolji l-kuntratt tagħha ma’ Bank Melli Iran (u, kif il-qorti tar-rinviju osservat, kitbet ittra f’termini ftit jew wisq identiċi lil erba’ klijenti oħra, li kull wieħed minnhom kellu konnessjonijiet Iranjani sinjifikattivi) fi żmien ġimagħtejn mid-dħul fis-seħħ tas-sanzjonijiet imġedda tal-Istati Uniti tal-Amerika jista’ jiġi kkunsidrat li jgħid kollox, għalkemm, naturalment, id-deduzzjoni xierqa li x’aktarx issir f’dan ir-rigward hija finalment kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju. Ċertament, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni, jissuġġerixxi li Telekom Deutschland iddeċidiet li, minflok ma tirriskja li tiġi esposta għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika (bir-riskji assoċjati ta’ multi kbar, tqallib kummerċjali u dannu kunsiderevoli għar-reputazzjoni), hija fil-fatt tat effett lil dawn is-sanzjonijiet, irrispettivament minn jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprovdix il-kontra ta’dan.

    87.

    Wieħed għandu jirrikonoxxi, naturalment, li hemm ħafna kumpanniji u individwi li jkollhom dubji u riżervi etiċi dwar it-twettiq ta’ kummerċ ma’ pajjiżi bħar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (u, b’estensjoni, ma’ entitajiet Iranjani maġġuri bħal Bank Melli li huma effettivament ikkontrollati mill-Gvern Iranjan): l-ambizzjonijiet nukleari tagħha; l-isforzi tagħha sabiex tiddestabbilizza gvernijiet oħra fir-reġjun; ir-rieda tagħha li twettaq gwerer bi prokura, sikwit permezz tal-finanzjament u s-sostenn ta’ gruppi terroristiċi għal dan l-għan; il-fundamentaliżmu reliġjuż tagħha u l-intolleranza ġenerali għan-nuqqas ta’ qbil; it-trattament diskriminatorju tan-nisa u ta’ minoranzi u l-użu promiskwu tagħha tal-piena kapitali sikwit wara smigħ sommarju u – almenu skont l-istandards tagħna – profondament inġust huma lkoll karatteristiċi ta’ dan l-Istat li ħafna bir-raġun ma jaqblux magħhom u jsibuhom oġġezzjonabbli ħafna. Id-dritt ta’ impriża li tiddeċiedi skont is-sens etiku tagħha ta’ valuri kummerċjali li ma tinnegozjax ma’ reġim ta’ dan it-tip huwa, naturalment, element prinċipali tal-libertà tal-kuxjenza protetta mill-Artikolu 10(1) tal-Karta u l-libertà ta’ intrapriża fi ħdan is-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta.

    88.

    Sabiex, madankollu, jiġi stabbilit li r-raġunijiet mogħtija fir-rigward ta’ kwalunkwe deċiżjoni li jiġi xolt kuntratt fuq din il-bażi kienu fil-fatt sinċieri, il-persuna msemmija fl-Artikolu 11 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni inkwistjoni ‐ f’din il-kawża Telekom Deutschland ‐ tkun meħtieġa, fil-fehma tiegħi, turi li hija attivament impenjata f’politika ta’ responsabbiltà soċjali koerenti u sistematika (CSR) li tirrikjedi minnhom, inter alia, li jirrifjutaw li jinnegozjaw ma’ kwalunkwe kumpannija – u li ma humiex biss dawk fil-mira tas-sanzjonijiet primarji – li għandha rabtiet mar-reġimi Iranjani ( 47 ).

    89.

    Fi kwalunkwe każ, isegwi madankollu mit-termini bla kompromess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni li, bħala prinċipju, almenu, impriża li tfittex li xxolji kuntratt li mill-bqija huwa validu ma’ entità Iranjana suġġetta għas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika għandha turi għas-sodisfazzjon tal-qorti tar-rinviju li hija ma għamiltx dan minħabba x-xewqa tagħha li tosserva dawn is-sanzjonijiet.

    90.

    F’dan ir-rigward, kif diġà indikajt, l-obbligu tal-konvenuta ma huwiex sempliċement li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni, iżda wkoll li tiġġustifikaha. Fil-fatt, għar-raġunijiet kollha li semmejt, l-effet utile tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jiġi kompromess jekk il-persuni kkonċernati kellhom jitħallew jistaħbew wara kwalunkwe raġuni vagament kredibbli għad-deċiżjoni tagħhom ( 48 ). B’mod partikolari, fil-fehma tiegħi, persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut ma għandhiex tkun kapaċi tinvoka klawżola ta’ xoljiment għal force majeure sabiex tiġġustifika x-xoljiment tar-relazzjoni kuntrattwali mingħajr almenu ma turi li l-avveniment li jikkostitwixxi force majeure ma huwiex relatat mal-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika elenkata fl-Anness ta’ dan l-istatut ( 49 ). Kwalunkwe konklużjoni oħra timmina l-kapaċità ta’ entità affettwata mix-xoljiment tal-kuntratt li tuża d-drittijiet mogħtija mill-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    91.

    Filwaqt li nesponi dan, ma ninjorax il-fatt li, minn naħa, għal ċerti tipi ta’ kuntratti, il-kuntatt personali bejn il-partijiet kontraenti (intuitu personae) jista’ jkun importanti, iżda dan minnu nnifsu ma jistax jeskludi r-rekwiżit li tingħata ġustifikazzjoni għax-xoljiment. Bil-maqlub, l-ispeċifiċità ta’ dawn il-kuntratti u r-relazzjoni li japplikaw bejn il-partijiet jistgħu preċiżament jikkostitwixxu raġuni leġittima sabiex jiġi ġġustifikat, fil-każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi li ma hijiex relatata mas-sanzjonijiet primarji, ix-xoljiment ta’ dawn il-kuntratti. F’dan il-każ, ikun pjuttost mhux realistiku li jiġi immaġinat li l-kuntratti inkwistjoni bejn il-partijiet għandu jitqies b’dan il-mod: huwa kien bil-maqlub kuntratt impersonali nnegozjat bejn żewġ entitajiet kummerċjali li ppreveda għall-forniment ta’ servizzi ta’ utilità pubblika minn entità tat-telekomunikazzjonijiet maġġuri li, għall-għanijiet prattiċi kollha, kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti għall-forniment ta’ dawn is-servizzi.

    92.

    Madankollu, dan l-obbligu li jiġi ġġustifikat ix-xoljiment ta’ kuntratt ma huwiex, madankollu, separat mill-obbligu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għal persuni koperti mill-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut sabiex ma josservawx il-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet elenkata fl-Anness tiegħu. Huwa relatat pjuttost mal-oneru tal-prova u, konsegwentement, din il-ġustifikazzjoni ma għandhiex neċessarjament għalfejn tingħata fil-mument tax-xoljiment iżda tista’, pereżempju, tiġi sostnuta wkoll permezz ta’ difiża wara l-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji li jfittxu l-eżekuzzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    93.

    Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu r-regoli proċedurali tagħhom stess li jirregolaw l-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, ma naħsibx li l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali jista’ jiġi applikat fejn, bħal f’din il-kawża, il-bżonn li jiġi żgurat “effet utile” jimponi ċerta distribuzzjoni tal-oneru tal-prova ( 50 ). Fil-fatt, sabiex sempliċement jiġi kkunsidrat li l-oneru tal-prova huwa kwistjoni ta’ dritt proċedurali ( 51 ) u mhux, kif jidher li huwa l-każ f’ċerti Stati Membri, ta’ dritt sostantiv, ir-rekwiżit li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni jipprevjeni lil dan l-oneru milli jinqaleb b’mod li jagħmel l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’tilwima diffiċli.

    94.

    Fid-dritt tal-Unjoni, jekk il-prinċipju prevalenti huwa li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-persuna li tressaq it-talbiet ( 52 ), huwa rrikonoxxut ukoll li, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, jista’ jkun neċessarju li l-oneru tal-prova jinqaleb ( 53 ). Dan huwa l-approċċ adottat, pereżempju, mid-direttivi tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni, f’qasam fejn huwa magħruf sewwa li jista’ jkun diffiċli li tiġi prodotta l-prova ta’ aġir diskriminatorju ( 54 ).

    95.

    Dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, terzi ovvjament ser ikollhom l-ikbar diffikultà fil-ġbir tal-evidenza li d-deċiżjoni li ma jidħlux f’relazzjoni kummerċjali jew li ma jkompluhiex hija l-konsegwenza tar-rieda ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut li tosserva d-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika. Apparti mill-eventwalità improbabbli li persuna msemmija f’dan l-artikolu qatt, pereżempju, tammetti r-rieda tagħha li tosserva l-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness ta’ dan l-istatut, ma narax xi provi jistgħu jiġu prodotti mir-rikorrenti. Konkomitanza tad-deċiżjonijiet li jxolju relazzjonijiet kummerċjali jew ir-rifjut li wieħed jidħol f’relazzjonijiet ma’ persuni suġġetti għal sanzjonijiet primarji? Madankollu, fil-prattika, is-segretezza kummerċjali tagħmilha estremament diffiċli għal kumpannija sabiex tkun taf id-deċiżjonijiet reali meħuda minn fornitur fir-rigward ta’ kumpanniji oħra ( 55 ).

    96.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li fejn il-lanjant ikun sempliċement ipproduċa provi prima facie li, minn naħa, il-persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Istatut għall-Imblokk tal-Unjoni, li magħha l-lanjant ikun jixtieq jidħol jew jibqa’ f’relazzjoni kummerċjali, tista’ tħossha kkonċernata minn parti mil-leġiżlazzjoni msemmija fl-Anness tiegħu u, min-naħa l-oħra, li huwa ssodisfa l-kundizzjonijiet previsti sabiex isir jew jibqa’ klijent ta’ din l-impriża ( 56 ), l-effett tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblokkar tal-Unjoni huwa li l-persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut għandha tiġġustifika d-deċiżjoni kummerċjali tagħha li xxolji l-kuntratt inkwistjoni jew li tirrifjuta lil dan il-lanjant bħala klijent ( 57 ).

    97.

    Wieħed jista’ jaċċetta li, f’għajnejn xi wħud, il-fatt li l-oneru tal-prova jinqaleb jista’ jidher li huwa kuntrarju għal-libertà kuntrattwali. Madankollu, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju tal-libertajiet imsemmija fil-Karta huwa żgurat biss fil-limiti tar-responsabbiltà li kull ċittadin jinkorri għall-atti tiegħu stess ( 58 ). Iktar minn hekk, wieħed jista’ jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, almenu fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, li f’ċerti kundizzjonijiet, kumpannija tista’ tkun obbligata tikkuntratta ma’ terzi ( 59 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ir-raġunijiet superjuri ta’ ordni pubbliku, l-osservanza tad-dritt internazzjonali u n-nuqqas ta’ aptit min-naħa tal-Unjoni għal leġiżlazzjoni ekstraterritorjali intrużiva ta’ dan it-tip li, kif diġà rajna, huma kollha riflessi hawn fil-premessi u fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ma jeħtieġu xejn inqas ( 60 ).

    98.

    Għalhekk, sa fejn hija kkonċernata l-proċedura fil-qrati nazzjonali, peress li Bank Melli Iran u Telekom Deutschland kienu diġà qegħdin joperaw u peress li ma kien hemm ebda bidla fl-attività kummerċjali rispettiva tagħhom (kwistjoni li, madankollu, għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali), nikkunsidra li hija Telekom Deutschland li għandha tistabbilixxi li kien hemm raġuni oġġettiva, apparti l-fatt li Bank Melli Iran kien suġġett għal sanzjonijiet primarji, għax-xoljiment tal-kuntratti inkwistjoni u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-veraċità ta’ dawn ir-raġunijiet. Huwa ċar mill-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni li dak li jgħodd huwa l-intenzjoni tal-operatur ekonomiku li josserva dawn is-sanzjonijiet, irrispettivament minn jekk huwiex attwalment ikkonċernat bl-applikazzjoni tagħhom.

    99.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut tista’ xxolji obbligu kuntrattwali kontinwu ma’ parti kontraenti msemmija fil-Lista SDN miżmuma mill-OFAC, mingħajr ma jkollha għalfejn qatt tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li xxolji dawn il-kuntratti.

    C.   Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

    100.

    Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, il-qrati aditi minn parti kontraenti suġġetta għal sanzjonijiet primarji humiex meħtieġa li jordnaw lil persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut sabiex iżżomm din ir-relazzjoni kuntrattwali, anki jekk, l-ewwel, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tiegħu għandu jiġi interpretat restrittivament, it-tieni, tali ordni x’aktarx tikser l-Artikolu 16 tal-Karta, u t-tielet, din il-persuna x’aktarx tiġi ssanzjonata severament mill-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni ta’ liġi msemmija fl-Anness.

    101.

    Hawn għandu jitfakkar li huma l-qrati nazzjonali li huma responsabbli għall-applikazzjoni, fi ħdan il-qafas tal-ġurisdizzjoni tagħhom, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett sabiex jiżguraw li dawn ikunu effettivi b’mod sħiħ ( 61 ). Peress li, skont l-Artikolu 288 TFUE, regolament, bħall-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, huwa direttament applikabbli f’kwalunkwe Stat Membru, dan l-obbligu huwa impost fuq dawn il-qrati anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dan ir-regolament.

    102.

    Fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, jista’ jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax x’konsegwenzi għandhom jinħarġu mill-fatt li persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut tiddeċiedi, bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tiegħu, li ma tikkonkludix jew ixxolji relazzjoni kummerċjali ma’ persuna suġġetta għal sanzjonijiet primarji sabiex tosserva l-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness tiegħu.

    103.

    Huwa minnu li, l-Artikolu 9 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprevedi li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati, sakemm ikunu effettivi, proporzjonali ( 62 ) u dissważivi ( 63 ). Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, kif nipproponi jiena, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu jinftiehem li jagħti drittijiet lil persuni suġġetti għal sanzjonijiet primarji, b’konsegwenza ta’ dan it-terminu “sanzjoni” għandu neċessarjament jinftiehem f’sens wiesa’, bħala li jinkludi kemm sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi u dawk ċivili li l-għan tagħhom ma huwiex neċessarjament li jikkastigaw, iżda jista’ sempliċement ikun dak li jiġi żgurat l-effet utile tad-dispożizzjoni inkwistjoni ( 64 ).

    104.

    Dan, madankollu, ma jfissirx li huma l-Istati Membri weħidhom li għandhom jiddeċiedu dwar in-natura tas-sanzjonijiet. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fejn regola tqiegħed l-inkarigu tad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-każ ta’ ksur ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni f’idejn l-Istati Membri, din is-setgħa ta’ determinazzjoni hija limitata mill-obbligu fuq l-Istati Membri, u b’mod partikolari fuq il-qrati nazzjonali, li jiżguraw l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-obbligu jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jirrimedjaw is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-illegalità mwettqa u, b’mod partikolari, li jqiegħdu lil persuni li għandhom dritt fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha fl-assenza ta’ din l-illegalità.

    105.

    Isegwi li, fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjoni ta’ regolament, għandha ssir distinzjoni, bejn il-miżuri li għandhom jiġu adottati minn Stati sabiex dan il-ksur jiġi kkastigat, bejn miżuri li għandhom għan ta’ kastig, li huma neċessarji sabiex jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ deterrenza, u miżuri adottati sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni li rriżultat mill-illegalità mwettqa, li l-adozzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni ( 65 ). Filwaqt li fl-ewwel każ, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni relattivament wiesa’ fid-deċiżjoni dwar liema miżuri għandhom jadottaw, sakemm dawn il-miżuri jkunu, kif indikat, effettivi, proporzjonali u dissważivi, ( 66 ) sa fejn dawn jagħtu effett lill-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, dan il-marġni jista’ jkun limitat jew saħansitra ineżistenti ( 67 ).

    106.

    B’mod partikolari, fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjoni stabbilita f’regolament ( 68 ) u li tagħti drittijiet lil terzi, peress li regolament huwa direttament eżegwibbli, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe speċifikazzjoni dwar l-arranġamenti proċedurali għall-azzjonijiet intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet mogħtija lil ċerti persuni permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-qrati nazzjonali huma madankollu marbuta bl-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ din id-dispożizzjoni ( 69 ). Dan kollu neċessarjament iqiegħed obbligu fuq dawn il-qrati nazzjonali li jistabbilixxu (mill-ġdid) is-status quo ante li kien jeżisti fl-assenza tal-illegalità mwettqa.

    107.

    F’dan ir-rigward, nixtieq inżid li, b’differenza minn miżuri maħsuba li jikkastigaw, dan l-obbligu li jiġi żgurat li d-drittijiet legali tal-persuni jew entitajiet ikkonċernati jiġu ppreżervati u li l-istatus quo ante jerġa’ jiġi stabbilit ma jistax, sa fejn hija kkonċernata s-sustanza nnifisha tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, iwassal għal riżultat li jkun differenti minn Stat Membru għal ieħor. Fi kliem ieħor, filwaqt li l-arranġamenti proċedurali għall-implimentazzjoni mill-qrati nazzjonali jistgħu jvarjaw, ir-riżultat għandu bħala prinċipju jkun l-istess fl-Unjoni kollha. Ma huwiex, tabilħaqq, biżżejjed li tiġi ddikjarata l-eżistenza tad-drittijiet sabiex dawn isiru realtà fil-ħajjiet ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni; huma għandhom ukoll jiġu effettivament issanzjonati, b’mod partikolari meta jirriżultaw minn regolament li huwa kkunsidrat li huwa direttament applikabbli.

    108.

    Għalhekk, nikkunsidra li, fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjoni li tippreskrivi regola ta’ aġir li għandha tiġi osservata fuq bażi kontinwa (bħal f’din il-kawża), il-qrati nazzjonali huma meħtieġa li jordnaw lill-kontraventur sabiex iwaqqaf dan il-ksur, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità perjodiċi jew sanzjoni xierqa oħra, peress li hekk biss jistgħu jintemmu l-effetti kontinwi tal-illegalità mwettqa u tiġi kompletament żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

    109.

    Hawn wieħed jista’ josserva li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jipprojbixxi lill-persuni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut milli josservaw il-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness tiegħu. F’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprojbixxi lil kwalunkwe kumpannija mhux tal-Istati Uniti tal-Amerika milli tinnegozja ma’ persuna suġġetta għal sanzjonijiet primarji. Hija għaldaqstant projbizzjoni ġenerali. In-nuqqas ta’ osservanza tagħha għaldaqstant jimplika li persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut ma tista’ fl-ebda mument tirrifjuta li żżomm relazzjoni kummerċjali għal raġuni riżultanti mill-eżistenza tal-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika.

    110.

    F’dan il-kuntest, ammissjoni li kwalunkwe ksur ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi ssanzjonat biss permezz tal-ħlas ta’ danni f’somma f’daqqa tkun ekwivalenti għal ammissjoni tal-possibbiltà li persuna msemmija fl-Artikolu 11 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni tista’ tosserva parti mil-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika elenkata fl-Anness tiegħu, barra mill-mekkaniżmu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istatut sempliċement billi l-persuni li għandhom id-dritt kuntrattwali jiġu kkumpensati. Li kieku dan ikun effettivament il-każ, il-projbizzjoni stabbilita b’mod ċar ħafna fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni tiġi għalhekk żnaturata u l-għanijiet ta’ ordni pubbliku li diġà identifikajt, jiġifieri, li jiġu miġġielda u nnewtralizzati l-effetti tal-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, ma jistgħux jinkisbu.

    111.

    Peress li jiena tal-fehma li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jagħti drittijiet lil persuni suġġetti għal sanzjonijiet primarji, il-konsegwenza loġika tiegħu hija li kwalunkwe deċiżjoni ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut sabiex ixxolji relazzjoni kuntrattwali ma’ persuna suġġetta għal sanzjonijiet primarji li ma tistax tiġi ġġustifikata fuq bażi apparti mix-xewqa li tosserva il-leġiżlazzjonielenkata fl-imsemmi statut, għandha titqies bħala invalida u bla effett, bil-konsegwenza li l-qrati nazzjonali huma obbligati jittrattaw ir-relazzjoni kuntrattwali bħala li kompliet fuq l-istess termini kummerċjali bħal dawk li kienu jeżistu preċedentement ( 70 ). Dan l-obbligu għaldaqstant jimplika li, fejn xieraq, il-qrati nazzjonali għandhom jordnaw lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 11 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni sabiex tkompli r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità perjodiċi jew sanzjoni xierqa oħra.

    112.

    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdix għal sanzjonijiet amministrattivi fil-forma ta’ multa monetarja. Peress li għandu jiġi aċċettat li l-ewwel paragrafu tal-Artioklu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar jagħti drittijiet lil persuni suġġetti għas-sanzjonijiet primarji, l-eżistenza ta’ sanzjonijiet amministrattivi ma tagħmilhiex possibbli li jiġi rrimedjat l-obbligu li jaqa’ direttament fuq il-qrati nazzjonali, fil-każ ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ ta’ dawn id-drittijiet ( 71 ).

    113.

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata, fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 16 tal-Karta.

    114.

    Huwa minnu li l-Karta tapplika għas-sanzjonijiet adottati mill-Istati Membri sabiex jeżegwixxu d-dritt tal-Unjoni ( 72 ), u ma hemm l-ebda dubju li l-adozzjoni ta’ ordni bħal din x’aktarx taffettwa l-libertà ta’ intrapriża tal-impriża kkonċernata, kif iggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta b’mod wiesa’. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-libertà ta’ intrapriża tinkludi l-libertà kuntrattwali ( 73 ) u għaldaqstant, neċessarjament, anki l-libertà li persuna ma tikkuntrattax.

    115.

    Madankollu, kif diġà spjegajt, jekk wieħed jaċċetta ‐ kif naħseb li għandna nagħmlu ‐ li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jagħti drittijiet lil impriżi suġġetti għal sanzjonijiet primarji, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett sħiħ ta’ dawn id-drittijiet għandha tirriżulta f’obbligu li jiġi impost fuq il-qrati nazzjonali, fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet, sabiex jordnaw lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut iżżomm ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni.

    116.

    Isegwi, għaldaqstant, li l-ksur tal-libertà ta’ intrapriża ggarantita mill-Karta ma huwiex il-konsegwenza tal-eżerċizzju mill-qorti nazzjonali inkwistjoni ta’ xi diskrezzjoni, iżda pjuttost tal-obbligu tagħha li tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni. Huwa għaldaqstant biss fil-livell tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eventwali ksur mhux iġġustifikat tal-Artikolu 16 tal-Karta.

    117.

    Qabel ma neżamina jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jikkostitwixxix ksur mhux iġġustifikat tal-Artikolu 16 tal-Karta, tqum il-mistoqsija dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax twettaq dan l-eżami proċeduralment. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma fformulatx id-domanda tagħha bħala relatata mal-validità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni (jew mad-deċiżjoni li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti inkwistjoni tiġi inkluża fl-Anness ta’ dan l-istatut), iżda pjuttost bħala relatata mal-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, kif ukoll tal-Artikolu 16 tal-Karta.

    1. Dwar il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina ex officio l-kompatibbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni u d-deċiżjoni li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika inkwistjoni tiġi inkluża fl-Anness ta’ dan l-istatut

    118.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-kompatibbiltà ta’ att tal-Unjoni ma ġietx ikkontestata espressament mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda obbligu teżamina l-validità ta’ dan l-att ( 74 ), peress li hija l-qorti nazzjonali biss, li hija adita mill-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 75 ). Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa teżamina l-validità ta’ att ex officio meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tista’ tagħmel dan ex officio?

    119.

    F’dan ir-rigward, jistgħu jitressqu żewġ argumenti kontra din is-soluzzjoni. L-ewwel, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-ksur ta’ regola superjuri ma tikkostitwixxix eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku li tista’ titqajjem ex officio mill-qrati tal-Unjoni ( 76 ). It-tieni, il-ġustifikazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma hijiex għall-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda pjuttost għas-soluzzjoni ta’ tilwima relatata mad-dritt tal-Unjoni ( 77 ). Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss meta d-dritt nazzjonali jagħti lil qorti s-setgħa li tapplika regola vinkolanti tad-dritt ex officio li din is-setgħa ssir obbligu għal din il-qorti sabiex tqajjem ex officio l-ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni ( 78 ). Konsegwentement, konstatazzjoni li regola tad-dritt tal-Unjoni hija invalida fl-assenza tal-kontestazzjoni tagħha mill-partijiet ma hijiex neċessarjament probabbli li jkollha impatt fuq is-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima, peress li l-eżistenza ta’ tali impatt tvarja skont in-natura tal-eċċezzjonijiet li jistgħu jitqajmu ex officio mill-qorti nazzjonali.

    120.

    Madankollu, f’diversi sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt tagħha li teżamina ex officio l-validità tad-dispożizzjoni inkwistjoni f’rinviju għal deċiżjoni preliminari f’żewġ sitwazzjonijiet partikolari, jiġifieri, minn naħa fejn, minkejja l-formulazzjoni tad-domanda, jidher mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju huma fil-fatt marbuta mal-validità tal-att li tiegħu qiegħda formalment tintalab l-interpretazzjoni, u, min-naħa l-oħra, fejn il-validità ta’ dan l-att ġiet imqajma fil-kawża prinċipali ( 79 ). Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ xenarji, il-fatt li l-validità tad-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi eżaminata ex officio ma jidhirx li huwa totalment oppost għall-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq, sa fejn il-kwistjoni dwar il-validità hija diġà, f’ċertu sens, parti mit-tilwima b’tali mod li jista’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li dan l-eżami jista’ jkun utli għall-qorti tar-rinviju.

    121.

    Eżami ex officio dwar il-validità tad-dispożizzjoni li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħha jeħtieġ, madankollu, ir-rispett tad-dritt għal smigħ li għandhom l-istituzzjonijiet li adottaw din id-dispożizzjoni u tad-drittijiet proċedurali li għandhom l-Istati Membri. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet indikat għal darba oħra, “risposta għad-domandi addizzjonali [mhux imqajma mill-qorti tar-rinviju tkun] inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati” ( 80 ). B’mod partikolari, huwa pjuttost ovvju li, fid-dawl tal-effetti prodotti minn konstatazzjoni ta’ invalidità, id-deċiżjoni tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet ikkonċernati dwar jekk jintervjenux jew le fid-deċiżjoni preliminari x’aktarx tkun differenti skont jekk id-domanda magħmula għandhiex tinftiehem bħala li tikkonċernax l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ att.

    122.

    Isegwi li, minkejja li d-domandi magħmula formalment jirrelataw biss mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ xorta waħda teżamina ex officio l-validità ta’ att fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jekk huwa suffiċjentement ċar minn dan ir-rinviju, kif innotifikat lill-Istati Membri fil-lingwa uffiċjali tagħhom jew fis-sunt tiegħu, li d-dubji tal-qorti tar-rinviju huma relatati mal-validità tal-att li l-interpretazzjoni tiegħu ntalbet biss formalment jew li l-validità ta’ dan l-att tikkostitwixxix is-suġġett ċentrali tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Jekk le, l-osservanza tal-prerogattivi tal-awturi tal-att inkwistjoni u ta’ dawk tal-Istati Membri teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tinnotifikahom minn qabel bl-intenzjoni tagħha li teżamina ex officio l-validità tal-att inkwistjoni.

    123.

    F’din il-kawża, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, madankollu, b’mod ċar li huwa suffiċjenti fid-dritt li jiġi mifhum li d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju li jiġġustifikaw ir-raba’ domanda huma marbuta mal-eżistenza ta’ “projbizzjoni ġenerali”, li hija r-riżultat tal-adozzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni u d-deċiżjoni li ITSR jiġu inklużi fl-Anness tiegħu. Il-qorti tar-rinviju b’mod partikolari osservat is-segwenti: “Hija l-fehma tal-awla li, bħala riżultat tal-projbizzjoni tal-osservanza tas-sanzjonijiet sekondarji, l-operaturi tal-Unjoni bħall-konvenuta (l-istess persuni li, skont il-preambolu tiegħu, ir-Regolament huwa maħsub li jipproteġi) għandhom dilemma […] L-awla hija tal-fehma li dan ir-riskju ma huwiex ikkumpensat biżżejjed bit-talba għall-irkupru rregolata bl-Artikolu 6 tal-[Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni]. L-istess japplika għall-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni awtorizzata taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-[Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] […]. Dan espost, l-awla għandha dubji, fejn hemm riskju ta’ telf ekonomiku konsiderevoli fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerika, dwar jekk projbizzjoni ġenerali tal-qtugħ ta’ relazzjonijiet ma’ msieħeb kummerċjali, aħseb u ara msieħeb kummerċjali insinjifikattiv, sabiex jiġu evitati dawn ir-riskji hijiex kompatibbli mal-libertà ta’ intrapriża protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta […] u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 52 tal-Karta”. (enfasi miżjuda minni). Iktar minn hekk, mill-osservazzjonijiet tad-diversi partijiet fil-proċeduri inkwistjoni jirriżulta li dawn fehmu b’mod sħiħ id-dubji tal-qorti tar-rinviju relatati mal-validità tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    124.

    Għalhekk, nikkunsidra li l-validità tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni u d-deċiżjoni li jiġu inklużi l-ITSR fl-Anness tiegħu taħt l-Artikolu 16 tal-Karta jistgħu jiġu eżaminati ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma jkollha tinnotifika lill-Istati Membri bl-intenzjoni tagħha li twettaq dan l-eżami ( 81 ).

    2. Fuq il-kompatibbiltà tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni mal-Artikolu 16 tal-Karta

    125.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, ksur ta’ kwalunkwe mil-libertajiet iggarantiti mill-Karta jista’ jkun permess jekk ikun previst mid-dritt u jekk jirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn realment jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    126.

    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa paċifiku li tiġi ssodisfatta sa fejn il-ksur tal-libertà ta’ intrapriża minħabba li l-projbizzjoni tal-osservanza tal-Karta minn persuni msemmija fl-Artikolu 11 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandha titqies li hija prevista mid-dritt, sa fejn jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan l-Istatut.

    127.

    Dwar it-tieni kundizzjoni relatata mar-rispett għall-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża, li l-libertà kuntrattwali hija biss aspett wieħed tagħha, għandu jitfakkar li, bħal kwalunkwe libertà msemmija fil-Karta, bl-eċċezzjoni tad-dinjità umana ggarantita fl-Artikolu 1 tagħha, li l-formulazzjoni tiegħu espressament tiddikjara li ma jistax jinkiser-, u forsi anki tad-dispożizzjonijiet kollha inklużi fit-Titolu 1 ( 82 ), il-libertà kuntrattwali ma tikkostitwixxix dritt assolut ( 83 ) iżda pjuttost tista’ tkun suġġetta, fl-interess ġenerali, għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-awtoritajiet pubbliċi, sakemm ( 84 ), minn perspettiva istituzzjonali ta’ dawn il-libertajiet, dawn l-interventi huma maħsuba għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

    128.

    B’mod partikolari, sa fejn hija kkonċernata l-libertà ta’ intrapriża, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li d-dritt tal-Unjoni jista’ jimponi obbligu fuq operatur sabiex jikkuntratta, b’mod partikolari għal raġunijiet relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni ( 85 ). Bl-istess raġunament, wieħed jista’ għaldaqstant jikkonkludi li filwaqt li l-libertà li persuna ma tikkuntrattax hija ġeneralment parti mill-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża, hemm ukoll ċirkustanzi fejn dan id-dritt jista’ jiġi ssuperat. L-istess bħalma l-leġiżlazzjoni dwar status ugwali tipprevedi, pereżempju, li impriżi ma humiex liberi jiddiskriminaw fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-pubbliku fuq il-bażi ta’ razza jew ġeneru, jista’ jkun hemm ukoll ċirkustanzi oħra fejn kunsiderazzjonijiet pubbliċi jistgħu jieħdu l-preċedenza fuq din il-libertà ta’ intrapriża. Dan, għalhekk, huwa dritt li jista’ għaldaqstant jiġi limitat, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 52 tal-Karta jiġu rrispettati.

    129.

    Konsegwentement, il-kwistjoni li għadha trid tiġi eżaminata hija jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, għandux jitqies bħala miżura proporzjonali għall-kisba ta’ għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, li, skont l-Artikolu 52 tal-Karta, jippreżupponi li din il-miżura hija neċessarja u li attwalment tissodisfa dan l-għan. Sa fejn il-ġurisprudenza tinterpreta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet bħala li jagħmlu riferiment għall-kundizzjonijiet normali għal test ta’ proporzjonalità, dan jippreżupponi li dawn il-miżuri għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnhom, fis-sens li għandhom mill-inqas jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dan l-għan, u li ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju għal dan l-għan ( 86 ).

    130.

    F’dan ir-rigward għandu l-ewwel jiġi nnotat li, kif diġà ġie indikat, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar jimmira li jipproteġi l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni kontra l-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-liġijiet iċċitati fl-Anness u sabiex jiġġieled l-effetti ta’ dawn il-liġijiet. Kif iddikjarat fis-sitt premessa ta’ dan l-istatut, dan l-għan jifforma parti mill-għanijiet iktar ġenerali li huma li jiġi ppreżervat l-ordinament ġuridiku stabbilit u li jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri kontra l-effetti ekstraterritorjali ta’ leġiżlazzjoni barranija li l-portata tagħha hija kkunsidrata eżorbitanti u li topera b’mod kuntrarju għad-dritt internazzjonali. Peress li, b’mod partikolari, l-Artikolu 21(2)(a) (b), (e) u (h) TUE jinkariga lill-Unjoni bl-għan tal-protezzjoni tal-interessi fundamentali tagħha, tas-sostenn tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, tal-inkoraġġiment tat-tneħħija ta’ ostakoli għall-kummerċ internazzjonali u l-promozzjoni ta’ governanza globali tajba, dawn l-għanijiet għandhom jiġu kkunsidrati li jappartjenu għall-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni ( 87 ). Dawn huma wkoll għanijiet fundamentali ta’ ordni pubbliku fundamentali li jservu wkoll sabiex jipproteġu s-sovranitajiet nazzjonali prinċipali tal-Istati Membri tal-Unjoni.

    131.

    It-tieni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jidher li huwa xieraq sabiex jikseb dawn l-għanijiet. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif diġà spjegat, dan l-artikolu jiddefinixxi biss il-konsegwenzi li huma marbuta mal-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni fl-Anness tiegħu. Huwa minnu li, minkejja li l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ma jispeċifikax espressament fuq il-bażi ta’ liema kriterji l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tinkludi leġiżlazzjoni fl-Anness ( 88 ). Madankollu jista’ jiġi dedott mill-għanijiet ta’ dan l-istatut li l-kriterju prinċipali huwa li l-leġiżlazzjoni barranija dwar is-sanzjonijiet għandha effett ekstraterritorjali, almenu fis-sens ta’ dan l-istatut. Fid-dawl ta’ dan il-kriterju, miżura li tipprojbixxi lil kumpanniji Ewropej milli josservaw il-leġiżlazzjonijiet elenkati fl-Anness għal dan l-istatut jidher li hija kapaċi tikseb l-għanijiet stabbiliti iktar ’il fuq ( 89 ).

    132.

    Din id-dispożizzjoni jidher li hija neċessarja peress li ma jidhirx li hemm xi mezzi inqas restrittivi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq waqt li, fl-istess ħin, ikunu daqshekk effettivi ( 90 ).

    133.

    Finalment, sa fejn il-bżonn li l-miżura inkwistjoni ma tipproduċix żvantaġġi sproporzjonati għall-għanijiet imfittxija, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għalihom b’mod intermittenti, jista’ jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li miżuri meħuda mill-Unjoni għal għanijiet tal- Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni jista’ “jkollhom konsegwenzi li jaffettwaw id-drittijiet għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża, li għalhekk joħolqu ħsara għal persuni li ma huma bl-ebda mod responsabbli għas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjoni” ( 91 ).

    134.

    Iktar minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, operaturi ekonomiċi jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni sabiex jidderogaw mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu fejn, b’mod partikolari, aġir ieħor ikun serjament jagħmel ħsara għall-interessi tagħhom jew dawk tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-projbizzjoni inkwistjoni ma tiksirx libertà sostantiva b’mod indebitu ( 92 ). Fil-fatt, f’din iċ-ċirkustanza, il-ksur tal-libertà ta’ intrapriża x’aktarx jirriżulta minn ċaħda mhux ġustifikabbli mill-Kummissjoni li tagħti din l-eżenzjoni ( 93 ).

    135.

    Konsegwentement, nikkunsidra li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, ma huwiex kuntrarju bħala tali għall-Artikolu 16 tal-Karta. Dan, madankollu, ma jfissirx li l-istess neċessarjament japplika għad-deċiżjoni li tiġi inkluża leġiżlazzjoni fl-Anness. Huwa ċar, madankollu, li l-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll, meta żżid leġiżlazzjoni ppromulgata minn pajjiżi terzi mal-Anness, li l-inklużjoni sservi l-għanijiet tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni u li l-konsegwenzi prodotti minn din l-inklużjoni huma ġġustifikati u proporzjonali mal-effetti prodotti mill-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni. Madankollu, din id-domanda ma ġietx magħmula mill-qorti tar-rinviju jew mill-partijiet u fil-fatt, din il-kwistjoni lanqas ma ssemmiet mill-qorti tar-rinviju jew mill-partijiet u, fi kwalunkwe każ, ma kien hemm l-ebda suġġeriment f’din il-kawża li l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika ma kinitx xierqa.

    V. Konklużjoni

    136.

    Bħala konklużjoni, ma nistax nevita li nosserva li ma jagħtini l-ebda gost li nasal għal dan ir-riżultat partikolari. Kif il-fatti ta’ din il-kawża enfasizzaw, l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni huwa strument goff ħafna, maħsub kif inhu sabiex jisterilizza l-effetti ekstraterritorjali intrużivi ta’ sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan il-metodu ta’ sterilizzazzjoni inevitabbilment sejjer iħalli warajh vittmi u ħafna jistgħu jaħsbu li Telekom Duetschland ser tkun fost tal-ewwel li ssofri, imqar minħabba l-operazzjonijiet kbar tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika. Kif diġà indikajt, dawn huma kwistjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jaf ikun jixtieq jikkontempla u jikkunsidra.

    137.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu hija biss qorti tad-dritt u d-dmir tagħna huwa li nagħtu effett għall-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni debitament ippromulgata. Għar-raġunijiet li tajt, nikkunsidra li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni għandu dawn l-effetti wiesgħa anki jekk fiċ-ċirkustanzi dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jistgħu wkoll jitqiesu li jieħdu l-preċedenza fuq libertajiet kummerċjali ordinarji b’mod mhux normali u intrużiv. Nipproponi għalhekk li d-domandi magħmula mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) jiġu mwieġba kif ġej:

    1)

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat‑22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha, għandu jiġi interpretat bħala li ma japplikax biss fejn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ pajjiż, li l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu huma elenkati fl-Anness ta’ dan ir-regolament, indirizzat, direttament jew indirettament, ċerti istruzzjonijiet lil persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament. Il-projbizzjoni inkluża f’din id-dispożizzjoni għalhekk tapplika anki fil-każ li operatur josserva din il-leġiżlazzjoni mingħajr ma l-ewwel ikun ġie mġiegħel minn aġenzija amministrattiva jew ġudizzjarja barranija sabiex jagħmel dan.

    2)

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali li permezz tagħha persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament tista’ xxolji obbligu kuntrattwali kontinwu ma’ parti kontraenti msemmija fis-Specially Designated Nationals List u l-Blocked Persons List miżmuma mill-Office of Foreign Assets Control tal-Istati Uniti tal-Amerika, mingħajr ma jkollha għalfejn tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li xxolji dawn il-kuntratti.

    3)

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2271/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, il-qorti nazzjonali adita minn parti kontraenti suġġetta għal sanzjonijiet prinċipali għandha tordna lil persuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament sabiex iżżomm din ir-relazzjoni kuntrattwali, anki jekk, l-ewwel, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, it-tieni, tali ordni x’aktarx tikser l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, it-tielet, din il-persuna għaldaqstant x’aktarx tiġi ssanzjonata b’mod sever mill-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni ta’ regola msemmija fl-Anness ta’ dan ir-regolament.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 75.

    ( 3 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1100 tas‑6 ta’ Ġunju 2018 li jemenda l-Anness [għall-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] (ĠU 2018, L 199, p. 1).

    ( 4 ) Ara Redding, B., “The long arm of the law or the invasive Reach of the American Legal System”, Int’l Bus. L.J., 2007, p. 659. Fl-opinjoni dissidenti tiegħu f’L‑Istati Uniti vs Verdugo‑Urquidez, 494 U.S. 259, (1990) 280-281, BrennanJ. iddikjara li “l-espansjoni enormi tal-ġurisdizzjoni kriminali federali barra mill-konfini tan-Nazzjon tagħna wassal lil kummentatur sabiex jissuġġerixxi li l-ikbar tliet esportazzjonijiet ta’ pajjiżna llum huma l-mużika rokk, il-jeans blu, u d-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika” [traduzzjoni libera] (bi kwotazzjoni ta’ Grundman, V. R., “The New Imperialism: The Extraterritorial Application of United States Law”, The International Lawyer, Vol. 14, 1980, p. 257).

    ( 5 ) L-isfidi għad-dritt tal-Unjoni tal-ekstraterritorjalità ta’ ċerti leġiżlazzjonijiet jistgħu japplikaw ukoll bil-kbir fis-snin li ġejjin f’qasam għall-qalb tal-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament dak tal-Protezzjoni tad-data personali. Fil-fatt, il-U.S. Clarifying Lawful Overseas Use of Data Act 2018 (l-Att tal-Istati Uniti tal-Amerika li Jiċċara l-Użu Legali tad-Data Barra mill-Pajjiż tal‑2018) li emenda s-“Stored Communications Act” (l-Att dwar il-Komunikazzjonijiet Maħżuna) tal‑1986, u jagħti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi s-setgħa li jitolbu data maħżuna minn diversi fornituri cloud maġġuri, anki jekk maħżuna barra mill-Istati Uniti tal-Amerika. Madankollu, dan is-suq tal-ħżin tad-data għadu ddominat fil-parti l-kbira, iktar minn 85 %, minn kumpanniji tal-Istati Uniti tal-Amerika.

    ( 6 ) Skont rapport parlamentari Franċiż, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika rari tindenja tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha. Fil-prattika, jidher li l-kumpanniji Ewropej ikkundannati talli kisru sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, prinċipalment il-banek, ġew ikkonstatati hekk skont sanzjonijiet primarji. Il-ftehimiet li jikkonkludu huma bbażati fuq kunċett estensiv tal-prinċipji ġenerali tradizzjonali ta’ ġurisdizzjoni territorjali fuq il-bażi li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni twettqu permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti tal-Amerika jew li għaddew mill-Istati Uniti tal-Amerika, minħabba li saru f’dollari Amerikani (USD) u għalhekk neċessarjament involvew clearing houses tal-Istati Uniti tal-Amerika. Ara Lellouche, P., u Berger, K., L’extraterritorialité de la législation américaine, Rapport d’information, Assemblée Nationale, France, 2016, p. 49 sa 53. Dwar il-ġustifikazzjoni potenzjali, jew l-assenza tagħha, tal-leġiżlazzjoni taħt id-dritt internazzjonali, ara, inter alia, Ryngaert, C., “Extraterritorial Export Controls (Secondary Boycotts)”, Chinese J Int’l L, Vol. 7, 2008, p. 625, speċjalment p. 642 et seq.; Meyer, J. A., “Second Thoughts on Secondary Sanctions”, University of Pennsylvania. J. Int’l L., 30, 2009, p. 905, p. 932 et seq; u Ruys, T. u Ryngaert, C., “Secondary Sanctions: A Weapon out of Control? The International Legality of, and European Responses to US Secondary Sanctions”, British Yearbook of International Law, 2020, p. 9 sa 65.

    ( 7 ) Skont Hubert de Vauplane, ‘dak li huwa l-iktar xokkanti fil-mod kif jopera l–OFAC [Office of Foreign Assets Control], li huwa inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet,] huwa ċertu tropiżmu li jissanzjona prinċipalment banek barranin, anki meta l-unika rabta ġuridika mal-Istati Uniti tal-Amerika huwa l-użu tad-dollaru bħala l-munita tal-ħlas” [traduzzjoni libera]. De Vauplane, H., “Iran: Sanctions américaines contre les banques européennes, hypocrisie ou arnarque?”, Les Échos, 23 ta’ Awwissu 2012. Ara wkoll Stratmann, K., Koch, M. and Brüggmann, M., “Deutsche Firmen leiden unter US-Sanktionen – Amerikanische Konkurrenten werden geschont”, Handelsblatt, 12 ta’ Frar 2019 u “Wie hart Amerikas Forderung deutsche Unternehmen trifft”, Frankfurter Allgemeine Zeitung, 10 ta’ Mejju 2018, (sors: https://www.faz.net/aktuell/wirtschaft/schutz-deutscher-unternehmen-vor-us-sanktionen-schwierig-15583846.html. F’qasam relatat, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, The New York Times innotat ukoll li fl‑2012 “lista tal-kumpanniji prinċipali li għamlu dawn il-ftehimiet huwa notevoli f’aspett wieħed: in-nuqqas ta’ ismijiet Amerikani” (Wayne, L., “Foreign Firms Most Affected by a US Law Barring Bribes”, The New York Times, 3 ta’ Settembru 2012. Ara wkoll Jakobeit, C., “Große Schmiergeldzahler”, Welt-sichen, Nru 9, 2010, (sors: https://www.welt-sichten.org/artikel/3103/grosse-schmiergeldzahler) li jikkummenta dwar il-fatt li l-kumpanniji tal-Istati Uniti tal-Amerika għandhom għexieren ta’ snin ta’ esperjenza fl-evażjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Foreign Corrupt Practices Act (l-Att dwar Prattiki Korrotti Barranin (iktar ’il quddiem il-“FCPA”)) u tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) billi jindika l-pressjoni politika eżerċitata mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika fuq il-bażi ta’għarfien miksub mis-servizzi sigrieti tiegħu li wassal għal għoti mill-ġdid ta’ offerti għal proġetti lukrattivi f’diversi okkażjonijiet kif ukoll il-possibbiltà li ssir applikazzjoni lid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti tal-Amerika għal eżenzjoni mill-FCPA fl-interess tas-sigurtà nazzjonali. Iktar minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa aggravat minn problemi ta’ spejjeż għad-difiża ta’ dawn il-proċeduri minħabba ċerti mekkaniżmi proċedurali, talbiet għal informazzjoni fi ħdan il-qafas ta’ dawn l-istess proċeduri li jistgħu jirrigwardaw data ekonomika, finanzjarja jew industrijali sensittiva, u inċertezza ġudizzjarja. Xi awturi kkritikaw l-użu ta’ ċerti leġiżlazzjonijiet mill-awtoritajiet inkarigati li jinforzawhom bħala mod ta’ kif jiftħu negozjati diretti ma’ kumpanniji sabiex iġegħluhom jikkooperaw. Ara Garapon, A., “Une justice ‘très’ économique’”, f’Garapon, A., u Servan-Schreiber, P., (editur), Deals de justice: le marché américain de l’obéissance mondialisée, Puf, 2015, p. 119 sa 120. Ara wkoll Lohmann, S., Extraterritoriale US-Sanktionen, SWP-Aktuell Nru 31, Mejju 2019. Oħrajn ikkunsidraw li dawn il-miżuri kienu indikattivi ta’ manifestazzjoni ġdida tal-affermazzjoni ta’ eġemonija tal-Istati Uniti tal-Amerika. Ara Szurek, S., “Le recours aux sanctions”, f’Gherari, H. u Szurek, S., Sanctions unilatérales, mondialisation du commerce et ordre juridique international, Cedin-Parix X Nanterre, Montchrestien 1998, p. 36 kif ukoll Nord Stream 2 Schwesig empört über amerikanische Drohung gegen Ostseehafen, Frankfurter Allgemeine Zeitung, 7 ta’ Awwissu 2020 (sors: https://www.faz.net/aktuell/wirtschaft/klima-energie-und-umwelt/nord-stream-2-schwesig-empoert-ueber-drohung-gegen-hafen-16894385.html). Finalment, għalkemm is-sitwazzjoni iktar tikkonċerna leġiżlazzjoni dwar il-korruzzjoni, uħud kienu allarmati mill-fatt li ċerti sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika ibbażati fuq leġiżlazzjoni li għandha effett ekstraterritorjali kellhom l-effett li jiddistabbilizzaw diversi kumpanniji Ewropej u kienu segwiti minn akkwiżizzjonijiet minn kumpanniji Amerikani. Ara Laïdi, A., Le droit, nouvelle arme de guerre économique: Comment les États-Unis déstabilisent les entreprises européennes, Acte Sud, 2019, p. 156 et seq.

    ( 8 ) Filwaqt li l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ma huwiex l-ewwel att li ttieħed sabiex tiġi miġġielda l-ekstraterritorjaletà tad-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika, huwa madankollu serva bħala mudell għar-Repubblika popolari taċ-Ċina, li adottat regoli simili reċentement ħafna bid-differenza prinċipali li l-imsemmija regoli ma humiex immirati lejn sanzjonijiet speċifiċi minn pajjiż terz, iżda jipprevedu li dawn ir-regoli ġeneralment japplikaw “fejn l-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ leġiżlazzjoni u miżuri oħra barranin, bi ksur tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji bażiċi tar-relazzjonijiet internazzjonali, tipprojbixxi jew tirrestrinġi b’mod inġust liċ-ċittadini, lill-persuni ġuridiċi jew lil organizzazzjonijiet oħra taċ-Ċina milli jipparteċipaw f’attivitajiet normali ekonomiċi, ta’ kummerċ u oħrajn relatati ma’ Stat terz (jew reġjun) jew liċ-ċittadini, lill-persuni ġuridiċi jew lil organizzazzjonijiet oħra tagħha”. Ara, Jingru Wang, “Can China’s New “Blocking Statute” Combat Foreign Sanctions?”Conflict of laws.net, 30 ta’ Jannar 2021.

    ( 9 ) Ara f’dan is-sens, Truyens, L., u Loosveld, S., “The EU Blocking Regulation: navigating a diverging sanctions landscape”, 30(9), I.C.C.L.R. 30(9), 2019, p. 490 sa 501, p. 501 u, b’riferiment għal “Catch-22 situation”, de Vries, A.., “Council Regulation (EC) No 2271/96 (the EU Blocking Regulation)”, Int’l Bus. Lawyer, 26(8), 1998, p. 345, p. 348.

    ( 10 ) L-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni baqa’ inattiv għal ħafna żmien peress li Presidenti suċċessivi tal-Istati Uniti tal-Amerika ssospendew it-Titolu III kontroversjali tal-Helms-Burton Act (l-Att Helms-Burton) u peress li s-sanzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-Iran tendenzjalment kienu jaqblu fir-rigward tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran wara l‑2006. Ruys, T., Ryngaert, C., “Secondary Sanctions: A Weapon out of Control? The International Legality of, and European Responses to US Secondary Sanctions”, British Yearbook of International Law, 2020, p. 81.

    ( 11 ) L-iktar wieħed magħruf minn dawn il-każijiet huwa dak li jikkonċerna lil BNP Paribas, li ġiet immultata 8.9 elf miljun dollaru Amerikan (USD, (madwar EUR 7.56 elf miljun) talli għaddiet flus mill-Istati Uniti tal-Amerika mill‑2004 sal‑2012 f’isem klijenti Sudaniżi (USD 6.4 elf miljun), Kubani (USD 1.7 elf miljun) u Iranjani (USD 650 miljun). Iktar minn hekk, il-Bank ġie mċaħħad minn operazzjonijiet ta’ dollar-clearing tal-Istati Uniti tal-Amerika għal sena għall-kummerċ tiegħu tal-finanzjament tal-materji primi taż-żejt u tal-gass, u diversi diretturi eżekuttivi, inkluż l-uffiċjal operattiv prinċipali tal-grupp tiegħu, ġew obbligati jitilqu l-BNP Paribas.

    ( 12 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tależerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13).

    ( 13 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat‑22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU 1986, L 378, p. 1).

    ( 14 ) ĠU 2018, L 199, p. 7.

    ( 15 ) Ara Arendt, M., “The Cuban Liberty and Democratic Solidarity (Libertad) Act of 1996: Isolationist Obstacle to Policy of Engagement”, Case Western Reserve Journal of International Law 30(1), 1998, p. 262.

    ( 16 ) ĠU 1994, L 336, p. 11. Ara Lesguillons, H., “Helms-Burton u D’Amato Acts: Reactions of the European Union”, Vol. 1, I.B.L.J. 1997, 95‑111, p. 97‑103 u S., Van Der Borght, K., “The EU-U.S. Compromise on the Helms-Burton and D’Amato Acts”, 93, American Journal of Int’l Law, 1999, 227, p. 231‑235.

    ( 17 ) Ara r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1100.

    ( 18 ) Jista’ jiġi nnotat, dwar l-Artikolu 6 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni (magħruf bħala l-klawżola ta’ claw-back), li sa fejn l-Istati Uniti tal-Amerika jibbenefikaw bħala prinċipju minn immunità mill-ġurisdizzjoni taħt l-istat attwali tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, din id-dispożizzjoni x’aktarx tapplika prinċipalment għal eżekuturi privati. Madankollu, l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika relatata mal-Iran imsemmija fl-Anness ta’ dan l-istatut ma jidhirx li tipprevedi għal mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni privat bħal fit-Titolu III tal-Att Helms-Burton.

    ( 19 ) F’Société Internationale vs Rogers, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika invertiet konstatazzjoni oriġinali ta’ Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti tal-Amerika li kien hemm ksur ta’ Digriet tal-Istati Uniti tal-Amerika li tordna li jiġu eżebiti xhieda u dokumenti fuq il-bażi li t-theddida ta’ prosekuzzjoni fl-Isvizzera għal ksur tar-regoli tan-nuqqas ta’ żvelar ta’ din il-ġurisdizzjoni pprekludiet lir-rikorrenti f’din il-kawża milli tosserva dan id-digriet.

    ( 20 ) Ara, Wallace, D. Jr., “The Restatement and Foreign Sovereign Compulsion: A Plea for Due Process”, International Lawyer, Vol. 23, ABA, 1989, p. 593, speċjalment p. 595 sa 596.

    ( 21 ) F’Interamerican Refining Corp. vs Texaco Maracaibo, Inc 307 F. Supp. 1291 (D. Del. 1970), il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti tal-Amerika għal Delaware rrikonoxxiet li r-rifjut tal-konvenuta li tbigħ iż-żejt kien ġie sfurzat mill-Gvern Venezweljan.

    ( 22 ) Għandu jiġi nnotat, madankollu, li f’Societe Nationale Aéronautique vs District Court, 482 U.S. 522 (1987), Stevens J. li ta s-sentenza tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika semma, sempliċement f’nota ta’ qiegħ il-paġna, li “huwa stabbilit li statuti [għall-imblukkar] ma jeliminawx is-setgħat ta’ qorti Amerikana milli tordna lil parti suġġetta għall-ġurisdizzjoni tagħha tipproduċi evidenza anki jekk l-att ta’ produzzjoni jista’ jikser dan l-istatut.” Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29. Stevens J. indika madankollu li l-“qrati Amerikani għandhom […] jaraw li juru r-rispett dovut għal kwalunkwe problema speċjali kkonfrontata mill-parti barranija fuq il-bażi taċ-ċittadinanza jew il-post tal-operazzjonijiet tagħha, u għal kwalunkwe interess sovran espress minn stat barrani”.

    ( 23 ) Skont l-informazzjoni prodotta mill-Gvern Ġermaniż, il-kunċett ta’ “tranżazzjoni legali” użat fl-Artikolu 134 BGB ma jagħmilx biss riferiment għal kuntratti iżda wkoll għal atti legali unilaterali, bħal att ta’ xoljiment ta’ kuntratt.

    ( 24 ) Il-ftuħ ta’ proċedimenti amministrattivi għall-għan ta’ multa huwa, b’differenza mill-proċeduri kriminali, suġġett għall-prinċipju ta’ prosekuzzjoni diskrezzjonali, li jfisser li l-prosekuzzjoni għal reat minn awtorità amministrattiva hija diskrezzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża individwali.

    ( 25 ) Ara r-Reġistru Federali/Vol. 72, Nru. 213/it-Tnejn, il‑5 ta’ Novembru 2007/Avviżi.

    ( 26 ) C/2018/5344, (ĠU 2018 CI 277, p. 4).

    ( 27 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, lil hinn mill-proċeduri stabbiliti mit-Trattati, il-Kummissjoni tista’ biss tadotta regoli ta’ prattika dwar il-mod li bih din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li teżerċita setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mit-Trattati, li ma tistax, barra minn hekk, titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel dan. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 1984, Adam et vs Il‑Kummissjoni (80/81 sa 83/81 u 182/82 sa 185/82, EU:C:1984:306, punt 22); u tat‑18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni (C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 91). Iktar minn hekk, anki meta tissodisfa dan l-obbligu, istituzzjoni qatt ma tista’ tirrinunzja b’mod sħiħ għall-eżerċizzju ta’ tali setgħa diskrezzjonali. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Société des produits Nestlé v EUIPO – European Food (FITNESS) (T‑536/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:737, punt 38). Min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’atti legali qatt ma jista’ jiddependi fuq l-aġir jew id-dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet. Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 53).

    ( 28 ) Kwalunkwe soluzzjoni kuntrarja tkun tammonta għal ammissjoni li regola inferjuri tista’ temenda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola ta’ grad superjuri.

    ( 29 ) Peress li, fir-rigward tal-kumpanniji, l-Artikolu 11(2) tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jagħmel riferiment għal persuni ġuridiċi “inkorporati fi ħdan l-Unjoni” l-Artikolu 5 ta’ dan l-istatut japplika għal sussidjarji Ewropej ta’ kumpanniji tal-Istati Uniti, iżda mhux għal kumpanniji tal-Istati Uniti li jinnegozjaw fl-Ewropa jew sussidjarji tal-Istati Uniti ta’ kumpanniji Ewropej. Fir-rigward tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Bank Ewropew tal-Investiment, peress li l-personalità ġuridika tagħhom toriġina mit-Trattati, mill-Artikoli 282 u 308 TFUE rispettivament, u, għaldaqstant, ma humiex “inkorporati”, l-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ma japplikax għalihom bħala tali. Madankollu, it-tnejn huma, bħala prinċipju, meħtieġa li japplikaw l-Artikolu 4 ta’ dan l-istatut.

    ( 30 ) Huwa minnu li din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għal “kwalunkwe rikjesta [rekwiżit] jew projbizzjoni [li huwa] ibbażati fuq jew li jirriżultaw […] mil-liġijiet speċifikati fl-Anness jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom” (enfasi miżjuda minni), li tista’ tagħti l-impressjoni li dawn ir-rekwiżiti jew projbizzjonijiet huma separati mill-obbligi inklużi f’dawn il-liġijiet. Madankollu, nikkunsidra li t-terminu “jirriżultaw […] mil-” użat alternattivament huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi l-obbligi stabbiliti direttament f’dawn il-liġijiet.

    ( 31 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Holger Forstmann Transport (C‑152/13, EU:C:2014:2184, punt 26) u tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightmanet (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47).

    ( 32 ) Din id-dispożizzjoni timplika b’mod partikolari obbligu għall-Istati Membri sabiex ma jonoraw l-ebda talba għal estradizzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika bbażata fuq leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    ( 33 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 34 ) F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-argument sostnut minn Telekom Deutschland li skontu istruzzjoni minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istati Uniti għandha tkun neċessarja sabiex l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jkun applikabbli sa fejn kwalunkwe liġi adottata f’pajjiż barrani, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, tipproduċi l-effett tagħha biss fit-territorju tal-Istat li adottaha. Fil-fatt, huwa ovvju li l-problema li tqajjem din il-leġiżlazzjoni tikkonċerna fuq kollox il-kumpanniji li, bħal Telekom Deutschland, għandhom interessi fl-Istati Uniti tal-Amerika. Fil-verità, id-diffikultà li teżisti f’li jiġi miġġieled l-effett ekstraterritorjali ta’ ċerti liġijiet hija sempliċement relatata mal-interkonnessjoni tal-ekonomiji.

    ( 35 ) Il-fatt li kumpannija tikkonforma ruħha huwa marbut mill-viċin mal-perċezzjoni tar-riskju. Ċerti awturi jiddefinixxu r-riskju legali bħala li joriġina “mir-rabta ta’ regola ġuridika u avveniment, fejn waħda jew l-ieħor (jew it-tnejn) ikunu kkaratterizzati minn livell ta’ inċertezza. Din ir-rabta ta’ regola ġuridika u avveniment fil-kuntest ta’ inċertezza jkollha konsegwenzi li x’aktarx jaffettwaw il-valur tal-kumpannija.” [traduzzjoni libera] Collard, C. u Roquilly, C., Proposals for a Definition and Map of Legal Risk, EDHEC Business School, research paper, 2011, p. 7. Konsegwentement, ikbar ma jkunu r-rabtiet bejn operatur u s-suq tiegħu, dan iktar ikun dispost li josserva l-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Bil-maqlub, operatur mingħajr rabtiet mas-suq tal-Istati Uniti tal-Amerika u li d-diretturi tiegħu huma lesti jaqblu li qatt ma jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż jew lejn Stat li għandu ftehim ta’ estradizzjoni miegħu jista’ jinjora l-liġijiet inkwistjoni. Dwar il-kwistjoni tal-immaniġġjar tar-riskji legali, ara Masson, A., Shariff, M., ‘Through the Legal Looking Glass: Exploring the Concept of Corporate Legal Strategy’, EBLR, Vol. 22(1), Wolters Kluwer, 2011, p.64 et seq.; kif ukoll Masson, A., Bouthinon-Dumas, H., ‘L’approche Law & Management’, RTD Com, No2, Dalloz, 2011, p. 238.

    ( 36 ) Numru ta’ impriżi jikkummerċjalizzaw soluzzjonijiet tal-IT għall-iskrinjar u s-sorveljanza ta’ tranżazzjonijiet sabiex jaqbdu kwalunkwe riskju ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Sikwit, dawn is-soluzzjonijiet huma moduli ta’ softwer ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

    ( 37 ) Ara f’Paine, L. S., “Law, Ethics, and Managerial judgment”, Journal of Legal Studies, 1994, p. 153-169; Weinstein, S., & Wild, C., (edituri) Legal risk management, governance and compliance: a guide to best practice from leading experts, Globe Law and Business, 2013; Verdun F., Le management stratégique des risques juridiques, LexisNexis, it-tieni edizzjoni, 2013, p. 133 et seq. Skont Hugues Bouthinon-Dumas, it-terminu “osservanza” jagħmel riferiment għall-mod li bih il-kumpanniji jorganizzaw lilhom innifishom sabiex jiġġestixxu l-limitazzjonijiet legali tagħhom u li fuqu l-prestazzjoni ekonomika tagħhom parzjalment tiddependi. Huwa bbażat fuq approċċ proattiv intiż li jiżgura l-applikazzjoni effettiva ta’ standards fi ħdan organizzazzjoni billi jinternalizza l-istandards li għalihom huwa suġġett. F’termini konkreti, l-osservanza tieħu l-forma ta’ serje ta’ azzjonijiet ikkoordinati li jvarjaw minn sorveljanza regolatorja għas-sanzjonar intern ta’ kwalunkwe devjazzjoni li tiġi osservata, permezz tal-identifikazzjoni ta’ riskji legali, is-sorveljanza ta’ prattiki amministrattivi u legali fis-settur, is-sensibilizzazzjoni ta’ timijiet ta’ kumpanniji dwar riskji legali u l-konsegwenzi dannużi tagħhom, taħriġ tal-impjegati, parteċipazzjoni fid-definizzjoni ta’ polza ta’ riskju, sorveljanza tal-osservanza tal-istandards, u l-organizzazzjoni tal-identifikazzjoni ta’ ksur. Dawn il-prattiki llum huma implimentati minn professjonisti speċjalizzati, li jappartjenu għall-organizzazzjonijiet stess jew jaġixxu bħala fornituri ta’ servizz esterni (pereżempju, avukati jew impriżi ta’ konsultazzjoni). Iżjed u iżjed kumpanniji qegħdin jarmaw ruħhom b’uffiċjal tal-osservanza u t-timijiet tagħhom qegħdin jikbru. Bouthinon-Dumas, H., “La compliance: une inflation normative au carré”, Management & Avenir, 2019/4, No110, p. 110, (traduzzjoni informali). Skont Marie-Anne Frison-Roche id-“dritt tal-osservanza” jirreferi għal leġiżlazzjoni li tirrikjedi li ċerti operaturi privati hekk imsejħa “kruċjali” jintalbu jinternalizzaw għanijiet ta’ interess ġenerali, minħabba l-pożizzjoni tagħhom u l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jissodisfaw dawn l-għanijiet. Frison Roche, M.-A., L’apport du droit de la compliance à la gouvernance d’internet, Rapport commandé par Monsieur le Ministre en charge du Numérique, April 2019, p. 13 sa 16.

    ( 38 ) F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jitfakkar li mhux ir-regoli kollha stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, inkluż dawk fit-Trattati, huma intiżi li jiġu invokati minn individwi kontra individwi oħra. Pereżempju, il-moviment liberu tal-prodotti, minkejja li huwa żgurat mit-Trattati, ma għandux, bħala prinċipju, effett orizzontali dirett, peress li joħloq obbligi għall-Istati biss. Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Frar 1984, REWE-Zentrale (37/83, EU:C:1984:89, punt 18); tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland (15/83, EU:C:1984:183, punt 15) u tal‑24 ta’ Novembru 1982, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (249/81, EU:C:1982:402, punt 21).

    ( 39 ) Fil-kuntest tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, l-aġġettiv “dissważivi” jimplika, madankollu, li s-sanzjonijiet previsti jkunu potenzjalment ekwivalenti għas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali elenkata fl-Anness. Huwa fil-fatt biss fuq din il-kundizzjoni li l-iskambju x’aktarx ixaqleb favur dan l-istatut u għalhekk, sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Aritkolu 5 ta’ dan l-istatut.

    ( 40 ) Iktar minn hekk, il-Kummissjoni ma tippubblikax id-deċiżjonijiet tal-eżenzjoni tagħha filwaqt li l-pubblikazzjoni hija, bħala prinċipju, kundizzjoni li għandha tkun issodisfatta sabiex liġijiet ikunu jistgħu jiġu invokati konta terzi. Wieħed jista’, madankollu, jifhem għalfejn, jiġifieri għaliex inkella tippermetti li l-awtoritajiet barranin ikkonċenati jsiru jafu liema kumpannija ma applikatx għal eżenzjoni u hija għaldaqstant preżunta li ma tosservax il-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

    ( 41 ) Dwar it-tieni għan ‐ li huwa l-protezzjoni ta’ kumpanniji Ewropej kontra l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni ‐ fiż-żmien meta l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ġie adottat fl‑1996, l-istat tal-ġurisprudenza tal-Istati Uniti tal-Amerika kien jidher li jissuġġerixxi li bil-projbizzjoni ta’ kumpanniji tal-Unjoni milli josservaw id-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Istatut għall-Imblokkar tal-Unjoni jipprovdihom b’mezz ta’ difiża quddiem il-qrati tal-Istati Uniti tal-Amerika. Madankollu, jista’ jiġi sostnut ukoll li, sabiex tinkiseb din il-protezzjoni, kien suffiċjenti li jiġi previst li tali projbizzjoni tiġi pubblikament eżegwita.

    ( 42 ) Ara l-Artikolu 1 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    ( 43 ) Fil-fatt, l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ftit joffri għajnuna lil entitajiet tal-Unjoni b’assi fl-Istati Uniti tal-Amerika li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika jistgħu sempliċement jieħdu azzjoni ta’ eżekuzzjoni territorjali kontrihom. Ruys, T. u Ryngaert, C., “Secondary Sanctions: A Weapon out of Control? The International Legality of, and European Responses to, US Secondary Sanctions”, British Yearbook of International Law, 2020, p. 85. Skont ir-rapport ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew, “l-effett kumulattiv tal-impriżi sabiex jevitaw il-multi mill-Istati Uniti tal-Amerika filwaqt li fl-istess ħin ma jidhrux bħala kompliċi mas-sanzjoni jista’ joħloq spejjeż kbar (u uġigħ ta’ ras) għal impriżi Ewropej imħassba kemm dwar is-swieq barranin u dawk domestiċi tagħhom. F’dan is-sens, is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika jkunu kisbu effett mixtieq, peress li jagħmluha diffiċli ħafna għal kwalunkwe impriża li tkun lesta tidħol għar-riskju politiku miż-żewġ direzzjonijiet” [traduzzjoni libera]. Stoll, T., Blockmans S., Hagemejer J., Hartwell A., Gött H., Karunska K. u Maurer A., Extraterritorial Sanctions on Trade and Investments and European responses, Studju mitlub mill-Kumitat Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INA) tal-Parlament Ewropew, 2020, p. 33. Ara wkoll f’dan is-sens, Truyens, L., u Loosveld, S., “The EU Blocking Regulation: navigating a diverging sanctions landscape”, I.C.C.L.R., 30(9), 2019, p. 490-501, p. 501 li jagħmel riferiment għal “Catch 22 situation”, de Vries, A., “Council Regulation (EC) No 2271/96 (the EU Blocking Regulation)”, Int’l Bus. Lawyer, 26(8), 1998, 345, p. 348.

    ( 44 ) Skont Anthonius de Vries, “il-Kummissjoni kienet, fil-proposta tagħha għal Statut għall-Imblukkar, diġà pprevediet, li f’ċerti ċirkustanzi l-projbizzjoni tista’ twassal għal dannu serju għall-interessi tal-persuni u l-kumpanniji involuti jew għall-interessi tal-[Unjoni] Ewropea nnifisha. Hija għaldaqstant ipproponiet il-possibbiltà ta’ rinunzja li l-Kunsill, b’ċerti tibdiliet, żamm fir-Regolament” [traduzzjoni libera]. Ara, de Vries, A., “Council Regulation (EC) No 2271/96 (the EU Blocking Regulation)”, Int’l Bus. Lawyer, 26(8), 1998, p. 345, p. 349. Ara, ukoll insostenn ta’ din il-fehma, Lesguillons H., “Helms-Burton and D’Amato Acts: reactions of the European Union”, I.B.L.J., Vol. 1, 1997, p. 95-111, p. 108 u Ruys, T., Ryngaert u C., “Secondary Sanctions: A Weapon out of Control? The International Legality of, and European Responses to, US Secondary Sanctions”, British Yearbook of International Law, 2020, p. 86.

    ( 45 ) Skont rapport mill-Parlament Franċiż, sal‑2019 kien hemm biss kawża waħda fejn dan ir-regolament ġie invokat b’suċċess, jiġifieri fl‑Awstrija, f’April 2007, fl-okkażjoni tal-għeluq ta’ kontijiet bankarji Kubani mill-bank Awstrijak BAWAG PSK. Ara, Gauvain R., d’Urso C., Damais A. u Jemai S., “Rétablir la souveraineté de la France et de l’Europe et protéger nos entreprises des lois et mesures à portée extraterritoriale, rapport de l’Assemblée nationale (France)”, 2019, p. 26. Sussegwentement, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) aċċettat rikors għal proċeduri sommarji f’każ relatat mal-ksur ta’ kuntratt minn Kumpannija Ewropea ma’ kumpannija Kubana minħabba l-biża’ ta’ sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika u ordnat il-kontinwazzjoni tal-kuntratt. Minkejja li din id-deċiżjoni ma kinitx espressament ibbażata fuq l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, dik il-qorti xorta waħda nnotat li ma setgħetx teskludi l-possibbiltà li dan ix-xoljiment kien jikser ukoll tali statut. Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag), 25 ta’ Ġunju 2019, ECLI:NL:RBDHA:2019:6301. Jidher ukoll li fl‑2020, klijenti Kubani kisbu l-iżblukkar tal-kontijiet tagħhom mill-bank ING, wara li ppreżentaw kawża kontra l-bank fuq il-bażi tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni. Ara Rechtbank Amsterdam, Claimant vs ING Bank NL: RBAMS:2020:893 (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxa) 6 ta’ Frar 2020. Madankollu, l-eżempji tal-applikazzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jibqgħu limitati. Dan wassal lil ċerti awturi sabiex jgħidu li “l-Istatut għall-Imblukkar wera li huwa fil-parti l-kbira tiegħu tigra tal-karti ‑sempliċement simbolu tan-nuqqas ta’ qbil tal-Unjoni mal-firxa wiesgħa ta’ sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika” [traduzzjoni libera]. Ruys, T. u Ryngaert, C., “Secondary Sanctions: A Weapon out of Control? The International Legality of, and European Responses to, US Secondary Sanctions”, British Yearbook of International Law, 2020, p. 98 u 115, u f’dan is-sens, Bonnecarrère, Ph., Sur l’extraterritorialité des sanctions américaines, Rapport d’Information, Nru 17 (2018-2019), Sénat, Franza, p. 20 sa 22.

    ( 46 ) Biex nadatta kliem l-Irish Supreme Court (il-Qorti Suprema Irlandiża) fil-kawża Garvey vs Ireland [1981] IR 75.

    ( 47 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 40).

    ( 48 ) Ċerti avukati jirrakkomandaw li l-klijenti tagħhom “ifittxu raġunijiet kummerċjali alternattivi sabiex iwaqqfu l-kummerċ mal-Iran jew Kuba” sabiex jevitaw l-applikazzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni. Ara Doussin, A., Catrain. L., u Dukic, A., How to Mitigate sanctions risks, Hogan Lovells, 2020, slides huma disponibbli fuq is-sit tal-impriża.

    ( 49 ) F’dan ir-rigward, jiena nikkunsidra bir-rispett li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet it-Tribunal de Commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi, Franza) f’kawża li kienet ukoll tirrigwarda x-xoljiment ta’ kuntratt li ġie konkluż ma’ Bank Melli Iran, il-fatt li l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni diġà kien jeżisti fid-data li fiha l-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż ma jistax jeskludi l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istatut fuq il-bażi li l-klawżola tal-force majeure użata sabiex jiġi xolt il-kuntratt ġiet miftiehma fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 jirrappreżenta ordni pubbliku fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha sabiex il-partijiet ma jkunux jistgħu jidderogaw minnha. Ara Tribunal de Commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi), 23 ta’ Jannar 2020, SC Bank Melli Iran Banque Nationale c SAS Viveo France, Nru 2019023091.

    ( 50 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwi l-produzzjoni tal-prova mill-oneru tal-prova. Ara, fir-rigward tal-appelli, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 38) u s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma (C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt57). Apparti mill-appelli ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, W et (C‑621/15, EU:C:2017:484, punt 24).

    ( 51 ) L-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri hija, madankollu, limitata bl-obbligu, għall-Istati Membri, minn naħa, li ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju tal-effettività), li japplikaw, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-istess regoli bħal dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (il-prinċipju tal-ekwivalenza) u li josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás (C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 43). Iktar minn hekk, jekk il-produzzjoni tal-prova hija b’mod ċar kwistjoni ta’ dritt proċedurali, ċerti tradizzjonijiet ġuridiċi jorbtu d-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova mad-dritt sostantiv. Pereżempju, fid-dritt Franċiż, ir-regoli tal-preżunzjonijiet u l-oneru tal-prova huma previsti fil-Kodiċi Ċivili u mhux fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Fid-dritt Ġermaniż, skont it-teorija tar-regoli (Normenbegünstigungstheorie), il-leġiżlatur jieħu inkunsiderazzjoni d-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova meta jifformula regola ġdida. Għalhekk, l-imħallfin jiddeduċu d-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova billi jinterpretaw id-dritt sostantiv. Ara Prütting Münchener Kommentar zur ZPO, 3. Aufl. 2008, § 286 Nru 113-115. Sa fejn naf jiena, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet b’mod ċar fuq din il-kwistjoni peress li fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ħafna drabi jispeċifika xi tkun din id-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova.

    ( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 1966, ILFO vs L‑Awtorità Għolja (51/65, EU:C:1966:21), tas‑26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni (224/87, EU:C:1989:38) jew tal‑21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO (C‑546/12 P, EU:C:2015:332, punt 78).

    ( 53 ) Ara, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 56).

    ( 54 ) Ara l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20 Vol. 1, p. 23), l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

    ( 55 ) Elementi oħra, bħall-fatt li l-kumpannija torganizza taħriġ in-house tal-persunal tagħha dwar il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li hija għandha politika relatata ma’ dawn ir-regolamenti jew li tuża jew tista’ tirrikorri għal għodda ta’ sorveljanza jidher li jikkostitwixxu provi li huwa diffiċli li jiġu prodotti minn terzi.

    ( 56 ) F’dan ir-rigward, uħud isostnu li jista’ jiġi dedott mill-għanijiet imfittxija mill-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun teħtieġ ukoll turija li s-sitwazzjoni inkwistjoni tinvolvi applikazzjoni ekstraterritorjali tal-liġijiet inkwistjoni. Ara, pereżempju, Financial Markets law committee, U.S. Sanctions and the EU blocking statute Regulation: Issues of legal uncertainty, 2019, fil-paragrafi 3.5 u 3.12. Madankollu, filwaqt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 5 hija perentorja, ma hemm xejn fiha li jsostni l-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni. Iktar minn hekk, jekk, kif nissuspetta, l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ġie kkonċeput bħala kontramiżura fis-sens tad-dritt internazzjonali, dan għandu jiġi kkunsidrat li jimmira li jimblokka b’mod ġenerali l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    ( 57 ) Dawn il-ġustifikazzjonijiet jistgħu jkunu ekonomiċi jew kummerċjali, jew jistgħu jkunu relatati ma’ sanzjonijiet tal-Unjoni, regoli tal-Unjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jew anki sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, iżda sakemm dawn is-sanzjonijiet ma jkunux parti minn leġiżlazzjonijiet elenkata fl-Anness.

    ( 58 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 49).

    ( 59 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41); u, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 49).

    ( 60 ) Huwa minnu li, fi kwistjonijiet li għandhom aspett kriminali, kif, fil-fehma tiegħi, huwa l-każ tal-applikazzjoni tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi lill-Istati Membri milli jissanzjonaw bħala tali r-rifjut ta’ persuna naturali, f’investigazzjoni mwettqa fir-rigward tagħhom, sabiex l-awtorità kompetenti tiġi pprovduta bi tweġibiet li huma kapaċi jistabbilixxu r-responsabbiltà għal ksur. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 58). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda aċċettat li qorti nazzjonali jew awtorità amministrattiva jistgħu jinvokaw sensiela ta’ indizji korroborattivi sabiex jistabbilixxu l-ksur ta’ ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia (C‑247/15 P, C‑253/15 P u C‑259/15 P, EU:C:2017:61, punt 64) jew, sempliċement, sabiex jaqilbu l-oneru tal-prova jew, bħal fil-każ tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 32).

    ( 61 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 16).

    ( 62 ) Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-proporzjonalità, għandu jiġi enfasizzat li din il-kundizzjoni ma hijiex kuntrarja għal dik ta’ dissważjoni sa fejn hija sempliċement tippreżupponi li s-sanzjoni attwalment imposta tkun proporzjonali għall-gravità tal-fatti inkwistjoni, fejn id-dissważjoni hija żgurata mit-theddida tal-kastig, jiġifieri, l-portata tas-sanzjonijiet possibbli. Fil-każ tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, il-gravità tal-fatti għandha, pereżempju, tkun tiddependi fuq in-natura pjuttost kontinwa tal-aġir tal-impriża msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut, kif ukoll fuq in-natura tal-leġiżlazzjoni u l-ispiża tas-sanzjonijiet previst fihom, li din il-persuna osservat.

    ( 63 ) Dawn ir-rekwiżiti huma sempliċement dawk meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ara, is-sentenza tal‑10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann vs Land Nordrhein-Westfalen (14/83, EU:C:1984:153, punt 28); is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punt 24) u, f’dan is-sens, dwar is-sistema komuni tal-VAT, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 3435).

    ( 64 ) Fir-rigward tan-natura dissważiva tas-sanzjonijiet, din il-kundizzjoni loġikament timplika li s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti għandhom ikunu almenu ekwivalenti għal dawk li jistgħu jiġu imposti fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness. Inkella l-bilanċ bejn l-osservanza tal-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness u tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni ikun sistematikament favur l-ewwel waħda, bis-sanzjonijiet previsti fit-tieni wieħed imbagħad ikunu kkunsidrati bħala sempliċi spiża addizzjonali tal-osservanza fil-kalkoli tar-riskju mwettqa mill-kumpanniji. Ara, pereżempju, Wils, W.P.J., “Optimal Antitrust Fines: Theory and Practice”, World Competition, Vol. 29(2), 2006, p. 15: “Sabiex taħdem id-deterrenza, huwa meħtieġ li, mill-perspettiva tal-kumpannija (jew il-persuna li tieħu d-deċiżjoni li tiddeċiedi f’isem il-kumpannija) li tkun qiegħda tikkontempla ksur possibbli tal-antitrust, il-multa mistennija teċċedi l-qligħ mistenni. Għalhekk dak li jgħodd hija l-istima ta’ qliegħ suġġettiva tal-ħati potenzjali, tal-probabbiltà li jiġi skopert u kkastigat, u tal-ammont tal-multa fil-każ li jiġi skopert u kkastigat” [traduzzjoni libera]. Fil-każ tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, kif jinnota r-rapport ordnat mill-Parlament Ewropew, “Huwa biss jekk impriżi għandhom jistennew li l-[Istatut għall-imblukkar tal-Unjoni] sejjer jiġi eżegwit b’mod daqstant vigoruż daqs il-leġiżlazzjonijiet tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, li dawn ikunu didposti li jallinjaw l-aġir tagħhom mal-[Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni] u jiksru d-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika” [traduzzjoni libera]. Stoll T., Blockmans S., Hagemejer J., Hartwell A., Gött H., Karunska K. u Maurer A., Extraterritorial Sanctions on trade and investments and European responses, Study requested by the INA committee of the European Parliament, 2020, p. 65. Dan ma jfissirx, madankollu, li s-sanzjonijiet massimi għandhom dejjem jiġu imposti, peress li t-theddida ta’ dawn is-sanzjonijiet, sakemm tibqa’ kredibbli, hija suffiċjenti sabiex toħloq effett ta’ deterrent. Iktar minn hekk, sa fejn l-Artikolu 9 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jagħmel riferiment għas-“sistema” ta’ sanzjonijiet applikabbli, għandu jiġi dedott li huma d-diversi sanzjonijiet previsti, kemm jekk kriminali, amministrattivi jew ċivili, li, ikkunsidrati flimkien, għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

    ( 65 ) Ara, pereżempju, fi kwistjonijiet tal-VAT, fir-rigward tal-obbligu li jipprovdu għal sanzjonijiet punittivi fil-każ ta’ frodi, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 19) u, fir-rigward tal-obbligu li tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Fontana (C‑648/16, EU:C:2018:932, punti 33 sa 34). Filwaqt li l-istess miżura tista’ tfittex li tilħaq iż-żewġ għanijiet, bil-maqlub, ma huwiex meħtieġ li ż-żewġ għanijiet jinkisbu mill-istess miżura. Għalhekk, sabiex jiġi kkunsidrat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jagħti drittijiet lil persuni suġġetti għal sanzjonijiet primarji, il-miżuri li l-qrati nazzjonali huma obbligati jadottaw minn perspettiva tad-dritt ċivili għandhom ċertament ikunu effettivi u proporzjonali, iżda mhux neċessarjament dissważivi, peress li dan l-effett dissważiv jista’ jinkiseb separatament permezz ta’ sanzjonijiet amministrattivi.

    ( 66 ) Għalhekk, fil-każ tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, diversi pajjiżi Ewropej adottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi għal sanzjonijiet kriminali (l-Irlanda, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja), filwaqt li oħrajn ippreferew sanzjonijiet amministrattivi (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Italja). Ara, Bonnecarrère, Ph., Sur l’extraterritorialité des sanctions américaines, Rapport d’information du Sénat (France), Nru 17, 2018, p. 20.

    ( 67 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 16); tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 19), tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 25); u tas‑17 ta’ Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola (C‑253/00, EU:C:2002:497, punt 28).

    ( 68 ) Is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ ta’ direttiva. Peress li direttiva għandha tiġi trasposta sabiex tiġi invokata jew minn Stat kontra persuna jew, orizzontalment, bejn żewġ persuni privati, l-Istati Membri għandhom iktar spazju għall-manuvra. Dawn jiżguraw biss, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE,, li kwalunkwe ksur ta’ direttiva jiġi ssanzjonat taħt kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali, li huma analogi għal dawk applikabbli għal ksur ta’ dritt nazzjonali li jkun ta’ natura u importanza simili. Ara, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 44).

    ( 69 ) Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ma huwiex direttament applikabbli hawn, sa fejn dan il-prinċipju jikkonċerna “d-dettalji proċedurali ta’ proċeduri legali maħsuba sabiex jipproteġu d-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-[Unjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 34); tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 24) u tal‑21 ta’ Jannar 2010, Alstom Power Hydro (C‑472/08, EU:C:2010:32, punt 17). Madankollu, il-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-qrati nazzjonali sabiex jirrimedjaw il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma humiex dritt proċedurali, iżda dritt sostantiv. Għalhekk, pereżempju, fir-rigward tal-miżuri għar-rimedju tal-konsegwenzi tal-ksur tal-projbizzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ għajnuna, stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali huma obbligati jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u għalhekk obbligati jirkupraw l-għajnuna mogħtija illegalment fuq l-inizjattiva tagħhom stess. Huma biss l-arranġamenti prattiċi għal dan l-irkupru li huma suġġetti għal awtonomija proċedurali. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 92).

    ( 70 ) Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kunsiderazzjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi dawk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi limitat l-effet utile tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 3), jew tas‑26 ta’ Frar 2013, MelloniMelloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59).

    ( 71 ) F’din il-kawża, il-mistoqsija hija pjuttost jekk multi sa EUR 500000 fil-fatt iservux ta’ deterrent, peress li s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti jistgħu jkunu sad-doppju tal-ammont tat-tranżazzjoni li hija l-bażi tal-ksur li fir-rigward tiegħu ġiet imposta s-sanzjoni u, għalhekk, tista’ twassal sa eluf ta’ miljuni.

    ( 72 ) Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 32 sa 42).

    ( 73 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Spika et (C‑540/16, EU:C:2018:565, punt 34) u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 25).

    ( 74 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C‑324/99, EU:C:2001:682, punt 30).

    ( 75 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 33) u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335, punt 50). Għalhekk, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa teżamina l-validità ta’ att tal-Unjoni fuq raġuni mressqa quddiemha minn waħda minn dawn il-partijiet. Ara, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punti 2728) u tat‑28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik (C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punti 45 u 46).

    ( 76 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punti 27 sa 29 u 36).

    ( 77 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28).

    ( 78 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel vs Stichting Pensioenfonds voor Fysiotherapeuten (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 14); tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 45); u tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 54).

    ( 79 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Compagnie des pêches de Saint-Malo (C‑212/19, EU:C:2020:726, punti 2838).

    ( 80 ) Sentenza Welmory tas‑17 ta’ Diċembru 2020BAKATI PLUS (C‑656/19, EU:C:2020:1045, punt 33). Qabel dan, ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 34); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, T-Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic (C‑508/14, EU:C:2015:657, punti 28 sa 29); u digriet tal‑21 ta’ April 2016, Beca Engineering (C‑285/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:295, punt 24).

    ( 81 ) Fil-fehma tiegħi, ma hemmx bżonn, madankollu, li tiġi eżaminata l-validità tad-deċiżjoni, inkluża fir-Regolament 2018/1100, li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika inkwistjoni tiġi inkluża fl-Anness tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni, peress li din id-deċiżjoni lanqas biss issemmiet mill-qorti tar-rinviju.

    ( 82 ) Lenaerts, K., “Exploring the limits of the EU Charter of fundamental rights”, European Constitutional Law Review, Vol. 8(3), 2012, p. 388.

    ( 83 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54).

    ( 84 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28 punt 46); tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 34) u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et (C‑686/18, EU:C:2020:567, punti 8283).

    ( 85 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punti 49 sa 57); tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569, punti 38 sa 47); u tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 38) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, EU:C:2008:167, punt 133).

    ( 86 ) Ara, pereżempju, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche UmwelthilfeDeutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 52) jew tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50). Il-ġurisprudenza ġieli tagħmel riferiment ukoll għal kriterju ieħor, li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas oneruża u l-iżvantaġġ ikkawżat ma għandux ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex. Madankollu dawn il-kriterju jistgħu jitqiesu bħala li diġà huma inklużi fiż-żewġ kriterji diġà msemmija. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 64).

    ( 87 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-adozzjoni ta’ kontramiżuri hija ammissibbli fid-dritt internazzjonali. Dwar il-kundizzjonijiet li fihom dawn il-miżuri huma ammissibbli, ara l-Artikolu 49 et seq. tal-Abbozzi ta’ Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonali Abbużivi, flimkien ma’ kummentarji, adottati mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali fit‑53 sessjoni tagħha u approvati, fit‑28 ta’ Jannar 2002, permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u, ukoll, Leben, Ch., “Les contre-mesures inter-étatiques et les réactions à l’illicite dans la société internationale”, Annuaire Français de Droit International, 1982, Vol. 28, p. 9 sa 77 u Sicilianos, L. A., “La codification des contre-mesures par la Commission du droit international”, f’Revue belge de droit international, 2005, Vol. 38, p. 447 sa 500. Fi kwalunkwe każ, ċerti awturi jikkunsidraw li teknikament, l-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni, jiġifieri, miżuri offensivi li ma humiex internazzjonalment abbużivi bħala tali, peress li ma jiksrux ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni rrikonoxxuti mid-dritt internazzjonali. Ara Ruys, T., Ryngaert, C., “Secondary Sanctions: A Weapon out of Control? The International Legality of, and European Responses to US Secondary Sanctions”, British Yearbook of International Law, 2020, p. 82.

    ( 88 ) Din l-assenza ta’ kriterji espliċiti għall-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni f’dan l-Anness tista’ tqajjem ċertu tħassib. Madankollu, peress li d-domandi magħmula f’din il-kawża ma jindirizzawx dawn l-aspetti, ma iniex sejjer neżamina din il-kwistjoni ulterjorment.

    ( 89 ) Huwa minnu li, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni jista’ jidher pjuttost antikwat peress li s-sentenza tal-US District Court for the Eastern District of Pennsylvania (il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti tal-Amerika għad-Distrett tal-Lvant ta’ Pennsylvania) iddeċidiet fil-kawża United States vs Brodie ċaħdet l-applikazzjoni tad-Duttrina tal-Forza Sovrana Barranija fir-rigward tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti qatt ma ddeċidiet dwar l-infurzabbiltà tad-Duttrina tal-Forza Sovrana Barranija fir-rigward tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni. Iktar minn hekk, ma jistax ma jiġix eskluż li dan l-artikolu jista’, fuq il-bażi ta’ din id-duttrina jew duttrina simili, iservi bħala difiża fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni li ma hijiex dik inkwistjoni f’din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni tibqa’ rilevanti mill-perspettiva tal-għan li jintlaqgħu dawn l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni.

    ( 90 ) F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-ewwel punt tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni sempliċement jipprevedi l-possibbiltà li l-persuni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan l-istatut jiġu pprojbiti milli josservaw il-leġiżlazzjoni fejn din il-leġiżlazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Istatut jew li tirriżulta mill-għanijiet ta’ dan l-isatut peress li ġew miżjuda mal-Anness. Il-kwistjoni jekk, f’każ partikolari, id-deċiżjoni li tiġi inkluża parti partikolari ta’ leġiżlazzjoni fl-Anness tikkostitwixxix miżura proporzjonata hija kwistjoni għall-istħarriġ tal-validità ta’ din id-deċiżjoni u mhux għall-istħarriġ taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Istatut għall-Imblukkar tal-Unjoni.

    ( 91 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill (C‑729/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:499, punti 80 sa 81) u tal‑24 ta’ Settembru 2020, NK (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 89).

    ( 92 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 92).

    ( 93 ) Skont Tom Ruys u Cedric Ryngaert, san-nofs tal‑2019, kien hemm biss 15‑il talba għal awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni madankollu ma kkomunikatx il-proporzjon tas-suċċess ta’ dawn it-talbiet. Ruys, T. u Ryngaert, C., “Secondary Sanctions: A Weapon out of Control? The International Legality of, and European Responses to US Secondary Sanctions”, British Yearbook of International Law, 2020, p. 87.

    Top