Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0018

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fil-15 ta’ April 2021.
XY.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċedura ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 40 – Applikazzjoni sussegwenti – Elementi jew fatti ġodda – Kunċett – Ċirkustanzi diġà eżistenti qabel l-għeluq definittiv ta’ proċedura li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti – Prinċipju ta’ res judicata – Ħtija tal-applikant.
Kawża C-18/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:302

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fil‑15 ta’ April 2021 ( 1 )

Kawża C‑18/20

XY

fil-preżenza ta’

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika ta’ ażil – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Invokazzjoni ta’ ċirkustanzi li diġà jeżistu qabel l-għeluq definittiv ta’ proċedura ta’ ażil preċedenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-kunsiderazzjoni ta’ fatti ġodda li ma kinux ġew ippreżentati fil-qafas tal-proċedura preċedenti bi ħtija tal-applikant – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni sussegwenti – Artikolu 40(1) sa (4) – Artikolu 42(2) – Ammissibbiltà – Regoli ta’ proċedura – Termini ta’ dekadenza – Artikolu 13(1) – Awtorità ta’ res judicata – Direttiva 2005/85/KE – Artikolu 34(2)(b) – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 4(2)”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) u tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(2) sa (4) u tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali ( 2 ). L-ewwel dispożizzjonijiet jipprovdu b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li l-Istati Membri huma awtorizzati li jistabbilixxu sabiex applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ( 3 ) tiġi iddikjarata inammissibbli fuq il-bażi tal-awtorità ta’ res judicata.

2.

L-applikazzjoni kienet ġiet ippreżentata fil-qafas ta’ appell ta’ “Reviżjoni” bejn XY, ċittadin Iraqi, u l-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-dritt tal-Barranin u d-dritt tal-Ażil, l-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju federali”) rigward il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Federali Amministrattiva, l-Awstrija) li ddikjarat applikazzjoni sussegwenti magħmula minn XY inammissibbli taħt id-dritt Awstrijak fuq il-bażi tal-awtorità tar-res judicata. Essenzjalment, din il-qorti ddeċidiet li l-fatt allegat minn XY bħala sostenn għall-applikazzjoni sussegwenti tiegħu – il-fatt li kien dejjem omosesswali – kien diġà jeżisti matul il-proċeduri relatati mal-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma XY invokah matul din il-proċedura, b’mod li dan il-fatt ma kienx ġdid.

3.

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qiegħda tintalab tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà. F’dan ir-rigward, għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dritt Awstrijak dwar l-awtorità ta’ res judicata, li wasslet għal din iċ-ċaħda, kif ukoll dwar id-derogi minn dan il-prinċipju previsti fid-dritt Awstrijak li jagħmluha possibbli li jiġu invokati fatti u provi ġodda, bid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2013/32. Hija għamlet tliet domandi dwar dan is-suġġett.

4.

Fl-aħħar tal-preżentazzjoni tiegħi, ser nispjega r-raġunijiet għaliex inqis, l-ewwel nett, li skont l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni sussegwenti tista’ tkun ibbażata fuq elementi u fatti ġodda li kienu jeżistu diġà matul il-proċedura relatata mal-applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali, iżda li ma kinux ġew invokati fil-qafas ta’ din tal-aħħar (l-ewwel domanda għal deċiżjoni preliminari).

5.

Imbagħad, l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 ma jipprekludix li l-eżami tal-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti jsir fil-qafas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri relatati mal-applikazzjoni preċedenti, bħal dik prevista fid-dritt Awstrijak, sakemm jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Kapitolu II ta’ din id-direttiva u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan fil-qafas tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-Artikolu 42(2) moqri flimkien ma’, b’mod partikolari, l-Artikolu 40(2) sa (4), tal-imsemmija direttiva jipprojbixxi l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza, bħal dawk previsti fid-dritt Awstrijak (it-tieni domanda preliminari).

6.

Fl-aħħar nett, jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ftuħ mill-ġdid previst fid-dritt Awstrijak ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32, b’mod li applikazzjoni sussegwenti għandha tiġi eżaminata fil-qafas ta’ proċedura ġdida amministrattiva, nikkunsidra li l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludi li kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija min-naħa tal-applikant tiġi applikata fil-qafas ta’ proċedura ġdida bħal din, sakemm din il-kundizzjoni ma tkunx prevista b’mod espliċitu fid-dritt nazzjonali u tissodisfa ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dan ma jidhirx li huwa l-każ f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali (it-tielet domanda preliminari).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2013/32

7.

Il-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32 tgħid:

“Fejn sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jwettqu proċedura sħiħa ġdida ta’ eżami. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jirrifjutaw applikazzjoni bħala inamissibbli taħt il-prinċipju ta’ res judicata”.

8.

L-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli” jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE ( 4 ) ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant; jew

[…]”

9.

L-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprovdi, fl-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.   Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

3.   Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni tiġi eżaminata ulterjorament biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 46”.

10.

L-Artikolu 42 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Regoli proċedurali” jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli fil-liġi nazzjonali dwar l-eżami preliminari taħt l-Artikolu 40. Dawk ir-regoli jistgħu, inter alia:

a)

jobbligaw lill-applikant ikkonċernat sabiex jindika l-fatti u jissostanzja l-prova li jiġġustifikaw proċedura ġdida;

b)

jippermettu li jsir eżami preliminari fuq il-bażi unika ta’ sottomissjonijiet miktuba mingħajr intervista personali, bl-eċċezzjoni tal-każijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 40(6).

Dawk ir-regoli ma għandhomx jagħmlu impossibbli l-aċċess, fir-rigward tal-applikanti, għal proċedura ġdida u ma għandhomx jirriżultaw fit-tneħħija effettiva jew f’limitazzjoni serja ta’ dan l-aċċess.”

2. Id-Direttiva 2005/85/KE

11.

B’effett mill‑21 ta’ Lulju 2015, id-Direttiva 2013/32 ħassret u ssostitwiet id-Direttiva 2005/85/KE ( 5 ). F’din tal-aħħar, id-dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 kienet prevista fl-Artikolu 34(2). Din id-dispożizzjoni kienet tgħid:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli fil-liġi nazzjonali dwar l-eżami preliminari skond l-Artikolu 32. Dawk ir-regoli jistgħu inter alia:

a)

jobbligaw lill-applikant konċernat sabiex jindika l-fatti u jissostanzja l-prova li jiġġustifikaw proċedura ġdida;

b)

jesiġu l-preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni ġdida mill-applikant konċernat f’terminu ta’ żmien wara li jkun kiseb tali informazzjoni;

c)

jippermettu li l-eżami preliminari jkun magħmul abbażi biss ta’ sottomissjonijiet bil-miktub mingħajr intervista personali.

Il-kondizzjonijiet ma għandhomx, fir-rigward ta’ l-applikanti għall-ażil, jagħmlu impossibbli l-aċċess għal proċedura ġdida u ma għandhomx jirriżultaw fit-tneħħija effettiva jew f’limitazzjoni serja ta’ dan l-aċċess.”

3. Id-Direttiva 2011/95

12.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.   L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.”

B.   Id-dritt Awstrijak

1. Il-liġi ġenerali fuq il-proċeduri amministrattivi

13.

L-Artikoli 68 u 69 tal-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar Proċeduri Amministrattivi (iktar ’il quddiem l-“AVG”) jipprovdu:

“Artikolu 68: (1) L-applikazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati li, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 69 u 70, għandhom tendenza li jimmodifikaw deċiżjoni li ma hijiex jew ma għadhiex suġġetta għal appell għandhom jiġu miċħuda minħabba r-res judicata, meta l-amministrazzjoni ma tara l-ebda raġuni biex toħroġ ordni skont il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu.

[…]

Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura

Artikolu 69: (1) L-applikazzjoni ta’ parti kkonċernata għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri magħluqa b’deċiżjoni tintlaqa’, meta din id-deċiżjoni ma tkunx jew ma għadhiex suġġetta għal appell u

[…]

2. meta jidhru fatti jew provi ġodda li, mingħajr l-ebda ħtija attribwibbli lill-persuna kkonċernata, ma setgħux jiġu invokati fil-proċedura preċedenti u li, ikkunsidrati b’mod iżolat jew b’relazzjoni mar-riżultati l-oħra tal-proċedura, probabbilment kienu jwasslu għal deċiżjoni li d-dispożittiv tagħha kien ikollu kontenut differenti; jew

[…]

(2) L-applikazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid għandha tintbagħat fi żmien ġimagħtejn lill-amministrazzjoni li ħarġet id-deċiżjoni. Il-perijodu jibda jgħodd mill-mument li l-applikant isir konxju tar-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid; madankollu, meta dan il-mument iseħħ wara l-komunikazzjoni orali tad-deċiżjoni iżda qabel in-notifika tal-verżjoni bil-miktub tad-deċiżjoni, it-terminu għandu jibda biss minn din in-notifika. Wara perijodu ta’ tliet snin li jibdew jgħoddu mill-adozzjoni tad-deċiżjoni, l-applikazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid ma tistax issir aktar. Huwa l-applikant li għandu jġib il-prova taċ-ċirkustanzi li juru l-osservanza tat-terminu legali.

[…]”

2. Il-liġi dwar il-proċedura tal-kontenzjuż amministrattiv

14.

L-Artikolu 32 tal-Verwaltungsgerichtsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar il-proċedura tal-kontenzjuż amministrattiv, iktar ’il quddiem il-“VwGVG”) jipprovdi:

“(1)   L-applikazzjoni ta’ parti għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri magħluqa b’sentenza tal-qorti amministrattiva tintlaqa’, meta

[…]

2.

jidhru fatti jew provi ġodda li, mingħajr l-ebda ħtija attribwibbli lill-parti, ma setgħux jiġu invokati fil-proċeduri preċedenti u li, ikkunsidrati b’mod iżolat jew b’relazzjoni mar-riżultati l-oħra tal-proċedura, probabbilment kienu jwasslu għal sentenza fejn id-dispożittiv tagħha kien ikollu kontenut differenti; jew

[…]

(2)   L-applikazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid għandha ssir fi żmien ġimagħtejn quddiem il-qorti amministrattiva. It-terminu jibda mill-mument li l-applikant isir konxju tar-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid; madankollu, meta dan il-mument iseħħ wara l-komunikazzjoni orali tas-sentenza iżda qabel in-notifika tal-verżjoni bil-miktub tas-sentenza, it-terminu jibda jgħodd biss minn din in-notifika. Wara perijodu ta’ tliet snin mill-għoti tas-sentenza, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid ma tistax ssir iktar. Huwa l-applikant li għandu jipprovdi prova taċ-ċirkustanzi li juru konformità mat-terminu legali.

[…]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

Fit‑18 ta’ Lulju 2015, XY, ċittadin Iraqi ta’ fidi Musulmana Xiita, għamel l-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. B’deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2018, l-Uffiċċju Federali ċaħad din l-applikazzjoni. B’sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2018, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li l-appell ippreżentat minn XY mid-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali ma kienx fondat. Din is-sentenza saret finali ( 6 ).

16.

Matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2018 tal-Uffiċċju Federali kif ukoll quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) adita minn XY, dan tal-aħħar ta diversi raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, essenzjalment, fuq l-unika bażi li kien qiegħed jirriskja li jinqatel kieku kellu jmur lura l-Iraq minħabba r-rifjut tiegħu fil-konfront tal-milizzji Xiiti li ordnalu jiġġieled għalihom kif ukoll is-sitwazzjoni interna fl-Iraq li kienet ħażina ħafna minħabba l-gwerra.

17.

Fl‑4 ta’ Diċembru 2018, XY għamel applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali.

18.

Fil-qafas ta’ din il-proċedura, huwa sostna li, fl-ewwel applikazzjoni tiegħu, ma kienx iddikjara r-raġunijiet reali li għalihom talab il-protezzjoni internazzjonali. Huwa fil-fatt sostna li kien omosesswali ħajtu kollha, li huwa pprojbit fl-Iraq u “fir-reliġjon tiegħu”, u afferma li hu ma setax, sa issa, jipprovdi dawn ir-raġunijiet veri għax beża’ għal ħajtu. Kien biss meta wasal l-Awstrija li, grazzi għall-appoġġ ta’ assoċjazzjoni li kien iffrekwenta mill-inqas minn Ġunju 2018, li kien fehem li ma kellux għalfejn jibża’ jekk jiddikjara l-omosesswalità tiegħu.

19.

B’deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2019, l-Uffiċċju Federali kkunsidra b’mod partikolari l-applikazzjoni sussegwenti ta’ XY bħala inammissibbli fuq il-bażi tal-awtoritá ta’ res judicata, skont l-Artikolu 68(1) tal-AVG.

20.

XY appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Federali Amministrattiva). Dan l-appell, safejn ikkontesta ċ-ċaħda tal-applikazzjoni sussegwenti, ġie nnifsu miċħud b’sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2019.

21.

L-unika raġuni li għaliha l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Federali Amministrattiva) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali hija li l-omosesswalità ta’ XY kienet diġà teżisti matul l-ewwel proċedura ta’ ażil u li, waqt li kien jaf bl-omosesswalità tiegħu, XY kien astjena milli jinvokaha f’din l-ewwel proċedura. Għalhekk, l-awtoritá tar-res judicata tad-deċiżjoni dwar l-ewwel applikazzjoni għall-ażil kopriet ukoll, skont il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), dan il-fatt.

22.

Proċedura ta’ appell ta’ “Reviżjoni” kienet inbdiet quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), il-qorti tar-rinviju.

23.

Fil-qafas ta’ dawn il-proċeduri, XY jikkontesta d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, b’mod partikolari għar-raġuni li d-dritt fis-seħħ fl-Awstrija dwar dan il-punt imur kontra l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32.

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2020, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“ 1)

Il-kliem ‘elementi’ jew ‘sejbiet ġodda’ li ‘ikunu […] instabu, jew ġew ippreżentati mill-applikant’, li jinsab fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva[2013/32] jkopri wkoll ċirkustanzi li kienu jeżistu diġà qabel l-għeluq definittiv tal-proċedura ta’ ażil preċedenti?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

Fil-każ li jiġu ppreżentati fatti jew provi ġodda li, mingħajr nuqqas imputabbli lill-persuna barranija, ma setgħux jiġu invokati fil-proċedura preċendenti, huwa suffiċjenti li applikant għal ażil ikun jista’ jitlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura preċedenti li tkun ingħalqet b’mod definittiv?

3)

Fil-każ li jkun minħabba nuqqas min-naħa tiegħu li l-applikant għal ażil ma jkunx ippreżenta diġà fil-proċedura ta’ ażil preċedenti l-motivi invokati għall-ewwel darba, l-awtorità tista’ tirrifjuta li teżamina l-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi prinċipju validu b’mod ġenerali fil-proċedura amministrattiva, minkejja li l-Istat Membru, minħabba li ma adottax dispożizzjonijiet speċjali, ma ttrasponiex b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 u għaldaqstant ma għamilx użu b’mod espliċitu mill-possibbiltà – mogħtija mill-Artikolu 40(4) ta’ din id-direttiva – li jipprevedi eċċezzjoni mill-eżami tal-mertu tal-applikazzjoni sussegwenti?”

25.

Il-Gvern Awstrijak, dak Ċek, dak Ġermaniż, dak Franċiż, dak Ungeriż u dak Olandiż, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet ikkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż, wieġbu l-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2020.

IV. Analiżi

26.

“Applikazzjoni sussegwenti” hija ddefinita bħala applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali ( 7 ). Kif ġie indikat fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjonijiet li l-Istati Membri huma awtorizzati jistabbilixxu biex applikazzjoni sussegwenti tiġi ddikjarata inammissibbli fuq il-bażi tal-awtorità ta’ res judicata huma previsti fl-Artikolu 40(2) sa 4 tad-Direttiva 2013/32.

27.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlatur Awstrijak ma adottax regoli speċjali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32. Għalhekk huma d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt Awstrijak li jirregolaw il-proċedura amministrattiva li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi evalwat jekk applikazzjoni sussegwenti għall-protezzjoni hijiex inammissibbli fuq il-bażi tal-awtorità ta’ res judicata ( 8 ). Bit-tliet domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk id-Direttiva 2013/32 tipprekludix dan id-dritt Awstrijak.

28.

Sabiex jitwieġbu d-domandi li saru, inqis utli, l-ewwel nett, li nispjega d-dritt Awstrijak inkwistjoni, kif qiegħed nifhmu jien fuq il-bażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tad-dettalji pprovduti mill-Gvern Awstrijak f’dan ir-rigward

A.   Fuq id-dritt Awstrijak inkwistjoni

29.

Id-dispożizzjonijiet Awstrijaċi li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi evalwat jekk applikazzjoni sussegwenti għandhiex tiġi miċħuda bħala inammissibbli għal raġunijiet tal-awtorità ta’ res judicata huma, minn naħa, l-Artikolu 68(1) tal-AVG u, min-naħa l-oħra, l-punt 2 tal-Artikolu 69(1) u (2) tal-istess liġi. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw fil-qafas tal-proċeduri amministrattivi. Dispożizzjonijiet simili japplikaw fil-qafas tal-proċeduri quddiem il-qrati amministrattivi ( 9 ).

30.

Skont l-Artikolu 68(1) tal-AVG, applikazzjonijiet minn partijiet ikkonċernati li għandhom it-tendenza li jimmodifikaw deċiżjoni li ma hijiex jew ma għadhiex suġġetta għal appell għandhom jiġu miċħuda fuq il-bażi tal-awtorità ta’ res judicata. Deroga minn dan il-prinċipju hija prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG. Għalhekk, sabiex ikunu jistgħu jitqiesu fatti u provi li, ċertament, diġà kienu jeżistu fid-data tad-deċiżjoni finali iżda li, mingħajr ebda ħtija min-naħa tal-persuna kkonċernata, ma kinux ġew invokati, din id-dispożizzjoni tipprovdi, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fiha u dawk previsti fl-Artikolu 69(2) tal-AVG, ftuħ mill-ġdid tal-proċedura diġà magħluqa. Tali ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa għalhekk jippermetti li titwarrab l-awtorità ta’ res judicata.

31.

Meta dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati fil-qafas ta’ talbiet sussegwenti, jirriżultaw żewġ aspetti rilevanti għall-kawża preżenti.

32.

Fl-ewwel lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk applikazzjoni sussegwenti hijiex inammissibbli fuq il-bażi tal-awtorità ta’ res judicata fis-sens tal-Artikolu 68(1) tal-AVG, huwa importanti li nkunu nafu jekk din l-applikazzjoni sussegwenti hijiex ibbażata fuq fatti jew provi li diġà kienu jeżisti qabel l-għeluq tal-proċeduri relatati mal-applikazzjoni preċedenti (imsejħa “nova reperta” fid-dritt Awstrijak), jew fuq fatti jew provi li rriżultaw biss wara l-għeluq tal-ewwel proċedura (imsejħa “nova producta” fid-dritt Awstrijak)

33.

Fil-fatt, applikazzjoni sussegwenti li hija bbażata fuq fatti jew provi li ma rriżultawx biss ħlief wara l-għeluq tal-proċedura relatata mal-ewwel applikazzjoni għall-ażil (“nova producta”) ma hijiex ikkonċernata mill-awtorità ta’ res judicata fis-sens tal-Artikolu 68(1) tal-AVG. Fatti u evidenza bħal dawn ma humiex koperti mid-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti u għalhekk jistgħu jiġu invokati fil-qafas ta’ proċedura ġdida bħala kawża ġdida.

34.

Min-naħa l-oħra, fatti jew provi li diġà kienu jeżistu qabel l-għeluq tal-proċedura relatata mal-ewwel applikazzjoni (“nova reperta”) huma, bħala prinċipju, koperti mill-awtorità ta’ res judicata fis-sens tal-Artikolu 68(1) tal-AVG, kemm jekk kienu ġew invokati kif ukoll jekk le fil-qafas ta’ din il-proċedura. Madankollu, fatti jew provi ġodda li ċertament diġà kienu jeżistu matul l-imsemmija proċedura iżda li, mingħajr l-ebda ħtija tal-applikant, ma kinux ġew invokati minn dan tal-aħħar fil-qafas ta’ din l-istess proċedura, jistgħu jiġu invokati fil-qafas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura preċedenti, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) u (2) tal-AVG ikunu ssodisfatti.

35.

Fit-tieni lok, minn dak li ntqal jirriżulta li hemm differenza fil-mezzi biex wieħed jistrieħ fuq elementi jew fatti ġodda skont jekk l-applikazzjoni sussegwenti hijiex ibbażata fuq “nova producta” jew “nova reperta”. Għalhekk, għal applikazzjoni sussegwenti li hija bbażata fuq “nova producta”, l-eżami tal-applikazzjoni sussegwenti jsir fil-qafas ta’ proċedura ġdida amministrattiva. Min-naħa l-oħra, għal applikazzjoni sussegwenti li hija bbażata fuq “nova reperta”, l-applikazzjoni sussegwenti tiġi eżaminata, sakemm tkun ammissibbli skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) u (2) tal-AVG, fil-qafas tal-ftuħ mill-ġdid tal-ewwel proċedura.

36.

Huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ aspetti tad-dritt Awstrijak li d-domandi preliminari għandhom jingħataw risposta.

B.   Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “elementi jew sejbiet ġodda” [li] instabu, jew ġew ippreżentati mill-applikant” li jidher fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 (l-ewwel domanda preliminari)

37.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett “elementi jew sejbiet ġodda” li “instabu, jew ġew ippreżentati mill-applikant” li jidher fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi biss elementi jew fatti li rriżultaw biss wara l-għeluq definittiv tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għall-ażil preċedenti, jew jekk dan il-kunċett jinkludix wkoll elementi jew fatti li diġà kienu jeżistu qabel l-għeluq finali ta’ din il-proċedura, iżda li ma kinux ġew invokati mill-applikant fil-qafas ta’ din il-proċedura.

38.

L-ewwel nett, ninnota li l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi proċedura ta’ eżami f’żewġ stadji. B’hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 40(2) ta’ din id-direttiva, l-applikazzjoni sussegwenti hija qabelxejn suġġetta għal eżami preliminari biex jiġi ddeterminat jekk hijiex ammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 40(2) u (3) ta’ din l-istess direttiva.

39.

Dan l-eżami preliminari jikkonsisti fid-determinazzjoni jekk xi elementi jew fatti ġodda dehrux jew kinux ġewx ippreżentati mill-applikant, li jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li dan l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitlob l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95. Jekk l-applikazzjoni sussegwenti tkun ammissibbli bis-saħħa ta’ din l-evalwazzjoni, imbagħad tiġi sottomessa, skont l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, għal eżami fil-mertu sabiex jiġi stabbilit jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhiex fil-fatt tintlaqa’ bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95.

40.

Huwa għalhekk fil-kuntest ta’ dan l-ewwel eżami ta’ ammissibbiltà li l-kunċett ta’ “elementi jew sejbiet ġodda” li “instabu, jew ġew ippreżentati mill-applikant” jidher fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, jekk l-applikazzjoni sussegwenti ma jkun fiha l-ebda element jew fatt ġdid, tiġi kkunsidrata inammissibbli taħt il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata. Dan il-punt huwa ċċarat fil-premessa 36 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li, meta applikant jissottometti applikazzjoni sussegwenti mingħajr ma jipprovdi provi ġodda jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li tobbliga lill-Istati Membri jagħmlu proċedura ta’ eżami komplet, u l-Istati Membri, għalhekk, ikunu jistgħu jiċħdu applikazzjoni bħala inammissibbli skont il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ( 10 ).

41.

Huwa għalhekk fid-dawl tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk, bis-saħħa tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni sussegwenti titqiesx ammissibbli biss jekk tkun ibbażata fuq fatti jew elementi li twieldu wara l-għeluq tal-ewwel proċedura. Fil-fatt, li kieku kien il-każ, kien isegwi li d-Direttiva 2013/32 ma kinitx tipprekludi lid-dritt Awstrijak inkwistjoni u, għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà fil-kawża prinċipali. Għalhekk, kif spjegat fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt Awstrijak inkwistjoni ma fih l-ebda limitazzjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet sussegwenti li huma bbażati fuq fatti u elementi li ma twieldux ħlief wara l-għeluq tal-ewwel proċedura (“nova producta”). Sa fejn il-fatt allegat minn XY bħala sostenn għall-applikazzjoni sussegwenti tiegħu – il-fatt li hu kien dejjem omosesswali – diġà kien jeżisti matul il-proċeduri relatati mal-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma XY kien invokah fil-qafas ta’ din il-proċedura, din is-sitwazzjoni ma tkunx affettwata b’hekk mid-Direttiva 2013/32.

42.

Fil-fehma tiegħi, kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati kollha bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż, ma hemm l-ebda dubju li l-kunċett ta’ “elementi jew sejbiet ġodda” li “instabu, jew ġew ippreżentati mill- applikant”, li hemm fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, jinkludi fatti li kienu diġà jeżistu qabel l-għeluq finali tal-proċedura ta’ ażil preċedenti, iżda li ma kinux ġew invokati mill-applikant fil-qafas tagħha, sabiex applikazzjoni sussegwenti, bħal dik ta’ XY, ibbażata fuq tali elementi u fatti, tista’ tkun ammissibbli.

43.

Fil-fatt, minn naħa, il-kliem tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 huwa f’dan is-sens. Għalhekk, ma jagħmel l-ebda distinzjoni skont meta l-fatti jew l-elementi allegatament ġodda kienu “twieldu”. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jużaw l-espressjoni wiesgħa ta’ “elementi jew sejbiet ġodda [li] “instabu, jew ġew ippreżentati mill-applikant”, li tista’ tinkludi, skont it-tifsira kurrenti ta’ din l-espressjoni, kemm elementi u fatti ġodda li jitwieldu wara d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni preċedenti kif ukoll elementi jew fatti li diġà kienu jeżistu matul il-proċedura relatata mal-applikazzjoni preċedenti, iżda li ma kinux ġew invokati mill-applikant fil-qafas tagħha.

44.

Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija partikolarment ċara fid-dawl tal-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jinkorporaw fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjoni li tipprovdi li l-applikazzjoni sussegwenti tkun ammissibbli biss jekk l-applikant, mingħajr ebda ħtija min-naħa tiegħu, kien fl-inkapaċità jafferma, matul l-ewwel proċedura, l-elementi u l-fatti ġodda fis-sens tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 40. Issa wieħed ma jistax ilum lill-applikant li naqas milli jinvoka elementi li kienu għadhom ma jeżistux fiż-żmien tal-ewwel proċedura. Għalhekk, l-elementi jew fatti ġodda li għalihom jirreferi l-Artikolu 40(4) għandhom neċessarjament jinkludu dawk li diġà kienu jeżistu qabel l-għeluq finali tal-ewwel proċedura. Din d-dispożizzjoni tal-aħħar tippreżupponi, fi kliem ieħor, li l-elementi u l-fatti l-ġodda fis-sens tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 40 diġà kienu jeżistu matul l-ewwel proċedura tal-ażil.

45.

Bis-saħħa ta’ dak li ntqal qabel, l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jinkludi wkoll elementi jew fatti li kienu jeżistu diġà waqt il-proċedura dwar l-applikazzjoni preċedenti, iżda li ma kinux ġew invokati mill-applikant fil-qafas ta’ din tal-aħħar.

46.

Fid-dawl tal-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din ir-risposta ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2013/32 tipprekludix lid-dritt Awstrijak inkwistjoni. Minn dan isegwi li huwa neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, magħmula fl-ipoteżi tal-imsemmija risposta.

C.   Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(3) u tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 (it-tieni domanda preliminari)

47.

Kif spjegat fil-punti 38 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi proċedura ta’ eżami f’żewġ stadji: eżami preliminari biex jiddetermina jekk l-applikazzjoni sussegwenti hijiex ammissibbli u, fejn xieraq, eżami fil-mertu sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-applikazzjoni sussegwenti għandhiex fil-fatt tintlaqa’ bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95. It-tieni domanda preliminari tirrigwarda b’mod partikolari din it-tieni fażi tal-eżami. B’hekk, b’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 ( 11 ) għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti msemmija f’din id-dispożizzjoni jistax isir fil-qafas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali, jew jekk l-imsemmija dispożizzjoni teħtieġx il-ftuħ ta’ proċedura ġdida għal dan il-għan.

48.

It-tieni domanda preliminari hija magħmula fid-dawl tal-fatt li, kif spjegat fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont id-dritt Awstrijak, huwa biss meta applikazzjoni sussegwenti hija bbażata fuq “nova producta” li l-eżami fil-mertu ta’ din l-applikazzjoni jsir fil-qafas ta’ proċedura ġdida amministrattiva. Għalhekk, fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti bbażata fuq “nova reperta”, l-eżami fil-mertu jsir fil-qafas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-ewwel proċedura. Fil-kawża prinċipali, XY isostni li dik il-ftuħ mill-ġdid ikun kuntrarju għad-Direttiva 2013/32. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju għalhekk essenzjalment trid tivverifika jekk ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri preċedenti, kif previst fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG, jikkonformax mal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32.

49.

Fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid bħal dan mad-Direttiva 2013/32, hu meħtieġ li tiġi evalwata mhux biss il-kompatibbiltà ta’ dan il-ftuħ mill-ġdid mal-Artikolu 40(3) ta’ din id-direttiva (taqsima 1), iżda wkoll il-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet applikabbli waqt l-eżami tal-ammissibbiltà, sabiex l-imsemmi ftuħ mill-ġdid jimmaterjalizza, mar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttiva 2013/32 dwar dan il-punt ( 12 ) (taqsima 2).

1. Fuq l-eżami fil-mertu

50.

Fir-rigward tal-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti, għandu jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2013/32 teħtieġx il-ftuħ ta’ proċedura ġdida għal dan il-għan, jew jekk ftuħ mill-ġdid, bħal dak previst fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG huwiex biżżejjed.

51.

Inqis li d-Direttiva 2013/32 bħala prinċipju ma teħtieġ l-ebda proċedura speċifika għall-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti.

52.

Ċertament, huwa veru, kif josserva l-Gvern Olandiż, li l-Artikolu 42(2) ta’ din id-direttiva jsemmi speċifikament “proċedura ġdida” għall-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni f’din id-direttiva ma tiddefinixxi xi tfisser “proċedura ġdida”. Min-naħa l-oħra, il-portata ta’ dik l-espressjoni tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi dedotta mill-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, billi din id-dispożizzjoni tal-aħħar teħtieġ li l-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni sussegwenti jsir skont il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

53.

Essenzjalment, dan il-Kapitolu II jistabbilixxi prinċipji bażiċi u garanziji fundamentali li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw meta jeżaminaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Għalhekk jirriżulta mill-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 li l-proċedura nazzjonali għall-eżami tal-mertu tal-applikazzjoni sussegwenti għandha tiżgura li dawn il-garanziji u l-prinċipji jiġu kkunsidrati.

54.

Minbarra dan ir-rekwiżit, din id-direttiva ma timponix fuq l-Istati Membri proċedura speċifika għal dan il-għan. L-Istati Membri mbagħad għandhom marġni ta’ diskrezzjoni u jistgħu jittrasponu l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tad-dritt nazzjonali tagħhom ( 13 ).

55.

Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, id-Direttiva 2013/32 għalhekk ma tipprekludix li, bħala prinċipju, minn naħa, il-leġiżlatur nazzjonali jipprovdi għal proċedura amministrattiva ġdida għal applikazzjonijiet sussegwenti bbażati fuq elementi jew fatti ġodda li jkunu nqalgħu biss wara l-għeluq definittiv tal-ewwel proċedura u li, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-ftuħ mill-ġdid tal-ewwel proċedura magħluqa għal applikazzjonijiet sussegwenti li jinvokaw elementi jew fatti li kienu jeżistu diġà matul l-ewwel proċedura, iżda li ma kinux ġew ippreżentati fil-qafas tagħha.

56.

Fid-dawl ta’ dan, id-domanda li jmiss hija jekk ftuħ mill-ġdid, bħal dak previst fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG, jikkonformax mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32.

57.

Il-fajl disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja ma fihx biżżejjed informazzjoni dwar il-modalitajiet tal-proċedura tal-ftuħ mill-ġdid fuq dan il-punt u għalhekk ma jippermettix li ssir tali evalwazzjoni, li fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmilha.

58.

Ninnota, madankollu, li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-ftuħ mill-ġdid previst fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG mal-prinċipji u l-garanziji msemmija fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32. B’mod iktar partikolari, tinnota li l-istatus legali ta’ barrani li ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, anki jekk hija applikazzjoni sussegwenti, huwa differenti mill-istatus legali ta’ barrani li jitlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa diġà, pereżempju rigward il-protezzjoni temporanja kontra t-tneħħija tul kemm iddum il-proċedura.

59.

Jista’ jkun hemm dubju dwar kif din il-konstatazzjoni għandha tinftiehem. Fil-fehma tiegħi, id-differenza fl-istatus legali msemmija mill-qorti tar-rinviju tista’ tinftiehem bħala li għandha x’taqsam mad-differenza li toħroġ mid-dritt Awstrijak skont jekk applikazzjoni sussegwenti hijiex ibbażata fuq “nova reperta” jew fuq “nova producta” u għalhekk bħala li tindika li applikant li għamel applikazzjoni sussegwenti li taqa’ taħt l-aħħar kategorija huwiex suġġett għal regoli iktar favorevoli minn dak li jkun ressaq applikazzjoni sussegwenti li taqa’ taħt l-ewwel kategorija.

60.

Jekk dan il-qari huwa korrett, ninnota li l-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32 mhux neċessarjament jipprekludi tali differenza fl-istatus legali. Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ma hemm xejn li jimpedixxi lill-Istati Membri milli jipprovdu standards aktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/32, sakemm dawn l-istandards ikunu kompatibbli ma’ din id-direttiva. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-protezzjoni tal-applikant kontra t-tneħħija waqt l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti, il-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32 tabilħaqq jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għal protezzjoni inqas għolja għal dan l-applikant minn dik prevista għal applikant li ppreżenta l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 14 ).

61.

Għaldaqstant, għalkemm id-dritt Awstrijak jipprovdi għal standards iktar favorevoli għal applikazzjonijiet sussegwenti bbażati fuq “nova producta” minn dawk previsti fid-Direttiva 2013/32 għal applikazzjonijiet sussegwenti, din id-direttiva għalhekk ma tipprekludix tali regoli, sa fejn dawn, fir-rigward tal-applikazzjonijiet sussegwenti bbażati fuq “nova reperta”, (ukoll) josservaw ir-rekwiżiti (minimi) li jirriżultaw mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32.

62.

Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak speċifika f’dan ir-rigward, fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li meta applikazzjoni sussegwenti tiġi eżaminata fil-mertu fil-qafas ta’ ftuħ mill-ġdid, id-deċiżjoni amministrattiva li temmet il-proċedura jew deċiżjoni kontenzjuża korrispondenti hija mingħajr effett, il-proċedura terġa’ tinfetaħ fl-istadju qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja u terġa’ tiżvolġi, b’mod li l-argumenti l-ġodda jkunu s-suġġett ta’ eżami sħiħ fil-mertu. Għalhekk ma jkun hemm l-ebda differenza skont jekk l-elementi jew il-fatti l-ġodda jkunux diġà ġew invokati qabel it-tmiem tal-ewwel proċedura jew wara din id-data biss. Il-garanziji u l-prinċipji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32 jiġu rrispettati għalkollox kemm fit-(tieni) proċedura l-ġdida kif ukoll fl-(ewwel) proċedura miftuħa mill-ġdid.

63.

Fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ din ir-risposta, b’hekk jidher li l-ftuħ mill-ġdid previst fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG jikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

2. Fuq l-eżami tal-ammissibbiltà

64.

Id-Direttiva 2013/32 tistabbilixxi b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà li l-Istati Membri huma awtorizzati jistabbilixxu għal applikazzjoni sussegwenti ( 15 ). Dawn il-kundizzjonijiet huma dawk li kkwotajt fil-punti 38 sa 39 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet u li huma previsti fl-Artikolu 40(2) sa (4), moqri flimkien mal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva. Mal-imsemmija kundizzjonijiet għandu jiżdied l-Artikolu 42(2) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi għal regoli proċedurali li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu meta jeżaminaw l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni sussegwenti.

65.

Kif spjegat fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà taħt id-dritt Awstrijak huma stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) u l-paragrafu (2) tal-AVG. Il-punt 2 ta’ dan l-Artikolu 69(1) jiddikjara li proċedura magħluqa għandha terġa’ tinfetaħ meta joħorġu fatti jew provi ġodda li, mingħajr ebda ħtija tal-persuna kkonċernata, ma setgħux jiġu invokati matul il-proċedura preċedenti u li, ikkunsidrati b’mod iżolat jew flimkien mar-riżultati l-oħra ta’ din il-proċedura, probabbilment kienu jwasslu għal deċiżjoni b’dispożittiv differenti. Bis-saħħa tal-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu, applikazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid għandha ssir f’terminu ta’ ġimagħtejn minn meta l-applikant isir konxju tar-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid u wara perijodu ta’ tliet snin li jgħoddu mill-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva definittiva, applikazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid ma tistax tiġi ppreżentata iktar.

66.

Id-dispożizzjoni Awstrijaka kkonċernata għalhekk fiha, essenzjalment, tliet kundizzjonijiet: (i) il-kundizzjoni tal-probabbiltà ta’ modifika tar-riżultat tal-ewwel proċedura magħluqa wara li jitqiesu dawn l-elementi jew fatti ġodda, (ii) l-assenza ta’ kwalunkwe ħtija min-naħa tal-applikant, u iii) it-termini ta’ dekadenza.

67.

Fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ kundizzjonijiet bħal dawn mad-Direttiva 2013/32, l-ewwel tnejn jidhru li huma tabilħaqq kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva.

68.

B’hekk, l-ewwel kundizzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali tidher li tikkorrispondi ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri li l-elementi jew il-fatti l-ġodda jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitlob status ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali, tidher li din tikkorrispondi mal-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni jitkompla biss jekk l-applikant ikkonċernat kien, mingħajr ebda ħtija tiegħu stess, fl-inkapaċità li jsostni, matul il-proċedura preċedenti, l-elementi jew il-fatti l-ġodda ( 16 ).

69.

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 69 tal-AVG, jiġifieri t-termini ta’ dekadenza, din hija madankollu s-suġġett ta’ dubji, u dan fid-dawl tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32, iktar milli fid-dawl tal-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva.

70.

Fil-fatt, bħala prinċipju, it-termini ta’ dekadenza jistgħu jitqiesu kemm bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, li l-kompatibbiltà tagħhom għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 40, kif ukoll bħala regola proċedurali, li għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 li jipprovdi regoli ta’ proċedura li l-Istati Membri huma awtorizzati li jistabbilixxu matul ir-reviżjoni tal-ammissibbiltà.

71.

Fil-fehma tiegħi, il-punt tat-tluq għall-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni huwa l-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija ċara peress li tipprovdi għal kundizzjonijiet eżawrjenti ta’ ammissibbiltà ( 17 ) u ma fiha l-ebda kundizzjoni dwar l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza. Għalhekk jidher, primae facie, li t-tielet kundizzjoni stabbilita fid-dritt Awstrijak tmur kontra d-Direttiva 2013/32.

72.

Madankollu, għandha tiġi eżaminata wkoll din it-tielet kundizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni fil-fatt tawtorizzax lill-Istati Membri jistabbilixxu termini ta’ dekadenza, kif jallegaw, essenzjalment, il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż.

73.

L-ewwel nett, nammetti li, b’qari letterali, l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 jista’ jimplika li jippermetti l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza.

74.

Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, regoli dwar l-eżami preliminari mwettaq skont l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 u jsemmi, b’mod mhux eżawrjenti, żewġ eżempji ta’ regoli li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu f’dan ir-rigward ( 18 ). Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 42(2) ta’ din id-direttiva jiddikjara li l-Istati Membri ma għandhomx jagħmluha impossibbli għall-applikant li jibda proċedura ġdida u lanqas jiċħduh aċċess de facto jew joħolqu ostakli sostanzjali f’dan l-aċċess. Il-kliem tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 għalhekk iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri għat-twaqqif ta’ regoli ta’ proċedura ( 19 ).

75.

Wara li dan ġie ppreċiżat, jiena ninnota, madankollu, li, kif ġustament tindika l-Kummissjoni, il-ġenesi tal‑Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 – u l-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni meta mqabbla mad-direttiva preċedenti – b’mod ċar tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħmlu l-ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet sussegwenti suġġetta għal konformità ma’ terminu.

76.

Fil-fatt, tali possibbiltà kienet prevista mid-dispożizzjoni li tippreċedi l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri l-Artikolu 34(2)(b) tad-Direttiva 2005/85. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar għalhekk awtorizzat b’mod espliċitu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu terminu għall-preżentazzjoni tal-fatti jew elementi ġodda, li jgħodd mill-mument meta l-applikant ikun kiseb din l-informazzjoni. Issa, l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx ġiet inkluża fl-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 u, meta għamel dan, il-leġiżlatur xtaq ineħħi din il-possibbiltà. Dan jirriżulta b’mod ċar mix-xogħol preparatorju fid-Direttiva 2013/32.

77.

Minn naħa, jidher ċar minn dokument anness mal-proposta inizjali tad-Direttiva 2013/32, li fih il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet tagħha għall-emenda kkonċernata, li d-dispożizzjoni preċedenti li tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza, jiġifieri l-Artikolu 34(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, kellha titneħħa biex tiġi evitata tensjoni possibbli mal-prinċipju tan-non-refoulement ( 20 ).

78.

Min-naħa l-oħra, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni – matul in-negozjati leġiżlattivi tad-Direttiva 2013/32 – ċaħad b’mod espliċitu l-introduzzjoni ta’ possibbiltà bħal din f’din id-direttiva. Fil-fatt, id-delegazzjoni Ġermaniża, Franċiża u tar-Renju Unit tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea pproponew li jinkludu possibbiltà bħal din għar-raġuni li dan kien jippermetti li applikazzjonijiet sussegwenti abbużivi jiġu missielta aħjar ( 21 ). Issa, din il-proposta ma wasslitx għal emenda tad-dispożizzjoni kif proposta mill-Kummissjoni.

79.

Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni li toħroġ mill-ġenesi tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 hija wkoll ikkorroborata mill-kuntest li fih tidħol dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kif spjegat fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 40, moqri flimkien mal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva huwa diġà konformi mal-imsemmija interpretazzjoni, u jiswa wkoll anki għall-Artikolu 41(1) ta’ din id-direttiva.

80.

B’hekk, kif spjegat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2013/32 ikopri sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dritt tal-applikant li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti. F’dan ir-rigward, jirriżulta essenzjalment mill-Artikolu 41(1) moqri flimkien mal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, li, anki jekk hemm ir-riskju li ssir applikazzjoni sussegwenti għal raġunijiet abbużivi, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mid-dritt tal-applikant li jibqa’ fit-territorju tagħhom biss jekk dan ma jwassalx għal refoulement dirett jew indirett. Jidhirli raġonevoli li wieħed jiddeduċi minn dan li, bis-saħħa tal-Artikolu 42(2) tal-imsemmija direttiva, is-sempliċi fatt li applikazzjoni sussegwenti ma ġietx ippreżentata f’terminu partikolari ma jistax, a fortiori, jiġġustifika r-rifjut ta’ din l-applikazzjoni fid-dawl tar-riskju ta’ ksur ta’ dan l-istess prinċipju ta’ non-refoulement.

81.

Għalhekk, anki jekk ikun mixtieq li l-projbizzjoni fuq l-iffissar ta’ terminu ta’ dekadenza toħroġ b’mod iktar ċar mid-Direttiva 2013/32, ma jistax jiġi sostnut li huma l-Istati Membri li għandhom jintroduċu dawn l-iskadenzi. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel għażla intenzjonata meta kkunsidra li l-użu ta’ dawn it-termini x’aktarx iqiegħed fid-dubju l-prinċipju ta’ non-refoulement, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali f’din id-direttiva ( 22 ), u li dan il-prinċipju fundamentali kellu jieħu preċedenza minħabba dan ir-riskju.

82.

Minn dan isegwi li huwa meħtieġ li l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat, moqri flimkien mal-Artikolu 40(2) sa (4) u l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, fis-sens li jipprojbixxi l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza bħala tali. Għalhekk, dawn it-termini ma għandhomx jiġu applikati. Fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni sussegwenti magħmula minn XY ma kinitx ġiet, madankollu, miċħuda fid-dawl tal-imsemmija termini, iżda għar-raġuni unika tar-res judicata.

83.

Bis-saħħa ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari hija li l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikjedix proċedura speċifika għall-eżami fil-mertu ta’ applikazzjonijiet sussegwenti, sakemm il-proċedura nazzjonali, inkluż il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni, tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, u hija l-qorti tar-rinviju, fil-qafas tal-kawża prinċipali, li għandha tivverifika dan. Barra minn hekk, l-Artikolu 42(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 40(2) sa (4) u l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din l-istess direttiva għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li jipprekludi l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza.

D.   Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 (it-tielet domanda preliminari)

84.

Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li nagħti għat-tieni domanda preliminari, jidhirli li mhux meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

85.

Fil-fatt, din l-aħħar domanda titqajjem fl-ipoteżi li jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda li l-ftuħ mill-ġdid previst taħt id-dritt Awstrijak ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/32, b’tali mod li jkun xieraq li jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet sussegwenti kollha magħmula fl-Awstrija fil-qafas ta’ proċedura ġdida amministrattiva. Issa, kif spjegajt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ftuħ mill-ġdid huwa possibbli u, għaldaqstant, ma nikkunsidrax li t-tieni domanda preliminari għandha tingħata risposta f’dan is-sens ( 23 ).

86.

Għalhekk huwa biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju ma tikkonfermax l-ipoteżi tiegħi dwar id-dritt Awstrijak fuq dan il-punt, jew fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-interpretazzjoni tiegħi tad-Direttiva 2013/32, li se nirrispondi t-tielet domanda preliminari.

87.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta jkun minħabba l-ħtija tiegħu li dak li qiegħed ifittex ażil ma jkunx diġà ppreżenta r-raġunijiet invokati ġodda fil-proċedura ta’ ażil preċedenti, l-amministrazzjoni tistax tirrifjuta li teżamina l-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tinkorpora prinċipju ġeneralment validu fil-proċedura amministrattiva anki jekk, minħabba n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali, l-Istat Membru ma ttrasponiex b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 u għalhekk ma għamilx użu espliċitu mill-possibbiltà – li ngħatatlu mill-Artikolu 40(4) ta’ din id-direttiva – li ma jkomplix l-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni sussegwenti.

88.

Il-kuntest li fih tidħol din id-domanda, kif nifhimha jien, huwa kif ġej: kif spjegajt f’dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti lill-Istati Membri jinkorporaw fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjoni li tipprovdi li l-applikazzjoni sussegwenti tkun ammissibbli biss jekk l-applikant kien, mingħajr ħtija tiegħu, fl-impossibbiltà li jsostni, matul il-proċedura preċedenti, l-elementi u l-fatti l-ġodda fis-sens tal-paragrafi 2 u 3 ta’ din id-dispożizzjoni.

89.

Skont id-dritt Awstrijak, tali kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija hija stabbilita fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG. Din id-dispożizzjoni, madankollu, ma tapplikax għal proċedura amministrattiva ġdida, peress li tapplika biss għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri li diġà ngħalqu definittivament.

90.

Fuq il-bażi tal-ipoteżi msemmija fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li skont din, applikazzjoni sussegwenti bbażata fuq “nova reperta” għandha tiġi eżaminata fil-qafas ta’ proċedura ġdida amministrattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-impossibbiltà li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ħtija fil-qafas ta’ proċedura ġdida bħal din. Fil-fatt, tali impossibbiltà jkollha l-konsegwenza li applikazzjoni sussegwenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikollha wkoll titqies ammissibbli u tkun is-suġġett ta’ eżami fil-mertu meta l-applikant kien jaħti meta ma invokax waqt il-proċedura preċedenti l-elementi jew il-fatti ppreżentati ġodda. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju fil-fatt tidher li tikkunsidra li XY kien jaħti meta naqas milli jinvoka l-orjentazzjoni sesswali tiegħu matul il-proċeduri relatati mal-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

91.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ikunx possibbli li titqies ukoll il-verifika tal-eżistenza ta’ ħtija fl-eżami tal-ammissibbiltà ta’ talbiet sussegwenti bbażati fuq “nova reperta” fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva ġdida.

92.

Fil-fehma tiegħi, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

93.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, inqis li l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat bħala dispożizzjoni fakultattiva, b’mod li din tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali sabiex tkun tista’ tapplika l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija li hemm previst fiha.

94.

Għalhekk ma naqbilx mal-interpretazzjoni mressqa mill-Gvern Olandiż fuq dan il-punt. Dak il-gvern jargumenta li l-element ta’ assenza ta’ ħtija previst fl-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 jikkostitwixxi kundizzjoni inerenti fil-kunċett ta’ “elementi jew sejbiet ġodda” fis-sens tal-Artikolu 40(2) u (3) ta’ din id-direttiva, b’mod li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jkomplu jeżaminaw l-applikazzjoni biss jekk l-applikant ikkonċernat kien, mingħajr ebda ħtija tiegħu stess, fl-inkapaċità li jsostni dawn l-elementi jew fatti matul il-proċedura preċedenti. Skont l-imsemmi gvern, l-Artikolu 40(4) ta’ din id-direttiva huwa biss kjarifika ta’ dan il-punt u t-traspożizzjoni ta’ dan il-paragrafu għalhekk ma hijiex meħtieġa sabiex tapplika kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija. Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, il-Gvern Olandiż ressaq diversi argumenti bbażati, essenzjalment, minn naħa, fuq l-imsemmi Artikolu 40(4) u, min-naħa l-oħra, fuq l-obbligu tal-applikant li jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti.

95.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

96.

Fil-fatt, rigward, l-ewwel nett, l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32, ninnota li, filwaqt li hemm ċertament diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni, il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-verżjonijiet huma, madankollu fis-sens ta’ dispożizzjoni fakultattiva.

97.

Għalhekk, il-maġġoranza l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, jiġifieri għoxrin verżjoni, inkluża l-verżjoni bil-lingwa Franċiża ( 24 ), jipprovdu b’mod ċar u inekwivoku dispożizzjoni fakultattiva. Għalhekk, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tgħid li l-Istati Membri “peuvent prévoir” [jistgħu jipprovdu] għal kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija min-naħa tal-applikant, li tindika b’mod ċar li din hija fakultà.

98.

Fil-fatt, il-verżjoni bil-lingwa Ċeka biss tal-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 għandha portata kuntrarja, għaliex, f’din il-verżjoni, dan l-artikolu jipprovdi, essenzjalment, li l-Istati Membri ma jistgħux jiddeċiedu li jkomplu jeżaminaw l-applikazzjoni ħlief jekk l-applikant ikkonċernat ma jkollu ebda ħtija ( 25 ). Fir-rigward ta’żewġ verżjonijiet lingwistiċi dawn huma ambigwi, fis-sens li jistgħu jinftiehmu kemm bħall-verżjoni bil-lingwa Franċiża kif ukoll bħall-verżjoni bil-lingwa Ċeka ( 26 ).

99.

Fil-fehma tiegħi, anki jekk nassumu li l-verżjoni bil-lingwa Ċeka tal-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 ma hijiex sempliċement żball ta’ traduzzjoni, b’tali mod li interpretazzjoni purament letterali bbażata fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (kollha) ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax, fiha nnifisha, tkun definittiva, interpretazzjoni bbażata fuq elementi oħra ta’ interpretazzjoni ( 27 ) ma tikkorroborax, fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Olandiż.

100.

Fil-fatt, għandu jiġi nnutat li x-xogħol preparatorju għall-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 jidher li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni tabilħaqq kellu l-intenzjoni li jagħmel din id-dispożizzjoni fakultà ( 28 ).

101.

Il-fatt li d-Direttiva 2013/32 issegwi għan ġenerali ta’ għaġla ( 29 ) u li l-eżami tal-ammissibbiltà previst fl-Artikolu 33(2) moqri flimkien mal-Artikolu 40(2) u (4) tad-Direttiva 2013/32 jipprova jtaffi l-obbligu tal-Istat Membru li jeżamina applikazzjoni sussegwenti fil-mertu ( 30 ) ma jistax iwassal għal riżultat kuntrarju.

102.

Argumenti bbażati fuq l-obbligu tal-applikant li jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jiġu miċħuda. Dawn l-argumenti huma bbażati b’mod aktar preċiż fuq il-fatt li l-applikant, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2013/32, huwa taħt obbligu li jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jistabbilixxi l-elementi msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, inklużi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

103.

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut li dan l-obbligu jkun imċaħħad mit-tifsira tiegħu fil-każ li kull element li ma kienx ġie invokat fil-qafas tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – kemm jekk hemm ħtija jew inkella le min-naħa tal-applikant – iwassal biex l-eżami tal-applikazzjoni sussegwenti jitkompla. Minbarra l-fatt li tali interpretazzjoni ddgħajjef il-poter li l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 jagħti lill-Istati Membri, fi kwalunkwe każ ma huwiex minnu li l-obbligu ta’ kooperazzjoni jkun imċaħħad mit-tifsira tiegħu, sakemm ma tiġix applikata l-kundizzjoni ta’ ħtija. Fil-fatt, id-Direttiva 2011/95 u d-Direttiva 2013/32 jipprovdu b’mod espliċitu għal diversi konsegwenzi li l-Istati Membri jistgħu jiġbdu min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ( 31 ), u madankollu ma jirriżultax f’obbligu għall-Istati Membri li jiddikjaraw l-applikazzjoni sussegwenti inammissibbli.

104.

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat bħala dispożizzjoni fakultattiva, b’tali mod li għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sabiex tkun tista’ tapplika kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija prevista fih.

105.

F’dan ir-rigward, jidher, fit-tieni lok, li fir-rigward ta’ proċeduri ġodda amministrattivi, il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ ħtija prevista fl-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

106.

Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li għalkemm it-traspożizzjoni ta’ direttiva ma teħtieġx neċessarjament l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda, huwa madankollu essenzjali li d-dritt nazzjonali inkwistjoni effettivament jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva, li s-sitwazzjoni ġuridika ġejja minn dan id-dritt tkun preċiża u ċara biżżejjed u li l-benefiċjarji ikunu kapaċi li jsiru jafu bil-firxa sħiħa tad-drittijiet tagħhom ( 32 ). Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’forza vinkolanti indiskutibbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali jintlaħaq ( 33 ).

107.

F’dan ir-rigward, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, inqis li l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 ma ġiex traspost fid-dritt Awstrijak b’mod li jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti għal proċeduri ġodda amministrattivi. Għalhekk, mill-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG ma jirriżultax li l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija li fih tapplika wkoll għall-eżami tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet sussegwenti fi proċeduri speċifiċi għajr għall-ftuħ mill-ġdid tal-ewwel proċedura magħluqa definittivament.

108.

Fit-tielet lok, u fuq kollox, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa eskluż li tiġi applikata għad-detriment ta’ individwu dispożizzjoni li ma ġietx trasposta kompletament fid-dritt nazzjonali ( 34 ). Issa, bħall-qorti tar-rinviju, inqis li din tkun preċiżament il-konsegwenza ta’ interpretazzjoni fejn il-kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija prevista fl-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 tiġi applikata fil-qafas ta’ proċedura ġdida amministrattiva, anki għalkemm id-dritt nazzjonali ma jipprovdix għaliha.

109.

Kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Ġermaniż, il-fatt li l-element ta’ ħtija previst fil-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG jistabbilixxi prinċipju li ġeneralment huwa validu fil-proċedura amministrattiva Awstrijaka, billi jesprimi aspett tal-prinċipju tar-res judicata, ma jistax iwassal għal riżultat oppost. Fil-fatt, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 jirregola dan il-prinċipju fil-qafas ta’ applikazzjonijiet sussegwenti, peress li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 40, li, fil-każ ta’ elementi jew fatti ġodda li diġà kienu jeżistu matul l-ewwel proċedura u li, minħabba ħtija attribwibbli lill-applikant, ma ġewx invokati fil-qafas tagħha, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ma jkoprix dawn l-elementi jew fatti ġodda ħlief jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi hekk.

110.

Bis-saħħa ta’ dak li ntqal qabel, l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija li jipprovdi għalih ma tistax tiġi applikata fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva, sakemm din il-kundizzjoni ma tkunx espliċitament prevista fid-dritt nazzjonali u tissodisfa r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, li jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

V. Konklużjoni

111.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari li għamlet il- Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti amministrattiva, l-Awstrija) kif ġej:

1)

Il-kunċett ta’ “elementi jew sejbiet ġodda[li] instabu, jew ġew ippreżentati mill-applikant” li jidher fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll elementi jew fatti li kienu jeżistu diġà qabel l-għeluq finali tal-proċeduri relatati ma’ applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali, iżda li ma kinux ġew invokati mill-applikant fil-qafas tagħha.

2)

L-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżami fil-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti ma teħtieġx proċedura speċifika, sakemm il-proċedura nazzjonali tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 42(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 40(2) sa (4) u l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat f’dan is-sens li jipprojbixxi l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza bħala tali.

3)

L-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija li jipprovdi ma tistax tiġi applikata fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva, sakemm din il-kundizzjoni ma tkunx prevista fid-dritt nazzjonali b’mod espliċitu u tissodisfa r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-fattispeċi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 3 ) Kif spjegat fil-punt 26 u fin-nota f’qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet, applikazzjoni sussegwenti hija applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali magħmula wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali.

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168), imħassra bl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32.

( 6 ) XY appella mis-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Federali Amministrattiva) tas‑27 ta’ Lulju 2018 quddiem il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija). Din tal-aħħar irrifjutat, b’digriet tal‑25 ta’ Settembru 2018, li tilqa’ l-appell u, b’digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2018, wara applikazzjoni sussegwenti, huwa ċeda lill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) il-kompetenza li tiddeċiedi dwar ir-rikors. L-ebda appell ta’ “Reviżjoni” minn din is-sentenza ma ġie rreġistrat fil-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva).

( 7 ) Ara l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” bħala “applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1)”. Il-kunċett ta’ “deċiżjoni finali”, li jidher f’din id-definizzjoni, huwa ddefinit fl-Artikolu 2(e) bħala kull “deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-Direttiva [2011/95] u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati sal-eżitu tagħha”.

( 8 ) Il-Gvern Awstrijak ippreċiża li l-leġiżlatur Awstrijak kien ikkunsidra li ma kienx meħtieġ li jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, peress li r-regoli Awstrijaċi relatati mal-proċeduri amministrattivi pprovdew għal miżuri li jagħmluha possibbli li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32.

( 9 ) Skont il-qorti tar-rinviju, fi proċeduri quddiem qrati amministrattivi, l-Artikolu 68(1) tal-AVG japplika b’analoġija, filwaqt li dispożizzjoni simili għall-punt 2 tal-Artikolu 69(1) u (2) tal-AVG hija prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 32(1) u (2) tal-VwGVG, iċċitat fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fl-analiżi li ġejja, nirreferi biss, għal raġunijiet ta’ ċarezza, għad-dispożizzjonijiet tal-AVG.

( 10 ) Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex ikunu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt kif ukoll ir-relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru finali wara l-eżawriment tar-rimedji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti għal dawn ir-rimedji ma jistgħux jibqgħu jiġu mpoġġija fid-dubju (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 52)).

( 11 ) Id-domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, ma tirreferi għall-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li l-qorti tar-rinviju għandha mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32.

( 12 ) Kif ser nispjega, għal dan l-aħħar eżami, hija evalwazzjoni tal-kompatibbiltà, minn naħa, mal-Artikolu 40(2) sa (4), moqri flimkien mal-Artikolu 33(2)(d), tad-Direttiva 2013/32, u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 42(2) ta’ din id-direttiva. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, sabiex tipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju, tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma rreferietx għalihom kif espress fid-domanda tagħha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Bagli Pennacchiotti (C‑315/88, EU:C:1990:139, punt 10); tat‑8 ta’ Novembru 2007, ING. AUER (C‑251/06, EU:C:2007:658, punt 38); u s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X (C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 39).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 29).

( 14 ) B’hekk, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32, applikant li jkun issottometta l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa, bħala prinċipju, awtorizzat li jibqa’ fl-Istat Membru sakemm l-awtorità responsabbli tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, fil-każ ta’ applikant li ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sussegwenti, l-Artikolu 41(1), moqri flimkien ma’ l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri, taħt il-kundizzjonijiet li jistabbilixxi, li jidderogaw minn dik ir-regola prevista fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32.

( 15 ) Dan il-punt isegwi, essenzjalment, mill-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, fejn huwa previst li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni sussegwenti inammissibbli biss fis-sitwazzjoni msemmija f’dik id-dispożizzjoni, li għalhekk għandha tinqara flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 40(2) sa (4) ta’ dik id-direttiva. Ara, f’dan l-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-Kawża LH (Éléments ou faits nouveaux) (C‑921/19, EU:C:2021:117, punt 33).

( 16 ) Kif ser nispjega fil-punti 93 sa 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 jikkostitwixxi dispożizzjoni fakultattiva, b’mod li dan għandu jiġi traspost fid-dritt nazzjonali sabiex ikun jista’ japplika l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ ħtija prevista fih. F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni ta’ tali dispożizzjoni ta’ direttiva ma teħtieġx neċessarjament l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda, sa fejn id-dritt nazzjonali diġà fih regola li tikkorrispondi ma’ tali dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1995, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑365/93, EU:C:1995:76, punt 9 u ġurisprudenza ċċitata)), li huwa l-każ f’din il-kawża skont il-Gvern Awstrijak (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 17 ) Ara l-punt 64 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Skond l-Artikolu 42(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-applikant ikkonċernat jiddikjara l-fatti u jipproduċi provi li jiġġustifikaw proċedura ġdida. Skont il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li jsir l-eżami preliminari billi jillimitaw dan l-eżami għal osservazzjonijiet bil-miktub biss ippreżentati barra mill-qafas ta’ intervista personali, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 2013/32.

( 19 ) Madankollu, kuntrarjament għal dak li essenzjalment jallega l-Gvern Ġermaniż, ma nikkunsidrax li l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 jesprimi l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, b’mod li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li jitħalla f’idejn l-Istati Membri, f’isem l-awtonomija proċedurali tagħhom, biex jiffissaw termini ta’ dekadenza, bla ħsara għall-konformità mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fil-fatt, filwaqt li huwa veru li l-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 42(2) ta’ din id-direttiva jista’ jixbah dak tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, din id-dispożizzjoni madankollu tidħol f’kuntest differenti: dan il-prinċipju għalhekk japplika fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet ġudizzjarji maħsuba biex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 47)), filwaqt li l-Artikolu 42(2) ta’ din id-direttiva tirrigwarda stadju ferm iktar bikri, jiġifieri l-eżami (preliminari) ta’applikazzjoni sussegwenti mill-awtorità amministrattiva kompetenti.

( 20 ) Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Kunsill, pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb tal-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ direttiva dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, tat-23 ta’ Ottubru 2009, 14959/09 ADD 1, ASILE 82, CODEC 1231, fajl interistituzzjonali 2009/0164 (COD). Fil-proposta inizjali għad-Direttiva 2013/32, il-kontenut tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2013/32 kien previst fl-Artikolu 36. Dwar din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jirriżulta mill-anness imsemmi hawn fuq li “[t]wo changes are proposed with regard to the procedural rules applicable in a preliminary examination procedure. Firstly, the optional provision allowing Member States to require submission of the new information within a time limit is deleted to avoid possible tension with the principle of non-refoulement […]” Kif qed nifhem dan il-punt, sa fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jintalab l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali previsti fid-Direttiva 2011/95 huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ non-refoulement (ara l-premessa 3 u Artikolu 21 ta’ din id-direttiva), il-Kummissjoni xtaqet tevita s-sitwazzjoni fejn applikazzjoni sussegwenti tiġi miċħuda għar-raġuni biss li ma kinitx ġiet sottomessa skont it-terminu partikolari, meta setgħet tabilħaqq tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jintalab l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali prevista fid-Direttiva 2011/95.

( 21 ) Kontribuzzjoni konġunta tad-delegazzjonijiet Ġermaniżi, Franċiżi u tar-Renju Unit dwar il-proposti għal direttiva li tistabbilixxi standards għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil u proċeduri ta’ ażil, tas-27 ta’ Ġunju 2011, 12168/11, ASILE 54. Fil-punt II.2 ta’ din il-kontribuzzjoni, dawn id-delegazzjonijiet esprimew tħassib dwar il-problema ta’ applikazzjonijiet sussegwenti abbużivi. Għal dan il-għan, huma jsostnu li d-Direttiva 2013/32 għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jagħtu “lill-Istati Membri l-mezzi biex jirrispondu aħjar u aktar malajr għall-abbużi proċedurali marbuta ma’ applikazzjonijiet ta’ eżami mill-ġdid abbużivi, pereżempju billi jippermettu li jiġi stabbilit terminu għall-applikanti għall-ażil għall-preżentazzjoni ta’ elementi ġodda”.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 3 tad-Direttiva 2013/32.

( 23 ) Ċertament, inqis li l-Artikolu 42(2), moqri flimkien mal-Artikolu 40(2) sa (4) u l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludi t-termini ta’ dekadenza previsti fid-dritt Awstrijak. Madankollu, kif indikat fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt Awstrijak jista’ jinġieb f’konformità mad-Direttiva 2013/32 billi dawn it-termini ma jiġux applikati.

( 24 ) Dawn huma fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Bulgara, Ċeka u Taljana.

( 25 ) Din id-dispożizzjoni tipprovdi fil-lingwa Ċeka “Členské státy mohou rozhodnout o dalším posuzování žádosti, pouze pokud dotyčný žadatel nemohl v předchozím řízení bez vlastního zavinění uvést skutečnosti uvedené v odstavcích 2 a 3 tohoto článku […]”.

( 26 ) Dawn huma l-verżjoni Bulgara (“Държавите-членки могат да предвидят разглеждането на молбата да продължи само при условие че съответният кандидат не е имал възможност, без да има вина за това, да представи ситуациите, изложени в параграфи 2 и 3 от настоящия член, в предходната процедура […]”) u bil-lingwa Taljana (“Gli Stati membri possono stabilire che la domanda sia sottoposta a ulteriore esame solo se il richiedente, senza alcuna colpa, non è riuscito a far valere, nel procedimento precedente, la situazione esposta nei paragrafi 2 e 3 del presente articolo, in particolare esercitando […]).

( 27 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra. Approċċ bħal dan ikun tassew inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark (C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Fil-każ ta’ disparità bejn il-varjanti lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-iskop tar-regolamenti li tikkostitwixxi komponent tagħhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark (C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Għalhekk, fil-proposta inizjali għad-Direttiva 2013/32, l-Artikolu 35(6), li jikkorrispondi mal-Artikolu 40(4), fil-verżjoni adottata, kien fil-fatt ifformulat fis-sens propost mill-Gvern Olandiż (Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, COM(2009) 554 finali). Matul in-negozjati tad-Direttiva 2013/32, madankollu, il-Parlament ippropona li din id-dispożizzjoni titħassar kompletament għar-raġuni li “[l]-Istati Membri m’għandhomx jirrifjutaw b’mod sistematiku li jeżaminaw applikazzjoni sussegwenti bl-iskuża li l-applikant seta’ jressaq l-elementi jew il-fatti l-ġodda matul il-proċedura preċedenti jew l-appell relatat. Rifjut awtomatiku ta’ dan it-tip jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju tan-‘non-refoulement’” (ara l-ġustifikazzjoni għall-emenda 88 fir-rapport tal-Parlament tal‑24 ta’ Marzu 2011 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi rigward il-proċedura għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stati Membri (A7-0085/2011)). Sussegwentement, il-Kunsill, fil-pożizzjoni komuni tiegħu, emenda l-kliem oriġinali tal-Artikolu 40(4) għall-verżjoni li ġiet finalment adottata (Pożizzjoni (UE) Nru 7/2013 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali adottata fis-6 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, C 179 E, p. 27)). Sa fejn naf jien, l-ebda spjegazzjoni speċifika għal din il-bidla ma toħroġ mix-xogħol preparatorju. Madankollu, fid-dawl tat-tħassib espress mill-Parlament dwar il-prinċipju ta’ non-refoulement, jidher raġonevoli li wieħed jiddeduċi li kienet din ir-raġuni li ġġustifikat l-emenda fil-kliem tal-Artikolu 40(4) li fuqha mbagħad qablu l-Kummissjoni u l-Parlament.

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 100).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Għalhekk, ninnota, minn naħa, li skont l-Artikolu 28(1)(a) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu jippreżumu li l-applikant impliċitament irtira l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jew impliċitament irrinunzja għaliha, meta jiġi stabbilit li ma rrispondiex għal talbiet li stiednuh jipprovdi informazzjoni essenzjali fl-applikazzjoni tiegħu, fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(3) ta’ din l-aħħar direttiva, il-fatt li elementi partikolari ma kinux ġew invokati qabel jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi kkunsidrat matul l-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

( 32 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 1995, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑365/93, EU:C:1995:76, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑277/13, EU:C:2014:2208, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top