EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0277

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 96/67/KE – Artikolu 11 – Trasport bl-ajru – Servizz ta’ groundhandling – Għażla tal-fornituri.
Kawża C‑277/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2208

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 96/67/KE — Artikolu 11 — Trasport bl-ajru — Servizz ta’ groundhandling — Għażla tal-fornituri”

Fil-Kawża C‑277/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2013,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Guerra e Andrade u F.W. Bulst, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, T. Falcão u V. Moura Ramos, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, M. Berger, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2014,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża għandha tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, li billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiġi organizzata proċedura ta’ għażla tal-fornituri awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi ta’ groundhandling għall-kategoriji “bagolli”, “maniġġar tar-rampa” u“merkanzija u posta” fl-ajruporti ta’ Lisbona, ta’ Porto u ta’ Faro, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE, tal-15 ta’ Ottubru 1996, dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 496), ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dan l-Artikolu 11.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessa 5 tad-Direttiva 96/67 tipprovdi:

“Billi l-ftuħ ta’ l-aċċess għall-groundhandling għandu jgħin biex inaqqas l-ispejjeż tat-tħaddim tal-kumpaniji ta’ l-ajru u jtejjeb il-kwalità tas-servizz provdut għal dawk li jużaw l-ajruport”.

3

Din id-direttiva tiddikjara fil-premessa 16 tagħha:

“[...] jekk kompetizzjoni effettiva u ġusta għandha tinżamm fejn in-numru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ground-handling huwa limitat, huwa meħtieġ li dan ta’ l-aħħar jintagħżel skond proċedura trasparenti u imparzjali; [...] dawk li jużaw l-ajruport għandhom ikunu konsultati meta jiġu biex jintagħżlu l-fornituri ta’ servizzi ta’ ground-handling, billi għandhom interess prinċipali fil-kwalità u l-prezz tas-servizzi ta’ groundhandling li jeħtieġu”.

4

L-Artikolu 2(e), tad-Direttiva 96/67 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “groundhandling”, jagħmel riferiment għall-anness ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-kategoriji ta’ servizzi inklużi f’dan il-kunċett. Skont l-imsemmi anness, fost is-servizzi ta’ groundhandling hemm inklużi s-servizzi li ġejjin:

“[...]

3.

Handling tal-bagolli [...]

[...]

4.

Handling tal-merkanzija u l-posta [...]

[...]

5.

Handling tar-rampa [...]

[...]”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skond l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 1 biex jiżguraw aċċess ħieles għall-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling għas-suq tal-provista ta’ servizzi ta’ groundhandling lill-partijiet terzi.

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta’ fornituri awtorizzati li jipprovdu l-kategoriji ta’ servizzi ta’ groundhandling li ġejjin:

maniġġar tal-bagolli,

maniġġar tar-rampa,

[…],

maniġġar ta’ merkanzija u posta fir-rigward tat-tmexxija fiżika tal-merkanzija u l-posta, sew dawk li jidħlu jew dawk li joħorġu, bejn it-terminal ta’ l-ajru u l-inġenju ta’ l-ajru.

M’għandhomx iżda, jillimitaw in-numru għal anqas minn tnejn għal kull kategorija ta’ servizz ta’ groundhandling.

3.   B’żieda, mill-1 ta’ Jannar 2001 ta’ l-anqas wieħed mill-fornituri awtorizzati ma jistax ikun direttament jew indirettament ikkontrollat minn:

korp li jmexxi l-ajruport,

xi wieħed minn dawk li juża l-ajruport li jkun ġarr aktar minn 25 % tal-passiġġieri jew merkanzija rekordjati fl-ajruport matul is-sena ta’ qabel li fiha dawk il-fornituri kienu magħżula,

korp li jikkontrolla jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn dak il-korp tat-tmexxija jew kull utent bħal dak.

Iżda mill-1 ta’ Lulju 2000, Stat Membru jista’ jitlob li l-obbligu ta’ dan il-paragrafu ikun differit sal-31 ta’ Diċembru 2002.

Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10, għandha teżamina dik it-talba u tista’, wara li tikkonsidra l-evoluzzjoni tas-settur u, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni fl-ajruporti paragunabbli skond il-volum ta’ traffiku u x-xejra, tiddeċiedi li tilqa’ l-imsemmija talba.

4.   Fejn bis-saħħa tal-paragrafu 2 jirrestrinġu n-numru ta’ fornituri awtorizzati, l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu lil xi ħadd li juża l-ajruport, tkun liema tkun il-parti ta’ l-ajruport allokata lilu, milli jkollu, dwar kull kategorija ta’ servizz ta’ groundhandling suġġetta għar-restrizzjoni, l-għażla effettiva bejn ta’ l-anqas żewġ fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling, taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 u 3.”

6

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ l-għażla għall-fornituri awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ ground-handling f’ajruport fejn in-numru tagħhom huwa limitat fil-każijiet li għalihom jipprovdi l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 9. Din il-proċedura għandha tikkonforma mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

Fil-każijiet fejn l-Istati Membri jeħtieġu t-twaqqif ta’ kondizzjonijiet standard jew speċifikazzjonijiet tekniċi li jiġu osservati minn fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling, dawk il-kondizzjonijiet jew speċifikazzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ dawk li jużaw l-Ajruport. Il-kriterji ta’ l-għażla mniżżla fil-kondizzjonijiet standard jew speċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji;

[…]

(b)

Invit għall-offerta għandu joħroġ u jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li għalih kull fornitur interessat ta’ servizzi ta’ groundhandling jista’ jirrispondi;

(ċ)

Fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling għandhom jingħażlu:

(i)

wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ dawk li jużaw l-Ajruporti mill-korp li jmexxi l-ajruport, b’dan illi dan ta’ l-aħħar:

ma jipprovdix servizzi simili ta’ groundhandling;

u

ma jkollu ebda kontroll dirett jew indirett fuq xi impriża li tipprovdi dawk is-servizzi; u

ma jkollu ebda involviment f’xi impriża bħal dawk;

(ii)

fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li huma indipendenti mill-korp li jmexxi l-ajruport konċernat, u għandhom l-ewwel jikkonsultaw mal-Kumitat ta’ dawk li jużaw l-Ajruporti u dak il-korp li jmexxi;

(d)

Fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling għandhom jintgħażlu għall-perjodu massimu ta’ seba’ snin;

(e)

Fejn fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling iwaqqaf l-attività tiegħu qabel it-tmiem tal-perjodu li għalih ikun intgħażel, għandu jinbidel fuq il-bażi ta’ l-istess proċedura.

2.   Fejn in-numru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling huwa limitat skond l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 9, il-korp li jmexxi l-ajruport jista’ hu innifsu jipprovdi s-servizzi ta’ groundhandling mingħajr ma jkun suġġett għall-proċedura ta’ l-għażla mniżżla fil-paragrafu 1. Bl-istess mod, jista’ mingħajr ma jibgħatha għall-istess proċedura, jawtorizza impriża li tipprovdi servizzi ta’ groundhandling fl-ajruport konċernat:

jekk ikun jikkontrolla dik l-impriża direttament jew indirettament; jew

l-impriża tikkontrollah direttament jew indirettament.

3.   Il-korp li jmexxi l-ajruport għandu javża lill-Kumitat ta’ dawk li jużaw l-Ajruport bid-deċiżjonijiet meħuda taħt dan l-Artikolu.”

7

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 96/67, intitolat “Protezzjoni soċjali u ambjentali”, jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u r-rispett għall-ambjent.”

8

L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat, “Implimentazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn sena mid-data tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandhom javżaw minnufih b’dan lill-Kummissjoni.

[...]”

9

Għalhekk peress li din id-direttiva ġiet ippubblikata fil-25 ta’ Ottubru 1996, din kellha tiġi ttrasposta mhux iktar tard mill-25 ta’ Ottubru 1997.

Id-dritt Portugiż

10

Ir-Repubblika Portugiża ttrasponiet id-Direttiva 96/67 permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 275/99 tat-23 ta’ Lulju 1999. Il-preambolu ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi kif ġej:

“Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll in-neċessità li tiġi żgurata, safejn dan ikun possibbli, tranżizzjoni mingħajr skossi lejn sistema ġdida, filwaqt li tinżamm il-kontinwità tas-servizzi u jiġu protetti l-impjieg u d-drittijiet tal-ħaddiema tas-settur.”

11

L-Artikolu 27 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, intitolat “Għażla tal-fornituri”, jistabbilixxi:

“1.   F’każ ta’ limitazzjoni tan-numru ta’ fornituri previsti fl-Artikolu 22(2) u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 24(1), l-għażla tal-fornituri awtorizzati għandha ssir permezz ta’ sejħa għal offerti ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

[...]

7.   Il-fornituri jintgħażlu għal terminu minimu ta’ erba’ snin u għal terminu massimu ta’ seba’ snin.”

12

L-Artikolu 39 tal-istess digriet leġiżlattiv, intitolat “Sistema tranżitorja”, jistabbilixxi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-entitajiet li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, huma awtorizzati, mil-liġi jew mill-entità ta’ ġestjoni, li jipprattikaw is-self-handling jew li jipprovdu servizzi ta’ groundhandling f’ajrudrom huma awtomatikament awtorizzati li jużaw id-dominju pubbliku tal-ajruport fl-ajrudrom ikkonċernat, għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, sat-tmiem legali tal-awtorizzazzjoni eżistenti jew għal perijodu ta’ erba’ snin jekk l-awtorizzazzjoni eżistenti ma jkollhiex data ta’ skadenza jew jekk din tkun tmur lil hinn minn erba’ snin.

[...]

2.   F’terminu ta’ sena mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi, l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiksbu liċenzja għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom, b’mod konformi mal-Kapitolu II, taħt piena li jintilfu l-awtorizzazzjonijiet korrispondenti, jew jiksbu awtorizzazzjonijiet speċifiċi validi sa minn dik id-data.”

Il-proċedura prekontenzjuża

13

Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, l-operaturi ta’ servizzi ta’ handling ta’ “bagolli”, ta’ “merkanzija u posta” u ta’ “maniġġar tar-rampa” fil-Portugall huma Portway - Handling de Portugal, SA (iktar ’il quddiem “Portway”) u Serviços Portugueses de Handling, SA, magħrufa, sa mis-sena 2005, taħt l-isem tat-trade mark tagħha Groundforce Portugal (iktar ’il quddiem “Groundforce”).

14

Portway hija kumpannija li tappartjeni 100 % lil ANA, SA, li għandha bħala l-għan tagħha l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruporti, il-provvista ta’ servizzi tal-ajruporti ta’ Lisbona, ta’ Porto u ta’ Faro, skont kuntratt amministrattiv ta’ konċessjoni.

15

Groundforce hija kumpannija li 50.1 % tagħha jappartjeni lill-grupp Urbanos. Qabel ma nxtrat mill-kumpannija Groundforce, din il-kumpannija kienet tappartjeni lill-kumpannija Transportes Aéreos Portugueses (iktar ’il quddiem “TAP”). Matul is-sena 2003, il-leġiżlazzjoni Portugiża awtorizzat lil TAP sabiex tittrasferixxi maġġoranza ta’ azzjonijiet fil-kaptital ta’ Groundforce permezz ta’ sejħa għal offerti miftuħa u internazzjonali, indirizzata lil investituri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet. Billi ġiet magħżula bħala l-aħjar offerenti, Globalia, Corporación Empresarial SA (iktar ’il quddiem “Globalia”) akkwistat il-maġġoranza tal-azzjonijiet ta’ Groundforce matul is-sena tal-2004. Wara diversi tranżazzjonijiet, il-grupp Urbanos akkwista l-imsemmija maġġoranza tal-azzjonijiet u żammhom sad-data preżenti.

16

Fil-25 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża li fiha hija allegat li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-Direttiva 96/67 peress li ma kienx organizza proċedura ta’ għażla tal-fornituri li joffru servizzi ta’ groundhandling skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva.

17

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2011, ir-Repubblika Portugiża rrispondiet billi kkontestat l-allegat nuqqas.

18

Fl-20 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Portugiża opinjoni motivata li permezz tagħha kkonfermat l-ilmenti tagħha. B’mod partikolari, matul il-perijodu ta’ bejn l-1999 u l-2003, l-imsemmi Stat implementa sistema tranżitorja ta’ awtorizzazzjoni awtomatika li ppermettiet lil Portway, ikkontrollata minn ANA, SA, l-entità ta’ ġestjoni tal-ajruport, u, fl-istess data, lil Groundforce, ikkontrollata minn TAP, it-trasportatur prinċipali Portugiż, sabiex ikomplu jfornu s-servizzi inkwistjoni. Matul is-sena 2004, wara sejħa għal offerti miftuħa u internazzjonali, Groundforce daħlet fil-grupp Globalia, filwaqt li żammet l-awtorizzazzjoni għall-provvista tas-servizzi ta’ groundhandling.

19

Ir-Repubblika Portugiża rrispondiet permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2011 u informat lill-Kummissjoni li kienu ġew imnedija żewġ sejħiet għal offerti, waħda għall-ajruport ta’ Faro u l-oħra għall-ajruporti ta’ Lisbona u ta’ Porto. Hija kkunsidrat li dawn iż-żewġ sejħiet għal offerti kienu miftuħa, rispettivament, sal-aħħar tax-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2011. Fir-rigward tal-kumitati tal-utenti kkonċernati, dawn tal-aħħar ġew informati bil-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti, iżda l-ittra mibgħuta lill-kumitat tal-utenti tal-ajruport ta’ Faro ġiet lura.

20

Fit-22 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Portugiża opinjoni motivata addizzjonali li fiha hija enfasizzat li dan l-Istat Membru ma kienx għażel il-fornituri l-ġodda, iżda kien irrikorra, permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 19/2012, tas-27 ta’ Jannar 2012, għal sistema eċċezzjonali b’effett retroattiv mill-31 ta’ Diċembru 2011, sabiex jestendi l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess ta’ Groundforce sal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet il-ġodda. Bl-istess mod, il-Kummissjoni osservat li, minkejja l-indikazzjonijiet tad-dati tal-ftuħ u l-analiżi tal-offerti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling, ir-Repubblika Portugiża informat li ma kienx possibbli li tiġi ddeterminata d-data eżatta tal-għeluq tas-sejħiet għal offerti. Fir-rigward tal-kumitati tal-utenti, hija żiedet li l-konsultazzjonijiet dwar l-għażla tal-fornituri ma sarux.

21

Fit-3 ta’ Ottubru 2012, ir-Repubblika Portugiża rrispondiet li hija tikkunsidra s-sistema tranżitorja bħala neċessarja għaż-żamma tal-kontinwità tas-servizzi, kif ukoll għall-protezzjoni tal-impjieg u d-drittijiet tal-ħaddiema fuq is-suq. Skont dan l-Istat Membru, l-awtorizzazzjoni awtomatika kienet maħsuba sabiex tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-entitajiet li kienu diġà jeżerċitaw attivitajiet ta’ groundhandling fl-ajruporti kkonċernati.

22

Fir-rigward tas-sejħiet għal offerti kurrenti, ir-Repubblika Portugiża enfasizzat li l-bord tal-għażla kien, fix-xahar ta’ Ottubru 2012, fil-fażi ta’ eżami tal-offerti iżda li l-proċess ta’ eżami ta’ dawn l-offerti kien ta’ kumplessità partikolari. Skont dan l-Istat Membru, ma kienx possibbli għall-bord tal-għażla li jlesti r-rapport preliminari ta’ eżami tal-offerti. Madankollu, dan esprima l-intenzjoni tiegħu li jkompli bil-konsultazzjonijiet mal-kumitati tal-utenti qabel l-għażla tal-fornituri tas-servizzi ta’ groundhandling.

23

Peress li ma kinitx issodisfatta bir-risposti pprovduti mir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

24

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-Repubblika Portugiża qajmet, għall-ewwel darba matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors billi sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx tatha istruzzjonijiet preċiżi li kienu jippermettulha tittrasponi d-Direttiva 96/67 b’mod korrett.

25

Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Portugiża, wara li llimitat l-aċċess għal ċerti kategoriji ta’ servizzi ta’ groundhandling għal żewġ fornituri — li wieħed minnhom, Portway, ma kienx ikkonċernat mill-proċedura ta’ għażla minħabba l-fatt li kien ikkontrollat 100 % mill-entità ta’ ġestjoni tal-ajruporti ta’ Lisbona, ta’ Porto u ta’ Faro — ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex torganizza proċedura ta’ għażla tat-tieni fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling għall-imsemmija ajruporti, b’mod konformi mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/67.

26

Il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistema tranżitorja, implementata mir-Repubblika Portugiża permezz tal-Artikolu 39 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 275/99, kienet iżżomm awtomatikament l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Groundforce sabiex tipprovdi servizzi ta’ groundhandling. Matul dan il-perijodu, dan l-Istat Membru ma organizzax proċedura ta’ għażla ta’ fornituri oħra. Mir-ristrutturazzjoni u ċ-ċessjoni tal-azzjonijiet ta’ Groundforce minn TAP lil Globalia, matul is-sena 2004, Groundforce żammet din l-awtorizzazzjoni.

27

Fir-rigward tas-sejħa għal offerti miftuħa u internazzjonali li tikkonċerna l-imsemmija ċessjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fornituri tas-servizzi ta’ groundhandling ma setgħux jiksbu l-awtorizzazzjoni mingħajr l-akkwist tal-azzjonijiet ta’ Groundforce. Minn dan isegwi, skont din l-istituzzjoni, li din is-sejħa għal offerti ma kinitx proċedura ta’ għażla ta’ fornituri, iżda proċedura ta’ għażla ta’ investituri. Fi kwalunkwe każ, din il-proċedura ma kinitx konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67. B’mod partikolari, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija ma kinux limitati għal perijodu massimu ta’ sitt snin. Bl-istess mod, il-kumitati tal-utenti tal-ajruporti kkonċernati ma kinux ġew ikkonsultati.

28

Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li r-Repubblika Portugiża organizzat, matul is-sena 2011, tliet proċeduri ġodda bil-għan li jintgħażel it-tieni fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling, tenfasizza li dawn tal-aħħar qatt ma ġew konklużi. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni Portugiża implementat, matul is-sena 2012, sistema eċċezzjonali b’effett retroattiv, introdotta permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 19/2012, sabiex tiġi estiża l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Groundforce.

29

Ir-Repubblika Portugiża ttenni li peress li d-Direttiva 96/67 ma tindirizzax il-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ sistema tranżitorja, l-introduzzjoni ta’ din is-sistema ma kinitx tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Din is-sistema ngħatat bil-għan li jiġi ppreservati d-drittijiet tal-entitajiet li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 275/99, kienu awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ groundhandling għal ċerti kategoriji ta’ servizzi. Bl-istess mod, l-imsemmija sistema żgurat il-kontinwità tas-servizzi, ipproteġiet l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema, b’mod konformi mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Frar 1995 dwar l-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa, li fiha l-Parlament enfasizzat in-neċessità li jittieħed kont tal-impatt tal-aċċess għas-suq tal-groundhandling fuq l-impjieg u tas-sigurtà fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea.

30

Dan l-Istat Membru jżid li l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni ġew imġedda awtomatikament sat-terminu legali tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti jew għal perijodu ta’ erba’ snin jekk l-awtorizzazzjoni eżistenti ma kinitx akkumpanjata b’data ta’ skadenza jew jekk din tal-aħħar kienet tmur lil hinn mit-terminu ta’ erba’ snin.

31

Ir-Repubblika Portugiża ssostni li ċ-ċessjoni tal-azzjonijiet ta’ Groundforce kienet intiża sabiex tagħżel fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jidhru fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. Il-proċedura ġiet organizzata skont il-kriterji ta’ għażla rilevanti, oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67.

32

Iċ-ċessjoni tal-azzjonijiet kienet tippermetti, skont ir-Repubblika Portugiża, li jiġi evitat taqlib serju fil-funzjonament normali tal-attività tas-servizzi ta’ groundhandling fir-rigward tad-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizz, iżda wkoll tal-prezz ta’ din l-attività. Li kieku l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Groundforce ma ġietx imġedda, it-tieni fornitur, Portway, kien ikollu l-monopolju tas-suq tas-servizzi ta’ groundhandling sa tmiem il-proċedura ta’ għażla ta’ fornituri oħra.

33

Fir-rigward tas-sejħiet għal offerti mnedija matul is-sena 2011 għall-ajruporti kkonċernati, ir-Repubblika Portugiża ssostni li dawn tal-aħħar huma konformi mal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67. Il-perijodu ta’ attribuzzjoni tal-awtorizzazzjonijiet huwa limitat għal sitt snin u l-kumitati tal-utenti ġew ikkonsultati qabel it-tnedija tas-sejħiet għal offerti. Hija żżid li dawn il-kumitati ġew ukoll ikkonsultati dwar l-għażla tal-fornituri l-oħra.

34

Il-kumplessità tal-proċedura ta’ għażla hija dovuta għal emendi li saru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tar-riżorsi umani, fir-rigward tar-reklutaġġ u tar-remunerazzjoni, li rriżultaw minn restrizzjonijiet baġitarji li wasslu għall-iffirmar ta’ protokoll ta’ ftehim bejn ir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), fis-17 ta’ Mejju 2011. Il-funzjonament tal-bord tal-għażla kompetenti għall-eżami tal-offerti inkwistjoni ġie interrott permezz tar-riżenja ta’ diversi membri tiegħu wara tnaqqis sostanzjali fir-remunerazzjoni tagħhom, fatt li inċida, b’mod deċiżiv, fuq il-proċess kollu ta’ eżami tal-offerti mill-bord tal-għażla. Dan l-Istat Membru jenfasizza li l-awtorità kompetenti għamlet dak kollu li kien possibbli sabiex tippermetti lill-bord tal-għażla jikkonkludi l-eżami tal-imsemmija offerti.

35

Ir-Repubblika Portugiża żżid li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tas-servizzi ta’ groundhandling dalwaqt għandha tiġi emendata, jekk jiġi adottat tibdil ġdid li jaffettwa l-ajruport ta’ Lisbona u, potenzjalment, l-ajruporti l-oħra kkonċernati. Dan l-Istat Membru jikkunsidra li tali emenda, fil-każ li kellha tirnexxi, twassal inevitabbilment għall-impossibbiltà tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi attwalment pendenti.

36

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 96/67 ma tħalli barra l-ebda dispożizzjoni u ma tinkludi l-ebda lacuna li tippermetti lir-Repubblika Portugiża li tintroduċi sistema tranżitorja. Hija ssostni li dan l-Istat Membru ma ttrasponiex b’mod korrett id-Direttiva 96/67 matul l-erbatax-il sena mid-dħul fis-seħħ tagħha. Hija żżid li l-għan tas-sistema tranżitorja kien il-protezzjoni tal-pożizzjoni tal-operaturi nazzjonali diġà attivi fis-suq ikkonċernat. Fl-opinjoni tagħha, li kieku Groundforce tilfet l-istatus tagħha ta’ fornitur ta’ servizzi, dan ma kienx jeskludi l-possibbiltà tal-impjegati tagħha milli jsibu xogħol f’impriżi oħrajn, inkluż fl-impriżi li jkunu rebħu l-kuntratt għall-provvista tas-servizzi ta’ groundhandling.

37

Fir-rigward tal-proċeduri l-ġodda ta’ għażla tal-fornituri, skont il-Kummissjoni, jirriżulta minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li Stat Membru ma jistax jeċepixxi sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika l-inosservanza tal-obbligi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, emendi li jaffettwaw l-organizzazzjoni tal-persunal jew nuqqas ta’ riżorsi umani ma jistgħux jiġġustifikaw l-inosservanza tad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żżid li emendi potenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma għandhom l-ebda effett fuq l-obbligu attwali tal-Istati Membri.

38

Fl-aħħar, skont il-Kummissjoni, l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għażla ta’ fornituri awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi ta’ groundhandling, previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67, hija obbligu ta’ riżultat. Konsegwentement, jekk Stat Membru organizza proċess ta’ għażla li ma wassalx għal riżultat, ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma humiex konformi ma’ din id-direttiva. Li kieku l-Istat Membru kien obbligat biss li jorganizza tali proċedura ta’ għażla mingħajr ma jkun suġġett għal obbligu ta’ riżultat, l-imsemmija direttiva tiċċaħħad minn kull effettività.

39

Ir-Repubblika Portugiża, fil-kontroreplika tagħha, iżżid li, sa fejn Globalia, li akkwistat l-azzjonijiet ta’ Groundforce, hija fornitriċi ta’ servizzi ta’ groundhandling, jeħtieġ li ċ-ċessjoni ta’ dawn l-azzjonijiet tiġi ttrattata bħala proċedura ta’ għażla ta’ fornitur ieħor.

40

Fir-rigward tal-proċessi l-ġodda ta’ għażla ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tinjora l-proċedura ta’ assistenza finanzjarja lill-Portugall u l-fatt li waħda mill-kundizzjonijiet, skont il-protokoll ta’ ftehim konkluż bejn ir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), tikkonċerna speċifikament il-privatizzazzjoni tal-Aeroportos de Portugal SA, l-entità ta’ ġestjoni tal-ajruporti kkonċernati. Il-problemi finanzjarji tar-Repubblika Portugiża ma humiex sempliċement problemi amministrattivi jew burokratiċi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà

41

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imqajma għall-ewwel darba mir-Repubblika Portugiża waqt is-seduta li permezz tagħha dan l-Istat Membru jallega li l-Kummissjoni ma tatux, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-istruzzjonijiet preċiżi għall-finijiet ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 96/67, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

42

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha l-okkażjoni li tippreżenta l-ilmenti allegati fil-konfront tar-Repubblika Portugiża u din tal-aħħar kellha l-okkażjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet li hija kienet tikkunsidra rilevanti. Peress li dan l-Istat Membru kien konxju mill-allegata ineżistenza ta’ istruzzjonijiet tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża u li l-oġġezzjonijiet tiegħu ma humiex ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija inammissibbli.

Fuq il-mertu

43

Bil-għan li tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rikors, jeħtieġ li jitfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (sentenza Dillenkofer et, C‑78/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punt 48, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, billi ppreveda, essenzjalment, li l-Istati Membri kellhom jimplementaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Ottubru 1997, l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva kien jobbliga lil dawn l-Istati sabiex jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/67 u għalhekk il-kisba tar-riżultat li hija tippreskrivi (ara, b’analoġija, is-sentenza Dillenkofer et, C‑78/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punt 49).

45

Minn dan isegwi li l-fatt li d-Direttiva 96/67 ma ssemmix il-possibbiltà tal-Istati Membri li jintroduċu sistema tranżitorja ma jippermettix li jiġi konkluż, kif tallega r-Repubblika Portugiża, li din id-direttiva fiha lacuna u li dawn l-Istati huma liberi li jintroduċu, iktar u iktar wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, bħal fil-każ odjern, tali sistema tranżitorja. Fil-fatt, dan ikun iwassal sabiex Stat Membru jkun jista’ jikkonċedi lilu nnifsu perijodu ġdid għat-traspożizzjoni.

46

Fir-rigward tat-teżi, avvanzata mir-Repubblika Portugiża, li l-proċedura ta’ ċessjoni tal-azzjonijiet ta’ kumpannija tista’ tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti għal proċedura ta’ għażla ta’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ groundhandling, sa fejn din il-proċedura tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67, filwaqt li tippermetti t-twettiq tal-għan leġittimu tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-entitajiet li kienu diġà jeżerċitaw attivitajiet, kif ukoll tal-kontinwità u l-kwalità tas-servizzi fl-imsemmija ajruporti, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 11 ma tistax tiġi aċċettata.

47

Fil-fatt, l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 96/67 jirrikjedi li l-proċedura ta’ għażla għandha tkun miftuħa għal kull fornitur interessat.

48

Issa, proċedura ta’ ċessjoni tal-azzjonijiet teskludi kull fornitur li ma jkunx fl-istess ħin investitur interessat fl-akkwist tal-azzjonijiet ta’ kumpannija li tkun teżisti minn qabel. Kif irrikonoxxiet ir-Repubblika Portugiża waqt is-seduta, Groundforce, wara x-xiri tagħha minn Globalia, żammet l-awtorizzazzjoni li tipprovdi servizzi ta’ groundhandling li kienet ingħatat lilha, b’tali mod li ma kienx possibbli għal fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling li jikseb l-awtorizzazzjoni mingħajr, fl-istess ħin, ma jixtri l-azzjonijiet ta’ Groundforce.

49

Minn dan isegwi li l-proċedura ta’ ċessjoni tal-azzjonijiet ta’ Groundforce ma kinitx miftuħa għal kull fornitur interessat u li din il-proċedura kellha l-konsegwenza li tikser l-għan segwit mid-Direttiva 96/67, jiġifieri l-ftuħ tas-suq tas-servizzi ta’ groundhandling għall-kompetizzjoni, imsemmi fil-premessa 5 ta’ din id-direttiva.

50

Din iċ-ċirkustanza hija waħidha suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li tali proċedura ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proċedura ta’ għażla ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra imposti minn dan l-artikolu.

51

Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-argument, sostnut mir-Repubblika Portugiża, li tali proċedura hija koperta mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 96/67, li jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiġu ppreservati l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema.

52

Fil-fatt jeħtieġ li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jiggarantixxu livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali favur il-persunal tal-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ groundhandling, huwa veru wkoll li din is-setgħa ma tinvolvix kompetenza regolamentari illimitata u għandha tiġi eżerċitata b’mod li ma jiġix milqut ħażin l-effettività tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑386/03, EU:C:2005:461, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Hemm lok li jiżdied li, b’risposta għad-domanda li saritilha waqt is-seduta, ir-Repubblika Portugiża sostniet li ż-żamma tal-liċenzja ta’ Groundforce, fid-data li fih il-kontroll ta’ din tal-aħħar ġie ċedut lil Globalia, ippermettiet il-konservazzjoni tal-postijiet kollha tax-xogħol offruti minn Groundforce. Hija żiedet li fis-sejħa għal offerti ġie impost obbligu ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u tal-postijiet tax-xogħol iżda madankollu ma ġietx speċifikata n-natura ta’ tali obbligu.

54

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, fl-ewwel lok, jekk impriża tkun kisbet liċenzja ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ groundhandling waqt l-akkwist tal-kapital tal-kumpannija mixtrija, dan ma jippermettix li jiġi konkluż li l-aġir futur ta’ tali impriża ser jibqa’ ma jinbidilx wara l-kisba tal-liċenzja u, b’mod partikolari, li din tal-aħħar ser tikkonserva l-postijiet tax-xogħol kollha li kienu jeżistu mal-kumpannija mixtrija.

55

Fit-tieni lok, huwa paċifiku li obbligu impost fuq impriżi li jieħdu lura l-persunal ta’ fornitur preċedenti ta’ servizzi jiżvantaġġa lill-kompetituri potenzjali l-ġodda meta mqabbla ma’ impriżi diġà stabbiliti u jikkomprometti l-ftuħ tas-swieq tal-groundhandling, bil-konsegwenza li jippreġudika l-effettività tad-Direttiva 96/67 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja C‑460/02, EU:C:2004:780, punt 34).

56

Fir-rigward tal-argumenti l-oħra mqajma mir-Repubblika Portugiża, li s-sistema ġiet implementata sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-entitajiet li kienu diġà jeżerċitaw attivitajiet u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u l-kwalità tas-servizzi fl-imsemmija ajruporti, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li fih istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati u li ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju jekk ma jkunx ingħata assigurazzjonijiet preċiżi mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza Belgique u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C-217/03, EU:C:2006:416, punt 147 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Issa, peress li l-Artikolu 288(3) TFUE jipprevedi li d-direttivi jorbtu lill-Istati Membri destinatarji f’dak li jirrigwarda r-riżultat li għandu jinkiseb, li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/67 skada fil-25 ta’ Ottubru 1997 u li ma kienet teżisti l-ebda indikazzjoni li tirriżulta mill-Kummissjoni jew minn istituzzjoni oħra tal-Unjoni fis-sens li r-Repubblika Portugiża kienet eżentata milli tittrasponi l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha fit-termini stabbiliti jew li din id-direttiva ma kellhiex tapplika għal dan l-Istat Membru, la dan tal-aħħar u lanqas ebda impriża oħra li tipprovdi servizzi ta’ groundhandling ma jistgħu jinvokaw aspettattivi leġittimi fiż-żamma tas-sistema fis-seħħ f’dan l-Istat Membru.

58

Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-protezzjoni tal-kontinwità u l-kwalità tas-servizzi pprovduti fl-ajruporti, ir-Repubblika Portugiża ma kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ebda prova li tista’ ssostni l-argument li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/67, li kieku saret fit-termini stabbiliti, kienet tkun ta’ natura li tippreġudika l-kontinwità jew il-kwalità tas-servizzi inkwistjoni.

59

Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet imressqa mir-Repubblika Portugiża fir-rigward tal-fatt li l-proċeduri ta’ għażla tal-fornituri tas-servizzi ta’ groundhandling organizzati matul is-sena 2011 ma tlestewx, huwa suffiċjenti li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet interni sabiex jiġġustifika l-inosservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑150/97, EU:C:1999:15, punt 21; Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑69/05, EU:C:2006:32, punt 10, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑161/05, EU:C:2006:762, punt 12).

60

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Portugiża li l-emendi potenzjali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni setgħu jirrendu inutli l-għażla tat-tieni fornitur, jeħtieġ li jitfakkar lil-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu li l-Kummissjoni tkun imponiet fuq l-Istat Membru inkwistjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑377/03, EU:C:2006:638, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑170/09, EU:C:2010:97, punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-emendi li eventwalment jistgħu jsiru għal leġiżlazzjoni ma jeżentawx lil Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jittrasponi d-direttiva fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku tiegħu fit-termini stabbiliti għal tali traspożizzjoni.

61

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiġi organizzata proċedura ta’ għażla tal-fornituri awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi ta’ groundhandling għall-kategoriji “bagolli”, “maniġġar tar-rampa” u “merkanzija u posta” fl-ajruporti ta’ Lisbona, ta’ Porto u ta’ Faro, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/67, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dan l-artikolu.

Fuq l-ispejjeż

62

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiġi organizzata proċedura ta’ għażla tal-fornituri awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi ta’ groundhandling għall-kategoriji “bagolli”, “maniġġar tar-rampa” u “merkanzija u posta” fl-ajruporti ta’ Lisbona, ta’ Porto u ta’ Faro, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE, tal-15 ta’ Ottubru 1996, dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 496), ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dan l-artikolu.

 

2)

Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top