This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CC0003
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 29 April 2021.#Criminal proceedings against AB and Others.#Request for a preliminary ruling from the Rīgas rajona tiesa.#Reference for a preliminary ruling – Protocol (No 7) on the privileges and immunities of the European Union – Member of an organ of the European Central Bank – Governor of a national central bank of a Member State – Immunity from criminal proceedings – Indictment connected with activities carried out in the course of employment within the Member State.#Case C-3/20.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-29 ta’ April 2021.
Proċeduri kriminali kontra AB et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rīgas rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri kriminali – Akkuża marbuta mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-kariga fi ħdan l-Istat Membru.
Kawża C-3/20.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-29 ta’ April 2021.
Proċeduri kriminali kontra AB et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rīgas rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri kriminali – Akkuża marbuta mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-kariga fi ħdan l-Istat Membru.
Kawża C-3/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:344
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fid‑29 ta’ April 2021 ( 1 )
Kawża C‑3/20
LR Ģenerālprokuratūras Krimināltiesiskā departamenta Sevišķi svarīgu lietu izmeklēšanas nodaļa
vs
AB,
CE u
MM investīcijas SIA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga, il-Latvja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 343 TFUE – Statuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Artikolu 39 – Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 – Membru ta’ korp deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew – Gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Stat Membru – Artikolu 11(a) – Immunità minn proċeduri legali – Applikazzjoni wara t-tmiem tal-kariga – Atti mwettqa minn membri tal-persunal tal-Unjoni fil-kapaċità uffiċjali tagħhom – Immunità funzjonali – Artikolu 130 TFUE – Indipendenza tal-BĊE, tas-SEBĊ u tal-banek ċentrali tal-Istati Membri – Artikolu 18 – Qbil komuni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 17 – Tneħħija tal-immunità mill-BĊE – Interessi tal-Unjoni – Immunità minn proċeduri kriminali ġudizzjarji – Immunità minn miżuri ta’ infurzar li jaqgħu taħt awtorità pubblika”
I. Introduzzjoni
1. |
Il-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, li huwa wkoll membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, jista’ jiġi sospiż fil-livell nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jew inkella l-immunità skont id-dritt tal-Unjoni tipprekludi dan? Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, li tirriżulta minn proċeduri kriminali fil-Latvja kontra l-ex Gvernatur tal-Bank Ċentrali Latvjan fuq tixħim u ħasil tal-flus marbuta ma’ proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali fir-rigward ta’ bank Latvjan. |
2. |
Skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni”) ( 2 ), l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni huma eżentati, fl-Istati Membri kollha, minn proċeduri legali fir-rigward tal-atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali tagħhom. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddetermina l-portata ta’ din l-immunità. |
3. |
L-ewwel partikolarità ta’ dan il-każ tinsab fil-fatt li l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri, filwaqt li huma awtoritajiet nazzjonali, jiddeterminaw il-politika monetarja taż-żona tal-euro bħala membri tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE fil-kuntest tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u, f’din il-funzjoni, jeżerċitaw ukoll, sa mill-ħolqien tal-unjoni bankarja, kompiti superviżorji skont ir-Regolament MSU ( 3 ). Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-akkużat Gvernatur tal-bank ċentrali jgawdix mill-immunità prevista mill-Protokoll, huwa għalhekk neċessarju li ssir distinzjoni ċara bejn dawn il-funzjonijiet differenti. |
4. |
Fit-tieni lok, għandha tiġi ddeterminata t-tifsira tal-fatt li l-BĊE, il-banek ċentrali nazzjonali u l-membri tal-korpi deċiżjonali tagħhom jeżerċitaw il-kompiti tagħhom b’indipendenza sħiħa skont l-Artikolu 130 TFUE, fid-dawl tal-legalità ta’ proċeduri kriminali kontra ex gvernatur, bħall-imputat fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar mill-aħħar, għandu għalhekk jinstab bilanċ ġust f’dan il-każ bejn l-interess tal-Istati Membri fi proċeduri kriminali u l-interess tal-Unjoni fil-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet tagħha. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)
5. |
Il-governanza tas-SEBĊ hija rregolata mill-Artikolu 129(1) TFUE: “S-SEBĊ għandha tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew, jiġifieri l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.” |
6. |
L-Artikolu 130 TFUE jirregola l-indipendenza tal-BĊE, tas-SEBĊ u tal-banek ċentrali tal-Istati Membri: “Fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom mgħotija lilhom fit-Trattati u bl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, la l-Bank Ċentrali Ewropew, u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni u tal-gvernijiet ta’ Stati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-bank ċentrali nazzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.” |
7. |
L-Artikolu 282(1) TFUE jiddefinixxi s-SEBĊ kif ġej: “Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali(SEBĊ). Il-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Eurosistema, għandhom iwettqu l-politika monetarja tal-Unjoni.” |
8. |
L-Artikolu 283(1) TFUE jiddefinixxi min huwa membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE: “l-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.” |
9. |
L-Artikolu 343 TFUE jikkostitwixxi d-dispożizzjoni fundamentali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni: “L-Unjoni għandha tgawdi fit-territorji tal-Istati Membri dawk il-pivileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha, skond il-kondizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll tat‑8 ta’ April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. L-istess għandu japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment.” |
2. L-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE
10. |
Il-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 4 ) jipprevedi, fl-Artikolu 12.1 tiegħu, il-kompiti tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE: “Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta l-linji direttivi u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati f’idejn is-SEBĊ mit-Trattati u dan l-Istatut. Il-Kunsill Regolatorju għandu jifformula l-politika monetarja tal-Unjoni li tinkludi, kif xieraq, deċiżjonijiet marbutin ma’ skopijiet monetarji intermedji, rati indikattivi ta’ imgħax u l-fornitura ta’ riservi fis-SEBĊ, u għandu jistabbilixxi d-direttivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom. […] Sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-BĊE għandu jirrikorri għand il-banek ċentrali nazzjonali sabiex iwettaq operazzjonijiet li jagħmlu parti mill-ħidmiet tas-SEBĊ.” |
11. |
L-Artikolu 14 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jikkonċerna l-banek ċentrali tal-Istati Membri: “[…] 14.2. L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu li ż-żmien tal-kariga ta’ Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin. Gvernatur jista’ jitneħħa mill-inkarigu tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew inkella jekk ikun ħati ta’ mġieba serjament ħażina. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi riferita lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, bħala ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni tiegħu. Dawn il-proċeduri għandhom jibdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ. 14.3. Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-SEBĊ u għandhom jaġixxu skond il-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiżgura li l-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE jiġu mħarsa, u għandu jirrikjedi li tingħatalu kull informazzjoni li tkun tinħtieġ. 14.4. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f’dan l-Istatut kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti, li dawn ikunu qed ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali u m’għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ.” |
12. |
L-Artikolu 39 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandu bħala suġġett il-privileġġi u l-immunitajiet: “Il-BĊE għandu jgawdi fit-territorji tal-Istati Membri, dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet tiegħu, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.” |
13. |
L-Artikolu 44 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jikkonċerna l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE: “44.1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ġenerali jiġi kostitwit bħala t-tielet korp deċiżjonali tal-BĊE. 44.2. Il-Kunsill Ġenerali jkun magħmul mill-President u l-Viċi-President tal-BĊE u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. […]” |
3. Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni
14. |
L-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jirregola l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-opinjonijiet jew tal-voti: “Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.” |
15. |
L-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll jipprevedi l-invjolabbiltà tal-Membri tal-Parlament Ewropew matul il-perijodi ta’ sessjoni: “Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew. L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.” |
16. |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-istess protokoll jirreferi għar-rappreżentanti tal-Istati Membri: “Rappreżentanti ta’ Stati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, fil-qadi tad-doveri tagħhom u waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post tal-laqgħa jgawdu mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji.” |
17. |
L-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni huwa fformulat kif ġej: “Fit-terrritorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni:
|
18. |
L-Artikolu 17 tal-imsemmi protokoll jipprovdi: “Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta’ l-Unjoni unikament fl-interessi ta’ l-Unjoni. Kull istituzzjoni ta’ l-Unjoni tkun meħtieġa li tirrinunzja għall-immunità mogħtija lil xi uffiċjal jew impjegat ieħor kull fejn dik l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi ta’ l-Unjoni.” |
19. |
L-Artikolu 18 tal-istess protokoll jipprovdi: “L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw mal-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri involuti.” |
20. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet: “Dan il-Protokoll għandu jkun japplika wkoll għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri tal-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll fuq l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.” |
4. Ir-Regolament MSU
21. |
Sa mill‑4 ta’ Novembru 2014, il-BĊE jassumi l-kompiti speċifiċi fdati lilu mir-Regolament MSU b’rabta mas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 5 ). |
22. |
Il-premessi 28 u 29 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:
|
23. |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament jelenka l-kompiti fdati lill-BĊE: “1. Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu […] ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:
[…]
[…]” |
24. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament MSU jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jikkostitwixxu l-mekkaniżmu superviżorju uniku. Skont l-Artikolu 6(4), għall-finijiet tas-superviżjoni prudenzjali, għandha ssir distinzjoni, essenzjalment, bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu importanti u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas importanti, peress li dawn tal-aħħar, bħala prinċipju, jibqgħu suġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet nazzjonali. Teżisti eċċezzjoni għall-kompiti superviżorji prudenzjali msemmija fl-Artikolu 4(1)(a), li dejjem huma eżerċitati mill-BĊE. L-Artikolu 6(5) u (6) huwa fformulat kif ġej: “5. Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 4 […]
[…] 6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti msemmija fil-punti (b), (d) sa (g) u (i) tal-Artikolu 4(1) u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu … […] L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jirrappurtaw lill-BĊE fuq bażi regolari dwar il-prestazzjoni tal-attivitajiet imwettqa taħt dan l-Artikolu. […]” |
25. |
Fost is-setgħat ta’ superviżjoni speċifiċi tal-BĊE hemm l-irtirar tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-regolament: “Soġġett għall-paragrafu 6, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja, wara konsultazzjonijiet mal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali awtorità nazzjonali kompetenti. […] Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.” |
26. |
L-Artikolu 26 tar-Regolament MSU għandu l-Bord Superviżorju bħala s-suġġett tiegħu: “1. L-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE għandhom jitwettqu bis-sħiħ minn korp intern magħmul mill-President u l-Viċi President tiegħu, maħturin skont il-paragrafu 3 u erba’ rappreżentanti tal-BĊE, maħturin skont il-paragrafu 5, u rappreżentant wieħed tal-awtorità kompetenti nazzjonali f’kull Stat Membru parteċipanti (‘Bord Superviżorju’). Il-membri kollha tal-Bord Superviżorju għandhom jaġixxu fl-interess tal-Unjoni inġenerali. Fejn l-awtorità kompetenti mhijiex bank ċentrali, il-membru tal-Bord Superviżorju msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jiddeċiedi li jġib rappreżentant mill-bank ċentrali tal-Istat Membru. Għall-finijiet tal-proċedura tal-votazzjoni speċifikata fil-paragrafu 6, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri għandhom flimkien jitqiesu bħala membru wieħed. […] 8. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, il-Bord Superviżorju għandu jwettaq ħidma preparatorja rigward il-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE u jipproponi lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE abbozzi ta’ deċiżjonijiet kompleti li għandhom jiġu adottati […]” |
5. Id-Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital
27. |
Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital”) ( 6 ) tirregola, fl-Artikolu 18 tagħha, il-kundizzjonijiet materjali għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni b’dan il-mod: “L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija biss fejn tali istituzzjoni ta’ kreditu: […]
|
6. Ir-Regolament Qafas tal-MSU
28. |
Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati ( 7 ) jirregola, fl-Artikolu 83 tiegħu, id-“Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni”. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni jaqraw kif ġej: “1. Il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Meta jagħmel dan, huwa jista’ jaċċetta jew jiċħad l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar relevanti. 2. Meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu, il-BĊE għandu jqis dawn kollha li ġejjin: (a) l-evalwazzjoni tiegħu taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-irtirar; (b) fejn applikabbli, l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-NCA; (c) konsultazzjoni mal-NCA relevanti u, fejn l-NCA ma tkunx l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni (flimkien mal-NCA l-“awtoritajiet nazzjonali”); (d) kull kumment ipprovdut mill-istituzzjoni ta’ kreditu […]” |
B. Id-dritt Latvjan
29. |
L-Artikolu 120 tal-Kriminālprocesa likums (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-Latvja) ( 8 ) jinkludi lista tal-awtoritajiet li jgawdu minn immunità. Il-Bank tal-Latvja u l-Gvernatur tiegħu ma humiex imsemmija fih. |
30. |
L-Artikolu 404 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-uffiċċju tal-prosekutur għandu jikkomunika, bħala prinċipju, lill-awtorità kompetenti t-talba għal prosekuzzjoni kontra persuna li, skont il-liġi, tgawdi minn immunità minn proċeduri kriminali jekk iqis li jeżistu raġunijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali tagħha. Din it-talba għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni dwar il-provi tal-ħtija tal-persuna li l-immunità tagħha għandha titneħħa. |
31. |
Il-Krimināllikums (il-Kodiċi Kriminali, il-Latvja) ( 9 ) jikkriminalizza, inter alia, il-ħasil tal-flus (l-Artikolu 195) u t-tixħim (l-Artikolu 320). |
III. Il-fatti u l-kawża prinċipali
32. |
Sa mill‑21 ta’ Diċembru 2001, AB, l-imputat fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“imputat”), kien il-Gvernatur tal-Latvijas Banka (il-Bank Ċentrali tal-Latvja). F’din il-funzjoni, huwa kellu d-dritt li jipparteċipa fil-laqgħat tal-kunsill tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, iktar ’il quddiem il-“FKTK”), li hija responsabbli għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Latvja. |
33. |
Trasta Komercbanka AS (iktar ’il quddiem “Trasta Komercbanka”) hija istituzzjoni ta’ kreditu Latvjana, awtorizzata mill-FKTK fl-1991 sabiex tipprovdi servizzi finanzjarji. Sa mill‑4 ta’ Novembru 2014, il-FKTK eżerċitat il-kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali relatati ma’ Trasta Komercbanka, fdati lill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(b), (d) sa (g) u (i) tar-Regolament MSU ( 10 ). |
34. |
Fuq proposta tal-FKTK tal‑5 ta’ Frar 2016, il-BĊE, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2016, issostitwita b’deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2016, irtira l-awtorizzazzjoni ta’ Trasta Komercbanka bħala istituzzjoni ta’ kreditu skont l-Artikolu 4(1)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU u tal-Artikolu 83(1) tar-Regolament Qafas MSU ( 11 ). |
35. |
Fil‑15 ta’ Frar 2018, il-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja) fetaħ investigazzjoni kriminali kontra l-imputat dwar ilmenti ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali fir-rigward ta’ Trasta Komercbanka fil-Latvja, liema proċedura kienet ippreċediet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. |
36. |
Konkretament, l-imputat huwa akkużat, minn naħa, li, mill‑20 sat‑30 ta’ Awwissu 2010, huwa rċieva btala b’valur ta’ EUR 7490 mill-President tal-Bord ta’ Sorveljanza u azzjonist ta’ Trasta Komercbanka. Ta’ dan huwa pprovda konsultazzjonijiet lil dan tal-aħħar illegalment qabel tmiem l-2015, billi uża, inter alia, informazzjoni li huwa kien kiseb legalment fil-kapaċità uffiċjali tiegħu dwar il-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll adottati mill-FKTK fir-rigward ta’ Trasta Komercbanka. Dawn il-konsultazzjonijiet kienu jirrigwardaw il-punti segwenti: l-ewwel, in-nuqqas ta’ Trasta Komercbanka li tiggarantixxi sistema ta’ kontrolli interni tajba fit-tul sabiex tiggarantixxi l-osservanza tar-rekwiżiti tal-liġi Latvjana fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, it-tieni, iż-żieda neċessarja tal-kapital azzjonarju sabiex tiggarantixxi parteċipazzjoni kwalifikanti u, it-tielet, il-passi neċessarji sabiex tattira investituri (azzjonisti). Dawn il-kwistjonijiet kemm-il darba kienu s-suġġett ta’ kontrolli mill-FKTK bejn id‑29 ta’ Lulju 2009 u l‑31 ta’ Diċembru 2015, fejn l-imputat allegatament għen fil-formulazzjoni tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-FKTK waqt il-kontroll u pprovda konsultazzjonijiet lil Trasta Komercbanka dwar l-aġir waqt il-kontrolli. |
37. |
Min-naħa l-oħra, huwa qed jiġi akkużat li, bejn it‑23 ta’ Awwissu 2012 u d‑9 ta’ Mejju 2013, huwa aċċetta offerta ta’ tixħim li tammonta għal EUR 500000 mingħand il-Viċi President tal-Bord tad-Diretturi u azzjonist ta’ Trasta Komercbanka, u li rċieva nofs din is-somma, jiġifieri EUR 250000, mingħand dan tal-aħħar jew aħjar minn intermedjarju akkużat flimkien miegħu. Bħala kumpens, l-imputat allegatament ipprovda konsultazzjonijiet lil Trasta Komercbanka bejn it‑23 ta’ Awwissu 2012 u l‑31 ta’ Diċembru 2015 fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali mill-FKTK u għinha fil-formulazzjoni tal-korrispondenza tagħha mal-FKTK. Dan ikkontribwixxa sabiex il-FKTK telimina parzjalment ir-restrizzjonijiet għall-attivitajiet ta’ Trasta Komercbanka. L-imputat allegatament ma rċeviex il-kumplament tal-flus mit-tixħim, peress li l-FKTK żammet parti oħra mir-restrizzjonijiet u pprevediet ukoll restrizzjonijiet oħra għall-attivitajiet ta’ Trasta Komercbanka. |
38. |
Fil-kuntest taż-żewġ ilmenti fformulati mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni), fiż-żmien qabel ħarġet il-proposta tal-FKTK li tiġi rtirata l-approvazzjoni ta’ Trasta Komercbanka, l-imputat ma kienx preżenti għal-laqgħat tal-Bord tal-FKTK li matulhom ġew diskussi kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ Trasta Komercbanka. Għalhekk, huwa, b’mod partikolari, naqas mill-obbligi tiegħu li jevita, f’dan il-kuntest, id-degradazzjoni tal-koeffiċjent ta’ fondi proprji u tar-rekwiżiti ta’ likwidità ta’ Trasta Komercbanka u li jelimina l-possibbiltà ta’ ħasil tal-flus fi ħdan din l-istituzzjoni ta’ kreditu. |
39. |
Fl-aħħar nett, l-imputat huwa akkużat ukoll li, matul l-2012 u l-2013, investa b’mod moħbi l-ammont kunsiderevoli ta’ EUR 250000, mit-tixħim li rċieva, f’bini, permezz ta’ impriża akkużata flimkien miegħu. |
40. |
Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, il-prosekutur kompetenti inizjalment beda proċeduri legali quddiem ir-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga, il-Latvja) għal tixħim, li fihom ġie inkluż l-ilment ta’ ħasil tal-flus sa mill‑24 ta’ Mejju 2019. |
41. |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2019 intemm l-aħħar mandat tal-imputat bħala Gvernatur tal-Bank tal-Latvja. |
42. |
Ir-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) fetħet il-proċedura kriminali tal-ewwel istanza u issa hija meħtieġa tiddeċiedi jekk tiftaħx investigazzjoni ġudizzjarja fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. |
IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
43. |
Billi kellha, f’dan ir-rigward, dubji dwar l-applikabbiltà u l-portata tal-immunitajiet previsti fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, ir-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) iddeċidiet, permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2019, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin: “1. L-Artikolu 11(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, japplikaw għall-kariga ta’ membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew, eżerċitata mill-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru, jiġifieri l-President tal-Bank tal-Latvja, AB? 2. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, dawn id-dispożizzjonijiet ikomplu jiżguraw lil din il-persuna l-immunità kontra proċeduri kriminali anki wara li hija tkun telqet mill-pożizzjoni ta’ gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Stat Membru u, għaldaqstant, mill-pożizzjoni ta’ membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew? 3. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, din l-immunità tirrigwarda biss l-immunità “minn proċedimenti legali”, hekk kif jindika l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jew din testendi wkoll għall-proċeduri kriminali, inkluż għan-notifika tal-att ta’ akkuża u għall-kisba ta’ provi? Fil-każ li l-immunità tapplika għall-proċeduri kriminali, dan il-fatt jinfluwenza l-possibbiltà li jintużaw il-provi? 4. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-imsemmi protokoll, jippermetti lil min ikun responsabbli mill-proċeduri jew, fl-istadju korrispondenti tal-proċeduri, lill-Kulleġġ Ġudikanti jevalwa l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri u, biss fil-każ li din l-eżistenza tiġi kkonstatata – jiġifieri jekk l-aġir inkriminat ta’ AB ikun marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Eworpea –, jitlob lill-istituzzjoni kkonċernata, jiġifieri lill-Bank Ċentrali Ewropew, tneħħi l-immunità ta’ din il-persuna? 5. L-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni Ewropea, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, għandha dejjem tkun direttament marbuta mad-deċiżjonijiet adottati jew mal-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea? Fil-fatt, tali uffiċjal jista’ jkun is-suġġett ta’ att proċedurali kriminali jekk l-akkuża tiegħu ma tkunx marbuta mal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea iżda mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan Stat Membru?” |
44. |
L-imputat, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika Taljana, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-domandi preliminari bil-miktub u waqt is-seduta li nżammet fis‑26 ta’ Jannar 2021. Matul din is-seduta, il-koakkużat CE u l-LR Ģenerālprokuratūras Krimināltiesiskā departamenta Sevišķi svarīgu lietu izmeklēšanas nodaļa (id-Dipartiment ta’ Investigazzjoni għall-Kawżi ta’ Importanza Partikolari tal-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja) ippreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet tagħhom. |
V. Evalwazzjoni ġuridika
45. |
Il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha proċedura kriminali kontra l-ex Gvernatur tal-Bank Ċentrali Latvjan, li fiha dan tal-aħħar qiegħed jiġi akkużat b’mod partikolari b’tixħim fil-kuntest ta’ proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali fir-rigward ta’ bank Latvjan. Skont id-dritt Latvjan, hija ma tistax tiftaħ l-investigazzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċedura kriminali jekk l-immunità tal-imputat tipprekludi dan. |
46. |
Huwa minnu li d-dritt Latvjan ma jipprevedix l-immunità tal-Bank Ċentrali tal-Latvja jew tal-korpi tiegħu. Madankollu, skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni jgawdu, fit-territorji tal-Istati Membri, minn immunità minn proċeduri legali għall-atti mwettqa minnhom “fil-kapaċità uffiċjali tagħhom”. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tiegħu, l-imsemmi protokoll japplika wkoll għall-BĊE, għall-membri tal-korpi deċiżjonali tiegħu u għall-membri tal-persunal tiegħu. Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 282(1) TFUE, il-banek ċentrali nazzjonali jifformaw parti integrali mis-SEBĊ u l-gvernaturi tagħhom, sa fejn l-Istat Membru kkonċernat huwa parti mill-Eurosistema ( 12 ), huma membri tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, l-ogħla korp deċiżjonali tal-BĊE. |
47. |
Huwa f’dan il-kuntest li, permezz tal-ħames domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-immunità minn proċeduri legali fir-rigward tal-atti uffiċjali prevista fl-Artikolu 11(a) ta’ dan il-protokoll, humiex applikabbli għall-imputat, l-ex Gvernatur tal-Bank Ċentrali Latvjan, u x’jirriżulta minn dan b’mod konkret fir-rigward tal-proċedura kriminali li għandu pendenti. |
48. |
Għal dan il-għan, għandhom jiġu ċċarati, qabel kollox, b’risposta għall-ewwel tliet domandi preliminari, il-kundizzjonijiet li fihom l-immunità għal atti uffiċjali, prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, tapplika għal gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali u x’portata għandha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat, inter alia, f’dak li jikkonċerna s-suġġett tal-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari, jekk l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll jikkonċernax ukoll l-ammissibbiltà tal-proċeduri kriminali (ara A). |
49. |
Sussegwentement, b’risposta għar-raba’ domanda preliminari, għandu jiġi eżaminat kif u min għandu jiddeċiedi, f’każ konkret, jekk ir-reati li l-imputat huwa akkużat bihom humiex koperti mill-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni u f’liema kundizzjonijiet tista’ titneħħa din l-immunità (ara B). |
50. |
F’dan il-kuntest, għandha tiġi indirizzata wkoll il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ partikolari ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali, jistax eventwalment ikun hemm, taħt ċerti kundizzjonijiet, immunità usa’. Permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix atti mwettqa fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra gvernatur ta’ bank ċentrali, li ma hijiex relatata mal-kompiti tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara C). |
51. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat, fil-kuntest tar-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari, x’inhi l-konsegwenza legali ta’ ksur tal-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (ara D). |
A. Fuq l-applikabbiltà tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni u fuq il-portata tal-immunità rilevanti (l-ewwel sat-tielet domanda preliminari)
1. Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni (l-ewwel u t-tieni domanda preliminari)
52. |
Kif diġà ġie stabbilit, il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni japplika wkoll, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tiegħu, għall-BĊE, għall-membri tal-korpi deċiżjonali tiegħu u għall-membri tal-persunal tiegħu. L-ogħla korp deċiżjonali tal-BĊE huwa l-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, kompost, skont l-Artikolu 283(1) TFUE, mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u mill-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ( 13 ). |
53. |
Huwa minnu li, fil-kawża prinċipali, l-akkuża tirrigwarda atti li seħħew minn nofs l-2010 sal-aħħar tal-2015, jiġifieri atti li għalhekk seħħew parzjalment qabel l-adeżjoni tal-Latvja maż-żona tal-euro, fl‑1 ta’ Jannar 2014, u, konsegwentement, qabel ma l-imputat sar membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE. Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 44.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri kollha jagħmlu parti mill-Kunsill Ġenerali, li, skont l-Artikolu 44.1 tal-istess statuti, huwa t-tielet korp deċiżjonali tal-BĊE. Għalhekk, l-imputat kien diġà membru tiegħu sa mill-adeżjoni tal-Latvja mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004 u għalhekk matul il-perijodu kollu kopert mill-akkuża. |
54. |
Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jipprevedi immunitajiet għal tliet gruppi ta’ persuni differenti, fejn kull immunità għandha portata differenti fir-rigward tas-suġġett tagħha, minn naħa, u fir-rigward tal-iskop tal-protezzjoni tagħha, min-naħa l-oħra. |
55. |
L-ewwel, il-Protokoll jipprevedi, fir-rigward tal-membri tal-Parlament Ewropew, l-immunitajiet previsti fl-Artikoli 8 u 9 tiegħu. L-immunità prevista fl-Artikolu 8 hija limitata fis-suġġett tagħha għall-opinjonijiet espressi u voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom, iżda tkopri l-protezzjoni kontra kull implikazzjoni fi proċedura kriminali, kif ukoll kontra l-arrest u l-prosekuzzjoni. L-immunità prevista fl-Artikolu 9 hija limitata, f’dak li jirrigwarda s-suġġett tagħha, ratione temporis għall-perijodi ta’ sessjoni, sa fejn il-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1)(b) tirreferi biss għall-prosekuzzjoni u l-arresti matul dan il-perijodu u fit-territorju ta’ kull Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini. |
56. |
It-tieni, skont l-Artikolu 10 tal-istess protokoll, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fix-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom igawdu “mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji”. Dan għandu jinftiehem bħala riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”) u b’mod partikolari għall-Artikolu 29 sa 31 tagħha. Skont l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, il-“persuna tar-rappreżentant diplomatiku” hija invjolabbli. Ebda limitazzjoni oħra tas-suġġett ta’ din l-immunità ma hija prevista minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-persuna tar-rappreżentant diplomatiku ma hija “suġġetta għal ebda arrest jew detenzjoni ta’ kwalunkwe natura”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprovdi li r-rappreżentanti diplomatiċi jgawdu mill-immunità minn proċedimenti kriminali, ċivili u amministrattivi tal-Istat Membru riċevitur, mingħajr ebda limitazzjoni ta’ din l-immunità għal ċerti atti ( 14 ). Skont l-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, dawn ir-rappreżentanti lanqas ma huma obbligati jixhdu. |
57. |
It-tielet, l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet japplika għall-uffiċjali u l-membri l-oħra kollha tal-persunal tal-Unjoni. L-immunità prevista f’dan l-artikolu hija limitata, fis-suġġett tagħha, għall-atti mwettqa minnhom “fil-kapaċità uffiċjali” u hija relatata, mill-perspettiva tal-iskop tal-protezzjoni tagħha, mal-“proċeduri legali” tal-Istati Membri. |
58. |
L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni huma manifestament inapplikabbli f’dan il-każ. |
59. |
Madankollu, il-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri lanqas ma jaqgħu taħt l-Artikolu 10 tal-Protokoll. Fil-fatt, sa fejn jaġixxu fil-funzjoni tagħhom bħala membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE, huma ma jistgħux jitqiesu bħala “rappreżentanti tal-Istati Membri”. Fir-rigward b’mod partikolari tal-kuntest tas-SEBĊ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li teżisti distinzjoni inqas ċara f’dan ir-rigward bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri ( 15 ). F’din is-sistema bl-livell għoli ta’ integrazzjoni, il-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom pożizzjoni funzjonali doppja jew status ibridu ( 16 ). Kunsiderazzjonijiet paralleli japplikaw għall-unjoni bankarja. Bħala membri tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, huma jwettqu f’dan ir-rigward kompiti ta’ superviżjoni bankarja Ewropea ( 17 ). Għaldaqstant, f’din il-funzjoni, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala rappreżentanti ta’ awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-immunitajiet diplomatiċi ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri japplikaw biss fir-rigward tal-Istat Membru riċevitur u mhux għall-Istat ta’ oriġini. |
60. |
B’hekk, għall-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tibqa’ biss l-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll. |
2. Fuq il-limitazzjoni tal-immunità għall-“atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali”
61. |
L-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jeżenta minn proċeduri legali lill-“uffiċjali u impjegati oħra tagħha […] fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inklużi kliem li jkunu qalu jew kitbu”. Kuntrarjament għall-immunità diplomatika personali, iċċitata iktar ’il fuq (immunità ratione personae), din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal persuna, iżda biss għall-atti li għandhom rabta oġġettiva partikolari, jiġifieri dawk li għandhom natura uffiċjali. Din hija l-hekk imsejħa immunità funzjonali. Minħabba f’hekk, hija wkoll indikata bħala immunità ratione materiae. Is-sempliċi pożizzjoni ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni għalhekk ma hijiex suffiċjenti sabiex din l-immunità tkun applikabbli ( 18 ). |
62. |
Għall-gvernaturi nazzjonali tal-banek ċentrali, dan ifisser, fid-dawl tal-istatus funzjonali jew ibridu doppju tagħhom fis-SEBĊ u fl-unjoni bankarja, li l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll jista’, bħala prinċipju, ikun applikabbli għalihom biss sa fejn jaġixxu fil-funzjonijiet tagħhom bħala uffiċjali tal-Unjoni ( 19 ). |
63. |
Il-limitazzjoni tal-portata tal-immunità tal-membri tal-persunal tal-Unjoni tinsab fil-fatt li, skont l-Artikolu 343 TFUE, l-Unjoni tgawdi biss minn “dawk il-pivileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha”. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-privileġġi u l-immunitajiet irrikonoxxuti lill-Unjoni huma intiżi li jevitaw ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tagħha ( 20 ). In-natura limitata tal-immunitajiet tal-Unjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 17(1) tal-Protokoll, li jipprovdi li l-immunitajiet jingħataw lill-uffiċjali u lill-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni biss fl-interess tal-Unjoni ( 21 ), u mhux fl-interess proprju tal-membri tal-persunal. L-immunitajiet għalhekk huma funzjonali mhux biss fir-rigward tas-suġġett tagħhom, iżda wkoll fir-rigward tal-għan tagħhom. |
64. |
Immunità għal atti uffiċjali hija indispensabbli għall-funzjonament tajjeb u għall-indipendenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, jekk il-membri tal-persunal tal-Unjoni ma jkunux eżentati minn proċeduri legali min-naħa tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-atti uffiċjali tagħhom, dawn ikunu f’riskju, fl-ewwel lok, li jiġu ssanzjonati għal dawn l-istess atti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ( 22 ). Dan kieku jkun jista’ jwassal għal prudenza eventwalment eċċessiva jew saħansitra għal paraliżi tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
65. |
It-tieni, il-fatt li l-attivitajiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu evalwati fid-dawl tad-dritt intern tal-Istati Membri jippreġudika l-funzjonament tajjeb u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 23 ). Dan jista’ eventwalment jostakola t-twettiq ta’ dawn il-kompiti. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jeskludi l-proċeduri legali tal-Istati Membri għall-atti uffiċjali tal-membri tal-persunal tal-Unjoni. |
66. |
Barra minn hekk, tkun qed tiġi żgurata l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, meta uffiċjal jaġixxi fil-kapaċità uffiċjali, hija finalment l-istituzzjoni stess li tkun qed taġixxi. Konsegwentement, tali att ma jistax ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri. |
67. |
Iż-żewġ għanijiet tal-immunità għal atti uffiċjali huma kkorroborati mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-Unjoni hija responsabbli, fir-relazzjonijiet esterni, għal atti professjonali mwettqa mill-membri tal-persunal tagħha u mhux għall-membri tal-persunal personalment. Il-ġurisdizzjoni esklużiva għall-evalwazzjoni ta’ tali responsabbiltà taqa’ fuq il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 268 TFUE ( 24 ). |
3. Fuq il-limitazzjoni tal-immunità għall-“proċeduri legali” tal-Istati Membri (l-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari)
68. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jeskludix biss il-proċeduri ġudizzjarji prinċipali li jikkonċernaw atti mwettqa minn membri tal-persunal tal-Unjoni fil-kapaċità uffiċjali tagħhom jew jekk, fil-każ ta’ tali atti, il-proċeduri kriminali preċedenti għall-proċedura ġudizzjarja prinċipali humiex ukoll inammissibbli. |
69. |
Il-fatt li ma jistgħux jinbdew proċeduri ġudizzjarji prinċipali kontra persuni msemmija fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll fir-rigward tal-atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali tagħhom jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni stess. Din testendi għall-proċeduri legali kollha u tkopri, konsegwentement, il-ġurisdizzjoni kriminali ( 25 ). |
70. |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Latvja, l-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ma hijiex limitata għall-proċedura ġudizzjarja fis-sens strett, iżda għandha wkoll effett fuq investigazzjonijiet kriminali. |
71. |
Dan huwa sostnut mill-kliem ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni li mhux dejjem tinkludi limitazzjoni għal element “ġudizzjarju” ( 26 ). Fi kwalunkwe każ, l-investigazzjoni kriminali tista’ tinkludi diġà elementi ġudizzjarji, pereżempju fil-forma ta’ kompetenzi speċifiċi ta’ mħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari. Madankollu, sa fejn il-portata tal-immunità ma tistax tiddependi fuq l-organizzazzjoni konkreta tal-proċedura kriminali u tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-qrati ta’ kull Stat Membru, għandu jitqies li l-immunità tapplika b’mod ġenerali għall-miżuri ta’ infurzar li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali ( 27 ). |
72. |
Miżuri konkreti li għalhekk huma inammissibbli mingħajr ma titneħħa minn qabel l-immunità skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll jinkludu l-arrest provviżorju tal-imputat, is-smigħ bħala imputat u tfittxijiet għand l-imputat. L-istess japplika għal tali miżuri b’rabta mal-proċeduri amministrattivi jew ċivili relatati ma’ att uffiċjali ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni ( 28 ). |
73. |
Dan il-qari tal-portata tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ġie reċentement ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li insistiet fuq il-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, uffiċjal tal-Unjoni ma huwiex b’mod partikolari suġġett għal miżuri li jċaħħdu l-libertà għal atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali ( 29 ). |
74. |
Tali interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi li għandha tingħata awtorizzazzjoni lill-membri tal-persunal tal-Unjoni meta jkollhom jixhdu fil-qorti dwar attivitajiet jew fatti li jkunu saru jafu dwarhom fl-eżerċizzju tal-kapaċità uffiċjali tagħhom. Minn dan isegwi, a contrario, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-immunità minn proċeduri legali tipprekludi s-smigħ ta’ xhieda jew is-smigħ tal-kawża ta’ uffiċjal. |
75. |
Min-naħa l-oħra, in-natura funzjonali tal-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll teskludi li din l-immunità tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala projbizzjoni ġenerali ta’ investigazzjoni jew ta’ rinviju. |
76. |
L-ewwel, li kieku kull implikazzjoni ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni fl-investigazzjonijiet kriminali għandha tiġi eskluża, dan kien ikun espressament previst mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Fil-fatt, dan huwa previst fl-Artikolu 8 tal-Protokoll f’dak li jikkonċerna l-membri tal-Parlament Ewropew. Dawn “m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali” minħabba opinjonijiet jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom. |
77. |
It-tieni, projbizzjoni ta’ kull investigazzjoni jew li jiġu indirizzati każijiet li jistgħu jaqgħu taħt l-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll tista’ fil-prattika tintrabat biss mal-persuna tal-membri tal-persunal ikkonċernati tal-Unjoni. Madankollu, dan ikun idgħajjef il-limiti tal-immunità personali ( 30 ). |
78. |
It-tielet, ċertament ma huwiex possibbli, kif irrileva ġustament il-Gvern Taljan, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta eventwali mal-kompiti uffiċjali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jekk l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma jkunux jistgħu, a fortiori, ifittxu li jidentifikaw il-fatti rilevanti fir-rigward tal-atti mwettqa mill-membri tal-persunal tal-Unjoni. |
79. |
Ir-raba’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ma għandhiex twassal sabiex tagħmel l-investigazzjonijiet kriminali eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli, fit-territorju tal-Istati Membri ( 31 ). Fi kliem ieħor, in-natura funzjonali u għaldaqstant limitata tal-privileġġi u tal-immunitajiet tal-Protokoll hija intiża sabiex tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi tal-Unjoni għall-indipendenza u għall-funzjonament tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-Istati Membri fl-effettività tal-proċeduri kriminali tagħhom. Madankollu, projbizzjoni ġenerali ta’ investigazzjoni tmur lil hinn minn dawk “[…] li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha” fis-sens tal-Artikolu 343 TFUE. |
80. |
Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, investigazzjoni mwettqa kontra uffiċjal tal-Unjoni minħabba atti uffiċjali tista’ tikkostitwixxi riskju ta’ preġudizzju għall-indipendenza jew għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jipprevedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jaġixxu bi qbil komuni fl-applikazzjoni tal-imsemmi protokoll. B’hekk, dan l-artikolu jfittex li jiġu evitati kunflitti fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ( 32 ) u, b’mod iktar ġenerali, li jiggarantixxi li l-għanijiet tal-Protokoll ma jiġux kompromessi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 18 tal-Protokoll jikkonkretizza d-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE ( 33 ). |
81. |
Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jew l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari diġà huma obbligati, fi stadju bikri tal-proċedura, li jinformaw lill-istituzzjoni tal-Unjoni li għaliha l-imputat ikun qed jaġixxi u jekk ikun il-każ, li jitolbu t-tneħħija tal-immunità ( 34 ). Fil-fatt, din għandu jkollha l-possibbiltà li tevalwa jekk jeżistix ostakolu li huwa ta’ theddida għall-funzjonament u għall-indipendenza tagħha ( 35 ). Eċċezzjoni tista’, l-iktar l-iktar, tapplika f’każijiet fejn ikun ċar li ma hemm ebda rabta bejn l-atti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni jew tal-proċeduri kriminali u l-kompiti u l-obbligi tal-imputat skont id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, fid-dawl tal-konnessjoni mill-qrib tal-kompetenzi nazzjonali u tal-Unjoni fil-qasam tas-SEBĊ u tas-superviżjoni bankarja Ewropea, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li att min-naħa ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali, li minn barra jkun jidher li sar f’kapaċità uffiċjali, jidher li jista’ jintrabat mal-qasam ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali esklużivament. |
82. |
Jekk l-istituzzjoni tal-Unjoni tqis li jew il-fatti kkritikati ma għandhomx rabta mal-kompiti tagħha jew li ma jeżistix interess tal-Unjoni li tinżamm l-immunità fis-sens tal-Artikolu 17(2) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, il-proċedura ta’ investigazzjoni tkun tista’ tkompli. F’dan il-każ, il-persuna kkonċernata tista’, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u, jekk ikun il-każ, skont l-Artikolu 91 tagħhom, tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din min-naħa tagħha tiddeċiedi dwar jekk l-immunità ġietx miċħuda jew imneħħija indebitament. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali deċiżjoni tal-istituzzjoni tikkostitwixxi “att li jikkawża preġudizzju”, peress li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu serjament is-sitwazzjoni legali tiegħu ( 36 ). Minn dan isegwi li d-deċiżjoni ta’ ċaħda jew ta’ tneħħija tal-immunità tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 37 ), b’tali mod li tista’ tiġi kkontestata minn benefiċjarju li ma huwiex kopert mir-Regolamenti tal-Persunal, bħall-membri kollha tal-persunal tal-BĊE u l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. |
83. |
Jekk, min-naħa l-oħra, l-istituzzjoni tqis li teżisti rabta mal-kompiti tagħha u li t-tneħħija tal-immunità tmur kontra l-interessi tagħha, l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari jkun diġà jista’, fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, jindirizza “ittra rogatorja” lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwa ma jkunx jixtieq jaċċetta din id-deċiżjoni ( 38 ). Din hija proċedura proprja li tinkludi l-abbrevjazzjoni “IMM” (talba dwar l-immunitajiet, “demande relative aux immunités”). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk l-istituzzjoni setgħetx tiċħad it-tneħħija tal-immunità ( 39 ). |
84. |
Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ ċaħda min-naħa tal-awtoritajiet jew tal-qrati nazzjonali li jassoċjaw l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li għadu kif ġie deskritt, anki l-allegat benefiċjarju tal-immunità jista’ jiftaħ proċedura “IMM” quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jikseb il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ immunità ( 40 ). Barra minn hekk, nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali fl-applikazzjoni tal-Protokoll jista’ jiġi ssanzjonat fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 41 ). |
85. |
Jekk dan ma jkunx il-każ, qorti nazzjonali tkun obbligata, skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, l-iktar tard qabel il-ftuħ tal-proċedura prinċipali ( 42 ). |
86. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, għalkemm l-immunità minn proċeduri legali tkopri miżuri ta’ infurzar li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika fil-kuntest ta’ proċedura kriminali għal atti uffiċjali mwettqa minn membri tal-persunal tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, hija ma tipprekludix b’mod ġenerali l-ftuħ u l-eżekuzzjoni ta’ investigazzjoni kriminali. |
4. Konklużjoni ad interim
87. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22, moqri flimkien mal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, il-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-protokoll, sa fejn jaġixxu uffiċjalment bħala responsabbli għall-funzjonament tal-Unjoni fil-kuntest tas-SEBĊ jew tal-unjoni bankarja, b’mod partikolari fil-funzjoni tagħhom ta’ membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE jew tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE. |
88. |
L-immunità minn proċeduri legali fis-sens tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni tinkludi, minbarra l-proċeduri ġudizzjarji prinċipali għal atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali, miżuri ta’ infurzar li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika fil-kuntest tal-proċeduri kriminali relatati ma’ tali atti, iżda ma tipprekludix b’mod ġenerali l-ftuħ u l-eżekuzzjoni ta’ investigazzjoni kriminali għal tali atti. |
89. |
Barra minn hekk, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-immunità minn proċeduri legali tkompli tapplika wkoll “wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom”. Dan jikkonferma li l-immunità tibqa’ teżisti anki wara tmiem il-mandat. Madankollu, hija tirreferi biss għall-atti uffiċjali mwettqa matul il-mandat. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar f’liema mument jiġi kkritikat l-att imwettaq matul il-mandat hija irrilevanti. |
B. Fuq il-kundizzjonijiet tal-immunità minn proċeduri legali previsti fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni (ir-raba’ domanda preliminari)
90. |
Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandha tevalwa jekk l-akkużat huwiex, fil-każ konkret, eżentat mill-proċeduri legali skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, liema huwa r-rwol li kellha l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni f’dan ir-rigward u ċ-ċirkustanzi li fihom din il-qorti hija meħtieġa titlob lill-BĊE għat-tneħħija tal-immunità. |
91. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att partikolari twettaqx fil-kapaċità uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, huwa importanti li wieħed iħares lejn ir-rabta tal-att mal-obbligi u l-kompiti tal-membri tal-persunal tal-Unjoni ( 43 ). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk tistax tevalwa hija stess l-eżistenza ta’ din ir-rabta. |
92. |
Għalhekk, fl-ewwel pass, għandu jiġi ddeterminat min huwa responsabbli sabiex jevalwa l-eżistenza ta’ rabta mal-kompiti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jew tal-membri tal-persunal tagħha (ara 1). It-tieni, għandu jiġi ddeterminat skont liema kriterji għandha tiġi evalwata din ir-rabta (ara 2). Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet pass, liema huma ċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ dan l-eżami f’dan il-każ (ara 3). |
1. Fuq il-ġurisdizzjoni sabiex tiġi evalwata r-rabta mal-kompiti tal-Unjoni
93. |
Huwa minnu li fil-prattika, huma qabel kollox l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi jew il-qrati tal-Istati Membri li jindirizzaw il-kwistjoni dwar jekk ostakolu proċedurali jistax jeżisti minħabba l-immunità ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni. Huma biss dawn li għandhom l-informazzjoni fattwali neċessarja, li minnha tista’ eventwalment tiżvolġi rabta mal-kompiti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. Konsegwentement, huwa naturali li l-awtoritajiet jew il-qrati nazzjonali jipproċedu l-ewwel bl-eżami tal-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ immunità skont il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. |
94. |
Madankollu, dan ma jfissirx li huma jistgħu jiddeterminaw b’mod awtonomu jekk teżistix rabta bejn l-atti investigati u l-kompiti uffiċjali ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, huma għandhom jirrikorru għand il-Qorti tal-Ġustizzja malli aġir prima facie jkun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ( 44 ). |
95. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-immunità tal-atti uffiċjali msemmija fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni hija intiża sabiex jiġi evitat li l-attività uffiċjali tal-Unjoni u tal-membri tal-persunal tagħha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt intern tal-Istati Membri. Dan huwa intiż ukoll, b’mod partikolari, sabiex jiżgura l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 45 ). |
96. |
Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, f’każ ta’ dubju, tiddefinixxi b’mod vinkolanti dak li jaqa’ taħt il-kompiti u l-obbligi tal-membri tal-persunal tal-Unjoni ( 46 ). Madankollu, jekk l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta ma’ kompitu tal-Unjoni kellha ssir mill-qrati tal-Istati Membri, dawn ikollhom jiddeterminaw dak li jaqa’ taħt il-kompitu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u dan ma huwiex il-każ. |
97. |
Huwa minnu li s-sitwazzjoni hija differenti għall-invjolabbiltà parlamentari prevista fl-Artikolu 9(1)(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Madankollu, skont il-formulazzjoni tagħha, din tiddependi espressament mid-dritt nazzjonali ( 47 ). Konsegwentement, peress li huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeterminaw il-portata tal-immunità parlamentari prevista mid-dritt intern tagħhom, huma biss dawn il-qrati li jistgħu jiddeterminaw jekk aġir huwiex kopert minn din l-immunità. |
98. |
Għalhekk, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, l-obbligu ta’ qorti nazzjonali, li jsir rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, jirriżulta l-iktar tard mill-Artikolu 18 tal-Protokoll jekk hija tipprevedi li tiftaħ proċedura kontra membru tal-persunal tal-Unjoni ( 48 ). Fin-nuqqas ta’ dan, qorti nazzjonali jkollha r-riskju li tevalwa l-atti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni bi ksur tal-Artikolu 263 TFUE. |
99. |
Huwa biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-fatti kkomunikati mill-qorti nazzjonali, ma teżisti ebda rabta mal-kompiti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali jkollha d-dritt tiftaħ il-proċeduri kriminali. Fil-każ kuntrarju, għandha l-ewwel nett tintalab it-tneħħija tal-immunità lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata skont l-Artikolu 17(2) tal-Protokoll ( 49 ). B’hekk, din tingħata l-possibbiltà li tivverifika jekk l-immunità hijiex neċessarja għall-preżervazzjoni tal-funzjonament u tal-indipendenza tagħha. Dan l-eżami għandu preċiżament l-għan imfittex mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ( 50 ). |
100. |
Din hija t-tieni raġuni għaliex qorti nazzjonali ma tistax tiddeċiedi waħedha li ma teżistix rabta bejn att u l-kompiti tal-Unjoni ta’ imputat u li għaldaqstant, l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll ma japplikax. Fil-fatt, tali qorti tkun qed twettaq dan l-eżami minflok l-istituzzjoni jew tkun qed tipprekludi lill-istituzzjoni kkonċernata milli twettaq dan l-eżami. Dan jiddistingwi l-każ tal-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll minn każijiet fl-Artikolu 8 tiegħu fejn ma huwiex previst li l-Parlament għandu jivverifika jekk l-immunità ta’ membru parlamentari hijiex neċessarja fil-każ konkret ( 51 ). |
101. |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rabta ta’ att mal-kompiti ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni, neċessarja għall-eżistenza ta’ “atti […] fil-kapaċità uffiċjali” fis-sens tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll, għandha tiġi ddeterminata b’mod awtonomu mid-dritt tal-Unjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 52 ). Xorta jibqa’ l-fatt li hija biss il-qorti nazzjonali li tkun qed tindirizza l-proċedura li tista’ tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali neċessarji għal din l-evalwazzjoni. Madankollu, hija biss mitluba li tikklassifika l-fatti provati skont il-konstatazzjonijiet tagħha taħt il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dan il-għan ( 53 ). |
2. Fuq il-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita r-rabta neċessarja mal-kompiti tal-Unjoni
102. |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar meta att ikollu rabta mal-kompiti tal-membri tal-persunal tal-Unjoni, b’tali mod li jista’ jkun każ ta’ “atti […] fil-kapaċità uffiċjali” fis-sens tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet, sal-lum, tiddeċiedi darba biss ( 54 ). Fis-sentenzi Sayag u Zürich, iċċitati iktar ’il fuq, hija ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-immunità minn proċeduri legali tkopri biss l-atti li min-natura tagħhom stess għandhom jitqiesu bħala parteċipazzjoni ta’ min ikun qed igawdi mill-immunità fit-twettiq tal-kompiti tal-istituzzjoni li jaqa’ taħtha ( 55 ). Minħabba rabta interna diretta, l-atti għandhom neċessarjament jirriżultaw mill-kompiti tal-istituzzjonijiet ( 56 ). |
103. |
Sabiex jiġu implimentati dawn il-kriterji, huwa neċessarju li wieħed jistaqsi dwar liema atti għandhom ikunu koperti mill-immunità skont l-għan ta’ din stess. |
104. |
Għaldaqstant jidher li huwa raġonevoli li wieħed jikkunsidra jekk l-att inkwistjoni huwiex “neċessarju” ( 57 ) jew inkella kawżali għal kompitu uffiċjali jew jekk huwiex konness ( 58 ) ma’ dan il-kompitu. Fil-fatt, il-funzjonament tajjeb u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiġu ppreġudikati jekk il-membri tal-persunal tal-Unjoni jibżgħu li jkunu suġġetti għal responsabbiltà ċivili jew kriminali għal atti li veru li ma humiex fiċ-ċentru tal-attività statutorja tagħhom, iżda li huma xorta waħda utli jew neċessarji għal dan il-għan ( 59 ). |
105. |
Madankollu, kif diġà ġie rrilevat, l-immunità għal atti uffiċjali hija intiża b’mod partikolari sabiex tevita li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu evalwati mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali u b’hekk jiġu ppreġudikati l-funzjonament tajjeb u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minn dan isegwi li huwa meħtieġ li rabta bejn att u l-kompiti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita kull darba li l-evalwazzjoni ta’ dan l-att tkun teħtieġ evalwazzjoni tas-setgħa tal-membri tal-persunal tagħha, li kif intqal iktar ’il fuq ( 60 ), ma hijiex ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali, iżda tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-Qorti tal-Ġustizzja biss. |
106. |
Tali qari tar-rabta neċessarja ma jippreġudikax eċċessivament l-interessi leġittimi tal-Istati Membri fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ att fil-kapaċità uffiċjali u tal-immunità li tirriżulta minnha skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, jekk ikun il-każ wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ikkonstatat dan, ma timplikax li l-persuna kkonċernata ma tistax tiġi ġġudikata u kkundannata definittivament. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet jew il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex tneħħi l-immunità skont l-Artikolu 17(2) tal-Protokoll. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Protokoll, li jilqgħu r-rikors jekk ma jkun jeżisti l-ebda interess tal-Unjoni fl-immunità fil-każ konkret ( 61 ). Jekk, sussegwentement, hija tirrifjuta b’mod żbaljat it-tneħħija tal-immunità, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ dejjem taċċetta t-tressiq ta’ proċeduri kriminali ( 62 ). |
107. |
F’dan ir-rigward, l-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni hija distinta mill-immunità tal-membri tal-Parlament Ewropew prevista fl-Artikolu 8 tiegħu, li ma tistax titneħħa ( 63 ). Madankollu, din il-partikolarità tidher preċiżament li hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rabta għandha tkun diretta u evidenti f’dan il-każ ( 64 ). Għaldaqstant, qari daqshekk strett tar-rabta ma huwiex indikat fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll. |
108. |
Fi kwalunkwe każ, il-fatt li att ikun eventwalment illegali ma jistax jipprekludi l-eżistenza tiegħu fil-kapaċità uffiċjali ( 65 ). Dan għandu jkun il-każ, skont dak li għadu kif ġie espost, minħabba s-sempliċi fatt li l-illegalità tal-att għandha l-ewwel tiġi evalwata fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni. Madankollu, kieku din kellha tiġi adottata illum qabel għada u għaldaqstant titneħħa l-immunità minn proċeduri legali tal-Istati Membri, jista’ jkun li finalment qorti nazzjonali tiddeċiedi, minflok il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-legalità tal-atti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. Minn dan isegwi li fil-preżenza ta’ diversi lmenti partikolarment gravi, bħall-offiża ta’ omiċidju, l-immunità għandha, bħala regola ġenerali, tiġi miċħuda għaliex tali offiża ma teħtieġx evalwazzjoni tas-setgħa tal-imputat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma għandha manifestament ebda rabta mal-kompiti ta’ din il-persuna fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u mhux għax l-offiża hija illegali ( 66 ). |
109. |
Għall-kuntrarju, huwa biss fil-livell tat-tneħħija tal-immunità li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-illegalità potenzjali ta’ att. Fil-każ ta’ att probabbilment illegali, jeħtieġ li jkun hemm interess partikolarment serju tal-Unjoni sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma tal-immunità. |
110. |
L-eżistenza ta’ interessi partikolari tal-Unjoni hija wkoll irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-rabta ta’ att ma’ kompiti tal-Unjoni, kuntrarjament għal dak li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat fl-ewwel parti tal-ħames domanda preliminari. Ċertament, skont id-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 17(1) tal-Protokoll, il-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu jingħataw esklużivament fl-interess tal-Unjoni. Madankollu, minn dan jirriżulta biss, fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ immunità, li tali immunità hija ddefinita minn perspettiva funzjonali u li għalhekk hija possibbli biss għal atti mwettqa f’kapaċità uffiċjali ( 67 ). Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ interessi tal-Unjoni għandha tiġi eżaminata biss fil-kuntest tat-tneħħija eventwali tal-immunità. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(2) tal-Protokoll jippreċiża li kull istituzzjoni għandha tneħħi l-immunità meta din ma tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-istituzzjoni kkonċernata ma hijiex obbligata turi li l-proċeduri kriminali jistgħu jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb jew l-indipendenza ta’ din l-istituzzjoni sabiex tiġġustifika is-sempliċi eżistenza tal-immunità funzjonali ( 68 ). |
111. |
Bħala konklużjoni, għandhom jitqiesu bħala “atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali” fis-sens tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, dawk l-atti li, minħabba rabta interna diretta, neċessarjament jirriżultaw mill-kompiti tal-istituzzjonijiet u għandhom għalhekk, min-natura tagħhom stess, jitqiesu bħala parteċipazzjoni ta’ persuna koperta minn din id-dispożizzjoni fit-twettiq tal-kompiti tal-istituzzjoni. Dan huwa l-każ meta l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att ikun jeħtieġ evalwazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata jew tal-membri tal-persunal tagħha, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
3. Fuq l-eżistenza ta’ rabta neċessarja f’dan il-każ
112. |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju għad-domanda proprja tagħha, jiġifieri jekk l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni jipprekludix il-ftuħ tal-investigazzjoni ġudizzjarja fil-kawża prinċipali, huwa meħtieġ, sussegwentement, li tiġi eżaminata r-rabta neċessarja, sa fejn dan ikun possibbli fuq il-bażi fattwali kkomunikata. Barra minn hekk, għandhom jitfakkru l-kundizzjonijiet fattwali li l-qorti tar-rinviju għad trid tivverifika l-eżistenza tagħhom f’dan il-kuntest ( 69 ). |
113. |
F’dan ir-rigward, ir-rabta mal-kompiti nazzjonali jew tal-Unjoni ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali fil-kuntest tas-SEBĊ u ta’ superviżjoni bankarja Ewropea tista’, b’mod partikolari, toħloq diffikultajiet minħabba l-integrazzjoni qawwija ta’ dawn is-sistemi fil-prattika ( 70 ). Dan juri, minn naħa, l-obbligu ta’ involviment bikri tal-BĊE fil-kuntest ta’ tali proċedura ( 71 ) u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li l-Qorti tal-Ġustizzja tingħata l-kompitu li tevalwa r-rabta mal-kompiti tal-Unjoni ( 72 ). |
114. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel, li l-imputat qed jiġi akkużat li, min-nofs l-2010 sal-aħħar tal-2015, ipprovda konsultazzjonijiet lil Trasta Komercbanka fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali mill-FKTK b’kumpens ta’ flus jew benefiċċji oħra u għinha fil-formulazzjoni tal-korrispondenza tagħha mal-FKTK billi sfrutta minn informazzjoni li kien irċieva mill-FKTK minħabba l-pożizzjoni professjonali tiegħu. It-tieni, sal-proposta ta’ rtirar mill-FKTK tal-awtorizzazzjoni ta’ Trasta Komercbanka tal-5 ta’ Frar 2016, huwa ma kienx preżenti għal-laqgħat tal-Bord tiegħu li matulhom ġew diskussi kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ Trasta Komercbanka u għalhekk f’dan il-kuntest, huwa naqas milli jevita deterjorazzjoni tal-proporzjon ta’ kapital proprju ta’ Trasta Komercbanka u li jiskoraġġixxi l-ħasil tal-flus. It-tielet, qed jiġi akkużat li, matul l-2012 u 2013, huwa investa l-flus li rċieva bħala kumpens fi proprjetà sabiex jaħbi l-provenjenza tagħhom. |
a) Fuq l-ilmenti dwar il-perijodu ta’ qabel l‑4 ta’ Novembru 2014
115. |
Fil-kuntest tas-SEBĊ, il-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali jeżerċitaw kompiti tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jiddeċiedu fuq miżuri ta’ politika monetarja bħala membri tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE. Dan jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 129(1) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 12.1(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-politika monetarja tal-Unjoni ( 73 ). Il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għandu jikkoordina, min-naħa tiegħu, konformement mal-Artikolu 141(2) TFUE, il-politiki monetarji tal-Istati Membri bil-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. |
116. |
Sa mill‑4 ta’ Novembru 2014, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-funzjoni tagħhom bħala membri tal-Kunsill Regolatorju, jistgħu jeżerċitaw kompiti tal-Unjoni inkluż fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali bankarja. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament MSU, il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u uniformi tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku li jikkonsisti mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ( 74 ). Skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament MSU, id-deċiżjonijiet finali dwar il-kompiti superviżorji fdati lill-BĊE skont l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament jiġu adottati wara t-tħejjija tal-hekk imsejjaħ Bord Superviżorju tal-Kunsill Regolatorju ( 75 ). Il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE, li lilu jappartjenu wkoll il-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li ma humiex membri tal-unjoni monetarja, ma għandu, mid-definizzjoni tiegħu, ebda kompitu f’dan il-kuntest, peress li huma biss il-banek taż-żona tal-euro fi ħdan il-MSU li huma suġġetti għal superviżjoni prudenzjali. |
117. |
Fir-rigward tal-ilment tal-ħasil tal-flus, ma jidhirx kif dan jista’ jkun marbut mal-funzjonijiet tal-imputat taħt id-dritt tal-Unjoni bħala membru ta’ korp deċiżjonali tal-BĊE. Fil-fatt, l-investiment ta’ somma flus fi proġett ta’ bini ma għandu l-ebda rabta intrinsika mal-oqsma ta’ attività tal-politika monetarja jew tas-sorveljanza bankarja. |
118. |
Sa fejn l-atti kkontestati twettqu matul il-perijodu ta’ qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, id-data tal-adeżjoni tal-Latvja maż-żona tal-euro, hija wkoll eskluża rabta mal-funzjonijiet tal-imputat fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, matul dan il-perijodu, l-imputat kien membru tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE biss, li għandu biss mandat ta’ politika monetarja ( 76 ). Madankollu, ma jidhirx li l-ilmenti deskritti iktar ’il fuq għandhom rabta intrinsika ma’ miżuri ta’ politika monetarja. |
119. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma teżisti rabta mal-kompiti tal-imputat bħala membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u t‑3 ta’ Novembru 2014, peress li l-Kunsill Regolatorju kien eżerċita bl-istess mod kompiti ta’ politika monetarja biss matul dan il-perijodu. Fil-fatt, il-kompiti ta’ sorveljanza bankarja msemmija fil-punt 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet huma eżerċitati mill-Kunsill Regolatorju sa mill‑4 ta’ Novembru 2014, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament MSU. Bl-istess mod, anki l-FKTK, li l-imputat kien il-membru konsultattiv tagħha, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, matul il-perijodu kollu kkontestat, kien jeżerċita biss kompiti ta’ sorveljanza nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku ( 77 ). |
b) Fuq l-ilmenti dwar il-perijodu ta’ wara l‑4 ta’ Novembru 2014
120. |
Huwa minnu li anki wara d-dħul fis-seħħ tal-MSU, Trasta Komercbanka, bħala istituzzjoni ta’ kreditu inqas importanti fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU, kienet taqa’ taħt is-superviżjoni diretta tal-FKTK, skont l-Artikolu 6(6) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-kompiti ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b), (d) sa (g) u (i) tiegħu. |
121. |
Madankollu, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament MSU, l-irtirar tal-approvazzjoni jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-BĊE, inkluż meta l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun inqas importanti, bħal Trasta Komercbanka. |
122. |
Huwa minnu li d-deċiżjoni li tiġi rtirata l-approvazzjoni ta’ Trasta Komercbanka ttieħdet mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE fit‑3 ta’ Marzu 2016 u għalhekk, sa fejn huwa evidenti, wara l-perijodu li għalih saret l-akkuża fil-kawża prinċipali. Madankollu, din id-deċiżjoni ġiet adottata f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU u mal-Artikolu 83(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU, fuq proposta tal-FKTK bħala “awtorità nazzjonali kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament MSU, li l-imputat kien ukoll membru konsultattiv tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, matul perijodu itwal qabel il-preżentazzjoni ta’ din il-proposta lill-BĊE, il-FKTK kienet diġà qed teżamina l-kwistjoni dwar jekk Trasta Komercbanka għadhiex qed tissodisfa r-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni. |
123. |
F’każ bħal dan, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni jaġixxu, fil-fehma tiegħi, funzjonalment bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-gvernaturi ta’ bank ċentrali nazzjonali, fil-funzjoni tagħhom ta’ membri ta’ din l-awtorità, għandhom ukoll jitqiesu bħala tali ( 78 ). |
124. |
L-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza fil-livell MSU tista’ tinqasam fi tliet kategoriji ta’ każijiet. Fl-ewwel kategorija, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni jassumu l-kompiti assenjati lilhom skont id-dritt nazzjonali fl-oqsma kollha li ma humiex koperti mir-Regolament MSU (ara l-Artikolu 1(5) tar-Regolament MSU). |
125. |
Fit-tieni kategorija, għalkemm huwa minnu li dawn jeżerċitaw kompiti stabbiliti fir-Regolament MSU, huma madankollu jaġixxu bħala attur distint. Din il-kategorija tinkludi, pereżempju, is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas importanti skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament MSU. Għalhekk, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament MSU, l-awtoritajiet nazzjonali stess huma responsabbli għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha u huma suġġetti biss għall-istruzzjonijiet ġenerali tal-BĊE, konformement mal-Artikolu 6(5)(a) tar-Regolament MSU. |
126. |
Fit-tielet kategorija, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali jintervjenu biss fuq bażi preparatorja għal deċiżjoni tal-BĊE, mingħajr madankollu ma jieħdu deċiżjonijiet awtonomi li bihom il-BĊE huwa marbut. Eżempju ta’ dan mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti prevista fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital flimkien mal-Artikolu 4(1)(c) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament MSU ( 79 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intervent eventwali tal-awtoritajiet nazzjonali matul il-proċedura, li twassal għal deċiżjoni tal-BĊE, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-klassifikazzjoni tiegħu bħala att tal-Unjoni ( 80 ). Peress li l-BĊE huwa responsabbli fl-aħħar istanza, l-azzjoni tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali hija għalhekk attribwita lilu f’dan il-każ. |
127. |
Minn dan isegwi, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex tevalwa l-legalità ta’ tali miżura, inkluż fir-rigward tal-fatt li l-atti tal-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jiġu evalwati f’dan il-każ ( 81 ). Min-naħa l-oħra, dan jimplika wkoll li l-azzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet hija, f’dan il-kuntest, eżenti minn proċedimenti legali, għaliex dawn għandhom jitqiesu funzjonalment bħala korpi tal-BĊE fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, dan l-intervent ikun jista’ jiġi evalwat mill-qrati tal-Istati Membri ( 82 ). |
128. |
Dan huwa preċiżament il-każ tal-proċedura tal-irtirar ta’ approvazzjoni bankarja prevista fl-Artikolu 4(1)(a) u fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU moqri flimkien mal-Artikolu 83 tar-Regolament Qafas tal-MSU, li ġie applikat f’dan il-każ fir-rigward ta’ Trasta Komercbanka. Minkejja li, konformement mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU, l-irtirar tal-approvazzjoni twettaq fuq proposta tal-FKTK, il-BĊE kellu, ċertament, jieħu inkunsiderazzjoni din il-proposta b’mod sħiħ, iżda huwa ma kienx marbut bl-Artikolu 83(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Għaldaqstant, il-FKTK eżerċitat biss funzjoni ta’ servizz f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-azzjoni tal-FKTK f’dan il-kuntest taqa’ wkoll taħt il-Qorti tal-Ġustizzja biss ( 83 ). |
129. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-atti allegati fil-konfront tal-imputat b’effett mill‑4 ta’ Novembru 2014 humiex marbuta mal-kompiti tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-“attivitajiet ta’ konsulenza” li huwa akkużat bihom wara din id-data kinux jirrigwardaw rekwiżiti li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom kien jipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li fuqhom il-FKTK setgħet, konsegwentement, tibbaża l-proposta tagħha skont l-Artikolu 18 flimkien mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU. |
130. |
B’mod iktar preċiż, hija għandha teżamina jekk l-ilment imsemmi fl-att tal-akkuża dwar konsulenza fir-rigward taż-żieda neċessarja tal-kapital azzjonarju, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni kkwalifikata u l-passi neċessarji sabiex jiġu attirati investituri (azzjonisti), kienx marbut mar-rekwiżiti relatati mal-fondi proprji għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jippermetti li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu skont l-Artikolu 18(d) tad-Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital. L-istess japplika għall-ilment dwar il-konsulenza fir-rigward tan-nuqqas ta’ Trasta Komercbanka li tiggarantixxi r-rekwiżiti tal-liġi Latvjana dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa minnu li mill-premessi 28 u 29 tar-Regolament MSU jirriżulta li l-ġlieda kontra l-użu abbużiv tas-sistema finanzjarja fil-qasam tal-ħasil tal-flus huwa kompitu ta’ sorveljanza purament nazzjonali. Madankollu, is-suspett ta’ ħasil tal-flus fil-persuna ta’ azzjonist huwa aspett li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni ( 84 ). Barra minn hekk, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 18(e) u (f) flimkien mal-Artikolu 67(o) tad-Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital jiġi kkunsidrat ukoll anki fir-rigward ta’ ksur kontra d-dritt nazzjonali rilevanti. |
131. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l- “konsultazzjoni” ta’ bank minn membru tal-istituzzjoni, li għandha tivverifika b’mod kostanti l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti mill-bank, f’dan il-każ il-FKTK, jew tikkonstata definittivament in-nuqqas ta’ osservanza tagħhom, f’dan il-każ il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, hija preċiżament marbuta ma’ dawn l-istess rekwiżiti, anki jekk permezz ta’ dan jinħbew ċirkustanzi li għandhom iwasslu għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Huwa minnu li tali att min-naħa ta’ membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE jista’ jikkostitwixxi ksur obbligatorju għaliex il-BĊE ma jipprevedix il-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u li, għal dan il-għan, l-imputat eventwalment abbuża l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni riċevuta. Madankollu, huwa preċiżament għal din ir-raġuni li dan l-att huwa marbut, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, mal-obbligi ta’ dan il-membru, b’tali mod li l-evalwazzjoni tal-att inkwistjoni bħala konformi jew mhux konformi mal-obbligu tiegħu ma hijiex responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 85 ). |
132. |
Dan jimplika li l-BĊE għandu, f’dan ir-rigward, jiġi mistieden ineħħi l-immunità skont l-Artikolu 17(2) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ( 86 ). |
133. |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li jidher li tipprevedi l-qorti tar-rinviju fil-ħames domanda preliminari tagħha, il-konstatazzjoni ta’ rabta mal-attività uffiċjali tal-imputat abbażi tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ interessi tal-Unjoni għall-immunità minn proċeduri legali ta’ dan tal-aħħar. Dan għaliex, minn naħa, fl-assenza ta’ rabta mal-kompiti tal-Unjoni, lanqas ma teżisti immunità li jeħtieġ li titneħħa. Min-naħa l-oħra, it-tneħħija tal-immunità mhux dejjem tmur kontra l-interessi tal-Unjoni meta r-rabta meħtieġa tkun teżisti. Fil-fatt, li kieku kien mod ieħor, it-tneħħija qatt ma tkun tista’ ssir. |
134. |
Fi kliem ieħor, huwa assolutament prevedibbli u anki probabbli fir-rigward tal-pożizzjoni difiża mill-BĊE f’din il-proċedura, li l-BĊE jneħħi l-immunità tal-imputat u li, sussegwentement, xejn ma jipprekludi proċeduri kriminali fil-Latvja. Jekk, fil-każ remot, il-BĊE jirrifjuta li jneħħi l-immunità, il-qorti tar-rinviju tista’ tissuġġetta għal darba oħra din id-deċiżjoni għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 87 ). |
c) Konklużjoni ad interim
135. |
Fiċ-ċirkustanzi fattwali kkomunikati mill-qorti tar-rinviju, ma teżistix rabta bejn il-fatti allegati fil-konfront tal-imputat matul il-perijodu ta’ qabel l‑4 ta’ Novembru 2014 u l-kompiti tiegħu bħala membru tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE jew tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE taħt id-dritt tal-Unjoni. Għall-perijodu ta’ wara d-dħul fis-seħħ tal-MSU fl‑4 ta’ Novembru 2014, teżisti rabta mal-kompiti tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni bħala membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u tal-FKTK bħala “awtorità nazzjonali kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament MSU, meta l-konsultazzjonijiet mogħtija lil Trasta Komercbanka kkontestati fil-konfront tal-imputat kienu jirrigwardaw rekwiżiti li jistgħu jkunu rilevanti għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan. |
C. Fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 130 TFUE (il-ħames domanda preliminari)
136. |
Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 130 TFUE, li jistabbilixxi l-indipendenza tal-BĊE, tal-banek ċentrali nazzjonali u tal-membri tal-korpi deċiżjonali tagħhom, jistax jikkostitwixxi bażi għal immunità estiża tal-gvernaturi tal-banek ċentrali. F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tal-ħames domanda preliminari tagħha, dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix atti mwettqa fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra gvernatur ta’ bank ċentrali li ma huwiex marbut, f’dan ir-rigward, mal-kompiti tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. |
137. |
Skont l-Artikolu 130 TFUE, il-korpi u l-persuni msemmija f’din id-dispożizzjoni ma jistgħux jirċievu istruzzjonijiet minn korpi oħra u lanqas ma jistgħu jkunu mħajra jinfluwenzaw lil dawn fl-eżerċizzju tad-doveri tagħhom. L-indipendenza tal-BĊE, tal-banek ċentrali nazzjonali u tal-membri tal-korpi deċiżjonali tagħhom hija, fid-disinn tat-Trattati, kundizzjoni indispensabbli għaż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet, il-kompitu prinċipali tas-SEBĊ ( 88 ). |
138. |
Madankollu, din l-indipendenza tista’ tiġi kompromessa wkoll minn proċeduri jew investigazzjonijiet kriminali nazzjonali u miżuri ta’ infurzar li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika kontra gvernatur ta’ bank ċentrali b’rabta ma’ kompiti purament nazzjonali, jew anki f’ċirkustanzi extraprofessjonali. Il-pressjoni politika li tista’ tirriżulta minnha jew is-sempliċi impediment ta’ din il-persuna, pereżempju fil-każ ta’ arrest, jistgħu jippreġudikaw l-eżerċizzju indipendenti tal-kompiti fil-kuntest tas-SEBĊ ( 89 ). |
139. |
F’din il-perspettiva, jista’ jkun xieraq li l-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jingħataw protezzjoni iktar estensiva, b’mod partikolari mill-miżuri ta’ infurzar li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika, li ma hijiex limitata għall-funzjonament tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza huma intiżi essenzjalment sabiex jipproteġu lis-SEBĊ minn kull pressjoni politika sabiex tkun tista’ tilħaq l-għanijiet assenjati għall-kompiti tagħha b’mod effettiv ( 90 ). |
140. |
Tali immunitajiet personali huma xi ftit jew wisq magħrufa mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 8 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma humiex affettwati mill-Artikolu 20 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, l-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-avukati ġenerali tagħha ma huma suġġetti għal ebda proċedura legali. B’differenza mill-immunità diplomatika, il-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jibbenefikaw ukoll mill-immunità fl-Istat Membru li jkun ħatarhom. Dan huwa intiż sabiex jiżgura protezzjoni partikolari għall-imparzjalità tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 91 ). |
141. |
Madankollu, estensjoni tal-immunità tal-gvernaturi tal-banek ċentrali lil hinn mill-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ma kinitx prevista, minkejja li dan il-protokoll iħalli din il-possibbiltà espressament miftuħa ( 92 ). |
142. |
Tali estensjoni lanqas ma hija neċessarja. |
143. |
Fil-fatt, fir-rigward tal-kompiti purament nazzjonali, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali ( 93 ), imfakkar diġà iktar ’il fuq, jiżgura li l-BĊE jiġi informat fi stadju bikri dwar eventwali attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u li huwa jkollu l-opportunità jivverifika jekk dan jaffetwax ħażin il-funzjonament jew l-indipendenza tiegħu. Fil-fatt, l-eċċezzjoni dwar l-involviment tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata f’każijiet fejn huwa manifest li ma hemm ebda rabta mal-kompiti tal-persuna kkonċernata taħt id-dritt tal-Unjoni tista’, l-iktar l-iktar, tapplika għal atti li b’mod ċar ma humiex ta’ natura professjonali fil-każ ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali ( 94 ). Ladarba att ikun evidentement professjonali, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ infurzar tal-liġi huma marbuta li jintervjenu fil-BĊE ( 95 ). |
144. |
Min-naħa l-oħra, sa fejn hemm riskju li jinfetħu proċeduri kriminali għal atti esklużivament extraprofessjonali, ma huwiex ċar, prima facie, għal liema raġuni gvernatur ta’ bank ċentrali għandu inizjalment jibqa’ jiġi protett sempliċiment minħabba l-kariga tiegħu biss. |
145. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-biża’ minn proċeduri kriminali motivati politikament jew minn proċeduri ġudizzjarji bħala metodu ta’ pressjoni ma tistax tiġġustifika invjolabbiltà tal-persuna ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali. L-Unjoni hija unjoni tad-dritt abbażi tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, komuni għall-Istati Membri kollha ( 96 ). Fost dawn il-valuri hemm, b’mod partikolari, l-Istat tad-dritt. Dan jibbaża u jiġġustifika l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u b’mod partikolari bejn il-qrati tagħhom ( 97 ). |
146. |
Madankollu, għandu jiġi ammess li d-detenzjoni ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali b’mod partikolari tista’ twassal għal preġudizzju għall-indipendenza fis-sens tal-Artikolu 130 TFUE, ikun xi jkun il-kuntest, jiġifieri anki jekk jitqies li din ma tkunx abbużiva. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-tul ta’ membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE jista’ jaffettwa serjament il-funzjonament tajjeb ta’ dan il-korp essenzjali tal-BĊE ( 98 ). |
147. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, f’dan il-kuntest, li l-istrument intiż sabiex jipprevjeni tali preġudizzju għall-indipendenza ma kienx l-immunità, iżda r-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ( 99 ). |
148. |
Skont din id-dispożizzjoni, il-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu biss jekk ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu jew jekk huwa ħati ta’ kondotta serjament ħażina. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika għal kull miżura li twassal de facto sabiex il-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali ma jkunux jistgħu jiġu eżerċitati ( 100 ). F’dan il-kuntest, anki skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, id-detenzjoni ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali tidher, bħala prinċipju, eskluża, irrispettivament mill-kuntest. Eċċezzjonijiet huma applikabbli biss għal ksur partikolarment serju ta’ kondotta. |
149. |
Madankollu, anki fil-każ ta’ ksur ta’ kondotta partikolarment gravi, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jinformaw immedjatament lill-BĊE sabiex tingħata effettività sħiħa lill-Artikolu 130 TFUE. Dan jiggarantixxi li l-BĊE jkun jista’ jeżerċita r-rikors previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE meta jqis li l-miżura ta’ infurzar inkwistjoni tippreġudika b’mod inġustifikat l-indipendenza tiegħu. Hija tista’ tikseb ukoll, f’dan il-kuntest, miżuri provviżorji kontra l-awtoritajiet nazzjonali ta’ infurzar tal-liġi ( 101 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement teżamina, b’mod partikolari, jekk jeżistux indizji suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-gvernatur ta’ bank ċentrali kkonċernat wettaq reat serju ( 102 ). Madankollu, jekk dan huwa l-każ, ma huwiex ċar għaliex huwa meħtieġ li l-funzjonament tajjeb tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE jitqiegħed fuq l-interessi leġittimi ta’ infurzar tal-liġi segwiti tal-Istat Membru. |
150. |
Il-garanziji previsti fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, moqrija flimkien mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni u mill-Artikolu 4(3) TUE, li l-osservanza tagħhom tista’, jekk ikun il-każ, tiġi imposta permezz ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 103 ), jiżguraw għalhekk protezzjoni suffiċjenti kontra l-preġudizzju tal-indipendenza tal-BĊE, tal-banek ċentrali nazzjonali u tal-membri tagħhom permezz ta’ miżuri ta’ infurzar tal-liġi f’kawżi purament nazzjonali u extraprofessjonali, li jirrendu superfluwa l-estensjoni tal-immunità tal-persuni kkonċernati lil hinn mill-kliem ċar tal-Artikolu 11(a). |
151. |
Għalhekk jibqa’ l-fatt li l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jibbenefikaw biss mill-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. |
D. Fuq il-konsegwenzi legali tal-ksur tal-immunità (it-tieni parti tat-tielet domanda preliminari)
152. |
Fl-aħħar nett, permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk evidenza miksuba bi ksur tal-immunità prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jsir riferiment b’mod partikolari għal riżultati ta’ smigħ jew ta’ tfittxija li, skont il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ma kellhomx jitwettqu mingħajr tneħħija minn qabel tal-immunità mill-istituzzjoni kkonċernata ( 104 ). |
153. |
F’dan ir-rigward, diġà jeżistu dubji dwar jekk in-natura ta’ din il-parti tad-domanda hijiex ipotetika. Fil-fatt, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar l-evidenza li nġabret bi ksur tal-immunità inkwistjoni, li hija rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali. |
154. |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ esklużjoni ta’ evidenza eventwali, hemm lok għal darba oħra li jsir riferiment għall-proċedura ta’ tneħħija. Fi kwalunkwe każ, ladarba titneħħa l-immunità, l-użu tal-evidenza, bħala prinċipju, ma tmur kontra ebda interess tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni. Madankollu, peress li l-kwistjoni tal-użu tal-evidenza ma hijiex irregolata mill-Protokoll, hija l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri li tapplika f’dan ir-rigward ( 105 ). Dan jimplika l-applikazzjoni, bħala prinċipju, tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jiġu applikati f’każijiet paragunabbli fil-kwistjoni tal-użu tal-evidenza miksuba illegalment (prinċipju ta’ ekwivalenza). Madankollu, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-għanijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni ma jiġux kompromessi (prinċipju ta’ effettività). |
VI. Konklużjoni
155. |
Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.
( 2 ) ĠU 2016, C 202, p. 266.
( 3 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).
( 4 ) ĠU 2016, C 202, p. 230.
( 5 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(2) ta’ dan ir-regolament.
( 6 ) L-istess direttiva temenda d-Direttiva 2002/87/KE u tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 388, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95). L-emenda tal-Artikolu 18 li saret iktar tard permezz tad-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2019, L 150, p. 253, rettifika fil-ĠU 2020, L 212, p. 20) ma hijiex rilevanti għall-kawża ineżami.
( 7 ) BĊE/2014/17 (ĠU 2014, L 141, p. 1).
( 8 ) Latvijas Vēstnesis (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja) Nru 74, tal‑11 ta’ Mejju 2005.
( 9 ) Latvijas Vēstnesis Nru 199/200, tat‑8 ta’ Lulju 1998.
( 10 ) Ara l-Artikolu 6(6) tar-Regolament MSU.
( 11 ) Dan il-proċess kien u għadu s-suġġett ta’ diversi kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; ara d-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs Il-BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623); is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019; Il-BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923); kif ukoll il-kawża pendenti T‑698/16, Trasta Komercbanka et vs Il-BĊE.
( 12 ) Ara l-Artikolu 283(1) TFUE.
( 13 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 76, 79 u 81).
( 14 ) Ara, madankollu, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna għal rikorsi reali relatati mal-patrimonju immobbli privat li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru riċevitur (ara a), għal rikorsi fil-qasam tas-suċċessjoni li fihom ir-rappreżentant diplomatiku jipparteċipa bħala eżekutur testamentarju, amministratur, werriet jew legatarju, fil-kwalità ta’ persuna privata u mhux bħala rappreżentant tal-Istat akkreditanti (ara b), u għal rikorsi relatati ma’ professjoni libera jew ma’ attività kummerċjali eżerċitati minn rappreżentant diplomatiku fl-Istat Membru riċevitur apparti l-attivitajiet uffiċjali tiegħu (ara c).
( 15 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punti 69 u 70), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 83).
( 16 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 70).
( 17 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1968, Sayag u Zürich (5/68, EU:C:1968:42, p. 600). F’dan is-sens, it-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tikkonferma li l-uffiċjali la huma eżentati mit-twettiq tal-obbligi personali tagħhom u lanqas mill-osservanza tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-pulizija li jkunu fis-seħħ, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni.
( 19 ) Ara, b’analoġija mal-protezzjoni tal-arkivji ta’ bank ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 84 u 85).
( 20 ) Digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 19); kif ukoll is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 82); tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 47); u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 73 u 100).
( 21 ) Digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 20) u sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 47).
( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża OH (Immunità minn proċeduri legali) (C‑758/19, EU:C:2021:86, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1968, Sayag u Zürich (5/68, EU:C:1968:42, p. 600).
( 24 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1969, Sayag u Zürich (9/69, EU:C:1969:37, punti 5 sa 7). Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-responsabbiltà fir-relazzjonijiet interni hija limitata għal nuqqas serju.
( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża OH (Immunità minn proċeduri kriminali) (C‑758/19, EU:C:2021:86, punt 27).
( 26 ) Ara, pereżempju, “fritagelse for retsforfølgning” bid-Daniż, “immune from legal proceedings” bl-Ingliż u “vrijgesteld van rechtsvervolgin” bl-Olandiż.
( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Rimšēvičs vs Il-Latvja u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2018:1030, punt 144).
( 28 ) Anki barra mill-proċeduri kriminali, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni jew ta’ informazzjoni, jew inkella l-impożizzjoni ta’ miżuri kawtelatorji, fir-rigward ta’ multi amministrattivi stabbiliti huma prevedibbli.
( 29 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 45).
( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 56 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 105).
( 32 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 42); tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 40), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 119).
( 33 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 41), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 119).
( 34 ) Ara, b’analoġija mal-arkivji tal-Unjoni, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 126).
( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 102).
( 36 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punti 44 sa 54).
( 37 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 36 u 37).
( 38 ) Ara, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, id-digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315).
( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 24); ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Ara, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).
( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 111 et seq.).
( 42 ) Ara wkoll f’dan ir-rigward il-punti 93 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet; kif ukoll, b’riżultat ta’ dan, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 40).
( 43 ) Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gand fil-kawża Sayag u Zürich (5/68, mhux ippubblikata, EU:C:1968:30, p. 608); ara wkoll, fir-rigward ta’ kummenti magħmulin fil-kapaċità uffiċjali, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 33), u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Troszczynski vs Il-Parlament (C‑12/19 P, EU:C:2020:725, punt 40).
( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 81 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 45 ) Ara l-punti 65 u 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 46 ) F’dan ir-rigward, l-Opinjoni 2/13 (L-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 224, 225, 230 u 231), u l-Opinjoni 1/17 (CETA) tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 132).
( 47 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 25).
( 48 ) Ara wkoll, f’dak li jirrigwarda l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni, il-punti 80 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Bħala prinċipju, dan kellu jsir diġà fl-investigazzjoni kriminali (ara l-punti 81 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq), iżda issa jenħtieġ li dan iseħħ mill-iktar fis possibbli jekk l-istituzzjoni tkun għadha ma ngħatatx l-opportunità li tivverifika jekk l-indipendenza u l-funzjonament tagħha jistgħux jiġu affettwati mill-proċedura.
( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 102).
( 51 ) Din hija l-unika tema indirizzata mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 32).
( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punti 28 sa 37).
( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 37), u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Troszczynski vs Il-Parlament (C‑12/19 P, EU:C:2020:725, punt 57).
( 54 ) Madankollu, din il-kwistjoni tqum ukoll fil-kawża pendenti bħalissa, OH (Immunità minn proċedurali legali) (C‑758/19, EU:C:2021:86), li fiha l-Avukat Ġenerali Bobek ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fit‑2 ta’ Frar 2021.
( 55 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1968, Sayag u Zürich (5/68, EU:C:1968:42, p. 600).
( 56 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1969, Sayag u Zürich (9/69, EU:C:1969:37, punt 7).
( 57 ) Ara l-konklużjonijiet tal‑Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2019:1143, punt 54).
( 58 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gand fil-kawża Sayag u Zürich (5/68, mhux ippubblikati, EU:C:1968:30, p. 608).
( 59 ) F’dan is-sens ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża OH (Immunità minn proċeduri legali) (C‑758/19, EU:C:2021:86, punti 27, 29 u 67) li jiffoka fuq il-kriterju tar-rabta mill-qrib.
( 60 ) Ara l-punti 95, 96 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 61 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punti 22 u 25), u s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 101).
( 62 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet u d-digriet tas‑6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:440).
( 63 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 44), u tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 27).
( 64 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 35) u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Troszczynski vs Il-Parlament (C‑12/19 P, EU:C:2020:725, punt 39); ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Troszczynski vs Il-Parlament (C‑12/19 P, EU:C:2020:258, punt 51).
( 65 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 89) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża OH (Immunità minn ġurisdizzjoni) (C‑758/19, EU:C:2021:86, punt 27).
( 66 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi magħquda Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:369, punt 12).
( 67 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 68 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 100).
( 69 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 70 ) Ara, fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, il-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 71 ) Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 72 ) Ara, b’mod partikolari, l-punti 95 u 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 73 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 38).
( 74 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 53), u tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit Mutuel Arkéa vs Il‑BĊE (C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 60).
( 75 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13g.1. tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE. Il-Bord Superviżorju għandu għalhekk jassumi l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, konformement mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament MSU. Ir-rwol ewlieni tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE fis-superviżjoni prudenzjali bankarja huwa msemmi wkoll fl-Artikoli 7(7), 19(3), 24(7) u (8), kif ukoll fl-Artikolu 25(4) u (5) tar-Regolament MSU.
( 76 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 77 ) Ara, fir-rigward tal-kompiti tad-dritt tal-Unjoni tal-FKTK, il-punti 124 sa 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 78 ) Skont il-premessa 13 tar-Regolament MSU, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma humiex neċessarjament il-banek ċentrali, iżda proprju dan huwa l-każ f’diversi Stati Membri. Ċertament, f’dak li jirrigwarda l-Latvja, ma huwiex il-Bank Ċentrali li huwa kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni fil-livell MSU, iżda l-FKTK. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-Gvernatur tal-bank ċentrali huwa membru konsultattiv tal-FKTK, skont id-dritt Latvjan.
( 79 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 43 u 55).
( 80 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 43 u 56).
( 81 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 57).
( 82 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 65 u 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 83 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 57).
( 84 ) Ara f’dan is-sens, Il-BĊE, Leitfaden zur Beurteilung von Zulassungsanträgen, Zulassungsanträge im Allgemeinen (Gwida għall-Evalwazzjoni tal-Applikazzjonijiet għal-Liċenzji, Applikazzjonijiet għal Liċenzji b’mod ġenerali), it-tieni edizzjoni emendata, Jannar 2019, p. 29.
( 85 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 86 ) Ara, fuq din l-azzjoni, il-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 87 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-punt 83 u l-aħħar parti tal-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 88 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:641, punt 59) u Rimšēvičs vs Il‑Latvja u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2018:1030, punti 5 u 76).
( 89 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punti 52, 61 u 73).
( 90 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 40), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 47).
( 91 ) Ara l-forma ta’ ġurament prevista fl-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 92 ) Ara r-riferiment magħmul fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Protokoll, li jgħid li l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ma humiex affettwati. Madankollu, b’differenza mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma jipprovdix immunitajiet li jmorru lil hinn mill-Protokoll fir-rigward tal-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE.
( 93 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 81 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 94 ) Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 95 ) Ara wkoll il-punt 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 96 ) F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni inizjali hija differenti fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. L-approċċi tradizzjonali ta’ motivazzjoni għall-immunità diplomatika, it-teorija tar-rappreżentattività, it-teorija tal-extraterritorjalità u t-teorija tal-funzjonament ma jistgħux, skont opinjoni prevalenti, jiġġustifikaw immunità personali sħiħa, bħal dik prevista fl-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, ara Ross, M. S., “Rethinking Diplomatic Immunity: A Review of Remedial Approaches to Address the Abuses of Diplomatic Privileges and Immunities”, American University International Law Review. 4, nru 1 (1989), 173 (179 u 180.); Maginnis, V. L., “Limiting Diplomatic Immunity: Lessons Learned from the 1946 Convention on the Privileges and Immunities of the United Nations”, 28 Brook. J. Int’l L. (2003), 989 (992). Għal din ir-raġuni, jista’ jitqies li l-immunità diplomatika globali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-biża’ minn prosekuzzjoni politika ta’ diplomati jew l-użu tagħha bħala mezz ta’ pressjoni, ara Maginnis, V. L., iċċitat iktar ’il fuq, (996).
( 97 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 30); tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35); u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 43).
( 98 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 73).
( 99 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punti 48 u 61).
( 100 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punti 52, 61 u 73).
( 101 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punti 73 u 74).
( 102 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u Il-BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 92).
( 103 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 111 et seq.).
( 104 ) Ara l-punt 72, iktar ’il fuq, ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 105 ) Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 93), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:641, punt 83).