EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0318

Kawża T-318/19: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2019 — Thunus et vs BEI

ĠU C 246, 22.7.2019, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/36


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2019 — Thunus et vs BEI

(Kawża T-318/19)

(2019/C 246/38)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Vincent Thunus (Contern, il-Lussemburgu) u 7 rikorrenti oħra (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat, inkluża l-eċċezzjoni ta’ illegalità inkluża fih;

konsegwentement,

tannulla d-deċiżjoni li tinsab fir-rendikonti tas-salarju tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2019, deċiżjoni li tiffissa l-aġġustament annwali tas-salarju bażiku limitat għal 0.8 % għas-sena 2019 u, għaldaqstant, l-annullament tad-deċiżjonijiet simili li jinsabu fir-rendikonti tas-salarju sussegwenti;

għaldaqstant, tikkundanna lill-konvenut

għall-ħlas, bħala kumpens għad-dannu materjali (i) tal-bilanċ tas-salarju li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tal-aġġustament annwali għal-2019, jiġifieri żieda ta’ 1.2 % għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019; (ii) tal-bilanċ tas-salarju li jikkorrispondi għall-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-aġġustament annwali ta’ 0.8% għall-2019 fuq l-ammont tas-salarji li ser jitħallsu sa minn Jannar 2019; (iii) ta’ interessi moratorji fuq il-bilanċi tas-salarji dovuti sal-ħlas totali tas-somom dovuti, fejn ir-rata ta’ interessi moratorji li għandha tiġi applikata għandha tiġi kkalkolata abbażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda bi tliet punti;

jekk ikun il-każ, fil-każ li huwa ma jipproduċihomx b’mod volontarju, tordna lill-konvenut bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-18 ta’ Lulju 2017 (CA/505/17);

ir-rapport tas-Sottokumitat għar-Remunerazjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ Diċembru 2018;

id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-11 ta’ Diċembru 2018 (Annex 3 to PV/19/01);

id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tat-30 ta’ Jannar 2019 (MC-018-ADM-20190130);

in-nota tad-Direttorat tal-Persunal tat-18 ta’ Jannar 2019 (CS-PERS/HRPLC/DIR/2019-001/ABGS);

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw rispettivament, minn naħa, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tat-18 ta’ Lulju 2017, żewġ motivi u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija ta’ Diċembru 2018 u ta’ Jannar 2019, erba’ motivi.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tat-18 ta’ Lulju 2017:

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet kweżiti.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija ta’ Diċembru 2018 u ta’ Jannar 2019:

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat u l-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-garanziji proċedurali tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal konsultazzjoni tal-Kulleġġ.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dak li jirrigwarda t-talba għad-danni, ir-rikorrenti jitolbu l-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni dovuta jiġifieri 1.2 % mill-1 ta’ Jannar 2019 (inkluż l-impatt ta’ din iż-żieda fuq il-benefiċċji pekunarji) miżjud b’interessi moratorji.


Top