This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019TJ0525
Judgment of the General Court (First Chamber) of 21 April 2021.#Intering Sh.p.k and Others v European Commission.#Public contracts – Tendering procedure – Reduction of dust and nitrogen oxide emissions at the Kosovo B thermal power plant, Units B1 and B2 – Rejection of the application – Application for annulment submitted in the reply – New claims – Manifest inadmissibility – Amendment of the selection criteria during the procedure – Equal treatment.#Case T-525/19.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ April 2021.
Intering Sh.p.k et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kuntratti pubbliċi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Tnaqqis tat-trab u tal-ossidi tan-nitroġenu tal-unitajiet B1 u B2 tal-impjant termiku Kosovo B – Ċaħda tal-applikazzjoni – Talba għal annullament imressqa fir-replika – Talbiet ġodda – Inammissibbiltà manifesta – Emenda tal-kriterji ta’ selezzjoni matul il-proċedura – Ugwaljanza fit-trattament.
Kawża T-525/19.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ April 2021.
Intering Sh.p.k et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kuntratti pubbliċi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Tnaqqis tat-trab u tal-ossidi tan-nitroġenu tal-unitajiet B1 u B2 tal-impjant termiku Kosovo B – Ċaħda tal-applikazzjoni – Talba għal annullament imressqa fir-replika – Talbiet ġodda – Inammissibbiltà manifesta – Emenda tal-kriterji ta’ selezzjoni matul il-proċedura – Ugwaljanza fit-trattament.
Kawża T-525/19.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:202
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
21 ta’ April 2021 ( *1 )
“Kuntratti pubbliċi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Tnaqqis tat-trab u tal-ossidi tan-nitroġenu tal-unitajiet B1 u B2 tal-impjant termiku Kosovo B – Ċaħda tal-applikazzjoni – Talba għal annullament imressqa fir-replika – Talbiet ġodda – Inammissibbiltà manifesta – Emenda tal-kriterji ta’ selezzjoni matul il-proċedura – Ugwaljanza fit-trattament”
Fil-Kawża T‑525/19,
Intering Sh.p.k, stabbilita f’Obiliq (il-Kosovo),
Steinmüller Engineering GmbH, stabbilita f’Gummersbach (il-Ġermanja),
Deling d.o.o. za proizvodnju, promet i usluge, stabbilita f’Tuzla (il-Bosnja-Ħerzegovina),
ZM-Vikom d.o.o. za proizvodnju, konstrukcije i montažu, stabbilita f’Šibenik (il-Kroazja),
irrappreżentati minn R. Spielhofen, avocat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Estrada de Solà, B. Bertelmann u M. Kellerbauer, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares(2019) 4979920, tat‑30 ta’ Lulju 2019, li ma tintgħażilx l-applikazzjoni tar-rikorrenti sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ristretta għall-għoti tal-kuntratt relatat mas-sejħa għal offerti EuropeAid/140043/DH/WKS/XK u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019 dwar l-għoti tal-imsemmi kuntratt,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),
komposta minn H. Kanninen, President, O. Porchia u M. Stancu (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fid‑19 ta’ Marzu 2019, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, ippubblikat avviż ta’ kuntratt dwar proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt intiż għat-tnaqqis tat-trab u tal-ossidi tan-nitroġenu tal-unitajiet B1 u B2 tal-impjant termiku Kosovo B, bir-referenza EuropeAid/140043/DH/WKS/XK (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kuntratt”). |
2 |
Il-punt 17.2 tal-avviż ta’ kuntratt, kif emendat bir-rettifika Nru 2 tas‑17 ta’ April 2019, jinkludi l-kriterji ta’ selezzjoni u ta’ għoti relatati mal-kapaċità teknika u professjonali tal-applikant. |
3 |
Il-punt 17.2(a) tal-avviż ta’ kuntratt jipprevedi li l-applikant għandu jkun lesta matul l-aħħar tmien snin tal-inqas proġett tal-istess natura u tal-istess kumplessità li jkopri ċerti kategoriji speċifikati sew fl-imsemmi avviż, fuq impjanti tal-linjite ta’ output elettriku nominali ta’ mill-inqas 200 megawatt (MW). |
4 |
Konformement mal-punt 17.2(c) tal-avviż ta’ kuntratt, fil-każ ta’ offerta minn impriża konġunta jew minn konsorzju, il-membru prinċipali tagħha għandu jkollu l-kapaċità li jeżegwixxi tal-inqas 40 % tax-xogħlijiet tal-kuntratt bil-mezzi tiegħu stess. |
5 |
Il-proċedura prevista mill-avviż ta’ kuntratt għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kienet proċedura ristretta. Il-punt 13 tal-avviż ta’ kuntratt jispeċifika f’dan ir-rigward li, abbażi tal-applikazzjonijiet rċevuti, għandha tiġi stabbilita preselezzjoni u li huma biss l-applikanti li jkunu jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni li jiġu preselezzjonati u mistiedna mill-awtorità kontraenti sabiex jissottomettu offerta (iktar ’il quddiem il-“lista ristretta”). Barra minn hekk, l-avviż ta’ kuntratt kien jindika li, abbażi tal-applikazzjonijiet rċevuti, erba’ sa sitt applikanti kellhom jiġu mistiedna jippreżentaw offerta ddettaljata fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni. |
6 |
Ir-rikorrenti, Intering Sh.p.k, Steinmüller Engineering GmbH, Deling d.o.o. za proizvodnju, promet i usluge u ZM-Vikom d.o.o. za proizvodnju, konstrukcije i montažu, iffurmaw konsorzju u esprimew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fil-proċedura billi ssottomettew, fit-terminu previst, sas‑6 ta’ Mejju 2019, fajl tal-applikazzjoni li jinkludi ċerti dokumenti. |
7 |
Wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-preżentazzjoni tal-fajls tal-applikazzjoni, il-kumitat ta’ evalwazzjoni talab lir-rikorrenti, tliet darbiet, biex jipprovdulu kjarifiki dwar id-dokumenti ppreżentati. |
8 |
Ir-rikorrenti wieġbu għat-talbiet għal informazzjoni. |
9 |
Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ġunju 2019, bir-referenza Ares(2019)3677456, indirizzata lill-kap tal-konsorzju, Intering, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-applikazzjoni tagħhom ma kinitx ġiet preselezzjonata, peress li ma kinitx tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punt 17.2(a) u (c) tal-avviż ta’ kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2019”). |
10 |
Permezz ta’ ittra tal-istess jum, ir-rikorrenti kkontestaw id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2019. |
11 |
Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ġunju 2019, ikkompletata b’ittra tat‑28 ta’ Ġunju 2019, li kienet tinkludi diversi dokumenti u informazzjoni li ma kinux ġew sottomessi mal-applikazzjoni inizjali, ir-rikorrenti ppreżentaw ilment dwar id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2019, fejn talbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u l-inklużjoni tagħhom fil-lista ristretta. |
12 |
Wara dan l-ilment, il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ġiet sospiża għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid, li ġie kkomunikat lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Lulju 2019, bir-referenza AresD(2019)NA/vk/4806398. |
13 |
Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Lulju 2019, bir-referenza Ares (2019)4979920 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019”), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, minn naħa, li d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2019 kienet ġiet annullata minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tal-kriterju ta’ selezzjoni msemmi fil-punt 17.2(c) tal-avviż ta’ kuntratt, li kien, konsegwentement, tneħħa mill-kriterji ta’ selezzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom kienet reġgħet ġiet miċħuda. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019 kienet tindika li, wara evalwazzjoni mill-ġdid tal-fajl tal-applikazzjoni tar-rikorrenti, kif ippreżentat fit-terminu previst sas‑6 ta’ Mejju 2019, kien ġie kkonstatat li dan ma kien jinkludi b’mod partikolari ebda prova tal-fatt li l-kriterju ta’ kapaċità teknika u professjonali msemmi fil-punt 17.2(a) ta’ dan l-avviż, kien ġie ssodisfatt. |
14 |
Fl-istess jum, ittra oħra, bir-referenza Ares(2019)4980092, bil-kontenut kważi identiku għal dak tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019, intbagħtet lill-kap tal-konsorzju. |
15 |
Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Awwissu 2019, ikkompletata b’ittra tat‑2 ta’ Awwissu ta’ wara, ir-rikorrenti ressqu lment kontra d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019 u talbu s-sospensjoni tal-kuntratt. |
16 |
Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Awwissu 2019, bir-referenza Ares(2019)5134299, ir-rikorrenti ġew informati li l-preselezzjoni nżammet u li kull sospensjoni ġdida tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kienet irrifjutata. |
17 |
Fit‑18 ta’ Ottubru 2019, il-kuntratt ingħata definittivament lill-konsorzju Engineering Dobersek GmbH, Hamon Thermal Europe SA und RJM Corporation (EC) Limited (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019”). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
18 |
B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. |
19 |
Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
20 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti talbu, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex ir-rikors tagħhom ikun jista’ jiġi adattat sabiex l-azzjoni tagħhom tirrigwarda d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019 u mhux iktar dik tas‑7 ta’ Ġunju 2019. |
21 |
Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet fit-terminu mogħti bħala risposta għan-nota ta’ adattament tar-rikorrenti. |
22 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 278 TFUE u l-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura, intiża, essenzjalment, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019 kif ukoll għas-sospensjoni tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. |
23 |
Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Settembru 2019, Intering et vs Il‑Kummissjoni (T‑525/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:606), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad l-imsemmija talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż. |
24 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti ressqu talba ġdida għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 278 TFUE u l-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura, intiża, essenzjalment, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019 kif ukoll għas-sospensjoni tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. |
25 |
Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Novembru 2019, Intering et vs Il‑Kummissjoni (T‑525/19 R II, mhux ippubblikat, EU:T:2019:787), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrenti u rriżervat l-ispejjeż. |
26 |
Fit‑8 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. |
27 |
Fir-risposta, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
28 |
Fl‑4 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. |
29 |
Fir-replika, ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
30 |
Fis‑27 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-kontroreplika. |
31 |
Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tistieden, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi skont it-talbiet ippreżentati fir-risposta u sabiex tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019. |
32 |
Il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura. |
Fid-dritt
Fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar it-terminu għall-preżentata tar-risposta
33 |
Fir-replika, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma ppreżentatx fit-termini mogħtija r-risposta u lanqas ma ppreżentat talba għal proroga, b’tali mod li huma setgħu jitolbu li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fil-kontumaċja, ħaġa li madankollu huma ma għamlux. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni tar-rikorrenti tirriżulta minn konfużjoni bejn id-data tal-preżentata tar-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, u dik tan-notifika tagħha lir-rikorrenti, min-naħa l-oħra. |
35 |
Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikors, konformement mal-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tal‑11 ta’ Lulju 2018, dwar il-preżentata u n-notifika tal-atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia, ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fid‑29 ta’ Lulju 2019 u li r-risposta ġiet ippreżentata lill-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ottubru 2019. Ir-risposta għalhekk ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 81(1) tar-Regoli tal-Proċedura, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 60 ta’ dawn l-istess regoli. |
36 |
Il-fatt li l-imsemmija nota ġiet innotifikata lir-rikorrenti wara dan it-terminu ma għandu l-ebda effett fuq il-preżentata tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, kien b’mod ġust li l-fażi bil-miktub tal-proċedura tkompliet. |
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar it-terminu għall-preżentata tar-risposta. |
Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019
38 |
Għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet li jinsabu fir-rikors, kif adattati wara n-nota ta’ adattament, huma intiżi biss għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019. Kien biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti talbu l-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019. |
39 |
Issa, jekk jitqies li r-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li jippreżentaw rikors ġdid intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019 fil-kuntest tar-replika, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-istess Statut, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija adita b’rikors indirizzat lir-Reġistratur u mhux, bħal f’dan il-każ, bil-preżentata ta’ att fil-kuntest ta’ proċedura li tkun diġà pendenti. |
40 |
Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn ir-rikorrenti kellhom sempliċement l-intenzjoni li jbiddlu t-talbiet tagħhom sabiex jirrigwardaw ukoll id-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu l-obbligu li jiddefinixxi s-suġġett tal-kawża u li jippreżenta t-talbiet tiegħu fl-att promotur. Għalkemm l-Artikolu 84(1) tal-istess regolament jippermetti t-tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża bil-kundizzjoni li dawn ikunu bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura, dan ma jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza lir-rikorrent iressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni talbiet ġodda u sabiex ibiddel għalhekk is-suġġett tat-tilwima jew in-natura tar-rikors (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni, C‑346/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:939, punt 43). Għalhekk, u bla ħsara għaċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2015, Petco Animal Supplies Stores vs UASI – Gutiérrez Ariza (PETCO), T‑664/13, EU:T:2015:791, punt 25, u tat‑8 ta’ Novembru 2017, De Nicola vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, T‑99/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:790, punt 28. |
41 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019 taqax taħt iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li, meta att, li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu, jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid. |
42 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019 hija sussegwenti għall-preżentata ta’ dan ir-rikors, hija la tissostitwixxi u lanqas temenda dik tat‑30 ta’ Lulju 2019. |
43 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jadattaw, fl-istadju tar-replika, it-talbiet tagħhom sabiex dawn ikunu jirrigwardaw ukoll id-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019. |
44 |
Minn dan isegwi li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019 hija manifestament inammissibbli. |
Fuq ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019
45 |
Għandu jitfakkar li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 13 iktar ’il fuq, permezz tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, minn naħa, id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2019 kienet ġiet annullata minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tal-kriterju ta’ selezzjoni msemmi fil-punt 17.2(c) tal-avviż ta’ kuntratt u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom reġgħet ġiet miċħuda minħabba l-fatt li din ma kienet tinkludi ebda prova dwar il-fatt li l-kriterju tal-kapaċità teknika u professjonali stabbilit fil-punt 17.2(a) ta’ dan l-avviż kien issodisfatt. |
46 |
Insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tiċċara d-dubji tagħha dwar id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjaru”), sa fejn il-Kummissjoni ma mmotivatx l-esklużjoni tar-rikorrenti wara l-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ma tathom l-ebda aċċess għar-rapport ta’ evalwazzjoni ddettaljat u għall-informazzjoni li tikkonċerna l-vantaġġi u l-karatteristiċi tal-applikanti magħżula fil-lista ristretta. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali li abbażi tiegħu ma għandu jsir ebda modifika għad-dokumenti tal-kuntratt matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU 2014, L 77, p. 11) u tal-Artikolu 1(3) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU 2014, L 77, p. 95 u rettifika fil-ĠU 2015, L 319, p. 21), minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi. Il-ħames motiv huwa ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-gwida intitolata “Gwida għall-għoti ta’ kuntratti u sussidji għall-azzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea – gwida prattika” f’dak li jirrigwarda l-punt 17 tagħha. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li teskludi lir-rikorrenti mill-proċedura sussegwenti għal għoti ta’ kuntratt u li naqqset milli tagħtihom aċċess għar-rapport iddettaljat ta’ evalwazzjoni u għall-informazzjoni dwar il-vantaġġi u l-karatteristiċi tal-applikanti magħżula fil-lista ristretta. Fl-aħħar nett, is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-kriterji ta’ selezzjoni msemmija fil-punt 17.2(a) tal-avviż ta’ kuntratt, li ma ġewx applikati korrettament mill-Kummissjoni. |
47 |
Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, għandu jiġi analizzat, fl-ewwel lok, it-tielet motiv, li huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
48 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu, filwaqt li jirreferu għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 166(2) u għall-Artikolu 167(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali li l-fajl tas-sejħa għal offerti għandu jiġi protett kontra kull emenda matul il-proċedura, peress li, wara l-ommissjoni tal-kriterju msemmi fil-punt 17.2(c) tal-avviż ta’ kuntratt, l-applikazzjoni tagħhom kienet ġiet evalwata abbażi ta’ sottokriterji u ta’ interpretazzjonijiet li għalihom ma teżisti ebda dispożizzjoni fid-dokumenti inkwistjoni. |
49 |
Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jikkontestaw l-iżvolġiment stess tal-proċedura ta’ selezzjoni. Huma jallegaw li, billi għamlet emenda daqshekk sostanzjali għall-proċedura ta’ preselezzjoni bħall-ommissjoni tal-kriterju ta’ selezzjoni relatat mal-punt 17.2(c) tal-avviż ta’ kuntratt, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tant gravi li kellha tinbeda mill-ġdid il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. |
50 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
51 |
Għandha l-ewwel issir analiżi tat-tieni parti tat-tielet motiv. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 160(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-kuntratti pubbliċi ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni għandhom josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. |
53 |
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku, jimponi b’mod partikolari li l-offerenti kollha għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza kemm meta jkunu qegħdin jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta dawn jiġu evalwati (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, ATI EAC e Viaggi di Maio et, C‑331/04, EU:C:2005:718, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika wkoll obbligu ta’ trasparenza sabiex jippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 91). |
55 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan u l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi għandhom jiġu ddeterminati b’mod ċar mill-bidu tal-proċedura għall-għoti tagħhom (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 56). |
56 |
Barra minn hekk, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti jimplikaw li l-awtorità kontraenti għandha żżomm mal-istess interpretazzjoni tal-kriterji ta’ għoti matul il-proċedura kollha (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, EU:C:2001:553, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, a fortiori, li ma jiġux emendati l-kriterji ta’ għoti matul il-proċedura (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom, C‑448/01, EU:C:2003:651, punt 93). |
57 |
Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ annullament, mill-awtorità kontraenti, ta’ deċiżjoni dwar kriterju ta’ għoti, hija ma tistax, mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, tkompli l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku b’mod validu billi tinjora dan il-kriterju, peress li dan iwassal sabiex jinbidlu l-kriterji applikabbli għall-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom, C‑448/01, EU:C:2003:651, punt 94). |
58 |
Din il-ġurisprudenza hija applikabbli mutatis mutandis għall-kriterji ta’ selezzjoni. |
59 |
Fil-fatt, għalkemm il-kriterji ta’ selezzjoni, applikati fl-ewwel stadju ta’ proċedura ristretta, huma ta’ natura iktar oġġettiva, sa fejn ma jinvolvux eżerċizzju ta’ evalwazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li t-tneħħija, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ta’ wieħed mill-imsemmija kriterji jista’ jkollha konsegwenzi u tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, tali tneħħija għandha effett fuq kull applikant li jkun ipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li jkun ġie miċħud mis-segwitu tal-proċedura, minħabba li ma kienx jissodisfa l-kriterju ta’ selezzjoni li sussegwentement ikun tħassar. Bl-istess mod, l-imsemmija tneħħija taffettwa l-pożizzjoni ta’ kull applikant potenzjali li ma jkunx ipparteċipa fis-sejħa għal offerti, b’mod partikolari minħabba l-fatt li huwa jkun qies li ma kienx kapaċi jissodisfa l-kriterju li, sussegwentement, mingħajr ma kien jaf, ikun tneħħa. |
60 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, bit-tneħħija tal-kriterju msemmi fil-punt 17.2(c) tal-avviż ta’ kuntratt, filwaqt li kompliet il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 53 sa 57 iktar ’il fuq. |
61 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li t-tneħħija tal-kriterju msemmi fil-punt 17.2(c) tal-avviż ta’ kuntratt bl-ebda mod ma biddel is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-punt 17.2(a) ta’ dan l-avviż li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu mir-rikorrenti kien diġà wassal għan-nuqqas ta’ selezzjoni tagħhom waqt id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2019. |
62 |
Fil-fatt, ma jistax jiġi preżunt, li kieku l-Kummissjoni temmet il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fis-seħħ u ħarġet avviż ġdid ta’ kuntratt dwar l-istess kuntratt, li l-kriterju tal-punt 17.2(a) tal-avviż ta’ kuntratt kien ikun inżamm f’termini identiċi. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li l-Kummissjoni kienet tkun irriproduċiet il-kriterju tal-punt 17.2(c) tal-avviż tal-kuntratt, għalkemm f’termini iktar ċari. |
63 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, f’tali każ, ir-rikorrenti setgħu jissottomettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni u d-dokumenti tal-ittra tagħhom tat‑28 ta’ Ġunju 2019 li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019 sa fejn dawn kienu ġew ippreżentati wara t-terminu inizjali għall-preżentata tal-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, huma kien ikollhom ukoll il-possibbiltà li jippreżentaw informazzjoni oħra u dokumenti oħra. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, fil-kuntest ta’ proċedura ġdida u abbażi ta’ elementi ġodda, il-Kummissjoni tkun setgħet tikkunsidra li r-rikorrenti kienu josservaw sew il-kriterju tal-punt 17.2(a) tal-avviż ta’ kuntratt ġdid, kieku dan tal-aħħar kien inżamm. |
64 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tintlaqa’. |
65 |
Minn dan isegwi li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2019, mingħajr ma huwa neċessarju, la li tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tielet motiv jew il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti, u lanqas li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri istruttorji mressqa minnhom, fir-rigward tal-istedina ta’ impjegat tal-kap tal-konsorzju sabiex juri l-esperjenza tiegħu sa fejn meħtieġ mill-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. |
Fuq l-ispejjeż
66 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji, skond it-talbiet tar-rikorrenti. |
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Kanninen Porchia Stancu Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ April 2021. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.