Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0185

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal-14 ta’ Lulju 2021.
Public.Resource.Org, Inc. u Right to Know CLG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Standards armonizzati – Dokumenti li jirrigwardaw erba’ standards armonizzati approvati miċ-CEN – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi – Protezzjoni li tirriżulta mid-drittijiet tal-awtur.
Kawża T-185/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:445

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

14 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Standards armonizzati – Dokumenti li jirrigwardaw erba’ standards armonizzati approvati miċ-CEN – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi – Protezzjoni li tirriżulta mid-drittijiet tal-awtur”

Fil-Kawża T‑185/19,

Public.Resource.Org, Inc., stabbilita f’Sebastopol, California (l-Istati Uniti),

Right to Know CLG, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda),

irrappreżentati minn F. Logue, solicitor, A. Grünwald, J. Hackl u C. Nüßing, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, F. Thiran u S. Delaude, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness ( 1 ), irrappreżentati minn U. Karpenstein, K. Dingemann u M. Kottmann, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 639 final tat‑22 ta’ Jannar 2019 li tirrifjuta li tilqa’ t-talba għal aċċess għal erba’ standards armonizzati adottati miċ-CEN,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, D. Spielmann, U. Öberg, O. Spineanu-Matei (Relatriċi) u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil‑25 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti, Public.Resource.Org, Inc. u Right to Know CLG, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li l-missjoni prijoritarja tagħhom hija li d-dritt ikun liberament aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, ressqu quddiem id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs tal-Kummissjoni Ewropea, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) u tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), talba għal aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem it-“talba għal aċċess”).

2

It-talba għal aċċess kienet tirrigwarda erba’ standards armonizzati adottati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (ĊEN), konformement mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/24/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12), jiġifieri l-istandard EN 71‑5:2015, intitolat “Sigurtà tal-ġugarelli” – Parti 5: Ġugarelli ta’ natura kimika (settijiet) minbarra settijiet għal esperimenti”, l-istandard EN 71‑4:2013, intitolat “Sigurtà tal-ġugarelli – Parti 4: Settijiet għal esperimenti għal attivitajiet ta’ kimika u attivitajiet relatati”, l-istandard EN 71‑12:2013, intitolat “Sigurtà tal-ġugarelli – Parti 12: Sustanzi N‑nitrosamini u N‑nitrosazjabbli” u l-istandard EN 12472:2005+A1:2009, intitolat “Metodu għas-simulazzjoni ta’ xedd u korrożjoni biex wieħed jinduna bit-tisfija ta’ nikil minn oġġetti miżbugħin” (iktar ’il quddiem l-“istandards armonizzati mitluba”).

3

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ t-talba għal aċċess, abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali ta’ rifjut”).

4

Fit‑30 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ressqu talba konfermattiva quddiem il-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni kkonfermat ir-rifjut ta’ aċċess għall-istandards armonizzati mitluba (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni konfermattiva”).

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

6

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Lulju 2019, iċ-CEN u erbatax‑il korp nazzjonali ta’ standardizzazzjoni, jiġifieri l-Asociación Española de Normalización (UNE), l-Asociaţia de Standardizare din România (ASRO), l-Association française de normalisation (AFNOR), l-Austrian Standards International (ASI), il-British Standards Institution (BSI), il-Bureau de normalisation/Bureau voor Normalisatie (NBN), id-Dansk Standard (DS), id-Deutsches Institut für Normung e V (DIN), il-Koninklijk Nederlands Normalisatie Instituut (NEN), ix-Schweizerische Normen‑Vereinigung (SNV), l-iStandard Norge (SN), is-Suomen Standardisoimisliitto r.y. (SFS), l-iSvenska institutet för standarder (SIS) u l-Institut za standardizaciju Srbije (ISS), talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

7

Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Novembru 2019, Public.Resource.Org u Right to Know vs Il‑Kummissjoni (T‑185/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:828), il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent. L-intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

8

Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

9

Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla), abbażi tal-Artikolu 91(c), tal-Artikolu 92(1) u tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi l-istandards armonizzati mitluba u ddeċidiet li dawn ma kinux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni wieġbet għal din il-miżura istruttorja fit-terminu stabbilit.

10

Fuq proposta tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Ħames Awla Estiża.

11

Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla Estiża), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom kemm qabel kif ukoll waqt is-seduta. Il-partijiet wieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet fit-terminu mogħti u nstemgħu fit-trattazzjonijiet tagħhom u fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet l-oħra magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2020. Matul din is-seduta, ir-rikorrenti indikaw lill-Qorti Ġenerali li, permezz tar-rikors, huma jitolbu biss l-annullament tad-deċiżjoni konfermattiva, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta.

12

Ir-rikorrenti jitolbu, wara l-kjarifiki msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni konfermattiva;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14

L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà

15

L-intervenjenti jargumentaw dwar l-inammissibbiltà tar-rikors, minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fehma tagħhom, dawn tal-aħħar ma għandhom l-ebda interess li jibdew din il-proċedura peress li huma, l-ewwel, jistgħu jaċċedu mingħajr ħlas għall-istandards armonizzati mitluba għal finijiet mhux kummerċjali permezz tal-libreriji, it-tieni, jista’ jkollhom aċċess għall-imsemmija standards u jużawhom għal kwalunkwe finijiet, permezz tal-ħlas ta’ tariffa “raġonevoli” u, it-tielet, għandhom fil-fatt sa mill‑2015 (jiġifieri sew qabel it-talba tagħhom għal aċċess għad-dokumenti tal‑2019), kopja ta’ mill-inqas tlieta mill-erba’ standards armonizzati mitluba.

16

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika għandu jkun ibbażat fuq interess ġuridiku tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Settembru 1987, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/87, EU:C:1987:388, punt 8) u li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni essenzjali, li hija tali persuna fiżika jew ġuridika li għandha tistabbilixxi, jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li tista’, f’kull mument, titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas‑7 ta’ Ottubru 1987, G. d. M. vs Il‑Kunsill u CES, 108/86, EU:C:1987:426, punt 10, u tal‑21 ta’ Lulju 2020, Abaco Energy et vs Il‑Kummissjoni, C‑436/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:606, punt 80).

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżumi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Dan l-interess ġuridiku għandu jkun effettiv u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors. Dan għandu jibqa’ jeżisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, XG vs Il‑Kummissjoni, T‑504/18, EU:T:2019:883, punti 3031 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Fil-kuntest speċifiku ta’ tilwim li jikkonċerna l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, persuna li ġiet irrifjutata l-aċċess għal dokument jew għal parti minn dokument diġà għandha, minħabba dan il-fatt biss, interess fl-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2018, Falcon Technologies International vs Il‑Kummissjoni, T‑875/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:877, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-aċċess għall-istandards armonizzati mitluba ma ngħatax lir-rikorrenti mill-Kummissjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandhom interess li jiksbu l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba skont ir-Regolament Nru 1049/2001 u, għaldaqstant, li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni konfermattiva. Fil-fatt, f’dan il-każ, minkejja l-possibbiltà li jikkonsultaw in situ kopji tal-istandards armonizzati mitluba fil-libreriji pubbliċi, ir-rikorrenti jistgħu jinvokaw interess ġuridiku, sa fejn, permezz ta’ din il-konsultazzjoni, huma ma jiksbux sodisfazzjon sħiħ fir-rigward tal-għanijiet imfittxija permezz tat-talba tagħhom għal aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 47) u għalhekk għad għandhom interess reali li jiksbu l-aċċess għall-imsemmija standards armonizzati abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

21

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif jiddikjaraw ir-rikorrenti mingħajr ma ġew kontradetti fuq dan il-punt mill-Kummissjoni jew mill-intervenjenti, l-istandards armonizzati mitluba huma disponibbli biss f’numru limitat ħafna ta’ libreriji, xi drabi f’librerija waħda biss ta’ Stat Membru jew f’libreriji mhux miftuħa għall-pubbliku u li l-aċċessibbiltà tagħhom hija eċċessivament diffiċli fil-prattika.

22

Fir-rigward tal-aċċess bi ħlas għall-istandards armonizzati mitluba permezz tal-punti ta’ bejgħ amministrati mill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan bl-ebda mod ma jissodisfa l-għan imfittex mir-rikorrenti, li jiksbu l-aċċess liberu u mingħajr ħlas għall-imsemmija standards u ma jenfasizzax nuqqas jew saħansitra telf tal-interess ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 47).

23

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argumenti tal-intervenjenti dwar in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħhom.

B. Fuq il-mertu

24

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiż sabiex jiġu protetti l-interessi kummerċjali u, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiż sabiex jiġu protetti l-interessi kummerċjali

25

Ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 f’dan il-każ, minħabba li, minn naħa, l-ebda protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għall-istandards armonizzati mitluba ma hija possibbli u, min-naħa l-oħra, ma ġie stabbilit l-ebda preġudizzju għall-interessi kummerċjali taċ-CEN u tal-membri nazzjonali tiegħu.

26

Ir-rikorrenti jaqsmu l-ewwel motiv fi tliet partijiet. L-ewwel u t-tieni parti huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi marbuta mal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tielet parti hija bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-interessi kummerċjali.

a)   Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi li jikkonsistu fl-applikazzjoni, b’mod żbaljat, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

27

Ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn l-istandards armonizzati mitluba jagħmlu parti mid-“dritt tal-Unjoni”, l-aċċess għalihom għandu jkun liberu u mingħajr ħlas, b’tali mod li l-ebda eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess ma tista’ tapplika għalihom. Fil-fehma tagħhom, drittijiet privati ma jistgħux jingħataw fir-rigward ta’ “test ta’ liġi” li għandu jkun liberament aċċessibbli għal kulħadd u, għaldaqstant, dawn l-istandards ma jistgħux jiġu protetti mid-drittijiet tal-awtur. Insostenn tal-argument tagħhom, huma jinvokaw is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821).

28

Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001, adottat abbażi tal-Artikolu 255(2) KE (li sar l-Artikolu 15(3) TFUE), huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, dan id-dritt ikopri kemm id-dokumenti redatti minn dawn l-istituzzjonijiet kif ukoll dawk irċevuti minn terzi, li fosthom hemm kull persuna ġuridika, kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament.

30

Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod partikolari, u f’konformità mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokument f’każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu.

31

Fost l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess hemm dik stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li “[l]-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ […] interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali, […] jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

32

Fir-rigward tad-dokumenti li ġejjin minn terzi, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippreċiża li l-istituzzjoni tal-Unjoni għandha tikkonsulta lit-terz sabiex tiddetermina jekk l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) jew (2) tal-imsemmi regolament jistgħux japplikaw sakemm ma jkunx ċar jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le. Jekk l-istituzzjoni kkonċernata tikkunsidra li huwa ċar li rifjut ta’ aċċess għal dokument li joriġina minn terz għandu jiġi rrifjutat abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 jew 2 tal-istess artikolu, hija tirrifjuta l-aċċess lil min għamel it-talba mingħajr lanqas ma jkollha tikkonsulta lit-terz li minnu joriġina d-dokument, irrispettivament minn jekk dan it-terz ikunx oppona talba għal aċċess għall-istess dokumenti fformulata abbażi ta’ dan ir-regolament.

33

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti li ġejjin minn terzi, għandu jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 li jistabbilixxu, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet stabbiliti minnu, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni, għandhom jiġu effettivament implimentati mill-istituzzjoni li lilha hija indirizzata t-talba għal aċċess.

34

Għalhekk, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-responsabbiltà finali għall-applikazzjoni tajba ta’ dan ir-regolament taqa’ fuq l-istituzzjoni tal-Unjoni u hija din l-istituzzjoni li għandha tiddefendi wkoll il-validità tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li ġejjin minn terz quddiem il-qrati tal-Unjoni jew l-Ombudsman Ewropew. Jekk, fil-każ ta’ dokumenti li ġejjin minn terzi, l-istituzzjoni kellha awtomatikament taċċetta l-motivazzjoni mogħtija mit-terz ikkonċernat, hija tkun obbligata tiddefendi fir-rigward tal-persuna li tkun għamlet it-talba għal aċċess u, jekk ikun il-każ, quddiem dawn l-istanzi ta’ kontroll, pożizzjonijiet li hija ma tqisx li huma difendibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punt 47).

35

F’dan il-każ, mill-argumenti mressqa mill-partijiet jirriżulta li dawn ma jaqblux, fl-ewwel lok, fuq il-portata u l-intensità tal-istħarriġ li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, f’dan il-każ il-Kummissjoni, għandha twettaq, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq l-eżistenza u l-konsegwenzi tal-allegata protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-dokumenti mitluba li ġejjin minn terz, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

36

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tqis li hija ma għandhiex id-dritt tikkontesta, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti ppreżentata skont ir-Regolament Nru 1049/2001, l-eżistenza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-dokumenti mitluba rrikonoxxuta lil terz permezz tal-“leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli”.

37

Ir-rikorrenti, min-naħa tagħhom, jilmentaw li l-Kummissjoni ma vverifikatx li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza tad-drittijiet tal-awtur tal-istandards armonizzati mitluba għall-benefiċċju taċ-CEN. B’dan il-mod, b’mod impliċitu iżda neċessarju, huma jirrikonoxxu lil din tal-aħħar setgħa ta’ stħarriġ eżawrjenti tal-eżistenza u tal-konsegwenzi tal-allegata protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tad-dokumenti mitluba li ġejjin minn terz.

38

Fit-tieni lok, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kapaċità tal-istandards armonizzati mitluba li jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, peress li dawn jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

39

Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, sa fejn dawn jirrigwardaw, fl-ewwel lok, żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm effett fuq l-interessi kummerċjali li jirriżultaw minn protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-istandards armonizzati mitluba (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) u, fit-tieni lok, żball ta’ liġi marbut mal-kapaċità tal-imsemmija standards armonizzati li jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur peress li dawn jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 38 iktar ’il fuq).

40

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet tal-awtur huma dritt tal-proprjetà intellettwali li jiggarantixxi protezzjoni legali lill-kreatur ta’ xogħol oriġinali u li jibqa’, minkejja armonizzazzjoni dejjem iktar wiesgħa, irregolat fil-parti l-kbira mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tagħhom kif ukoll il-portata tal-protezzjoni tagħhom u b’mod iktar partikolari l-eċċezzjonijiet għal din il-protezzjoni, li la huma s-suġġett tad-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni u lanqas tad-dispożizzjonijiet internazzjonali li magħhom huma marbuta l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, ikomplu jiġu ddefiniti mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Donner, C‑5/11, EU:C:2012:195, punti 2427).

41

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid‑9 ta’ Settembru 1886 (l-Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”), it-tgawdija u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur ma huma suġġetti għal ebda formalità (il-prinċipju ta’ “protezzjoni awtomatika”).

42

Barra minn hekk, il-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-istess xogħol tista’ tkun differenti skont il-post fejn tkun mitluba l-imsemmija protezzjoni. B’hekk, skont l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, il-protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini hija rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, meta l-awtur ma jappartjenix għall-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol li għalih huwa protett mill-imsemmija konvenzjoni, huwa jkollu, f’dak il-pajjiż, l-istess drittijiet bħall-awturi nazzjonali. Mill-banda l-oħra, skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, il-portata tal-protezzjoni kif ukoll ir-rimedji ggarantiti lill-awtur sabiex jipproteġi d-drittijiet tiegħu huma rregolati esklużivament skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn tintalab il-protezzjoni (il-prinċipju tal-“indipendenza” tal-protezzjoni).

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li hija l-awtorità adita b’talba għal aċċess għal dokumenti li ġejjin minn terzi, meta tkun mitluba l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-imsemmija dokumenti, b’mod partikolari, li għandha tidentifika indizji oġġettivi u konkordanti li jistgħu jikkonfermaw l-eżistenza tad-drittijiet tal-awtur allegata mit-terz ikkonċernat. Fil-fatt, tali stħarriġ jikkorrispondi għar-rekwiżiti inerenti għall-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur.

44

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni osservatx il-portata tal-istħarriġ li hija kellha tagħmel fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, l-ewwel, fid-deċiżjoni inizjali ta’ rifjut, sabiex tiġġustifika l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni tirreferi għad-drittijiet tal-awtur tal-istandards armonizzati mitluba li jappartjenu liċ-CEN, bħala organizzazzjoni Ewropea tad-dritt privat li għandha dritt għall-proprjetà tal-pubblikazzjonijiet kollha tagħha, inklużi tal-istandards Ewropej. B’hekk, hija sostniet li l-iżvelar tal-imsemmija standards armonizzati “[kien] jikkomprometti l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali […] peress li ċ-CEN [kien] id-detentur tad-drittijiet tal-awtur tal-prodotti kollha kkonsenjati mill-kumitati tekniċi rispettivi tagħhom” u li “[k]onsegwentement, id-drittijet tal-awtur u d-drittijiet ta’ esplojtazzjoni (distribuzzjoni u bejgħ) fir-rigward ta’ kull pubblikazzjoni taċ-CEN (inklużi l-abbozzi ta’ standards Ewropej) [kienu] jappartjenu esklużivament liċ-CEN u lill-membri tiegħu li minnhom [l-abbozzi] ta’ standards [setgħu] jiġu miksuba” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

46

Fid-deċiżjoni konfermattiva, il-Kummissjoni tiċħad il-kritika tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-istandards armonizzati mitluba, billi ssostni li, “kuntrarjament għal dak li [dawn allegaw], l-[imsemmija standards armonizzati kienu] protetti mid-drittijiet tal-awtur [minkejja l-fatt li dawn] effettivament [kienu] jikkostitwixxu informazzjoni li [setgħet] titqies li hija fattwali, jew li [kienet] tikkonċerna proċeduri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, bi tweġiba għall-kritika tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ konsultazzjoni tal-emittent ta’ dawn l-istandards armonizzati, hija rreferiet għad-“Dokument Komuni ta’ Teħid ta’ Pożizzjoni taċ-CEN u taċ-CENELEC tas‑17 ta’ Mejju 2017 dwar il-Konsegwenzi tas-Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821)”, li fih dawn tal-aħħar ikkunsidraw “espliċitament, abbażi ta’ din is-sentenza u fil-kwalità tagħhom bħala detenturi tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-istandards Ewropej, li t-tqegħid f’dubju tad-drittijiet tal-awtur tagħhom jew tal-politika tagħhom ta’ żvelar tal-istandards armonizzati ma [kellu] l-ebda bażi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija “għalhekk qieset li ma kienx neċessarju li tipproċedi għall-konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 peress li l-pożizzjoni tal-emittent tad-dokumenti, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni, kienet diġà ġiet ippubblikata permezz tad-dokument imsemmi iktar ’il fuq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

47

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-istandards armonizzati mitluba fuq indizji oġġettivi u konkordanti li jistgħu jsostnu l-eżistenza tad-drittijiet tal-awtur tal-imsemmija standards allegati miċ-CEN.

48

It-tieni, fid-deċiżjoni konfermattiva, il-Kummissjoni tenfasizza li, “minkejja li l-formulazzjoni tal-istandards [armonizzati mitluba] tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni li huma jsostnu l-implimentazzjoni tagħha, dawn huma redatti mill-awturi tagħhom b’mod suffiċjentement kreattiv sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur”, li “t-tul tat-testi jimplika li l-awturi jagħmlu ċertu numru ta’ għażliet (inkluż fl-istrutturazzjoni tad-dokument), li jwasslu għal protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur”, u li “minn dan jirriżulta li [l-imsemmija normi armonizzati għandhom] jitqiesu fl-intier tagħhom bħala xogħol oriġinali ta’ awtur li jibbenefika minn protezzjoni tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Billi għamlet tali analiżi, hija għalhekk evalwat il-kapaċità ta’ dawn l-istandards armonizzati li jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur mill-perspettiva tal-livell ta’ oriġinalità li prodott għandu jilħaq sabiex jikkostitwixxi “xogħol” fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, minkejja li l-kundizzjoni tal-oriġinalità meħtieġa sabiex prodott ikun eliġibbli għall-imsemmija protezzjoni tibqa’ rregolata mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fl-interpretazzjoni tal-kunċett awtonomu ta’ “xogħol” jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jitqies bħala oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li dan jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi jimmanifesta l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle, C‑833/18, EU:C:2020:461, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tikkunsidra li l-livell ta’ oriġinalità meħtieġ kien intlaħaq f’dan il-każ għall-istandards armonizzati inkwistjoni.

49

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li ma jista’ jiġi attribwit lill-Kummissjoni l-ebda żball ta’ liġi marbut mal-portata tal-istħarriġ li hija kienet marbuta bih b’applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex jiġi kkunsidrat li hemm effett fuq l-interessi kummerċjali li jirriżulta minn protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-istandards armonizzati mitluba.

50

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw, insostenn tal-argument tagħhom dwar żball ta’ liġi marbut mal-kapaċità tal-istandards armonizzati mitluba li jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, sa fejn dawn jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni, il-fatt li dawn huma “testi ta’ liġi” u s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821).

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istandard armonizzat huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1025/2012, bħala speċifikazzjoni teknika, adottata minn organizzazzjoni Ewropea ta’ standardizzazzjoni, abbażi ta’ talba mressqa mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, li l-osservanza tagħha ma hijiex obbligatorja.

52

Fis-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod partikolari li standard armonizzat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottat abbażi (tad-dritt sekondarju) u li r-riferimenti tiegħu kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni (il-punt 40).

53

Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li mis-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821), bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja invalidat is-sistema ta’ pubblikazzjoni tal-istandards armonizzati ddefinita fl-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 1025/2012, li skontu huma biss ir-riferimenti tal-imsemmija standards li huma ppubblikati. Għall-kuntrarju, ġiet osservata mill-Qorti tal-Ġustizzja l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tikkonsisti fl-issuġġettar tal-eżistenza ta’ effetti legali marbuta ma’ standard armonizzat biss għall-pubblikazzjoni minn qabel tar-riferimenti tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, Serje C (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction, C‑613/14, EU:C:2016:821, punti 374043).

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821), li l-istandards armonizzati mitluba jagħmlu parti mid-“dritt tal-Unjoni”, l-aċċess għalihom għandu jkun liberu u mingħajr ħlas, b’tali mod li ma tista’ tapplika l-ebda eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għalihom.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi marbuta mal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

56

Skont ir-rikorrenti, anki jekk il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-istandards armonizzati mitluba kienet teoretikament possibbli, din ma kinitx applikabbli għall-imsemmija standards armonizzati, għaliex dawn ma jikkostitwixxux “kreazzjoni intellettwali personali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa neċessarju sabiex ikun hemm benefiċċju minn tali protezzjoni.

57

F’dan ir-rigward, sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 40 iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet tat-tgawdija tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll il-portata tal-protezzjoni ta’ dan id-dritt, u b’mod iktar partikolari l-eċċezzjonijiet għal din il-protezzjoni, jibqgħu rregolati mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, li huma liberi li jiddeterminaw il-protezzjoni li għandha tingħata lit-testi uffiċjali ta’ natura leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, u, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-imsemmija kundizzjonijiet jistgħu jiġu kkontestati biss quddiem il-qrati tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, l-Opinjoni 1/09 tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 80, u d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2007, Document Security Systems vs BĊE, T‑295/05, EU:T:2007:243, punt 56), il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, teżamina l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli sabiex tivverifika l-veraċità tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-istandards armonizzati mitluba, peress li tali eżami jeċċedi l-portata tal-istħarriġ li hija kienet awtorizzata tagħmel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ aċċess għal dokumenti.

58

Barra minn hekk, bl-ebda mod ma huwa sostnut l-argument tar-rikorrenti li, fil-proċess ta’ tfassil tal-istandards armonizzati mitluba, iċ-CEN ma jagħmilx għażla ħielsa u kreattiva.

59

Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li l-istandards armonizzati mitluba “jikkonsistu f’sempliċi listi ta’ karatteristiċi tekniċi u/jew proċeduri ta’ test u li, konsegwentement, il-persuna responsabbli għat-tfassil tagħhom ma għandhiex għażla kreattiva reali li tista’ titqies bħala l-espressjoni tal-personalità tagħha jew bħala l-kreazzjoni intellettwali tagħha stess” u, min-naħa l-oħra, li “l-ħolqien [tal-imsemmija standards armonizzati] lanqas ma jippermetti li jsiru għażliet liberi jew kreattivi fir-rigward, pereżempju, tat-tqassim, tal-istruttura, tal-lingwa jew ta’ kwalunkwe karatteristika ewlenija oħra, [peress li dawn] l-aspetti tal-istandardizzazzjoni huma rregolati minn standards tagħhom stess li kunsiderevolment jillimitaw kwalunkwe marġni potenzjali għall-kreattività tal-korpi ta’ standardizzazzjoni”. Issa, huma jagħmlu biss sempliċi affermazzjonijiet, mingħajr ma jsostnu l-allegazzjonijiet tagħhom b’xi analiżi, u mingħajr ma jiċħdu l-argumenti tal-Kummissjoni esposti fid-deċiżjoni konfermattiva (ara l-punt 48 iktar ’il fuq) dwar il-livell ta’ oriġinalità ta’ dawn l-istandards armonizzati, li jirriżulta mit-tul tat-testi inkwistjoni, li jimplika għażliet min-naħa tal-awturi tagħhom, inkluż fl-istrutturazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, huma ma jispeċifikawx kif ir-restrizzjonijiet tal-marġni ta’ kreattività imposti mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-istandardizzazzjoni huma tali li l-istess standards armonizzati ma jistgħux jilħqu l-livell ta’ oriġinalità meħtieġ fil-livell tal-Unjoni.

60

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

c)   Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-interessi kummerċjali

61

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba jippreġudika l-interessi kummerċjali taċ-CEN u tal-membri nazzjonali tiegħu. Huma jsostnu li, anki jekk il-protezzjoni ta’ dawn l-istandards armonizzati permezz tad-drittijiet tal-awtur kienet teoretikament possibbli u anki jekk l-imsemmija standards armonizzati kienu kkunsidrati bħala kreazzjoni intellettwali personali, id-deċiżjoni konfermattiva xorta waħda għandha tiġi annullata, peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-preġudizzju allegat għall-interessi kummerċjali taċ-CEN, bħala awtur tal-istess standards armonizzati.

62

Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument jaqa’ taħt attività jew interess imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll turi kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu u li r-riskju ta’ preġudizzju għal dan l-interess huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Dan japplika wkoll għal terz fl-ipoteżi li jiġi kkonsultat fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-għan tal-imsemmi artikolu huwa li jippermetti lill-istituzzjoni tevalwa jekk eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-artikolu jistax jiġi applikat (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, Pari Pharma vs EMA, T‑235/15, EU:T:2018:65, punt 69).

64

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni konfermattiva jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha li tiżvela l-istandards armonizzati mitluba fuq żewġ preġudizzji, marbuta, iżda distinti minn xulxin, għall-interessi kummerċjali taċ-CEN u tal-membri nazzjonali tiegħu, jiġifieri, minn naħa, il-protezzjoni ta’ dawn l-istandards armonizzati permezz tad-drittijiet tal-awtur u, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ tnaqqis kbir ħafna tat-tariffi miġbura miċ-CEN u mill-membri nazzjonali tiegħu inkambju għall-aċċess għall-imsemmija standards armonizzati, jekk l-aċċess għal dawn tal-aħħar seta’ jinkiseb mingħajr ħlas mingħand il-Kummissjoni.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif issostni l-Kummissjoni, li l-bejgħ ta’ standards huwa komponent essenzjali tal-mudell ekonomiku adottat mill-korpi kollha ta’ standardizzazzjoni. Aċċess liberu u mingħajr ħlas tal-pubbliku għal dawn l-istandards iqiegħed f’dubju dan il-mudell u jġiegħel lill-imsemmija korpi jirrevedu kompletament il-mod ta’ organizzazzjoni tagħhom, u b’hekk jesponi għal riskji kbar il-produzzjoni ta’ standards ġodda u l-possibbiltà li jkun hemm metodu li juri l-konformità ta’ prodott mar-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jintuża metodu uniformi.

66

Minn dan isegwi li, sa fejn, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel motiv (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-istandards armonizzati mitluba kienu s-suġġett ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, li permezz tagħha dawn kienu aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati biss wara l-ħlas ta’ ċerti tariffi (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), l-iżvelar tagħhom mingħajr ħlas abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 seta’ konkretament u effettivament jaffettwa l-interessi kummerċjali taċ-CEN u tal-membri nazzjonali tiegħu, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq.

67

Fi kwalunkwe każ, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, fil-kuntest tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess liberu tal-pubbliku għall-istandards inkontestabbilment jippreġudika l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali taċ-CEN, sa fejn dawn l-istandards huma suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ liċenzja imposti fuq ix-xerrejja. L-assenza ta’ kwalunkwe kontroll, ikun xi jkun, fl-iżvelar tal-istandards manifestament ikollu effett fuq l-interessi kummerċjali taċ-CEN.

68

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fil-proċess ta’ tfassil tal-istandards armonizzati mitluba, iċ-CEN jaġixxi bħala awtorità pubblika fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet pubbliċi li ma huma suġġetti għal ebda interess kummerċjali.

69

F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1025/2012, l-istandards armonizzati għandhom jiġu mfassla jew, jekk meħtieġ, irriveduti minn waħda mit-tliet organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni, fuq l-inizjattiva, taħt id-direzzjoni u taħt il-kontroll tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan, l-imsemmi regolament jirrikonoxxi tliet organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni, jiġifieri ċ-CEN, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI). Dawn l-organizzazzjonijiet huma assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, iċ-CEN u ċ-Cenelec, irregolati mid-dritt privat Belġjan, u l-ETSI, mid-dritt Franċiż.

70

Issa, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li, fil-proċess ta’ tfassil tal-istandards armonizzati, iċ-CEN jaġixxi bħala awtorità pubblika fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet pubbliċi li ma huma suġġetti għal ebda interess kummerċjali.

71

Il-fatt li l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni, fosthom iċ-CEN, jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ kompiti ta’ interess pubbliku billi jipprovdu servizzi ta’ ċertifikazzjoni relatati mal-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, bl-ebda mod ma jbiddel l-istatus tagħhom ta’ entitajiet privati li jeżerċitaw attività ekonomika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2018, Falcon Technologies International vs Il‑Kummissjoni, T‑875/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:877, punt 47).

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, għalkemm impriża b’kapital pubbliku jista’ jkollha interessi kummerċjali, l-istess għandu japplika a fortiori għal entità privata, anki jekk din tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ kompiti ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2018, Falcon Technologies International vs Il‑Kummissjoni, T‑875/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:877, punt 49).

73

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni wriet li l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali taċ-CEN jew tal-membri nazzjonali tiegħu u li r-riskju ta’ preġudizzju għal dawn l-interessi kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq.

74

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv, kif ukoll il-motiv fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

2.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

75

Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat li l-ebda interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kien jiġġustifika l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba u li ma mmotivatx ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri b’mod suffiċjenti.

76

Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jeħtieġ aċċess liberu għal-liġi. It-tieni parti tikkonċerna żball ta’ liġi dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri dovut għall-obbligu ta’ trasparenza fil-qasam tal-ambjent. It-tielet parti hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti għar-rifjut tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri.

77

Qabel kollox għandha tiġi eżaminata t-tielet parti tat-tieni motiv.

a)   Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti għar-rifjut tal‑Kummissjoni li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri

78

Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni konfermattiva, il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti ċ-ċaħda tagħha tal-argumenti mressqa fit-talba konfermattiva dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-aċċess għall-istandards armonizzati mitluba.

79

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żammet siekta dwar l-iktar argumenti importanti li huma kienu żviluppaw fit-talba konfermattiva tagħhom dwar l-implikazzjonijiet tal-klassifikazzjoni tal-istandards armonizzati mitluba bħala “dritt tal-Unjoni” permezz tas-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821). Huma jqisu b’mod iktar preċiż li l-Kummissjoni ma tispjegax, b’mod partikolari, għaliex l-argument tagħhom dwar l-aċċess neċessarju għad-dritt fi Stat ta’ dritt ma għandux jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri.

80

Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma mmotivatx ir-raġunament tagħha dwar l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’dan il-każ, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374), u, b’hekk, tqegħidhom f’sitwazzjoni li jiġi kkunsidrat li tali bbilanċjar ma sarx.

81

Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li hija mmotivat suffiċjentement skont il-liġi r-rifjut tagħha li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri.

82

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, skont liema kull att legali adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jkun motivat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jimmotivaw l-atti tagħhom ma jissodisfax biss dmir formali, iżda huwa intiż sabiex jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità u lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda, sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk l-att huwiex fondat jew le. B’hekk, il-persuni kkonċernati ma jistgħux verament jeżerċitaw ir-rimedju ġudizzjarju tagħhom ħlief jekk ikollhom konoxxenza eżatta tal-kontenut u tal-motivi tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Mélin vs Il‑Parlament, T‑726/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:816, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, ġie deċiż li l-obbligu għall-istituzzjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-aċċess għal dokument għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimplikax għall-istituzzjoni kkonċernata li jkollha twieġeb għal kull wieħed mill-argumenti mressqa matul il-proċedura li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali kkontestata (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, Psara et vs Il‑Parlament, T‑639/15 sa T‑666/15 u T‑94/16, EU:T:2018:602, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni konfermattiva, il-Kummissjoni esponiet it-tweġibiet tagħha għall-argumenti tar-rikorrenti inklużi fit-talba konfermattiva dwar l-allegata eżistenza tal-interessi pubbliċi superjuri li jirriżultaw, minn naħa, mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821), u, min-naħa l-oħra, mill-allegati obbligi ta’ trasparenza fil-qasam tal-ambjent, fil-punt 4, intitolat “Assenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar”.

86

F’dan ir-rigward, l-ewwel, il-Kummissjoni indikat li, kif spjegat fil-punt 2.1 tad-deċiżjoni konfermattiva ddedikat għall-eżami tal-kundizzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika tad-deċiżjoni konfermattiva, l-effetti tas-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821), kellhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kuntest li fih ingħatat dik is-sentenza. B’hekk, fil-fehma tagħha, l-imsemmija sentenza “la [ħolqot] obbligu ta’ pubblikazzjoni b’mod proattiv tal-istandards armonizzati fil-Ġurnal Uffiċjali u lanqas [stabbilixxiet] awtomatikament interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tagħhom”.

87

It-tieni, il-Kummissjoni rrifjutat l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-obbligi ta’ trasparenza fil-qasam tal-ambjent, meqjusa li huma ta’ interess pubbliku superjuri fir-rigward tal-interess ibbażat fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, billi argumentat, essenzjalment, li dawn ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

88

It-tielet, il-Kummissjoni żiedet li barra minn hekk hija ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika xi interess pubbliku superjuri li jiġġustifika tali żvelar.

89

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni konfermattiva ċertament tesponi, fil-qosor iżda b’mod ċar, li r-rikorrenti ma kienu ressqu l-ebda argument li juri l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba. Il-Kummissjoni żiedet ukoll li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika xi interess pubbliku superjuri li jiġġustifika tali żvelar.

90

Barra minn hekk, sa fejn, permezz ta’ wħud mill-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw, fir-realtà, il-fondatezza tal-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni konfermattiva dwar l-ineżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba, tali argumenti huma ineffettivi fil-kuntest ta’ din il-parti.

91

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata li tesponi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, hija madankollu ma hijiex obbligata li tipprovdi informazzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex il-persuna li titlob l-aċċess tifhem ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni tagħha u għall-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-legalità ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Bonnafous vs Il‑Kummissjoni, T‑646/18, EU:T:2020:120, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jeħtieġ aċċess liberu għal-liġi

93

Ir-rikorrenti jsostnu li, jekk wieħed jassumi li l-istandards armonizzati mitluba jistgħu jkunu koperti mill-eċċezzjoni relatata mal-effett fuq l-interessi kummerċjali, kien jeżisti interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tal-imsemmija standards armonizzati fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit aċċess liberu għal-liġi. B’mod iktar preċiż, l-appartenenza ta’ dawn l-istandards armonizzati għad-dritt tal-Unjoni “toħloq il-ħtieġa kostituzzjonali li jingħata aċċess liberu għalihom”.

94

Skont ir-rikorrenti, peress li l-istandards armonizzati mitluba jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821), jeżisti “interess pubbliku superjuri awtomatiku” li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn l-istandards armonizzati. Huma jinvokaw b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li seta’ jiġi ggarantit biss permezz tal-pubblikazzjoni tad-dritt fil-forma korretta u dovuta fil-lingwa uffiċjali tad-destinatarju tiegħu. Huma jirreferu wkoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-aċċessibbiltà tad-dritt. Barra minn hekk, huma jenfasizzaw ir-rabta bejn l-aċċessibbiltà tal-istandards u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fl-aħħar nett, huma jqisu li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantiti fl-Artikoli 34 u 56 TFUE jirrikjedu aċċess liberu għall-istandards.

95

Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni konfermattiva tikser l-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-eżistenza ta’ interess pubbliku fl-iżvelar u, b’mod iktar ġenerali, milli tibbilanċja l-interessi mħarsa mill-iżvelar ma’ dawk opposti għal tali żvelar. F’dan ir-rigward, huma jikkontestaw l-affermazzjoni li huma ressqu biss kunsiderazzjonijiet ġenerali li ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza kien ta’ importanza partikolari f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-riferiment għan-natura partikolari tal-istandards armonizzati mitluba kien suffiċjenti sabiex jiġġustifika, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ interess pubbliku partikolari fl-iżvelar fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

96

Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

97

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, anki fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-possibbiltà li jintwera li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti bis-saħħa tal-aħħar frażi tal-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑306/12, EU:T:2014:816, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Mill-banda l-oħra, hija dik il-persuna li tallega l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li għandha tinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u l-espożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li interess pubbliku superjuri għandu jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fir-realtà jipprovaw jeżentaw kompletament il-kategorija tal-istandards armonizzati mill-applikabbiltà tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet materjali implimentata bir-Regolament Nru 1049/2001, għar-raġuni ġenerika li dawn jagħmlu parti mid-“dritt tal-Unjoni” li għandu jkun liberament u mingħajr ħlas aċċessibbli għall-pubbliku.

100

Issa, fl-ewwel lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 98 iktar ’il fuq, l-espożizzjoni ta’ tali kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-interess superjuri tal-pubbliku li jkollu aċċess liberu u mingħajr ħlas għad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-istandards armonizzati, anki jekk ikun reali, jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tal-imsemmija standards.

101

L-ewwel, minbarra allegazzjonijiet ġenerali dwar in-neċessità li l-“liġi tal-Unjoni” ssir aċċessibbli, ir-rikorrenti ma jsostnux il-motivi konkreti li jiġġustifikaw, f’dan il-każ, l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba. B’mod partikolari, huma ma jispjegawx sa fejn l-iżvelar ta’ dawn l-istandards armonizzati għandu jipprevali fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali taċ-CEN jew tal-membri nazzjonali tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, għalkemm, fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija l-istituzzjoni tal-Unjoni li tinvoka l-imsemmija eċċezzjoni li għandha l-oneru tal-prova, mill-banda l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, huma dawk li jsostnu l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar frażi tal-imsemmija dispożizzjoni li għandhom jipproduċu prova ta’ dan.

102

It-tieni, anki jekk jitqies li l-allegazzjonijiet ġenerali dwar l-eżistenza ta’ interess ġenerali għall-garanzija tal-aċċess liberu u mingħajr ħlas għall-istandards għandhom jintlaqgħu, l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba, f’dan il-każ, ma huwiex ta’ natura li jippermetti li tali interess jiġi ssodisfatt. Fil-fatt, indipendentement min-natura tad-dritt li l-ħolqien tagħhom joħloq għall-benefiċċju tal-kreaturi tagħhom, l-aċċess għall-istandards armonizzati jibqa’ suġġett għal restrizzjonijiet, bħall-ħlas ta’ tariffi stabbiliti mill-korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni abbażi tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni jew il-konsultazzjoni, bla ħlas, f’ċerti libreriji. Għalhekk hemm lok li tiġi approvata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-interess pubbliku li tiġi żgurata l-funzjonalità tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, li l-għan tagħha huwa li tiffavorixxi l-moviment liberu tal-merkanzija, filwaqt li jiġi ggarantit livell minimu ta’ sigurtà ekwivalenti fil-pajjiżi Ewropej kollha, jipprevali fuq il-garanzija tal-aċċess liberu u mingħajr ħlas għall-istandards armonizzati.

103

Fit-tieni lok, l-approċċ magħżul mir-rikorrenti, li jitolbu l-istabbiliment ġudizzjarju ta’ aċċess liberu u mingħajr ħlas għall-istandards armonizzati permezz tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001 mingħajr madankollu ma jikkontestaw is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, ma jistax jitqies li huwa adegwat. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1025/2012, minn naħa, jipprevedi espressament, kif tfakkar fil-punt 53 iktar ’il fuq, sistema ta’ pubblikazzjoni limitata għar-referenzi tal-istandards armonizzati biss u, min-naħa l-oħra, jippermetti, kif ġie espost fil-punt 19 iktar ’il fuq, l-aċċess bi ħlas għall-imsemmija standards għall-persuni li jixtiequ jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ konformità marbuta magħhom.

104

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni konfermattiva, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda interess pubbliku superjuri ma kien jiġġustifika l-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba skont l-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont il-Kummissjoni, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821), invokata mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħhom dwar l-eżistenza tal-interess pubbliku superjuri li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għad-dritt, la toħloq obbligu ta’ pubblikazzjoni b’mod proattiv tal-istandards armonizzati fil-Ġurnal Uffiċjali, u lanqas tistabbilixxi awtomatikament interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tagħhom.

105

Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball.

106

Fil-fatt, l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq il-konsegwenzi li huma stess jisiltu mill-klassifikazzjoni tal-istandards armonizzati bħala “dritt tal-Unjoni” magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:821). Għalhekk, huma jsostnu, essenzjalment, li l-appartenenza tal-istandards armonizzati għad-dritt tal-Unjoni “toħloq il-ħtieġa kostituzzjonali li jingħata aċċess liberu għalihom”.

107

Issa, minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma jindikawx is-sors eżatt ta’ “prinċipju ta’ natura kostituzzjonali” li jeżiġi aċċess liberu u mingħajr ħlas għall-istandards armonizzati, huma bl-ebda mod ma jiġġustifikaw ir-raġuni għalfejn dawn għandhom ikunu suġġetti għall-ħtieġa ta’ reklamar u ta’ aċċessibbiltà marbuta ma’ “liġi”, sa fejn dawn l-istandards ma għandhomx jiġu applikati b’mod obbligatorju, jipproduċu l-effetti legali marbuta magħhom fir-rigward tal-persuni kkonċernati biss u jistgħu jiġu kkonsultati mingħajr ħlas f’ċerti libreriji tal-Istati Membri.

108

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

c)   Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri dovut għall-obbligu ta’ trasparenza fil-qasam tal‑ambjent

109

Ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel, li l-istandards armonizzati mitluba jinkludu informazzjoni dwar l-ambjent, li toħloq interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tagħha, konformement mal-Artikolu 5(3)(b) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), kif implimentata mill-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 1367/2006. It-tieni, dawn jirrigwardaw emissjonijiet fl-ambjent u, minħabba f’hekk, l-iżvelar tagħhom huwa interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament.

110

Il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑intervenjenti, tikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

111

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħar-Regolament Nru 1049/2001, ir-Regolament Nru 1367/2006 għandu l-għan, kif jipprevedi l-Artikolu 1 tiegħu, li jiggarantixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni u x-xandir sistematiċi l-iktar wiesgħa possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni.

112

Sabiex jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri minħabba l-obbligu ta’ trasparenza fil-qasam tal-ambjent, għandu jiġi vverifikat, jekk wieħed jassumi li l-istandards armonizzati mitluba jinkludu informazzjoni dwar l-ambjent, jekk dan kienx ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tagħha. Sussegwentement, huwa importanti, jekk ikun meħtieġ, li tiġi analizzata l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija standards armonizzati jirrigwardawx emissjonijiet fl-ambjent, b’tali mod li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, l-iżvelar tagħhom jitqies bħala interess pubbliku superjuri.

1) Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri f’każ ta’ talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent

113

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif implimentati mill-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-Kummissjoni kienet obbligata xxandar b’mod attiv l-istandards armonizzati mitluba.

114

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kemm l-Artikolu 5(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirregolaw l-obbligu ta’ xandir b’mod attiv tal-informazzjoni dwar l-ambjent, mingħajr ma jistabbilixxu “interess pubbliku superjuri” f’dan ir-rigward.

115

Fil-fatt, bħalma għamlet il-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 hija l-unika dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament li tinkludi riferiment ċar u speċifiku għal “interess pubbliku prevalenti” u li tikkonċerna biss is-sitwazzjonijiet li fihom l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.

116

Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tirreferi biss għal “interess pubbliku” fl-iżvelar u mhux għal interess pubbliku “superjuri” fis-sens tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jirriżultax li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-ambjent jippreżenta dejjem interess pubbliku superjuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015, ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, T‑245/11, EU:T:2015:675, punt 189).

117

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tal-istandards armonizzati mitluba ma jirriżultax mis-sempliċi fatt, jekk jitqies li dan huwa minnu, li dawn fihom informazzjoni dwar l-ambjent.

118

Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif implimentat mill-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 1367/2006, l-obbligu ta’ xandir b’mod attiv tal-informazzjoni dwar l-ambjent huwa limitat għat-test tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent jew li hija relatata magħha, kif ukoll għad-dokumenti politiċi, għall-pjanijiet u għall-programmi relatati mal-ambjent. Issa, minkejja li jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni, l-istandards armonizzati mitluba madankollu ma jaqgħux taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li hija strettament irregolata mit-Trattati u taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkarigati mill-kompetenzi f’dan ir-rigward biss. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet obbligata xxandar b’mod attiv l-istandards armonizzati mitluba huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-imsemmija standards armonizzati jaqgħu taħt il-kategorija tal-“leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent jew li hija relatata magħha”.

119

Barra minn hekk, kemm il-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll ir-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedu l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-ambjent fuq talba, jiġifieri fil-kuntest ta’ xandir b’mod attiv mill-awtoritajiet u mill-istituzzjonijiet ikkonċernati. Issa, sa fejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet jistgħu jirrifjutaw talba għal aċċess għal informazzjoni meta din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li huma ma humiex marbuta jxandru din l-informazzjoni b’mod attiv. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, l-eċċezzjonijiet inkwistjoni jisfaw mingħajr l-ebda effett utli, li huwa manifestament inkompatibbli mal-ispirtu u mal-ittra tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, T‑111/11, EU:T:2013:482, punt 128).

2) Fuq l-eżistenza ta’ informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent fis‑sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

120

Mill-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(d) tal-imsemmi regolament, jirriżulta essenzjalment li l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li jiġi ggarantit id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar fatturi, bħalma huma l-emissjonijiet, li għandhom jew jista’ jkollhom effetti fuq l-elementi tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d)(i) tal-istess regolament, b’mod partikolari fuq l-arja, l-ilma u l-art.

121

F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprevedi preżunzjoni legali li l-iżvelar tal-“informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, bl-eċċezzjoni ta’ dik relatata ma’ investigazzjonijiet, jitqies li huwa interess pubbliku superjuri meta mqabbel mal-interess ibbażat fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, b’tali mod li l-protezzjoni tal-imsemmija interessi kummerċjali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni. Billi jistabbilixxi tali preżunzjoni, l-imsemmi artikolu jippermetti biss implimentazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 54).

122

Madankollu, mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, jiġifieri dik li tirrigwarda jew li hija marbuta ma’ tali emissjonijiet, u mhux l-informazzjoni li għandha rabta, diretta jew indiretta, mal-emissjonijiet fl-ambjent. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jirreferi għall-“informazzjoni dwar l-emissjonijiet” (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 78).

123

Fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 li jiġi ggarantit aċċess fil-prinċipju għall-“informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi b’mod partikolari d-data li tippermetti lill-pubbliku jkun jaf dak li jiġi effettivament irrilaxxat fl-ambjent, jew dak li ser jiġi rrilaxxat b’mod prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni, li tikkorrispondi għal dik li għaliha ingħatat l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza u li hija prevalenti fiż-żona fejn l-imsemmi prodott jew l-imsemmija sustanza huma intiżi li jintużaw. Għalhekk, l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat b’mod li jkopri, b’mod partikolari, l-indikazzjonijiet marbuta man-natura, mal-kompożizzjoni, mal-kwantità, mad-data u mal-post tal-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli, f’tali kundizzjonijiet, tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 79).

124

Għandha wkoll tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” l-informazzjoni li tippermetti lill-pubbliku jivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli, li abbażi tagħha l-awtorità kompetenti awtorizzat il-prodott jew is-sustanza inkwistjoni, hijiex korretta, kif ukoll id-data marbuta mal-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent. Fil-fatt, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta essenzjalment li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent iggarantit b’dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiffavorixxi parteċipazzjoni hija effettiva tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali b’mod li jissaħħaħ l-obbligu tal-korpi kompetenti li jagħtu rendikont fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni sabiex isir kontribut għall-kuxjenza pubblika u jiżdied l-appoġġ tal-pubbliku għad-deċiżjonijiet meħuda. Issa, sabiex ikun jista’ jiżgura ruħu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ambjent huma fondati u jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni li tippermettilu jivverifika jekk l-emissjonijiet ġewx evalwati korrettament u għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem raġonevolment il-mod li bih l-ambjent jista’ jiġi affettwat mill-imsemmija emissjonijiet (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 80).

125

Mill-banda l-oħra, jekk ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, dan il-kunċett ma jistax madankollu jinkludi l-informazzjoni kollha li għandha kwalunkwe rabta, anki diretta, ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fil-fatt, kieku l-imsemmi kunċett kellu jiġi interpretat fis-sens li jkopri tali informazzjoni, huwa jeżawrixxi fil-parti l-kbira l-kunċett ta’ “informazzjoni dwar l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006. Tali interpretazzjoni tneħħi, b’dan il-mod, kull effett utli tal-possibbiltà, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent għar-raġuni, b’mod partikolari, li tali żvelar jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari u jqiegħed f’perikolu l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura bejn l-għan ta’ trasparenza u l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi. Hija tippreġudika wkoll b’mod sproporzjonat il-protezzjoni tas-sigriet professjonali ggarantit permezz tal-Artikolu 339 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 81).

126

Barra minn hekk, jekk il-kunċett ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma jistax jiġi limitat biss għall-informazzjoni li tikkonċerna l-emissjonijiet effettivament irrilaxxati fl-ambjent, madankollu dan ma jinkludix l-informazzjoni dwar emissjonijiet ipotetiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punti 7273 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127

F’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, li ma hijiex kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, l-istandards armonizzati mitluba sempliċement jiddeskrivu testijiet u metodi intiżi sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà qabel it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti. Issa, dawn ma fihom l-ebda informazzjoni li għandha, jew li jista’ jkollha, effetti fuq l-elementi tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d)(i) tar-Regolament Nru 1367/2006, iżda jinkludu informazzjoni dwar l-aħjar mezzi sabiex il-ġugarelli jsiru iktar siguri u sabiex jipprevjenu ċerti effetti tan-nikil meta dan ikollu kuntatt fit-tul mal-ġilda.

128

Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li l-istandards armonizzati mitluba kienu parzjalment jirrigwardaw sustanzi u li dawn fihom ċerta informazzjoni dwar ir-rati massimi ta’ taħlit u ta’ sustanzi kimiċi ċertament ma jistabbilixxix rabta suffiċjenti mal-emissjonijiet effettivi jew prevedibbli fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 123 u 124 iktar ’il fuq.

129

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-istandards armonizzati mitluba ma humiex limitati fl-isfera ta’ “informazzjoni [li tkun] konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-preżunzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

130

Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, l-imsemmi motiv kollu kemm hu kif ukoll ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

IV. Fuq l-ispejjeż

131

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

132

F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

133

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. F’dan il-każ, iċ-CEN, l‑UNE, l-ASRO, l-AFNOR, l-ASI, il-BSI, in-NBN, id-DS, id-DIN, in-NEN, is-SNV, is-SN, is-SFS, is-SIS u l-ISS għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Public.Resource.Org, Inc. u Right to Know CLG għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Il-Comité européen de normalisation (CEN), l-Asociación Española de Normalización (UNE), l-Asociaţia de Standardizare din România (ASRO), l-Association française de normalisation (AFNOR), l-Austrian Standards International (ASI), il-British Standards Institution (BSI), il‑Bureau de normalisation/Bureau voor Normalisatie (NBN), id-Dansk Standard (DS), id-Deutsches Institut für Normung e. V. (DIN), il‑Koninklijk Nederlands Normalisatie Instituut (NEN), ix‑Schweizerische Normen-Vereinigung (SNV), l-iStandard Norge (SN), is-Suomen Standardisoimisliitto r.y. (SFS), l-iSvenska institutet för standarder (SIS) u l-Institut za standardizaciju Srbije (ISS) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Papasavvas

Spielmann

Öberg

Spineanu‑Matei

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Lulju 2021.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Il-lista tal-intervenjenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.

Top