Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TJ0126

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2021.
    Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Ambjent – Regolament (UE) Nru 517/2014 – Gassijiet serra fluworurati – Allokazzjoni ta’ kwoti għat-tqegħid ta’ idrofluworokarburi fis-suq – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Artikolu 16 u Annessi V u VI tar-Regolament Nru 517/2014 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża T-126/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:360

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

    16 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

    “Ambjent – Regolament (UE) Nru 517/2014 – Gassijiet serra fluworurati – Allokazzjoni ta’ kwoti għat-tqegħid ta’ idrofluworokarburi fis-suq – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Artikolu 16 u Annessi V u VI tar-Regolament Nru 517/2014 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża T‑126/19,

    Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji, stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentata minn A. Galos, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland, A. Becker, K. Herrmann u M. Jáuregui Gómez, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio, A. Tamás u W. Kuzmienko, bħala aġenti,

    u minn

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Michoel u I. Tchórzewską, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li talloka lir-rikorrenti kwota ta’ 4096 tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO2 ta’ idrofluworokarburi għall‑2019,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

    komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger (Relatur) u O. Porchia, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU 2014, L 150, p. 195), ġie adottat fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    2

    Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 517/2014, il-pajjiżi żviluppati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra minn 80 għal 95 % meta mqabbla mal-livelli tal‑1990 sal‑2050, sabiex jillimitaw it-tibdil klimatiku tad-dinja għal żieda fit-temperatura ta’ 2 °C u b’hekk jevitaw effetti mhux mixtieqa fuq il-klima.

    3

    L-idrofluworokarburi (HFC) huma kategorija ta’ gassijiet serra fluworurati b’potenzjal ta’ tisħin ħafna ogħla minn dak tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u jintużaw, b’mod partikolari, fis-sistemi ta’ tkessiħ u tal-arja kundizzjonata, fl-aerosols u fil-produzzjoni ta’ fowmijiet iżolanti.

    4

    Skont il-premessa 13 tar-Regolament Nru 517/2014, it-tnaqqis progressiv tal-kwantitajiet ta’ HFC li jistgħu jitqiegħdu fis-suq ġie identifikat bħala l-iktar mod effettiv u kosteffiċjenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ dawn is-sustanzi fuq medda twila ta’ żmien.

    5

    Sabiex jimplimenta dan it-tnaqqis progressiv, ir-Regolament Nru 517/2014 jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea għandha b’mod partikolari tiddetermina, kull sena, kwantità massima ta’ HFC li tista’ titqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kwoti ta’ HFC, espressi f’“tunnellata/i ta’ ekwivalenti ta’ CO2”, li l-produtturi jew l-importaturi huma awtorizzati jqiegħdu fis-suq.

    6

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll, konformement mal-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, reġistru elettroniku tal-kwoti ta’ tqegħid fis-suq ta’ HFC (iktar ’il quddiem ir-“reġistru HFC”) li hija tiżgura l-funzjonament tiegħu. Il-produtturi u l-importaturi attivi fis-suq tal-HFC għandhom jiġu rreġistrati f’dan ir-reġistru.

    7

    Ir-rikorrenti, Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji, hija impriża Pollakka rreġistrata mill‑1 ta’ Lulju 2014 fir-reġistru HFC bħala “attur ġdid tas-suq”, jiġifieri impriża li ma ddikjaratx li qiegħdet HFC fis-suq matul il-perijodu bejn l‑2009 u l‑2012, imsemmija fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 517/2014, li għaliha l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ HFC hija bbażata esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet annwali li hija tippreżenta lill-Kummissjoni konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

    8

    Għall‑2015, ir-rikorrenti ddikjarat li kellha bżonn 298059 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ HFC u ġiet allokata kwota ta’ 65004 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2. Madankollu, hija ma qegħditx HFC fis-suq fl‑2015.

    9

    Għall‑2016, ir-rikorrenti ddikjarat li kellha bżonn 320945 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ HFC u ġiet allokata kwota ta’ 47690 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2. Madankollu, hija ma qegħditx HFC fis-suq fl‑2016.

    10

    Għall‑2017, ir-rikorrenti ddikjarat li kellha bżonn 221320 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ HFC u, skont l-informazzjoni li hija pprovdiet, ġiet allokata kwota ta’ 34690 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2. Mill-banda l-oħra, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, hija ġiet allokata kwota ta’ 34060 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2. Ir-rikorrenti poġġiet 34047 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fis-suq fl‑2017.

    11

    Għall‑2018, ir-rikorrenti ddikjarat li kellha bżonn 218915 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ HFC u ġiet allokata kwota ta’ 11650 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2. Skont id-data provviżorja, hija qiegħdet 15884 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fis-suq fl‑2018.

    12

    Għall‑2019, ir-rikorrenti ddikjarat li kellha bżonn 207433 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ HFC.

    13

    Permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ġiet allokata kwota ta’ 4096 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ HFC lir-rikorrenti għall‑2019. Hija ġiet informata b’dan permezz ta’ posta elettronika fit‑12 ta’ Diċembru 2018.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    14

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

    15

    Fid‑29 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

    16

    Fil‑31 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

    17

    Fid‑19 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

    18

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, peress li kienu awtorizzati jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni, ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fit‑30 ta’ Settembru 2019.

    19

    Il-Kummissjoni indikat, fl‑14 ta’ Ottubru 2019, li ma kellhiex osservazzjonijiet x’tippreżenta fuq in-noti ta’ intervent. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, ħadet pożizzjoni fuq l-imsemmija noti fil‑25 ta’ Ottubru 2019.

    20

    Fil‑25 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla), fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet lill-partijiet prinċipali u lill-intervenjenti.

    21

    Fl‑10 ta’ Lulju 2020, il-partijiet prinċipali u l-intervenjenti wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali.

    22

    Fis‑27 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq ir-risposta tar-rikorrenti.

    23

    Fis‑6 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni fuq ir-risposti tal-Kummissjoni.

    24

    Fis‑26 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla), fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsija ġdida lill-Kummissjoni, li għaliha din tal-aħħar wieġbet fid‑9 ta’ Novembru 2020.

    25

    Meta ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu pożizzjoni fuq ir-risposta tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet.

    26

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    “tannulla l-Artikolu 16 tar-Regolament […] Nru 517/2014 […] li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, u konsegwentement tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata f’dan ir-rigward”;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    27

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    28

    L-intervenjenti jitolbu li r-rikors jiġi miċħud.

    29

    Peress li l-partijiet ma talbux li tinżamm seduta, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

    Id-dritt

    Fuq is-suġġett tar-rikors

    30

    Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, skont il-formulazzjoni tat-talbiet tagħha, “tannulla l-Artikolu 16 tar-Regolament […] Nru 517/2014 […] li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, u konsegwentement tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata f’dan ir-rigward”.

    31

    Madankollu, mit-test tar-rikors jirriżulta li din it-talba għandha tinftiehem, kif taqbel il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, bħala intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u bħala li ssostni, għal dan l-għan, eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, li tirrigwarda l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 517/2014.

    Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

    32

    Il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti ma hijiex ammissibbli. F’dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel, li r-rikorrenti ma ppreċiżatx b’mod suffiċjenti d-dispożizzjonijiet speċifiċi koperti minn din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, it-tieni, li din teċċepixxi għall-ewwel darba, u għaldaqstant tardivament, l-illegalità tal-Artikolu 16(5) u tal-Anness V tar-Regolament Nru 517/2014 fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, it-tielet, li r-rabta legali bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-dispożizzjonijiet koperti mill-imsemmija eċċezzjoni ta’ illegalità ma hijiex stabbilita u, ir-raba’, li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, sa fejn dan jirrigwarda, permezz tal-eċċezzjoni tagħha ta’ illegalità, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 517/2014, ma huwiex preżenti.

    33

    Skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fil-mument tal-konstatazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss jekk teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li l-allegata illegalità tagħha hija eċċepita. Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Minn dan jirriżulta li l-att ġenerali li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ inkwistjoni u li għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il‑Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-Artikolu 277 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex jiġi żgurat stħarriġ tal-legalità effettiv tal-atti tal-istituzzjonijiet ta’ natura ġenerali favur persuni esklużi minn azzjoni diretta kontra atti bħal dawn. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE għandu jestendi għall-atti tal-istituzzjonijiet li kienu rilevanti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors għal annullament, fis-sens li l-imsemmija deċiżjoni hija essenzjalment ibbażata fuqhom, anki jekk ma jikkostitwixxux formalment il-bażi legali tagħha (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il‑Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għall-finijiet tal-eżami ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-regoli tal-istess sistema waħda ma jistgħux jiġu diviżi artifiċjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 76).

    35

    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti identifikat b’mod suffiċjentement ċar id-dispożizzjonijiet li l-illegalità tagħhom hija eċċepita.

    36

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, din tkopri, permezz tal-eċċezzjoni tagħha ta’ illegalità, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 517/2014. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 517/2014 jirreferi għall-Anness V tiegħu u li l-Annessi V u VI tiegħu jirreferu, min-naħa tagħhom, għall-Artikolu 16 tiegħu, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tinftiehem li hija diretta kontra l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament moqri flimkien mal-Annessi V u VI tiegħu. Fl-aħħar nett, mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrenti tallega li s-sistema ta’ tqassim tal-kwoti ta’ HFC hija illegali, b’mod partikolari, minħabba diskriminazzjoni kontra impriżi li ma ddikjarawx li qiegħdu HFC fis-suq matul il-perijodu ta’ bejn l‑2009 u l‑2012 (iktar ’il quddiem l-“entranti l-ġodda”) meta mqabbla mal-impriżi li ddikjaraw li qiegħdu HFC fis-suq matul dan il-perijodu (iktar ’il quddiem l-“impriżi eżistenti”). B’dan il-mod, ir-rikorrenti tirreferi għas-sistema kollha kkostitwita mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 517/2014 moqri flimkien mal-Annessi V u VI tiegħu.

    37

    Minn dan isegwi wkoll li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti invokat l-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tas-sistema inkwistjoni biss fi stadju avvanzat tal-proċedura, u għalhekk tardivament, hija fattwalment infondata.

    38

    It-tieni, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn id-dispożizzjonijiet koperti mill-eċċezzjoni ta’ illegalità u d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet abbażi tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 517/2014, abbażi ta’ dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrenti skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, il-kwota allokata lir-rikorrenti permezz ta’ din id-deċiżjoni tiddependi kemm min-numru ta’ entranti ġodda, mill-volum tal-kwoti mitluba minn dawn tal-aħħar kif ukoll mill-volum tal-kwoti allokati, rispettivament, lill-impriżi eżistenti u lill-entranti l-ġodda li għalihom kien diġà ġie stabbilit valur ta’ referenza fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 57 iktar ’il fuq), b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata hija neċessarjament ibbażata, direttament jew indirettament, fuq ir-regoli kollha ta’ tqassim tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament u fl-annessi li għalihom jirreferi dan l-artikolu.

    39

    Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fejn is-sistema prevista mill-eċċezzjoni ta’ illegalità hija kkostitwita minn kombinazzjoni ta’ regoli stabbiliti fl-Artikolu 16 u fl-Annessi V u VI tar-Regolament Nru 517/2014, ikun artifiċjali, għall-Qorti Ġenerali, li taqsam din is-sistema bejn id-dispożizzjonijiet differenti tagħha għall-finijiet tal-eżami tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

    40

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rabta ta’ konnessjoni meħtieġa bejn id-dispożizzjonijiet li l-illegalità tagħhom hija eċċepita u d-deċiżjoni kkontestata hija stabbilita.

    41

    It-tielet, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti, l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-premessa li l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 517/2014 jistgħu jiġu sseparati, għall-finijiet tal-eżami tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, mill-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu u tal-annessi li għalihom jirreferi. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-premessa hija, f’dan il-każ, żbaljata, kif jirriżulta mill-punti 38 u 39 iktar ’il fuq.

    42

    Barra minn hekk, jekk kellu jiġi segwit l-argument tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 517/2014, dan iċaħħad lill-Artikolu 277 TFUE minn kull effett utli. Fil-fatt, il-Kummissjoni tafferma li l-ebda kwota ma tista’ tiġi allokata lir-rikorrenti fl-ipoteżi fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tisparixxi mill-ordinament ġuridiku, u b’hekk iċċaħħad lil din tal-aħħar mill-interess li teċċepixxi l-illegalità tagħha. Issa, tali pożizzjoni tiċħad lil parti fil-kawża mill-possibbiltà li tikkontesta l-legalità tal-kundizzjonijiet li għalihom dispożizzjoni tissuġġetta l-għoti ta’ dritt.

    43

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    44

    Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hija tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tas-sistema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti stabbilita mir-Regolament Nru 517/2014.

    45

    Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-rikorrenti tinvoka żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

    Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

    46

    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-regoli ta’ tqassim tal-kwoti stabbiliti mir-Regolament Nru 517/2014 imorru kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn dawn joħolqu differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn l-entranti l-ġodda u l-impriżi eżistenti. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mill-Parlament, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

    47

    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, qabelxejn, jekk it-trattament iddifferenzjat li tirreferi għalih ir-rikorrenti japplikax għal sitwazzjonijiet komparabbli, sussegwentement, jekk dan it-trattament iddifferenzjat iwassalx għal żvantaġġi u, fl-aħħar nett, jekk l-imsemmi trattament iddifferenzjat huwiex oġġettivament iġġustifikat.

    – Fuq l-eżistenza ta’ trattament iddifferenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

    49

    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar trattament diskriminatorju tal-entranti l-ġodda meta mqabbla mal-impriżi storiċi, għandu jitfakkar li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament iddifferenzjat jippreżumi li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma komparabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 25).

    50

    Konformement mal-ġurisprudenza, l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u, għaldaqstant, in-natura komparabbli tagħhom għandhom b’mod partikolari jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    F’dan il-każ, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar il-funzjonament tas-sistema ta’ tqassim tal-kwoti ta’ HFC stabbilita mir-Regolament Nru 517/2014.

    52

    Il-Kummissjoni talloka lill-impriżi l-kwoti tagħhom għat-tqegħid fis-suq ta’ HFC kull sena, konformement mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 517/2014, moqri flimkien mal-Anness VI tiegħu.

    53

    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-impriżi, ir-Regolament Nru 517/2014 jagħmel distinzjoni, fl-Anness VI tiegħu, bejn l-impriżi li għandhom valur ta’ referenza u dawk li ma għandhomx dan il-valur.

    54

    Kull impriża li għaliha jkun ġie stabbilit valur ta’ referenza tirċievi, konformement mal-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 517/2014, kwota li tikkorrispondi għal 89 % tal-valur ta’ referenza mmultiplikat bil-perċentwali indikat fl-Anness V tal-imsemmi regolament għas-sena rispettiva.

    55

    Mill-banda l-oħra, l-impriżi li għalihom ma ġie stabbilit l-ebda valur ta’ referenza u li ppreżentaw dikjarazzjoni skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 517/2014 għandhom jirċievu, konformement mal-punt 2 tal-Anness VI tal-imsemmi regolament, kwota ddeterminata skont kalkolu mwettaq f’diversi stadji.

    56

    Qabelxejn, il-kwantità totali ta’ HFC li tista’ tiġi allokata lil dawn l-impriżi hija ddeterminata. Għal dan l-għan, is-somma tal-kwoti allokati lill-impriżi li għandhom valur ta’ referenza titnaqqas mill-kwantità massima disponibbli għas-sena inkwistjoni, indikata fl-Anness V tar-Regolament Nru 517/2014. Sussegwentement, kull impriża tirċievi kwota ddeterminata skont il-kwantità mitluba, il-kwantità li għadha disponibbli u n-numru u d-daqs tad-dikjarazzjonijiet l-oħra magħmula skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 517/2014.

    57

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, bħala prinċipju, kull impriża tista’ tingħata valur ta’ referenza. Fil-fatt, il-valur ta’ referenza huwa bbażat fuq il-kwantità ta’ HFC li impriża tkun qiegħdet legalment fis-suq tal-Unjoni fil-passat, għal ċertu perijodu, u huwa stabbilit mill-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, għal perijodu ta’ tliet snin.

    58

    Issa, matul l-ewwel fażi tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 517/2014, l-impriżi storiċi biss ingħataw valur ta’ referenza, ibbażat, konformement mal-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, fuq il-medja annwali tal-kwantitajiet ta’ HFC li dawn kienu ddikjaraw li qiegħdu fis-suq bejn l‑2009 u l‑2012.

    59

    F’dan ir-rigward, fil‑31 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/774/UE li f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, tiddetermina l-valuri ta’ referenza għall-perjodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal‑31 ta’ Diċembru 2017 għal kull produttur jew importatur li jkun irrapporta t-tqegħid fis-suq tal-idrofluworokarburi skont ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 318, p. 28, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2014”), li permezz tagħha hija stabbilixxiet valuri ta’ referenza biss għall-impriżi storiċi.

    60

    Konformement mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 517/2014, il-Kummissjoni minn dak iż-żmien tiddetermina, kull tliet snin, il-valuri ta’ referenza tal-impriżi kkonċernati, abbażi tal-medja annwali tal-kwantitajiet ta’ HFC legalment imqiegħda fis-suq.

    61

    Għalhekk, fl‑24 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1984 li, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, tiddetermina l-valuri ta’ referenza għall-perjodu mill‑1 ta’ Jannar 2018 sal‑31 ta’ Diċembru 2020 għal kull produttur jew importatur li jkun legalment qiegħed fis-suq l-idrofluworokarburi mill‑1 ta’ Jannar 2015, kif irrapportati skont dak ir-Regolament (ĠU 2017, L 287, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2017”).

    62

    Għalkemm, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2014, valur ta’ referenza ġie stabbilit biss għall-impriżi storiċi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2017 stabbilixxiet valur ta’ referenza kemm għall-impriżi storiċi kif ukoll għall-entranti l-ġodda li għamlu dikjarazzjonijiet konformement mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 517/2014 u li qiegħdu HFC fis-suq matul il-perijodu kkonċernat.

    63

    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda huma ttrattati b’mod differenti.

    64

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 517/2014, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Annessi V u VI tiegħu, l-impriżi storiċi kollha kellhom, matul l-ewwel perijodu ta’ tliet snin, kwoti li jirrappreżentaw 89 % tal-kwantità massima ta’ HFC li setgħet titqiegħed fis-suq tal-Unjoni kull sena, filwaqt li matul dan il-perijodu l-entranti l-ġodda kollha kellhom biss 11 % tal-imsemmija kwantità.

    65

    Min-naħa l-oħra, għalkemm l-entranti l-ġodda jistgħu jakkwistaw valur ta’ referenza meta jiffissaw tliet snin ta’ valuri ġodda ta’ referenza, xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja din il-possibbiltà, id-differenza fit-trattament tippersisti ratione temporis, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u mis-simulazzjoni magħmula minn din tal-aħħar bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

    66

    Fil-fatt, mill-kwantitajiet kollha allokati fl‑2015 (183.1 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2), 162.9 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-impriżi storiċi u 20.1 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-entranti l-ġodda. Mill-kwantitajiet kollha allokati fl‑2016 (170.3 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2), 151.6 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-impriżi storiċi u 18.7 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-entranti l-ġodda. Mill-kwantitajiet kollha allokati fl‑2017 (170.3 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2), 151.4 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-impriżi storiċi u 18.9 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-entranti l-ġodda li għad ma kellhomx valur ta’ referenza. Mill-kwantitajiet kollha allokati fl‑2018 (101.5 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2), 93.5 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-impriżi kollha li kellhom valur ta’ referenza (fosthom 78.2 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 għall-impriżi storiċi) u 7.9 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-entranti l-ġodda li għad ma kellhomx valur ta’ referenza. Fl-aħħar nett, mill-kwantitajiet kollha allokati fl‑2019 (100.3 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2), 91.1 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-impriżi kollha li kellhom valur ta’ referenza (fosthom 78 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ CO2 għall-impriżi storiċi) u 9.1 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ġew allokati lill-entranti l-ġodda li għad ma kellhomx valur ta’ referenza. Barra minn hekk, parti mhux negliġibbli tal-kwantitajiet kollha disponibbli tibqa’ rriżervata għall-impriżi storiċi matul is-snin, li tirrappreżenta madwar 30 % għall‑2030.

    67

    Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 517/2014.

    68

    Fil-fatt, l-għan tar-Regolament Nru 517/2014 huwa l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kwoti għat-tqegħid fis-suq ta’ HFC.

    69

    Skont il-premessa 13 tiegħu, ir-Regolament Nru 517/2014 għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ HFC fuq medda twila ta’ żmien billi jitnaqqsu b’mod progressiv il-kwantitajiet ta’ HFC li jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

    70

    Dan l-għan jaqa’ fil-politika tal-Unjoni intiża sabiex tillimita t-tibdil klimatiku tad-dinja għal żieda fit-temperatura ta’ 2 °C u b’hekk jiġu evitati effetti mhux mixtieqa fuq il-klima, kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 517/2014.

    71

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

    72

    Fil-fatt, kemm l-impriżi storiċi kif ukoll l-entranti l-ġodda għandhom bżonn kwoti għat-tqegħid fis-suq ta’ HFC.

    73

    Barra minn hekk, l-effett tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fuq il-klima huwa l-istess, indipendentement mill-fatt li dawn jirriżultaw minn tqegħid fis-suq ta’ HFC minn impriża stabbilita jew minn entrant ġdid.

    74

    L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-impriżi storiċi jinsabu f’sitwazzjoni differenti minħabba l-investimenti tagħhom u l-aspettattivi leġittimi tagħhom ma huwiex rilevanti għall-eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 517/2014.

    75

    Dan jgħodd ukoll għall-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li, fid-dawl tal-għan intiż sabiex jitnaqqsu progressivament l-emissjonijiet ta’ HFC, l-entranti l-ġodda jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-impriżi storiċi sa fejn dawn tal-ewwel huma involuti f’attività ġdida u t-tieni jkomplu attività diġà eżerċitata fil-passat.

    76

    Fil-fatt, id-differenza fis-sitwazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni ma hijiex rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-komparabbiltà tal-imsemmija sitwazzjonijiet. L-għan tar-Regolament Nru 517/2014 jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ kwoti ta’ tqegħid fis-suq ta’ HFC sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet ta’ HFC. Issa, fir-rigward tal-kwantità massima disponibbli u tat-tnaqqis progressiv tagħha, l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

    77

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda jinsabu, għall-finijiet tal-eżami tar-regoli ta’ tqassim tal-kwoti fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, f’sitwazzjoni komparabbli filwaqt li jiġu ttrattati b’mod differenti.

    78

    Mill-banda l-oħra, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) tal-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali jew tal-Ewropa tal-Lvant, ir-rikorrenti ma tipproduċix elementi li jippermettu li jiġi konkluż li s-sistema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti inkwistjoni tistabbilixxi diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tagħhom.

    79

    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni differenza fit-trattament bejn mhux żewġ kategoriji iżda tliet kategoriji ta’ operaturi, jiġifieri l-impriżi storiċi, l-entranti l-ġodda li għalihom valur ta’ referenza ġie stabbilit għall‑2018 sal‑2020 u l-entranti l-ġodda li għad ma għandhomx valur ta’ referenza, għandu jiġi rrilevat li hija tirreferi, fl-istess ħin, għall-istabbiliment, mir-Regolament Nru 517/2014, ta’ “żewġ rimedji regolatorji” u li hija toħloq kuntrast bejn is-sitwazzjoni tal-impriżi storiċi u dik tal-entranti l-ġodda, kemm jekk ikun ġie stabbilit valur ta’ referenza fir-rigward tagħhom jew le. Għaldaqstant, l-argument tagħha għandu jinftiehem li jirrigwarda biss id-diskriminazzjoni li allegatament kien hemm bejn impriżi storiċi u entranti ġodda.

    80

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda, minkejja l-fatt li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-għan u tal-iskop tar-Regolament Nru 517/2014, huma ttrattati b’mod differenti.

    – Fuq l-eżistenza ta’ żvantaġġ li jirriżulta minn trattament iddifferenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

    81

    Skont il-ġurisprudenza, sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ jiġi kkritikat li kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li huwa jkun ittratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti, bil-konsegwenza ta’ żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    82

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax li t-trattament iddifferenzjat tal-entranti l-ġodda meta mqabbla mal-impriżi storiċi jwassal għal żvantaġġi għal tal-ewwel. Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali żvantaġġi, isir riferiment għall-elementi riprodotti fil-punti 63 sa 66 iktar ’il fuq.

    83

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li t-trattament iddifferenzjat tal-impriżi storiċi u tal-entranti l-ġodda jwassal għal żvantaġġi għal dawn tal-aħħar.

    – Fuq il-ġustifikazzjoni tat-trattament iddifferenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

    84

    Skont ir-rikorrenti, it-trattament iddifferenzjat tal-impriżi storiċi u tal-entranti l-ġodda huwa arbitrarju u ma huwa ġġustifikat bl-ebda mod. F’dan il-kuntest, hija tikkritika b’mod partikolari lil-leġiżlatur li stabbilixxa l-kriterju ta’ tqassim tal-kwoti mingħajr ma għamel analiżi suffiċjenti tad-data jew, fi kwalunkwe każ, li ma esponiex id-data inkwistjoni. Fil-prattika, is-sistema stabbilita twassal għal “diskrepanza kbira” fl-allokazzjoni tal-kwoti. Id-diskriminazzjoni hija wkoll aggravata biż-żieda fin-numru ta’ entranti ġodda, bil-fatt li l-impriżi storiċi jistgħu jiksbu dħul sinjifikattiv mill-bejgħ tal-kwoti tagħhom u wkoll jiksbu kwoti mir-riżerva.

    85

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mill-Parlament, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

    86

    Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġjonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun fi proporzjon mal-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87

    Peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija att leġiżlattiv, għandu jitfakkar li huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kriterji oġġettivi mressqa bħala ġustifikazzjoni u li għandu jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-provi neċessarji għall-verifika minn din il-qorti tal-eżistenza tal-imsemmija kriterji (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    88

    Il-ġurisprudenza tirrikonoxxi lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u meta jkun mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi. Barra minn hekk, meta jkun mitlub jirristruttura jew joħloq sistema kumplessa, huwa jista’ jadotta approċċ maqsum fi stadji u b’mod partikolari jaġixxi skont l-esperjenza miksuba (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    89

    Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa marbut li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt kollha kif ukoll l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    90

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    91

    Tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżumi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u inekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jiġu bbażati l-miżuri kkontestati ta’ dan l-att u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    92

    Fl-aħħar nett, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, minbarra l-għan prinċipali, jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-interessi involuti. Fil-kuntest tal-eżami tar-restrizzjonijiet marbuta ma’ diversi miżuri possibbli, għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm l-importanza tal-għanijiet imfittxija hija tali li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki jekk huma kunsiderevoli, għal ċerti operaturi, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax joħloq riżultati manifestament inqas xierqa minn dawk li jirriżultaw minn miżuri oħra li huma wkoll xierqa għal dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    93

    Konsegwentement, għall-finijiet tal-eżami tal-ġustifikazzjoni tat-trattament iddifferenzjat ikkonstatat f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hijiex ibbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni tad-data rilevanti u jekk it-trattament iddifferenzjat bejn l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda huwiex ibbażat fuq kriterji oġġettivi u xierqa meta mqabbla mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

    94

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 517/2014, il-kriterju li fuqu huwa bbażat it-trattament iddifferenzjat huwa l-fatt li l-impriża kkomunikat jew le informazzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra flworinati (ĠU 2006, L 161, p. 1), fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ HFC bejn l‑2009 u l‑2012. Skont il-każ, l-impriża tiddependi fuq is-sistema prevista fl-Artikolu 16(1) jew fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 517/2014.

    95

    L-elementi li fuqhom ibbaża ruħu l-leġiżlatur u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh għall-għażliet magħmula jirriżultaw mill-oriġini tar-Regolament Nru 517/2014.

    96

    Fil-fatt, mill-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Novembru 2012 dwar gassijiet serra fluworurati (COM/2012/643 final – 2012/0305 (COD), iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament”), jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dokument tax-xogħol tas‑7 ta’ Novembru 2012 stabbilit mid-dipartimenti tagħha (Impact Assessment – Review of Regulation [EC] No 842/2006 on certain fluorinated greenhouse gases (Analiżi tal-Impatt – Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 842/2006) SWD(2012) 364 final, iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-impatt”) li kienet takkumpanja l-imsemmija proposta.

    97

    Kif ġie espost fil-punt 2 tal-analiżi tal-impatt u mfakkar fil-punt 2 tal-proposta għal regolament, il-Kummissjoni ġabret kwantità kbira ta’ informazzjoni teknika li ġejja minn numru kbir ta’ studji speċjalizzati, u b’mod partikolari minn studju preparatorju ddettaljat fid-dawl tal-eżami mill-ġdid tar-Regolament Nru 842/2006. Grupp ta’ esperti kompost minn 47 membru li jirrappreżentaw diversi setturi industrijali, Stati Membri u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) intalab jipprovdi linji gwida u informazzjoni teknika għal dan l-istudju. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għamel ukoll analiżi makroekonomika tal-għażliet strateġiċi.

    98

    Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari fil-forma ta’ konsultazzjoni pubblika online li seħħet fi tliet xhur, mis‑26 ta’ Settembru sad‑19 ta’ Diċembru 2011. Mill‑261 parti kkonċernata li wieġbu għal din il-konsultazzjoni, 164 kienu ġejjin minn organizzazzjonijiet li 75 % minnhom kienu marbuta mal-industrija. Barra minn hekk, tal-inqas 47 partijiet interessati mill‑161 ikkonsultati jirrappreżentaw il-perspettivi tal-SMEs.

    99

    Fl-aħħar nett, minn dan jirriżulta li fit‑13 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni żammet seduta pubblika fi Brussell (il-Belġju) li laqqgħet iktar minn 130 parteċipant li jirrappreżentaw l-industrija, l-Istati Membri, NGOs u l-Parlament. Din il-laqgħa ppermettiet lil dawn il-parteċipanti jagħtu informazzjoni mill-ġdid u jesprimu l-perspettivi tagħhom dwar id-diversi għażliet.

    100

    Ir-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur jalloka, bħala prinċipju, il-kwoti skont il-kwantità ta’ HFC imqiegħda fis-suq fil-passat jirriżultaw b’mod partikolari mill-paġni 164 sa 166 tal-analiżi tal-impatt.

    101

    Minn dawn jirriżulta, l-ewwel, li l-leġiżlatur, wara li eżamina l-għażliet ta’ bejgħ bl-irkant ta’ kwoti jew ta’ għoti mingħajr ħlas, għażel it-tieni għażla.

    102

    Minn naħa, huwa qies li bejgħ bl-irkant kien sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs tas-suq. Min-naħa l-oħra, huwa kkunsidra li l-fatt li s-suq inkwistjoni huwa kkonċentrat ħafna jirriskja li jippreġudika l-funzjonament tajjeb ta’ sistema ta’ bejgħ bl-irkant.

    103

    Sussegwentement, fir-rigward tal-għażliet tal-leġiżlatur, mill-analiżi tal-impatt jirriżulta barra minn hekk li dan, wara li eżamina l-għażliet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti fuq il-bażi ta’ talbiet u ta’ allokazzjoni ta’ kwoti skont emissjonijiet storiċi, għażel li japplika, bħala prinċipju, it-tieni għażla.

    104

    F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur irrefera, kif jirriżulta wkoll mill-analiżi tal-impatt, għall-esperjenza miksuba fil-kuntest tas-sistema ta’ kwoti implimentata għas-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu. Fil-fatt, minn dan irriżulta li xi impriżi kellhom it-tendenza li jesaġeraw il-bżonnijiet tagħhom fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, għad-detriment ta’ dawk li kienu jagħmlu dikjarazzjonijiet iktar realistiċi. B’hekk, ġie kkunsidrat li “prattika ġeneralizzata ta’ dikjarazzjoni eċċessiva” kienet tirriskja li tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ allokazzjoni tal-kwoti.

    105

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kriterju ta’ tqassim tal-kwoti, mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 517/2014 jirriżulta li t-trattament iddifferenzjat jirriżulta mill-għażla abbażi ta’ prinċipju tal-leġiżlatur li jalloka l-kwoti skont il-kwantità ta’ HFC imqiegħda fis-suq matul il-perijodu ta’ riferiment, jiġifieri bejn l‑2009 u l‑2012, filwaqt li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-entranti l-ġodda riżerva ta’ 11 % tal-limitu kwantitattiv globali, “sabiex l-impriżi żgħar […] li ma qegħdux fis-suq tunnellata jew aktar ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra fil-perjodu ta’ referenza [ma jiġux esklużi]”.

    106

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, abbażi tad-data dwar il-perijodu bejn l‑2007 u l‑2011 li ġiet ikkomunikata lilha mill-impriżi attivi fis-suq tal-HFC, konformement mar-Regolament Nru 842/2006, ikkonkludiet, kif jirriżulta mill-analiżi tal-impatt, li, fid-dawl tal-maturità tas-suq tal-HFC bl-ingrossa, sehem ta’ 5 % tal-valur storiku ta’ referenza kellu jkun biżżejjed sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-entranti l-ġodda.

    107

    Il-kriterju ta’ tqassim tal-kwoti propost mill-Kummissjoni ġie diskuss waqt il-proċess leġiżlattiv. Fil-fatt, matul il-proċedura leġiżlattiva, l-Istati Membri ddiskutew, fil-Kunsill, il-volum tar-riżerva għall-entranti l-ġodda u eżaminaw iż-żieda tagħha għal 15 sa 20 % tal-kwantità totali ta’ HFC. F’dan il-kuntest, saret laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Ambjent” fit‑13 ta’ Settembru 2013, bl-għan li l-Istati Membri jiġu inkoraġġuti jesprimu ruħhom, b’mod partikolari, fuq il-livell adegwat tar-riżerva għall-entranti l-ġodda. Wara dawn id-diskussjonijiet, intlaħaq ftehim favur il-kriterju ta’ tqassim tal-kwoti stabbilit mir-Regolament Nru 517/2014.

    108

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu.

    109

    Fil-fatt, minn naħa, ma hijiex issostanzjata l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-leġiżlatur kellu jsegwi s-sistema tas-suq tad-drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ CO2, li kienet tipprevjeni l-allegati abbużi attwali fis-suq tal-HFC.

    110

    Min-naħa l-oħra, il-kritika tar-rikorrenti li l-kriterju ta’ tqassim tal-kwoti huwa arbitrarju u ġie stabbilit mil-leġiżlatur mingħajr ma għamel l-analiżi neċessarja jew mingħajr ma bbaża ruħu fuq id-data rilevanti hija fattwalment infondata, kif jirriżulta mill-punti 105 sa 107 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-iffissar ta’ dan il-kriterju ta’ tqassim jirrifletti għażliet ta’ natura politika, f’dan il-każ il-previżjoni tal-proporzjon tal-kwoti neċessarja sabiex jiġi permess aċċess suffiċjenti tal-entranti l-ġodda fis-suq tal-HFC, li fir-rigward tagħhom il-ġurisprudenza tirrikonoxxi lil-leġiżlatur setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

    111

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-għażla tal-leġiżlatur li jagħmel distinzjoni bejn l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda hija bbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni tad-data rilevanti u li t-trattament iddifferenzjat huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u xierqa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ allokazzjoni tal-kwoti u sabiex jiġi żgurat aċċess suffiċjenti għas-suq għall-entranti l-ġodda.

    112

    Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-eżami tal-ġustifikazzjoni tat-trattament iddifferenzjat, għandu jiġi eżaminat, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 86 u 92 iktar ’il fuq, jekk id-differenza fit-trattament hijiex proporzjonata mal-għan imfittex u jekk, għaldaqstant, il-leġiżlatur marx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-interessi inkwistjoni jew billi adotta miżuri li jipproduċu riżultati manifestament inqas xierqa minn dawk li jirriżultaw minn miżuri oħra li huma wkoll xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

    113

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni l-interessi tal-entranti l-ġodda billi tahom riżerva stabbilita, għall-ewwel perijodu ta’ tliet snin ta’ allokazzjoni tal-kwoti, għal 11 % tal-kwantitajiet ta’ HFC disponibbli.

    114

    Madankollu, ir-rikorrenti tqis li t-trattament iddifferenzjat tal-impriżi storiċi u tal-entranti l-ġodda fis-suq ma huwiex proporzjonat, peress li l-leġiżlatur eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu billi akkumula l-iżvantaġġi għall-entranti l-ġodda.

    115

    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-entranti l-ġodda huma żvantaġġati minn diversi aspetti.

    116

    L-ewwel, in-numru ta’ entranti ġodda qiegħed jikber kontinwament, u dan ikollu bħala konsegwenza li l-kwantità disponibbli għal kull entrant ġdid tonqos b’mod proporzjonali. Mill-banda l-oħra, il-kwantitajiet disponibbli għall-impriżi storiċi ma humiex affettwati min-numru dejjem jikber ta’ impriżi attivi fis-suq.

    117

    It-tieni, l-entranti l-ġodda ma jistgħux jipprevedu l-kwantità li għandha tkun is-suġġett ta’ allokazzjonijiet futuri ta’ kwoti, u dan irendi ferm diffiċli l-ippjanar tal-attivitajiet tagħhom. Mill-banda l-oħra, l-impriżi storiċi jafu bi preċiżjoni l-kwantità ta’ HFC li huma jistgħu jqiegħdu fis-suq sal‑2030.

    118

    It-tielet, l-impriżi storiċi jiksbu dħul sinjifikattiv mill-“bejgħ” tal-kwoti tagħhom għad-detriment tal-entranti l-ġodda, li juri, barra minn hekk, in-natura sproporzjonata tal-kwantitajiet allokati lill-impriżi storiċi.

    119

    Ir-raba’, kuntrarjament għall-premessa 15 tar-Regolament Nru 517/2014, l-impriżi storiċi jistgħu jiksbu kwoti mir-riżerva, li jaggravaw iktar id-diskriminazzjoni kontra l-entranti l-ġodda.

    120

    Fl-aħħar nett, il-ħames, it-trattament iddifferenzjat huwa iktar u iktar gravi peress li l-entranti l-ġodda ma jistgħux effettivament jużaw il-kwoti allokati lilhom. Fil-fatt, l-importazzjoni ta’ HFC taħt il-kapaċità totali ta’ kontejner hija prattikament impossibbli. Issa, il-kwantità żgħira ta’ HFC allokata lilhom ma hijiex biżżejjed sabiex jiġu allokati HFC fi kwantità suffiċjenti sabiex jimtela kontejner.

    121

    Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

    122

    Fil-fatt, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 517/2014, l-entranti l-ġodda jingħataw valuri ta’ referenza abbażi tal-kwantitajiet ta’ HFC imqiegħda legalment fis-suq tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ referenza.

    123

    Għalhekk, dawn l-impriżi ma għadhomx limitati sabiex jiġu allokati kwoti għall-futur bis-saħħa ta’ talba magħmula skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 517/2014, iżda jirċievu kwoti skont il-valur ta’ referenza stabbilit għal kull waħda minnhom. Għalhekk, l-inkonvenjenzi allegati mir-rikorrenti huma biss temporanji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess setgħet tingħata valur ta’ referenza permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2017 li kieku hija kienet qiegħdet HFC fis-suq skont il-kwoti li kienu ġew allokati lilha għall‑2015 u għall‑2016.

    124

    Sussegwentement, għandha tiġi enfasizzata t-trajettorja tal-evoluzzjoni tat-tqassim tal-kwoti. F’dan ir-rigward, mid-data, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, li tirriżulta mis-simulazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-proporzjon tal-kwoti allokati mir-riżerva jkompli jiżdied matul is-snin. B’hekk, fl‑2030, 40 sa 55 % tal-kwantitajiet kollha disponibbli għall-impriżi kollha ser jiġu allokati mir-riżerva. Fl-istess ħin, il-proporzjon tal-kwantitajiet irriżervati għall-impriżi storiċi qiegħed jonqos kontinwament, u mistenni jinżel minn 89 % fl‑2015 għal madwar 33 % fl‑2030.

    125

    Barra minn hekk, huwa żbaljat li l-leġiżlatur jiġi kkritikat minħabba l-fatt li s-sistema ta’ tqassim tal-kwoti implimentata mir-Regolament Nru 517/2014 ma tosservax il-premessa 15 tiegħu.

    126

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 517/2014, 11 % tal-limitu kwantitattiv globali kellu jiġi rriżervat “inizjalment” għall-entranti l-ġodda. Issa, mill-punt 3 tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament jirriżulta li t-talbiet li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tal-impriżi storiċi magħmula konformement mal-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament jiġu onorati, matul il-perijodu bejn l‑2015 u l‑2017, biss wara l-allokazzjoni tal-kwoti lill-entranti l-ġodda, li jimplika preċiżament li, matul l-ewwel perijodu ta’ tliet snin, ir-riżerva ta’ 11 % kienet kompletament għad-dispożizzjoni tal-entranti l-ġodda.

    127

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-dħul iġġenerat mill-“bejgħ” ta’ kwoti, huwa stabbilit li miċ-ċifri pprovduti mill-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, kull sena, l-impriżi storiċi ttrasferew perċentwali kbira ħafna tal-kwoti li kienu ġew allokati lilhom. Bħala eżempju, fl‑2017, 151.4 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ HFC ġew allokati lill-impriżi storiċi u dawn ittrasferixxew 63.1 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2.

    128

    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-maġġoranza kbira ta’ dawn it-trasferimenti seħħew bejn impriżi tal-istess grupp u li parti żgħira biss minn dawn it-trasferimenti kienet tikkonċerna impriżi ġodda.

    129

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li l-grupp tal-impriżi storiċi jibbenefika, kuntrarjament għall-grupp tal-entranti l-ġodda, minn dħul sinjifikattiv iġġenerat mill-“bejgħ” ta’ kwoti.

    130

    Bl-istess mod, ma jistax jintlaqa’ l-argument ibbażat fuq l-allegata diffikultà prattika li jiġu mimlija kontejners minħabba kwoti baxxi wisq allokati lill-entranti l-ġodda.

    131

    Fil-fatt, minn naħa, l-eventwalità li kwota allokata ma tkunx kbira biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu importati HFC fi kwantità suffiċjenti sabiex jimtela kontejner hija kemm ipotetika kif ukoll inċert ħafna, tant li l-leġiżlatur ma jistax jiġi kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni dan. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li huwa possibbli għal diversi impriżi li għandhom kwoti ta’ volum żgħir li jiġbru flimkien dawn il-volumi żgħar sabiex jintlaħaq il-volum minimu li huwa teknikament meħtieġ sabiex jimtela kontejner.

    132

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-numru ta’ entranti ġodda, huwa minnu li dan żdied sew, li kellu l-effett li l-kwantitajiet ta’ HFC disponibbli għal kull kompetitur ġdid naqsu proporzjonalment, filwaqt li l-kwantitajiet disponibbli għall-impriżi storiċi ma ġewx affettwati min-numru dejjem jikber ta’ entranti ġodda.

    133

    Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan l-effett ma jimplikax li l-leġiżlatur eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu.

    134

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punt 92 iktar ’il fuq, l-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, ta’ tnaqqis gradwali tal-emissjonijiet ta’ HFC tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi għal ċerti kategoriji ta’ impriżi.

    135

    It-tieni, l-importanza tat-tnaqqis tal-kwantitajiet ta’ HFC disponibbli għall-entranti l-ġodda skont in-numru tagħhom hija mnaqqsa b’żewġ elementi.

    136

    Minn naħa, kif imfakkar fil-punt 57 iktar ’il fuq, l-entranti l-ġodda jistgħu jakkwistaw valur ta’ referenza u b’hekk jirċievu allokazzjoni ta’ kwoti li, għaldaqstant, ma tibqax iktar iddeterminata skont in-numru dejjem jikber ta’ entranti ġodda.

    137

    Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 124 iktar ’il fuq, il-proporzjon tal-kwantitajiet ta’ HFC li għandhom jiġu allokati mir-riżerva, u għalhekk huma disponibbli għall-entranti l-ġodda, ikompli jiżdied matul is-snin, filwaqt li l-proporzjon tal-kwantitajiet li għandhom jiġu allokati lill-impriżi storiċi jonqos kontinwament.

    138

    It-tielet, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 89 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali kollha kif ukoll id-data teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni.

    139

    Issa, ir-rikorrenti ma argumentatx li l-leġiżlatur, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 517/2014, kien jaf jew kellu jkun jaf li n-numru ta’ entranti ġodda kien ser jiżdied b’mod kunsiderevoli.

    140

    Ir-raba’, sa fejn il-kwantità ta’ HFC disponibbli fir-riżerva hija limitata, iż-żieda fin-numru ta’ entranti ġodda neċessarjament għandha l-effett li tnaqqas il-kwantità disponibbli għal kull entrant ġdid skont in-numru dejjem jikber ta’ entranti ġodda.

    141

    Issa, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 111 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkontesta l-fatt li s-sistema ta’ allokazzjoni tal-kwoti stabbilita mir-Regolament Nru 517/2014 tirriżulta minn għażla tal-leġiżlatur ibbażata fuq kriterji oġġettivi u xierqa.

    142

    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti, minbarra l-affermazzjoni tagħha mhux sostnuta li l-leġiżlatur kellu jistabbilixxi sistema identika għal dik tas-suq tad-drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ CO2, ma ppruvatx turi li l-leġiżlatur kellu l-possibbiltà li jadotta miżuri alternattivi inqas restrittivi iżda wkoll effettivi, sabiex jiġi stabbilit li dan kien eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu.

    143

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw, għall-entranti l-ġodda, miż-żieda fin-numru tagħhom ma jimplikawx li l-leġiżlatur eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu.

    144

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-eżami tad-diversi argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jippermettix li jiġi konkluż li l-leġiżlatur eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu billi adotta miżuri li jipproduċu riżultati manifestament inqas xierqa minn dawk li kienu jirriżultaw minn miżuri oħra li huma wkoll xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

    145

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li t-trattament iddifferenzjat tal-impriżi storiċi meta mqabbla mal-entranti l-ġodda huwa proporzjonat u ġġustifikat. Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    146

    Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-leġiżlatur ma mmotivax debitament ir-regoli għall-allokazzjoni tal-kwoti ta’ HFC.

    147

    Dan l-ilment, li ma huwa sostnut bl-ebda mod, ma jistax jintlaqa’.

    148

    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    149

    Bl-istess mod, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    150

    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u, fir-rigward ta’ atti ta’ portata ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li dan l-att huwa intiż li jilħaq. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod partikolari, li jkun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi magħmula jekk l-att ikkontestat jirrifletti l-qofol tal-għan li għandu jintlaħaq mill-istituzzjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    151

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-elementi li jinsabu f’analiżi tal-impatt jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-awtur tal-att issodisfax id-dmir ta’ motivazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punti 123124, u tat‑22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match, C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 80).

    152

    Mill-banda l-oħra, għandu jitfakkar li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, b’mod partikolari, meta jkollhom jagħmlu għażliet ta’ natura, b’mod partikolari, politika u evalwazzjonijiet kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jikkonsisti f’li tiġi vverifikata l-assenza ta’ żbalji manifesti (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    153

    Għalkemm, għalhekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-istituzzjonijiet hija s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett, intiż sabiex jivverifika, b’mod partikolari, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni u l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 96), dan l-istħarriġ ristrett tal-motivazzjoni għandu madankollu jkun effettiv.

    154

    F’dan il-każ, fir-rigward tat-trattament iddifferenzjat tal-operaturi ekonomiċi f’dak li jikkonċerna l-allokazzjoni tal-kwoti, għandu jiġi rrilevat li kemm ir-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur jistabbilixxi l-allokazzjoni tal-kwoti ta’ HFC skont l-emissjonijiet storiċi kif ukoll dawk relatati mal-kriterju ta’ tqassim tal-kwantitajiet disponibbli jirriżultaw mill-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 517/2014 u mill-analiżi tal-impatt. Fil-fatt, kif imfakkar fil-punti 100 sa 107 iktar ’il fuq, il-paġni 164 sa 166 tal-analiżi tal-impatt jesponu r-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur jagħżel sistema bbażata fuq l-allokazzjoni ta’ kwoti skont emissjonijiet storiċi, ikkompletata b’allokazzjoni ta’ kwoti fuq talba għall-entranti l-ġodda.

    155

    Ċertament, l-analiżi tal-impatt esponiet li, fid-dawl tal-maturità tas-suq tal-HFC bl-ingrossa, kien biżżejjed li tiġi rriżervata 5 % tal-kwantitajiet disponibbli għall-entranti l-ġodda, filwaqt li l-kriterju ta’ tqassim tal-kwoti bejn l-impriżi storiċi u l-entranti l-ġodda finalment adottat huwa ta’ 89 % u ta’ 11 % rispettivament u r-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur jadotta dan il-kriterju ta’ tqassim ma humiex imsemmija fir-Regolament Nru 517/2014.

    156

    Madankollu, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 150 iktar ’il fuq jirriżulta li jkun eċċessiv li tinħtieġ motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi magħmula jekk l-att ikkontestat jirrifletti l-qofol tal-għan li għandu jintlaħaq mill-istituzzjoni.

    157

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ u kif juri l-eżami tal-ewwel ilment, il-motivazzjoni adottata ppermettiet lir-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura kkritikata u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    158

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat, bl-istess mod, konsegwentement, bħall-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti.

    159

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, u peress li r-rikors huwa bbażat biss fuq l-imsemmija eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma, skont l-Artikolu 277 TFUE, kontra r-Regolament Nru 517/2014, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    160

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(1) tal-imsemmija regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    161

    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar. Il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    3)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Kanninen

    Jaeger

    Porchia

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Ġunju 2021.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Pollakk.

    Top