This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CO0399
Order of the Court (Tenth Chamber) of 29 April 2020.#Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni v BT Italia SpA and Others.#Request for a preliminary ruling from the Consiglio di Stato.#Reference for a preliminary ruling — Article 99 of the Rules of Procedure of the Court of Justice — Electronic communications networks and services — Directive 2002/20/EC — Article 12 — Administrative charges imposed on undertakings providing an electronic communications service or network — Administrative costs of the national regulatory authority which may be covered by a charge — Yearly overview of the administrative costs and the total of charges levied.#Case C-399/19.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-29 ta’ April 2020.
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni vs BT Italia SpA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Artikolu 12 – Ħlasijiet amministrattivi imposti fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Spejjeż amministrattivi tal-awtorità regolatorja nazzjonali li jistgħu jiġu koperti minn taxxa – Rendikont annwali tal-ispejjeż amministrattivi u tas-somma totali tal-ħlasijiet miġbura.
Kawża C-399/19.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-29 ta’ April 2020.
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni vs BT Italia SpA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Artikolu 12 – Ħlasijiet amministrattivi imposti fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Spejjeż amministrattivi tal-awtorità regolatorja nazzjonali li jistgħu jiġu koperti minn taxxa – Rendikont annwali tal-ispejjeż amministrattivi u tas-somma totali tal-ħlasijiet miġbura.
Kawża C-399/19.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:346
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
29 ta’ April 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Artikolu 12 – Ħlasijiet amministrattivi imposti fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Spejjeż amministrattivi tal-awtorità regolatorja nazzjonali li jistgħu jiġu koperti minn taxxa – Rendikont annwali tal-ispejjeż amministrattivi u tas-somma totali tal-ħlasijiet miġbura”
Fil-Kawża C‑399/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,
vs
BT Italia SpA,
Basictel SpA,
BT Enia Telecomunicazioni SpA,
Telecom Italia SpA,
Postepay SpA, li qabel kienet PosteMobile SpA,
Vodafone Italia SpA,
fil-preżenza ta’:
Telecom Italia SpA,
Fastweb SpA,
Wind Tre SpA,
Sky Italia SpA,
Vodafone Omnitel BV,
Vodafone Italia SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal BT Italia SpA, Basictel SpA, u BT Enia Telecomunicazioni SpA, minn R. Caiazzo, S. Fienga u F. Costantini, avvocati, |
|
– |
għal Telecom Italia SpA, minn F. Cardarelli, F. Lattanzi u F. S. Cantella, avvocati, |
|
– |
għal Postepay SpA u Fastweb SpA, minn F. Pacciani u V. Mosca, avvocati, |
|
– |
għal Vodafone Italia SpA, minn V. Cerulli Irelli u M. Libertini, avvocati, |
|
– |
għal Wind Tre SpA, minn B. Caravita di Toritto, R. Santi u S. Fiorucci, avvocati, |
|
– |
għal Sky Italia SpA, minn O. Grandinetti, D. Majori u A. A. Di Todaro, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi kif ukoll minn S. Fiorentino u P. G. Marrone, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.-C. Halleux, C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Vernet, S. Depré u M. Lambert de Rouvroit, avocats, |
|
– |
għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u R. Dzikovič, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari, G. Braun u L. Nicolae, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37 u rettifika ĠU 2013, L 241, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet, l-Italja) (ikar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja”) u min-naħa l-oħra, BT Italia SpA, Basictel SpA, BT Enia Telecomunicazioni SpA, Telecom Italia SpA, Postepay SpA, li qabel kienet PosteMobile SpA, u Vodafone Italia SpA dwar il-kontribuzzjoni dovuta lil din l-awtorità mill-operaturi li joperaw fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tas-servizzi tal-midja, mitluba lil dawn il-kumpanniji għas-snin 2014 sa 2016. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 3(3)a tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337) kif emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), jipprovdi: “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn impriżi skont l-Artikolu 20 jew 21 ta’ din id-Direttiva għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi [tal-Unjoni] […] […]” |
|
4 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas jipprevedi: “1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti b’kont meħud tas-swieq identifikati fir-Rakkomandazzjoni, u wara li jieħdu kont sħiħ tal-Linji Gwida. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-analiżi titwettaq, meta jkun xieraq, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. 2. Fejn awtorità regolatorja nazzjonali tintalab taħt il- paragrafi (3) jew (4) ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE (‘id-Direttiva dwar is-Servizz Universali’), jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (‘id-Direttiva dwar l-Aċċess’) biex tiddetermina jekk timponix, iżżommx, temendax jew tirtirax l-obbligi fuq l-impriżi, hija għandha tiddetermina fuq il-bażi tal-analiżi tas-suq tagħha msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk is-suq rilevanti jkunx kompetittiv b’mod effettiv. […]” |
|
5 |
Il-premessa 30 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ tipprovdi: “Ħlasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u fl-għoti ta’ drittijiet ta’ użu. Dawk il-ħlasijiet għandhom ikunu limitati li jkopru in-nefqa amministrattiva attwali għal dawk l-attivitajiet. Għal dan il-għan għandha tinħoloq trasparenza fid-dħul u n-nefqa ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali permezz ta’ rapportar ta’ kull sena dwar is-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura u n-nefqiet amministrattivi magħmula. Dan jippermetti li l-impriżi jivverifikaw li n-nefqiet għall-amministrazzjoni u l-ħlasijiet ikunu jibbilanċjaw.” |
|
6 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi awtorizzazzjoni ġenerali applikabbli għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva “awtorizzazzjoni ġenerali” hija “qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistipula obbligi speċifiċi għas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha jew għal tipi speċifiċi ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi, skond din id-Direttiva”. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet individwali ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju u numri fejn dan ikun meħtieġ għal ċerti finijiet. |
|
8 |
Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’: “L-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu mposti fuq fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi taħt Artikoli 5(1), 5(2), 6 u 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta’ l-Aċċess) u l-Artikolu […] 17 […] tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) jew fuq dawk nominati biex ifornu servizz universali taħt l-imsemmija Direttiva għandhom ikunu legalment separati mid-drittijiet u l-obbligi ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali. Sabiex tinkiseb it-trasparenza għall-impriżi, il-kriterji u l-proċeduri għall-imposizzjoni ta’ dawk l-obbligi speċifiċi fuq impriżi ndividwali għandhom ikunu msemmija fl-awtorizzazzjoni ġenerali.” |
|
9 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”, jipprovdi: “1. Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:
2. Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta’ kull sena ta’ l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.” |
|
10 |
L-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), kif emendata mid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Aċċess’”) jipprevedi: “1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-għanijet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabbiltà ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, investiment u innovazzjoni effiċjenti, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali. B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq skond Artikolu 8, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu:
2. L-obbligi u l-kundizzjonijiet imposti skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, u għandhom ikunu implimentati skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 7a tad-Direttiva 2002/21/KE [Direttiva Qafas]” |
|
11 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva ‘Aċċess’ jirrigwarda l-obbligi imposti fuq l-operaturi fir-rigward tal-aċċess kundizzjonali u ta’ riżorsi oħra filwaqt li l-Artikolu 8 tagħha jirrigwarda l-impożizzjoni, l-emenda u t-tneħħija tal-obbligi. |
|
12 |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Servizz Universali’”), għandu bħala għan il-kontroll regolatorju tal-impriżi b’saħħithom fis-suq tas-servizzi bl-imnut. |
Id-dritt Taljan
|
13 |
L-Artikolu 1(65) tal-Legge n. 266 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006) (il-Liġi Nru 266 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-istabbiliment tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (il-Liġi Finanzjarja għall-2006)), tat-23 ta’ Diċembru 2005 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2005) jipprovdi: “Mis-sena 2007, l-ispejjeż marbuta mal-funzjonament […] tal-[Awtorità Regolatorja] […] għandhom jiġu ffinanzjati mis-suq ikkonċernat, għall-parti mhux koperta mill-finanzjament imħallas mill-baġit tal-Istat, skont il-modalitajiet previsti mil-liġi fis-seħħ u abbażi tal-ammonti ta’ kontribuzzjoni ddeterminati b’deċiżjoni ta’ [din l-awtorità], b’osservanza tal-limiti massimi previsti mil-liġi u mħallsa direttament [lilha].[…]” |
|
14 |
L-Artikolu 1(66) ta’ din il-liġi jipprevedi li, għas-sena 2006, il-ħlas impost fuq l-operaturi fis-settur tal-komunikazzjonijiet huwa stabbilit għal 1.5 għal kull elf ta’ dħul li jidher fl-aħħar rendikont approvat qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi u li, għas-snin sussegwenti, varjazzjonijiet eventwali tal-ammont u tal-modalitajiet tal-ħlas jistgħu jiġu adottati mill-Awtorità Regolatorja sal-limitu ta’ 2 għal kull elf ta’ dħul li jidher fl-aħħar rendikont approvat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni. |
|
15 |
L-Artikolu 34 tad-decreto legislativo n. 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 259 li jistabbilixxi l-Kodiċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi), tal-1 ta’ Awwissu 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2003), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), jipprevedi: “1. “Minbarra l-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35, jistgħu jiġu imposti fuq impriżi li jipprovdu netwerks jew servizzi abbażi tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ingħatalhom dritt ta’ użu, ħlasijiet amministrattivi li jkopru esklużivament l-ispejjeż amministrattivi globali li jirriżultaw mill-ġestjoni, mill-kontroll u mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, mid-drittijiet ta’ użu u mill-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 28(2), li jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta’ kooperazzjoni, ta’ armonizzazzjoni u ta’ standardizzazzjoni internazzjonali, ta’ analiżi tas-suq, ta’ kontroll tal-konformità u ta’ kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż marbuta max-xogħlijiet ta’ leġiżlazzjoni li jinvolvu t-tfassil u l-applikazzjoni ta’ liġijiet sekondarji u ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, bħalma huma deċiżjonijiet fuq l-aċċess u l-interkonnessjoni. Il-ħlasijiet amministrattivi huma maqsuma bejn l-impriżi individwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u t-taxxi addizzjonali inerenti. 2. Sabiex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-attivitajiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-ministeru, l-ammont tal-ħlasijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 huwa stabbilit fl-Anness 10. 2 bis. Sabiex jiġi kopert l-ammont totali tal-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji, ta’ superviżjoni, ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim mogħtija lill-[Awtorità Regolatorja] mil-liġi fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1, l-ammont tal-ħlasijiet amministrattivi msemmija fl-istess paragrafu 1 huwa ddeterminat, skont l-Artikolu 1(65) u (66) tal-Liġi Nru 266 tat-23 ta’ Diċembru 2005, abbażi tad-dħul miġbur mill-impriżi fil-kuntest tal-attivitajiet koperti mill-awtorizzazzjoni ġenerali jew mill-konċessjoni ta’ drittijiet ta’ użu. 2 ter. Il-Ministeru, b’konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, u l-[Awtorità Regolatorja] għandhom jippubblikaw kull sena l-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u l-ammont totali tal-ħlasijiet miġbura fis-sens tal-paragrafi 2 u 2 bis. L-aġġustamenti meħtieġa għandhom isiru b’teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi eventwali bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
16 |
Permezz tas-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar, tat‑13 ta’ Frar, tal‑1 u tas‑17 ta’ Marzu 2017, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) laqa’ r-rikorsi ppreżentati:
|
|
17 |
Filwaqt li laqgħet l-argumenti mressqa minn dawn il-kumpanniji, din il-qorti, permezz ta’ ħames sentenzi, annullat id-deċiżjonijiet tal-Awtorità Regolatorja msemmija fil-punt preċedenti billi kkunsidrat li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-bażi taxxabbli użat minn din l-awtorità sabiex twettaq il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni li hija dovuta lilha kien żbaljat sa fejn dan jirreferi għall-attivitajiet kollha li l-imsemmija awtorità hija mitluba teżerċita konformement mal-qafas regolatorju u jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul kollu rċevut mill-operaturi taxxabbli, u għalhekk jinkludi spejjeż li ma jistgħux ikunu suġġetti għal taxxa. Hija qieset, f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 34(2) bis tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, adottat matul is-sena 2015, ma kienx applikabbli fil-kawżi prinċipali, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ġodda li ma għandhomx effett retroattiv. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li, konformement mas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), il-kontribuzzjoni dovuta lill-Awtorità Regolatorja kellha tkun intiża sabiex tikkumpensa biss l-ispejjeż totali sostnuti minnha għall-attività regolatorja, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dawn huma spejjeż, iddefiniti b’mod limitat, dwar il-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali. |
|
18 |
Barra minn hekk, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) laqgħet l-ilment imressaq quddiemha, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ adozzjoni tar-rendikont annwali previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’, għas-sena 2014, peress li qieset li l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rendikont kellha ssir qabel it-talba għall-ħlas tal-kontribuzzjoni dovuta lill-Awtorità Regolatorja. |
|
19 |
L-Awtorità Regolatorja appellat mill-imsemmija sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). Dan tal-aħħar jindika li l-Artikolu 34(2) bis tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ġie adottat sabiex tiġi evitata, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni Ewropea, il-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba traspożizzjoni żbaljata tal-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’. Madankollu, il-qorti tal-ewwel istanza, peress li qieset li din id-dispożizzjoni l-ġdida ma kellhiex effett retroattiv, ma eżaminatx jekk din kinitx kompatibbli mal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, filwaqt li hija tal-inqas applikabbli ratione temporis għall-kontribuzzjoni dovuta lil din l-awtorità għas-sena 2016. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti dubju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regoli nazzjonali preċedenti u sussegwenti għall-adozzjoni tal-imsemmi Artikolu 34(2) bis. Hija tqis li, wara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio), adita bil-kwistjoni tad-delimitazzjoni tal-attivitajiet li l-ispejjeż amministrattivi tagħhom jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-finanzjament tal-Awtorità Regolatorja, siltet minn din is-sentenza l-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet assimilat l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ għall-unika attività regolatorja mwettqa mill-Awtorità Regolatorja (iktar ’il quddiem l-“ARN”). Hija tikkunsidra li, f’din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx il-kwistjoni, essenzjali fil-kawża prinċipali, tal-attivitajiet ta’ “regolamentazzjoni ex ante” u li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex preċiża fir-rigward tal-kamp tal-attivitajiet tal-ARN ikkonċernati. |
|
21 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 34(2) ter tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’. |
|
22 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
23 |
Postepay, Fastweb SpA, Wind Tre SpA u Sky Italia SpA jsostnu, essenzjalment, li d-domandi magħmula huma inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat b’mod preċiż ħafna l-attivitajiet tal-ARN li l-finanzjament tagħhom jista’ jiġi żgurat permezz ta’ kontribuzzjoni tal-operaturi u diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi darbtejn dwar il-leġiżlazzjoni Taljana fis-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (C‑240/15, EU:C:2016:608). |
|
24 |
Barra minn hekk, it-tieni parti tal-ewwel domanda dwar ir-“regolamentazzjoni ex ante” tqajjem kwistjoni essenzjalment fattwali. Il-qorti tar-rinviju fil-fatt titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni, fl-Istat Membru inkwistjoni, tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’, filwaqt li dan il-kompitu jaqa’ fuqha. Fir-rigward tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet l-ebda element fattwali dwar l-adozzjoni u l-kontenut tal-karti tar-rendikont annwali inkwistjoni u lanqas ebda preċiżazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ allegata inkompatibbiltà tal-Artikolu 34(2) ter tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi mal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, iż-żewġ domandi ma jippreżentawx interess konkret u reali għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jidhru b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, huwa b’mod partikolari indispensabbli, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) ta’ dan ir-regolament, li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik, C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 20). |
|
27 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinita minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik, C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 21). |
|
28 |
F’dan il-każ, mid-domanda preliminari jirriżulta li, fir-rigward tal-ewwel domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju ma ssibx fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), il-preċiżazzjonijiet li huma neċessarji għaliha sabiex tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet tal-ARN li l-ispejjeż tagħhom jistgħu jiġu koperti minn ħlasijiet amministrattivi skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk dawn l-attivitajiet jikkorrispondux biss għall-attività ta’“regolamentazzjoni ex ante”. Fir-rigward tat-tieni domanda, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet l-ilmenti tar-rikorrenti quddiemha filwaqt li qieset li r-rendikont annwali kellu jiġi ppubblikat qabel it-talba għal ħlas tal-kontribuzzjoni dovuta lill-Awtorità Regolatorja, li huwa kkontestat minnha fil-kuntest ta’ dawn l-appelli. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li wassluha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja u li l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex mingħajr l-ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
30 |
Għaldaqstant, id-domandi magħmula huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
31 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
|
32 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
Fuq l-ewwel domanda
|
33 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż li jistgħu jiġu koperti minn ħlas impost skont din id-dispożizzjoni fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma l-ispejjeż amministrattivi kollha sostnuti mill-ARN għat-twettiq tal-attivitajiet kollha tagħha, inklużi l-funzjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni, mas-sorveljanza, mar-riżoluzzjoni tat-tilwim u mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, jew dawk biss li jirriżultaw mill-attività ta’ “regolamentazzjoni ex ante”. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’risposta għal domanda simili, magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio), li quddiemha rikorrenti kkontestaw l-ammont tal-ħlas impost fuqhom skont l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li dan il-ħlas kien ikopri spejjeż mhux direttament marbuta mal-ispejjeż imġarrba mill-ARN għall-finijiet tar-regolamentazzjoni ex ante tas-suq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), iddeċidiet li l-Artikolu 12 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-impriżi li jipprovdu servizz jew network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma suġġetti għal ħlas, intiż sabiex ikopri l-ispejjeż kollha sostnuti mill-ARN u mhux iffinanzjati mill-Istat, li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat skont dħul li dawn l-impriżi jkollhom, bil-kundizzjoni li dan il-ħlas ikun esklużivament intiż sabiex jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ din id-dispożizzjoni, li d-dħul kollu miġbur minn dan il-ħlas ma jkunx jeċċedi l-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn l-attivitajiet u li dan l-istess ħlas jitqassam bejn l-impriżi kkonċernati b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat. |
|
35 |
Mill-punt 38 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jimponu biss, fuq impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom dritt għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju jew ta’ numri jkun ingħata, ħlasijiet amministrattivi li jkopru l-ispejjeż amministrattivi globali li rriżultaw mill-amministrazzjoni, mill-kontroll u mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, ta’ drittijiet għall-użu u tal-obbligi speċifiċi, imsemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, li jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta’ kooperazzjoni, ta’ armonizzazzjoni u ta’ standardizzazzjoni internazzjonali, ta’ analiżi tas-suq, ta’ kontroll u ta’ kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż marbuta max-xogħlijiet ta’ leġiżlazzjoni li jinvolvu t-tfassil u l-applikazzjoni ta’ liġijiet sekondarji u ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, bħalma huma d-deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni. |
|
36 |
Fil-punti 39 u 40 tas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li tali ħlasijiet jistgħu jkopru biss l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet imfakkra fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, li ma jistgħux jinkludu spejjeż relatati ma’ kompiti oħra, u li, konsegwentement, il-ħlasijiet imposti abbażi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ ma humiex intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi ta’ kull natura sostnuti mill-ARN. Hija ppreċiżat, fil-punt 41 tal-imsemmija sentenza, li mill-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 30 tagħha, jirriżulta li l-imsemmija ħlasijiet għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi reali li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet u jkunu bbilanċjati ma’ dawn l-ispejjeż. Għalhekk, id-dħul kollu miksub mill-Istati Membri mill-ħlas inkwistjoni ma jistax jeċċedi l-ispejjeż kollha relatati mal-imsemmija attivitajiet. |
|
37 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġew ripetuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (C‑240/15, EU:C:2016:608, punti 45 u 46), kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 64). |
|
38 |
Fil-punt 22 tas-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Vodafone Malta u Mobisle Communications (C‑71/12, EU:C:2013:431), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-ħlasijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ huma ta’ natura remuneratorja, peress li, minn naħa, dawn jistgħu jiġu imposti biss għas-servizzi amministrattivi mwettqa mill-ARN favur operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi abbażi, b’mod partikolari, tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tal-għoti ta’ dritt ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju jew tan-numri u, min-naħa l-oħra, dawn għandhom ikopru l-ispejjeż sostnuti minn dawn is-servizzi. |
|
39 |
Kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ kif ukoll mill-interpretazzjoni li diġà saret fis-sentenzi msemmija fil-punti 34 sa 38 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-ispejjeż tal-ARN li jistgħu jiġu koperti minn ħlas skont din id-dispożizzjoni ma humiex l-ispejjeż kollha tal-funzjonament tal-ARN, iżda l-ispejjeż amministrattivi globali relatati mat-tliet kategoriji ta’ attivitajiet koperti mill-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri:
|
|
40 |
L-ispejjeż ta’ kooperazzjoni, ta’ armonizzazzjoni u ta’ standardizzazzjoni internazzjonali, ta’ analiżi tas-suq, ta’ kontroll tal-konformità u ta’ kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż relatati max-xogħlijiet regolatorji li jinvolvu l-preparazzjoni u l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet sekondarji u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni, jistgħu jiġu inklużi fl-ispejjeż amministrattivi globali relatati ma’ dawn it-tliet kategoriji ta’ attivitajiet. |
|
41 |
Fir-rigward tal-funzjonijiet tal-ARN dwar ir-regolamentazzjoni, is-sorveljanza, ir-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li dawn iwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni, ta’ kontroll u ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, drittijiet ta’ użu jew obbligi speċifiċi, b’tali mod li l-ispejjeż li huma jikkawżaw jistgħu jiġu koperti mill-ħlasijiet amministrattivi imposti skont l-Artikolu 12(1) (a) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’. |
|
42 |
F’dak li jikkonċerna l-attività ta’ “regolamentazzjoni ex ante” invokata mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat li din tal-aħħar ma tindikax x’tifhem b’din l-espressjoni li ma tinsabx fid-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’, fid-Direttiva Qafas, fid-Direttiva ‘Aċċess’ u fid-Direttiva ‘Servizz Universali’. Għall-kuntrarju, ir-regolamentazzjoni tas-suq ex ante, li hija responsabbli għaliha l-ARN kif indikat fl-Artikolu 3(3) bis tad-Direttiva Qafas, tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq il-fornituri ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligi bħal dawk previsti fl-Artikolu 5(1) u (2) jew fl-Artikolu 6 tad-Direttiva ‘Aċċess’ u dawk imposti, konformement mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jew mal-Artikolu 17 tad-Direttiva ‘Servizz Universali’, fuq l-impriżi indikati li huma b’saħħithom fis-suq wara l-proċedura ta’ analiżi prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-regolamentazzjoni tas-suq ex ante tagħmel parti integrali mit-tielet kategorija ta’ attivitajiet tal-ARN imsemmija fil-punt 39 ta’ dan id-digriet kif ukoll ta’ ċerti kompiti msemmija fil-punt 40 tiegħu. Konsegwentement, l-ispejjeż li jistgħu jiġu koperti bil-ħlasijiet amministrattivi imposti skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ ma jistgħux ikunu limitati għal dawk ikkawżati mill-attività ta’ regolamentazzjoni tas-suq ex ante. |
|
43 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż li jistgħu jiġu koperti minn ħlas impost skont din id-dispożizzjoni fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma biss dawk relatati mat-tliet kategoriji ta’ attivitajiet tal-ARN imsemmija f’din id-dispożizzjoni, inklużi l-funzjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni, mas-sorveljanza, mar-riżoluzzjoni tat-tilwim u mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma huma limitati għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-attività ta’ regolamentazzjoni tas-suq ex ante. |
Fuq it-tieni domanda
|
44 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, ir-rendikont annwali previst f’din id-dispożizzjoni jiġi ppubblikat wara l-għeluq tas-sena finanzjarja annwali li matulha jkunu nġabru l-ħlasijiet amministrattivi u, min-naħa l-oħra, l-aġġustamenti neċessarji jsiru matul sena finanzjarja li ma ssegwix immedjatament dik li matulha jkunu nġabru dawn il-ħlasijiet. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ dan id-digriet, mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’, moqri fid-dawl tal-premessa 30 tagħha, jirriżulta li l-ħlasijiet amministrattivi li jistgħu jiġu imposti skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi reali li jirriżultaw mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu u għandhom ikunu bbilanċjati ma’ dawn l-ispejjeż. Għalhekk, id-dħul kollu miksub mill-Istati Membri mill-ħlas inkwistjoni ma jistax jeċċedi l-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn l-attivitajiet. |
|
46 |
Ir-rapport annwali previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ għandu l-għan, kif jirriżulta mill-premessa 30 ta’ din id-direttiva, li jiżgura t-trasparenza fir-rigward tad-dħul u l-infiq tal-ARN, sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jivverifikaw li l-ispejjeż amministrattivi u l-ħlasijiet jibbilanċjaw ruħhom. |
|
47 |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat fil-punt 41 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), li d-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ ma tipprevedi la l-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-ħlasijiet amministrattivi li jistgħu jiġu imposti skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u lanqas il-modalitajiet ta’ ġbir ta’ dawn il-ħlasijiet. |
|
48 |
Minn dan jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet tal-pubblikazzjoni tar-rendikont annwali u tal-implimentazzjoni tal-aġġustamenti neċessarji imposti mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza b’tali mod li l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jivverifikaw li l-ispejjeż amministrattivi u l-ħlasijiet jibbilanċjaw ruħhom. |
|
49 |
Issa, la l-pubblikazzjoni tar-rendikont annwali wara l-għeluq tas-sena finanzjarja annwali li matulha jkunu nġabru l-ħlasijiet amministrattivi u lanqas l-applikazzjoni tal-aġġustamenti neċessarji matul sena finanzjarja li ma ssegwix immedjatament dik li matulha dawn il-ħlasijiet inġabru ma jidhru, fihom infushom, li jipprekludu li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt. |
|
50 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’ għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, ir-rendikont annwali previst f’din id-dispożizzjoni jiġi ppubblikat wara l-għeluq tas-sena finanzjarja annwali li matulha jkunu nġabru l-ħlasijiet amministrattivi u, min-naħa l-oħra, l-aġġustamenti neċessarji jsiru matul sena finanzjarja li ma ssegwix immedjatament dak li matulha jkunu nġabru dawn il-ħlasijiet. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.