Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0650

    Kawża C-650/19 P: Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2019 minn Vialto Consulting Kft. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-26 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-617/17, Vialto Consulting Kft vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 372, 4.11.2019, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 372/22


    Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2019 minn Vialto Consulting Kft. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-26 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-617/17, Vialto Consulting Kft vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-650/19 P)

    (2019/C 372/23)

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Appellant: Vialto Consulting Kft. (rappreżentant: Dimitrios Sigalas, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewroepa

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju fil-Kawża T-617/17;

    tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha:

    1.

    Is-sentenza appellata hija vvizzjata minn distorsjoni tal-fatti u żball ta’ liġi fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 (1). Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-suġġett reali tal-kawża għad-danni kienet il-kwistjoni jekk OLAF kienx kiser l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 meta talab lill-appellanti biex tippermettilu jiġbor data li ma kienet b’ebda mod relatata mal-investigazzjoni tiegħu. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellanti effettivament awtorizzat lill-OLAF jinvestiga l-kategoriji kollha ta’ data li kien talab.

    2.

    Is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi u minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Il-Qorti Ġenerali ma kkjarifikatx liema mit-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

    3.

    Is-sentenza appellata hija vvizjata minn distorsjoni tal-fatti u minn żball ta’ liġi fir-rigward tal-ksur tad-dritt għal smigħ. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni adottat pożizzjoni li hija vinkolanti fuq l-awtorità kontraenti, li tista’ tirriżulta f’att li jikkawża preġudizzju lill-appellanti, mingħajr ma l-appellanti tkun instemgħat.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303).


    Top