This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0786
Judgment of the Court (Third Chamber) of 15 April 2021.#The North of England P & I Association Ltd v Bundeszentralamt für Steuern.#Request for a preliminary ruling from the Finanzgericht Köln.#Reference for a preliminary ruling – Direct insurance other than life assurance – Second Directive 88/357/EEC – Second indent of Article 2(d) – Directive 92/49/EEC – First subparagraph of Article 46(2) – Taxation of insurance premiums – Concept of ‘Member State where the risk is situated’ – Vehicles of any type – Concept of ‘Member State of registration’ – Insurance of sea-going vessels – Ships entered in the shipping register maintained by one Member State but flying the flag of another Member State or of a third State under a temporary flagging-out authorisation.#Case C-786/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ April 2021.
The North of England P & I Association Ltd., bħala suċċessur legali ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company vs Bundeszentralamt für Steuern.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Köln.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni diretta barra mill‑assigurazzjoni għall-ħajja – It-Tieni Direttiva 88/357/KEE – It-tieni inċiż tal‑Artikolu 2(d) – Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE – L-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 46(2) – Taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni – Kunċett ta’ ‘Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju’ – Vetturi ta’ kull tip – Kunċett ta’ ‘Stat Membru tar-reġistrazzjoni’ – Assigurazzjoni ta’ bastimenti tan-navigazzjoni fl‑ibħra – Bastimenti rreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti miżmuma minn Stat Membru iżda li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien temporanju mill-bandiera.
Kawża C-786/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ April 2021.
The North of England P & I Association Ltd., bħala suċċessur legali ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company vs Bundeszentralamt für Steuern.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Köln.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni diretta barra mill‑assigurazzjoni għall-ħajja – It-Tieni Direttiva 88/357/KEE – It-tieni inċiż tal‑Artikolu 2(d) – Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE – L-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 46(2) – Taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni – Kunċett ta’ ‘Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju’ – Vetturi ta’ kull tip – Kunċett ta’ ‘Stat Membru tar-reġistrazzjoni’ – Assigurazzjoni ta’ bastimenti tan-navigazzjoni fl‑ibħra – Bastimenti rreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti miżmuma minn Stat Membru iżda li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien temporanju mill-bandiera.
Kawża C-786/19.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:276
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
15 ta’ April 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni diretta barra mill‑assigurazzjoni għall-ħajja – It-Tieni Direttiva 88/357/KEE – It-tieni inċiż tal‑Artikolu 2(d) – Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE – L-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 46(2) – Taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni – Kunċett ta’ ‘Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju’ – Vetturi ta’ kull tip – Kunċett ta’ ‘Stat Membru tar-reġistrazzjoni’ – Assigurazzjoni ta’ bastimenti tan-navigazzjoni fl‑ibħra – Bastimenti rreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti miżmuma minn Stat Membru iżda li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien temporanju mill-bandiera”
Fil-Kawża C‑786/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura
The North of England P & I Association Ltd, bħala suċċessur legali ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company
vs
Bundeszentralamt für Steuern,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Wahl, F. Biltgen, L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal The North of England P & I Association Ltd, bħala suċċessur legali ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company, minn C. Möser u U. Grünwald, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls, D. Triantafyllou u H. Tserepa‑Lacombe, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198), kif ukoll tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn The North of England P & I Association Ltd (iktar ’il quddiem “P & I”), kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fir-Renju Unit, u l-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Ċentrali Federali tat-Taxxi, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“BZS”) dwar avviż ta’ rkupru tat-taxxa fuq l-assigurazzjoni dwar primjums imħallsa fuq il-bażi tal-kopertura minn P & I ta’ diversi riskji marbuta mal-użu ta’ bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra mniżżla fir-reġistru tal-bastimenti miżmum mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja iżda li jtajru bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien temporanju mill-bandiera. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Din ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260, rettifika fil-ĠU 2014, L 316, p. 69). |
4 |
Skont l-Artikolu 90 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Id-dritt tan-navigazzjoni”, “[k]walunkwe Stat, […] għandu d-dritt li jbaħħar il-vapuri li jtajjru l-bandiera tiegħu matul l-ibħra internazzjonali”. |
5 |
L-Artikolu 91 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “In-nazzjonalità ta’ vapuri”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-vapuri, għar-reġistrazzjoni ta’ vapuri fit-territorju tiegħu, u tad-dritt li jtajjru il-bandiera tiegħu. Il-vapuri għandhom in-nazzjonalità ta’ l-Istat li l-bandiera tiegħu huma ntitolati li jtajjru. Għandu jkun hemm rabta ġenwina bejn l-Istat u l-vapur”. |
6 |
Intitolat “L-istatus ta’ vapuri”, l-Artikolu 92 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Vapuri għandhom ibaħħru taħt il-bandiera ta’ Stat wieħed biss u, apparti milli f’każi li eċċezzjonalment hemm provvediment espress dwar dan fi trattati internazzjonali jew f’din il-Konvenzjoni, għandhom ikunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklussiva tiegħu fl-ibħra internazzjonali. […]” |
7 |
L-Artikolu 94 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Id-doveri ta’ l-Istat tal-bandiera”, jistipula: “1. Kull Stat għandu effettivament jeżerċita l-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu f’materji amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. 2. Partikolarment, kull Stat għandu:
3. Kull Stat għandu jieħu dawk il-miżuri dwar il-vapuri li jtajjru l-bandiera tiegħu skond ma huma meħtieġa sabiex jassiguraw is-sigurtà fuq il-baħar […] […]” |
Id-dritt tal-Unjoni
It-Tieni Direttiva 88/357
8 |
L-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 kien jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
Id-Direttiva 92/49
9 |
Il-premessi 1, 2 u 30 tad-Direttiva 92/49 kienu jipprovdu:
[…]
|
10 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 kien jipprevedi: “Mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għal taxxi indiretti u piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju kif definit fl-Artikolu 2(d) ta[t-Tieni Direttiva 88/357] […]” |
Id-Direttiva 2009/138
11 |
Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, u fil-ĠU 2019, L 316, p. 107), kif emendata bid-Direttiva 2012/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2012 (ĠU 2012, L 249, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/138”), ħassret it-Tieni Direttiva 88/357 u d-Direttiva 92/49 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. |
12 |
Skont il-punt 13(b) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138, “Stat Membru li fih jkun jinstab ir-riskju” huwa ddefinit bħala “l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrelata ma’ vetturi ta’ kwalunkwe tip”. |
13 |
Il-punt 14 tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej: “Għall-fini ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
14 |
L-Artikolu 157 tad-Direttiva 2009/138, intitolat “Taxxi fuq il-premiums”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt tal-assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-imposti parafiskali fuq premiums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew fl-Istat Membru tal-impenn”. |
15 |
Madankollu, fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-Tieni Direttiva 88/357 u d-Direttiva 92/49 kienu għadhom applikabbli, b’tali mod li għat-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tingħata risposta fid-dawl ta’ dawn id-direttivi biss. |
Id-dritt Ġermaniż
Il-VersStG
16 |
L-Artikolu 1 tal-Versicherungssteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Assigurazzjonijiet) tal-10 ta’ Jannar 1996 (BGBl. I S., p. 22, iktar ’il quddiem il-“VersStG”), jipprovdi: “(1) Huwa suġġett għat-taxxa l-ħlas tar-remunerazzjoni tal-assigurazzjoni li jsir fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn kuntratt jew minn kull sors ieħor. (2) Meta assiguratur stabbilit fit-territorju tal-Istati Membri ta[l-Unjoni] jew ta’ Stati firmatarji oħra tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)] ikun parti fir-relazzjoni ta’ assigurazzjoni, l-obbligu fiskali ma jinħoloqx jekk id-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni jkun persuna fiżika, ħlief jekk huwa, fil-mument tal-ħlas tal-primjum tal-assigurazzjoni, ikollu d-domiċilju tiegħu jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju li fih tapplika din il-liġi, jew, jekk huwa ma jkunx persuna fiżika, meta l-impriża, l-istabbiliment jew sit ekwivalenti li għalih tirreferi r-relazzjoni ta’ assigurazzjoni jkunu jinstabu, waqt il-ħlas tal-primjum, fit-territorju li fih tapplika din il-liġi. L-obbligu fiskali huwa wkoll suġġett, meta jkunu assigurati: […]
[…]” |
Ix-SchRegO
17 |
Ix-Schiffsregisterordnung (ir-Regolament dwar ir-Reġistri tal-Bastimenti), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ix-“SchRegO”), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li r-reġistri tal-bastimenti huma amministrati mill-Amtsgerichte (il-Qrati Distrettwali, il-Ġermanja). |
18 |
L-Artikolu 3(2) tax-SchRegO jipprovdi li fir-reġistru tal-bastimenti għandhom jitniżżlu l-bastimenti merkantili u l-bastimenti l-oħra intiżi għan-navigazzjoni marittima (bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra), meta dawn ikunu obbligati jew ikollhom dritt itajru l-bandiera Ġermaniża skont l-Artikolu 1 jew l-Artikolu 2 tal-Gesetz über das Flaggenrecht der Seeschiffe und die Flaggenführung der Binnenschiffe (Flaggenrechtsgesetz) (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Bandiera tal-Bastimenti tat-Tbaħħir u t-Titjir tal-Bandiera tal-Bastimenti tan-Navigazzjoni fl-Ilmijiet Interni (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Bandiera)), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FlaggRG”). |
19 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tax-SchRegO, il-proprjetarju ta’ bastiment tan-navigazzjoni fl-ibħra għandu jirreġistra tali bastiment meta dan ikun obbligat li jtajjar bandiera Ġermaniża skont l-Artikolu 1 tal-FlaggRG. |
20 |
L-Artikolu 14(1) tax-SchRegO jipprovdi li bastiment ma jistax jitniżżel f’reġistru tal-bastimenti Ġermaniż sakemm ikun imniżżel f’reġistru tal-bastimenti barrani. |
21 |
Fil-każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien mill-bandiera, l-Artikolu 17(2) tax-SchRegO jimponi l-obbligu li fir-reġistru tal-bastimenti tiġi indikata l-projbizzjoni mill-eżerċizzju tad-dritt li bastiment itajjar bandiera Ġermaniża u t-tul ta’ din il-projbizzjoni u jipprovdi li, jekk l-imsemmija awtorizzazzjoni tiġi rtirata, għandha ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-bastimenti tal-awtorizzazzjoni sabiex jiġi eżerċitat mill-ġdid id-dritt li bastiment itajjar bandiera Ġermaniża. |
Il-FlaggRG
22 |
L-Artikolu 1(1) tal-FlaggRG jimponi l-obbligu li tittajjar bandiera Ġermaniża fuq il-bastimenti tal-merkanzija u l-bastimenti l-oħra kollha intiżi għan-navigazzjoni marittima (bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra) li l-proprjetarji tagħhom ikunu ċittadini Ġermaniżi li jkunu ddomiċiljati fit-territorju ta’ applikazzjoni tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja). |
23 |
Skont l-Artikolu 6(1) tal-FlaggRG, il-bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra li għandhom itajru bandiera Ġermaniża skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi ma humiex awtorizzati jtajru bnadar oħra bħala bandiera nazzjonali. |
24 |
Mill-punt 1 tal-Artikolu 7(1) tal-FlaggRG jirriżulta li l-Bundesamt für Seeschifffahrt und Hydrografie (l-Uffiċċju Federali Ġermaniż tat-Tbaħħir Merkantili u tal-Idrografija, iktar ’il quddiem il-“BSH”) jista’, f’ċerti każijiet, fuq talba tas-sid tal-bastiment jew ta’ min jipprovdi bastiment tan-navigazzjoni fl-ibħra mniżżel fir-reġistru tal-bastimenti, jagħti, għal perijodu li ma jaqbiżx is-sentejn u taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni revokabbli sabiex itajjar, minflok il-bandiera Ġermaniża, bandiera nazzjonali oħra awtorizzata mid-dritt barrani applikabbli, mingħajr ħsara għad-drittijiet u għall-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni. |
25 |
Skont l-Artikolu 7a(3) tal-FlaggRG, id-dritt li tittajjar il-bandiera Ġermaniża ma jistax jiġi eżerċitat sakemm l-awtorizzazzjoni ta’ ħelsien mill-bandiera tkun fis-seħħ. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
26 |
P & I hija kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fir-Renju Unit li toffri assigurazzjonijiet marittimi madwar id-dinja kollha u li, sa mit-2 ta’ Novembru 2011, hija s-suċċessur legali ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company, impriża li kkonkludiet il-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
27 |
L-imsemmija kuntratti ġew konklużi ma’ erbatax‑il kumpannija u jkopru diversi riskji marbuta mal-operat ta’ bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra li tagħhom dawn huma l-proprjetarji. Dawn il-kuntratti jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà ċivili, il-protezzjoni legali, il-kopertura msejħa “casco” (diversi tipi ta’ danni għall-bastimenti) u r-riskji tal-gwerra. |
28 |
Dawn il-kumpanniji huma stabbiliti fil-Ġermanja u huma mniżżla fir-reġistru tal-kummerċ miżmum mill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Ġermaniż. |
29 |
Il-bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra kkonċernati huma kollha rreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti miżmum minn din l-istess qorti. |
30 |
Huma wkoll partijiet fuq fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kapaċità tagħhom ta’ detenturi ta’ polza ta’ assigurazzjoni jew ta’ koassigurati, kemm l-impriża tal-operat marittimu li teżerċita l-attivitajiet tagħha bħala amministratriċi tal-imsemmija erbatax‑il kumpannija u li l-flotta tagħha tinkludi l-bastimenti kollha tan-navigazzjoni fl-ibħra inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-bareboat charterers stabbiliti fil-Liberja u f’Malta. |
31 |
Skont l-Artikolu 7(1) tal-FlaggRG, il-BSH awtorizza l-bastimenti tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jtajru bandiera nazzjonali li ma hijiex il-bandiera Ġermaniża, jiġifieri l-bandiera Maltija jew il-bandiera Liberjana. Matul il-perijodu tal-ħelsien mill-bandiera, dawn il-bastimenti baqgħu mniżżla fir-reġistru Ġermaniż tal-bastimenti. |
32 |
Skont il-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, P & I rċeviet remunerazzjoni fil-forma ta’ primjums tal-assigurazzjoni li ma kinitx is-suġġett ta’ dikjarazzjoni fiskali fil-Ġermanja għall-finijiet tat-taxxa fuq l-assigurazzjoni. |
33 |
Wara verifika fiskali li saret fl-2012, il-BZS ħareġ avviż ta’ rkupru, datat il-11 ta’ Novembru 2014, fejn talab lil P & I, għax-xahar ta’ Diċembru 2009, il-ħlas tat-taxxa fuq l-assigurazzjoni fl-ammont ta’ EUR 13 374.57. |
34 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-15 ta’ Jannar 2016, il-BZS ċaħad l-oppożizzjoni magħmula minn P & I kontra dan l-avviż ta’ rkupru. |
35 |
Għalhekk, din il-kumpannija ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-primjums tal-assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex taxxabbli fil-Ġermanja fin-nuqqas ta’ lokalizzazzjoni f’dan l-Istat Membru tar-riskji marbuta mal-bastimenti assigurati. |
36 |
P & I tqis, f’dan ir-rigward, li l-Istat tar-reġistrazzjoni, imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, li għandu l-kompetenza fiskali dwar l-imsemmija primjums tal-assigurazzjoni huwa dak li aċċetta l-bastiment ikkonċernat fiċ-ċirkulazzjoni. Dan huwa, b’mod iktar preċiż, l-Istat li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu peress li huwa dan l-Istat li jiffissa l-livell ta’ kwalità meħtieġ mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li għalhekk iġorr ir-responsabbiltà tar-riskju li jikkostitwixxu dawn il-bastimenti. |
37 |
Il-BZS isostni, min-naħa l-oħra, li l-ħlas tal-primjums tal-assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa taxxabbli fil-Ġermanja peress li mill-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(2) tal-VersStG jirriżulta li l-leġiżlatur Ġermaniż ittraspona b’mod korrett it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 billi rabat l-issuġġettar għat-taxxa fuq l-assigurazzjoni mhux mar-“reġistrazzjoni” tal-bastiment ikkonċernat, fis-sens tal-awtorizzazzjoni uffiċjali għaċ-ċirkulazzjoni, iżda mat-tniżżil tiegħu f’reġistru uffiċjali u mal-għoti lill-imsemmi bastiment ta’ numru ta’ identifikazzjoni. Issa, huwa biss reġistru uffiċjali bħal dan ir-reġistru tal-bastimenti li għandu l-għan essenzjali li jipprova l-proprjetà tal-bastiment ikkonċernat. |
38 |
Il-Qorti tar-rinviju tikkunsidra li, billi tapplika esklużivament id-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(2) tal-VersStG, il-primjums tal-assigurazzjoni miġbura minn P & I għandhom jiġu ntaxxati fil-Ġermanja peress li, b’mod partikolari, il-bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma rreġistrati fil-Ġermanja f’“reġistru uffiċjali jew uffiċjalment irrikonoxxut”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri r-reġistru tal-bastimenti. |
39 |
Madankollu, dik il-qorti tistaqsi dwar il-punt jekk, fir-rigward tal-assigurazzjoni dwar “vetturi ta’ kull tip”, imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, iz-“Zulassungsmitgliedstaat”, jiġifieri jew l-“Istat Membru ta’ ammissjoni” jew l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni”, peress li dan il-kunċett tal-aħħar ma huwiex iddefinit, jistax jirreferi għall-Istat li l-bastiment itajjar bandiera tiegħu, jiġifieri l-Istat li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-użu tal-bastiment tan-navigazzjoni fl-ibħra fit-traffiku ġenerali u, għalhekk, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tiegħu. |
40 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner,C‑191/99, EU:C:2001:332, u tas-17 ta’ Jannar 2019, A, C‑74/18, EU:C:2019:33), sa fejn huwa possibbli, fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, li tibbaża ruħha unikament fuq it-tniżżil tal-vettura f’reġistru mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ammissjoni ta’ din il-vettura fiċ-ċirkulazzjoni. |
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) [tat-Tieni Direttiva 88/357], moqri flimkien mal-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25 [ta’ din id-direttiva], jew mal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva [92/49] għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li, għall-finijiet tal-ħarsien minn riskji fir-rigward tal-operat ta’ bastiment, l-Istat huwa dak li fit-territorju tiegħu bastiment jitniżżel fir-reġistru uffiċjali bil-għan ta[l-prova ta]t-titolu ta’ proprjetà, jew huwa l-Istat li l-bandiera tiegħu tittajjar mill-bastiment?” |
Fuq id-domanda preliminari
42 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratti ta’ assigurazzjoni jirrigwardaw il-kopertura ta’ diversi riskji marbuta mal-użu ta’ bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra mniżżla fir-reġistru tal-bastimenti miżmuma minn Stat Membru, iżda li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz skont awtorizzazzjoni ta’ ħelsien temporanju mill-bandiera, għandu jitqies bħala l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” tal-bastiment ikkonċernat u, għalhekk, bħala l-“Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li għandu s-setgħa esklużiva sabiex jintaxxa l-primjums imħallsa fuq il-bażi tal-imsemmija kuntratti ta’ assigurazzjoni, l-Istat Membru li jżomm ir-reġistru tal-bastimenti li fih dan il-bastiment huwa mniżżel għall-finijiet, prinċipalment, tal-prova tat-titolu tal-proprjetà tal-imsemmi bastiment jew l-Istat Membru jew l-Istat terz li tiegħu l-istess bastiment itajjar bandiera. |
43 |
Minn qari flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 jirriżulta li, meta kuntratt ta’ assigurazzjoni jkun jirrigwarda “vetturi ta’ kull tip”, il-kuntratt ikun “suġġett esklużivament għal taxxi indiretti u piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni” fl-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” tal-vettura kkonċernata meta dan l-Istat tal-aħħar jitqies li huwa l-“Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju”. |
44 |
Il-partikolarità tal-kawża prinċipali tinsab fil-fatt li l-bastimenti inkwistjoni tniżżlu fir-reġistru tal-bastimenti miżmum mill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg) u baqgħu mniżżla f’dan ir-reġistru, minkejja li, wara l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien mill-bandiera mill-BSH, li hija l-awtorità Ġermaniża kompetenti fil-qasam, dawn il-bastimenti jtajru temporanjament bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz. |
45 |
Huwa f’tali sitwazzjoni eċċezzjonali li tqum il-kwistjoni dwar jekk l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, u, għaldaqstant, “l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49, huwiex l-Istat li jżomm ir-reġistru tal-bastimenti li fih huwa mniżżel il-bastiment ikkonċernat għall-finijiet, prinċipalment, tal-prova tal-proprjetà ta’ dan il-bastiment jew pjuttost l-Istat li tiegħu l-imsemmi bastiment itajjar bandiera, li fih dan il-bastiment jista’ wkoll jitniżżel f’reġistru. |
46 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, skont ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ ssir ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti fir-reġistri tagħhom kif ukoll sabiex dawn il-bastimenti jingħataw id-dritt li jtajru l-bandiera tagħhom, u li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et, C‑221/89, EU:C:1991:320, punti 13 u 14), filwaqt li jitqies li, skont l-Artikolu 91(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti l-interpretazzjoni tagħha (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jkun hemm “rabta ġenwina” bejn l-Istat u l-bastimenti inkwistjoni, u dan għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat jew tal-għoti tad-dritt jew tal-possibbiltà, għal dawn il-bastimenti, li jtajru bandiera tal-imsemmi Stat. |
47 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Istat Membru kompetenti sabiex jintaxxa l-primjums ta’ assigurazzjoni skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-vettura hija rreġistrata fid-data tal-ħlas ta’ dawn il-primjums u mhux dak li fit-territorju tiegħu l-vettura kienet irreġistrata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni msejħa “dinamika” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, RVS Levensverzekeringen, C‑243/11, EU:C:2013:85, punt 53). |
48 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex fid-dawl mhux biss tat-termini ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, RVS Levensverzekeringen, C‑243/11, EU:C:2013:85, punt 23, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll, kif irrilevat b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea, tkun rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, ma huwiex iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw it-tifsira u l-portata tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li dan il-kunċett jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi. |
50 |
F’dan il-każ, tali interpretazzjoni uniformi hija iktar u iktar importanti peress li l-għan uniku ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi identifikat l-Istat Membru li għandu s-setgħa esklużiva li jintaxxa l-primjums tal-assigurazzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49. |
51 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kliem tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, id-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirrigwardaw b’mod partikolari l-ambigwità tal-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn din tuża l-kunċett ta’ “Zulassungsmitgliedstaat” li, skont il-kuntest li fih hija użata, jirreferi jew għall-Istat Membru tar-reġistrazzjoni jew tal-immatrikulazzjoni tal-vettura jew fl-Istat Membru tal-ammissjoni jew tal-awtorizzazzjoni għaċ-ċirkulazzjoni tagħha. |
52 |
P & I tibbaża ruħha fuq il-kunċett ta’ “Zulassungsmitgliedstaat”, fis-sens tagħha ta’ Stat Membru tal-ammissjoni jew tal-awtorizzazzjoni għaċ-ċirkulazzjoni, sabiex issostni li l-kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, ikopri l-Istat li awtorizza jew ippermetta l-vettura, f’dan il-każ il-bastiment, tidħol fiċ-ċirkulazzjoni, u dan ikun ikkonfermat bir-reġistrazzjoni tagħha. Peress li, kuntrarjament għal vetturi oħra bħall-karozzi, il-muturi jew l-inġenji tal-ajru, ma teżistix leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni dwar l-ammissjoni jew l-awtorizzazzjoni għaċ-ċirkulazzjoni ta’ bastimenti, għandu jsir riferiment għall-Istat li l-bastiment itajjar bandiera tiegħu sa fejn dan l-Istat jipprevedi l-qafas regolatorju applikabbli għall-użu ta’ dan il-bastiment, li huwa marbut mar-riskju marbut mal-bastiment waqt l-użu tiegħu. |
53 |
Madankollu, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 minbarra l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża jużaw jew il-kunċett ta’ Stat Membru tar-“reġistrazzjoni” jew dak ta’ Stat Membru tal-“immatrikulazzjoni”. |
54 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbiltà, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “Zulassungsmitgliedstaat”, mifhum f’waħda miż-żewġ tifsiriet tiegħu, jiġifieri dik ta’ Stat Membru tar-reġistrazzjoni jew tal-immatrikulazzjoni, jaqbel mat-terminoloġija użata fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357. |
56 |
Jimmilita wkoll kontra interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tgħid li din tal-aħħar tirreferi għall-Istat Membru tal-ammissjoni jew tal-awtorizzazzjoni għaċ-ċirkulazzjoni, il-fatt li, għall-bastimenti, ma hemmx, kuntrarjament għall-vetturi l-oħra msemmija f’din id-dispożizzjoni, leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni dwar tali ammissjoni jew awtorizzazzjoni. |
57 |
Għaldaqstant, fil-livell ta’ eżami tal-kliem biss tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, għandu jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni, ikkunsidrata fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tagħha, tirreferi għall-Istat Membru tar-reġistrazzjoni jew tal-immatrikulazzjoni tal-bastiment pjuttost milli għall-Istat Membru tal-awtorizzazzjoni tiegħu jew tal-ammissjoni tiegħu għaċ-ċirkulazzjoni li għalih hija biss il-verżjoni bil-Ġermaniż ta’ din id-dispożizzjoni li tista’ tirreferi għalih fuq il-bażi ta’ waħda miż-żewġ tifsiriet tal-kunċett ta’ “Zulassungsmitgliedstaat”. |
58 |
Għandu jingħad ukoll li, skont it-tifsira komuni tagħhom, il-kunċetti ta’ “reġistrazzjoni” u ta’ “immatrikulazzjoni” ta’ bastiment huma interkambjabbli għall-finijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, kif jirriżulta barra minn hekk mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni minbarra l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, li, kif diġà ġie indikat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, jużaw wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti. |
59 |
Madankollu, dejjem fid-dawl tal-formulazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, ma jidhirx a priori li jista’ jiġi eskluż li l-kunċetti ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni” jew ta’ “Stat Membru tal-immatrikulazzjoni” jistgħu jinkludu, minbarra l-Istat li jżomm ir-reġistru li fih il-bastimenti huma rreġistrati għall-finijiet tal-prova tat-titolu ta’ proprjetà tagħhom u, jekk ikun il-każ, ta’ drittijiet reali oħra rreġistrati fuq l-imsemmija bastimenti inklużi l-ipoteki fuqhom, l-Istat li tiegħu l-bastimenti jtajru bandiera, ladarba wkoll, kif jipprovdi l-Artikolu 94(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, kull Stat huwa marbut li jniżżel il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu fir-reġistru tal-bnadar nazzjonali. |
60 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-oriġini tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, għandu jiġi rrilevat li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea, ippreżentata fit-30 ta’ Diċembru 1975 (COM(1975) 516 final) (ĠU 1976, C 32, p. 2), li oriġinat din it-Tieni Direttiva, kienet tipprovdi li l-kliem “l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju” kellhom ifissru jew “l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrigwarda l-korpi ta’ vetturi terrestri” jew “l-Istat Membru fejn id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkollu r-residenza abitwali tiegħu, sakemm dan ikun jew il-proprjetarju tal-vettura jew ikollu interess finanzjarju f’din il-vettura jew ikun amministratur tal-vettura, u fin-nuqqas l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura, meta l-assigurazzjoni tirrigwarda l-korpi tal-vetturi ferrovjarji, il-korpi ta’ vetturi tal-ajru u l-korpi ta’ vetturi marittimi, tal-lagi u tax-xmajjar”. |
61 |
Fil-proposta għal direttiva emendata tas-16 ta’ Frar 1978 (COM (1978) 63 final), dawn iż-żewġ kriterji ta’ konnessjoni kienu nżammu, iżda s-sekwenza tagħhom inqalbet, b’tali mod li r-rabta mal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-persuna assigurata kienet applikabbli biss fil-każ, previst mill-kriterju awtomatiku, li l-vettura ma kinitx irreġistrata. |
62 |
Fir-rigward tal-verżjoni finali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, din issemmi biss l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni”, u dan għall-vetturi kollha, inklużi l-bastimenti. |
63 |
Jekk il-kriterju ta’ rabta mal-Istat Membru ta’ residenza abitwali jew ta’ stabbiliment tal-persuna assigurata jinsab fir-regola residwa li tinsab fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, din ir-regola ma tapplikax għall-assigurazzjonijiet relatati ma’ vetturi ta’ kull tip meta dawn huma speċifikament imsemmija fit-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din ir-regola residwa ma għandhiex effett dirett fuq l-interpretazzjoni tat-termini li jinsabu fit-tieni inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni. |
64 |
Xorta jibqa’ l-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, li l-oriġini tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 tidher li tista’ tissuġġerixxi li l-kriterju ta’ rabta mal-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” jirreferi b’mod impliċitu għar-rabta eżistenti bejn persuna jew kumpannija li għandha l-proprjetà tal-bastiment ikkonċernat jew interess finanzjarju f’dan il-bastiment u l-Istat li jżomm ir-reġistru tal-bastimenti li fih l-imsemmi bastiment huwa mniżżel, li jattesta l-proprjetà tiegħu. |
65 |
Madankollu, hemm lok li jiġi ammess li l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni finalment għażel biss il-kriterju ta’ rabta mal-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” jissuġġerixxi li l-kriterju alternattiv li jirreferi għar-residenza abitwali tal-persuna assigurata li hija l-proprjetarju tal-vettura kkonċernata, li għandha interess finanzjarju f’din il-vettura jew li hija l-amministratriċi tagħha, ma għandux ikollu rwol fil-kuntest tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, iżda, l-iktar l-iktar, fil-kuntest tal-aħħar inċiż ta’ din id-dispożizzjoni. |
66 |
Għalhekk, din l-oriġini ma tippermettix li jiġi konkluż liema interpretazzjoni għandha tingħata lill-kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357. |
67 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntest u tal-għan tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, għandu jitfakkar li minn dan l-Artikolu 2(d) jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipproponi, għat-tipi kollha ta’ riskji assigurati, soluzzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat l-Istat li fih ikun jinstab ir-riskju billi jibbaża ruħu fuq kriterji ta’ natura konkreta u fiżika pjuttost milli fuq kriterji legali. L-għan imfittex kien li għandu jkun hemm element konkret, li jikkorrispondi għal kull riskju, li jippermetti li dan jiġi llokalizzat fi Stat Membru speċifiku (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 44). |
68 |
B’hekk, skont, pereżempju, it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, jekk il-kuntratt jirrigwarda vettura, l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju huwa dak tar-reġistrazzjoni tal-vettura, anki jekk dan ma jkunx l-Istat Membru li fih tintuża l-vettura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 45). |
69 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-premessa 30 tad-Direttiva 92/49, jidher li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tagħha huwa intiż li jnaqqas ir-riskju li differenzi fl-istruttura u fir-rati tat-taxxi indiretti fuq it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni ma jirriżultawx f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-servizzi tal-assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 49). |
70 |
L-għażla tal-lokalizzazzjoni tar-riskju bħala kriterju li jiddetermina l-Istat li jkollu s-setgħa li jintaxxa hija tali li telimina d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi tal-Istati Membri differenti li joffru s-servizzi tal-assigurazzjoni (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 50). |
71 |
Din l-għażla tippermetti wkoll li jiġi evitat il-perikolu ta’ taxxa doppja kif ukoll il-possibbiltà tal-evażjoni tat-taxxa, peress li għal kull riskju jikkorrispondi stabbiliment u għalhekk Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 51). |
72 |
Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-għan li jiġu eliminati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jaqgħu taħt Stati Membri differenti li joffru servizzi ta’ assigurazzjoni, li jimplika li jiġi eskluż ir-riskju kemm ta’ taxxa doppja kif ukoll ta’ evażjoni tat-taxxa, billi tingħata preferenza lil interpretazzjoni li tiżgura li r-riskju kkonċernat ikun lokalizzat fi Stat Membru wieħed u li jkun ibbażat fuq aċċettazzjoni tal-kriterju ta’ lokalizzazzjoni tar-riskju bbażat fuq elementi konkreti u fiżiċi iktar milli fuq kriterji ta’ natura legali. |
73 |
Għalhekk, fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet, tqum il-kwistjoni dwar jekk minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultax li l-kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-Istat Membru li jżomm reġistru, bħar-reġistru tal-bastimenti, li fih il-bastimenti huma mniżżla sabiex dawn jiġu identifikati b’rabta mal-proprjetarji tagħhom, li huma responsabbli għal dawn il-bastimenti, jew pjuttost l-Istat li tiegħu l-imsemmija bastimenti jtajru bandiera, li, skont l-Artikolu 94 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, “[i]żomm reġistru ta’ vapuri li jkun fih l-ismijiet u l-partikolaritajiet tal-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu”, “jassumi ġurisdizzjoni permezz tal-liġi interna tiegħu […] fir-rigward ta’ materji amministrattivi, tekniċi u soċjali li jikkonċernaw il-vapur” u jieħu “dawk il-miżuri […] meħtieġa sabiex jassiguraw is-sigurtà fuq il-baħar”. |
74 |
Fir-rigward tal-għan li tiġi evitata taxxa doppja, għandu jitfakkar, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u konformement mad-dritt internazzjonali, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti fit-territorju tiegħu kif ukoll il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikollhom id-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu u, għaldaqstant, sabiex ikollhom in-nazzjonalità tiegħu, bil-kundizzjoni li, skont l-Artikolu 91(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, għandha teżisti “rabta ġenwina” bejn l-Istat u l-bastimenti inkwistjoni. |
75 |
Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tar-regoli fil-qasam tar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti, ma jistax jiġi eskluż li bastiment ikun irreġistrat f’diversi Stati Membri peress li jkunu jeżistu rabtiet ġenwini bejn dan il-bastiment u diversi Stati Membri, li jista’ jwassal għal diversi okkażjonijiet ta’ tassazzjoni. |
76 |
Madankollu, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjonijiet tal-parti l-kbira tal-Istati Membri jeskludu t-tniżżil multiplu li jista’ jwassal għal diversi okkażjonijiet ta’ tassazzjoni. |
77 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 14(1) tax-SchRegO jipprovdi li bastiment ma jistax jitniżżel f’reġistru tal-bastimenti Ġermaniż sakemm ikun imniżżel f’reġistru tal-bastimenti barrani. |
78 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 92(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jipprovdi li “[v]apuri għandhom ibaħħru taħt il-bandiera ta’ Stat wieħed biss”, u dan, fil-każ li l-kriterju ta’ konnessjoni mal-Istat tal-bandiera jintuża għall-finijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, ikun ta’ natura li jeskludi r-reġistrazzjoni doppja u, għaldaqstant, taxxa doppja. |
79 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 6(1) tal-FlaggRG jipprovdi li l-bastimenti tan-navigazzjoni fl-ibħra li jtajru bandiera Ġermaniża skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi ma humiex awtorizzati jtajru bnadar oħra bħala bandiera nazzjonali. |
80 |
Madankollu, l-użu tal-Istat tal-bandiera għal-lokalizzazzjoni tar-riskju għall-finijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 ma jippermettix li jiġi eskluż il-perikolu ta’ evażjoni tat-taxxa, li huwa għan ieħor tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49 u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, kif turi preċiżament il-kwistjoni fil-kawża prinċipali kkaratterizzata minn ħelsien mill-bandiera tal-bastimenti kkonċernati, ċertament awtorizzati mill-bidu mill-Istat li fih dawn il-bastimenti kienu u għadhom irreġistrati, u l-għażla ta’ Stat tal-bandiera ieħor b’rabtiet manifestament inqas diretti u konkreti ma’ dawn il-bastimenti mill-Istat Membru li fih huma rreġistrati għall-finijiet, prinċipalment, tal-prova tal-proprjetà tagħhom. |
81 |
Minn dan isegwi, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-użu tal-Istat li jżomm ir-reġistru tal-bastimenti li fih il-bastimenti huma mniżżla sabiex jiġi llokalizzat ir-riskju għall-finijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357 jippermetti li jiġu ssodisfatti aħjar l-għanijiet kollha ta’ din id-direttiva li jikkonsistu f’li jiġu evitati r-riskji ta’ taxxa doppja u ta’ evażjoni tat-taxxa. |
82 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “Stat Membru tar-reġistrazzjoni”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, għandha wkoll tingħata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, diġà mfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li huwa dak li jiġi ddeterminat l-Istat li fih ikun jinstab ir-riskju billi wieħed jibbaża ruħu fuq kriterji ta’ natura konkreta u fiżika, sabiex għal kull riskju jikkorrispondi element konkret li jippermetti li dan ir-riskju jiġi llokalizzat fi Stat Membru partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 44). |
83 |
Issa, ir-reġistru tal-bastimenti, sa fejn huwa għandu, prinċipalment, l-għan li jidentifika l-proprjetarju tal-bastiment irreġistrat fih, li fuqu taqa’ fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għar-riskji marbuta ma’ dan il-bastiment u l-użu tiegħu, raġuni li għaliha dan jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri dawn ir-riskji sabiex jipproteġi l-interessi patrimonjali tiegħu fl-imsemmi bastiment, jippermetti li jiġu llokalizzati r-riskji marbuta miegħu fi Stat Membru partikolari abbażi ta’ element konkret u fiżiku, jiġifieri r-rabta bejn il-proprjetarju ta’ dan l-istess bastiment u l-Istat Membru li fih huwa rreġistrat li jista’ jiġi artikolat iktar, fejn meħtieġ, bħala li huwa l-Istat Membru li tiegħu dan il-proprjetarju għandu n-nazzjonalità u/jew li fih għandu r-residenza tiegħu jew huwa stabbilit. |
84 |
Tali kriterju ta’ konnessjoni jippermetti wkoll li jiġu koperti każijiet kumplessi li huma komuni fil-qasam tal-assigurazzjoni marittima u li xhieda tagħhom hija l-kawża prinċipali sa fejn din hija kkaratterizzata mill-kopertura ta’ riskji differenti ħafna li jinvolvu l-użu ta’ bastimenti u l-involviment ta’ impriżi tal-operat marittimu u tal-bareboat charter. |
85 |
Barra minn hekk, dan il-kriterju jista’ jiġi applikat b’mod uniformi għall-“vetturi ta’ kull tip” bħalma huma dawk imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357. |
86 |
Min-naħa l-oħra, kif osservat ukoll il-Kummissjoni, ma teżistix a priori rabta konkreta u diretta bejn l-Istat li tiegħu l-bastiment itajjar bandiera u r-responsabbiltà għar-riskju marbut mal-bastiment li jippermetti li dan ir-riskju jiġi llokalizzat fit-territorju ta’ dan l-Istat. |
87 |
Fil-fatt, għalkemm, ċertament, l-Istat li tiegħu l-bastiment itajjar il-bandiera jeżerċita fuqu l-kontroll tiegħu u jieħu miżuri sabiex jiżgura s-sigurtà tiegħu fuq il-baħar, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx, bħala tali, rabta mar-riskju tal-operat ta’ dan il-bastiment b’rabta mal-proprjetarju tiegħu li għandu fl-ewwel lok interess li jassigura l-imsemmi bastiment sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tiegħu fih. |
88 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, għandha tiġi identifikata, b’mod partikolari, l-attività preċiża li r-riskji tagħha huma koperti mid-diversi kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2019, A, C‑74/18, EU:C:2019:33, punt 31). |
89 |
Issa, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li, f’dan il-każ, il-lokalizzazzjoni fil-Ġermanja tad-diversi riskji marbuta mal-użu tal-bastimenti kkonċernati hija kkonfermata mill-fatt li l-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jkopru dawn ir-riskji, kif sottoskritti, b’mod partikolari, mill-kumpanniji proprjetarji tal-bastimenti li fuqhom taqa’ fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għal dawn il-bastimenti u l-użu tagħhom jidhru li baqgħu ma nbidlux minkejja il-ħelsien temporanju mill-bandiera ta’ dawn il-bastimenti. |
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 92/49, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratti ta’ assigurazzjoni jirrigwardaw il-kopertura ta’ diversi riskji marbuta mal-operat ta’ bastimenti ta’ navigazzjoni fl-ibħra li jkunu mniżżla fir-reġistru tal-bastimenti miżmum minn Stat Membru, iżda li jtajru bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien temporanju mill-bandiera, l-Istat Membru li jżomm ir-reġistru tal-bastimenti li fih dan il-bastiment huwa mniżżel għall-finijiet, prinċipalment, tal-prova tat-titolu ta’ proprjetà tiegħu għandu jitqies li huwa l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” tal-bastiment ikkonċernat u, għaldaqstant, bħala l-“Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li għandu s-setgħa esklużiva li jintaxxa l-primjums imħallsa fuq il-bażi tal-imsemmija kuntratti ta’ assigurazzjoni. |
Dwar l-ispejjeż
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja), moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kuntratti ta’ assigurazzjoni jirrigwardaw il-kopertura ta’ diversi riskji marbuta mal-operat ta’ bastimenti ta’ navigazzjoni fl-ibħra li jkunu mniżżla fir-reġistru tal-bastimenti miżmum minn Stat Membru, iżda li jtajru bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħelsien temporanju mill-bandiera, l-Istat Membru li jżomm ir-reġistru tal-bastimenti li fih dan il-bastiment huwa mniżżel għall-finijiet, prinċipalment, tal-prova tat-titolu ta’ proprjetà tiegħu għandu jitqies li huwa l-“Istat Membru tar-reġistrazzjoni” tal-bastiment ikkonċernat u, għaldaqstant, bħala l-“Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li għandu s-setgħa esklużiva li jintaxxa l-primjums imħallsa fuq il-bażi tal-imsemmija kuntratti ta’ assigurazzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.