Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0674

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Settembru 2020.
    "Skonis ir kvapas“ vs Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Struttura u r-rati tad-dazji tas-sisa applikabbli għat-tabakk immanifatturat – Direttiva 2011/64/UE – Artikolu 2(2) – Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ ‘Prodotti li jikkonsistu esklużivament jew parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk’ – Kunċett ta’ ‘tabakk għat-tipjip’ – Tabakk tal-pipa tal-ilma.
    Kawża C-674/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:710

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    16 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Struttura u r-rati tad-dazji tas-sisa applikabbli għat-tabakk immanifatturat – Direttiva 2011/64/UE – Artikolu 2(2) – Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ ‘Prodotti li jikkonsistu esklużivament jew parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk’ – Kunċett ta’ ‘tabakk għat-tipjip’ – Tabakk tal-pipa tal-ilma”

    Fil-Kawża C‑674/19,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

    “Skonis ir kvapas” UAB

    vs

    Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

    fil-preżenza ta’:

    Vilniaus teritorinė muitinė,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Litwan, minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė u R. Butvydytė, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Homem, L. Inez Fernandes u N. Vitorino, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u C. Perrin, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal‑21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU 2011, L 176, p. 24), kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas‑27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 282, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 290, p. 6, fil-ĠU 2012, L 52, p. 32 u fil-ĠU 2012, L 226, p. 8), bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad‑9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1), bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 100, p. 13), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Skonis ir kvapas” UAB u l-Muitinės departamentas prie Finansų ministerijos (id-Dipartiment tad-Dwana fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi, il-Litwanja) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi fuq Skonis ir kvapas, minn naħa, aġġustament li jammonta għal EUR 1 308 750.28 bħala dazju tas-sisa u EUR 274 837.74 bħala taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjoni fuq it-tabakk tal-pipa tal-ilma importat u rrilaxxat għall-konsum mill‑2012 sal‑2015 u, min-naħa l-oħra, ta’ multa ta’ EUR 158359.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 2 tad-Direttiva 2011/64 tgħid li:

    “Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni [Ewropea] dwar il-prodotti tat-tabakk tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, kif rikjest mill-Artikolu 168 [TFUE], meta jitqies li l-prodotti tat-tabakk jistgħu jikkawżaw dannu serju għas-saħħa u li l-Unjoni hija Parti fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC). Għandu jittieħed kont tal-qagħda prevalenti għal kull wieħed mit-tipi varji ta’ tabakk manifatturat.”

    4

    L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

    “1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk manifatturat għandu jfisser:

    (a)

    sigaretti;

    (b)

    sigarri u sigarillos [sigarri żgħar];

    (c)

    tabakk għat-tipjip:

    (i)

    tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti,

    (ii)

    tabakk ieħor għat-tipjip.

    2.   Prodotti magħmula kollha kemm huma jew inparti minn sostanzi li mhux tabakk iżda li xorta jaqgħu taħt il-kriterji stipulati fl-Artikolu 3 jew l-Artikolu 5(1) għandhom ikunu meqjusa bħala sigaretti jew tabakk għat-tipjip.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, prodotti li m’għandhomx tabakk u li jintużaw esklużivament għal skopijiet mediċi m’għandhomx jiġu meqjusa bħala tabakk manifatturat.”

    5

    Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk għat-tipjip ifisser:

    (a)

    tabakk li gie mqatta’ jew maqsum, mdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi u jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri;

    (b)

    skart tat-tabakk impoġġi għall-bejgħ bl-imnut li ma jaqax taħt l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 u li jista’ jiġi mpejjep. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, skart tat-tabakk għandu jiġi kkunsidrat bħala fdal mill-weraq tat-tabakk u prodotti sekondarji miksuba mill-ipproċessar tat-tabakk jew mill-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk.”

    Id-dritt Litwan

    6

    L-Artikolu 3(27) tal-Lietuvos Respublikos akcizų įstatymas (il-Liġi Litwana dwar id-Dazji tas-Sisa), tat‑30 ta’ Ottubru 2001 (Žin., 2001, Nru 98‑3482), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”), jistabbilixxi li:

    “Il-frażi ‘tabakk għat-tipjip’ tfisser il-prodotti li ġejjin:

    1)

    tabakk li ġie mqatta’ jew maqsum mod ieħor, mdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi (kubi), li jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri;

    2)

    skart tat-tabakk (fdalijiet tal-weraq tat-tabakk u prodotti sekondarji miksuba fil-kuntest tal-ipproċessar tat-tabakk jew tal-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk) impoġġi għall-bejgħ bl-imnut, li ma jaqax taħt [il-klassifikazzjoni ta’ sigarru, sigarru żgħir jew sigarett], u li jista’ jintuża għat-tipjip.”

    7

    L-Artikolu 3(35) ta’ din il-liġi jgħid li:

    “Il-prodotti li jikkonsistu parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk iżda li jissodisfaw il-kriterji [ta’ klassifikazzjoni bħala sigarru jew sigarri żgħar] għandhom jitqiesu bħala sigarri u sigarri żgħar.”

    8

    L-Artikolu 3(36) tal-imsemmija liġi jippreċiża li:

    “Il-prodotti li jikkonsistu kompletament jew parzjalment minn sostituti għat-tabakk, iżda li jissodisfaw il-kriterji l-oħra previsti [fl-Artikolu 3(27) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa] għandhom jitqiesu […] bħala tabakk għat-tipjip. Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-prodotti li ma fihomx tabakk intiż għal użu mediku.”

    9

    L-Artikolu 31(2) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jipprevedi li:

    “It-tabakk għat-tipjip huwa suġġett għad-dazju tas-sisa bir-rata ta’ EUR 54.16 għal kull kilogramm ta’ prodott.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Skonis ir kvapas hija kumpannija stabbilita fil-Litwanja li teżerċita, fost oħrajn, attività ta’ bejgħ bl-imnut ta’ diversi prodotti tat-tabakk.

    11

    Għal dan il-għan, mill‑2012 sal‑2015, hija importat fil-Litwanja tabakk tal-pipa tal-ilma, ippakkjat f’pakketti ta’ 50 jew 250 gramma u li jikkonsisti minn diversi sustanzi, jiġifieri mit-tabakk (li jammonta għal 24 %), mill-ġulepp taz-zokkor (47 %), mill-gliċerina (27 %), minn sustanzi aromatiċi (2 %) kif ukoll mis-sorbat tal-potassju (inqas minn gramma għal kull kilogramma).

    12

    Fid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan it-tabakk tal-pipa tal-ilma ġie kklassifikat, skont in-NM fis-seħħ dak iż-żmien, taħt il-kodiċi 2403110000, bħala “tabakk tal-pipa tal-ilma”, kif ukoll taħt il-kodiċi nazzjonali addizzjonali X203, bħala “tabakk għat-tipjip, suġġett għad-dazju tas-sisa bir-rata stabbilita fl-Artikolu 31(2) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”.

    13

    Il-Vilniaus teritorinė muitinė (is-Servizz Reġjonali tad-Dwana ta’ Vilnjus, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem is-“Servizz Reġjonali tad-Dwana”) wettaq verifika tad-dikjarazzjonijiet elettroniċi ta’ importazzjoni ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u kkonstatat li l-piż nett tat-tabakk tal-pipa tal-ilma ddikjarat la kien jikkorrispondi għall-indikazzjonijiet li jinsabu fuq il-fatturi u lanqas għal dawk li jinsabu fid-dokumenti tal-imballaġġ. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-fatt, ma kinitx iddikjarat il-piż nett totali tat-tabakk tal-pipa tal-ilma importat, iżda biss il-piż tat-tabakk misjub fih, jiġifieri l-piż ta’ wieħed mill-komponenti tal-imsemmi tabakk tal-pipa tal-ilma.

    14

    Is-Servizz Reġjonali tad-Dwana qies li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-tabakk kollu tal-pipa tal-ilma inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jitqies bħala tabakk għat-tipjip suġġett għad-dazju tas-sisa u mhux biss it-tabakk li kien fih. Konsegwentement, fir-rapport ta’ kontroll fiskali, huwa wettaq aġġustament tad-dazji tas-sisa dovuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-ammont ta’ EUR 1 308 750.28 kif ukoll tal-VAT fuq l-importazzjoni fl-ammont ta’ EUR 274 837.74. Barra minn hekk, huwa impona l-ħlas ta’ interessi moratorji li jammontaw għal EUR 512513 għad-dazji tas-sisa u għal EUR 43532 għall-VAT, kif ukoll multa ta’ EUR 158359.

    15

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat dan ir-rapport ta’ kontroll fiskali billi ressqet ilment quddiem id-Dipartiment tad-Dwana fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi, li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2017, ikkonferma l-imsemmi rapport u rrifjuta li jilqa’ t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tingħata eżenzjoni għall-interessi moratorji kif ukoll għall-multa.

    16

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Kummissjoni tat-Tilwim Fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja). Din ikkonfermat l-ammont tad-dazji tas-sisa u tal-VAT stabbilit fir-rapport fiskali, iżda tat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali eżenzjoni għall-interessi moratorji.

    17

    Din id-deċiżjoni kif ukoll dawk tas-Servizz Reġjonali tad-Dwana u tad-Dipartiment tad-Dwana fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi kienu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) li, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, ikkonfermathom. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja).

    18

    L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha tiddetermina jekk l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li tabakk tal-pipa tal-ilma, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti minn tabakk li jammonta għal 24 % u minn sustanzi oħra bħall-ġulepp taz-zokkor, il-gliċerina, sustanzi aromatiċi u preservattiv, għandux jiġi kklassifikat bħala “prodott li jikkonsisti parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    19

    It-tieni nett, hija tippreċiża li hija għandha tiddeċiedi jekk, meta t-tabakk li jinsab fit-taħlita intiża għat-tipjip, bħat-tabakk tal-pipa tal-ilma, jissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64, it-taħlita kollha kemm hi, u indipendentement mis-sustanzi l-oħra li jikkostitwixxuha, għandhiex titqies bħala tabakk għat-tipjip.

    20

    It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, hija għandha tirrispondi għad-domanda dwar jekk, sabiex tikklassifika t-tabakk tal-pipa tal-ilma inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala tabakk għat-tipjip għall-finijiet tal-intaxxar tiegħu abbażi tad-dazju tas-sisa, għandux jiġi vverifikat jekk dan il-prodott, miksub billi jitħallat tabakk maqsum ma’ likwidi u sustanzi oħra li normalment huma fil-forma ta’ trab, jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64.

    21

    Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda u ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u għat-tielet domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tan-NM dwar l-intestatura tariffarja 2403 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li komponenti tat-tabakk tal-pipa tal-ilma bħalma huma l-ġulepp taz-zokkor, is-sustanzi aromatiċi u l-gliċerina ma għandhomx jitqiesu bħala “sostituti għat-tabakk”.

    22

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill [2011/64] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tabakk tal-pipa tal-ilma bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti (jiġifieri li jikkonsisti minn tabakk (sa 24 %), ġulepp taz-zokkor, gliċerina, sustanzi aromatiċi u preservattiv) għandu jkun ikkwalifikati bħala ‘prodott magħmul parzjalment minn sustanzi barra mit-tabakk’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

    2)

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64, inkluż fejn jinqara flimkien mal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta t-tabakk li jkun fit-taħlita intiża għat-tipjip – f’dan il-każ, fit-tabakk tal-pipa tal-ilma (f’dan il-każ, fil-prodott inkwistjoni) – jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64, it-taħlita kollha kemm hija għandha titqies bħala tabakk għat-tipjip, indipendentement mis-sustanzi l-oħra li fiha?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 2(2) u/jew l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jitqies bħala ‘tabakk għat-tipjip’ fis-sens ta’ din id-direttiva kwalunkwe prodott, bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, miksub billi tħallat tabakk maqsum ma’ likwidi u sustanzi oħra normalment f’forma ta’ trab (ġulepp taz-zokkor, gliċerina, sustanzi aromatiċi u preservattiv)?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda u ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tielet domanda, id-dispożizzjonijiet tan-[NM], dwar l-intestatura 2403 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma humiex ikkunsidrati bħala ‘sostituti għat-tabakk’ sustanzi wżati bħala komponenti tat-tabakk tal-pipa tal-ilma, bħal (1) ġulepp taz-zokkor, (2) sustanzi aromatiċi, u (3) gliċerina?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    23

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2011/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-tabakk tal-pipa tal-ilma, li jikkonsisti minn tabakk li jammonta għal 24 % u minn sustanzi oħra bħalma huma l-ġulepp taz-zokkor, il-gliċerina, is-sustanzi aromatiċi u preservattiv, għandu jiġi kklassifikat bħala “prodott ikkostitwit parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk” u bħala “tabakk għat-tipjip”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u, għalhekk, għandu jitqies, fl-intier tiegħu u indipendentement mis-sustanzi li jikkostitwixxuh, li ma humiex it-tabakk, bħala tabakk għat-tipjip suġġett għad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk.

    24

    F’dan ir-rigward u qabelxejn, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/64 ma jsemmux espliċitament it-tabakk tal-pipa tal-ilma.

    25

    Madankollu, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu, il-kunċett ta’ “tabakk immanifatturat” u jikklassifika fi tliet kategoriji t-tabakk immanifatturat li huwa s-suġġett tal-armonizzazzjoni prevista mill-imsemmija direttiva, fejn l-ewwel kategorija tirrigwarda s-sigaretti, it-tieni waħda tirrigwarda s-sigarri u s-sigarri żgħar, u t-tielet waħda tirrigwarda t-tabakk għat-tipjip. Il-prodotti koperti minn kull waħda minn dawn il-kategoriji huma ddefiniti fl-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 2011/64 skont il-karatteristiċi tagħhom.

    26

    Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jassimila mas-sigaretti u mat-tabakk għat-tipjip, il-prodotti li jikkonsistu esklużivament jew parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk iżda li jissodisfaw il-kriterji l-oħra tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, din l-aħħar dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “tabakk għat-tipjip”.

    27

    Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/64 u tal-kunċett ta’ “prodotti li jikkonsistu parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi, l-interpretazzjoni tal-kunċetti tad-Direttiva 2011/64 għandha tkun awtonoma, ibbażata fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll fuq l-istruttura ta’ din id-direttiva u fuq l-għanijiet imfittxija minnha (sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Skonis ir kvapas, C‑638/17, EU:C:2019:316, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/64, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ppreċiżax in-natura tas-sustanzi li ma humiex it-tabakk koperti minn din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-kunċett ta’ “prodotti li jikkonsistu parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk” ma jeskludi l-ebda sustanza li tista’ titħallat mat-tabakk u lanqas ma jeżiġi li t-tabakk jiġi mħallat ma’ sustanzi speċifiċi.

    29

    Fir-rigward tal-istruttura tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/64, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni huwa intiż li jistabbilixxi regola ġenerali li tipprovdi li l-prodotti li, minkejja li jikkonsistu esklużivament jew parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk, jissodisfaw madankollu l-kriterji l-oħra tas-sigaretti u tat-tabakk għat-tipjip imsemmija fl-Aartikolu 3 u fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva għandhom jitqiesu bħala sigaretti jew tabakk għat-tipjip. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/64, huma biss il-prodotti li, minn naħa, ma fihomx tabakk u, min-naħa l-oħra, li għandhom użu esklużivament mediku li ma jaqgħux taħt din ir-regola (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2006, Smits-Koolhoven, C‑495/04, EU:C:2006:218, punt 18).

    30

    Minn dan isegwi li prodott jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jkun suġġett għad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk mingħajr madankollu ma jkun jikkonsisti esklużivament mit-tabakk.

    31

    Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2011/64, din għandha l-għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-armonizzazzjoni tal-istrutturi u tar-rati tad-dazji tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk immanifatturat. Id-Direttiva 2011/64 taqa’ għalhekk taħt il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti tat-tabakk, leġiżlazzjoni li, skont il-premessa 2 tal-imsemmija direttiva, għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Yesmoke Tobacco, C‑428/13, EU:C:2014:2263, punti 23, 3536, kif ukoll tas‑6 ta’ April 2017, Eko-Tabak, C‑638/15, EU:C:2017:277, punt 17).

    32

    Issa, sabiex jiġi ggarantit, minn naħa, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni newtrali fis-settur tat-tabakk u, min-naħa l-oħra, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-prodotti kollha tat-tabakk li jistgħu jintużaw għat-tipjip għandhom jitqiesu bħala sigaretti jew tabakk għat-tipjip. Fil-fatt, tali prodotti jikkompetu mas-sigaretti u mat-tabakk għat-tipjip, u jistgħu jkunu koperti mill-politika ta’ protezzjoni tas-saħħa fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tipjip.

    33

    Inċidentalment, skont il-punt 13 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24), it-tabakk tal-pipa tal-ilma huwa meqjus bħala tabakk għat-tipjip.

    34

    Barra minn hekk, sa fejn, skont il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tisħin u l-kombustjoni tas-sustanzi kollha li jikkostitwixxu t-tabakk tal-pipa tal-ilma, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġġeneraw duħħan intiż għal inalazzjoni, tali klassifikazzjoni għandha tapplika għal dan tal-aħħar.

    35

    Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “prodott li jikkonsisti parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/64, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi t-tabakk tal-pipa tal-ilma, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kompost minn tabakk, ġulepp taz-zokkor, gliċerina, sustanzi aromatiċi u preservattiv.

    36

    Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “tabakk għat-tipjip”, l-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li t-tabakk ikun maqtugħ jew maqsum mod ieħor, mdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi, u, min-naħa l-oħra, li jkun jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri.

    37

    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li t-tabakk tal-pipa tal-ilma inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa tabakk imqatta’ jew maqsum mod ieħor, mdawwar jew ippressat f’forma ta’ kaxxi, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    38

    Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, it-tabakk tal-pipa tal-ilma, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jintuża għat-tipjip mingħajr ipproċessar industrijali ulterjuri.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li manipulazzjoni ħafifa sabiex prodott tat-tabakk mhux ipproċessat ikun jista’ jintuża għat-tipjip ma tikkostitwixxix ipproċessar industrijali u li pproċessar industrijali huwa intiż, min-naħa l-oħra, għall-ipproċessar, normalment fuq skala kbira, skont proċess standardizzat, ta’ materja prima f’oġġetti materjali (sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Eko-Tabak, C‑638/15, EU:C:2017:277, punti 30 sa 32).

    40

    Issa, it-tabakk tal-pipa tal-ilma huwa prodott li, sabiex jintuża għat-tipjip, ma jeħtieġ ebda pproċessar skont proċess standardizzat ta’ materja prima f’oġġetti materjali.

    41

    B’hekk, tabakk tal-pipa tal-ilma, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, previsti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64, u neċessarji għall-klassifikazzjoni bħala “tabakk għat-tipjip”.

    42

    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk it-tabakk tal-pipa tal-ilma, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux, fl-intier tiegħu u irrispettivament mis-sustanzi li jikkostitwixxuh, li ma humiex it-tabakk, jitqies bħala tabakk għat-tipjip, għandu jiġi enfasizzat li, kif sostnew, ġustament, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Portugiż, id-Direttiva 2011/64 tassimila, fl-intier tagħhom, mat-tabakk għat-tipjip, il-prodotti li jikkonsistu parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk mingħajr la tiddistingwi bejn dawn il-varji sustanzi u lanqas tipprevedi t-tassazzjoni unikament fuq it-tabakk li jinsab f’dawn il-prodotti.

    43

    Għaldaqstant, mill-Artikoli 7 sa 12 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-ammont tad-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti ma huwiex stabbilit billi ma jittieħdux inkunsiderazzjoni s-sustanzi u l-elementi li ma humiex it-tabakk u li jinsabu fis-sigaretti.

    44

    Bl-istess mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma ppreveda, għal dak li jirrigwarda t-tabakk immanifatturat għajr is-sigaretti msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2011/64, li jeskludi mid-dazju tas-sisa fuq dawn il-prodotti l-piż tas-sustanzi li ma humiex it-tabakk.

    45

    Fl-aħħar nett, is-sustanzi kollha li jikkostitwixxu t-tabakk tal-pipa tal-ilma huma msaħħna u mpejpa bħala komponenti ta’ prodott uniku. Għaldaqstant, tali prodott għandu, għall-finijiet tad-Direttiva 2011/64, jitqies, fl-intier tiegħu, bħala tabakk għat-tipjip u jkun suġġett bħala tali għad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk.

    46

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta t-tabakk li jkun jinsab f’taħlita intiża għat-tipjip, bħat-tabakk tal-pipa tal-ilma, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, tali taħlita għandha, fl-intier tagħha u irrispettivament mis-sustanzi li jikkostitwixxuh, li ma humiex it-tabakk, titqies bħala tabakk għat-tipjip.

    47

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2011/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tabakk tal-pipa tal-ilma, li jikkonsisti minn tabakk li jammonta għal 24 % u minn sustanzi oħra bħalma huma l-ġulepp taz-zokkor, il-gliċerina, is-sustanzi aromatiċi u preservattiv, għandu jiġi kklassifikat bħala “prodott ikkostitwit parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk” u bħala “tabakk għat-tipjip”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u, għalhekk, għandu jitqies, fl-intier tiegħu u irrispettivament mis-sustanzi li jikkostitwixxuh, li ma humiex it-tabakk, bħala tabakk għat-tipjip suġġett għad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

    48

    Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal‑21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tabakk tal-pipa tal-ilma, li jikkonsisti minn tabakk li jammonta għal 24 % u minn sustanzi oħra bħalma huma l-ġulepp taz-zokkor, il-gliċerina, is-sustanzi aromatiċi u preservattiv, għandu jiġi kklassifikat bħala “prodott ikkostitwit parzjalment minn sustanzi li ma humiex it-tabakk” u bħala “tabakk għat-tipjip”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u, għalhekk, għandu jitqies, fl-intier tiegħu u irrispettivament mis-sustanzi li jikkostitwixxuh, li ma humiex it-tabakk, bħala tabakk għat-tipjip suġġett għad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top