EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0638

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ April 2019.
Kawża mressqa minn Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Struttura u rata tad-dazji tas-sisa applikabbli għat-tabakki mmanifatturati – Direttiva 2011/64/UE – Artikolu 4(1)(a) – Kunċett ta’ ‘sigarri u sigarri żgħar’ – Rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali parzlajment miksja b’saff addizzjonali tal-karta.
Kawża C-638/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:316

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ April 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Struttura u rata tad-dazji tas-sisa applikabbli għat-tabakki mmanifatturati – Direttiva 2011/64/UE – Artikolu 4(1)(a) – Kunċett ta’ ‘sigarri u sigarri żgħar’ – Rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali parzlajment miksja b’saff addizzjonali tal-karta”

Fil-Kawża C-638/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura imressqa

Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

fil-preżenza ta’:

“Skonis ir kvapas” UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Aleksejev, kap tal-unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Skonis ir kvapas” UAB, minn P. Markovas u R. Daugėla, advokatai,

għall-Gvern Litwan, minn D. Stepanienė u R. Krasuckaitė kif ukoll minn D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u S. Eisenberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. G. Marrone, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn G. Koós u Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Perrin u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU 2011 L 176, p. 24).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża miftuħa mill-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (l-ispettorat nazzjonali tat-taxxi anness mal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“ispettorat nazzjonali tat-taxxi”) dwar aġġustament fiskali impost fuq “Skonis ir kvapas” UAB li jikkonċerna t-tassazzjoni tal-prodotti tat-tabakk importati minn din il-kumpannija fil-Litwanja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/64

3

Skont il-premessi 4 u 8 tad-Direttiva 2011/64:

“(4)

It-tipi varji ta’ tabakk manifatturat, distinti bil-karatteristiċi tagħhom u mill-mod kif jiġu użati, ghandhom ikunu definiti.

[…]

(8)

Fl-interess ta’ tassazzjoni uniformi u ġusta, definizzjoni ta’ sigaretti, sigarri u sigarri żgħar u ta’ tabakk ieħor għat-tipjip għandha tkun stabbilita sabiex, rispettivament, rombli tat-tabakk li skont it-tul tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ sigaretti jew aktar jiġu ttrattati bħala żewġ sigaretti jew aktar għall-finijiet ta’ sisa, tip ta’ sigarru li huwa simili f’ħafna modi għas-sigarett jiġi ttrattat bħala sigarett għall-finijiet ta’ sisa, tabakk għat-tipjip li huwa simili f’ħafna modi għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti jiġi ttrattat bħala tabakk imqatta’ fin għall-finijiet ta’ sisa, u l-iskart tat-tabakk ikun definit b’mod ċar. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat.”

5

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk manifatturat għandu jfisser:

a)

sigaretti;

b)

sigarri u sigarillos:

c)

tabakk tat-tipjip:

i)

tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti,

ii)

tabakk ieħor għat-tipjip.”

6

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/64 jistabbilixxi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva sigaretti għandhom ifissru:

a)

rombli tat-tabakk li jistgħu jitpejpu kif inhuma u li mhumiex sigarri jew sigarri żgħar skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1);

[…]”

7

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva dawn li ġejjin għandhom jitqiesu li huma sigarri jew sigarri żgħar jekk jistgħu jkunu u, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u l-aspettattivi normali tal-konsumatur, huma intiżi esklużivament għat-tipjip għaliex huma:

a)

rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali;

b)

rombli tat-tabakk b’mili ta’ taħlita mfarrka u għandhom kisja fuq barra tal-kulur normali ta’ sigarru, ta’ tabakk rikostitwit, li jgħatti l-prodott kollu, inkluż, fejn xieraq, il-filter iżda mhux, fil-każ ta’ sigarri tipped, il-ponta, fejn il-piż ta’ unità, mhux inkluż il-filter jew il-bokkin, mhuwiex anqas minn 2,3 g u mhux aktar minn 10 g, u ċ-ċirkonferenza fuq tal-anqas terz tat-tul mhijiex anqas minn 34 mm.

[…]”

Noti ta’ Spjegazzjoni għan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej

8

In-Noti ta’ Spjegazzjoni għan-NM, kif emendati (ĠU 2013, C 210, p. 3, iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjegazzjoni tan-NM”), marbuta mas-subintestatura 24021000 intitolata “Sigarri, cheroots u sigarri żgħar, li fihom it-tabakk” jistabbilixxu:

“Sigarri, cheroots u cigarillos huma rombli tat-tabakk, li jista’ jiġi mpejjep u, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, huma intiżi esklużivament għat-tipjip għaliex għandhom:

a)

qartas fuq barra magħmul minn tabakk naturali li jkopri l-prodott kollu inkluż, fejn xieraq, il-filtru (iżda mingħajr ebda saff ieħor li jgħatti parzjalment il-qartas ta’ barra), iżda mhux, fil-każ ta’ sigarri bil-ponta; il-ponta; […]”

Id-dritt Litwan

9

Skont l-Artikolu 3(10) tal-Lietuvos Respublikos akcizų įstatymas (il-Liġi Litwana dwar id-Dazji tas-Sisa), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”):

“Il-prodotti li ġejjin huma meqjusa bħala sigarri u sigarri żgħar:

1)

ir-rombli tat-tabakk intiżi għat-tipjip b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali;

2)

ir-rombli tat-tabakk intiżi għat-tipjip b’mili ta’ taħlita mfarrka u għandhom kisja fuq barra tal-kulur normali ta’ sigarru, ta’ tabakk rikostitwit, li jgħatti l-prodott kollu, inkluż, fejn xieraq, il-filter iżda mhux, fil-każ ta’ sigarri tipped, il-ponta, fejn il-piż ta’ unità, mhux inkluż il-filter jew il-bokkin, ma huwiex anqas minn 2.3 grammi u mhux aktar minn 10 grammi, u ċ-ċirkonferenza fuq tal-anqas terz tat-tul ma hijiex anqas minn 34 millimetru.”

10

L-Artikolu 3(11) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jipprevedi:

“Il-prodotti li ġejjin huma meqjusa bħala sigaretti:

ir-rombli tat-tabakk intiżi għat-tipjip li ma humiex meqjusa bħala sigarri u sigarri żgħar skont il-paragrafu 10 ta’ dan l-artikolu;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Skonis ir kvapas importat fil-Litwanja mill-1 ta’ Settembru 2013 sas-17 ta’ April 2015 prodotti tat-tabakk li hija ddikjarat fis-sistema tal-informatika għall-kontroll tal-movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa bħala li jaqgħu fil-kategorija tas-sigarri u sigarri żgħar.

12

Wara kontroll fiskali ta’ Skonis ir kvapas, l-ispettorat nazzjonali tat-taxxi qies, abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-laboratorju tad-dwana, li dawn il-prodotti ma kinux jikkorrispondu għad-definizzjoni tas-sigarri u sigarri żgħar, kif prevista fl-Artikolu 3(10) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, u li kellhom għall-kuntrarju jitqiesu bħala sigaretti, fis-sens tal-Artikolu 3(11) ta’ din il-liġi. Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet ta’ dan il-laboratorju, l-imsemmija prodotti, li kienu jikkonsistu f’rombli ta’ tabakk imqatta’ fin ta’ tul ta’ 87 millimetru (mm) u ta’ wisa’ ta’ 8 mm b’filtru b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali, li barra minn hekk, kellhom ukoll il-filtru kopert b’saff addizzjonali tal-karta.

13

Għaldaqstant, b’deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2015, l-ispettorat nazzjonali tat-taxxi impona fuq Skonis ir kvapas ħlas adizzjonali ta’ dazju tas-sisa, miżjud bl-interessi moratorji, u impona fuqha multa doganali.

14

Skonis ir kvapas ressqet quddiem il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-kummissjoni tat-tilwim fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“kummissjoni tat-tilwim fiskali”) ilment kontra din id-deċiżjoni. Il-kummissjoni tat-tilwim fiskali laqgħet dan l-ilment u annullat l-imsemmija deċiżjoni.

15

Ir-rikors ippreżentat mill-ispettorat nazzjonali tat-taxxi kontra d-deċiżjoni tal-kummissjoni tat-tilwim fiskali ġie miċħud b’sentenza tal-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, Il-Litwanja) tat-2 ta’ Ġunju 2016.

16

Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha l-ispettorat nazzjonali tat-taxxi ppreżenta l-appell tiegħu, qieset li s-soluzzjoni tal-kawża kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/64. B’mod partikolari, hija tistaqsi fuq il-punt dwar jekk iċ-ċirkustanza li l-kisja fuq barra ta’ tabakk naturali jew rikostitwit li għandhom ir-rombli tat-tabakk hija parzjalment koperta b’saff addizzjonali tal-karta hijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ dawn ir-rombli fil-kategorija tas-sigarri u sigarri żgħar, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

17

Fil-fatt, minn naħa, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi rombli tat-tabakk jaqgħu fil-kategorija tas-sigarri u sigarri żgħar meta dawn ikollhom kisja fuq barra ta’ tabakk naturali jew rikostitwit, jista’ jitqies li l-eżistenza, fuq parti minn din il-kisja, ta’ saff addizzjonali tal-karta ma tinċidix fuq l-imsemmija klassifikazzjoni.

18

Madankollu, min-naħa l-oħra, il-kliem fuq barra użat sabiex tiġi kklassifikata l-kisja previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/64 jagħti prova tal-importanza fundamentali ta’ din il-kisja li tinsab fuq barra tal-prodott tat-tabakk sa fejn din hija viżibbli għall-konsumatur. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-parti tas-sentenza “kisja […]tal-kulur normali ta’ sigarru” inkluża fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, iċ-ċirkusanza li parti mill-kisja fuq barra hija koperta b’saff addizzjonali tal-karta tista’ twassal sabiex il-prodotti kkonċernati jevitaw il-kategorija tas-sigarri u sigarri żgħar, sa fejn ma jkunux jissodisfaw waħda mill-karatteristiċi previsti fl-imsemmija direttiva.

19

Barra minn hekk, skont il-premessa 4 tagħha, id-Direttiva 2011/64 kienet tiddistingwi bejn tipi differenti ta’ tabakk immanifatturati li huma differenti minn xulxin minħabba l-użu li għalih huma ddestinati. Barra minn hekk, il-premessa 8 ta’ din id-direttiva kienet tipprevedi, b’mod partikolari, li sigarru li jixbah minn diversi lati lil sigarett għandu jiġi ttrattat bħala sigarett. Issa, l-użu ta’ saff tal-karti li jkopri l-kisja ta’ tabakk naturali fejn hemm il-filtru għandu l-konsegwenza li jirrendi l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali viżwalment simili għas-sigaretti ordinarji bil-filtru.

20

Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li n-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM isemmu b’mod espliċitu li l-prodotti rrikonoxxuti bħala sigarri għandu jkollhom kisja fuq barra ta’ tabakk naturali li tkopri l-prodott kollu, inkluż, fejn applikabbli, il-filtru, iżda mingħajr saff addizzjonali li jkopri parzjalment il-kisja ta’ barra.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill [2011/64] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “sigarri jew sigarri żgħar” tinkludi (jew le) l-każ fejn parti mill-kisja f’tabakk naturali jew rikostitwit tkun mgħottija, barra minn hekk, minn saff ieħor estern (tal-karti), bħal fil-kawża prinċipali? Il-fatt li l-użu tal-karta bħala saff supplimentari fil-kisja esterna tal-prodott tat-tabakk (fejn hemm il-filtru) iwassal għal xebh viżiv ta’ dan il-prodott ma’ sigarett huwa rilevanti għar-risposta għal din id-domanda?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ, C-414/17, EU:C:2018:1027, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 4(1)(a) u (b), id-Direttiva 2011/64 tiddistingwi rispettivament bejn ir-rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali u dawk li għandom kisja fuq barra ta’ tabakk rikostruwit. Issa, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma koperti totalment, inkluż il-filtru, b’kisja ta’ tabakk naturali.

24

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li prodotti tat-tabakk, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li parti mill-kisja ta’ barra tagħhom bit-tabakk naturali hija koperta minn saff addizzjonali tal-karta fejn hemm il-filtru, li tista’ tagħti lok għal xebh viżiv ta’ dawn il-prodotti mas-sigaretti, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

25

Dejjem bil-għan li tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi, l-interpretazzjoni tal-kunċetti tad-Direttiva 2011/64 għandha tkun awtonoma, ibbażata fuq il-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll fuq l-istruttura ta’ din id-direttiva u l-għanijiet imfittxija minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Smits-Koolhoven, C-495/04, EU:C:2006:218, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/64, din id-dispożizzjoni sempliċement tiddikjara li r-rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali jitqiesu bħala sigarri u sigarri żgħar, jekk dawn ikunu jistgħu jitpejpu kif inhuma u, b’kont meħud tal-karatteristiċi tagħhom u tal-aspettattivi normali tal-konsumaturi, huma maħsuba esklużivament għal dan l-għan. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rombli tat-tabakk li huma koperti b’din it-tip ta’ kisja ta’ barra bit-tabakk naturali, bħala prinċipju, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-istruttura ta’ din id-direttiva, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1)(a) ta’ din tal-aħħar tikklassifika bħala sigaretti r-rombli tat-tabakk li jistgħu jitpejpu kif inhuma u li ma humiex sigarri jew sigarri żgħar fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva. Issa, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tkopri kemm ir-rombli tat-tabakk li għandhom kisja fuq barra ta’ tabakk naturali kif ukoll dawk li għandhom kisja fuq barra ta’ tabakk rikostruwit.

28

Minn dan jirriżulta, qabelxejn, li l-materjal li minnu hija magħmula din il-kisja fuq barra jikkostitwixxi l-kriterju esssenzjali li abbażi tiegħu id-Direttiva 2011/64 tagħmel id-distinzjoni bejn il-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar u dik tas-sigaretti.

29

Sussegwentement, hemm lok li jiġi osservat li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fil-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar, l-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva jsemmi biss kisja fuq barra ta’ tabakk naturali, filwaqt li l-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmija direttiva, minbarra li jagħmel riferiment għal kisja fuq barra ta’ tabakk rikostitwit, jipprevedi karatteristiċi addizzjonali marbuta, b’mod partikolari, mal-piż u d-daqs tar-rombli tat-tabakk kif ukoll mal-kulur ta’ din il-kisja.

30

Kif sostnew il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta, il-propensità msaħħa ta’ prodotti li għandhom kisja ta’ tabakk rikostitwit li jkunu jixxiebhu viżwalment mas-sigaretti tispjega l-karatteristiċi addizzjonali previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/64, li għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-prodotti li jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni għall-finijiet tat-tassazzjoni tagħhom ikunu suffiċjentement differenti mis-sigaretti.

31

Mill-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-istruttura ta’ din tal-aħħar, għandu jiftiehem f’dan is-sens li, bħala prinċipju, minħabba l-preżenza ta’ kisja fuq barra ta’ tabakk naturali, il-prodotti kkonċernati jaqgħu taħt il-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar.

32

Madankollu, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-preżenza ta’ saff addizzjonali tal-karta fejn hemm il-filtru tistax tpoġġi f’dubju tali klassifikazzjoni għall-finijiet tal-imsemmija direttiva.

33

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li d-definizzjoni tal-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/64 jispeċifika wkoll li l-prodotti kkonċernati jistgħu jaqgħu taħt din il-kategorija jekk jistgħu jitpejpu kif inhuma u, b’kont meħud tal-karatteristiċi tagħhom u tal-aspettattivi normali tal-konsumaturi, huma maħsuba esklużivament għal dan l-għan..

34

B’hekk, prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jaqgħu taħt il-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar, fis-sens ta’ din id-direttiva fil-każ li, minkejja li jikkonsistu f’rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali, ma jkunux maħsuba, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u l-aspettattivi normali tal-konsumaturi, sabiex jitpejpu kif inhuma.

35

F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mid-diskussjonijiet waqt is-seduta jirriżulta li, għall-konsumaturi, kisja fuq barra ta’ tabakk naturali tagħti lir-rombli tat-tabakk li jkollhom dan l-aspett viżiv, rata ta’ kombustjoni u togħma ta’ meta jitqabbdu li jiddistinguhom mis-sigaretti.

36

F’każ li, bħal fil-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kisja addizzjonali tal-karti tkun tkopri biss il-filtru u ma tkomplix fuq il-parti tal-prodotti li tiġi kkunsmata, dan is-saff addizzjonali ma jistax jitqies bħala li jpoġġi f’dubju l-fatt li tali prodotti huma intiżi li jitpejpu kif inhuma.

37

Għalhekk, l-eżistenza ta’ tali saff addizzjonali tal-karta ma tiġġustifikax il-kontestazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar, peress li dawn jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/64.

38

Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istrutturi u tar-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk immanifatturat. Għal dan l-għan, il-premessa 4 tal-istess Direttiva 2011/64 tistabbilixxi li jeħtieġ li jiġu ddefiniti t-tipi differenti ta’ tabakk immanifatturati, li huma differenti minn xulxin minħabba l-karatterisitiċi u minħabba l-użi li huma intiżi għalihom.

39

Barra minn hekk, kif huwa indikat, essenzjalment, fil-premessa 8 tad-Direttiva 2011/64, bil-ħsieb li tiġi ggarantita fiskalità uniformi u ġusta, għandha tkun prevista definizzjoni ta’ sigaretti, sigarri u sigarri żgħar kif ukoll ta’ tabakki oħra għat-tipjip b’tali mod li l-prodotti li jixbhu minn diversi lati lill-prodotti li jaqgħu taħt din id-direttiva jiġu trattati bħal dawn tal-aħħar.

40

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-imsemmija direttiva, minn naħa, tipproċedi, fl-Artikolu 2(1) tagħha, bi klassifikazzjoni fi tliet kategoriji ta’ tabakk immanifatturati suġġetti għall-armonizzazzjoni prevista fl-imsemmija direttiva, l-ewwel waħda li tikkonċerna s-sigaretti, it-tieni, is-sigarri u s-sigarri żgħar, it-tielet, it-tabakk li jitpejjep, min-naħa l-oħra, tiddefinixxi, fl-Artikoli 3 sa 5 tagħha, il-prodotti previsti minn kull waħda minn dawn il-kategoriji skont il-karatteristiċi proprji tagħhom.

41

F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-saff addizzjonali tal-karta li jkopri prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ possibbilment iwassal għal xebh viżiv ta’ dawn tal-aħħar mas-sigaretti. Minn dan kollu, il-Gvern Litwan, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Taljan jiddeduċu li, sabiex jintlaħaq l-għan previst fil-premessa 8 tad-Direttiva 2011/64, jeħieġ li dawn il-prodotti jitqiesu bħala sigaretti għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Issa, tali interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’.

42

Qabelxejn, għalkemm il-premessa 8 tad-Direttiva 2011/64, sa fejn din tiddikjara li tip ta’ sigarru li jixbah minn diversi lati lis-sigarett għandu jiġi ttrattat bħala sigarett, tippermetti li jiġu ċċarati l-kriterji previsti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) ta’ din tal-aħħar sabiex issir dinstinzjoni bejn is-sigarett u s-sigarri u sigarri żgħar, din il-premessa ma tistax tiġġustifika l-evażjoni tad-definizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43

Sussegwentement, kif jirriżulta mill-premessi 4 u 8 tal-imsemmija direttiva, il-finalitajiet segwiti minn din tal-aħħar jirrikjedu li l-kategoriji differenti ta’ tabakk immanifatturat jiġu ddefiniti skont il-kriterji marbuta mal-karatteristiċi tagħhom u mal-użi li huma initiżi għalih, bħal dawk imfakkra, inkonnessjoni ma’ sigarri u sigarri żgħar, fil-punti 26 u 28 ta’ din is-sentenza.

44

L-invokazzjoni, abbażi tal-premessa 8 tad-Direttiva 2011/64, ta’ evalwazzjoni li tikkonċerna unikament ix-xebh viżiv ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mas-sigaretti abbażi tal-kriterji stabbiliti espressament fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva hija għaldaqstant neċessarjament ta’ ħsara għat-twettiq tal-għanijiet li l-imsemmija direttiva hija intiża li tilħaq.

45

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar, għall-finijiet tad-Direttiva 2011/64, ma tistax titpoġġa f’dubju min-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM li jipprovdu espliċitament li s-sigarri u s-sigarri żgħar huma rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali li tkopri l-prodott kollu (iżda mingħajr saff addizzjonali li jkopri parzjalment il-kisja fuq barra).

46

Fil-fatt, kif tosserva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dawn in-noti ta’ spjegazzjoni bl-ebda mod ma jistgħu jinċidu fuq id-definizzjoni tas-sigarri u sigarri żgħar fis-sens tad-Direttiva 2011/64 sa fejn, b’differenza minn direttivi oħra marbuta ma’ ċerti prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, bħad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405), id-Direttiva 2011/64 ma tagħmel l-ebda riferiment għall-kodiċi tan-nomenklatura magħquda sabiex tiddefinixxi t-tabakki mmanifatturati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

47

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti kollha, jeħtieġ tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti tat-tabakk, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li parti mill-kisja ta’ barra tagħhom bit-tabakk naturali hija koperta minn saff addizzjonali tal-karta fejn hemm il-filtru, li tista’ tagħti lok għal xebh viżiv ta’ dawn il-prodotti mas-sigaretti, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti tat-tabakk, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li parti mill-kisja ta’ barra tagħhom bit-tabakk naturali hija koperta minn saff addizzjonali tal-karta fejn hemm il-filtru, li tista’ tagħti lok għal xebh viżiv ta’ dawn il-prodotti mas-sigaretti, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ sigarri u sigarri żgħar, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top