Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0650

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2021.
    Vialto Consulting Kft. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Azzjoni għal danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni – Ġestjoni deċentralizzata – Investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Verifiki fuq il-post – Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 – Artikolu 7 – Aċċess għal data tal-kompjuter – Operazzjoni forensika diġitali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Dritt għal smigħ – Dannu morali.
    Kawża C-650/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:879

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Appell – Azzjoni għal danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni – Ġestjoni deċentralizzata – Investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Verifiki fuq il-post – Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 – Artikolu 7 – Aċċess għal data tal-kompjuter – Operazzjoni forensika diġitali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Dritt għal smigħ – Dannu morali”

    Fil-Kawża C‑650/19 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑3 ta’ Settembru 2019,

    Vialto Consulting Kft., stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn D. Sigalas u S. Paliou, dikigoroi,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, J. Baquero Cruz u minn A. Katsimerou, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala l-president tal-Ewwel Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u J.‑C. Bonichot, Imħallef,

    Avukat Ġenerali: G. Hogan,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Frar 2021,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Vialto Consulting Kft. (iktar ’il quddiem “Vialto”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni (T‑617/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:446), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors ippreżentat minnha għal kumpens tad-dannu allegatament imġarrab minħabba aġir, fil-fehma tagħha, illegali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), marbut mal-esklużjoni tagħha mill-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi bir-referenza TR2010/0311.01‑02/001 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96

    2

    L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal‑11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303) jipprovdi:

    “Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jiġu jsiru u jitmexxew mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru involut, li għandhom jiġu nnotifikati kmieni biżżejjed dwar l-oġġett, l-iskop u l-bażi legali tal-verifiki u l-ispezzjonijiet, sabiex dawn ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa. Għal dak il-għan, l-uffiċjali ta’ l-Istat Membru involut jistgħu jieħdu sehem fil-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

    Barra minn hekk, jekk l-Istat Membru involut hekk ikun jixtieq, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu flimkien mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru.”

    3

    L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet inkwestjoni li jkunu meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post. Dawn jistgħu jagħmlu użu mill-istess faċilitajiet ta’ spezzjoni bħala spetturi amministrattivi nazzjonali u b’mod partikolari jagħmlu kopja tad-dokumenti relevanti.

    IL-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jinvolvu, partikolarment:

    […]

    data tal-kompjuter,

    […]

    2.   Fejn ikun meħtieġ, ikun għall-Istati Membri, fuq talba tal-Kummissjoni, li jieħdu l-miżuri prekawzjonarji xierqa taħt il-liġi nazzjonali, partikolarment sabiex jipproteġu l-evidenza.”

    4

    L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Fejn l-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 5 jirreżistu l-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post, l-Istat Membru involut, waqt li jaġixxi skond ir-regoli nazzjonali, għandu jagħti lill-ispetturi tal-Kummissjoni kull għajnuna li jkunu jeħtieġu biex dawn ikunu jistgħu jwettqu d-dover tagħhom billi jagħmlu l-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post.

    Għandu jkun dover ta’ l-Istati Membri li jieħdu kull miżura meħtieġa, b’konformità mal-liġi nazzjonali.”

    Id-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom

    5

    L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ April 1999 li Twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 110) jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “L-Uffiċċju għandu jeżerċita l-poteri tal-Kummissjoni biex jagħmel investigazzjonijiet amministrattivi esterni bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li tolqot ħażin lill-interessi finanjarji tal-Komunità, kif ukoll kull att ta’ operaturi bil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 718/2007

    6

    Il-premessa 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat‑12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (ĠU 2007, L 170, p. 1) tipprovdi:

    “L-għan tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘ir-Regolament dwar l-IPA’) huwa li jipprovdi assistenza ta’ qabel l-adeżjoni lil pajjiżi benefiċjarji u jgħinhom fit-tranżizzjoni mill-Anness II għal Anness I ta’ dak ir-Regolament u permezz tas-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea.”

    7

    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 jipprovdi:

    “Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’paragrafi 2, 3 u 4, il-ġestjoni deċentralizzata, fejn il-Kummissjoni tħalli l-ġestjoni ta’ ċerti azzjonijiet f’idejn il-pajjiż benefiċjarju, filwaqt li żżomm ir-responsabbiltà finali għall-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali skond l-Artikolu 53c tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE, Euratom) Nru 1605/2002 [tal-25 ta’ Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 4, p. 74] u d-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattati tal‑KE, għandha tapplika għall-implimentazzjoni ta’ l-assistenza taħt ir-Regolament dwar l-IPA.

    Għall-għanijiet ta’ l-assistenza taħt ir-Regolament dwar l-IPA, il-ġestjoni deċentralizzata għandha tkopri l-appalti, il-kuntratti u l-pagamenti.

    […]”

    8

    L-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Il-pajjiż benefiċjarju għandu jinnomina l-entitajiet u l-awtoritajiet differenti li ġejjin:

    […]

    (f)

    struttura operattiva skond il-komponent jew il-programm ta’ l-IPA,

    […]”

    9

    L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “1.   Għandha tiġi stabbilita struttura operattiva għal kull wieħed mill-programmi jew komponenti ta’ l-IPA, sabiex tieħu ħsieb il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-assistenza taħt ir-Regolament dwar l-IPA.

    L-istruttura opettiva għandha tkun entità jew ġabra ta’ entitajiet fi ħdan l-amministrazzjoni tal-pajjiż benefiċjarju.

    2.   L-istruttura operattiva għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm jew tal-programmi kkonċernati skond il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Għal dawn l-għanijiet, għandha twettaq numru ta’ funzjonijiet li jinkludu:

    […]

    (f)

    it-tħejjija għall-proċeduri ta’ l-appalt, il-proċeduri ta’ l-aġġudikazzjoni ta’ l-għotjiet, il-kuntratti segwenti, u t-twettiq tal-pagamenti lil, u l-irkupri mingħand, il-benefiċjarju finali;

    […]”

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

    10

    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).

    “1.   L-Uffiċċju għandu jeżerċita s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 biex iwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri u, f’konformità mal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ta’ għajnuna reċiproka u kwalunkwe strument legali ieħor fis-seħħ, f’pajjiżi terzi u f’organizzazzjonijet internazzjonali.

    […]

    2.   Sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim jew deċiżjoni jew kuntratt ta’ għotja li jikkonċerna l-finanzjament tal-Unjoni, l-Uffiċċju, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, jista’ jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post għand operaturi ekonomiċi affettwati.

    […]”

    11

    L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

    “1.   Meta titlesta investigazzjoni mill-Uffiċċju, għandu jitfassal rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali. Dak ir-rapport għandu jagħti rendikont tal-bażi legali għall-investigazzjoni, il-passi proċedurali segwiti, il-fatti stabbiliti u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-ligi, l-impatt finanzjarju stmat tal-fatti stabbiliti, ir-rispett lejn il-garanziji proċedurali f’konformità mal-Artikolu 9 u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni.

    Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali dwar jekk għandhiex tittieħed azzjoni jew le. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom, fejn adatt, jindikaw kwalunkwe azzjoni dixxiplinarja, amministrattiva, finanzjarja u/jew ġudizzjarja mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, u għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, l-ammonti stmati li għandhom jiġu rkuprati, kif ukoll il-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi tal-fatti stabbiliti.

    […]

    3.   Ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet mfassla wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat rilevanti għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati f’konformità mar-regoli relatati mal-investigazzjonijiet esterni u, jekk meħtieġ, lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

    […]”

    Il-Linji Gwida tal-OLAF dwar il-Proċeduri Forensiċi Diġitali intiżi għall-persunal tiegħu

    12

    L-Artikolu 4(3) u (4) tal-Linji Gwida tal-OLAF dwar il-Proċeduri Forensiċi Diġitali intiżi għall-persunal tiegħu tal‑15 ta’ Frar 2016 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-OLAF”), jipprovdi:

    “3.   Malli tibda l-operazzjoni forensika diġitali, is-SED [(Speċjalista ta’ Evidenza Diġitali tal-persunal tal-OLAF)] għandu: (1) jieħu nota u jieħu ritratti tal-midja diġitali kollha li għandha tkun suġġetta għall-operazzjoni forensika, kif ukoll tal-inħawi fiżiċi u arranġamentali; (2) jagħmel inventarju tal-midja diġitali. L-inventarju għandu jkun inkluż fir-‘Rapport ta’ Operazzjoni Forensika Diġitali’, u r-ritratti għandhom ikunu annessi miegħu.

    4.   B’mod ġenerali, is-SED għandu jmexxi l-kisba forensika diġitali sħiħa tal-mezzi msemmija fil-punt 4(3). Jekk prattikabbli, is-SED u l-investigatur għandhom flimkien preliminarjament jeżaminaw dawk il-mezzi sabiex jistabbilixxu data potenzjalment rilevanti għall-investigazzjoni u jeżaminaw jekk tkunx xierqa kisba forensika parzjali. Jekk ikun il-każ, is-SED jista’, minflok, imexxi kisba forensika parzjali tad-data. Għandha ssir reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni qasira tal-kontenut u n-numru ta’ referenza tal-każ mogħti mis-SED waqt li tkun qiegħda tinkiseb l-immaġni forensika diġitali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    13

    L-Artikolu 8(2) u (4) tal-Linji Gwida tal-OLAF jipprevedi:

    “2.   Is-SED għandu jittrasferixxi l-immaġni forensika diġitali għas-server tal-fajl forensiku fil-laboratorju forensiku. Il-fajl hekk ittrasferit isir il-fajl tax-xogħol forensiku. Is-SED għandu jgħarraf lill-investigatur malli jkun tlesta l-fajl tax-xogħol forensiku.

    […]

    4.   Meta l-fajl tax-xogħol forensiku jkun tlesta, l-investigatur għandu jniedi talbiet bil-miktub permezz taċ-CMS Intelligence Request Module biex isir indiċi tal-fajl tax-xogħol forensiku u, kif ikun xieraq, tinkiseb l-għajnuna tas-SED jew tal-analista operazzjonali sabiex tiġi identifikata data rilevanti għall-investigazzjoni. Din l-aħħar talba għandha tiddeskrivi l-għan tat-tiftix u t-tip ta’ evidenza u/jew prova jkun qiegħed ifittex l-investigatur. B’risposta għat-talba bil-miktub tal-investigatur u, flimkien mal-investigatur, is-SED għandu joħroġ data li tkun taqbel mal-kriterji ta’ tiftix mill-fajl tax-xogħol forensiku diġitali għal aċċess għal qari biss mill-investigatur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    14

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 23 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

    15

    Vialto hija kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriża li tipprovdi servizzi ta’ konsulenza lil impriżi u entitajiet fis-settur privat u pubbliku.

    16

    Fit‑22 ta’ April 2011, il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim għal finanzjament mar-Repubblika tat-Turkija taħt is-sistema tal-ġestjoni deċentralizzata b’kontroll ex ante, li kienet tagħmel parti mill-programm nazzjonali għar-Repubblika tat-Turkija skont il-komponent “Assistenza għal Tranżizzjoni u [għal] Formazzjoni ta’ Istituzzjonijiet” tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA). L-istruttura operattiva indikata, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 718/2007, kienet is-Central Finance and Contracts Unit (CFCU), entità tal-amministrazzjoni Torka.

    17

    Fis‑17 ta’ Diċembru 2013 ġiet ippubblikata fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013/S 244–423607) taħt ir-referenza EuropeAid/132338/D/SER/TR, sejħa għal offerti ristretta li tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ verifika tal-kwalità esterna fil-kuntest tal-proġett TR2010/0311.01 “Digitization of Land Parcel Identification System” (“diġitalizzazzjoni ta’ sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula ta’ artijiet”) (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”). L-awtorità kontraenti nnominata fis-sejħa għal offerti kienet iċ-CFCU.

    18

    Fid‑19 ta’ Settembru 2014, il-kuntratt li jikkorrispondi għall-imsemmija sejħa għal offeti ngħata lil konsorzju kkoordinat minn Agrotec S.p.A. (iktar ’il quddiem il-“konsorzju”) u kompost minn ħames parteċipanti, li fosthom kien hemm Vialto. Il-konsorzju ffirma l-kuntratt inkwistjoni maċ-CFCU.

    19

    Wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni minħabba suspetti ta’ atti ta’ korruzzjoni jew frodi mwettqa fil-kuntest tal-proġett inkwistjoni, l-OLAF iddeċieda li jwettaq verifiki u spezzjonijiet fil-bini ta’ Vialto (iktar ’il quddiem il-“verifika fuq il-post”).

    20

    Fis‑7 ta’ April 2016, l-OLAF ħareġ żewġ mandati li ħatru lill-uffiċjali responsabbli sabiex iwettqu verifika fuq il-post u operazzjoni forensika diġitali. Skont it-termini ta’ dawk il-mandati, l-għan tal-verifika fuq il-post kien li tinġabar l-evidenza miżmuma minn Vialto tal-involviment possibbli tagħha fl-atti ta’ korruzzjoni u ta’ frodi allegatament imwettqa b’rabta mal-proġett inkwistjoni. L-għan tal-operazzjoni forensika diġitali kien li jinkisbu, b’mod partikolari, immaġni forensiċi diġitali tal-apparat diġitali kollu ta’ Vialto użat għall-ġestjoni tal-proġett inkwistjoni, tal-korrispondenza elettronika tal-maniġment u tal-impjegati ta’ Vialto, tal-indirizzi funzjonali tal-posta elettronika użati għall-eżekuzzjoni tal-proġett inkwistjoni kif ukoll tal-fajls jew folders li jidhru fin-netwerk ta’ Vialto li setgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni.

    21

    Il-verifika fuq il-post u l-operazzjoni forensika diġitali twettqu mit‑12 sal‑14 ta’ April 2016. Minuti ta’ kull ġurnata ta’ verifika ġew redatti mill-OLAF. Fil-minuti relatati mal-ġurnata tal‑14 ta’ April 2016 ġie rrilevat li Vialto kienet irrifjutat li tipprovdi lill-OLAF ċerta informazzjoni. Rappreżentant ta’ Vialto ffirma kull waħda mill-minuti, u fejn kien meħtieġ, għamel xi kummenti.

    22

    Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Mejju 2016, Vialto ressqet ilment quddiem l-OLAF li permezz tiegħu hija kkontestat jew ikkummentat dwar ċerta informazzjoni li kien hemm f’dawk il-minuti. L-OLAF wieġeb għal dan l-ilment permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2016.

    23

    Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Settembru 2016, l-OLAF informa lil Vialto li hija kienet meqjusa bħala persuna ta’ interess għall-finijiet tal-investigazzjoni dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni jew frodi eżistenti fir-rigward tal-proġett inkwistjoni u stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ għaxart ijiem.

    24

    Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Settembru 2016, Vialto ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha lill-OLAF u affermat li hija kienet aġixxiet skont ir-regoli applikabbli u kienet osservat il-kundizzjonijiet kollha għal aċċess leġittimu mill-OLAF għad-data tagħha.

    25

    Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Settembru 2016, iċ-CFCU informat lil Agrotec bl-iżvolġiment tal-verifika fuq il-post fil-bini ta’ Vialto u bil-fatt li din tal-aħħar ma kinitx tat il-kunsens tagħha sabiex l-OLAF jingħata aċċess għal ċerta informazzjoni mitluba minnu sabiex iwettaq sew l-investigazzjoni tiegħu. Hija żiedet tgħid li l-OLAF qies li, bl-aġir tagħha, Vialto kienet kisret l-Artikolu 25 tal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali”) relatati mal-ispezzjonijiet, mal-verifiki u mal-awditi mill-entitajiet tal-Unjoni Ewropea. Hija ppreċiżat ukoll li l-OLAF kien qiegħed jeżamina s-sitwazzjoni mad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni. Billi qieset li, skont il-kundizzjonijiet ġenerali, Agrotec kienet l-unika interlokutriċi tagħha għall-kwistjonijiet kuntrattwali u finanzjarji kollha, iċ-CFCU informat lil din il-kumpannija li kienet qiegħda tissospendi b’mod preventiv il-ħlas tal-fatturi ppreżentati minnha, għall-inqas sakemm tingħalaq l-investigazzjoni tal-OLAF.

    26

    Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2016, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni “Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir” (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Tkabbir’”) informa liċ-CFCU bir-rifjut ta’ Vialto, li jikser l-Artikolu 25 tal-kundizzjonijiet ġenerali, li tikkoopera fl-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF u talabha tieħu l-miżuri meħtieġa b’applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u, f’dan ir-rigward, tikkunsidra s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew tal-parti tal-kuntratt eżegwita minn Vialto bħala miżura li possibbli tittieħed abbażi tal-Artikoli 25 u 35 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Huwa żied jgħid li jqis li l-ammonti mħallsa lil Vialto skont il-kuntratt inkwistjoni ma kinux eliġibbli għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni u stieden liċ-CFCU sabiex tistabbilixxi preċiżament dawk l-ammonti.

    27

    Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Novembru 2016, l-OLAF informa lil Vialto bl-għeluq tal-investigazzjoni tiegħu, bit-trażmissjoni tar-rapport finali tiegħu dwar l-investigazzjoni lid-DĠ “Tkabbir”, u bir-rakkomandazzjonijiet li huwa kien għamel lil dak id-DĠ sabiex jieħu l-miżuri xierqa bl-għan li jiżgura l-applikazzjoni tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-ksur gravi minn Vialto tal-kundizzjonijiet ġenerali.

    28

    Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Novembru 2016, iċ-CFCU informat lil Agrotec bl-għeluq tal-investigazzjoni tal-OLAF u bil-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar li Vialto kienet kisret l-Artikolu 25 tal-kundizzjonijiet ġenerali. Iċ-CFCU informat ukoll lil Agrotec bid-deċiżjoni tagħha li teskludi lil Vialto mill-kuntratt inkwistjoni, minn kull aspett tiegħu, u sabiex tkompli teżegwixxi l-kuntratt, minflok ma ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tad-DĠ “Tkabbir” li tissospendi l-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt. Konsegwentement, iċ-CFCU talbet li Agrotec ittemm minnufih l-attivitajiet ta’ Vialto u tieħu l-passi meħtieġa sabiex tirtira lil din tal-aħħar mill-konsorzju, jiġifieri, l-abbozzar ta’ addendum għall-kuntratt inkwistjoni.

    29

    Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2016 indirizzata liċ-CFCU, Vialto kkontestat l-esklużjoni tagħha mill-kuntratt inkwistjoni. Iċ-CFCU ċaħdet l-argumenti ta’ Vialto permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Jannar 2017.

    30

    Fit‑13 ta’ Diċembru 2016, iċ-CFCU u Agrotec iffirmaw addendum għall-kuntratt inkwistjoni bl-għan li Vialto titneħħa mil-lista tal-membri tal-konsorzju u sabiex minn dan huma jisiltu l-konsegwenzi, partikolarment mill-aspett finanzjarju.

    Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    31

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Settembru 2017, Vialto bdiet azzjoni intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha kumpens ta’ EUR 320 944.56 u ta’ EUR 150000, flimkien mal-interessi, bħala kumpens għall-allegati danni materjali u morali b’rabta mal-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u tal-OLAF, marbut mal-esklużjoni tagħha mill-kuntratt inkwistjoni.

    32

    Insostenn tar-rikors tagħha, Vialto invokat żewġ motivi relatati mal-illegalità tal-aġir tal-OLAF ibbażat, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 u, it-tieni, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, Vialto ressqet ilment dwar l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

    33

    Matul is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali, Vialto rrinunzjat għat-talba tagħha għal kumpens għad-dannu materjali u naqqset is-somma li talbet bħala kumpens għad-dannu morali li allegatament ġarrbet għal EUR 25000, flimkien mal-interessi.

    34

    Permezz tas-sentenza appellata, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkontestat il-ġurisdizzjoni tagħha u, abbażi ta’ dan, l-ammissibbiltà tal-azzjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti kollha ta’ Vialto kontra l-OLAF u l-Kummissjoni.

    35

    Qabelxejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 69 sa 73 tas-sentenza appellata, li d-data li għaliha l-uffiċjali tal-OLAF talbu aċċess fil-każ ineżami setgħet titqies li hija rilevanti għall-investigazzjoni tal-OLAF u li l-produzzjoni ta’ immaġni forensika diġitali taqa’ taħt is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punti 74 u 80 tas-sentenza appellata, li, meta talbu mingħand Vialto aċċess għal dik id-data għall-finijiet tal-analiżi tagħhom, l-uffiċjali tal-OLAF ma kienu wettqu ebda ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

    36

    Sussegwentment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ Vialto relatati mal-ksur mill-OLAF tad-dritt ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju tal-aħħar, wara li fakkret, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna tkun tista’ tinvokah, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 116 u 117 ta’ dik is-sentenza li, fil-każ ineżami, kien wara li Vialto rrifjutat li tilqa’ t-talbiet skont il-liġi għal ġbir ta’ data mill-uffiċjali tal-OLAF li dawn tal-aħħar taw il-kunsens għal deroga mill-proċedura prevista mil-Linji Gwida tal-OLAF fir-rigward tal-post fejn tinġabar u tiġi pproċessata d-data kif ukoll tal-mezz użat għal dak il-għan. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li Vialto ma setgħetx tinvoka ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li hija kienet nisslet fl-applikazzjoni ta’ prassi derogatorja favoriha, u dan minkejja li hija rrifjutat li tilqa’ t-talbiet magħmula mill-uffiċjali tal-OLAF konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96.

    37

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment ta’ Vialto dwar il-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt tagħha għal smigħ, billi kkonstatat, minn naħa, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li Vialto kienet ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-verifika fuq il-post permezz ta’ ittri indirizzati lill-OLAF u, min-naħa l-oħra, fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni li Vialto tiġi eskluża mill-kuntratt inkwistjoni kienet ittieħdet miċ-CFCU, mingħajr ma din tal-aħħar kienet marbuta mill-pożizzjoni meħuda f’dan is-sens mid-DĠ “Tkabbir”.

    38

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Vialto kollu kemm hu, mingħajr ma eżaminat il-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-allegat aġir u l-allegat dannu kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar.

    It-talbiet tal-partijiet

    39

    Permezz tal-appell tagħha Vialto titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    40

    Vialto tippreċiża li, fil-każ ta’ annullament, hija d-diskrezzjoni fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk tirrinvijax jew le l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu.

    41

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell bħala infondat; u

    tikkundanna lil Vialto għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    42

    Insostenn tal-appell tagħha, Vialto tinvoka tliet aggravji. L-ewwel tnejn minn dawn l-aggravji huma bbażati fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali sa fejn din ċaħdet iż-żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 u, t-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali sa fejn din ċaħdet l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96

    Fuq l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    43

    Permezz tal-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji dwar is-setgħat ta’ aċċess u ta’ ġbir ta’ data mill-OLAF fil-kuntest ta’ verifika fuq il-post.

    44

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti b’żewġ modi qabel ma kkonkludiet, b’mod żbaljat, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li l-OLAF ma kisirx l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, meta talab lil Vialto sabiex ikun jista’ jaċċedi għad-data msemmija fil-punt 71 ta’ dik is-sentenza.

    45

    Minn naħa, il-kawża li tat lok għas-sentenza appellata tirrigwarda l-kwistjoni ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni minħabba t-talba ta’ ġbir ta’ din id-data mill-OLAF, u mhux minħabba t-talba tiegħu għall-aċċess għall-imsemmija data.

    46

    Dan l-iżnaturament wassal għal applikazzjoni żbaljata tad-dritt mill-Qorti Ġenerali, li kellha tinterpreta d-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 fis-sens li jinkludi, minn naħa, dritt ta’ investigazzjoni wiesa’ ħafna li japplika għall-kategoriji kollha ta’ data msemmija f’din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, dritt ta’ ġbir limitat għad-data li għandha rabta mal-operazzjonijiet ikkonċernati mill-verifika.

    47

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi ma kkonstatatx, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li Vialto kienet tat lill-OLAF l-aċċess għad-data inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-anness tal-minuti tal-OLAF dwar it-tielet jum tal-kontroll, li Vialto kienet annettiet mar-rikors tagħha. Issa, minn dan id-dokument jirriżulta li din tal-aħħar kienet tat lill-OLAF aċċess sħiħ għas-sistema tal-kontabbiltà tagħha u għat-tranżazzjonijiet tagħha.

    48

    Fit-tieni lok, is-sentenza appellata ma tiġġustifikax il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li d-data li l-OLAF talab li jiġbor fil-każ ineżami kienet relatata mal-operazzjonijiet inkwistjoni u kienet meħtieġa sabiex titmexxa sewwa l-verifika fuq il-post fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. Tali konstatazzjoni hija, għaldaqstant, arbitrarja.

    49

    Fit-tielet lok, tali konstatazzjoni, riprodotta wkoll fil-punt 83 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, peress li ma jistax jitqies, qabel riċerka permezz ta’ kliem prinċipali, li d-data kollha mitluba mill-OLAF, b’mod partikolari l-korrispondenza kollha u l-kontenut tal-kompjuters ta’ żewġ impjegati ta’ Vialto kif ukoll is-server kollu tagħha u kopja tat-tranżazzjonijiet kollha tagħha sa mis-sena 2012, kellha rabta mal-operazzjonijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni u kienet neċessarja għaliha, b’tali mod li OLAF kellu dritt jiġborha.

    50

    Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta kkonstatat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li Vialto opponiet biss il-ġbir ta’ din id-data fuq mezzi li kellhom jittieħdu fil-bini tal-OLAF, filwaqt li Vialto opponiet, mill-bidu u b’mod ġenerali, għall-ġbir tad-data li ma għandhiex rabta mal-proġett ikkontrollat.

    51

    Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju jiġu miċħuda bħala infondati.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    52

    L-ewwel, l-argument imressaq minn Vialto li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-portata tal-ilment li hija kienet ippreżentat fir-rikors tagħha tal-ewwel istanza dwar l-illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat l-OLAF, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, ma jistax jintlaqa’.

    53

    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li Vialto tikkritika lill-OLAF li eżiġa li jkun jista’ jiġbor data li ma kellhiex rabta mal-proġett inkwistjoni bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li Vialto ssostni li ppermettiet lill-uffiċjali tal-OLAF jaċċedu għad-data kollha mitluba u opponiet biss il-ġbir ta’ din id-data.

    54

    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali interpretat ir-rikors tal-ewwel istanza fis-sens li dan l-ilment kien jirrigwarda l-kwistjoni ta’ ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 minħabba t-talba għal aċċess, mill-OLAF, għal din id-data, pjuttost milli minħabba l-ġbir tagħha.

    55

    It-tieni, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ Vialto li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi ma kkonstatatx, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li Vialto kienet tat lill-OLAF l-aċċess għad-data kollha mitluba, għandu jiġi rrilevat li dan il-punt jikkostitwixxi l-konklużjoni tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 u li ma jinkludi ebda evalwazzjoni tal-aġir ta’ Vialto. Minn dan isegwi li din l-allegazzjoni hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt.

    56

    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li Vialto kellha l-intenzjoni, permezz ta’ din l-allegazzjoni, tikkontesta l-motivi li wasslu lill-Qorti Ġenerali għal tali konklużjoni, għandu jiġi rrilevat li l-punti 63 sa 78 tas-sentenza appellata ma jinkludux konstatazzjoni li tgħid li Vialto kienet irrifjutat li tagħti lill-OLAF l-aċċess għad-data msemmija fil-punt 71 tas-sentenza appellata.

    57

    Min-naħa l-oħra, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-uffiċjali tal-OLAF temmew il-verifika fuq il-post u l-operazzjoni forensika diġitali mingħajr ma Vialto kkomunikatilhom id-data li hija qieset li kienet taqa’ taħt is-sigriet professjonali jew li kienet koperta mill-klawżoli kuntrattwali li hija tinvoka.

    58

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Huwa l-appellant li għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u li għandu juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wassluha għal dan l-iżnaturament (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Tulliallan Burlington vs EUIPO, C‑155/18 P sa C‑158/18 P, EU:C:2020:151, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    60

    Vialto ssostni, essenzjalment, li kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-anness għall-minuti tal-OLAF dwar it-tielet jum tal-verifika fuq il-post, li fihom jinsabu l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-iżvolġiment ta’ din il-ġurnata tal-verifika, hija kellha tikkonstata li Vialto kienet tat lill-OLAF aċċess sħiħ għad-data mitluba.

    61

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li tali dokument jirriproduċi l-osservazzjonijiet ta’ Vialto dwar l-iżvolġiment tal-verifika, b’tali mod li jippermetti biss li tiġi stabbilita l-perspettiva tagħha dwar dan l-iżvolġiment. Issa, l-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li Vialto ssostni li ppermettiet lill-uffiċjali tal-OLAF jaċċedu għad-data kollha mitluba.

    62

    Minn dan isegwi li l-argument imressaq minn Vialto ma jistax jippermetti li jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti jew il-provi rilevanti, b’tali mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    63

    It-tielet, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tal-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 74 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha żviluppati mill-partijiet fit-tilwima, u l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għaldaqstant tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jifhmu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma tkunx laqgħet l-argumenti tagħhom u li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 66 sa 73 tas-sentenza appellata, il-motivi li wassluha sabiex tiddeċiedi li d-data li l-OLAF talab li jkun jista’ jiġbor kienet tirrigwarda l-operazzjonijiet ikkonċernati u kienet meħtieġa għall-tmexxija xierqa tal-verifika fuq il-post, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96.

    65

    Minn dawn il-punti jirriżulta li tali konstatazzjoni hija bbażata, l-ewwel nett, fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li minnha, skont il-Qorti Ġenerali, jirriżulta minn naħa li l-OLAF huwa awtorizzat ikollu aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti kollha relatati mal-fatti li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni tiegħu u li jieħu kopja tad-dokumenti meħtieġa sabiex iwettaq il-verifika tiegħu fuq il-post, u min-naħa l-oħra, li huwa għandu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tad-data rilevanti għal dan il-għan. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-għan tal-investigazzjoni mmexxija f’dan il-każ mill-OLAF u fuq id-data mitluba, li kienu jaqgħu, skont il-Qorti Ġenerali, taħt it-tip ta’ dik koperta mill-imsemmija dispożizzjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali semmiet il-partikolaritajiet tal-operazzjoni forensika diġitali, b’mod partikolari l-ħtieġa li jsir indiċjar tad-data, billi titwettaq immaġni diġitali tad-data inkwistjoni, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati d-dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni.

    66

    Issa, din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex tippermetti, minn naħa, lil Vialto tifhem ir-raġunijiet li għalihom l-argument tagħha ġie miċħud u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni invokata minn Vialto għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    67

    Ir-raba’, għal dak li jirrigwarda l-allegat żball ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li d-data li l-OLAF talab li jkun jista’ jiġbor fil-każ ineżami kienet tirrigwarda l-operazzjonijiet ikkonċernati u kienet meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-verifika fuq il-post, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 80 tas-sentenza appellata li, meta talab lil Vialto sabiex ikun jista’ jaċċedi għal dik id-data għall-finijiet tal-analiżi tiegħu, l-OLAF ma wettaq ebda ksur ta’ dik id-dispożizzjoni.

    68

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 jipprevedi li l-ispetturi tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u b’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet ikkonċernati u li jkunu meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li huma jistgħu jagħmlu użu mill-istess faċilitajiet ta’ spezzjoni bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u b’mod partikolari jagħmlu kopja tad-dokumenti rilevanti. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu, b’mod partikolari, jikkonċernaw id-data tal-kompjuter.

    69

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/352 u mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2013 jirriżulta li l-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 2185/96 sabiex twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post hija eżerċitata mill-OLAF.

    70

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien jirriżulta li, fil-kuntest ta’ verifika fuq il-post, l-uffiċjali tal-OLAF għandhom aċċess, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u b’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-informazzjoni kollha, inkluża d-data tal-kompjuter, li tirriżulta meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-verifika fuq il-post u li huma jistgħu jużaw l-istess faċilitajiet ta’ spezzjoni bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u, b’mod partikolari, jagħmlu kopja tad-dokumenti rilevanti.

    71

    Għalkemm din id-dispożizzjoni tirreferi, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess tal-uffiċjali tal-OLAF għall-informazzjoni, għad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi rrilevat li Vialto mkien ma tallega li l-OLAF kiser ir-regoli tad-dritt Ungeriż applikabbli waqt il-verifika fuq il-post inkwistjoni u li hija ma ressqet ebda argument f’dan is-sens.

    72

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Vialto ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar it-twettiq ta’ immaġni forensika diġitali, li tinsab fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li tirreferi għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-punt 44 ta’ dik is-sentenza. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat f’dawn il-punti, billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-Artikoli 4 u 8 tal-Linji Gwida tal-OLAF, li, fil-kuntest ta’ tali proċedura, it-twettiq ta’ immaġni forensika diġitali tad-data li tkun tinsab f’mezz ta’ ħażna diġitali jservi sabiex jippermetti l-indiċjar tad-data, li min-naħa tiegħu huwa intiż sabiex jippermetti riċerka permezz ta’ kliem prinċipali billi jintuża softwer forensiku speċifiku sabiex jiġu identifikati d-dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni tal-OLAF.

    73

    Sa fejn Vialto pprovat, bl-argument tagħha, tassimila t-twettiq ta’ tali immaġni forensika diġitali tad-data kollha maħżuna fuq ċerti mezzi diġitali mal-fatt li tittieħed kopja, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, tad-dokumenti kollha maħżuna fuq dawn il-mezzi, għandu jiġi enfasizzat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din l-operazzjoni tikkostitwixxi biss stadju intermedju fil-kuntest tal-eżami ta’ tali data (ara, b’analoġija, s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 63).

    74

    Għaldaqstant, anki jekk it-twettiq ta’ tali immaġni jinvolvi neċessarjament, fuq livell tekniku, li “tikkopja” temporanjament id-data kollha inkwistjoni, fi stadju fejn ir-rilevanza tagħha tkun għadha ma ġietx eżaminata, din l-operazzjoni taqa’ taħt l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, peress li hija sservi biss sabiex jiġu identifikati d-dokumenti rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni. Ma jistax jitqies li, b’dan il-mod, l-OLAF jieħu kopja tad-dokumenti kollha kkonċernati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tagħha jirriżulta li d-dritt li għandu l-kontrollur li jieħu kopja tad-dokumenti xierqa jirrigwarda, b’differenza mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, il-fatt li dan iżomm b’mod sostenibbli kopji ta’ ċerti dokumenti, fost dawk li għalihom huwa jkollu aċċess, li huwa jkun identifika bħala rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni tiegħu, peress li dawn id-dokumenti jistgħu jintużaw sussegwentement fil-kuntest tagħha.

    75

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkunsidra li t-twettiq ta’ tali immaġni forensika diġitali jista’ jintrabat mas-setgħat mogħtija lill-OLAF skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96 li jkollu aċċess għall-informazzjoni neċessarja għat-tmexxija xierqa tal-verifika fuq il-post u li jieħu kopja tad-dokumenti rilevanti.

    76

    Għaldaqstant Vialto ma wrietx li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 74 u 80 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li t-talba indirizzata lil Vialto mill-OLAF sabiex ikun jista’ jiġbor id-data msemmija fil-punt 71 tas-sentenza appellata sabiex twettaq operazzjoni forensika diġitali ma kinitx tmur kontra l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96.

    77

    L-iżball ta’ liġi invokat minn Vialto kontra tali konstatazzjoni għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

    78

    Il-ħames, l-argument ta’ Vialto li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 75 tas-sentenza appellata u għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat, f’dan il-punt, l-oppożizzjoni ta’ Vialto għall-ġbir tad-data fuq mezz li kellu jittieħed barra mill-bini tagħha, fatt li ma huwiex ikkontestat minn Vialto.

    79

    Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    80

    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Vialto ssostni, fl-ewwel lok, li, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala irrilevanti, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, l-argumenti tagħha bbażati fuq l-osservanza tas-sigriet professjonali u fuq il-klawżoli ta’ kuntratti konklużi mal-imsieħba kummerċjali tagħha. Tali argumenti huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit ksur mill-OLAF tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, peress li jippermettu li jintwera r-riżervi magħmula minn Vialto fir-rigward tal-ġbir ta’ data li ma kellhiex rabta mal-investigazzjoni kienu ġġustifikati. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Vialto kien jeħtiġilha tipproduċi prova li l-formulazzjoni ta’ tali riżervi ma kinitx tikkostitwixxi abbuż ta’ drittijiet.

    81

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors meta, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-OLAF ma setax jitqies li kien ġegħelha tikser is-sigriet professjonali tagħha jew il-klawżoli tal-kuntratti konklużi mal-imsieħba kummerċjali tagħha, minħabba li hija mkien ma sostniet li kienet imġiegħla mill-OLAF taġixxi b’dak il-mod.

    82

    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiva kif ukoll, fi kwalunkwe każ, infondata.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    83

    Għal dak li jirrigwarda l-iżball ta’ liġi li jivvizzja l-punt 77 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan il-punt, li l-argumenti ta’ Vialto bbażati fuq is-sigriet professjonali u fuq l-impenji kuntrattwali meħuda fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali tagħha kienu irrilevanti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, peress li dawn kienu intiżi li jiġġustifikaw ir-rifjut tagħha li tikkomunika lill-OLAF ċerta data li dan tal-aħħar kien qiegħed jitlob aċċess għaliha u mhux sabiex l-OLAF jew il-Kummissjoni jiġu akkużati bi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

    84

    F’dan il-kuntest, l-argument ta’ Vialto li hija kienet imġiegħla tipprova li r-riżervi li hija esprimiet fir-rigward tal-ġbir ta’ ċerta data mill-OLAF ma kinux jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt ma jistax jistabbilixxi li l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza dwar is-sigriet professjonali u l-impenji kuntrattwali meħuda fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali tagħha setgħu jistabbilixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ineffettiv.

    85

    L-istess japplika għall-iżnaturament tar-rikors invokat minn Vialto. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali żnaturat, kif issostni Vialto, ir-rikors fl-ewwel istanza meta qieset li kellha tirrispondi, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, għal argument li ma tqajjimx minn din il-kumpannija bbażat fuq restrizzjoni eżerċitata mill-OLAF fuqha li tobbligaha tikser is-sigriet professjonali u l-impenji kuntrattwali meħuda fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali tagħha, tali żball ma jistax jikkontesta ċ-ċaħda tal-ewwel ilment ippreżentat minn Vialto fl-ewwel istanza.

    86

    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aggravji indirizzati kontra motivi superfluwi f’deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant huma ineffettivi (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87

    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva u dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

    L-argumenti tal-partijiet

    88

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Vialto tressaq serje ta’ argumenti intiżi sabiex jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod żbaljat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li fil-każ ineżami l-uffiċjali tal-OLAF ma kisrux il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    89

    Fl-ewwel lok, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti, peress li ma tispjegax ir-raġuni għaliex waħda mit-tliet kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma hijiex issodisfatta fil-każ ineżami.

    90

    Fit-tieni lok, il-punt 118 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, peress li jmur kontra l-ġurisprudenza relatata mal-projbizzjoni tal-irtirar, b’mod retroattiv, ta’ att amministrattiv legali li jagħti drittijiet suġġettivi jew benefiċċji simili. Fil-fatt, l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-uffiċjali tal-OLAF fl-ewwel jum tal-verifika dwar il-proċedura ta’ twettiq ta’ din il-verifika kienu legali. Vialto tippreċiża, f’dan ir-rigward, li deroga għal-Linji Gwida tal-OLAF ma tikkostitwixxix ksur tar-Regolament Nru 2185/96. Konsegwentement, l-uffiċjali tal-OLAF ma setgħux jirrevokaw dawn l-assigurazzjonijiet a posteriori u jeżiġu li din il-verifika titwettaq bħallikieku tali assigurazzjonijiet ma kienu qatt ingħataw.

    91

    Barra minn hekk, l-irtirar ta’ att amministrattiv b’mod retroattiv huwa pprojbit, anki jekk dan kellu jitqies li huwa illegali.

    92

    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li Vialto ma tistax tinvoka ksur tal-aspettattivi leġittimi fl-applikazzjoni ta’ prassi derogatorja favoriha u dan minkejja li rrifjutat li tilqa’ t-talbiet tal-uffiċjali tal-OLAF skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96. B’mod partikolari, il-formulazzjoni ta’ dan il-punt tagħti l-impressjoni li Vialto kienet aġixxiet in mala fide. Barra minn hekk, peress li t-talbiet tal-uffiċjali tal-OLAF ma kinux konformi ma’ din id-dispożizzjoni, ir-rifjut tagħha li tilqa’ dawn it-talbiet kien għaldaqstant għalkollox legali. Kieku l-uffiċjali tal-OLAF kienu qiesu li, bl-aġir tagħha, Vialto kienet aġixxiet illegalment jew ostakolat l-investigazzjoni, huma kienu jkunu obbligati, skont l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament Nru 2185/96, jitolbu l-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, l-uffiċjali tal-OLAF iddeċidew li jtemmu l-verifika mingħajr ma jsegwu din il-proċedura.

    93

    Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa parzjalment ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    94

    L-ewwel, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha żviluppati mill-partijiet fit-tilwima, u l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għaldaqstant tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jifhmu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma tkunx laqgħet l-argumenti tagħhom u li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    95

    Fil-każ ineżami, wara li fakkret, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna tkun tista’ tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 116 ta’ dik is-sentenza, li fil-każ ineżami, kien wara li Vialto kienet irrifjutat li tilqa’ t-talbiet għal ġbir ta’ data mill-uffiċjali tal-OLAF li dawn tal-aħħar taw il-kunsens għal deroga mill-proċedura prevista mil-Linji Gwida tal-OLAF fir-rigward tal-post tal-ksib tad-data u l-ipproċessar tad-data kif ukoll tal-mezz użat għal dan il-għan. Barra minn hekk, fil-punt 117 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-OLAF kien intitolat, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, jaċċedi għad-data li għaliha Vialto rrifjutatlu l-aċċess. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 118 tal-istess sentenza, li Vialto ma setgħetx tinvoka favoriha ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li hija kienet nisslet fl-applikazzjoni ta’ prassi derogatorja favoriha, u dan minkejja li hija rrifjutat li tilqa’ t-talbiet magħmula mill-uffiċjali tal-OLAF skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96.

    96

    Għaldaqstant, mill-punti 113 sa 118 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li Vialto ma setgħetx tinvoka aspettattivi leġittimi fl-applikazzjoni ta’ ftehim li hija kienet iddeċidiet li ma tikkonformax miegħu.

    97

    Issa, din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex tippermetti lil Vialto tifhem ir-raġunijiet li għalihom l-argument tagħha ġie miċħud u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni invokata minn Vialto għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    98

    It-tieni, għal dak li jikkonċerna l-argument ta’ Vialto bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet għall-irtirar ta’ att li joħloq dritt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument ma ġiex invokat minn Vialto fl-ewwel istanza.

    99

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, motiv invokat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell quddiem din il-qorti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija fil-fatt limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew ittrattati quddiemha. Issa, jekk parti tiġi awtorizzata tinvoka f’dan il-kuntest motiv li hija ma kinitx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ikun ifisser li din titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, tilwima usa’ minn dik li tagħha tkun ħadet konjizzjoni l-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    101

    It-tielet, għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Vialto li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li Vialto ma tistax tinvoka ksur tal-aspettattivi leġittimi mnissla fl-applikazzjoni ta’ prassi derogatorja favoriha, u dan minkejja r-rifjut tagħha li tilqa’ t-talbiet tal-uffiċjali tal-OLAF konformi mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, għandu jiġi rrilevat li, billi rreferiet b’dan il-mod għar-rifjut ta’ Vialto li tipprovdi ċerta informazzjoni minkejja li kienet impenjat ruħha li tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod impliċitu imma neċessarju, li Vialto ma setgħetx tinvoka aspettattivi leġittimi fl-applikazzjoni ta’ ftehim li miegħu hija kienet iddeċidiet li ma tikkonformax.

    102

    Issa, għandu jitqies li, billi rrifjutat li tikkonforma ruħha mal-impenji meħuda fir-rigward tal-uffiċjali tal-OLAF fil-kuntest ta’ tali ftehim, l-aġir ta’ Vialto għamel l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim impossibbli, b’tali mod li hija ma tistax, sussegwentement, tinvoka aspettattivi leġittimi fl-applikazzjoni tiegħu.

    103

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li Vialto ma kinitx intitolata tinvoka aspettattivi leġittimi fl-applikazzjoni ta’ ftehim li miegħu hija kienet iddeċidiet li ma tikkonformax.

    104

    Għaldaqstant, l-argument ta’ Vialto li l-punt 118 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    105

    Ir-raba’, għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Vialto li l-formulazzjoni tal-punt 118 tas-sentenza appellata tagħti l-impressjoni li hija aġixxiet in mala fide, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li l-imsemmi punt ma jinkludi ebda evalwazzjoni f’dan is-sens, u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    106

    Il-ħames, fir-rigward tal-argument ta’ Vialto li t-talba għall-ġbir ta’ data magħmula mill-uffiċjali tal-OLAF ma kinitx konformi mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/96, mill-eżami tal-ewwel motiv imqajjem minn Vialto jirriżulta li dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

    107

    Is-sitt, għal dak li jikkonċerna l-argument ta’ Vialto bbażat fuq l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament Nru 2185/96, għandu jiġi kkonstatat li Vialto ma ressqitx tali argument fl-ewwel istanza b’tali mod li dan għandu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    108

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli, u, parzjalment, infondat.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ

    L-argumenti tal-partijiet

    109

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji meta ċaħdet, fil-punti 121 sa 123 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħha dwar il-ksur tad-dritt tagħha għal smigħ.

    110

    Fl-ewwel lok, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 121 tas-sentenza appellata, dwar il-fatt li Vialto kienet instemgħet mill-OLAF, ma humiex rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt tagħha għal smigħ kienx inkiser mid-DĠ “Tkabbir”.

    111

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta affermat, fil-punti 94 u 122 tas-sentenza appellata, li l-pożizzjoni meħuda minn dan id-DĠ dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ Vialto ma kinitx torbot liċ-CFCU. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li tali talba kienet vinkolanti għaċ-CFCU. Dan ma jistax ikun mod ieħor peress li l-istess DĠ jiffinanzja l-proġett u għaldaqstant iffirma l-kuntratt inkwistjoni.

    112

    Tali żnaturament tal-fatti wassal għal applikazzjoni skorretta tal-liġi mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, din kien messha kkonkludiet li d-DĠ “Tkabbir” kien obbligat jisma’ lil Vialto qabel ma jressaq quddiem iċ-CFCU t-talba tiegħu għall-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa previsti fil-kuntratt inkwistjoni b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ksur min-naħa ta’ Vialto tal-obbligi kuntrattwali tagħha.

    113

    Fit-tielet lok, id-dritt għal smigħ ta’ Vialto li tinstema’ kellu wkoll jiġi rrispettat minn dan id-DĠ fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni tiegħu li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew il-parti tal-kuntratt eżegwita minn Vialto li annetta mat-talba tiegħu. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 PEU:C:2019:289) jirriżulta li d-dritt għal smigħ għandu wkoll ikun irrispettat meta istituzzjoni tal-Unjoni tagħmel rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti.

    114

    Il-Kummissjoni taqbel mal-analiżi tad-dritt ta’ smigħ imwettqa mill-Qorti Ġenerali u titlob li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

    115

    L-ewwel, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha tisma’ lil Vialto qabel ma tindirizza r-rakkomandazzjoni tagħha liċ-CFCU, tali formalità kienet ġiet osservata fil-każ ineżami mill-OLAF, bħala dipartiment tal-Kummissjoni li għamel ir-rakkomandazzjoni.

    116

    It-tieni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr ma żnaturat il-fatti, li l-Kummissjoni kienet sempliċement stiednet liċ-CFCU tieħu l-miżuri xierqa billi fformulat rakkomandazzjonijiet, bħal pereżempju, f’dan ir-rigward. Il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ Vialto għaldaqstant ma kinitx vinkolanti għaċ-CFCU. Il-fatt li l-Kummissjoni ffinanzjat il-proġett ma jirrendix tali teħid ta’ pożizzjoni vinkolanti.

    117

    It-tielet, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289), turi n-natura sussidjarja tas-smigħ quddiem il-korp li joħroġ ir-rakkomandazzjoni, filwaqt li l-enfasi titqiegħed fuq il-korp deċiżjonali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza hija differenti minn dik inkwistjoni f’din il-kawża, peress li, fl-ewwel kawża, il-korp ta’ rakkomandazzjoni u l-korp deċiżjonali kienu jappartjenu għall-istess struttura amministrattiva.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    118

    Fir-rigward tal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’dan il-punt, li d-DĠ “Tkabbir” ma kienx suġġett għal obbligu li jisma’ lil Vialto qabel l-adozzjoni, miċ-CFCU, tad-deċiżjoni tagħha li teskludi lil Vialto mill-kuntratt inkwistjoni, minħabba li ċ-CFCU ħadet din id-deċiżjoni mingħajr ma kienet marbuta bil-pożizzjoni meħuda f’dan is-sens mid-DĠ “Tkabbir”.

    119

    Vialto tikkontesta tali konklużjoni, filwaqt li ssostni li, anki jekk jiġi preżunt li ċ-CFCU ħadet l-imsemmija deċiżjoni mingħajr ma kienet marbuta b’pożizzjoni meħuda f’dan is-sens mid-DĠ “Tkabbir”, dan tal-aħħar kien messu sema’ lil Vialto qabel ma adotta tali teħid ta’ pożizzjoni.

    120

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha b’ mod negattiv.

    121

    Għaldaqstant, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kwanlukwe deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    122

    Għandu jitfakkar ukoll li d-dritt għal smigħ jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika, anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw sostanzjalment l-interessi tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jesprimu l-fehma tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-elementi li jkunu allegati fil-konfront tagħhom, liema elementi jkunu l-bażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    123

    Barra minn hekk, hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, ksur tad-drittijiet tad-difiża, li minnu jagħmel parti d-dritt għal smigħ, għandu jiġi eżaminat skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 63).

    124

    Fir-rigward tal-pożizzjoni meħuda mid-DĠ “Tkabbir” inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, huwa minnu li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 718/2007 jipprevedi, skont il-prinċipji ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna għal qabel l-adeżjoni, li l-Kummissjoni tafda l-ġestjoni deċentralizzata ta’ ċerti azzjonijiet lill-pajjiż benefiċjarju, li mill-inqas tkopri l-ġestjoni tas-sejħiet għal offerti, l-għoti tal-kuntratti u l-ħlasijiet. Barra minn hekk, mill-Artikolu 21(1)(f) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-pajjiż benefiċjarju għandu jinnomina struttura operattiva skont il-komponent jew il-programm tal-IPA. Barra minn hekk, mill-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-istruttura operattiva hija entità jew ġabra ta’ entitajiet fi ħdan l-amministrazzjoni tal-pajjiż benefiċjarju li hija inkarigata tamministra u timplimenta din l-għajnuna, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, billi tieħu b’mod partikolari r-responsabbiltà għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, il-proċeduri għall-għoti ta’ sussidji u l-kuntratti li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Lulju 2013, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il‑Kummissjoni et, C‑520/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:457, punt 32).

    125

    Minn dan isegwi li l-kuntratti pubbliċi mogħtija minn pajjiżi terzi u li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna taħt l-IPA, suġġetti għall-prinċipju ta’ ġestjoni deċentralizzata, jibqgħu kuntratti nazzjonali u li l-impriżi offerenti jew dawk li jkunu ngħataw il-kuntratt inkwistjoni għandhom relazzjonijiet ġuridiċi biss mal-Istat terz responsabbli mill-kuntratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Lulju 2013, Diadikasia Symvouloi Epicheiriseon vs Il‑Kummissjoni et, C‑520/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:457, punt 34).

    126

    Fid-dawl ta’ dan kollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 718/2007, il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà finali tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali u għalhekk hija kompetenti sabiex tiddetermina l-ammonti eventwalment esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni.

    127

    Issa, fir-rigward tar-responsabbiltà finali tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li ittra li fiha din l-istituzzjoni tirrakkomanda liċ-CFCU sabiex ma taħdimx ma’ Vialto filwaqt li tindika li, fi kwalunkwe każ, l-ammonti mħallsa lil din tal-aħħar fil-kuntest tal-proġett inkwistjoni ma humiex eliġibbli għall-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, tista’ raġonevolment titqies li, fil-prattika, tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv id-deċiżjoni taċ-CFCU fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ Vialto għal dak li jikkonċerna l-kuntratt inkwistjoni, b’tali mod li affettwaha b’mod sfavorevoli, u li jeċċedi, b’mod kunsiderevoli, l-impatt mistenni minn sempliċi rakkomandazzjoni.

    128

    Għaldaqstant, tali teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni jista’ jkollu, għall-operatur ekonomiku kkonċernat, konsegwenzi tali li dan ikollu jitqiegħed f’pożizzjoni li jagħmel osservazzjonijiet dwar l-aġir li jkun akkużat bih u dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tiegħu b’rabta mal-kuntratt inkwistjoni qabel ma l-Kummissjoni tkun iddeċidiet il-pożizzjoni tagħha dwar dawn il-kwistjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑315/99 P, EU:C:2001:391, punt 29).

    129

    Dan it-teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni għandu għalhekk jitqies bħala miżura individwali li taffettwa b’mod sfavorevoli lil Vialto, fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    130

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal obbligu li tisma’ lil Vialto qabel l-adozzjoni, miċ-CFCU, tad-deċiżjoni tagħha li teskludi lil Vialto mill-kuntratt inkwistjoni.

    131

    Fid-dawl ta’ dan, mill-punti 121 u 123 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll fuq il-fatt li, fil-każ ineżami, Vialto kienet instemgħet mill-OLAF, sabiex tiċħad l-argument ta’ Vialto dwar il-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt għal smigħ.

    132

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali fatt ma jippermettix lill-Kummissjoni tqis li l-obbligu tagħha li tisma’ lill-persuna kkonċernata ġie ssodisfatt.

    133

    Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2013, l-OLAF għandu jfassal, fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu, rapport ta’ investigazzjoni akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali tiegħu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed jew le għall-investigazzjoni. L-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet imfassla wara investigazzjoni esterna u kull dokument rilevanti relatat għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati konformement mar-regoli relatati mal-investigazzjonijiet esterni u, jekk meħtieġ, lid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni.

    134

    Mill-formulazzjoni u mill-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li hija l-awtorità li tagħmel dawn ir-rakkomandazzjonijiet li għandha twettaq l-istruttorja tagħha stess u li tisma’ lill-persuna kkonċernata qabel ma tadotta deċiżjoni li tista’ tikkawżalha preġudizzju.

    135

    F’dan il-kuntest, ir-rabtiet strutturali eżistenti bejn l-OLAF u l-Kummissjoni lanqas ma jistgħu jeżentawha minn tali obbligu, billi jippermettu li jitqies li Vialto kienet diġà nstemgħet minn din l-istituzzjoni waqt is-smigħ tagħha minn uffiċjali tal-OLAF.

    136

    Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, sa fejn din ċaħdet bħala infondat l-ilment ta’ Vialto dwar il-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt għal smigħ.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    137

    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew taqta’ l-kawża definittivament hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

    138

    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir akkużata bih l-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    139

    Fil-każ ineżami, il-kawża tinsab fi stat li tiġi deċiża għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, relatata mal-aġir tal-Kummissjoni.

    140

    Fil-fatt, mill-motivi esposti fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet aggravju mqajjem minn Vialto insostenn tal-appell tagħha jirriżulta li din tal-aħħar uriet li l-Kummissjoni kienet wettqet ksur tad-dritt għal smigħ, li jikkostitwixxi dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

    141

    Għal dak li jirrigwarda n-natura suffiċjentement serja ta’ dan il-ksur, Vialto ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx liberament tiddeċiedi li teżiġi l-esklużjoni ta’ Vialto mill-proġett mingħajr ma tipprovdilha l-possibbiltà li tinstema’ u li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

    142

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta istituzzjoni tal-Unjoni jkolha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt, li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    143

    Issa, kif jirriżulta mill-motivi esposti fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni kellha obbligu li tisma’ lil Vialto qabel ma tittrażmetti liċ-CFCU l-pożizzjoni meħuda minnha dwar il-miżuri li kellhom jittieħdu fil-konfront ta’ Vialto fir-rigward tal-kuntratt inkwistjoni, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

    144

    Għall-kumplament, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

    145

    Fil-fatt, il-kundizzjonijiet l-oħra sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

    146

    Barra minn hekk, mill-punti 25 u 26 tas-sentenza appellata jirriżulta li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, Vialto bidlet b’mod sinjifikattiv ħafna l-pożizzjoni tagħha fuq il-portata tad-dannu li hija allegatament ġarrbet.

    147

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi, b’livell ta’ ċertezza suffiċjenti, dwar ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt għal smigħ u d-dannu invokat.

    148

    Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar dan.

    Fuq l-ispejjeż

    149

    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni (T‑617/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:446), hija annullata sa fejn hija tiċħad l-ilment imqajjem minn Vialto Consulting Kft. dwar il-ksur mill-Kummissjoni Ewropea tad-dritt għal smigħ, bħala infondat.

     

    2)

    Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

     

    3)

    Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea relatata mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur mill-Kummissjoni Ewropea tad-dritt għal smigħ u d-dannu invokat kif ukoll mar-realtà tad-dannu.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top