Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0638

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Jannar 2022.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs European Food SA et.
    Appell – Għajnuna mill‑Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Trattat bilaterali ta’ investiment – Klawżola ta’ arbitraġġ – Ir‑Rumanija – Adeżjoni mal‑Unjoni Ewropea – Tħassir ta’ skema ta’ inċentivi fiskali qabel l‑adeżjoni – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti l‑ħlas ta’ danni wara l‑adeżjoni – Deċiżjoni tal‑Kummissjoni Ewropea li tiddikjara li dan il‑ħlas jikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas‑suq intern u li tordna l‑irkupru tiegħu – Kompetenza tal‑Kummissjoni – Applikazzjoni ratione temporis tad‑dritt tal‑Unjoni – Determinazzjoni tad‑data li fiha l‑benefiċjarju jingħata d‑dritt li jirċievi l‑għajnuna – Artikolu 19 TUE – Artikoli 267 u 344 TFUE – Awtonomija tad‑dritt tal‑Unjoni.
    Kawża C-638/19 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:50

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    25 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

    “Appell – Għajnuna mill‑Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Trattat bilaterali ta’ investiment – Klawżola ta’ arbitraġġ – Ir‑Rumanija – Adeżjoni mal‑Unjoni Ewropea – Tħassir ta’ skema ta’ inċentivi fiskali qabel l‑adeżjoni – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti l‑ħlas ta’ danni wara l‑adeżjoni – Deċiżjoni tal‑Kummissjoni Ewropea li tiddikjara li dan il‑ħlas jikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas‑suq intern u li tordna l‑irkupru tiegħu – Kompetenza tal‑Kummissjoni – Applikazzjoni ratione temporis tad‑dritt tal‑Unjoni – Determinazzjoni tad‑data li fiha l‑benefiċjarju jingħata d‑dritt li jirċievi l‑għajnuna – Artikolu 19 TUE – Artikoli 267 u 344 TFUE – Awtonomija tad‑dritt tal‑Unjoni”

    Fil-Kawża C‑638/19 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑27 ta’ Awwissu 2019,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

    appellanti,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn D. Klebs, R. Kranitz u J. Möller, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn K. Pommere, bħala aġent,

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn D. Lutostańska, B. Majczyna u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

    intervenjenti fl-appell,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    European Food SA, stabbilita fi Drăgăneşti (ir-Rumanija),

    Starmill SRL, stabbilita fi Drăgăneşti,

    Multipack SRL, stabbilita fi Drăgăneşti,

    Scandic Distilleries SA, stabbilita f’Oradea (ir-Rumanija),

    Ioan Micula, residenti f’Oradea,

    irrappreżentati minn K. Struckmann, Rechtsanwalt, G. Forwood, avocat, kif ukoll minn A. Kadri, solicitor,

    Viorel Micula, residenti f’Oradea,

    European Drinks SA, stabbilita fi Ştei (ir-Rumanija),

    Rieni Drinks SA, stabbilita f’Rieni (ir-Rumanija),

    Transilvania General Import‑Export SRL, stabbilita f’Oradea,

    West Leasing SRL, li kienet West Leasing International SRL, stabbilita f’Păntășești (ir-Rumanija),

    irrappreżentati minn J. Derenne, D. Vallindas u O. Popescu, avocats,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, sussegwentement minn A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

    L-Ungerija,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan (Relatur), S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, F. Biltgen, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ April 2021,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ġunju 2019, European Food et vs Il-Kummissjoni (T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:423), li permezz tagħha dik il-qorti annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat‑30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq. implimentata mir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2015, L 232, p. 43) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    2

    Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob ukoll l‑annullament tas-sentenza appellata.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Konvenzjoni dwar l-ICSID

    3

    Il-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ‑Ċittadini ta’ Stati Oħra, konkluża f’Washington fit‑18 ta’ Marzu 1965 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-ICSID”), li daħlet fis-seħħ fir-rigward tar‑Rumanija fit‑12 ta’ Ottubru 1975, tistabbilixxi, fl-Artikolu 53(1) tagħha:

    “Id-deċiżjoni tkun torbot liż-żewġ partijiet u ma tkunx tista’ tiġi appellata jew tkun suġġetta għal xi rimedju ieħor ħlief hekk kif hemm provdut f’din il-Konvenzjoni. Kull parti għandha tħares u twettaq il-kondizzjonijiet tad-deċiżjoni […]”

    4

    L-Artikolu 54(1) tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID jipprovdi:

    “Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi deċiżjoni mogħtija skont din il-Konvenzjoni bħala vinkolanti u jinforza l-obbligi finanzjarji imposti b’dik id-deċiżjoni fi ħdan it-territorji tiegħu daqs li kieku kienet sentenza finali ta’ qorti f’dak l-Istat. […]”

    Il-Ftehim Ewropew

    5

    Il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ekonomiċi Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l‑oħra, konkluż u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni 94/907/KEFA, KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 59, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ewropew”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 1995, kien jipprovdi, fl-Artikolu 64(1) u (2) tiegħu:

    “1.   Dawn li jmiss huma inkompatibbli mal-funzjonament xieraq ta’ dan il-Ftehim, sakemm huma ma jaffetwawx [sa fejn jaffettwaw il‑]kummerċ bejn il-Komunità u r-Rumanija:

    […]

    (iii)

    kull għajnuna pubblika li tfixkel jew thedded li tfixkel kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti.

    2.   Kull prattika li hija kontra dan l-Artikolu għandha tiġi stmata fuq il-bażi ta’ kriterja li jiġu minn applikazzjoni tar-regolamenti ta’ l-Artikolu [Artikoli 101, 102 u 107 TFUE]”.

    6

    L-Artikoli 69 u 71 tal-Ftehim Ewropew kienu jimponu fuq ir-Rumanija obbligu li tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha progressivament kompatibbli mal‑acquis Komunitarju.

    Il-BIT

    7

    It-Trattat Bilaterali ta’ Investiment, konkluż fid‑29 ta’ Mejju 2002, bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u l-Gvern Rumen għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka ta’ Investimenti (iktar ’il quddiem il-“BIT”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2003, jipprovdi, fl-Artikolu 2(3) tiegħu:

    “Kull parti kontraenti għandha tiżgura f’kull mument trattament ġust u ekwu għall-investimenti ta’ investituri tal-parti kontraenti l-oħra u ma tostakolax, permezz ta’ miżuri arbitrarji jew diskriminatorji, l-amministrazzjoni, il-ġestjoni, iż-żamma, l-użu, it-tgawdija jew it-trasferiment tal-imsemmija investimenti mill-imsemmija investituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    8

    L-Artikolu 7 tal-BIT jipprovdi li t-tilwimiet bejn l-investituri u l-pajjiżi firmatarji huma rregolati, b’mod partikolari, minn tribunal ta’ arbitraġġ li japplika l‑Konvenzjoni dwar l-ICSID (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ arbitraġġ”).

    It-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal‑Unjoni Ewropea u l-Att ta’ Adeżjoni

    9

    Bis-saħħa tat-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 11), iffirmat fil‑25 ta’ April 2005, ir‑Rumanija aderixxiet mal-Unjoni Ewropea b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.

    10

    L-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”) jistabbilixxi:

    “Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet […] qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu […] lir-Rumanija u għandhom japplikaw [f’dak l-Istat] bil-kondizzjonijiet kif elenkati f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

    11

    L-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni jinkludi t‑Titolu 2, intitolat “Politika dwar il‑Kompetizzjoni”, li jinkludi, fil-punti 1 u 5 tiegħu, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali implimentata fir-Rumanija qabel id-data tal-adeżjoni mal-Unjoni u li għadhom japplikaw wara din id-data.

    Ir-Regolament Nru 659/1999

    12

    Taħt it-titolu “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat‑22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 204, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 659/1999”), kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq [intern]. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    13

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 42 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    14

    Fit‑2 ta’ Ottubru 1998, l-awtoritajiet Rumeni adottaw l-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza Nru 24/1998 (iktar ’il quddiem l-“EGO 24”), li tagħti lil ċerti investituri f’reġjuni żvantaġġati li kisbu ċertifikat ta’ investitur permanenti, sensiela ta’ inċentivi fiskali, fosthom, b’mod partikolari, faċilitajiet bħall-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq makkinarju, ir-rimbors tad-dazji doganali fuq materja prima jew ukoll l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, applikabbli sakemm iż-żona ta’ investiment tibqa’ kklassifikata bħala “reġjun żvantaġġat”.

    15

    Permezz tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 1999, applikabbli mill‑1 ta’ April 1999, il-Gvern Rumen ikklassifika bħala “reġjun żvantaġġat”, għal perijodu ta’ għaxar snin, iż-żona tal-minjieri ta’ Ştei Nucet, kontea ta’ Bihor (ir-Rumanija).

    16

    Sabiex jiġi osservat l-obbligu ta’ approssimazzjoni progressiva bejn il-leġiżlazzjoni Rumena u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, previst mill-Ftehim Ewropew, ir-Rumanija adottat, matul is-sena 1999, il-Liġi Nru 143/1999, dwar l-Għajnuna mill-Istat, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2000. Din il-liġi ddefinixxiet l-għajnuna mill-Istat bl-istess kliem bħal dak użat fl-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewropew u fl-Artikolu 107(1) TFUE. Hija indikat ukoll, bħala awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tal-għajnuna mill-Istat, kompetenti sabiex jevalwaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Rumanija lill-impriżi, lill-Consiliul Concurenţei (il-Kunsill għall-Kompetizzjoni, ir-Rumanija) u lill-Oficiul Concurenței (l-Uffiċju għall-Kompetizzjoni, ir-Rumanija).

    17

    Permezz tad-Deċiżjoni Nru 244/2000, tal‑15 ta’ Mejju 2000, il-Kunsill għall-Kompetizzjoni qies li diversi mill-inċentivi fiskali mogħtija skont l-EGO 24 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li dawn, konsegwentement, kellhom jitħassru.

    18

    Fl‑1 ta’ Lulju 2000, l-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza Nru 75/2000 (iktar ’il quddiem l-“EGO 75”) emendat l-EGO 24 billi żammet l-inċentivi fiskali inkwistjoni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni”).

    19

    Il-Kunsill għall-Kompetizzjoni ressaq appell quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li insostenn tiegħu sostna li, minkejja l-adozzjoni tal-EGO 75, id-Deċiżjoni Nru 244/2000 tiegħu ma kinitx ġiet implimentata. Dak l-appell ġie miċħud fis‑26 ta’ Jannar 2001, minħabba li l-EGO 75 kellha titqies bħala miżura leġiżlattiva u li, għaldaqstant, il-legalità tagħha ma setgħetx, skont il-Liġi Nru 143/1999, tiġi kkontestata mill-Kunsill għall-Kompetizzjoni. Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) ikkonfermat din id-deċiżjoni.

    20

    Ioan u Viorel Micula, ċittadini Svediżi residenti fir-Rumanija, huma l-azzjonisti maġġoritarji tal-kumpannija European Food and Drinks Group, li l-attività tagħha tirrigwarda l-produzzjoni ta’ ikel u xorb fir-reġjun ta’ Ștei‑Nucet, kontea ta’ Bihor. Il-kumpannija European Food and Drinks Group hija proprjetarja ta’ European Food SA, Starmill SRL, Multipack SRL, Scandic Distilleries SA, European Drinks SA, Rieni Drinks SA, Transilvania General Import‑Export SRL u West Leasing International SRL.

    21

    Fuq il-bażi taċ-ċertifikati ta’ investituri permanenti miksuba fl‑1 ta’ Ġunju 2000 minn European Food u fis‑17 ta’ Mejju 2002 minn Starmill u Multipack, dawn it-tliet kumpanniji għamlu investimenti fiż-żona tal-minjieri ta’ Ștei‑Nucet.

    22

    Matul ix-xahar ta’ Frar 2000, bdew in-negozjati għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. F’dak il-kuntest, l-Unjoni kkonstatat, fil-Pożizzjoni Komuni tal‑21 ta’ Novembru 2001, li kienu jeżistu fir-Rumanija “numru ta’ skemi ta’ għajnuna inkompatibbli eżistenti kif ukoll ġodda li ma nġabux konformi mal-acquis”, inklużi l-“faċilitajiet ipprovduti taħt l-[iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni]”.

    23

    Fis‑26 ta’ Awwissu 2004, ir-Rumanija ħassret il-miżuri kollha mogħtija mill-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, billi ppreċiżat li, “[s]abiex jiġu ssodisfati l-kriterji fir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, u anki sabiex jitlestew in-negozjati skont il-Kapitolu Nru 6 (Politika dwar il-Kompetizzjoni), [kien] neċessarju li jiġu eliminati l-forom kollha ta’ għajnuna mill-Istat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li [kienu] inkompatibbli mal-acquis communautaire f’dan il-qasam”. Dan it-tħassir daħal fis-seħħ fit‑22 ta’ Frar 2005.

    24

    Fit‑28 ta’ Lulju 2005, Ioan u Viorel Micula, European Food, Starmill u Multipack (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fl-arbitraġġ”) talbu t-twaqqif ta’ tribunal ta’ arbitraġġ konformement mal-Artikolu 7 tal-BIT, sabiex jiksbu kumpens għad-dannu kkawżat mit-tħassir tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni.

    25

    Fl‑1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija aderixxiet mal-Unjoni.

    26

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2008, it-tribunal ta’ arbitraġġ iddikjara t-talba għal arbitraġġ ammissibbli.

    27

    Permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tiegħu tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”), it-tribunal ta’ arbitraġġ qies li, billi ħassret l-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni qabel l‑1 ta’ April 2009, ir-Rumanija kienet ippreġudikat l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fl-arbitraġġ, li ħasbu li dawn l-inċentivi kienu ser ikunu disponibbli, essenzjalment taħt l-istess forma, sal‑31 ta’ Marzu 2009 inkluż, ma aġixxietx b’mod trasparenti billi ma avżatx lil dawn ir-rikorrenti fi żmien xieraq u ma żguratx trattament ġust u ekwu tal-investimenti magħmula mill-imsemmija rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-BIT. Għaldaqstant, it-tribunal ta’ arbitraġġ ikkundanna lir-Rumanija tħallas lir-rikorrenti fl-arbitraġġ, bħala danni, is-somma ta’ 791882452 leu Rumen (RON) (madwar EUR 178 miljun), fejn din is-somma ġiet stabbilita prinċipalment billi ttieħdu inkunsiderazzjoni d-danni allegatament subiti minn dawn ir-rikorrenti matul il-perijodu ta’ bejn it‑22 ta’ Frar 2005 sal‑31 ta’ Marzu 2009.

    28

    Fil‑31 ta’ Jannar 2014, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lill-awtoritajiet Rumeni li kwalunkwe implimentazzjoni jew eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ser tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida u trid tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

    29

    Fl‑20 ta’ Frar 2014, l-awtoritajiet Rumeni informaw lid-dipartimenti tal-Kummissjoni bil-ħlas ta’ parti mis-somma mogħtija bħala danni mit-tribunal ta’ arbitraġġ lir-rikorrenti fl-arbitraġġ, permezz ta’ tpaċija ta’ taxxi dovuti lill-awtoritajiet Rumeni minn European Food.

    30

    Fis‑26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 3192 finali, li permezz tagħha ordnat lir-Rumanija tissospendi immedjatament kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal għall-implimentazzjoni jew għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, għar-raġuni li tali azzjoni kienet tidher li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

    31

    Fl‑1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni informat lir-Rumanija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni parzjali mir-Rumanija tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-bidu tas-sena 2014 kif ukoll fir-rigward ta’ kull implimentazzjoni jew eżekuzzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

    32

    Fid‑29 ta’ Mejju 2015, l-awtoritajiet Rumeni ttrasferew il-bilanċ tal-ammont dovut skont id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u, għaldaqstant, qiesu li kienu implimentawha fl-intier tagħha.

    33

    Fit‑30 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. L-Artikolu 1 tagħha jipprovdi li l-ħlas tad-danni mogħtija mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-unità ekonomika unika magħmula minn Ioan u Viorel Micula, European Food, Starmill, Multipack, European Drinks, Rieni Drinks, Scandic Distilleries, Transilvania General Import‑Export u West Leasing International jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, li ma huwiex kompatibbli mas-suq intern. Konformement mal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Rumanija hija obbligata ma tħallas ebda għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni u tirkupra dik li diġà tħallset lill-entitajiet li jikkostitwixxu din l-unità ekonomika kif ukoll kull għajnuna mħallsa lil dawn l-entitajiet li ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE jew kull għajnuna mħallsa wara d-data ta’ adozzjoni tal-istess deċiżjoni.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    34

    Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6, fit‑30 u fit‑28 ta’ Novembru 2015, rispettivament, European Food, Starmill, Multipack u Scandic Distilleries, fil-Kawża T‑624/15, Ioan Micula, fil-Kawża T‑694/15, u Viorel Micula, European Drinks, Rieni Drinks, Transilvania General Import‑Export kif ukoll West Leasing International, fil-Kawża T‑704/15, ippreżentaw, kull wieħed minnhom, rikors, skont l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-Renju ta’ Spanja u l-Ungerija ġew awtorizzati mill-Qorti Ġenerali jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għaqqdet dawn it-tliet kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

    35

    Il-Qorti Ġenerali qieset li, insostenn tar-rikors tagħhom, dawn ir-rikorrenti qajmu seba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża u fuq użu ħażin ta’ poter kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 351 TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt. It-tieni motiv kien jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. It-tielet motiv kien jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-għajnuna u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Is-sitt motiv kien jirrigwarda żball ta’ liġi dwar l-irkupru tal-għajnuna. Fl-aħħar nett, is-seba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

    36

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajma fil-Kawża T‑704/15 u l-ewwel parti tat-tieni motiv imqajma fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15, ibbażati, minn naħa, fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE u, min-naħa l-oħra, fuq l-assenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mogħti mill-ħlas tad-danni, sa fejn, b’mod partikolari, l-allegat vantaġġ ingħata qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Hija ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 59 sa 93 ta’ dik is-sentenza, li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet applikat b’mod retroattiv il-kompetenzi li hija kellha skont l-Artikolu 108 TFUE u r-Regolament Nru 659/1999 għal fatti preċedenti għal dik l-adeżjoni u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-miżura inkwistjoni, jiġifieri, skont dik id-deċiżjoni, il-ħlas tal-kumpens mogħti mit-tribunal ta’ arbitraġġ bħala kumpens għad-dannu li r-rikorrenti fl-arbitraġġ jallegaw li ġarrbu minħabba t-tħassir minn dan l-Istat tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni, bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    37

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tat-tieni motiv imqajma fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 u l-ewwel parti tat-tieni motiv imqajma fil-Kawża T‑704/15, dwar, essenzjalment, l-iżball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-rigward tal-kunċetti ta’ “vantaġġ” u ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet, fil-punti 98 sa 111 tas-sentenza appellata, li, peress li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli ratione temporis u peress li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti skont l-Artikolu 108 TFUE kif ukoll ir-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’illegalità peress li din kienet tikklassifika bħala “vantaġġ” u bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-għoti ta’ dan il-kumpens, tal-inqas għall-perijodu preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dritt tal-Unjoni fir-Rumanija.

    38

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża kollha, mingħajr ma eżaminat il-partijiet l-oħra ta’ dawn il-motivi u lanqas il-motivi l-oħra.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    39

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑704/15, kif ukoll l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv imqajma fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15;

    tibgħat lura l-Kawżi magħquda T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15 lill‑Qorti Ġenerali, sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħra; u

    tirriżerva l-ispejjeż.

    40

    European Food, Starmill, Multipack u Scandic Distilleries kif ukoll Ioan Micula (iktar ’il quddiem, flimkien, “European Food et”) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

    iktar sussidjarjament, tibgħat lura l-kawżi lill-Qorti Ġenerali; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti minn European Food et relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ dik tal-appell.

    41

    Viorel Micula, European Drinks, Rieni Drinks, Transilvania General Import‑Export u West Leasing (iktar ’il quddiem, flimkien, “Viorel Micula et”) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, tilqa’ t-tieni motiv tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑704/15 u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

    iktar sussidjarjament, tibgħat lura l-kawżi lill-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Viorel Micula et relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ dik tal-appell; u

    tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja u lill-Ungerija għall-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ dik tal-appell.

    42

    Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tilqa’ l-appell, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli; u

    sussidjarjament, tilqa’ l-appell, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat.

    43

    Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal‑Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli; u

    tikkundanna lil European Food et kif ukoll lil Viorel Micula et għall-ispejjeż.

    44

    Il-Kummissjoni titlob li jintlaqa’ l-appell inċidentali.

    45

    European Food et kif ukoll Viorel Micula et jitolbu li l-appell inċidentali jiġi miċħud u li, minn naħa, ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell inċidentali kif ukoll, min-naħa l-oħra, li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat għall-ispejjeż ta’ European Food et u ta’ Viorel Micula et fil-kuntest ta’ dak l-appell.

    46

    Permezz ta’ ittri, rispettivament, tal‑25 ta’ Novembru u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Latvja talbu li jintervjenu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, insostenn tal-Kummissjoni.

    47

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, tas‑6 u tad‑9 ta’ Jannar 2020, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Latvja ġew ammessi sabiex jintervjenu, u fil-każ ta’ dan l-Stat Membru tal-aħħar biss, konformement mal-Artikolu 129(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet, jekk din kellha sseħħ, peress li t-talba tiegħu għal intervent tressqet wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 190(2) ta’ dawn ir-regoli.

    48

    B’ittri tas‑17 ta’ Marzu 2020, European Food et u Viorel Micula et talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja teskludi, bħala parti f’din il-kawża, lir-Renju ta’ Spanja u, għaldaqstant, li tiċħad in-nota ppreżentata minn dan l-Istat Membru bħala tweġiba għall-appell prinċipali. Insostenn ta’ din it-talba, dawn il-partijiet jirrilevaw li, bħala Stat Membru, ir-Renju ta’ Spanja ċertament ma kienx obbligat juri interess sabiex jintervjeni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, inkluż Stat Membru, għandha, sabiex ikollha l-kwalità ta’ parti fil-proċedura ta’ appell, turi interess li jintlaqa’ jew li jiġi miċħud dan l-appell. Din il-kundizzjoni, li ġiet introdotta waqt ir-riformulazzjoni tal-imsemmija regoli matul is-sena 2012, għandha tapplika wkoll għall-Istati Membri.

    49

    Permezz ta’ ittri tad‑29 ta’ Marzu 2020, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara d-deċiżjoni meħuda mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, informa lill-partijiet biċ-ċaħda tat-talba tagħhom, għar-raġuni li r-Renju ta’ Spanja, peress li kien ġie awtorizzat, bħala Stat Membru, jintervjeni fl-ewwel istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa legalment parti mill-appell.

    50

    Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Diċembru 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, insostenn tal-Kummissjoni.

    51

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Jannar 2021, dan l-Istat Membru ġie ammess sabiex jintervjeni konformement mal-Artikolu 129(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet, jekk din kellha sseħħ, peress li t-talba tiegħu għal intervent tressqet wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 190(2) ta’ dawn ir-regoli.

    Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

    52

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 u fl‑14 ta’ Lulju 2021, European Food et kif ukoll Viorel Micula et talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn tat-talba tagħhom, huma jsostnu, essenzjalment, li ma jaqblux mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fuq żewġ punti.

    53

    Fl-ewwel lok, l-Avukat Ġenerali jevalwa b’mod żbaljat, fil-punt 138 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konsegwenzi, għat-tweġiba li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tieni motiv ippreżentata fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15, tal-iżball ta’ liġi li, skont huma, twettaq mill-Qorti Ġenerali, meta din tal-aħħar iddeċidiet li l-allegata għajnuna mill-Istat ingħatat fid-data tat-tħassir tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni bi ksur tal-BIT. Ċertament, dan l-iżball ta’ liġi jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata, peress li d-dritt li wieħed jirċievi din l-għajnuna ma jirriżultax minn dan it-tħassir, iżda minn deċiżjoni ta’ arbitraġġ li ngħatat wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jipproponi l-Avukat Ġenerali, l-ewwel parti ta’ dan it-tieni motiv għandha tintlaqa’, peress li din tikkritika lill-Kummissjoni li kkunsidrat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma kinitx tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, iżda mill-ħlas stess tad-danni mogħtija minn din id-deċiżjoni, filwaqt li l-ħlas ta’ somma mogħtija f’dan ir-rigward ma tagħti ebda vantaġġ supplimentari meta mqabbel mal-imsemmija deċiżjoni. L-identifikazzjoni preċiża tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni tkun ukoll kwistjoni determinanti indirizzata fil-kuntest tat-tieni motiv fil-Kawża T‑704/15, b’tali mod li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi r-raġunament ippreżentat mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, hija jkollha tibgħat lura l-eżami ta’ din il-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali.

    54

    Fit-tieni lok, l-Avukat Ġenerali jqis b’mod żbaljat, fil-punt 135 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kull miżura meħuda wara l-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, waqt l-implimentazzjoni tagħha mir-Rumanija, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, hija biss din id-deċiżjoni li tista’ twassal għall-għoti ta’ tali għajnuna, peress li, skont l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, l-obbligu tar-Rumanija li tħallas id-danni jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet Rumeni jwettqu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji supplimentari. B’mod partikolari, il-proċedura ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tikkostitwixxi sempliċi formalità amministrattiva għall-każ biss fejn dan l-Istat ma josservax din id-deċiżjoni.

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jressqu osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas ma hija marbuta bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għal dawn il-konklużjonijiet. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    58

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha, fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura u tas-seduta għas-sottomissjonijiet li nżammet quddiemha, l-elementi kollha neċessarji sabiex taqta’ din il-kawża. Barra minn hekk, hija tirrileva li t-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa minn European Food et kif ukoll minn Viorel Micula et ma juru ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni li hija mitluba tagħti fl-imsemmija kawża.

    59

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

    Fuq l-appell prinċipali

    60

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mill‑intervenjenti, tinvoka tliet aggravji.

    61

    Permezz tal-ewwel aggravju, li jinkludi żewġ partijiet, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, invokata b’mod prinċipali, tirrigwarda l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 108 TFUE, filwaqt li t-tieni parti tal-imsemmi aggravju, invokata b’mod sussidjarju, tirrigwarda l-ksur tal-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni.

    62

    Permezz tat-tieni aggravju, li jinkludi żewġ partijiet, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għall-kumpens mogħti permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, invokata b’mod prinċipali, tirrigwarda l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni u tar-regoli ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ratione temporis, filwaqt li t-tieni parti tal-imsemmi aggravju, invokata b’mod sussidjarju, tirrigwarda l-ksur tal-Ftehim Ewropew.

    63

    Permezz tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ vantaġġ u naqset milli teżamina l-motivi kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża meta qieset li l-kumpens inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi tali vantaġġ.

    64

    Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel aggravju, meħud fl‑ewwel parti tiegħu, u t-tieni aggravju.

    Fuq l-ammissibbiltà

    L-argumenti tal-partijiet

    65

    European Food et kif ukoll Viorel Micula et isostnu li l-argument żviluppat, b’mod partikolari, insostenn tal-ewwel aggravju, meħud fl-ewwel parti tiegħu, u tat-tieni aggravju, meħud fiż-żewġ partijiet tiegħu, huwa inammissibbli, jew saħansitra ineffettiv, għal diversi raġunijiet.

    66

    Fl-ewwel lok, id-determinazzjoni tad-data li fiha ngħatat l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, li hija s-suġġett, essenzjalment, tal-ewwel u tat-tieni aggravju, meħuda fl-ewwel partijiet tagħhom, taqa’ taħt konstatazzjoni ta’ fatt. Għaldaqstant, hija ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettament li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kellha l-għan li tikkumpensa lir-rikorrenti fl-arbitraġġ minħabba avveniment li seħħ qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, jiġifieri t-tħassir minn dan l-Istat, bi ksur tal-BIT, tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni, u li din id-deċiżjoni ma pproduċiet l-ebda effett wara din l-adeżjoni. Peress li l-Qorti Ġenerali b’hekk stabbilixxiet, fil-fatt, li l-ħlas tal-kumpens jirrappreżenta biss l-eżekuzzjoni ta’ dritt preċedenti, dan il-ħlas ma jistax jikkostitwixxi vantaġġ li jaqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, li huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    67

    Barra minn hekk, skont European Food et, l-argument żviluppat mill-Kummissjoni dwar id-data li fiha ngħatat l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma huwiex preċiż biżżejjed. B’mod partikolari, l-appell jonqos milli jippreċiża l-motivi tas-sentenza appellata li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Lanqas ma jesponi sa fejn dik is-sentenza tinterpreta jew tapplika b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ma jindika l-fatti li kienu s-suġġett ta’ klassifikazzjoni allegatament żbaljata.

    68

    Fit-tieni lok, peress li l-għajnuna mill-Istat identifikata fid-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex ikkostitwita mid-dritt għall-kumpens inkwistjoni, u lanqas mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, iżda mill-ħlas ta’ dan il-kumpens, ferm wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, l-argumenti li permezz tagħhom il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari insostenn tat-tieni aggravju tagħha, meħud fit-tieni parti tiegħu, li hija kompetenti sabiex teżamina miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mogħtija qabel din l-adeżjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. L-istess japplika għall-argument li permezz tiegħu l-Kummissjoni ssostni, insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, meħud fl-ewwel parti tiegħu, li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tirriżulta mit-trasformazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’titolu eżekuttiv jew mill-għoti tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni ta’ dawn l-argumenti timplika li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat, f’din id-deċiżjoni, li din l-għajnuna ngħatat permezz tal-ħlas tal-kumpens. Issa, kull tentattiv tal-Kummissjoni li temenda jew tikkompleta ex post il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni huwa inammissibbli.

    69

    Fit-tielet lok, l-argument li permezz tiegħu l-Kummissjoni tinvoka, insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, ksur tal-Ftehim Ewropew għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli jew ineffettiv. Fil-fatt, minn naħa, permezz ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni neċessarjament tammetti li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li kull għoti eventwali ta’ għajnuna mill-Istat seħħ, f’dan il-każ, qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, ħaġa li tmur kontra t-termini tad-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, peress li din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-Kummissjoni ma tistax, fl-istadju ta’ dan l-appell, tibbaża ruħha fuq il-Ftehim Ewropew. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-bażi legali adottata mill-imsemmija deċiżjoni bi bażi legali oħra.

    70

    Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju, meħud fl-ewwel parti tiegħu, u t-tieni aggravju, meħud fiż-żewġ partijiet tiegħu, huma ammissibbli.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    71

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li għaldaqstant hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs l-Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    72

    Min-naħa l-oħra, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali tkun ikklassifikat in-natura legali tagħhom u ddeterminat il-konsegwenzi fil-liġi. Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja testendi, b’mod partikolari, għall-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali tkunx applikat kriterji legali korretti waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs l-Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel partijiet tal-ewwel u tat-tieni aggravju jqajmu l-kwistjoni dwar jekk, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ arbitraġġ tkun tat danni bħala kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba t-tħassir ta’ skema ta’ inċentivi fiskali bi ksur ta’ BIT, għajnuna mill-Istat tkunx “ingħatat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-data tal-ħlas effettiv ta’ dan il-kumpens b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kif issostni l-Kummissjoni, minħabba li d-dritt għall-kumpens kien ifformat b’mod definittiv fid-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni saret eżegwibbli taħt id-dritt nazzjonali, jew fid-data ta’ dak it-tħassir, kif sostnut minn European Food et kif ukoll Viorel Micula et, minħabba li, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, id-dritt għall-kumpens ikun inħoloq f’din l-aħħar data.

    74

    Issa, tali kwistjoni tikkostitwixxi manifestament kwistjoni ta’ liġi, peress li timplika li tiġi ddeterminata d-data li fiha l-għajnuna tkun “ingħatat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u li jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali tkunx wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni korretta tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif ukoll klassifikazzjoni ġuridika eżatta tal-fatti sabiex tiġi ddefinita d-data li fiha tkun “ingħatat” l-għajnuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    75

    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni bbażata fuq in-natura impreċiża tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs l-Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    76

    Issa, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ppreċiżat fl-appell tagħha li hija kienet qiegħda tikkontesta, permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravju tagħha, il-punti 66 sa 80 u 83 sa 88 tas-sentenza appellata u li hija żviluppat, għal dan il-għan, argument ċar u ddettaljat li jesponi r-raġunijiet li għalihom dawn kienu, fil-fehma tagħha, ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

    77

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni tipprova, permezz tal-appell tagħha, temenda jew tikkompleta d-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda n-natura tal-għajnuna mill-Istat koperta minnha, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, aggravju tal-appell għandu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, ikun intiż sabiex jinkiseb l-annullament mhux tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza, iżda tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li l-annullament tagħha jkun qiegħed jintalab, billi jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li jkun ivvizzja dik is-sentenza. Għalhekk, rikorrent jista’ jippreżenta appell billi jinvoka aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata nnifisha u li jkunu intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    78

    Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 73 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha l-għan, permezz tal-appell tagħha, b’mod partikolari permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravju tagħha, meħuda fl-ewwel partijiet tagħhom, li tikkontesta r-raġunijiet li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset, fis-sentenza appellata, li l-għajnuna mill-Istat koperta mid-deċiżjoni kontenzjuża kienet ingħatat matul it-tħassir mir-Rumanija, allegatament bi ksur tal-BIT, tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni, qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

    79

    Tali argument, li jirrigwarda l-motivi ta’ dik is-sentenza, huwa ammissibbli fl-istadju tal-appell, tkun xi tkun il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, b’mod partikolari, il-forom eżatti tal-miżura li tkun tqieset mill-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni, bħala li tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    80

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, peress li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat għall-motivi ttrattati fl-ewwel istanza (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), din ma tistax tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ dan l-appell, fuq aggravji u fuq argumenti li ma jkunux ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-punt dwar jekk il-miżura inkwistjoni tkunx tikkostitwixxi, fuq il-livell materjali, “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    81

    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Ftehim Ewropew, li huwa s-suġġett tat-tieni aggravju, meħud fit-tieni parti tiegħu, dan għandu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, jitqies li huwa ammissibbli. Fil-fatt, permezz tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi meta injorat, bi ksur tal-Artikoli 267 u 344 TFUE, ir-rilevanza tas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), minħabba li t-tribunal ta’ arbitraġġ ma kienx obbligat japplika d-dritt tal-Unjoni għall-fatti li seħħew qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, li kien adit bihom. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li dan l-argument, jekk ikun il-każ, ma jkunx relatat mal-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, peress li din ma hijiex, kif tfakkar fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, is-suġġett tal-appell.

    82

    Konsegwentement, l-ewwel aggravju, meħud fl-ewwel parti tiegħu, u t-tieni aggravju, meħud fiż-żewġ partijiet tiegħu, huma ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    L-argumenti tal-partijiet

    – Fuq l-ewwel aggravju, meħud fl-ewwel parti tiegħu

    83

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 68 sa 80 u 86 tas-sentenza appellata, li d-dritt għal kumpens tar-rikorrenti fl-arbitraġġ mogħti permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ingħata lil dawn tal-aħħar fit‑22 ta’ Frar 2005, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, meta dan l-Istat ħassar l-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni u li, għaldaqstant, it-tħassir ta’ din l-iskema jikkostitwixxi l-miżura ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni, meta din l-għajnuna hija kkostitwita mill-ħlas ta’dak il-kumpens wara dik l-adeżjoni.

    84

    Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-data li fiha tingħata għajnuna mill-Istat għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kompetenza li hija għandha skont l-Artikolu 108 TFUE. Minn dan l-iżball jirriżulta żball ta’ liġi ieħor li jikkonsisti fi klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti li jikkonċernaw il-miżura li biha r-Rumanija tat l-allegata għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

    85

    Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE tiddependi fuq id-data li fiha r-Rumanija ħadet il-miżura li tista’ tikkostitwixxi l-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke (C‑129/12, EU:C:2013:200, punti 4041), jirriżulta li l-eżistenza ta’ titolu ġuridiku li abbażi tiegħu jista’ jintalab il-ħlas immedjat ta’ għajnuna, tikkostitwixxi l-kriterju legali ta’ klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

    86

    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fl-arbitraġġ kisbu d-dritt għall-kumpens inkwistjoni biss meta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ saret eżegwibbli skont id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, id-dritt inkundizzjonat għall-ħlas tad-danni mogħtija abbażi tat-tħassir tas-sistema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni, flimkien mad-dritt nazzjonali li jobbliga lir-Rumanija teżegwixxiha. Konsegwentement, il-ħlas mir-Rumanija, kemm jekk volontarju jew b’eżekuzzjoni forzata, ta’ dan il-kumpens ġie ġustament ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat mid-deċiżjoni kontenzjuża. Peress li din l-għajnuna mill-Istat ingħatat wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, il-Kummissjoni kienet għalhekk kompetenti sabiex tadotta din id-deċiżjoni.

    87

    Fi kwalunkwe każ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 64(1)(iii) tal-Ftehim Ewropew u fl-Artikolu 107(1) TFUE ma tiġix evitata permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’BIT li torbot lill-Istati Membri. Il-Qorti Ġenerali injorat dan il-kuntest fis-sentenza appellata.

    88

    European Food et kif ukoll Viorel Micula et iqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni korretta tal-prinċipji relatati mad-data li fiha tingħata l-għajnuna mill-Istat, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    89

    Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke (C‑129/12, EU:C:2013:200, punti 4041), li l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat fid-data li fiha d-dritt li tirċievi din l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Fir-rigward tad-danni, għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt għall-kumpens ta’ dannu jinħoloq fid-data ta’ meta jseħħ il-fatt li jkun ta lok għal dan id-dannu, peress li kull avveniment sussegwenti huwa anċillari u ma jbiddilx in-natura jew il-valur tad-drittijiet stabbiliti fid-data tal-fatt li ta lok għal dan id-dannu.

    90

    Il-Qorti Ġenerali għalhekk ġustament iddeċidiet, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li d-dritt għall-kumpens, ikkonfermat mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, tnissel fit‑22 ta’ Frar 2005, mat-tħassir mir-Rumanija, bi ksur tal-BIT, tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-allegata għajnuna mill-Istat kienet ingħatat bil-ħlas tal-kumpens mogħti minn din id-deċiżjoni.

    91

    B’mod partikolari, id-data li fiha d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ġiet integrata fl-ordinament ġuridiku nazzjonali hija irrilevanti. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma tatx lok għal drittijiet li ma kinux jeżistu qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, peress li deċiżjoni, kemm jekk ġudizzjarja jew ta’ arbitraġġ, li tagħti danni bħala kumpens għal dannu kkawżat minn att illegali ma kinitx ta’ natura kostituttiva, iżda ta’ natura dikjaratorja fir-rigward ta’ drittijiet u ta’ obbligi li jinħolqu meta twettaq dan l-att illegali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, ir-Rumanija hija obbligata tirrikonoxxi u teżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, indipendentement mill-istatus ta’ dik is-sentenza fid-dritt proċedurali Rumen.

    92

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tirrappreżenta biss l-eżekuzzjoni ta’ dritt li nħoloq fit‑22 ta’ Frar 2005, la din id-deċiżjoni jew ir-reġistrazzjoni tagħha fir-Rumanija u lanqas l-eżekuzzjoni sussegwenti tagħha fir-rigward ta’ din tal-aħħar ma jagħtu lir-rikorrenti fl-arbitraġġ kwalunkwe vantaġġ supplimentari meta mqabbla mad-drittijiet li huma diġà jgawdu f’din id-data.

    93

    Barra minn hekk, ma huwiex it-tħassir tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni, iżda l-ksur tal-BIT mir-Rumanija li tat lir-rikorrenti fl-arbitraġġ id-dritt li jirċievu l-kumpens li l-ħlas tiegħu ġie kklassifikat mid-deċiżjoni kontenzjuża bħala li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. It-tribunal ta’ arbitraġġ seta’ għalhekk jikkunsidra b’mod definittiv ir-responsabbiltà tar-Rumanija minħabba dan il-ksur qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni. La d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u lanqas il-kalkolu tal-ammont eżatt tad-danni mogħtija ma huma għalhekk rilevanti sabiex tiġi ddeterminata d-data li fiha d-dritt li jirċievu l-għajnuna mill-Istat jingħata lill-benefiċjarji tagħha.

    – Fuq it-tieni aggravju

    94

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet, fil-punti 66, 67 u 80 sa 88 tas-sentenza appellata, li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli ratione temporis għall-kumpens mogħti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, għar-raġuni li l-avvenimenti kollha li taw lok għal dan il-kumpens seħħew qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, kisret l-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Kuso (C‑614/11, EU:C:2013:544, punt 25), li tgħid li d-dritt tal-Unjoni japplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun bdiet taħt ir-regoli l-qodma. B’mod partikolari, mid-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, id-dritt tal-Unjoni japplika għas-sitwazzjonijiet kollha fis-seħħ.

    95

    Issa, f’dan il-każ, peress li l-proċedura ta’ arbitraġġ kienet pendenti fid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tat-tribunal ta’ arbitraġġ kien jikkostitwixxi sitwazzjoni li kienet fis-seħħ f’din id-data. Barra minn hekk, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn dak it-tribunal, ir-rikorrenti fl-arbitraġġ sofrew b’mod progressiv, matul perijodu inkluż bejn is-sena 2005 u s-sena 2011, id-dannu li għalih huma qegħdin jitolbu kumpens.

    96

    Minn dan jirriżulta li l-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ wassal għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li ħolqot drittijiet li ma kinux jeżistu qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u li hija ddeterminat, permezz ta’ evalwazzjoni ekonomika kumplessa, l-ammont ta’ kumpens. L-effetti ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxu għalhekk l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet qabel din l-adeżjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjoni ma tistax titqies li hija r-rikonoxximent ta’ dritt li kien jitnissel fid-data li fiha r-Rumanija ħassret is-sistema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni.

    97

    Għall-kuntrarju, it-tħassir ta’ din l-iskema u d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jikkostitwixxu żewġ atti ġuridiċi distinti, fejn l-ewwel wieħed jiggarantixxi l-osservanza tal-Artikolu 64(1)(iii) tal-Ftehim Ewropew u t-tieni wieħed jagħti kumpens minħabba t-tħassir ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Din is-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ dik eżaminata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑110/02, EU:C:2004:395), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li tiġi evitata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern permezz ta’ att ġuridiku ieħor li jagħti kumpens intiż li jikkumpensa r-rimborsi li jkunu twettqu fir-rigward ta’ dawn il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna mill-Istat bis-saħħa ta’ dik id-deċiżjoni.

    98

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli ratione temporis għall-kumpens mogħti permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kisret il-Ftehim Ewropew, peress li dan, li jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, kien applikabbli għall-avvenimenti kollha preċedenti għall-adeżjoni li taw lok għal dan il-kumpens. L-Artikolu 64(1)(iii) ta’ dan il-ftehim ipprojbixxa lir-Rumanija milli tagħti għajnuna mill-Istat mhux awtorizzata matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

    99

    Dan l-iżball wassal lill-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi ieħor, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li s-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kienet, għal din ir-raġuni, differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158). Fil-fatt, it-tribunal ta’ arbitraġġ stess irrikonoxxa li l-Ftehim Ewropew kien jaqa’ taħt id-dritt li kellu japplika għall-kawża li tressqet quddiemu. Għaldaqstant, din il-kawża tikkostitwixxi każ ta’ arbitraġġ privat li jieħu post is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni sabiex isolvi kawżi fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 267 u 344 TFUE.

    100

    European Food et kif ukoll Viorel Micula et isostnu li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija bbażata, fl-intier tagħha, fuq l-affermazzjoni żbaljata li d-dritt għal kumpens, li tnissel waqt il-ksur tal-BIT, jipproduċi effetti futuri wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

    101

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari mis-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås‑Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 31), kif ukoll tal‑10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, EU:C:2006:9, punt 36), li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 TFUE, ma japplikax għall-miżuri ta’ għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi limitati li fihom il-Kummissjoni tista’ teżamina tali miżuri ta’ għajnuna jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-atti ta’ adeżjoni rilevanti u mhux minn prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    102

    Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx toħloq drittijiet li ma kinux jeżistu qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, iżda kellha tinftiehem bħala dikjarazzjoni li d-drittijiet li kienu jeżistu qabel din l-adeżjoni ġew miksura. Il-ħlas tad-danni lanqas ma kellu effetti futuri, iżda kien jirrappreżenta biss l-eżekuzzjoni tad-dritt għal kumpens, li kien ikkonfermat u kkwantifikat biss mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

    103

    Fil-fatt, id-dritt għall-kumpens inkwistjoni tnissel mill-ksur tal-BIT mir-Rumanija minħabba l-mod kif din ħassret, qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, l-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni. L-avvenimenti kollha neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tar-Rumanija seħħew għalhekk qabel l-adeżjoni. Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-kalkolu tal-ammont tad-danni eżiġa analiżi ekonomika kumplessa.

    104

    Għalhekk, il-ksur tal-BIT u l-għoti ta’ kumpens ma jikkostitwixxux żewġ atti ġuridiċi distinti. Konsegwentement, ma tista’ ssir ebda analoġija mal-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑110/02, EU:C:2004:395), li fiha l-Istat Membru kkonċernat kien, minn naħa, ippreveda skema ta’ għajnuna li tħassret wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-iskema inkompatibbli mas-suq intern u li timponi fuq dan l-Istat Membru li jirkupra l-għajnuna individwali mogħtija taħt l-imsemmija skema u, min-naħa l-oħra, ta lill-benefiċjarji tagħha għajnuna ġdida ta’ ammont ekwivalenti, intiża li jiġu nnewtralizzati l-konsegwenzi ta’ rimbors li twettaq fir-rigward ta’ dawn il-benefiċjarji. Min-naħa l-oħra, il-kumpens mogħti mis-sentenza ta’ arbitraġġ huwa intiż li jikkumpensa dannu subit minħabba l-ksur tal-BIT. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni, peress li ġiet adottata minn tribunal ta’ arbitraġġ indipendenti, ma hijiex azzjoni imputabbli lill-Istat Rumen.

    105

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex teżiġi l-irkupru tal-kumpens mogħti permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ sa fejn din hija intiża li tikkumpensa d-dannu subit qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Fil-fatt, li kieku l-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni ma kinitx tħassret, l-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema matul dan il-perijodu kienet tevita s-setgħat ta’ stħarriġ li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 108 TFUE.

    106

    Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Ewropew. Ċertament, dan il-ftehim, peress li jikkostitwixxi ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u r-Rumanija, jagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, tali ftehim ma jagħmilx parti, għal dan l-Istat, mid-dritt tal-Unjoni. Dan jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni biss fir-rigward tal-Unjoni nnifisha u tal-Istati Membri.

    107

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikoli 267 u 344 TFUE meta qieset, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), ma kinux japplikaw f’dan il-każ. Fil-fatt, dik is-sentenza tikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jaċċetta li jeżenta mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni kawżi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li, minn naħa, ir-Rumanija ma kellhiex il-kwalità ta’ Stat Membru meta r-rikors ġie ppreżentat quddiem it-tribunal ta’ arbitraġġ u, min-naħa l-oħra, il-Ftehim Ewropew ma kienx jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni għar-Rumanija.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    108

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravju tagħha, meħuda fl-ewwel partijiet tagħhom, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li hija ma kinitx kompetenti skont l-Artikolu 108 TFUE sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-ħlas tad-danni mogħti mit-tribunal ta’ arbitraġġ, permezz tad-deċiżjoni tiegħu mogħtija wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, bħala kumpens għad-dannu li r-rikorrenti fl-arbitraġġ jallegaw li ġarrbu minħabba t-tħassir minn dan l-Istat, qabel din l-adeżjoni, tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni, allegatament bi ksur tal-BIT, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

    109

    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 108 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ stħarriġ tal-miżuri li jistgħu jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprevedi stħarriġ preventiv ta’ proġetti ta’ għajnuna ġodda. Il-prevenzjoni organizzata b’dan il-mod hija intiża sabiex isir eżekuzzjoni biss ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco‑Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    110

    L-obbligu ta’ komunikazzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali ta’ din il-proċedura ta’ stħarriġ. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull miżura intiża li tistabbilixxi jew timmodifika “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżura, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm din l-istituzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar l-imsemmija miżura (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020,Viasat Broadcasting UK,C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    111

    Dan l-aħħar obbligu għandu effett dirett li jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 8890).

    112

    Kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punti 66, 67 u 79 tas-sentenza appellata, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 108 TFUE, sar applikabbli fir-Rumanija, konformement mal-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni, mill‑1 ta’ Jannar 2007, data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, fil-kundizzjonijiet previsti minn dan l-att (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Kremikovtzi,C‑262/11, EU:C:2012:760, punt 50).

    113

    Minn dan jirriżulta li, kif irrilevat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punti 67 u 79 tas-sentenza appellata, huwa minn din id-data li l-Kummissjoni kisbet il-kompetenza li tippermettilha tistħarreġ, skont l-Artikolu 108 TFUE, il-miżuri meħuda minn dan l-Istat Membru li jistgħu jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    114

    Minn dan il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ġustament iddeduċiet, fil-punt 68 tal-imsemmija sentenza, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE, għandha tiġi ddefinita d-data li fiha ġiet adottata l-miżura li, skont dik id-deċiżjoni, minnha rriżultat “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    115

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għaliha l-Qorti Ġenerali tirreferi fil-punt 69 tal-istess sentenza, l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi kkunsidrata bħala li tkun “ingħatat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-data li fiha d-dritt li tirċievi din l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke,C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 40; tas‑6 ta’ Lulju 2017, Nerea,C‑245/16, EU:C:2017:521, punt 32, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 36).

    116

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, b’mod partikolari, mill-punti 74 sa 78 u 80 tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li d-dritt li tirċievi l-kumpens mogħti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li huwa l-ħlas, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, ta lok għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, tnissel u beda jipproduċi l-effetti tiegħu meta r-Rumanija ħassret, allegatament bi ksur tal-BIT, l-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi biss element anċillari ta’ dan il-kumpens, minħabba li, peress li tillimita ruħha li tiddetermina d-dannu eżatt subit mir-rikorrenti fl-arbitraġġ minħabba dan it-tħassir, hija tikkostitwixxi s-sempliċi rikonoxximent ta’ dritt imnissel fil-mument ta’ dan it-tħassir, filwaqt li l-ħlasijiet sussegwentement magħmula jirrappreżentaw biss l-eżekuzzjoni tal-imsemmi dritt.

    117

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, hekk kif qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata, il-kumpens mogħti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, peress li huwa intiż li jikkumpensa d-dannu li r-rikorrenti fl-arbitraġġ jallegaw li ġarrbu minħabba t-tħassir, allegatament bi ksur tal-BIT, tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni mir-Rumanija, joriġina minn dan it-tħassir, ħaġa li tikkostitwixxi l-fatt li jiġġenera d-dannu li għalih ingħata dan il-kumpens.

    118

    Ċertament, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li, skont il-prinċipji li jirriżultaw mid-drittijiet nazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, tali dritt għal kumpens jitnissel fid-data tat-tħassir ta’ din l-iskema, kif il-Qorti Ġenerali qieset fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata.

    119

    Madankollu għandu jitfakkar li r-regoli stabbiliti mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom l-għan li jħarsu l-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    120

    Għal dan il-għan, it-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikolu 108 TFUE, ta lill-Kummissjoni, kif tfakkar fil-punti 109 u 110 ta’ din is-sentenza, il-kompetenza sabiex tiddetermina jekk miżura tikkostitwixxix “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, għaldaqstant, taha s-setgħa li tiżgura li miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma jiġux implimentati mill-Istati Membri jew jiġu implimentati minnhom biss wara li jkunu ġew iddikjarati kompatibbli mas-suq intern.

    121

    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ miżura, tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan il-vantaġġ għandu jkun imputabbli lill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Poste Italiane u Agenzia delle Entrate – Riscossione, C‑434/19 u C‑435/19, EU:C:2021:162, punti 3739 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

    122

    Għandu jitfakkar ukoll li l-kunċett ta’ “vantaġġ”, inerenti għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, huwa ta’ natura oġġettiva, indipendentement mill-motivi tal-awturi tal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, in-natura tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri tal‑Istat u l-ġustifikazzjoni tagħhom huma nieqsa minn kull effett fuq il-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwixxix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    123

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidher li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha d-dritt li tirċievi għajnuna mill-Istat ingħata lill-benefiċjarji tiegħu permezz ta’ miżura ddeterminata huwa marbut mal-kisba minn dawn il-benefiċjarji ta’ dritt ċert li jirċievu din l-għajnuna u l-impenn korrelattiv, min-naħa tal-Istat, li jagħti l-imsemmija għajnuna. Fil-fatt, hija f’dik id-data li tali miżura tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    124

    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt għall-kumpens mogħti bħala kumpens għad-dannu li r-rikorrenti fl-arbitraġġ jallegaw li sofrew minħabba t-tħassir, allegatament bi ksur tal-BIT, tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni ngħata biss permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Fil-fatt, huwa biss fi tmiem il-proċedura ta’ arbitraġġ mibdija għal dan il-għan minn dawn tal-aħħar, abbażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 7 tal-BIT, li r-rikorrenti fl-arbitraġġ setgħu jiksbu l-ħlas effettiv ta’ dan il-kumpens.

    125

    Minn dan isegwi li, anki jekk, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali f’diversi okkażjonijiet fis-sentenza appellata, it-tħassir, allegatament bi ksur tal-BIT, tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni tikkostitwixxi l-fatt li nissel id-dannu, id-dritt għall-kumpens inkwistjoni ngħata biss permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li, peress li laqa’ t-talba mressqa mir-rikorrenti fl-arbitraġġ, mhux biss ikkonstata l-eżistenza ta’ dan id-dritt, iżda kkwantifika wkoll l-ammont tiegħu.

    126

    Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 75 u 78 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna mill-Istat koperta mid-deċiżjoni kontenzjuża ngħatat fid-data tat-tħassir tal-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni.

    127

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 79 u 92 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE.

    128

    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn European Food et kif ukoll minn Viorel Micula et ma huwa ta’ natura li jikkontesta din l-evalwazzjoni.

    129

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li t-tribunal ta’ arbitraġġ, li kien ġie adit qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, seta’ jiddeċiedi qabel din l-adeżjoni, dan huwa purament spekulattiv u għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

    130

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma hijiex intiża, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑110/02, EU:C:2004:395), li tistabbilixxi mill-ġdid skema ta’ għajnuna mill-Istat li kienet ġiet preċedentement iddikjarata mill-Kummissjoni inkompatibbli mas-suq intern, b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE, iżda tat danni bħala kumpens għal dannu subit minħabba l-allegat ksur tal-BIT u ma kinitx, barra minn hekk, imputabbli lill-Istat, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma taqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ dan l-appell.

    131

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 80 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk il-kumpens mogħti permezz tal-imsemmija sentenza jistax jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457, punti 2324), li tgħid li tali għajnuna għandha natura ġuridika fundamentalment differenti mid-danni li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu eventwalment ikkundannati jħallsu lill-individwi bħala kumpens għad-dannu li setgħu kkawżawlhom, ma tikkostitwixxix is-suġġett ta’ dan l-appell u, għalhekk, f’dan ir-rigward ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    132

    Barra minn hekk, il-kompetenza tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE ma tista’ bl-ebda mod tiddependi fuq l-eżitu tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-kumpens inkwistjoni jistax jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-istħarriġ preventiv eżerċitat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE għandu preċiżament bħala għan, kif jirriżulta mill-punti 109 u 120 ta’ din is-sentenza, li jiġi ddeterminat jekk dan ikunx il-każ.

    133

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kumpens mogħti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ huwa intiż, parzjalment, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, għall-kumpens tad-dannu li r-rikorrenti fl-arbitraġġ jallegaw li ġarrbu matul perijodu preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, dan għandu wkoll jiġi miċħud bħala irrilevanti.

    134

    Fil-fatt, tali ċirkustanza, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 91 ta’ dik is-sentenza, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE, peress li, kif jirriżulta mill-punti 124 sa 127 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal dan il-kumpens effettivament ingħata wara din l-adeżjoni, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

    135

    Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma kinitx tkun kompetenti, taħt din id-dispożizzjoni, sabiex tistħarreġ, qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, l-iskema ta’ inċentivi fiskali inkwistjoni li kieku din ma kinitx tħassret minn dan l-Istat. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, fid-dawl tar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma eżaminatx din l-iskema ta’ inċentivi fiskali, li, peress li tħassret qabel din l-adeżjoni, ma kinitx iktar fis-seħħ, kif qegħdin jirrilevaw huma stess European Food et kif ukoll Viorel Micula et, iżda l-ħlas tad-danni mwettaq b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija wara l-imsemmija adeżjoni.

    136

    Minn dan isegwi li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni, minn naħa, tad-data li fiha ngħatat l-għajnuna mill-Istat koperta mid-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

    137

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158), hija irrilevanti f’dan il-każ.

    138

    Għandu jitfakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri, li jgħid li investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri ikun jista’, fil-każ ta’ kawża dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li dan l-Istat Membru ikun obbliga ruħu li jaċċetta l-kompetenza tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea,C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 60).

    139

    Fil-fatt, permezz tal-konklużjoni ta’ tali ftehim, l-Istati Membri partijiet f’dan il-ftehim jaqblu li jneħħu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati proprji tagħhom u, għaldaqstant, mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbligahom li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, kawżi li jistgħu jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt. Tali ftehim jista’, għaldaqstant, iwassal għal sitwazzjoni fejn dawn il-kawżi ma jiġux riżolti b’mod li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tal-imsemmi dritt (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings,C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    140

    F’dan il-każ, mid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 TFUE, kien applikabbli għal dan l-Istat Membru. Kif jirriżulta mill-atti tal-proċess imfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li l-kumpens mitlub mir-rikorrenti fl-arbitraġġ ma kienx jirrigwarda esklużivament id-danni allegatament subiti qabel din id-data tal-adeżjoni, b’tali mod li t-tilwima mressqa quddiem it-tribunal ta’ arbitraġġ ma tistax titqies li hija limitata fl-elementi kollha tagħha għal perijodu li matulu r-Rumanija, li kienet għadha ma aderixxietx mal-Unjoni, kienet għadha ma hijiex marbuta bir-regoli u l-prinċipji mfakkra fil-punti 138 u 139 ta’ din is-sentenza.

    141

    Issa, huwa stabbilit li t-tribunal ta’ arbitraġġ li lilu ġiet sottomessa din il-kawża ma jinsabx fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, liema sistema ġudizzjarja, sa mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, issostitwixxiet il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ kawżi li jistgħu jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    142

    Fil-fatt, minn naħa, dan it-tribunal ta’ arbitraġġ ma jikkostitwixxix “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija minn dawn tal-aħħar ma hija suġġetta, konformement mal-Artikoli 53 u 54 tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, għal ebda stħarriġ minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru fir-rigward tal-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

    143

    Kuntrarjament għal dak li sostnew European Food et kif ukoll Viorel Micula et matul is-seduta għas-sottomissjonijiet, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li r-Rumanija kienet tat il-kunsens tagħha għall-possibbiltà li kawża titressaq kontriha fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ prevista mill-BIT.

    144

    Fil-fatt, tali kunsens, b’differenza minn dak li kien ingħata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ kummerċjali, ma joriġinax minn ftehim speċifiku li jirrifletti l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet inkwistjoni, iżda jirriżulta minn trattat konkluż bejn żewġ Stati, li fil-kuntest tiegħu dawn ikunu, b’mod ġenerali u bil-quddiem, taw il-kunsens li jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess kawżi li jistgħu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni favur il-proċedura ta’ arbitraġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea,C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 5556, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldova, C‑741/19, EU:C:2021:655, punti 5960).

    145

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mit-Trattati UE u FUE ssostitwixxiet din il-proċedura ta’ arbitraġġ, il-kunsens għal dak il-għan mogħti minn dan l-Istat issa huwa nieqes minn kull skop.

    146

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandhom jintlaqgħu l-ewwel aggravju, meħud fl-ewwel parti tiegħu, u t-tieni aggravju, meħud fiż-żewġ partijiet tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni la fuq l-argumenti l-oħra mressqa f’dan il-kuntest u lanqas fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju.

    147

    Peress li l-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, kif jirriżulta mill-punti 36 sa 38 ta’ dik is-sentenza, għas-sempliċi raġuni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 108 TFUE, għar-raġuni li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli ratione temporis għall-kumpens mogħti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, l-iżbalji ta’ liġi, irrilevati fil-punti 126, 127 u 136 ta’ dik is-sentenza, li jivvizzjaw dan ir-raġunament, jiġġustifikaw, waħedhom, l-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha.

    148

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati la t-tielet aggravju tal-appell prinċipali u lanqas l-appell inċidentali, peress li dan tal-aħħar, li bih ir-Renju ta’ Spanja qiegħed jinvoka, minn naħa, il-ksur tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikoli 267 u 344 TFUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, tilef kull skop (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 17).

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    149

    Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija stess taqta’ definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    150

    F’din il-kawża dan huwa l-każ tal-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑704/15, ibbażata fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE, kif ukoll fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15, ibbażata fuq l-assenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mogħti mill-ħlas tad-danni, sa fejn din il-parti hija intiża, parzjalment, li tikkontesta din il-kompetenza, minħabba li l-allegat vantaġġ ingħata qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

    151

    Fil-fatt, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 123 sa 127 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE, peress li d-dritt għall-għajnuna mill-Istat kopert minn din id-deċiżjoni ngħata mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

    152

    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif enfasizzaw European Food et u Viorel Micula et, jikklassifika bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mhux id-dritt għall-kumpens li jirriżulta mill-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kif il-premessi 137 u 144 ta’ dik id-deċiżjoni jistgħu, fil-fehma tagħhom, jissuġġerixxu, iżda l-ħlas ta’ dan il-kumpens. Fil-fatt, dawn il-motivi ma għandhomx effett fuq id-data tal-għoti ta’ dik id-deċiżjoni u, għaldaqstant, ma jistgħux jikkontestaw il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

    153

    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑704/15 kif ukoll l-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15, sa fejn dawn huma intiżi li jikkontestaw il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE.

    154

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti l-oħra, il-partijiet u l-motivi invokati minn European Food et kif ukoll Viorel Micula et insostenn tar-rikorsi tagħhom, li jikkonċernaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-miżura msemmija minnha tissodisfax, fuq il-livell materjali, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE. Issa, l-eżami ta’ dik il-parti tar-rikors jimplika li għandhom isiru evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatti kollha neċessarji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International, C‑337/19 P, EU:C:2021:741, punt 170).

    155

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, partijiet u motivi l-oħra, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u li, għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwarhom.

    Fuq l-ispejjeż

    156

    Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ġunju 2019, European Food et vs Il-Kummissjoni (T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, EU:T:2019:423), hija annullata.

     

    2)

    Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appell inċidentali.

     

    3)

    Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi u l-argumenti mqajma quddiemha li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma ħaditx deċiżjoni.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top