EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0229

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Jannar 2021.
Dexia Nederland BV vs XXX u Z.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam u Gerechtshof Den Haag.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1), Artikolu 4(1) u Artikolu 6(1) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali – Klawżola li tistabbilixxi minn qabel il-vantaġġ potenzjali tal-kreditur fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt – Data li fiha l-iżbilanċ għandu jiġi evalwat – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Konsegwenzi – Sostituzzjoni ta’ klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ natura supplimentari.
Kawżi magħquda C-229/19 u C-289/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:68

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1), Artikolu 4(1) u Artikolu 6(1) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali – Klawżola li tistabbilixxi minn qabel il-vantaġġ potenzjali tal-kreditur fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt – Data li fiha l-iżbilanċ għandu jiġi evalwat – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Konsegwenzi – Sostituzzjoni ta’ klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ natura supplimentari”

Fil-Kawżi magħquda C‑229/19 u C‑289/19,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal‑Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑229/19) u mill-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑289/19), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑5 ta’ Marzu 2019 u tat‑2 ta’ April 2019, li waslu fil-Qorti tal‑Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2019 u fid‑9 ta’ April 2019 rispettivament, fil-proċeduri

Dexia Nederland BV

vs

XXX (C‑229/19),

Z (C‑289/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Dexia Nederland BV, minn J. de Bie Leuveling Tjeenk, J.M.K.P. Cornegoor u P. W. Post, advocaten,

għal XXX, minn J. B. Maliepaard, advocaat,

għal Z, minn J. B. Maliepaard, advocaat,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn N. Ruiz García, P. Vanden Heede u M. van Beek, sussegwentement minn N. Ruiz García u P. Vanden Heede bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawżi jinqatgħu mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Dexia Nederland BV (iktar ’il quddiem “Dexia”) u konsumaturi dwar ir-rifjut ta’ ħlas tal-kontijiet finali stabbiliti minn din il-kumpannija, wara x-xoljiment tal-kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet konklużi bejn dawn il-konsumaturi u kumpannija li tagħha Dexia hija s-suċċessur.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tlettax‑il premessa tad-Direttiva 93/13 hija fformulata kif ġej:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni Ewropea]; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni Ewropea], b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3(1) u (3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[…]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6

Fost il-klawżoli li huma elenkati f’dan l-anness hemm, b’mod partikolari, fil-punt 1(e) tiegħu, dawk li għandhom l-għan jew l-effett li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.

7

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jippreċiża:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu”.

8

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

9

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt Olandiż

10

L-Artikolu 6:271 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BW”), jiddisponi:

“Ix-xoljiment ta’ kuntratt jeħles lill-partijiet mill-impenji meħuda taħtu. Sa fejn dawn l-impenji jkunu diġà ġew issodisfatti, il-bażi legali għall-osservanza ta’ dawn l-impenji tinżamm, iżda hemm, għall-partijiet, obbligu li l-benefiċċji li jkunu diġà rċevew jiġu mħallsa lura jew ikkumpensati.”

11

L-Artikolu 6:277 tal-BW jaqra kif ġej:

“1.   Fil-każ ta’ xoljiment totali jew parzjali ta’ kuntratt, il-parti li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha kkostitwixxa raġuni għax-xoljiment hija obbligata tikkumpensa lill-parti l-oħra għad-dannu li din ġarrbet minħabba li l-kuntratt ma huwiex segwit miż-żewġ partijiet, iżda ġie xolt.

[…]”

12

L-Artikolu 7A:1576e tal-BW huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ix-xerrej dejjem huwa awtorizzat li jħallas b’mod antiċipat pagament wieħed jew iktar ta’ rimbors tal-prezz tal-bejgħ li għandu jitħallas.

2.   Fil-każ ta’ pagament wieħed b’mod antiċipat tal-bilanċ kollu li jkun għadu dovut, huwa għandu dritt għal tnaqqis ikkalkolat b’rata ta’ 5 % fis-sena fuq kull pagament ta’ rimbors hekk imħallas b’mod antiċipat.

3.   Il-partijiet jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu favur ix-xerrej.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13

Il-kawżi prinċipali joriġinaw mir-rifjut ta’ XXX u ta’ Z li jħallsu l-bilanċi li jinsabu fil-kontijiet finali stabbiliti minn Dexia wara x-xoljiment tal-kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet, li kienu ġew konklużi bejnhom u l-predeċessur legali ta’ Dexia, minħabba dewmien fil-ħlas tal-pagamenti ta’ kull xahar dovuti lil dan tal-aħħar.

14

Fil-kuntest ta’ dan it-tip ta’ kuntratt, l-abbonat, li normalment ikun konsumatur, jissellef mingħand bank, għal perijodu partikolari, somma flus, indikata bħala s-“somma prinċipali”, li biha dan il-bank jakkwista azzjonijiet f’isem u favur l-abbonat. L-imsemmi bank jibqa’ proprjetarju ta’ dawn l-azzjonijiet sar-rimbors sħiħ tas-somma hekk mislufa, iżda d-dividendi eventwali jitħallsu lill-abbonat. Matul it-tul kollu tal-kuntratt ta’ leasing, l-abbonat iħallas pagament ta’ kull xahar, li jikkorrispondi għall-interessi fuq is-somma prinċipali u, f’ċerti każijiet, għar-rimbors ta’ din tal-aħħar. Skont il-kuntratt, l-azzjonijiet jiġu ttrasferiti u l-abbonat jirċievi d-dħul mit-trasferiment ta’ dawn l-azzjonijiet, wara li jitnaqqas il-bilanċ tas-somma prinċipal u tal-pagamenti ta’ kull xahar li jistgħu jkunu għadhom dovuti lill-bank.

15

Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Dexia xoljiet il-kuntratti ta’ leasing b’mod antiċipat, minħabba dewmien fil-ħlas, konformement mal-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Meta xoljiet dawn il-kuntratti, Dexia ħarġet il-kontijiet finali, skont l-Artikoli 6 u 15 ta’ dawn il-kundizzjonijiet partikolari. Dawn l-artikoli jipprovdu kif ġej:

“6. Jekk (a), minkejja ittra ta’ intimazzjoni, l-abbonat jibqa’ jippersisti bin-nuqqas ta’ ħlas ta’ pagament wieħed jew iktar ta’ kull xahar jew bin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe obbligu ieħor li jirriżulta mill-kuntratt jew minn kwalunkwe kuntratt ieħor ta’ leasing simili għall-kuntratt inkwistjoni f’dan il-każ, jew jekk (b) l-abbonat jitlob l-istralċ b’ordni tal-qorti jew jekk jiġi ddikjarat il-falliment tiegħu, il-bank huwa awtorizzat itemm immedjatament il-kuntratt u l-kuntratti kollha ta’ leasing simili u jeżiġi l-ħlas tal-bilanċ kollu mhux imħallas tal-ammont jew tal-ammonti ta’ leasing taħt il-kuntratti ta’ leasing kollha eżistenti, simili għal dan il-kuntratt, u jbigħ it-titoli fil-borża jew b’mod ieħor f’mument iddeterminat mill-bank. Il-bank għandu jnaqqas il-profitti mill-bejgħ mis-somma li għandu jirċievi mill-abbonat. Il-bilanċ pożittiv eventwali għandu jitħallas lill-abbonat mill-bank.

15. […] Fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt, id-dejn tal-abbonat jikkonsisti f’ammont ugwali għall-valur tas-suq tat-titoli fid-data tax-xoljiment, wara li jitnaqqas ammont li jikkorrispondi għall-valur preżenti tal-bilanċ mhux imħallas tal-ammont totali miftiehem b’leasing. Il-valur preżenti huwa kkalkolat konformement mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7A:1576e(2) tal-BW.”

16

Il-qrati tar-rinviju jippreċiżaw li l-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) reċentement kellha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-klawżoli mad-Direttiva 93/13 u ddeċidiet, f’sentenza tal‑21 ta’ April 2017 (NL:HR:2017:773, Dexia vs Tijhuis), li l-Artikolu 6 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ħoloq, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

17

Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, skont il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tas-somma li Dexia għandha d-dritt li titlob, skont l-Artikolu 6 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma jiħux inkunsiderazzjoni l-vantaġġ li din tieħu minn xoljiment, peress li l-ammont li hija tirċievi jerġa’ jipproduċi l-interessi, u l-fatt li Dexia, skont l-Artikolu 15 tal-kundizzjonijiet speċjali, taġġorna l-ammont ta’ pagamenti ta’ kull xahar li għadhom dovuti permezz ta’ tnaqqis ta’ 5 % fis-sena jikkumpensa dan il-vantaġġ biss b’mod limitat ħafna. Fil-fatt, dan il-metodu ta’ kalkolu għandu l-konsegwenza li l-profitt li Dexia setgħet tagħmel billi tinvesti l-fondi mill-ġdid b’mod antiċipat fis-suq tal-kapital ġie ffissat għal 5 % fis-sena. B’hekk, sakemm ir-rata tas-suq tkun ogħla minn 5 %, id-differenza bejn ir-rata fissa u r-rata reali tas-suq tkun ta’ benefiċċju għal Dexia. Il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tenfasizza li, skont ir-rata ta’ interessi u d-data ta’ terminazzjoni jew ta’ xoljiment tal-kuntratt, il-vantaġġ li Dexia tieħu minn xoljiment antiċipat jista’ fil-fatt ikun kbir ħafna.

18

Fl-aħħar nett, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) irrilevat li, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, Dexia żżomm il-possibbiltà li tipproċedi għax-xoljiment tal-kuntratt u li hija tista’ għalhekk, skont l-Artikolu 6:277 tal-BW, titlob kumpens għad-danni.

Il-Kawża C‑229/19

19

Matul l‑1999, XXX ikkonkluda żewġ kuntratti ta’ leasing ma’ kumpannija li Dexia ssuċċediet.

20

Fis‑6 ta’ Ġunju 2005, minħabba dewmien fil-ħlas, wara li intimat lil XXX sabiex iħallas, Dexia temmet il-kuntratti ta’ leasing ikkonċernati b’mod antiċipat u stabbilixxiet il-kontijiet finali.

21

Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Dexia stabbilixxiet il-kontijiet finali skont l-Artikoli 6 u 15 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ffatturat lil XXX il-bilanċ tad-dejn li jidher fuq dawn il-kontijiet.

22

XXX ressaq kawżi sabiex, b’mod partikolari, iż-żewġ kuntratti ta’ leasing jiġu kkanċellati jew xolti u s-somom imħallsa lil Dexia jiġu rrimborsati lilu. Din tal-aħħar ressqet kontrotalba intiża sabiex XXX jiġi kkundannat iħallas somma li tikkorrispondi għall-ammont totali, flimkien mal-interessi moratorji, li xorta għandhom jitħallsu skont iż-żewġ kuntratti ta’ leasing.

23

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2008, il-kantonrechter (il-Qorti Kantonali, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkundannat lil Dexia tħallas lil XXX is-somma ta’ EUR 2 507.69 għal kull kuntratt ta’ leasing, fil-forma ta’ kumpens, flimkien mal-interessi legali, u ċaħdet il-kontrotalba ta’ Dexia.

24

Iż-żewġ partijiet fil-Kawża C‑229/19 appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Dexia titlob li t-talba ta’ XXX tiġi miċħuda u li l-kontrotalba tagħha tintlaqa’. XXX għandu l-għan li jikseb kumpens ogħla minn dak li ngħatalu fl-ewwel istanza.

25

F’dan il-kuntest, il-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) tenfasizza li, peress li t-tilwima mressqa quddiemha tikkonċerna kuntratti konklużi bejn fornitur ta’ servizzi finanzjarji u konsumaturi, hija għandha teżamina ex officio jekk klawżola tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex inġusta fid-dawl tal-kriterji previsti fid-Direttiva 93/13 u, fl-affermattiv, tipproċedi ex officio għall-annullament ta’ din il-klawżola. Issa, wara s-sentenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), iċċitata fil-punti 16 sa 18 ta’ din is-sentenza, li fiha l-Artikolu 6 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tqies li jikkostitwixxi klawżola inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, il-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) għandha dubji dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

26

Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑229/19, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) sempliċement eżaminat b’mod astratt jekk, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, klawżola setax ikollha konsegwenzi sfavorevoli għall-konsumatur u kkonkludiet li s-sempliċi possibbiltà tal-eżistenza ta’ żvantaġġ għal dan tal-aħħar kienet suffiċjenti sabiex tali klawżola titqies li hija inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13.

27

Madankollu, din il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-kuntratti ta’ leasing tal-azzjonijiet huma kuntratti b’eżekuzzjoni suċċessiva konklużi għal perijodu li jista’ jitla’ sa 20 sena, li jimplika li, bħala prinċipju, waqt il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti, ikun għadu ma huwiex ċert li fornitur ta’ servizzi finanzjarji, bħal Dexia, ser jikseb xi vantaġġ fil-każ ta’ xoljiment antiċipat. Fil-fatt, l-ammont ta’ dan il-vantaġġ ivarja skont ir-rata fis-seħħ fid-data tat-terminazzjoni antiċipata tal-kuntratt ikkonċernat u li biha l-ammont irċevut b’mod antiċipat jista’ jiġi investit matul il-perijodu li jifdal ta’ dan il-kuntratt.

28

F’dan il-każ, l-Artikolu 15 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxi b’mod antiċipat il-vantaġġ potenzjali tal-kreditur, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt, għal 5 % fis-sena tal-bilanċ mhux imħallas tal-ammont miftiehem fil-kuntratt ta’ leasing, matul il-perijodu li jifdal tal-kuntratt. Għalhekk, skont l-imsemmija qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat, qabel kollox, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-iffissar ta’ dan il-vantaġġ potenzjali ta’ Dexia huwiex inġust jew le, pereżempju, billi din il-klawżola tiġi pparagunata ma’ dawk li normalment jintużaw f’każijiet simili ta’ bejgħ bin-nifs jew bir-rata ta’ interessi applikata, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, matul l-aġġornament tal-ammonti għal kuntratti b’kapital u b’tul paragunabbli ma’ dawk tal-kuntratti kkonċernati.

29

Sussegwentement, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, setax jaċċetta, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, li, fil-każ tax-xoljiment antiċipat tiegħu, il-vantaġġ ta’ Dexia jkun, b’deroga għal-leġiżlazzjoni applikabbli, stabbilit b’applikazzjoni tal-Artikoli 6 u 15 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perizja u l-għarfien ta’ dan il-bank fir-rigward tal-evoluzzjoni potenzjali tar-rati ta’ interessi u bl-għarfien li, f’każ ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6:277 tal-BW, tali vantaġġ ma kienx ikun stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punti 6869, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 5758).

30

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑229/19, is-sentenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), iċċitata fil-punti 16 sa 18 ta’ din is-sentenza, tmur kontra s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés (C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643). Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) ma tistabbilixxix kriterji speċifiċi li jippermettu lill-qrati nazzjonali jevalwaw jekk l-Artikolu 6 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex inġust u tqis, għall-kuntrarju, li din id-dispożizzjoni hija, fil-każijiet kollha, inkompatibbli mad-Direttiva 93/13 sa fejn din jista’ jkollha konsegwenzi sfavorevoli għall-konsumatur, skont ċerti ċirkustanzi matul il-perijodu kuntrattwali.

31

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑229/19 tistaqsi liema huma l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn annullament tal-Artikoli 6 u 15 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, hija tirrileva li, minn naħa, il-kuntratt ta’ leasing tal-azzjonijiet jibqa’ vinkolanti għall-partijiet, anki wara l-annullament ta’ dawn l-artikoli, sa fejn dan jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajrhom. Min-naħa l-oħra, skont din il-qorti tar-rinviju, Dexia ma għandhiex tkun tista’ tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-BW li jkunu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, iktar sfavorevoli fir-rigward tal-konsumatur.

32

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li klawżola għandha titqies bħala inġusta, fis-sens tal-kriterji previsti minn din id-direttiva, jekk tali klawżola, meta tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, tista’ toħloq żbilanċ sinjifikattiv inkonnessjoni maċ-ċirkustanzi li jseħħu matul il-perijodu operattiv tal-kuntratt, b’mod partikolari sa fejn il-klawżola tistabbilixxi b’mod antiċipat vantaġġ possibbli, liema vantaġġ huwa favur il-bejjiegħ jew fornitur fil-mument tat-terminazzjoni antiċipata tal-kuntratt, permezz ta’ perċentwali ddeterminata tal-ammont rimanenti tal-leasing, b’deroga mir-regoli applikabbli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li skonthom tali vantaġġ ma għandux jiġi stabbilit b’mod antiċipat, iżda għandu jiġi ddeterminat abbażi taċ-ċirkustanzi preżenti waqt it-terminazzjoni tal-kuntratt, u b’mod partikolari, tar-rata ta’ interessi li biha l-ammont, li jkun ġie rċevut b’mod antiċipat, jista’ jingħata b’self matul il-perijodu rimanenti tal-kuntratt inkwistjoni?”

Il-Kawża C‑289/19

33

Fis‑17 ta’ Marzu 2000, Z iffirma, bħala abbonat, żewġ kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet ma’ kumpannija li Dexia ssuċċediet.

34

Matul l‑2006, minħabba dewmien fil-ħlas, Dexia temmet il-kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet konklużi ma’ Z b’mod antiċipat u stabbilixxiet, skont l-Artikoli 6 u 15 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kontijiet finali li fuqhom jidhru l-bilanċi ta’ debitu li Z irrifjuta li jħallas.

35

Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, matul il-kawża bejn Dexia u Z, Dexia rrikonoxxiet li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Z kienet tali li l-obbligi ta’ ħlas li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti kienu jirrappreżentaw piż finanzjarju eċċessivament tqil għall-persuna kkonċernata u li, minħabba f’hekk, skont il-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza minn bank tal-obbligi ta’ diliġenza tiegħu, hija kellha tħallsu d-danni. Skont Dexia, skont din il-ġurisprudenza, dawn id-danni kienu jammontaw għal żewġ terzi tal-pagamenti ta’ kull xahar diġà mħallsa, wara li jitnaqqsu d-dividendi diġà mħallsa, u għal żewġ terzi tad-dejn li jifdal, iżda hija qieset li għad għandha dritt għall-ħlas ta’ terz tal-pagamenti ta’ kull xahar li kienu għadhom ma tħallsux.

36

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2013, il-kantonrechter (il-Qorti Kantonali, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkundannat lil Dexia, fuq kontrotalba ta’ Z, għall-ħlas lil dan tal-aħħar ta’ EUR 18 804.60. Dexia appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑289/19.

37

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2016, din il-qorti tar-rinviju ddifferiet il-kawża sad-deċiżjoni tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) fil-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata fil-punti 16 sa 18 ta’ din is-sentenza.

38

Fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), Z u Dexia issa ma jaqblux quddiem l-imsemmija qorti tar-rinviju dwar il-kwistjoni jekk, fin-nuqqas ta’ invokazzjoni tal-Artikolu 6 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Dexia tistax madankollu titlob kumpens bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

39

L-istess qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax tissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ natura supplimentari diġà ġiet indirizzata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Banco Santander u Escobedo Cortés (C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:216), fejn ġie konkluż li din il-possibbiltà għandha tkun limitata għall-każijiet li fihom l-invalidazzjoni ta’ klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, u b’hekk il-konsumatur jiġi espost għal konsegwenzi tali li dan tal-aħħar ikun ippenalizzat. Madankollu, peress li f’dawn il-kawżi magħquda l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx hemm lok li tingħata risposta għad-domanda dwar dan il-punt, tibqa’ meħtieġa kjarifika.

40

Huwa f’dan il-kuntest li l-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-utent ta’ klawżola abbużiva li ġiet annullata u li kienet intiża għall-ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-konsumatur tal-obbligi tiegħu, jista’ jinvoka l-kumpens legali applikabbli abbażi ta’ liġi supplimentari?

2)

Għall-finijiet ta’ risposta għal din id-domanda, hija importanti l-kwistjoni dwar jekk il-kumpens li jista’ jiġi pretiż b’applikazzjoni tas-sistema ta’ kumpens legali jkunx ugwali, inferjuri jew superjuri għall-kumpens previst mill-klawżola annullata?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq id-domanda preliminari fil-Kawża C‑229/19

41

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, f’kuntratt aleatorju, bħall-kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, klawżola li tistabbilixxi minn qabel il-vantaġġ li minnu jibbenefika l-bejjiegħ jew fornitur fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt għandhiex titqies li hija inġusta minħabba s-sempliċi fatt li, evalwata biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż il-kuntratt ikkonċernat, din il-klawżola tista’ toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

42

F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 6 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-każ ta’ terminazzjoni antiċipata ta’ dawn il-kuntratti, Dexia għandha d-dritt, mid-data ta’ xoljiment, għall-interessi mhux imħallsa sad-data tat-terminazzjoni antiċipata tal-kuntratt ikkonċernat, kif ukoll għas-somma prinċipali u għall-interessi li kienu dovuti matul il-perijodu li jibda minn din it-terminazzjoni antiċipata sat-tmiem inizjalment miftiehem ta’ dan il-kuntratt. L-Artikolu 15 ta’ dawn il-kundizzjonijiet speċjali jipprevedi aġġornament ta’ 5 % fis-sena fuq din is-somma prinċipali u dawn l-interessi, u konsegwentement jistabbilixxi b’mod antiċipat il-vantaġġ li Dexia tibbenefika minnu f’każ ta’ xoljiment antiċipat, peress li din tirkupra l-imsemmija somma prinċipali u l-imsemmija interessi b’mod iktar mgħaġġel u tista’ tinvestihom mill-ġdid.

43

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domanda magħmula mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikoli 6 u 15 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu interpretati flimkien, minkejja li ma hemmx qbil bejn il-partijiet fuq dan il-punt.

44

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tar-rinviju biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck, C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36). Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, Preindl, C‑675/17, EU:C:2018:990, punt 24).

45

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tkopri l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 u fl-anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, filwaqt li hija dik il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi biss indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola titqies li hija “inġusta” meta toħloq, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt konkluż bejn dan il-konsumatur u bejjiegħ jew fornitur.

47

Filwaqt li jirreferi għall-kunċetti ta’ “bona fide” u ta’ “żbilanċ sinjifikattiv” għad-detriment tal-konsumatur bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 madankollu jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, “żbilanċ sinjifikattiv” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ qbil f’dan is-sens bejn il-partijiet. Huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista fid-dritt nazzjonali fis-seħħ. Bl-istess mod, għal dan il-għan, jidher rilevanti li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab dan il-konsumatur fid-dawl tal-mezzi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, l-eżami tal-eżistenza ta’ eventwali “żbilanċ sinjifikattiv” ma jistax ikun limitat għal evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva, ibbażata fuq paragun bejn l-ammont totali tat-tranżazzjoni li hija s-suġġett tal-kuntratt, minn naħa, u l-ispejjeż li għalihom huwa responsabbli l-konsumatur skont din il-klawżola, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, żbilanċ sinjifikattiv jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab il-konsumatur, bħala parti fil-kuntratt ikkonċernat, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu skont dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew inkella tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu addizzjonali, li ma huwiex previst mir-regoli nazzjonali (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 51).

50

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kuntratt għandu jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih il-klawżola kkonċernata tagħmel riferiment kif ukoll, fejn applikabbli, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’tali mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jippreċiża li n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi jitqiesu n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, kif ukoll il-klawżoli l-oħra kollha tal-imsemmi kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

52

Minn din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha ssir b’riferiment għad-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 48).

53

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva huma dawk li l-bejjiegħ jew fornitur seta’ jkun jaf bihom fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tiegħu, peress li klawżola kuntrattwali tista’ twassal għal żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt li jimmanifesta ruħu biss matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 54; tal‑5 ta’ Ġunju 2019, GT, C‑38/17, EU:C:2019:461, punt 40; kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 48).

54

Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, skont id-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, tikkunsidra biss id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat u tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li fihom dan ġie konkluż, jekk din il-klawżola kinitx fiha nnifisha twassal għal żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet favur il-bejjiegħ jew fornitur. Għalkemm tali evalwazzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, hija fl-ebda każ ma tista’ tiddependi fuq l-okkorrenza ta’ avvenimenti li seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt li huma indipendenti mir-rieda tal-partijiet.

55

Għaldaqstant, għalkemm ma jistax jiġi kkontestat li, f’ċerti każijiet, l-iżbilanċ imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jista’ jimmanifesta ruħu biss matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, għandu jiġi vverifikat jekk, mid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, il-klawżoli tal-imsemmi kuntratt kellhomx dan l-iżbilanċ, u dan minkejja li l-imsemmi żbilanċ jista’ jseħħ biss jekk ċerti ċirkustanzi jseħħu jew li, f’ċirkustanzi oħra, l-imsemmija klawżola tkun tista’ saħansitra tibbenefika lill-konsumatur.

56

Minn naħa, ir-raġunament bil-kontra jwassal sabiex l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li fihom isseħħ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt u għall-iżviluppi futuri eventwali taċ-ċirkustanzi li għandhom influwenza fuq din tal-aħħar, b’tali mod li l-bejjiegħa jew fornituri jkunu jistgħu jispekulaw fuq din l-eżekuzzjoni u dawn l-iżviluppi kif ukoll jinkludu klawżola potenzjalment inġusta, billi jilagħbu fuq il-fatt li din il-klawżola tevita l-klassifikazzjoni bħala klawżola inġusta f’ċerti ċirkustanzi.

57

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi u għandhom, għaldaqstant, jitqiesu li qatt ma eżistew. Issa, jekk l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola setgħet tiddependi fuq l-okkorrenza ta’ avvenimenti li seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt li huma indipendenti mir-rieda tal-partijiet, il-qorti nazzjonali tkun tista’ sempliċement tevita l-applikazzjoni tal-klawżola kontenzjuża biss għal dawn il-perijodi fejn il-klawżola inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala inġusta.

58

Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevalwa n-natura possibbilment inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tkun il-bażi tat-talba li jkollha quddiemha, tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt ikkonċernat (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, A (Sullokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali), C‑738/19, EU:C:2020:687, punt 25).

59

Għalhekk, fil-każ fejn il-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ikun, min-natura tiegħu stess, aleatorju, bħalma huwa l-każ tal-kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika wkoll li klawżola, fid-dawl tal-interazzjoni mal-klawżoli l-oħra li jagħmlu parti mill-kuntratt, ma twassalx għal tqassim inugwali ħafna tar-riskji sostnuti mill-partijiet f’dan il-kuntratt.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑229/19 hija li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li klawżola li tinsab f’kuntratt aleatorju konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, bħal kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet, għandha titqies li hija inġusta jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż il-kuntratt ikkonċernat u fid-data tal-konklużjoni tiegħu, din il-klawżola tista’ toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, u dan minkejja li dan l-iżbilanċ jista’ jseħħ biss f’ċerti ċirkustanzi jew li, f’ċirkustanzi oħra, l-imsemmija klawżola tista’ saħansitra tkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk klawżola li tistabbilixxi minn qabel il-vantaġġ li minnu jibbenefika l-bejjiegħ jew fornitur fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż dan il-kuntratt, setgħetx, wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, toħloq tali żbilanċ.

Fuq id-domandi preliminari fil-Kawża C‑289/19

61

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) tistaqsi, essenzjalment, jekk bejjiegħ li impona fuq il-konsumatur klawżola li ġiet iddikjarata inġusta, u, konsegwentement, invalida, mill-qorti nazzjonali, jistax jitlob il-kumpens previst minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari li kienet tkun applikabbli fl-assenza ta’ din il-klawżola.

62

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma joġġezzjonax (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-kuntratt għandu jkompli jeżisti, bħala prinċipju, mingħajr ebda modifika oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti, sa fejn, konformement mar-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2019, GT, C‑38/17, EU:C:2019:461, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Konsegwentement, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, din il-qorti ma tistax tikkompleta l-kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, li kieku l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratt, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Din il-possibbiltà tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bis-sempliċi u pur nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumatur ta’ dawn il-klawżoli, sa fejn dawn jibqgħu inklinati li jużaw l-imsemmija klawżoli, filwaqt li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jitkompla, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali, b’tali mod li jiggarantixxi l-interessi ta’ dawn il-bejjiegħa jew fornituri (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 69; tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 79; tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 54; kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 60).

65

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jibqgħu fis-seħħ mingħajr il-klawżola inġusta.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 sa 64 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’każ bħal dak tal-Kawża C‑289/19, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali ma għandhiex is-setgħa li tissostitwixxi l-klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari peress li l-invalidazzjoni ta’ din il-klawżola ma tobbligax lill-qorti tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun ippenalizzat.

67

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑289/19 hija li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li bejjiegħ li impona fuq konsumatur klawżola li ġiet iddikjarata inġusta, u, konsegwentement, invalida, mill-qorti nazzjonali, meta l-kuntratt jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr din il-klawżola, ma jistax jitlob il-kumpens legali previst minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari li kienet tkun applikabbli fl-assenza tal-imsemmija klawżola.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li klawżola li tinsab f’kuntratt aleatorju konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, bħal kuntratti ta’ leasing ta’ azzjonijiet, għandha titqies li hija inġusta jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż il-kuntratt ikkonċernat u fid-data tal-konklużjoni tiegħu, din il-klawżola tista’ toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, u dan minkejja li dan l-iżbilanċ jista’ jseħħ biss f’ċerti ċirkustanzi jew li, f’ċirkustanzi oħra, l-imsemmija klawżola tista’ saħansitra tkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk klawżola li tistabbilixxi minn qabel il-vantaġġ li minnu jibbenefika l-bejjiegħ jew fornitur fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż dan il-kuntratt, setgħetx, wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, toħloq tali żbilanċ.

 

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li bejjiegħ li impona fuq konsumatur klawżola li ġiet iddikjarata inġusta, u, konsegwentement, invalida, mill-qorti nazzjonali, meta l-kuntratt jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr din il-klawżola, ma jistax jitlob il-kumpens legali previst minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari li kienet tkun applikabbli fl-assenza tal-imsemmija klawżola.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawżi: l-Olandiż.

Top