This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0201
Judgment of the Court (First Chamber) of 27 June 2024.#Servier SAS and Others v European Commission.#Appeal – Competition – Pharmaceutical products – Market for perindopril – Article 101 TFEU – Agreements, decisions and concerted practices – Potential competition – Restriction of competition by object – Strategy to delay the market entry of generic versions of perindopril – Patent dispute settlement agreement – Duration of the infringement – Concept of a single infringement – Annulment or reduction of the fine.#Case C-201/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2024.
Servier SAS et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-perindopril – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Strateġija intiża li ddewwem id-dħul fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi – Tul tal-ksur – Kunċett ta’ ksur uniku – Annullament jew tnaqqis tal-multa.
Kawża C-201/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2024.
Servier SAS et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-perindopril – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Strateġija intiża li ddewwem id-dħul fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi – Tul tal-ksur – Kunċett ta’ ksur uniku – Annullament jew tnaqqis tal-multa.
Kawża C-201/19 P.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:552
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
27 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
Werrej
|
I. Il‑kuntest ġuridiku |
|
|
A. Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003 |
|
|
B. Il‑Linji Gwida dwar ftehimiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġija tal-2004 |
|
|
C. Il-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija |
|
|
II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
|
A. Il‑perindopril |
|
|
B. Il‑kawżi relatati mal‑perindopril |
|
|
1. Id‑deċiżjonijiet tal‑UEP |
|
|
2. Id‑deċiżjonijiet tal‑qrati nazzjonali |
|
|
C. Il‑ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja tat-tilwimiet relatati mal-perindopril |
|
|
1. Il‑ftehimiet Niche u Matrix |
|
|
2. Il‑ftehim Teva |
|
|
3. Il‑ftehimiet Krka |
|
|
4. Il‑ftehim Lupin |
|
|
III. Id‑deċiżjoni kontenzjuża |
|
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata |
|
|
V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet |
|
|
VI. Fuq l-appell |
|
|
A. Osservazzjonijiet preliminari fuq l‑ammissibbiltà |
|
|
B. Fuq l‑ewwel u t‑tieni aggravju, dwar il‑kriterji ta’ evalwazzjoni tal‑kunċetti ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l‑għan u ta’ kompetizzjoni potenzjali |
|
|
1. Fuq l‑ammissibbiltà |
|
|
2. Fuq il‑mertu |
|
|
a) Osservazzjonijiet preliminari |
|
|
b) Fuq il‑kriterji dwar il‑kompetizzjoni potenzjali (it-tieni aggravju) |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja |
|
|
c) Fuq il‑kriterji dwar il‑klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l‑għan (l‑ewwel aggravju) |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
C. Fuq it-tielet u s-sitt aggravju, dwar il-ftehimiet Niche u Matrix |
|
|
1. Fuq it‑tielet aggravju |
|
|
a) Fuq l‑ewwel parti, dwar il-kompetizzjoni potenzjali |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
b) Fuq it-tieni parti, dwar il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
2. Fuq is‑sitt aggravju, dwar il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix bħala istanzi ta’ ksur distinti |
|
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
D. Fuq ir-raba’ aggravju, relatat mal-ftehim Teva |
|
|
1. Fuq l‑ewwel parti, dwar il-kompetizzjoni potenzjali |
|
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
2. Fuq it-tieni parti, dwar il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan |
|
|
a) Fuq l‑għanijiet tal‑ftehim Teva |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
b) Fuq l‑ambivalenza tal‑effetti tal‑ftehim Teva |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
c) Fuq in‑noċività tal‑klawżoli tal‑ftehim Teva |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja |
|
|
d) Fuq il‑ħlas invertit |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
E. Fuq il‑ħames aggravju, dwar il-ftehim Lupin |
|
|
1. Fuq l‑ewwel parti, dwar il‑kompetizzjoni potenzjali |
|
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
2. Fuq it-tieni parti, dwar il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan |
|
|
a) Fuq il‑ħlas invertit |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
b) Fuq in-noċività tal-klawżoli tal-ftehim Lupin |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
c) Fuq il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑ftehim Lupin |
|
|
1) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
3. Fuq it‑tielet parti, dwar id‑data tat‑tmiem tal‑ksur |
|
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
F. Fuq is-seba’ , dwar il-multi |
|
|
1. Fuq l‑ewwel parti, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege |
|
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
2. Fuq it‑tieni parti, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità |
|
|
a) L‑argumenti tal‑partijiet |
|
|
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
|
G. Konklużjonijiet fuq l‑appell |
|
|
VII. Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali |
|
|
Fuq l‑ispejjeż |
“Appell – Kompetizzjoni – Prodotti farmaċewtiċi – Suq tal-perindopril – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Strateġija intiża li ddewwem id-dħul fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril – Ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi – Tul tal-ksur – Kunċett ta’ ksur uniku – Annullament jew tnaqqis tal-multa”
Fil-Kawża C‑201/19 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑28 ta’ Frar 2019,
Servier SAS, stabbilita f’Suresnes (Franza),
Servier Laboratories Ltd, stabbilita fi Stoke Poges (Ir-Renju Unit),
Les Laboratoires Servier SAS, stabbilita f’Suresnes,
irrappreżentati minn O. de Juvigny, J. Jourdan, T. Reymond, A. Robert, avocats, J. Killick, advocaat, u M. I. F. Utges Manley, solicitor,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Castilla Contreras, B. Mongin, u C. Vollrath, sussegwentement minn F. Castilla Contreras, F. Castillo de la Torre, B. Mongin, J. Norris kif ukoll C. Vollrath, u fl-aħħar nett minn F. Castilla Contreras, F. Castillo de la Torre, J. Norris u C. Vollrath, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
sostnuta minn:
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn D. Guðmundsdóttir, bħala aġent, assistita minn J. Holmes, KC, sussegwentement minn L. Baxter, F. Shibli, D. Guðmundsdóttir u J. Simpson, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, KC, u P. Woolfe, barrister, u fl-aħħar nett minn S. Fuller, bħala aġent, assistit minn J. Holmes, KC, u P. Woolfe, barrister,
European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA), stabbilita f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentata minn F. Carlin, avocate,
intervenjenti fl-appell,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Longar u R. Şereş, Amministraturi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tal‑20 u tal‑21 ta’ Ottubru 2021,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS jitolbu l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:922), li permezz tagħha din ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 4955 final tad‑9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 102 [TFUE] [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din tikkonċernahom u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003
|
2 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “L-oneru tal-Prova”, jipprovdi: “F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [101] u [102 TFUE], il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu [101(1)] jew tal-Artikolu [102 TFUE] ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. L-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tapplika għall-benefiċċji ta’ l-Artikolu [101(3) TFUE] jġorr il-piż tal-prova li il-kondizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma mwettqa.” |
B. Il‑Linji Gwida dwar ftehimiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġija tal-2004
|
3 |
Il-punt 209 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea, tas‑27 ta’ April 2004, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU 2004, C 101, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar ftehimiet ta’ trasferiment ta’ teknoloġija tal‑2004”), jipprovdi: “Fil-kuntest ta’ ftehim bonarju u ta’ non-asserzjoni, il-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni ġeneralment jitqiesu ġeneralment li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1) TFUE. Huwa inerenti fi ftehimiet bħal dawn li l-partijiet jaqblu li ma jikkontestawx ex post id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti mill-ftehim. Fil-fatt, l-għan innifsu tal-ftehim huwa li r-riżoluzzjoni ta’ tilwim eżistenti u/jew l-evitar ta’ tilwim fil-futur.” |
C. Il-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija
|
4 |
Il-punti 242 u 243 tal-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU 2014, C 89, p. 3), jipprovdu: “Klawżoli ta’ non-kontestazzjoni fi ftehimiet bonarji
|
II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
5 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-punti 1 sa 73 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej. |
A. Il‑perindopril
|
6 |
Servier SAS hija l-kumpannija omm tal-grupp farmaċewtiku Servier li jinkludi lil Les Laboratoires Servier SAS u lil Servier Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem, individwalment jew flimkien, “Servier”). Il-kumpannija Les Laboratoires Servier hija speċjalizzata fl-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, u s-sussidjarja tagħha Biogaran SAS fi prodotti mediċinali ġeneriċi. |
|
7 |
Servier żviluppa l-perindopril, prodott mediċinali prinċipalment intiż għall-ġlieda kontra l-pressjoni għolja u l-insuffiċjenza kardijaka. Dan il-prodott mediċinali jagħmel parti mill-inibituri tal-enżima ta’ konverżjoni tal-anġjotensina. L-ingredjent attiv tal-perindopril huwa fil-forma ta’ melħ. Il-melħ użat inizjalment kien l-erbumina. |
|
8 |
Il-privattiva EP0049658, relatata mal-ingredjent attiv tal-perindopril, ġiet ippreżentata minn kumpannija tal-grupp Servier quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) fid‑29 ta’ Settembru 1981. Din il-privattiva kellha tiskadi fid‑29 ta’ Settembru 2001, iżda l-protezzjoni tagħha ġiet estiża f’diversi Stati Membri, fosthom ir-Renju Unit, sat‑22 ta’ Ġunju 2003. Fi Franza, il-protezzjoni tal-imsemmija privattiva ġiet estiża sat‑22 ta’ Marzu 2005 u, fl-Italja, sat‑13 ta’ Frar 2009. |
|
9 |
Fis‑16 ta’ Settembru 1988, Servier ippreżenta diversi privattivi quddiem l-UEP relatati mal-proċessi ta’ manifattura tal-ingredjent attiv tal-perindopril li skadew fis‑16 ta’ Settembru 2008, jiġifieri l-privattivi EP0308339 (iktar ’il quddiem il-“privattiva 339”), EP0308340 (iktar ’il quddiem il-“privattiva 340”), EP0308341 (iktar ’il quddiem il-“privattiva 341”) u EP0309324. |
|
10 |
Fis‑6 ta’ Lulju 2001, Servier ippreżenta quddiem l-UEP il-privattiva EP1296947 (iktar ’il quddiem il-“privattiva 947”), relatata mal-forma kristallina alpha tal-erbumina tal-perindopril u mal-proċess ta’ manifattura tagħha, li nħarġet mill-UEP fl‑4 ta’ Frar 2004. |
|
11 |
Fis‑6 ta’ Lulju 2001, Servier ippreżenta wkoll applikazzjonijiet għal privattivi nazzjonali f’diversi Stati Membri qabel ma dawn saru membri tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’München fil‑5 ta’ Ottubru 1973 u li daħlet fis-seħħ fis‑7 ta’ Ottubru 1977. Servier, pereżempju, ippreżenta applikazzjonijiet għal privattivi li jikkorrispondu għall-privattiva 947 fil-Bulgarija (BG 107532), fir-Repubblika Ċeka (PV2003‑357), fl-Estonja (P200300001), fl-Ungerija (HU225340), fil-Polonja (P348492) u fis-Slovakkja (PP0149-2003). Il-privattivi ngħataw fis‑16 ta’ Mejju 2006 fil-Bulgarija, fis‑17 ta’ Awwissu 2006 fl-Ungerija, fit‑23 ta’ Jannar 2007 fir-Repubblika Ċeka, fit‑23 ta’ April 2007 fis-Slovakkja u fl‑24 ta’ Marzu 2010 fil-Polonja. |
B. Il‑kawżi relatati mal‑perindopril
|
12 |
Bejn is-sena 2003 u s-sena 2009, kien hemm diversi tilwimiet bejn Servier u manifatturi li kienu ser jikkummerċjalizzaw verżjoni ġenerika tal-perindopril. |
1. Id‑deċiżjonijiet tal‑UEP
|
13 |
Matul is-sena 2004, għaxar manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, fosthom Niche Generics Ltd (iktar ’il quddiem “Niche”), Krka, tovarna zdravil, d.d. (iktar ’il quddiem “Krka”), Lupin Ltd u Norton Healthcare Ltd, sussidjarja ta’ Ivax Europe, li sussegwentement amalgamat ma’ Teva Pharmaceuticals Ltd, kumpannija omm tal-grupp Teva, speċjalizzata fil-manifattura ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, ressqu oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP, bl-għan li jiksbu r-revoka tagħha, billi invokaw motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva kif ukoll fuq in-natura insuffiċjenti tal-iżvelar tal-invenzjoni. |
|
14 |
Fis‑27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità tal-privattiva 947 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006”). Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata quddiem il-Bord tal-Appell Tekniku tal-UEP. Wara li kkonkludiet ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ma’ Servier, Niche rtirat mill-proċedura ta’ oppożizzjoni fid‑9 ta’ Frar 2005. Krka u Lupin irtiraw mill-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell Tekniku tal-UEP, fil‑11 ta’ Jannar 2007 u fil‑5 ta’ Frar 2007, rispettivament. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2009, il-Bord tal-Appell Tekniku tal-UEP annulla d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u rrevoka l-privattiva 947. Ir-rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Servier kontra din id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Tekniku ġie miċħud fid‑19 ta’ Marzu 2010. |
2. Id‑deċiżjonijiet tal‑qrati nazzjonali
|
16 |
Il-validità tal-privattiva 947 ġiet ikkontestata quddiem ċerti qrati nazzjonali minn manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u Servier ressaq azzjonijiet għal kontrafazzjoni kif ukoll talbiet għal ordnijiet provviżorji kontra dawn il-manifatturi. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-proċeduri ngħalqu qabel ma l-qrati aditi setgħu jiddeċiedu definittivament dwar il-validità tal-privattiva minħabba ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja konklużi, bejn is-sena 2005 u s-sena 2007, minn Servier ma’ Niche, Matrix Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Matrix”), Teva, Krka u Lupin. |
|
17 |
Fir-Renju Unit, hija biss il-kawża bejn Servier u Apotex Inc. li tat lok għall-konstatazzjoni, b’mod ġudizzjarju, tal-invalidità tal-privattiva 947. Fil-fatt, fl‑1 ta’ Awwissu 2006, Servier ressaq azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947 quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), ir-Renju Unit), kontra Apotex, li kienet bdiet tikkummerċjalizza verżjoni ġenerika tal-perindopril fis-suq tar-Renju Unit. Fit‑8 ta’ Awwissu 2006, Servier kiseb ordni provviżorja kontra Apotex. Fis‑6 ta’ Lulju 2007, wara kontrotalba ta’ Apotex, din l-ordni provviżorja tneħħiet u l-privattiva 947 ġiet invalidata, u din l-impriża b’hekk setgħet tqiegħed fis-suq tar-Renju Unit verżjoni ġenerika tal-perindopril. Fid‑9 ta’ Mejju 2008, id-deċiżjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947 ġiet ikkonfermata fl-appell. |
|
18 |
Fil-Pajjiżi l-Baxxi, fit‑13 ta’ Novembru 2007, Katwijk Farma BV, sussidjarja ta’ Apotex, ressqet talba quddiem il-qorti ta’ dan l-Istat Membru għall-invalidità tal-privattiva 947, kif ivvalidata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Servier ressaq talba għal ordni provviżorja quddiem din il-qorti, li ġiet miċħuda fit‑30 ta’ Jannar 2008. L-imsemmija qorti, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2008 fi proċedura mibdija fil‑15 ta’ Awwissu 2007 minn Pharmachemie BV, kumpannija tal-grupp Teva, invalidat il-privattiva 947 għall-Pajjiżi l-Baxxi. Wara din id-deċiżjoni, Servier u Katwijk Farma rtiraw it-talbiet tagħhom. |
C. Il‑ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja tat-tilwimiet relatati mal-perindopril
1. Il‑ftehimiet Niche u Matrix
|
19 |
Niche hija sussidjarja ta’ Unichem Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Unichem”), kumpannija rregolata mid-dritt Indjan speċjalizzata fil-manifattura ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Fis‑26 ta’ Marzu 2001, il-kumpanniji li Niche u Matrix issuċċedew fid-dritt ikkonkludew ftehim ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril. Skont dan il-ftehim, il-kumpannija li Matrix issuċċediet fid-dritt kienet inkarigata mill-produzzjoni tal-ingredjent attiv ta’ dan il-prodott mediċinali, peress li l-kumpannija l-oħra li kienet parti fl-imsemmi ftehim kienet responsabbli għall-kisba tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq kif ukoll għad-distribuzzjoni tal-imsemmi prodott mediċinali. |
|
20 |
Fil‑25 ta’ Ġunju 2004, Servier ressaq azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattivi 339, 340, u 341 quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), ir-Renju Unit), kontra Niche li, permezz ta’ kontrotalba, talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947. Matrix ipparteċipat f’din il-proċedura billi ipproduċiet provi. Is-seduta f’din il-proċedura kienet ġiet stabbilita għas‑7 u 8 ta’ Frar 2005. |
|
21 |
Fit‑8 ta’ Frar 2005, Servier ikkonkluda żewġ ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ta’ dawn it-tilwimiet kif ukoll tal-proċeduri quddiem l-UEP relatati mal-privattiva 947, l-ewwel ma’ Niche u Unichem (iktar ’il quddiem il-“ftehim Niche”) u t-tieni ma’ Matrix (iktar ’il quddiem il-“ftehim Matrix”). |
|
22 |
Kull wieħed minn dawn il-ftehimiet kien jinkludi, minn naħa, klawżoli msejħa ta’ “non-kummerċjalizzazzjoni”, li permezz tagħhom dawn l-impriżi impenjaw ruħhom, sal-iskadenza tal-privattivi rilevanti ta’ Servier relatati mal-perindopril, li jastjenu milli jimmanifatturaw, jipprovdu jew jikkummerċjalizzaw kull forma ġenerika tal-perindopril immanifatturat bi proċessi protetti minn dawn il-privattivi u, min-naħa l-oħra, klawżoli msejħa ta’ “non-kontestazzjoni”, li permezz tagħhom dawn l-impriżi impenjaw ruħhom li jastjenu u li jirtiraw minn kull azzjoni intiża li tiġi kkontestata l-validità tal-imsemmija privattivi jew li jinkisbu dikjarazzjonijiet ta’ non-kontrafazzjoni. |
|
23 |
Bħala korrispettiv, Servier impenja ruħu, minn naħa, li ma jippreżentax azzjonijiet għal kontrafazzjoni kontra l-imsemmija impriżi u, min-naħa l-oħra, li jikkumpensahom għall-ispejjeż li jistgħu jirriżultaw mill-waqfien tal-programm ta’ żvilupp tagħhom ta’ verżjoni tal-perindopril immanifatturat bi proċessi protetti mill-privattivi ta’ Servier. Dan il-kumpens kellu jagħti lok għal żewġ pagamenti, l-ewwel favur Niche, u t-tieni favur Matrix, tas-somma ta’ 11.8 miljun liri sterlini (GBP) kull wieħed. Dawn il-ftehimiet kienu jkopru, b’mod partikolari, l-Istati Membri kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li fihom il-privattivi 339, 340, 341 u 947 kienu fis-seħħ. |
|
24 |
Skont it-tielet ftehim, konkluż ukoll fit‑8 ta’ Frar 2005, Niche impenjat ruħha li tittrasferixxi lil Biogaran fajls ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq għal tliet prodotti mediċinali għajr il-perindopril kif ukoll awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq miksuba fi Franza għal wieħed minn dawn it-tliet prodotti mediċinali (iktar ’il quddiem il-“ftehim Biogaran”). Bħala korrispettiv, Biogaran kellha tħallas lil Niche s-somma ta’ 2.5 miljuni liri sterlini (GBP), li ma kinitx rimborsabbli, anki fil-każ li Biogaran ma tiksibx awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq. |
2. Il‑ftehim Teva
|
25 |
Fid‑9 ta’ Awwissu 2005, Ivax ressqet azzjoni quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), ir-Renju Unit), intiża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947. Din il-proċedura ġiet sospiża sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura quddiem l-UEP dwar ir-revoka ta’ din il-privattiva. |
|
26 |
Fit‑13 ta’ Ġunju 2006, Servier u Teva UK Limited ikkonkludew ftehim ta’ soluzzjoni bonarja (iktar ’il quddiem il-“ftehim Teva”). Dan il-ftehim, li kien ikopri biss ir-Renju Unit, kellu tul ta’ tliet snin, li seta’ jiġġedded għal perijodu addizzjonali ta’ sentejn. Skont l-imsemmi ftehim, Teva inkarigat ruħha li tixtri esklużivament mingħand Servier perindropil intiż għad-distribuzzjoni fir-Renju Unit. Minbarra din il-klawżola ta’ provvista esklużiva, l-istess ftehim kien jinkludi wkoll klawżola ta’ non-kontestazzjoni tal-privattivi 339, 340, 341 u 947, li Servier kien proprjetarju tagħhom, kif ukoll klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, li kellha bħala kamp ta’ applikazzjoni t-territorju tar-Renju Unit. Skont din l-aħħar klawżola, Teva kienet marbuta tastjeni milli tipproduċi jew tikkummerċjalizza f’dan l-Istat Membru preċedenti kull forma ġenerika tal-perindopril li Servier kien iqis bħala kontrafazzjoni tal-privattivi tiegħu. Bħala korrispettiv, Servier ħallas lil Teva s-somma ta’ 5 miljuni liri sterlini (GBP). |
|
27 |
Barra minn hekk, il-ftehim Teva kien jinkludi klawżola kumpensatorja likwidata. Skont din il-klawżola, jekk Servier ma kienx jirnexxilux iforni perindopril lil Teva mill‑1 ta’ Awwissu 2006, huwa kien ikun obbligat iħallas kumpens likwidat ta’ ammont ta’ 500000 liri sterlini (GBP) fix-xahar lil Teva, fejn din tal-aħħar ma jkollha għalhekk ebda dritt għal rimedju kontra Servier u ebda d-dritt li xxolji l-ftehim Teva. |
|
28 |
Peress li ma pprovdiex perindopril lil Teva fl‑1 ta’ Awwissu 2006, skont il-ftehim Teva, Servier ħallas lil Teva kumpens likiwidat ta’ ammont ta’ 5.5 miljuni liri sterlini (GBP), fejn l-ammont totali tal-ħlasijiet magħmula b’eżekuzzjoni tal-ftehim Teva għalhekk kien ta’ 10.5 miljuni liri sterlini (GBP). |
|
29 |
Fit‑23 ta’ Frar 2007, Servier u Teva kkonkludew addendum għall-ftehim Teva. Filwaqt li kkonferma l-klawżola ta’ provvista esklużiva, dan l-addendum kien jipprevedi li Teva setgħet tibda tiddistribwixxi l-perindopril ta’ Servier f’data stabbilita minn din tal-aħħar, jew fid-data tar-revoka jew tal-iskadenza tal-privattiva 947, jew fid-data li minnha Apotex tibda tiddistribwixxi verżjoni ġenerika tal-perindopril fir-Renju Unit. |
3. Il‑ftehimiet Krka
|
30 |
Fit‑3 ta’ Ottubru 2006, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)), fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal kontrafazzjoni tal-privattivi 340 u 947, ħarġet ordni provviżorja kontra Krka u ċaħdet it-talba għal proċedura sommarja li permezz tagħha din tal-aħħar ikkontestat, permezz ta’ kontrotalba, il-validità tal-privattiva 947. |
|
31 |
Wara din id-deċiżjoni u d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, Servier u Krka kkonkludew tliet ftehimiet (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet Krka”). Fis‑27 ta’ Ottubru 2006, huma kkonkludew ftehim ta’ soluzzjoni bonarja għat-tilwimiet relatati mal-privattivi 340 u 947 kif ukoll ftehim ta’ liċenzja, u, fil‑5 ta’ Jannar 2007, ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja. |
|
32 |
Permezz ta’ dan il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja, Servier irtira l-azzjonijiet tiegħu għal kontrafazzjoni ta’ dawn il-privattivi kontra Krka u din tal-aħħar irrinunzjat milli tikkontesta l-validità tal-imsemmija privattivi fid-dinja kollha u milli tikkummerċjalizza verżjoni ġenerika tal-perindopril li tagħti lok għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947. |
|
33 |
Permezz tal-ftehim ta’ liċenzja, Servier ta lil Krka liċenzja esklużiva u irrevokabbli fuq il-privattiva 947 fir-Repubblika Ċeka, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fil-Polonja, fis-Slovenja u fis-Slovakkja. Bħala korrispettiv, Krka inkarigat ruħha li tħallas lil Servier tariffa ta’ 3 % tal-ammont nett tal-bejgħ tagħha f’dawn it-territorji kollha. |
|
34 |
Skont il-ftehim ta’ trasferiment u ta’ liċenzja, Krka ttrasferixxiet żewġ applikazzjonijiet għal privattivi lil Servier relatati mal-perindopril. Bħala korrispettiv għal dan it-trasferiment, Servier ħallas lil Krka s-somma ta’ EUR 30 miljun. |
4. Il‑ftehim Lupin
|
35 |
Fit‑18 ta’ Ottubru 2006, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)), Lupin ressqet azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947 u għal dikjarazzjoni ta’ non-kontrafazzjoni ta’ din il-privattiva mill-verżjoni ġenerika tal-perindopril li hija kellha l-ħsieb li tikkummerċjalizza fir-Renju Unit. |
|
36 |
Fit‑30 ta’ Jannar 2007, Servier u Lupin temmew din it-tilwima u l-proċedura bejniethom quddiem l-UEP relatata mal-privattiva 947, permezz ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja (iktar ’il quddiem il-“ftehim Lupin”). |
|
37 |
Dan il-ftehim kien jinkludi klawżola msejħa ta’ “non-kontestazzjoni” li permezz tagħha Lupin impenjat ruħha li ma tikkontestax il-privattivi ta’ Servier relatati mal-perindopril. Dan kien jinkludi wkoll klawżola msejjħa ta’ “non-kummerċjalizzazzjoni”. Skont din l-aħħar klawżola, Lupin impenjat ruħha li tastjeni milli tbigħ verżjoni ġenerika tal-“perindopril erbumina [...] u kwalunkwe melħ tiegħu”. Mill-punt 54 tas-sentenza appellata jirriżulta li “[m]adankollu, Lupin kienet awtorizzata tbiegħ prodotti pprovduti minn Servier jew il-perindopril proprju tiegħu fil-pajjiżi fejn verżjoni ġenerika tal-perindopril awtorizzata minn Servier kienet fis-suq jew f’każ ta’ skadenza tal‑privattivi rilevanti kollha ta’ Servier jew fil-pajjiżi li fihom terz poġġa fis‑suq verżjoni ġenerika tal-perindopril u li fihom Servier ma kien talab l-ebda ordni intiża għall-projbizjoni tal-bejgħ tiegħu”. Dawn il-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni kienu japplikaw għat-territorji tal-Istati Membri kollha taż-ŻEE. |
|
38 |
Barra minn hekk, il-ftehim Lupin kien jinkludi klawżola ta’ trasferiment u ta’ liċenzja, li permezz tagħha Lupin kienet tittrasferixxi lil Servier drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti minn tliet applikazzjonijiet għal privattivi li jirrigwardaw proċessi ta’ preparazzjoni tal-perindopril, drittijiet li Servier kien intrabat li jċedi b’liċenzja mill-ġdid lil Lupin. Bħala korrispettiv ta’ dan it-trasferiment, Servier ħallas lil Lupin EUR 40 miljun . |
|
39 |
Fl-aħħar nett, il-ftehim Lupin kien jipprevedi li Servier u Lupin kienu ser jużaw “il-mezzi raġonevoli kollha” sabiex jikkonkludu ftehim ta’ provvista li permezz tiegħu Servier kien ser jipprovdi l-perindopril lil Lupin. |
III. Id‑deċiżjoni kontenzjuża
|
40 |
Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-ftehimiet Niche, Matrix, Teva, Krka u Lupin kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett. Konsegwentement, hija kklassifikat dawn il-ftehimiet bħala ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-konklużjoni tagħhom, flimkien ma’ aġir ieħor bħall-akkwist ta’ teknoloġiji marbuta mal-ingredjent attiv tal-perindropil, kienet tikkostitwixxi, min-naħa ta’ Servier, strateġija intiża li tittardja d-dħul ta’ verżjonijiet ġeneriċi fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali, li fih din l-impriża kellha pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni qieset li dan l-abbuż minn pożizzjoni dominanti kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. |
|
41 |
Fl-Artikoli 1 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li Servier kien kiser l-Artikolu 101 TFUE, billi pparteċipa fil-ftehimiet Niche, Matrix, Teva, Krka u Lupin. B’mod partikolari, fl-Artikoli 1 u 2 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li l-ftehim Niche u l-ftehim Matrix kienu kull wieħed minnhom ikkostitwixxew ksur li jkopri l-Istati kollha li kienu membri tal-Unjoni Ewropea fid-data tal-adozzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-Italja u tal-Kroazja; li dan il-ksur beda fit‑8 ta’ Frar 2005, għajr fir-rigward tal-Latvja, fejn beda fl‑1 ta’ Lulju 2005, il-Bulgarija u r-Rumanija, fejn beda fl‑1 ta’ Jannar 2007, u Malta, fejn beda fl‑1 ta’ Marzu 2007; u li l-imsemmi ksur kien intemm fil‑15 ta’ Settembru 2008, għajr fir-rigward tar-Renju Unit, fejn dan intemm fis‑6 ta’ Lulju 2007, u l-Pajjiżi l-Baxxi, fejn intemm fit‑12 ta’ Diċembru 2007. |
|
42 |
Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehim Teva kien jikkostitwixxi ksur li jkopri r-Renju Unit, li kien beda fit‑13 ta’ Ġunju 2006 u ntemm fis‑6 ta’ Lulju 2007. |
|
43 |
Fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehim Lupin kien jikkostitwixxi ksur li jkopri l-Istati kollha li kienu membri tal-Unjoni dak iż-żmien, bl-eċċezzjoni tal-Kroazja. Il-Kummissjoni indikat li dan il-ksur kien beda fit‑30 ta’ Jannar 2007, għajr fir-rigward ta’ Malta, fejn beda fl‑1 ta’ Marzu 2007, u l-Italja, fejn beda fit‑13 ta’ Frar 2009; li l-imsemmi ksur kien intemm fis‑6 ta’ Mejju 2009, għajr fir-rigward tar-Renju Unit, fejn intemm fis‑6 ta’ Lulju 2007, tal-Pajjiżi l-Baxxi, fejn intemm fit‑12 ta’ Diċembru 2007, u ta’ Franza, fejn intemm fis‑16 ta’ Settembru 2008. |
|
44 |
Fl-Artikolu 7(1) sa (5) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ffissat l-ammont totali tal-multi imposti fuq Servier għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE għal EUR 289727200, li minnhom EUR 131532600 minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim Niche, EUR 79121700 minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim Matrix, EUR 4309000 minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim Teva, EUR 37661800 minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehimiet Krka u EUR 37102100 minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim Lupin. |
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
45 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2014, Servier ippreżenta rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqu permezz ta’ din id-deċiżjoni. |
|
46 |
Permezz ta’ att ippreżentat fit‑2 ta’ Frar 2015, il-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA) talbet li tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet ta’ Servier. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ottubru 2015, din it-talba ntlaqgħet. |
|
47 |
Fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, Servier invoka 17-il motiv insostenn tat-talbiet tiegħu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
48 |
Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motivi diretti kontra l-konstatazzjoni tal-ksur li jirriżulta mill-ftehimiet Krka. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawk relatati man-natura illegali tal-ftehimiet Niche, Matrix, Teva u Lupin (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet kontenzjużi”). Hija ċaħdet it-talbiet sussidjarji ta’ Servier intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multi li ġew imposti fuqu minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehimiet Niche, Teva u Lupin. Min-naħa l-oħra, hija naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehim Matrix għal EUR 55385190. |
V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
49 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2019, Servier ippreżentat dan l-appell. |
|
50 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Mejju 2019, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba. |
|
51 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom sal‑4 ta’ Ottubru 2021 dwar is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243), tal‑25 ta’ Marzu 2021, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑586/16 P, EU:C:2021:241), tal‑25 ta’ Marzu 2021, Generics (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑588/16 P, EU:C:2021:242), tal‑25 ta’ Marzu 2021, Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni (C‑601/16 P, EU:C:2021:244), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245). Il-Kummissjoni u r-Renju Unit kkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet fiż-żmien mogħti. |
|
52 |
Permezz tal-appell tagħha, Servier jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
53 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
54 |
L-EFPIA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
55 |
Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni. |
VI. Fuq l-appell
|
56 |
Insostenn tal-appell tiegħu, Servier jinvoka seba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi marbuta mal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi marbuta mal-kompetizzjoni potenzjali eżerċitata mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fuq Servier. It-tielet sal-ħames aggravju jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-ftehimiet Niche, Matrix, Teva, u Lupin. Sussidjarjament, Servier jinvoka, permezz tas-sitt aggravju tiegħu, żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix bħala istanzi ta’ ksur distinti. B’mod iktar sussidjarju, Servier jinvoka, permezz tas-seba’ motiv aggravju, il-ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fir-rigward tal-multi li ġew imposti fuqu skont l-Artikolu 101 TFUE. |
A. Osservazzjonijiet preliminari fuq l‑ammissibbiltà
|
57 |
Sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ ċerti aggravji u argumenti tal-appell, billi tikkritika, b’mod partikolari, lil Servier talli ma identifikax il-motivi tas-sentenza appellata li huma relatati magħha, talli għamel dikjarazzjonijiet ta’ portata ġenerali li ma għandhomx rabta mal-ilmenti u mar-raġunament esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża u fis-sentenza appellata, talli rrepeta wħud mill-argumenti tiegħu invokati fl-ewwel istanza mingħajr ma spjega kif huma jistabbilixxu żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, u talli kkontesta evalwazzjonijiet fattwali ta’ din tal-aħħar, għandhom jitfakkru qabelxejn il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali għalhekk għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, VG vs Il-Kummissjoni, C‑19/18 P, EU:C:2019:578, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
B’kuntrast ma’ dan, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali tkun ikkwalifikat in-natura legali tagħhom u ddeterminat il-konsegwenzi fil-liġi. Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja testendi, b’mod partikolari, għall-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali applikatx kriterji legali korretti fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li huma ammissibbli, fl-istadju tal-appell, ilmenti relatati mal-konstatazzjoni tal-fatti u mal-evalwazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kontenzjuża meta jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali wettqet konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess jew li żnaturat il-provi li ġew prodotti quddiemha (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 35). |
|
61 |
Żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-elementi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 43). Għalkemm tali żnaturament tal-provi jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument kuntrarja għall-kontenut tiegħu, dan għandu jirriżulta b’mod manifest mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun suġġett għal interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li jintalab l-annullament tagħhom, kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punti 33 u 34). Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti diġà sottomessi quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Hermann Albers vs Il-Kummissjoni, C‑656/20 P, EU:C:2022:222, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, jekk dan iwassal sabiex appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mill-finalità tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Hermann Albers vs Il-Kummissjoni, C‑656/20 P, EU:C:2022:222, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
B. Fuq l‑ewwel u t‑tieni aggravju, dwar il‑kriterji ta’ evalwazzjoni tal‑kunċetti ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l‑għan u ta’ kompetizzjoni potenzjali
|
64 |
Permezz tal-ewwel u t-tieni aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u l-kompetizzjoni potenzjali. |
1. Fuq l‑ammissibbiltà
|
65 |
Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel u t-tieni aggravju huma parzjalment inammissibbli. Din l-istituzzjoni tiddeplora n-natura ġenerali u astratta ta’ parti mill-argument ta’ Servier, li ma esponiex bil-grad ta’ preċiżjoni meħtieġ il-motivi tas-sentenza appellata li huwa jikkritika u l-iżbalji ta’ liġi li huwa jinvoka. Barra minn hekk, Servier sempliċement irrepeta argumenti invokati fl-ewwel istanza mingħajr ma spjega liema huma l-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta ċaħdet dawn l-argumenti. Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni aggravju huma ammissibbli biss sa fejn l-argument ta’ Servier huwa marbut ma’ ilment speċifiku mal-ftehimiet Niche, Matrix, Teva jew Lupin, jidentifika bi preċiżjoni l-motiv tas-sentenza appellata li huwa s-suġġett tal-kritiki tagħha, u jesponi l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali. |
|
66 |
F’dan il-każ, huwa minnu li l-ewwel u t-tieni aggravju ta’ Servier huma intiżi li jikkontestaw b’mod ġenerali u astratt il-validità tal-kriterji legali li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Huwa minnu wkoll li, fil-kuntest ta’ dawn l-aggravji, l-appell ma jindikax sistematikament b’mod preċiż il-punti tas-sentenza appellata li huma s-suġġett ta’ kritika u lanqas l-argumenti legali intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi, u kultant sempliċement jirrepeti argumenti mressqa fl-ewwel istanza. |
|
67 |
Madankollu, kif tirrikonoxxi espressament il-Kummissjoni, dan l-argument, minkejja n-natura ġenerali tiegħu, jikkoinċidi u jikkompleta l-argument li jiżviluppa Servier b’mod speċifiku fir-rigward ta’ kull wieħed mill-ftehimiet kontenzjużi, fil-kuntest tat-tielet sas-sitt aggravju tal-appell tiegħu. Il-fatt li Servier għażel li jaqsam l-argument legali tiegħu dwar in-natura ta’ ksur tal-ftehimiet kontenzjużi f’żewġ partijiet, waħda ġenerali u rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn il-ftehimiet kollha, u l-oħra speċifika għal kull wieħed mill-imsemmija ftehimiet kontenzjużi meħuda individwalment, ma jirrendihiex inammissibbli fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 58 sa 63 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn qari flimkien ta’ dawn l-aggravji kollha jirriżulta li l-appell jippermetti li jiġu identifikati b’mod suffiċjentement preċiż kemm il-punti tas-sentenza appellata kkontestati minn Servier, kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn tal-kritika tiegħu. |
|
68 |
Peress li l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell huma ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tiddefendi ruħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, dawn l-aggravji huma ammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà invokati b’mod iktar speċifiku mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tat-tielet sas-sitt aggravju. |
2. Fuq il‑mertu
a) Osservazzjonijiet preliminari
|
69 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti kull ftehimiet bejn impriżi, kull deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u kull prattiċi miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. |
|
70 |
Għalhekk, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-prinċipju previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, aġir ta’ impriżi għandu juri l-eżistenza ta’ kollużjoni bejniethom, jiġifieri ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi jew prattika miftiehma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Dan l-aħħar rekwiżit jippreżupponi, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali konklużi bejn impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, li l-imsemmija kollużjoni sseħħ bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni jekk mhux reali tal-inqas potenzjali (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 32). |
|
72 |
Barra minn hekk, huwa neċessarju, skont din l-istess dispożizzjoni, li jiġi stabbilit jew li dan l-aġir għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li dan l-aġir għandu tali effett (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 158). Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tagħmel distinzjoni ċara bejn il-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan u dak ta’ restrizzjoni minħabba l-effett, peress li kull wieħed minnhom huwa suġġett għal sistema probatorja differenti (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 63). |
|
73 |
Għalhekk, fir-rigward tal-prattiki kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ma hemmx lok li jiġu investigati u lanqas a fortiori li jintwerew l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni, inkwantu l-esperjenza turi li tali aġir jikkawża tnaqqis tal-produzzjoni u żieda fil-prezzijiet, li jwassal għal tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
B’kuntrast ma’ dan, meta l-għan antikompetittiv ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma ma jkunx stabbilit, għandhom jiġu eżaminati l-effetti tagħhom sabiex jintwera li l-kompetizzjoni, fil-fatt, ġiet prekluża, ristretta jew distorta b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 17). |
|
75 |
Din id-distinzjoni tinbet mill-fatt li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 17, u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 35). Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti ftehimiet bejn impriżi li jiżvelaw, fihom infushom u fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħhom, tal-għanijiet tagħhom kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jagħmlu parti minnu, livell suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 20, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 161 u 162, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-aġir inkwistjoni, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-setturi jew tas-swieq inkwistjoni. Madankollu, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati, u lanqas a fortiori, li tiġi prodotta prova tal-effetti tal-aġir fuq il-kompetizzjoni, kemm jekk huwa attwali kif ukoll potenzjali, jew negattiv jew pożittiv (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 166). |
|
77 |
Fir-rigward tal-għanijiet tal-aġir inkwistjoni, għandhom jiġu ddeterminati l-għanijiet oġġettivi li dan l-aġir huwa intiż li jilħaq fir-rigward tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-fatt li l-impriżi involuti aġixxew mingħajr l-intenzjoni li joħolqu prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma fittxew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex deċiżivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
L-implimentazzjoni tal-prinċipji li għadhom kemm tfakkru fir-rigward ta’ prattiki kollużivi fil-forma ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn impriżi, bħall-ftehimiet Krka, timplika li jiġi ddeterminat, fl-ewwel stadju, jekk dawn il-prattiki jistgħux jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, anki jekk potenzjali biss. Jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni stadju, jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi ekonomiċi tagħhom, l-imsemmija prattiki jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
79 |
Fir-rigward tal-ewwel stadju ta’ din l-analiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-kuntest speċifiku tal-ftuħ tas-suq ta’ prodott mediċinali għall-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, għandu jiġi ddeterminat, sabiex jiġi evalwat jekk wieħed minn dawn il-manifatturi, għalkemm assenti minn suq, huwiex kompetitur potenzjali ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi preżenti f’dan is-suq, jekk jeżistux possibbiltajiet reali u konkreti li tal-ewwel jidħol fl-imsemmi suq u jikkompeti mat-tieni wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Għalhekk, għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, jekk, fid-data tal-konklużjoni ta’ tali ftehimiet, l-imsemmi manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienx wettaq passi preparatorji suffiċjenti li jippermettulu jaċċedi għas-suq ikkonċernat f’terminu li jista’ joħloq pressjoni kompetittiva fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi. Tali passi jippermettu li tiġi stabbilita d-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità stess ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jaċċedi għas-suq ta’ prodott mediċinali li jkun fih sustanza attiva li daħlet fid-dominju pubbliku, anki fil-preżenza ta’ privattivi ta’ proċess miżmuma mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi. It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat li d-dħul fis-suq ta’ tali manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma jkollux ostakoli għad-dħul li huma ta’ natura insurmontabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 43 sa 45). |
|
81 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kwalunkwe privattivi li jipproteġu prodott mediċinali oriġinatur jew wieħed mill-proċessi ta’ manifattura tiegħu mingħajr dubju jagħmlu parti mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jikkaratterizza r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-proprjetarji ta’ dawn il-privattivi u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Madankollu, l-evalwazzjoni ta’ drittijiet mogħtija minn privattiva ma għandhiex tikkonsisti f’eżami tas-saħħa tal-privattiva jew tal-probabbiltà li tilwima bejn il-proprjetarju tagħha u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tista’ tirriżulta fil-konstatazzjoni li l-privattiva hija valida u ġiet suġġetta għal kontrafazzjoni. Din l-evalwazzjoni għandha pjuttost tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-eżistenza ta’ din il-privattiva, il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi għandux possibbiltajiet reali u konkreti li jidħol fis-suq fil-mument rilevanti (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 50). |
|
82 |
Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi tista’ tiġi kkorroborata minn elementi supplimentari, bħall-konklużjoni ta’ ftehim bejniethom meta l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma kienx preżenti fis-suq ikkonċernat, jew l-eżistenza ta’ trasferimenti tal-valur lil dan il-manifattur bħala korrispettiv għall-posponiment tad-dħul fis-suq tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 54 sa 56). |
|
83 |
Fit-tieni stadju tal-imsemmija analiżi, sabiex jiġi ddeterminat jekk posponiment tad-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, bħala riżultat tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja tat-tilwima fil-qasam tal-privattivi, inkambju għal trasferimenti ta’ valur mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ dawn il-prodotti mediċinali ġeneriċi għandux jitqies bħala prattika kollużorja li tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, hemm lok li jiġi eżaminat qabelxejn jekk dawn it-trasferimenti ta’ valur jistgħux jiġu ġġustifikati b’mod sħiħ bil-bżonn li jiġu kkumpensati l-ispejjeż jew l-inkonvenjenti marbuta ma’ din it-tilwima, bħall-ispejjeż jew l-onorarji tal-konsulenti ta’ dan l-aħħar manifattur, jew bil-bżonn li tiġi rremunerata l-provvista effettiva u pprovata ta’ beni jew ta’ servizzi tiegħu lill-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi evalwat jekk dawn it-trasferimenti ta’ valur humiex spjegati biss mill-interess kummerċjali ta’ dawn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali li ma jikkompetux fuq il-merti. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, jeħtieġ, f’kull każ ineżami, li jiġi evalwat jekk il-bilanċ pożittiv nett tat-trasferimenti ta’ valuri kienx suffiċjentement sinjifikattiv sabiex jinċentiva effettivament lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja għad-dħul fis-suq ikkonċernat u, għaldaqstant, sabiex ma jikkompetix bil-merti tiegħu mal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan il-bilanċ pożittiv nett ikun neċessarjament ogħla mill-profitti li kien jagħmel dan il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li kieku rnexxa fil-proċedura dwar il-privattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 sa 94). |
|
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kontestazzjoni tal-validità u tal-portata ta’ privattiva tagħmel parti mill-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni fis-setturi li fihom jeżistu drittijiet ta’ esklużività fir-rigward tat-teknoloġija, b’tali mod li ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja li permezz tagħhom manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jfittex li jidħol f’suq jirrikonoxxi, mill-inqas temporanjament, il-validità ta’ privattiva miżmuma minn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u jimpenja ruħu, konsegwentement, li ma jikkontestax iktar tali privattiva u lanqas li jidħol f’dan is-suq jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi vverifikat jekk kienx mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-argument ta’ Servier imressaq b’mod partikolari fil-kuntest tar-raba’ motiv tal-ewwel istanza, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fid-definizzjoni tal-kriterji legali applikabbli għall-analiżi tal-għan u tal-effetti tal-ftehimiet kontenzjużi fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll dak żviluppat b’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għal kull wieħed minn dawn il-ftehimiet. |
|
86 |
Għalhekk, ladarba ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ elementi relatati mal-kompetizzjoni potenzjali, li huma s-suġġett ta’ kritika ta’ natura ġenerali fformulata fil-kuntest tat-tieni aggravju, hemm lok, f’dan it-tieni stadju tal-istess analiżi, li jiġi vverifikat jekk kienx mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ftehimiet kontenzjużi kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk il-Qorti Ġenerali eżaminatx, f’dan il-kuntest, l-għanijiet ta’ dawn il-ftehimiet u, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni dwar jekk it-trasferimenti ta’ valur minn Servier lill-produtturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kinux suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jinċentivaw lil dawn tal-aħħar jirrinunzjaw, anki jekk temporanjament, milli jidħlu fis-suq tal-perindopril. |
|
87 |
Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fejn neċessarju, l-intenzjonijiet tal-impriżi involuti sabiex tivverifika jekk dawn kinux jikkorrispondu għall-analiżi tagħha, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tal-għanijiet oġġettivi li l-imsemmija impriżi riedu jilħqu fir-rigward tal-kompetizzjoni, filwaqt li madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-imsemmija impriżi aġixxew mingħajr l-intenzjoni li jipprevjenu, li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex deċiżivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija rilevanti biss l-evalwazzjoni tal-grad ta’ dannu ekonomiku ta’ din il-prattika fuq il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, jekk ikun hemm bżonn wara analiżi ddettaljata tal-imsemmija prattika, kif ukoll tal-għanijiet tagħha u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 u 85, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 131). |
|
88 |
Huwa għalhekk li, sabiex jiġi ddeterminat jekk prattika kollużorja tistax tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għandhom jiġu eżaminati l-kontenut tagħha, l-oriġini tagħha, kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħha, b’mod partikolari l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq li fih ser iseħħu b’mod konkret l-effetti tiegħu. Il-fatt li t-termini ta’ ftehim intiż li jimplementa din il-prattika ma jiżvelawx għan antikompetittiv ma huwiex, fih innifsu, determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punti 23 sa 25), kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 26). |
|
89 |
Fil-każ ineżami, f’parti mis-sentenza appellata ddedikata għall-allegati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni relatati mal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Qorti Ġenerali qabelxejn eżaminat b’mod ġenerali, fil-punti 219 sa 307 ta’ din is-sentenza, il-kriterji li jippermettu li jitqies li ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi jaqgħu taħt dan il-kunċett, qabel ma esponiet, fil-punti 316 sa 386 tal-imsemmija sentenza, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali. B’dan il-mod, hija qalbet l-ordni li fiha, bħala prinċipju, għandhom jiġu eżaminati dawn iż-żewġ elementi, ippreżentati fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, għaliex ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ftehimiet għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jekk l-impriżi inkwistjoni ma humiex kompetituri. Madankollu, din l-inverżjoni fiha nnifisha ma taffettwax il-fondatezza tal-analiżi ta’ dawn iż-żewġ elementi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-każ ineżami. Fil-fatt, meta sussegwentement kellha tingħata deċiżjoni b’mod speċifiku dwar il-motivi tal-ewwel istanza relatati man-natura illegali fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE tal-ftehimiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali segwiet dan l-ordni peress li eżaminat sistematikament il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet f’dawn il-ftehimiet qabel ma analizzat il-klassifikazzjoni tagħhom bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
90 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, sa fejn it-tieni aggravju jirrigwarda l-kriterji relatati mal-kompetizzjoni potenzjali, għandha qabelxejn tingħata deċiżjoni dwar dan l-aggravju, sussegwentement għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju, dwar il-kriterji ta’ klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
b) Fuq il‑kriterji dwar il‑kompetizzjoni potenzjali (it-tieni aggravju)
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
91 |
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li huwa maqsum fi tliet partijiet, Servier isostni li s-sentenza appellata hija bbażata fuq kunċett estensiv tal-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali u jinverti l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni. Huwa jsostni, preliminarjament, li s-sempliċi konklużjoni ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi ma tippermettix li jiġi dedott li teżisti, bejn il-partijiet f’dan il-ftehim, kompetizzjoni potenzjali. Barra minn hekk, fil-punt 386 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali li l-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ provi kuntrarji relatati ma’ diffikultajiet tekniċi, regolatorji jew finanzjarji, tiġbor sensiela ta’ indizji konkordanti li juru l-passi intiżi għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott inkwistjoni f’terminu suffiċjentement qasir sabiex ikollha effett fuq l-operatur preżenti fis-suq. Din l-evalwazzjoni wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex twettaq tliet żbalji ta’ liġi. |
|
92 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ostakoli relatati mal-privattivi. Hija qieset, fil-punti 384, 444 u 728 tas-sentenza appellata, li fin-nuqqas ta’ deċiżjoni definittiva ta’ awtorità dwar l-eżistenza ta’ atti ta’ kontrafazzjoni u dwar il-validità ta’ privattiva, l-evalwazzjoni mill-partijiet tal-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ azzjoni kontenzjuża setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni biss skont l-intenzjoni tal-partijiet. Il-Qorti Ġenerali għalhekk eskludiet li, qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, il-perċezzjoni mill-partijiet tal-validità ta’ privattiva tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kellhomx il-kapaċità li jidħlu fis-suq ikkonċernat. Sa fejn, skont id-definizzjoni, ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima jista’ jiġi konkluż biss qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali b’hekk eżiġiet kundizzjoni impossibbli li tiġi ssodisfatta u mhux adattata għall-kuntest tat-tilwim fil-qasam tal-privattivi farmaċewtiċi. Barra minn hekk, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet, fil-punti 366, 367, 591 u 592 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ordnijiet ġudizzjarji f’dan il-kuntest minħabba n-natura provviżorja tagħhom. |
|
93 |
Skont Servier, anki fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni, il-kapaċità ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jidħol fis-suq tista’ tiġi kkontestata mill-eżistenza ta’ privattiva jekk din hija pperċepita bħala suffiċjentement b’saħħitha sabiex tiddiswadi lil dan il-manifattur milli jwettaq dħul imsejjaħ “b’riskju”, fid-dawl tal-possibbiltà li tkun is-suġġett ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva min-naħa tal-manifattur tal-prodott mediċinali ta’ verżjonijiet oriġinaturi. Servier jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat espressament tali effett dissważiv li jirriżulta mill-perċezzjoni, minn Krka, tal-validità tal-privattiva 947. Il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet żball ta’ liġi ta’ natura li jivvizzja l-klassifikazzjoni ta’ Niche, Matrix, Teva u Lupin bħala kompetituri potenzjali ta’ Servier. |
|
94 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 386 tas-sentenza appellata, li sensiela ta’ indizji li juru l-eżistenza ta’ sempliċi passi intiżi għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali ġeneriku, li l-possibbiltajiet ta’ suċċess tiegħu f’terminu qasir ma humiex magħrufa, huma biżżejjed sabiex juru kapaċità reali u konkreta ta’ dħul fis-suq. Skont Servier, tali passi jixhdu – l-iktar l-iktar – ir-rieda ta’ dħul fis-suq, iżda ma humiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu, fil-preżenza ta’ ostakoli qawwija ħafna għad-dħul, il-probabbiltà konkreta ta’ dħul fis-suq suffiċjentement mgħaġġel, li tiddependi mill-istadju tal-iżvilupp tal-prodott mediċinali ġeneriku u mill-kapaċità tal-manifattur ta’ dan il-prodott mediċinali li jikseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx teskludi, fil-punt 340 ta’ din is-sentenza, li dewmien fil-proċess ta’ dħul fis-suq imġarrab mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi seta’ jippreġudika l-kapaċità tagħhom li jidħlu f’dan is-suq. Servier jinvoka, barra minn hekk, diversi żbalji relatati mal-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali, fir-rigward tal-ftehimiet kontenzjużi. |
|
95 |
Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tiegħu, Servier, sostnut mill-EFPIA, jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li, sabiex jiġu kkontestati l-indizji tal-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni potenzjali invokati mill-Kummissjoni, kienu l-impriżi responsabbli mill-ksur ikkonstatat mid-deċiżjoni kontenzjuża li kellhom jipproduċu prova tal-fatt li l-wasla ta’ operaturi ġodda fis-suq kienet affaċċjata b’ostakoli insurmontabbli. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali invertiet l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni u imponiet fuq dawn l-impriżi prova li hija impossibbli li tiġi prodotta (probatio diabolica). Sabiex jiġu kkontestati l-indizji tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, Servier iqis li huwa biżżejjed li jintwera li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma dubjużi jew żbaljati. |
|
96 |
Barra minn hekk, fil-punt 386 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, timponi fuq Servier l-oneru li juri li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu kkonfrontati b’ostakoli insurmontabbli peress li, skont din l-impriża, huma biss dawn il-manifatturi li għandhom informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward. Billi rrifjutat li tuża s-setgħat investigattivi tagħha sabiex tiġbor din l-informazzjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
|
97 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, tikkontesta dawn l-argumenti. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja
|
98 |
Fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn żewġ impriżi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 318 sa 321 tas-sentenza appellata, li kompetitur potenzjali huwa dak li għandu possibbiltajiet reali u konkreti li jidħol fis-suq inkwistjoni. Tali konstatazzjoni għandha tkun ibbażata, skont din il-qorti, fuq żewġ kriterji, jiġifieri, minn naħa, il-kapaċità u, min-naħa l-oħra, l-intenzjoni ta’ dħul f’dan is-suq, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji huwa essenzjali. Barra minn hekk, hija qieset, fil-punti 334 sa 341 ta’ din is-sentenza, li sabiex impriża tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala kompetitur potenzjali, id-dħul tagħha fis-suq għandu jkun jista’ jsir malajr biżżejjed sabiex ikun hemm piż fuq l-impriżi f’dan is-suq u b’hekk tiġi eżerċitata pressjoni kompetittiva fuq l-impriżi fl-istess suq. |
|
99 |
Fil-punti 342 sa 348 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-prova tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali tista’ tiġi sostnuta mill-perċezzjoni, mill-impriżi preżenti fis-suq, tat-theddida kompetittiva li tirrappreżenta l-possibbiltà tal-wasla ta’ kompetitur ġdid f’dan is-suq. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, b’riferiment għall-ġurisprudenza tagħha stess, li l-konklużjoni ta’ ftehim bejn dawn l-impriżi tista’ tikkostitwixxi indizju ta’ din il-perċezzjoni ta’ natura li tikkorrobora l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
100 |
Meta, abbażi ta’ dawn il-kriterji, jista’ jiġi stabbilit li manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi għandhom possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq, tali konstatazzjoni tista’, skont il-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet esposti fil-punti 319 sa 324 tas-sentenza appellata, tiġi kkontestata mill-eżistenza ta’ ostakoli għal dan id-dħul, bħal privattivi jew l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, biss jekk dawn l-ostakoli jkunu insurmontabbli. |
|
101 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 355 sa 368 u 384 ta’ din is-sentenza, li fl-assenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ kontrafazzjoni, l-eżistenza ta’ privattiva valida ma tipprekludix l-introduzzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, id-dritt esklużiv mogħti minn privattiva ma jipprekludix li manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jieħdu passi sabiex ikunu f’pożizzjoni li jidħlu fis-suq tal-prodott mediċinali oriġinatur wara l-iskadenza ta’ din il-privattiva u għalhekk, jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq il-proprjetarju tal-imsemmija privattiva qabel din l-iskadenza. |
|
102 |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 359 sa 361 tal-imsemmija sentenza, ippreċiżat li jekk il-privattiva tgawdi minn preżunzjoni ta’ validità sa mir-reġistrazzjoni tagħha, il-kontrafazzjoni ma tiġix preżunta iżda għandha tiġi stabbilita b’mod ġudizzjarju. Bl-istess mod, skont din il-qorti, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni ta’ kontrafazzjoni, dikjarazzjoni ta’ validità ta’ privattiva, bħal dik li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, ma teskludix il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
103 |
Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll, fil-punt 358 tas-sentenza appellata, li l-leġiżlazzjoni dwar l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali ma tikkostitwixxix ostakolu insurmontabbli għall-okkorrenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jagħtu tali awtorizzazzjoni għal prodott mediċinali ġeneriku minkejja li l-prodott mediċinali ta’ referenza jkun protett minn privattiva. |
|
104 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u ddeċidiet b’mod konformi ma’ dak li tfakkar fil-punti 79 sa 82 ta’ din is-sentenza billi esponiet il-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż li teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Fil-fatt, il-kriterji applikati mill-Qorti Ġenerali jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 36 sa 57 tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52). |
|
105 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, taż-żewġ kriterji dwar il-kapaċità u l-intenzjoni ta’ dħul fis-suq inkwistjoni, imsemmija fil-punt 318 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkorrispondu għal dawk applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fil-punt 44 tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), relatati mad-determinazzjoni soda kif ukoll mal-kapaċità proprja ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jaċċedi għas-suq ta’ prodott mediċinali li fih sustanza attiva li hija fid-dominju pubbliku, anki fil-preżenza ta’ privattivi ta’ proċess miżmuma mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi. |
|
106 |
Fir-rigward tal-ilment imsemmi b’mod preliminari fil-kuntest tat-tieni aggravju, huwa minnu, kif jafferma essenzjalment Servier, li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn żewġ impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni u li waħda minnhom ma hijiex preżenti fis-suq ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li dawn l-impriżi kkonkludew ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet. Madankollu, il-konklużjoni ta’ tali ftehim tikkostitwixxi indizju qawwi tal-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn l-imsemmija impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta invokat l-eżistenza stess tal-ftehimiet kontenzjużi insostenn tal-konklużjoni li Servier u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi inkwistjoni kienu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
107 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, Servier ma huwiex fondat li jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li taċċetta li l-perċezzjoni minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tas-saħħa ta’ privattiva, li l-validità tagħha ma ġietx stabbilita definittivament b’mod ġudizzjarju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kellhomx il-kapaċità ta’ dħul fis-suq. |
|
108 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma qisitx, b’mod partikolari fil-punti 384, 444 u 728 tas-sentenza appellata, li l-perċezzjoni minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tas-saħħa ta’ privattiva, li l-validità tagħha ma ġietx stabbilita definittivament b’mod ġudizzjarju, hija totalment irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Servier u l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. B’kuntrast ma’ dan, hija kkonstatat li għalkemm din il-perċezzjoni tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk tali manifattur kellux l-intenzjoni li jidħol fis-suq inkwistjoni, hija ma għandha l-ebda rwol fid-determinazzjoni tal-kapaċità tagħha li twettaq tali dħul. |
|
109 |
F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi l-proċess ta’ manifattura ta’ sustanza attiva li hija fid-dominju pubbliku ma tistax, bħala tali, titqies bħala ostakolu insurmontabbli u ma tipprekludix li kompetitur potenzjali tal-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur kkonċernat jiġi kklassifikat bħala manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li għandu effettivament id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità stess li jidħol fis-suq u li, permezz tal-passi tiegħu, juri li huwa lest li jikkontesta l-validità ta’ din il-privattiva u li jieħu r-riskju, mad-dħul tiegħu fis-suq, li titressaq fil-konfront tiegħu azzjoni għal kontrafazzjoni mill-proprjetarju ta’ din il-privattiva (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 46). |
|
110 |
Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, miġbur fil-qosor fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, ma huwa vvizzjat b’ebda żball ta’ liġi fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza u ta’ dik imfakkra fil-punt 81 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta b’mod partikolari li għalkemm, mingħajr dubju, tagħmel parti mill-kuntest rilevanti, l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi prodott mediċinali oriġinatur jew wieħed mill-proċessi ta’ manifattura tiegħu, li l-validità tagħha ma ġietx stabbilita definittivament b’mod ġudizzjarju, u għalhekk a fortiori l-perċezzjoni tas-saħħa ta’ tali privattiva li jista’ jkollu manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, ma hijiex fiha nnifisha deċiżiva fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ eventwali relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali li teżisti bejn dan il-manifattur u l-proprjetarju ta’ din il-privattiva. |
|
111 |
Barra minn hekk, għalkemm il-perċezzjoni minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tas-saħħa ta’ privattiva, kif tirriżulta mhux mill-affermazzjonijiet tiegħu stess iżda minn provi kontemporanji u affidabbli, tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi rilevanti fost oħrajn, bħall-passi preparatorji meħuda bl-għan ta’ dħul fis-suq, sabiex jiġu evalwati l-intenzjonijiet ta’ dan il-manifattur u, għaldaqstant, l-eventwali determinazzjoni soda tiegħu li jwettaq tali dħul, din il-perċezzjoni li hija, mid-definizzjoni tagħha stess, suġġettiva, ma hijiex rilevanti, bħala prinċipju, għall-evalwazzjoni tal-kapaċità proprja ta’ tali manifattur li jidħol effettivament fis-suq, u lanqas barra minn hekk l-eżistenza oġġettiva ta’ ostakoli insurmontabbli għal tali dħul. |
|
112 |
Fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rilevanza tal-ordnijiet provviżorji mogħtija minn qorti nazzjonali u li jipprojbixxu lil manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi milli jaċċedi għas-suq ta’ prodott mediċinali li fih sustanza attiva li daħlet fid-dominju pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat l-importanza relattiva ta’ tali ordnijiet sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn tali manifattur u l-proprjetarju tal-privattiva, peress li din hija miżura provviżorja li bl-ebda mod ma tippreġudika n-natura fondata ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ta’ privattiva (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 53). Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argument ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali ma eskludietx it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali ordnijiet provviżorji fil-punti 366, 367, 591 u 592 tas-sentenza appellata, iżda llimitat ruħha, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, li tiddeċiedi li l-għoti tagħhom, u iktar u iktar is-sempliċi riskju ta’ tali għoti, ma jistax jippermetti bħala tali li tiġi eskluża l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ tali manifattur. |
|
113 |
Madankollu, Servier isostni li l-motivi tas-sentenza appellata relatati mal-importanza li għandha tingħata lill-perċezzjoni mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tas-saħħa tal-privattiva huma kontradittorji. Huwa jirrileva, kif ġie espost fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, aċċettat li r-rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 kellu bħala konsegwenza li jeskludi li l-ftehimiet konklużi ma’ dan il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, filwaqt li ddeċidiet il-kuntrarju fir-rigward tal-ftehimiet kontenzjużi. |
|
114 |
Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-punt 304 tas-sentenza mogħtija llum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P) jirriżulta b’mod partikolari li żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali jaffettwaw ir-raġunament kollu relatat mal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja konklużi ma’ Krka, espost fil-punti 943 sa 1032 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, mill-punti 294 u 295 tas-sentenza tal-lum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali vverifikat il-klassifikazzjoni tal-prattika illegali imputata lil Servier u lil Krka bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan abbażi ta’ kriterji żbaljati, li fir-rigward tagħhom hija tat importanza determinanti lir-rikonoxximent minn Krka tal-validità tal-privattiva 947, meta dan l-element ma kienx, fih innifsu, deċiżiv. |
|
115 |
Peress li l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑176/19 P intlaqa’ parzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali kienet annullat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża li tikkonstata n-natura illegali tal-ftehimiet Krka fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet definittivament, b’mod partikolari, dwar l-ewwel parti tad-disa’ motiv tar-rikors ta’ Servier fil-Kawża T‑691/14. |
|
116 |
Għar-raġunijiet esposti fil-punti 427 sa 440 tas-sentenza tagħha tal-lum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li permezz tiegħu Servier ikkontesta l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn Krka. Fil-punt 441 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ilment li permezz tiegħu Servier sostna li, minħabba, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, Krka ma kellhiex iktar il-kapaċità u lanqas id-determinazzjoni soda ta’ dħul fis-swieq prinċipali ta’ Servier, u għalhekk ma kinitx għadha tikkostitwixxi sors ta’ kompetizzjoni potenzjali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet definittivament li dan l-ilment ma kienx fondat fid-dawl b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 81 u 109 ta’ din is-sentenza. |
|
117 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-kontradizzjoni ta’ motivi invokata minn Servier fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell hija bbażata fuq motivi tas-sentenza appellata li ġew definittivament invalidati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fin-nuqqas tal-kontradizzjoni allegata, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ta’ Servier ibbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi u, konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju. |
|
118 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il-fatt li wettaq passi amministrattivi sabiex jikseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali ġeneriku jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jintwera li l-manifattur ta’ dan il-prodott mediċinali kellu possibbiltajiet reali u konkreti li jidħol fis-suq tal-prodott mediċinali oriġinatur. Fil-fatt, skont l-elementi msemmija fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, passi ta’ din in-natura huma rilevanti sabiex jiġu pprovati kemm id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità proprja ta’ tali manifattur għad-dħul f’dan is-suq. |
|
119 |
Servier isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tqis, fil-punt 340 tas-sentenza appellata, li d-dewmien fil-proċess ta’ dħul fis-suq imġarrab minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jista’ jippreġudika l-kapaċità tiegħu li jidħol fl-imsemmi suq. |
|
120 |
Madankollu, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-imsemmi punt 340, u kif tirrileva, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tagħha, posponiment tad-dħul ikkawżat minn tali dewmien ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jikkontesta l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, b’mod partikolari jekk huwa jieħu passi sabiex isolvi d-diffikultajiet li kkawżaw dan id-dewmien. Fil-fatt, dak li huwa importanti f’dan ir-rigward huwa li jiġi ddeterminat jekk il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi għadux jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi minħabba d-determinazzjoni soda tiegħu u l-kapaċità tiegħu stess li jwettaq tali dħul. Kif jirriżulta mill-punt 80 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti, għandu jiġi evalwat jekk l-imsemmi manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi wettaqx passi preparatorji suffiċjenti li jippermettulu jaċċedi għas-suq f’terminu li jista’ joħloq pressjoni kompetittiva fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, mingħajr madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, ikun rilevanti li jsir magħruf jekk il-passi meħuda għal dan l-għan humiex ser jiġu effettivament iffinalizzati fi żmien xieraq jew jekk humiex ser jirnexxu (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 84). |
|
121 |
Minn dan isegwi li, meta ddeċidiet, fil-punt 340 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni setgħet tqis li “d-dewmien fil-proċess ta’ dħul fis-suq eventwalment imġarrab mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi waħdu ma kienx suffiċjenti biex jeskludi l‑klassifikazzjoni tagħhom bħala kompetitur potenzjali meta huma komplew jeżerċitaw tali pressjoni minħabba l-kapaċità ta’ dħul tagħhom”, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi. |
|
122 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni aggravju. |
|
123 |
Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx, fil-punt 386 tas-sentenza appellata, inverżjoni tal-oneru tal-prova. F’dan il-punt 386, il-Qorti Ġenerali sempliċement qieset li, fl-assenza ta’ provi kuntrarji relatati ma’ diffikultajiet tekniċi, regolatorji, kummerċjali jew finanzjarji, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-kapaċità u l-intenzjoni tal-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jidħlu fis-suq, u għalhekk il-possibbiltajiet reali u konkreti tagħhom li jidħlu f’dak is-suq, jekk hija tkun ġabret sensiela ta’ indizji konkordanti li juru, tal-inqas passi intiżi għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott mediċinali inkwistjoni f’terminu suffiċjentement qasir li jagħti lok għal piż fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tar-responsabbiltà għal ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatti invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun ammissibbli li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova jkun ġie ssodisfatt (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 80, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 79). |
|
124 |
Skont din il-ġurisprudenza, jekk il-Kummissjoni jirnexxilha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn żewġ impriżi, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti, u mingħajr ma tinjora l-eventwali provi kuntrarji li hija effettivament kellha għarfien tagħhom fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ provi inkriminanti u skaġunanti, b’mod partikolari dawk dwar ostakoli potenzjali possibbli għad-dħul fis-suq, dawn l-impriżi għandhom għalhekk jikkonfutaw l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni billi jipproduċu prova kuntrarja, li huma jistgħu jagħmlu jew fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan l-aħħar rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72). Tali oneru la jikkostitwixxi inverżjoni indebita tal-oneru tal-prova u lanqas probatio diabolica, għaliex huwa biżżejjed għall-impriżi inkwistjoni li jipproduċu provi dwar fatt pożittiv, jiġifieri l-eżistenza ta’ diffikultajiet tekniċi, regolatorji, kummerċjali jew finanzjarji li jikkostitwixxu, fil-fehma tagħhom, ostakoli insurmontabbli għad-dħul ta’ waħda minnhom fis-suq. Ladarba tiġi prodotta tali prova, hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk hija tinvalidax l-analiżi tagħha dwar l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
125 |
Jekk, għall-kuntrarju, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, b’mod negattiv, in-nuqqas ta’ tali diffikultajiet, u għaldaqstant dik ta’ kull ostakolu insurmontabbli, ikun xi jkun, mad-dħul ta’ waħda mill-impriżi inkwistjoni fis-suq, tali oneru tal-prova jirrappreżenta probatio diabolica għal din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 386 tas-sentenza appellata, li l-provi dwar l-eżistenza tal-kompetizzjoni potenzjali huma ta’ spiss informazzjoni interna għall-impriżi inkwistjoni, li dawn tal-aħħar jinsabu f’pożizzjoni aħjar li jiġbru. |
|
126 |
Bl-istess mod, ma jistax jitqies li l-oneru tal-prova deskritt fil-punt 124 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba li dan iwassal sabiex il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi jkun obbligat jipproduċi, għad-difiża tiegħu, provi li ma humiex fil-pussess tiegħu iżda fil-pussess tal-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Fil-fatt, dan l-ilment ma jiħux inkunsiderazzjoni d-dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni li l-għan tagħhom huwa li d-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikunu jistgħu jieħdu konjizzjoni, sa mill-proċedura amministrattiva, tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom. Dan id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ din l-impriża. Dawn jinkludu kemm provi inkriminanti kif ukoll skaġunanti, bl-eċċezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltungs u NKT vs Il-Kummissjoni, C‑607/18 P, EU:C:2020:385, punti 261 u 262 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-elementi kollha li l-Kummissjoni tkun taf bihom fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, inklużi dawk prodotti mill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u li potenzjalment jiskaġunaw, għandhom jiġu inklużi fil-fajl li l-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi għandu, bħala prinċipju, aċċess għalih, b’tali mod li dan il-manifattur għandu l-possibbiltà li jidentifika ostakoli insurmontabbli possibbli fir-rigward ta’ dawn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, jekk jeżistu, u li jinvokahom matul il-proċedura amministrattiva jew quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
127 |
Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda u, għalhekk, li jiġi miċħud it-tieni aggravju fl-intier tiegħu. |
c) Fuq il‑kriterji dwar il‑klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l‑għan (l‑ewwel aggravju)
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
128 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, Servier jikkontesta l-kriterji li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li l-ftehimiet kontenzjużi jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. |
|
129 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, Servier isostni li, konformement mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 56), il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li għandu jiġi interpretat b’mod strett, huwa rriżervat għall-aġir li n-natura dannuża tiegħu tiġi pprovata u tkun faċilment identifikabbli, fid-dawl tal-esperjenza u tal-ekonomija. |
|
130 |
Skont Servier, din l-esperjenza kienet nieqsa fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, fl-assenza ta’ deċiżjonijiet preċedenti ta’ din l-istituzzjoni jew tal-qrati tal-Unjoni, din il-kawża kienet novità dak iż-żmien. Servier isostni, f’dan ir-rigward, li s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643) ma hijiex rilevanti, peress li ma tikkonċernax ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi farmaċewtiċi. It-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52) turi li l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għal dan it-tip ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja baqgħet inċerta u dibattuta. Din il-kawża hija wkoll differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243), wara l-fatti ta’ din il-kawża, li fiha l-ftehimiet inkwistjoni ma kellhomx realment l-għan li jirregolaw tilwima. |
|
131 |
Barra minn hekk, Servier jikkontesta n-natura faċilment identifikabbli tal-istanzi ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE li ġew imputati lilu. Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati Uniti tal-Amerika u d-duttrina li tipproċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jirrikonoxxu li ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi farmaċewtiċi ma huwiex, fih innifsu, antikompetittiv. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-Kummissjoni rrikorriet għal diversi mijiet ta’ paġni sabiex tifformula r-raġunament tagħha fuq dan il-punt. |
|
132 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tiegħu, Servier, sostnut mill-EFPIA, jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma siltet ebda konsegwenza mir-regola, stabbilita fil-punt 304 tas-sentenza appellata u fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958), li tgħid li ftehimiet li għandhom effetti potenzjali ambivalenti fuq is-suq ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew li huma neċessarji sabiex jintlaħaq għan prinċipali li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. |
|
133 |
F’dan ir-rigward, ftehimiet li jtemmu tilwima relatata ma’ privattiva, mingħajr ma jmorru lil hinn mill-portata ta’ din il-privattiva jkunu leġittimi u konformi mal-interess pubbliku. F’dan il-każ, Servier josserva li għalkemm tlieta mill-għaxar opponenti għall-privattiva 947 irtiraw il-proċedura quddiem l-UEP wara li kkonkludew ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ma’ Servier, tali ċirkustanza baqgħet mingħajr effett peress li din il-proċedura ssoktat. Barra minn hekk, fost il-ftehimiet kontenzjużi, il-ftehimiet Teva u Lupin seta’ kellhom bħala effett favur il-kompetizzjoni li javvanzaw id-data tad-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li ma kinux jagħtu lok għal kontrafazzjoni. |
|
134 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehimiet kontenzjużi. Fil-punt 272 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement qieset li tali klassifikazzjoni ssir meta ftehim, minn naħa, jinvolvi ħlas jew vantaġġ ta’ inċentiv fir-rigward ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kif ukoll klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, u, min-naħa l-oħra, ikun konkluż bejn impriżi f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali, peress li din is-sitwazzjoni hija ddefinita b’mod wiesa’. |
|
135 |
Servier josserva, preliminarjament, li kull ftehim li jillimita l-libertà kummerċjali ta’ kompetitur ma huwiex jirrestrinġix neċessarjament il-kompetizzjoni. Tali klassifikazzjoni hija eskluża meta din ir-restrizzjoni tkun anċillari għal ftehim leġittimu, b’mod partikolari fir-rigward tal-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni previsti minn ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi. Servier jinvoka f’dan ir-rigward il-punt 209 tal-Linji gwida għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tal‑2004. |
|
136 |
Servier isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 269 sa 271 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ pagament imsejjaħ “invertit”, jiġifieri pagament mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi intiżi li jinċentiva lil dan tal-aħħar jilħaq kompromess tippermetti li tali ftehim jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Minħabba n-natura eċċessivament astratta ta’ din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatturi speċifiċi kif ukoll l-effetti reali u konkreti tal-ftehimiet kontenzjużi. |
|
137 |
F’dan il-każ, l-informazzjoni kuntestwali rilevanti turi li d-dħul ta’ manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq tal-perindopril ġie ttardjat, mhux minħabba l-ftehimiet kontenzjużi, iżda minħabba l-privattiva 947. Il-manifatturi kollha ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li opponew din il-privattiva kienu obbligati jistennew l-iskadenza tal-imsemmija privattiva sabiex jidħlu f’dan is-suq. |
|
138 |
Servier jenfasizza f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ftehimiet Krka ma kinux jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ dawn il-ftehimiet u r-rikonoxximent, minn din l-impriża, tal-validità tal-privattiva 947. Hija b’hekk ikkonfermat li l-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni ma humiex intrinsikament noċivi għall-kompetizzjoni. |
|
139 |
Fit-tieni lok, Servier isostni li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punt 267 tas-sentenza appellata, ħlas invertit ma huwiex, fih innifsu, antikompetittiv, iżda jista’ jiġi spjegat bis-saħħa tal-privattiva kkonċernata. Fil-fatt, privattiva b’saħħitha tħeġġeġ lill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi sabiex jilħqu kompromess. Konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni (193/83, EU:C:1986:75, punt 26), il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni tali element oġġettiv. F’dan il-każ, is-saħħa tal-privattiva 947 ġiet irrikonoxxuta mid-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), li ħarġet ordnijiet provviżorji kontra Apotex u Krka, fatt li barra minn hekk il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni fil-punt 971 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li dawn kienu kkostitwixxew “wieħed mill-fatturi skattaturi” li wasslu għall-ftehimiet Krka. |
|
140 |
Billi affermat, fil-punt 280 tas-sentenza appellata, li l-għan antikompetittiv ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja jista’ jiġi preżunt meta dan il-pagament jeċċedi l-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata turi li dawn jikkorrispondu tal-inqas għall-benefiċċji mistennija mill-manifattur ta’ prodott mediċinali ġeneriku, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Din l-interpretazzjoni estensiva mhux biss titbiegħed mill-prinċipji rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza, iżda twassal, barra minn hekk, sabiex teżenta lill-Kummissjoni mill-oneru tal-prova tal-ksur li hija tallega l-eżistenza tiegħu. |
|
141 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, tikkontesta dawn l-argumenti. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
142 |
Fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, Servier isostni, essenzjalment, permezz tat-tliet partijiet invokati insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu, liema partijiet għandhom jiġu eżaminati flimkien, li l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan hija rriżervata għall-ftehimiet li n-natura noċiva tagħhom hija pprovata u faċilment identifikabbli. Hija inapplikabbli għal dawk li l-effetti potenzjali tagħhom fuq is-suq huma ambivalenti jew li huma neċessarji sabiex jintlaħaq għan prinċipali li ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Peress li ma applikatx dawn il-kriterji, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi. |
|
143 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punti 69 sa 77 ta’ din is-sentenza, li abbażi tagħhom ftehim bejn impriżi jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
|
144 |
Servier ma huwiex fondat meta jsostni li din il-klassifikazzjoni għandha tiġi miċħuda minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni dwar tali ftehimiet. Fil-fatt, ma huwa bl-ebda mod neċessarju li l-istess tip ta’ ftehimiet ikun diġà ġie ssanzjonat mill-Kummissjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, u dan anki meta dawn jintervjenu f’kuntest speċifiku bħal dak tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Jgħoddu biss il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn il-ftehimiet, li minnhom għandha tiġi dedotta kwalunkwe noċività partikolari għall-kompetizzjoni, jekk ikun hemm bżonn wara analiżi ddettaljata ta’ dawn il-ftehimiet, tal-għanijiet tagħhom kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jagħmlu parti minnu (sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑586/16 P, EU:C:2021:241, punti 85 sa 87, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punti 130 u 131). |
|
145 |
Bl-istess mod, Servier ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni effetti pożittivi jew tal-inqas ambivalenti fuq il-kompetizzjoni li l-ftehimiet kontenzjużi jistgħu jagħtu lok għalihom, fil-fehma tagħha, peress li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza, l-eżami tal-effetti ta’ dawn il-ftehimiet ma huwiex neċessarju, u lanqas rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jistgħux jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
146 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, fil-punti 219 sa 222 tas-sentenza appellata, regoli u prinċipji li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk deskritti fil-punti 69 sa 77 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, il-punt 109 tas-sentenza appellata ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ liġi. |
|
147 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-restrizzjonijiet anċillari għal ftehimiet leġittimi, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 282 sa 291 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament ma teżaminax jekk kienx hemm lok li tiġi applikata din il-ġurisprudenza. |
|
148 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, jekk operazzjoni jew attività partikolari ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-newtralità tagħha, fis-sens li ma tkun tinvolvi ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni, restrizzjoni anċillari tal-awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant jew ta’ diversi parteċipanti f’din l-operazzjoni jew f’din l-attività lanqas ma taqa’ taħt dan il-prinċipju ta’ projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività u tkun proporzjonali għall-għanijiet ta’ waħda jew l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 89, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
149 |
Fil-fatt, meta ma jkunx possibbli li tali restrizzjoni tiġi sseparata mill-operazzjoni jew mill-attività prinċipali mingħajr ma jiġu kompromessi l-eżistenza jew l-għanijiet ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività, il-kompatibbiltà ta’ din ir-restrizzjoni mal-Artikolu 101 TFUE għandha tiġi eżaminata flimkien mal-kompatibbiltà tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali li tkun anċillari għalihom, u dan minkejja li, meħuda waħedha, tali restrizzjoni tista’ tidher, prima facie, li taqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 70). |
|
150 |
Meta l-kwistjoni tkun li jiġi ddeterminat jekk restrizzjoni tistax tevita l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE minħabba li hija anċillari għal operazzjoni prinċipali li ma jkollhiex tali natura antikompetittiva, għandu jiġi eżaminat jekk it-twettiq ta’ din l-operazzjoni jkunx impossibbli fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni. Il-fatt li l-imsemmija operazzjoni sempliċement issir iktar diffiċli sabiex titwettaq jew inqas profittabbli fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni ma jistax jitqies li jagħti lil din ir-restrizzjoni n-natura oġġettivament neċessarja meħtieġa sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “anċillari”. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex dan il-kunċett jiġi estiż għal restrizzjonijiet li ma humiex strettament indispensabbli għat-twettiq tal-operazzjoni prinċipali. Tali riżultat ikun jippreġudika l-effett utli tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 71). |
|
151 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 291 tas-sentenza appellata, li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni previsti mill-ftehimiet kontenzjużi ma kinux ibbażati fuq rikonoxximent tal-validità tal-privattivi ta’ Servier iżda fuq trasferiment ta’ valur tiegħu favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi inkwistjoni li jikkostitwixxi inċentiv, għal dan il-manifattur, li jirrinunzja milli jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq Servier. Għalhekk, hija ċaħdet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 148 ta’ din is-sentenza minħabba l-fatt li l-ftehimiet kontenzjużi jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “operazzjonijiet li ma għandhomx natura antikompetittiva” minħabba l-allegata newtralità tagħhom fil-livell tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jistgħu jkunu l-għodda meħtieġa biss f’każ ta’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja bbażat fuq rikonoxximent tal-validità tal-privattiva inkwistjoni mill-partijiet ta’ dan il-ftehim, li ma kienx il-każ hawnhekk. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 291 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet validament tastjeni milli teżamina l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet anċillari. |
|
152 |
Fil-punti 296 sa 307 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti li permezz tagħhom Servier sostna li peress li l-effetti tal-ftehimiet kontenzjużi fuq il-kompetizzjoni kienu min-natura tagħhom ambivalenti, dawn il-ftehimiet ma setgħux jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
153 |
F’dan il-kuntest, fil-punt 304 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni u l-qorti ma jistgħux, waqt l-eżami tan-natura restrittiva ta’ ftehim u, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu, jinjoraw kompletament l-effetti potenzjali ta’ dan il-ftehim, b’tali mod li ftehimiet li, fid-dawl tal-kuntest tagħhom, ikollhom effetti potenzjali ambivalenti fuq is-suq. ma jistgħux jitqiesu bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
154 |
Madankollu, dan il-motiv imur kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 73, 76 u 77 ta’ din is-sentenza, li tgħid li, fir-rigward ta’ prattiki kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ma hemmx lok li jiġu investigati u lanqas a fortiori li jintwerew l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali kif ukoll negattivi jew pożittivi. |
|
155 |
Abbażi ta’ dan l-iżball ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 305 u 306 tas-sentenza appellata, li tiddeċiedi dwar l-ilmenti ta’ Servier li jikkonċernaw l-effetti ambivalenti tal-ftehimiet kontenzjużi fil-kuntest tal-eżami tal-motivi speċifiċi għal kull wieħed minn dawn il-ftehimiet. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, bla ħsara għall-eżami segwenti tal-argumenti ta’ Servier relatati ma’ kull wieħed mill-imsemmija ftehimiet, invokati fil-kuntest tat-tielet sal-ħames aggravju tiegħu, li l-imsemmi żball ta’ liġi ma għandu l-ebda konsegwenza, bħala prinċipju, għal-legalità tas-sentenza appellata, peress li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, ċaħdet l-argumenti kollha relatati mal-effetti allegatament favur il-kompetizzjoni jew ambivalenti tal-ftehimiet kontenzjużi, invokati minn Servier fl-ewwel istanza, għal raġunijiet oħra. |
|
156 |
Servier isostni, essenzjalment, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehimiet kontenzjużi kellhom bħala għan, mhux li jippreġudikaw il-kompetizzjoni, iżda li jtemmu l-kawżi kontra l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, peress li dawn tal-aħħar kienu jirrikonoxxu s-saħħa tal-privattiva 947. Il-ftehim Lupin kellu, barra minn hekk, bħala għan id-dħul antiċipat ta’ Lupin fis-suq u l-ftehim Teva kellu bħala għan essenzjali l-provvista ta’ perindopril lil Teva. Servier jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-Qorti Ġenerali madankollu ħadet inkunsiderazzjoni r-rikonoxximent minn Krka tal-validità ta’ din il-privattiva u qieset li l-ftehimiet konklużi ma’ din l-impriża ma kinux jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
157 |
Madankollu, huwa biżżejjed li jitfakkar li għalkemm l-għanijiet oġġettivi li l-ftehimiet huma intiżi li jilħqu fir-rigward tal-kompetizzjoni huma ċertament rilevanti sabiex jiġi evalwat l-għan antikompetittiv possibbli tagħhom, il-fatt li l-impriżi involuti aġixxew mingħajr l-intenzjoni li jipprevjenu, li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-fatt li strateġija kummerċjali li, għal impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni, tikkonsisti fin-negozjar ta’ tali ftehimiet bejniethom sabiex tintemm tilwima dwar il-validità ta’ privattiva tkun ekonomikament razzjonali mill-perspettiva ta’ dawn l-impriżi bl-ebda mod ma juri li t-tkomplija ta’ din l-istrateġija hija ġustifikabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
|
158 |
Barra minn hekk, l-ilment ta’ Servier li jinvoka kontradizzjoni bejn l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ftehimiet kontenzjużi u dawk magħmula fir-rigward tal-ftehimiet Krka, għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 114 sa 117 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, fil-punti 442 sa 474 tas-sentenza tal-lum fil-kawża Il-Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li laqgħet parzjalment l-appell tal-Kummissjoni, ċaħdet definittivament l-argument ta’ Servier intiż li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja konklużi ma’ Krka bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fin-nuqqas tal-kontradizzjoni allegata, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
|
159 |
Fir-rigward tal-importanza li għandha tingħata lill-pagamenti invertiti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ta’ ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 256 sa 273 tas-sentenza appellata, esponiet, essenzjalment, li l-preżenza, f’dan it-tip ta’ ftehimiet, ta’ klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, bħal klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, meta tkun assoċjata ma’ ħlas invertit, tista’ tagħti lok għal tali klassifikazzjoni, jekk dan il-pagament ma jkunx iġġustifikat minn korrispettiv ieħor għajr dak li jikkonsisti, fl-impenn mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li jirrinunzja milli jikkompeti mal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi proprjetarju tal-privattiva jew tal-privattivi kkonċernati. |
|
160 |
Fil-punti 277 sa 280 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-ħlas invertit huwiex intiż li jikkumpensa l-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja sostnuti mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li dawn l-ispejjeż jinkludu, b’mod partikolari, l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-kawżi li huma s-suġġett tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja, bil-kundizzjoni li dawn l-ispejjeż ikunu ġew stabbiliti mill-partijiet f’dan il-ftehim u li ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont tal-ispejjeż oġġettivament indispensabbli għall-proċedura kontenzjuża. B’kuntrast ma’ dan, skont is-sentenza appellata, dawn l-ispejjeż la jinkludu l-valur tal-ħażna ta’ prodotti mediċinali li jagħtu lok għal kontrafazzjoni u lanqas l-ispejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp sostnuti sabiex jiġu żviluppati dawn il-prodotti mediċinali. Skont din is-sentenza, l-ispejjeż jeskludu wkoll, bħala prinċipju, l-ammonti dovuti bħala kumpens, b’mod partikolari ta’ xoljiment, abbażi ta’ kuntratti konklużi mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma’ terzi. |
|
161 |
Permezz tal-argument tiegħu miġbur fil-qosor fil-punti 139 u 140 ta’ din is-sentenza, Servier jikkontesta dan ir-raġunament, billi jsostni li dan jammonta għall-fatt li jitqies li kwalunkwe ħlas li jeċċedi l-ammont tal-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja tat-tilwima jikkostitwixxi ħlas invertit, anki jekk dan l-ammont ikun inqas minn dak tal-profitti li l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi seta’ jistenna li jikseb mid-dħul tiegħu fis-suq. |
|
162 |
Barra minn hekk, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 280 tas-sentenza appellata, li, bħala prinċipju, ma jagħmlux parti mill-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi, il-kumpens li manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jista’ jkollu jħallas lil terzi minħabba d-dannu li dawn tal-aħħar ikunu ġarrbu bħala konsegwenza tad-deċiżjoni ta’ dan il-manifattur li jirrinunzja għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott mediċinali ġeneriku li jkun is-suġġett ta’ din il-kawża. |
|
163 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jista’, wara li jkun evalwa l-possibbiltajiet tiegħu li jirbaħ il-proċedura ġudizzjarja kontra l-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur kkonċernat, jiddeċiedi li jirrinunzja milli jidħol fis-suq inkwistjoni u li jikkonkludi ma’ dan tal-aħħar ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ din il-proċedura. Tali ftehim ma jistax madankollu jitqies, fil-każijiet kollha, bħala restrizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Il-fatt li tali ftehim ikun akkumpanjat minn trasferimenti ta’ valuri mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma jikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, peress li l-imsemmija trasferimenti ta’ valur jistgħu jkunu ġġustifikati. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirċievi mingħand il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi ammonti li jikkorrispondu effettivament għall-kumpens ta’ spejjeż jew ta’ inkonvenjenzi marbuta mat-tilwima bejniethom, jew li jikkorrispondu għal remunerazzjoni għall-provvista effettiva immedjata jew sussegwenti, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 sa 86). |
|
164 |
Konsegwentement, fejn ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima dwar il-validità ta’ privattiva bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, proprjetarju ta’ din il-privattiva, ikun akkumpanjat minn trasferimenti ta’ valur mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-bilanċ nett pożittiv ta’ dawn it-trasferimenti jistax jiġi ġġustifikat b’mod sħiħ, kif previst fil-punt preċedenti, permezz tan-neċessità li jiġu kkumpensati l-ispejjeż jew l-inkonvenjenzi marbuta ma’ din it-tilwima, bħall-ispejjeż u l-onorarji tal-konsulenza ta’ dan l-aħħar manifattur, jew permezz ta’ dik li tiġi rremunerata l-provvista effettiva u pprovata ta’ beni jew ta’ servizzi tiegħu lill-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 92). Fil-fatt, is-soluzzjoni bonarja ta’ tali tilwima timplika li l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrikonoxxi l-validità tal-privattiva inkwistjoni, peress li jirrinunzja li jikkontestaha. Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ ħlas imsejjaħ “invertit”, mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, huwa biss it-teħid ta’ responsabbiltà għal tali spejjeż jew ir-remunerazzjoni ta’ tali beni jew servizzi pprovduti li jista’ jitqies li huwa koerenti ma’ tali rikonoxximent u, għaldaqstant, li jista’ jiġi ġġustifikat fir-rigward tal-kompetizzjoni. |
|
165 |
Fit-tieni lok, għalkemm dan il-bilanċ nett pożittiv tat-trasferimenti ma huwiex iġġustifikat b’mod sħiħ minn tali neċessità, għandu jiġi vverifikat jekk, fl-assenza ta’ tali ġustifikazzjoni, dawn it-trasferimenti humiex spjegati biss mill-interess kummerċjali ta’ dawn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali li ma jikkompetux fuq il-merti. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi bilanċ, inkluż spejjeż iġġustifikati possibbli, huwiex kbir biżżejjed sabiex jinċentiva effettivament lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja milli jidħol fis-suq ikkonċernat, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan il-bilanċ pożittiv nett ikun neċessarjament ogħla mill-profitti li kien jagħmel li kieku rebaħ il-proċedura fil-qasam tal-privattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 87 sa 94). |
|
166 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset, essenzjalment, fil-punti 277 sa 280 tas-sentenza appellata, li t-teħid ta’ responsabbiltà minn Servier tal-ispejjeż kontenzjużi sostnuti minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fil-kuntest tat-tilwima bejn il-partijiet li ġiet riżolta b’mod bonarju kien iġġustifikat mill-“inerenza” ta’ dawn l-ispejjeż għal din ir-riżoluzzjoni, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux eċċessivi u, għaldaqstant, sproporzjonati, iżda li spejjeż oħra ferm “esterni” għat-tilwima u għar-riżoluzzjoni tagħha ma setgħux jitqiesu bħala inerenti għalihom. Fil-fatt, dan l-approċċ, billi jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom huwa possibbli li jiġi ġġustifikat il-ħlas imsejjaħ “invertit” tal-ispejjeż sabiex jiġi konkluż li ma hemmx trasferiment ta’ valur ta’ inċentiv, jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 163 u 164 ta’ din is-sentenza. |
|
167 |
Fir-rigward b’mod speċifiku tat-teħid ta’ responsabbiltà mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi tal-kumpens li l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jista’ possibbilment ikollu jħallas lil terzi, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 159 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-parti ta’ dawn iddedikata għas-sitwazzjoni ta’ Niche, li pagament ta’ din in-natura huwa l-konsegwenza diretta, mhux tar-rieda tal-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jirregolaw b’mod bonarju t-tilwim bejniethom dwar il-privattivi, iżda tar-rinunzja tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi milli jidħol fis-suq tal-prodott mediċinali kkonċernat. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi, fil-punt 280 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet, essenzjalment, li r-rimbors ta’ tali kumpens ma jistax jitqies li huwa inerenti għal ftehim ta’ soluzzjoni bonarja bħall-ftehimiet kontenzjużi. |
|
168 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u kuntrarjament għall-argument ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet, fil-punt 280 tas-sentenza appellata, inverżjoni tal-oneru tal-prova. Minbarra l-kliem użat f’dan il-punt 280, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, sempliċement qieset li spejjeż eventwalment dovuti lil terzi mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi bħala kumpens minħabba d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrinunzja milli jidħol fis-suq ikkonċernat, għandhom, meta jkunu tħallsu mill-manifattur ta’ prodott mediċinali oriġinatur, jiġu inklużi fost it-trasferimenti ta’ valur favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li fir-rigward tagħhom għandu jiġi analizzat il-bilanċ nett pożittiv. Billi ppreċiżat, fl-imsemmi punt 280, li “[g]ħalhekk, huma l‑partijiet tal-ftehim, jekk jixtiequ li l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż ma jiġix ikklassifikat bħala inċentiv u li jikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, li għandhom juru li dawn huma inerenti għall-kawża jew għar-riżoluzzjoni tagħha, imbagħad jiġġustifikaw l-ammont tagħhom”, il-Qorti Ġenerali applikat korrettament ir-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova li tfakkru fil-punt 123 ta’ din is-sentenza. |
|
169 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal u fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 155 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet sal-ħames aggravju, l-iżball ta’ liġi li huwa vvizzjat bih il-punt 304 tas-sentenza appellata ma jaffettwax il-legalità tas-sentenza appellata, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
C. Fuq it-tielet u s-sitt aggravju, dwar il-ftehimiet Niche u Matrix
1. Fuq it‑tielet aggravju
|
170 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, Servier jikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-ftehimiet Niche u Matrix. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
a) Fuq l‑ewwel parti, dwar il-kompetizzjoni potenzjali
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
171 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tiegħu, Servier isostni li, billi qieset li Niche u Matrix kienu l-kompetituri potenzjali tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi. |
|
172 |
Permezz tal-ewwel ilment, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat l-ostakoli għad-dħul fis-suq tal-perindopril li jirriżultaw mis-saħħa tal-privattivi ta’ Servier. |
|
173 |
Qabelxejn, billi rrepeta, essenzjalment, l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni aggravju tiegħu, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli eskludiet bħala prinċipju, fil-punt 444 tas-sentenza appellata, ir-rilevanza tal-perċezzjoni li Niche u Matrix seta’ jkollhom ta’ dawn l-ostakoli għall-privattiva fl-analiżi tal-kapaċità tagħhom li jidħlu fis-suq, billi ddeċidiet li l-konstatazzjoni ta’ atti ta’ kontrafazzjoni permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja biss setgħet tikkostitwixxi ostakolu insurmontabbli għad-dħul tagħhom fis-suq. |
|
174 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-fatt li l-klijenti ta’ Niche, u b’mod iktar partikolari Sandoz, kienu xoljew il-ftehimiet tagħhom ma’ din l-impriża minħabba r-riskju ta’ kontrafazzjoni, kif ukoll it-tentattivi ta’ Matrix intiżi li jiżviluppaw forma li ma tiksirx privattiva tal-verżjoni ġenerika tal-perindopril. Skont Servier, dawn l-elementi jikkostitwixxu indizji oġġettivi tal-eżistenza ta’ ostakoli għall-privattiva għad-dħul ta’ dawn l-impriżi fis-suq. |
|
175 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk Niche u Matrix kellhomx possibbiltà reali u konkreta li jidħlu fis-suq fi żmien qasir. Skont Servier, Niche ma setgħetx tegħleb l-ostakoli għall-privattiva malajr. |
|
176 |
Sussidjarjament, Servier isostni li, fil-punti 446 u 447 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta ddikjarat li Niche, permezz tal-passi tagħha ma’ Servier, kienet qiegħda tipprova “tħejji t-triq” u tidħol fis-suq tal-perindopril minkejja l-ostakoli għall-privattiva. Fir-realtà, Niche, li kienet taf li l-perindopril tagħha kien jikkostitwixxi kontrafazzjoni, riedet tevita tilwima ma’ Servier. |
|
177 |
Permezz tat-tieni lment, Servier isostni li, billi ddeċidiet li l-passi meħuda minn Niche u Matrix kienu suffiċjenti sabiex juru li dawn l-impriżi setgħu jidħlu fis-suq tal-perindopril fi żmien qasir, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi. |
|
178 |
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonfondiet il-kapaċità ta’ dħul fis-suq mal-intenzjoni ta’ dħul f’dan is-suq. Il-kapaċità ta’ dħul fis-suq tiddependi mill-eżistenza ta’ ostakoli li jirriżultaw minn privattivi. Min-naħa l-oħra, passi bħal dawk intiżi għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ma humiex biżżejjed, fihom infushom, sabiex jipprovaw tali kapaċità, kif jirriżulta mill-punti 458 u 476 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, Servier jirreferi għall-argument tiegħu żviluppat fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, miġbur fil-qosor fil-punt 94 ta’ din is-sentenza. |
|
179 |
It-tieni nett, Servier isostni li, sabiex jintwera li Niche u Matrix setgħu jidħlu fis-suq tal-perindopril, kienet il-Kummissjoni li kellha tanalizza d-diffikultajiet tekniċi, regolatorji, dawk relatati mal-privattivi u finanzjarji li dawn l-impriżi kienu kkonfrontati bihom. Huwa jsostni li l-provi esposti mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 461, 462 u 480 tas-sentenza appellata, jikkonfermaw li l-Kummissjoni eżaminat biss il-passi meħuda mill-imsemmija impriżi. Billi ma ċċensuratx l-assenza ta’ analiżi tal-possibbiltajiet reali u konkreti li kellhom Niche u Matrix li jegħlbu l-problemi tekniċi u regolatorji, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju u wettqet żball ta’ liġi. |
|
180 |
Permezz tat-tielet ilment, Servier isostni li, billi imponiet fuqu, fil-punti 463, 480, 483 sa 486, 489 u 498 tas-sentenza appellata, li juri li d-dħul ta’ Niche u Matrix fis-suq tal-perindopril kien jaffaċċja ostakoli insurmontabbli, il-Qorti Ġenerali invertiet l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan is-sens, Servier jirreferi għall-argument tiegħu invokat fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni aggravju tiegħu. |
|
181 |
Permezz tar-raba’ lment, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk l-ostakoli li ltaqgħu magħhom Niche u Matrix sabiex jidħlu fis-suq tal-perindopril, meħuda flimkien, kinux jipprekludu li jitqies li dawn l-impriżi kienu kompetituri potenzjali ta’ Servier. Il-fatt li kull wieħed minn dawn l-ostakoli, meħud individwalment, kien surmontabbli, ma jfissirx li Niche u Matrix setgħu jegħlbu dawn l-ostakoli kollha. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju kif ukoll l-obbligu tagħha li teżamina l-provi meħuda mhux separatament, iżda fl-intier tagħhom. |
|
182 |
Permezz tal-ħames ilment, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 481 tas-sentenza appellata, tat interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Skont dan il-prinċipju, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-elementi rilevanti kollha sabiex tanalizza sitwazzjoni partikolari u, jekk ikun hemm bżonn, titlob informazzjoni addizzjonali sabiex tivverifika u ssostni l-konklużjonijiet tagħha. Huwa jsostni li l-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ t-talba magħmula minn Servier matul il-proċedura amministrattiva u intiża li tinkiseb il-produzzjoni tal-korrispondenza bejn Niche jew l-imsieħba tagħha u l-awtoritajiet nazzjonali dwar it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 481 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-ilment ta’ Servier ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba, b’mod partikolari, li d-dokumenti mitluba ma kellhomx “importanza kunsiderevoli”. Skont Servier, l-applikazzjoni ta’ tali kriterju estranju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkostitwixxi żball ta’ liġi. |
|
183 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
184 |
Permezz tal-ewwel ilment tiegħu, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-ostakoli relatati mal-privattivi. Madankollu, it-tliet argumenti invokati b’mod prinċipali insostenn ta’ dan l-ilment, imsemmija fil-punti 173 sa 175 ta’ din is-sentenza, jinjoraw il-fatt li l-Qorti Ġenerali effettivament ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-ostakoli relatati mal-privattivi u huma bbażati, f’dan ir-rigward, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma qisitx, b’mod partikolari fil-punt 444 tas-sentenza appellata, li l-perċezzjoni minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tas-saħħa ta’ privattiva hija totalment irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Servier, minn naħa, u Niche u Matrix, min-naħa l-oħra, iżda li din il-perċezzjoni tista’ tkun rilevanti biss sabiex jiġi ddeterminat jekk Niche u Matrix kellhomx l-intenzjoni li jidħlu fis-suq u mhux sabiex jevalwaw il-kapaċità tagħhom li jwettqu tali dħul. Kif jirriżulta wkoll mill-punti 107 sa 136 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. |
|
185 |
Fir-rigward tal-ommissjoni tal-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li klijenti ta’ Niche, u b’mod iktar partikolari Sandoz, kienu temmew il-kooperazzjoni tagħhom ma’ din l-impriża fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-perindopril minħabba r-riskju ta’ ksur ta’ privattiva, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha mqajma mill-partijiet fil-kawża u li l-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen vs Il-Kummissjoni, C‑94/15 P, EU:C:2017:124, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
186 |
Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx b’mod espliċitu għal dan l-argument ta’ Servier iżda, kif tenfasizza l-Kummissjoni u kif jirriżulta mill-premessa 465 tad-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma Servier jikkontesta dan il-fatt, id-deċiżjoni ta’ Sandoz ittieħdet fix-xahar ta’ Jannar tas-sena 2004, jiġifieri qabel dik ta’ Niche u Matrix li jibdlu l-proċess ta’ manifattura tagħhom tal-perindopril u, għaldaqstant, qabel il-passi preparatorji ta’ Niche u Matrix deskritti fil-punti 433 sa 440, kif ukoll fil-punti 446 u 447 tas-sentenza appellata, li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-intenzjoni ta’ dawn l-impriżi li jidħlu fis-swieq Ewropej tal-perindopril. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ċ-ċirkustanza fattwali inkwistjoni ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, ikollha effett fuq il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma kisritx l-obbligu li timmotiva s-sentenzi tagħha billi ma weġbitx espliċitament għall-argument ta’ Servier f’dan ir-rigward. |
|
187 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq it-tentattivi ta’ Matrix intiżi li jiżviluppaw forma li ma tagħtix lok għal kontrafazzjoni tal-verżjoni ġenerika tagħha tal-perindopril, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 447 tas-sentenza appellata u li għalhekk dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
188 |
Fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk Niche u Matrix kellhomx possibbiltà reali u konkreta li jidħlu fis-suq fi żmien qasir, għandu jitfakkar li dan huwa bbażat fuq kriterju legali żbaljat peress li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, il-passi preparatorji tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi għandhom jippermettulu jaċċedi għas-suq ikkonċernat f’terminu li jista’ joħloq pressjoni kompetittiva fuq il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinali. Fi kwalunkwe każ, mill-punti 442 sa 499 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat din il-kwistjoni fil-fond qabel ma kkonkludiet li l-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Niche u Matrix kienet reali. |
|
189 |
Fir-rigward tal-argument li Servier jinvoka għall-finijiet ta’ kompletezza insostenn tal-ewwel ilment tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa inammissibbli. Fil-fatt, taħt il-pretest ta’ allegat żnaturament, Servier, billi jallega, b’mod partikolari, li l-inizjattiva ta’ Niche li “tħejji t-triq” għal dħul fis-suq ma kinitx ittieħdet in bona fide, ifittex fir-realtà li jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 446 tas-sentenza appellata, li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, kif imfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza. |
|
190 |
Isegwi li l-ewwel ilment ta’ Servier, miġbur fil-qosor fil-punt 173 tas-sentenza appellata, għandu jiġi miċħud. |
|
191 |
Permezz tat-tieni lment tiegħu, Servier jikkontesta, permezz tal-ewwel argument, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-passi meħuda sabiex jinkisbu awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tintwera l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 118 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, passi bħal dawk intiżi li tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali ġeneriku huma rilevanti sabiex jiġu pprovati kemm il-kapaċità kif ukoll l-intenzjoni tal-manifattur ta’ dan il-prodott mediċinali li jidħol fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 44). |
|
192 |
Permezz tat-tieni argument, Servier jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ma analizzatx il-probabbiltà li Niche u Matrix jaslu sabiex jegħlbu d-diffikultajiet tekniċi u regolatorji li kienu kkonfrontati bihom. |
|
193 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
|
194 |
Qabelxejn, l-imsemmi argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata fid-dritt. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, sakemm ma jiġix sostnut li ma hemm ebda distinzjoni bejn kompetizzjoni reali u kompetizzjoni potenzjali, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali ma teżiġix li jintwera li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienu ser jidħlu b’ċertezza fis-suq u li tali dħul kien ser iwassal mingħajr ebda dubju għal suċċess, iżda teżiġi li jiġi stabbilit biss li dawn il-manifatturi kellhom possibbiltajiet reali u konkreti f’dan ir-rigward (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 63). |
|
195 |
Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 442 sa 499 tas-sentenza appellata, eżami ddettaljat tal-ostakoli allegatament insurmontabbli li ltaqgħu magħhom Niche u Matrix, fuq il-livelli tal-privattivi, tekniċi, regolatorji, kif ukoll finanzjarji. Abbażi ta’ dan l-eżami u wara evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi prodotti quddiemha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjonijiet li permezz tagħhom Servier ikkontesta li Niche u Matrix kellhom il-kapaċità u l-intenzjoni li jidħlu fis-suq. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, Servier ma jistax isostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx analiżi kompleta tal-ostakoli kollha invokati sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma’ Niche u Matrix. |
|
196 |
Fl-aħħar nett, sa fejn Servier jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali hekk magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ din l-analiżi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali argument huwa inammissibbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell. |
|
197 |
Permezz tat-tielet ilment tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali invertiet l-oneru tal-prova dwar l-ostakoli insurmontabbli għad-dħul fis-suq ikkonċernat. Madankollu, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 123 sa 125 ta’ din is-sentenza, l-argument ta’ Servier ibbażat fuq inverżjoni ta’ dan l-oneru tal-prova u ta’ probatio diabolica f’dan ir-rigward ġie miċħud. Għaldaqstant, dan it-tielet ilment għandu jiġi miċħud ukoll. |
|
198 |
Permezz tar-raba’ lment tiegħu, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli eżaminat l-ostakoli li ltaqgħu magħhom Niche u Matrix mhux globalment, iżda separatament. |
|
199 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan ir-raba’ lment ma huwiex inammissibbli minħabba l-fatt li ma ġiex invokat minn Servier fil-kuntest tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza. Fil-fatt, peress li dan l-ilment huwa dirett kontra l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-regoli li jirregolaw l-oneru u l-evalwazzjoni tal-provi, dan jista’ jitqajjem fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. |
|
200 |
Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova ta’ ksur fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ tiġi pprovduta mill-Kummissjoni, permezz ta’ sensiela ta’ indizji oġġettivi u konkordanti li, evalwati fl-intier tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ tali ksur u dan anki jekk wieħed jew l-ieħor minn dawn l-indizji ma jkunx, waħdu, suffiċjenti f’dan ir-rigward (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il-Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
201 |
Fir-rigward tal-prova tal-eżistenza tal-kompetizzjoni potenzjali eżerċitata minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fuq manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u kif ġie deċiż fil-punti 123 sa 125 ta’ din tal-aħħar, jekk il-Kummissjoni jirnexxilha tistabbilixxi, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti u mingħajr ma tinjora l-ostakoli possibbli għal dħul fis-suq li għandha għarfien tagħhom, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, huma għalhekk l-impriżi kkonċernati li għandhom jikkonfutaw l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni billi jipproduċu l-prova kuntrarja. |
|
202 |
Jekk il-qorti jibqa’ jkollha dubju, dan għandu jkun ta’ benefiċċju għall-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, fid-dawl tal-preżunzjoni tal-innoċenza li tapplika għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni, C‑90/15 P, EU:C:2017:123, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
203 |
Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 432 sa 440 tas-sentenza appellata, li l-indizji miġbura mill-Kummissjoni u li hemm riferiment għalihom fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu jippermettu li jitqies li Niche u Matrix kienu kompetituri potenzjali ta’ Servier, u, fil-punti 441 sa 499 ta’ din is-sentenza, hija eżaminat l-ostakoli kollha possibbli għad-dħul tagħhom fis-suq li hija kellha għarfien tagħhom. Konsegwentement, hija qieset, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li kienet din l-impriża li kellha tipproduċi l-prova kuntrarja, billi tibbaża ruħha, jekk ikun il-każ, fuq ostakoli oħra għal tali dħul. Kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 195 ta’ din is-sentenza, wara eżami komplet u ddettaljat tal-argument ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjonijiet intiżi li jikkontestaw li Niche u Matrix kellhom il-kapaċità u l-intenzjoni li jidħlu fis-suq. |
|
204 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi rrilevat, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta eżaminat, wieħed wieħed, l-allegati ostakoli għad-dħul fis-suq ta’ Niche u ta’ Matrix, mingħajr ma vverifikat, barra minn hekk, jekk minkejja l-fatt li ebda wieħed minn dawn l-ostakoli ma kien insurmontabbli waħdu, l-effett akkumulat tagħhom kienx madankollu jagħti lok għal ostakolu insurmontabbli. Fil-fatt, tali eżami ma huwiex, bħala prinċipju, neċessarju u kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, Servier ma spjegax, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas fl-appell tiegħu, fiex kellu jikkonsisti l-eżami tal-provi li huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma wettqitx f’dan ir-rigward. |
|
205 |
Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
206 |
Permezz tal-ħames ilment tiegħu, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma kkonstatatx il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba minħabba l-fatt li din l-istituzzjoni ma ordnatx il-produzzjoni tal-korrispondenza bejn Niche jew l-imsieħba tagħha u l-awtoritajiet nazzjonali dwar it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril. |
|
207 |
Għandu jiġi kkonstatat li, konformement ma’ dak li ġie espost fil-punti 80 u 120 ta’ din is-sentenza fir-rigward tar-rilevanza tal-passi meħuda għall-kisba ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 479 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiddetermina l-eżistenza tal-kompetizzjoni potenzjali, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-manifattur tal-prodott mediċinali ġeneriku talab awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq u pparteċipa b’mod attiv fil-proċedura bl-għan tal-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa dan il-manifattur li għandu jipproduċi provi li juru l-eżistenza ta’ problemi li jipprekludu oġġettivament il-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni. |
|
208 |
Madankollu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tagħha, bl-istess mod li l-eżitu probabbli ta’ tilwima pendenti relatata mal-validità ta’ privattiva ma huwiex determinanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, lanqas ma hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa l-possibbiltajiet ta’ suċċess jew l-eżitu probabbli ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq introdotta quddiem l-awtoritajiet nazzjonali minn tali manifattur f’mument meta din il-proċedura tkun, jew kienet pendenti. Għalhekk, fl-assenza ta’ deċiżjoni finali li ttemm tali proċedura, problemi eventwali li jipprekludu oġġettivament il-kisba tal-awtorizzazzjoni mitluba ma jistgħux jiġu stabbiliti abbażi ta’ elementi relatati ma’ dubji espressi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bla ħsara għad-deċiżjoni finali tagħhom, dwar il-possibbiltajiet tal-proċedura li twassal għal awtorizzazzjoni. |
|
209 |
Wara li rrilevat, fil-punt 480 ta’ din is-sentenza, li Niche kienet ippreżentat diversi talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq u pparteċipat fil-proċeduri bl-għan tal-kisba tagħhom, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 481 tal-imsemmija sentenza, qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli rrifjutat li tilqa’ t-talba għal produzzjoni tal-korrispondenza kollha, relatata ma’ dawn il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, skambjata bejn Niche u l-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset f’dan ir-rigward li peress li Servier, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, kellu tabella li tiġbor fil-qosor il-kontenut ta’ din il-korrispondenza, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tordna l-produzzjoni tad-dokumenti kkonċernati kien iġġustifikat, fid-dawl tal-fatt li dawn id-dokumenti ma kellhomx, għad-difiża ta’ Servier, “importanza kunsiderevoli”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat b’mod partikolari, il-fatt li Niche ma kinitx ipproduċiet il-korrispondenza inkwistjoni, la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, insostenn tal-ilmenti tagħha intiżi li jikkontestaw il-kwalità tagħha stess ta’ kompetitur potenzjali ta’ Servier. |
|
210 |
F’dan il-każ, fid-dawl ta’ dak li ġie deċiż fil-punt 208 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-aċċess mitlub għall-korrispondenza inkwistjoni ma setax iqiegħed lil Servier f’pożizzjoni li jipprovdi provi li juru l-eżistenza ta’ problemi li oġġettivament jipprekludu l-kisba tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq mitluba minn Niche u Matrix. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tordna l-produzzjoni ta’ din il-korrispondenza inkwistjoni u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi f’dan il-każ minħabba li ma kkonstatatx ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Konsegwentement, hemm lok li l-ħames aggravju jiġi miċħud bħala infondat. |
|
211 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq it-tieni parti, dwar il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
212 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
213 |
Preliminarjament, Servier jirreferi għall-argument tiegħu żviluppat fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, espost fil-punti 129 sa 140 ta’ din is-sentenza, li permezz tiegħu huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali applikat, fil-punti 526, 552, 555, 557 u 558 tas-sentenza appellata, kriterji legali kuntrarji għall-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
214 |
Permezz tal-ewwel ilment, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-ħlasijiet ta’ GBP 11.8 miljuni mħallsa lil Niche u lil Matrix kienu l-korrispettiv tar-rinunzja ta’ dawn l-impriżi li jikkompetu ma’ Servier. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-ftehim Niche jirriżulta li din is-somma kienet il-korrispettiv tal-ispejjeż u tal-kumpens li setgħu jiġu imposti fuq Niche u Unichem minħabba l-waqfien tal-programm tagħhom ta’ żvilupp ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril li tikkostitwixxi ksur tal-privattivi ta’ Servier. Il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, fil-punt 537 tas-sentenza appellata, li dawn l-ispejjeż u l-kumpens ma kinux inerenti għall-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja, minkejja li dan il-ftehim kien jesponi lil Niche u lil Matrix għal riskju kbir li jinżammu responsabbli. Il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, qieset fil-punt 539 tas-sentenza appellata, li l-ispejjeż u l-kumpens effettivament imħallsa minn Niche u minn Matrix kienu ta’ ammont inqas minn GBP 11.8 miljuni li kull waħda minnhom kienet irċeviet mingħand Servier. Fil-fatt, dawn huma elementi sussegwenti għad-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix, data li fiha r-riskju inkors minn dawn l-impriżi ma setax jiġi evalwat b’mod preċiż. |
|
215 |
Permezz tat-tieni lment, Servier isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, billi kkonfermat li l-ħlasijiet ta’ ammont ta’ GBP 11.8 miljuni rċevuti minn Niche u Matrix ikkostitwixxew il-korrispettiv tal-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni sottoskritti minn dawn tal-aħħar, wettqet tliet żbalji. |
|
216 |
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrifjutat, fil-punt 541 tas-sentenza appellata, li teżamina n-natura ta’ inċentiv ta’ dawn il-ħlasijiet billi tqabbel l-ammont tagħhom mal-profitti li Niche u Matrix setgħu kull wieħed jistennew mid-dħul tagħhom fis-suq tal-perindopril. Skont Servier, dan il-paragun ma kienx inutli, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, iżda neċessarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet tali paragun fil-premessa 1338 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Servier ikkontesta l-validità tagħha fil-kuntest tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivi tagħha stess b’dawk tal-Kummissjoni. |
|
217 |
It-tieni nett, billi ddeċidiet li Servier ma kienx stabbilixxa li s-somma ta’ GBP 11.8 miljuni kienet insuffiċjenti sabiex tikkostitwixxi inċentiv għar-rinunzja tad-dħul fis-suq ikkonċernat, il-Qorti Ġenerali invertiet l-oneru tal-prova u kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. |
|
218 |
It-tielet nett, fil-punt 563 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-ftehimiet Niche, Matrix u Biogaran, l-ostakoli relatati mal-privattivi, regolatorji, tekniċi u finanzjarji li kienu kkonfrontati bihom Niche u Matrix. Hija sempliċement eżaminat dan il-kuntest bħala parti mill-analiżi tagħha tal-kompetizzjoni potenzjali, filwaqt li, skont Servier, dawn l-ostakoli jikkostitwixxu l-kawża vera tal-aċċettazzjoni tal-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni. |
|
219 |
Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-ftehim Biogaran, Servier jikkontesta l-fatt li s-somma ta’ GBP 2.5 miljuni imħallsa lil Niche skont dan il-ftehim kienet teċċedi l-valur tal-fajls ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ittrasferiti lil Biogaran. Anki jekk dan ikun il-każ, Servier iqis li dan ma kienx ikun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura ta’ inċentiv ta’ dan il-ħlas fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ta’ dan il-ftehim. Servier jenfasizza li l-ammont ta’ dan il-ħlas, li tqies mid-deċiżjoni kontenzjuża biss bħala inċentiv addizzjonali, kien baxx wisq sabiex jinċentiva lil Niche tilħaq kompromess. |
|
220 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
221 |
Permezz tal-argumenti preliminari tiegħu, Servier itenni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji legali żbaljati sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, billi rreferiet għall-argument invokat insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu. Dawn l-argumenti preliminari għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 142 sa 169 ta’ din is-sentenza. |
|
222 |
Permezz tal-ewwel ilment tiegħu, Servier jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-ħlasijiet tiegħu ta’ ammont ta’ GBP 11.8 miljuni favur Niche u Matrix saru bħala korrispettiv tar-rinunzja ta’ dawn tal-aħħar li jidħlu fis-suq. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat kompletament fuq il-premessa li l-kumpens li manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jista’ jkollu jħallas lil terzi minħabba d-dannu li dawn tal-aħħar ikunu ġarrbu bħala konsegwenza tad-deċiżjoni ta’ dan il-manifattur li jirrinunzja għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott mediċinali ġeneriku li huwa s-suġġett ta’ din it-tilwima, bħala prinċipju, jagħmel parti mill-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi. Għar-raġunijiet esposti fil-punt 167 ta’ din is-sentenza, din il-premessa hija żbaljata. Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud. |
|
223 |
Permezz tat-tieni lment tiegħu, Servier isostni, permezz tal-ewwel argument tiegħu, li l-Qorti Ġenerali kellha tqabbel il-ħlasijiet ta’ ammont ta’ GBP 11.8 miljuni mħallsa lil Niche u lil Matrix mal-profitti li dawn tal-aħħar setgħu jistennew mid-dħul tagħhom fis-suq tal-perindopril. Madankollu, dan l-argument huwa infondat. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi vverifikat jekk it-trasferimenti ta’ valur tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jikkostitwixxux il-korrispettiv tar-rinunzja, minn dan tal-aħħar, li jidħol fis-suq ikkonċernat, għandu jiġi ddeterminat jekk il-bilanċ pożittiv nett ta’ dawn it-trasferimenti ta’ valur huwiex kbir biżżejjed sabiex jinċentiva effettivament lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi għal tali rinunzja, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan il-bilanċ pożittiv nett ikun neċessarjament ogħla mill-profitti li kien jagħmel li kieku rebaħ il-proċedura fil-qasam tal-privattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 87 sa 94). |
|
224 |
Permezz tat-tieni argument, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli invertiet l-oneru tal-prova fir-rigward tal-paragun imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Madankollu, minn dan il-punt jirriżulta li dan l-argument huwa ineffettiv peress li din l-allegata inverżjoni tal-oneru tal-prova tirrigwarda paragun li ma kienx neċessarju li jsir. |
|
225 |
Permezz tat-tielet argument, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ostakoli li kienu kkonfrontati bihom Niche u Matrix. Hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, Servier jikkontesta n-natura antikompetittiva tal-għan imfittex mill-ftehimiet Niche, Matrix u Biogaran, billi jsostni li dawn l-impriżi xtaqu jilħqu kompromess mhux minħabba l-inċentiv li jirriżulta minn ħlas invertit offrut minn Servier, iżda minħabba ostakoli li kienu jaffaċċjaw il-pjanijiet tagħhom li jidħlu fis-suq tal-perindopril. Hija tinvoka għalhekk l-intenzjoni ta’ dawn l-impriżi u l-fatt li huma kellhom għan, mhux antikompetittiv, iżda leġittimu. |
|
226 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 159 sa 168 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fil-punti 277 sa 280 tas-sentenza appellata, li skonthom l-evalwazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni ta’ Niche u ta’ Matrix hija vvizzjata b’illegalità, imwettqa fil-punti 527 sa 547 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tan-natura inċentivali tat-trasferimenti ta’ valur imwettqa favurihom minn Servier u mis-sussidjarja tagħha Biogaran. Fir-rigward tal-kumplament, sa fejn Servier jipprova jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, l-ilmenti tiegħu huma inammissibbli. |
|
227 |
Fir-rigward tal-argumenti ta’ Servier ibbażati fuq ostakoli relatati mal-privattiva għad-dħul ta’ Niche u Matrix fis-suq, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkoinċidu mal-argumenti invokati fil-kuntest tal-kompetizzjoni potenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet fil-punti 184 sa 211 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi li jivvizzja b’illegalità l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li dawn l-ostakoli ma kinux jikkostitwixxu ostakolu insurmontabbli għal tali dħul, ma hemm ebda raġuni sabiex jitqies, fl-assenza ta’ tali ostakolu, li dawn tal-aħħar jistgħu jikkontestaw in-natura inċentivali tat-trasferimenti ta’ valur ikkonstatati billi jikkostitwixxu l-kawża vera tad-deċiżjoni ta’ Niche u ta’ Matrix li jirrinunzjaw milli jidħlu fis-swieq tal-perindopril fl-Unjoni. |
|
228 |
Sa fejn Servier jinvoka n-nuqqas ta’ intenzjoni antikompetittiva min-naħa tal-partijiet fil-ftehimiet Niche u Matrix, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 157 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-imsemmija impriżi aġixxew mingħajr l-intenzjoni li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-fatt li strateġija kummerċjali li, għal impriżi li joperaw fl-istess livell tal-katina ta’ produzzjoni, tikkonsisti fil-fatt li jinnegozjaw tali ftehimiet bejniethom sabiex itemmu tilwima dwar il-validità ta’ privattiva tkun ekonomikament razzjonali mill-perspettiva ta’ dawn l-impriżi bl-ebda mod ma juri li t-tkomplija ta’ din l-istrateġija hija ġustifikabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. It-tielet argument tar-rikorrenti huwa għalhekk infondat. |
|
229 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, dan it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
2. Fuq is‑sitt aggravju, dwar il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix bħala istanzi ta’ ksur distinti
|
230 |
Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, Servier jikkontesta l-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tqis li l-ftehimiet Niche u Matrix kienu jikkostitwixxu ksur uniku. |
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
231 |
Skont Servier, meta kkonfermat, fil-punt 1302 tas-sentenza appellata, li l-ftehimiet Niche u Matrix kienu jikkostitwixxu żewġ istanzi ta’ ksur distinti, li għal kull wieħed minnhom il-Kummissjoni setgħet timponi multa individwali fuq Niche u fuq Matrix, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
232 |
Fl-ewwel lok, Servier isostni li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn diversi azzjonijiet li għandhom għan komuni, jikkostitwixxi ksur uniku. Il-ftehimiet Niche u Matrix, iffirmati fl-istess jum, fl-istess post u mill-istess rappreżentant ta’ Servier, kellhom l-istess għan, kif jirriżulta mill-punt 1296 tas-sentenza appellata. Kuntrarjament għall-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 1280 ta’ din is-sentenza, dawn il-ftehimiet wasslu għal koordinazzjoni tal-aġir ta’ Niche u ta’ Matrix fil-konfront ta’ Servier. Minħabba l-komplementarjetà tal-imsemmija ftehimiet, il-Qorti Ġenerali kellha tilqa’ l-motiv li permezz tiegħu Servier sostna li l-istess ftehimiet kienu jikkostitwixxu ksur uniku. |
|
233 |
Fit-tieni lok, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-klassifikazzjoni bħala ksur uniku billi bbażat ruħha fuq kriterji legalment żbaljati. Hija tirrileva f’dan ir-rigward li, fil-punti 1296, 1297 u 1300 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tidher li eskludiet il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku minħabba li Niche u Matrix ma kinux jikkondividu l-istess intenzjoni. Madankollu, tali kriterju suġġettiv ma jaqax taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li teżiġi li din il-klassifikazzjoni tkun ibbażata mhux fuq l-intenzjoni suġġettiva tal-partijiet, iżda fuq elementi oġġettivi (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 246). Peress li l-Qorti Ġenerali qieset, abbażi tal-elementi msemmija fil-punt 1296 tas-sentenza appellata, li l-ftehimiet Niche u Matrix kienu jsegwu l-istess għan, hija kellha tiddeduċi l-eżistenza ta’ ksur uniku, minkejja ċerti diverġenzi ta’ intenzjonijiet bejn dawn l-impriżi. |
|
234 |
Barra minn hekk, Servier jirrileva li, fil-punt 1298 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-fatt li bejn Niche u Matrix ma kienx hemm “komunanza ta’ interessi”. Huwa jsostni li dan il-kriterju la huwa rilevanti u lanqas meħtieġ fid-dawl tal-ġurisprudenza. Fi kwalunkwe każ, din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq żnaturament tal-fatti, sa fejn dawn l-impriżi kienu kkonkludew ftehim orali ta’ qsim ta’ profitti u ftehim ta’ qsim tar-responsabbiltajiet fir-rigward tad-distributuri, kif jirriżulta mill-punt 1299 ta’ din is-sentenza. |
|
235 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, skont Servier, tibbaża ruħha fuq id-differenzi żgħar bejn il-ftehimiet Niche u Matrix irrilevati fil-punt 1298 tas-sentenza appellata sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ għan komuni mfittex minn dawn l-impriżi. |
|
236 |
Fir-raba’ lok, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq nuqqas ta’ qbil bejn Niche u Matrix waqt l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tagħhom ma’ Servier, sabiex tiċħad, fil-punt 1299 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ ksur uniku. Fil-fatt, huwa jsostni li dan in-nuqqas ta’ qbil seħħ wara l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet. |
|
237 |
Fil-ħames lok, il-fatt li Matrix ma kinitx involuta sa mill-bidu tan-negozjati bejn Niche u Servier jew il-fatt li hija ma kellhiex għarfien tal-eżistenza tal-ftehim Biogaran, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-eżistenza ta’ ksur uniku. |
|
238 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
239 |
Permezz tal-argument tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tiddetermina jekk Niche u Matrix kinux wettqu żewġ istanzi ta’ ksur distinti. Hija tallega żnaturament tal-fatti fil-formulazzjoni tas-sitt aggravju u tikkontesta, essenzjalment, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. |
|
240 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-sensiela ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu jikkostitwixxu, fihom infushom u individwalment, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, meta l-azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan globali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
241 |
Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kontinwu permezz ta’ aġir tagħha stess, li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “ftehim” jew ta’ “prattika miftiehma” li għandha għan antikompetittiv, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, u li kien intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
242 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex istanzi ta’ aġir differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż li jittratta konsegwenza waħda jew iktar tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li għandu għan uniku. B’kuntrast ma’ dan, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ “għan uniku” timplika li għandu jiġi vverifikat jekk jeżistux elementi li jikkaratterizzaw l-istanzi ta’ aġir differenti li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li l-istanzi ta’ aġir effettivament implimentati minn impriżi parteċipanti oħra ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u li konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C‑644/13 P, EU:C:2017:59, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
243 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 239 u 240 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex tikkaratterizza istanzi ta’ aġir bħala ksur distint jew ksur uniku, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi oġġettivament, abbażi ta’ elementi fil-fajl u taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, li l-kriterji stabbiliti sabiex aġir jiġi kklassifikat b’mod jew ieħor huma ssodisfatti. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 1294 tas-sentenza appellata, jekk jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball meta għamlet din il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, id-deċiżjoni ta’ ksur għandha tiġi annullata u l-ammont tal-multa stabbilita għandu jiġi kkalkolat mill-ġdid. |
|
244 |
Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali fakkret, essenzjalment, l-elementi ġurisprudenzjali msemmija fil-punt 242 ta’ din is-sentenza billi indikat fil-punt 1295 tas-sentenza appellata li, “għall-finijiet tal‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-ftehimiet inkwistjoni jiffurmaw parti minn pjan ġenerali implimentat deliberatament mill-impriżi kkonċernati għat‑twettiq ta’ għan antikompetittiv uniku u li hija obbligata teżamina, f’dan ir-rigward, l-elementi fattwali kollha li jistgħu jistabbilixxu jew jikkontestaw l-imsemmi pjan ġenerali”. Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fir-rigward tal-kriterju ġuridiku applikabbli għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ ksur uniku. |
|
245 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 1296 u 1297 tas-sentenza appellata, li, għalkemm kien minnu li Servier segwa l-istess għan wieħed waqt il-konklużjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix, dan il-fatt ma kienx jippermetti li jiġi stabbilit li, min-naħa tagħhom, Niche u Matrix flimkien kienu segwew l-istess għan li jattesta pjan komuni, u lanqas a fortiori li huma kienu pparteċipaw f’dan il-pjan ma’ Servier. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni eżatta tal-kriterji stabbiliti fil-punti 240 sa 242 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li l-klassifikazzjoni bħala “ksur uniku” teżiġi li kull waħda mill-istanzi ta’ aġir antikompetittiv ikkonċernat tkun taqa’ fil-kuntest tal-istess pjan ġenerali, minħabba l-għan antikompetittiv identiku tagħhom. |
|
246 |
Fil-punti 1298 u 1299 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-konklużjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix fl-istess jum, fl-istess post, u mill-istess rappreżentant ma hijiex ċirkustanza suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pjan komuni bejn Niche u Matrix. Hija rrilevat l-eżistenza ta’ diversi differenzi bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet u ċaħdet l-indizji tal-eżistenza ta’ ftehim orali bejn Niche u Matrix dwar l-implimentazzjoni tal-imsemmija ftehimiet u minn dan iddeduċiet li dawn l-impriżi ma kellhomx “pjan komuni” li jippermetti li l-aġir tagħhom jiġi kklassifikat bħala “ksur uniku”. |
|
247 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali tal-konklużjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 1300 tas-sentenza appellata, li dawn kienu juru li Matrix kienet iktar ipprovat tieħu opportunità offruta minn Servier milli taġixxi bi ftehim ma’ Niche fil-kuntest ta’ pjan komuni intiż li jtemm il-proġett tagħhom fir-rigward tal-peridopril. Il-parteċipazzjoni ta’ Matrix fit-taħdidiet li wasslu għall-konklużjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix, li dwarhom hija kienet ġiet informata biss tardivament, kienet limitata, skont il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, għan-negozjar tat-trasferiment ta’ valur ta’ Servier favuriha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 1301 tas-sentenza appellata, li l-ftehim Biogaran kien ġie konkluż mingħajr l-għarfien ta’ Matrix. |
|
248 |
Madankollu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali tat importanza kbira wisq lill-intenzjoni tal-partijiet, filwaqt li l-ġurisprudenza teżiġi evalwazzjoni oġġettiva tar-rabta tal-aġir antikompetittiv ma’ pjan ġenerali. |
|
249 |
Madankollu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 248 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat ksur uniku, għandu jiġi stabbilit li l-aġir ta’ impriżi jagħmel parti minn pjan ġenerali minħabba l-kontribuzzjoni tiegħu għat-twettiq ta’ għan ekonomiku komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il-Kummissjoni, C‑700/19 P, EU:C:2022:484, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-prova ta’ tali għan komuni tista’ għalhekk tiġi stabbilita, b’mod partikolari, abbażi ta’ elementi relatati mal-intenzjoni tal-partijiet, peress li l-kunċett ta’ pjan ġenerali jimplika li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jikkollaboraw sabiex jimplimentaw dan il-pjan u l-intenzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ din il-kollaborazzjoni huma għalhekk rilevanti, bil-kundizzjoni li dawn jiġu stabbiliti abbażi ta’ elementi oġġettivi u affidabbli, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir tagħhom jaqax taħt ksur uniku. |
|
250 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, Servier ma huwiex fondat li jsostni li l-klassifikazzjoni legali tal-fatti li għamlet il-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq kriterju ġuridiku żbaljat. Huwa lanqas ma stabbilixxa żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali. |
|
251 |
Konsegwentement, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud. |
D. Fuq ir-raba’ aggravju, relatat mal-ftehim Teva
|
252 |
Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, Servier jikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-ftehim Teva. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
1. Fuq l‑ewwel parti, dwar il-kompetizzjoni potenzjali
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
253 |
Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tiegħu, Servier isostni li l-analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali mwettqa mill-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi. Abbażi tal-argument żviluppat fil-kuntest tat-tieni aggravju, Servier jikkritika, b’mod ġenerali, lill-Qorti Ġenerali talli imponiet fuqu, fil-punti 589, 591, 592, 600, 601 u 603 tas-sentenza appellata, l-oneru li juri li d-dħul ta’ Teva fis-suq affaċċja ostakoli insurmontabbli sabiex jistabbilixxi l-assenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
254 |
Permezz tal-ewwel ilment, Servier jikkontesta l-evalwazzjoni, magħmula fil-punti 589, 591, 592 u 596 tas-sentenza appellata, li l-privattivi tiegħu, kif ukoll il-perċezzjoni li seta’ jkollhom il-partijiet, u b’mod iktar partikolari r-riskju li ordni provviżorja tingħata abbażi ta’ dawn il-privattivi, ma kinux jikkostitwixxu ostakoli insurmontabbli għal tali dħul. |
|
255 |
Permezz tat-tieni lment, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 599 tas-sentenza appellata, li dewmien fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. Il-Qorti Ġenerali ma analizzatx l-effett ta’ tali dewmien, filwaqt li Servier kien stabbilixxa li kien ikkomprometta l-proġett ta’ Teva. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-importanza, għall-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li jkunu fost tal-ewwel li jidħlu fis-suq ikkonċernat, filwaqt li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet espressament din l-importanza fil-premessa 1126. |
|
256 |
Permezz tat-tielet ilment, Servier jinvoka diversi żnaturamenti. |
|
257 |
Minn naħa, fil-punti 586 u 609 sa 612 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti minn Servier li juru li Teva ma kellhiex ħażna ta’ perindopril li kien jibbenefika minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. |
|
258 |
Min-naħa l-oħra, Servier isostni li, fil-punt 594 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors fl-ewwel istanza billi ddikjarat li Servier ma kienx ikkontesta d-dikjarazzjoni li permezz tagħha Teva indikat li kienet lesta tassumi r-riskju li tkun is-suġġett ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni minħabba d-dħul tagħha fis-suq tal-perindopril. |
|
259 |
Permezz tar-raba’ lment, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat, fil-punt 610 tas-sentenza appellata, li tieħu inkunsiderazzjoni provi dwar in-nuqqasijiet tal-perindopril ġeneriku prodott mill-ingredjent attiv ipprovdut minn Hetero Drugs Ltd (iktar ’il quddiem “Hetero”) minħabba li l-provi kienu sussegwenti għall-konklużjoni tal-ftehim Teva. Huwa jsostni li, peress li dawn il-provi jippreċedu l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, dawn għandhom valur probatorju qawwi. Billi qieset, fil-punt 611 ta’ din is-sentenza, li l-messaġġ elettroniku mibgħut minn Teva lil Hetero fil‑15 ta’ Ottubru 2007 kien intiż “b’mod ċar sabiex jimplimenta” l-ftehim Teva, il-Qorti Ġenerali żnaturat dan il-messaġġ elettroniku. |
|
260 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
261 |
L-argumenti preliminari u l-ewwel ilment dwar l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ ostakoli insurmontabbli għad-dħul fis-suq, huma bbażati fuq kunċett żbaljat tal-kriterji ġuridiċi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali, kif ġie deċiż fil-punti 81, 107 sa 111 u 123 sa 125 ta’ din is-sentenza. Dawn l-argumenti u dan l-ilment għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti f’dawn il-punti. |
|
262 |
Bl-istess mod, sa fejn dan l-ilment huwa bbażat iktar speċifikament fuq ir-riskju li ordni provviżorja tingħata abbażi ta’ dawn il-privattivi, għandu jitfakkar, kif ġie deċiż fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, li l-għoti tagħhom, u iktar u iktar is-sempliċi riskju ta’ tali għoti, ma jistax bħala tali jippermetti li tiġi eskluża l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi. |
|
263 |
Fir-rigward tat-tieni lment, għandu jitfakkar li, konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 120 ta’ din is-sentenza, dewmien fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex iqiegħed f’dubju l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali. Għaldaqstant, dan it-tieni lment għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti f’dan il-punt 120. Fir-rigward tar-riferiment magħmul, fil-premessa 1126 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-vantaġġ imsejjaħ tal-“pijunier” li jibbenefika minnu l-ewwel manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jniedi l-prodott tiegħu, minn dan ir-riferiment bl-ebda mod ma jirriżulta li huwa biss manifattur li jista’ jniedi l-prodott tiegħu l-ewwel li jista’ jitqies bħala kompetitur potenzjali tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi. Fir-rigward tal-kumplament, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Servier jikkontesta evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali relatati ma’ tali dewmien u li l-argument tiegħu huwa għalhekk inammissibbli. |
|
264 |
Fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-provi tal-assenza ta’ ħażniet tal-perindopril ta’ Teva koperti minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, għandu jiġi rrilevat, kif issostni l-Kummissjoni, li peress li Servier naqas milli jidentifika bi preċiżjoni l-provi li fir-rigward tagħhom huwa jellega l-iżnaturament, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tirrispondi għal dan l-ilment u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipproċedi bl-istħarriġ tagħha, b’tali mod li l-imsemmi lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
265 |
Fir-rigward tal-iżnaturament tar-rikors ta’ Servier fl-ewwel istanza kif previst fil-punt 594 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali tirrileva li Servier ma kkontestax fuq il-livell fattwali l-affermazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjoni ta’ Teva li tgħid li din kienet lesta li tniedi l-perindopril tagħha minkejja r-riskju ta’ azzjonijiet għal kontrafazzjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argument ta’ Servier fuq il-mertu, fi kwalunkwe każ, billi fakkret, fil-punt 591 ta’ din is-sentenza, li r-riskji għal Teva li tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet għal kontrafazzjoni u ta’ ordnijiet provviżorji wara d-dħul tagħha fis-suq tal-perindopril ma kinux jippermettu “li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti ta’ Teva li tegħleb l-ostakoli marbuta mal-privattivi inkwistjoni”. Barra minn hekk, minn dan il-punt 594 jirriżulta wkoll li, filwaqt li Teva kienet konxja mir-riskji ta’ kontrafazzjoni u ta’ għoti ta’ ordnijiet proviżorji minn Frar tas-sena 2006, hija kienet madankollu ssoktat bil-passi preparatorji tagħha, kif jirriżulta mill-punt 598 ta’ din is-sentenza. |
|
266 |
Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi l-proċess ta’ manifattura ta’ sustanza attiva li daħlet fid-dominju pubbliku ma tistax, bħala tali, titqies li hija ostakolu insurmontabbli u ma tipprekludix li jiġi kklassifikat bħala kompetitur potenzjali tal-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur kkonċernat manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li għandu effettivament id-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità proprja li jidħol fis-suq u li, permezz tal-passi tiegħu, ikun lest jikkontesta l-validità ta’ din il-privattiva u jieħu r-riskju, mad-dħul tiegħu fis-suq, li jkun suġġett għal azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa mill-proprjetarju tal-imsemmija privattiva (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 46). |
|
267 |
Għalhekk mill-fatturi mfakkra fil-punt 265 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, mingħajr il-bżonn li jittieħed bħala bażi l-fatt li Servier ma kkontestax l-intenzjoni ta’ Teva li tidħol fis-suq b’riskju, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ Servier fil-mertu u mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 266 ta’ din is-sentenza, il-konklużjoni tagħha li l-eżistenza tal-privattivi ta’ Servier ma kinitx tikkostitwixxi ostakolu insurmontabbli għad-dħul potenzjali ta’ Teva fis-suq. |
|
268 |
Minn dan isegwi li l-ilment ta’ żnaturament dirett kontra l-punt 594 tas-sentenza appellata huwa ineffettiv peress li jirrigwarda motiv superfluwu tas-sentenza appellata. |
|
269 |
Permezz tar-raba’ lment tiegħu, Servier jikkontesta l-evalwazzjoni tal-messaġġ elettroniku ta’ Hetero tal‑15 ta’ Ottubru 2007 taħt pretest li jiġi allegat l-iżnaturament tagħha. Ilment ta’ din in-natura ma jaqax, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. |
|
270 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq it-tieni parti, dwar il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan
|
271 |
Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tiegħu, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 698, 700 u 704 tas-sentenza appellata, ikkonfermat il-klassifikazzjoni tal-ftehim Teva bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. F’dan ir-rigward, Servier, filwaqt li rrepeta l-argument espost fil-kuntest tal-ewwel motiv, isostni li l-fatt li l-ftehim Teva fih klawżoli restrittivi tal-kompetizzjoni u ħlas li jinċentiva lil Teva tissuġġetta ruħha għal tali klawżoli ma huwiex suffiċjenti sabiex dan il-ftehim jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan meta, b’mod partikolari, l-imsemmi ftehim kien jiffavorixxi wkoll dħul antiċipat ta’ Teva fis-suq u għalhekk kien jipproduċi effetti favur il-kompetizzjoni. |
|
272 |
Qabel ma jiġu indirizzati l-ilmenti speċifiċi mressqa minn Servier f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar qabelxejn li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 73, 76 u 77 ta’ din is-sentenza, l-eventwali effetti favur il-kompetizzjoni ta’ ftehim huma irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-għan antikompetittiv tiegħu, inkluż għall-finijiet tal-verifika tal-eventwali noċività tiegħu. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra b’mod partikolari fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, posponiment tad-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi bħala korrispettiv ta’ trasferimenti ta’ valur mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ dawn il-prodotti mediċinali ġeneriċi għandu jitqies li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jekk dawn it-trasferimenti ta’ valur jiġu spjegati biss mill-interess kummerċjali ta’ dawn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali li ma jikkompetux fuq il-merti. |
a) Fuq l‑għanijiet tal‑ftehim Teva
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
273 |
Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet oġġettivament imfittxija mill-ftehim Teva, għas-sempliċi raġuni li dan il-ftehim kien jinkludi klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Skont Servier, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-provvista ta’ Teva ta’ perindopril kienet l-għan essenzjali tal-imsemmi ftehim. Huwa jsostni li s-soluzzjoni bonarja tal-kawżi relatati mal-privattivi ta’ Servier ikkostitwixxiet biss għan “sekondarju”, li l-portata tiegħu kienet limitata, peress li ma kienx jestendi għall-proċedura pendenti quddiem l-UEP dwar il-validità tal-privattiva 947. Skont Servier, dawn l-għanijiet ma humiex, fihom infushom, ta’ ħsara għall-kompetizzjoni. |
|
274 |
Barra minn hekk, l-analoġija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 704 tas-sentenza appellata bejn il-ftehim Teva u ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643), ma hijiex fondata, peress li dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux relatati mad-dħul ta’ kompetitur ġdid fis-suq, iżda mal-ħruġ ta’ impriżi kompetituri diġà preżenti f’dan is-suq. |
|
275 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
276 |
Servier jikkontesta l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan billi jibbaża ruħu fuq l-allegata leġittimità ta’ wħud mill-għanijiet iddikjarati mill-ftehim Teva u dik tal-intenzjoni tal-partijiet f’dan ir-rigward. Skont Servier, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-għanijiet u din l-intenzjoni, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-ftehim Teva bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
277 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, sabiex aġir jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għandhom jiġu ddeterminati l-għanijiet oġġettivi li dan l-aġir huwa intiż li jilħaq fir-rigward tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, kif ġie deċiż fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-impriżi aġixxew mingħajr l-intenzjoni li jipprevjenu, li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija rilevanti biss l-evalwazzjoni tal-grad ta’ noċività ekonomika ta’ din il-prattika fuq il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, jekk ikun hemm bżonn wara analiżi ddettaljata tal-imsemmija prattika, kif ukoll tal-għanijiet tagħha u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 u 85, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 131). |
|
278 |
Barra minn hekk, sa fejn Servier, billi enfasizza li l-ftehim Teva kellu bħala għan “essenzjali” il-provvista ta’ Teva ta’ perindopril u bħala għan “sekondarju” is-soluzzjoni bonarja ta’ kawżi, ifittex li jipprevalixxi ruħu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-restrizzjonijiet anċillari, għandu jitqies, għar-raġunijiet esposti fil-punti 148 sa 151 ta’ din is-sentenza, li din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik ippreżentata mill-ftehim Teva. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-klawżola tal-ftehim Teva li tipprevedi l-provvista ta’ Teva ta’ perindopril ma hijiex newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni minħabba l-eżistenza ta’ pagamenti invertiti li jikkostitwixxu trasferimenti ta’ valur u, it-tieni nett, fid-dawl tal-eżistenza ta’ dawn l-istess pagamenti, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma oġġettivament neċessarji għal din il-klawżola ta’ provvista u lanqas għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwim, u dan a fortiori meta dawn il-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jinqraw fid-dawl tan-natura esklużiva tal-klawżola ta’ provvista. |
|
279 |
Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar ir-rilevanza tas-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643), l-imsemmi lment imqajjem minn Servier għandu jiġi miċħud. |
b) Fuq l‑ambivalenza tal‑effetti tal‑ftehim Teva
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
280 |
Servier isostni li, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim Teva, l-effetti potenzjali ta’ dan il-ftehim, meħuda fl-intier tagħhom u sa fejn kienu identifikabbli f’din id-data, kienu ambivalenti, b’tali mod li l-klassifikazzjoni tal-ftehim Teva bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan hija eskluża, kif jirriżulta mill-argument tiegħu invokat taħt l-ewwel motiv. Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti relatati mal-kuntest ta’ dan il-ftehim, b’mod partikolari fil-punti 644 u 667 tas-sentenza appellata, u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti favur il-kompetizzjoni tiegħu. |
|
281 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
282 |
Servier ma jistax jinvoka effetti pożittivi jew tal-inqas ambivalenti fuq il-kompetizzjoni li jista’ jagħti lok għalihom il-ftehim Teva, peress li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 73, 76 u 77 ta’ din is-sentenza, l-eżami ta’ tali effetti, kemm jekk reali jew potenzjali, negattivi jew pożittivi, ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-ftehim jistax jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. B’hekk, indipendentement mill-fatt li l-allegati effetti pożittivi li jirriżultaw minn dħul antiċipat ta’ Teva fis-suq ma kinux ċerti li seħħew, peress li Servier kellu d-dritt kuntrattwali li jibblokka tali dħul permezz ta’ ħlas invertit addizzjonali, dan l-argument, fi kwalunkwe każ, ma jistax jintlaqa’. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud. |
c) Fuq in‑noċività tal‑klawżoli tal‑ftehim Teva
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
283 |
Fir-rigward tal-klawżola ta’ non-kontestazzjoni tal-ftehim Teva, Servier itenni l-argument żviluppat fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, li jgħid li din it-tip ta’ klawżola normali ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ ħsara għall-kompetizzjoni. Fil-punti 648 u 649 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni (193/83, EU:C:1986:75), u wettqet żball meta qieset li l-fatt li din il-klawżola ma kinitx tinkludi l-proċedura quddiem l-UEP kien irrilevanti. |
|
284 |
Fir-rigward tal-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni tal-ftehim Teva, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 663 u 664 tas-sentenza appellata, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-klawżola kien limitat għall-perindopril li jagħti lok għal kontrafazzjoni tal-privattivi ta’ Servier, u ħalliet lil Teva libera li tiżviluppa forma li ma tagħtix lok għall-kontrafazzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll b’mod żbaljat, fil-punt 666 ta’ din is-sentenza, provi relatati mal-iżvilupp minn Teva ta’ verżjoni li ma tagħtix lok għall-kontrafazzjoni tal-imsemmi prodott mediċinali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet l-iżball li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-provvista ta’ Teva ta’ perindopril ġeneriku naqset, jew saħansitra neħħiet l-effetti restrittivi eventwali tal-imsemmija klawżola. Il-Qorti Ġenerali madankollu aċċettat, fil-punt 954 tal-imsemmija sentenza, li n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja konkluż ma’ Krka setgħet tiġi kkumpensata mill-effetti favur il-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja konkluż ma’ din l-istess impriża tal-aħħar. |
|
285 |
Fir-rigward tal-klawżola ta’ provvista esklużiva, Servier jinvoka tliet ilmenti. |
|
286 |
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat din il-klawżola. Kuntrarjament għal dak li affermat il-Qorti Ġenerali fil-punt 662 tas-sentenza appellata, din il-klawżola ma pprojbixxietx lil Teva milli tikseb il-provvisti tagħha mingħand fornituri oħra. Teva għalhekk baqgħet libera li tikseb il-provvisti tagħha mingħand terzi li jipproduċu perindopril differenti minn dak kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod żbaljat, fil-punt 663 ta’ din is-sentenza, li l-ftehim Teva kien imur lil hinn mill-privattivi ta’ Servier. |
|
287 |
Sussegwentement, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 672 tas-sentenza appellata, affermat b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni li l-klawżola ta’ provvista esklużiva kienet inabitwali. Huwa jsostni li din it-tip ta’ klawżola hija legali u użata frekwentement, b’mod partikolari minn Teva. |
|
288 |
Fl-aħħar nett, Servier isostni li l-klawżola ta’ provvista esklużiva kellha tiġi evalwata fil-kuntest tagħha, fid-dawl tal-kompetizzjoni li kienet isseħħ fin-nuqqas ta’ din il-klawżola. Sa fejn il-ftehim Teva ppermetta lil Teva tidħol fis-suq tal-perindopril, il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan hija eskluża. |
|
289 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja
|
290 |
Permezz ta’ dan l-argument, Servier jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-ftehim Teva bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan billi jsostni, essenzjalment, li la l-klawżola ta’ non-kontestazzjoni ta’ dan il-ftehim, u lanqas il-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u l-klawżola ta’ provvista esklużiva tiegħu ma setgħu jikkawżaw effetti antikompetittivi. |
|
291 |
Kif tfakkar fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk prattika kollużorja tistax tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, għandhom jiġu eżaminati l-kontenut tagħha, l-oriġini tagħha, kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħha, b’mod partikolari l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq li fih ser iseħħu konkretament l-effetti tiegħu. Il-fatt li t-termini ta’ ftehim intiż li jimplementa din il-prattika ma jiżvelawx għan antikompetittiv ma huwiex, fih innifsu, determinanti. |
|
292 |
Fil-fatt, il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan la tiddependi mill-forma tal-kuntratti jew mill-istrumenti legali l-oħra intiżi li jimplementaw tali prattika kollużiva u lanqas mill-perċezzjoni suġġettiva li l-partijiet jista’ jkollhom tal-eżitu tat-tilwima bejniethom fir-rigward tal-validità ta’ privattiva. Hija rilevanti biss l-evalwazzjoni tal-grad ta’ dannu ekonomiku ta’ din il-prattika fuq il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, jekk ikun hemm bżonn wara analiżi ddettaljata tal-imsemmija prattika, kif ukoll tal-għanijiet tagħha u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 84 u 85, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 131). |
|
293 |
Għalhekk, il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja li permezz tagħhom manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jfittex li jidħol f’suq jirrikonoxxi, tal-inqas temporanjament, il-validità ta’ privattiva miżmuma minn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u jimpenja ruħu, għalhekk, li ma jikkontestahiex u lanqas li jidħol f’dan is-suq jista’ jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, peress li l-kontestazzjoni tal-validità u tal-portata ta’ privattiva tagħmel parti mill-proċess normali tal-kompetizzjoni fis-setturi li fihom jeżistu drittijiet ta’ esklużività fir-rigward tat-teknoloġija (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 81). |
|
294 |
Kif enfasizzat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punt 305 tas-sentenza appellata, hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jistax jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li tiġi analizzata mhux kull waħda mill-klawżoli tiegħu b’mod separat, iżda li jiġi evalwat jekk dan il-ftehim, meħud fl-intier tiegħu, jippreżentax grad ta’ noċività ekonomika fuq il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat li jiġġustifika tali klassifikazzjoni. Minħabba r-rabtiet stretti bejn il-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni, ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ provvista esklużiva tal-ftehim Teva, kien għalhekk indispensabbli li dawn il-klawżoli jiġu eżaminati bħala ħaġa waħda. |
|
295 |
Barra minn hekk, l-argument ta’ Servier ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 83 ta’ din is-sentenza li minnha jirriżulta li l-kriterju li jippermetti li jiġi vverifikat jekk ftehim ta’ soluzzjoni bonarja bħall-ftehim Teva jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk it-trasferimenti ta’ valur tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jikkostitwixxux il-korrispettiv tar-rinunzja, minn dan tal-aħħar, li jidħol fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 87 sa 94). |
|
296 |
F’dan il-każ, fil-punti 644 u 645 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rilevanza tal-effetti potenzjalment newtrali jew favur il-kompetizzjoni tal-ftehim Teva kif ukoll l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet anċillari, mingħajr ma wettqet żbalji ta’ liġi li jistgħu jqiegħu f’dubju l-konklużjoni li hija siltet f’dawn il-punti, kif jirriżulta mill-motivi stabbiliti fil-punti 76 u 77, 148 sa 151, 272 u 278 ta’ din is-sentenza. |
|
297 |
Fir-rigward tar-restrizzjonijiet imposti fuq Teva fir-rigward tal-aġir tagħha fis-suq, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikkonfermat il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 647 sa 678 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, li l-klawżola ta’ non-kontestazzjoni kienet tipprojbixxi lil Teva milli tistabbilixxi li l-perindopril tagħha ma kienx jikser il-privattivi ta’ Servier u tikkontesta l-validità tagħhom fir-Renju Unit. It-tieni nett, hija kkonstatat li l-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni kienet timponi fuq Teva l-obbligu li tastjeni, fir-Renju Unit, minn kwalunkwe produzzjoni jew kummerċjalizzazzjoni tal-perindopril tagħha stess li Servier kien iqis li kienet tagħti lok għal kontrafazzjoni jew minn kwalunkwe verżjoni li Servier seta’ jqis li tikkostitwixxi kontrafazzjoni. It-tielet nett, hija kkonstatat li l-klawżola ta’ provvista esklużiva, li kienet marbuta mill-qrib ma’ dik preċedenti, ħalliet lil Teva b’alternattiva li tikkonsisti jew fid-distribuzzjoni tal-perindopril ta’ Servier kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina, jew, fil-każ ta’ nuqqas ta’ provvista minn Servier, li tirċievi kumpens likwidat ta’ GBP 500000 fix-xahar. L-effett konġunt ta’ din l-alternattiva u tal-kombinazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kien, fil-prattika, li jippermetti lil Servier jimpedixxi lil Teva milli tikkummerċjalizza fir-Renju Unit, mingħajr il-kunsens tiegħu, verżjoni ġenerika tal-perindopril kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina. |
|
298 |
Servier jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-klawżola ta’ provvista esklużiva u l-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni. Kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punti 662 u 663 tas-sentenza appellata, dawn il-klawżoli, l-ewwel nett, kienu jkopru biss il-verżjoni tal-perindopril komposta mill-forma kristallina alpha tal-erbumina, b’tali mod li Teva baqgħet libera li tixtri forom oħra ta’ perindopril mingħand terzi kif ukoll li tikkummerċjalizzahom u, it-tieni nett, il-portata ta’ dawn il-klawżoli ma marritx lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Servier. |
|
299 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-punt 663 tas-sentenza appellata, mill-punt 6 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-privattiva 947 tikkonċerna speċifikament il-verżjoni tal-perindopril komposta mill-forma kristallina alpha tal-erbumina u l-proċessi ta’ manifattura tagħha, mingħajr ma l-imsemmija sentenza tinkludi spjegazzjonijiet oħra li jqiegħdu f’dubju dan il-fatt. Mit-termini tal-ftehim Teva jirriżulta li l-klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u l-klawżola ta’ provvista esklużiva tiegħu kienu japplikaw ukoll biss għall-perindopril kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina, li għalhekk kien jaqa’ neċessarjament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-privattiva. B’hekk, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 663 tas-sentenza appellata, li tgħid li dawn il-klawżoli kienu jestendu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi ta’ Servier koperti mill-ftehim Teva, hija bbażata fuq żnaturament ta’ dan il-ftehim. |
|
300 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni korrettament u inekwivokament il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-imsemmija klawżoli għall-perindopril kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-għan tal-istess klawżoli minn perspettiva kompetittiva, fil-punti 665 u 666 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-punti 662, 665 u 666 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żnaturament f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 175 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Servier bħala irrilevanti minħabba li l-forma tal-perindopril li Teva kellha l-intenzjoni li tikkummerċjalizza, fid-data tal-iffirmar tal-ftehim Teva, kienet preċiżament dik li kienet is-suġġett tal-klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u l-klawżola ta’ provvista esklużiva f’dan il-ftehim. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kien limitat għal din il-forma tal-perindopril ma jikkontestax in-natura restrittiva tagħhom fir-rigward tal-kompetizzjoni kif analizzata mill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, l-iżnaturament tal-imsemmija klawżoli kkonstatat fil-punt 299 ta’ din is-sentenza ma jinvalidax il-konklużjoni misluta mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura antikompetittiva tagħhom u jirrigwarda, b’mod definittiv, motiv superfluwu tas-sentenza appellata. Bl-istess mod, l-argument ta’ Servier dwar in-natura allegatament abitwali tal-istess klawżoli ma jistax jintlaqa’ peress li bl-ebda mod ma jikkontesta din in-natura antikompetittiva. |
|
301 |
Fir-rigward tal-kumplament, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti l-oħra ta’ Servier relatati mal-allegat nuqqas ta’ dannu tal-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ non-kummerċjalizzazzjoni sa fejn, kif tallega ġustament il-Kummissjoni, dawn huma intiżi, fir-realtà, li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-provi li ġew ippreżentati lilha kif ukoll fuq l-elementi fattwali rilevanti, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ftehim Teva. |
d) Fuq il‑ħlas invertit
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
302 |
Preliminarjament, Servier itenni li l-istipulazzjoni, fi ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, ta’ ħlas invertit, ma hijiex, fiha nnifisha, antikompetittiva. L-istess japplika, a fortiori, meta dan it-tip ta’ ħlas ikun previst fil-kuntest ta’ ftehim ta’ provvista bħall-ftehim Teva. F’dan ir-rigward, Servier jirreferi għall-argument tiegħu espost fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, miġbur fil-qosor fil-punti 139 u 140 ta’ din is-sentenza. |
|
303 |
Fir-rigward tal-klawżola ta’ kumpens likwidat prevista mill-ftehim Teva, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-punti 660 u 699 tas-sentenza appellata meta qieset li dan il-kumpens kien jagħmel parti mill-ħlas invertit li abbażi tiegħu dan il-ftehim ġie kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta eskludiet, fil-punt 685 tas-sentenza kkontestata, in-natura abitwali ta’ dan it-tip ta’ klawżola. Anki jekk l-imsemmi kumpens kien intiż li jikkumpensa lil Teva bħala korrispettiv għar-rinunzja tagħha li tidħol fis-suq tal-perindopril, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jikklassifikaha bħala ħlas invertit. Fil-fatt, l-imsemmi kumpens likwidat ma huwiex marbut mas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, iżda man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ provvista esklużiva previst mill-ftehim Teva. Min-natura tiegħu, il-ħlas ta’ tali kumpens likwidat kien inċert. Għaldaqstant, dan il-kumpens ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragun mal-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi. |
|
304 |
Fir-rigward tal-ħlas tas-somma ta’ GBP 5 miljuni lil Teva, Servier jirreferi għall-argument tiegħu fil-kuntest tal-ewwel aggravju, sabiex jikkontesta r-rilevanza ta’ dan il-ħlas għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Skont Servier, l-imsemmi ħlas kien intiż li jkopri l-ispejjeż sostnuti minn Teva minħabba x-xoljiment tal-ftehimiet tagħha ma’ Hetero u ma’ Alembic Pharmaceuticals Ltd, il-manifattura ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril, il-qerda tal-ħażniet eżistenti kif ukoll l-ispejjeż legali. Huwa jsostni li dawn l-ispejjeż jirriżultaw direttament mill-ftehim Teva. |
|
305 |
Servier jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tagħha relatati mal-kawża tal-ħlas ta’ ammont ta’ GBP 5 miljuni, billi affermat, fil-punt 697 tas-sentenza appellata, li hija kienet sostniet li dan il-ħlas kien intiż li “jiżgura” l-klawżola ta’ provvista esklużiva prevista mill-ftehim Teva, filwaqt li hija sostniet li dan il-ftehim kellu l-għan, fil-fehma tiegħu, li jiżgura s-servizzi ta’ Teva bħala distributur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fir-Renju Unit. Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb għal dan l‑argument. |
|
306 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
307 |
L-argument li l-ħlasijiet ta’ Servier lil Teva ma għandhomx jiġu assimilati ma’ ħlas invertit minħabba li l-ftehim Teva ma huwiex ftehim ta’ soluzzjoni bonarja, iżda ftehim ta’ provvista esklużiva, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma tbiddel xejn mill-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 290 sa 300 ta’ din is-sentenza, dan il-ftehim kien jinkludi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u għaldaqstant, kif tfakkar, b’mod partikolari, fil-punt 272 ta’ din is-sentenza, il-fatt li Servier ħallas somom ta’ flus bħala korrispettiv għall-aċċettazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet minn Teva jista’ jikkostitwixxi tali ħlas. |
|
308 |
Barra minn hekk, sabiex taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, prattika kollużorja għandha tissodisfa diversi kundizzjonijiet li jiddependu mhux min-natura ġuridika ta’ din il-prattika jew mill-istrumenti legali intiżi li jimplimentawha, iżda mir-relazzjonijiet tagħha mal-kompetizzjoni, kif imfakkar fil-punt 292 ta’ din is-sentenza. Peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-prattika inkwistjoni, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi kwalunkwe preġudizzju fir-rigward ta’ kategorija ta’ ftehim iddeterminata min-natura ġuridika tagħha, peress li kull ftehim għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kontenut speċifiku tiegħu u tal-kuntest ekonomiku tiegħu, u b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 358, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punt 40). Barra minn hekk, l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tkun kompromessa b’mod serju jekk il-partijiet fi ftehimiet antikompetittivi jistgħu jevadu l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE sempliċement billi jagħtu ċertu forma lil dawn il-ftehimiet. |
|
309 |
L-argumenti li permezz tagħhom Servier jallega li la l-ħlas inizjali ta’ ammont ta’ GBP 5 miljuni, u lanqas il-kumpens likwidat ta’ ammont ta’ GBP 5.5 miljuni ma għandhom jitqiesu li jagħmlu parti minn ħlas invertit, għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 161 sa 167 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk il-bilanċ nett pożittiv ta’ dawn it-trasferimenti jistax jiġi ġġustifikat b’mod sħiħ min-neċessità li jiġu kkumpensati spejjeż jew inkonvenjenzi marbuta ma’ din it-tilwima u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jiġi evalwat jekk dan il-bilanċ pożittiv nett ta’ dawn it-trasferimenti ta’ valur kienx suffiċjentement kbir sabiex jinċentiva effettivament lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja milli jidħol fis-suq ikkonċernat. |
|
310 |
Minn qari tal-punti 687 sa 699 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali analizzat b’mod iddettaljat il-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ pagamenti inkwistjoni kinux neċessarji, skont il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 161 sa 167 ta’ din is-sentenza, u dik dwar jekk dawn iż-żewġ pagamenti, fid-dawl b’mod partikolari tal-importanza tagħhom, kinux inċentivaw lil Teva taċċetta r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni previsti fil-ftehim Teva. Peress li Servier ma rnexxilux jippreżenta elementi li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali, skont il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 687 sa 699 tas-sentenza appellata, iddeċidiet mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li s-somma t ta’ GBP 10.5 miljuni li Servier ħallas lil Teva kienet ħeġġet lil din tal-aħħar tirrinunzja milli tidħol fis-suq. |
|
311 |
L-argument ta’ Servier dwar il-ħlas invertit għandu għalhekk jiġi miċħud, kif ukoll ir-raba’ aggravju fl-intier tiegħu. |
E. Fuq il‑ħames aggravju, dwar il-ftehim Lupin
|
312 |
Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, Servier jikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-ftehim Lupin. Dan l-aggravju jinkludi tliet partijiet. |
1. Fuq l‑ewwel parti, dwar il‑kompetizzjoni potenzjali
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
313 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tiegħu, Servier jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterju ġuridiku li jippermetti li Lupin tiġi kklassifikata bħala kompetitur potenzjali u jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-argument tiegħu żviluppat fil-kuntest tat-tieni aggravju tiegħu. |
|
314 |
Fl-ewwel lok, Servier isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’diversi żnaturamenti. |
|
315 |
Fir-rigward tal-fatti, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, affermat, fil-punti 729 u 730 tas-sentenza appellata, li, wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, il-provi fil-fajl la jsemmu u lanqas jissuġġerixxu li Lupin kienet ipprevediet li tirrinunzja milli tikkontesta l-validità tal-privattiva 947. Servier jsostni li din l-affermazzjoni hija ineżatta u l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti f’dan ir-rigward. Lupin appellat minn din id-deċiżjoni u ressqet talba għall-annullament tal-privattiva 947 quddiem qorti fir-Renju Unit li ġiet annessa ma’ dawk ta’ Apotex u ta’ Krka, iżda hija ma kinitx kunfidenti fil-possibbiltajiet tagħha ta’ suċċess, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 1016 tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
316 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta qieset, fil-punti 748 u 749 tas-sentenza appellata, li Lupin kienet, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim Lupin, f’negozjati avvanzati ma’ sħab kummerċjali għad-distribuzzjoni ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril. Madankollu, Servier iqis li dawn in-negozjati kienu limitati u qatt ma ntemmu. |
|
317 |
Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat ukoll ir-rikors fl-ewwel istanza billi affermat, fil-punt 736 tas-sentenza appellata, li Servier ma kienx qiegħed jikkontesta, fir-rigward ta’ Lupin, il-kriterji ta’ evalwazzjoni adottati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
318 |
Fit-tieni lok, Servier jallega li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti s-sitwazzjoni relatata mal-privattivi u mal-kummerċ li Lupin kienet ikkonfrontata biha. |
|
319 |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ privattiva, fil-punt 728 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-perċezzjoni ta’ Lupin ta’ din is-sitwazzjoni kienet rilevanti biss sabiex tevalwa l-intenzjoni ta’ din l-impriża li tidħol fis-suq. |
|
320 |
Fir-rigward tad-diffikultajiet kummerċjali, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, fil-punt 749 tas-sentenza appellata, li Lupin kellha possibbiltajiet reali u konkreti li tikkummerċjalizza l-verżjoni ġenerika tagħha tal-perindopril fl-Unjoni kollha, meta din kienet preżenti biss fir-Renju Unit. F’dan ir-rigward, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat l-argument tiegħu billi sempliċement iddikjarat li huwa kien invoka ostakoli kummerċjali insurmontabbli, filwaqt li hija kienet irrilevat li Lupin, minħabba li ma kellhiex imsieħba kummerċjali, ma setgħetx tidħol fis-suq fil-futur qrib, u dan ġie sussegwentement ikkonfermat bil-fatti. |
|
321 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
322 |
Għandu jiġi kkonstatat li, taħt il-pretest li tiġi invokata l-ineżattezza materjali ta’ ċerti fatti fir-rigward tad-dokumenti tal-fajl jew l-iżnaturament ta’ provi, Servier jikkontesta fir-realtà l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi mill-Qorti Ġenerali fil-punti 730, 748 u 749 tas-sentenza appellata, li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza. |
|
323 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors fl-ewwel istanza ta’ Servier, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem ċar u preċiż tal-punt 108 ta’ dan ir-rikors jirriżulta li Servier kien qiegħed jikkontesta l-kriterji legali applikati mill-Kummissjoni. Servier sostna fil-fatt li din l-istituzzjoni kienet għamlet applikazzjoni ineżatta tal-ġurisprudenza relatata mal-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali. Billi qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-assenza ta’ ostakoli insurmontabbli li jiltaqgħu magħhom il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kienet ekwivalenti għall-ammissjoni tal-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq, il-Kummissjoni rrendiet it-termini “reali u konkreti” mingħajr sostanza u “adottat kriterju legali kuntrarju għall-ġurisprudenza”. |
|
324 |
Madankollu, minbarra dan l-iżnaturament, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li teżamina biss il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ eventwali ostakoli insurmontabbli għal dħul ta’ Lupin fis-suq, iżda eżaminat ukoll fid-dettall, b’mod iktar partikolari fil-punti 718 sa 724 tas-sentenza appellata, il-passi preparatorji meħuda minn din l-impriża fid-dawl ta’ dħul fis-suq u li jippermettu li jiġi konkluż, konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punti 79, 80 u 104 sa 111 ta’ din is-sentenza, li Lupin kellha l-intenzjoni u l-kapaċità u, għaldaqstant, possibbiltajiet reali u konkreti, li twettaq tali dħul. Barra minn hekk, skont dak li ġie deċiż fil-punti 118, 120 u 121 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, għar-raġunijiet esposti fil-punti 736 sa 743 tas-sentenza appellata, li l-argumenti ta’ Servier relatati mad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom Lupin fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ma kinux ta’ natura li jqiegħdu f’dubju l-kwalità tagħha ta’ kompetitur potenzjali. L-iżnaturament hekk ikkonstatat huwa għalhekk mingħajr effett fuq il-validità tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. |
|
325 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ Servier dwar l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ privattiva fir-rigward ta’ Lupin jinjoraw il-fatt li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-ostakoli għall-privattiva u huma bbażati, f’dan ir-rigward, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma qisitx, b’mod partikolari fil-punt 728 tas-sentenza appellata, li l-perċezzjoni minn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi tas-saħħa ta’ privattiva kienet totalment irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn Servier, minn naħa, u Lupin, min-naħa l-oħra, iżda li din il-perċezzjoni tista’ tkun rilevanti biss sabiex jiġi ddeterminat jekk Lupin kellhiex l-intenzjoni li tidħol fis-suq u mhux sabiex tevalwa l-kapaċità tagħha li twettaq tali dħul. Kif deċiż fil-punti 107 sa 111 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. Għalhekk dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. |
|
326 |
Fir-rigward tal-ilmenti ta’ Servier relatati mal-ostakoli regolatorji u kummerċjali li kellha taffaċċja Lupin, b’mod partikolari dawk marbuta man-neċessità li jinstabu msieħba kummerċjali, kif ukoll mal-allegat żnaturament tal-argument tal-ewwel istanza ta’ Servier li jikkonċerna tali diffikultajiet kummerċjali, Servier fir-realtà jipprova jqiegħed f’dubju evalwazzjonijiet fattwali, magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 736 sa 742 u 744 sa 749 tas-sentenza appellata, li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza. |
|
327 |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq it-tieni parti, dwar il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan
|
328 |
Permezz tat-tieni parti tal-ħames aggravju tiegħu, Servier, billi tenna l-argument żviluppat fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kklassifikat il-ftehim Lupin bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
a) Fuq il‑ħlas invertit
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
329 |
Filwaqt li jirreferi għall-argument żviluppat fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, Servier jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li ftehim kummerċjali konkomitanti ma’ ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi jikkostitwixxi ħlas invertit li jrendi dan il-ftehim ta’ soluzzjoni bonarja antikompetittiv minħabba l-għan meta l-imsemmi ftehim kummerċjali ma jkunx ġie konkluż skont il-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
330 |
Servier jopponi l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 827 tas-sentenza appellata, li l-ħlas ta’ somma ta’ EUR 40 miljun lil Lupin ikkostitwixxa ħlas invertit. Il-paragun li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 816 tas-sentenza appellata, bejn din is-somma u l-profitti mistennija minn Lupin ma huwiex rilevanti peress li din is-somma tirrappreżenta l-korrispettiv tal-privattivi u peress li Lupin ma rrinunzjatx milli tidħol fis-suq, iżda ssuġġettat dan id-dħul għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. Minkejja li l-istess somma qabżet il-valur tal-profitti magħmula minn Lupin fuq sentejn, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li dan il-valur kien suffiċjenti sabiex jinċentiva lil Lupin tirrinunzja b’mod indefinit milli tidħol fis-suq tal-perindopril. |
|
331 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
332 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li l-argument ta’ Servier jikkonsisti, essenzjalment, fl-affermazzjoni li, b’differenza minn dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 40 miljun li huwa għamel favur Lupin bħala korrispettiv għat-trasferiment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati ma’ tliet applikazzjonijiet għal privattivi ma jikkostitwixxix ħlas invertit iżda l-korrispettiv leġittimu għall-akkwist ta’ dawn id-drittijiet. |
|
333 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm, kif jirriżulta mill-punti 163 u 166 ta’ din is-sentenza, ammonti li jikkorrispondu għal remunerazzjoni għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi jistgħu jirriżultaw li huma ġġustifikati, dan ma huwiex il-każ jekk ikunu eċċessivi u, għaldaqstant, mhux neċessarji għal dan l-għan. F’din is-sitwazzjoni, kif ġie deċiż fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk il-bilanċ nett pożittiv ta’ dawn l-ammonti, inklużi eventwali spejjeż iġġustifikati, huwiex suffiċjentement kbir sabiex jinċentiva effettivament lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja milli jidħol fis-suq ikkonċernat, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan il-bilanċ ikun neċessarjament ogħla mill-profitti li kien jagħmel li kieku rebaħ il-proċedura fil-qasam tal-privattivi li tkun ġiet riżolta b’mod bonarju. |
|
334 |
Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil-punti 814 sa 824 tas-sentenza appellata, li l-ħlas minn Servier ta’ somma ta’ EUR 40 miljun lil Lupin bħala korrispettiv għat-trasferiment ta’ tliet applikazzjonijiet għal privattivi ppreżentati minn din tal-aħħar kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fost it-trasferimenti ta’ valur li jippermettu li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ħlas invertit i jikkostitwixxi l-korrispettiv tar-rinunzja ta’ Lupin milli tidħol fis-suq. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 825 ta’ din is-sentenza, li Servier ma kienx irnexxielu jipproduċi elementi li jippermettu li jiġi konkluż li dan il-ħlas kien jikkorrispondi għal tranżazzjoni mwettqa skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Peress li qieset b’hekk, essenzjalment, li t-teknoloġija ttrasferita ma kinitx tiġġustifika l-importanza ta’ tali ammont, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 827 tal-imsemmija sentenza, li dan il-ħlas kien ta’ inċentiv fil-kuntest tas-soluzzjoni bonarja tat-tilwim fil-qasam tal-privattivi bejn Servier u Lupin. Fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma huma vvizzjati b’ebda żball ta’ liġi. |
|
335 |
Fin-nuqqas ta’ żbalji ta’ liġi invokati minn Servier li jippermettu li tiġi kkontestata l-validità ta’ dawn l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, għandu, fir-rigward tal-kumplament, jiġi miċħud l-argument ta’ Servier sa fejn dan huwa intiż, fir-realtà, li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza. |
|
336 |
L-argument ta’ Servier għandu għaldaqstant jiġi miċħud. |
b) Fuq in-noċività tal-klawżoli tal-ftehim Lupin
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
337 |
Fir-rigward tal-klawżola ta’ non-kontestazzjoni prevista mill-ftehim Lupin, Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 836 tas-sentenza appellata, tqis li din il-klawżola kienet tikkostitwixxi restrizzjoni evidenti tal-kompetizzjoni, mingħajr ma eżaminat il-kuntest tal-imsemmija klawżola. Fil-fehma ta’ Servier, il-ftehim Lupin ma kellux effett fuq il-kontestazzjoni tal-validità tal-privattiva 947 minn terzi bħal Apotex, fatt li barra minn hekk ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka. Fir-rigward tal-privattivi l-oħra ta’ Servier, dan tal-aħħar isostni li Lupin la kellha l-intenzjoni u lanqas il-kapaċità li tikkontestahom, aspett li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina. |
|
338 |
Fir-rigward tal-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, prevista mill-ftehim Lupin, Servier jikkontesta l-fatt li din setgħet tillimita l-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 843 u 844 tas-sentenza appellata, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din il-klawżola, li minnu jirriżulta li d-dħul ta’ Lupin fis-suq fir-Renju Unit kien imblokkat mill-privattiva 947 u l-ordnijiet ġudizzjarji miksuba minn Servier kif ukoll mill-fatt li Lupin la kellha, f’dan l-Istat Membru preċedenti, awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq u lanqas imsieħba kummerċjali. |
|
339 |
Min-naħa l-oħra, il-ftehim Lupin ippreveda li Lupin żammet il-possibbiltà li tidħol fis-suq tal-perindopril kopert mill-privattivi ta’ Servier, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tkun awtorizzat minn qabel terz sabiex jidħol f’dan is-suq permezz ta’ liċenzja tal-privattivi tagħha. Tali possibbiltà ta’ dħul antiċipat tipprekludi l-klassifikazzjoni tal-ftehim Lupin bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fil-punt 954 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet espressament li l-effetti antikompetittivi ta’ klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni setgħu jiġu nnewtralizzati bl-għoti ta’ liċenzja ta’ privattiva. |
|
340 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali eskludiet, fil-punt 852 tas-sentenza appellata, tali possibbiltà minħabba n-natura inċerta ta’ tali dħul antiċipat. Tali raġuni ma tinsabx fid-deċiżjoni kontenzjuża. Servier isostni li, billi ssostitwixxiet il-motivi tagħha stess ma’ dawk tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-limitu tal-kompetenzi tagħha u kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija motivi huma manifestament żbaljati u jiżnaturaw il-fatti. |
|
341 |
Fir-rigward tal-klawżola li tipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ provvista ta’ perindopril, Servier isostni li din hija favur il-kompetizzjoni, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 858 u 859 tas-sentenza appellata, peress li din il-klawżola kienet tippermetti lil Lupin tidħol fis-suq tal-perindopril. Din in-natura favur il-kompetizzjoni la hija kkontestata mill-fatt li l-impenn ta’ Servier li jikkonkludi ftehim ta’ provvista ma’ Lupin kien suġġett għal kundizzjonijiet, u lanqas mill-fatt li ebda ftehim ta’ dan it-tip ma ġie finalment konkluż. Fir-rigward tal-assenza ta’ sanzjoni espliċita fil-każ ta’ ineżekuzzjoni ta’ dan l-impenn, Servier jenfasizza li tali motiv kien nieqes mid-deċiżjoni kontenzjuża. Servier isostni li l-unika raġuni għalfejn ma ġie konkluż definittivament ebda ftehim ta’ provvista tirriżulta mill-fatt li Lupin irnexxielha tikseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq għall-periondopril tagħha. |
|
342 |
Fir-rigward tal-klawżola ta’ trasferiment u ta’ liċenzja prevista mill-ftehim Lupin, Servier iqis li din setgħet tiġi interpretata bħala liċenzja impliċita fuq il-privattivi tiegħu stess, klawżola li l-effetti tagħha huma favur il-kompetizzjoni. Servier jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet dan l-argument minħabba li l-kontenut ta’ din il-klawżola kien oskur u inċert. Huwa jsostni li l-ewwel wieħed minn dawn il-motivi, dwar in-natura oskura tal-kontenut tal-imsemmija klawżola, huwa infondat u ma jinsabx fid-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni wieħed mill-imsemmija motivi, ibbażat fuq in-natura inċerta tal-possibbiltà li Servier jagħti liċenzja ta’ privattiva lil Lupin minħabba l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 339 ta’ din is-sentenza, ma jikkontestax in-natura favur il-kompetizzjoni tal-klawżola ta’ trasferiment u ta’ liċenzja. |
|
343 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
344 |
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 836 u 837 tas-sentenza appellata, li n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni tal-klawżola ta’ non-kontestazzjoni prevista mill-ftehim Lupin kienet “evidenti”, sa fejn din il-klawżola kienet tipprevedi li Lupin kienet obbligata tirrinunzja milli tikkontesta fl-Istati Membri kollha taż-ŻEE l-validità tal-privattivi ta’ Servier li jipproteġu l-perindopril. |
|
345 |
Fil-punti 839 sa 864 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni prevista mill-ftehim Lupin kienet tipprojbixxi lil Lupin milli tikkummerċjalizza verżjoni ġenerika tal-perindopril fis-suq nazzjonali kollu kopert minn dan il-ftehim, ħlief fi tliet każijiet: l-ewwel nett, meta l-privattivi ta’ Servier ikunu skadew, ġew iddikjarati invalidi jew ġew irrevokati; it-tieni nett, jekk Servier jawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni minn terz ta’ verżjoni ġenerika prodotta minnu; jew, it-tielet nett, jekk Servier jirrinunzja milli jitlob jew ma jirnexxilux jikseb ordni kontra terzi li kienu jikkummerċjalizzaw verżjoni ġenerika tal-perindopril li ma kinitx prodotta minnu. |
|
346 |
Il-Qorti Ġenerali qieset li, minkejja l-ambigwitajiet ta’ ċerti klawżoli tal-ftehim Lupin relatati mal-kwistjoni dwar jekk il-portata ta’ dan il-ftehim kinitx testendi għal forom oħra tal-perindopril għajr dik komposta mill-forma kristallina alpha tal-erbumina koperta mill-privattiva 947, il-konsegwenza prattika ta’ dawn il-klawżoli kienet li Lupin tiġi pprojbita milli tidħol fis-suq tal-perindopril sakemm il-privattivi ta’ Servier kienu għadhom fis-seħħ, mingħajr ma Servier ma kien awtorizza minn qabel id-dħul ta’ terzi f’dan is-suq jew sakemm dawn il-privattivi ma jippermettux lil Servier jopponi tali dħul. |
|
347 |
Fil-punti 858 sa 860 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rilevanza tal-fatt li l-ftehim Lupin kien jipprevedi l-adozzjoni futura ta’ ftehim ta’ provvista bejn Servier u Lupin, essenzjalment għaliex Servier ma kienx obbligat jikkonkludi tali ftehim u n-nuqqas ta’ tali adozzjoni ma jwassalx għal konsegwenzi legali importanti għall-partijiet. |
|
348 |
Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 865 sa 887 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-restrizzjonijiet hekk imposti fuq l-aġir ta’ Lupin setgħu validament jiġu kklassifikati mill-Kummisjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
349 |
Permezz tal-argument tiegħu, Servier isostni li l-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni, ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, ta’ trasferiment u ta’ liċenzja, kif ukoll dik li tipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-provvista, previsti mill-ftehim Lupin, ma kinux antikompetittivi. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 83 ta’ din is-sentenza li minnha jirriżulta li l-kriterju li jippermetti li jiġi vverifikat jekk ftehim bħall-ftehim Lupin jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk it-trasferimenti ta’ valur tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jikkostitwixxux il-korrispettiv tar-rinunzja, minn dan tal-aħħar, li jidħol fis-suq ikkonċernat. Kif jirriżulta mill-punti 332 sa 336 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ftehim Lupin kien jipprevedi ħlas invertit ta’ ammont ta’ EUR 40 miljun. |
|
350 |
Barra minn hekk, mill-punt 293 ta’ din is-sentenza jirriżulta li il-ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja li permezz tagħhom manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li jfittex li jidħol f’suq jirrikonoxxi, tal-inqas temporanjament, il-validità ta’ privattiva miżmuma minn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u jimpenja ruħu, għalhekk, li ma jikkontestahiex u lanqas li jidħol f’dan is-suq jista’ jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, peress li l-kontestazzjoni tal-validità u tal-portata ta’ privattiva tagħmel parti mill-proċess normali tal-kompetizzjoni fis-setturi li fihom jeżistu drittijiet ta’ esklużività fir-rigward tat-teknoloġija (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 81). Barra minn hekk, il-fatt li ftehim jillimita l-possibbiltajiet għal kompetitur potenzjali li jikkompeti mal-proprjetarju ta’ privattiva mingħajr, madankollu, ma jeskludi kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni min-naħa ta’ dan il-kompetitur ma jistax jinvalida l-konklużjoni li tali ftehim jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
351 |
Għalhekk, peress li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fil-motivi tas-sentenza appellata miġbura fil-qosor fil-punti 344 sa 348 ta’ din is-sentenza, dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
|
352 |
Fir-rigward tal-kumplament, għal dak li jikkonċerna l-argumenti ta’ Servier miġbura fil-qosor fil-punti 339 sa 342 ta’ din is-sentenza, relatati mal-effetti allegatament favur il-kompetizzjoni tal-ftehim Lupin, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 73, 76 u 77 ta’ din is-sentenza, tali effetti ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
c) Fuq il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑ftehim Lupin
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
353 |
Servier jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punti 875 sa 877 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni previsti mill-ftehim Lupin kien jestendi għal prodotti oħra għajr il-perindopril kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina koperta mill-privattiv 947, li kienet is-suġġett tal-kawżi li ġew riżolti b’mod bonarju permezz ta’ dan il-ftehim, u setgħet, konsegwentement, tiġġustifika l-klassifikazzjoni tal-imsemmi ftehim bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
354 |
Billi qablet mal-interpretazzjoni tal-ftehim Lupin l-iktar sfavorevoli għal Servier, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll il-ġurisprudenza li tgħid li l-eżistenza ta’ dubju li jkollha l-qorti għandha tkun ta’ benefiċċju għall-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. |
|
355 |
Servier isostni barra minn hekk li l-evalwazzjoni, fil-punt 877 tas-sentenza appellata, li klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni previsti fi ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għas-sempliċi raġuni li dawn jeċċedu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “privattiva identifikata b’mod distint” hija żbaljata fid-dritt. Fil-fatt, ftehim ta’ dan it-tip jista’ legalment ikopri numru ta’ privattivi sabiex jiġu evitati kawżi futuri. F’dan il-każ, il-ftehim Lupin bl-ebda mod ma pprekluda lil Lupin milli tikkummerċjalizza verżjonijiet tal-perindopril li ma jagħtux lok għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947. |
|
356 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
357 |
Fil-punt 877 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-preżenza, fi ftehim ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwima li tirrigwarda privattiva, ta’ klawżoli ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u ta’ non-kontestazzjoni li l-portata tagħhom testendi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ privattiva “tippreżenta b’mod ċar livell ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal‑proċess normali tal-kompetizzjoni b’mod suffiċjenti sabiex l‑inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli tkun ikklassifikata bħala restrizzjoni minħabba l-għan, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li turi, minbarra dan, l-eżistenza ta’ inċentiv”. |
|
358 |
Fil-punt 878 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-portata tal-ftehim Lupin kienet testendi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattiva 947, tali żball ma jistax jqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, sa fejn din il-konstatazzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ ħlas invertit li wassal lil Lupin tirrinunzja milli tidħol fis-suq ikkonċernat. Għaldaqstant, minn din l-evalwazzjoni, kif ukoll mill-fatt li l-ilmenti ta’ Servier intiżi li jikkontestaw l-eżistenza ta’ tali ħlas f’dan il-każ ġew miċħuda fil-punti 329 sa 336 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 877 tas-sentenza appellata huma ta’ natura superfluwa. Minn dan isegwi li l-ilmenti ta’ Servier diretti kontra dan il-punt 877 huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda. |
|
359 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda. |
3. Fuq it‑tielet parti, dwar id‑data tat‑tmiem tal‑ksur
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
360 |
Permezz tat-tielet parti tal-ħames aggravju tiegħu, Servier jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta stabbilixxiet id-data tat-tmiem tal-ksur li jikkonċerna l-ftehim Lupin. |
|
361 |
Servier ifakkar li huwa kkontesta, fil-kuntest tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, id-determinazzjoni ta’ din id-data billi argumenta dwar l-inkoerenza u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward. Huwa jsostni li, fir-rigward ta’ Franza, il-Kummissjoni ffissat it-tmiem tal-ksur għad-data tad-dħul ta’ manifattur ieħor ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, Sandoz AG, f’dan is-suq f’Settembru tas-sena 2008. B’kuntrast ma’ dan, fir-rigward tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tal-Irlanda u tal-Ungerija, hija eskludiet id-data tad-dħul ta’ Sandoz f’dawn is-swieq u qieset li l-imsemmi ksur kien intemm bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-UEP tas‑6 ta’ Mejju 2009. |
|
362 |
Billi ma ċċensuratx din l-inkoerenza u dan l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punt 898 tas-sentenza appellata, fuq l-ambigwità tal-formulazzjoni tal-ftehim Lupin, u, b’mod partikolari fil-punti 899 u 903 ta’ din is-sentenza, fuq iċ-ċirkustanza li l-partijiet komplew japplikaw il-ftehim Lupin wara d-dħul ta’ Sandoz fis-suq tal-perindopril. Servier isostni li dawn il-motivi ma jinsabux fid-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali għalhekk issostitwixxiet il-motivi tagħha ma’ dawk tal-Kummissjoni. Fil-fehma ta’ Servier, il-motivi adottati mill-Qorti Ġenerali huma ineżatti. Huwa jsostni li jekk Lupin ma daħlitx fis-suq, dan kien għaliex hija ma kellhiex l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan. |
|
363 |
Servier isostni li, skont it-termini tal-ftehim Lupin, id-dħul ta’ Sandoz fis-suq kellu l-effett li jillibera lil Lupin mill-obbligu tagħha ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 2127 tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tas-suq fi Franza. Għall-istess raġuni, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li d-dħul ta’ Sandoz kellu wkoll l-effett li jtemm il-ksur relatat mal-ftehim Lupin fil-Belġju fix-xahar ta’ Lulju 2008, fir-Repubblika Ċeka fix-xahar ta’ Jannar 2009, fl-Irlanda fix-xahar ta’ Ġunju 2008 u fl-Ungerija fix-xahar ta’ Diċembru 2008. |
|
364 |
Servier jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikolu 7(5)(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqu minn EUR 37102100 għal EUR 34745100 konsegwentement. |
|
365 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
|
366 |
Skont din l-istituzzjoni, l-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni prevista fil-ftehim Lupin, li ġiet esposta fil-premessa 1039 tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Servier. Skont din l-interpretazzjoni, din il-klawżola kompliet tipproduċi l-effetti tagħha wara d-dħul fis-swieq fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fl-Irlanda u fl-Ungerija ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril prodott minn Sandoz. |
|
367 |
Wara t-tnedija, fis‑17 ta’ Settembru 2008, minn Sandoz ta’ dan il-prodott mediċinali li ma kien jinkludi ebda kristalli protetti mill-privattiva 947, Lupin talbet lil Servier jikkonferma jekk setax iniedi l-prodott mediċinali ġeneriku tiegħu. Fir-risposta tiegħu tal‑31 ta’ Marzu 2009, Servier ma rrispondiex b’mod pożittiv għal din it-talba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dħul ta’ Lupin fis-suq sar possibbli biss b’effett mid-deċiżjoni tal-UEP tas‑6 ta’ Mejju 2009. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
368 |
Permezz tal-argument tiegħu, Servier isostni, essenzjalment, li billi rrifjutat li tqis li l-ksur relatat mal-ftehim Lupin kien intemm fis-swieq fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fl-Irlanda u fl-Ungerija fid-data tad-dħul f’dawn is-swieq ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril prodott minn Sandoz, kif hija kienet għamlet għas-suq Franċiż, il-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni kontenzjuża b’kontradizzjoni ta’ motivi u bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-Qorti Ġenerali kellha tiċċensura. |
|
369 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 3136 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-istanzi ta’ ksur fl-Artikolu 101 TFUE kienu bdew fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet kontenzjużi u ntemmu “fid-data li fiha l-kompetituri ġeneriċi [setgħu] jadottaw aġir kompetittiv”. Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, il-ksur li jirrigwarda l-ftehim Lupin beda fit‑30 ta’ Jannar 2007 u ntemm fis‑6 ta’ Mejju 2009, data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-UEP irrevoka l-privattiva 947, bl-eċċezzjoni madankollu ta’ ħames swieq nazzjonali. Fost dawn is-swieq, kien hemm is-suq Franċiż, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni qieset li dan il-ksur kien intemm fis‑16 ta’ Settembru 2008, data tad-dħul f’dan is-suq ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril prodott minn Sandoz. |
|
370 |
Fil-premessa 410 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrilevat li Sandoz kienet nediet il-perindopril ġeneriku tagħha fil-Belġju fix-xahar ta’ Lulju 2008, fir-Repubblika Ċeka fix-xahar 2009, fl-Irlanda fix-xahar ta’ Ġunju 2008 u fl-Ungerija fix-xahar ta’ Diċembru 2008. |
|
371 |
Fil-kuntest ta’ motiv fl-ewwel istanza dwar il-multi li kienu ġew imposti fuqu skont l-Artikolu 101 TFUE, Servier ikkontesta t-tul tal-ksur relatat mal-ftehim Lupin. Huwa sostna li l-Kummissjoni kellha, kif kienet għamlet għas-suq Franċiż, tikkonkludi li dan il-ksur kien intemm fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fl-Irlanda u fl-Ungerija fid-data tad-dħul ta’ Sandoz f’dawn is-swieq. |
|
372 |
Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 894 tas-sentenza appellata, li dan il-ftehim seta’ jiġi interpretat fis-sens li kien jippermetti “dħul fis‑suq ta’ Lupin bil-prodotti tagħha stess meta ‘prodott’ ġeneriku li ma huwiex immanifatturat minn Servier ikun daħal fis-suq mingħajr ksur ta’ ordni u mingħajr ma talba għal ordni ppreżentata minn Servier kienet għadha ġiet miċħuda”. |
|
373 |
Madankollu, minħabba l-formulazzjoni ambigwa tad-definizzjoni tat-terminu “prodott” użata fil-ftehim Lupin, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm tweġiba ċara għall-kwistjoni dwar jekk id-dħul ta’ Sandoz f’suq bi prodott li ma kienx kompost mill-forma kristallina alpha tal-erbumina protetta mill-privattiva 947 setax ikollu l-effett li jtemm l-effetti tal-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn l-inċertezzi kienu ta’ natura li jiskoraġġixxu lil Lupin milli tidħol fis-swieq ikkonċernati, u dan minkejja l-wasla tal-verżjoni ġenerika tagħha tal-perindopril ta’ Sandoz f’dawn is-swieq. |
|
374 |
Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 902 tas-sentenza appellata, li “il-fatt li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, minħabba l-fatt tal-inċertezzi marbuta mal-ambigwità tal-ftehim, baqgħet fis-seħħ, u b’hekk uriet iż-żamma tal-qbil bejn il-partijiet – eventwalment f’kontradizzjoni mal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-klawżola, li, a posteriori, setgħet tintuża, b’mod partikolari, minn qorti kompetenti abbażi tal-kuntratt –, kien biżżejjed sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata li l-qbil bejn Servier u Lupin, u għalhekk il-ksur, kompla minkejja d-dħul fis-suq ta’ Sandoz”. |
|
375 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 903 tas-sentenza appellata, li “[f]i kwalunkwe każ, [...] [i]l‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni baqgħet tiġi applikata minn Servier u Lupin wara d-dħul suċċessivi ta’ Sandoz fl-erba’ swieq inkwistjoni”. Peress li ksur jista’ jiġi kkonstatat lil hinn mill-perijodu li matul tiegħu ftehim ikun formalment fis-seħħ, fejn l-impriżi kkonċernati ssoktaw b’aġir illegali, il-Qorti Ġenerali, għall-motivi esposti fil-punti 905 u 906 ta’ din is-sentenza, ċaħdet l-argument ta’ Servier. |
|
376 |
F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 369 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, bħala kriterju sabiex jiġi ddeterminat it-tmiem tal-perijodu tal-ksur, mhux id-data li minnha l-aġir illegali waqaf bħala tali, iżda “id-data li fiha l-kompetituri ġeneriċi [setgħu] jadottaw aġir kompetittiv”. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni f’sens kuntrarju pprovduta mill-motivi tas-sentenza appellata, għandu jitqies li s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-wasla fis-swieq nazzjonali tal-verżjoni ġenerika tal-perindopril prodotta minn Sandoz kienet tqajjem, fis-swieq kollha kkonċernati, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżola ta’ non-kummerċjalizzazzjoni kkonċernata kinitx għadha tipproduċi l-effetti tagħha. |
|
377 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tat ebda spjegazzjoni, fis-sentenza appellata, tar-raġunijiet li għalihom is-suq Franċiż kien ġie ttrattat b’mod differenti, fil-premessa 2127 tad-deċiżjoni kontenzjuża, mis-suq Belġjan, Ċek, Irlandiż u Ungeriż. Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punt 900 tas-sentenza appellata, għal inċertezzi anki għal dak li jikkonċerna s-suq Franċiż, fir-rigward tad-data li fiha Lupin kienet libera li tidħol f’dan is-suq minħabba d-dħul ta’ Sandoz fih, iżda hija ma siltet l-ebda konsegwenza minn dan fir-rigward tad-data li fiha l-ksur intemm f’dan is-suq. B’hekk, is-sentenza appellata ma tippermettix li jinftiehem għalfejn il-Kummissjoni ma wettqet ebda illegalità, skont il-Qorti Ġenerali, meta ttrattat is-suq Franċiż b’mod differenti mill-erba’ swieq l-oħra msemmija iktar ’il fuq. |
|
378 |
Fil-fatt, għalkemm din il-kwistjoni, marbuta mas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-wasla ta’ Sandoz fis-suq, qamet għalhekk f’termini paragunabbli fi Franza, fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fl-Irlanda, u fl-Ungerija, il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx il-motiv ta’ annullament ta’ Servier ibbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
379 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u li t-tielet parti tal-ħames aggravju għandha tintlaqa’. |
F. Fuq is-seba’ aggravju , dwar il-multi
|
380 |
Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, Servier jikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar it-talbiet tiegħu intiżi għall-annullament tal-multi li ġew imposti fuqu kif ukoll dwar il-kalkolu tal-ammonti tagħhom. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
1. Fuq l‑ewwel parti, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
381 |
Skont Servier, meta ddeċidiet fil-punt 1660 tas-sentenza appellata li Servier “[kellu] jistenna, jekk ikun hemm bżonn wara konsulenza esperta, li l-aġir tiegħu jista’ jkun iddikjarat inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u ddeċidiet skont motiv kontradittorju meta mqabbel ma’ dak imsemmi fil-punt 1666 ta’ din is-sentenza li jgħid li “n-natura ta’ ksur [tal-ftehimiet koperti mid-deċiżjoni kontenzjuża] setgħet ma tkunx tidher, b’mod ċar, għal osservatur esterjuri bħall-Kummissjoni jew avukati speċjalizzati fl-oqsma inkwistjoni”. |
|
382 |
Servier iqis fil-fatt li, skont dan il-prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax timponi multi f’sitwazzjoni ġdida, ikkaratterizzata minn nuqqas ta’ deċiżjonijiet jew ta’ ġurisprudenza preċedenti, u kumplessa. Skont Servier, din il-kawża kienet kemm ġdida kif ukoll kumplessa. Huwa jsostni li n-novità ta’ din il-kawża hija kkonfermata minn dikjarazzjoni tal-kap ta’ diviżjoni responsabbli mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, mill-premessi 3091, 3092 u 3107 ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 1660 tas-sentenza appellata. |
|
383 |
Fir-rigward tal-kumplessità tal-kwistjonijiet ekonomiċi u ġuridiċi mqajma, din tirriżulta b’mod partikolari mit-tul eċċezzjonali tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet f’dan is-sens magħmula mill-Kummissjoni lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza. Din il-kumplessità wasslet lill-Kummissjoni, matul is-sena 2014, temenda l-Linji gwida għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, sabiex tippreċiża li ftehimiet ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim setgħu jiġu pprojbiti skont l-Artikolu 101 (1) TFUE. |
|
384 |
Servier jikkontesta s-sentenza appellata minħabba li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi ssuġġerixxiet li kien ikun biżżejjed ir-rikors għal konsulenza esperta sabiex tiġi identifikata n-natura illegali tal-aġir tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
385 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
386 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jikkastigawhom. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li hija mogħtija mill-qrati dwar dan, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑266/06 P, EU:C:2008:295, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
387 |
Il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja każ b’każ,, bil-kundizzjoni li r-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relatata mad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
388 |
Il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan huwa applikabbli speċjalment għall-professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Huwa mistenni wkoll li huma jeżerċitaw attenzjoni partikolari fl-evalwazzjoni tar-riskji li timplika tali professjoni (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
389 |
F’dan il-każ, fil-punti 1656 sa 1658 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-punti 1659 sa 1665 ta’ din is-sentenza, hija enfasizzat, essenzjalment, li, fid-dawl tal-portata tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, Servier ma setax ma jkollux għarfien tal-fatt li, billi ħallas lill-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi sabiex ma jidħlux fis-suq tal-perindopril, huwa adotta aġir ipprojbit minn din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, li n-natura allegatament ġdida tal-approċċ li jikkonsisti fil-klassifikazzjoni bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-aġir li wassal għall-ksur ikkonstatat, ma tistax tqiegħed f’dubju tali klassifikazzjoni. |
|
390 |
Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punti 1666 u 1667 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-ftehimiet kontenzjużi u l-kuntest tagħhom kienu kumplessi u setgħu qajmu ċerti diffikultajiet matul il-proċedura amministrattiva, u b’hekk jiġġustifikaw it-tul ta’ din il-proċedura u tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma huwiex ta’ natura li jqiegħed f’dubju l-fatt li l-impriżi implikati ma setgħux jinjoraw in-natura illegali ta’ dawn il-ftehimiet. Fil-fatt, kif jirriżulta minn qari tas-sentenza appellata fl-intier tagħha, l-għan stess ta’ dawn il-ftehimiet kien li jiġu esklużi mis-suq tal-perindopril il-kompetituri potenzjali ta’ Servier li kienu l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi bil-ħlas ta’ pagamenti invertiti, li kien estranju għall-kompetizzjoni libera. |
|
391 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tas-seba’ aggravju għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq it‑tieni parti, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
392 |
Permezz tat-tieni parti tas-seba’ aggravju tiegħu, Servier jikkontesta s-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet il-motiv tiegħu fl-ewwel istanza bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-multa, li permezz tiegħu huwa kkontesta l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE għal 11 % tal-valur tal-bejgħ tiegħu. |
|
393 |
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura kumplessa u ġdida tas-sitwazzjoni inkwistjoni, kif ukoll diversi elementi oħra kuntestwali li kienu jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Servier. |
|
394 |
Billi ċaħdet, fil-punt 1797 tas-sentenza appellata, ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li rrikonoxxew il-validità tal-privattiva 947, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ privattiva tal-kawża. Servier kien paradossalment issanzjonat b’mod iktar qawwi minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 kienet ikkonstatat favur tiegħu, u b’hekk estendiet it-tul tal-proċedura relatata mal-validità tal-privattiva 947. Servier iqis li huwa ma kellux jiġi ssanzjonat b’mod daqstant sever daqslikieku din il-privattiva kienet fittizja. |
|
395 |
Sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, fil-premessa 3130 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażat ruħha fuq l-importanza tal-ishma tas-suq miżmuma minn Servier, li hija stmat għal iktar minn 90 %. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 1602 tas-sentenza appellata, li din l-istima, li kienet ibbażata fuq definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti, kienet skorretta. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tislet il-konsegwenzi minn dan l-iżball fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa. Hija llimitat ruħha, fil-punt 1954 ta’ din is-sentenza, li tagħmel riferiment għall-qari tal-punti 1948 sa 1953 tal-imsemmija sentenza, mingħajr madankollu ma indikat ir-raġunijiet li għalihom hija ma naqqsitx dan l-ammont. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. |
|
396 |
Skont Servier, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehimiet kontenzjużi ma kinux sigrieti. Huwa jsostni li, f’kawżi oħra, din iċ-ċirkustanza wasslet lill-Kummissjoni sabiex tapplika koeffiċjent li jirrifletti l-gravità tal-ksur li kien inqas minn dak użat fil-każ ineżami. |
|
397 |
Minbarra l-fatt li dawn il-ftehimiet ma dewmux id-dħul ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq, Servier josserva li dawn ma setgħux jitqiesu, fil-punt 1883 tas-sentenza appellata, bħala li jikkostitwixxu forma estrema ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni. Tali evalwazzjoni tikkontradixxi dik li tinsab fil-punt 1666 ta’ din is-sentenza li tgħid li l-imsemmija ftehimiet setgħu ma jidhrux b’mod ċar li kienu illegali. |
|
398 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
399 |
Għandu jiġi miċħud, qabelxejn, l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, in-natura allegatament ġdida tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, li din iċ-ċirkustanza ma għandhiex effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 390 ta’ din is-sentenza, l-għan stess ta’ dawn il-ftehimiet kien li jiġu esklużi l-kompetituri potenzjali ta’ Servier mis-suq. |
|
400 |
Barra minn hekk, billi jinvoka l-importanza tad-drittijiet mogħtija mill-privattivi sabiex jikkontesta l-punt 1797 tas-sentenza appellata, Servier sempliċement itenni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-allegat rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva 947. Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni li l-ftehimiet kontenzjużi kellhom bħala suġġett, minbarra s-soluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, l-esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq, li jikkostitwixxi forma estrema ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni. |
|
401 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, u fid-dawl tal-għan tal-ftehimiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 1786 sa 1791 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, tqis li Servier kien wettaq ksur tal-Artikolu 101 TFUE b’mod intenzjonat. |
|
402 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ishma tas-suq miżmuma minn Servier, għandu jiġi kkonstatat li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u mingħajr ma żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 1951 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Servier kien wettaq diversi istanzi ta’ ksur relatati mal-istess prodott, fl-istess żoni ġeografiċi, u matul l-istess perijodi. Sabiex tevita riżultat potenzjalment sproporzjonat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita, għal kull istanza ta’ ksur, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ magħmul minn Servier meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa. Din il-korrezzjoni wasslet għal tnaqqis medju ta’ 54.5 % tal-valuri kollha tal-bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni fir-rigward tad-diversi istanzi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
403 |
Fid-dawl ta’ dan it-tnaqqis, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, fil-punt 1954 tas-sentenza appellata, li l-ammonti tal-multi ma kinux sproporzjonati u dan minkejja li l-Kummissjoni kienet qieset li Servier kellu ishma kbar ħafna tas-suq, abbażi ta’ definizzjoni tas-suq rilevanti li l-Qorti Ġenerali qieset bħala ineżatta. |
|
404 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Servier li l-ammont tal-multi kellu jitnaqqas fid-dawl tal-fatt li l-ftehimiet kontenzjużi ma kinux sigrieti u ma kinux dewmu d-dħul fis-suq tal-verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Servier fir-realtà jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-elementi tat-tilwima fl-ewwel istanza. Tali talba ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. Barra minn hekk, meta hija tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha, billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
405 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni parti tas-seba’ aggravju għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
G. Konklużjonijiet dwar l‑appell
|
406 |
Peress li l-ħames aggravju ntlaqa’ fit-tielet parti tiegħu, hemm lok, konformement mat-talbiet ta’ Servier, li jiġi annullat il-punt 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn jiċħad l-ilmenti tal-motiv tal-ewwel istanza ta’ Servier invokat sussidjarjament dwar it-tul tal-ksur allegat u l-kalkolu tal-ammont tal-multa għall-ksur relatat mal-ftehim Lupin. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. |
VII. Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
407 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża definittivament hija stess jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
408 |
Kif jirriżulta mill-punt 891 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, Servier qajjem, fil-kuntest ta’ motiv sussidjarju, ilmenti intiżi li jikkontestaw it-tul tal-ksur relatat mal-ftehim Lupin, abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kellha, kif kienet għamlet għas-suq Franċiż, tikkonkludi li dan il-ksur kien intemm fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fl-Irlanda u fl-Ungerija fid-data tad-dħul ta’ Sandoz f’dawn is-swieq. |
|
409 |
Dawn l-ilmenti kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikors fil-Kawża T‑691/14 huwa fi stat li jiġi deċiż fir-rigward tal-imsemmija ilmenti u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwarhom. |
|
410 |
Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 369 sa 378 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ddikjarat fondat l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, li ma kkonstatatx li l-motivazzjoni dwar it-tmiem tal-ksur li jirriżulta mill-ftehim Lupin fis-suq Franċiż, minn naħa, u fis-suq Belġjan, Ċek, Irlandiż u Ungeriż, min-naħa l-oħra, kienet kontradittorja. |
|
411 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn dan jipprevedi li l-ksur relatat mal-ftehim Lupin intemm fis‑6 ta’ Mejju 2009, f’dak li jirrigwarda l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u l-Ungerija. Hemm lok ukoll li jiġi annullat l-Artikolu 7(5)(b) ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn jiffissa l-ammont tal-multa ta’ Servier minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ftehim Lupin għal EUR 37102100. |
|
412 |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa. Din il-ġurisdizzjoni hija eżerċitata b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
413 |
Fid-dawl tal-fatt li l-legalità tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma ġietx ikkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni sa fejn hija ddeterminat li l-ksur li jirriżulta mill-ftehim Lupin kien intemm fis‑16 ta’ Settembru 2008 fi Franza, minħabba d-dħul ta’ Sandoz fis-suq ta’ dan l-Istat Membru f’din id-data, għandu jiġi kkonstatat li din l-informazzjoni fattwali saret definittiva. Minn dan isegwi li l-kontradizzjoni ta’ motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn jipprevedi li l-ksur li huwa jikkonstata ntemm fis‑6 ta’ Mejju 2009 għal dak li jirrigwarda l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u l-Ungerija, tista’ tiġi korretta biss billi jiġi applikat l-istess raġunament bħal dak adottat fir-rigward ta’ Franza, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa relatata mal-ksur li jirriżulta mill-ftehim Lupin. |
|
414 |
Għaldaqstant, għandu jitqies, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont ta’ din il-multa, skont l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-premessa 410 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ksur relatat mal-ftehim Lupin intemm fil-Belġju fix-xahar ta’ Lulju 2008, fir-Repubblika Ċeka fix-xahar ta’ Jannar 2009, fl-Irlanda f’Ġunju 2008 u fl-Ungerija fix-xahar ta’ Diċembru 2008. |
|
415 |
Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li t-tul li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għandu jiġi ffissat għal 1.4 snin għall-Belġju, 1.9 snin għar-Repubblika Ċeka, 1.3 snin għall-Irlanda, u 1.8 snin għall-Ungerija. |
|
416 |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, Servier issottometta lill-Qorti tal-Ġustizzja kalkolu fil-forma ta’ tabella, li tesponi kull wieħed mill-istadji tal-metodu segwit mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa għall-ksur relatat mal-ftehim Lupin. Dan il-kalkolu jinkludi l-perijodi ta’ ksur reveduti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u huwa bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza. L-imsemmi kalkolu jwassal sabiex l-ammont hekk ikkoreġut ta’ din il-multa jiġi ffissat għal EUR 34745100. |
|
417 |
Peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx dan l-ammont jew dan il-metodu ta’ kalkolu, li jikkorrispondi barra minn hekk għall-metodu li hija stess kienet adottat fid-deċiżjoni kontenzjuża, hemm lok, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi tal-każ ineżami, li l-ammont tal-multa imposta fuq Servier fl-Artikolu 7(5)(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża jiġi ffissat għas-somma ta’ EUR 34745100. |
Fuq l‑ispejjeż
|
418 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
419 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
420 |
Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
421 |
F’dan il-każ, l-appellanti talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell u din tilfet it-talbiet tagħha fl-istadju tal-appell kif ukoll, parzjalment, it-talbiet tagħha fl-ewwel istanza. |
|
422 |
Peress li l-appell intlaqa’ parzjalment, huwa xieraq li kull parti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta kemm mal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. |
|
423 |
Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, intervenjent fl-ewwel istanza jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali parti tipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
424 |
Peress li l-EUIPA pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. |
|
425 |
L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
426 |
F’dan il-każ, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża : il-Franċiż.