Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0133

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020.
B. M. M. et vs État belge.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 4(1) – Kunċett ta’ ‘wild minuri’ – Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – L-aħjar interess tal-wild – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għal rimedju effettiv – Kisba tal-età maġġuri ta’ wlied l-isponsor matul il-proċedura deċiżjonali jew il-proċedura ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.
Kawżi magħquda C-133/19, C-136/19 u C-137/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:577

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 4(1) – Kunċett ta’ ‘wild minuri’ – Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – L-aħjar interess tal-wild – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għal rimedju effettiv – Kisba tal-età maġġuri ta’ wlied l-isponsor matul il-proċedura deċiżjonali jew il-proċedura ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja”

Fil-Kawżi magħquda C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑31 ta’ Jannar 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Frar 2019 (C‑133/19) u fl-20 ta’ Frar 2019 (C‑136/19 u C‑137/19), fil-proċeduri

B. M. M. (C‑133/19 u C‑136/19),

B. S. (C‑133/19),

B. M. (C‑136/19),

B. M. O. (C‑137/19)

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatur), J. Malenovský, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal B. M. M., B. S., B. M. u B. M. O., minn A. Van Vyve, avocate,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, C. Pochet u C. Van Lul, bħala aġenti, assistiti minn E. Derriks, G. van Witzenburg u M. de Sousa Marques E Silva, avocats,

għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. Condou‑Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn B. M. M. (C‑133/19 u C‑136/19), B. S. (C‑133/19), B. M. (C‑136/19) u B. M. O. (C‑137/19), ċittadini Gineani, minn naħa, u l-État belge (ir-Renju tal-Belġju), min-naħa l-oħra, dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ viża bil-għan ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 2, 4, 6, 9 u 13 tad-Direttiva 2003/86:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950] u l-[Karta].

[…]

(4)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[…]

(6)

Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(9)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f’kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni.

[…]

(13)

Sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċedura għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja u għal dħul u residenza ta’ membri tal-familja għandhom ikunu stabbiliti. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u mmaneġġabbli, filwaqt li titqies il-qawwa normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istat Membru, kif ukoll trasparenti u ġusta, biex joffru ċertezza legali xierqa lil dawk ikkonċernati.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86 huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

5

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)

il-konjugi ta’ l-isponsor;

(b)

it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati skond deċiżjoni meħuda mill-awtorita kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat jew deċiżjoni li hija awtomatikament infurzabbli minħabba obbligi internazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jew għandha tkun irrikonoxxuta skond obbligi internazzjonali;

(ċ)

it-tfal minorenni inklużu tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-responsabbilita ta’ iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha;

(d)

it-tfal minorenni inklużi tfal adottati tar-raġel/mara fejn il-konjugi għandu kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-responsabbilita ta’/f’idejn iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha.

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

[…]”

6

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

2.   L-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata b’evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta’ konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 4 u 6 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 7 u 8, kif ukoll kopji ċċertifikati tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tal-membru(i) tal-familja.

Jekk xieraq, biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali, Stati Membri jistgħu jeżegwixxu intervisti ma’ l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha u jmexxu investigazzjonijiet oħra li instabu li jkunu meħtieġa.

[…]

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jagħtu lill-persuna, li ssottomettiet l-applikazzjoni, notifika bil-miktub tad-deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessita ta’ l-eżami ta’ l-applikazzjoni, il-limitu ta’ żmien li jirreferi għalih l-ewwel paragrafu jista’ jkun estiż.

Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni. Kull konsegwenzi ta’ deċiżjoni le li tittieħed sa tmiem il-perjodu li jipprovdi għalih l-ewwel paragrafu għandhom ikunu ddeterminati mil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru relevanti.

5.   Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

7

Skont l-Artikolu 16(1) u (2) tal-istess direttiva:

“1.   L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)

fejn il-kondizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva mhumiex jew m’għadhomx iktar osservati.

[…]

2.   Stati Membri jistgħu wkoll jiċħdu applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan ta’ riunifikazzjoni tal-familja, jew jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fejn jintwera li:

a)

informazzjoni falza u qarrieqa (li tiżgwida), dokumenti falzi jew iffalsifikati kienu ntużaw, frodi kienet b’xi mod ieħor kommessa jew mezzi illegali oħra kienu ntużati;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isponsor u/jew il-membri tal-familja tiegħu/tagħha jkollhom id-dritt li jagħmlu rikuża fejn applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tinċaħad jew permess ta’ residenza jew ma jiġġedditx jew ikun irtirat jew tkeċċija tkun ordnata.

Il-proċedura u l-kompetenza li skondhom id-dritt li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu ikun eżerċitat għandhom ikun stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati.”

Id-dritt Belġjan

9

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1), tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-Dħul fit-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), jipprevedi:

“Bla ħsara għall-Artikoli 9 u 12, il-persuni li ġejjin għandhom jingħataw bi dritt awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju għal iktar minn tliet xhur:

[…]

4° Il-membri tal-familja segwenti ta’ barrani/barranija ammess/a jew awtorizzat/a, għal tal-inqas tnax‑il xahar, sabiex jirrisjedi/tirrisjedi fir-Renju għal żmien illimitat, jew li, għal tal-inqas tnax‑il xahar, ġie/t mogħti/mogħtija awtorizzazzjoni sabiex jistabbilixxi/tistabbilixxi ruħu/ruħha fir-Renju. Dan it-terminu ta’ tnax‑il xahar ma japplikax jekk ir-rabta bħala konjuġi jew bħala sieħeb irreġistrat kienet teżisti qabel il-wasla tal-barrani fir-Renju jew jekk ikollhom wild minuri flimkien, jew jekk ikunu membri tal-familja ta’ barrani rrikonoxxut bħala refuġjat jew benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja:

il-konjuġi barrani/barranija tiegħu/tagħha jew il-barrani/barranija li miegħu/magħha jkun/tkun marbut/a permezz ta’ sħubija rreġistrata meqjusa li hija ekwivalenti għal żwieġ fil-Belġju, li jkun/tkun ġej/ġejja sabiex jgħix/tgħix miegħu/magħha, bil-kundizzjoni li ż-żewġ persuni kkonċernati jkollhom età ta’ iktar minn wieħed u għoxrin sena. Madankollu, din l-età minima tkun imnaqqsa għal tmintax‑il sena meta r-rabta bħala konjuġi jew bħala sieħeb/sieħba rreġistrat/irreġistrata, skont il-każ, kienet teżisti qabel il-wasla tal-barrani/barranija fir-Renju;

l-ulied tagħhom, li ġejjin sabiex jgħixu magħhom taħt l-età ta’ tmintax‑il sena u li ma humiex miżżewġin;

l-ulied tal-barrani/barranija, il-konjuġi tiegħu/tagħha jew is-sieħeb/sieħba rreġistrat/irreġistrata msemmi/imsemmija fl-ewwel punt, li ġejjin sabiex jgħixu magħhom qabel ma jilħqu l-età ta’ tmintax‑il sena u li ma humiex miżżewġin, sakemm il-barrani/barranija li ser jiġi/tiġi riunifikat/a, il-konjuġi tiegħu/tagħha jew dan/din is-sieħeb/is-sieħba rreġistrat/irreġistrata għandu/għandha d-dritt għall-kustodja u l-kontroll ta’ dawn l-ulied u, fil-każ ta’ kustodja konġunta, bil-kundizzjoni li l-persuna l-oħra li taqsam il-kustodja tkun tat il-qbil tagħha.

[…]”

10

L-Artikolu 10ter (3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-Ministru jew id-delegat tiegħu jista’ jiddeċiedi li jirrifjuta applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur, […] jew fejn il-barrani […] uża informazzjoni falza jew qarrieqa jew dokumenti foloz jew iffalsifikati jew irrikorra għal frodi jew mezzi illegali oħra (ta’ natura deċiżiva), sabiex jakkwista tali permess […].”

11

L-Artikolu 12bis tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.   Barrani/barranija li jiddikjara/tiddikjara li huwa/hija f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10 għandu jippreżenta/għandha tippreżenta l-applikazzjoni tiegħu/tagħha lir-rappreżentant diplomatiku jew konsulari Belġjan għall-post tar-residenza tiegħu/tagħha jew tas-soġġorn tiegħu/tagħha barra mill-pajjiż.

[…]

2.   […]

Id-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni hija d-data li fiha dawn id-dokumenti kollha jkunu ġew prodotti, skont l-Artikolu 30 tal-Liġi tas‑16 ta’ Lulju 2004 dwar il-Kodiċi ta’ Dritt Internazzjonali Privat jew konvenzjonijiet internazzjonali fuq l-istess suġġett.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissjoni għar-residenza għandha tittieħed u għandha tiġi nnotifikata fl-iqsar żmien possibbli u mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni ddefinita fit-tieni subparagrafu. […]

F’każijiet eċċezzjonali relatati mal-kumplessità tal-applikazzjoni […], il-Ministru jew id-delegat tiegħu jista’, f’żewġ okkażjonijiet, jestendi l-perijodu ta’ eżaminazzjoni bi tliet xhur permezz ta’ deċiżjoni motivata, li biha għandu jiġi informat l-applikant.

Jekk l-ebda deċiżjoni ma tkun ittieħdet fi tmiem il-perijodu ta’ disa’ xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, b’estensjoni possibbli skont il-paragrafu 5, il-permess tar-residenza għandu jiġi rrikonoxxut.

[…]

7.   Fil-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-aħjar interess tal-minuri.”

12

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39/56 tal-istess liġi jipprovdi:

“Ir-rikorsi msemmija fl-Artikolu 39/2 jistgħu jitressqu quddiem il-[Conseil du contentieux des étrangers (Belgique), (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, (il-Belġju)] minn barrani/barranija li jista’/tista’ juri/turi dannu jew interess.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, fl‑20 ta’ Marzu 2012, B. M. M., ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat fil-Belġju, ippreżenta f’isem u għan-nom tal-ulied minuri tiegħu, B. S., B. M. u B. M. O., quddiem l-Ambaxxata tal-Belġju f’Conakry (il-Ginea), applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, ibbażati fuq it-tielet inċiż tal-punt 4 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980. Dawn it-talbiet ġew miċħuda fit-2 ta’ Lulju 2012.

14

Fid-9 ta’ Diċembru 2013, B. M. M. ippreżenta, quddiem l-Ambaxxata tal-Belġju f’Dakar, (is-Senegal), f’isem u għan-nom tal-ulied minuri tiegħu, B. S., B. M. u B. M. O., applikazzjonijiet ġodda għal permess ta’ residenza bbażati fuq l-istess dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980.

15

Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Marzu 2014, l-awtoritajiet Belġjani kompetenti ċaħdu dawn l-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza b’applikazzjoni tal-Artikolu 10ter (3) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, minħabba li B. S., B. M. u B. M. O. kienu użaw informazzjoni falza jew qarrieqa jew dokumenti foloz jew iffalsifikati, jew kienu rrikorrew għal frodi jew mezzi illegali oħra, bil-għan li jiksbu l-awtorizzazzjonijiet mitluba. Fil-fatt, fir-rigward ta’ B. S. u B. M. O., dawn l-awtoritajiet irrilevaw li huma kienu ddikjaraw, fl-applikazzjoni tagħhom għal permess ta’ residenza, li kienu twieldu fis‑16 ta’ Marzu 1999 u fl‑20 ta’ Jannar 1996 rispettivament, filwaqt li B. M. M. kien indika, fl-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, li kienu twieldu fis‑16 ta’ Marzu 1997 u fl‑20 ta’ Jannar 1994 rispettivament. F’dak li jirrigwarda lil B. M. O., l-imsemmija awtoritajiet enfasizzaw li B. M. M. ma kienx iddikjara l-eżistenza ta’ dan il-wild fl-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

16

Fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal‑25 ta’ Marzu 2014, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, B. S. u B. M. kienu għadhom minuri filwaqt li B. M. O. kien sar maġġorenni.

17

Fil‑25 ta’ April 2014, B. M. M. u B. S. (Kawża C‑133/19), B. M. M. u B. M. (Kawża C‑136/19), u B. M. O. (Kawża C‑137/19) ippreżentaw rikorsi għas-sospensjoni u għall-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet ta’ ċaħda quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju). Permezz ta’ ittri tal‑10 ta’ Settembru 2015, tas‑7 ta’ Jannar 2016 u tal‑24 ta’ Ottubru 2017, il-partijiet ikkonċernati talbu lil din il-qorti tiddeċiedi dwar ir-rikorsi tagħhom.

18

Permezz ta’ sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2018, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ċaħad ir-rikorsi bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. Wara li fakkret li, skont ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, l-interess ta’ rikorrent li jeżerċita azzjoni għandu jeżisti fil-mument tal-preżentata tagħha u għandu jibqa’ jissussisti sakemm tingħata s-sentenza, din il-qorti osservat li, f’dan il-każ, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ta’ obbligu għall-awtoritajiet Belġjani kompetenti li jeżaminaw mill-ġdid l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza, dawn ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jintlaqgħu, peress li, fil-frattemp, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dati tat-twelid stabbiliti f’dawn l-applikazzjonijiet, B. S., B. M., u B. M. O. kienu saru maġġorenni u ma kinux għadhom jissodisfaw għalhekk il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-ulied minuri.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju). Huma jsostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni adottata mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), minn naħa, tikser il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn tipprekludi lil B. S., B. M., u B. M. O. milli jibbenefikaw mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ggarantit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 u, min-naħa l-oħra, tikser id-dritt għal rimedju effettiv, billi ċċaħħadhom mill-possibbiltà li jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja li dawn – fir-rigward tal-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19 – mhux biss kienu ġew adottati, iżda kienu ġew ikkontestati wkoll meta r-rikorrenti kienu għadhom minuri.

20

F’dan ir-rigward, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) li l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jkun/tkun taħt l-età ta’ 18‑il sena fiż-żmien tad-dħul tiegħu jew tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-ażil f’dan l-Istat, imma li, matul il-proċedura tal-ażil, jilħaq/tilħaq l-età maġġuri u huwa/hija minn hemm ’il quddiem mogħti/mogħtija status ta’ refuġjat, għandu/għandha madankollu jitqies/titqies bħala “minuri” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li t-tilwima li tat lok għal din is-sentenza hija differenti mill-kawżi prinċipali, sa fejn dawn ma jikkonċernawx minuri li ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2003/86 tipprevedi terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ma jiddependix mill-ħeffa ikbar jew inqas li biha din l-applikazzjoni tiġi ttrattata. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 12bis (2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

Fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19:

“(1)

Sabiex tiżgura l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u ma tirrendix impossibbli l-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li, skont ir-rikorrenti, hija għandha skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva [2003/86], din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li timplika li l-wild tal-isponsor jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja meta jsir adult matul il-proċedura ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li tirrifjutalu dan id-dritt u li ġiet adottata meta kien għadu minorenni?

(2)

L-Artikolu 47 tal-[Karta] u l-Artikolu 18 tad-Direttiva [2003/86] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-rikors għal annullament, ippreżentat kontra r-rifjut ta’ dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minorenni, jitqies bħala inammissibbli minħabba li l-wild ikun sar adult matul il-proċedura ġudizzjarja, peress li dan jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu kontra din id-deċiżjoni u jinkiser id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv?”

Fil-Kawża C‑137/19:

“[L-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva [2003/86], jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu kklassifikati bħala ‘tfal minuri’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom ikunu ‘minuri’ mhux biss fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni għal residenza iżda wkoll fil-mument li fih l-amministrazzjoni tiddeċiedi, in fine, dwar din l-applikazzjoni?”

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Marzu 2019, il-Kawżi C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19 kif ukoll fuq id-domanda fil-Kawża C‑137/19

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19 kif ukoll permezz tad-domanda tagħha fil-Kawża C‑137/19, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida mhux miżżewġa hijiex “wild minuri”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija dik li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal dħul u ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għal ulied minuri, jew hijiex dik li fiha tingħata deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, jekk ikun il-każ wara rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86 huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li din id-direttiva tfittex, barra minn hekk, li tagħti protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-minuri (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet individwali korrispettivi ddefiniti b’mod ċar. Dan jobbligahom, fil-każijiet stabbiliti mill-istess direttiva, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fost il-membri tal-familja tal-isponsor li l-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza d-dħul u r-residenza tagħhom huma inklużi, skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, “it-tfal minorenni inklużi tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha”.

28

F’dan ir-rigward, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 jindika li l-ulied minuri għandhom ikunu ta’ età inqas mill-età maġġorenni stabbilita bil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, huwa ma jippreċiżax il-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex jiġi evalwat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta u lanqas ma jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għad-dritt tal-Istati Membri.

29

Għalkemm, skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeterminaw l-età maġġorenni legali, għall-kuntrarju ma jista’ jingħatalhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-iffissar tal-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex tiġi evalwata l-età tal-applikant għall-finijiet tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86.

30

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, konformement mar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami, C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Kif tfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86 huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja. Għal dan il-għan, kif jispeċifika l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

32

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 2 tal-imsemmija direttiva, din tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri, u b’mod partikolari l-qrati tagħhom, mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li jkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 34, kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 78).

34

B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-Karta, li jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja. Din id-dispożizzjoni tal-Karta għandha tinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tagħha, u billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità għal wild li jkollu, regolarment, relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu, espressa fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 76).

35

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, kif barra minn hekk jirriżulta mill-kliem tal-premessa 2 u mill-kliem tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Issa, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-fatt li tiġi adottata d-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja bħala dik li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-età tal-applikant għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 la jkun konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, u lanqas mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 mill-Artikolu 24(2) tal-Karta, fejn din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi li, fl-atti kollha li jirrigwardaw it-tfal, b’mod partikolari dawk imwettqa mill-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

37

Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti ma jkunux imħeġġa jittrattaw, b’mod prijoritarju, ir-rikorsi tal-minuri bl-urġenza neċessarja sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà tagħhom u għalhekk ikunu jistgħu jaġixxu b’mod li jipperikolaw id-drittijiet stess għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ dawn il-minuri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 58).

38

F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fid‑9 ta’ Diċembru 2013, B. M. M. ippreżenta, f’isem u għan-nom tal-ulied minuri tiegħu B. S., B. M. u B. M. O., fl-Ambaxxata tal-Belġju f’Dakar, applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja u li dawn ġew miċħuda fil‑25 ta’ Marzu 2014 fl-osservanza tat-termini previsti mil-liġi Belġjana.

39

Issa, filwaqt li, fil-25 ta’ April 2014 B. M. M., kif ukoll B. S., B. M. u B. M. O. ppreżentaw rikorsi għal sospensjoni u għal annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) u li, f’diversi okkażjonijiet, matul is-snin 2015 sal-2017, huma talbu lil din il-qorti tiddeċiedi fuq ir-rikorsi tagħhom, huwa paċifiku li kien biss fil‑31 ta’ Jannar 2018, jiġifieri tliet snin u disa’ xhur wara l-preżentata tar-rikorsi, li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ċaħad l-imsemmija rikorsi bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, billi bbaża ruħu fuq il-fatt li, fid-data tad-deċiżjoni tiegħu, B. S., B. M. u B. M. O. kienu saru maġġorenni u ma kinux għadhom għalhekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-ulied minuri.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li tali termini ta’ pproċessar ma jidhrux li huma eċċezzjonali fil-Belġju, peress li, kif ġie osservat mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta, it-terminu medju li fih il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) jiddeċiedi fuq it-tilwimiet fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja huwa ta’ tliet snin. Barra minn hekk, dan l-istess gvern ippreċiża li l-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienx ġie kkunsidrat bħala ta’ natura prijoritarja minn dik il-qorti.

41

Iċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt preċedenti juru għalhekk il-fatt li interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 li abbażi tagħha d-data li fiha l-amministrazzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat hija dik li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-età tal-applikant għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi żgurat li, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, l-interess tal-wild jibqa’, fiċ-ċirkustanzi kollha, kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86.

42

Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni lanqas ma tippermetti li jiġi ggarantit, konformement mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali, trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jkunu jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni sa fejn din twassal sabiex is-suċċess tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi imputabbli lill-amministrazzjoni jew lill-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fuq il-ħeffa ikbar jew inqas li biha l-applikazzjoni tiġi ttrattata jew li biha rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni jiġi deċiż, u mhux fuq ċirkustanzi imputabbli lill-applikant (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 55 u 60).

43

Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni, sa fejn għandha l-effett li tissuġġetta d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għal ċirkustanzi inċerti u mhux prevedibbli, kompletament imputabbli lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, tista’ twassal għal differenzi sinjifikattivi fit-trattament tal-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-istess Stat Membru.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk il-kundizzjoni tal-età prevista fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 hijiex issodisfatta, tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja li huwa konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk titteħidx deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni direttament wara l-preżentata tal-applikazzjoni jew wara li deċiżjoni li tiċħadha tkun ġiet annullata.

45

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument imqajjem mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li, skont l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2003/86, meta l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni “mhumiex jew m’għadhomx iktar osservati”, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja. Essenzjalment, skont dawn il-gvernijiet, sabiex l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun tista’ tintlaqa’, il-persuna li tkun qiegħda tintalab ir-riunifikazzjoni tagħha għandha neċessarjament tkun minuri kemm fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni kif ukoll fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ din l-applikazzjoni.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-età tal-applikant ma tistax titqies bħala kundizzjoni materjali għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, fis-sens tal-premessa 6 u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86, bħal dawk previsti b’mod partikolari fil-kuntest tal-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kuntrarjament għal dawn tal-aħħar, il-kundizzjoni tal-età tirrappreżenta kundizzjoni għall-ammissibbiltà stess tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, li l-evoluzzjoni tagħha hija ċerta u prevedibbli, u li għalhekk tista’ tiġi evalwata biss fid-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni.

47

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19 kif ukoll għad-domanda fil-Kawża C‑137/19 għandha tkun li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż jew persuna apolida mhux miżżewġa hijiex wild minuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta’ wlied minuri, u mhux dik li fiha tittieħed deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, jekk ikun il-każ wara rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19

48

Permezz tat-tieni domanda fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-benefiċċju ta’ wild minuri jiġi miċħud bħala inammissibbli għas-sempliċi raġuni li l-wild ikun sar maġġorenni matul il-proċedura ġudizzjarja.

49

F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li wild minuri li jkun sar maġġorenni matul il-proċedura ġudizzjarja mibdija kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tiegħu ma għadx għandu interess għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, b’tali mod li r-rikors tiegħu għandu neċessarjament jiġi miċħud mill-qorti kompetenti.

50

Issa, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19 u għad-domanda fil-Kawża C‑137/19, tali premessa hija żbaljata, b’tali mod li, fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, tali applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ma tistax tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li l-wild ikkonċernat ikun sar maġġorenni matul il-proċedura ġudizzjarja.

51

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-Direttiva 2003/86 tipprevedi, fl-Artikolu 5(4) tagħha, terminu ta’ prinċipju ta’ disa’ xhur li fih l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat huma obbligati jinnotifikaw lill-persuna li tkun ippreżentat l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja bid-deċiżjoni li tikkonċernaha, hija ma timponi għall-kuntrarju fuq il-qorti adita b’appell mid-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni ebda terminu sabiex tingħata deċiżjoni.

52

Madankollu, l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-isponsor jew il-membri tal-familja tiegħu jkollhom id-dritt li jikkontestaw tali deċiżjoni quddiem qorti u jobbliga lil dawn l-Istati Membri jistabbilixxu l-proċedura u l-kompetenzi fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

53

Għalkemm din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi għalhekk lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ manuvra, b’mod partikolari sabiex jiddeterminaw ir-regoli dwar it-trattament ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi rrilevat li, minkejja tali marġni ta’ manuvra, l-Istati Membri huma obbligati, fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86, li josservaw l-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxi, favur kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torbarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 55).

54

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimplika li r-rimedji nazzjonali li jippermettu lill-isponsor u lill-membri tal-familja tiegħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jikkontestaw ġudizzjarjament id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu effettivi u reali.

55

Konsegwentement, tali rikors ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli għas-sempliċi raġuni li l-wild ikkonċernat ikun sar maġġorenni matul il-proċedura ġudizzjarja.

56

Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li ġie sostnut minn ċerti Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet, iċ-ċaħda bħala inammissibbli ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tistax tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni, bħal f’dan il-każ, li l-persuni kkonċernati ma għandhomx iktar interess li jiksbu deċiżjoni mill-qorti adita.

57

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal riunifikazzjoni tal-familja tkun ġiet miċħuda jibqa’ jkollu, anki wara li jkun sar maġġorenni, interess li l-qorti adita bir-rikors kontra din iċ-ċaħda tiddeċiedi fuq il-mertu, sa fejn, f’ċerti Stati Membri, tali deċiżjoni ġudizzjarja hija neċessarja sabiex, b’mod partikolari, tippermetti lill-applikant iressaq kawża għad-danni kontra l-Istat Membru inkwistjoni.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19 għandha tkun li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li r-rikors kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minuri jiġi miċħud bħala inammissibbli għas-sempliċi raġuni li l-wild ikun sar maġġorenni matul il-proċedura ġudizzjarja.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż jew persuna apolida mhux miżżewġa hijiex wild minuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta’ wlied minuri, u mhux dik li fiha tittieħed deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, jekk ikun il-każ wara rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni.

 

2)

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li r-rikors kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minuri jiġi miċħud bħala inammissibbli għas-sempliċi raġuni li l-wild ikun sar maġġorenni matul il-proċedura ġudizzjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top