EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0948

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021.
UAB "Manpower Lit" vs E.S. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘impriża pubblika’ u ta’ ‘eżerċizzju ta’ attività ekonomika’ – Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) bħala ‘impriża utenti’, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva – Artikolu 5(1) – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol u ta’ impjieg – Kunċett ta’ ‘l-istess impjieg’ – Regolament (KE) Nru 1922/2006 – Artikolu 335 TFUE – Prinċipju tal-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Artikolu 336 TFUE – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni.
Kawża C-948/19.

;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:624

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑948/19

UAB “Manpower Lit”

vs

E.S.,

M.L.,

M.P.,

V.V.,

R.V.,

parti magħquda:

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema, il-Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol temporanju – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE – Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Impriżi utenti skont l-Artikolu 1(1) u L-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2008/104/KE – Regolament (KE) Nru 1922/2006 – L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi bħala impriża utenti”

1.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ppreżentat mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema, il-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) huwa l-ħames darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 2 ). Dak li huwa ġdid dwar id-direttiva jinsab fil-fatt li l-impriża utenti li l-impjegati temporanji rikorrenti E.S., M.L., M.P., V.V. u R.V. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ( 3 ) kienu assenjati lilha mill-persuna li timpjegahom, UAB Manpower Lit, (iktar ’il quddiem il-“persuna li timpjega konvenuta”) ( 4 ) kienet aġenzija tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi ( 5 ) (iktar ’il quddiem l-“EIGE”).

2.

Ir-rikorrenti jikkontendu li, bi ksur kemm tal-liġi nazzjonali kif ukoll tad-Direttiva 2008/104, huma kienu ġew iddiskriminati mill-persuna li timpjega konvenuta minħabba li, fiċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali, huma tħallsu pagi mill-EIGE li kienu inqas minn dawk li kieku kienu jirċievu kieku kienu rreklutati direttament mill-EIGE taħt il-Kunsill KEE/KEEA: Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 6 ).

3.

Is-sitt domandi magħmula, għalhekk, huma ntiżi li jkun aċċertat jekk, u sa fejn, il-fatt li l-impriża utenti li lilha l-persuna li timpjega konvenuta assenjat lir-rikorrenti kienet aġenzija tal-Unjoni jolqotx l-eżitu tal-kawża prinċipali.

4.

Wasalt għall-konklużjoni li l-istatus tal-EIGE bħala aġenzija tal-Unjoni huwa irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, peress li l-proċess juri li ma l-ebda impatt ċar fuq l-awtonomija amministrattiva tal-EIGE ( 7 ) jekk issir ordni mill-qrati Litwani sabiex il-persuna li timpjega konvenuta tħallas remunerazzjoni bħala arretrati lir-rikorrenti bl-ebda mod, u lanqas ma tali ordni jkun ta’ preġudizzju għar-Regolamenti tal-Persunal ( 8 ). Dan huwa essenzjalment hekk peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda tilwima bejn żewġ partijiet privati li tfisser evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 huwa manifestazzjoni speċifika tiegħu ( 9 ) u li fir-rigward tiegħu l-EIGE għandu biss l-status ta’ terz intervenjent.

5.

Barra minn hekk, l-EIGE jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2008/104 fir-rigward tal-kliem “impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le” skont l-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva, peress li din id-direttiva ma tistax tkun interpretata bħala li teskludi istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

I. Il-kuntest ġuridiku

II. Id-dritt tal-Unjoni

6.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg konklużi taħt programm speċifiku pubbliku jew sostnut b’mezzi pubbliċi ta’ taħriġ vokazzjonali, ta’ integrazzjoni jew ta’ taħriġ mill-ġdid.”

7.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Għan” jipprevedi:

“Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.”

8.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/104, bit-titolu “Definizzjonijiet” jipprevedi kif ġej fil-punti (d) u (f) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(d)

‘impriża utenti’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

[…]

(f)

‘kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg’ tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

(i)

it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

(ii)

il-paga.

2. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ paga, kuntratt ta’ impjieg, relazzjoni ta’ impjieg, jew ħaddiem […]”.

9.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104, bit-titolu “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali” jinsab fil-Kapitolu II li jitratta dwar kundizzjonijiet tax-xogħol. L-Artikolu 5(1) huwa fformulat kif ġej:

“Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

[…]”.

10.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1922/2006 għandu bħala titolu “Għanijiet” u huwa fformulat kif ġej:

“L-għanijiet globali ta’ l-Istitut għandhom ikunu li jikkontribwixxi għal u jsaħħaħ il-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż l-integrazzjoni tas-sessi fil-linji politiċi Komunitarja kollha u l-linji politiċi nazzjonali li joħorġu minnha, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, u li jżid l-għarfien taċ-ċittadini ta’ l-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jipprovdi assistenza teknika lill-istituzzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari lill-Kummissjoni, u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 3.”

11.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1922/2006 għandu bħala titolu “Kompiti” u huwa fformulat kif ġej:

“1.   Biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2, l-Istitut għandu:

(a)

jiġbor, janalizza u jxerred informazzjoni rilevanti, oġġettiva, paragunabbli u affidabbli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi r-riżultati minn riċerka u l-aħjar prattika kkomunikati lilu minn Stati Membri, istituzzjonijiet Komunitarji, ċentri ta’ riċerka, korpi nazzjonali tal-ugwaljanza, organizzazzjonijiet mhux governattivi, imsieħba soċjali, pajjiżi terzi rilevanti u organizzazzjonijiet internazzjonali, u jissuġġerixxi oqsma għal riċerka ulterjuri;

(b)

jiżviluppa metodi biex itejjeb l-oġġettività, il-paragunabilita’ u l-affidabbiltà tad-data f’livell Ewropew billi jistabbilixxi kriterji li jtejbu l-konsistenza ta’ l-informazzjoni u jieħdu kont ta’ kwistjonijiet tas-sessi fil-ġbir tad-data;

(ċ)

jiżviluppa, janalizza, jevalwa u jxerred għodod ta’ metodoloġija sabiex jappoġġa l-integrazzjoni ta’ l-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi fil-politika Komunitarja kollha u l-politika nazzjonali li tirriżulta u jappoġġa l-integrazzjoni tas-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji kollha;

(d)

iwettaq stħarriġ dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

(e)

jistabbilixxi u jikkoordina Network Ewropew dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bl-involviment ta’ ċentri, korpi, organizzazzjonijiet u esperti li jittrattaw l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi sabiex jappoġġa u jinkoraġġixxi r-riċerka, jottimizza l-użu ta’ riżorsi disponibbli u jrawwem l-iskambju u t-tixrid ta’ informazzjoni;

(f)

jorganizza laqgħat ad hoc ta’ esperti biex jappoġġa l-ħidma ta’ riċerka tal-Istitut, jinkoraġġixxi l-iskambju ta’ informazzjoni fost ir-riċerkaturi u jippromwovi l-inklużjoni ta’ perspettiva tas-sessi fir-riċerka tagħhom;

(g)

sabiex iżid l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, jorganizza, ma’ partijiet interessati rilevanti, konferenzi, kampanji u laqgħat f’livell Ewropew, u jippreżenta r-riżultati u l-konklużjonijiet lill-Kummissjoni;

(h)

ixerred informazzjoni rigward eżempji pożittivi ta’ rwoli mhux stereotipiċi għan-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha tas-soċjetà, jippreżenta l-kisbiet u l-inizjattivi tiegħu mfasslin biex jippubbliċizzaw u jibnu fuq tali stejjer ta’ suċċess;

(i)

jiżviluppa djalogu u kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u ta’ opportunitajiet ugwali, universitajiet u esperti, ċentri ta’ riċerka, imsieħba soċjali, u korpi relatati oħrajn li qed jippruvaw b’mod attiv li jiksbu ugwaljanza f’livell nazzjonali u Ewropew;

(j)

jistabbilixxi riżorsi ta’ dokumentazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku;

(k)

jagħmel l-informazzjoni dwar l-integrazzjoni tas-sessi disponibbli għall-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati; u

(l)

jipprovdi informazzjoni lill-Istituzzjonijiet Komunitarji dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi fil-pajjiżi ta’l-adeżjoni u dawk kandidati.

2.   L-Istitut għandu jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu.”

III. Id-dritt Litwan

12.

Il-Lietuvos Respublikos įdarbinimo per laikinojo įdarbinimo įmones įstatymas (il-Liġi dwar l-Impjieg minn Aġenziji ta’ Xogħol Temporanju) fil-verżjoni fis-seħħ mill‑1 ta’ Mejju 2013 sal‑1 ta’ Lulju 2017, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Lietuvos Respublikos Darbo kodeksas (il-Kodiċi tax-Xogħol tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”) il-ġdid, kienet ikkaratterizzata mid-dispożizzjoni li ġejja:

“Artikolu 2. Definizzjonijiet ewlenin użati f’din il-liġi.

[…]

3. ‘Utent’ tfisser il-persuni kollha fiżiċi jew ġuridiċi u l-istrutturi organizzattivi l-oħra kollha li għalihom u taħt il-kontroll u d-direzzjoni tagħhom ħaddiema temporanji jaħdmu b’mod temporanju.”

13.

L-Artikolu 75(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2017 jipprevedi kif ġej:

“Aġenzija ta’ xogħol temporanju għandha tiżgura li r-remunerazzjoni ta’ ħaddiem temporanju għal xogħol magħmul għal impriża utenti tkun mill-inqas daqs ir-rimunerazzjoni li għandha titħallas kieku l-impriża utenti kienet ingaġġat lill-ħaddiem temporanju b’kuntratt ta’ impjieg għall-istess xogħol, ħlief f’każijiet fejn ħaddiema temporanji impjegati b’kuntratti indefiniti ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija jirċievu remunerazzjoni mill-aġenzija ta’ xogħol temporanju bejn assenjazzjonijiet għal xogħol u l-livell ta’ din ir-remunerazzjoni bejn assenjazzjonijiet għal xogħol ikun l-istess bħal dak tar-remunerazzjoni li tingħata matul assenjazzjonijiet għal xogħol. L-impriża utenti għandha ġġorr responsabbiltà sussidjarja sabiex tissodisfa l-obbligu li tħallas lill-ħaddiem temporanju għal xogħol magħmul għall-impriża utenti mill-inqas daqs ir-rimunerazzjoni li jkollha titħallas kieku l-impriża utenti kienet ingaġġat lill-ħaddiem temporanju skont kuntratt ta’ impjieg għall-istess xogħol” ( 10 ).

14.

Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, fid-dawl ta’ ċerti bidliet fil-Kodiċi tax-Xogħol magħmula mil-leġiżlatura tar-Repubblika tal-Litwanja, żdied dan li ġej fl-Artikolu 75(2).

“2.   […] Fil-kuntest ta’ dan l-obbligu, l-impriża utenti għandha, meta tintalab mill-aġenzija ta’ xogħol temporanju, tipprovdi lil din tal-aħħar b’informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni mogħtija lill-impjegati tal-istess impriża utenti fil-kategorija relattiva”.

IV. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

15.

Il-persuna li timpjega konvenuta kienet, fl-2012, offerenti b’suċċess sabiex jingħataw servizzi ta’ membru tal-persunal temporanju lill-EIGE ( 11 ), terza fil-kawża prinċipali. Il-persuna li timpjega konvenuta kkonkludiet kuntratt mal-EIGE, li kien jispeċifika ċ-ċirkustanzi li fihom l-EIGE kien jirrikjedi persunal temporanju, inklużi t-tipi u l-kategoriji tal-profili tal-persunal rikjest u tal-kundizzjonjiet tax-xogħol. L-għanijiet tal-kuntratt kienu: is-sostenn tal-membri tal-persunal statutorju tal-EIGE; it-twettiq, fuq bażi temporanja, kompiti komplementari għal dawk li jinqalgħu b’mod ordinarju u li jirriżultaw minn proġetti speċifiċi; l-immaniġġar ta’ perijodi b’ħafna xogħol għal perijodu ta’ żmien definit; bħala rimedju għal meta ma kienx meta persunal suffiċjenti fl-EIGE fil-każ ta’ assenzi minħabba ċerti raġunijiet speċifiċi. Il-persunal temporanju kellu jkun persunal mhux statutorju tal-EIGE, jiġifieri li ma jkunx skont jew irreklutat taħt ir-Regolamenti tal-Persunal ( 12 ).

16.

Il-persuna li timpjega konvenuta ħabbret kompetizzjonijiet għal impjiegi li kienu jikkorrispondu mar-rekwiżiti tal-persunal tal-EIG, u ppubblikat avviż ta’ taħriġ fis-sit internet tagħha u avviżi ta’ impjieg. Hemmhekk ingħataw fil-qosor id-dettalji dwar f’hiex kien jikkonsisti x-xogħol u l-kwalifiki li kienu rikjesti sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet li kienu keskritti fil-qosor f’dawn l-avviżi ( 13 ).

17.

Ir-rikorrenti kkonkludew kuntratti ta’ xogħol temporanju mal-persuna li timpjega konvenuta, li ftiehmet li tħallashom paga bis-siegħa, li kienet tvarja skont ir-relazzjoni tal-impjieg. Il-pagi bis-siegħa li kellhom jingħataw kienu kif ġej: EUR 5.20 għal assistent fis-servizz ta’ dokumentazzjoni; EUR 5.20 għal assistent fis-servizz tal-komunikazzjoni; EUR 4.34 għal assistent amministrattiv; EUR 5.20 għal assistent fis-servizz tal-persunal ( 14 ).

18.

Annessi li kienu jgħidu li l-EIGE kien l-impriża utenti kienu nthemżu mal-kuntratti ta’ xogħol temporanju. Indikati ukoll fl-annessi kienu l-membri tal-persunal tal-EIGE responsabbli għall-għoti ta’ struzzjonijiet sabiex jitwettaq ix-xogħol miftiehem ( 15 ).

19.

Il-kuntratti kellhom jibqgħu fis-seħħ sat-terminazzjoni tal-impjieg b’ordni tal-impriża utenti l-EIGE. Fl‑1 ta’ Jannar 2019, il-kuntratti tar-rikorrenti kollha kienu ġew itterminati. Minħabba f’hekk, quddiem id-Darbo ginčų komisija (il-“Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali, il-Litwanja”) ir-rikorrenti talbu li huma jirkupraw arretrati ta’ pagi mhux imħallsa.

20.

B’deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2018 il-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali, li bbażat lilha nnifisha fuq id-Direttiva 2008/104 u fuq l-Artikolu 75(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol, sabet li l-konvenuta kienet iddiskriminat kontra r-rikorrenti minħabba li huma kienu tħallsu pagi inqas minn dawk li huma kienu jirċievu kieku kienu ir-reklutati direttament mill-EIGE. Il-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali sabet li l-ħaddiema li kienu rreklutati bil-kuntratti ta’ xogħol temporanju wettqu l-funzjonijiet ta’ membri permanenti tal-persunal tal-EIGE. Il-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali ddeċidiet li r-rikorrenti kellhom jitħallsu remunerazzjoni li kienet tkun taqbel ma’ dik applikabbli għal membri tal-persunal bil-kuntratt tal-EIGE fil-grupp ta’ funzjoni II, grad 4 (kompiti klerikali u segretarjali, tmexxija ta’ uffiċċji u xogħol ekwivalenti ieħor, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali jew membru tal-persunal temporanju) ( 16 ). Hija ordnat li jkun irkuprat il-pagament f’arretrati ta’ remunerazzjoni mingħand il-persuna li timpjega konvenuta għal perijodu ta’ sitt xhur matul l‑2018 ( 17 ).

21.

Il-persuna li timpjega konvenuta appellat, mingħajr suċċess, mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja”), liema qorti ċaħdet l-appell fl‑20 ta’ Frar 2019. Il-persuna li timpjega konvenuta mbagħad appellat quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali, Vilnjus, il-Litwanja). B’digriet tal‑20 ta’ Ġunju 2019, l-appell ġie miċħud.

22.

Il-persuna li timpjega konvenuta ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti ddeċidiet, fit‑30 ta’ Diċembru 2019 li l-kawża prinċipali kienet qajmet kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Hija għamlet id-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni “impriża pubblika” użata fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija? L-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, bħall-EIGE, għandhom jitqiesu li huma “impriżi pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva 2008/104?

(2)

Liema entitajiet (l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, l-impriża utenti, tal-inqas wieħed minnhom, jew saħansitra t-tnejn li huma) huma suġġetti, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, għall-kriterju tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi? L-oqsma ta’ attività u l-funzjonijiet tal-EIGE, kif iddefiniti fl-Artikoli 3 u 4 tar-[Regolament Nru 1922/2006], għandhom jitqiesu li huma attivitajiet ekonomiċi fis-sens stabbilit (miftiehem) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104?

(3)

L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2008/104 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu esklużi mill-applikazzjoni tad-direttiva l-aġenziji pubbliċi u privati ta’ xogħol temporanju jew l-impriżi utenti li ma humiex involuti fir-relazzjonijiet indikati fl-Artikolu 1(3) tad-direttiva u li ma jeżerċitawx l-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-direttiva?

(4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 dwar id-drittijiet ta’ ħaddiema temporanji ta’ aġenziji għal kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni, japplikaw bis-sħiħ għall-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, li huma suġġetti għal dispożizzjonijiet speċjali tad-dritt tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikoli 335 u 336 TFUE?

(5)

Id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (l-Artikolu 75 tal-Kodiċi tax-Xogħol Litwan) li jittrasponi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 applikabbli għall-impriżi kollha li jagħmlu użu minn ħaddiema temporanji (inklużi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni) jikser il-prinċipju ta’ awtonomija amministrattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikoli 335 u 336 TFUE, u r-regoli dwar il-kalkolu u l-ħlas tal-pagi stabbiliti fir-[Regolamenti tal-Persunal]?

(6)

Fid-dawl tal-fatt li l-pożizzjonijiet kollha (funzjonijiet ta’ impjieg) li għalihom ħaddiema jiġu direttament irreklutati mill-EIGE jinkludu kompiti li jistgħu jiġu eżegwiti biss minn ħaddiema suġġetti għar-[Regolamenti tal-Persunal] tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjonijiet rispettivi (funzjonijiet ta’ impjieg) ta’ ħaddiema temporanji ta’ aġenzija jistgħu jitqiesu li huma “l-istess impjieg” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104?”

23.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti, mir-Repubblika tal-Litwanja u mill-Kummissjoni. Ma kienx hemm seduta, iżda mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub saru mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-EIGE u l-Kummissjoni wieġbu.

V. Ġabra tal-osservazzjonijiet bil-miktub

24.

Ir-rikorrenti jisħqu li l-EIGE la huwa parti u lanqas konvenut fil-kawża prinċipali, u bħala tali, l-EIGE lanqas ma huwa responsabbli skont l-Artikolu 75(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol għall-ħlas tal-pagi tar-rikorrenti. Iż-żewġ partijiet huma entitajiet Litwani, u l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2008/104 ma tistax tiddgħajjef mill-istatus internazzjonali tal-EIGE. Li jsir hekk joħloq tensjoni soċjali.

25.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, u l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, entitajiet bi skop mhux għall-profitt ma humiex awtomatikament esklużi milli jsegwu “attivitajiet ekonomiċi” ( 18 ). Anzi, “attività ekonomika” tfisser l-attivitajiet kollha marbuta ma’ operazzjonijiet ekonomiċi, indipendentement mill-interessi li għalihom huma jkunu segwiti. Id-diversi attivitajiet tal-EIGE (pereżempju, l-edukazzjoni, l-informazzjoni, il-ġbir tal-istatistika) għandhom natura ekonomika minħabba li l-eżerċizzju tagħhom jeħtieġ operazzjonijiet ekonomiċi, bħal li jsiru pagamenti. Attivitajiet volontarji biss ma humiex “attivitajiet ekonomiċi”.

26.

Interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/104 li tippermetti aġenziji tal-Unjoni, bħall-EIGE, li jiddiskriminaw kontra ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, minħabba li l-persunal tal-EIGE rreklutat skont ir-Regolamenti tal-Persunal għandu status speċjali li ma jistax jitqabbel ma’ dak ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, tkun kuntrarja għall-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2008/104.

27.

L-assenza fid-dritt Litwan tal-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi” fl-implimentazzjoni tiegħu tad-Direttiva 2008/104 permezz tal-Artikolu 75 tal-Kodiċi tax-Xogħol hija konsistenti mad-dritt tal-Unjoni ( 19 ). Dsatax-il Stat Membru jimplimentaw id-Direttiva 2008/104 bl-istess mod bħal-Litwanja.

28.

Ir-rikorrenti jissottomettu li kien ċar li l-EIGE seta’ rrekluta persunal direttament, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, sabiex iwettaq l-istess xogħol amministrattiv bħal dak li għalih huma kienu rreklutati ( 20 ). L-awtorità għal reklutaġġ dirett testendi minn xogħol manwali bħal dawk imwettqa minn porters u persunal tat-tindif għal kompiti ta’ maniġers ta’ livell għoli. Funzjonijiet imwettqa minn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom jitqabblu ma’ dawk ta’ persunal permanenti tal-EIGE.

29.

Quddiem il-qrati tal-Istat Membru r-rikorrenti ppreżentaw diversi provi (posta elettronika, dikjarazzjonijiet, eċċ.) li huma fil-fatt kienu jeżerċitaw mhux biss funzjonijiet ta’ sostenn, iżda wkoll kompiti li jitwettqu biss minn persunal irreklutat direttament mill-EIGE (pereżempju, ippjanar u ġestjoni tal-baġit). Din hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tkun irrispettata, anki jekk, minn perspettiva legali, il-funzjonijiet tal-persunal permanenti tal-EIGE u r-rikorrenti ma jistgħux jitqabblu.

30.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti jinnotaw li huma kienu impjegati bħala ħaddiema temporanji għal perijodi ta’ bejn 22 u 36 xahar. Il-kuntratti kienu ġew itterminati mill-EIGE wara li r-rikorrenti talbu pagament ta’ pagi. Ir-remunerazzjoni li rċevew ir-rikorrenti kienet tvarja bejn EUR 700 u EUR 800, bejn wieħed u ieħor terz ir-remunerazzjoni tal-persunal tal-EIGE rreklutat direttament u li kien iwettaq funzjonijiet simili.

31.

Ir-Repubblika tal-Litwanja tinnota, fil-kuntest tal-ewwel domanda magħmula, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ ħaddiema temporanji huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax ikun interpretat b’mod ristrett ( 21 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-Direttiva 2008/104 huwa rifless fl-interpretazzjoni wiesgħa li kienet ingħatat lill-kelma “ħaddiem” fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva ( 22 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipproteġu lill-ħaddiema, derogi għandhom ikunu interpretati b’mod li jkun limitat għal dak li jkun strettament meħtieġ sabiex jitħarsu l-interessi li d-deroga tipproteġi ( 23 ).

32.

Fid-dawl ta’ dan kollu, kull esklużjoni ratione personae mill-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 għandha tkun ċara u preċiża ( 24 ). Ir-restrizzjoni ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji fir-rigward ta’ entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, bħall-EIGE, ma tikkorrispondi ma’ ebda waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 dwar projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet permissibbli fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ( 25 ). It-tnaqqis fil-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji ta’ aġenzija abbażi biss li dik l-impriża utenti tkun stabbilita fuq bażi legali differenti minn dik ipprovduta mid-dritt pubbliku ta’ Stat Membru jwassal għal bażi oħra ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata. Diġà huwa stabbilit, fil-prattika, li meta l-istituzzjonijiet u l-aġenziji jirreklutaw ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, huma għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Istat Membru fejn huma jkunu jinsabu ( 26 ).

33.

Ir-Repubblika tal-Litwanja tikkontendi li d-Direttiva 2008/104 timplimenta drittijiet fundamentali kif protetti bl-Artikolu 31 tal-Karta. B’hekk, it-tnejn japplikaw għall-EIGE bħala “impriża utenti”, minħabba l-Artikolu 51(1) tal-Karta. L-istituzzjonijiet għandhom, skont l-obbligu tagħhom ta’ lealtà, jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-pożizzjoni tagħhom ta’ persuni li jimpjegaw, ta’ miżuri legali adottati fil-livell tal-Unjoni ( 27 ).

34.

Dwar it-tieni u t-tielet domanda r-Repubblika tal-Litwanja taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni ( 28 ). L-Istati Membri, bħal-Litwanja, jistgħu jagħżlu kamp ta’ applikazzjoni usa’ tad-Direttiva 2008/104, direttiva ta’ armonizzazzjoni minima, u jestenduha għal impriżi utenti li ma jeżerċitawx attivitajiet ekonomiċi ( 29 ), sabiex b’hekk ma jkunx meħtieġ ikun deċiż jekk l-EIGE teżerċitax attivitajiet ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104.

35.

Dwar ir-raba’ u l-ħames domanda, ir-Repubblika tal-Litwanja tistqarr li, fl-assenza ta’ regola speċifika fir-Regolamenti tal-Persunal, assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija tal-Unjoni bħala “impriża utenti” hija rregolata mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104 u mil-liġi tal-Istat Membru li tkun ittrasponitha (minħabba, b’mod partikolari, l-Artikolu 335 TFUE). Din hija l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, li kellha dubji dwar il-legalità tal-attivitajiet ta’ seba’ aġenziji tal-Unjoni fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-Direttiva 2008/104, inkluż l-EIGE ( 30 ).

36.

Ma hemmx ksur la tal-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lanqas tar-regoli dwar kif tinħadem ir-remunerazzjoni li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal, fl-implimentazzjoni mil-Litwanja tad-Direttiva 2008/104. Kull differenza fit-trattament ta’ istituzzjonijiet, organi u aġenziji tal-Union għandu jkun hemm provvediment għaliha f’regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli direttament.

37.

Dwar is-sitt domanda r-Repubblika tal-Litwanja tinnota li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 huwa espressjoni konkreta tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza ta’ trattament ( 31 ). Il-kliem tal-Artikolu 5(1), “biex jokkupaw l-istess impjieg” jippermetti paragun ipotetiku ta’ ħaddiema. Ma jistax ikun interpretat b’mod strett bħala li jfisser, pereżempju, li x-xogħlijiet inkwistjoni jridu jkunu identiċi, minħabba li, xort’oħra, ikun wisq faċli li wieħed jevadi l-obbligu stabbilit fih. Id-digriet tar-rinviju jgħid li l-EIGE talab għal reklutaġġ ta’ ħaddiema temporanji sabiex isaħħaħ il-persunal statutorju tal-EIGE, sabiex jibda, b’mod partikolari, xogħlijiet komplementari, u sabiex jirrimedja għal li ma hemmx persunal biżżejjed fl-assenza ta’ membri statutorji tal-persunal. Il-qorti tal-ewwel istanza sabet li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntratti tal-impjieg tar-rikorrenti, u l-kompiti li fil-fatt kienu nbdew, il-ħaddiema temporanji kollha jwettqu, parzjalment jew kompletament, il-funzjonijiet ta’ persunal permanenti tal-EIGE. Il-fatt li ħaddiema temporanji jistgħu jimlew il-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali pubbliċi jew aġenti fuq leave tal-mard jew leave parentali jirribatti l-argument li huwa pprojbit li funzjonijiet statutorji jiġu fdati lil dawk barra mir-Regolamenti tal-Persunal.

38.

Il-Kummissjoni targumenta, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni domanda, li kemm l-aġenzija ta’ xogħol temporanju kif ukoll impriżi utenti għandhom jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/14. Din l-interpretazzjoni hija wkoll sostnuta mill-oriġini tagħha ( 32 ).

39.

Madankollu l-Kummissjoni tirrikonoxxi, abbażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, li l-EIGE ma jistax ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha minħabba li huwa impriża pubblika. Iżda l-Kummissjoni tikkontendi li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-EIGE ma huwiex jeżerċita attività ekonomika ( 33 ), prinċipalment minħabba li l-EIGE ma joffrix prodotti jew servizzi f’suq partikolari u ma jikkompetix ma’ dawk li huma offerti minn impriża oħra.

40.

Insegwitu, fir-rigward tat-tielet domanda, il-Kummissjoni tipproponi li tifformulaha kif ġej: “Għandu l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104 ikun interpretat fis-sens li ma jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ Stat Membru li skonthom id-Direttiva 2008/104 tkun tapplika għal aġenziji jew impriżi utenti ta’ xogħol temporanju li ma jeżerċitawx attivitajiet ekonomiċi?” Il-Kummissjoni tipproponi risposta fin-negattiv għal din id-domanda ( 34 ).

41.

Dwar ir-raba’ u l-ħames domanda l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija li l-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 jirrikjedi li r-rikorrenti jkunu ttrattati bl-istess mod bħal impjegati rreklutati direttament mill-EIGE skont il-liġi Litwana, għall-kuntrarju ta’ reklutaġġ permezz ta’ aġenziji ta’ xogħol temporanju, iżda mhux dawk impjegati abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal ( 35 ). L-EIGE ddeċieda li jimpjega ħaddiema temporanji skont il-liġi tal-Istat Membru u din l-għażla hija leġittima skont id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikoli 272 u 335 TFUE. Il-kapaċità hemmhekk irrikonoxxuta li wieħed jidħol f’relazzjonijiet kuntrattwali testendi għal kuntratti ta’ impjieg u ta’ provvista ta’ servizzi ( 36 ). Tali reklutaġġ ikun biss illeġittimu jekk isir sabiex tkun evitata l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ( 37 ), iżda l-istituzzjonijiet għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-mezzi l-iktar adattati għal reklutaġġ. Jippermetti iktar flessibbiltà mill-kundizzjonijiet applikabbli għal ħaddiema fil-kategorija ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt ( 38 ).

42.

Il-Kummissjoni tgħid ukoll li d-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u ma jistgħux fihom u minnhom innifishom jimponu obbligi fuq istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ persunal ( 39 ). Skont l-Artikolu 336 TFUE huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jiddeterminaw ir-regoli applikabbli għal dawn ir-relazzjonijiet, għalhekk huwa biss eċċezzjonalment li direttivi huma applikabbli indirettament ( 40 ), għalkemm direttivi jistgħu jkunu għajn ta’ ispirazzjoni sabiex ikunu stabbiliti l-obbligi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-funzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni ( 41 ), u l-istituzzjonijiet, fil-aġir tagħhom bħal persuni li jimpjegaw, għandhom iqisu regoli leġiżlattivi tal-Unjoni ( 42 ). Dan japplika biss għal uffiċjali pubbliċi u għal aġenti oħra li jaqgħu fil-portata tar-Regolamenti tal-Persunal u b’hekk mhux għar-rikorrenti.

43.

Din hija r-raġuni għaliex is-sitwazzjoni tar-rikorrenti għandha għalhekk titqabbel, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, ma’ dik ta’ persunal irreklutat direttament mill-EIGE skont il-liġi Litwana, u mhux skont dik tal-persunal statutorju tal-Unjoni. Dan il-mod huwa konformi mal-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Persuna li ma tkunx irreklutata minn istituzzjoni tal-Unjoni iżda minn persuna ġuridika skont il-liġi ta’ Stat Membrum bħal aġenzija ta’ xogħol temporanju, ma tistax titqies li ġiet irreklutata minn ekwivalenti ta’ awtorità amministrattiva u ma tistax tikseb l-istatus ta’ uffiċjal tal-Unjoni ( 43 ). Interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/104 li skontha membri tal-persunal temporanju kienu effettivament tqiesu l-istess bħal membri tal-persunal bil-kuntratt iġġib riskju ta’ ksur tal-awtonomija tal-Unjoni ( 44 ) u toħloq diffikultajiet prattiċi li ma jkunux jistgħu jintgħelbu ( 45 ). Il-Kummissjoni tistaqsi jekk għandux japplika l-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta’ l-Unjoni ( 46 ).

44.

Dwar is-sitt domanda l-Kummissjoni tissottometti li l-qorti tal-Istat Membru għandha tivverifika jekk ir-rikorrenti wettqux xogħlijiet amministrattivi, jew pjuttost xogħlijiet b’rabta mal-“attivitajiet prinċipali” u kompiti tal-EIGE skont ir-regolament tat-twaqqif tiegħu, sabiex jiġi vverifikat jekk l-għan kienx li tkun evitata l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, l-EIGE ma qabiżx il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu meta rrekluta ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija skont il-liġi Litwana. Għajnuna amministrattiva ma għandhiex titqies bħala kompitu li għandu jitwettaq mill-EIGE stess ( 47 ). Il-qorti tar-rinviju ma hijiex kompetenti tikkwalifika mill-ġdid il-kuntratti inkwistjoni bħala kuntratti rregolati mill-CEOS, minħabba li r-rikorrenti ma kinux ikkonkludew il-kuntratti tagħhom mal-EIGE, iżda mal-persuna li timpjega konvenuta (aġenzija ta’ xogħol temporanju), u minħabba li fil-kawża prinċipali l-EIGE huwa terz.

VI. Analiżi

VII. Formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi magħmula

45.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, li tipprevedi kooperazzjoni bejn qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tipprovdi lill-qorti nazzjonali b’risposta li tkun utli għaliha u li biha hija tkun tista’ taqta’ l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha ( 48 ).

46.

F’din il-kawża huwa ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi jekk aġenzija tal-Unjoni, bħall-EIGE, hijiex skont il-kunċett ta’ “impriża utenti” skont id-Direttiva 2008/104; jekk fl-affermattiv, jekk l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Litwanja tat-terminu “impriża utenti” sabiex jinkludi impriżi li ma jeżerċitawx attivitajiet ekonomiċi, tfissirx li l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lil tali impriżi hijiex regolata mid-Direttiva 2008/104; jekk fin-negattiv, jekk l-EIGE huwiex bħal “impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le” skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104; u jekk fl-affermattiv, jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 dwar ugwaljanza ta’ trattament għall-EIGE fil-kapaċità tiegħu ta’ “impriża utenti”, u fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ partijiet privati li fiha l-EIGE huwa intervenjent terz, tkunx ta’ preġudizzju għall-awtonomija amministrattiva tal-EIGE ( 49 ) u għar-Regolamenti tal-Persunal.

47.

Għalhekk nissuġġerixxi li nifformula mill-ġdid is-sitt domandi magħmula fl-erba’ domandi li ġejjin.

(1)

Huma “impriżi utenti” skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2008/104, aġenziji tal-Unjoni Ewropea bħall-EIGE?

(2)

Id-Direttiva 2008/104 għandha tkun interpretata bħala li tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 għal assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lil impriżi utenti li ma jeżerċitawx attivitajiet ekonomiċi?

(3)

Għandhom l-oqsma ta’ attività u l-funzjonijiet tal-EIGE, kif iddefiniti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1922/2006 jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104?

(4)

Meta l-qrati ta’ Stati Membri kkonċernati kkonstataw li l-funzjonijiet kollha tal-pożizzjonijiet u tal-impjieg imwettqa minn ħaddiem temporanji permezz ta’ aġenziji jinkludu kompiti li jitwettqu esklużivament minn ħaddiema impjegati skont ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jistgħu l-funzjonijiet ta’ pożizzjonijiet u impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jitqiesu bħala li huma “l-istess impjieg[i]” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, jew li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 hija inkonsistenti mal-awtonomija amministrattiva tal-EIGE u/jew mar-Regolamenti tal-Persunal? ( 50 )

VIII. Risposti għad-domandi kif ifformulati mill-ġdid

IX. Ir-risposta għall-ewwel domanda

48.

Ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv. Aġenziji tal-Unjoni, bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, huma “impriżi utenti” skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(d) tiegħu.

49.

Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew, hija “impriża utenti” għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, għalkemm mingħajr ma elaborat dwar ir-raġunament tagħha ( 51 ). Dan kien x’aktarx konsegwenza loġika tal-fatt li, ferm qabel ma nħarġet id-Direttiva 2008/104, istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu jirrikorru għal aġenziji ta’ xogħol temporanju sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ persunal temporanju permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg irregolati mid-dritt nazzjonali ta’ fejn tkun tinsab l-istituzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni ( 52 ).

50.

Minbarra dan, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda fl-2006 li l-fatt li kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat kien ġie konkluż ma’ korp regolat mid-dritt internazzjonali pubbliku ma kienx, bħala tali, biżżejjed sabiex jipprekludi r-rilevanza tat-tilwima dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/70 u għal Ftehim Qafas abbinat magħha ( 53 ). Fid-dawl ta’ dan, naqbel mal-argumenti magħmula mir-Repubblika tal-Litwanja (ara l-punt 30 iktar ’il fuq) jiġifieri li jrid ikun hemm kliem ċar sabiex jitneħħew istituzzjonijiet tal-Unjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 13 TUE jew aġenziji tal-Unjoni ( 54 ) mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104.

51.

Formulazzjoni ċara bħal din ma tidhirx fid-Direttiva 2008/104. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2008/104 jiddefinixxi “impriża utenti” b’mod wiesa’ bħala li tfisser “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha” (enfasi tiegħi); filwaqt li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1922/2006 jgħid li “L-Istitut għandu jkollu personalità ġuridika. Huwa għandu jgawdi, f’kull wieħed mill-Istati Membri, mill-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. B’mod partikolari, huwa jkun jista’ jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jista’ jkun parti fi proċedimenti legali.” Għalhekk, analiżi kontestwali, li tinterpreta l-Artikolu 3(1)(d) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/104 fid-dawl tar-Regolament Nru 1922/2006, tindika bl-istess mod li aġenzija bħall-EIGE tkun inkluża fil-parametri ta’ “impriża utenti” għall-finijiet tad-Direttiva 2008/104 ( 55 ).

52.

Fil-fatt, l-uniċi limitazzjonijiet testwali għat-terminu “impriża utenti” jidhru fl-Artikolu 1(2), li jżid il-kliem “impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le” (ara wkoll iktar ’il quddiem il-punti 64 sa 71). L-ebda waħda mid-derogi għad-Direttiva 2008/104 ma hija relatata b’xi mod speċjali jew speċifiku ma’ aġenziji tal-Unjoni, peress li dawn id-derogi fl-Artikolu 1(3) huma dwar “kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg konklużi taħt programm speċifiku pubbliku jew sostnut b’mezzi pubbliċi ta’ taħriġ vokazzjonali, ta’ integrazzjoni jew ta’ taħriġ mill-ġdid”, u l-Artikolu 4(1) dwar “raġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu prevenuti l-abbużi”. Ma hemm l-ebda riferiment għall-aġenziji tal-Unjoni fl-Artikolu 5(2) u (4) tad-Direttiva 2008/104 li jikkonċernaw limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

53.

Il-miri u l-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 lanqas ma jsostnu li aġenziji tal-Unjoni jkunu esklużi mill-kunċett ta’ “impriżi utenti”. L-għanijiet doppji tad-direttiva huma li jkunu żviluppati forom flessibbli ta’ xogħol, filwaqt li jinkiseb livell ogħla ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali warajhom. Dik il-leġiżlazzjoni soċjali hija intiża sabiex jinkiseb bilanċ bejn flessibbiltà u sigurtà fis-suq tal-impjiegi, u din issejħet “flessigurtà” ( 56 ). It-test tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/104 essenzjalment jindirizza erba’ għanijiet: il-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, il-garanzija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-ħolqien ta’ impjiegi u l-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ kif isir ix-xogħol. B’hekk id-direttiva għandha l-għan li tistimula aċċess lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għal impjieg permanenti permezz tal-impriża utenti ( 57 ). Il-ħolqien ta’ impjiegi u parteċipazzjoni u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol huma għanijiet ewlenin ( 58 ). Mill-proċess tal-qorti ma jidhirx li hemm inkonsistenza bejn dawn l-għanijiet u impjiegi offruti minn aġenziji tal-Unjoni. L-EIGE huwa protagonista attiv fis-suq tal-impjiegi Litwan, u l-oriġini tal-Artikolu 1(2) lanqas ma jissuġġerixxu l-esklużjoni ta’ aġenziji bħall-EIGE mill-portata tiegħu ( 59 ).

54.

It-terminu “impriżi utenti għad irid jiġi kkunsidrat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 60 ), huwa għandu jkun interpretat b’mod wiesa’, sabiex ma jippreġudikax il-ksib tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/104, u, b’hekk, tiddgħajjef l-effikaċja tagħha, billi jkun ristrett b’mod mhux ordinat u mhux ġustifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dan huwa hekk minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni dwar it-tifsira ta’ “ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija” skont l-Artikolu 3(1)(ċ) u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104 ( 61 ). Ma hemmx raġuni għaliex ma jiġix applikat dan l-imperattiv għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104 li jirrikjedu interpretazzjoni fil-kawża prinċipali.

X. Ir-risposta għat-tieni domanda

55.

Ir-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv. Id-Direttiva 2008/104 għandha tkun interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 għal assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz aġenzija lil impriżi utenti li ma jeżerċitawx attivitajiet ekonomiċi.

56.

Għandu jiġi ammess li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet bħala talbiet ammissibbli għal deċiżjoni preliminari fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meta l-fatti fil-kawża jkunu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda meta dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkunu ġew reżi applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment magħmul minn dan tal-aħħar għall-kontenut ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni ( 62 ). Dan kien jinkludi sitwazzjonijiet li fihom sitwazzjoni nazzjonali ssegwi l-istess metodu, minħabba leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif previst mid-dritt tal-Unjoni, u dan jinkludi sitwazzjonijiet purament interni ( 63 ). Kif l-Avukat Ġenerali Bobek osserva dan l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tirregola sitwazzjonijiet ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura kkonċernata tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati f’dik il-miżura, dan ikun b’mod ċar fl-interess tal-Unjoni li, sabiex ma tħallix ikun hemm diverġenzi ta’ interpretazzjoni fil-ġejjieni, dispożizzjonijiet meħuda minn dik il-miżura għandhom ikunu interpretati b’mod uniformi ( 64 ).

57.

Madankollu, kuntrarju għall-pożizzjoni meħuda mir-Repubblika tal-Litwanja u mill-Kummissjoni (ara l-punti 34 u 40 iktar ’il fuq, rispettivament) hemm mill-inqas erba’ ostakoli għall-applikazzjoni ta’ dik li hija magħrufa bħala l-linja Dzodzi ta’ ġurisprudenza, li fiha kien stabbilit dan il-prinċipju ( 65 ).

58.

Fl-ewwel lok, tema dominanti fil-ġurisprudenza hija l-identifikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi ta’ Stat Membru li “b’mod dirett u inkondizzjonat tapplika l-miżura tal-Unjoni għal kuntest mhux previst minn dik il-miżura” ( 66 ). Ebda dispożizzjoni bħal din ifformulata b’mod ċar ma tidher fil-proċess tal-qorti, u li l-kliem “impenjati f’attivitajiet ekonomiċi” tal-Artikolu 75(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li sempliċement tħalla barra, ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit ( 67 ).

59.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sentenza Dzodzi ma tistax tapplika għal sitwazzjonijiet li dwarhom id-direttiva inkwistjoni tipprevedi li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 68 ). L-ispeċifikazzjoni “impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le” tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104 tkun titlef it-tifsira tagħha jekk il-liġijiet stabbiliti mid-Direttiva 2008/104 kellhom ikunu estiżi għall-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lil impriżi utenti li ma jeżerċitawx attivitajiet ekonomiċi.

60.

Fit-tielet lok, eżaminata l-ġurisprudenza iktar fil-wisa’, u sabiex ikun adottat mill-ġdid ir-raġunament tal-Avukat Ġenerali Bobek, dak li huwa ċentrali huwa jekk id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ntalbet l-interpretazzjoni tagħha kinitx intużat mil-leġiżlatur f’kuntest li kien wisq lil hinn wisq minn dak oriġinali ( 69 ). Il-kuntest oriġinali huwa limitat għal impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi, għalkemm wieħed li huwa ristrett bl-ispeċifikazzjoni, fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, “kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le” ( 70 ). L-applikazzjoni tad-Direttiv 2008/104 lil hinn dawn il-parametri testendiha għal kuntest remot u indefinit, b’kuntradizzjoni diretta mal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) ta; dik id-direttiva.

61.

Fir-raba’ lok, għandu jkun innotat li d-Direttiva 2008/104 jistabbilixxi qafas protettiv ( 71 ) sabiex titjieb il-protezzjoni minima ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ( 72 ) fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg tagħhom ( 73 ). L-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ direttivi ta’ armonizzazzjoni minima, sa fejn Stat Membru jagħżel li jeżerċita diskrezzjoni sabiex imur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tagħhom ( 74 ), huwa ma jkunx qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 75 ). Bl-istess mod, għalhekk, id-Direttiva 2008/104 ma tistax tkun rilevanti għall-interpretazzjoni tal-liġi Litwana fir-rigward ta’ impriżi li ma jkunux impenjati f’attivitajiet ekonomiċi fit-tifsira tal-Artikolu 1(2) ta’ dik id-direttiva, u li lilhom jkunu ġew assenjati ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija ( 76 ). Dan japplika għad-dsatax-il Stat Membru kollha li implimentaw id-Direttiva 2008/104 bl-istess mod bħal-Litwanja (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

XI. Risposta għat-tielet domanda

62.

Ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv. L-oqsma ta’ attività u funzjonijiet tal-EIGE, kif iddefiniti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1922/2006, għandhom jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104.

63.

Dan huwa hekk għar-raġunijiet li ġejjin.

64.

L-ewwel, fil-kuntest ta’ miżura oħra ta’ politika soċjali tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 77 ), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod strett iċ-ċirkustanzi li fihom impriżi pubbliċi huma preklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għax ma jkunux jeżerċitaw “attivitajiet ekonomiċi”, u ddeċidiet li tali ċirkustanzi huma limitati għal “riorganizzazzjoni tal-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi” ( 78 ). Il-fatt li l-EIGI huwa awtorità pubblika fih innifsu ma jżommx lill-EIGE milli jaqa’ fil-parametri tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104 bħala “impriża utenti” ( 79 ). Kif wieħed jista’ jara mid-diskussjoni iktar ’il quddiem fil-punti 67 u 68, dwar il-kompiti ta’ EIGE u l-oqsma tal-attività tiegħu (ara, rispettivament, l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1922/2006), flimkien mal-għanijiet tiegħu (Artikolu 2), l-EIGE ma jistax jitqies li qed jeżerċita attivitajiet li huma tal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi ( 80 ).

65.

It-tieni, l-oriġini tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104 isostnu interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-direttiva sabiex tkun evitata kompetizzjoni inġusta ( 81 ), kif tagħmel il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja; il-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi” itendi li jiġi interpretat b’mod wiesa’ ( 82 ), indipendentement mis-settur ta’ kompetenza tal-Unjoni li fih tinqala l-kwistjoni ( 83 ). Wieħed għandu jiftakar dan fl-applikazzjoni għall-kawża prinċipali tat-tifsira mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kliem “attivitajiet ekonomiċi” tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsraat der Ruhrlandklinik GmbH ( 84 ). Konsegwentement, id-domanda li għandha tingħata risposta għaliha hija jekk l-EIGE jeżerċitax xi attività li tikkonsisti f’offerti ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari ( 85 ).

66.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnutat li skont l-Artikolu 14(3)(b) tar-Regolament Nru 1922/2006, id-dħul tal-istitut għandu jinkludi “ħlasijiet riċevuti għal servizzi mogħtijin”, sabiex, kif ipprevediet il-leġiżlatura tal-Unjoni, l-EIGE ikun qiegħed jaġixxi bħala parteċipant fis-suq, anki jekk sal-lum, u kif jingħad mill-EIGE fir-risposta tiegħu lill-qorti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kien iffinanzjat esklużivament mill-Kummissjoni.

67.

Iktar minn hekk, l-għanijiet tar-Regolament Nru 1922/2006 kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tiegħu jippermettu l-identifikazzjoni ta’ firxa ta’ swieq miftuħa għall-provvista ta’ prodotti jew servizzi; li tkun influwenzata l-politika nazzjonali jew tal-Unjoni huwa qasam klassiku ta’ attività ta’ lobbisti kummerċjali; l-għoti ta’ għajnuna teknika lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ma huwiex monopolju tal-EIGE mal-Ewropa kollha; ukoll ma jingħad xejn fir-Regolament Nru 1922/2006 dwar għajnuna sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi integrata fil-politika tal-Unjoni u fil-politika nazzjonali tkun il-qasam esklużiv tal-EIGE, u titwettaq minn firxa wiesgħa ta’ atturi.

68.

Eżempji ta’ attivitajiet li jikkonsistu f’offerti ta’ prodotti u servizzi u li jinvolvu lil impriżi kummerċjali huma inklużi fost il-kompiti tal-EIGE kif elenkati fl-Artikolu 3. Eżempji prominenti huma: it-tixrid ta’ data u informazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi lil, b’mod partikolari, ċentri ta’ riċerka u korpi nazzjonali tal-ugwaljanza, organizzazzjonijiet mhux governattivi u msieħba soċjali (Artikolu 3(1)(a)); it-tixrid ta’ għodod ta’ metodoloġija lil istituzzjonijiet tal-Unjoni u awtoritajiet governattivi tal-Istati Membri (Artikolu 3(1)(ċ)); li jsir stħarriġ dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi (Artikolu 3(1)(d)); l-organizzazzjoni ta’ konferenzi (Artikolu 3(1)(ġ)); u l-iżvilupp ta’ djalogu ma’ firxa ta’ korpi (Artikolu 3(1)(i)). Attivitajiet ta’ entitajiet oħra huma rrikonoxxuti fl-Artikolu 4(3), fosthom “istituzzjonijiet oħrajn, korpi u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali kompetenti”.

69.

Nirrikonoxxi li l-EIGE qal fir-risposta tiegħu għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li x-xogħol ewlieni tiegħu huwa l-ġbir ta’ data u l-analiżi u t-tixrid ta’ data, u li dan huwa l-unika għajn ta’ data li tista’ titqabbel bejn irġiel u nisa kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali. Madankollu, il-leġiżlazzjoni miġbura fil-qosor iktar ’il fuq turi li dan mhux l-unika attività tiegħu.

70.

Fl-aħħar, għalkemm il-proċess jindika anki meta l-attivitajiet kollha tal-EIGE huma ffinanzjati minn riżorsi tal-Unjoni, pjuttost milli minn dħul għal servizzi mogħtija skont l-Artikolu 14(3)(b) tar-Regolament Nru 1922/2006, dan ma jżommx milli jkun ikkonstatat li l-EIGE jeżerċita “attivitajiet ekonomiċi”. Dan huwa hekk minħabba li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104 jagħmilha irrelevanti jekk l-impriża utenti tkunx topera għal qligħ ( 86 ). Skont ġurisprudenza żviluppata abbażi tad-Direttiva 2001/23, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li servizzi li, mingħajr ma jkunu ta’ eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi, jitwettqu fl-interess pubbliku u mingħajr motiv ta’ qligħ u jkunu f’kompetizzjoni ma’ dawk offruti minn operaturi li jfittxu motiv ta’ qligħ, huma kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi ( 87 ). B’hekk, kuntrarjament għall-argumenti magħmula mill-EIGE u mill-Kummissjoni fir-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub, huwa irrilevanti jekk l-EIGE jsegwix għanijiet kompetittivi jew le meta jwettaq l-attivitajiet tiegħu; li jimporta huwa li jkun hemm servizzi li jikkompetu ma’ impriżi oħra fis-swieq rilevanti li jagħmlu dan. Lanqas li l-kompiti tal-EIGE huma stipulati bħala li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni (Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1922/2006) ma jnaqqas milli l-EIGE jeżerċita “attivitajiet ekonomiċi”, tant hija wiesgħa l-kompetenza tal-Unjoni fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, li l-promozzjoni tagħha hija fl-interess pubbliku.

71.

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 hija ġġustifikata sabiex ma jkunx ippreġudikat il-ksib tal-għan tad-direttiva u tkun mhedda l-effikaċja tagħha (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

XII. Ir-risposta għar-raba’ domanda

72.

Ir-risposta għar-raba’ domanda hija fl-affermattiv. Meta l-qrati tal-Istati Membri kkonċernati qiesu li l-funzjonijiet kollha tal-pożizzjonijiet u tal-impjiegi mwettqa minn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jinkludu kompiti li jistgħu jitwettqu esklużivament minn ħaddiema impjegati skont ir-Regolamenti tal-Persunal, il-funzjonijiet rispettivi ta’ pożizzjonijiet u impjiegi ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala li jkunu ta’ “l-istess impjieg[i]” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104. Dan huwa konsistenti mal-awtonomija amministrattiva tal-EIGE ( 88 ) u mar-Regolamenti tal-Persunal.

73.

Dan huwa hekk għar-raġunijiet li ġejjin.

74.

L-ewwel, il-parti responsabbli għall-ksur tal-obbligu ta’ ugwaljanza ta’ trattament previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 hija l-persuna li timpjega konvenuta. Kif innotat mir-rikorrenti (punt 24 iktar ’il fuq), il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) sabiex ikunu ddeterminati r-responsabbiltajiet skont id-dritt Litwan tal-persuna li timpjega konvenuta fil-konfront tar-rikorrenti, u mhux tal-EIGE. B’hekk, sa ċertu punt, id-diskussjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub dwar sa fejn japplikaw obbligi li jinsabu fid-direttivi tal-Unjoni għal istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jaġixxu fil-kapaċità ta’ persuna li timpjega hija superfluwa ( 89 ) minħabba li dawk id-deċiżjonijiet kollha jikkonċernaw azzjonijiet mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali li quddiemha l-istituzzjoni kienet il-konvenuta f’ilmenti mressqa minn uffiċjali tagħha ( 90 ). Dawk id-deċiżjonijiet jikkonċernaw l-impatt ta’ direttivi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward “tal-persunal tagħhom” ( 91 ).

75.

It-tieni, ma hemm ebda kwistjoni dwar preġudizzju, la għal awtonomija tal-EIGE, u lanqas għar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li r-rikorrenti qegħdin jitolbu biss, u mingħand il-konvenuta pjuttost milli mingħand l-EIGE, pagament ta’ arretrati ta’ remunerazzjoni li jallegaw li huma dovuti lilhom, pjuttost milli l-bdil tal-kuntratti tax-xogħol temporanju tagħhom għal kuntratti permanenti. Ma hemmx kwistjoni, għalhekk, li l-qrati Litwani kienu taw lir-rikorrenti l-istatus ta’ uffiċjal jew ta’ aġent ieħor tal-Unjoni bi ksur tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 92 ). Kuntrarju għall-argumenti magħmula mill-Kummissjoni, il-kawża prinċipali tista’, għalhekk, tintgħażel mis-sentenza fil-kawża Tordeur ( 93 ), li l-Kummissjoni straħet fuqha fir-risposta tagħha għal domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija f’dik il-kawża fittex li jistrieħ, b’talba għal deċiżjoni preliminari, fuq dispożizzjoni ta’ liġi Belġjana li kienet tirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea tibdel kuntratt għal żmien determinat għal kuntratt għal żmien indeterminat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“Huwa minnu li ħaddiem temporanju ma jistax jiġi miċħud protezzjoni soċjali biss minħabba li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja. Madankollu, tali protezzjoni ma tistax tingħata b’mezzi li jinvadu l-awtonomija tal-istituzzjonijiet Komunitarji f’dan il-qasam […]; ma huwiex possibbli jinħoloq kuntratt ta’ impjieg […] għal żmien indeterminat bħala riżultat mhux ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti stabbilita, iżda għall-fatt, anki meta dan ikun sostnut b’deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, li ma jkunux ġew osservati ċerti dispożizzjonijiet statutorji tal-Istat Membru fejn tinsab l-istituzzjoni b’rabta max-xogħol temporanju.” ( 94 )

76.

Ma hemm ebda suġġeriment fil-proċess tal-qorti dwar xi ħadd għajr il-persuna li timpjega konvenuta responsabbli għall-pagament mitlub mir-rikorrenti, jew għall-obbligu, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, għall-“kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija” għandhom ikunu “għat-tul ta’ żmien tal-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, tal-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.” ( 95 )

77.

Għandu jkun ammess li “paga” skont id-Direttiva 2008/104 ma hijiex iddefinita f’dik id-dispożizzjoni ( 96 ) u li hemm dispożizzjonijiet oħra ta’ dik id-direttiva li probabbilment jistgħu jiksru l-awtonomija tal-EIGE, bħall-Artikolu 10 li jippermetti li l-Istati Membri jimponu penalitajiet fuq impriżi utenti. Madankollu, dan ikun jiddependi min-natura tal-penali u taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ partikolari. I-kawża prinċipali, għall-kuntrarju, hija limitata għal kundizzjonijiet tax-xogħol u limpjieg dwar “paga” skont l-Artikolu 3(f)(ii) u dwar kif il-kondizzjonijiet jiġu kkalkolati ‘ta’ l-inqas dawk [il-kundizzjonijiet tal-paga] li jkunu japplikaw’ kieku r-rikorrenti kienu rreklutati direttament” kif previst fl-Artikolu 5(1). Ir-riferiment tal-qrati Litwani għall-Artikolu 80 tal-CEOS hija loġika, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula, u ma naqbilx mal-argumenti tal-Kummissjoni li bihom uriet li dan joħloq diffikultajiet li ma jistgħux jintgħelbu (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 iktar ’il fuq).

78.

L-EIGE u l-Kummissjoni jissottomettu li “[i]rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 jixirqilha titqabbel bejn ħaddiema temporanji rreklutati direttament mill-EIGE għal xogħol temporanju skont il-liġi Litwana, pjuttost milli permezz ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju, filwaqt li kemm ir-rikorrenti, kif ukoll ir-Repubblika tal-Litwanja jissottomettu li l-eżerċizzju komparattiv għandu, minflok, ikun jikkonsisti f’li r-reklutaġġ jitqies skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

79.

It-tnejn ma jirriflettux stampa sħiħa tal-eżerċizzju rikjest. Għandu jitfakkar li l-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 […] [jirrikjedi li] matul il-perijodu tal-assenjazzjoni tagħhom ma’ impriża utenti, il-kundizzjonijiet essenzjali tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji għandhom, mill-inqas, jikkorrispondu għal dawk li jkunu applikabbli għalihom li kieku jiġu rreklutati direttament mill-imsemmija impriża sabiex jokkupaw l-istess pożizzjoni ( 97 )”.

80.

Kif spjegat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) u dawk tar-Repubblika tal-Litwanja (nota ta’ qiegħ il-paġna 37 iktar ’il fuq) dak li jirrikjedi l-Artikolu 5(1) huwa investigazzjoni ta’ fatti forensiċi ( 98 ). Ir-rikorrenti wettqu, fil-fatt, funzjonijiet fl-impjiegi li huma jokkupaw, li huma dawk ta’ impjegat li, jirċievi remunerazzjoni ogħla minn dik imħallsa skont kuntratt ta’ xogħol temporanju? Il-kuntratti ta’ impjieg u r-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ għajnuna iktar bħala prova milli bħala normi legali sabiex jitwettaq dan l-eżerċizzju. Mid-digriet tar-rinviju jidher li dan l-eżerċizzju forensiku kien sar mill-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). Ladarba kien aċċertat, abbażi ta’ provi, preċiżament liema funzjonijiet u attivitajiet kienu twettqu mill-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, inkluża analiżi ta’ dak li nftiehem, il-Kummissjoni dwar Tilwim Industrijali tat ir-remunerazzjoni prevista għas-sottofunzjoni grupp II, grad 4, skont l-Artikolu 80 ta’ KIAO, u jitħallsu mill-persuna li timpjega konvenuta.

81.

It-tieni, kif ġà nnotat, restrizzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament, wieħed mill-elementi fundamentali tad-Direttiva 2008/104, hija permessa biss “f’ċerti ċirkostanzi limitati” ( 99 ). Dawn huma stabbiliti fl-Artikolu 5(2) sa (4) tad-Direttiva 2008/104. Ma jinqalgħux fil-kawża prinċipali.

82.

Fl-aħħar, tista’ ssir id-domanda dwar x’għandu jsir jekk l-EIGE jkun eċċeda d-diskrezzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1922/2006 li “jidħol f’relazzjonijiet kuntrattwali, b’mod partikolari arranġamenti ta’ sottokuntratti, ma’ organizzazzjonijiet oħrajn, sabiex jitwettaq kwalunkwe kompitu li jista’ jafdalhom” ( 100 ) jew aġixxa b’mod li huwa inkonsistenti mar-Regolamenti tal-Persunal li huma vinkolanti fuq l-EIGE bis-saħħa tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1922/2006? ( 101 ).

83.

Hija ġurisprudenza stabbilita li “ix-xogħol temporanju huwa kkaratterizzat minn relazzjoni trijangulari bejn il-ħaddiem, kumpannija esterna u l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li timplika l-iffirmar ta’ żewġ kuntratti: l-ewwel kuntratt bejn il-kumpannija tax-xogħol temporanju u l-korp tal-Unjoni u t-tieni kuntratt bejn il-ħaddiem temporanju u l-kumpannija tax-xogħol temporanju […]. [D]in ir-relazzjoni hija kkaratterizzata mill-preżenza ta’ kumpannija privata intermedjarja li tagħmel profitt billi tpoġġi ħaddiem għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew billi tassenjah għat-twettiq ta’ dmirijiet speċifiċi fi ħdanha jew għan-nom tagħha. Huwa l-intervent ta’ dawn il-kumpanniji esterni bħala intermedjarji li ma jippermettux li jiġi konkluż li teżisti rabta ġuridika diretta bejn il-persuna kkonċernata u l-korp tal-Unjoni.” ( 102 )

84.

Relazzjoni trijangulari, għalhekk, tiġġustifika soluzzjoni trijangulari. Hija l-persuna li timpjega konvenuta li għandha tressaq proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni, pjuttost milli r-rikorrenti, sabiex titlob li tieħu lura mingħand l-EIGE l-arretrati ordnati minn qorti Litwana jekk, bħala materja ta’ dritt tal-Unjoni, huma jridu jikkontendu li l-EIGE eċċeda s-setgħat tiegħu fir-rigward tan-natura tax-xogħol li huwa fil-fatt assenja lir-rikorrenti sabiex jagħmluh. Kif issottomettiet ir-Repubblika tal-Litwanja (punt 35 iktar ’il fuq), din is-soluzzjoni hija konsistenti mal-assenza ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

85.

Nasal għal din il-konklużjoni fid-dawl tad-dritt tar-rikorrenti għal aċċess għal qorti u għal rimedju effettiv skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 103 ), meqjusa d-diffikultajiet li huma jkollhom jiltaqgħu magħhom sabiex jiksbu locus standi quddiem il-Qorti Ġenerali, minħabba l-assenza ta’ kuntratt mal-EIGE ( 104 ).

XIII. Konklużjoni

86.

Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għad-domanda magħmula mill-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema, il-Litwanja).

1.

Aġenziji tal-Unjoni Ewropea, bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, huma “impriżi utenti” skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2008/104.

2.

Id-Direttiva 2008/104 għandha tkun interpretata bħala li tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 għal assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lil impriżi utenti li ma jeżerċitawx attivitajiet ekonomiċi.

3.

L-oqsma ta’ attività u funzjonijiet tal-EIGE, kif iddefiniti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, għandhom jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104.

4.

Meta l-qrati tal-Istat Membru kkonċernat ikkonstataw li l-funzjonijiet kollha tal-pożizzjonijiet u tal-impjiegi mwettqa minn ħaddiema temporanji permess ta’ aġenzija jinkludu kompiti li jistgħu jitwettqu esklużivament minn ħaddiema impjegati skont ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-funzjonijiet tal-pożizzjonijiet u l-impjiegi rispettivi ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala li jkunu “l-istess impjieg[i]” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104. Dan huwa konsistenti mal-awtonomija amministrattiva tal-EIGE u tar-Regolamenti tal-Persunal.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2008, L 327, p. 9. Ara s-sentenzi preċedenti tal‑11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235); tas‑17 ta’ Marzu 2015, AKT (C‑533/13, EU:C:2015:173); tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883) u tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest tax-xogħol temporanju) (C‑681/18, EU:C:2020:823), u tat‑3 ta’ Ġunju 2021, TEAM POWER (C‑784/19, EU:C:2021:427). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Diċembru 2016, IPSO vs BĊE (T‑713/14, EU:T:2016:727).

( 3 ) E.S., M.L., M.P., V.V. u R.V. jissejħu “il-konvenuti appellati” fil-proċess tal-qorti. Peress li huma kienu r-rikorrenti fil-proċeduri tal-ewwel istanza quddiem il-qrati Litwani, huma qegħdin jissejħu hekk f’dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) UAB Manpower Lit tissejjaħ fil-proċess bħala “l-appellanti”. Peress li UAB Manpower Lit kienet il-konvenuta fil-proċeduri tal-ewwel istanza quddiem il-qrati Litwani, hija qiegħda tissejjaħ bħal l-“persuna li timpjega konvenuta” f’dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Ara r-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU 2006, L 403, p. 9). Ara b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu. Innota li l-EIGE ma huwiex istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 13 TUE. L-espressjoni “istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji” komunement tintuża fit-Trattati bħala riferiment għall-awtoritajiet kollha stabbiliti mit-Trattati jew minn leġiżlazzjoni sekondarja. Ara l-ispjegazzjonijiet għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 17) dwar l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Ara wkoll l-Artikolu 1(2)(a) tal-Verżjoni Konsolidata tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Settembru 2012 (ĠU 2012, L 265, p. 1), kif emendata fit‑18 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 173, p. 65), fid‑19 ta’ Lulju 2016 (ĠU 2016, L 217, p. 69), fid‑9 ta’ April 2019 (ĠU 2019, L 111, p. 73) u fis‑26 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 316, p. 103) Dwar aġenziji ara ġeneralment, pereżempju, Kohtamäki, N., Theorising the legitimacy of EU regulatory agencies (Lang, 2019); Busuioc, M., European Agencies: Law and Practices of Accountability (OUP, 2013).

( 6 ) (ĠU 1968 L 56, p. 1) kif emendati mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26; ĠU 2012, L 130, p. 24; ĠU 2012, L 342, p. 48; ĠU 2016, L 289, p. 21), iktar ’il quddiem “Ir-Regolamenti tal-Persunal”. Il-parti tar-Regolament Nru 31 dwar il-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet iktar ’il quddiem isir riferiment għaliha bħala l-“KIAO”.

( 7 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 335 TFUE.

( 8 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1922/2006 u l-Artikoli 335 u 356 TFUE.

( 9 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 46) li kienet dwar il-klawsola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss milħuq fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jidher bħala anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/EC tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). Il-premessa 5 tad-Direttiva 2008/104 tispjega r-rabta bejn iż-żewġ direttivi.

( 10 ) L-Artikolu 3(3) tal-Liġi dwar l-Impjieg minn Aġenziji ta’ Xogħol Temporanju kien jipprevedi b’mod simili.

( 11 ) Dan intqal mill-EIGE fir-risposta tiegħu għal domandi bil-miktub mill-Qorti tal-Ġustizzja li kien f’konformità mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1). Dan ir-regolament ma għadux iktar fis-seħħ.

( 12 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

( 13 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

( 14 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

( 15 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

( 16 ) Artikolu 80, KIAO.

( 17 ) Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

( 18 ) Ir-rikorrenti jirreferu għas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betreibsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883).

( 19 ) Hawnhekk ir-rikorrenti jirreferu għall-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 kif deskritt fl-Artikolu 2 tagħha u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ Direttivi li jolqtu s-suq intern (ĠU 2005, L 98, p. 47).

( 20 ) Hawnhekk ir-rikorrenti jirreferu għall-Artikolu 80 tal-KIAO u għall-erba’ gruppi ta’ funzjonijiet imsemmija hemmhekk li jikkonċernaw kompiti.

( 21 ) Ir-Repubblika tal-Litwanja tirreferi għas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punti 36 sa 38 u għall-ġurisprudenza ċċitata). Isir riferiment ukoll dwar l-għan tad-Direttiva 2008/104, premessi 10 u 12 u l-Artikoli 2 u 5.

( 22 ) B’riferiment għas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883, punt 36).

( 23 ) B’riferiment għas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 40).

( 24 ) F’dan il-kuntest ir-Repubblika tal-Litwanja tirreferi għall-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.

( 25 ) Ara b’mod ġenerali s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, AKT (C‑533/13, EU:C:2015:173). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 43).

( 26 ) B’riferiment għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, IPSO vs BĊE (T‑713/14, EU:T:2016:727, punti 28 u 95).

( 27 ) B’riferiment għas-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2016, IPSO vs BĊE (T‑713/14, EU:T:2016:727, punti 96, 105 u 106), u tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 39).

( 28 ) B’riferiment għal COM(2014)176 final.

( 29 ) B’riferiment għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/104 u għas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betreibsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883, punti 44 sa 47).

( 30 ) ĠU 2019, C 417, p. 1 (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/FR/TXT/?uri=uriserv:ĠU.C_.2019.417.01.0001.01.FRA&toc=ĠU:C:2019:417:TOC), punti 1.33 u 2.30.

( 31 ) Isir riferiment hawnhekk għas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 46).

( 32 ) Il-Kummissjoni tirreferi, dwar dan, għall-Artikolu 1(2) tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni fir-rigward tad-direttiva (COM/2002/0149 final); għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2002 u għall-proposta modifikata tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Novembru 2002.

( 33 ) Il-Kummissjoni tistrieħ fuq is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 96); tas‑6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 44) u tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883, punti 44 u 47). Hija tistrieħ ukoll fuq il-premessa 10 u fuq l-Artikoli 2, 3 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1922/2006.

( 34 ) F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 23 u għall-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/104, il-bażi legali tad-direttiva, jiġifieri l-Artikolu 153(2) TFUE (ex 137(2) KE), l-Artikolu 153(4) TFUE u s-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 39 sa 42); tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 33); u tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 48). Il-Kummissjoni żżid tgħid fir-risposta tagħha għal domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja li dawn il-liġijiet nazzjonali ma jistgħux jiksru l-Artikolu 336 TFUE li jagħti awtonomija lill-Unjoni fir-rigward tar-Regolament tal-Persunal.

( 35 ) Il-Kummissjoni tinnota li r-Regolamenti tal-Persunal jirregolaw ir-relazzjoni legali bejn istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom u joħolqu drittijiet u obbligi reċiproċi. Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2006, Adam vs Il-Kummissjoni (T‑342/04, EU:T:2006:61, punt 34) u tat‑12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q (T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 41).

( 36 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 1999, Mammarella vs Il-Kummissjoni (T‑74/98, EU:T:1999:159, punti 39 u 40) u tas‑6 ta’ Diċembru 1989, Mulfinger et vs Il-Kummissjoni (C‑249/87, EU:C:1989:614, punt 10).

( 37 ) Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1989, Mulfinger et vs Il-Kummissjoni (C‑249/87, EU:C:1989:614, punti 11 u 14).

( 38 ) Il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2015, Il-Kummissjoni vs D’Agostino (T‑670/13, EU:C:2015:877, punt 32).

( 39 ) Hawnhekk il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Carreras Sequeros et vs Il-Kummissjoni (T‑518/16, EU:T:2018:873, punt 60) (fl-appell C‑119/19 P)

( 40 ) Hawnhekk il-Kummissjoni tirreferi għall-eżempju tas-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 46).

( 41 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, RK vs Il-Kunsill (T‑11/17, EU:T:2019:65, punti 68 u 70).

( 42 ) Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Carreras Sequeros et vs Il-Kummissjoni,T‑518/16, EU:T:2018:873, punt 61).

( 43 ) Il-Kummissjoni tirreferi għad-digriet tas‑6 ta’ Lulju 2001, Dubigh u Zaur-Gora vs Il-Kummissjoni (T‑375/00, EU:T:2001:181, punt 21).

( 44 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Tordeur (232/84, EU:C:1985:392, punt 27).

( 45 ) Jiġifieri, liema elementi ta’ paga ta’ aġent kuntrattwali għandhom jitqiesu; liema sistema fiskali għandha titqies, meħud inkunsiderazzjoni li l-kundizzjonijiet applikabbli skont is-sistema nazzjonali u s-sistema tal-Unjoni huma kompletament differenti.

( 46 ) ĠU 2016, C 202, p. 266.

( 47 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1989, Mulfinger et vs Il-Kummissjoni (C‑249/87, EU:C:1989:614).

( 48 ) Pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1922/2006 u l-Artikoli 335 u 336 TFUE.

( 50 ) Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1922/2006 u l-Artikolu 335 TFUE.

( 51 ) Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, IPSO vs BĊE (T‑713/14, EU:T:2016:727, punt 102).

( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Tordeur (232/84, EU:C:1985:392) u d-digriet tas‑6 ta’ Lulju 2001, Dubigh u Zaur-Gora vs Il-Kummissjoni (T‑375/00, EU:T:2001:181) li kienu dwar assenjazzjoni lill-Kummissjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija mingħand aġenzija ta’ xogħol temporanju bl-isem ta’ Manpower. Ara iktar ’il quddiem, pereżempju, id-digriet tal‑15 ta’ Settembru 2010, Briot (C‑386/09, EU:C:2010:526).

( 53 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF (F‑1/05, EU:F:2006:112). Dwar ir-rabta bejn id-Direttiva 2008/104 u d-Direttiva 1999/70 ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.

( 54 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 55 ) Dwar id-diversi modi li bihom “il-kuntest” jolqot l-interpretazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pinckernelle (C‑535/15, EU:C:2016:996, punt 40).

( 56 ) Ara l-analiżi tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest tax-xogħol temporanju) (C‑681/18, EU:C:2020:300, speċjalment fil-punt 36 u s-sorsi riferiti fihom).

( 57 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest tax-xogħol temporanju) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 51). Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-premessa 15 u għall-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2008/104.

( 58 ) Ibid., punt 50. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-premessa 11.

( 59 ) Dwar ix-xogħol preparatorju għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, ara r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti “Traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar Xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija”, Il-Kummissjoni Ewropea, Awwissu 2011, p. 6 sa 9 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-2011 tal-Grupp ta’ Esperti”).

( 60 ) Għandu jkun innotat li s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883) kienet dwar jekk aġenzija ta’ xogħol temporanju kinitx involuta f’“attivitajiet ekonomiċi”. Ma kkunsidratx din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ impriża utenti.

( 61 ) Ibid., punt 36.

( 62 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Belgische Staat (C‑469/18 u C‑470/18, EU:C:2019:895, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Ara, pereżempju s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I. (C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punt 2). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 35).

( 65 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360).

( 66 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85, punti 20);.

( 67 ) Ara, b’mod partikolari s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011); tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Awditu tat-taxxa) (C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 26); u tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex (C‑367/19, EU:C:2020:685, punt 21).

( 68 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 33 sa 34, 43 u 54).

( 69 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punt 50).

( 70 ) Ara b’mod simili s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011, punti 46 u 47).

( 71 ) Premessa 12 tad-Direttiva 2008/104.

( 72 ) Premessa 18 tad-Direttiva 2008/104. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonjiet misuċċessivi fil-kuntest tax-xogħol temporanju) (C‑681/18, EU:C:2020:823).

( 73 ) Premessa 14 tad-Direttiva 2008/104.

( 74 ) Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/104.

( 75 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 52). Fil-punt 50 il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet bejn direttivi li jimponu obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ implimentazzjoni, u “[is]-sitwazzjoni fejn att tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri libertà tal-għażla bejn diversi metodi ta’ applikazzjoni jew setgħa ta’ diskrezzjoni jew ta’ evalwazzjoni li tifforma parti integrali mis-sistema stabbilita minn dak l-att, jew inkella mis-sitwazzjoni li fiha tali att jawtorizza l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan tagħha”. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan, fil-kawża KV (Għajnuna għall-akkomodazzjoni) (C‑94/20, EU:C:2021:155, punt 64) u tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 190). Nirrikonoxxi li d-Direttiva 2008/104, mhux bħad-direttiva inkwistjoni fil-kawża TSN u AKT, ma għandha ebda dispożizzjoni speċifika li tippermetti lill-Istati Membri jdaħħlu miżuri iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Id-Direttiva 2008/104 hija, madankollu, direttiva ta’ armonizzazzjoni minima, li r-rekwiżiti tagħha kienu nqabżu fl-implimentazzjoni tagħha fil-Litwanja.

( 76 ) Għandu jkun innotat, madankollu, li anki għalkemm assenjazzjoni għal tali impriżi mhijiex suġġetta għall-obbligu inerenti tal-Artikolu 31 tal-Karta dwar id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u ġusti, tali impriżi jibqgħu rregolati kemm mid-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mid-dritt Litwan, kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2018:971). Dan japplika għad-dsatax-il Stat Membru kollha li kienu implimentaw id-Direttiva 2008/104 bl-istess mod bħal-Litwanja.

( 77 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98.

( 78 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża ISS Facility Services (C‑344/18, EU:C:2019:1009, punt 41), b’riferiment għas-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1996, Henke (C‑298/94, EU:C:1996:382, punt 14); tas‑26 ta’ Settembru 2000, Mayeur (C‑175/99, EU:C:2000:505, punt 33) u tal‑11 ta’ Novembru 2004, Delahaye (C‑425/02, EU:C:2004:706, punt 30).

( 79 ) Ibid.

( 80 ) Pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punti 34 u 35).

( 81 ) Ara l-pożizzjoni meħuda mill-imsieħba soċjali fir-Rapport tal-2011 tal-Grupp ta’ Esperti, nota ta’ qiegħ il-paġna 59 iktar ’il fuq, p. 8.

( 82 ) Pereżempju, kif osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Topfit u Biffi (C‑22/18, EU:C:2019:181, punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C-191/97, EU:C:2000:199, punt 51), kawża dwar restrizzjoni għall-moviment liberu, li għotjiet (finanzjarji) abbażi ta’ riżultati sportivi, u mill-gvern, flimkien ma’ sponsorship privat, kienu kollha rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk atleta dilettant kienx jeżerċita attivitajiet ekonomiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi (C‑22/18, EU:C:2019:497) ma eżitatx tiddeċiedi favur id-drittijiet ta’ D. Biffi għall-moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TFUE, għalkemm il-kawża kienet dwar atletika tad-dilettanti; fil-qasam tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, ara pereżempju, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376).

( 83 ) Naqbel mar-raġunament adottat mill-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard fil-kawża Øe in Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:518, punt 47) li, minħabba li d-definizzjoni ta’ eżerċizzju f’’“attività ekonomika” ma hijiex ċara mill-kontenut tad-Direttiva 2008/104, jew mix-xogħol preparatorju, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tistrieħ fuq it-tifsira ta’ “attività ekonomika” f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni.

( 84 ) C‑216/15, EU:C:2016:883.

( 85 ) Ibid., punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 86 ) Kuntrarjament għall-argumenti magħmula mill-EIGE, għalhekk huwa irrilevanti li l-EIGE ma huwiex “persuna taxxabbli” għall-finijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/112. Ara d-Dokument tal-Kummissjoni ARES(2018)4985586-28/09/2018.

( 87 ) Sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ta’ min jinnota li d-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, u li d-Direttiva 2008/104 għandha rabta magħha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq), tapplika għal kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat konklużi ma’ awtoritajiet pubbliċi u korpi oħra tas-settur pubbliku. Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 43). Dan il-kuntest jissuġġerixxi li korpi pubbliċi biss li jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi bażiċi għandhom jitħallew barra mill-kunċett ta’ eżerċizzju f’“attivitajiet ekonomiċi” skont id-Direttiva 2008/104.

( 88 ) Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1922/2006 u l-Artikoli 335 u 336 TFUE.

( 89 ) Repubblika tal-Litwanja, punt 33 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq.

( 90 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX-II, EU:C:2013:570); tat‑13 ta’ Diċembru 2016, IPSO vs BĊE (T‑713/14, EU:T:2016:727, punti 105 u 106); u tas‑7 ta’ Frar 2019, RK vs Il-Kunsill (T‑11/17, EU:T:2019:65). Għal diskussjoni dwar il-bażijiet li fuqhom direttivi jistgħu jorbtu istituzzjonijiet tal-Unjoni, ara Cortese, B. “Reasonableness of legislative choices and protection against (discriminatory) dismissal of temporary staff: does the approach of the Court of Justice of the European Union to judicial review and judicial control meet high rule of law standards?” (2012) 12 Era Forum 641, 650 sa 651.

( 91 ) Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Carreras Sequeros et vs Il-Kummissjoni (T‑518/16, EU:T:2018:873, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Jenkinson vs SEAE et (C‑43/17 P, EU:C:2018:231, nota ta’ qiegħ il-paġna 13), sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, VF vs BĊE (T‑39/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:683).

( 92 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1975, Porrini et (65/74, EU:C:1975:38, punt 14). Ara wkoll is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2000, Vitari (C‑126/99, EU:C:2000:609, punt 31) u tat‑8 ta’ Settembru 2005, AB (C‑288/04, EU:C:2005:526, punt 31). Huwa sostnut fid-digriet tar-rinviju li, ir-Regolament (EU, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 3) jipprojbixxi t-trasferiment tat-twettiq ta’ funzjonijiet lil persuni li ma jaħdmux taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, din il-kwistjoni ma tinqalax fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna biss paga..

( 93 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 1985, 232/84, EU:C:1985:392.

( 94 ) Ibid., punti 27 u 28. Fil-punt 26 il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropew jipprovdi li kull istituzzjoni għandha tiddetermina min ikun awtorizzat jinġaġġa uffiċjali b’kuntratt, jekk huma jkunux membri tal-persunal temporanju, membru tal-persunal awżiljarju, membru tal-persunal lokali jew anki konsulenti speċjali.” Ara, wkoll, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, AB (C‑288/04, EU:C:2005:526). Għandu jiġi nnutat li l-kawża prinċipali ma hijiex paragunabbli mas-sitwazzjoni kkunsidrata mill-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Betriebsrat der Vertretung der Europäischen Kommission in Osterreich (C‑165/01, EU:C:2003:224, punt 100). Għal eżempju ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha ordni ta’ qorti ta’ Stat Membru dwar membri tal-persunal lokali impjegat minn aġenzija tal-Unjoni taħt il-KIAO ma daħlitx fl-isfera ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-komunità, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2000, Vitari (C‑126/99, EU:C:2000:609).

( 95 ) Ara wkoll il-premessa 14 tad-Direttiva 2008/104.

( 96 ) Għal suġġerimenti dwar kif elementi tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal dan l-eżerċizzju, ara r-Rapport tal-2011 tal-Grupp ta’ Esperti, nota ta’ qiegħ il-paġna 59 iktar ’il fuq, p. 16 sa 18.

( 97 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 52).

( 98 ) Fil-fatt, meta jitqies jekk ikunx inkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament, ikun għall-qorti tal-Istat Membru li teżamina l-fatti rilevanti kollha, inkluż jekk il-gruppi rilevanti jkunux jistgħu jitqabblu, jekk tkunx seħħet jew le differenza ta’ trattament u jekk tkunx iġġustifikata oġġettivament. Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża GILDA-UNAMS et (C‑282/19, EU:C:2021:217).

( 99 ) Premessa 17 tad-Direttiva 2008/104.

( 100 ) Fuq id-dritt tal-Kummissjoni li tidħol f’relazzjonijiet kuntrattwali, b’mod ġenerali, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1989, Mulfinger et vs Il-Kummissjoni (C‑249/87, EU:C:1989:614, punt 10). Ara wkoll l-Artikoli 272 u 335 TFEU.

( 101 ) Skont ġurisprudenza stabbilita dan jista’ jseħħ, pereżempju, rigward waħda mill-funzjonijiet li t-Trattati jassenjaw lill-istituzzjonijiet u li, għalhekk, jitolbu għal impjieg skont ir-Regolamenti tal-Istaff pjuttost milli kuntratti rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri. Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1989, Mulfinger et vs Il-Kummissjoni (C‑249/87, EU:C:1989:614).

( 102 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri du Cardano vs Il-Kummissjoni (T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 40).

( 103 ) Ara l-iktar, fil-kuntest tal-kwistjonijiet li nqalgħu f’dan il-każ, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SatCen vs KF (C‑14/19 P, EU:C:2020:492).

( 104 ) Ara, pereżempju, id-digriet tas‑6 ta’ Lulju 2001, Dubigh u Zaur-Gora vs Il-Kummissjoni (T‑375/00, EU:T:2001:181); is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, IPSO vs BĊE (T‑713/14, EU:T:2016:727). Il-premessa 21 tad-Direttiva 2008/104 hija wkoll rilevanti hawnhekk, li fil-fatt timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jipprevedu “pieni effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-ksur tal-obbligi” stabbiliti fid-Direttiva 2008/104, kif jagħmel l-Artikolu 10. Barra minn hekk, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tidher li hija prekluża fil-ġurisprudenza. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Tordeur (232/84, EU:C:1985:392, punti 15 sa 21).

Top