EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0748

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2021.
Proċeduri kriminali kontra WB et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà għall-Ministru għall-Ġustizzja li jikkolloka mħallfin fi ħdan qrati ta’ grad superjuri u li jirrevoka dawn il-kollokamenti – Kulleġġi ġudikanti f’kawżi kriminali li jinkludu mħallfin ikkollokati mill-Ministru għall-Ġustizzja – Direttiva (UE) 2016/343 – Preżunzjoni ta’ innoċenza.
Kawżi magħquda C-748/19 sa C-754/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:403

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fl‑20 ta’ Mejju 2021 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑748/19 sa C‑754/19

Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim

vs

WB (C‑748/19)

u

Prokuratura Rejonowa Warszawa – Żoliborz w Warszawie

vs

XA,

YZ (C‑749/19)

u

Prokuratura Rejonowa Warszawa – Wola w Warszawie

vs

DT (C‑750/19)

u

Prokuratura Rejonowa w Pruszkowie

vs

ZY (C‑751/19)

u

Prokuratura Rejonowa Warszawa – Ursynów w Warszawie

vs

AX (C‑752/19)

u

Prokuratura Rejonowa Warszawa – Wola w Warszawie

vs

BV (C‑753/19)

u

Prokuratura Rejonowa Warszawa – Wola w Warszawie

vs

CU (C‑754/19),

intervenjent fil-kawża:

Pictura Sp. z o.o.

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il‑Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Direttiva (UE) 2016/343 – Kompożizzjoni ta’ kulleġġi tal-ġudikanti f’kawżi kriminali inkluż imħallfin ikkollokati mill-Ministru għall-Ġustizzja – Ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari – Indipendenza tal-kulleġġ tal‑ġudikanti li ressaq id-deċiżjoni tar-rinviju – Limiti għall-Artikolu 19(1) TUE – Kunċett ta’ “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE – Rilevanza u neċessità tad-domanda – Preżunzjoni ta’ innoċenza”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kawżi preżenti jqajmu kwistjonijiet kruċjali relatati mal-ammissibbiltà ta’ domandi mressqa għal deċiżjoni preliminari dwar ir-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara l-limiti tal-Artikolu 19(1) TUE, b’mod partikolari fid-dawl tad-deċiżjonijiet reċenti fil-kawżi A. K. et; Miasto Łowicz; Maler; u Land Hessen ( 2 ).

2.

Il-kawżi preżenti jqajmu wkoll kwistjoni sostantiva sinjifikanti: id-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom il-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa fl-istess waqt il-Prosekutur Ġenerali, jista’, abbażi ta’ kriterji li ma jinħarġux fil-pubbliku, jikkolloka mħallfin lejn qrati superjuri għal perijodu indefinit u, fi kwalunkwe mument, għandu setgħa diskrezzjonali fit-terminazzjoni ta’ dan il-kollokament?

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 2 TUE jistipula dan li ġej:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

4.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, “L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.

5.

Taħt l-Artikolu 267 TFUE, hija biss “qorti jew tribunal” ta’ Stat Membru li tista’ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari.

6.

It-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), taħt it-titolu “Ġustizzja”, jinkludi l-Artikolu 47, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jistipula dan li ġej:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]

[…]”

7.

Il-premessa 22 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali ( 3 ) tiddikjara li:

“L-oneru tal-prova għall-istabbiliment tal-ħtija ta’ persuni suspettati u akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni, u kwalunkwe dubju għandu jibbenefika lill-persuna suspettata jew akkużata. Il-preżunzjoni tal-innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-prova jkun trasferit mill-prosekuzzjoni għad-difiża, mingħajr preġudizzju […] għall-indipendenza tal-ġudikatura meta tiġi vvalutata l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata […]”.

8.

Konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Oneru tal-prova”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. […]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.”

B. Id-dritt Pollakk

9.

L-Artikolu 77 tal-Ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji” ( 4 )) jistipula li:

“1.   Il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jikkollok mħallef, bil-kunsens tiegħu jew tagħha, sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji jew kompiti amministrattivi:

(1)

għal qorti oħra tal-istess grad jew ta’ grad inferjuri jew, f’każijiet partikolarment iġġustifikati, għal qorti superjuri, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-użu razzjonali ta’ persunal tal-qrati ordinarji u l-bżonnijiet li jirriżultaw mill-piż ta’ xogħol tad-diversi qrati,

[…]

għal perijodu determinat, li ma jistax jeċċedi sentejn, jew għal perijodu indeterminat.

[…]

4   Fejn imħallef jiġi kkollokat, abbażi tal-punti 2, 2a u 2b tal-paragrafu 1 u tal-paragrafu 2a, għal perijodu indeterminat, il-kollokament ta’ dan l-imħallef jista’ jiġi rrevokat jew il-persuna kkonċernata tista’ tirriżenja mill-kariga li għaliha tkun ġiet ikkollokata, sakemm jingħata avviż ta’ tliet xhur. F’każijiet oħra fejn jiġi kkollokat imħallef, tali revoka jew riżenja ma teħtieġx avviż minn qabel.

[…]”

10.

Skont l-Artikolu 30(2) tal-Ustawa z dnia 6 czerwca 1997 r. – Kodeks postępowania karnego (il-Liġi tas‑6 ta’ Ġunju 1997 – il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali” ( 5 )), “il-Qorti tal-Appell għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha f’sessjoni bi mħallef uniku, jew bħala kulleġġ ta’ tliet imħallfin fejn id-deċiżjoni appellata ma tkunx ingħatat minn qorti ppreseduta minn imħallef uniku jew fejn, minħabba l-kumplessità partikolari tal-kawża jew l-importanza tagħha, il-president tal-qorti jordna li tiġi eżaminata minn kulleġġ ta’ tliet imħallfin, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor”.

11.

Skont l-Artikolu 41(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, “imħallef għandu jiġi eskluż meta teżisti ċirkustanza li tagħti lok għal dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tiegħu jew tagħha fil-kawża inkwistjoni”.

III. Il-fatti, il-kawża prinċipali, u d-domandi preliminari

12.

It-talbiet preżenti għal deċiżjonijiet preliminari tressqu mill-President ta’ kulleġġ ġudikanti tal-Għaxar Sezzjoni tal-Appell Kriminali tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja, il-Polonja), fil-kuntest ta’ seba’ kawżi kriminali pendenti quddiem dik il-qorti. Skont id-digrieti tar-rinviju, dawn il-proċedimenti kriminali jikkonċernaw diversi reati kriminali stabbiliti fil-Kodiċi Kriminali ( 6 ) u fil-Kodiċi Kriminali Fiskali ( 7 ).

13.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-proċedimenti preżenti huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni. Hija tgħid li l-qrati Pollakki huma obbligati, taħt l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2016/343, li jiżguraw li persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sakemm jinstabu ħatja skont il-liġi u għandhom japplikaw standards xierqa fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova. Skont l-Artikolu 6, moqri flimkien mal-premessa 22 ta’ din id-direttiva, il-preżunzjoni ta’ innoċenza għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-ġudikatura.

14.

Dik il-qorti tinnota li kull wieħed mill-kulleġġi tal-ġudikanti li għandu jisma’ l-kawża rispettiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kompost mill-imħallef tar-rinviju bħala President, u żewġ imħallfin oħra. F’kull waħda mill-kawżi, wieħed mill-imħallfin l-“oħra” huwa mħallef ikkollokat minn qorti inferjuri permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali, adottata skont l-Artikolu 77 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji (iktar ’il quddiem l-“imħallfin ikkollokati”). Barra minn hekk, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, uħud mill-imħallfin ikkollokati għandhom ukoll il-kariga ta’ “aġent dixxiplinari” marbut max-Rzecznik Dyscyplinarny Sędziów Sądów Powszechnych (l-Uffiċjal tad-Dixxiplina għal Imħallfin tal-Qrati Ordinarji).

15.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jagħtu lill-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali s-setgħa li jikkolloka mħallfin fi qrati superjuri għal perijodu indefinit u, fi kwalunkwe mument, jista’ jittermina dan il-kollokament fid-diskrezzjoni tiegħu stess (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni”). B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiksru r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-ġudikatura nazzjonali li jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE.

16.

Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u, f’kull waħda mis-seba’ kawżi, tirreferi d-domandi li ġejjin (li għandhom formulazzjoni identika) lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-valur tal-Istat ta’ dritt li jiddikjara, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva [2016/343] moqrija fid-dawl tal-premessa 22 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom l-indipendenza tal-ġustizzja, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza jiġu miksura ladarba proċedura ġudizzjarja, bħal fil-każ ta’ proċeduri kriminali kontra persuna akkużata [taħt dispożizzjonijiet differenti tal-Kodiċi Kriminali], u taħt dispożizzjonijiet oħra, tkun organizzata b’tali mod li:

Imħallef […] iddelegat [ikkollokat] fuq il-bażi ta’ deċiżjoni unilaterali tal-Ministru għall-Ġustizzja u li jappartjeni għal qorti ta’ livell ġerarkiku immedjatament inferjuri jkun sedenti fil-formazzjoni ġudikanti mingħajr ma jkunu magħrufa l-kriterji applikati mill-Ministru għall-Ġustizzja għall-finijiet tad-delega [tal-kollokament] ta’ dan l-imħallef, u mingħajr ma d-dritt nazzjonali jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni filwaqt li jawtorizza lill-Ministu għall-Ġustizzja jirrevoka fi kwalunkwe mument id-delega [il-kollokament] tal-imħallef?

(2)

Ir-rekwiżiti msemmija fl-ewwel domanda jiġu miksura meta, sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bħal dik deskritta fl-ewwel domanda, il-partijiet ikollhom rimedju ġudizzjarju straordinarju quddiem qorti, bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal appell ġudizzjarju taħt id-dritt intern, u fejn id-dritt nazzjonali jimponi fuq il-President taċ-ċellola organizzattiva ta’ din il-qorti (l-Awla), kompetenti sabiex teżamina r-rikors, li jalloka l-kawżi billi josserva l-lista alfabetika tal-Imħallfin ta’ din l-Awla, bil-projbizzjoni espliċita ta’ esklużjoni ta’ kwalunkwe mħallef, u fejn kawżi jistgħu jiġu allokati wkoll lil persuna maħtura fuq proposta ta’ organu kolleġjali, bħalma huwa l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Membri tal-Ġudikatura, il-Polonja), li l-kompożizzjoni tiegħu hija maħluqa b’tali mod li l-membri tiegħu huma mħallfin:

(a)

eletti minn kamra tal-Parlament li tivvota kollettivament fuq lista ta’ kandidati stabbilita minn qabel minn kummissjoni parlamentari minn fost il-kandidati proposti mill-gruppi parlamentari jew minn organu ta’ din il-kamra, fuq il-bażi ta’ proposti sottomessi minn gruppi ta’ mħallfin jew ta’ ċittadini – bil-konsegwenza li matul din il-proċedura ta’ elezzjoni, fi tliet okkażjonijiet il-kandidati jirċievu s-sostenn ta’ atturi politiċi;

(b)

li jirrappreżentaw maġġoranza tal-membri ta’ dan l-organu suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjonijiet ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef, kif ukoll sabiex jadottaw deċiżjonijiet oħra vinkolanti meħtieġa mid-dritt nazzjonali?

(3)

Xi jkun l-effett, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dispożizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-ewwel domanda, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja organizzata skont il-modalitajiet deskritti fl-ewwel domanda, u ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata fil-kuntest ta’ proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), meta l-persuna msemmija fit-tieni domanda tkun ipparteċipat fl-adozzjoni tagħha?

(4)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda, jissuġġetta l-effetti tad-deċiżjonijiet imsemmija fit-tielet domanda għall-kwistjoni dwar jekk il-qorti kkonċernata ddeċidietx f’sens favorevoli jew mhux favorevoli għall-persuna akkużata?”

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Ottubru 2019, il-Kawżi C‑748/19 sa C‑754/19 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedimenti bil-miktub u orali u għas-sentenza.

18.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Diċembru 2019, l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa stabbilita fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikjesta fid-deċiżjoni tar-rinviju, ġiet miċħuda.

19.

Fil‑31 ta’ Lulju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju, li twieġbet permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Settembru 2020.

20.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Prokuratura Regionalna w Warszawie (iktar ’il quddiem, il-“Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja”), mill-Prokuratura Regionalna w Lublinie (iktar ’il quddiem, il-“Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin”), mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

21.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati bil-mod segwenti. L-ewwel nett, sejjer nindirizza l-oġġezzjonijiet għall-ġurisdizzjoni u ammissibbiltà sottomessi mill-partijiet ikkonċernati (A). Wara li nkun issuġġerejt li, f’konformità mal-approċċ tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza tagħha, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju hija tabilħaqq ammissibbli, sejjer, it-tieni, indur fuq il-kwistjoni li fuqha l-oġġezzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domandi mressqa huma bbażati: in-natura u l-limiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (B). Fl-aħħar nett, sejjer nipprovdi evalwazzjoni tal-merti tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fir-rigward tas-sistema ta’ kollokament ta’ mħallfin li taffettwa l-kulleġġi ġudikanti li ġew imsejħa jagħtu deċiżjoni fil-kawża prinċipali (C).

A. Ġurisdizzjoni u ammissibbiltà

22.

Numru ta’ argumenti tressqu minn uħud mill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet, li joġġezzjonaw għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u/jew l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari. Għalkemm dawn il-partijiet għaqqdu l-argumenti tagħhom dwar iż-żewġ kwistjonijiet, sejjer madankollu neżaminahom b’mod separat.

23.

L-ewwel nett, sejjer nindirizza l-argumenti relatati mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-fehma tiegħi, ma tantx jistħoqqilhom attenzjoni (1). It-tieni, sejjer nikkunsidra d-diversi argumenti mressqa li jikkonċernaw l-ammissibbiltà tat-talbiet, jew, b’mod iktar speċifiku, ta’ ċerti domandi. Tabilħaqq, ċerti argumenti jqajmu kwistjonijiet pjuttost kumplessi li għandhom jiġu eżaminati fid-dettall (2).

1.   Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Il-Gvern Pollakk, il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja u l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin jargumentaw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domandi magħmula. Fil-fehma tagħhom, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja u, b’mod iktar preċiż, kwistjonijiet bħall-ħatra ta’ mħallfin, il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti, il-kollokament ta’ mħallfin minn qorti għal oħra u l-effetti legali tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali – kollha jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Sa fejn il-kawżi prinċipali jikkonċernaw id-dritt kriminali nazzjonali f’setturi li ma ġewx armonizzati f’livell tal-Unjoni, dawn il-każijiet huma – skont dawn il-partijiet – purament interni għall-Polonja.

25.

Barra minn hekk, skont il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja u l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin, din il-pożizzjoni tirriżulta wkoll mill-punt 29 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses ( 8 ). Uħud mill-verżjonijiet ta’ dik is-sentenza f’lingwi li ma humiex l-Ingliż jindikaw li, sabiex ikun applikabbli, l-Artikolu 19(1) TUE jeħtieġ li Stat Membru jaġixxi, fil-każ speċifiku, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

26.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti ma għandhomx jintlaqgħu.

27.

L-ewwel nett, kif ġie deċiż b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż dawk li joriġinaw mill-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE ( 9 ). Dawn l-obbligi jistgħu jkunu relatati ma’ kwalunkwe karatteristika ta’ strutturi nazzjonali jew proċeduri użati għall-infurzar nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni. L-għan tat-talbiet preżenti għal deċiżjonijiet preliminari jikkonċerna preċiżament l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, u jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-fatt humiex konformi ma’ dawn l-obbligi. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE u tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma fid-domandi mressqa ( 10 ).

28.

It-tieni, għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa mill-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja u l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin, ma narax li hemm differenza sinjifikattiva fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti – inkluż, b’mod iktar importanti, fil-verżjoni Portugiża, peress li din kienet il-lingwa tal-proċedura – tal-punt 29 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses. Din is-silta kienet tikkonċerna d-differenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 19(1) TUE japplika għall-“oqsma [kollha] koperti mid-dritt tal-Unjoni”, inkwantu din id-dispożizzjoni ma għandhiex limitazzjonijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għall-finijiet ta’ dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma elaboratx iżjed fuq dan il-punt ( 11 ).

29.

Madankollu, it-tifsira eżatta ta’ din is-silta ġiet iċċarata estensivament fil-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-differenza fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae taż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tfisser li l-Artikolu 19(1) TUE huwa applikabbli fejn korp nazzjonali jista’ jiddeċiedi, bħala qorti jew tribunal, dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u li għalhekk jaqgħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni ( 12 ). Fi kliem ieħor, qrati nazzjonali għandhom jikkonformaw mal-istandards stipulati f’din id-dispożizzjoni kull meta, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, jiddeċiedu kwistjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ma huwiex neċessarju li l-każijiet speċifiċi inkwistjoni fil-fatt jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni.

30.

Fir-rigward tal-kawża preżenti, ma tantx hemm dubju, kif ġustament innotat il-Kummissjoni, li l-korp ġuridiku li l-indipendenza tiegħu hija inkwistjoni fil-kawża preżenti – is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja) – huwa korp li jista’ jintalab, bħala qorti jew tribunal, jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 kif ukoll l-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE.

31.

B’riżultat ta’ dan, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar il-kawżi preżenti.

2.   L-ammissibbiltà

32.

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domandi magħmula, sejjer qabel kollox nindirizza l-oġġezzjonijiet kontra t-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda peress li dawn id-domandi huma, fil-fehma tiegħi, inammissibbli (a). Sussegwentement sejjer nikkunsidra l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda, li, għall-kuntrarju, teħtieġ diskussjoni iżjed profonda (b).

33.

Madankollu, qabel ma nibda b’din l-analiżi, għandha tiġi ttrattata oġġezzjoni speċifika għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑754/19. Il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja jsostni li l-qorti tar-rinviju ma ssospendietx il-kawża li wasslet għal din it-talba u, fil-fatt, sussegwentement kienet adottat deċiżjoni finali fil‑11 ta’ Diċembru 2019.

34.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jekk ma jkun hemm ebda tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, b’tali mod li r-risposta għad-domanda preliminari ma jkollha ebda utilità għar-riżoluzzjoni tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata sentenza dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari ( 13 ).

35.

Konsegwentement, jekk – kif sostna l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja – il-proċeduri prinċipali fil-Kawża C‑754/19 ma ġewx fil-fatt sospiżi, u ġiet adottata deċiżjoni finali, allura t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun tilfet l-għan tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx iżjed meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula f’dik il-kawża.

36.

Dan premess, il-qorti tar-rinviju la informat lill-Qorti tal-Ġustizzja b’xi fatt rilevanti li kien seħħ wara, u lanqas irtirat ir-rinviju tagħha. Barra minn hekk, peress li d-domandi mressqa f’dik il-kawża huma identiċi għal dawk magħmula fis-sitt kawżi l-oħra inkwistjoni f’dawn il-konklużjonijiet, fejn huwa paċifiku li dawn il-kawżi għadhom pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, ma huwiex neċessarju li din il-kwistjoni tiġi investigata ulterjorment.

37.

Għalhekk, sejjer issa ngħaddi għall-argumenti speċifiċi mressqa li jikkonċernaw l-ammissibbiltà tad-diversi domandi magħmula.

a)   It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda

38.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jinkisrux f’ċirkustanzi fejn il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw appell straordinarju mis-sentenza li tingħata fil-kawża prinċipali, meta dan l-appell jinstema’ minn qorti – is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) – li l-indipendenza tagħha hija mqiegħda inkwistjoni mill-qorti tar-rinviju.

39.

It-tielet domanda tikkonċerna l-effetti legali ta’ deċiżjoni futura mogħtija mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll l-effetti legali tas-sentenzi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fl-appelli potenzjali li jistgħu finalment jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw fil-kawżi prinċipali.

40.

B’rabta mill-qrib ma’ din id-domanda, ir-raba’ domanda tistaqsi jekk skont id-dritt tal-Unjoni l-konsegwenzi tas-sentenza mogħtija f’dan l-appell straordinarju mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jiddependux fuq jekk dik il-qorti tiddeċidix favur jew kontra l-persuna akkużata.

41.

Konformement mas-sottomissjonijiet tal-Gvern Pollakk, tal-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja u tal-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin, kif ukoll tal-Kummissjoni, jiena tal-fehma li dawn it-tliet domandi huma inammissibbli.

42.

Sa fejn dawn id-domandi huma bbażati fuq il-premessa li fil-kawżi preżenti appell potenzjali straordinarju ser jiġi ppreżentat fil-futur quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) dawn id-domandi jistrieħu fuq avveniment purament ipotetiku. Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma jistax ikun il-kisba ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 14 ).

43.

Bl-istess mod, sa fejn it-tielet u r-raba’ domanda wkoll jirreferu għall-effetti possibbli tas-sentenzi li ser tagħti l-qorti tar-rinviju, dawn id-domandi huma prematuri u ma humiex motivati biżżejjed. Huma prematuri peress li jikkonċernaw proċedura li tista’ sseħħ f’data ulterjuri quddiem qorti differenti, iżda ma jikkonċernawx l-istadju attwali tal-proċedura li fih qegħdin dawn il-kawżi. Barra minn hekk, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma humiex konformi mal-Artikolu 19(1) TUE, hemm passi oħra li huma disponibbli għaliha sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni. Għalhekk, il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju tista’ ma timmaterjalizza qatt. Dawn id-domandi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda dettall dwar kif il-kompożizzjoni allegatament difettuża tal-kulleġġi ġudikanti, possibbilment iddestinati biex jisimgħu l-kawżi f’xi punt fil-futur, tista’ speċifikament taffettwa l-legalità tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-qorti tar-rinviju.

44.

Mingħajr b’ebda mod ma jiġi ttraskurat il-kuntest ġenerali nazzjonali, li huwa tabilħaqq problematiku u kumpless, xorta jibqa’ l-fatt li jeżistu limiti stabbiliti sew għal dak li jista’ jiġi mistoqsi f’talba għal deċiżjoni preliminari. Fi kliem sempliċi, id-domandi magħmula għandhom jikkonċernaw il-kawża preżenti (jew ċirkustanzi tal-passat li għandhom impatt ċar fuq il-preżent ( 15 )) quddiem il-qorti tar-rinviju. Anki jekk din il-kundizzjoni ġiet interpretata b’mod wiesa’ u mhux restrittiv fil-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt prinċipali huwa li l-gwida mfittxija trid tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni li tkun ser tagħti. Dan jeskludi konġettura dwar avvenimenti futuri li jistgħu ma jimmaterjalizzaw qatt.

45.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda huma tabilħaqq inammissibbli.

b)   L-ewwel domanda

46.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom il-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali jista’, abbażi ta’ kriterji li ma jinħarġux fil-pubbliku, jikkolloka mħallfin għal qrati superjuri għal perijodu indefinit u jista’, fi kwalunkwe mument, jittermina dan il-kollokament fid-diskrezzjoni tiegħu stess. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 2 TUE u l-prinċipju tal-Istat ta’ dritt stabbilit fi ħdanu, u l-Artikolu 6(1) u (2), flimkien mal-premessa 22 tad-Direttiva 2016/343.

47.

Saru diversi oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. Dawn l-oġġezzjonijiet jikkonċernaw: i) il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE; ii) konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; u, iii) in-neċessità u r-rilevanza tad-domanda magħmula. Sejjer nevalwa dawn l-oġġezzjonijiet wieħed wieħed.

1) “Qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE

48.

Qabel kollox, il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja u l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin jiġbdu l-attenzjoni li t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ġew sottomessi minn imħallef uniku – il-President tal-kulleġġ ġudikanti li qiegħed jisma’ l-kawża kriminali inkwistjoni – u mhux mill-kulleġġ innifsu. Huma jargumentaw li, skont l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, proċeduri ta’ appell bħalma huma dawk inkwistjoni għandhom jiġu deċiżi minn kulleġġ ta’ tliet imħallfin, minbarra f’ċirkustanzi speċifiċi stabbiliti mil-liġi. Dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi huma, fil-fehma tagħhom, assenti fil-kawża preżenti. Għaldaqstant il-korp tar-rinviju ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kkunsidrat bħala “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE.

49.

Huwa paċifiku li t-talbiet preżenti għal deċiżjonijiet preliminari ġew sottomessi mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (X Wydział Karny Odwoławczy) (il-Qorti Reġjonali, Varsavja, l-Għaxar Sezzjoni tal-Appell Kriminali). Id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid li l-qorti hija komposta mill-President tal-kulleġġ ġudikanti, li ffirmat ukoll id-deċiżjoni tar-rinviju.

50.

Fil-fehma tiegħi, madankollu, dan ma huwiex awtomatikament biżżejjed sabiex jirrendi t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari inammissibbli.

51.

L-ewwel nett, irid jitfakkar li “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE dejjem ġiet iddefinita b’mod awtonomu taħt id-dritt tal-Unjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement minn denominazzjonijiet u kwalifiki taħt id-dritt nazzjonali. Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, ma hemmx dubju (u fil-fatt ħadd mill-partijiet ma qiegħed jikkontesta dan) li l-korp tar-rinviju fil-fatt jissodisfa l-hekk imsejħa kriterji ta’ Dorsch ( 16 ): huwa stabbilit mil-liġi, huwa permanenti, il-ġurisdizzjoni tiegħu hija mandatorja, il-proċeduri tiegħu huma ta’ natura kontradittorja, japplika regoli ta’ liġi, u huwa – bħala kwistjoni ta’ prinċipju – indipendenti u imparzjali.

52.

It-tieni, il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE huwa eżaminat fil-livell strutturali u istituzzjonali. Fi kliem ieħor, huwa eżaminat billi wieħed iħares lejn il-korp ġudizzjarju li qiegħed jagħmel ir-rinviju, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni li dak il-korp huwa msejjaħ iwettaq fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kawża. Fi kliem sempliċi, korp jista’ jkun qorti anki jekk normalment jaġixxi f’kapaċità oħra (mhux ġudizzjarja) ( 17 ) u viċi versa ( 18 ). Il-funzjonijiet speċifiċi li korp huwa msejjaħ iwettaq fil-kawżi prinċipali huma għalhekk tal-ikbar importanza. Fil-kawżi preżenti, ma hemm ebda dubju li l-qorti tar-rinviju taġixxi f’kapaċità ġudizzjarja meta tisma’ appelli fi proċedimenti kriminali, kif ukoll meta possibbilment tivverifika l-kompożizzjoni tal-kulleġġ li għandu jisma’ tali appelli. Dawn iż-żewġ funzjonijiet jitwettqu f’kapaċità ġudizzjarja.

53.

It-tielet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistipula b’mod konsistenti li ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja “li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura ġudizzjarji” ( 19 ). Skont din il-ġurisprudenza, “il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali” ( 20 ).

54.

Għaldaqstant, minn dak li ntqal hawn fuq, jirriżulta pjuttost ċar li, jekk il-korp li qiegħed jagħmel it-talba huwa qorti li qiegħda taġixxi f’kapaċità ġudizzjarja, fejn dawn iż-żewġ kunċetti h b’mod awtonomu taħt id-dritt tal-Unjoni, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti ta’ Ġustizzja li terġa’ tivverifika jekk hemmx konformità mar-regoli proċedurali kollha tad-dritt nazzjonali: is-siġill huwa korrett? Id-deċiżjoni hija konformi mar-rekwiżiti kollha tad-dritt nazzjonali formali u proċedurali? Il-firem qegħdin kollha fil-post it-tajjeb?

55.

Forsi ta’ min ifakkar li dan l-approċċ u din il-ġurisprudenza jirriżultaw minn kawża – Reina – fejn l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ikkontestata minħabba li l-qorti tar-rinviju kienet komposta b’mod mhux korrett ( 21 ). Barra minn hekk, fil-kawża San Giorgio, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ċaħdet oġġezzjoni simili għal dik li qiegħda ssir f’dawn il-proċedimenti. Il-Gvern Taljan ikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (sottomessa mill-President tal-qorti tar-rinviju) billi argumenta li, skont id-dritt nazzjonali, id-deċiżjoni kienet taqa’ fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-qorti sħiħa. Il-Qorti tal-Ġustizzja malajr warrbet din l-oġġezzjoni, fejn enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, “kwalunkwe qorti nazzjonali hija intitolata li titlob deċiżjoni preliminari […] irrispettivament […] mill-istadju milħuq fil-proċedimenti pendenti quddiemha u irrispettivament min-natura tad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti” ( 22 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

56.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx dan l-approċċ biss fejn il-qorti tar-rinviju manifestament ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża, bħal fil-kawżi reċenti Di Girolamo ( 23 ). Madankollu, il-kawżi preżenti huma kjarament differenti mill-kawżi Di Girolamo. Huwa paċifiku li l-qorti tar-rinviju hija kompetenti biex tittratta l-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Is-sempliċi kwistjoni tikkonċerna l-korp, fi ħdan l-istess qorti, awtorizzat sabiex jirreferi domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE. Għaldaqstant il-kawżi preżenti huma ferm iżjed paragunabbli ma’ dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Reina milli fil-kawża San Giorgio.

57.

Ir-raba’, il-fatt li l-qorti tar-rinviju, sabiex tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE, ikollha – skont il-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Varsavja u l-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin – toqgħod lura milli tapplika ċerti regoli tal-ordinament ġuridiku intern tagħha huwa, anki jekk tiġi kkonfermata, immaterjali. Hemm diversi eżempji fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn qrati nazzjonali kienu, skont id-dritt tal-Unjoni, permessi, jew saħansitra meħtieġa, li jegħlbu r-regoli proċedurali nazzjonali li jillimitaw il-prerogattivi tagħhom sabiex jissottomettu talbiet għal deċiżjonijiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ).

58.

Kawża reċenti fejn is-sitwazzjoni kienet pjuttost simili għall-kawżi preżenti hija A. K. et. F’dik il-kawża, il-Gvern Pollakk argumenta li l-kawżi prinċipali ma kinux validi peress li ma ġewx applikati r-regoli relatati mal-kompożizzjoni u ġurisdizzjoni tal-qrati. Skont dan il-gvern f’dan il-każ, il-kompożizzjoni xierqa biex tittratta l-kawża skont id-dritt nazzjonali kienet dik ta’ mħallef uniku pjuttost milli l-kulleġġ ta’ tliet imħallfin li għamlu d-domandi ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet madankollu li “l-imsemmija domandi essenzjalment jikkonċernaw preċiżament il-kwistjoni ta’ jekk, minkejja r-regoli nazzjonali dwar it-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, qorti bħalma hija l-qorti tar-rinviju hijiex obbligata, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’dawn id-domandi, twarrab l-imsemmija regoli nazzjonali u tassumi, jekk ikun il-każ, kompetenza ġudizzjarja fir-rigward tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. Issa, sentenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-eżistenza ta’ tali obbligu tkun torbot lill-qorti tar-rinviju u lill-korpi l-oħra kollha tar-Repubblika tal-Polonja, u d-dispożizzjonijiet interni marbuta man-nullità tal-proċedura jew mat-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji, li għalihom jirreferi l-Gvern Pollakk, ma jistgħux jostakolaw dan” ( 26 ).

59.

Il-ħames, jekk jiġu aċċettati l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Gvern Pollakk – li skonthom, sabiex tkun konformi mad-dritt nazzjonali, domanda bħal dik preżenti tista’ titressaq mill-kulleġġ sħiħ – dan iwassal, fil-fehma tiegħi, għal żewġ problemi addizzjonali.

60.

Minn naħa, kwistjonijiet relatati mal-kompożizzjoni korretta ta’ kulleġġi ġudikanti x’aktarx li qatt ma jaslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja jew ma jaslux fil-ħin. Tabilħaqq, l-imħallfin allegatament maħtura b’mod żbaljat x’aktarx ma jaqblux dwar il-ħtieġa li ssir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ġewx maħtura b’mod tajjeb sabiex jittrattaw dak il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kwistjoni bħal din tkun tista’ titqajjem biss jekk u meta jiġi ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti (possibbilment komposta illegalment). Għaldaqstant, fl-aħjar xenarju, il-kwistjoni tasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost tard. Fl-agħar xenarju (jew aħjar dak iżjed realistiku), din ma tasal qatt.

61.

Min-naħa l-oħra, it-tħaddin tal-loġika ssuġġerita mill-Gvern Pollakk iwassal għal paradoss ieħor. Jekk id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jkunu fondati fil-mertu, wieħed jista’ jassumi li wieħed mill-membri ta’ dawn il-kulleġġi ma huwiex indipendenti. Għaldaqstant, fix-xenarju pjuttost remot li dan il-membru tal-kulleġġ ikun lest li jiffirma deċiżjoni tar-rinviju li tqiegħed inkwistjoni l-indipendenza tiegħu stess, dan ir-rinviju jkun ammissibbli? Il-korp tar-rinviju f’din il-kompożizzjoni ma jkunx jonqos milli jissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza inerenti għall-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE?

62.

Dan kjarament jenfasizza żewġ punti. L-ewwel, jerġa’ jingħad li kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kompożizzjoni xierqa ta’ kulleġġ ġudikanti fil-fatt qatt ma jistgħu jitqajmu b’mod effettiv minn dan il-kulleġġ innifsu. It-tieni, li l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari u l-kriterju awtonomu tal-Artikolu 267 TFUE jintrabat mal-kundizzjoni tat-twettiq tal-elementi proċedurali kollha taħt id-dritt nazzjonali mhux biss huwa illoġiku iżda wkoll perikoluż f’termini sistemiċi.

63.

Is-sitta, l-imħallef li qiegħda tagħmel it-talba fil-kawżi preżenti ma hijiex sempliċement kwalunkwe mħallef tal-kulleġġ li qiegħed jisma’ l-kawżi: hija l-President ta’ dan il-kulleġġ. Presidenti ta’ kulleġġi ġudikanti mhux biss huma mogħnija b’poteri addizzjonali iżda huma wkoll fdati b’iktar responsabbiltajiet. Huma fil-fatt imsejħa biex jaġixxu bħala “gwardjani tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin u tal-qorti kollha kemm hi” ( 27 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fi ħdan kompożizzjonijiet iżgħar ta’ qorti, jew f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċedura speċifika, dawn il-funzjonijiet huma ġeneralment eżerċitati mill-President tal-kompożizzjoni (jew awla), li għandu r-rwol li jippresjedi l-kulleġġ u jidderieġi x-xogħol tiegħu ( 28 ). Huma tipikament mistennija li jissorveljaw kemm il-proċedura kif ukoll id-deliberazzjonijiet interni tal-kulleġġ li fuqu jippresjedu. B’hekk, ma narahiex stramba (aħseb u ara illegali) li, bħala President tal-kulleġġ, l-imħallef tar-rinviju tqis li hija obbligata li tiżgura l-kompożizzjoni korretta tiegħu.

64.

Fl-aħħar nett, hemm kunsiderazzjoni oħra marbuta ma’ dan l-aħħar punt: x’inhi fil-fatt il-proċedura eżatta li għaliha l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja? Ċertament, mod kif wieħed jista’ jħares lejn il-kwistjoni huwa li jitqies li l-proċedura rilevanti hija l-proċedimenti kriminali quddiem kulleġġ ta’ tliet imħallfin li jagħtu deċiżjoni fuq il-mertu b’rabta mal-akkuża kriminali.

65.

Madankollu, hemm mod ieħor kif wieħed jista’ jħares lejn l-istess kwistjoni. Dan billi wieħed jiffoka fuq l-inċident proċedurali speċifiku u d-deċiżjoni attwali li għandha tingħata bħala risposta għal dan l-inċident. F’dan il-każ, il-proċedimenti li fir-rigward tagħhom qiegħda tintalab il-gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxux il-proċedimenti kriminali kollha, imma biss kwistjoni preliminari li tikkonċerna l-kompożizzjoni korretta tal-kulleġġ li qiegħed jisma’ din il-kawża. Fir-rigward ta’ din il-parti tal-proċedimenti, u wkoll fid-dawl tat-tip ta’ deċiżjoni (preliminari) proċedurali li għandha tittieħed, hija l-imħallef tar-rinviju, fil-kapaċità tagħha ta’ President tal-kulleġġ, li effettivament tiddeċiedi bħala mħallef uniku f’dik il-parti tal-proċedimenti globali. Fil-kuntest ta’ dan l-inċident preliminari tal-proċedura, li għandu jiġi solvut qabel ma l-kawża tkun tista’ tinstema’ sewwa minn kulleġġ ġudikanti konformi mad-dritt tal-Unjoni, l-imħallef tar-rinviju hija l-uniku mħallef li tista’, u ċertament għandha, tindirizza l-kwistjoni qabel ma l-kawżi jistgħu jitkomplew.

66.

Naturalment mhux qiegħed nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taċċetta talbiet għal deċiżjonijiet preliminari minn imħallfin (jew kulleġġi) li huma manifestament inkompetenti biex jittrattaw il-kawżi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li qegħdin jużaw b’mod żbaljat il-kapaċità tagħhom biex jagħmlu referenza taħt l-Artikolu 267 TFUE jew li, b’relazzjoni mal-kawżi prinċipali, ma jissodisfawx il-kriterji ta’ Dorsch. Il-kawżi preżenti, madankollu, ma jaqgħu taħt ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet: il-qorti tar-rinviju hija “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni biex tittratta l-kawżi inkwistjoni u dawn il-kawżi huma ġenwini kif inhi wkoll il-kwistjoni mqajma in limine litis.

2) Nuqqas ta’ dettall suffiċjenti

67.

Il-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Prosekuturi tal-Provinċji ta’ Varsavja u Lublin, jargumentaw li t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jsostnu li dawn it-talbiet ma jipprovdux biżżejjed dettalji dwar ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija meħtieġa u l-kawżi pendenti.

68.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrikonoxxut li, għall-inqas sa fejn din id-domanda tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343, id-digrieti tar-rinviju huma konċiżi. Jista’ jiġi sostnut li l-qorti nazzjonali setgħet għamlet sforz ikbar biex tiċċara l-kuntest fattwali. B’mod partikolari, setgħu jiġu pprovduti iktar dettalji dwar kif l-obbligi tal-Istati Membri rigward l-oneru tal-prova, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, jistgħu jaffettwaw il-proċedimenti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

69.

Minkejja dan, ma naħsibx li x-“xeħħa verbali” tal-qorti tar-rinviju tista’ titqies li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, id-Direttiva 2016/343 (i) hija applikabbli għall-kawżi inkwistjoni, u (ii) tidher li hija rilevanti.

70.

Fir-rigward tal-ewwel punt, mid-deċiżjoni tar-rinviju huwa ċar li, fil-kawżi prinċipali, il-persuni akkużati għandhom jgħaddu minn proċess kriminali, u li għadha ma ngħatatx deċiżjoni finali dwar il-ħtija tagħhom. Għalhekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 huma applikabbli. Skont l-Artikolu 2 tagħha, din id-direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija ssuspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta deċiżjoni finali dwar jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva ( 29 ).Bilkemm hemm għalfejn jingħad, f’dan il-kuntest, li din id-direttiva hija wkoll applikabbli fi proċedimenti li huma “purament interni” għal Stat Membru wieħed.

71.

Fir-rigward tat-tieni punt, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li tista’ tqum kwistjoni bil-preżunzjoni ta’ innoċenza jew l-oneru tal-prova fejn wieħed jew iżjed mill-imħallfin fuq kulleġġ ġudikanti li jkun qiegħed jisma’ l-kawża kriminali jkollu rabtiet ma’ waħda mill-partijiet, senjatament in-naħa tal-prosekuzzjoni. Jekk il-kollokament ta’ mħallef għal qorti ta’ grad superjuri, u l-pożizzjoni tiegħu jew tagħha fiha, hija possibbilment bil-kundizzjoni li n-naħa tal-prosekuzzjoni tkun issodisfatta bil-prestazzjoni tiegħu, peress li fin-nuqqas tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex kapaċi jqajjem dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef ikkollokat. Tista’ titqiegħed bħala kwistjoni ta’ imparzjalità ġudizzjarja (jekk tiġi ttrattata minn perspettiva strutturali) jew possibbilment bħala kwistjoni relatata mal-preżunzjoni ta’ innoċenza jew tal-oneru tal-prova (jekk tiġi ttrattata mill-perspettiva tal-akkużat, li jista’ jemmen li kulleġġ kompost b’dan il-mod jaf ikollu tendenza li jxaqleb lejn il-prosekuzzjoni).

72.

F’kull każ, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ssodisfatti sa fejn huwa kkonċernat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Tabilħaqq, il-qafas fattwali u kuntestwali neċessarju sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-evalwazzjoni tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma jeħtieġx iżjed informazzjoni dwar il-fatti speċifiċi tal-kawżi prinċipali. Id-digrieti tar-rinviju jistabbilixxu, b’mod konċiż iżda eżawrjenti, il-qafas legali nazzjonali li jirregola l-kollokament tal-imħallfin, il-kwistjonijiet speċifiċi li l-qorti tar-rinviju taffaċċja fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ imsejjaħ sabiex jiddeċiedi fil-kawżi prinċipali, kif ukoll ir-raġunijiet li minħabba fihom il-qorti tiddubita l-kompatibbiltà ta’ dan il-qafas mad-dritt tal-Unjoni. Dawn il-fatturi, ikkunsidrati flimkien, jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u r-raġunament warajha.

3) Ir-rilevanza u n-neċessità tad-domanda

73.

Il-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Prosekuturi tal-Provinċji ta’ Varsavja u Lublin, isostnu li risposta għad-domanda ma hijiex neċessarja jew rilevanti għall-ġudizzju fil-kawżi prinċipali. Essenzjalment, huma jargumentaw li d-domanda hija purament ipotetika. Minn perspettiva proċedurali, ikun impossibbli għall-qorti tar-rinviju li tapplika r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE fil-kawżi prinċipali. Huma jsostnu li skont il-liġi nazzjonali, dik il-qorti ma għandha ebda setgħa biex “tikkorreġi” d-difetti potenzjali li jirriżultaw mir-regoli proċedurali nazzjonali inkwistjoni. Ikun il-kompitu, fejn xieraq, ta’ korp ġudizzjarju ieħor (senjatament, kulleġġ differenti) li jieħu azzjoni sabiex jiddeċiedi dwar l-esklużjoni ta’ wieħed mill-imħallfin sedenti fil-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, dawn il-partijiet jindikaw li l-akkużati ma qajmu ebda kwistjoni dwar il-formazzjoni tal-kulleġġ. Huma jsostnu wkoll li d-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jippreżentawx ir-regoli nazzjonali dwar kollokament ġudizzjarju b’mod komplet u imparzjali, u jinvokaw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Foglia ( 30 ).

74.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tinnota n-natura konċiża tad-digrieti tar-rinviju. Madankollu, hija ma tikkunsidrax id-domanda bħala inammissibbli: domanda magħmula ta’ natura proċedurali tista’ fil-fatt tiġi identifikata fil-kawżi prinċipali li, sabiex tiġi ttrattata, tista’ teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta għad-domanda mqajma.

75.

Dwar din il-kwistjoni, naqbel mal-Kummissjoni. Jiena nqis ukoll li l-ewwel domanda hija tabilħaqq ammissibbli. Din id-domanda tqajjem kwistjoni in limine litis ta’ kompatibbiltà bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija meħtieġa tindirizza qabel ma tkun tista’ (legalment) tiddeċiedi fil-kawżi prinċipali. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward ir-rilevanza u n-neċessità tad-domanda magħmula (i), u ma titqigħedx inkwistjoni minn xi ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ii), li minnha l-kawżi preżenti jistgħu jiġi distinti faċilment (iii).

i) Il-ġurisprudenza stabbilita dwar “rilevanza” u “neċessità”

76.

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunjoni ta’ rilevanza u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 31 ).

77.

Ir-rilevanza u n-neċessità huma, għalhekk, żewġ naħat tal-istess munita: domanda hija rilevanti jekk ir-risposta tagħha tkun neċessarja sabiex il-qorti nazzjonali tkun f’pożizzjoni tiddeċiedi fil-kawżi prinċipali, u viċi versa. Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li domandi huma ammissibbli fejn risposta għalihom tkun neċessarja sabiex tippermetti lill-qrati tar-rinviju li “jiġġudikaw” il-kawżi quddiemhom ( 32 ). Dan tradizzjonalment kien mifhum li jirrikjedi, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ żewġ kundizzjonijiet: (a) irid ikun hemm kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ( 33 ), u (b) id-deċiżjoni li tingħata minn dik il-qorti trid tkun kapaċi li tieħu inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni preliminari ( 34 ).

78.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, huwa paċifiku li fil-kawżi kollha, ħlief possibbilment dik inkwistjoni fil-Kawża C‑754/19 ( 35 ), hemm proċedura kriminali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-kwistjoni prinċipali hija, għalhekk, jekk it-tieni kundizzjoni hijiex issodisfatta: il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula?

79.

Meta l-fatti tal-kawżi preżenti jiġu evalwati fid-dawl tal-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta hija kjarament fl-affermattiv. Din il-ġurisprudenza stabbilita turi għalfejn l-oġġezzjonijiet imressqa mill-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Prosekuturi tal-Provinċji ta’ Varsavja u Lublin, huma mingħajr mertu.

80.

L-ewwel nett, bilkemm hemm għalfejn jingħad li ma hemmx għalfejn li d-domanda preliminari tkun direttament rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża fuq il-mertu. Il-ġurisprudenza fiha ħafna eżempji ta’ deċiżjonijiet preliminari li jikkonċernaw domandi proċedurali ta’ diversi tipi ( 36 ). Fil-fatt, hemm linja ta’ ġurisprudenza partikolarment rikka li tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali u l-limiti tiegħu, speċjalment dawk li jirriżultaw mill-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ). Xi wħud mid-domandi ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja jirrelataw, pereżempju, mal-limitazzjonijiet proċedurali imposti fuq il-qrati nazzjonali minn regoli nazzjonali ( 38 ), jew kwistjonijiet proċedurali li l-qorti tar-rinviju għandha tittratta qabel ma tkun tista’ tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ( 39 ). Uħud mid-domandi magħmula kkonċernaw, bħal fil-kawżi preżenti, ċerti aspetti tar-regoli nazzjonali dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja ( 40 ).

81.

Fil-fatt, il-kawżi preżenti jixbhu b’mod ċar is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża A. K. et. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kawżi kienu ammissibbli fejn il-qorti tar-rinviju “ma [xtaqitx] li tingħata kjarifika dwar il-mertu tat-tilwimiet li [kellha] quddiemha u li min-naħa tagħhom [kienu] marbuta ma’ kwistjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda [xtaqet] li tingħata kjarifika dwar problema ta’ natura proċedurali li [kellha] tiddeċiedi in limine litis, sa fejn tikkonċerna l-kompetenza stess ta’ din il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-imsemmija tilwimiet” ( 41 ).

82.

Hemm ukoll eżempji ta’ kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-kwistjoni ta’ indipendenza fir-rigward ta’ kompożizzjoni speċifika ta’ kulleġġ ġudikanti. Pereżempju, fil-kawża Ognyanov, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jipprekludi regola nazzjonali li kienet teħtieġ li kulleġġ ġudikanti jiġi skwalifikat peress li kien esprima, fit-talba għal deċiżjoni preliminari indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, opinjoni provviżorja fuq is-sustanza ta’ każ ( 42 ).

83.

It-tieni, il-fatt li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi preżenti ma tistax tiġi applikata mill-qorti tar-rinviju f’deċiżjoni li tieħu l-forma ta’ sentenza (jew deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża) huwa immaterjali.

84.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari hija suġġetta għaċ-ċirkustanza li l-qorti tar-rinviju tiġi “mitluba [tiddeċiedi] fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja” ( 43 ). Dan ifisser li rinviju rċevut minn qorti nazzjonali li, b’mod eċċezzjonali, jintervjeni fi proċedura ta’ natura amministrattiva ma huwiex ammissibbli ( 44 ). Għall-kuntrarju, dan ma jfissirx li d-deċiżjoni li għandha tagħti l-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali, dwar il-kwistjoni speċifika mqajma fil-kuntest tad-domandi magħmula, għandha tkun relatata mal-għeluq tal-proċedura, u wisq inqas li għandha tieħu l-forma ta’ sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod konsistenti li domandi huma ammissibbli meta jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ proċedura relatati mal-“proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju”. Ir-rekwiżit inkwistjoni għandu fil-fatt jiġi interpretat “b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat li numru ta’ kwistjonijiet proċedurali jitqiesu bħala inammissibbli u ma jkunux jistgħu jingħataw interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika” ( 45 ).

85.

Tabilħaqq, ma hemmx nuqqas ta’ eżempji fejn ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja intiża biex tassisti lill-qorti tar-rinviju ma setgħetx tiġi applikata f’deċiżjoni li ħadet il-forma ta’ sentenza (jew kwalunkwe deċiżjoni oħra fuq il-mertu). Pereżempju, fil-kawża VB Pénzügyi Lízing, waħda mid-domandi kienet dwar l-obbigu tal-qrati nazzjonali, meta jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari, li jinformaw lill-Ministeru għall-Ġustizzja fl-istess waqt li jkun sar rinviju ( 46 ). Fil-kawża Eurobolt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura milli tirrispondi domanda dwar jekk, skont l-Artikolu 267 TFUE, qorti nazzjonali hijiex intitolata li tavviċina lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fit-tfassil ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li l-validità tiegħu tkun ikkontestata quddiemha ( 47 ). Fil-kawża Salvoni, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet lill-qorti nazzjonali bl-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni mitluba, u pprekludiet lil dik il-qorti milli jkollha komunikazzjoni ex parte ma’ waħda mill-partijiet ( 48 ). Bl-istess mod, f’numru ta’ kawżi relatati mal-interpretazzjoni ta’ strumenti tal-Unjoni adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni sabiex tassisti lill-qrati tar-rinviju fil-kompitu tagħhom li jimlew il-formoli previsti fl-annessi għal dawk l-istrumenti ( 49 ).

86.

Għal darba oħra, hemm ħafna eżempji ta’ risposti pprovduti fil-ġurisprudenza li għandhom x’jaqsmu ma’ diversi kwistjonijiet proċedurali, strutturali, jew istituzzjonali, u li jgħinu lil qorti tar-rinviju ssolvi kwistjonijiet oħra li jqumu fil-mori tal-kawża, qabel, f’dak il-mument, jew anki wara d-deċiżjoni finali fuq il-mertu ( 50 ).

87.

It-tielet, is-sitwazzjoni, kif allegat mill-Gvern Pollakk, fejn taħt id-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju ma jkollha ebda setgħa sabiex “tikkorreġi” d-difetti potenzjali li jirriżultaw mill-inkompatibbiltà possibbli tar-regoli proċedurali nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, hija immaterjali.

88.

Minn naħa, dan l-argument huwa kkontestat mill-qorti tar-rinviju. Fit-tweġiba tagħha tat‑3 ta’ Settembru 2020 għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib inkompatibbiltà bejn ir-regoli nazzjonali inkwistjoni u d-dritt tal-Unjoni hija kellha tliet għażliet disponibbli sabiex tirrimedja din l-inkompatibbiltà – jew għall-inqas sabiex tillimita parzjalment l-effetti tagħha. Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 41(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, imħallef jista’ jitlob li jiġi rrikużat minn kawża. Fit-tieni lok, bħala President tal-kulleġġ ġudikanti fil-kawżi inkwistjoni, l-imħallef tal-qorti tar-rinviju tista’ tressaq talba lill-President tal-qorti tagħha, fejn titlob l-applikazzjoni tal-Artikolu 47b tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li jista’ jwassal għal bidla fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti. Fit-tielet lok, konformement mal-Artikolu 37 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-qorti tar-rinviju tista’ tistaqsi lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) biex talloka l-kawżi lil qorti oħra tal-istess grad fejn dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ġustizzja.

89.

Fid-dawl ta’ din id-diverġenza ta’ opinjonijiet, irrid nerġa’ nfakkar li huwa l-kompitu tal-qorti adita li tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet repetutament li ma huwiex kompitu tagħha, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju lil dawn id-dispożizzjonijiet hijiex korretta, peress li tali interpretazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-qrati tar-rinviju ( 51 ). Għalhekk ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar x’inhu l-kontenut jew l-interpretazzjoni korretta tad-dritt nazzjonali.

90.

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżit ta’ neċessità ġie evalwat b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja irrispettivament mill-possibbiltajiet legali ta’ dritt nazzjonali disponibbli biex tiġi rrimedjata l-inkompatibbiltà potenzjali bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. Hija ġurisprudenza stabbilita li “hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kull dispożizzjoni ta’ sistema legali nazzjonali jew kull prassi leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li għandha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li tirrifjuta lill‑qorti kompetenti mill-applikazzjoni ta’ dan id-dritt is-setgħa li tagħmel, fil‑mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jifformaw ostakolu għall-effettività sħiħa ta’ dawn ir-regoli direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni” ( 52 ).

91.

L-argumenti mressqa mill-Gvern Pollakk ma jistgħux jiġu rrikonċiljati mal-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-effett dirett u tas-supremazija. Li kieku l-obbligi tal-qrati nazzjonali li jinforzaw id-dritt tal-Unjoni kien limitat għal dak espressament permess mid-dritt nazzjonali, kieku ftit li xejn kien ikun hemm dritt tal-Unjoni. Jekk hemm problema ta’ dritt tal-Unjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, dik il-qorti hija meħtieġa tagħmel dak kollu possibbli sabiex telimina l-inkompatibbiltà (potenzjali) biex tilħaq konformità kemm jista’ jkun malajr. Il-qorti tar-rinviju tista’, għal dan il-għan, tinterpreta regoli nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew, fejn xieraq, ma tapplikax dispożizzjonijiet nazzjonali li jwaqqfuha milli tiżgura konformità ( 53 ). Il-fatt li l-problema tista’ tiġi ipotetikament solvuta, għall-inqas konformement mal-kliem tad-dritt nazzjonali, fi stadju ulterjuri minn qorti oħra (jew kulleġġ ieħor), ma hijiex oġġezzjoni valida, inqas u inqas mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

92.

Konsegwentement, il-fatt li, skont il-Gvern Pollakk, il-qorti tar-rinviju jaf ma tkun tista’ tieħu ebda azzjoni speċifika sabiex tirrimedja l-inkompatibbiltà tar-regoli nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni – anki li kieku dan kellu jiġi kkonfermat, li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex il-każ – fi kwalunkwe każ ma jirrendix id-domanda mressqa inammissibbli. Wara kollox, meta talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jkunu mmirati biex jiġu ċċarati l-obbligi u s-setgħat li qrati nazzjonali għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar jekk waħda jew iktar mir-regoli nazzjonali proċedurali humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni ssir waħda mill-kwistjonijiet ċentrali ta’ mertu fil-kawża. Din ma hijiex kwistjoni ta’ ammissibbiltà.

93.

Konferma ta’ dawn il-prinċipji tinsab, għal darba oħra, fil-kawża A. K. et. Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod espress: “l-fatt li dispożizzjonijiet nazzjonali […] jordnaw l-għeluq ta’ tilwim bħat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali ma jistax, bħala prinċipju u fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tordna tali għeluq jew li tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-kawżi prinċipali, iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li ma għadx hemm lok li tagħti deċiżjoni dwar id-domandi preliminari li għandha quddiemha” ( 54 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fid-diskrezzjoni wiesgħa tal-qrati nazzjonali fis-sottomissjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u kkonkludiet li “regola tad-dritt nazzjonali ma tistax twaqqaf lil qorti nazzjonali milli tuża l-imsemmija possibbiltà jew milli tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu” ( 55 ).

94.

Ir-raba’, il-fatt li l-persuni suġġetti għal proċeduri kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju ma kkontestawx il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni la jaffettwa r-rilevanza tad-domanda, u lanqas l-ammissibbiltà tagħha. Huwa paċifiku li l-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma qajmux punt ta’ dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali ma jipprekludix lil din tal-aħħar milli tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 267 TFUE ma huwiex limitat għall-każijiet fejn parti jew oħra fil-kawżi prinċipali tkun ħadet l-inizjattiva li tqajjem punt dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, iżda jestendi wkoll għall-każijiet fejn domanda ta’ dan it-tip titqajjem mill-qorti tar-rinviju ex officio ( 56 ). Dan huwa iżjed u iżjed importanti f’każ fejn jitnisslu dubji serji dwar il-kompożizzjoni korretta tal-kulleġġ ġudikanti li jkun qiegħed jisma’ l-kawża ( 57 ).

95.

Il-kawżi preżenti lanqas ma huma “kawżi artifiċjali” li jixbħu l-kawżi Foglia ( 58 ). Huwa paċifiku li l-proċedimenti kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju huma tilwimiet ġenwini. Ma hemm assolutament xejn li jindika li l-partijiet orkestraw dawn il-proċeduri b’mod artifiċjali sabiex jitolbu l-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 59 ).

96.

Il-ħames u fl-aħħar nett, f’termini ta’ evalwazzjoni preliminari, jidhirli li l-kawżi preżenti għandhom il-komponenti kollha meħtieġa biex l-Artikolu 19(1) TUE jkun applikabbli.

97.

Qabel kollox, il-kwistjonijiet imqajma permezz tal-proċeduri preżenti ma tantx huma negliġibbli jew anċillari fin-natura, la fil-kawżi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u lanqas fl-ordinament ġuridiku nazzjonali b’mod ġenerali. Tabilħaqq, peress li l-kwistjoni mqajma rigward il-kompożizzjoni korretta tal-kulleġġi ġudikanti ma hijiex speċifika għall-kawżi prinċipali iżda tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ applikazzjoni ġenerali r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula x’aktarx ikollha riperkussjonijiet sinjifikattivi f’numru ta’ kawżi oħra.

98.

Għal dak li għandu x’jaqsam man-natura tal-kwistjoni fil-kawżi prinċipali, fil-kawża Simpson, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod enfatiku: “[i]l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett tagħha kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Dan jimplika li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt. Din il-verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti f’kawża. F’dan is-sens, tali stħarriġ jikkostitwixxi formalità essenzjali li l-osservanza tagħha taqa’ taħt l-ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata ex officio” ( 60 ). Għaldaqstant, sakemm għandha dubji ġenwini dwar il-kompożizzjoni legali tagħha, il-qorti tar-rinviju tista’ u għandha tqajjem kwistjoni bħal din qabel tgħaddi biex tevalwa s-sustanza tal-kawżi li jkollha quddiemha.

99.

Barra minn hekk, f’termini ta’ x’jista’ jinsilet mill-kuntest tal-kawżi preżenti kif ukoll minn numru ta’ kawżi oħra dwar l-istess Stat Membru, li reċentement wasslu għal numru ta’ kawżi pendenti fil-lista tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ordinament ġuridiku inkwistjoni x’aktarx ma joffrix mekkaniżmi adegwati ta’ awtokorrezzjoni tal-kwistjoni potenzjali mqajma mill-qorti tar-rinviju. Il-kwistjoni identifikata mill-qorti tar-rinviju ma hijiex sempliċement inċident wieħed sfortunat f’sistema li altrimenti taħdem b’mod tajjeb.

100.

Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li l-ewwel domanda hija ammissibbli. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 19(1) TUE – dispożizzjoni kjarament applikabbli fil-kawżi preżenti – sabiex issolvi kwistjoni ta’ natura proċedurali, sabiex il-kawżi prinċipali jkunu jistgħu jitmexxew b’mod li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

101.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja l-argumenti rigward l-allegat nuqqas ta’ rilevanza jew neċessità tad-domanda ma humiex persważivi. Id-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kuntest speċifiku tal-indipendenza tal-ġudikatura nazzjonali u l-ammissibbiltà ta’ tali domandi ma jbiddlux din il-konklużjoni.

ii) Il-ġurisprudenza reċenti: Miasto Łowicz u n-nisel tagħha

102.

Fil-kawża Miasto Łowicz ( 61 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija jekk is-sistema l-ġdida ta’ proċeduri dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallfin fil-Polonja tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx il-merti tad-domandi magħmula peress li kkonstatat li d-domandi mressqa kienu inammissibbli.

103.

Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel enfasizzat li, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ “neċessità” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, irid ikun hemm rabta bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom l-interpretazzjoni hija mitluba “b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu” ( 62 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi identifikat numru ta’ sitwazzjonijiet fejn domandi magħmula jikkonformaw ma’ din il-kundizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet tassonomija tat-“tipi ta’ sitwazzjonijiet” li fihom talba għal deċiżjoni preliminari għandha rabta suffiċjenti sabiex tiżgura r-rilevanza tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE. Din ir-rabta teżisti fejn: (i) it-tilwima hija marbuta sostantivament mad-dritt tal-Unjoni ( 63 ); (ii) id-domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni ta’ natura proċedurali li jistgħu jkunu applikabbli ( 64 ); jew (iii) ir-risposta mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja tidher li hija ta’ natura li tagħti lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu ( 65 ).

104.

Sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma setgħetx tiġi identifikata tali rabta fil-kawżi inkwistjoni peress li ma kinux jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet spjegati hawn fuq. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kwalunkwe risposta li tingħata ma kien ser ikollha ebda effett fuq il-proċeduri ġudizzjarji pendenti quddiem il-qrati tar-rinviju.

105.

Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Miasto Łowicz ftit li xejn huma sorprendenti.

106.

L-ewwel nett, ma nikkunsidrax li dik s-sentenza qiegħda tintroduċi limitazzjonijiet għal, jew derogi mill-prinċipji li jirriżultaw minn ġurisprudenza preċedenti. Fil-fehma tiegħi, jidher li tirrifletti b’mod ġenerali l-għan prinċipali ta’ dik il-ġurisprudenza: il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kawżi prinċipali, ir-risposti li huma mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-impatt fuq dawk il-proċeduri jista’ jikkonċerna – kif iddikjarat espressament il-Qorti tal-Ġustizzja – jew aspetti sostantivi jew aspetti proċedurali tagħhom. Madankollu, f’forma jew oħra, dan l-impatt irid ikun speċifiku u prevedibbli u ma jistax ikun ipotetiku, teoretiku jew sempliċement spekulattiv.

107.

It-tieni, l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tradizzjonali tagħha għas-sitwazzjonijiet speċifiċi inkwistjoni fil-kawża Miasto Łowicz ukoll tidher raġonevoli. Kien hemm nuqqas ta’ konnessjoni sinjifikattiv bejn il-fatti inkwistjoni quddiem il-qrati tar-rinviju u d-domanda pjuttost ġenerali li għamlu dawn il-qrati ( 66 ). Ma kienx ċar – ukoll fid-dawl tad-dettall limitat ipprovdut fid-digrieti tar-rinviju ( 67 ) – kif il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tas-sistema l-ġdida għal proċeduri dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallfin fil-Polonja seta’ jkollhom impatt attwali ta’ natura sostantiva jew proċedurali fil-kawżi prinċipali. Dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw kwistjonijiet differenti ( 68 ).

108.

It-tielet, b’kuntrast ma’ xi vuċijiet akkademiċi ( 69 ), ma naħsibx li tali rekwiżit ta’ mill-inqas ċertu rilevanza diretta għad-deċiżjoni li għandha tagħti l-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali jirrifletti tbegħid mill-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Nissuspetta li parti mill-kwistjoni tista’ tkun sempliċement konsegwenza ta’ “illużjoni ottika”. Qabel ma l-eżistenza ta’ obbligu distint li jirriżulta direttament mill-Artikolu 19(1) TUE ġiet affermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawża kellha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tradizzjonali. Dan ir-rekwiżit illimita b’mod awtomatiku l-firxa ta’ domandi li setgħu jsiru peress li kienet meħtieġa rabta perċepibbli ma’ dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew għall-inqas kunflitt usa’ ma’ waħda mil-libertajiet jew prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ( 70 ). Evalwata fid-dawl ta’ din il-possibbiltà (naturalment iktar ristretta), il-kwistjoni ta’ rilevanza jew neċessità ma kinitx tqum ta’ spiss jew kienet tidher wisq oneruża.

109.

Għall-kuntrarju, ladarba t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma baqax limitat għar-rekwiżit li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tradizzjonali, it-tieni possibbiltà (idjaq u sostantiva) effettivament tneħħiet. Issa, dak li jidher ċar huwa l-ewwel possibbiltà ta’ neċessità/rilevanza, li minn dejjem kienet hemmhekk, mingħajr qatt ħadd ma taha wisq attenzjoni, għal raġuni li tista’ pjuttost tinftiehem: wieħed għandu tendenza li joqgħod attent, intuwittivament, għall-possibbiltajiet idjaq u mhux għal dawk usa’. Madankollu, issa li din hija effettivament l-unika possibbiltà, din tista’ tiġi pperċepita bħala limitazzjoni ġdida u iżjed restrittiva, sempliċement peress li hija l-unika waħda li għadha teżisti.

110.

L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Miasto Łowicz sussegwentement ġie applikat fil-kawża Prokuratura Rejonowa w Słubicach ( 71 ), li kienet tikkonċerna proċeduri nazzjonali u domandi pjuttost simili għal dawk inkwistjoni fil-kawża Miasto Łowicz. B’kuntrast ma’ dan, il-kawża Maler ( 72 ), kif ukoll il-kawża Land Hessen ( 73 ), iqajmu kwistjonijiet kemxejn differenti dwar ammissibbiltà u ġurisdizzjoni.

111.

Fil-kawża Maler, it-talba għal deċiżjoni preliminari saret minħabba diverġenza fl-opinjoni fil-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna, l-Awstrija) bejn il-qorti tar-rinviju (ippreseduta minn imħallef uniku) u l-President ta’ dik il-qorti. Il-qorti tar-rinviju qieset li l-attribuzzjoni ta’ kawża speċifika, magħmula abbażi tar-regoli interni ta’ dik il-qorti dwar l-attribuzzjoni tal-kawżi, tat lok għal kwistjonijiet taħt l-Artikolu 83 tal-Bundes-Verfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali Awstrijaka) li skontu, inter alia, ħadd ma għandu jitneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-imħallef legali tiegħu jew tagħha. Minħabba l-allegat kunflitt mal-prinċipju tal-imħallef leġittimu, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji wkoll dwar jekk tali qorti tistax titqies “indipendenti biżżejjed” biex tittratta l-kawża skont l-istandards stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), fl-Artikolu 19(1) TUE, u fl-Artikolu 47 tal-Karta.

112.

Billi applikat is-sentenza Miasto Łowicz, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-rinviju inammissibbli fit-totalità tiegħu, u insistiet li l-kawża ma kellhiex rabta sostantiva mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi l-kwistjonijiet pendenti quddiemha ( 74 ).

113.

Żewġ elementi oħra forsi jistħoqqilhom jissemmew f’dan il-kuntest. L-ewwel nett, il-kwistjoni mqajma mill-imħallef tar-rinviju kienet waħda pjuttost teknika f’qasam fejn numru ta’ approċċi potenzjali huma konċepibbli. Tabilħaqq, x’aktarx ħadd ma jsostni li bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, hemm biss mod speċifiku wieħed kif kawżi jistgħu jiġu attribwiti f’qorti sabiex tiġi żgurata konformità mad-dritt għal imħallef leġittimu, jew, b’mod usa’, id-dritt għal smigħ xieraq. It-tieni, u forsi iktar importanti, id-deċiżjoni tar-rinviju ma indikat ebda elementi li, jew waħedhom jew meħuda flimkien, jistgħu jixħtu dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-korpi ġudizzjarji involuti fil-każ, jew dwar is-saħħa tas-sistema ġudizzjarja b’mod ġenerali. B’mod partikolari, ebda kwistjonijiet strutturali, sistemiċi jew kwistjonijiet oħra relatati mal-Istat tad-dritt ma tpoġġew għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża. Għall-kuntrarju, il-fatti tal-każ urew li s-sistema nazzjonali fil-fatt kienet toffri xi mezzi biex jiġi rrimedjat l-allegat ksur tal-liġi, fl-eventwalità li ma kien jeżisti ebda mezz jekk ikun hemm. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju saħansitra għamlet użu minn dawn il-mezzi iżda dehret li ma kinitx issodisfatta bir-riżultat aħħari tagħhom ( 75 ).

114.

F’ċirkustanzi bħal dawn, in-nuqqas ta’ trattament tar-rinviju fuq il-mertu jista’ jitqies li huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li skontha, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeduċi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati jistgħu jiġu applikati b’mod li jmur kontra l-prinċipji minquxa fl-ordinament ġuridiku domestiku jew il-prinċipji ta’ Stat irregolat mill-Istat tad-dritt ( 76 ). Fi kliem sempliċi, ma ġiet ikkonstatata ebda kwistjoni serja, li possibbilment tinqala’ taħt l-Artikolu 19(1) TUE, li setgħet tissuġġerixxi li l-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma kienx kapaċi “jawtorimedja”.

115.

Finalment, fil-kawża Land Hessen, il-qorti tar-rinviju kienet għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istatus tagħha bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju kienet qiegħda essenzjalment tistieden lill-qorti tal-Unjoni teżamina l-ammissibbiltà tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Tabilħaqq, ladarba li tkun “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE hija kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rinviju, it-twettiq ta’ din il-kundizzjoni jista’ jitqies bħala prerekwiżit għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifikata fid-domanda l-oħra magħmula mill-qorti nazzjonali.

116.

Il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat bir-reqqa t-tħassib tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-ammissibbiltà u kkonkludiet li dan il-korp kien konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 267 TFUE ( 77 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet it-taqsima dwar l-ammissibbiltà billi qalet li “din il-konklużjoni ma taffettwax l-eżami tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda, li hija, inkwantu tali, inammissibbli. Fil-fatt, peress li din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE nnifsu, li ma huwiex inkwistjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni mitluba permezz tal-imsemmija domanda ma tissodisfax bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti” ( 78 ).

117.

L-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha u l-formulazzjoni ta’ ċerti siltiet tagħha jistgħu, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidhru interessanti, Madankollu, ma’ spezzjoni iżjed mill-qrib, jistgħu forsi jinftehmu kif ġej.

118.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha sempliċement l-intenzjoni li tindika li meta jinqalgħu kwistjonijiet dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 267 TFUE dwar l-ammissibbiltà tar-rinviji, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet tappartjeni, b’mod pjuttost ovvju, għall-ammissibbiltà tar-rinviju, u mhux għall-merti tiegħu. Għaldaqstant, jekk iqumu dubji dwar jekk il-korp li jagħmel ir-rinviju huwiex “qorti jew tribunal” għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE (talli allegatament ma kienx indipendenti biżżejjed, bħal fil-kawża Land Hessen, jew għal kwalunkwe raġuni oħra), dik il-problema tikkostitwixxi kwistjoni preliminari ta’ proċedura, irrispettivament minn jekk tressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’termini ta’ ammissibbiltà jew jekk kinitx l-oġġett tad-domanda speċifika mressqa. ( 79 )

119.

Huwa minnu li l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni ma kinitx għalkollox konsistenti matul is-snin. Tabilħaqq, in-natura ġuridika tal-korp li jagħmel it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet evalwata kemm f’termini ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 80 ), kif ukoll f’termini ta’ ammissibbiltà tar-rinviju ( 81 ). Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-kawża Land Hessen, il-Qorti tal-Ġustizzja numru ta’ drabi rrispondiet domandi rigward il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u dwar jekk il-korp nazzjonali li jkun qiegħed jagħmel it-talba f’kawża jistax jitqies bħala tali ( 82 ).

120.

Madankollu, ma nemminx li għandha ssir wisq enfasi fuq l-eteroġeneità inevitabbli tal-ġurisprudenza miġbura matul is-snin peress li naturalment x’aktarx li tiddependi ħafna mill-każ partikolari. Filwaqt li naturalment tali proposta probabbilment ma hijiex sodisfaċenti mil-lat teoretiku, ma nikkunsidrax li tqajjem problema speċifika. Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq verifika tan-natura ġudizzjarja ta’ korp nazzjonali li jagħmel it-talba, jekk dan tagħmlux fil-kuntest ta’ ġurisdizzjoni, ammissibbiltà, jew (eventwalment) anki tal-merti, huwa ta’ importanza prattika limitata. Il-qorti nazzjonali tikseb il-kjarifika mitluba u, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika problema, it-talba tiġi rrifjutata għal raġunijiet proċedurali mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sustanza tad-domandi magħmula ( 83 ).

121.

Għalhekk, ma nqisx li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Land Hessen tikkostitwixxi tbegħid mill-ġurisprudenza deskritta hawn fuq. F’kull każ, il-kawżi preżenti jistgħu faċilment jiġu distinti minn dawk eżaminati fil-kawżi Miasto Łowicz, Maler u Land Hessen, kwistjoni li sejjer nirrikorri għaliha hawn taħt.

iii) Il-kawżi preżenti huma differenti minn dawk deskritti qabel

122.

L-ewwel nett, b’kuntrast mas-sitwazzjoni fil-kawża Miasto Łowicz, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda tista’ effettivament tittieħed inkunsiderazzjoni peress li tikkonċerna l-kompożizzjoni korretta tal-kulleġġ ġudikanti. Minn din il-perspettiva, ir-rilevanza tal-ewwel domanda hija marbuta mal-ħtieġa li tiġi solvuta problema speċifika u reali li taffettwa l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju b’mod dirett. F’dan ir-rigward, il-President tal-kulleġġ għandha diversi għażliet disponibbli sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità.

123.

B’riferiment għat-tassonomija msemmija fil-kawża Miasto Łowicz, inqis li l-każijiet preżenti jaqgħu kompletament fit-tielet kategorija: il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob risposta mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issolvi kwistjoni proċedurali ta’ dritt nazzjonali qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq is-sustanza tal-kawżi quddiemha.

124.

Fl-istess waqt, il-kawżi preżenti jaqgħu ukoll fit-tieni kategorija: il-qorti tar-rinviju tistrieħ fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343, leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi regoli ta’ natura proċedurali li jidher li huma applikabbli fil-kawżi prinċipali, kemm ratione personae kif ukoll ratione materiae ( 84 ).

125.

F’dan l-isfond, u fid-dawl tal-allegati rabtiet bejn ċerti mħallfin li qegħdin fil-kulleġġ iddestinat li jiddeċiedi fil-kawżi prinċipali u l-Ministru għall-Ġustizzja/Prosekutur Ġenerali, huwa raġonevoli li l-qorti tar-rinviju tista’ tistaqsi jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni humiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-prinċipju li l-“Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-preżunzjoni ta’ innoċenza hija stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-Artikolu 6(2) u (3) KEDB, kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta ( 85 ). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, bħall-premessa 22, essenzjalment jipprovdi li l-oneru tal-prova biex tiġi stabbilita l-ħtija ta’ persuni ssuspettati u akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni u li kwalunkwe dubju f’dan ir-rigward għandu jibbenefika l-persuni ssuspettati jew akkużati.

126.

Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 fil-fatt jipprekludux miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri preżenti hija għalhekk kwistjoni li tirrelata mal-mertu, u mhux mal-ammissibbiltà, tal-ewwel domanda.

127.

It-tieni, għall-kuntrarju tal-kawża Maler, il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ ċerti miżuri nazzjonali ma’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, il-kawżi preżenti ma humiex sempliċement riflessjoni (dgħajfa) ta’ dik li essenzjalment hija problema interna għall-ordinament ġuridiku nazzjonali. Ulterjorment, is-sustanza tal-kwistjoni tikkonċerna element pjuttost bażiku ta’ imparzjalità ġudizzjarja mhux sempliċement kwistjoni teknika li dwarha ma hemm ebda approċċ unifikat fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, prima facie, dawn il-kwistjonijiet potenzjali huma ta’ ċertu gravità u x’aktarx ikollhom riperkussjonijiet sistemiċi importanti. Finalment, dawn il-kawżi tressqu minn kuntest legali speċifiku, li fih il-kapaċità ta’ sistema bħal din li “tawtorimedja” ma hija ovvja xejn.

128.

It-tielet, fil-kawża Land Hessen, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet il-kjarifiki mitluba mill-qorti tar-rinviju. L-elementi eżistenzjali (“jiena qorti jew tribunal?”) u metafiżiċi (“jiena nuża l-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE sabiex nivverifika jekk nistax nuża din il-proċedura”) li fuqhom hija bbażata t-tieni domanda magħmula ma pprekludewx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżamina l-kwistjonijiet imqajma. L-obiter dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 62 tas-sentenza għandu, b’mod ġenerali, funzjoni pedagoġika. Fil-kawżi preżenti, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssib li t-talbiet huma inammissibbli fit-totalità tagħhom, il-qorti tar-rinviju ma tirċievi ebda gwida dwar il-kwistjonijiet imqajma.

129.

Għaldaqstant, pjuttost milli tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni tiegħi dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda magħmula, il-ġurisprudenza l-iżjed reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt turi għalfejn risposta għal din id-domanda hija meħtieġa sabiex il-qorti tar-rinviju tagħti sentenza fil-kawżi pendenti quddiemha.

B. In-natura u l-limiti tal-Artikolu 19(1) TUE

130.

Fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ippruvajt nispjega għalfejn nemmen li, f’konformità mal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-ġurisdizzjoni tagħha u l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju hija ammissibbli. Ippruvajt ukoll nissistemizza l-ġurisprudenza l-iżjed reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u nuri għalfejn ma kien hemm xejn fiha li effettivament biddel dan l-approċċ tradizzjonalment miftuħ.

131.

Fil-preżent, huwa madankollu meħtieġ li nduru għall-iljunfant (il-ġdid) fil-kamra: it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Wieħed ma jistax jaħbi l-fatt li l-iskumdità li tinħass fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ ammissibbiltà fil-kawżi preżenti, bħalma tinħass, forsi, f’kawżi oħra li reċentement ġew ippreżentati jew huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tirriżulta, sa ċertu punt, mill-approċċ “ġeneruż” li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE. Tabilħaqq, ladarba l-limiti sostantivi tal-ħtieġa li “taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiskatta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja twarrbu fil-każ tal-Artikolu 19(1) TUE, loġikament qam tħassib dwar l-applikazzjoni potenzjalment wiesgħa żżejjed tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 86 ). Illum jew għada jista’ jkun hemm anki tentazzjoni li jerġgħu jiġu introdotti dawn il-limiti f’termini ta’ ammissibbiltà ( 87 ).

132.

Wieħed ma jistax jiċħad li l-approċċ adottat fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses huwa pjuttost estensiv: il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE huwa wiesa’, kemm ratione materiae (li jinkludi l-oqsma kollha koperti mid-dritt tal-Unjoni, irrispettivament jekk l-Istati Membri humiex jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta fil-każ individwali), u ratione iudicis (li jinkludi kwalunkwe korp nazzjonali li jista’ jiddeċiedi, bħala qorti jew tribunal, dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni). Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AFJR, huwa tabilħaqq pjuttost diffiċli li wieħed isib qorti jew tribunal nazzjonali li ma jista’ qatt, bħala regola, jintalab jiddeċiedi dwar kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 88 ).

133.

Fuq din il-bażi, jista’ jiġi argumentat li, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-Artikolu 19(1) TUE, approċċ iżjed restrittiv għall-ammissibbiltà ta’ każijiet li jqajmu kwistjonijiet taħt din id-dispożizzjoni huwa ġġustifikat. F’tali xenarju, il-kriterji dwar l-ammissibbiltà jikkostitwixxu l-vit li jżomm lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tegħreq f’ħafna rinviji li jikkonċernaw varjetà ta’ aspetti li, f’moħħ ċerti qrati nazzjonali, jistgħu jqajmu kwistjonijiet ta’ indipendenza tal-ġudikatura nazzjonali.

134.

F’din it-taqsima, sejjer nispjega għalfejn ma iniex tal-istess fehma. Fil-fatt, ninsab konvint li l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni – meta jkun inkwadrat u applikat b’mod korrett – huwa tajjeb. Għal dan il-għan jeħtieġ li tiġi deskritta n-natura vera tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE: (i) dan huwa sempliċement rimedju straordinarju għal każijiet straordinarji. Għalhekk, il-kriterji għall-aċċess f’termini ta’ ammissibbiltà huma u għandhom jibqgħu baxxi, filwaqt li l-limitu minimu sostantiv għall-ksur tiegħu huwa relattivament għoli. B’dan il-mod, l-Artikolu 19(1) TUE jikkomplementa, iżda eventwalment jista’ jestendi lil hinn minn żewġ dispożizzjonijiet ewlenin oħra tat-Trattat li wkoll jirriflettu l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja: (ii) l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 267 TFUE.

a)   In-natura u l-portata tal-Artikolu 19(1) TUE

135.

Mill-bidu nett, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa rifless fit-test tal-Artikolu 19(1) TUE, li jirrikjedi li l-Istati Membri “jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”. L-obbligu stabbilit fih huwa estensiv u mhux ikkwalifikat. Huwa bbażat fuq il-qasam u mhux dipendenti fuq il-każ.

136.

Barra minn hekk ma tantx jista’ jiġi kkontestat li għandu jiġi żgurat minimu ta’ garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, għall-qrati kollha u fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom kollha. Ikun assurd li wieħed jiddikjara li regola nazzjonali dwar organizzazzjoni ġudizzjarja ma tkunx problematika f’każijiet purament domestiċi filwaqt li potenzjalment taf tkun problematika kull darba li dispożizzjoni jew prinċipju tad-dritt tal-Unjoni jsir applikabbli. (In)dipendenza hija dwar kontroll, pressjoni, u ingranaġġ. Hija strutturali. Għandha tiġi ggarantita b’mod trażversali. Ċertament, persuna li tinfluwenza jew saħansitra tikkontrolla mħallef jew qorti tista’ tiddeċiedi li ma teżerċitax l-influwenza tiegħu jew tagħha f’każ individwali. Madankollu, ma jkunx ifisser li dan l-imħallef ikun, b’mod ġenerali,“indipendenti” ( 89 ). Għal din ir-raġuni, sempliċement ma hemm ebda “indipendenza ġudizzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” b’kuntrast għal “indipendenza ġudizzjarja f’kawżi purament nazzjonali” ( 90 ). Ma hemm ebda indipendenza ġudizzjarja “part-time” ( 91 ).

137.

Barra minn hekk, ħafna drabi jkun impossibbli li jiġi identifikat, fil-bidu ta’ proċedura, jekk dispożizzjoni jew prinċipju tal-Unjoni jistax jirriżulta li huwa applikabbli fil-mori ta’ proċedura speċifika. Barra minn hekk, ħafna deċiżjonijiet ġudizzjarji jistgħu, f’xi punt wara li jingħataw, jidħlu fl-“ispazju ġudizzjarju” tal-Unjoni għal xi raġuni jew oħra. Ir-rikonoxximent reċiproku, biex ma nsemmux il-fiduċja reċiproka, bilkemm ikun effettiv jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunu meħtieġa jivverifikaw, kull darba, jekk qorti ta’ Stat Membru ieħor kinitx “indipendenti biżżejjed” meta ttrattat kawża li kienet (inizjalment) purament interna u li, sussegwentement, qasmet il-fruntiera (b’mod metaforiku) sabiex twassal ċerti effetti legali fi Stat Membru ieħor.

138.

Madankollu, il-problema ma hijiex limitata għad-dimensjoni orizzontali ta’ kooperazzjoni reċiproka bejn Stati Membri ( 92 ). F’sistema bħal dik tal-Unjoni Ewropea, fejn il-liġi hija l-vettura prinċipali biex tinkiseb l-integrazzjoni, l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti (kemm ċentrali kif ukoll nazzjonali), li kapaċi tiżgura l-applikazzjoni korretta ta’ dik il-liġi, hija ta’ importanza kbira. Mingħajr ġudikatura indipendenti sempliċement ma jkunx hemm iżjed sistema legali ġenwina. Jekk ma hemmx “liġi”, bilkemm jista’ jkun hemm iżjed integrazzjoni. L-aspirazzjoni li tinħoloq “unjoni dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa” hija ddestinata li tikkollassa jekk jibdew ifeġġu ħofor suwed legali fil-mappa ġudizzjarja tal-Ewropa.

139.

Fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, huwa vitali għas-sistema ġudizzjarja Ewropea li tinsisti b’mod kategoriku għal garanziji minimi ta’ indipendenza u imparzjalità ġudizzjarja għall-membri kostitwenti kollha tagħha, irrispettivament minn jekk fil-każ individwali quddiem qorti speċifika d-dritt tal-Unjoni jkunx fil-fatt qiegħed jiġi applikat.

140.

Madankollu, dawn l-argumenti strutturali kollha dwar l-għalfejn ftit li xejn jiżvelaw dwar il-kif. Biex nibdew, l-Artikolu 19(1) TUE għandu kamp ta’ applikazzjoni mingħajr limiti, li jkopri kwalunkwe problema potenzjali relatata mal-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri, il-proċeduri u l-prattiki tagħhom? Fi kliem ieħor, l-Artikolu 19(1) TUE qisu mikroskopju elettroniku qawwi li kapaċi jidentifika anki l-iżgħar partiċella li tista’ (jew ma tistax) taffettwa s-“saħħa” tal-ġudikatura nazzjonali?

141.

It-tweġiba, fil-fehma tiegħi, għandha tkun fin-negattiv. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 19(1) TUE sa issa ma jiddeterminax il-limitu minimu meħtieġ għall-ksur tiegħu. Tal-ewwel huwa l-qasam li huwa “kopert” mill-prinċipji minquxa fid-dispożizzjoni tal-Unjoni: miżuri nazzjonali li jaqgħu f’dan il-qasam jistgħu, għalhekk, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ta’ kompatibbiltà mal-prinċipji li jirriżultaw minnu. Tal-aħħar huwa l-kejl li għandu jintuża sabiex issir din l-evalwazzjoni.

142.

Din il-proposta teħtieġ numru ta’ kjarifiki.

143.

L-ewwel nett, x’inhu fil-fatt il-kejl għal ksur potenzjali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE? Għal darba oħra, it-test tal-Artikolu 19(1) TUE jistabbilixxi l-obbligu għall-Istat Membru u, konsegwentement, meta dak l-obbligu ma jiġix osservat. Huwa biss meta l-Istati Membri ma “jipprovdu[x] [i]r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva” li jiksru din id-dispożizzjoni.

144.

Għaldaqstant naqbel mal-Avukat Ġenerali Tanchev li l-Artikolu 19(1) TUE huwa prinċipalment ikkonċernat bl-elementi strutturali u sistemiċi tal-oqfsa legali nazzjonali ( 93 ). Dawn l-elementi, irrispettivament minn jekk jirriżultawx minn atti tal-leġiżlatura jew tal-eżekuttiv nazzjonali, jew minn prassi ġudizzjarja, jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-abbiltà ta’ Stat Membru li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-individwi. Fi kliem ieħor, dak li huwa rilevanti taħt l-Artikolu 19(1) TUE huwa jekk is-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru hijiex konformi mal-prinċipju tal-Istat tad-dritt, wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni, li wkoll jinsab fl-Artikolu 2 TUE.

145.

Din hija, fil-fehma tiegħi, proposta li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja la laqgħet espressament u lanqas irrifjutat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma elaboratx dwar dan il-punt, peress li ma kienx meħtieġ sabiex tiddeċiedi l-kawżi quddiemha.

146.

It-tieni, jekk dan kien tabilħaqq il-każ, allura l-kriterji għall-ammissibbiltà fir-rigward tal-Artikolu 19(1) TUE ma humiex, u ma għandhomx għalfejn ikunu, iktar restrittivi mis-soltu. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza u l-approċċ tradizzjonali dwar ammissibbiltà, kif deskritti fid-dettall fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma biżżejjed. Tabilħaqq, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE diġà għandu limitu minimu sostantiv inerenti għall-ksur tiegħu li huwa pjuttost għoli.

147.

L-Artikolu 19(1) TUE fih rimedju straordinarju għal sitwazzjonijiet straordinarji. L-iskop tiegħu ma huwiex li jkopri l-kwistjonijiet kollha possibbli li jinqalgħu fir-rigward tal-ġudikatura nazzjonali iżda biss dawk ta’ ċertu gravità u/jew ta’ natura sistemika, li għalihom l-ordinament ġuridiku intern x’aktarx ma joffrix rimedju adegwat.

148.

Bi gravità u natura sistemika, ma rridx infisser li, biex tiskatta din id-dispożizzjoni, għandha neċessarjament tqum problema f’numru sinjifikattiv ta’ każijiet jew taffettwa partijiet kbar tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali. Il-kwistjoni kruċjali hija pjuttost jekk il-problema (ta’ darba jew rikorrenti) li tinġieb għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja x’aktarx thedded il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali u għalhekk tipperikola l-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni li jipprovdi rimedji suffiċjenti lill-individwi.

149.

Minn din il-perspettiva, ma hemmx nuqqas ta’ sitwazzjonijiet fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali li jikkonċernaw żbalji individwali, jew anki repetittivi u għalhekk strutturali, iżda li madankollu xorta ma jaqbżux il-limitu minimu tal-Artikolu 19(1) TUE. Eżempji jistgħu jvarjaw minn aġġustament ħażin tas-salarji tal-ġudikanti f’sena partikolari; in-nuqqas li jiġi approvat il-bonus ta’ “tmiem is-sena”; in-nuqqas li kawża tiġi attribwita lill-Awla t-tajba tal-qorti jew lill-imħallef relatur it-tajjeb; in-nuqqas li l-iżjed persuna kkwalifikata tiġi promossa għall-kariga ta’ President tal-Awla; eċċ. Bil-maqlub, il-kwistjoni dwar jekk ħatra ġudizzjarja waħda, iżda ewlenija, saritx legalment, tista’, minkejja li tkun saret darba biss, ikollha riperkussjonijiet sistemiċi li jistgħu jiġġustifikaw eżami taħt l-Artikolu 19(1) TUE ( 94 ).

150.

Aspett ieħor li huwa, fil-fehma tiegħi, rilevanti taħt l-Artikolu 19(1) TUE huwa jekk is-sistema nazzjonali toffrix, fid-dritt u fil-fatt, biżżejjed garanziji strutturali li jwettqu awtokorrezzjoni tal-problema identifikata. Meta l-qafas legali ġenerali stabbilit minn Stat Membru jkun, bħala prinċipju, kapaċi jirrimedja l-iżball potenzjali, każijiet individwali ta’ applikazzjoni żbaljata ta’ dak il-qafas ma jwasslux awtomatikament għal ksur tal-Artikolu 19(1) TUE. Ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissorvelja bir-reqqa l-konformità tal-qrati nazzjonali mar-regoli nazzjonali tagħhom stess ( 95 ). Għaldaqstant, mingħajr ma jiġu kkunsidrati implikazzjonijiet usa’, każ wieħed, iżolat, ta’ allegat żball fl-interpretazzjoni jew applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali – f’ordinament ġuridiku li minbarra dan huwa f’saħħtu konformi mad-dritt tal-Unjoni – ma jiksirx l-Artikolu 19(1) TUE.

151.

Għal darba oħra, qiegħed kważi jiġi ddikjarat l-ovvju meta jingħad li mhux il-kwistjonijiet kollha li possibbilment jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni tal-ġudikanti u l-proċeduri kriminali huma kwistjoni relatata mal-Istat tad-dritt ( 96 ). L-istħarriġ li trid twettaq il-Qorti tal-Ġustizzja tal-miżuri nazzjonali li allegatament jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura nazzjonali għandu jkun limitat għal sitwazzjonijiet patoloġiċi.

152.

It-tielet, bħala parti minn din l-evalwazzjoni, huwa kruċjali li ma tiġix eżaminata biss il-“liġi fil-kotba”, iżda wkoll li tiġi inkluża l-“liġi fil-prattika”. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat b’mod konsistenti l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ liġijiet u regolamenti nazzjonali peress li dawn jiġu applikati fil-prattika ( 97 ), fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lilhom mill-qrati nazzjonali ( 98 ), u, skont il-każ, ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipji legali ġenerali tal-ordinament ġuridiku nazzjonali ( 99 ). Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja insistiet li allegat ksur tal-Artikolu 19(1) TUE għandu dejjem jiġi eżaminat fil-kuntest tiegħu, b’ħarsa lejn l-elementi rilevanti kollha. L-aspetti tekniċi tal-problema li nġabet għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu eżaminati f’“iżolament kliniku” mix-xenarju legali u istituzzjonali usa’ ( 100 ).

153.

Għaldaqstant huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja tħares lil hinn mid-dispożizzjoni individwali. Dan l-iskrutinju ma huwiex limitat biss għal dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali relatati mill-qrib iżda fil-fatt jestendi għax-xenarju legali u istituzzjonali usa’ ( 101 ). Fi kliem sempliċi, kull uġigħ potenzjali ta’ “pazjent” individwali għandu jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-“saħħa” globali ta’ kulħadd fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja.

154.

Minn din il-perspettiva, għadni ma nistax nifhem kif l-approċċ għall-Artikolu 19(1) TUE deskritt f’din it-taqsima jista’ jkun kunfliġġenti mal-ugwaljanza tal-Istati Membri jew jista’ jkun qiegħed jistabbilixxi standards doppji. L-istandard huwa eżattament l-istess, u huwa meħtieġ għal kulħadd. Madankollu, l-istat ta’ pazjenti individwali huwa oġġettivament differenti ħafna ( 102 ). L-ugwaljanza tal-Istati Membri bilkemm tista’ tiġi kkunsidrata minn perspettiva ta’ ugwaljanza purament formali, biex ma ngħidux formalista: kulħadd irid jiġi ttrattat eżattament l-istess, irrispettivament mis-sitwazzjoni u l-kuntest li jsibu ruħhom fih. Awtomatiċità bla bażi ma hijiex ugwaljanza (materjali), li tabilħaqq teħtieġ li persuni li huma l-istess għandhom jiġu ttrattati b’mod simili iżda wkoll li tittratta sitwazzjonijiet differenti b’mod differenti ( 103 ).

155.

Ir-raba’ u l-aħħar nett, il-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE hija li l-evalwazzjoni dwar jekk miżura nazzjonali tikkonformax mal-istandards tal-Artikolu 19(1) TUE ma titwettaqx meta ssir id-determinazzjoni tal-ammissibbiltà tad-domandi (“l-Artikolu 19(1) TUE japplika għall-każ inkwistjoni?”), iżda fl-istadju ta’ evalwazzjoni tad-domandi fuq il-mertu (“il-miżura nazzjonali inkwistjoni tikkonforma mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 19(1) TUE?”).

156.

Min-naħa tagħha din tqajjem mistoqsija importanti oħra, iżda ta’ natura iżjed pragmatika: dan l-approċċ għandu r-riskju li joħloq problema għal-lista ta’ kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

157.

Jiena ma naħsibx.

158.

Minn naħa, il-ġurisprudenza eżistenti dwar l-ammissibbiltà tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, pjuttost malajr, kawżi artifiċjali jew ipotetiċi, u wkoll kawżi fejn, minkejja li l-kwistjoni tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 19(1) TUE, il-qorti nazzjonali ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni (bħal fil-kawża Miasto Łowicz) ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda jew domandi magħmula ( 104 ). Bl-istess mod, kawżi fejn ir-rekwiżiti bażiċi tal-Artikolu 19(1) TUE jidhru nieqsa, u/jew il-qorti tar-rinviju ma tkunx spjegat għalfejn tista’ tqum kwistjoni taħt l-Artikolu 19(1) TUE, jistgħu jiġu miċħuda sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ rilevanza u neċessità tad-domanda ma jiġux issodisfatti.

159.

Kif ippruvajt nispjega, il-limitu minimu għal ksur tal-Artikolu 19(1) TUE huwa pjuttost għoli. Fejn il-miżuri nazzjonali kkontestati, irrispettivament mill-karattru legali jew illegali tagħhom, ma juru ebda kwistjoni ġenwina relatata mal-Istat tad-dritt (meta titqies il-gravità tagħhom u r-riperkussjonijiet sistemiċi tal-allegat ksur jew in-nuqqas ta’ abbiltà tas-sistema li tikkorreġi lilha nnifisha), evalwazzjoni fuq il-mertu tal-każ ma tidhirx li hija iżjed kumplessa jew li tieħu iżjed żmien għall-ġudikatura tal-Unjoni meta mqabbla ma’ waħda li tiffoka fuq l-ammissibbiltà tagħha ( 105 ).

160.

Konsegwentement, applikazzjoni ortodossa tal-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ammissibbiltà fir-rigward ta’ każijiet li fihom id-domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TFUE ma toħloq, fil-fehma tiegħi, ebda riskju li jinfetħu l-viti tal-ilma tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ rinviji strambi, mhux magħżula tajjeb jew diżonesti. Lanqas ma teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja “tbiddel” l-evalwazzjoni normali tal-kriterju tan-“neċessità”, sabiex tiċħad iktar każijiet milli normalment tagħmel.

b)   L-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta, u l-Artikolu 267 TFUE: l-istess kontenut, iżda b’għan differenti

161.

Jonqos l-aħħar element relatat mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jeħtieġ jiġi diskuss: x’relazzjoni għandha din id-dispożizzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat li wkoll jistabbilixxu l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 267 TFUE ( 106 )? Tabilħaqq, l-interrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet kienet sors ta’ ċertu konfużjoni għall-partijiet kif ukoll għal numru ta’ qrati tar-rinviju. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu tipi differenti ta’ “indipendenza ġudizzjarja”? Huwa possibbli li qorti nazzjonali tkun indipendenti għall-finijiet ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet filwaqt li ma tkunx indipendenti biżżejjed għal oħra? Hemm, bħala konsegwenza, “indipendenzi ġudizzjarji” differenti fid-dritt tal-Unjoni?

162.

Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba sempliċi hija “le”: hemm biss prinċipju wieħed ta’ indipendenza ġudizzjarja. Minbarra li hija minnha nnifisha evidenti f’termini ta’ loġika, din il-kunsiderazzjoni tirriżulta wkoll mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal dan il-kunċett bl-istess mod, irrispettivament mid-dispożizzjoni tal-Unjoni li kienet qiegħda tiġi applikata fil-każ inkwistjoni ( 107 ). Għalhekk ma nistax ma naqbilx bis-sħiħ mal-Avukati Ġenerali Tanchev u Hogan li l-kontenut ta’ kemm l-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, f’termini ta’ indipendenza ġudizzjarja, huwa essenzjalment l-istess ( 108 ).

163.

Dan premess, l-istess kontenut mhux bilfors ifisser l-istess eżitu f’każ individwali. It-tliet dispożizzjonijiet huma differenti fir-rigward tal-portata u l-iskop tagħhom fi ħdan l-istruttura tat-Trattati. Din id-differenza għalhekk tfisser li eżami kemxejn differenti għandu jitwettaq taħt kull waħda mit-tliet dispożizzjonijiet.

164.

L-Artikolu 19(1) TFUE għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, u jmur lil hinn minn sitwazzjonijiet li fihom każ individwali huwa rregolat, fil-fehma tradizzjonali, mid-dritt tal-Unjoni. Dan jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi ġudizzjarji tagħhom, minħabba r-rwol ċentrali tagħhom fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jikkonformaw mal-valuri tal-Unjoni, speċjalment l-Istat tad-dritt. Il-limitu minimu għall-ksur tiegħu huwa pjuttost għoli: huma biss kwistjonijiet ta’ natura sistemika jew ta’ ċertu gravità li x’aktarx ma ssirx awtokorrezzjoni tagħhom bis-sistema domestika ta’ rimedji li jwasslu għal ksur. L-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-kuntest, kjarament tmur lil hinn mill-fajl individwali u tinkludi l-istruttura istituzzjonali u kostituzzjonali wiesgħa tal-ġudikatura nazzjonali.

165.

L-Artikolu 47 tal-Karta huwa dispożizzjoni li tinkorpora dritt suġġettiv ta’ kwalunkwe parti fil-proċedura – għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq – li jidħol fis-seħħ biss meta kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 51(1) tal-Karta. F’dan l-ambitu, il-partijiet kollha huma intitolati li jinvokaw ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-verifika tal-“indipendenza” ta’ qorti, f’dan il-kuntest, teħtieġ evalwazzjoni dettaljata u speċifika taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. Kwistjonijiet marbuta ma’ xi karatteristika strutturali jew sistemika tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali huma rilevanti biss sa fejn seta’ kellhom impatt fuq il-proċeduri individwali. L-intensità tal-verifika tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-indipendenza tal-korp ġudizzjarju inkwistjoni hija, f’dan il-kuntest, f’livell moderat: mhux kwalunkwe ksur tal-liġi jammonta għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. Ċertu gravità hija meħtieġa għal dan il-għan. Madankollu, ladarba l-istandard meħtieġ ta’ gravità jintlaħaq, dan huwa biżżejjed biex jirriżulta ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li ebda kundizzjoni oħra ma jkollha tiġi ssodisfatta sabiex jiġi infurzat id-dritt individwali li joriġina mid-dritt tal-Unjoni.

166.

Finalment, l-Artikolu 267 TFUE għandu kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae wiesa’, li jkopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom tista’ tkun applikabbli kwalunkwe dispożizzjoni tal-Unjoni, iżda li jestendi wkoll għal ċerti sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 109 ). Il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” (li, bħala tali, jeħtieġ l-indipendenza tal-membri tiegħu) għandu, f’din id-dispożizzjoni, natura funzjonali: iservi biex jidentifika l-korpi nazzjonali li jistgħu jsiru l-interlokuturi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari. Analiżi taħt l-Artikolu 267 TFUE hija ffukata fuq kwistjoni strutturali, f’livell pjuttost ġenerali: il-pożizzjoni ta’ dak il-korp fil-qafas istituzzjonali tal-Istati Membri. L-intensità tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-indipendenza tal-korp ma hijiex, f’dan il-kuntest, daqstant intensiva. Wara kollox, l-iskop tal-Artikolu 267 TFUE huwa sempliċement li jidentifika l-interlokuturi istituzzjonali xierqa fir-rigward tal-ammissibbiltà.

167.

Din id-differenzjazzjoni għandha konsegwenzi pjuttost importanti kemm għall-partijiet kif ukoll għall-qorti tar-rinviju.

168.

L-ewwel nett, kwistjoni potenzjali li twassal għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tista’ titqajjem biss fir-rigward ta’ dritt individwali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni ( 110 ). Dan x’aktarx jeskludi l-użu ta’ din id-dispożizzjoni f’ċirkustanzi fejn domandi huma magħmula minn imħallfin nazzjonali nnifishom rigward il-kompatibbiltà tas-sistema tagħhom mal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja, peress li l-imħallfin innifishom x’aktarx ma jkollhomx dritt li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni li jkun ippreġudikat fil-kawżi pendenti quddiemhom. B’kuntrast ma’ dan, kwistjonijiet imqajma minn imħallfin innifishom huma tabilħaqq possibbli u ammissibbli taħt l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 267 TFUE ( 111 ).

169.

It-tieni, it-tip ta’ stħarriġ, il-limitu minimu u l-intensità, jistgħu eventwalment iwasslu għal eżitu differenti f’termini ta’ (in)kompatibbiltà. B’mod partikolari, huwa ċertament plawsibbli li l-istess kwistjoni tista’ tikkostitwixxi ksur taħt l-Artikolu 47 tal-Karta filwaqt li ma toħloq ebda kwistjoni taħt l-Artikolu 19(1) TUE ( 112 ), kif ukoll il-possibbiltà li jkun hemm ksur taħt l-Artikolu 19(1) TUE iżda ebda ksur taħt l-Artikolu 47 tal-Karta ( 113 ).

170.

Ladarba ġie konkluż li l-ewwel domanda hija ammissibbli sejjer issa niddiskuti l-mertu.

C. Il-mertu

171.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 2 TUE, u l-prinċipju tal-Istat tad-dritt minqux hemmhekk, kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2), flimkien mal-premessa 22, tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati b’mod li jipprekludu regoli nazzjonali li skonthom il-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali jista’, abbażi ta’ kriterji li ma jinħarġux fil-pubbliku, jikkolloka mħallfin għal qrati superjuri għal perijodu indefinit u, fi kwalunkwe mument, jista’ jittermina dan il-kollokament fid-diskrezzjoni tiegħu stess.

172.

Skont linja ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, il-kunċett ta’ indipendenza ġudizzjarja għandu żewġ aspetti: dak estern u dak intern.

173.

L-aspett estern (jew indipendenza stricto sensu) jirrikjedi li l-qorti tkun protetta kontra intervent jew pressjoni esterna li tista’ tipperikola l-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha fir-rigward tal-proċeduri quddiemhom. Kif spjega tajjeb l-Avukat Ġenerali Hogan f’konklużjonijiet reċenti, indipendenza stricto sensu titlob li qorti nazzjonali tkun kapaċi “teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi restrizzjoni ġerarkika, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi korp ieħor u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors” ( 114 ).

174.

L-aspett intern huwa marbut mal-imparzjalità u jfittex li jiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-partijiet fil-proċeduri u l-interessi rispettivi tagħhom rigward is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri. Dan l-aspett jirrikjedi oġġettività u l-assenza ta’ kwalunkwe interess fl-eżitu tal-proċeduri minbarra l-applikazzjoni stretta tal-Istat tad-dritt. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża De Coster, l-imparzjalità teħtieġ mill-imħallfin “attitudni psikoloġika inizjali ta’ indifferenza” fir-rigward tat-tilwimiet, sabiex ikunu (u jidhru) ekwidistanti mill-partijiet ( 115 ).

175.

Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti, dawn iż-żewġ rekwiżiti jitolbu “regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul ta’ żmien fil-funzjoni kif ukoll ir-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-partijiet fil-kawża ma jkollhom l-ebda dubju leġittimu dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kunfliġġenti” ( 116 ).

176.

F’dan l-isfond, id-domanda rilevanti fil-kawżi preżenti tidher li hija s-segwenti – il-miżuri nazzjonali inkwistjoni – b’mod partikolari, dawk li jaffettwaw il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti fi proċeduri kriminali – joffru garanziji suffiċjenti rigward l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ kull membru ta’ dawn il-kulleġġi, sabiex ineħħu kull dubju, f’moħħ l-individwi, li dawn il-membri jistgħu jiġu influwenzati minn fatturi esterni jew għandhom xi interess reali fl-eżitu tal-proċeduri?

177.

Jidhirli li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija kjarament fin-negattiv. Tabilħaqq, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jidhru problematiċi ħafna kemm mill-aspett intern kif ukoll mill-aspett estern ta’ indipendenza.

178.

Mill-bidu nett, irrid nenfasizza li, taħt id-dritt tal-Unjoni, Stati Membri ma humiex meħtieġa li jadottaw xi mudell kostituzzjonali partikolari li jirregola r-relazzjonijiet u l-interazzjoni bejn id-diversi poteri tal-Istat, sakemm naturalment iżommu ċertu separazzjoni bażika tal-poteri li hija karatteristika tal-Istat tad-dritt ( 117 ). Konsegwentement, ma hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni li jista’ jipprekludi lill-Istati Membri milli jirrikorru għal sistema li skontha mħallfin jistgħu, fl-interess tas-servizz, jiġu kkollokati b’mod temporanju minn qorti għal oħra, jew fl-istess livell ta’ ġurisdizzjoni jew f’qorti ta’ grad ogħla ( 118 ).

179.

F’sistemi fejn il-Ministeru għall-Ġustizzja huwa inkarigat minn kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni u persunal li jikkonċernaw il-ġudikatura, deċiżjonijiet rigward il-kollokament ta’ mħallfin individwali x’aktarx jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Ministru. Sakemm il-proċeduri statutorji jiġu segwiti, l-approvazzjonijiet kollha xierqa meħtieġa taħt id-dritt nazzjonali jingħataw ( 119 ), u r-regoli ordinarji dwar il-ħatriet, il-mandat u t-tneħħija ta’ mħallfin ikomplu japplikaw waqt il-kollokament, dan l-aspett ukoll ma huwiex minnu nnifsu problematiku.

180.

Madankollu, jidher ċar li dan ma huwiex il-każ taħt ir-regoli nazzjonali inkwistjoni f’dawn il-kawżi. L-imħallfin ikkollokati ma humiex, minn ħafna aspetti, suġġetti għar-regoli ordinarji iżda pjuttost għal ordinament ġuridiku speċjali – u inkwetanti ħafna.

181.

L-ewwel nett, jidhirli li, f’sistema li hija konformi mal-Istat tad-dritt, għandu jkun hemm għall-inqas xi trasparenza u kontabbiltà fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-kollokament ta’ mħallfin. Biex inkun ċar, ma naħsibx li dawn id-deċiżjonijiet neċessarjament jeħtieġu li jkunu suġġetti għal xi forma ta’ stħarriġ ġudizzjarju (dirett). Madankollu, għandhom jeżistu forom oħra ta’ reviżjoni, sabiex jiġu evitati l-arbitrarjetà u riskji ta’ manipulazzjoni ( 120 ).

182.

B’mod partikolari, kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ kollokament ta’ mħallef (bidu jew terminazzjoni) għandha tittieħed abbażi ta’ kriterji magħrufa ex ante u għandha tkun motivata tajjeb. Fil-fehma tiegħi, la l-kriterji astratti, u lanqas il-motivazzjoni speċifika, ma għandhom ikollhom dettall partikolari. Madankollu, għandhom ikunu kapaċi li joffru grad minimu ta’ ċarezza dwar kif u għalfejn tkun ittieħdet deċiżjoni partikolari sabiex tiġi żgurata xi forma ta’ sorveljanza ( 121 ).

183.

Madankollu, ma hemm ebda karatteristika bħal din fil-miżuri nazzjonali inkwistjoni. Kif spjegat il-qorti tar-rinviju, il-kriterji użati mill-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali sabiex jikkolloka mħallfin u jittermina l-kollokament tagħhom, jekk jeżistu, fi kwalunkwe każ ma humiex pubbliċi. Għandi nifhem ukoll li dawn id-deċiżjonijiet ma jinkludu ebda motivazzjoni. Huwa diffiċli li wieħed jitkellem dwar xi forma ta’ trasparenza, kontabbiltà u kontroll f’dawn iċ-ċirkustanzi.

184.

It-tieni, il-fatt li l-kollokament huwa għal perijodu indefinit u jista’ jiġi tterminat f’kull mument fid-diskrezzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali huwa sors ta’ tħassib kbir. Fil-fatt, diffiċli wieħed jista’ jimmaġina eżempju iktar ovvju ta’ konfront dirett mal-prinċipju ta’ irremovabbiltà ta’ mħallfin. F’dan ir-rigward, għandi tendenza li nikkunsidra li kollokament (ġudizzjarju) normalment għandu jkun għal perijodu fiss, iddeterminat f’termini ta’ tul ta’ żmien speċifiku, jew sakemm iseħħ avveniment ieħor li jista’ jiġi kkonstatat oġġettivament (pereżempju meta l-ħaddiema regolari tal-qorti jerġgħu jiddaħħlu kollha jew meta l-kawżi pendenti jiġu deċiżi, skont ir-raġuni eżatta għalfejn oriġinarjament ikun seħħ il-kollokament) ( 122 ).

185.

Ċertament, ċertu flessibbiltà f’dan ir-rigward – li tikkonċerna kemm iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-kollokament jew it-terminazzjoni tiegħu, u t-tul ta’ żmien tiegħu – għandha tkun possibbli. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni libera, li ma tistax tiġi mistħarrġa u li ma hijiex trasparenti permessa lill-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali sabiex jikkolloka mħallfin u biex ineħħihom fi kwalunkwe mument li jidhirlu xieraq tidher li tmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies raġonevoli u neċessarju biex jiġi żgurat funzjonament tajjeb ta’, u ħidma tajba fi ħdan, l-istruttura ġudizzjarja nazzjonali. Kif innota darba l-Parlament Ewropew, “id-diskrezzjoni tista’ tkun ħażen neċessarju fi gvern modern; diskrezzjoni assoluta magħquda ma’ nuqqas assolut ta’ trasparenza, madankollu, hija fundamentalment kuntrarja għall-Istat tad-dritt” [traduzzjoni libera] ( 123 ).

186.

It-tielet, mhux talli s-setgħa li tiġi eżerċitata din id-diskrezzjoni mingħajr limitazzjonijiet ġiet mogħtija lil membru tal-gvern (u mhux, pereżempju, lil korp ġudizzjarju awtonomu, li sa ċertu punt seta’ taffa l-problema), iżda talli dan il-membru tal-gvern qiegħed ukoll jilbes “żewġt ikpiepel”. Tabilħaqq, fil-qafas kostituzzjonali preżenti, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu wkoll il-kariga ta’ Prosekutur Ġenerali (Pubbliku). Jidhirli li din hija waħda mill-iktar – jekk mhux l-iktar – karatteristika inkwetanti tal-qafas ġuridiku nazzjonali.

187.

F’din il-kapaċità, il-Ministru għall-Ġustizzja huwa l-korp ta’ prosekuzzjoni ewlieni fi ħdan l-Istat Membru u għandu awtorità fuq il-korp sħiħ ta’ servizzi ta’ prosekuzzjoni pubblika. Huwa għandu setgħat wiesgħa fuq il-prosekuturi subordinati. Fost affarijiet oħra, id-dritt nazzjonali jagħtih is-setgħa li jagħti deċiżjonijiet “li jikkonċernaw il-kontenut ta’ att fil-qorti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minn prosekutur subordinat, li huwa obbligat li jaġixxi skont dawn id-deċiżjonijiet ( 124 ).

188.

Dan jipproduċi alleanza “immorali” bejn żewġ korpi istituzzjonali li normalment għandhom jiffunzjonaw b’mod separat. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni tal-kollokament ta’ mħallfin, din effettivament tippermetti lis-superjur ġerarkiku ta’ parti għal kull proċedura kriminali (il-prosekutur) jifforma (parti minn) l-kulleġġ li jisma’ l-każijiet imressqa mill-prosekuturi subordinati tiegħu.

189.

Il-konsegwenza hija, ovvjament, li ċerti mħallfin jista’ jkollhom inċentiv (biex ma nsemmix affarijiet oħra) biex jiddeċiedu favur il-prosekutur jew, b’mod iktar ġenerali, favur il-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali. Tabilħaqq, imħallfin ta’ qrati inferjuri jistgħu jħossuhom imħajra bil-possibbiltà li jiġu ppremjati b’kollokament għal qorti superjuri, li tista’ toffrilhom prospetti aħjar fil-karriera u salarju ogħla. Min-naħa tagħhom, imħallfin ikkollokati jistgħu jkunu skoraġġuti li jaġixxu b’mod indipendenti, sabiex jevitaw ir-riskju li l-kollokament tagħhom jiġi tterminat mill-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali.

190.

Ir-raba’ u l-aħħar nett, is-sitwazzjoni deskritta hawn fuq hija aggravata ulterjorment bil-fatt li wħud mill-imħallfin ikkollokati jistgħu wkoll jokkupaw il-kariga ta’ aġenti dixxiplinari marbuta mal-Uffiċjal Dixxiplinari għal Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, kif tindika li huwa l-każ il-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ wieħed mill-imħallfin ikkollokati. Ċertament ma hijiex esaġerazzjoni li wieħed jemmen li mħallfin jistgħu jsibuha bi tqila biex ma jaqblux ma’ kollegi li, xi darba, jistgħu jressqu proċeduri dixxiplinari kontrihom. Barra minn hekk, f’termini strutturali, tali persuni x’aktarx jiġu pperċepiti bħala li jeżerċitaw “kontroll u superviżjoni mifruxa” fi ħdan il-kulleġġi ġudikanti u l-qrati li fihom ġew ikkollokati minħabba l-kuntest u l-parametri tal-kollokament tagħhom.

191.

Ma huwiex sorprendenti li l-Qorti tal-Ġustizzja bħalissa hija adita b’diversi proċeduri li fihom il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tas-sistema dixxiplinari Pollakka għal imħallfin qiegħda titqiegħed inkwistjoni ( 125 ). Fid-digriet tagħha tat‑8 ta’ April 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat numru ta’ kwistjonijiet potenzjali f’dan ir-rigward ( 126 ). Huwa wkoll fatt magħruf li, reċentement, tressqu diversi proċeduri dixxiplinari fil-Polonja kontra mħallfin li sempliċement għamlu użu mill-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

192.

Fil-qosor, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jagħtu lok, minn naħa, għal network ta’ konnessjonijiet pjuttost inkwetanti bejn l-imħallfin ikkollokati, il-prosekuturi u (membru wieħed tal-)gvern; u, min-naħa l-oħra, għal konfużjoni ta’ rwoli bejn imħallfin, prosekuturi normali u aġenti dixxiplinari.

193.

Qabel ma nikkonkludi dwar dan il-punt, irrid inżid li ma nsibx konvinċenti l-argumenti mressqa mill-Prosekutur tal-Provinċja ta’ Lublin dwar dan il-punt. Ma narax kif il-fatt li sistema ta’ kollokament ta’ mħallfin ġiet introdotta ħafna qabel ma l-gvern preżenti ġie elett jista’ jaffettwa eżami dwar jekk dik is-sistema tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni jew le. Lanqas il-fatt li l-kollokament huwa permess biss bil-kunsens tal-imħallef inkwistjoni (peress li l-Qorti Kostituzzjonali Pollakka ddeċidiet li kollokament mingħajr kunsens kien jikser il-kostituzzjoni ( 127 )) ma jista’ jqiegħed inkwistjoni xi waħda mill-konstatazzjonijiet magħmula hawn fuq.

194.

Ma nistax ħlief nerġa’ nenfasizza li ma hemm assolutament ebda kwistjoni mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni bil-kollokament ta’ mħallfin per se, sakemm waqt il-kollokament tagħhom fl-istrutturi ġudizzjarji nazzjonali dawn l-imħallfin igawdu mill-istess tip ta’ garanziji f’termini ta’ irremovabbiltà u indipendenza bħal kwalunkwe mħallfin oħrajn f’dik il-qorti. Madankollu, għar-raġunijiet li ddiskutejt fid-dettall f’din it-taqsima, dan kjarament ma huwiex il-każ fil-kawżi preżenti.

195.

Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-garanziji minimi meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-separazzjoni indispensabbli tal-poteri bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura ma għadhomx preżenti. Ir-regoli nazzjonali inkwistjoni ma joffrux salvagwardji suffiċjenti biex jispiraw fl-individwi, speċjalment dawk suġġetti għal proċeduri kriminali, aspettattivi raġonevoli li l-imħallfin sedenti fil-kulleġġ ma humiex suġġetti għal pressjoni esterna u influwenza politika, u ma għandhom ebda interess personali fl-eżitu tal-kawża.

196.

Dawn ir-regoli nazzjonali għalhekk huma inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Kif innotat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża A.B. et, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu ċar u preċiż fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb u li ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni għal dak li jikkonċerna l-indipendenza li għandhom juru l-qrati msejħa biex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni ( 128 ). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni għandha effett dirett u għalhekk tintitola lil qorti nazzjonali, abbażi tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li tagħmel dak kollu li hu fis-setgħa tagħha sabiex tiżgura l-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni ( 129 ).

197.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, inqis li ma huwiex neċessarju li nidħol fir-raġunijiet għalfejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiksru wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343. Fil-kuntest ta’ tali ksur gravi tal-Artikolu 19(1) TUE, ftit li xejn huwa ta’ valur addizzjonali li ssir diskussjoni ulterjuri dwar jekk l-oneru tal-prova għall-istabbiliment tal-ħtija ta’ persuni ssuspettati u akkużati għadhiex fuq il-prosekuzzjoni, jew jekk il-benefiċċju tad-dubju fil-fatt jingħatax lill-persuni ssuspettati jew akkużati. Il-qalba tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza hija ppreġudikata meta l-istess persuna – il-Ministru għall-Ġustizzja/il-Prosekutur Ġenerali – jista’, f’kawżi kriminali, jeżerċita influwenza kemm fuq il-prosekuturi kif ukoll fuq ċerti ġudikanti sedenti. Konsegwentement, ksur simultanju tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 huwa fil-fehma tiegħi inevitabbli.

V. Konklużjoni

198.

Qiegħed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja, il-Polonja) bil-mod segwenti:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 2 TUE, u l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli nazzjonali li skonthom il-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa fl-istess ħin il-Prosekutur Ġenerali, jista’, abbażi ta’ kriterji li ma jinħarġux fil-pubbliku, jikkolloka mħallfin għal qrati superjuri għal perijodu indefinit u, fi kwalunkwe mument, jista’ jittermina dan il-kollokament fid-diskrezzjoni tiegħu stess;

It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda huma inammissibbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.

( 2 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982) (iktar ’il quddiem “A. K. et”); tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234) (iktar ’il quddiem “Miasto Łowicz”); tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535) (iktar ’il quddiem “Land Hessen”); u d-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2020, S.A.D. Maler und Anstreicher (C‑256/19, EU:C:2020:523) (iktar ’il quddiem “Maler”).

( 3 ) ĠU 2016, L 65, p. 1.

( 4 ) Test ikkonsolidat ippubblikat fil-Dz. U. tal‑2019, pożizzjoni 52, kif emendat.

( 5 ) Test ikkonsolidat ippubblikat fil-Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 30.

( 6 ) L-Artikoli 200, 280, 177, 296 tal-Ustawa z dnia 6 czerwca 1997 r. – Kodeks karny (il-Liġi tas‑6 ta’ Ġunju 1997 li tistabbilixxi l-Kodiċi Kriminali, verżjoni kkonsolidata, Dz. U. 2019, pożizzjoni 1950).

( 7 ) L-Artikolu 62(2) tal-Ustawa z dnia 10 września 1990 r. – Kodeks karny skarbowy (il-Liġi tal‑10 ta’ Settembru 1990 li tistabbilixxi l-Kodiċi Kriminali Fiskali, verżjoni kkonsolidata, Dz. U. 2020, pożizzjoni 19).

( 8 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, A. K. et, punti 75, 84, u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, (C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 37); A. K. et, punt 74; Land Hessen, punt 41; u s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 69).

( 11 ) Ara, għal iktar dettall f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:339, punt 54).

( 12 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 51); A. K. et, punt 83; u s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 111).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Da Silva (C‑189/13, EU:C:2014:2043, punti 3435), u tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 38).

( 14 ) Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, A et (C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, pereżempju is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626). Strettament, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju kienet tikkonċerna preżunzjoni dwar trattament futur ta’ kawża minn awtorità amministrattiva nazzjonali fl-eventwalità li tiġi annullata mill-qorti nazzjonali. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-awtorità amministrattiva nazzjonali diġà kienet injorat id-deċiżjonijiet preċedenti tal-qorti nazzjonali, it-trattament tal-kawża fil-passat b’mod ċar irrenda d-domanda dwar il-futur ħafna inqas ipotetika u ġġustifikata.

( 16 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23). Iżjed reċenti, Land Hessen, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punti 15 sa 30).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-maġistrati Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 1982 (65/81, EU:C:1982:6, punt 6).

( 22 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, EU:C:1983:318, punti 7 sa 10).

( 23 ) Ara d-digrieti tas‑6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo (C‑472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:684), u tas‑17 ta’ Diċembru 2019, Di Girolamo (C‑618/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1090).

( 24 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 21 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 62 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) A. K. et, punt 110.

( 26 ) Ibid., punt 112.

( 27 ) Ara, pereżempju, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (CCJE), Opinjoni Nru 19 (2016) tal‑10 ta’ Novembru 2016, “The Role of Court Presidents”, CCJE(2016)2), p. 2.

( 28 ) Ara, bħala eżempju, l-Artikolu 11(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 29 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 32).

( 30 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, EU:C:1980:73), u tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302).

( 31 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 2627), u tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 35).

( 32 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 35).

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini (338/85, EU:C:1988:194, punti 1011), u tas‑16 ta’ Lulju 1992, Lourenço Dias (C‑343/90, EU:C:1992:327, punt 18).

( 34 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24), u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 31).

( 35 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 33 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara, reċentement, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114).

( 37 ) Ara, fost ħafna, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, The Minister for Justice and Equality u Commissioner of the Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979). Speċifikament fuq din il-kwistjoni, u b’ħafna riferimenti għall-ġurisprudenza, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara, Éire agus an tArd-Aighne et (C-64/20, EU:C:2021:14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626).

( 39 ) Ara, inter alia, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746 punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem “AFJR”).

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ A. K. et.

( 41 ) Ibid., punti 99 u 100.

( 42 ) Sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016 (C‑614/14, EU:C:2016:514).

( 43 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni ta’ drittijiet) (C‑649/19, EU:C:2021:75, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre (C‑111/94, EU:C:1995:340).

( 45 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana (C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010 (C‑137/08, EU:C:2010:659, punti 3132).

( 47 ) Sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019 (C‑644/17, EU:C:2019:555, punt 27).

( 48 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2019 (C‑347/18, EU:C:2019:661).

( 49 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157), u tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Gavanozov (C‑324/17, EU:C:2019:892).

( 50 ) Ara, pereżempju, minn fost ħafna, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1997, Hayes (C‑323/95, EU:C:1997:169) (dwar garanzija għal ħlas tal-ispejjeż li kienet meħtieġa taħt id-dritt nazzjonali qabel setgħet isseħħ kwalunkwe evalwazzjoni fuq il-mertu), u s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C-93/12, EU:C:2013:432) (kwistjoni preliminari ta’ ġurisdizzjoni esklużiva fi Stat Membru li kellha tiġi solvuta qabel setgħet isseħħ kwalunkwe evalwazzjoni fuq il-mertu).

( 51 ) Ara, reċentement, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing (C‑242/18, EU:C:2019:558, punti 4647), u tal‑25 ta’ Novembru 2020, Sociálna poisťovňa (C‑799/19, EU:C:2020:960, punti 4445).

( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punti 2223), u tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punti 5657).

( 53 ) Ara, b’riferimenti ulterjuri, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 50 et seq.).

( 54 ) A. K. et, punt 102.

( 55 ) Ibid., punt 103. L-istess loġika ġiet reċentement ikkonfermata għal darba oħra fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153). Tabilħaqq, f’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju wkoll sabet lilha nnifisha f’sitwazzjoni fejn essenzjalment ma kellha ebda ġurisdizzjoni biex taġixxi taħt id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura l-osservanza tal-Artikolu 19(1) TUE.

( 56 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, EU:C:1981:136, punti 5 sa 7). Iżjed reċentement, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley (C‑430/15, EU:C:2017:74, punti 30 sa 33).

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX u C‑543/18 RX‑11, EU:C:2020:232, punti 5758).

( 58 ) Ara, iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, speċjalment il-punti 12 u 26).

( 60 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX u C‑542/19 RX‑11, punt 57). Enfasi tiegħi.

( 61 ) Sentenza Miasto Łowicz.

( 62 ) Ibid., punt 48.

( 63 ) Ibid., punt 49, b’riferiment għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117).

( 64 ) Ibid., punt 50, b’riferiment għas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85, punti 4142).

( 65 ) Ibid., punt 51, b’riferiment għas-sentenza A. K. et.

( 66 ) Ara, għal iktar dettall f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice (C‑397/19, EU:C:2020:747, punti 3334).

( 67 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-Kawżi Magħquda Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2019:775, punti 115 sa 126).

( 68 ) Sentenza Miasto Łowicz, punti 45 sa 53.

( 69 ) Ara, pereżempju, Platon, S., “Court of Justice Preliminary references and rule of law: Another case of mixed signals from the Court of Justice regarding the independence of national courts: Miasto Lowicz”, Common Market Law Review, 2020, vol. 57, ħarġa 6, p. 1843 sa p. 1866.

( 70 ) Għal diskussjoni iżjed iddettaljata, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD (C‑581/18, EU:C:2020:77) – dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każijiet iktar tradizzjonali rigward moviment liberu, u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:650) – dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

( 71 ) Digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2020 (C‑623/18, EU:C:2020:800).

( 72 ) Digriet tat‑2 ta’ Lulju 2020 (C‑256/19, EU:C:2020:523).

( 73 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020 (C‑272/19, EU:C:2020:535).

( 74 ) Sentenza Maler, punti 46 sa 48.

( 75 ) Ibid., ara l-punti 7 sa 27, b’mod partikolari l-punt 16.

( 76 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger (C‑103/97, EU:C:1999:52, punt 24).

( 77 ) Land Hessen, punti 42 sa 61.

( 78 ) Ibid., punt 62.

( 79 ) Cf. Iannuccelli, P., “L’indépendance du juge national et la recevabilité de la question préjudicielle concernant sa propre qualité de ‘juridiction’”, Il Diritto dell’Unione Europea, 2021, p. 823 sa 841.

( 80 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punti 16 sa 31).

( 81 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 51 sa 80).

( 82 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, EU:C:1994:171, punti 21 sa 24); tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:329, punti 10 sa 19); u tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 54 sa 63).

( 83 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C. (C‑497/12, EU:C:2015:168, punti 1525).

( 84 ) Kif spjegat iżjed ’il fuq fil-punti 69 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 85 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il-Kummissjoni (C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 223).

( 86 ) Kif diġà ddiskutejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AFJR, punti 212 et seq.

( 87 ) F’dan il-mument, it-twissijiet akkademiċi kkwotati iżjed ’il fuq jistgħu jkunu tabilħaqq korretti – ara iktar ’il fuq, punti 108 u 109 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 69.

( 88 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AFJR, punt 207.

( 89 ) B’mod interessanti, ideat mhux wisq differenti dwar “indipendenza settorjali” kienu fil-fatt proposti wara l-1989 f’numru ta’ Stati ex Komunisti bħala mezz ta’ awtoġustifikazzjoni u kontinwità ġudizzjarja, fejn kien issuġġerit li f’ċerti oqsma (bħal “dritt ċivili ħieles mill-politika”), l-imħallfin kienu fil-fatt (diġà) indipendenti, l-iżjed peress li f’dawn l-oqsma ma kienx (għad) hemm tentattivi biex jiġi influwenzat l-eżitu tal-kawżi individwali. Għal rendikont eċċellenti li jinqara faċilment bl-Ingliż dwar kif is-sistema kienet ġenwinament topera (u kemm kienet difettuża dik il-loġika f’termini ta’ indipendenza ġudizzjarja ġenwina), ara, pereżempju, Markovits, I., Justice in Lüritz: Experiencing Socialist Law in East Germany, Princeton University Press, 2010.

( 90 ) Dwar din il-kwistjoni, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:339, punti 5455).

( 91 ) Jew tabilħaqq “ibbażata-fuq-qasam-legali”: l-idea li, filwaqt li forsi jista’ jkun hemm ċerti kwistjonijiet f’“kawżi politiċi”, l-“oqsma iżjed tekniċi tad-dritt tal-Unjoni”, bħad-dritt tal-VAT jew id-dritt ambjentali, xorta waħda jiġu applikati kif suppost, tista’ tiġi aċċettata biss minn xi ħadd li ma għandux idea jew memorja storika ta’ kif taħdem sistema ġudizzjarja maqbuda (jew, aħjar, kif ma taħdimx).

( 92 ) F’dan il-kuntest, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033).

( 93 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:529, punt 115), u fil-kawżi magħquda Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C-558/18 u C-563/18, EU:C:2019:775, punt 125).

( 94 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AFJR, punti 265 sa 279 (dwar il-ħatra mhux xierqa tal-kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju).

( 95 ) Għal fehma simili, f’kuntest ieħor, ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Ástráðsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 209 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem “Ástráðsson”).

( 96 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX u C‑542/19 RX‑11, punti 71 sa 76). Ara wkoll, f’kuntest differenti, is-sentenza tal-Qorti EDB fil-kawża Ástráðsson, punt 234.

( 97 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑185/00, EU:C:2003:639, punt 109).

( 98 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 166).

( 99 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑233/00, EU:C:2003:371, punt 84).

( 100 ) Ara, b’riferiment ulterjuri, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AFJR, b’mod partikolari l-punti 243 u 244.

( 101 ) Ara, pereżempju, A. K. et, punt 142, jew is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 98 sa 106163).

( 102 ) B’riferiment għall-metafora tal-pazjent, is-suġġeriment li l-kuntest oġġettiv ma jagħmilx differenza f’dawn il-każijiet iġiegħel lil wieħed jaħseb f’rekwiżit li tim mediku li joffri l-ewwel għajnuna, meta jasal f’xena ta’ ħabta bejn vetturi, ma għandux jeżamina biss il-passiġġieri li vvjaġġaw fil-vetturi li kienu involuti fil-kolliżjoni iżda wkoll il-passiġġieri kollha fil-karozzi l-oħra kollha preżenti, inkluż dawk li ma kinux involuti fil-ħabta, iżda li sempliċement waqfu biex josservaw x’kien qiegħed jiġri. Wara kollox, huma kollha passiġġieri tal-karozzi u kollha għandhom jiġu ttrattati eżattament l-istess, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi.

( 103 ) Bartlett, R.C., u Collins, S.D., Aristotle’s Nicomachean Ethics: A New Translation, University of Chicago Press, 2011.

( 104 ) Għal eżempju reċenti, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża IS (Natura illegali tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:292, punti 85 sa 92).

( 105 ) F’dan ir-rigward, ir-raġunament stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Maler rigward l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jista’ daqstant ieħor isir, fir-rigward tal-istess portata u dettall, rigward deċiżjoni fuq il-mertu.

( 106 ) Mingħajr ma nidħlu f’sistemi speċifiċi oħrajn (tipikament tad-dritt sekondarju) li wkoll iħaddnu u jiżviluppaw iktar il-kunċett ta’ indipendenza ġudizzjarja u li jistgħu wkoll jiġu kkontestati f’xenarji speċifiċi, bħad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825). B’mod dettaljat, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AFJR, punti 183 sa 225.

( 107 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punti 3738) (rigward l-Artikolu 267 TFEU); A. K. et (punti 121 u 122) (rigward l-Artikolu 47 tal-Karta); is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 71 sa 73) (rigward l-Artikolu 19(1) TEU); u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 143).

( 108 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055, punti 4546), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża A. K. et, punt 85.

( 109 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 50 sa 53). Fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet speċifiċi mqajma f’dan ir-rigward, ara reċentement il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punti 27 sa 74).

( 110 ) Każ separat huma sitwazzjonijiet fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 51(1) tal-Karta jiskatta permezz ta’ sistema speċifika tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, li sussegwentement jirrendi l-Artikolu 47 tal-Karta applikabbli. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AFJR, punti 196 sa 202.

( 111 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055, punti 33 sa 47).

( 112 ) Kien hemm ksur individwali tal-Artikolu 47 tal-Karta li ma jilħaqx il-limitu minimu ta’ gravità tal-Artikolu 19(1) TUE.

( 113 ) It-tip ta’ ksur laħaq il-limitu minimu tal-Artikolu 19(1) TUE, iżda ma kien hemm ebda drittijiet individwali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni inkwistjoni taħt l-Artikolu 47 tal-Karta (l-iktar reċenti, essenzjalment, ix-xenarju fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, b’mod partikolari l-punt 89)).

( 114 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055, punt 58).

( 115 ) C‑17/00, EU:C:2001:366, punt 93, b’riferiment għall-kitbiet tal-ġurista P. Calamandrei.

( 116 ) Ara, iżjed reċenti, Land Hessen, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 117).

( 117 ) A. K. et, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata. B’mod dettaljat, b’referenzi ulterjuri, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AFSJ, punt 230.

( 118 ) B’mod simili, ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Richert vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2011:1025JUD005480907, punt 44, u tal‑20 ta’ Marzu 2012, Dryzek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2012:0320DEC001228509, punt 49.

( 119 ) Pereżempju mill-korp awtonomu ġudizzjarju, u/jew il-presidenti jew il-kunsilli tal-qrati involuti, u/jew l-imħallef inkwistjoni.

( 120 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Richert vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2011:1025JUD005480907, punti 42 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 121 ) Ta’ kwalunkwe forma xierqa: kemm jekk minn membri oħra tal-gvern u/jew tal-parlament nazzjonali; superviżjoni mill-midja u mill-opinjoni pubblika; jew fl-aħħar mill-aħħar ukoll għal litigant potenzjali li jista’ jkollu dubji rigward il-kompożizzjoni xierqa tal-kulleġġ imsejjaħ biex jiddeċiedi l-kawża tiegħu u jista’ jkun li jixtieq iqajjem din il-kwistjoni fil-mori tal-kawża tiegħu.

( 122 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Richert vs Il-Polonja (CE:ECHR:2011:1025JUD005480907, punt 45).

( 123 ) Il-Parlament Ewropew (2006), Rapport dwar il‑21 u t‑22 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ ta’ l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (A6‑0089/2006 final) p. 17.

( 124 ) Għal iktar dettall u evalwazzjoni, ara l-Kummissjoni ta’ Venezja, Opinjoni dwar l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, kif emendata (2017) Opinjoni 892/2017.

( 125 ) Ara, b’mod speċjali, Kawża C‑791/19, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari għal imħallfin) (ĠU 2019, C 413, p. 36 sa 44). Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev għal dik il-kawża (C‑791/19, EU:C:2021:366).

( 126 ) Digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277).

( 127 ) Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2009, n K 45/07, OTK ZU n 1/a/2009, pożizzjoni 3.

( 128 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 146).

( 129 ) Ara, reċentement, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top