Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0742

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2021.
    B. K. vs Republika Slovenija (Ministrstvo za obrambo).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Membri tal-forzi armati – Applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(2) TUE – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(2) – Attivitajiet tas-suldati – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu on‑call – Tilwima dwar ir-remunerazzjoni tal-ħaddiem.
    Kawża C-742/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:77

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ippreżentati fit‑28 ta’ Jannar 2021 ( 1 )

    Kawża C‑742/19

    B. K.

    vs

    Republika Slovenija (Ministrstvo za obrambo)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal‑ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2(1) u (2) – Applikabbiltà għal suldati tal-forzi armati tal-Istati Membri – Direttiva 2003/88/KE – Punt 1 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Attività ta’ għassa ta’ installazzjonijiet militari”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 2 ).

    2.

    Dawn id-domandi huma dwar tilwima bejn B.K., ex subuffiċjal fl-armata Slovena, u r-Repubblika tas-Slovenja (il-Ministeru għad-Difiża), il-persuna li kienet timpjegah, dwar ir-remunerazzjoni li kellha titħallaslu bħala kontroparti għall-attività ta’ għassa ta’ installazzjonijiet militari li huwa wettaq regolarment matul is-servizz tiegħu.

    3.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, sabiex tiċċara jekk persuni li jeżerċitaw funzjonijiet militari fil-forzi armati tal-Istati Membri (iktar ’il quddiem is-“suldati” jew il-“membri tal-forzi armati”) jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 u jekk, bħala riżultat, il-ħin tax-xogħol tagħhom għandux jingħadd, jiġi organizzat u limitat skont ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, inkluż waqt tali attività ta’ għassa.

    4.

    Id-Direttiva 2003/88 diġà kienet is-suġġett ta’ ġurisprudenza estensiva mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minkejja dan, id-domandi magħmula f’din il-kawża huma ġodda u sensittivi ħafna. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati taffettwa l-funzjonament tal-forzi armati tal-Istati Membri, istituzzjonijiet li ta’ spiss jitqiesu minn dawn tal-aħħar bħala “l-qofol” tas-sovranità tagħhom, u li l-organizzazzjoni tagħhom hija, bħala prinċipju, fil-kompetenza esklużiva ta’ kull wieħed minnhom. Barra minn hekk, il-biża’ huwa li l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għas-suldati, fil-prattika, tagħmel ħsara lill-kapaċità operattiva ta’ dawn il-forzi.

    5.

    Għalhekk, din il-kawża sejra tlaqqa’ lill-Qorti tal-Ġustizzja ma’ kuntest militari li rarament kellha l-opportunità li tiddeċiedi dwaru. Id-diffikultà kollha tagħha sejra tkun li ssib “bilanċ ġust” bejn, minn naħa, id-drittijiet tas-suldati, bħala ħaddiema, għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, inkluża l-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, l-interess essenzjali tal-Istati Membri fil-funzjonament xieraq tal-forzi armati tagħhom, li huwa indispensabbli għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tagħhom.

    6.

    F’dawn il-konklużjonijiet, nixtieq nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li, sabiex tiżgura dan il-bilanċ, bħala prinċipju, is-suldati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88. Madankollu, huma esklużi sa fejn iwettqu ċerti “attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati, taħt il-kundizzjonijiet li sejjer nispeċifika. Sejjer nispjega wkoll għaliex attività bħall-għassa ta’ installazzjonijiet militari, eżerċitata barra minn ħtieġa ta’ sigurtà partikolari, bħala prinċipju, ma tagħmilx parti minnha.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 89/391/KEE

    7.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ( 3 ) jipprevedi:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).

    2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

    F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva”.

    2. Id-Direttiva 2003/88

    8.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jiddisponi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

    Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal baħħara, kif definiti fid-Direttiva 1999/63/KE mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(8) ta’ din id-Direttiva [ ( 4 )].”

    9.

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

    […]”

    B.   Id-dritt Sloven

    10.

    L-Artikolu 142 taż-Zakon o delovnih razmerjih (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet tax-Xogħol) (Uradni list RS, Nru 21/2013) jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu,

    “(1)   Il-ħin tax-xogħol jinkludi l-ħin tax-xogħol effettiv u l-ħin tal-mistrieħ taħt l-Artikolu 154 ta’ din il-liġi kif ukoll perijodi ta’ assenza ġġustifikata mix-xogħol skont il-liġi u ftehim kollettiv jew att ta’ portata ġenerali.

    (2)   Il-ħin tax-xogħol effettiv jinkludi kwalunkwe perijodu li matulu jaħdem l-impjegat, li jfisser li huwa disponibbli għall-persuna li timpjega u jissodisfa l-obbligi professjonali tiegħu bis-saħħa tal-kuntratt ta’ xogħol.”

    11.

    L-Artikolu 23 taż-Zakon o sistemu plač v javnem sektorju (il-Liġi dwar is-Sistema ta’ Remunerazzjoni fis-Settur Pubbliku) (Uradni list RS, Nru 56/02 et seq.) jiddisponi li l-uffiċjali pubbliċi, inklużi persuni impjegati fl-armata Slovena, huma intitolati, b’mod partikolari, għal kumpens għal xogħol imwettaq f’sigħat inqas favorevoli, kif previst fl-Artikolu 32(3) ta’ din il-liġi. Din l-aħħar dispożizzjoni tispeċifika li l-uffiċjali pubbliċi huma intitolati wkoll għal allowance ta’ stand-by. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-ammont ta’ kumpens għal stand-by huwa ddeterminat mill-ftehim kollettiv għas-settur pubbliku.

    12.

    L-Artikolu 46 tal-Kolektivna pogodba za javni sektor (il-Ftehim Kollettiv għas-Settur Pubbliku), fil-verżjoni fis-seħħ matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Uradni list RS, Nru 57/2008 et seq.), jistipula li “[l]-uffiċjali pubbliċi huma intitolati għal suppliment għal perijodi ta’ stand-by sa 20 % tar-rata fis-siegħa tas-salarju bażiku. Il-perijodi ta’ stand-by ma għandhomx jiġu kkunsidrati għall-uffiċjali pubbliċi bħala ħin tax-xogħol”.

    13.

    Ir-raġunijiet għal dan il-ftehim kollettiv (Uradni list RS, Nru 112‑4869/2008) jippreċiżaw li “[l]-istand-by ifisser li l-uffiċjal pubbliku għandu jkun jista’ jintlaħaq sabiex ikun jista’ jmur jaħdem barra mill-ħin tax-xogħol tiegħu. Il-perijodu ta’ stand-by għandu jiġi impost bil-miktub. L-ammont tal-allowance tal-perijodu fuq stand-by huwa l-istess, irrispettivament minn jekk l-uffiċjal pubbliku huwiex suġġett għal xogħol fuq stand-by binhar, billejl, f’ġurnata tax-xogħol, nhar ta’ Ħadd jew btala pubblika”.

    14.

    Iż-Zakon o obrambi (il-Liġi dwar id-Difiża) (Uradni list RS, Nru 92/94 et seq.) tirregola b’mod partikolari d-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema li professjonalment iwettqu xogħolhom fil-qasam tad-difiża ( 5 ). L-Artikolu 96 ta’ din il-liġi jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-ħaddiem li professjonalment iwettaq xogħlu fil-qasam tad-difiża huwa meħtieġ, b’deċiżjoni ta’ superjur u għall-bżonnijiet tas-servizz, li jeżerċita x-xogħol taħt kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li hu meqjus bħala tali x-xogħol imwettaq matul il-ħin tax-xogħol li huwa inqas favorevoli għall-ħaddiem kif ukoll xogħol imwettaq taħt kundizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli jew b’piżijiet addizzjonali, li jinkludi l-istand-by jew il-possibbiltà li jiġi kkuntattjat u xogħol tal-għassa. Il-paragrafu 3 tal-artikolu msemmi jiddikjara li, jekk il-ħaddiem jaħdem matul il-perijodu ta’ għassa, il-ħin tax-xogħol effettiv huwa kkunsidrat bħala xogħol imwettaq matul il-ħinijiet tax-xogħol estiżi jekk il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

    15.

    L-Artikolu 97(1) tal-Liġi dwar id-Difiża jipprovdi li l-ħin stand-by huwa l-ħin li matulu l-ħaddiem li jaħdem fil-qasam tad-difiża għandu jkun disponibbli sabiex jaħdem fil-post tax-xogħol tiegħu, f’post speċifiku jew id-dar. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li l-perijodu stand-by ma huwiex inkluż fl-għadd ta’ sigħat ta’ obbligi professjonali ta’ kull ġimgħa jew ta’ kull xahar. Jekk il-ħaddiem għandu fil-fatt jaħdem matul il-perijodu stand-by, dawn is-sigħat ta’ xogħol effettiv huma inklużi fl-għadd tas-sigħat tal-obbligi professjonali ta’ kull ġimgħa jew ta’ kull xahar. Il-paragrafu 3 tal-artikolu msemmi jindika li l-ministru jiddetermina l-każijiet u l-metodi kif jiġi eżerċitat l-istand-by fl-ispazji professjonali, f’post speċifiku jew id-dar. Il-każijiet u l-metodi tal-eżerċizzju tal-istand-by fl-armata huma ddeterminati mill-Kap ta’ Stat Maġġuri. Il-paragrafu 4 tal-istess artikolu jipprovdi li l-istand-by f’post speċifiku jkun assimilat mal-istand-by fuq il-post tax-xogħol.

    16.

    L-Artikolu 97č tal-Liġi dwar id-Difiża jiddisponi, fil-paragrafu 1, li l-għases bħala regola jdumu 24 siegħa mingħajr interruzzjoni. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jindika li s-suldati li jwettqu xogħol ta’ għassa huma kkunsidrati li jkunu qegħdin jaħdmu waqt il-ħin tax-xogħol kondiviż. Is-sigħat li matulhom ma jwettqux xogħol effettiv ma humiex ikkunsidrati bħala ħin tax-xogħol, iżda huma kkunsidrati bħala perijodu stand-by fuq il-post tax-xogħol. L-obbligu professjonali ta’ kuljum ta’ għassa ma jistax jaqbeż it-tnax‑il siegħa. Il-paragrafu 3 tal-artikolu msemmi jispeċifika li jekk ikun hemm każijiet eċċezzjonali jew il-ħtieġa li titlesta missjoni li tkun bdiet, il-ħin tax-xogħol tas-suldati jista’ jiġi estiż b’mod eċċezzjonali, iżda f’din l-okkażjoni s-sigħat maħduma li jaqbżu t-tnax‑il siegħa ta’ xogħol effettiv li diġà nħadmu huma kkunsidrati sahra. Il-paragrafu 4 tal-istess artikolu jiddikjara li l-eżerċizzju ta’ xogħol ta’ għassa ma jistax idum bla interruzzjoni għal iktar minn sebat ijiem. Is-suldati huma intitolati għal pawża ta’ mistrieħ fil-post fejn ikunu għamlu l-għassa, billi t-tnax‑il siegħa huma rrikonoxxuti bħala ħin tax-xogħol ordinarju u t-tnax‑il siegħa li jifdal huma kkunsidrati bħala perijodu ta’ stand-by.

    III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    17.

    Bħala subuffiċjal tal-armata Slovena, B. K. wettaq, fil-kwartieri ta’ Slovenska Bistrica (is-Slovenja) fejn kien ġie stazzjonat, għal ġimgħa fix-xahar, xogħol ta’ għassa li damet 24 siegħa, f’kull jum tal-ġimgħa, inklużi s-Sibt u l-Ħadd. Matul dan il-perijodu, B. K. kellu jkun disponibbli u jkun preżenti b’mod permanenti f’dawn il-kwartieri. Fil-każ ta’ wasla mhux mistennija tal-pulizija militari, ta’ grupp ta’ spezzjoni jew ta’ grupp ta’ intervent, huwa kellu jirreġistraha fuq il-formola ta’ reġistrazzjoni u jwettaq il-missjonijiet assenjati lilu mis-superjuri tiegħu.

    18.

    Għal din l-attività, ir-Repubblika tas-Slovenja (il-Ministeru għad-Difiża) għadd bħala ħin tax-xogħol tmien sigħat kuljum għall-għassa u ħallas lil B. K. is-salarju ordinarju tiegħu għal dawn it-tmien sigħat. Is-sigħat li fadal kienu ġew ikkunsidrati mhux bħala ħin tax-xogħol, iżda bħala perijodu ta’ stand-by fuq il‑post tax-xogħol. Il-persuna kkonċernata għalhekk irċeviet, għal dawn is-sigħat, allowance ta’ stand-by ta’ 20 % ta’ dan is-salarju.

    19.

    B. K. ippreżenta rikors quddiem id-Delovno in socialno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Ljubljana, is-Slovenja) kontra r-Repubblika tas-Slovenja (il-Ministeru għad-Difiża), li fil-kuntest tiegħu huwa qiegħed jitlob il-ħlas, bħala sahra, għal sigħat stand-by maħduma bħala parti mix-xogħol ta’ għassa għall-perijodu mix-xahar ta’ Frar 2014 sax-xahar ta’ Lulju 2015 ( 6 ). Il-persuna kkonċernata ssostni li, skont id-Direttiva 2003/88, dawn is-sigħat kellhom jingħadu, fl-intier tagħhom, bħala ħin tax-xogħol u mħallsa bħala riżultat, peress li kellu jkun preżenti fil-post tax-xogħol tiegħu jew fil-kwartieri l-ħin kollu, disponibbli għall-persuna li timpjegah u ’l bogħod mill-post ta’ residenza tiegħu u l-familja tiegħu.

    20.

    Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2016, id-Delovno in socialno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Ljubljana) ċaħdet ir-rikors ta’ B. K. Skont dik il-qorti, ir-Repubblika tas-Slovenja (il-Ministeru għad-Difiża) kienet ikkalkolat ir-remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata skont il-Liġi dwar id-Difiża, li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ stand-by fuq il-post tax-xogħol jew f’post speċifiku ma humiex ikkunsidrati, fl-intier tagħhom, bħala ħin tax-xogħol. Għalhekk, B. K. ma kienx intitolat, għas-sigħat ikkontestati, ħlief għall-allowance tal-istand-by li kienet tħallsitlu.

    21.

    B. K. ippreżenta appell quddiem il-Višje delovno in socialno sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell Industrijali u Soċjali ta’ Ljubljana, is-Slovenja). B’sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, dik il-qorti ċaħdet l-appell tal-persuna kkonċernata u kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza. Il-qorti tal-appell iddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Liġi dwar id-Difiża ma tmurx kontra d-Direttiva 2003/88 peress li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, dawn iż-żewġ direttivi ma japplikawx meta l-partikolaritajiet inerenti f’ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-forzi armati, jipprekluduhom b’mod vinkolanti, li huwa l-każ ta’ servizz fl-armata Slovena.

    22.

    Imbagħad, B. K. ippreżenta appell għal “reviżjoni” mis-sentenza tal-appell quddiem il-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja). F’dan il-kuntest, dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88] japplika wkoll għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tad-difiża u għall-militari li jagħmlu xogħol tal-għassa fi żmien ta’ paċi?

    2)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-perijodi ta’ stand-by tal-ħaddiema li jaħdmu fl-armata, imwettqa fuq il-post tax-xogħol jew f’post determinat (iżda mhux id-dar) u l-preżenza tal-militari li jaħdmu fil-qasam tad-difiża f’perijodi ta’ għassa, meta dawn il-militari ma jwettqux xogħol effettiv, iżda għandhom ikunu fiżikament preżenti fil-kwartier tas-suldati, ma humiex inklużi fil-ħin tax-xogħol?”

    23.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, tal‑10 ta’ Settembru 2019, waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ottubru tal-istess sena. Il-Gvern Sloven ( 7 ), dak Ġermaniż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet, kif ukoll il-Gvern Spanjol, kienu rrappreżentati waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fil‑21 ta’ Settembru 2020.

    IV. Analiżi

    24.

    Għandu jiġi mfakkar, bħala punt preliminari, li d-Direttiva 2003/88 ( 8 ) tistabbilixxi sensiela ta’ “rekwiżiti minimi” ( 9 ) għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Bis-saħħa ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li “kwalunkwe ħaddiem” jibbenefika b’mod partikolari minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ ħdax‑il siegħa konsekuttiva matul kull perijodu ta’ 24 siegħa (Artikolu 3), b’waqfien għal xogħol ta’ kuljum li jaqbeż is-sitt sigħat (Artikolu 4), perijodu minimu ta’ mistrieħ kull ġimgħa ta’ 24 siegħa mingħajr interruzzjoni matul kull perijodu ta’ sebat ijiem, li miegħu jiżdiedu l-ħdax‑il siegħa ta’ mistrieħ ta’ kuljum (Artikolu 5), b’ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa, inkluża s-sahra (Artikolu 6), kif ukoll leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erbgħa ġimgħat (Artikolu 7). Id-direttiva msemmija fiha wkoll regoli dwar it-tul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol billejl u bix-xift kif ukoll ir-ritmu tax-xogħol ( 10 ).

    25.

    L-għan ewlieni ta’ dawn ir-“regoli” huwa l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ( 11 ). Huma għandhom l-għan, b’mod partikolari, li jiggarantixxu li l-ħaddiema jkollhom mistrieħ biżżejjed sabiex jirkupraw mill-għeja kkawżata minn xogħolhom. Huma għalhekk intiżi sabiex jiġi evitat ir-riskju li jweġġgħu lilhom innifishom jew lill-kollegi tagħhom jew nies oħra b’mod involontarju, minħabba din l-għeja u, iktar ġeneralment, jikkontribwixxu biex ma jitħalliex li dan ix-xogħol jagħmel ħsara lil saħħithom, fuq medda qasira jew twila ta’ żmien ( 12 ). Id-Direttiva 2003/88 tikkonkretizza, f’dan kollu, il-prinċipji ġenerali stabbiliti mid-Direttiva 89/391, li tikkostitwixxi d-“direttiva qafas” fi kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, ir-regoli tad-Direttiva 2003/88 għandhom it-tendenza li jirriżervaw għall-ħaddiema perijodu ta’ rilassament kif ukoll divertiment u b’hekk jiżguraw ċertu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u privata ( 13 ).

    26.

    Korrelattivament, dawn ir-“regoli” jpoġġu restrizzjonijiet ekonomiċi u prattiċi fuq persuni li jimpjegaw, inklużi l-Istati Membri, meta jaġixxu f’dik il-kapaċità. B’mod partikolari, il-funzjonament ta’ servizzi pubbliċi essenzjali, li l-għan tagħhom huwa li jissodisfaw l-interess ġenerali u suġġett, bħala tali, għal imperattiv ta’ kontinwità, isir iktar kumpless. Fil-fatt, din il-kontinwità tiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ dawn is-servizzi minn numru suffiċjenti ta’ persunal attiv, b’mod li jkun hemm, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tensjoni bejn l-għoti strett lill-ħaddiema kkonċernati tad-drittijiet għal-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol u għall-mistrieħ previsti mid-Direttiva 2003/88 u l-funzjonament ta’ dawn is-servizzi.

    27.

    Din it-tensjoni hija partikolarment prevalenti f’din il-kawża, li għandha bħala sfond il-funzjonament tal-forzi armati tal-Istati Membri, jiġifieri istituzzjonijiet sovrani ta’ importanza partikolari ħafna.

    28.

    F’dan ir-rigward, kif indikaw il-Gvern Sloven, dak Spanjol u dak Franċiż, għalkemm il-portata tal-missjonijiet fdati lilhom tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor, il-forzi armati jikkostitwixxu, b’mod ġenerali, ħolqa essenzjali fil-politiki tad-difiża ta’ dawn l-Istati. Il-missjoni primarja tagħhom hija li jiggarantixxu l-integrità tat-territorju tagħhom kif ukoll il-protezzjoni tal-popolazzjoni tagħhom u l-istituzzjonijiet tagħhom kontra l-aggressjoni armata. Il-forzi armati jikkontribwixxu wkoll, b’mod ġenerali, għall-ġlieda kontra theddid ieħor li x’aktarx jipperikola s-sigurtà nazzjonali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-missjonijiet tagħhom ħafna drabi huma li jiggarantixxu s-sigurtà tal-popolazzjoni u jipprovdu appoġġ lill-awtoritajiet ċivili meta r-riżorsi tagħhom ma jkunux biżżejjed, b’mod partikolari fil-każ ta’ diżastru naturali jew attakk ( 14 ). Il-forzi armati jiggarantixxu wkoll lill-Istati Membri l-eżerċizzju ħieles tas-sovranità tagħhom fil-livell internazzjonali. B’mod partikolari, jippermettulhom jassumu responsabbiltajiet fi kwistjonijiet ta’ sigurtà kollettiva, fil-qafas tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jappartjenu għalihom ( 15 ) u, fil-livell tal-Unjoni, fil-qafas tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni ( 16 ). F’dan il-kuntest, il-forzi armati tal-Istati Membri jipparteċipaw, fi gradi differenti, fil-promozzjoni u ż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Meħuda flimkien, il-forzi armati jirrappreżentaw l-aħħar mezz tal-Istati fid-difiża tas-sigurtà tagħhom u tal-interessi essenzjali tagħhom.

    29.

    Barra minn hekk, kif indikaw il-Gvern Sloven, dak Spanjol u dak Franċiż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li storikament dawn il-forzi intervjenew prinċipalment fi “żmien ta’ gwerra” li jinvolvi l-Istat ikkonċernat, għall-kuntrarju fi “żmien ta’ paċi”, huwa ġeneralment aċċettat li din id-distinzjoni ma kinitx xierqa fil-kuntest ġeopolitiku attwali. Fil-fatt, għalkemm ma hemm l-ebda “gwerra”, fis-sens klassiku tat-terminu, fil-fruntieri immedjati tal-Istati Membri, l-iżvilupp tat-terroriżmu internazzjonali, il-multiplikazzjoni ta’ kunflitti lokali jew reġjonali ta’ intensitajiet differenti f’pajjiżi terzi, kultant qrib l-Ewropa, il-ħolqien tal-“gwerra ċibernetika” li saret possibbli permezz ta’ tibdil teknoloġiku kif ukoll fatturi oħra ta’ tensjoni jikkaratterizzaw instabbiltà dejjiema ta’ relazzjonijiet internazzjonali, li tirriżulta f’ħafna theddid, “ibridu” u dejjiemi għas-sigurtà tal-Istati Membri. Il-politika tagħhom ta’ difiża u, b’mod partikolari, tal-forzi armati tagħhom, għandha għalhekk ikollha rwol permanenti u tkopri wkoll iż-“żminijiet ta’ paċi” tradizzjonali ( 17 ).

    30.

    Hawnhekk ukoll, sabiex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom kontinwament u b’mod effettiv, il-forzi armati tal-Istati Membri għandu jkollhom ir-riżorsi umani meħtieġa. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati hija partikolarment delikata u l-approċċi f’dan il-qasam ivarjaw fl-Istati Membri ( 18 ).

    31.

    Essenzjalment, uħud mill-Istati Membri, inklużi l-Ġermanja ( 19 ), il-Lussemburgu ( 20 ) kif ukoll is-Slovenja ( 21 ), jipprovdu għal ħin tax-xogħol ta’ kuljum u fil-ġimgħa għas-suldati fil-leġiżlazzjoni tagħhom, kif inhu l-każ għall-membri oħra pubbliċi u impjegati pajżana, li tirriżerva, madankollu, fid-dawl tan-natura speċifika tal-forzi armati, derogi għal uħud mill-attivitajiet militari tagħhom, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim tajjeb tagħhom. Stati Membri oħra, fosthom Spanja ( 22 ) u l-Italja ( 23 ), jipprovdu tali regoli dwar il-ħin tax-xogħol, filwaqt li jissuġġettaw lis-suldati għal ħtieġa ta’ disponibbiltà permanenti, li jiġġustifikaw li l-bżonnijiet tas-servizz jiġu qabel l-osservanza ta’ dawn ir-regoli, f’ċerti ċirkustanzi. Fl-aħħar nett, għall-aħħar kategorija ta’ Stati Membri, inklużi Franza u Ċipru, dawn ma jipprevedu l-ebda limiti tal-ħin tax-xogħol tas-suldati fil-leġiżlazzjoni tagħhom, billi dawn l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari kunċett estiż tar-rekwiżit għad-disponibbiltà tas-suldati tagħhom, li jipprekludi, min-natura tiegħu, kwalunkwe limitu ta’ dan il-ħin.

    32.

    B’mod iktar speċifiku, għall-Gvern Franċiż, il-kontinwità u l-effettività tal-forzi armati jeħtieġu mod ta’ organizzazzjoni inkompatibbli ma’ sistema bħal dik prevista mid-Direttiva 2003/88, ibbażata fuq għadd individwali tal-ħin tax-xogħol kif ukoll ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa obbligatorji. It-twettiq xieraq tal-missjonijiet fdati lilhom ikun jeħtieġ l-istabbiliment ta’ qafas speċifiku għall-organizzazzjoni tal-ħin tas-servizz tas-suldati, bi flessibbiltà suffiċjenti sabiex tirrikonċilja, minn naħa, is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, l-imperattivi operattivi, li għandhom prijorità assoluta. Għalhekk għandu jkun f’idejn il-kmandanti li jiddeċiedu dwar il-ħinijiet tax-xogħol, il-perijodi ta’ mistrieħ u l-leave (jew, b’mod iktar preċiż, il-“permessi”) tas-suldati skont dawn l-imperattivi, filwaqt li jkunu żgurati, kemm jista’ jkun, il-benesseri u s-sigurtà tat-truppi.

    33.

    Barra minn hekk, kif jenfasizza l-Gvern Franċiż, b’mod partikolari fi Franza, ir-rekwiżit tad-disponibbiltà permanenti imposta fuq is-suldati (iktar ’il quddiem il-“prinċipju ta’ disponibbiltà”), li jirrifletti l-impenn tas-suldati li jservu “f’kull ħin u f’kull post”, mhux biss jitqies bħala element essenzjali għas-suċċess tal-missjonijiet tal-forzi armati, iżda wkoll bħala indikatur ta’ identità, li jiddistingwi lil dawn is-suldati mill-pajżana. Ir-restrizzjonijiet marbuta ma’ dan l-impenn permanenti jagħtu lok għal kontropartijiet, bħal numru għoli ta’ leave kif ukoll sistema ta’ rtirar kmieni iktar ġeneruża minn dak ta’ ħaddiema oħra. Ta’ spiss jitqies li l-applikazzjoni għas-suldati tar-regoli fid-Direttiva 2003/88 tista’ tpoġġi fid-dubju dan il-prinċipju ta’ disponibbiltà u, f’dan, tipparteċipa f’ċerta “banalizzazzjoni” tax-xogħol militari, billi tqarrbu lejn xogħol tal-impjegati pajżana u b’hekk tħassar is-singularità tiegħu ( 24 ).

    34.

    Qabel ma neżamina d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju f’dan il-kuntest delikat (taqsimiet B u Ċ), għandi nikkunsidra, fil-qosor, l-ammissibbiltà tagħhom (taqsima A).

    A.   Fuq l-ammissibbiltà

    35.

    Infakkar li t-talba mressqa minn B.K. kontra r-Repubblika tas-Slovenja (Ministeru għad-Difiża) għandha l-għan sabiex jitħallas, bħala sahra, tas-sigħat stand-by maħduma minnu fil-qafas tal-attività ta’ għassa li wettaq matul is-servizz tiegħu. Issa, kif indikajt fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-regoli tad-Direttiva 2003/88 huma maħsuba sabiex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Din id-direttiva għalhekk, bħala prinċipju ( 25 ), ma tirregolax tali kwistjoni patrimonjali ( 26 ).

    36.

    Madankollu, ma jirriżultax li d-domandi preliminari preżenti huma inammissibbli. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, sabiex tiddetermina r-remunerazzjoni li kellha titħallas lil B.K. għas-sigħat maħduma fil-qafas ta’ din l-attività ta’ għassa u, b’hekk, sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima pendenti quddiemha, hija kellha tkun taf jekk dawn is-sigħat jikkostitwixxux, fl-intier tagħhom, “ħin tax-xogħol” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Ovvjament, dik il-qorti tqis li l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għas-suldati u dik tal-klassifikazzjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva, tal-ħin mgħoddi minnhom bħala għassa għandhom natura preliminari fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza tad-dritt għar-remunerazzjoni addizzjonali mitluba minn B.K. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm rabta ċara bejn id-domandi magħmula u l-kawża prinċipali ( 27 ).

    B.   Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/88 għas-suldati (l-ewwel domanda)

    37.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/88 hijiex applikabbli għal “ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tad-difiża” u “għas-suldati”. Kif qiegħed nifhimha jien, l-ewwel kategorija tinkludi t-tieni, filwaqt li tinkludi wkoll persunal pajżan impjegat mill-Ministeru għad-Difiża Sloven ( 28 ). Madankollu, din il-kwistjoni hija direttament rilevanti għall-kawża prinċipali biss fir-rigward tas-suldati. Huwa għalhekk xieraq li l-analiżi tkun iffokata fuq din il-kategorija ta’ persuni. Barra minn hekk, jekk d-domanda msemmija tiffoka fuq l-attività ta’ għassa ta’ installazzjonijiet militari, imwettqa “fi żmien ta’ paċi”, huwa meħtieġ li nistaqsu, l-ewwel nett, jekk din id-direttiva tapplikax, b’mod ġenerali, għas-suldati, qabel ma jiġi eżaminat imbagħad, u jekk ikun meħtieġ, jekk l-attività msemmija hijiex speċifikament eskluża.

    38.

    Kif indikajt fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li d-Direttiva 2003/88 hija tabilħaqq applikabbli, bħala prinċipju, għas-suldati. Fil-fatt, il-miżuri nazzjonali relatati mal-organizzazzjoni tal-forzi armati tal-Istati Membri ma humiex kompletament esklużi mill-kamp ta’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (taqsima 1). Barra minn hekk, is-suldati huma “ħaddiema” fis-sens ta’ din id-direttiva (taqsima 2) u l-forzi armati huma parti mis-setturi ta’ attivitajiet li hija tkopri (taqsima 3). Madankollu, is-suldati ma jibbenefikawx mir-regoli tal-imsemmija direttiva meta jipparteċipaw f’ċerti “attivitajiet speċifiċi” ta’ dawn il-forzi armati (taqsima 4), li bħala prinċipju ma jinkludux attività bħal dik ta’ għassa tal-installazzjonijiet militari (taqsima 5).

    1. Il-miżuri nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-forzi armati ma humiex kompletament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

    39.

    Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol u dak Franċiż sostnew li r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati jirriflettu l-għażliet ta’ organizzazzjoni militari, magħmula minn kull Stat Membru bil-għan li tiġi żgurata d-difiża tat-territorju tiegħu u l-interessi essenzjali tiegħu. Dawn il-miżuri għalhekk ikunu kompletament esklużi mid-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 4(2) TUE ( 29 ).

    40.

    Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ, għar-raġunijiet li ġejjin.

    41.

    Fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat li l-organizzazzjoni tal-forzi armati tal-Istati Membri taffettwa s-“sigurtà nazzjonali” tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. Dawn il-forzi jikkostitwixxu, fil-qafas tal-politiki ta’ difiża li jimplimentaw, wieħed mill-komponenti li jiggarantixxu din is-“sigurtà” ( 30 ). Issa, kif din id-dispożizzjoni tagħmilha ċara, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru. Din il-kjarifika tenfasizza li, fil-preżent, l-ebda kompetenza ma ġiet attribwita lill-Unjoni fi kwistjonijiet, b’mod partikolari, tad-difiża ( 31 ). Għaldaqstant, huwa għal kull Stat Membru, skont il-kompetenza esklużiva li għandu f’dan ir-rigward, li għandu jadotta l-miżuri xierqa sabiex jiżgura s-sigurtà nazzjonali tiegħu u, f’dan il-kuntest, li jieħu miżuri relatati mal-organizzazzjoni tal-forzi armati tiegħu.

    42.

    Madankollu, miżuri bħal dawn ma humiex kompletament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-“sempliċi fatt li miżura nazzjonali ttieħdet għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat nazzjonali ma jistax jimplika l-inapplikabbiltà tad-dritt tal‑Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri milli jirrispettaw dan id-dritt” ( 32 ).

    43.

    Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-istrumenti tad-dritt sekondarju li jimplimentaw politiki li għalihom l-Unjoni għandha kompetenza – fi kwistjonijiet soċjali, ugwaljanza fit-trattament, eċċ. – japplikaw, fil-kundizzjonijiet li jiddefinixxu, a priori wkoll għal miżuri nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-organizzazzjoni tal-forzi armati u jistgħu, bħala tali, jistabbilixxu ċerti limiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri meta jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-kwistjoni ( 33 ).

    44.

    Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż, is-sentenza Dory ( 34 ) ma tikkontestax din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li l-miżuri nazzjonali relatati mal-organizzazzjoni tal-forzi armati jaqgħu kompletament barra d-dritt tal-Unjoni.

    45.

    Infakkar li l-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda r-regolamenti Ġermaniżi dwar is-servizz militari obbligatorju, irriżervat għall-irġiel. Sabiex jiġi eżentat minnu, A. Dory sostna li dawn ir-regolamenti ddiskriminaw fuq il-bażi tas-sess fl-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali, bi ksur tad-Direttiva 76/207. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, it-tlestija tas-servizz militari rriżultat f’dewmien f’dan l-aċċess għall-irġiel – dewmien li ma kinux jgħaddu minnu n-nisa, peress li kienu eżentati minn dan is-servizz. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix Stat Membru milli jirriżerva s-servizz militari obbligatorju għall-irġiel. Issa, ir-raġunijiet għal din is-sentenza, moqrija fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl ( 35 ), jirriflettu l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-punti 41 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Minn naħa waħda, id-deċiżjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tibbaża s-saħħa tal-forzi armati tagħha fuq servizz militari obbligatorju ma kinitx, bħala tali, irregolata mid-dritt tal-Unjoni – din kienet għażla pura ta’ organizzazzjoni militari, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru ( 36 ). Min-naħa l-oħra, l-ebda obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni ma impona limiti fuq l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-rabta bejn ir-regolamenti nazzjonali relatati ma’ dan is-servizz u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess prevista fid-Direttiva 76/207 kienet remota wisq sabiex din tal-aħħar tkun applikabbli billi dan ir-regolament ikollu l-iktar effetti indiretti fuq l-aċċess għal impjieg jew taħriġ vokazzjonali fil-Ġermanja ( 37 ).

    46.

    Fit-tieni lok, huwa wkoll innegabbli li l-forzi armati jaqgħu taħt, kif sostna l-Gvern Franċiż, “l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom […] li jassiguraw l-integrità territorjali […] u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, l-Unjoni għandha “tirrispetta” dawn il-funzjonijiet essenzjali tal-istat ( 38 ).

    47.

    Madankollu, dan ma jfissirx, hawnhekk ukoll, li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom jaqgħu kompletament barra mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, ir-“rispett” dovut mill-Unjoni għall-“funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom” ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, iżda għandu jitqies kif xieraq, b’mod partikolari matul l-adozzjoni ( 39 ) u l-interpretazzjoni ta’ strumenti tad-dritt sekondarju, bħad-Direttiva 2003/88, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti ma għandhiex, skont l-Artikolu 4(2) imsemmi, tipprevjeni l-funzjonament tajjeb ta’ dawn il-“funzjonijiet […] essenzjali” ( 40 ).

    48.

    Fil-qosor, kif sostnew il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, id-dritt tal-Unjoni jista’ japplika għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-suldati, anki jekk din il-kwistjoni tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-forzi armati u, b’dan, s-“sigurtà nazzjonali” kif ukoll il-“funzjonijiet Statali essenzjali”, fis-sens tal-istess Artikolu 4(2). Min-naħa l-oħra, dan id-dritt ma jistax jiġi interpretat jew applikat b’mod li jikkomprometti l-funzjonament xieraq tal-forzi armati, idea li sejjer niżviluppa fit-taqsimiet li ġejjin.

    2. Is-suldati professjonali huma “ħaddiema”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88

    49.

    Infakkar, li r-regoli tad-Direttiva 2003/88 huma maħsuba sabiex jibbenefikaw, kif din tindika f’diversi okkażjonijiet ( 41 ), lill-“ħaddiema”. Fil-fehma tiegħi, is-suldati professjonali bħal B. K. bla dubju jappartjenu għal din il-kategorija ( 42 ).

    50.

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huwa kunċett indipendenti tad-dritt tal-Unjoni, iddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol fid-dawl tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna twettaq, għal ċertu żmien, favur u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra, servizzi li bihom tirċievi remunerazzjoni ( 43 ).

    51.

    Madankollu, suldati professjonali jwettqu, għal ċertu perijodu ta’ żmien, diversi servizzi li bihom jirċievu remunerazzjoni – b’mod partikolari s-salarju tagħhom. Barra minn hekk, is-suldati huma marbutin b’rekwiżit imperattiv ta’ dixxiplina, li jinvolvi, b’mod partikolari, l-ubbidjenza għal regoli ta’ kondotta, regolamenti militari u ordnijiet ta’ superjuri ġerarkiċi ( 44 ) – jiġifieri manifestazzjoni estrema tar-rabta ta’ subordinazzjoni li tikkaratterizza kull relazzjoni ta’ xogħol.

    52.

    Nippreċiża li s-suldati professjonali huma “ħaddiema” fis-sens tad-Direttiva 2003/88, irrispettivament minn jekk, fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, humiex marbutin mal-forzi armati b’kuntratt jew għandhomx l-istatus ta’ impjegati pajżana ( 45 ). Anki meta s-suldati jkollhom status sui generis fid-dritt nazzjonali ( 46 ), għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali għall-finijiet ta’ din id-direttiva ( 47 ).

    3. Il-forzi armati jaqgħu taħt is-setturi ta’ attivitajiet koperti mid-Direttiva 2003/88

    53.

    Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva huwa ddefinit, fil-parti l-kbira, b’riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, li jiddeskrivi dak tal-aħħar direttiva. Dawn iż-żewġ strumenti għalhekk għandhom, bħala prinċipju, l-istess kamp ta’ applikazzjoni ( 48 ), ħlief li d-Direttiva 2003/88 ma tkoprix, għall-kuntrarju tad-Direttiva 89/391, “baħħara”, li huma speċifikament is-suġġett tad-Direttiva 1999/63. Issa, din l-eċċezzjoni hija irrilevanti għall-każ preżenti ( 49 ). Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2003/88 tapplikax għas-suldati, għandu jiġi eżaminat jekk dawn tal-aħħar jaqgħux taħt id-Direttiva 89/391.

    54.

    Skont l-Artikolu 2(1) id-Direttiva 89/391 tapplika “għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati”, fosthom hemm l-“attivitajiet ta’ servizz”.

    55.

    F’dan il-każ, il-forzi armati tal-Istati Membri għandhom tali “attività”, peress li jipprovdu servizz pubbliku – dak tad-difiża ( 50 ). Dawn il-forzi għalhekk jaqgħu taħt is-“setturi ta’ attività […] pubbliċi” msemmija f’dan l-Artikolu 2(1).

    4. Is-suldati huma esklużi mir-regoli tad-Direttiva 2003/88 sa fejn jipparteċipaw f’ċerti “attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati

    56.

    Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jipprovdi għal eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva ma hijiex applikabbli “fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha”. It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu madankollu jispeċifika li, f’dan il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom jiġu żgurati, kemm jista’ jkun, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-istess direttiva.

    57.

    Il-Gvern Sloven ( 51 ), dak Spanjol u dak Franċiż isostnu li din l-eċċezzjoni, li hija inkorporata b’riferiment għad-Direttiva 2003/88, tippermetti lill-Istati Membri jeskludu b’mod permanenti l-membri kollha tal-forzi armati tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva ( 52 ).

    58.

    Min-naħa tiegħi, inqis, bħall-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 ma jawtorizzax lill-Istati Membri jeskludu, kompletament u b’mod permanenti, lis-suldati kollha mill-benefiċċju tar-regoli ta’ din id-direttiva jew dawk tad-Direttiva 2003/88 (taqsima a). Dan joħroġ, fil-fehma tiegħi, mill-kliem u l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni, ikkunsidrati fid-dawl tal-kuntest li fih tidħol, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi indikazzjonijiet utli.

    a) L-Istati Membri ma jistgħux jeskludu, b’mod permanenti, lis-suldati kollha milli jibbenefikaw mir-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88

    59.

    Fl-ewwel lok, it-termini tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jirreferu, infakkarkom, mhux għas-suldati jew għall-forzi armati bħala tali, imma għal “ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi” ta’ dawn il-forzi ( 53 ). Il-kriterju użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’din id-dispożizzjoni għalhekk ma huwiex ibbażat fuq is-sħubija tas-suldati fis-“settur ta’ attività” ikkostitwit minn dawk il-forzi, meqjus kollu kemm hu. Id-dispożizzjoni msemmija ma tkoprix ukoll l-“attività” tal-forzi armati, meħuda kollha kemm hija – fis-sens tas-servizz pubbliku tad-difiża ( 54 ). Dan it-terminu jindika, b’mod iktar preċiż, “kompiti”, jew aħjar “missjonijiet” imwettqa mis-suldati fil-qafas tal-funzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, mhux il-missjonijiet kollha mwettqa mis-suldati huma koperti, iżda biss “ċerti” missjonijiet “speċifiċi”. ( 55 ).

    60.

    Fit-tieni lok, infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jippermetti li ssir deroga, b’mod ġenerali, mir-regoli ta’ din id-direttiva u, b’estensjoni, minn dawk tad-Direttiva 2003/88 meta l-“karatteristiċi partikolari” għall-attivitajiet inkwistjoni, inklużi wħud minn dawk mwettqa mis-suldati, “b’mod inevitabbli” jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli – jew, fi kliem ieħor, meta dawn l-attivitajiet ma jkunux jistgħu jitwettqu b’mod korrett kieku r-regoli msemmija kellhom japplikaw.

    61.

    Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni hija għalhekk maħsuba sabiex tqis ir-rekwiżiti ta’ ċerti missjonijiet ta’ interess ġenerali li jaqgħu taħt il-“funzjonijiet Statali essenzjali” ( 56 ) kif previst fl-Artikolu 4(2) TEU, inklużi ċerti missjonijiet mwettqa mis-suldati. Ovvjament, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li tiżgura li d-Direttiva 89/391 ma timponix qafas li jimpedixxi t-twettiq b’suċċess ta’ dawn il-missjonijiet ( 57 ). Kif isostni l-Gvern Franċiż, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva b’hekk jiżgura li l-Unjoni “tirrispetta” dawn il-“funzjonijiet […] essenzjali” li minnhom jagħmlu parti l-forzi armati ( 58 ), u għalhekk għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4(2) imsemmi.

    62.

    Madankollu, fit-tielet lok, ma għandniex ninsew l-importanza tad-drittijiet individwali li minnhom l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jippermetti derogi. F’dan ir-rigward, il-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti fi kwistjonijiet ta’ saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol previsti fid-Direttivi 89/391 u 2003/88 huma maħsuba sabiex jikkostitwixxu garanziji minimi li minnhom jibbenefikaw “il-ħaddiema kollha”, għall-fatt sempliċi ta’ dan l-istatus, irrispettivament mis-settur ta’ attività li fih jaqdi il-funzjonijiet tiegħu ( 59 ). Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi huwa ddefinit apposta b’mod partikolarment wiesa’. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ huwa, barra minn hekk, konformi mal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni ( 60 ). It-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u li matul dan il-proċess isiru ekwivalenti huwa saħansitra għan ta’ din tal-aħħar ( 61 ). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/88, f’termini ta’ tul massimu ta’ xogħol u ħin minimu ta’ mistrieħ jew saħansitra leave annwali mħallas, “jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari” ( 62 ). Barra minn hekk, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, id-dritt għal limitazzjoni raġonevoli tal-ħin tax-xogħol jew id-dritt għall-mistrieħ huma elevati għal-livell tad-drittijiet fundamentali f’diversi strumenti internazzjonali ( 63 ) u, fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 ( 64 ) kif ukoll fl-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – li japplikaw, għal darba oħra, għal “ħaddiema” b’mod ġenerali, inklużi s-suldati ( 65 ).

    63.

    F’dan il-kuntest, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 għandha, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi interpretata li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal dak li huwa “strettament meħtieġ sabiex jitħarsu l-interessi li hija tippermetti lill-Istati Membri jipproteġu” ( 66 ).

    64.

    Hekk kif sostna l-Gvern Franċiż, huwa minnu li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, iħalli, fil-fehma tiegħi, lil kull Stat Membru marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina dak li jħoss, fil-kuntest nazzjonali tiegħu, li huwa “strettament meħtieġ” għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-forzi armati u, għalhekk, għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u l-funzjonament xieraq tal-“funzjonijiet essenzjali” tagħhom ( 67 ).

    65.

    Fil-fatt, kif fakkru l-Gvern Sloven, dak Ġermaniż u dak Franċiż, l-Istati Membri għandhom kunċetti differenti għall-forzi armati tagħhom, li jistgħu jiġu spjegati għal raġunijiet storiċi ( 68 ), il-konfigurazzjoni ġeografika tagħhom u, b’mod iktar ġenerali, tat-theddid speċifiku li kull wieħed minnhom jaffaċċja. Barra minn hekk, xi wħud daħlu f’impenji internazzjonali iktar vinkolanti, u jeħtiġuhom jassumu responsabbiltajiet partikolari għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u b’hekk jilħqu standards ogħla ta’ kapaċitajiet militari ( 69 ). Dawn id-differenzi huma neċessarjament riflessi, sa ċertu punt, fuq l-organizzazzjoni tal-forzi armati u fuq il-kundizzjoni militari f’kull Stat Membru.

    66.

    Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, anki moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, ma jistax jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mir-regoli ta’ din id-direttiva jew ta’ dawk tad-Direttiva 2003/88 bl-invokazzjoni unika tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali tagħhom. Fil-fehma tiegħi, Stat Membru li jitlob l-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni għandu juri li huwa “strettament meħtieġ” li jużaha. Għalhekk, għandu jistabbilixxi li l-ħtieġa li jiġu protetti dawn l-interessi ma setgħetx tinkiseb billi jiġu applikati għas-suldati tiegħu r-regoli previsti minn waħda u/jew l-oħra minn dawn id-direttivi ( 70 ).

    67.

    F’dan il-kuntest, il-Gvern tas-Slovenja, dak ta’ Spanja u dak ta’ Franza essenzjalment isostnu li l-missjonijiet kollha fdati lill-forzi armati, fid-dawl tar-rwol tal-aħħar mezz għas-sigurtà nazzjonali li dawn għandhom ( 71 ), għandhom jiġu eżerċitati fuq bażi kontinwa. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar għandhom ikunu kapaċi f’kull ħin jirreaġixxu għal theddid għas-sigurtà nazzjonali. Is-suldati, għalhekk, għandhom ikun b’mod permanenti għad-dispożizzjoni tal-forzi armati, sabiex tkun iggarantita l-kapaċità tagħhom għal intervent immedjat. Barra minn hekk, kemm is-suċċess ta’ interventi bħal dawn kif ukoll il-ħtieġa li s-suldati nnifishom jitħarsu jfisser li huma jkunu debitament imgħallma u mħarrġa. Issa, dan ikun jeħtieġ deroga mir-regoli tad-Direttiva 2003/88 ( 72 ). Il-Gvern Franċiż iżid jgħid li r-rekwiżit tal-kontinwità huwa evidenti wkoll fil-kuntest ta’ missjonijiet ta’ prevenzjoni u antiċipazzjoni tat-theddid, billi s-suldati jiġu mmobilizzati, għallinqas f’ċerti Stati Membri, b’mod permanenti sabiex jiżguraw id-difiża tal-ajru u difiża tal-konfini tat-territorju nazzjonali, jew fil-qafas ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza. Din il-kontinwità tkun iktar imperattiva fil-kuntest ġeopolitiku attwali ( 73 ).

    68.

    Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi miċħud li l-forzi armati huma suġġetti għal ħtieġa partikolarment imperattiva ta’ kontinwità. Madankollu, il-kontinwità u l-grad ta’ disponibbiltà tal-ħaddiema li dan jimplika ma humiex uniċi għal dawn il-forzi. Fil-fatt, kull servizz pubbliku għandu jopera kontinwament u regolarment ( 74 ).

    69.

    Issa, għalkemm ir-rekwiżit għall-kontinwità tas-servizzi pubbliċi attivi, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, tas-sigurtà u l-ordni pubbliku, jista’ jiġġustifika li persunal tagħhom ikun imċaħħad minn ċerti drittijiet li f’ċirkustanzi oħra huma rrikonoxxuti għall-ħaddiema, bħad-dritt tal-istrajk ( 75 ), il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li dan ir-rekwiżit ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88 għall-persunal ikkonċernat ( 76 ).

    70.

    Fil-fatt, għandu jitfakkar, fir-raba’ lok, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk dawn is-servizzi għandhom jaffaċċjaw ġrajjiet li, min-natura tagħhom, ma humiex prevedibbli, l-attivitajiet li jagħtu lok għalihom f’kundizzjonijiet normali, u li barra minn hekk jissodisfaw il-missjoni li tkun ġiet assenjata lilhom, xorta waħda ma humiex inqas suxxettibbli li jiġu organizzati minn qabel, inkluż fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ riskji għas-sigurtà u/jew is-saħħa kif ukoll il-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal ( 77 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rekwiżit tal-kontinwità tal-funzjonament ta’ dawn is-servizzi jista’, bħala prinċipju, jiġi żgurat b’mod partikolari f’konformità mar-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88, b’mod partikolari, billi jiġu ppjanati l-attivitajiet u tiġi stabbilita r-rotazzjonijiet tal-persunal, u li r-restrizzjonijiet li dan l-ippjanar jinvolvi għal persuna li timpjega ikunu kkunsidrati ta’ inqas importanza fir-rigward tad-drittijiet għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kkonċernati ( 78 ).

    71.

    Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, is-sitwazzjoni hija differenti meta dawn l-attivitajiet jitwettqu f’“ċirkustanzi straordinarji”, bħal diżastri naturali jew teknoloġiċi, attakki terroristiċi jew inċidenti kbar. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 għal servizzi attivi fil-qasam tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku hija, għall-Qorti tal-Ġustizzja, iġġustifikata. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li t-twettiq xieraq u, b’mod partikolari, il-kontinwità tal-missjonijiet tagħhom ikunu kompromessi jekk ir-regoli kollha stabbiliti fid-Direttivi 89/391 u 2003/88 ikollhom jiġu osservati. Tirrikonoxxi wkoll li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jesponu lill-ħaddiema għal riskji mhux negliġibbli fir-rigward tas-sigurtà tagħhom u/jew saħħithom u li ma jkunx raġonevoli li jiġu imposti fuq il-persuna li timpjega, fir-rigward tal-ħaddiema involuti, prevenzjoni effettiva tar-riskji professjonali kif ukoll ippjanar tal-ħin tax-xogħol li jirrispetta dawn ir-regoli ( 79 ).

    72.

    Filwaqt li din il-ġurisprudenza għandha, fil-fehma tiegħi, tkun adattata fir-rigward tas-suldati, kif sejjer nispjega fil-punt 78 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta, madankollu, li l-uniku rekwiżit tal-kontinwità tal-funzjonament tal-forzi armati ma jurix il-ħtieġa li dawn is-suldati kollha jiġu esklużi b’mod permanenti mill-benefiċċju tar-regoli tad-Direttiva 2003/88 – jew ta’ dawk tad-Direttiva 89/391.

    73.

    Din l-interpretazzjoni ma titpoġġiex fid-dubju mis-sentenza Sindicatul Familia Constanţa et ( 80 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ċerti attivitajiet partikolari tas-servizz pubbliku jkollhom, anki meta jiġu eżerċitati f’kundizzjonijiet normali, karatteristiċi li tant ikunu speċifiċi li n-natura tagħhom tipprekludi, b’mod inevitabbli, ippjanar tal-ħinijiet tax-xogħol li josserva r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/88” ( 81 ).

    74.

    Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li s-suldati kollha jistgħu jiġu esklużi b’mod permanenti mill-benefiċċju tar-regoli ta’ din id-direttiva. Ir-raġunament ta’ dik is-sentenza għandu jitqiegħed fil-kuntest tal-kawża li tat lok għaliha. Infakkar li, din kienet tirrigwarda l-funzjoni ta’ assistent matern, li tikkonsisti, għal tali assistent, li jilqa’ kontinwament u għal perijodu twil, fid-dar tiegħu u fil-familja tiegħu, minuri li kellu vulnerabbiltà partikolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li jkun inkompatibbli mal-missjoni tal-assistenti materni li jagħtuhom, f’intervalli regolari, id-dritt li jisseparaw mill-minuri fdati magħhom wara numru determinat ta’ sigħat tax-xogħol jew matul ġranet ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jew ta’ kull sena. Ma kienx raġonevoli wkoll li titwaqqaf sistema ta’ rotazzjoni bejn assistenti materni, peress li sistema bħal din kienet tikkomprometti, b’mod partikolari, ir-rabta li teżisti bejn kull wieħed minnhom u l-minuri li huma inkarigati bihom ( 82 ).

    75.

    Fi ftit kliem, l-ipoteżi prevista f’dik l-istess sentenza hija dik, pjuttost speċifika, ta’ attività li tista’ titwettaq biss, bħala prinċipju, mill-istess ħaddiem partikolari. Din l-ipoteżi, għalhekk, ma tistax tiġi applikata għas-suldati kollha ta’ Stat Membru. Filwaqt li l-forzi armati, bħala kollettiv, għandhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom kontinwament, fiċ-ċirkustanzi kollha, għal kull suldat li jifformah ( 83 ).

    76.

    B’dan kollu li ngħad, kif sejjer nispjega fil-punti 86 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, uħud mill-attivitajiet imwettqa mis-suldati fil-fatt ma jestendux, min-natura tagħhom, għall-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 2003/88. Is-sentenza Sindicatul Familia Constanţa et ( 84 ) tista’ tiġġustifika wkoll li suldati speċifiċi jiġu esklużi, b’mod permanenti, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, essenzjalment, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, ċerti suldati jistgħu jwettqu funzjonijiet li jitolbu kwalifiki għoljin jew jeħtieġu approvazzjoni ta’ kunfidenzjalità għolja, li jfisser li jistgħu jiġu ssostitwiti biss b’diffikultà ( 85 ). Ma jistax jiġi eskluż li unitajiet élite, li pereżempju jifformaw parti mill-forzi speċjali tal-Istati Membri, huma l-uniċi li għandhom ċerti ħiliet u huma speċjalizzati ħafna f’ċerti tipi ta’ missjonijiet, b’mod li l-membri tagħhom, hawnhekk ukoll, diffiċilment ikunu jistgħu jiġu ssostitwiti ( 86 ).

    77.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 ma jippermettix lill-Istati Membri jeskludu s-suldati kollha fuq bażi permanenti, mir-regoli ta’ din id-direttiva jew dawk tad-Direttiva 2003/88 ( 87 ). Dawn iż-żewġ direttivi huma, bħala prinċipju, applikabbli wkoll għas-suldati ( 88 ). Huma esklużi biss ċerti “attivitajiet speċifiċi” mwettqa minn dawn tal-aħħar, li l-partikolaritajiet inerenti tagħhom jipprekludu b’mod vinkolanti l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

    78.

    Kif isostni l-Gvern Ġermaniż, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttivi, għandha issir distinzjoni bejn l-attivitajiet varji mwettqa mis-suldati ( 89 ). F’dan ir-rigward, għalkemm, kif indikajt qabel, il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddistingwi bejn “kundizzjonijiet normali” u “ċirkustanzi straordinarji”, għandha tiġi adatta f’dak li jirrigwardahom, din madankollu tipprovdi indikazzjonijiet utli.

    79.

    Nippreċiża mal-ewwel li din ma hijiex kwistjoni ta’ tqabbil bejn l-attivitajiet imwettqa mis-suldati fi “żmien ta’ paċi” ma’ dawk imwettqa minn dawn tal-aħħar fi “żmien ta’ gwerra”.

    80.

    Ċertament, fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ gwerra minn Stat Membru jew ta’ tensjoni internazzjonali gravi li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra, dan l-Istat Membru huwa ovvjament intitolat f’“ċirkustanzi straordinarji” li jidderoga mid-Direttivi 89/391 u 2003/88. Madankollu, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) tal-ewwel direttiva ma tistax tkun limitata għal ipoteżi bħal din ( 90 ). F’dan ir-rigward, naqbel mal-gvernijiet li kienu rrappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta jaffermaw li t-tqabbil bejn “żminijiet ta’ paċi” u “żminijiet ta’ gwerra” ma għadhiex deċiżiva għall-funzjonament tal-forzi armati fil-kuntest ġeopolitiku kurrenti ( 91 ).

    81.

    Fir-realtà, huwa xieraq, fil-fehma tiegħi, kif issuġġerit mill-Gvern Ġermaniż, li nisseparaw is-“servizz attwali”, li għalih huma applikabbli d-Direttivi 89/391 u 2003/88 (taqsima b), mill-“attivitajiet speċifiċi” reali tal-forzi armati, b’mod partikolari dawk imwettqa fil-kuntest ta’ operazzjonijiet militari u tħejjija operattiva, li huma esklużi (taqsima c). Bħala prinċipju, interpretazzjoni bħal din tippermetti, fil-fehma tiegħi, rikonċiljazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti ta’ dawn iż-żewġ direttivi u, min-naħa l-oħra, is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u l-funzjonament xieraq tal-“funzjonijiet Statali essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE (taqsima d). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru juri li r-restrizzjonijiet speċifiċi li għalihom huma suġġetti l-forzi armati tiegħu iktar jiġġustifikaw deroga mid-Direttiva 2003/88 (taqsima e).

    b) Is-“servizz attwali” li għalih japplikaw id-Direttivi 89/391 u 2003/88

    82.

    Kif sostna l-Gvern Ġermaniż, is-suldati huma meħtieġa jeżerċitaw, taħt “kundizzjonijiet normali”, fuq bażi ta’ kuljum, numru kbir ta’ attivitajiet, ħafna drabi identiċi għal, u li ma fihomx iktar “partikolarità inerenti” li jipprekludu b’mod vinkolanti l-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88 milli dawk effettwati mill-impjegati pajżana. Għalhekk għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward ta’ dawn id-direttivi. Fil-fatt, xejn ma jiġġustifika li s-suldati huma esposti, iktar minn dawn l-impjegati pajżana, għal riskji għal saħħithom u għas-sigurtà tagħhom f’sitwazzjoni bħal din.

    83.

    F’dan ir-rigward, meta suldati jwettqu l-kompiti ordinarji tagħhom – kemm jekk jirrigwardaw manutenzjoni, amministrazzjoni, struzzjoni, jew hekk kif sejjer nelenka fil-punti 102 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, ta’ attivitajiet ta’ għassa, ta’ sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti – fil-post tax-xogħol fejn huma s-soltu assenjati, dawn il-kompiti jistgħu jiġu organizzati minn qabel, inkluż fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ riskji għas-sigurtà u/jew is-saħħa kif ukoll il-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet relatati mad-disponibbiltà ta’ dan il-persunal sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz ma humiex, bħala prinċipju, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, insuperabbli.

    84.

    F’dan il-każ, minn naħa, il-persuna li timpjega għandha tosserva l-prinċipji ġenerali stabbiliti mid-Direttiva 89/391 – il-prevenzjoni ta’ riskji professjonali, l-evalwazzjoni tar-riskji li ma jistgħux jiġu evitati, il-ġlieda kontra r-riskji fis-sors, l-adattament tax-xogħol għall-persunal militari, eċċ. ( 92 ).

    85.

    Min-naħa l-oħra, japplikaw ukoll ir-regoli stabbiliti fil-kwistjoni tal-ħin tax-xogħol previsti fid-Direttiva 2003/88. B’mod partikolari, għandu jkun iddeterminat ħin tax-xogħol ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa għas-suldati, li jikkonforma mal-limiti stabbiliti f’din id-direttiva. Madankollu, din tipprovdi għall-possibbiltajiet ta’ derogi speċifiċi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, huma rilevanti għas-“servizz attwali” tas-suldati. Qiegħed naħseb, b’mod partikolari, fl-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva, li jagħmilha possibbli li tidderoga minn diversi drittijiet previsti f’din l-istess direttiva ( 93 ), rispettivament għal “attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-propjetà u persuni”, u għall-“attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa”. Il-fatt li s-suldati ma jissemmewx speċifikament f’din id-dispożizzjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, billi l-ħaddiema u l-attivitajiet elenkati jservu biss bħala eżempju ( 94 ). Dawn id-derogi jipprovdu flessibbiltà addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz ( 95 ), kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta.

    c) L-“attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati li għalihom ma japplikawx id-Direttivi 89/391 u 2003/88

    86.

    Hemm, ovvjament, “attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati li l-“partikolaritajiet inerenti” tagħhom jipprekludu l-applikazzjoni tar-regoli previsti fid-Direttivi 89/391 u 2003/88. F’dan ir-rigward, il-forzi armati juru, kif sostnew il-gvernijiet li kienu rrappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, “speċifiċità” innegabbli, b’mod partikolari meta mqabbla mas-servizzi tal-pulizija jew tal-persunal tat-tifi tan-nar, li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat sa issa fil-ġurisprudenza tagħha, billi jikkostitwixxu l-parti sostanzjali mill-missjonijiet assenjati lill-forzi msemmija.

    87.

    Fil-fehma tiegħi, dawn l-“attivitajiet speċifiċi” jinkludu, fl-ewwel lok, l-attivitajiet imwettqa mill-forzi armati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet militari. Fil-fatt, l-iskjerament ta’ dawn il-forzi f’operazzjonijiet bħal dawn huwa, ipotetikament, “straordinarju” ( 96 ). Barra minn hekk, għalkemm operazzjonijiet bħal dawn huma fil-qalba tas-servizz pubbliku pprovdut minn dawn il-forzi, huwa ovvju li, meta s-suldati jiġu skjerati, pereżempju f’pajjiż terz, bħala parti minn operazzjoni ta’ “ġestjoni ta’ kriżi”, l-attivitajiet tagħhom ma jkunux tali li jista’ jkun hemm prevenzjoni effettiva tar-riskji professjonali ( 97 ) jew għall-ippjanar tal-ħin tax-xogħol li jirrispettaw r-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88 ( 98 ). L-ewwel nett, kif sostna l-Gvern Ġermaniż, l-iżgurar tal-kontinwità tal-attivitajiet mwettqa matul tali operazzjonijiet huwa akkumpanjat minn restrizzjonijiet militari speċifiċi, il-kmand ikollu jorganizza din il-kontinwità billi jiddependi fuq riżorsi umani u materjali neċessarjament limitati. Dan jinvolvi l-kollaborazzjoni tal-unitajiet kollha skjerati u, kif enfasizza l-Gvern Franċiż, il-ġestjoni tal-ħin tista’ tkun kollettiva biss. Imbagħad, l-ippjanar tal-missjonijiet huwa partikolarment diffiċli billi dawn jiddependu fuq l-imġiba ta’ għadu eventwali jew ċirkustanzi oħra, partikolarment ambjentali jew ġeografiċi, li fuqhom il-persuna li timpjega għandu ftit jew xejn kontroll. Fl-aħħar nett, u fuq kollox, id-drittijiet tas-suldati għas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, inkluża l-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ma jistgħux jieħdu preċedenza fuq ir-rekwiżiti operattivi, ħlief li jipperikolaw it-twettiq xieraq ta’ dawn l-istess operazzjonijiet. F’dan il-kuntest, id-disponibbiltà u l-impenn tas-suldati għandhom ikunu kompluti ( 99 ).

    88.

    Dan huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, bħala prinċipju, kemm għal operazzjonijiet esterni – fil-każ ta’ turija ta’ saħħa barra l-pajjiż, invokata fil-punt preċedenti – kif ukoll operazzjonijiet interni – fil-każ ta’ skjerament ta’ suldati minn Stat Membru fit-territorju tiegħu stess. Fil-fatt, wieħed għandu jżomm f’moħħu f’dan ir-rigward, ir-rwol tal-aħħar mezz ta’ dawn il-forzi armati. Bħala prinċipju, is-suldati huma skjerati b’dan il-mod biss, għal darba oħra, f’“ċirkustanzi straordinarji”. Dawn il-forzi armati huma msejħa sabiex jirrinforzaw is-sistemi stabbiliti mill-awtoritajiet ċivili meta, minħabba “każijiet eċċezzjonali”, bħal diżastri naturali jew attakki terroristiċi, kemm jekk ġraw jew imminenti, ir-riżorsi ċivili ma jkunux biżżejjed iktar u li huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li huma eċċezzjonali sabiex jiġi żgurat l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tal-komunità ( 100 ). F’ċirkustanzi bħal dawn, ma huwiex possibbli li jiġu imposti, fir-rigward tas-suldati involuti, prevenzjoni tar-riskji professjonali kif ukoll ippjanar tal-ħin tax-xogħol li jikkonforma mar-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88 ( 101 ).

    89.

    Fit-tieni lok, l-“attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati jinkludu, fil-fehma tiegħi, it-tagħlim inizjali, it-taħriġ u l-eżerċizzji mwettqa mis-suldati għat-tħejjija operattiva. Fil-fehma tiegħi, għalkemm dawn l-attivitajiet jitwettqu taħt il-“kundizzjonijiet tas-soltu, skont il-missjoni assenjata” ( 102 ) lill-forzi armati, jiena tal-opinjoni li jippreżentaw “karatteristiċi speċifiċi f’dan il-punt” li n-natura tagħhom tipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 89/391 u 2003/88 ( 103 ). Fil-fatt, il-forzi armati għandhom mhux biss jipproteġu s-sigurtà nazzjonali u l-interessi essenzjali tal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-kuntest ta’operazzjonijiet militari, iżda wkoll sabiex jitħejjew għal dan. Issa, kif enfasizzaw il-Gvern Sloven u dak Franċiż, kemm għas-suċċess ta’ dawn l-operazzjonijiet kif ukoll għas-sigurtà tas-suldati nnifishom, din it-tħejjija għandha ssir taħt kundizzjonijiet li jissimulaw, kemm jista’ jkun lealment, dawk li dawn tal-aħħar sejrin ikollhom jaffaċċjaw fil-każ ta’ skjerament. F’dan il-kuntest, iridu jkunu ppreparati għall-għeja, id-dixxiplina kollettiva, il-vjolenza tal-għadu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol rustiċi. It-tagħlim inizjali, it-taħriġ u l-eżerċizzju għandhom għalhekk ikunu jistgħu jsiru lejl u nhar, xi drabi fuq perijodi twal ta’ żmien – mingħajr, b’mod partikolari, ma japplikaw ir-regoli dwar il-ħinijiet ta’ waqfien u ta’ xogħol ta’ bil-lejl previsti mid-Direttiva 2003/88 ( 104 ).

    90.

    Fit-tielet lok, inqis li, skont il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu jingħatalhom ( 105 ), l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, attivitajiet oħra tal-forzi armati li huma esklużi mir-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88, sakemm dawn l-attivitajiet ikunu “speċifiċi” u li juru li dan huwa “strettament meħtieġ” għall-funzjonament tajjeb tal-attivitajiet inkwistjoni ( 106 ).

    91.

    B’mod konkret, matul il-parteċipazzjoni tas-suldati f’dawn l-“attivitajiet speċifiċi” kollha, ir-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88 ma jkunux temporanjament applikabbli ( 107 ). Madankollu, l-Istati Membri huma meħtieġa, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-ewwel direttiva, li jieħdu ħsieb li s-saħħa u s-sigurtà tas-suldati kkonċernati jkunu żgurati, sa fejn huwa possibbli, wara li jitqiesu, minn naħa, l-għanijiet ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, l-imperattivi operattivi.

    92.

    Jien nenfasizza wkoll li, fil-prattika, huwa naturalment f’idejn kull Stat Membru li jevalwa jekk hux qiegħed jaffaċċja “ċirkustanzi straordinarji” li jiġġustifikaw skjerament tas-suldati fil-kuntest ta’ operazzjoni militari – u meta jagħmel dan, jidderoga mid-Direttivi 89/391 u 2003/88. Huma l-Istati Membri biss li għandhom jevalwaw meta l-interessi essenzjali tagħhom jew saħansitra l-paċi internazzjonali huma mhedda u jiddeterminaw r-reazzjoni meħtieġa. Id-deċiżjoni li jintużaw il-forzi armati f’operazzjoni hija għażla militari li, bħala tali, ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni. Id-drittijiet għas-saħħa u s-sigurtà rrikonoxxuti lis-suldati fid-Direttivi 89/391 u 2003/88 għalhekk ma jistgħux jaffettwaw deċiżjoni bħal din ( 108 ). F’dan il-kuntest, ma neskludix b’mod partikolari li ċerti Stati Membri jistgħu jikkunsidraw, fid-dawl tal-attakki li kienu vittmi tagħhom reċentement u, b’mod iktar ġenerali, tal-analiżijiet tas-servizzi sigrieti tagħhom, li qegħdin jaffaċċjaw theddida terroristika ta’ livell “straordinarjament” għoli, li jiġġustifika l-iskjerament tas-suldati f’operazzjonijiet interni fit-territorju tagħhom.

    d) Interpretazzjoni bħal din tiżgura, bħala prinċipju, rikonċiljazzjoni bbilanċjata bejn l-interessi involuti

    93.

    L-interpretazzjoni li nissuġġerixxi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 tippermetti, fil-fehma tiegħi, rikonċiljazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, id-dritt għas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, inkluża l-limitazzjoni tal-ħin tax-xogħol, irrikonoxxut lis-suldati, bħala ħaddiema, b’din id-direttiva u bid-Direttiva 2003/88 u, min-naħa l-oħra, l-eżiġenzi tal-forzi armati ( 109 ).

    94.

    Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni tiżgura, b’mod partikolari, li s-suldati jkollhom mistrieħ biżżejjed, skont l-għan tad-Direttiva 2003/88 ( 110 ) meta l-ksur tar-regoli f’dan il-qasam ma huwiex indispensabbli, li jgħinhom iwettqu b’mod iktar effikaċi l-“attivitajiet speċifiċi” li għalihom id-disponibbiltà u l-impenn sħiħ tagħhom huma meħtieġa ( 111 ).

    95.

    Barra minn hekk, niddubita kemm dik l-interpretazzjoni tpoġġi verament fid-dubju l-prinċipju ta’ disponibbiltà tas-suldati ( 112 ), kif maħsub b’mod partikolari fid-dritt Franċiż – prinċipju li, skont il-Gvern Franċiż, jaffettwa l-“identità nazzjonali” tar-Repubblika Franċiża, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE għar-raġuni li jiggarantixxi d-“dispożizzjoni libera tal-forza armata”, elevat għall-grad ta’ regola kostituzzjonali fl-ordinament ġuridiku tagħha ( 113 ).

    96.

    Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li l-prinċipju ta’ disponibbiltà jista’ tassew jaqa’ taħt dan il-kunċett ta’ “identità nazzjonali” ( 114 ), l-interpretazzjoni li nissuġġerixxi f’dawn il-konklużjonijiet hija flessibbli biżżejjed sabiex ma tfixkilx l-“attivitajiet speċifiċi” ta’ forzi armati, b’mod partikolari operazzjonijiet militari. Għalhekk ma timpedixxix lir-Repubblika Franċiża jew lill-Istati Membri l-oħra milli jiddisponu liberament mill-armata tagħhom. Barra minn hekk, hija ma tpoġġix f’dubju la l-fatt li suldat jista’, f’dan il-kuntest, jiġi skjerat “fi kwalunkwe ħin u fi kwalunkwe post” jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li huwa meħtieġ, u lanqas il-fatt li d-disponibbiltà u l-impenn tas-suldati għandhom ikunu kompluti matul operazzjonijiet bħal dawn ( 115 ).

    e) Fuq ir-restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-forzi armati ta’ ċerti Stati Membri

    97.

    Fil-qosor, l-interpretazzjoni li nissuġġerixxi tgħid li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, is-suldati huma, bħala prinċipju, koperti mir-regoli ta’ din id-direttiva u d-Direttiva 2003/88. Madankollu, ikunu temporanjament esklużi minnhom meta jeżerċitaw ċerti “attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati, b’mod partikolari fi ħdan il-qafas ta’ operazzjonijiet militari kif ukoll it-tagħlim, it-taħriġ u l-eżerċizzji meħtieġa għat-tħejjija operattiva. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tagħmilha possibbli li, kif indikajt fil-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġu esklużi ċerti suldati, b’mod permanenti, mir-regoli ta’ din l-aħħar direttiva ( 116 ).

    98.

    Madankollu, il-Gvern Franċiż sostna li Stat Membru għandu jkun intitolat li jeskludi s-suldati kollha tal-forzi armati tiegħu, b’mod permanenti, mill-benefiċċju tar-regoli tad-Direttiva 2003/88 meta jassumi, bħar-Repubblika Franċiża, “responsabbiltajiet internazzjonali ikbar fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà” u li, għaldaqstant, il-livell ta’ impenn militari tagħha huwa “strutturalment ogħla minn dak ta’ Stati oħra”.

    99.

    F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja hija ġeneralment kawta fejn jidħlu argumenti li l-imperattivi tas-sigurtà nazzjonali u, b’mod partikolari, tad-difiża ta’ Stat Membru jiġġustifikaw li dan jidderoga kompletament, b’mod permanenti, mir-regoli tal-Unjoni. Bħala regola ġenerali, hija titlob għal iktar speċifiċità, fil-loġika ta’ bilanċ ta’ interessi u proporzjonalità ( 117 ). Barra minn hekk, infakkar li t-termini stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jirreferu biss għal “ċerti attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati, u mhux dawn il-forzi kollha.

    100.

    Wara li ntqal dan, nista’ nimmaġina li, għal Stat Membru li għandu, minħabba l-impenji internazzjonali partikolari tiegħu, numru sinjifikattiv ta’ suldati skjerati b’mod permanenti f’teatri ta’ operazzjonijiet esterni, iżda wkoll fit-territorju tiegħu stess sabiex jikkumbatti t-theddida terroristika li huwa fil-mira tagħha, wara li kontinwament iwettaq ċerti missjonijiet ta’ deterrent li huma speċifiċi għalih, mis-sitwazzjoni ġeopolitika tagħha – Franza hija, b’mod partikolari, l-uniku Stat Membru, minn meta r-Renju Unit telaq mill-Unjoni Ewropea, li għandu armi nukleari – billi dawn l-attivitajiet qegħdin jiżdiedu ma’ attivitajiet oħra tas-suldati, l-implimentazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 2003/88, anki għal uħud mis-suldati u dawn l-attivitajiet, tirriżulta estremament kumplessa. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li r-restrizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw minn dawn l-impenji u attivitajiet multipli jeħtieġu disponibbiltà ikbar tas-suldati. Barra minn hekk, infakkar li t-Trattat UE nnifsu jirrikonoxxi s-sitwazzjoni militari speċjali ta’ ċerti Stati Membri, li evidentement ir-Repubblika Franċiża tagħmel parti minnha ( 118 ). Għalhekk ma jistax jiġi eskluż kompletament li, minħabba dawk iċ-ċirkustanzi partikolari, u wara li jitqies il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu jingħata lill-Istati Membri ( 119 ), wieħed minnhom jista’ juri l-ħtieġa li jidderoga minn dik id-direttiva b’mod iktar wiesa’ minn dak previst f’dawn il-konklużjonijiet, pereżempju billi tiġi eskluża b’mod permanenti parti sinjifikattiva tal-forzi tiegħu minn din id-direttiva u perjodikament jevalwa mill-ġdid il-ħtieġa għal tali esklużjoni.

    101.

    Madankollu, ma huwiex meħtieġ li tittieħed pożizzjoni definittiva dwar din il-kwistjoni fil-kawża preżenti. Huma l-qrati nazzjonali, u fejn xieraq il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari jew azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, li għandhom jiddeċiedu dwar dan.

    5. Attività ta’ għassa ta’ installazzjonijiet militari, bħala prinċipju, ma hijiex parti minn “attivitajiet speċifiċi”

    102.

    Fir-rigward tal-attività ta’ għassa tal-installazzjonijiet militari mwettqa minn B.K., li hija speċifikament is-suġġett tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk taqax taħt is-“servizz attwali”, li għalih japplikaw ir-regoli tad-Direttiva 2003/88, jew “attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati li jipprekluduha b’mod vinkolanti. Madankollu nqis li huwa utli li nipprovdilha ċerti osservazzjonijiet sabiex tkun tista’ tiddeċiedi.

    103.

    F’dan ir-rigward, l-attività ta’ għassa tikkostitwixxi, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Sloven, missjoni ta’ protezzjoni ta’ installazzjonijiet militari u bini strateġiku ieħor fit-territorju Sloven, fdat lill-forzi armati. Din l-attività għandha, għal darba oħra, titwettaq kontinwament. Madankollu, kif indikajt, dan ir-rekwiżit għall-kontinwità mhux neċessarjament jipprekludi l-ippjanar li jirrispetta r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/88, sakemm din l-għassa tikkostitwixxi missjoni ordinarja mis-suldati Sloveni. Kien ikun differenti kieku din l-għassa kellha sseħħ f’kuntest “straordinarju” – b’mod partikolari operazzjoni militari maħsuba sabiex tirrispondi għal theddida attwali jew imminenti għas-sigurtà nazzjonali.

    104.

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-każ speċifiku, B. K. wettaq din l-attività ta’ għassa, kull xahar, bħala parti mix-xogħol normali tiegħu. Ma ġiex argumentat li ħtieġa tas-sigurtà partikolari, f’kuntest “straordinarju”, iġġustifikat din l-attività. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju ( 120 ), għalhekk jidher li din l-attività ta’ għassa kienet tirrigwarda is-“servizz attwali” u, għalhekk, li tapplika d-Direttiva 2003/88 ( 121 ).

    6. Konklużjoni provviżorja

    105.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-suldati jaqgħu, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Madankollu, dawn huma esklużi meta jwettqu ċerti “attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati, li l-partikolaritajiet inerenti tagħhom jipprekludu b’mod vinkolanti l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Attività ta’ għassa tal-installazzjonijiet militari, bħala prinċipju, ma hijiex parti minnhom.

    V.   Fuq il-fatt li perijodu ta’ “stand-by fuq il-post tax-xogħol” minn suldat tal-għassa jista’ jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 (it-tieni domanda)

    106.

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-perijodu li matulu suldat huwa meħtieġ, waqt attività ta’ għassa, li jibqa’ preżenti fil-kwartieri fejn huwa assenjat, għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, mingħajr ma jwettaq xi xogħol effettiv, ma jingħaddx u ma jitħallasx bħala ħin tax-xogħol.

    107.

    Kif qiegħed nifhimha jien, skont id-dritt Sloven, parti mill-attività tal-għassa mwettqa mis-suldati tikkonsisti, b’mod partikolari, f’perijodu ta’ “stand-by fuq il-post tax-xogħol”. F’dan il-kuntest, suldat huwa meħtieġ li jibqa’ preżenti fil-post fejn huwa assenjat jew f’post ieħor speċifikat mill-persuna li timpjega, għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, sabiex immedjatament, fil-każ ta’ bżonn, ikun jista’ jissodisfa l-kompiti li dawn tal-aħħar ikunu fdawlu. Dan il-perijodu ma jingħaddx bħala ħin tax-xogħol u s-suldat ikollu biss id-dritt għal allowance tal-istand-by, skont ir-regolamenti applikabbli, iffissata għal 20 % tar-rata fis-siegħa tas-salarju bażiku tiegħu.

    108.

    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, huwa ċar li, wara li titqies il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali perijodu ta’ “stand-by fuq il-post tax-xogħol” għandu jiġi kkunsidrat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, kull perijodu li matulu ħaddiem huwa meħtieġ li jkun fiżikament preżenti f’post speċifikat mill-persuna li timpjega u li jkun għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex ikun jista’ jipprovdi immedjatament is-servizzi tiegħu f’każ ta’ bżonn għandu jkun ikklassifikat bħala tali ( 122 ).

    109.

    Fit-tieni lok, meta dan huwa l-każ, għandu jiġi rrilevat li l-istess punt 1 tal-Artikolu 2 ma jagħtix, minnu nnifsu, drittijiet lill-ħaddiem. Għandu jinqara flimkien ma’ waħda mid-dispożizzjonijiet preskrittivi tad-Direttiva 2003/88 – bħall-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva, li jipprovdi għal dritt għal mistrieħ ta’ kuljum, jew l-Artikolu 6 tagħha, li jipprovdi għal tul ta’ xogħol massimu fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa.

    110.

    Issa, kif indikajt fil-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva 2003/88 ma tirrigwardax ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema. L-ebda dispożizzjoni f’din id-direttiva ma tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu ċertu livell ta’ remunerazzjoni għal perijodi ta’ “stand-by fuq il-post tax-xogħol”, li għandhom ikunu kkwalifikati bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva. Kull Stat Membru għalhekk jibqa’ ħieles li jħallas tali perijodi kif jidhirlu li huwa xieraq.

    111.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà previsti fiha, il-perijodu li matulu suldat huwa meħtieġ, waqt attività ta’ għassa, li jibqa’ preżenti fil-kwartieri fejn huwa assenjat, għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, mingħajr ma jwettaq xogħol effettiv, għandu jiġi kkunsidrat, fl-intier tiegħu, bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-iskop uniku tar-remunerazzjoni dovuta lis-suldat, tgħodd dan il-perijodu b’mod differenti.

    VI. Konklużjoni

    112.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja):

    1)

    L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391/KEE tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-suldati jaqgħu, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Madankollu, dawn huma esklużi meta jwettqu ċerti “attivitajiet speċifiċi” tal-forzi armati, li l-partikolaritajiet inerenti tagħhom jipprekludu b’mod vinkolanti l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Attività ta’ għassa tal-installazzjonijiet militari, bħala prinċipju, ma hijiex parti minnhom.

    2)

    Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà previsti fiha, il-perijodu li matulu suldat huwa meħtieġ, waqt attività ta’ għassa, li jibqa’ preżenti fil-kwartieri fejn huwa assenjat, għad-dispożizzjoni tas-superjuri tiegħu, mingħajr ma jwettaq xogħol effettiv, għandu jiġi kkunsidrat, fl-intier tiegħu, bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-iskop uniku tar-remunerazzjoni dovuta lis-suldat, tgħodd dan il-perijodu b’mod differenti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

    ( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 1989 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).

    ( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal‑21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (AKESB) u l-Federazzjoni ta’ l-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FUĦT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 363, rettifika fil-ĠU 2010, L 338, p. 62).

    ( 5 ) L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jispeċifika li l-“ħaddiem li f’kapaċità professjonali jwettaq ix-xogħol tiegħu fil-qasam tad-difiża” huwa, bis-saħħa tal-liġi, is-suldat, il-pajżan li jaħdem f’kapaċità professjonali fl-armata jew persuna oħra li f’kapaċità professjonali tissodisfa missjonijiet amministrattivi jew tekniċi speċjalizzati fil-ministeru (punt 14a ta’ dan l-artikolu). F’dan il-kuntest, is-“suldat” huwa persuna li teżerċita funzjoni militari (punt 14 tal-artikolu msemmi).

    ( 6 ) B’mod iktar speċifiku, B. K. qiegħed jitlob id-differenza bejn il-kumpens għall-istand-by imħallas (jiġifieri, fis-siegħa, 20 % tas-salarju bażiku) u l-valur tas-sahra (jiġifieri, fis-siegħa, 130 % ta’ dan is-salarju).

    ( 7 ) Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta ngħid il-“Gvern Sloven” sejjer nirreferi kemm għar-Repubblika tas-Slovenja kif ukoll għall-Ministeru għad-Difiża, li kienu rrappreżentati b’mod konġunt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 8 ) Infakkar li d-Direttiva 2003/88 ħadet post id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni mogħtija minn din tal-aħħar lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104 hija trasponibbli għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2003/88 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Id-dispożizzjonijiet rilevanti għal dan il-każ, b’mod partikolari l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, huma ekwivalenti għal dawk tad-Direttiva 93/104. Għalhekk sejjer nirreferi, għall-konvenjenza, biss għad-Direttiva 2003/88, filwaqt li nikkwota b’mod indifferenti sentenzi u konklużjonijiet relatati mal-ewwel direttiva.

    ( 9 ) Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema (ara l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88).

    ( 10 ) Ara l-Artikolu 4 u l-Artikoli 8 sa 13 tad-Direttiva 2003/88.

    ( 11 ) Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2003/88, kif ukoll, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Ara wkoll is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872, punti 3940 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:518, punt 53).

    ( 14 ) Dan japplika wkoll għall-popolazzjoni ta’ Stati Membri oħra. Ara, dwar dan il-punt, il-“klawżola ta’ solidarjetà” fl-Artikolu 222 TFUE.

    ( 15 ) Il-Gvern Franċiż isemmi, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana tal‑4 ta’ April 1949, li jirrikjedi li l-partijiet tiegħu jkunu f’pożizzjoni, fi kwalunkwe ħin, li jassistu militarment kwalunkwe membru ieħor tal-Alleanza li jkun vittma ta’ aggressjoni armata, u l-Artikolu 24 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmat f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945, li tafda f’idejn il-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li tiegħu r-Repubblika Franċiża hija parti, ir-responsabbiltà ewlenija taż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

    ( 16 ) Ara l-Artikoli 42 sa 46 TUE (iktar ’il quddiem “PSDK”).

    ( 17 ) Ara, għall-istess konstatazzjoni, Baude, F. u Vallée, F., Droit de la défense, Ellipses, 2012, pp. 122 u 123; Faugère, J.‑M., “L’état militaire: Aggiornamento ou rupture”, Rivista “Inflexions”, 2012, Nru 20, p. 53; kif ukoll Malis., C., Guerre et stratégie au XXIe siècle, Fayard, 2014, pp. 16 sa 53 u 153 sa 182.

    ( 18 ) Ara, dwar l-approċċi differenti tal-Istati Membri rigward il-ħin tax-xogħol tas-suldati, Piotet, F. (direttriċi), Les conditions de vie des militaires en Europe, convergences et divergences (Allemagne, Belgique, Espagne, France, Pays-Bas, Italie et Royaume-Uni), C2SD, Pariġi, 2003, p. 95, kif ukoll Leigh, I. u Born, H., Handbook on Human Rights and Fundamental Freedoms of Armed Forces Personnel, OSCE Office for Democratic Institutions and Human Rights (ODIHR), 2008, pp. 178 u 179.

    ( 19 ) Ara l-Verordnung vom 16. November 2015 über die Arbeitszeit der Soldatinnen und Soldaten (id-Digriet tas‑16 ta’ Novembru 2015 dwar il-Ħin tax-Xogħol tas-Suldati) (BGBl. 2015 I, p. 1995).

    ( 20 ) Ara l-ftehim dwar il-ħin tax-xogħol u l-mistrieħ fl-armata, tat‑12 ta’ Lulju 2019.

    ( 21 ) Kif qed nifhem il-leġiżlazzjoni Slovena, is-suldati jitqiesu bħala uffiċjali pubbliċi suġġetti, bħala prinċipju, għal regolamenti ġenerali dwar il-ħin tax-xogħol (ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet), għalkemm il-Liġi dwar id-Difiża tipprovdi għal ċerti aġġustamenti, b’mod partikolari għall-għases.

    ( 22 ) Ara l-Orden DEF/253/2015, de 9 de febrero, por la que se regula el régimen de vacaciones, permisos, reducciones de jornada y licencias de los miembros de las Fuerzas Armadas (id-Digriet DEF/253/2015 tad‑9 ta’ Frar 2015 li jirregola s-sistema ta’ vaganzi, permessi, tnaqqis fil-ħin tax-xogħol u ħin ħieles tal-membri tal-forzi armati (BOE Nru 42, tat‑18 ta’ Frar 2015, p. 13193), b’mod partikolari l-Artikolu 3, u l-Orden DEF/1363/2016, de 28 de julio, por la que se regulan la jornada y el régimen de horario habitual en el lugar de destino de los miembros de las Fuerzas Armadas (id-Digriet DEF/1363/2016 tat‑28 ta’ Lulju 2016, li jiffissa l-ġurnata tax-xogħol u l-iskeda regolari fuq il-post tax-xogħol tal-membri tal-forzi armati) (BOE Nru 192, tal‑10 ta’ Awwissu 2016, p. 57311), b’mod partikolari l-Artikolu 4.

    ( 23 ) Ara Lo Torto, A., “L’orario di servizio del personale militare valenza disciplinare e rilevanza penale”, Periodico di Diritto e Procedura Penale Militare, Nru 4, 2015.

    ( 24 ) Il-Gvern Franċiż jenfasizza li l-funzjoni militari hija “singulari” meta mqabbla mal-oħrajn kollha: is-suldati biss għandhom id-dritt li joqtlu, bid-dmir li jirriskjaw ħajjithom stess jekk il-missjoni titlob hekk. Ara, fuq il-prinċipju tad-disponibbiltà, kif maħsub fid-dritt Franċiż, l-Artikolu L.4111‑1 tal-Kodiċi tad-Difiża; Pêcheur, B., Heitz, R. u Vandier, P., “Le militaire, travailleur, justiciable, citoyen comme les autres?” Revue Défense Nationale, Nru 825, Diċembru 2019, pp. 21sa 30; kif ukoll Vinot, J., “La disponibilité: une singularité militaire en question ”, f’Un monde en turbulence – Regards du CHEM 2019 – it-68 sessjoni.

    ( 25 ) Bl-eċċezzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li ma huwiex is-suġġett tal-kawża prinċipali.

    ( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punti 36 sa 38).

    ( 28 ) Ara l-Artikolu 5 tal-Liġi dwar id-Difiża, riprodotta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 29 ) Skont din id-dispożizzjoni, “L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom […]. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru”.

    ( 30 ) Il-kunċett ta’ “sigurtà nazzjonali” huwa relatat mat-theddid u r-riskji kollha li x’aktarx jaffettwaw il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u l-interessi fundamentali tas-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 135)), theddid fejn il-karattru “ibridu” tiegħu, fil-kuntest ġeopolitiku attwali (ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet), iwassal għal tħassir tad-distinzjoni tradizzjonali bejn is-sigurtà interna (forzi tal-ordni) u s-sigurtà esterna (difiża u forzi armati), issostitwita minn dan il-kunċett inklużiv.

    ( 31 ) Skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE. Ma iniex qed ninjora l-iżviluppi miġjuba mit-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tad-difiża, fil-qafas tal-PSDK. F’dan ir-rigward, nistgħu nsemmu l-espansjoni tal-missjonijiet li fihom l-Unjoni tista’ tirrikorri għal mezzi militari (l-Artikolu 43(1) TUE); l-istituzzjonalizzazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (l-Artikolu 42(3) u l-Artikolu 45 TUE); il-kooperazzjoni strutturata permanenti (l-Artikolu 42(6) u l-Artikolu 46TUE); jew anki l-“klawżola ta’ difiża reċiproka” (l-Artikolu 42(7) TUE). Madankollu, dawn l-iżviluppi ma jwasslux għal “komunitarizzazzjoni” tal-politika ta’ difiża jew tal-forzi armati tal-Istati Membri. L-intergovernanza tibqa’ r-regola fil-funzjonament tal-PSDK. Għalkemm din il-politika tinkludi d-definizzjoni progressiva ta’ politika ta’ difiża komuni, li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal difiża komuni, dan għadu ma huwiex il-każ. Ara Baude, F. u Vallée, F., op. cit., pp. 120 sa 122.

    ( 32 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C-623/17, EU:C:2020:790, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C‑273/97, EU:C:1999:523, punti 1516), kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, EU:C:2000:2, punti 1516).

    ( 33 ) Pereżempju, fis-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C‑273/97, EU:C:1999:523), u tal‑11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, EU:C:2000:2), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kif prevista dak iż-żmien fid-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad‑9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), tapplika ukoll għall-impjiegi militari u għalhekk tipprovdi qafas għall-eżerċizzju, minn kull Stat Membru, tal-kompetenza tiegħu fl-organizzazzjoni tal-forzi armati tiegħu.

    ( 34 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003 (C‑186/01, EU:C:2003:146).

    ( 35 ) Konklużjonijiet fil-kawża Dory (C‑186/01, EU:C:2002:718).

    ( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Dory (C‑186/01, EU:C:2003:146, punt 39), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Dory (C‑186/01, EU:C:2002:718, punti 55, 6263).

    ( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Dory (C‑186/01, EU:C:2003:146, punti 4041), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Dory (C‑186/01, EU:C:2002:718, punti 77 sa 108). Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C‑159/90, EU:C:1991:378, punt 24), u tas‑27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punt25).

    ( 38 ) Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li r-regoli tal-organizzazzjoni tal-forzi armati jistgħu jifformaw parti mill-“identità nazzjonali” tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. Jiena qed nirriżerva dan l-aspett għall-punti 95 u 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu għalhekk jipprovdi, meta meħtieġ, fi strumenti tad-dritt sekondarju, għal ċerti aġġustamenti, derogi u eċċezzjonijiet oħra li jippermettu lill-Istati Membri, fejn xieraq, jissalvagwardjaw il-funzjonament xieraq tal-funzjonijiet essenzjali tal-istat tagħhom. Dan huwa wkoll il-każ f’ħafna minn dawn l-istrumenti.

    ( 40 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2016:382, punt 32) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:130, punt 76).

    ( 41 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 2, 4 u 5 kif ukoll l-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2003/88.

    ( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1997, Grahame u Hollanders (C‑248/96, EU:C:1997:543, punt 29). Nixtieq nippreċiża li r-relazzjonijiet bejn is-suldati u l-forzi armati jistgħu jkunu ta’ tipi differenti. B’mod partikolari, hemm suldati “professjonali”, li jagħżlu liberament li jidħlu fil-forzi armati – għall-karriera kollha tagħhom jew iż-żmien ta’ kuntratt – u “l-imsejħin” ingaġġati fuq bażi obbligatorja, b’mod partikolari fi ħdan il-qafas u għat-tul tas-servizz militari eżistenti f’ċerti Stati (ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda suldat professjonali, dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw prinċipalment din il-kategorija – li hija, barra minn hekk, predominanti fil-preżent. Fil-fatt, għalkemm, storikament, in-numri kbar tal-forzi armati tal-Punent jiddependu essenzjalment fuq il-lieva, ġiet osservata sa mit-tmiem tal-Gwerra Bierda tendenza ġenerali li dawn il-forzi “jinġabru” madwar kontinġent imnaqqas ta’ suldati professjonali. Ara Malis, C., op. cit., pp. 117, 118 u 122.

    ( 43 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 44 ) Ara r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010) 4 fuq id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri tal-Forzi Armati, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fl‑24 ta’ Frar 2010 waqt l-1077 laqgħa tad-Delegati tal-Ministri, p. 25.

    ( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel (C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 46 ) Li huwa l-każ, pereżempju, fid-dritt Franċiż.

    ( 47 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Fenoll (C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 48 ) Li probabbilment huwa spjegat mill-fatt li d-Direttiva 89/391 hija d-“direttiva qafas” li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali fi kwistjonijiet ta’ sigurtà u saħħa fuq ix-xogħol, prinċipji li kienu ġew implimentati fid-Direttiva 2003/88 (ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 49 ) Anki l-baħrin militari ma jaqgħux taħt din l-eċċezzjoni. Fil-fatt, il-ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara, anness mad-Direttiva 1999/63/KE japplika “għal baħħara abbord kull vapur li jbaħħar […] li jkun involut f’ħidmiet marittimi kummerċjali” u li għalhekk jeskludi operazzjonijiet marittimi militari (ara l-klawżola 1(1) ta’ dan il-ftehim).

    ( 50 ) Nippreċiża, minn naħa, li s-servizz pubbliku tad-difiża ma huwiex ipprovdut biss mill-armati pubbliċi. Il-merċenarjat dejjem eżista. Ara, għal eżempji tal-użu ta’ dawn is-suldati privati minn stati tal-Punent fl-istorja riċenti, Malis, C., op. cit., pp. 134‑138. Min-naħa l-oħra, kif indikajt fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-forzi armati tal-Istati Membri huma ta’ spiss involuti f’attivitajiet oħra ta’ interess ġenerali.

    ( 51 ) Għal iktar preċiżjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Sloven argumenta li x-xogħol ta’ għassa mwettqa mis-suldati Sloveni hija attività eskluża mid-Direttiva 2003/88. Madankollu, waqt is-seduta, dan il-gvern jidhirli li argumenta, bħall-Gvern Spanjol u dak Franċiż, li s-suldati huma esklużi b’mod permanenti, il-missjonijiet kollha flimkien, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    ( 52 ) U potenzjalment ukoll tad-Direttiva 89/391, għalkemm il-pożizzjoni ta’ dawn il-gvernijiet ma hijiex ċara dwar dan il-punt.

    ( 53 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 53).

    ( 54 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 56 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punti 56, 58, 5961).

    ( 57 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawża Simap (C‑303/98, EU:C:1999:621, punt 27), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:518, punt 51).

    ( 58 ) Ara l-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 59 ) Ara l-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2003/88, li jirrikonoxxu d-drittijiet li jistabbilixxu għal “kull ħaddiem”.

    ( 60 ) Infakkar li d-Direttiva 89/391 kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 118A TKE, u d-Direttiva 2003/88 fuq dik tal-Artikolu 137 TKE, li ħadet post l-Artikolu 118A msemmi, u li dan issa sar l-Artikolu 153 TFUE. Minn naħa, dik id-dispożizzjoni, bħal dawk li ppreċedewha, tagħti kompetenza lill-Unjoni sabiex tadotta rekwiżiti minimi sabiex tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-“ħaddiema” b’mod ġenerali; min-naħa l-oħra, kif jidher mill-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalkemm id-difiża taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, dan ma jimpedixxix lill-Unjoni milli jkollha, skont il-kompetenza li tirrikonoxxilha b’mod partikolari din id-dispożizzjoni, politika soċjali li tinkludi a priori l-ħaddiema kollha, inklużi dawk impjegati f’dan is-settur, li s-suldati jagħmlu parti minnu.

    ( 61 ) Ara l-Artikolu 151 TFUE, li jgħid li “[l]-Unjoni u l-Istati Membri […] għandu jkollhom bħala mira […] it-titjib tal-kondizzjonijeit tal-ħajja u tax-xogħol […]”.

    ( 62 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 43), kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 63 ) Ara l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 24 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948; l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966; il-punt 2 tal-Parti I tal-Preambolu, kif ukoll l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961. Ara wkoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), Konvenzjoni Nru 132 dwar leave mħallas (riveduta), 1970 (C132), Nru 155 dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, 1981 (C155), u Nru 171 dwar xogħol ta’ bil-lejl, 1990 (C171).

    ( 64 ) Ara l-punt 7 u l-punt 8 ta’ din il-karta.

    ( 65 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Karta Soċjali Ewropea, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010) 4 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri tal-Forzi Armati, imsemmija iktar ’il fuq, it-Titolu Q. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkorrispondi ma’ dak tad-Direttiva 2003/88 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Fenoll (C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 26)). Għalhekk is-suldati jibbenefikaw, bħala “ħaddiema”, mid-drittijiet fundamentali ggarantiti minn din id-dispożizzjoni.

    ( 66 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 67 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C‑273/97, EU:C:1999:523, punt 27); tal‑11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, EU:C:2000:2, punt 24); kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat) (C‑187/16, EU:C:2018:194, punt 78).

    ( 68 ) Il-Gvern Franċiż irrefera għall-ħafna kunflitti li r-Repubblika Franċiża affaċċjat. Il-Gvern Sloven tkellem dwar il-kunflitt dwar l-indipendenza tar-Repubblika tas-Slovenja fil-bidu tad-disgħinijiet.

    ( 69 ) Ara, fil-qafas tal-PSDK, l-Artikolu 42(6) TUE.

    ( 70 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat) (C‑187/16, EU:C:2018:194, punti 78 sa 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 71 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 72 ) Il-Gvern Franċiż isemmi taħriġ għal interventi ta’ bil-lejl, li jimplika deroga mir-regoli dwar ix-xogħol ta’ bil-lejl previsti f’din id-direttiva (ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 73 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 74 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 75 ) Ara, għal dak li jirrigwarda s-suldati, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010) 4 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri tal-Forzi Armati, iċċitata iktar ’il fuq, p. 56.

    ( 76 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 67), kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség (C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 40).

    ( 77 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 57), kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség (C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 41).

    ( 78 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség (C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 44).

    ( 79 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 67), kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség (C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 4042).

    ( 80 ) Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018 (C‑147/17, EU:C:2018:926).

    ( 81 ) Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 68).

    ( 82 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punti 70 sa 75).

    ( 83 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség (C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 44).

    ( 84 ) Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018 (C‑147/17, EU:C:2018:926).

    ( 85 ) Ara, b’analoġija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 22 ta’ Marzu 2012, Konstantin Markin vs Ir‑Russja, EC:ECHR:2012:0322JUD003007806, punt 148. Jista’ jkun l-istess ukoll għal ċertu persunal pajżan tal-armata.

    ( 86 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C‑273/97, EU:C:1999:523, punti 21 sa 32). Ara, għal profil u sommarju ta’ użu ta’ forzi speċjali fl-istorja reċenti, Malis, C., op. cit., pp. 118 u 130 sa 133.

    ( 87 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑132/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:18). Bl-istess mod, l-ebda wieħed mill-istrumenti msemmija fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma fih esklużjoni ġenerali għas-suldati fir-rigward tad-drittijiet għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ekwi, filwaqt li esklużjoni ġenerali bħal din hija kultant prevista fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali oħra, inkluż id-dritt ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ negozjar kollettiv (ara, b’mod partikolari, il-punt 14 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema).

    ( 88 ) Ara, f’dan is-sens, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), tal‑15 ta’ Diċembru 2011, 2 C 41.10 (DE:BVerwG:2011:151211U2C41.10.0). Barra minn hekk, il-fatt li s-suldati ma humiex esklużi, bħala prinċipju, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 huwa muri wkoll mill-fatt li diversi “direttivi speċifiċi” fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, adottati fuq il-bażi tal-ewwel direttiva, jipprovdu derogi li jikkonċernawhom. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat‑30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 375). Ara wkoll l-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-20 Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u li tħassar id-Direttiva 2004/40/KE (ĠU 2013, L 179, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 353, p. 83). Minn dan isegwi, a contrario, li, bħala prinċipju, id-direttivi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li jimplimentaw id-Direttiva 89/391 – li għandhom x’jaqsmu ma’ suġġetti daqstant diversi daqs il-postijiet tax-xogħol, l-użu minn ħaddiema fuq ix-xogħol ta’ tagħmir tax-xogħol, it-tagħmir b’display screens, prevenzjoni ta’ riskji relatati ma’ espożizzjoni għal materjali kanċeroġeniċi, għall-istorbju, għall-vibrazzjonijiet fuq ix-xogħol, eċċ. – japplikaw għas-suldati.

    ( 89 ) Nippreċiża li, b’mod ġenerali, il-forzi armati tal-Istati Membri ma jikkostitwixxux “blokki” omoġenji. Is-suldati jokkupaw varjetà wiesgħa ta’ impjiegi, xi wħud operattivi, oħrajn ħafna inqas, u huma inkarigati b’varjetà wiesgħa ta’ kompiti u missjonijiet.

    ( 90 ) Inkella, din id-dispożizzjoni titlef ħafna mir-raġuni tagħha, peress li tidduplika, b’mod partikolari, l-Artikolu 347 TFUE, li jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mid-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali “fil-każ ta’ disturb serju intern li jolqot l-ordni pubbliku, fil-każ ta’ gwerra jew tensjoni internazzjonali serja li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra, jew sabiex jesegwixxi obbligi li jkun assuma bil-għan li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali”. Ara, b’analoġija, l-Artikolu 15 Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 u l-Artikolu 30 tal-Karta Soċjali Ewropea.

    ( 91 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Pereżempju, is-suldati Ewropej mibgħuta fl-Afganistan huma ingaġġati fi “żminijiet ta’ paċi” – fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ gwerra kontra l-istat Afgan – fi “gwerra kontra t-terroriżmu” għaż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u huma kkonfrontati b’għadu “asimmetriku” jew “irregolari”, fis-sens tad-dritt internazzjonali, jiġifieri li ma jappartjenix għal armata statali.

    ( 92 ) Ara l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391. Barra minn hekk, dan huwa dak li jipprovdu r-regolamenti Franċiżi li jittrasponu din id-direttiva. Dan ir-regolament jipprevedi li fir-rigward ta’ “persunal militari li jwettaq attivitajiet tal-istess natura bħal dawk fdati lil persunal ċivili”, ir-regoli li jirriżultaw minn din id-direttiva japplikaw bis-sħiħ. Is-suldat li jwettaq tali attività għandu anki, bħal kull impjegat pajżan, dritt li jirtira, meta jkollu motivi raġonevoli sabiex jemmen li s-sitwazzjoni tax-xogħol tiegħu tippreżenta periklu serju u imminenti għal ħajtu jew għal saħħtu. Min-naħa l-oħra, “jekk il-partikolaritajiet inerenti fl-attivitajiet ta’ difiża nazzjonali, sigurtà interna jew sigurtà ċivili jimpedixxu b’mod vinkolanti” l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, “l-awtorità tal-impjieg għandha tiżgura s-sigurtà u tipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tas-suldat, billi tadatta [ir-regoli msemmija] għall-partikolaritajiet lokali u l-ambjent operattiv”. Suldat ma għandux dritt li jirtira f’dan il-każ. Ara d-Digriet Nru 2018‑1286 tas‑27 ta’ Diċembru 2018 dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà maħsuba sabiex jieħdu ħsieb is-saħħa u l-integrità fiżika tas-suldati matul is-servizz tagħhom (JORF Nru 0301 tad‑29 ta’ Diċembru 2018), speċjalment l-Artikoli R.4123‑53 u R.4123‑54. Ara wkoll id-Digriet Nru 2012‑422 tad‑29 ta’ Marzu 2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-Ministeru għad-Difiża (JORF Nru 0077 tat‑30 ta’ Marzu 2012), l-Artikoli 35 u 36. Dan l-aħħar digriet iqabbel, b’mod iktar preċiż, “suldati li jwettqu attivitajiet tal-istess natura bħal dawk fdati lil persunal ċivili” ma’ “suldati li jwettqu attività ta’ taħriġ operattiva jew taħriġ għall-ġlied”, li jikkorrispondi, bejn wieħed u ieħor, mad-distinzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet. Nosserva li, għall-inqas, xi esperti fi kwistjonijiet militari Franċiżi jqisu li dan l-istess regolament joħloq bilanċ tajjeb bejn l-obbligi tad-dritt Ewropew u l-ħtiġijiet tal-forzi armati. Ara l-Haut Comité d’évaluation de la condition militaire (HCECM) (il-Kumitat Għoli għall-Evalwazzjoni tal-Kundizzjoni Militari), it-13-il rapport tematiku, “La mort, la blessure, la maladie ” (il-Mewt, it-Tidrib, il-Mard), Lulju 2019, p. 92.

    ( 93 ) Dawn huma, b’mod iktar preċiż, ir-regoli dwar il-mistrieħ ta’ kuljum (l-Artikolu 3), il-ħin tal-waqfien (l-Artikolu 4), il-mistrieħ ta’ kull ġimgħa (l-Artikolu 5), it-tul ta’ xogħol ta’ bil-lejl (l-Artikolu 8) u l-perijodi ta’ referenza (Artikolu 16) (ara, għal dawn ir-regoli, il-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 94 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 48).

    ( 95 ) Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2003/88.

    ( 96 ) Ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 97 ) Huwa faċli li tifhem li l-persuna li timpjega diffiċilment tista’ tagħmel “il-ġlieda kontra r-riskji mis-sors”, kif meħtieġ mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391.

    ( 98 ) Nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, l-esklużjoni mbagħad tikkonċerna t-truppi kollha involuti, jiġifieri mhux biss is-suldati skjerati fit-teatru tal-operazzjonijiet, iżda wkoll dawk li l-attività tagħhom hija marbuta direttament mat-twettiq jew l-appoġġ tal-operazzjonijiet esterni, u li għalhekk hija ssinkronizzata mal-ħtiġijiet ta’ dawn l-operazzjonijiet.

    ( 99 ) Ara, għal xhieda illuminanti, De Braquilanges, M., “Les militaires et le temps de travail” (Is-suldati u l-ħin tax-xogħol), blog Theatrum Belli, 2017, “[…] is-suldat fil-post huwa f’pożizzjoni operattiva b’mod permanenti minħabba li t-theddida tibqa’ preżenti f’kull ħin għalih innifsu jew għal unitajiet ġirien f’diffikultà li jistgħu jitolbu l-appoġġ tagħna, kemm jekk waqt il-mistrieħ kif ukoll jekk waqt irkupru, jew a fortiori waqt missjoni. Fiċ-ċpar tal-gwerra, li tirregola l-ħin tax-xogħol tkun qed tirrifjuta dak li mhux previst, li huwa dejjem possibbli minħabba li huwa frott ir-rieda ta’ avversarju. […] Li tillimita l-ħin tax-xogħol fl-operazzjoni inevitabbilment iwassal għal dubji dwar id-determinazzjoni tagħna billi nistabbilixxu aħna stess limitu fuq id-disponibbiltà tagħna u għalhekk fuq l-impenn tagħna […]”.

    ( 100 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 101 ) Ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 102 ) Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg (C‑52/04, EU:C:2005:467, punt 52).

    ( 103 ) Ara l-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 104 ) Ara, fl-istess sens, HCECM, id-9 rapport tematiku, “Perspectives de la condition militaire” (Perspettivi tal-kundizzjoni militari), Ġunju 2015, pp. 50 u 51; HCECM, il-11‑il rapport tematiku, “La fonction militaire dans la société française” (Il-funzjoni militari fis-soċjetà Franċiża), Settembru 2017, pp. 24 u 25, kif ukoll De Braquilanges, M., op. cit.

    ( 105 ) Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 106 ) Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 107 ) Ovvjament, din l-eżenzjoni, fil-prattika, taffettwa iktar is-suldati f’impjiegi operattivi minn dawk f’impjiegi ’l bogħod minn dawn l-operazzjonijiet. F’dan il-kuntest, jekk l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li huwa imperattiv li jibagħtu suldati fl-operazzjoni jew li jorganizzaw taħriġ jew eżerċizzju neċessarju għall-preparazzjoni operattiva, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi, infakkar, għal dritt għal-leave annwali mħallas, għalhekk ma jipprekludix, fil-fehma tiegħi, li suldati jissejħu mill-leave, jekk ikun neċessarju. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni sempliċement tipprevjeni membru militari milli jitlef, bħala riżultat ta’ sejħa bħal din, il-bilanċ tal-leave li ma tteħidx.

    ( 108 ) Rigward jekk deċiżjoni sabiex jiġu skjerati forzi armati f’operazzjoni għandhiex twassal għal stħarriġ ġudizzjarju, inqis li kull Stat Membru għandu japplika l-istandards tiegħu stess f’dan il-qasam. Fil-fatt, jidhirli diffiċli li jiġi ġġustifikat li d-dritt tal-Unjoni jimponi tali standard ta’ kontroll għar-raġuni biss li din id-deċiżjoni timplika deroga, mir-regoli tad-Direttivi 89/391 u 2003/88.

    ( 109 ) Ara, fl-istess sens, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010) 4 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri tal-Forzi Armati, imsemmija iktar ’il fuq, Titolu Q, paragrafu 67, kif ukoll il-memorandum ta’ spjegazzjoni, p. 62 u 63.

    ( 110 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 111 ) Nista’ biss nirrepeti, ukoll, il-messaġġi ottimisti li dawn ir-regoli dwar il-ħin tax-xogħol jikkontribwixxu għar-reklutaġġ u l-lealtà tas-suldati (ara, b’mod partikolari, Leigh, I., Born, H., op. cit., p. 175), fi żmien meta ċerti aspirazzjonijiet għal rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja professjonali u dik privata nstabu fost uħud minnhom (ara, b’mod partikolari, HCECM, “La vie des militaires et de leur famille selon le lieu d’affectation”, it-12‑il rapport, Ġunju 2018, u Brault, O., “Les défis de la préservation d’une singularité militaire” (L-isfidi tal-preżervazzjoni ta’ singularità militari”, f’Un monde en turbulence – Regards du CHEM 2019 – it-68 sessjoni).

    ( 112 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 113 ) Ara l-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza), Deċiżjonijiet Nru 2014‑432 QPC tat‑28 ta’ Novembru 2014 u Nru 2014‑45Q QPC tas‑27 ta’ Frar 2015.

    ( 114 ) Filwaqt li l-prinċipju ta’ disponibbiltà militari huwa bla dubju ta’ importanza konsiderevoli fid-dritt Franċiż, u għalkemm il-prinċipji ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati jistgħu jippreżentaw partikolaritajiet minn Stat Membru għal ieħor (ara l-punt 65 ta’dawn il-konklużjonijiet), noqgħod ftit lura milli npoġġi dawn il-prinċipji fl-istess kategorija bħall-forma Repubblikana tal-Istat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 64)) jew il-lingwa uffiċjali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 26)). Barra minn hekk, jekk l-“identità nazzjonali” ta’ kull Stat Membru tinkludi l-“identità kostituzzjonali” tiegħu (ara, b’mod partikolari, l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:544, punt 31)), dan l-aħħar kunċett jirrigwarda biss, fil-fehma tiegħi, “qalba fundamentali” tar-regoli kostituzzjonali nazzjonali, li jiddefinixxu l-identità stess tal-ordinament kostituzzjonali inkwistjoni. Madankollu, nistaqsi jekk id-“dispożizzjoni libera tal-forza armata” hijiex verament parti minnu.

    ( 115 ) Ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk din l-interpretazzjoni għalhekk ma tħassarx, fil-fehma tiegħi, is-singularità tax-xogħol militari (ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 116 ) Ara, għal proposti fuq l-istess linji, ILO, Rakkomandazzjoni Nru. 116, dwar Tnaqqis tas-Sigħat tax-Xogħol, 1962 (R116), punt 14(a)(ii) u (b)(vi).

    ( 117 ) B’mod partikolari, fis-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, EU:C:2000:2, punti 20 sa 29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207, li tawtorizza derogi mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għal attivitajiet professjonali “li għalihom, minħabba l-istess natura tagħhom jew il-kuntest li jsiru fihom, is-sess tal-ħaddiem jikkostitwixxi fattur determinanti”, ma tippermettix lil Stat Membru jeskludi totalment lin-nisa minn impjiegi militari li jinvolvu l-użu ta’ armi, esklużjoni bħal din ma tistax titqies bħala miżura derogatorja ġġustifikata min-natura speċifika tal-impjiegi inkwistjoni jew mill-kundizzjonijiet partikolari tal-eżerċizzju tagħhom. Ara wkoll, fi kwistjonijiet tal-VAT, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑414/97, EU:C:1999:417); dwar l-akkwist pubbliku, is-sentenza tat‑8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑337/05, EU:C:2008:203); fi kwistjonijiet doganali, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑284/05, EU:C:2009:778).

    ( 118 ) Ara l-Artikolu 42(6) TUE.

    ( 119 ) Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 120 ) Il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tivverifika jekk, hekk kif isostni l-Gvern Sloven, ix-xogħol ta’ għassa mwettaq mis-suldati Sloveni jikkostitwixxix taħriġ li jaqa’ fl-ambitu tal-preparazzjoni operattiva, li a priori wieħed jista’ jkollu dubji dwar dan.

    ( 121 ) Min-naħa l-oħra, id-derogi speċifiċi previsti fl-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/88 huma rilevanti, b’mod partikolari, għal dik l-attività (ara l-punt 85 ta’ dawn l-konklużjonijiet).

    ( 122 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punti 4849); tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punti 6365); kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 59).

    Top