EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0667

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2020.
A.M. vs E.M.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti kożmetiċi – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Artikolu 19 – Informazzjoni għall-konsumaturi – Ittikkettjar – Indikazzjonijiet li għandhom jidhru fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodotti – Ittikkettjar b’lingwa barranija – ‘Funzjoni tal-prodott kożmetiku’ – Kunċett – Imballaġġ ta’ prodotti kożmetiċi li jinkludi riferiment għal katalogu ddettaljat ta’ prodotti miktub bil-lingwa tal-konsumatur.
Kawża C-667/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:554

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2020 ( 1 )

Kawża C‑667/19

A.M.

vs

E.M.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Prodotti kożmetiċi — Regolament (KE) Nru 1223/2009 — Artikolu 19 — Informazzjoni għall-konsumaturi — Ittikkettjar — Informazzjoni li għandha tidher fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ — Funzjoni tal-prodott kożmetiku — Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Informazzjoni li tista’ tidher fuq fuljett, tikketta, tejp, lametta jew biljett inkluż jew mehmuż — Ittikkettjar b’lingwa barranija — Imballaġġ ta’ prodotti kożmetiċi li jagħmel riferiment għal katalogu ta’ prodotti miktub bil-lingwa tal-konsumatur”

1.

F’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija mitluba l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 ( 2 ), dwar l-ittikkettjar tal-prodotti kożmetiċi

2.

B’mod partikolari, hemm żewġ kwistjonijiet kontenzjużi:

x’inhi t-tifsira ta’ “funzjoni tal-prodott”, bħala informazzjoni li, b’mod obbligatorju, għandha tidher fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott kożmetiku kkummerċjalizzat; u

jekk huwiex possibbli li ċerta informazzjoni għall-konsumatur, li hija wkoll obbligatorja, tidher biss f’katalogu tal-impriża manifattura, li mhux dejjem jingħata mal-prodott kożmetiku mixtri.

3.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, sa issa, kellha l-opportunità li tiddeċiedi ( 3 ) dwar artikoli oħra tar-Regolament Nru 1223/2009, iżda mhux, sakemm mhux qiegħed niżbalja, dwar ir-rekwiżiti speċifiċi tal-Artikolu 19(1) u (2).

4.

Madankollu, ir-Regolament Nru 1223/2009 għaqqad id-direttivi li, sa dak il-mument kienu jirregolaw il-kwistjoni ( 4 ). Il-ġurisprudenza dwar ir-regoli tal-ittikkettjar li kienu jinsabu f’dawn id-direttivi ( 5 ) tipprovdi xi indikazzjonijiet utli sabiex tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament Nru 1223/2009

5.

L-Artikolu 1 (“Ambitu u għan”) jiddikjara li:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li kull prodott kożmetiku disponibbli fis-suq għandu jkun konformi magħhom, sabiex is-suq intern jaħdem tajjeb u jkun hemm livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.”

6.

L-Artikolu 2(1) (“Definizzjonijiet”) jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘prodott kożmetiku’ tfisser kull sustanza jew taħlita intiża biex titqiegħed f’kuntatt ma’ partijiet esterni tal-ġisem tal-bniedem (il-ġilda, sistema tax-xagħar, dwiefer, xuftejn u organi ġenitali esterni) jew mas-snien u l-membrani mukkużi tal-kavità orali bil-ħsieb esklussiv jew prinċipali biex tnaddafhom, tfewwaħhom, tbiddel id-dehra tagħhom, tħarishom, iżżommhom f’kundizzjoni tajba jew tikkoreġi l-irwejjaħ tal-ġisem;

[…]”.

7.

L-Artikolu 3 (“Sikurezza”) jistipula li:

“Prodott kożmetiku li jsir disponibbli fis-suq għandu jkun sikur għal saħħet il-bniedem meta użat f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli, waqt li jiġu kkunsidrati, b’mod partikulari, dawn li ġejjin:

(a)

preżentazzjoni […];

(b)

it-tikketta;

[…]”.

8.

L-Artikolu 19 (“Tikketti”) jiddikjara li:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu, prodotti kożmetiċi jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ tal-prodotti kożmetiċi jkunu juru t-tagħrif li ġej f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa:

[…]

(d)

il-prekawzjonijiet partikulari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu, u għallinqas dawk elenkati fl-Annessi III sa VI u kull informazzjoni speċjali prekawzjonarja fuq il-prodotti kożmetiċi għal użu professjonali;

[…]

(f)

il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, sakemm din ma tkunx ċara mill-preżentazzjoni tiegħu;

(g)

elenku tal-ingredjenti. Din l-informazzjoni tista’ tiġi indikata fuq l-imballaġġ biss. Il-lista għandu jkollha qabilha t-terminu ‘ingredjent’.

[…]

2.   Fejn ma jkunx possibbli għal raġunijiet prattiċi li l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (g) tal-paragrafu 1 titpoġġja fuq it-tikketta kif previst, japplika dan li ġej:

l-informazzjoni għandha tissemma fuq fuljett, tikketta, tejp, lametta jew biljett inkluż jew mehmuż.

sakemm ma jkunx imprattiku, din l-informazzjoni għandha tissemma fl-informazzjoni mqassra jew is-simboli fil-punt 1 tal-Anness VII, li għandhom ikunu fuq il-kontenitur jew l-imballaġġ għall-informazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 u fuq l-imballaġġ għall-informazzjoni msemmija fil-punt (g) tal-paragrafu 1.

[…]

5.   Il-lingwa tal-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (c), (d) u (f) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafi (2), (3) u (4) għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istati Membri fejn il-prodott ikun sar disponibbli għall-utent aħħari.

[…]”.

9.

L-Artikolu 20 (“Klejms [Dikjarazzjoni tal-prodotti”) jiddikjara li:

“1.   Fl-ittikkettjar, meta jsir disponibbli fis-suq u jsir reklamar tal-prodotti kożmetiċi, it-testi, l-ismijiet, it-trejdmarks, l-istampi u s-sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn ma għandhomx jintużaw biex jimplikaw li dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi jew funzjonijiet li ma għandhomx.

[…]”.

10.

L-Anness VII (“Simboli użati fuq il-pakkett/kontenitur”) jipprevedi:

“1. Referenza għall-informazzjoni mehmuża:

Image

[…]”.

B.   Id-dritt Pollakk. Ustawa o kosmetykach z dnia 30 marca 2001 r. (Liġi dwar il-prodotti kożmetiċi tat‑30 ta’ Marzu 2001)

11.

It-taqsimiet differenti tal-Artikolu 6 jinkludu dawn ir-rekwiżiti:

L-imballaġġ individwali ta’ prodott kożmetiku għandu jiġi ttikkettjat b’mod viżibbli u li jinqara permezz ta’ metodu li jiżgura li l-ittikkettjar ma jkunx jista’ jinqala’ faċilment (taqsima 1).

Skont it-taqsima 2, bħala regola, l-ittikkettjar tal-imballaġġ individwali tal-prodott kożmetiku li jinsab fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ individwali ta’ barra għandu jinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

il-prekawzjonijiet patikolari tal-użu tal-prodott kożmetiku, meta dan ikun maħsub biex jintuża f’kuntest professjonali f’konformità mal-għan previst tiegħu, flimkien ma’ prekawzjonijiet oħra meħtieġa;

il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, sakemm din ma tkunx tirriżulta b’mod ċar mill-preżentazzjoni tiegħu;

il-lista ta’ ingredjenti ddefiniti b’konformità mad-denominazzjonijiet tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Ingredjenti Kożmetiċi (INCI), wara t-terminu “ingredjenti”, fejn tiġi ddettaljata l-forma ta’ kif jiġu espressi skont il-konċentrazzjoni u t-tip tagħhom.

L-informazzjoni relatata mal-lista ta’ ingredjenti tista’ tidher biss fuq l-imballaġġ individwali ta’ barra tal-prodott kożmetiku (taqsima 4).

Meta, minħabba d-dimensjonijiet jew il-forma tal-imballaġġ, ma tkunx tista’ tiġi inkluża fl-imballaġġ individwali ta’ barra, l-informazzjoni li tagħmel riferiment għall-prekawzjonijiet partikolari tal-użu tal-prodott u għal-lista tal-ingredjenti, din għandha tidher fuq fuljett, tikketta, tejp jew biljett mehmuż mal-prodott. F’dan il-każ, fil-kontenitur jew fl-imballaġġ individwali ta’ barra għandu jkun hemm formulazzjoni mqassra jew sinjal grafiku li jindika li din l-informazzjoni hija mehmuża mal-prodott (taqsima 6).

Jekk, minħabba d-dimensjonijiet jew il-forma tal-imballaġġ, l-informazzjoni korrispondenti ma tkunx tista’ tiġi inkluża fil-lista ta’ ingredjenti fuq fuljett, tikketta, tejp jew biljett mehmuż mal-prodott, din għandha tkun tidher direttament fuq il-kontenitur jew fil-post fejn jiġi offrut għall-bejgħ il-prodott kożmetiku li jkun aċċessibbli għax-xerrej (taqsima 7).

II. Il-fatti u d-domanda preliminari

12.

A.M., is-sidt ta’ ħanut tas-sbuħija, għandha relazzjonijiet kummerċjali ma’ E.M., li tiddistribwixxi prodotti kożmetiċi ta’ manifattur mill-Istati Uniti.

13.

Matul dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali, A.M. irċeviet taħriġ, mogħti minn E.M., dwar dawn il-prodotti, li kien jinkludi dak kollu relatat mal-ittikkettjar tagħhom ( 6 ).

14.

Wara dan it-taħriġ, fit‑28 u d‑29 ta’ Jannar 2016, A.M. xtrat mingħand E.M. 40 unità ta’ fuljetti għall-bejgħ bl-imnut, 10 katalogi u diversi prodotti (kremi, maskaras u terra) ( 7 ).

15.

Fl-imballaġġ tal-prodotti kożmetiċi mixtrija kienu jidhru l-informazzjoni tal-entità responsabbli, l-isem oriġinali tal-prodott, il-kompożizzjoni tiegħu, id-data ta’ skadenza tiegħu u n-numru tas-serje tiegħu, kif ukoll sinjal grafiku (“id bi ktieb”) li jagħmel riferiment għall-katalogu.

16.

A.M. talbet lis-Sąd Rejonowy dla m. st Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Varsavja, il-Polonja) ir-riżoluzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, minħabba difetti fl-oġġetti mibjugħa. Hija sostniet li l-imballaġġ ma kienx fih informazzjoni bil-Pollakk dwar il-funzjoni tal-prodott u li jimpedixxi li dan jiġi identifikat u li jsiru magħrufa l-effetti tiegħu kif ukoll li din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi dedotta b’mod ċar mill-preżentazzjoni. Għaldaqstant, dan kien jikkostitwixxi ksur tar-regoli applikabbli fil-Polonja għall-kummerċ tal-prodotti kożmetiċi, li jikkoinċidu ma’ dawk tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1223/2009.

17.

EM, fl-oppożizzjoni tagħha għat-talba, sostniet li l-prodotti kienu ġew ittikkettjati skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, peress li kien jidher fuqhom sinjal (“id bi ktieb”) li jagħmel riferiment għal katalogu mogħti ma’ kull prodott kożmetiku. Dan il-katalogu joffri, bil-Pollakk, preżentazzjoni sħiħa tal-prodotti u tal-funzjonijiet tagħhom, u kien jindika l-kontraindikazzjonijiet tagħhom, tal-mod ta’ applikazzjoni u tal-ingredjenti tagħhom. Għaldaqstant, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1223/2009 ġie osservat.

18.

Is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Varsavja) ċaħdet it-talba billi applikat l-artikoli tal-Kodiċi Ċivili Pollakk ( 8 ) dwar il-garanzija tad-difetti tal-merkanzija ( 9 ).

19.

A.M. appellat din is-sentenza quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja). Hija sostniet li l-qorti tal-ewwel istanza kienet evalwat b’mod żbaljat il-provi dwar l-informazzjoni pprovduta u enfasizzat li, fuq l-imballaġġ ma kien hemm l-ebda riferiment għall-funzjoni tal-prodotti kożmetiċi bil-Pollakk. Ir-riferiment għall-katalogu (li kellu jinxtara bi ħlas) ma kienx suffiċjenti, peress li ma kienx possibbli li din l-informazzjoni tiġi pprovduta f’kull wieħed mill-prodotti.

20.

Il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-appell tistaqsi, l-ewwel nett, dwar il-portata tal-Artikolu 19(1)(f) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009. Id-dubji tagħha jikkonċernaw il-grad ta’ preċiżjoni tal-ittikkettjar li għandu jkun hemm fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-kożmetiċi, il-funzjoni tagħhom u l-obbligu li tkun inkluża l-informazzjoni dwar il-funzjoni ta’ dawk li huma importati bil-lingwa tal-konsumatur.

21.

It-tieni nett, hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009, f’relazzjoni mal-premessa 46 tiegħu. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jiġi żgurat jekk, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti dwar ċerti riferimenti li għandhom jidhru fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-kożmetiċi, jistax jiġi inkorporat simbolu grafiku li huwa konformi mal-punt 1 tal-Anness VII ta’ dan ir-regolament, u jekk huwiex suffiċjenti li dik l-informazzjoni tiġi inkluża fil-katalogi tal-manifattur li ma jiġux ipprovduti flimkien mal-prodott.

22.

F’dan il-kuntest, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Sa fejn l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 […] jispeċifika li l-prodotti kożmetiċi b’kontenituri u imballaġġ estern għandu jkun fihom informazzjoni li ma titlaqx, ħafifa biex tinqara u viżibbli dwar il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx tirriżulta b’mod ċar mill-preżentazzjoni tiegħu, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda riferiment għall-funzjonijiet essenzjali tal-prodott kożmetiku fis-sens tal-Artkolu 2(1)(a) tar-Regolament, jiġifieri t-tindif (iż-żamma tal-indafa), il-kura u l-protezzjoni (iż-żamma f’kundizzjoni tajba), l-għoti ta’ riħa tfuħ, it-tisbiħ (il-bidla fid-dehra), jew għandu jinkludi iktar funzjonijiet speċjali li jagħmluha possibbli li l-proprjetajiet ta’ dan il-prodott kożmetiku jiġu identifikati?

2)

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 […] u l-premessa 46 tal-imsemmi regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa possibbli li jkun hemm informazzjoni, imsemmija fil-paragrafu 1(d), (g) u (f) tal-imsemmi artikolu, bħalma huma prekawzjonijiet, ingredjenti u funzjonijiet, f’katalogu tal-impriża li jkopri wkoll prodotti oħra, billi fuq l-imballaġġ jintwera s-simbolu speċifikat fil-punt 1 tal-Anness VII?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie rreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Settembru 2019.

24.

Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub minn A.M., il-Gvern tal-Belġju, dak tad-Danimarka, dak tal-Greċja, dak tal-Litwanja, dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma tqiesx neċessarju li tinżamm seduta.

IV. Evalwazzjoni

A.   L-ewwel domanda preliminari

25.

Id-dibattitu jiffoka fuq il-kjarifika dwar jekk l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riferiment obbligatorju għall-“funzjoni” tiegħu, li għandu jidher fuq il-kontenituri ( 10 ) jew fuq l-imballaġġ ( 11 ) tal-prodotti kożmetiċi:

jobbliga li jissemma biss, bħala tali funzjoni, wieħed mill-għanijiet indikati fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament ( 12 ); jew

jeżiġi li jingħataw funzjonijiet iktar iddettaljati, b’mod li l-konsumatur ikun jista’ jidentifika l-karatteristiċi jew il-proprjetajiet bażiċi u speċifiċi ta’ kull prodott.

1. Il-funzjoni tal-prodott u l-għanijiet inklużi fid-definizzjoni ta’ “prodott kożmetiku”

26.

Skont l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009, il-prodotti kożmetiċi “jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ tal-prodotti kożmetiċi jkunu juru t-tagħrif li ġej f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa: […] il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, sakemm din ma tkunx ċara mill-preżentazzjoni tiegħu” ( 13 ).

27.

Dan l-artikolu ma jiddefinix il-frażi “funzjoni tal-prodott”; u dan lanqas ma jagħmlu l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1223/2009. Il-punt 1(a) ta’ dan ir-regolament, fl-ispjegazzjoni tiegħu ta’ x’inhu “prodott kożmetiku”, jagħmel riferiment, f’termini ġenerali, għall-“għan” tiegħu.

28.

L-għan jinstab fost l-elementi li l-ġurisprudenza tuża sabiex tillimita l-kunċett ta’ “prodott kożmetiku”. Il-Qorti tal-Ġustizzja qasmet il-kontenut tiegħu billi siltet “tliet kriterji kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, in-natura tal-prodott inkwistjoni (sustanza jew taħlita ta’ sustanzi), it-tieni nett, il-parti tal-ġisem tal-bniedem li magħha huwa intiż li jiġi f’kuntatt dan il-prodott u t-tielet nett, l-għan tal-użu tal-imsemmi prodott” ( 14 ).

29.

In-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża tal-kunċett “funzjoni tal-prodott” iwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tissuġġerixxi ekwivalenza bejn l-“għan tal-prodott” u l-“funzjoni tal-prodott” ( 15 ).

30.

Madankollu, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009 tirriżulta bħala mhux konklużiva, jeħtieġ li wieħed imur lil hinn mill-kontenut letterali tiegħu sabiex jiġi mistħarreġ il-kuntest tiegħu, kif ukoll l-objettivi tal-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha ( 16 ).

31.

Fir-Regolament Nru 1223/2009, l-Artikolu 19 jinstab fil-bidu tal-Kapitolu VI iddedikat għat-“Tagħrif għall-konsumatur”, u jiġbor flimkien ir-regoli tal-ittikkettjar li għandhom jissodisfaw il-kożmetiċi kollha li jiġu kkummerċjalizzati b’mod ħieles fl-Unjoni, sabiex l-informazzjoni meħtieġa tkun ipprovduta lil min jixtrihom.

32.

Il-qari konġunt tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1223/2009 u tat-tielet u r-raba’ premessi tiegħu jirrileva li, bħalma seħħ fil-leġiżlazzjoni preċedenti, l-għan huwa li jiġu armonizzati b’mod eżawrjenti r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni sabiex jiġi stabbilit suq intern għall-prodotti kożmetiċi filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem ( 17 ).

33.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1223/2009 huwa ddedikat għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. L-ewwel punt tiegħu [l-ittri (a) u (b)] jindirizza l-preżentazzjoni u l-ittikkettjar ta’ prodott kożmetiku fil-kuntest tas-sigurtà għas-saħħa tal-bniedem.

34.

Għalhekk, hemm rabta bejn l-objettiv li tiġi żgurata s-sigurtà tal-użu ta’ dawn il-prodotti u r-rekwiżiti relatati mal-preżentazzjoni u l-ittikkettjar tagħhom.

35.

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jinftiehem minn din il-perspettiva doppja. Ir-regoli dwar l-imballaġġ u l-ittikkettjar tal-prodotti kożmetiċi:

jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni ħielsa ġewwa l-Unjoni filwaqt li jiffaċilitaw id-deċiżjonijiet ta’ xiri tal-konsumatur, f’suq ikkaratterizzat minn offerta wiesgħa ta’ prodotti u ta’ alternattivi ta’ għażla;

fl-istess ħin ifittxu li jipproteġu s-saħħa tal-individwi, li tista’ ssirilha ħsara minħabba informazzjoni mhux xierqa jew qarrieqa dwar il-karatteristiċi tal-prodott kożmetiku kkummerċjalizzat ( 18 ).

36.

L-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009 jsegwi pjan differenti meta jagħmel riferiment għall-għanijiet (ġenerali) tal-kożmetiċi. Dan jagħmlu sabiex jistabbilixxi l-limiti tagħhom meta mqabbla ma’ prodotti oħra li jkunu bejn wieħed u ieħor simili (mediċini, prodotti sanitarji) li ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. F’dan is-sens, is-sitt premessa hija espliċita ( 19 ).

37.

Il-Kummissjoni, u f’dan il-punt naqbel magħha, fl-osservazzjonijiet tagħha tenfasizza li l-eżempji tas-seba’ premessa tar-Regolament Nru 1223/2009 ( 20 ) jservu sabiex jiddettaljaw il-kunċett ta’ prodotti kożmetiċi, billi jiddistingwuhom minn oħrajn li huma neqsin minn din in-natura.

38.

L-għanijiet elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009 għaldaqstant ma għandhomx ikunu identifikati bil-“funzjoni tal-prodott” prevista fl-Artikolu 19(1)(f) tal-istess regolament. Kull wieħed minn dawn l-artikoli jservi l-objettivi proprji, li ma jikkoinċidux.

39.

Fil-fehma tiegħi, din it-teżi tikkorrobora l-analiżi tal-oriġini tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009.

40.

Il-formulazzjoni inizjali tad-Direttiva 76/768 ma kinitx tipprevedi l-obbligu li tiġi indikata l-funzjoni tal-prodott kożmetiku fuq l-imballaġġ u lanqas fuq il-kontenituri. Dan ir-rekwiżit kien ġie stabbilit għall-ewwel darba fid-Direttiva 93/35, billi żdiedet l-ittra f mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/768, li kienet timponi l-obbligu li fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott kożmetiku tiġi speċifikata l-funzjoni tal-prodott, sakemm din ma tkunx ċara mill-preżentazzjoni tiegħu.

41.

Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tad-Direttiva 93/35 huwa spjegat li “[b]illi hija meħtieġa trasparenza […] u jekk informazzjoni aħjar għandhiex tingħata lill-konsumatur [sabiex il-konsumatur ikun informat aħjar] […] [u] billi din it-trasparenza għandha tinkiseb bl-indikazzjoni tal-funzjoni tal-prodott”.

42.

Għaldaqstant, l-iskop tal-innovazzjoni leġiżlattiva ma kellu ebda rabta mad-definizzjoni ta’ prodott bħala wieħed kożmetiku (li kienet imsejsa fuq l-għanijiet mill-bidu nett), iżda kellu rabta mal-informazzjoni ddettaljata li kellha tiġi pprovduta lill-konsumatur ( 21 ).

2. Il-“Funzjoni tal-prodott” u l-“klejms[d-dikjarazzjonijiet] tal-prodott”

43.

Minn perspettiva oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk il-“funzjoni tal-prodott” fis-sens tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009 tistax tiġi mqabbla mal-“klejms [dikjarazzjonijiet] tal-prodott” tal-Artikolu 20 tal-istess regolament ( 22 ).

44.

Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1223/2009, il-Kummissjoni għandha tadotta “lista ta’ kriterji komuni għal affermazzjonijiet li jistgħu jintużaw fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi, skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29/KE”.

45.

Dawn id-dikjarazzjonijiet issa huma rregolati fir-Regolament (UE) Nru 655/2013 ( 23 ). Skont it-tieni premessa tiegħu, il-“[p]retensjoniet dwar il-prodott ta’ prodotti kożmetiċi jservu l-aktar biex l-utenti aħħarin jiġu mgħarrfa dwar il-karatteristiċi u l-kwalitajiet tal-prodotti. Dawk il-pretensjonijiet huma modi essenzjali kif wieħed jiddifferenzja bejn il-prodotti.”

46.

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 jikseb kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna:

Japplika mhux biss għall-ittikkettjar iżda wkoll għall-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar tal-kożmetiċi.

Ma huwiex limitat biss għal testi iżda wkoll għal denominazzjonijiet, trade marks, immaġni jew kwalunkwe simbolu, figurattiv jew le.

Meta jipprojbixxi l-attribuzzjoni ta’ “karatteristiċi jew funzjonijiet” lil kożmetiċi li huma nieqsa minnhom, juża t-terminu “funzjonijiet” fil-plural.

47.

Il-“klejms [dikjarazzjonijiet]” tal-Artikolu 20 jipprovdu kwantità ikbar ta’ informazzjoni (“karatteristiċi u kwalitajiet”) sabiex ma jiġux neċessarjament identifikati bil-“funzjoni tal-prodott” (fis-singular) li jagħmel riferiment għaliha l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009.

3. Funzjoni tal-prodott

48.

Fil-fehma tiegħi, l-għan tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009 huwa li fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ titqiegħed l-iktar “funzjoni” karatteristika tal-prodott, jiġifieri, dik li tippermetti lill-konsumatur jagħraf, mall-ewwel, għalxiex iservi b’mod partikolari, mingħajr ma jqiegħed f’riskju s-saħħa tiegħu.

49.

Din l-interpretazzjoni hija appoġġjata mill-fatt li d-deskrizzjoni tal-funzjoni tal-prodott kożmetiku tista’ titħalla barra meta “tkun ċara mill-preżentazzjoni tiegħu”. Jekk, evidentement, minħabba s-sempliċi preżentazzjoni tal-prodott, il-konsumatur ikun jaf x’inhi l-funzjoni karatteristika tiegħu, ma jkunx għadu essenzjali li din tkun tidher fuq il-kontenitur jew fuq l-imballaġġ tiegħu ( 24 ).

50.

Interpretata b’dan il-mod, il-“funzjoni” għandha titqiegħed f’post intermedju bejn is-sempliċi għanijiet tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009 u d-dikjarazzjonijiet iktar wiesgħa tal-Artikolu 20 tiegħu:

L-interpretazzjoni tagħha ma tistax titnaqqas sabiex tesprimi jekk il-prodott inaddafx, ifewwaħx, jibdilx id-dehra tal-ġisem, jipproteġihx jew iżommux f’kundizzjoni tajba, jew jikkoreġix l-irwejjaħ tal-ġisem, peress li dawn l-għanijiet ġenerali tal-prodotti kożmetiċi, li jiddistingwu lil dawn tal-aħħar minn oħrajn li huma bejn wieħed u ieħor simili, għandhom densità ta’ informazzjoni minima għall-konsumatur.

Ma huwiex meħtieġ li jiġu speċifikati l-karatteristiċi u l-kwalitajiet kollha (dikjarazzjonijiet) tal-prodott kożmetiku peress li mill-perspettiva tal-funzjonalità tiegħu jkun eċċessiv li jiġu inklużi fuq kontenitur u fuq l-imballaġġ.

51.

Nirrepeti, li fuq il-kontenitur jew fuq l-imballaġġ tintwera l-“funzjoni tal-prodott” fis-sens tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament, huwa l-istess bħal meta tiġi deskritta l-karatteristika jew il-karatteristiċi ewlenin li jippermettu lill-konsumatur ikun jaf xi jkun l-użu primarju tiegħu. B’dan il-mod ikun jista’ jagħżel, b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża, minn firxa wiesgħa ta’ kożmetiċi, dak li huwa l-iktar xieraq għall-ħtiġijiet tiegħu mingħajr ma jiġi mqarraq jew mingħajr ma jġarrab xi effetti negattivi fuq is-saħħa tiegħu minħabba l-għażla tiegħu.

52.

L-Artikolu 19 tar-Regolament jimponi, bħalma diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, li fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ jidher grupp numeruż ta’ informazzjoni b’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u viżibbli (punt 1). Madankollu, jippermetti li minħabba l-kumplessità tiegħu, uħud minnhom (dawk ikkunsidrati fil-punt 1(d) u (g), li jikonċernaw il-prekawzjonijiet partikolari tal-użu u l-lista ta’ ingredjenti), jistgħu jsiru permezz ta’ mezzi oħra (punt 2).

53.

Huwa sinjifikattiv li t-twissija dwar il-“funzjoni” ma tinstabx fost l-informazzjoni eżentata milli tidher, b’mod speċifiku, fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ ( 25 ). L-inklużjoni tagħha fihom hija obbligatorja (ħlief l-ipoteżi msemmija iktar ’il fuq) fi kwalunkwe każ.

54.

Il-varjetà kbira ta’ prodotti kożmetiċi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1223/2009 ma tippermettix li jiġi stabbilit a priori kif għandha tiġi indikata l-funzjoni fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ. Kull manifattur huwa liberu li jagħżel il-modalitajiet ta’ informazzjoni li huma l-iktar xierqa għall-istrateġija kummerċjali tiegħu.

55.

Madankollu, inqis li billi tiġi espressa “l-funzjoni” fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ, għal raġunijiet prattiċi u sabiex jiġi ffaċilitat l-għan tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1223/2009, għandu jiġi żgurat li d-deskrizzjoni tagħha tkun sempliċi b’mod li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, il-konsumatur ikun jista’ jagħraf faċilment in-natura tal-prodott.

56.

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-aspettattiva tal-konsumatur medju, normalment ikun informat u raġonevolment attent u prudenti ( 26 ). Il-perċezzjoni ta’ dan il-konsumatur tissodisfa “kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli”, kif jindika l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1223/2009 meta jagħmel riferiment għall-kummerċjalizzazzjoni sikura għas-saħħa tal-bniedem.

57.

Il-karatteristiċi u l-proprjetajiet ta’ kull prodott għandhom ikunu ddeterminanti f’kull każ sabiex jiġi żgurat li l-utent ikun jaf eżattament xi jkun qiegħed jixtri. Jekk ikun ammissibbli, b’mod eċċezzjonali, li l-kontenituri u l-imballaġġ ma jurux il-funzjoni tal-prodott meta din tkun ċara mill-preżentazzjoni tiegħu ( 27 ), ninsisti li fil-bqija tal-każijiet, din l-indikazzjoni għandha tiġi ddikjarata b’mod preskrittiv.

58.

Essenzjalment, kollox ser jiddependi mill-ħila kbira jew żgħira tal-manifattur sabiex iqassar fi ftit kliem xi tkun il-funzjoni karatteristika tal-prodott, b’mod li l-individwu li jixtrih ma jkunx f’riskju ta’ konfużjoni jew li jikkoprometti s-saħħa tiegħu meta japplika (jew anki meta jibla’) kożmetiċi li n-natura tagħhom ma tkunx magħrufa.

59.

Ser inżid li l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009 jikkonċerna l-lingwa użata fl-ittikkettjar. L-għan tiegħu huwa li l-konsumatur tal-Istat Membru fejn jiġi kkummerċjalizzat il-prodott jirċievi informazzjoni li tinftiehem dwar il-funzjoni tiegħu.

60.

Huwa minnu li r-rekwiżiti lingwistiċi u l-ħtieġa konsegwenti li tiġi adattata l-informazzjoni li tinstab fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ jinbidlu f’“ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju”. Madankollu, dan l-ostakolu “huwa ġġustifikat […] mill-għan ta’ interess ġenerali li jikkostitwixxi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika” ( 28 ).

61.

Għaldaqstant, il-“funzjoni tal-prodott” għandha tiġi ddikjarata fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ, bil-lingwa stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn qiegħed jiġi kkummerċjalizzat, mingħajr ma l-ispejjeż u d-diffikultajiet inerenti għat-traduzzjonijiet jew għall-ittikkettjar mill-ġdid tal-kożmetiċi importati jkunu rilevanti għal dan l-għan.

B.   It-tieni domanda preliminari

62.

Kif tennejt diġà, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 jistabbilixxi li l-informazzjoni li jagħmel riferiment għaliha ( 29 ), fil-prinċipju għandha tidher fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ.

63.

Skont il-premessa 46 ( 30 ), l-Artikolu 19(2) jawtorizza, madankollu, permezz ta’ deroga ( 31 ), li l-informazzjoni dwar l-ingredjenti u ċerti prekawzjonijiet partikolari ta’ użu [punt 1(d) u (g)] tkun espressa barra mill-kontenitur u mill-imballaġġ.

64.

F’dawn iż-żewġ każijiet ( 32 ), l-informazzjoni korrispondenti għandha tkun riflessa fuq “fuljett, tikketta, tejp, lametta jew biljett inkluż jew mehmuż [mal-prodott]” ( 33 ).

65.

Il-preżunzjoni tal-bidu għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni hija li “ma jkunx possibbli għal raġunijiet prattiċi li l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (g) tal-paragrafu 1 titpoġġja fuq it-tikketta kif previst”. Minħabba din iċ-ċirkustanza, l-artikolu jippermetti li din l-informazzjoni tiġi inkorporata fi kwalunkwe wieħed mill-mezzi l-oħra li għadni kif semmejt ( 34 ).

66.

Fil-kawża inkwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, ladarba tistabbilixxi l-punti fattwali li hija stess tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tevalwa, jekk l-inklużjoni tal-informazzjoni f’katalogu, miktub bil-Pollakk, tosservax ir-regoli msemmija iktar ’il fuq.

67.

Min-naħa tiegħi, naqbel mal-Gvernijiet li intervjenew f’din it-tilwima, kif ukoll ma’ A.M. u mal-Kummissjoni, li l-indikazzjonijiet kollha juru li dan il-katalogu ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009.

68.

L-argumenti li jsostnu din l-evalwazzjoni huma ħafna.

69.

L-ewwel nett, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-“impossibbiltà fil-prattika” tinħoloq minħabba diffikultà teknika insuperabbli, marbuta, pereżempju, mad-dimensjonijiet tal-kontenituri jew tal-imballaġġ ( 35 ). Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikklassifika lil dawk ta’ din il-kawża bħala problemi li nħolqu min-natura importata tal-kożmetiċi, ta’ natura organizzattiva u finanzjarja, relatati mat-traduzzjoni tal-informazzjoni u l-operazzjonijiet tal-ittikkettjar mill-ġdid.

70.

Prova addizzjonali li din l-impossibbiltà ma teżistix hija li, bħalma jenfasizza l-Gvern Daniż, l-informazzjoni meħtieġa kienet tinsab miktuba b’mod xieraq fuq l-imballaġġ u fuq il-kontenitur, għalkemm bil-lingwa Ingliża u mhux bil-Pollakk, skont id-digriet tar-rinviju.

71.

It-tieni nett, bil-preżunzjoni (quod non) li din l-impossibbiltà kienet preżenti fil-prattika, il-katalogu huwa ppreżentat bħala element li jiġi pprovdut separatament, b’mod li lanqas jista’ jiġi meqjus bħala dokument “inkluż jew mehmuż” mal-prodott mibjugħ ( 36 ).

72.

It-tielet nett, il-katalogu jidher li fih deskrizzjoni tal-prodotti tal-firxa offruta mill-manifattur u, għaldaqstant, ma huwiex assoċjat b’mod esklużiv ma’ wieħed minnhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsultazzjoni tiegħu mill-konsumatur tista’ tinvolvi r-riskju ta’ żbalji fl-għażla tiegħu billi jitfixkel xi prodotti ma’ oħrajn.

73.

Essenzjalment, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar l-aspetti fattwali rilevanti, inqis li r-riferiment għall-“katalogu tal-impriża” fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma huwiex konformi mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009.

V. Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li jingħataw ir-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) f’dawn it-termini:

“1)

L-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“funzjoni tal-prodott” ma tikkorrispondix għall-għanijiet indikati fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tal-istess regolament. Meta tiġi deskritta din il-funzjoni fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ għandhom jidhru l-karatteristika jew il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, li jippermettu lill-konsumatur ikun jaf, mal-ewwel daqqa ta għajn, liema hu l-għan jew l-użu ewlieni tiegħu.

2)

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(d), (g) u (f) ta’ dan l-artikolu, dwar il-prekawzjonijiet tal-użu, il-funzjoni u l-lista tal-ingredjenti, f’katalogu ta’ impriża li jiġi pprovdut indipendentement mill-prodott kożmetiku mibjugħ u li jinkludi wkoll prodotti oħra, billi fuq l-imballaġġ jiġi inkluż biss is-simbolu msemmi fil-punt 1 tal-Anness VII tal-imsemmi regolament.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU 2009, L 342, p. 59, bir-Rettifika fil-ĠU 2017, L 342, p. 12).

( 3 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Colena (C‑321/14, EU:C:2015:540), dwar il-klassifikazzjoni tal-lentijiet tal-kuntatt bħala prodotti kożmetiċi; tal‑21 ta’ Settembru 2016, European Federation for Cosmetic Ingredients (C‑592/14, EU:C:2016:703), dwar l-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ testijiet fuq l-annimali; u tat‑12 ta’ April 2018, Fédération des entreprises de la beauté (C‑13/17, EU:C:2018:246), dwar il-klassifikazzjoni ta’ min jevalwa dawn il-prodotti.

( 4 ) Jiġifieri, id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas‑27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 3, p. 285), fil-verżjoni tagħha emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 93/35/KEE tal‑14 ta’ Ġunju 1993 li temenda għas-sitt darba d-Direttiva 76/768/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 75).

( 5 ) B’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1999, Unilever (C‑77/97, EU:C:1999:30); tat‑13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C‑220/98, EU:C:2000:8); tat‑13 ta’ Settembru 2001, Schwarzkopf (C‑169/99, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Schwarzkopf, EU:C:2001:439); u tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl (C‑99/01, EU:C:2002:618).

( 6 ) L-azzjoni ta’ dan kollu ġie spjegat lil A.M., permezz ta’ dokumentazzjoni miktuba bil-Pollakk u ta’ fuljetti għall-bejgħ bl-imnut ta’ kull prodott. Hija rċeviet id-dokumenti korrispondenti għat-taħriġ u ġiet mgħarrfa li kull prodott kożmetiku kellu stampat fuqu s-simbolu ta’ “id bi ktieb” li jagħmel riferiment għal katalogu sseparat tal-impriża, miktub bil-Pollakk (dawn kienu prodotti mill-Istati Uniti), mingħajr traduzzjoni għall-Pollakk tat-testi tal-ittikkettjar.

( 7 ) L-ammont gross tal-prodotti kien jitla’ għal 3184,25 zloty (PLN).

( 8 ) Il-Liġi tat‑23 ta’ April 1964 dwar il-Kodiċi ċivili, fil-verżjoni emendata tagħha (ustawa z dnia 23 kwietnia 1964 r. Kodeks cywilny) (Dz.U. de 2018, poz. 1025).

( 9 ) Fis-sentenza tagħha, iddikjarat li, wara li r-rikorrenti rrikonoxxiet li ż-żewġ partijiet kienu kkollaboraw preċedentement, ma kinitx kredibbli t-teżi tagħha li, sal-mument tar-riċezzjoni tal-merkanzija, ma kinitx taf li l-ittikkettjar ma kienx bil-Pollakk.

( 10 ) Il-“kontenituri” normalment jikkonsistu f’vażetti tal-ħġieġ, vażetti akriliċi jew tal-aluminju, tubi tal-plastik, sprejs, aerosols, dispensers manwali u għodda oħra li hija bejn wieħed u ieħor simili, li jkunu mimlijin bil-prodotti kożmetiċi b’mod li jippreservaw l-istabbiltà tagħhom matul iż-żmien mingħajr ma ssirilhom ħsara.

( 11 ) It-terminu “imballaġġ” tal-prodott kożmetiku għandu jinftiehem bħala l-ippakkjar ta’ barra (kaxxa jew oġġett ieħor simili) li fih jinsab il-kontenitur jew, b’mod dirett, il-prodott. Fis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 82), tintuża l-espressjoni “imballaġġ estern”. L-Avukat Ġenerali Jaaskinen, fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża (C‑324/19, EU:C:2010757, punti 72 u 74), tkellem ukoll dwar l-“imballaġġ ta’ barra”.

( 12 ) Dawn l-għanijiet, li jagħmlu riferiment għall-partijiet superfiċjali tal-ġisem tal-bniedem jew għas-snien jew għall-mukoża tal-ħalq, huma biex: “tnaddafhom, tfewwaħhom, tbiddel id-dehra tagħhom, tħarishom, iżżommhom f’kundizzjoni tajba jew tikkoreġi l-irwejjaħ tal-ġisem”.

( 13 ) F’dan ir-rigward, jidher li hemm disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti. Filwaqt li, pereżempju, fil-verżjoni Franċiża, dik Ingliża jew dik Portugiża jiżdied l-avverbju “b’mod ċar” (sauf si cela ressort clairement de sa présentation; unless it is clear from its presentation; salvo se esta decorrer claramente da respectiva apresentação), fil-verżjoni Spanjola, dik Taljana jew dik Ġermaniża, dan l-avverbju ma jidhirx (salvo se risulta dalla sua presentazione; sofern dieser sich nicht aus der Aufmachung dessen ergibt). Għaldaqstant ma nemminx li dawn id-diskrepanzi huma rilevanti f’din il-kawża.

( 14 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Colena (C‑321/14, EU:C:2015:540, punt 19).

( 15 ) Il-Gvern Pollakk biss jappoġġja dan l-approċċ: il-funzjoni tal-prodott tikkorrispondi għal kwalunkwe waħda mill-għanijiet elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1223/2009.

( 16 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, D. U G. (C‑358/13 u C‑181/14, EU:C:2014:2060, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.).

( 17 ) Sentenzi Schwarzkopf, punti 27 u 28; u tal-24 ta’ Jannar 2008, Roby Profumi (C‑257/06, EU:C:2008:35), punti 1617. B’rabta mar-Regolament Nru 1223/2009, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Fédération des entreprises de la beauté (C‑13/17, EU:C:2018:246, punti 23 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb (C‑315/92, EU:C:1994:34, punt 15).

( 19 )

( 20 )

( 21 ) Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/768, il-Qorti tal-Ġustizzja orjentat il-“funzjoni tal-prodott” lejn dan il-qasam, billi assoċjatha mal-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L-Oréal etC‑324/09, EU:C:2011:474, punt 76).

( 22 ) Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tiċċitax dan l-artikolu, ir-Regolament Nru 1223/2009, f’dan l-artikolu joffri l-possibbiltajiet li l-qorti tagħmel riferiment għalihom fid-digriet tagħha. Il-Kummissjoni tindirizzahom fl-osservazzjonijiet tagħha.

( 23 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 655/2013 tal‑10 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi kriterji komuni għall-ġustifikazzjoni ta’ pretensjonijiet użati fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi (ĠU 2013, L 190, p. 31).

( 24 ) Dan jista’ jseħħ f’xi tipi ta’ kożmetiċi li jkunu partikolarment sempliċi jew f’forom ċari. Fl-osservazzjonijiet tad-Danimarka (punt 25) jingħata bħala eżempju lapes tax-xofftejn.

( 25 ) Jekk tkun biss fuq l-imballaġġ u mhux fuq il-kontenitur, meta jintrema l-imballaġġ ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi ddistingwita l-funzjoni tal-prodott, u dan jippreżenta riskji għall-użu ulterjuri tiegħu.

( 26 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C‑220/98, EU:C:2000:8, punt 27); u tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl (C‑99/01, EU:C:2002:618, punt 31).

( 27 ) Ara l-punt 49 u n-nota 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Sentenza Schwarzkopf, punt 39. Fil-punt 40 jispjega li “l-informazzjoni li l-manifatturi jew id-distributuri ta’ prodotti kożmetiċi li [għalihom] tagħmel riferiment id-Direttiva 76/768 emendata, huma obbligati li jqiegħdu fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott, ħlief meta din tkun tista’ tiġi trażmessa b’mod effikaċi bl-użu ta’ pittogrammi jew sinjali oħra għajr il-kliem, ma hija ta’ ebda użu prattiku jekk ma tkunx miktuba b’lingwa li tinftiehem għall-individwi fil-mira tal-prodotti”.

( 29 ) Dawn jinkludu l-identità tal-individwu responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni, il-kompożizzjoni tal-prodott (kontenut u lista ta’ ingredjenti), it-twissijiet dwar l-użu tiegħu (funzjoni u prekawzjonijiet partikolari tal-użu) jew dwar il-konservazzjoni tiegħu (data ta’ durabbiltà minima) u n-numru tal-lott tal-fabbrikazzjoni jew ir-riferiment li jippermetti l-identifikazzjoni tiegħu (din id-data tista’, f’ċirkustanzi speċjali, tidher biss fuq l-imballaġġ).

( 30 ) Skont din il-premessa, għandha tidher “[l]-indikazzjoni tal-ingredjenti użati fi prodott kożmetiku fuq l-imballaġġ tiegħu. Fejn għal raġunijiet prattiċi huwa impossibbli li jindikaw l-ingredjenti fuq il-kontenitur jew l-imballaġġ, din l-informazzjoni għandha tkun magħluqa mal-prodott hekk li l-konsumatur jista’ jkollu aċċess għal din l-informazzjoni”.

( 31 ) Bħala tali eċċezzjonijiet, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenza Schwarzkopf, punt 31).

( 32 ) L-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 1223/2009 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-eċċezzjoni fir-rigward tal-ingredjenti, meta minħabba raġunijiet prattiċi, lanqas ikun possibbli l-użu tal-għażla fil-punt 2. F’din is-sitwazzjoni, l-informazzjoni tista’ tinstab f’“avviż jew qrib ħafna tal-kontenitur li fih il-prodott kożmetiku jkun espost għall-bejgħ”. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx l-informazzjoni relatata mal-ingredjenti: dawn huma llimitati għal jekk, f’din il-kawża, katalogu jistax iservi bħala “fuljett, tikketta, tejp, lametta jew biljett inkluż jew mehmuż [mal-prodott]”.

( 33 ) Għal darba oħra jidher li hemm diskrepanzi lingwistiċi fil-formulazzjoni tar-regola: b’hekk, fil-Franċiż, Ġermaniż, Taljan jew Portugiż hemm allużjoni għall-“prodott”, filwaqt li fl-Ispanjol jew l-Ingliż, ma hemmx din l-allużjoni għalkemm hija implikata.

( 34 ) Il-forma li biha l-konsumatur jiġi mgħarraf li hemm “[r]referenza għall-informazzjoni mehmuża” titwettaq permezz tal-istampar tas-simbolu ta’ id li qiegħda tipponta lejn ktieb miftuħ (ara l-Anness VII, li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009).

( 35 ) Dan huwa l-każ fi “[…] il-każijiet fejn ir-riproduzzjoni sħiħa tat-twissijiet preskritti tkun oġġettivament possibbli, iżda biss għall-ispiża tal-użu ta’ karattri ta’ daqs tant żgħir li jkunu kważi illeġġibbli, kif ukoll il-każijiet fejn it-twissijiet sħaħ, stampati f’karattri leġġibbli, jgħattu kważi l-prodott kollu b’mod li l-manifattur ma jkunx għadu jista’ jirriproduċi b’mod ċar id-denominazzjoni fuq il-prodott jew data oħra relatata miegħu” (sentenza Schwarzkopf, punti 32 u 33).

( 36 ) Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-katalogu kellu jiġi kkonsultat fil-punt tal-bejgħ jew jinxtara separatament. Bħalma jiddikjara l-Gvern Litwan, huwa dubjuż li n-numru ta’ katalogi akkwistati mir-rikorrenti (10), li hemm riferiment għalih f’dan id-digriet, kien jippermetti li jingħata wieħed għal kull unità ta’ prodott.

Top