Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0638

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 2021.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs European Food SA et.
    Appell – Għajnuna mill‑Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Trattat bilaterali ta’ investiment – Klawżola ta’ arbitraġġ – Ir‑Rumanija – Adeżjoni mal‑Unjoni Ewropea – Tħassir ta’ skema ta’ inċentivi fiskali qabel l‑adeżjoni – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti l‑ħlas ta’ danni wara l‑adeżjoni – Deċiżjoni tal‑Kummissjoni Ewropea li tiddikjara li dan il‑ħlas jikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas‑suq intern u li tordna l‑irkupru tiegħu – Kompetenza tal‑Kummissjoni – Applikazzjoni ratione temporis tad‑dritt tal‑Unjoni – Determinazzjoni tad‑data li fiha l‑benefiċjarju jingħata d‑dritt li jirċievi l‑għajnuna – Artikolu 19 TUE – Artikoli 267 u 344 TFUE – Awtonomija tad‑dritt tal‑Unjoni.
    Kawża C-638/19 P.

    ; Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:529

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fl‑1 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

    Kawża C‑638/19 P

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    vs

    European Food SA,

    Starmill SRL,

    Multipack SRL,

    Scandic Distilleries SA,

    Ioan Micula,

    Viorel Micula,

    European Drinks SA,

    Rieni Drinks SA,

    Transilvania General Import‑Export SRL,

    West Leasing SRL, li kienet West Leasing International SRL

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Arbitraġġ – Għajnuna li tirriżulta mill-ħlas ta’ danni mogħtija lil ċerti operaturi ekonomiċi minn tribunal ta’ arbitraġġ – Trattat bilaterali ta’ investiment – Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”

    I. Introduzzjoni

    1.

    L-iskontru mqanqal bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-arbitraġġ dwar l-investimenti qajjem diversi kwistjonijiet li s-sentenza Achmea ( 2 ) ma kinitx suffiċjenti sabiex tirriżolvi. Din il-kawża, li hija rappreżentattiva ta’ din ir-relazzjoni ta’ kunflitt, għalhekk toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni tajba sabiex, filwaqt li titfakkar il-loġika li fuqha hija bbażata dik is-sentenza, jiġu speċifikati f’iktar dettall il-prinċipji li jirregolaw il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-proċeduri ta’ arbitraġġ ibbażati fuq trattati bilaterali ta’ investiment konklużi bejn żewġ Stati Membri, fil-kuntest partikolari ta’ proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ trattat bilaterali ta’ investiment konkluż bejn żewġ Stati Membri qabel l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Istat parti fl-arbitraġġ.

    2.

    Filwaqt li tinsab f’salib it-toroq bejn l-arbitraġġ dwar l-investimenti u d-dritt tal-għajnuna mill-Istat, din il-kawża tikkostitwixxi wkoll opportunità sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-portata tal-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea taħt l-Artikoli 107 u 108 TFUE f’tali kuntest.

    3.

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ġunju 2019, European Food SA et vs Il‑Kummissjoni (T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:423), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat‑30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq. implimentata mir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2015, L 232, p. 43, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Il-Konvenzjoni dwar l-ICSID

    4.

    Il-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra tat‑18 ta’ Marzu 1965 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-ICSID”), li daħlet fis-seħħ fir-rigward tar-Rumanija fit‑12 ta’ Ottubru 1975, tistabbilixxi, fl-Artikolu 53(1) tagħha:

    “Id-deċiżjoni tkun torbot liż-żewġ partijiet u ma tkunx tista’ tiġi appellata jew tkun suġġetta għal xi rimedju ieħor ħlief hekk kif hemm provdut f’din il-Konvenzjoni. Kull parti għandha tħares u twettaq il-kondizzjonijiet tad-deċiżjoni […]”

    5.

    L-Artikolu 54(1) tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID jipprovdi:

    “Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi deċiżjoni mogħtija skont din il-Konvenzjoni bħala vinkolanti u jinforza l-obbligi finanzjarji imposti b’dik id-deċiżjoni fi ħdan it-territorji tiegħu daqs li kieku kienet sentenza finali ta’ qorti f’dak l-Istat […]”.

    B. Il-Ftehim tal‑1995

    6.

    Il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ekonomiċi Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1995”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 1995, kien jipprovdi, fl-Artikolu 64(1) u (2) tiegħu:

    “1.   Dawn li jmiss huma inkompatibbli mal-funzjonament xieraq ta’ dan il-Ftehim, sakemm huma ma jaffetwawx [sa fejn jaffettwaw il‑]kummerċ bejn il-Komunità u r-Rumanija:

    […]

    (iii)

    kull għajnuna pubblika li tfixkel jew thedded li tfixkel kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti.

    2.   Kull prattika li hija kontra dan l-Artikolu għandha tiġi stmata fuq il-bażi ta’ kriterja li jiġu minn applikazzjoni tar-regolamenti ta’ l-Artikolu [Artikoli 101, 102 u 107 TFUE]”.

    7.

    L-Artikoli 69 u 71 tal-Ftehim tal‑1995 kienu jimponu fuq ir-Rumanija li tikkonforma l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-acquis Komunitarju.

    C. Il-BIT

    8.

    It-Trattat Bilaterali ta’ Investiment konkluż fid-29 ta’ Mejju 2002 bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u l-Gvern Rumen għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka ta’ Investimenti (iktar ’il quddiem il-“BIT”), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2003 u jipprovdi, fl-Artikolu 2(3) tiegħu:

    “Kull parti kontraenti għandha tiżgura f’kull mument trattament ġust u ekwu għall-investimenti ta’ investituri tal-parti kontraenti l-oħra u ma tostakolax, permezz ta’ miżuri arbitrarji jew diskriminatorji, l-amministrazzjoni, il-ġestjoni, iż-żamma, l-użu, it-tgawdija jew it-trasferiment tal-imsemmija investimenti mill-imsemmija investituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    9.

    L-Artikolu 7 tal-BIT jipprovdi li t-tilwim bejn l-investituri u l-pajjiżi firmatarji huma rregolati, b’mod partikolari, minn tribunal ta’ arbitraġġ imqiegħed taħt il-patroċinju tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID.

    D. It-Trattat ta’ Adeżjoni u l-Att ta’ Adeżjoni

    10.

    Bis-saħħa tat-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea ( 4 ), iffirmat fil‑25 ta’ April 2005, ir-Rumanija aderixxiet mal-Unjoni b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2007.

    11.

    L-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea ( 5 ) (iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”) jistabbilixxi:

    “Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet […] qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu […] lir-Rumanija u għandhom japplikaw [f’dak l-Istat] bil-kondizzjonijiet kif elenkati f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

    12.

    Il-Kapitolu 2 tal-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni, intitolat “Politika dwar il-kompetizzjoni”, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    “1.

    L-iskemi ta’ għajnuna li ġejjin u l-għajnuna individwali li bdew isseħħu fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom applikabbli wara dik id-data għandhom jiġu meqjusa, ma’ l-adeżjoni, bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ l-Artikolu [108](1) [TFUE]:

    (a)

    miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994;

    (b)

    miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi għal dan l-Anness;

    (ċ)

    miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data ta’ l-adeżjoni kienu valutati mill-awtorità, ta’ l-Istat Membru l-ġdid, li tissorvelja l-għajnuna mill-Istat u nstabu kompatibbli ma’ l-acquis, u li dwarhom il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubbji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq [intern], skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2.

    Kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data ta’ l-adeżjoni li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti hawn fuq għandha, ma’ l-adeżjoni, tiġi meqjusa bħala għajnuna ġdida għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE].

    […]

    5.

    Fir-rigward tar-Rumanija, il-paragrafu 1(ċ) għandu japplikaw biss għal miżuri ta’ għajnuna valutati mill-awtorità Rumena li tissorvelja l-għajnuna mill-Istat wara tali data, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni iddeċidiet, abbażi ta’ monitoraġġ kontinwu ta’ l-impenji assunti mir-Rumanija fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni, li l-prestazzjoni Rumena fl-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni laħqet livell sodisfaċenti. Tali livell sodisfaċenti għandu jiġi kunsidrat bħala milħuq biss ladarba r-Rumanija turi l-applikazzjoni konsistenti ta’ kontroll sħiħ u adegwat fuq l-għajnuna mill-Istat relattivament għall-miżuri kollha ta’ għajnuna mogħtija fir-Rumanija, inklużi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ deċizjonijiet motivati kompletament u korrettament mill-awtorità Rumena li tissorvelja l-għajnuna mill-Istat li jkun fihom valutazzjoni preċiża tan-natura ta’ l-għajnuna Statali ta’ kull miżura u applikazzjoni korretta tal-kriterji ta’ kompatibbiltà.

    Il-Kummissjoni tista’ toġġezzjona, abbażi ta’ dubbji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni, għal kwalunkwe miżura ta’ għajnuna mogħtija fil-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni bejn l‑1 ta’ Settembru 2004 u d-data ffissata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ hawn fuq li sabet li l-prestazzjoni ta’ l-infurzar laħqet livell sodisfaċenti. Tali deċiżjoni tal-Kummissjoni li toġġezzjona għal xi miżura għandha titqies bħala deċiżjoni biex tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 [ ( 6 )]. Jekk tali deċiżjoni tittieħed qabel id-data ta’ l-adeżjoni, id-deciżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss fid-data ta’ l-adeżjoni.

    Fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni negattiva wara l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li r-Rumanija għandha tieħu kull miżura neċessarja biex tirkupra effettivament l-għajnuna mill-benefiċjarju. L-għajnuna li għandha tiġi irkuprata għandha tinkludi imgħax b’rata adatta determinata skond ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 [ ( 7 )], u li għandu jitħallas mill-istess data.”

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    13.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 42 tas-sentenza appellata u, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    14.

    Fit‑2 ta’ Ottubru 1998, l-awtoritajiet Rumeni adottaw l-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza Nru 24/1998 (iktar ’il quddiem l-“EGO 24”), li tagħti lil ċerti investituri f’reġjuni żvantaġġati li kisbu ċertifikat ta’ investitur permanenti, sensiela ta’ inċentivi, fosthom, b’mod partikolari, faċilitajiet bħall-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq makkinarju, ir-rimbors tad-dazji doganali fuq materja prima, kif ukoll l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji sa fejn iż-żona kkonċernata kienet meqjusa li kienet reġjun żvantaġġat.

    15.

    Permezz tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 1999, applikabbli mill‑1 ta’ April 1999, il-Gvern Rumen iddikjara ż-żona tal-minjieri ta’ Ștei‑Nucet, kontea ta’ Bihor, bħala reġjun żvantaġġat għal 10 snin.

    16.

    Sabiex tosserva l-obbligu ta’ allineament tagħha previst mill-Ftehim tal‑1995, ir-Rumanija adottat fl‑1999 il-Liġi Nru 143/1999 dwar l-Għajnuna mill-Istat, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2000. Din il-liġi, li kienet tirriproduċi d-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 64 tal-Ftehim tal‑1995 u fl-attwali Artikolu 107 TFUE, indikat lill-Consiliul Concurenţei (il-Kunsill għall-Kompetizzjoni, ir-Rumanija) bħala awtorità nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tal-għajnuna mill-Istat, kompetenti sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Rumanija lill-impriżi.

    17.

    Fil‑15 ta’ Mejju 2000, il-Kunsill għall-Kompetizzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 244/2000 li permezz tagħha stabbilixxa li diversi inċentivi mogħtija mill-EGO 24 kellhom jitqiesu li kienu għajnuna mill-Istat u kellhom jitħassru.

    18.

    Fl‑1 ta’ Lulju 2000, l-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza Nru 75/2000 emendat l-EGO 24 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“EGO”).

    19.

    Fil-kuntest tal-appell tiegħu quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), il-Kunsill għall-Kompetizzjoni kkontesta l-fatt li, minkejja l-adozzjoni tal-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza Nru 75/2000, id-Deċiżjoni tiegħu Nru 244/2000 ma kinitx ġiet implimentata. Dak l-appell ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2001 u din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2002.

    20.

    Ioan u Viorel Micula, rikorrenti fl-ewwel istanza, huma ċittadini Svediżi residenti fir-Rumanija u l-azzjonisti maġġoritarji tal-kumpannija European Food and Drinks Group, li l-attività tagħha tirrigwarda l-produzzjoni ta’ ikel u xorb fir-reġjun ta’ Ștei‑Nucet, kontea ta’ Bihor (ir-Rumanija). Il-kumpanniji European Food SA, Starmill SRL, Multipack SRL, Scandic Distilleries SA, European Drinks SA, Rieni Drinks SA, Transilvania General Import-Export SRL u West Leasing SRL (li kienet West Leasing International SRL), huma wkoll rikorrenti fl-ewwel istanza, li jappartjenu lill-kumpannija European Food and Drinks Group.

    21.

    Fuq il-bażi taċ-ċertifikati ta’ investituri permanenti, miksuba fl‑1 ta’ Ġunju 2000 minn European Food u, fis‑17 ta’ Mejju 2002, minn Starmill u Multipack, dawn il-kumpanniji għamlu investimenti fiż-żona tal-minjieri ta’ Ștei‑Nucet.

    22.

    Fi Frar 2000, ir-Rumanija bdiet in-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ dawn in-negozjati, l-Unjoni, fil-pożizzjoni komuni tal‑21 ta’ Novembru 2001, ikkonstatat l-eżistenza fir-Rumanija ta’ “numru ta’ skemi ta’ għajnuna inkompatibbli eżistenti kif ukoll ġodda li ma nġabux konformi mal-acquis”, inklużi l-“faċilitajiet ipprovduti taħt l-[EGO]”.

    23.

    Fis‑26 ta’ Awwissu 2004, filwaqt li speċifikat li “[s]abiex jiġu ssodisfati l-kriterji fir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, u anki sabiex jitlestew in-negozjati skont il-Kapitolu Nru 6 (Politika dwar il-Kompetizzjoni), [kien] neċessarju li jiġu eliminati l-forom kollha ta’ għajnuna mill-Istat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li [kienu] inkompatibbli mal-acquis communautaire f’dan il-qasam”, ir-Rumanija ħassret l-inċentivi kollha mogħtija skont l-EGO, bl-eċċezzjoni tal-faċilità għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Dan it-tħassir daħal fis-seħħ fit‑22 ta’ Frar 2005.

    24.

    Fl‑1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija aderixxiet mal-Unjoni.

    25.

    Fit‑28 ta’ Lulju 2005, ħamsa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri Ioan u Viorel Micula, European Food, Starmill u Multipack (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fl-arbitraġġ”) talbu l-istabbiliment ta’ tribunal ta’ arbitraġġ, skont l-Artikolu 7 tal-BIT, sabiex jiksbu kumpens għad-danni kkawżati mit-tħassir tal-inċentivi previsti mill-EGO.

    26.

    Permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”), it-tribunal ta’ arbitraġġ ikkonkluda li, billi ħassret l-inċentivi previsti mill-EGO, ir-Rumanija ma rnexxilhiex tiżgura trattament ġust u ekwu tal-investimenti u ta lir-rikorrenti fl-arbitraġġ danni dovuti mir-Rumanija fl-ammont ta’ 791882452 leu Rumen (RON) (madwar EUR 178 miljun).

    27.

    Fil‑31 ta’ Jannar 2014, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lill-awtoritajiet Rumeni li kwalunkwe implimentazzjoni jew eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tkun tikkostitwixxi għajnuna ġdida u trid tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

    28.

    Fl‑20 ta’ Frar 2014, l-awtoritajiet Rumeni informaw lid-dipartimenti tal-Kummissjoni bil-ħlas ta’ parti mid-danni li t-tribunal ta’ arbitraġġ kien ta lir-rikorrenti fl-arbitraġġ, permezz ta’ tpaċija ta’ taxxi dovuti lill-awtoritajiet Rumeni minn European Food.

    29.

    Fis‑26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 3192, li permezz tagħha ordnat lir-Rumanija, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, tissospendi immedjatament kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal għall-implimentazzjoni jew għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, għar-raġuni li tali azzjoni kienet tidher li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

    30.

    Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni informat lir-Rumanija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni parzjali mir-Rumanija tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fil-bidu tas-sena 2014 kif ukoll fir-rigward ta’ kull implimentazzjoni jew eżekuzzjoni ulterjuri tagħha.

    31.

    Skont l-awtoritajiet Rumeni, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet ġiet implimentata b’mod sħiħ.

    32.

    Fit‑30 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha qieset li l-ħlas tad-danni mogħtija mit-tribunal ta’ arbitraġġ lill-unità ekonomika unika magħmula minn Ioan u Viorel Micula, European Food, Starmill, Multipack, Scandic Distilleries, European Drinks, Rieni Drinks, Transilvania General Import‑Export u West Leasing kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u kellu jiġi rkuprat.

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    33.

    Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6, fit‑30 u fit‑28 ta’ Novembru 2015, rispettivament, European Food, Starmill, Multipack u Scandic Distilleries, fil-Kawża T‑624/15, Ioan Micula, fil-Kawża T‑694/15, u Viorel Micula, kif ukoll European Drinks, Rieni Drinks, Transilvania General Import-Export u West Leasing, fil-Kawża T‑704/15, ippreżentaw, kull wieħed minnhom, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-Renju ta’ Spanja u l-Ungerija ġew awtorizzati mill-Qorti Ġenerali jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għaqqdet dawn it-tliet kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

    34.

    Insostenn ta’ kull wieħed mir-rikorsi fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti qajmu tmien motivi, uħud minnhom maqsuma f’diversi partijiet.

    35.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, laqgħet l-ewwel parti tat-tieni motiv imressqa fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 u l-ewwel parti tal-ewwel motiv imressqa fil-Kawża T‑704/15, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 59 sa 93 ta’ din is-sentenza, li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet applikat b’mod retroattiv il-kompetenzi li hija kellha, skont l-Artikolu 108 TFUE u r-Regolament Nru 659/1999, għal fatti preċedenti għal din l-adeżjoni u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    36.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tat-tieni motiv imressqa fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 u l-ewwel parti tat-tieni motiv imressqa fil-Kawża T‑704/15, ibbażati fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ bħala “vantaġġ” u “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 94 sa 111 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’illegalità sa fejn hija kienet tikklassifika bħala vantaġġ u għajnuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-għoti, mit-tribunal ta’ arbitraġġ, ta’ danni intiżi li jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw mill-irtirar tal-miżuri ta’ inċentivi fiskali, tal-inqas għall-perijodu preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dritt tal-Unjoni fir-Rumanija.

    37.

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża kollha, mingħajr ma eżaminat il-partijiet l-oħra ta’ dawn il-motivi u lanqas il-motivi l-oħra.

    V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet ifformulati mill-partijiet

    38.

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv imqajma fil-Kawża T‑704/15, kif ukoll l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv imqajma fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15;

    tibgħat il-Kawżi magħquda T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15 lura quddiem il-Qorti Ġenerali; u

    tirriżerva l-ispejjeż.

    39.

    Ir-Renju ta’ Spanja, fir-risposta tiegħu, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tilqa’ l-appell, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli; u

    sussidjarjament, tilqa’ l-appell, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat.

    40.

    European Food, Starmill, Multipack u Scandic Distilleries kif ukoll Ioan Micula (iktar ’il quddiem “European Food et”) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

    iktar sussidjarjament, tibgħat il-kawżi lura quddiem il-Qorti Ġenerali; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk ta’ European Food et relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ dik tal-appell.

    41.

    Viorel Micula, European Drinks, Rieni Drinks, Transilvania General Import-Export u West Leasing (iktar ’il quddiem “Viorel Micula et”) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, tilqa’ t-tieni motiv tal-ewwel istanza mqajjem fil-Kawża T‑704/15 u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

    iktar sussidjarjament, tibgħat il-kawżi lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk ta’ Viorel Micula et relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ dik tal-appell; u

    tikkundanna lill-Ungerija u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ dik tal-appell.

    42.

    Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli; u

    tikkundanna lil European Food et u lil Viorel Micula et għall-ispejjeż.

    43.

    Il-Kummissjoni titlob li jintlaqa’ l-appell inċidentali.

    44.

    European Food et u Viorel Micula et jitolbu li l-appell inċidentali jiġi miċħud u li r-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell inċidentali u li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat għall-ispejjeż ta’ European Food et u ta’ Viorel Micula et fil-kuntest tal-appell inċidentali.

    45.

    Il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Polonja, European Food et u Viorel Micula et ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-appell u dwar l-appell inċidentali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    46.

    Matul is-seduta li nżammet fl‑20 ta’ April 2021, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali f’isem il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Polonja, European Food et, kif ukoll Viorel Micula et.

    VI. Analiżi

    47.

    Ser nibda l-analiżi tiegħi bl-eżami tal-appell inċidentali dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ proċeduri ta’ arbitraġġ ibbażati fuq BIT intra-Unjoni, li, kieku kellu jintlaqa’, iwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza. Peress li jidhirli li l-aggravji invokati insostenn tal-appell inċidentali għandhom jiġu miċħuda, ser inkompli din l-analiżi bl-eżami tal-appell prinċipali, li jirrigwarda l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni.

    A. Fuq l-appell inċidentali

    48.

    Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja, sostnut f’dan is-sens mill-Kummissjoni u mir-Repubblika tal-Polonja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, isostni li l-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni u d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ sussegwenti jiksru l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achmea. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kellhom ebda interess ġuridiku leġittimu, peress li dawn kienu qegħdin ifittxu li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża bil-għan li tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tmur kontra l-Artikolu 19 TUE u l-Artikoli 267 u 344 TFUE.

    1.   Fuq l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali

    49.

    European Food et u Viorel Micula et isostnu li l-appell inċidentali ppreżentat mir-Renju ta’ Spanja huwa inammissibbli.

    50.

    Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja ma għandux il-locus standi sabiex jipparteċipa fil-proċedura bħala appellat, fis-sens tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u għalhekk ma setax jipparteċipa f’din il-proċedura bħala parti li tippreżenta appell inċidentali.

    51.

    F’dan ir-rigward, nirrileva li, permezz ta’ ittri tas‑17 ta’ Marzu 2020, European Food et u Viorel Micula et diġà talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-Renju ta’ Spanja jiġi eskluż minn din il-proċedura bħala parti fiha, għar-raġuni li dan l-Istat Membru ma jurix li għandu interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud, fis-sens tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Marzu 2020, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara d-deċiżjoni meħuda mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, informa lill-partijiet biċ-ċaħda tat-talba tagħhom għar-raġuni, essenzjalment, li, peress li kien ġie awtorizzat, bħala Stat Membru, jintervjeni fl-ewwel istanza, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja kellu awtomatikament interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud.

    52.

    Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-talbiet li jkunu tressqu quddiemha hija suffiċjenti, għall-parti inkwistjoni, sabiex turi li għandha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud ( 8 ). Peress li r-Renju ta’ Spanja talab, quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-rikorsi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza jiġu miċħuda, dan l-Istat Membru għandu neċessarjament interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud, fis-sens tal-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura.

    53.

    Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħtu lill-Istati Membri l-istatus ta’ “rikorrenti privileġġati” li jiddispensahom milli juru li għandhom interess sabiex jippreżentaw appell – u għalhekk, a fortiori, appell inċidentali – quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 9 ).

    54.

    Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell inċidentali huwa inammissibbli sa fejn, minn naħa, jillimita ruħu li jirriproduċi l-istess argumenti li ġew żviluppati mir-Renju ta’ Spanja fir-risposta għall-appell prinċipali jew li jagħmel riferiment għal argumenti fformulati fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, fl-istess ħin huwa jfittex li jestendi s-suġġett tat-tilwima.

    55.

    Huwa minnu li l-argumenti fformulati minn dan l-Istat Membru fl-appell inċidentali u fir-risposta għall-appell huma simili. Għandi madankollu nenfasizza li, permezz tal-appell inċidentali, ir-Renju ta’ Spanja qiegħed jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar hija obbligata tiddeċiedi, jekk hemm bżonn ex officio, dwar l-aggravji bbażati fuq l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ( 10 ).

    56.

    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li jeżistu sovrappożizzjonijiet bejn ir-risposta tar-Renju ta’ Spanja u l-appell inċidentali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata teżamina ex officio l-kwistjoni tal-ammissibbiltà, peress li din tal-aħħar tista’ tiġi diskussa li kieku kellu jintlaqa’ l-argument ta’ dan l-Istat Membru, sostnut f’dan is-sens mill-Kummissjoni, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika tal-Latvja u mir-Repubblika tal-Polonja.

    57.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li, fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu analizzati d-diversi argumenti invokati fil-kuntest tal-appell inċidentali li permezz tagħhom ir-Renju ta’ Spanja jfittex li jipprova l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza.

    2.   Fuq il-mertu tal-appell inċidentali

    58.

    Ir-Renju ta’ Spanja jqajjem tliet argumenti insostenn tal-aggravju dwar l-inkompatibbiltà tal-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, li twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

    59.

    Nammetti li għandi xi dubji dwar l-effett tal-inkompatibbiltà tal-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni fuq l-interess ġuridiku ta’ European Food et u ta’ Viorel Micula et u fuq l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ( 11 ). Madankollu, kif ser nuri, l-argument ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi miċħud, b’mod li ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-effett tagħha fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

    60.

    Ser nibda l-analiżi tal-appell inċidentali bl-istudju tal-ewwel żewġ argumenti invokati mir-Renju ta’ Spanja, li jimmilitaw, essenzjalment, favur l-applikazzjoni għall-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achmea, li saret possibbli bl-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

    61.

    Ser inkompli din l-analiżi bl-eżami tal-aħħar argument tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, li jitbiegħed mill-kwistjoni tal-BIT intra-Unjoni u jirrigwarda l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn Stati Membri u Stati terzi.

    a)   Il-portata tas-sentenza Achmea f’dak li jirrigwarda proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ BIT konkluż bejn żewġ Stati Membri qabel l‑adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat parti fl-arbitraġġ u pendenti fil-mument ta’ din l‑adeżjoni

    62.

    Ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu li, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achmea, il-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    63.

    Fl-ewwel lok, dawn il-partijiet isostnu li l-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni għandha titqies, b’effett mid-data tal-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija, bħala arbitraġġ “intra-Unjoni”.

    64.

    Fit-tieni lok, it-tribunal ta’ arbitraġġ ikkostitwit abbażi tal-BIT li jorbot lir-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija jkollu jinterpreta jew japplika d-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Ftehim tal‑1995. Issa, mis-sentenza Achmea jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim previst minn BIT konkluż bejn żewġ Stati Membri u li jinvolvi li tribunal ta’ arbitraġġ, barra mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u mhux suġġett għall-istħarriġ ta’ qorti ta’ Stat Membru, jista’ jinterpreta jew japplika d-dritt tal-Unjoni.

    65.

    Għalhekk, b’effett mid-data tal-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija, il-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni tikser l-Artikoli 267 u 344 TFUE.

    1) L-applikabbiltà ratione temporis tal-ġurisprudenza Achmea

    66.

    Naqbel faċilment mal-pożizzjoni tar-Renju ta’ Spanja u tal-Kummissjoni li tgħid li d-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Achmea, japplikaw fir-Rumanija sa mill-mument tal-adeżjoni tagħha ( 12 ).

    i) L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’effett mill-adeżjoni

    67.

    Fil-fehma tiegħi, din l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa mill-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija twassal għal konsegwenza ċerta. Kwalunkwe proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ BIT li jorbot lir-Rumanija ma’ Stat Membru ieħor wara l-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, b’effett minn din l-adeżjoni, il-ġurisdizzjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ imwaqqaf abbażi ta’ BIT konkluż bejn ir-Rumanija u Stat Membru ieħor ma tistax tiġi stabbilita u ebda proċedura ta’ arbitraġġ ma tista’ tinbeda iktar abbażi ta’ BIT intra-Unjoni ( 13 ).

    68.

    Madankollu, jidhirli li tali soluzzjoni hija diskutibbli f’dak li jirrigwarda proċeduri ta’ arbitraġġ mibdija qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija, u li jkunu għadhom pendenti fil-mument ta’ din l-adeżjoni, b’mod li għandu jiġi analizzat sa fejn il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Achmea japplikaw għal dawn is-sitwazzjonijiet.

    ii) L-applikabbiltà immedjata tal-prinċipji tas-sentenza Achmea għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot qabel l-adeżjoni mal-Unjoni

    69.

    Sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Achmea għal tali sitwazzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju ta’ applikabbiltà immedjata tad-dritt tal-Unjoni għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot qabel l-adeżjoni mal-Unjoni ( 14 ).

    70.

    Tali prinċipju ma jistax jitqiegħed fid-dubju ( 15 ). Mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar ħafna li, “skont prinċipju ġeneralment irrikonoxxut, il-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet preċedenti li nħolqu taħt il-liġi l-antika” ( 16 ), u minn dan jirriżulta wkoll li d-dritt tal-Unjoni “għandu jitqies li japplika immedjatament u jorbot [lill-Istat Membru] sa mid-data tal-adeżjoni tiegħu, b’mod li japplika għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li nħolqu qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru ġdid” ( 17 ).

    71.

    Barra minn hekk, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt liġi antika” ( 18 ). F’diversi okkażjonijiet, hija rreferiet għas-“sitwazzjonijiet li jkunu nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida iżda li ma jkunux għadhom laħqu l-milja tagħhom” ( 19 ), li turi tifsira mhux restrittiva ta’ dak li jkopru t-termini “effetti futuri”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod ċar l-applikabbiltà immedjata tad-dritt tal-Unjoni għall-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-kumpens għal dannu kkawżat qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat Membru, imħallas wara din l-adeżjoni, u intiż li jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu matul il-bqija tal-ħajja tal-vittma ( 20 ).

    72.

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, u kuntrarjament għall-pożizzjoni li jiddefendu European Food et u Viorel Micula et, it-tkomplija wara l-adeżjoni tal-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni, mibdija wara att kontenzjuż tar-Rumanija adottat qabel l-adeżjoni, hija suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot qabel l-adeżjoni ( 21 ).

    73.

    Għalhekk jidhirli li d-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Achmea japplikaw, ratione temporis, għall-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni, mibdija abbażi ta’ BIT li jorbot ir-Rumanija ma’ Stat Membru ieħor qabel l-adeżjoni, u li kienet għadha pendenti fil-mument tal-adeżjoni.

    74.

    Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, il-prinċipju ta’ applikabbiltà immedjata tad-dritt tal-Unjoni għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot qabel l-adeżjoni ma jippermettix, waħdu, li tiġi riżolta l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ BIT intra-Unjoni qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat parti fl-arbitraġġ.

    75.

    Fil-fatt, l-apparenzi kultant huma qarrieqa, u ma jistax jiġi konkluż li l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Achmea japplikaw għal tali sitwazzjonijiet unikament fuq din il-bażi, mingħajr ma tkun ġiet analizzata, preċedentement, il-loġika li fuqha huwa bbażat ir-raġunament f’dik is-sentenza.

    2) L-applikazzjoni ratione materiae tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Achmea

    76.

    L-applikazzjoni, b’effett mill-adeżjoni, tad-dritt tal-Unjoni għal proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ BIT intra-Unjoni qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat parti fl-arbitraġġ ma tistax ixxejjen in-natura partikolari ta’ din il-proċedura, li dak iż-żmien inbdiet validament, relatata ma’ tilwima preċedenti għall-adeżjoni.

    77.

    Issa, jidhirli li dawn il-karatteristiċi għandhom effett ċert, fuq livell mhux iktar ratione temporis iżda ratione materiae, fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Achmea għal proċedura ta’ arbitraġġ bħal dik inkwistjoni. Fi kliem ieħor, għalkemm din il-ġurisprudenza, bħad-dritt tal-Unjoni fit-totalità tiegħu, hija applikabbli, minn perspettiva strettament ratione temporis, għall-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni, dan ma huwiex il-każ, minn perspettiva ratione materiae, f’diversi aspetti.

    i) L-assenza ta’ preġudizzju għall-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni

    78.

    Nirrileva li s-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achmea hija bbażata fuq il-preġudizzju għall-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni li jirrappreżenta l-użu ta’ proċedura ta’ arbitraġġ ibbażata fuq BIT intra-Unjoni, li fil-kuntest tagħha jista’ jiġi interpretat jew applikat id-dritt tal-Unjoni.

    – Il-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni

    79.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni hija ggarantita bl-istabbiliment, permezz tat-Trattati, ta’ sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 22 ). Il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tikkostitwixxi l-element ċentrali tagħha billi tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, li għandu l-għan li jiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

    80.

    Issa, l-użu ta’ proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ BIT konkluż bejn żewġ Stati Membri jista’ jeskludi mis-sistema ġudizzjarja r-riżoluzzjoni ta’ tilwima li tista’ tinvolvi l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant jikser il-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, li jirriflettu l-Artikoli 267 u 344 TFUE.

    81.

    Fi kliem ieħor, is-soluzzjoni tas-sentenza Achmea hija, b’mod partikolari, ibbażata fuq l-impossibbiltà, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, li l-qrati tal-Istati Membri jiċċaħħdu mill-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċaħħad mill-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, għad-domandi magħmula mill-imsemmija qrati fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 24 ).

    82.

    Madankollu, jidhirli li, f’dak li jirrigwarda proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ BIT konkluż bejn żewġ Stati Membri qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat parti fl-arbitraġġ, ebda tilwima li tista’ tirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma hija eskluża mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni.

    83.

    F’dan ir-rigward, għandi nispeċifika li huwa irrilevanti, f’din il-perspettiva, li jiġi ddeterminat jekk tali tilwima tinvolvix, b’mod ċert, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mit-tribunal ta’ arbitraġġ. Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi fatt li jeżisti riskju li dan ikun il-każ huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkaratterizzat preġudizzju għall-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li t-tilwima li fiha jkun hemm tali riskju effettivament taqa’ taħt is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni ( 25 ). Nirrileva, barra minn hekk, li jidhirli li dan ir-riskju jeżisti fil-BIT intra-Unjoni kollha kemm huma. Għalhekk ma jidhirlix li huwa neċessarju li jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk it-tribunal ta’ arbitraġġ realment interpretax jew applikax id-dritt tal-Unjoni, jew setax jagħmel hekk. Fil-fatt nifhem is-sentenza Achmea fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet bħala kriterju tal-kompatibbiltà ta’ proċedura ta’ arbitraġġ ibbażata fuq BIT intra-Unjoni mal-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni l-punt jekk tali proċedura għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-qrati nazzjonali mill-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi, permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għad-domandi tagħhom.

    – Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Rumeni sabiex jagħmlu domandi preliminari lill‑Qorti tal-Ġustizzja

    84.

    Tilwima li tnisslet minn allegat ksur minn Stat ta’ dispożizzjoni ta’ BIT, qabel l-adeżjoni mal-Unjoni ta’ dan l-Istat, u li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni tagħha nbdiet qabel din l-adeżjoni, ma taqax neċessarjament taħt is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Ir-riżoluzzjoni tagħha minn tribunal ta’ arbitraġġ ikkostitwit abbażi ta’ BIT konkluż bejn żewġ Stati Membri qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat parti fl-arbitraġġ ma tistax iċċaħħad lill-qrati tal-Istati Membri mill-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, għad-domandi magħmula mill-imsemmija qrati dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    85.

    Nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprospetta s-sitwazzjoni li fiha tkun ġiet adita qorti Rumena, minflok tribunal ta’ arbitraġġ, bit-tilwima dwar allegat ksur minn dan l-Istat tad-dispożizzjonijiet tal-BIT. Fil-fehma tiegħi, dik il-qorti ma setgħetx tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li kieku kellha tqum kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    86.

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa evidenti li, qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija, qorti Rumena adita bil-ksur potenzjali minn dan l-Istat Membru tad-dispożizzjonijiet tal-BIT ma setgħetx tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, peress li dik il-qorti, f’dak il-mument, ma kinitx qorti ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, il-Ftehim tal‑1995 ma kienx jipprevedi l-possibbiltà għall-qrati Rumeni li jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    87.

    Fit-tieni lok, l-istess soluzzjoni tapplika f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-qorti Rumena, adita qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari wara din l-adeżjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwima dwar sitwazzjoni li seħħet qabel l-adeżjoni ( 26 ).

    88.

    Dan kien preċiżament il-każ f’dak li jirrigwarda t-tilwima li wasslet għall-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni. L-allegat ksur tal-BIT mir-Rumanija, li huwa s-suġġett tat-tilwima, seħħ qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni u l-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni nbdiet qabel l-adeżjoni. Il-fatti rilevanti kollha f’dan ir-rigward għalhekk kienu seħħew qabel din l-adeżjoni u kienu pproduċew l-effetti kollha tagħhom. Qorti Rumena adita b’tali tilwima ma setgħetx tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ din it-tilwima.

    89.

    Tali soluzzjoni la titqiegħed fid-dubju mill-prinċipju ta’ applikabbiltà immedjata tad-dritt tal-Unjoni għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot qabel l-adeżjoni u lanqas mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Kremikovtzi ( 27 ), invokata mill-Kummissjoni, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra ( 28 ), fil-kuntest ta’ tilwima dwar fatti preċedenti għall-adeżjoni mal-Unjoni tal-Bulgarija.

    90.

    F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ applikabbiltà immedjata tad-dritt tal-Unjoni għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot qabel l-adeżjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali prinċipju ma huwiex intiż li japplika f’dak li jirrigwarda t-tilwima dwar l-allegat ksur mir-Rumanija tad-dispożizzjonijiet tal-BIT. Kif ġie espost fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatti li wasslu għat-tilwima li biha ġiet adita l-qorti Rumena huma t-tħassir mir-Rumanija tal-iskema tal-EGO, li jwassal għal ksur potenzjali minn din tal-aħħar tal-obbligi li jirriżultaw mill-BIT. Għalhekk is-sitwazzjoni li wasslet għat-tilwima seħħet qabel l-adeżjoni u kienet tinsab kjarament fil-passat ( 29 ).

    91.

    F’dak li jirrigwarda s-sentenza Kremikovtzi ( 30 ), lanqas ma jidhirli li din tista’ tqiegħed fid-dubju l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-istess raġunijiet. Fil-fatt, għalkemm il-fatti fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’dik is-sentenza kienu joriġinaw mill-ħlas ta’ għajnuna qabel l-adeżjoni, is-suġġett tat-tilwima madankollu kien jirrigwarda l-proċedura ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna u, b’mod partikolari, il-bażi legali li fuqha tali proċedura kellha tkun ibbażata, li kienet tabilħaqq sussegwenti għall-adeżjoni. Fi kliem ieħor, is-suġġett tad-domandi preliminari kien tabilħaqq jirrigwarda l-effetti ta’ għajnuna, peress li kien rifless fl-adozzjoni ta’ att u f’avveniment konkret wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru, ħaġa li kienet tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari.

    92.

    Għall-kuntrarju, it-tilwima li biha setgħet tiġi adita qorti Rumena f’dan il-każ kienet tirrigwarda sitwazzjoni – l-allegat ksur mir-Rumanija tal-BIT – li seħħet definittivament qabel l-adeżjoni. Għalhekk, kuntrarjament għall-kawża Kremikovtzi, ebda fatt jew att sussegwenti għall-adeżjoni ma kien is-suġġett tat-tilwima li biha ġie adit it-tribunal ta’ arbitraġġ ( 31 ).

    93.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domanda preliminari magħmula minn qorti Rumena fil-każ li dik il-qorti tkun ġiet adita biha, it-tilwima li wasslet għall-proċedura ta’ arbitraġġ la tista’ taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni qabel u lanqas wara l-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija.

    94.

    Minn dan jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, proċedura ta’ arbitraġġ, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, mibdija abbażi ta’ BIT konkluż bejn żewġ Stati Membri qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat parti fl-arbitraġġ, ma tistax tippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, anki wara din l-adeżjoni, b’mod li, b’differenza mill-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Achmea, ma jistax jiġi konkluż li nkisru l-Artikoli 267 u 344 TFUE.

    95.

    Elementi supplimentari jattestaw il-kompatibbiltà tal-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-kwistjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, liema prinċipju jidhirli li ma nkisirx.

    ii) Il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka

    96.

    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, b’effett mill-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija, it-tribunal ta’ arbitraġġ inkwistjoni f’dan il-każ messu rrinunzja għall-ġurisdizzjoni tiegħu favur il-qrati Rumeni, li għaldaqstant kienu f’pożizzjoni li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-investituri.

    97.

    Is-soluzzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achmea hija fil-fatt ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li jista’ jikkostitwixxi l-użu ta’ proċedura ta’ arbitraġġ mibdija abbażi ta’ BIT intra-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwima li tista’ tirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    98.

    Fis-sentenza Achmea ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li tipprovdi li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħrajn kollha u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom ( 33 ).

    99.

    Fil-fatt, kif esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Komstroy ( 34 ), l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rwol partikolari tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fosthom, primarjament, il-Kummissjoni, li huma responsabbli milli jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-valuri, jattesta l-importanza tagħhom ( 35 ).

    100.

    Barra minn hekk, huwa preċiżament il-fatt li r-relazzjonijiet li l-Unjoni tistabbilixxi ma’ Stati terzi ma humiex ibbażati fuq il-fiduċja reċiproka, li teżisti fi ħdan l-Unjoni, li jiġġustifika li l-partijiet kontraenti fi ftehim internazzjonali li jorbot Stat Membru u Stat terz jiddeċiedu li jaqblu dwar mekkaniżmu newtrali ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, peress li kull waħda mill-partijiet kontraenti ma jkollhiex neċessarjament fiduċja sħiħa fis-sistema ġudizzjarja tal-parti l-oħra sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli li jinsabu fil-ftehim ( 36 ).

    101.

    F’din il-perspettiva, nirrileva li l-konklużjoni ta’ BIT bejn l-Istati Membri u l-Istati tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kienet inkoraġġita mill-Kummissjoni bħala strumenti meħtieġa għall-preparazzjoni tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni ( 37 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 74 tal-Ftehim tal‑1995, intitolat “Il-Protezzjoni u promozzjoni ta’ l-investiment”, jippromwovi l-konklużjoni mill-Istati Membri u mir-Rumanija ta’ ftehimiet ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni tal-investimenti. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija segwew din l-inċentivazzjoni billi kkonkludew il-BIT inkwistjoni.

    102.

    F’dan il-kuntest partikolari, il-klawżola ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li tinsab fil-BIT għandha tinftiehem bħala rimedju palljattiv fl-assenza ta’ fiduċja reċiproka bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija. Għalhekk din kienet tiżgura l-protezzjoni tal-investituri tal-Istati Membri fir-Rumanija, billi tiggarantixxi b’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ fiduċja suffiċjenti fl-osservanza minn dan l-Istat, qabel l-adeżjoni, tad-dritt tal-investituri għal rimedju effettiv, il-possibbiltà li tintuża sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim esterna għas-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat ( 38 ).

    103.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa leġittimu li l-arbitri, aditi validament abbażi ta’ BIT li l-konklużjoni tiegħu bejn Stat Membru u l-Istat parti fl-arbitraġġ qabel l-adeżjoni tiegħu ġiet inkoraġġita mill-Unjoni stess, ma jirrinunzjawx, fil-mument tal-adeżjoni, għall-ġurisdizzjoni tagħhom, peress li l-proċedura ta’ arbitraġġ kienet tippermetti qabel l-adeżjoni, bl-istess mod bħall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka wara din l-adeżjoni, li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-investituri.

    104.

    Għaldaqstant, jidhirli li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Achmea, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ma jistax jiġġustifika l-interruzzjoni tal-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni, li kienet tippermetti oriġinarjament li jittaffa n-nuqqas ta’ fiduċja fl-osservanza mir-Rumanija tar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

    105.

    Barra minn hekk, waqt is-seduta, European Food et u Viorel Micula et sostnew li l-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija ma kinitx ippermettiet li tiġi stabbilita fiduċja reċiproka bejn dan l-Istat Membru u l-Istati Membri l-oħra, peress li l-adeżjoni tiegħu kienet ġiet suġġetta għall-kundizzjoni tal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika tal-progress imwettaq minn dan l-Istat Membru sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni ( 39 ).

    106.

    Tali argument ma jistax ikun konvinċenti. Is-sempliċi Deċiżjoni MKV ma twassalx għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fir-relazzjonijiet bejn ir-Rumanija u l-Istati Membri l-oħra. Sfiduċja ġenerali fil-konfront ta’ Stat Membru sempliċement abbażi tal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu bħal dak inkluż fid-Deċiżjoni MKV fil-mument tal-adeżjoni tiegħu ma tistax teżisti fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-limitazzjoni tal-fiduċja fil-konfront tal-qrati Rumeni tista’ tkun ibbażata biss fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-Istat Membru ( 40 ).

    3) Konklużjoni dwar l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Achmea

    107.

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Achmea ma jistgħux japplikaw f’dak li jirrigwarda proċedura ta’ arbitraġġ, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, mibdija abbażi ta’ BIT konkluż bejn żewġ Stati Membri qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat parti fl-arbitraġġ, u li tkun għadha pendenti fil-mument ta’ din l-adeżjoni ( 41 ).

    108.

    Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi konkluż li jeżistu ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ fiduċja reċiproka u ksur tal-Artikoli 267 u 344 TFUE.

    b)   Il-kompatibbiltà tal-BIT mad-dritt tal-Unjoni meta dan ġie konkluż

    109.

    Ir-Renju ta’ Spanja, sostnut f’dan is-sens mill-Kummissjoni, isostni li l-BIT, sa minn meta ġie konkluż, imur kontra d-dritt tal-Unjoni sa fejn it-tribunal ta’ arbitraġġ ikkostitwit abbażi tiegħu jirriskja li jikkomprometti l-proċess deċiżjonali demokratiku fl-Istati partijiet peress li jċaħħad liġi Rumena mill-effett ekonomiku mfittex, u li jippreġudika l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fl-Isvezja u fir-Rumanija, u li l-BIT għalhekk jaffettwa l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-qafas kostituzzjonali tagħha.

    110.

    Minn naħa, u b’mod ġenerali, niddubita mis-saħħa probatorja ta’ tali argument fid-dawl tal-kuntest li fih ġew konklużi l-BIT bejn l-Istati Membri u r-Rumanija, peress li dawn tal-aħħar ġew inkoraġġiti jagħmlu dan mill-Unjoni permezz tal-Ftehim tal‑1995. Barra minn hekk, tali soluzzjoni tammonta għall-ammissjoni retroattiva tal-inkompatibbiltà ta’ BIT konkluż minn Stat Membru ma’ Stat terz u għat-tqegħid fid-dubju, b’mod iktar ġenerali, mingħajr ebda forma ta’ eżami u b’mod astratt, tal-kompatibbiltà tal-BIT kollha konklużi bejn Stat Membru u Stat terz.

    111.

    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-proċedura ta’ arbitraġġ inkwistjoni, jidhirli li din, fi kwalunkwe każ, la twassal sabiex iċċaħħad mill-effikaċja r-regoli tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat u lanqas, konsegwentement, sabiex iċċaħħad liġi Rumena mill-effett ekonomiku mfittex, sa fejn, għar-raġunijiet li ser niżviluppa fil-kuntest tal-eżami tal-appell prinċipali, jidhirli li r-regoli tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat japplikaw f’dan il-każ.

    112.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BIT ma jistax jitqies li huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa minn meta ġie konkluż.

    3.   Konklużjoni dwar l-appell inċidentali

    113.

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud. Peress li t-tieni aggravju tal-appell inċidentali jiddependi mill-fatt li jintlaqa’ l-ewwel aggravju, jidhirli li l-appell inċidentali kollu għandu jiġi miċħud.

    B. Fuq l-appell prinċipali

    114.

    Il-Kummissjoni, sostnuta f’dan is-sens mir-Renju ta’ Spanja, tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fl-ewwel lok, żball ta’ liġi u klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti żbaljata sa fejn ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża; fit-tieni lok, żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għall-kumpens mogħti; u, fit-tielet lok, żball ta’ liġi sa fejn ikkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ikklassifikat b’mod żbaljat l-għoti ta’ kumpens mit-tribunal ta’ arbitraġġ bħala vantaġġ.

    115.

    Ser nibda l-analiżi tiegħi bl-eżami tal-ewwel żewġ aggravji tal-appell, li jfittxu li jiġi ddeterminat il-mument li fih l-għajnuna mill-Istat għandha titqies li ngħatat mill-Istat Membru, sabiex jiġi stabbilit jekk id-dritt tal-għajnuna mill-Istat kienx applikabbli dak iż-żmien, u jekk il-Kummissjoni kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

    1.   Fuq l-ewwel żewġ aggravji tal-appell: id-determinazzjoni tal-mument tal‑għoti ta’ għajnuna

    116.

    Fil-punti 66 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-dritt tal-Unjoni sar applikabbli fir-Rumanija biss b’effett mid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u li minn dan jirriżulta li huwa biss f’dik id-data li l-Kummissjoni kisbet il-kompetenza li tippermettilha tipproċedi bl-istħarriġ tal-azzjoni tar-Rumanija taħt l-Artikolu 108 TFUE. Minn dan hija ddeduċiet ġustament li, sabiex tiġi ddeterminata l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, għandha tiġi stabbilita d-data li fiha ngħatat l-allegata għajnuna.

    117.

    Skont il-Qorti Ġenerali, “[i]d-dritt tar-rikorrenti [fl-ewwel istanza] li jirċievu l-kumpens inkwistjoni tnissel u beda jkollu effett fil-mument li r-Rumanija rrevokat l-EGO 24, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, u, għalhekk, li l-mument li dan id-dritt ġie mogħti lir-rikorrenti […] huwa preċedenti għall-adeżjoni” ( 42 ).

    118.

    Il-Kummissjoni ssostni li European Food et u Viorel Micula et kisbu dritt għall-kumpens mogħti biss meta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inbidlet f’titolu eżekuttiv skont id-dritt nazzjonali, peress li, qabel, id-dritt li jirċievu l-kumpens kien inċert. Għalhekk il-miżura li tagħti l-allegata għajnuna ma hijiex it-tħassir mir-Rumanija tal-EGO iżda hija l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ minn dan l-Istat Membru. Peress li din il-miżura ġiet adottata wara l-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija, id-dritt tal-Unjoni kien applikabbli u l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex teżaminaha fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, b’mod li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-miżura kienet ingħatat qabel din l-adeżjoni u li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti.

    119.

    Nenfasizza fil-qosor, f’dan ir-rigward, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu European Food et u Viorel Micula et, il-kwistjoni tal-mument li fih ingħatat għajnuna tabilħaqq tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi appellata meta jkun irid jiġi ddeterminat jekk kumpens mogħti minn deċiżjoni ta’ arbitraġġ minħabba t-tħassir mill-Istat ta’ skema ta’ inċentivi fiskali għandux jitqies li ngħata fil-mument ta’ dan it-tħassir, qabel l-adeżjoni, jew inkella meta twettaq il-ħlas effettiv tal-kumpens b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, wara l-adeżjoni.

    120.

    Barra minn hekk, l-argument ta’ European Food et u ta’ Viorel Micula et, li jgħid li l-Kummissjoni tfittex li temenda d-deċiżjoni kontenzjuża billi ssostni li l-għajnuna inkwistjoni tirriżulta mhux mill-ħlas tal-kumpens, iżda mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ma jistax jiġi segwit, peress li l-aggravji mqajma mill-Kummissjoni fl-appell tagħha tnisslu mis-sentenza appellata stess u jfittxu li jikkritikaw il-fondatezza tagħha ( 43 ).

    121.

    Kif fakkret il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fis-sentenza Magdeburger Mühlenwerke ( 44 ), li “l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat fil-mument meta d-dritt li tiġi rċevuta jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli”.

    122.

    Kif isostnu European Food et u Viorel Micula et, tali formulazzjoni tidher li tindika li l-mument tal-għoti ta’ miżura ta’ għajnuna ma huwiex neċessarjament l-istess bħall-mument tal-ħlas effettiv tagħha.

    123.

    Għalkemm dan huwa sikwit il-każ, jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għajnuna tista’ titqies li tkun ingħatat anki jekk ma tkunx effettivament tħallset ( 45 ). Bl-istess mod, ġie deċiż, f’dak li jirrigwarda għajnuna mħallsa skont skema ta’ għajnuna, li l-għajnuna tista’ titqies li tkun ingħatat biss meta hija tkun ġiet implimentata b’mod effettiv, minkejja li l-iskema ta’ għajnuna kienet teżisti minn qabel ( 46 ).

    124.

    Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, il-ħlas effettiv tal-għajnuna ma jikkostitwixxix il-kriterju li jippermetti li jiġi ddeterminat il-mument li fih il-miżura għandha titqies li tkun ingħatat. Għalhekk is-sempliċi fatt li l-ħlas tal-kumpens inkwistjoni seħħ wara l-adeżjoni ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li dan effettivament ingħata f’dan il-mument, b’mod li d-dritt tal-Unjoni kien applikabbli u l-Kummissjoni kienet kompetenti.

    125.

    Jidhirli li mill-prinċipju stabbilit fis-sentenza Magdeburger Mühlenwerke ( 47 ) jirriżulta b’mod ċar li l-element determinanti sabiex jiġi stabbilit il-mument tal-għoti ta’ allegata għajnuna huwa l-kisba, mill-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, ta’ dritt ċert li din tiġi rċevuta, u l-impenn korrelattiv, min-naħa tal-Istat, li jagħti l-miżura. Tali kriterju jidher loġiku fid-dawl tal-għan tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, li jfittex li jkopri l-azzjonijiet statali, peress li s-sempliċi impenn mill-Istat li jaġixxi insostenn ta’ impriża benefiċjarja diġà jista’, fih innifsu, jinvolvi distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, saħansitra qabel ma l-appoġġ jiġi effettivament implimentat.

    126.

    Skont il-Qorti Ġenerali, id-dritt ta’ European Food et u Viorel Micula et li jirċievu l-allegata miżura ta’ għajnuna li huwa l-kumpens mogħti mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tnissel fil-mument tal-ksur mir-Rumanija tad-dispożizzjonijiet tal-BIT. Ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

    127.

    Huwa ċar li l-kumpens mogħti mit-tribunal ta’ arbitraġġ, li huwa l-allegata għajnuna, joriġina minn dan il-ksur. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata, huwa minnu li, skont il-loġika tad-dritt tar-responsabbiltà, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u l-ħlasijiet imwettqa mir-Rumanija jikkostitwixxu, għal European Food et u Viorel Micula et, ir-rikonoxximent ta’ dritt li jiġu kkumpensati għal dannu mġarrab minħabba r-Rumanija u l-eżekuzzjoni ta’ dan id-dritt. F’dan is-sens, kulma jagħmlu d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u l-eżekuzzjoni tagħha huwa li jikkonstataw, b’mod retroattiv, l-eżistenza ta’ dritt li kien jeżisti minn qabel ( 48 ).

    128.

    Madankollu, għalkemm, fid-dritt tar-responsabbiltà, id-dritt għal kumpens tnissel fil-jum li fih iġġarrab id-dannu, din l-interpretazzjoni ma tistax timplika li, fid-dritt tal-għajnuna mill-Istat, id-dritt li tiġi rċevuta l-għajnuna jitnissel ukoll f’dan il-mument. Fil-fatt, peress li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tikkonstata, b’mod retroattiv, l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens, dan huwa tabilħaqq għaliex, qabel din id-deċiżjoni, tali dritt għal kumpens ma kienx jeżisti b’mod ċert.

    129.

    Matul il-proċedura ta’ arbitraġġ, ġiet dibattuta l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-BIT mir-Rumanija u, għalhekk, ta’ dannu mġarrab minn European Food et u Viorel Micula et, billi r-Rumanija għalhekk ikkontestat il-fatt innifsu li kellha tħallas kumpens. Kien biss meta nqatgħet it-tilwima li r-Rumanija kienet obbligata tagħti l-kumpens inkwistjoni u li ngħata d-dritt li dan jiġi rċevut, fid-dritt tal-għajnuna mill-Istat u fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, lil European Food et u lil Viorel Micula et. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, fid-dritt tar-responsabbiltà, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tikkonstata għall-passat l-eżistenza ta’ dritt li jinkiseb kumpens għal dannu.

    130.

    Peress li d-dritt tal-għajnuna mill-Istat jirrigwarda l-aġir tal-Istati Membri u l-impenn tagħhom li jagħtu ċerti miżuri, ma jistax jitqies li r-Rumanija kienet obbligata tikkumpensa lil European Food et u Viorel Micula et fil-mument innifsu li fih hija kienet preċiżament qiegħda tikkontesta l-eżistenza ta’ tali obbligu.

    131.

    Tali interpretazzjoni tippreżenta koerenza ċerta mal-ġurisprudenza dwar l-għoti ta’ għajnuna permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, li jidhirli li tista’ tkun is-suġġett ta’ analoġija maċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Għaldaqstant, ġie deċiż li minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali tirriżulta għajnuna peress li hija din id-deċiżjoni li tirrikonoxxi d-dritt tal-benefiċjarju li jikseb l-għajnuna, u tistabbilixxi l-ammont definittiv tagħha ( 49 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-deċiżjoni ta’ mħallef għal miżuri provviżorji li tistabbilixxi mill-ġdid miżura ta’ għajnuna, wara li kkonstatat li din tal-aħħar kienet tneħħiet bi ksur ta’ kuntratt, għandha titqies li hija stess tagħti għajnuna ġdida ( 50 ).

    132.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti żbaljata meta ddeċidiet li l-għajnuna inkwistjoni kienet ingħatat fil-mument tal-ksur mir-Rumanija tal-BIT.

    133.

    Dan japplika iktar u iktar peress li, f’dan il-każ, id-dannu mġarrab minn European Food et u Viorel Micula et jirriżulta mit-tħassir, mir-Rumanija, tal-EGO, bil-għan li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Fi kliem ieħor, skont il-Qorti Ġenerali, it-tħassir ta’ miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Ftehim tal‑1995, li jirreferi għall-Artikolu 107 TFUE, li l-eżistenza tagħha ġiet stabbilita mill-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni, jikkostitwixxi fih innifsu l-miżura ta’ għajnuna. Il-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni, li kien kompetenti fil-mument tat-tħassir, għalhekk, skont din il-loġika, fl-istess ħin li talab lir-Rumanija tħassar l-EGO, messu qies li tali tħassir kien jikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat u eżamina din il-miżura mill-ġdid fid-dawl tar-regoli tal-Ftehim tal‑1995 dwar l-għajnuna mill-Istat.

    134.

    B’mod iktar ġenerali, kif tirrileva l-Kummissjoni, is-soluzzjoni tal-Qorti Ġenerali twassal sabiex jiġi aċċettat li għajnuna mill-Istat tista’ tingħata awtomatikament minħabba t-tħassir ta’ għajnuna mill-Istat. Jidhirli li dan il-fatt juri nuqqas ta’ koerenza tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza appellata.

    135.

    Għalhekk jidhirli li l-allegata miżura ta’ għajnuna ngħatat mhux fil-mument tal-ksur tal-BIT, iżda fil-mument li fih ġie rrikonoxxut id-dritt ta’ European Food et u ta’ Viorel Micula et li jirċievu l-kumpens u li fih, korrelattivament, ir-Rumanija ġiet obbligata tħallas dan il-kumpens, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, meta din ġiet implimentata mir-Rumanija. Issa, dan il-mument kien sussegwenti għall-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija. Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni kien tabilħaqq applikabbli għal din il-miżura u li l-Kummissjoni kienet kompetenti taħt l-Artikolu 108 TFUE sabiex teżamina l-kumpens inkwistjoni fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat.

    136.

    F’dan ir-rigward, għandi nispeċifika, fl-interess tal-koerenza, li l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teżamina miżura li tirriżulta minn kumpens mogħti permezz ta’ deċiżjoni mogħtija minn tribunal ta’ arbitraġġ fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat hija kwistjoni distinta minn dik tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Rumeni sabiex jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tat-tilwima li wasslet għall-għoti ta’ kumpens, permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ dawn tal-aħħar f’dan ir-rigward bl-ebda mod ma jippreġudika l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tanalizza l-kumpens mogħti wara l-adeżjoni fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, din il-kompetenza hija ddeterminata biss mill-fatt li jagħti lok għall-għajnuna, li jseħħ fil-mument li fih id-dritt li jiġi rċevut il-kumpens jiġi rrikonoxxut b’mod ċert.

    137.

    Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-ewwel żewġ aggravji tal-appell għandhom jintlaqgħu ( 51 ).

    138.

    Peress li din l-analiżi tippermetti li tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teżamina l-kumpens inkwistjoni taħt l-Artikolu 108 TFUE, l-ewwel parti tal-ewwel motiv imressqa fl-ewwel istanza fil-kuntest tar-rikors għal annullament fil-Kawża T‑704/15 u l-ewwel parti tat-tieni motiv imressqa fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 għandhom konsegwentement jiġu miċħuda.

    2.   Fuq it-tielet aggravju tal-appell: l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal‑Artikolu 107 TFUE

    139.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ vantaġġ u billi naqset milli twieġeb għall-argumenti kollha mressqa fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali vantaġġ.

    140.

    Il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Asteris et ( 52 ), il-kumpens għal dannu ma jistax jitqies li huwa għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, sakemm dan il-kumpens ma jwassalx sabiex jiġi kkumpensat l-irtirar ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli ( 53 ). Skont il-Qorti Ġenerali, dan ma kienx il-każ.

    141.

    Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata, li, peress li mill-ewwel motiv ta’ annullament jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli għall-kumpens inkwistjoni u li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex twettaq l-eżami tiegħu, dan il-kumpens ma jistax jitqies li huwa l-kumpens għall-irtirar ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli.

    142.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punti 106 sa 108 tas-sentenza appellata, li l-kumpens inkwistjoni kien ikopri perijodu preċedenti għall-adeżjoni, li matulu d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika, b’mod li għal dan il-perijodu, ir-rikorrenti setgħu jinvokaw il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Asteris et ( 54 ). Issa, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma għamlitx distinzjoni bejn il-perijodi preċedenti u sussegwenti għall-adeżjoni. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’illegalità sa fejn l-għoti tad-danni huwa kklassifikat fiha bħala “vantaġġ”, tal-inqas għall-perijodu preċedenti għall-adeżjoni.

    143.

    F’dan ir-rigward nirrileva ċerta kontradizzjoni fil-motivi tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-punt jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet korrettament l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE għal European Food et u għal Viorel Micula et. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, l-assenza ta’ vantaġġ minħabba l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għall-kumpens inkwistjoni, filwaqt li, min-naħa l-oħra, aċċettat li dan fir-realtà kien applikabbli sa fejn il-kumpens kien jirrigwarda l-irtirar tal-EGO għall-perijodu sussegwenti għall-adeżjoni. Għalhekk ma nifhimx kjarament il-bażijiet tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li wassluha sabiex tilqa’ dan il-motiv.

    144.

    Barra minn hekk, jidhirli li kull wieħed minn dawn iż-żewġ motivi huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

    145.

    Fl-ewwel lok, sa fejn ġie deċiż li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tikkonkludi li kien jeżisti vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn hija ma kinitx kompetenti sabiex teżamina l-kumpens fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament huwa bbażat esklużivament fuq premessa żbaljata. Kif urejt fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel żewġ aggravji tal-appell, id-dritt tal-Unjoni kien applikabbli u l-Kummissjoni kienet kompetenti, f’dak li jirrigwarda l-kumpens inkwistjoni, peress li dan tal-aħħar ingħata wara l-adeżjoni mal-Unjoni tar-Rumanija.

    146.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiddeċiedi unikament fuq din il-bażi li l-kumpens inkwistjoni ma setax jitqies li kien kumpens għall-irtirar ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli.

    147.

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argument li l-parti mill-kumpens li tikkorrispondi għall-perijodu preċedenti għall-adeżjoni taqa’ taħt il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Asteris et ( 55 ), jidhirli fil-fatt li tali element huwa rilevanti fl-analiżi tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Nifhem ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sens li jiddikjara li l-kumpens inkwistjoni ma setax jitqies li kien l-istabbiliment mill-ġdid ta’ għajnuna illegali għaliex, qabel l-adeżjoni, ma setgħetx tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, peress li d-dritt tal-Unjoni kien għadu ma japplikax.

    148.

    Għalkemm huwa ċar li, sabiex jiġi ddeterminat il-mument li fih tkun ingħatat miżura, jgħodd biss il-mument li fih ikun ingħata d-dritt li jiġi rċevut il-kumpens, fl-istadju tal-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, in-natura partikolari ta’ din il-miżura, li hija l-kumpens imħallas mir-Rumanija wara deċiżjoni ta’ arbitraġġ, jista’ jkollha rilevanza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Asteris et ( 56 ).

    149.

    Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ma tiddependix biss mill-punt jekk il-kumpens iwassalx għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ miżura li setgħet tiġi kklassifikata jew le bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE qabel l-adeżjoni. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eskludiet li din il-ġurisprudenza setgħet tiġi applikata għal proċedura ta’ arbitraġġ, barra mir-regoli nazzjonali ġenerali ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri ( 57 ), u bbażat ruħha wkoll fuq il-fatt li l-inċentivi mogħtija taħt l-EGO kienu ġew ikklassifikati bħala “għajnuna” abbażi tal-Ftehim tal‑1995 mill-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni ( 58 ).

    150.

    Issa, indipendentement mill-punt jekk dawn iż-żewġ elementi kinux fondati, nirrileva li l-Qorti Ġenerali evalwat il-legalità ta’ wieħed biss mill-motivi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex teskludi l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Asteris et ( 59 ), sabiex minn dan tikkonkludi li din tal-aħħar fir-realtà kienet applikabbli.

    151.

    Billi aġixxiet b’dan il-mod, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li kienet teżisti illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala “vantaġġ”, mingħajr ma tivverifika, fl-istess ħin, li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta eskludiet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Asteris et ( 60 ) minħabba, minn naħa, il-bażi li fuqha ngħata l-kumpens u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-EGO kienu ġew ikklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat” abbażi tal-Ftehim tal‑1995 mill-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni.

    152.

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, it-tielet aggravju tal-appell għandu jintlaqa’.

    153.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, li l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑704/15 u l-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 għandhom jiġu miċħuda u li l-Kawżi magħquda T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15 għandhom jintbagħtu lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex hija tiddeċiedi dwar il-kumplament tal-motivi.

    VII. Konklużjoni

    154.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell inċidentali,

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ġunju 2019, European Food SA et vs Il‑Kummissjoni (T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, EU:T:2019:423),

    tiċħad l-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawżi T‑624/15 u T‑694/15 u l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑704/15,

    tibgħat il-Kawżi magħquda T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15 lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi dwar il-kumplament tal-motivi.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018 (C‑284/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Achmea, EU:C:2018:158).

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 59, p. 3.

    ( 4 ) Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea), u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 11).

    ( 5 ) ĠU 2005, L 157, p. 203.

    ( 6 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

    ( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3).

    ( 8 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Makhlouf vs Il‑Kunsill (C‑458/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:441, punt 32).

    ( 9 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 45). Ara wkoll Wathelet, M., Wildemeersch, J., Contentieux européen, Larcier, 2014, p. 488.

    ( 10 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni (C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 44).

    ( 11 ) B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kontenzjuża u mis-sentenza appellata jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ġiet eżegwita u li l-miżura kkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża tħallset lil European Food et u Viorel Micula et. Sa fejn ma jidhirlix li l-inkompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ diġà eżegwita għandha, fiha nnifisha, l-effett li timponi fuq ir-rikorrenti obbligu li jirrimborsaw il-kumpens, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jkollu neċessarjament effett fuq is-sitwazzjoni tagħhom, peress li din id-deċiżjoni tiddetermina jekk ikunux jistgħu jżommu l-ħlasijiet imwettqa mir-Rumanija.

    ( 12 ) Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni. Ara wkoll, dwar dan il-punt, Malferrari, L., “Protection des investissements intra-UE post Achmea et post avis CETA: entre (faux) mythes et (dures) réalités”, f’Berramdane, A. u Trochu, M., Union européenne et protection des investissements, Bruylant, 2021, p. 63.

    ( 13 ) Dwar dan il-punt, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Komstroy (C‑741/19, EU:C:2021:164, punt 69).

    ( 14 ) F’dan ir-rigward, ara Kaleda, S.L., Przejęcie prawa wspólnotowego przez nowe państwo członkowskie. Zagadnienia przejściowe i międzyczasowe, Varsavja, 2003, p. 127 sa 192.

    ( 15 ) Dwar ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ applikabbiltà immedjata tad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara Blatière, L., L’applicabilité temporelle du droit de l’Union européenne, CREAM, 2018, p. 152 sa 167.

    ( 16 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1978, Bauche u Delquignies (96/77, EU:C:1978:26, punt 48), u tas‑7 ta’ Frar 2002, Kauer (C‑28/00, EU:C:2002:82, punt 20). Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et (C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 94).

    ( 17 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C‑122/96, EU:C:1997:458, punt 14).

    ( 18 ) Għal studju dettaljat tal-mod wiesa’ kif il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta s-sitwazzjonijiet pendenti, ara Blatière, L., op. cit., p. 148 sa 152.

    ( 19 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Affish (C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 57), u tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 148).

    ( 20 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, X (C‑318/13, EU:C:2014:2133, punti 21 sa 24). Ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica O2 Czech Republic (C‑64/06, EU:C:2007:348, punt 21).

    ( 21 ) Dwar dan il-punt, ara Kaleda, S.L., Przejęcie prawa wspólnotowego przez nowe państwo członkowskie. Zagadnienia przejściowe i międzyczasowe, op. cit., p. 183: “Id-dispożizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni] li jirregolaw l-effetti ta’ ċerti atti huma applikabbli immedjatament, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom, għall-effetti li jkomplu – huma japplikaw, pereżempju, għall-istanzi ta’ ksur li, minkejja li jirriżultaw minn avvenimenti li seħħew fil-passat, ikunu għadhom pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ”. (Verżjoni oriġinali Pollakka: “przepisy [prawa Unii] regulujące skutki pewnych czynności są natychmiast stosowane w stosunku do skutków trwających w momencie ich wejścia w życie - np. przechwytują naruszenie nadal trwające w dniu wejścia w życie, chociaż wynikające ze zdarzeń dawnych”).

    ( 22 ) Ara s-sentenza Achmea, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara, ukoll, Malferrari, L., op. cit., p. 48 u 50.

    ( 23 ) Opinjoni 2/13, tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 176).

    ( 24 ) Opinjoni 1/09, tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 89).

    ( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Achmea, punti 39 u 56.

    ( 26 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, EU:C:2006:9, punti 3637); tat‑30 ta’ April 2020, EUROVIA (C‑258/19, EU:C:2020:345, punti 4243); u digriet tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Slovenský plynárenský priemysel (C‑113/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:772, punti 2831). Għal studju kritiku tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi għal domandi preliminari fil-kuntest tal-adeżjoni mal-Unjoni ta’ Stati Membri ġodda, ara Półtorak, N., “Ratione Temporis Application of the Preliminary Rulings Procedure”, Common Market Law Review, 2008, Nru 45, p. 1357 sa 1381.

    ( 27 ) Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012 (C‑262/11, EU:C:2012:760).

    ( 28 ) Ftehim konkluż u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni 94/908/KEFA, KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 532).

    ( 29 ) Tali sitwazzjoni hija differenti mis-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, X (C‑318/13, EU:C:2014:2133), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni skont il-prinċipju ta’ applikabbiltà immedjata tad-dritt tal-Unjoni għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot qabel l-adeżjoni. Fil-kawża X, il-qorti tar-rinviju kienet ġiet adita, wara l-adeżjoni tal-Finlandja mal-Unjoni, b’tilwima dwar l-ammont tal-kumpens li kien ingħata wkoll wara l-adeżjoni, wara dannu mġarrab qabel din l-adeżjoni. Għalhekk is-suġġett tat-tilwima kien tabilħaqq jirrigwarda fatti sussegwenti għall-adeżjoni, minkejja li dawn tal-aħħar kienu jikkostitwixxu l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot preċedentement, u kien intiż li jirriżolvi sitwazzjoni għall-futur. Min-naħa tagħha, it-tilwima li biha ġie adit it-tribunal ta’ arbitraġġ f’din il-kawża kienet tirrigwarda mhux l-ammont tal-kumpens mogħti, iżda tabilħaqq l-eżistenza stess ta’ ksur mir-Rumanija tal-BIT u għalhekk kienet tirrigwarda sitwazzjoni li seħħet qabel l-adeżjoni.

    ( 30 ) Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012 (C‑262/11, EU:C:2012:760).

    ( 31 ) Għall-kompletezza u għal finijiet ta’ kurżità duttrinali, nispeċifika li qorti Rumena ma tistax tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effetti futuri tad-deċiżjoni tagħha dwar il-ksur mir-Rumanija tal-BIT fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Tali domanda, minn naħa, tkun purament ipotetika peress li, fil-mument li fih il-proċedura tkun pendenti, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza l-eżitu tat-tilwima. Min-naħa l-oħra, hija ma taqax strettament taħt is-suġġett tat-tilwima li biha tkun adita l-qorti Statali, li jirrigwarda biss il-punt jekk ir-Rumanija kisritx jew le l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-BIT, b’mod li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima.

    ( 32 ) Punt 34.

    ( 33 ) Sentenza Achmea, punt 34. Ara wkoll l-Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 168173 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) C‑741/19, EU:C:2021:164, punt 64.

    ( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Komstroy (C‑741/19, EU:C:2021:164, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fl-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada, EU:C:2019:72, punt 82).

    ( 37 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Achmea (C‑284/16, EU:C:2017:699, punt 40). Ara, ukoll, Kochenov, D. u Lavranos, N., “Achmea Versus the Rule of Law: CJEU’s Dogmatic Dismissal of Investors’ Rights in Backsliding Member States of the European Union”, Hague Journal on the Rule of Law, 2021.

    ( 38 ) Dwar il-kontribut tat-tribunali ta’ arbitraġġ fid-dritt tal-investimenti għall-osservanza tal-Istat tad-dritt, ara Sadowski, W., “Protection of the Rule of Law in the European Union through Investment Treaty Arbitration: Is Judicial Monopolism the Right Response to Illiberal Tendencies in Europe?”, Common Market Law Review, Nru 55, 2018, p. 1025 sa 1060, u Kochenov u D., Lavranos, N., op. cit.

    ( 39 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MKV”).

    ( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 61).

    ( 41 ) Barra minn hekk, nirrileva li tali soluzzjoni għandha l-vantaġġ li turi ċerta koerenza mal-prassi tat-tribunali ta’ arbitraġġ, f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni ratione temporis tagħhom. F’dan ir-rigward, ara Matringe, J. “La compétence ratione temporis et l’applicabilité du traité dans le temps”, f’Leben, C. (editur), La procédure arbitrale relative aux investissements internationaux, L.G.D.J., 2010, p. 78 u 79.

    ( 42 ) Punt 78 tas-sentenza appellata.

    ( 43 ) Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni (C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 17).

    ( 44 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013 (C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 40).

    ( 45 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, punti 3741).

    ( 46 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 88), u digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, L-Irlanda vs Il‑Kummissjoni (C‑369/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:955, punt 29).

    ( 47 ) Sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013 (C‑129/12, EU:C:2013:200).

    ( 48 ) Punt 84 tas-sentenza appellata.

    ( 49 ) Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, ARFEA vs Il‑Kummissjoni (T‑720/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:853, punt 185).

    ( 50 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 59).

    ( 51 ) L-argument żviluppat mill-Kummissjoni fit-tieni aggravju tal-appell huwa bbażat essenzjalment fuq il-premessa li, għalkemm il-miżura għandha titqies li kienet ingħatat qabel l-adeżjoni, id-dritt tal-Unjoni xorta waħda kien applikabbli sa fejn il-ħlas tal-kumpens jikkostitwixxi l-effett futur ta’ sitwazzjoni li nħolqot preċedentement. Jidhirli li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ffissat il-mument tal-għoti tal-għajnuna qabel l-adeżjoni, peress li dan tal-aħħar fir-realtà seħħ mal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u mal-implimentazzjoni tagħha mir-Rumanija. Ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ħlas tal-kumpens ma kienx jikkostitwixxi l-effett futur ta’ sitwazzjoni preċedenti, u li għalhekk id-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli.

    ( 52 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

    ( 53 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457, punti 2324). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawżi magħquda Atzeni et (C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2005:256, punt 198).

    ( 54 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

    ( 55 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

    ( 56 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

    ( 57 ) Premessi 101u 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    ( 58 ) Premessi 105 sa 107 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    ( 59 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

    ( 60 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457).

    Top