Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0620

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2020.
    Land Nordrhein-Westfalen vs D.-H. T.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 23 – Limitazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data – Interess finanzjarju importanti – Infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Data fiskali li tikkonċerna persuna ġuridika – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-620/19.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:649

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

    Kawża C‑620/19

    Land Nordrhein-Westfalen

    vs

    D.-H. T. li qiegħed jaġixxi bħala l-likwidatur tal-assi fir-rigward tal-assi ta’ J & S Service UG

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Referenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni — Ġurisprudenza Dzodzi — Renvoi dirett u inkundizzjonat — Interess fl-uniformità kunċettwali — Regolament (UE) 2016/679 — Protezzjoni tad-data — Restrizzjonijiet — Artikolu 23(1)(e) u (j) — Infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili — Proċedura ta’ insolvenza — Awtoritajiet fiskali”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Skont l-Artikolu 267 TFUE, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-Trattati jew il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni. Waħda mill-kundizzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont din id-dispożizzjoni hija li l-att tal-Unjoni li tiegħu qiegħda tintalab l-interpretazzjoni jkun applikabbli fil-kawża prinċipali, u din l-applikabbiltà hija normalment stabbilita fl-att tad-dritt tal-Unjoni rilevanti stess.

    2.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, billi tibda mis-sentenza Dzodzi ( 2 ), li t-Trattati ma jeskludux mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja t-talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar dispożizzjonijiet tal-Unjoni li ma humiex applikabbli għall-fatti tal-kawża direttament (jiġifieri bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni stess), iżda fejn dawn id-dispożizzjonijiet isiru applikabbli indirettament (jiġifieri permezz ta’ renvoi (riferiment) imwettaq mid-dritt nazzjonali, li effettivament jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni). Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta leġiżlazzjoni nazzjonali, biex tirregola sitwazzjonijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura tal-Unjoni kkonċernata, tadotta l-istess sitwazzjonijiet bħal dawk adottati f’din il-miżura, huwa manifestament fl-interess tal-Unjoni li, biex jiġu evitati diverġenzi futuri fl-interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet meħuda minn din il-miżura għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi.

    3.

    Għalkemm dan it-tagħlim ġie sussegwentement ikkonfermat u applikat f’numru ta’ każijiet sussegwenti (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Dzodzi” ( 3 )), il-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-każijiet jibqgħu, sa issa, pjuttost mhux ċari.

    4.

    Din il-kawża tinkwadra din il-linja ta’ ġurisprudenza għal-limiti esterni tagħha. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 23(1)(e) u (j) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 4 ), anki jekk din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli direttament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni ma taqax, għal diversi raġunijiet, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679. L-Artikolu 23(1) tagħha sar applikabbli għas-sitwazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju sempliċement permezz ta’ renvoi li jinsab fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    5.

    Il-kawża preżenti għalhekk tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika sa fejn il-loġika ta’ renvoi nazzjonali, mibdija f’Dzodzi, tista’ tkun raġonevolment imbuttata f’xenarju li fih, skont mhux waħda, iżda fil-fatt diversi estensjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mwettqa mil-leġiżlatur nazzjonali, il-qorti tar-rinviju qiegħda tiffaċċja li tinterpreta dik ir-regola li, fil-fehma tiegħi, sempliċement ma għandha xejn utli xi tgħid dwar il-kwistjoni attwali quddiem din il-qorti.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    6.

    Il-premessi 2, 4 u 73 tar-Regolament 2016/679 jiddikjaraw:

    “(2)

    Il-prinċipji ta’, u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. […]

    (4)

    L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”] kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

    […]

    (73)

    Ir-restrizzjonijiet dwar prinċipji speċifiċi u d-drittijiet ta’ informazzjoni, aċċess għal u rettifika jew tħassir ta’ data personali, id-dritt għall-portabbiltà tad-data, id-dritt għall-oġġezzjoni, id-deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta’ profili, kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lil suġġett tad-data u ċerti obbligi relatati tal-kontrolluri jistgħu jiġu imposti mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, sa fejn ikun meħtieġ u proporzjonat f’soċjetà demokratika biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika, inkluża l-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem speċjalment b’reazzjoni għal diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni tat-theddidiet għas-sigurtà pubblika, jew ksur ta’ etika għal professjonijiet regolati, objettivi importanti oħrajn ta’ interessi pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, iż-żamma ta’ reġistri pubbliċi miżmuma għal raġunijiet ta’ interess pubbliku ġenerali, ipproċessar ulterjuri tad-data personali arkivjata sabiex jipprovdi informazzjoni speċifika relatata mal-imġiba politika taħt reġimi preċedenti fi stati totalitarji jew il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn, inklużi l-protezzjoni soċjali, is-saħħa pubblika u finijiet umanitarji. Dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Karta u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.”

    7.

    L-Artikolu 1 (“Suġġett u objettivi”) tar-Regolament 2016/679, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

    2.   Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.

    […]”

    8.

    L-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679 (“Restrizzjonijiet”) huwa d-dispożizzjoni li tikkonkludi l-Kapitolu III tiegħu li jirrigwarda d-drittijiet tas-suġġett tad-data. Huwa jistipula:

    “1.   Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

    […]

    (e)

    objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

    […]

    (j)

    l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.”

    B.   Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    9.

    L-Artikolu 2a (“Kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali”) tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi Ġermaniż, iktar ’il quddiem l-“AO”), kif emendat permezz tal-Liġi tas‑17 ta’ Lulju 2017 ( 5 ), jipprovdi:

    “(3)   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi u tal-liġijiet fiskali li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar tad-data personali ma humiex applikabbli meta d-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari r-Regolament 2016/679 […] japplika direttament jew mutatis mutandis skont il-paragrafu (5).

    […]

    (5)   Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679, ta’ dan il-kodiċi u tal-liġijiet fiskali dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-persuni fiżiċi japplikaw mutatis mutandis għall-informazzjoni relatata ma’

    1.

    persuni fiżiċi mejta jew

    2.

    persuni ġuridiċi, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u fondi tal-korporazzjonijiet b’personalità ġuridika jew mingħajrha,

    identifikati jew identifikabbli.”

    10.

    L-Artikolu 32b tal-AO (“Obbligu tal-awtorità finanzjarja sabiex tipprovdi informazzjoni meta d-data personali ma tkunx inkisbet mingħand is-suġġett tad-data”) jipprovdi:

    “(1)   L-obbligu min-naħa tal-awtorità finanzjarja li tinforma lis-suġġett tad-data konformement mal-Artikolu 14(1), (2) u (4) tar-Regolament 2016/679, minbarra l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament 2016/679 u l-Artikolu 31c(2), ma jeżistix

    1.

    meta l-għoti tal-informazzjoni

    (a)

    ikun ta’ ħsara għall-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet finanzjarji jew ta’ korpi pubbliċi oħra fis-sens tal-Artikolu 23(1)(d) sa (h) tar-Regolament 2016/679, jew

    b)

    […]

    u għalhekk l-interess tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-kisba tal-informazzjoni għandu jkun ta’ importanza sekondarja. L-Artikolu 32a(2) għandu japplika mutatis mutandis.”

    11.

    L-Artikolu 32c tal-AO (“Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”) jaqra:

    “(1)   Id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data fir-rigward ta’ awtorità finanzjarja skont l-Artikolu 15 tar-Regolament 2016/679 ma jeżistix meta

    1.

    is-suġġett tad-data ma għandux jiġi informat skont l-Artikolu 32b(1) jew (2),

    2.

    l-għoti ta’ informazzjoni jkollu effett negattiv fuq l-awtorità finanzjarja fl-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili jew fid-difiża ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili stabbiliti kontriha fis-sens tal-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679; l-obbligi tal-għoti ta’ informazzjoni min-naħa tal-awtorità finanzjarja taħt id-dritt ċivili jibqgħu l-istess,

    […]”

    12.

    L-Artikolu 32e tal-AO (“Relazzjoni ma’ drittijiet oħra għall-aċċess u l-għoti ta’ informazzjoni”) jipprovdi:

    “Jekk is-suġġett tad-data jew terz għandu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni fir-rigward tal-awtorità finanzjarja skont il-Liġi tal‑5 ta’ Settembru 2005 dwar il-libertà tal-informazzjoni […] jew skont il-leġiżlazzjoni korrispondenti tal-Länder, l-Artikoli 12 sa 15 tar-Regolament 2016/679 għandhom japplikaw mutatis mutandis flimkien mal-Artikoli 32a sa 32d. F’dan ir-rigward huma esklużi drittijiet iktar estensivi għal informazzjoni relatata mad-data fiskali. […]”

    13.

    Skont l-Artikolu 129(1) tal-Insolvenzordnung (il-Liġi dwar l-Insolvenza tal‑5 ta’ Ottubru 1994), kif emendata:

    “Il-likwidatur tal-assi jista’ jikkontesta […] atti legali li twettqu qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza li huma ta’ detriment għall-kredituri.”

    14.

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 143(1) tal-Liġi dwar l-Insolvenza, il-konsegwenza legali ta’ kontestazzjoni b’suċċess hija li l-benefiċjarju tal-ħlas ikkonċernat għandu jħallasha lura lill-massa fallimentari.

    15.

    Skont l-Artikolu 144(1) ta’ din il-liġi, il-pretensjoni oriġinali tal-benefiċjarju fuq id-debitur tal-insolvenza hija attivata mill-ġdid. Din il-pretensjoni għandha tkun issodisfatta mill-massa fallimentari.

    16.

    L-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni”) tal-Gesetz über die Freiheit des Zugangs zu Informationen für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Liġi dwar l-Aċċess Liberu għall-Informazzjoni tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni”), tas‑27 ta’ Novembru 2001, kif emendata, jaqra:

    “(1)   Din il-liġi għandha tapplika għall-attività amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi […] Għall-finijiet ta’ din il-liġi, awtorità pubblika hija kwalunkwe korp li jwettaq kompiti ta’ amministrazzjoni pubblika.

    […]”

    17.

    L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi (“Dritt għall-informazzjoni”) jipprovdi:

    “(1)   Kull persuna fiżika tista’ tinvoka, kontra l-korpi msemmija fl-Artikolu 2, skont din il-liġi, dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni uffiċjali miżmuma mill-korp.

    2)   Kwalunkwe dispożizzjonijiet legali speċifiċi dwar l-aċċess għall-informazzjoni amministrattiva, l-għoti ta’ informazzjoni jew l-għoti ta’ aċċess għall-fajl għandhom jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. […]”

    III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

    18.

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa l-likwidatur tal-assi ta’ kumpannija, J & S Service UG. F’din il-kwalità, huwa talab lill-amministrazzjoni fiskali ċerta informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fiskali tal-kumpannija insolventi li huwa jamministra, sabiex jeżamina l-possibbiltà li jressaq pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza kontra l-uffiċċju fiskali kompetenti.

    19.

    Ir-rikorrent għamel tali talba abbażi tal-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Ir-rikorrent talab, b’mod partikolari, għall-informazzjoni dwar l-eventwali miżuri ta’ infurzar u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni attwali meħuda kontra l-kumpannija, il-ħlasijiet irċevuti minn din il-kumpannija u d-data li fiha l-awtoritajiet fiskali saru jafu bl-istatus ta’ insolvenza ta’ din il-kumpannija. Ir-rikorrent talab ukoll għal estratti tal-kontijiet tal-kumpannija fir-rigward tat-taxxi kollha relatati għall-perijodu bejn Marzu 2014 u Ġunju 2015.

    20.

    L-aċċess tar-rikorrent għall-informazzjoni ġiet miċħuda mill-uffiċċju fiskali. Ir-rikorrent ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja), li essenzjalment laqgħet ir-rikors. L-appell mil-Land ġie miċħud mill-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja). Din il-qorti kienet tal-fehma li d-dritt għall-informazzjoni, stabbilit fil-liġi tal-Land dwar il-libertà tal-informazzjoni, ma kienx eskluż mid-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tas-sigriet fiskali. Għalkemm, b’mod ġenerali, din it-tip ta’ informazzjoni setgħet tkun suġġetta għas-sigriet fiskali, dan ċertament ma kienx il-każ fir-rigward tal-likwidatur tal-assi tal-kumpannija li magħha kienet relatata l-informazzjoni.

    21.

    Il-Land imbagħad ressaq appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali). Peress li din il-qorti kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta li tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 – dispożizzjoni li għaliha jirreferu d-dispożizzjonijiet dwar is-sigriet fiskali – iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament [2016/679] huwa intiż sabiex jipproteġi wkoll l-interessi tal-amministrazzjoni fiskali?

    (2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-espressjoni ‘l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili’ tkopri wkoll id-difiża tal-amministrazzjoni fiskali mill-pretensjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ċivili u dawn il-pretensjonijiet għandhom ikunu diġà ġew invokati?

    (3)

    Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament [2016/679] dwar il-protezzjoni ta’ interess finanzjarju importanti ta’ Stat Membru fil-qasam fiskali tippermetti li d-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15 [tar-Regolament 2016/679] jiġi limitat fil-kuntest tad-difiża ta’ pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza taħt id-dritt ċivili kontra l-amministrazzjoni fiskali?”

    22.

    Osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri ġew sottomessi mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, mill-Gvern Ċek, Ġermaniż u dak Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea.

    IV. Analiżi

    23.

    It-tliet domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) u (j) tar-Regolament 2016/679. Madankollu, huwa paċifiku li din id-dispożizzjoni ma tapplikax direttament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 23(1) sar indirettament applikabbli mil-leġiżlatur nazzjonali, permezz ta’ renvoi magħmul mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

    24.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel ma tirrispondi għad-domandi magħmula, għandha tiġi indirizzata kwistjoni proċedurali preliminari: il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tirrispondi d-domandi preliminari f’din il-kawża?

    25.

    Il-partijiet li ssottomettew l-osservazzjonijiet f’din il-proċedura għandhom fehmiet differenti f’dan ir-rigward: filwaqt li l-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Gvern Pollakk u, sa ċertu punt, il-Kummissjoni esprimew dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ċek u dak Ġermaniż adottaw pożizzjoni kuntrarja.

    26.

    F’dan il-kuntest, dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Fl-ewwel lok, ser neżamina l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża (A). Għal dan il-għan, ser nippreżenta l-ġurisprudenza Dzodzi (1), billi nfakkar l-oriġini u l-estensjoni tagħha (a), u l-limitazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet progressivament (b). Fid-dawl tal-problemi li jistgħu jirriżultaw minn applikazzjoni estensiva ta’ din il-ġurisprudenza, ser nipproponi sussegwentement lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonsolidaha (2). Sussegwentement, ser napplika l-qafas ġuridiku propost għal din il-kawża billi nikkonkludi li, fil-fehma tiegħi, ebda gwida utli ma tista’ tinsilet mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni invokata għall-problema speċifika li għandha quddiemha l-qorti nazzjonali (3). Peress li wasalt għall-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni f’dan il-każ, ser nindirizza l-mertu tat-tliet domandi preliminari biss fil-qosor ħafna u fil-limiti ta’ dak li fil-fatt huwa loġikament possibbli (B).

    A.   Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    1. Il-ġurisprudenza Dzodzi

    a) Oriġini u estensjoni

    27.

    L-oriġini tal-ġurisprudenza Dzodzi tista’ tinsab fis-sentenza Thomasdünger ( 6 ). F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta pożizzjoni speċifika fit-Tariffa Doganali Komuni (iktar ’il quddiem it-“TDK”). Madankollu, dan il-każ kien jirrigwarda l-importazzjoni ta’ merkanzija fil-Ġermanja minn Stat Membru ieħor u għalhekk kienet taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-TDK. Il-motivazzjoni għar-rinviju kienet li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu, fir-regoli interni rilevanti, irreferew għall-pożizzjonijiet stabbiliti fit-TDK għal finijiet oħra.

    28.

    Fil-konklużjonijiet konċiżi tiegħu, l-Avukat Ġenerali Mancini ppropona li l-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni mill-ġurisdizzjoni tagħha. Fil-fehma tiegħu, it-Trattat ma kienx jawtorizza lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi meta d-dispożizzjonijiet Komunitarji (dak iż-żmien) għall-interpretazzjoni jkunu jaffettwaw l-interessi tal-partijiet mhux direttament iżda per relationem. Fil-fehma tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss minħabba li awtorità nazzjonali ddeċidiet, liberament u unilateralment, li tadottahom bħala qafas ta’ referenza sabiex tiddetermina r-regoli tagħha stess ( 7 ).

    29.

    Madankollu, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx il-kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula mbagħad daret għall-mertu tad-domandi ( 8 ).

    30.

    Affermazzjoni espliċita tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi għal rinviji f’każijiet bħal dawk inkwistjoni waslet fil-kawża Dzodzi ( 9 ). Il-kawża kienet tikkonċerna d-dritt ta’ residenza fil-Belġju tal-konjuġi (ta’ nazzjonalità Togolata) ta’ ċittadin Belġjan li miet li qatt ma kien eżerċita l-libertà tiegħu li jaħdem jew li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija mill-qorti Belġjana manifestament ma kinitx tapplika u l-kawża kienet nieqsa minn kull element transkonfinali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju rrilevat li, skont id-dritt nazzjonali, il-konjuġi ta’ ċittadin Belġjan kellu jiġi ttrattat bħallikieku huwa jew hija kien ċittadin Komunitarju. Konsegwentement, din il-qorti staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk Dzodzi kellhiex id-dritt li tirrisjedi u tibqa’ fil-Belġju li kieku żewġha kien ċittadin ta’ Stat Membru li ma huwiex il-Belġju.

    31.

    Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Darmon issuġġerixxa li l-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni mill-ġurisdizzjoni tagħha. B’mod partikolari, huwa enfasizza li l-unità u koerenza tal-ordinament ġuridiku Komunitarju ma hijiex affettwata minn sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tagħha, irrispettivament mill-eventwali similarità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti mad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom intalbet l-interpretazzjoni ( 10 ).

    32.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx ir-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq tliet kunsiderazzjonijiet prinċipali: (i) il-preżunzjoni ta’ rilevanza, ii) li t-test tat-Trattat ma jeskludix espressament il-kompetenza ġudizzjarja u iii) l-interess tal-Komunità li, “sabiex jiġu evitati differenzi futuri fl-interpretazzjoni, kull dispożizzjoni Komunitarja [tiġi] interpretata b’mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandha tiġi applikata” ( 11 ).

    33.

    Dzodzi sussegwentement saret ġurisprudenza stabbilita. Dan l-approċċ ġie applikat mhux biss f’kawżi li kienu jikkonċernaw il-libertajiet fundamentali, iżda wkoll f’kawżi li kienu jirrigwardaw, inter alia, il-politika agrikola komuni ( 12 ), il-protezzjoni tal-konsumaturi ( 13 ), it-tassazzjoni ( 14 ), il-politika soċjali ( 15 ), u d-dritt tal-kompetizzjoni ( 16 ).

    34.

    Minkejja li l-isfond fattwali u ġuridiku ta’ dawn il-każijiet varja, fil-biċċa l-kbira tagħhom żewġ elementi dehru li kienu ta’ importanza partikolari għall-Qorti tal-Ġustizzja: (i) il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rriproduċiet lealment id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni ( 17 ), u/jew (ii) l-intenzjoni espressa (jew fi kwalunkwe każ ċara) tal-leġiżlatur nazzjonali li jarmonizza l-liġi nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit tal-aħħar ġie kkunsidrat, inter alia, bħala ssodisfatt meta fir-regolazzjoni ta’ sitwazzjonijiet purament interni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottat l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt tal-Unjoni ( 18 ), b’mod partikolari sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini tagħha stess jew kull distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 19 ), jew sabiex jiġi previst qafas ġuridiku uniku f’sitwazzjonijiet paragunabbli ( 20 ).

    35.

    Il-ġurisprudenza sussegwenti baqgħet pjuttost ambigwa fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni eżatta tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-kawża Dzodzi. Jidher li l-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza ġew applikati b’mod ġeneruż ħafna f’diversi każijiet.

    36.

    B’mod partikolari, f’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat sa anki referenzi vagi, indiretti jew impliċiti għad-dritt tal-Unjoni. Dan kien il-każ, pereżempju, fil-kawża BIAO, fejn id-dispożizzjoni nazzjonali “ma rriproduċietx id-[dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni] verbatim” iżda l-gvern nazzjonali u l-qorti tar-rinviju qablu li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tkun vinkolanti fuq livell nazzjonali ( 21 ). Bl-istess mod, fil-kawża BAT, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza abbażi tal-fatt li “l-leġiżlazzjoni nazzjonali [kienet] allinjat ruħha indiskutibbilment, għar-riżoluzzjoni ta’ sitwazzjonijiet interni, mas-soluzzjonijiet użati fid-dritt tal-Komunità”, għalkemm id-dispożizzjoni speċifika inkwistjoni ma għamlitx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward ( 22 ).

    37.

    Bl-istess mod, fil-kawża Kofisa, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat rinviju fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola sitwazzjonijiet interni ma kinitx tirreferi għal dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss għal-“leġiżlazzjoni doganali” rilevanti tal-Unjoni ( 23 ). Bl-istess mod, fil-kawża Schoonbroodt, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti kienu jirreferu sempliċement għal “prinċipji tad-dritt Komunitarju” ( 24 ). Fl-aħħar, fil-kawża Ostas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-ġurisdizzjoni tagħha skont il-ġurisprudenza Dzodzi, bla ħsara għall-verifiki mill-qorti tar-rinviju li kien hemm renvoi dirett u inkundizzjonat ( 25 ).

    38.

    B’mod interessanti, fil-kawża Federconsorzi u fil-kawża Fournier ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni anki fiċ-ċirkustanzi fejn ir-renvoi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KE ma kien jinsab fl-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda biss f’kuntratti rregolati mid-dritt privat jew minn ftehim konklużi minn awtoritajiet pubbliċi.

    39.

    Barra minn hekk, fil-kawżi Kofisa u Poseidon, il-Qorti tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha wara li assumiet li dik is-sentenza ser tkun vinkolanti fuq il-qorti tar-rinviju. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li ma kien hemm xejn fil-proċess li jindika li l-qorti nazzjonali kellha s-setgħa li tinjora l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja marret saħansitra lil hinn minn hekk fis-sentenza Fournier, fejn aċċettat li għandha ġurisdizzjoni wara li kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu jaqgħu taħt qasam li ma kienx kopert mid-direttiva rilevanti u li, għaldaqstant, il-kliem użat fid-dispożizzjonijiet nazzjonali “mhux neċessarjament għandu jkollhom l-istess tifsira bħal dawk użati fid-Direttiva [rilevanti]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija “l-qorti nazzjonali, bħala l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta [id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni], li għandha tagħti lit-termini użati [f’dawn id-dispożizzjonijiet] is-sens li hija tqis opportun, mingħajr ma tkun marbuta f’dan ir-rigward mis-sens li għandu jingħata lill-istess espressjoni kif użata fid-direttiva” ( 28 ).

    40.

    Fl-aħħar nett, f’ċerti kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma elaboratx dwar għaliex, skont il-ġurisprudenza Dzodzi, hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għar-rinviju. Hija sempliċement irriproduċiet il-ġurisprudenza mingħajr ma spjegat kif il-prinċipji stabbiliti kienu applikabbli għall-fatti tal-każ ( 29 ).

    b) Il-limiti

    41.

    Minkejja li saret stabbilita sew, il-ġurisprudenza Dzodzi kompliet tqajjem kritika minn diversi Avukati Ġenerali: Jacobs fil-kawża LeurBloem ( 30 ) u fil-kawża BIAO ( 31 ), Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Kofisa ( 32 ), u Tizzano fil-kawża Adam ( 33 ). Essenzjalment, l-Avukati Ġenerali mgħallmin (i) ikkonstataw li l-fatt li t-Trattati ma jeskludux espressament il-kompetenza ma huwiex konvinċenti, fid-dawl tal-prinċipju fundamentali ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fihom, (ii) qajmu dubju dwar l-eżistenza ta’ interess reali tal-Unjoni li tiżgura interpretazzjoni koerenti, (iii) enfasizzaw fuq in-natura mhux konvenzjonali tal-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni barra mill-kuntest proprju tagħhom u, (iv) iddubitaw in-natura vinkolanti tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iċ-ċirkustanzi. Fuq din il-bażi, dawn l-Avukati Ġenerali stiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tabbanduna l-ġurisprudenza Dzodzi jew, fi kwalunkwe każ, sabiex tapplikaha b’mod restrittiv.

    42.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma segwiet is-suġġeriment li tiġi abbandunata l-ġurisprudenza Dzodzi. Madankollu, hija daħħlet ċerti kwalifiki matul iż-żmien.

    43.

    L-ewwel nett, fis-sentenza Kleinwort Benson, wara s-suġġeriment tal-Avukat Ġenerali Tesauro ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-ġurisdizzjoni tagħha minħabba li d-dritt nazzjonali inkwistjoni ma kienx jipprevedi “renvoi dirett u inkundizzjonat” għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, iżda sempliċiment ħadithom bħala mudell, mingħajr ma rriproduċiet kompletament it-termini tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-dritt nazzjonali kien ċar fis-sens li l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx neċessarjament torbot lill-qorti nazzjonali ( 35 ).

    44.

    Għalkemm il-kriterju tar-“renvoi dirett u inkundizzjonat” mhux dejjem ġie segwit fis-snin ta’ wara l-għoti tas-sentenza Kleinwort Benson ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja applikatu progressivament b’mod iktar rigoruż. Għalhekk, hija ċaħdet każijiet fejn ir-renvoi ma kienx ċar, mhux ippruvat jew ġeneriku wisq ( 37 ), u fejn ir-renvoi ma kienx jimplika li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-rinviju kienet vinkolanti fuq il-qorti tar-rinviju ( 38 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, minflok, aċċettat rinviji fejn id-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għamluha ċara li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni kienu saru direttament u inkundizzjonament applikabbli mid-dritt nazzjonali ( 39 ). F’għadd ta’ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ir-rinviju biss wara li kienet żgurata li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja kienu ser ikunu vinkolanti fuq l-awtoritajiet nazzjonali ( 40 ). Fejn kien meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura milli tħares lejn ix-xogħol preparatorju tal-liġijiet nazzjonali biex tivverifika li l-leġiżlatur nazzjonali kellu tabilħaqq l-intenzjoni li jittratta sitwazzjonijiet tal-Unjoni u nazzjonali bl-istess mod ( 41 ).

    45.

    It-tieni nett, fil-kawża Ullens de Schooten, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, f’kawżi li jikkonċernaw il-libertajiet fundamentali, il-ġurisdizzjoni tagħha li tirrispondi għal domandi magħmula f’sitwazzjonijiet purament interni hija eċċezzjoni. Sussegwentement, hija pproċediet għas-sistematizzazzjoni tal-proċess, billi elenkat erba’ gruppi ta’ ċirkustanzi li fihom hija madankollu kompetenti sabiex tirrispondi għal dawn ir-rinviji (il-ġurisprudenza Dzodzi hija waħda minnhom). Importanti, wieħed josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li f’sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed, “huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement għar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura tagħha purament interna, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni […] li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima” ( 42 ).

    46.

    Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (kemm qabel kif ukoll wara s-sentenza Ullens de Schooten) tidher li tikkonferma li l-Qorti tal-Ġustizzja hija lesta li tivverifika b’mod iktar rigoruż jekk il-qrati tar-rinviju debitament ipprovdewx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha b’mod pożittiv ( 43 ).

    47.

    It-tielet nett, hemm il-kawża Nolan. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisprudenza Dzodzi ma tapplikax meta “att tal-Unjoni [kien] jipprevedi espressament każ ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “ma jistax jiġi ddikjarat jew preżunt li jeżisti interess min-naħa tal-Unjoni sabiex, f’qasam eskluż mil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-att li huwa adotta, tingħata interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att” ( 44 ).

    48.

    Ċertament, il-kawża Nolan tista’ tinqara bħala li tindika li r-regola Dzodzi ma tapplikax kull darba li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni previsti mid-dritt nazzjonali jeskludu espressament sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, li kieku kellha tkun interpretata b’dan il-mod, il-kawża Nolan tkun unicum fil-ġurisprudenza ( 45 ).

    49.

    Fil-fatt, f’kawżi sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li tali interpretazzjoni (daqshekk vasta) tal-kawża Nolan hija żbaljata. Fil-kawża E, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li ssegwi l-istess loġika, filwaqt li nnotat li “l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet ikkaratterizzata minn aspetti speċifiċi li ma jinstabux fil-kawżi prinċipali” ( 46 ). Iktar reċentement, fil-kawżi GS u VG, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ġurisdizzjoni tagħha ma tistax “tvarja skont jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti ġiex iddelimitat permezz ta’ definizzjoni pożittiva jew permezz tal-istabbiliment ta’ ċerti każijiet ta’ esklużjoni, peress li dawn iż-żewġ tekniki leġiżlattivi jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli” ( 47 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-ġurisprudenza Dzodzi hija intiża “sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom dawn għandhom jiġu applikati, f’sitwazzjonijiet li l-awturi tat-Trattati jew il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qisux utli li jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet” ( 48 ).

    50.

    Għalhekk, naħseb li l-kawża Nolan għandha pjuttost tinftiehem bħala kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-ġurisdizzjoni tagħha minħabba li d-dispożizzjoni tal-Unjoni, li l-interpretazzjoni tagħha ntalbet, kienet ġiet “użata” mil-leġiżlatur nazzjonali f’kuntest imbiegħed wisq minn dak oriġinali. Fil-fatt, mhux biss id-dispożizzjoni tal-Unjoni ma kinitx tapplika għas-sitwazzjoni inkwistjoni ratione personae, iżda wkoll il-kuntest ġuridiku li fih kienet taqa’ r-regola nazzjonali varja b’mod kunsiderevoli.

    2. Konsolidazzjoni u kjarifika tal-ġurisprudenza Dzodzi

    51.

    Minkejja l-kritika li ġiet suġġetta għaliha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod konsistenti l-ġurisprudenza Dzodzi. Madankollu, kif jidher mill-ħarsa ġenerali li saret iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet li taħthom tiġi ammessa kawża, anki jekk effettivament taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura tal-Unjoni, u l-limiti eżatti għal tali estensjoni, bl-ebda mod ma huma ċari.

    52.

    Jiena nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taħtaf l-opportunità li toffri din il-kawża sabiex tikseb almenu daqsxejn ċarezza dwar din il-kwistjoni ( 49 ). Fin-nuqqas ta’ qafas iktar preċiż, il-qrati nazzjonali ma għandhomx gwida fir-rigward dwar meta huma jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li huma applikabbli biss indirettament fil-kawża prinċipali. Ftit li xejn huwa neċessarju li jitfakkar, f’dan il-kuntest, li kull rinviju miċħud għal raġunijiet proċedurali jimplika inevitabbilment użu mhux ottimu tal-ħin u tar-riżorsi kemm għall-qorti tar-rinviju kif ukoll għall-Qorti tal-Ġustizzja.

    53.

    Fis-siltiet segwenti, ser nesponi l-kundizzjonijiet li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu ssodisfatti sabiex rinviju magħmul barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura tal-Unjoni jkun jista’ jiġi aċċettat skont l-approċċ Dzodzi. Tnejn minn dawn il-kundizzjonijiet – jiġifieri kundizzjoni doppja sostantiva u kundizzjoni formali – diġà joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (a). Nissuġġerixxi li tiġi kkonfermata espressament l-eżistenza tat-tielet kundizzjoni, waħda sostantivi, minbarra dawn it-tnejn, li għandha x’taqsam mal-interess ta’ uniformità kunċettwali mfittex minn tali rinviju (b).

    a) Renvoi dirett u inkundizzjonat u l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tispjega r-rinviju għal deċiżjoni preliminari

    54.

    L-ewwel kundizzjoni sostantiva – li hija fil-fatt doppja kundizzjoni – ġiet stabbilita l-ewwel darba fil-kawża Kleinwort Benson u iktar reċentement ġiet ikkonfermata f’linja ta’ każijiet: id-dritt nazzjonali għandu jkun fih “renvoi dirett u inkundizzjonat” fid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan naturalment iqajjem il-mistoqsija: meta renvoi huwa dirett u inkundizzjonat?

    55.

    It-terminu “dirett” għandu jkun mifhum, fil-fehma tiegħi, bħala li jfisser li r-rinviju għandu jkun speċifiku u mhux ambigwu, għall-kuntrarju ta’ rinviju ġenerali (jew ġeneriku) ( 50 ). Dak ir-rekwiżit huwa ċertament issodisfatt mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li espliċitament fihom renvoi espliċitu għad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li huma identifikati jew faċilment identifikabbli. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li r-rinviji li ma jinsabux fid-dispożizzjoni nazzjonali stess, iżda f’dokumenti oħra — bħall-atti li jakkumpanjaw il-leġiżlazzjoni (jew xogħol preparatorju ieħor), jew fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni — jistgħu jitqiesu suffiċjentement sempliċi u ċari għal dan il-għan ( 51 ).

    56.

    Min-naħa l-oħra, it-terminu “inkundizzjonat” jidher li jfisser li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni msemmija huma “applikabbli mingħajr limitazzjoni għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali” ( 52 ), li jimplika li l-qorti tar-rinviju ma tistax titlaq mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 53 ). Dan il-qari tat-terminu “inkundizzjonat” huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza msemmija hawn fuq fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li s-sentenza tagħha tkun vinkolanti fil-kawża prinċipali ( 54 ).

    57.

    Wara l-kawża Ullens de Schooten, sar ċar ukoll li teżisti kundizzjoni proċedurali li għandha tiġi ssodisfatta sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta rinviju f’kawża Dzodzi. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet fejn id-dritt tal-Unjoni ma japplikax direttament għall-fatti tal-kawża tikkostitwixxi eċċezzjoni u, bħala tali, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Barra minn hekk, għarfien ċar u ddettaljat tal-liġijiet nazzjonali rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa iktar u iktar importanti f’każijiet Dzodzi, minħabba li r-rilevanza u l-ħtieġa ta’ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja jista’ ma jkunux faċilment apparenti ( 55 ). Għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tispjega lill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex, minkejja l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni ma humiex applikabbli direttament fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija attivata. In-nuqqas li tipprovdi informazzjoni pertinenti fuq dan il-punt iżomm lill-Qorti tal-Ġustizzja milli sempliċement tiddeċiedi li għandha ġurisdizzjoni ( 56 ).

    b) L-interess f’“uniformità kunċettwali”

    58.

    Fil-fehma tiegħi, hemm kundizzjoni addizzjonali li għandha tiġi ssodisfatta sabiex tagħti lok għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Dzodzi. Għalkemm xi traċċi ta’ din il-kundizzjoni jistgħu jiġu identifikati fil-ġurisprudenza ( 57 ), irrid nammetti li, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx referenza għaliha b’mod espliċitu. Madankollu, din il-kundizzjoni addizzjonali tidher li toħroġ mill-loġika stess li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza Dzodzi.

    59.

    Il-ġustifikazzjoni prinċipali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Dzodzi – li l-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet, kważi bħala mantra, matul il-ġurisprudenza tagħha – hija li, f’każijiet ta’ renvoi, huwa fl-interess tal-Unjoni li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni “sabiex jiġu evitati differenzi futuri fl-interpretazzjoni”. B’implikazzjoni, din l-“uniformità ta’ interpretazzjoni” għandha, fl-istruttura ta’ dawn il-kawżi, tkun għamlet riferiment għall-interess tal-Unjoni biex iżżomm l-uniformità interna fi Stat Membru u mhux, xi ħaġa li tkun ferm iktar tradizzjonali fid-dritt tal-Unjoni, l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni madwar l-Istati Membri tagħha. Inkella, huwa pjuttost diffiċli li wieħed jara eżattament kif l-uniformità tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi mhedda mill-Istati Membri individwali li unilateralment iżommu, fuq livell nazzjonali, regoli differenti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

    60.

    Madankollu, ma nistax nara għalfejn kull riferiment għal dispożizzjonijiet, prinċipji jew kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jinsabu fil-liġijiet tal-Istati Membri neċessarjament joħloq interess, min-naħa tal-Unjoni, li jkollha (dak li jista’ jissejjaħ) “uniformità kunċettwali”.

    61.

    Nista’ nifhem interess f’uniformità kunċettwali, u mhux biss għall-Unjoni iżda wkoll, iktar u iktar, għall-Istat Membru, f’li ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli joperaw, fuq livell nazzjonali, f’kuntest funzjonalment u ġuridikament paragunabbli. Dan jista’ jkun il-każ meta dawn ir-regoli jsegwu l-istess għan u jirrigwardaw l-istess suġġett. F’dawn is-sitwazzjonijiet — u f’dawn biss — jidhirli li huwa kemm mixtieq kif ukoll possibbli li dawn iż-żewġ settijiet ta’ regoli jiġu interpretati b’mod konsistenti.

    62.

    Fil-fatt, diversi Avukati Ġenerali wissew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-perikoli tal-interpretazzjoni ta’ regola barra mill-kuntest tagħha, jew tal-applikazzjoni tagħha għal numru ta’ fatti differenti minn dawk previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 58 ). Ma nistax ma nesprimix l-istess riżervi. Madankollu, meta l-kuntest taż-żewġ settijiet ta’ regoli huwa essenzjalment analogu, dawn ir-riskji huma probabbilment iżgħar.

    63.

    Madankollu, xi kjarifiki jistgħu jkunu neċessarji f’dak li jikkonċerna r-rekwiżit li d-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni jikkonċernaw l-istess suġġett. Fil-fatt, sa fejn tal-ewwel jirregolaw kwistjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni waħda, dan ir-rekwiżit ma jistax, evidentement, ikun intiż li jeħtieġ identiċità perfetta, iżda iktar li jeħtieġ kontigwità, prossimità jew xebh strett tal-oġġetti tagħhom.

    64.

    Huwa probabbli li dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt meta l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li jestendu l-portata tar-regoli tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet “viċini”, sabiex is-sitwazzjonijiet regolati mill-Unjoni u s-sitwazzjonijiet purament interni jiġu ttrattati bl-istess mod. Fil-fatt, dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta r-regoli interni rilevanti jkunu biex ngħidu hekk “stadju eliminat”, kemm jekk ratione materiae, ratione personae, ratione loci jew ratione temporis, mill-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni li fih huma jagħmlu renvoi.

    65.

    Eżempji mill-ġurisprudenza jgħinu sabiex dan il-kunċett jinftiehem aħjar. Fil-kawża Dzodzi, il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-KE u nazzjonali kienu jikkonċernaw b’mod ċar l-istess kwistjoni: il-kisba tad-dritt ta’ residenza għall-konjuġi, rispettivament, ta’ ċittadini tal-Unjoni u Belġjani. Il-qorti Belġjana għalhekk staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk Dzodzi kinitx tkun intitolata għal dan id-dritt li kieku kienet taqa’ ratione personae fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-KE ( 59 ). Fil-kawża Leur-Bloem, il-leġiżlatura Olandiża, meta ttrasponiet id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar it-taxxa applikabbli għal fużjonijiet, diviżjonijiet, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, kienet wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli biex tkopri wkoll fużjonijiet bejn żewġ kumpanniji Olandiżi ( 60 ). Fil-kawża SGI u fil-kawża Solar Electric Martinique, il-leġiżlazzjoni Franċiża kienet essenzjalment għamlet ir-regoli tal-VAT tal-Unjoni japplikaw għal dipartimenti u territorji barranin, minkejja l-fatt li dawn tal-aħħar kienu espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi rilevanti tal-Unjoni ( 61 ). Fil-kawża Europamur, il-liġijiet Spanjoli rilevanti kienu estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur biex jirregolaw ukoll prattiki minn negozju għal negozju ( 62 ). F’bosta każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet domandi dwar l-interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 101 TFUE meta l-ftehimiet jew il-prattiċi inkwistjoni ma affettwawx il-kompetizzjoni fis-suq intern iżda setgħu potenzjalment kisru r-regoli dwar il-kompetizzjoni nazzjonali ( 63 ).

    66.

    Anki f’ħafna każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet ġenerożament evalwat l-eżistenza ta’ renvoi dirett u inkundizzjonat — bħal fil-kawżi Fournier, Ostas jew BIAO ( 64 ) — il-fatt jibqa’ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet sempliċement għamlet estensjoni ta’ “stadju uniku” tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni ( 65 ).

    67.

    Madankollu, iktar ma l-leġiżlazzjoni nazzjonali toħroġ mill-kuntest li fih id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni ġew maħsuba u operati, iktar l-interess tal-Unjoni (u tal-Istat Membru kkonċernat) li jiżgura uniformità kunċettwali ssir dgħajfa, u iktar il-bażi għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun dgħajfa. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ forsi tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpreta regola tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq ta’ ħnieżer li kieku Stat Membru jkollu jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola sabiex tkun tkopri t-trasport bit-triq ta’ nagħaġ. Iżda mbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara lilha nfisha kompetenti wkoll, billi tirreferi għas-sentenza Dzodzi, li kieku Stat Membru kellu jestendi din il-leġiżlazzjoni, jew xi dispożizzjonijiet magħżula minn din il-leġiżlazzjoni, abbażi ta’ renvoi ċar u inkundizzjonat, għat-trasporti interstellari ta’ persuni?

    68.

    Ovvjament, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri milli jispiraw ruħhom mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u li jissellfu dawn ir-regoli — jew ċerti prinċipji, kunċetti u termini li jintużaw fihom — sabiex jirregolaw kwistjonijiet oħra. Issa, il-kreattività tagħhom li jikkombinaw elementi ġodda fir-regoli tal-Unjoni ma jistax ikollha, bħala konsegwenza, estensjoni anormali u mingħajr limitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    69.

    Għalhekk, il-loġika sottostanti hija waħda fi stadji. Bħala regola empirika, li wieħed jeċċedi biss bi stadju wieħed barra mill-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, filwaqt li tiġi ppreżervata l-loġika globali ta’ dan il-qafas, jista’ ma joħloqx problema. Madankollu, numru ta’ stadji żgħar għal-leġiżlatur nazzjonali jsiru f’daqqa waħda qabża ġganteska għall-Qorti tal-Ġustizzja, li mbagħad essenzjalment tintalab tiddeċiedi indirettament f’kawża li ftit li xejn hija relatata mal-istrument oriġinali tad-dritt tal-Unjoni.

    c) Sommarju intermedjarju

    70.

    Fil-qosor, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-ġurisdizzjoni f’kawża li fiha d-dritt tal-Unjoni inkwistjoni huwa applikat quddiem il-qorti nazzjonali minħabba l-estensjoni nazzjonali tiegħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni inizjalment ikkonċepit, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet.

    71.

    L-ewwel nett, id-dritt nazzjonali għandu jinkludi renvoi dirett u inkundizzjonat għad-dispożizzjoni tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, li tirrendi din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mhux biss applikabbli b’mod ċar għall-każ inkwistjoni, iżda jimplika wkoll li l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja huma vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali f’din il-kawża.

    72.

    It-tieni nett, huwa meħtieġ ukoll li r-regoli tal-Unjoni estiżi mid-dritt nazzjonali joperaw f’kuntest funzjonalment u ġuridikament paragunabbli, fejn jibqa’ interess li tiġi ppreżervata uniformità kunċettwali, u li fih l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għad jista’ jkollha ċerta utilità għall-qorti tar-rinviju.

    73.

    It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha tispjega b’mod ċar kif iż-żewġ rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti fil-kawża preżenti, billi tfakkar id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali.

    74.

    Huwa fid-dawl ta’ dan il-qafas li issa ser neżamina jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni f’din il-kawża.

    3. Il-kawża ineżami

    75.

    L-ewwel nett, nibdew mill-aħħar kundizzjoni proċedurali, li l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha tkun stabbilita b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tispjega b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni skont il-ġurisprudenza Dzodzi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha bżonn tirrikorri għal ebda suppożizzjonijiet dwar id-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward.

    76.

    It-tieni nett, huwa paċifiku li d-dritt nazzjonali rilevanti, l-AO, iwettaq renvoi“dirett u inkundizzjonat” għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679. Renvoi espress għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament hija inkluża fil-Artikoli 2a, 32b, u 32e tal-AO. Barra minn hekk, il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO jiddikjara li t-termini “l-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili jew […] fid-difiża ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili” għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679 ( 66 ). L-intenzjoni li jiġu allinjati ż-żewġ settijiet ta’ regoli toħroġ ukoll mill-memorandum ta’ spjegazzjoni ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, huwa paċifiku wkoll li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun vinkolanti għall-qorti tar-rinviju.

    77.

    It-tielet nett, madankollu, niddubita bil-qawwa jekk hemmx xi interess li tiġi żgurata uniformità kunċettwali. Fil-fatt, jidhirli li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali inkwistjoni — meta evalwati kemm fil-livell tal-makro (fil-kuntest tal-istrument ġuridiku li jagħmlu parti minnu) kif ukoll fil-livell tal-mikro (billi jiffokaw fuq id-dispożizzjonijiet speċifiċi biss) – la għandhom l-istess għan u lanqas ma jikkonċernaw l-istess suġġett.

    78.

    Qabel kollox, ftit li xejn huwa neċessarju li jiġu enfasizzati d-differenzi sinjifikattivi, f’termini ta’ kontenut u ta’ għan, bejn id-diversi oqfsa leġiżlattivi li minnhom jagħmlu parti ż-żewġ dispożizzjonijiet. L-Artikolu 23(1) huwa dispożizzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data: corpus ta’ regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali fis-suq uniku ( 67 ). Dan ir-regolament, qabel kollox, jistabbilixxi limiti għall-użu tal-ipproċessar tad-data sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data.

    79.

    Min-naħa l-oħra, il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1), huwa dispożizzjoni tal-Kodiċi tat-Taxxa tal-Ġermanja, strument ġuridiku għalkollox differenti. Id-dispożizzjonijiet li dan l-istrument jinkludi, inklużi dawk dwar l-ipproċessar tad-data, huma intiżi sabiex jiżguraw tassazzjoni uniformi u legali u s-salvagwardja tad-dħul fiskali.

    80.

    Barra minn hekk, iż-żewġ dispożizzjonijiet speċifiċi, kemm jekk meħuda flimkien kif ukoll waħedhom, huma wkoll differenti fis-sens tal-għanijiet u tal-kontenut.

    81.

    L-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679 jipprevedi sitwazzjonijiet li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri huma awtorizzati jintroduċu restrizzjonijiet għad-drittijiet normalment mogħtija lis-suġġetti tad-data ggarantiti mill-Kapitolu III tar-Regolament 2016/679 (pereżempju, id-drittijiet ta’ aċċess, ta’ rettifika u ta’ tħassir), u l-obbligi korrispondenti imposti fuq il-kontrollur (bħall-obbligi ta’ informazzjoni). Fis-sitwazzjonijiet elenkati fih (li għandhom jiġu interpretati ristrettivament), ċerti interessi pubbliċi jew privati jistgħu jillimitaw id-dritt fundamentali tal-individwi għall-protezzjoni tad-data personali ( 68 ).

    82.

    Min-naħa l-oħra, il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO – inkluż fl-Ewwel Parti, fir-Raba’ Kapitolu (“Protezzjoni tad-Data u Sigriet Fiskali”) tal-AO – jifforma parti minn numru ta’ regoli intiżi li jirregolaw meta l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi jistgħu (jew ma jistgħux) jiżvelaw jew jagħmlu użu mid-data tal-persuni taxxabbli li huma kisbu aċċess għalihom fil-kuntest ta’ proċeduri relatati mat-taxxa. Taħt din id-dimensjoni, kif jidher ukoll fil-każ preżenti, dawn ir-regoli fil-fatt jaġixxu bħala restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess ta’ individwu għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi.

    83.

    B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO ġie introdott sabiex jirrimedja status żvantaġġuż tal-amministrazzjoni fiskali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Fid-dritt Ġermaniż, azzjoni għal revoka mressqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza tikkostitwixxi azzjoni tad-dritt ċivili li tiżvolġi quddiem il-qrati ċivili. Il-liġi Ġermaniża dwar l-insolvenza tqiegħed il-kredituri rregolati mid-dritt privat u l-kredituri rregolati mid-dritt pubbliku fuq livell ugwali, sabiex il-pretensjonijiet irregolati mid-dritt pubbliku, bħat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ma jkunux prijoritarji.

    84.

    Madankollu, kif tindika wkoll il-qorti tar-rinviju, qabel l-adozzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO, l-amministrazzjonijiet fiskali kienu, fil-prattika, f’pożizzjoni agħar minn kull kreditur privat ieħor. Fil-fatt, permezz ta’ ġurisprudenza nazzjonali b’aċċess faċli skont ir-regoli dwar il-libertà u l-aċċess għall-informazzjoni, l-amministraturi tal-insolvenza kienu f’pożizzjoni li jitolbu li jkollhom aċċess għall-informazzjoni fiskali relatata mad-debitur tal-insolvenza mill-awtoritajiet fiskali. Dan ippermetta lill-amministraturi jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatt jekk għandhomx jitressqu pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza kontra dawn l-awtoritajiet. Din il-possibbiltà ma teżistix fir-rigward tal-kredituri privati tad-debitur tal-insolvenza, peress li dawn il-kredituri ma humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-informazzjoni.

    85.

    Huwa f’tali kuntest leġiżlattiv u prattiku li l-leġiżlatur Ġermaniż introduċa l-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO sabiex jevita li l-awtoritajiet fiskali jinsabu f’pożizzjoni iktar dgħajfa minn kredituri privati oħra fil-proċeduri ta’ insolvenza.

    86.

    Għaldaqstant, l-għanijiet taż-żewġ dispożizzjonijiet huma ugwalment differenti: l-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679 huwa intiż sabiex jistabbilixxi bilanċ ġust bejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi kkonċernati mill-ipproċessar ta’ data (pereżempju, il-ħajja privata u tal-familja) u l-ħtieġa li jiġu protetti interessi leġittimi oħra f’soċjetà demokratika (pereżempju, is-sigurtà nazzjonali). B’kuntrast ma’ dan, il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO huwa intiż sabiex jirrimedja żbilanċ ipperċepit fir-rigward tal-amministrazzjonijiet fiskali meta jitressqu pretensjonijiet għal evitar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    87.

    Barra minn hekk, sabiex jintlaħaq tali għan, il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO mhux talli ma jestendix sempliċement il-portata tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 għal ċerti sitwazzjonijiet “viċini”, talli “jissellef” dispożizzjoni minn dan tal-aħħar u permezz ta’ referenza leġiżlattiva intriganti japplikaha għal numru ta’ ċirkustanzi pjuttost differenti. Madankollu, din il-kostruzzjoni leġiżlattiva hija possibbli biss għaliex diġà kien hemm, f’elementi oħra tal-qafas ġuridiku nazzjonali, diversi estensjonijiet oħra tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679, ratione materiae u ratione personae.

    88.

    L-ewwel nett, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 japplika biss għall-persuni fiżiċi, filwaqt li l-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO japplika fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-aċċess għall-informazzjoni huwa mitlub fir-rigward tad-data fiskali ta’ persuna ġuridika. Dan, ovvjament, ma huwiex dettall żgħir: l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar meħtieġ mill-Artikolu 23(1) mhux neċessarjament jista’ jitwettaq bl-istess mod fir-rigward tad-data li tikkonċerna persuna ġuridika, li għaliha ir-Regolament 2016/679 lanqas biss huwa applikabbli, u b’hekk ma jimplika ebda bbilanċjar jew evalwazzjoni leġiżlattiva fir-rigward ta’ tali sitwazzjoni. L-interess ta’ persuna fiżika li tipproteġi l-privatezza tagħha u dik tal-familja tagħha ftit li xejn jista’ jitqabbel mal-interess ta’ persuna ġuridika li jista’ ikollha sabiex tipproteġi data dwar, pereżempju, in-negozju tagħha, l-organizzazzjoni tagħha jew il-pożizzjoni fiskali tagħha.

    89.

    It-tieni nett, kif spjega l-Gvern Ġermaniż, skont id-dritt nazzjonali, il-likwidatur tal-assi huwa “parti terza” ( 69 ) għall-finijiet tal-aċċess għad-data tad-debitur insolventi. Għaldaqstant, il-likwidatur tal-assi ma jistax jitqies li jaġixxi abbażi tad-drittijiet li s-suġġett tad-data (il-kumpannija taħt amministrazzjoni) ittrasferixxietlu. Issa, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 jikkonċerna d-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi tal-kontrolluri tad-data. Din id-dispożizzjoni sempliċement ma tikkonċernax l-aċċess ta’ terzi partijiet għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi.

    90.

    It-tielet nett, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679, kuntrarjament għall-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO, ma jikkonċernax ir-restrizzjonijiet għat-talbiet għal aċċess għall-informazzjoni, miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi, ibbażati fuq regoli ta’ trasparenza u ta’ ftuħ. Id-dispożizzjoni tal-Unjoni tistabbilixxi r-restrizzjonijiet ammissibbli għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data (inkluż id-dritt ta’ aċċess), intiżi li jinfurzaw id-drittijiet ta’ privatezza tagħhom kontra d-detenturi u l-proċessuri tad-data (irrispettivament min-natura privata jew pubblika tagħhom).

    91.

    Għalhekk, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 huwa dispożizzjoni li tippermetti eċċezzjonijiet speċifiċi għal ċerti drittijiet ta’ suġġetti ta’ data, li jirriżultaw mis-sistema u mil-loġika tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Huwa intiż li jistabbilixxi bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali tal-individwi, jiġifieri l-persuni fiżiċi, u ċerti interessi vitali pubbliċi u privati.

    92.

    Il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO jopera “trapjant” ta’ din id-dispożizzjoni intiż sabiex jiżgura ċertu bilanċ f’kuntest leġiżlattiv u fattwali kompletament differenti. Id-dispożizzjoni nazzjonali isservi, fil-fatt, li jiġi limitat kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ wisq tar-regoli interni dwar l-aċċess għall-informazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, billi ċċaħħad lil ċerti (terzi) partijiet mill-aċċess għall-informazzjoni relatata mat-taxxa, bil-għan li jiġi stabbilit (mill-ġdid) bilanċ bejn il-partijiet f’kawżi ta’ revoka fi proċedura ta’ insolvenza.

    93.

    Bħala konklużjoni, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 u l-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO jifformaw parti minn corpus iuris differenti, isegwu għanijiet differenti, u jsegwu loġika kompletament differenti. Ma narax għalfejn għandu jkun hemm xi interess, ċertament min-naħa tal-Unjoni u possibbilment ukoll tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, f’li tiġi żgurata uniformità kunċettwali bejniethom.

    94.

    Fuq din il-bażi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, f’din il-kawża, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

    95.

    Madankollu, peress li huwa l-obbligu tiegħi li nassisti (kompletament) lill-Qorti tal-Ġustizzja, ser nittratta fil-qosor il-mertu tad-domandi magħmula, bir-riżerva sinjifikattiva li, minn dak kollu li ġie spjegat iktar ’il fuq, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli għall-finijiet tat-tilwima pendenti quddiemha.

    96.

    Fuq livell metaforiku, huwa daqslikieku arbitru tal-hockey fuq is-silġ jiġi mistoqsi jekk l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-icing hijiex applikabbli f’sitwazzjoni fejn iż-żewġ timijiet għandhom inqas plejers mill-opponenti tagħhom, iżda fejn gowler wieħed iħalli l-lasta tiegħu u jiċċaqlaq fid-direzzjoni tad-diska, minn xi ħadd jilgħab ċess fl-udjenza tal-rink tas-silġ (ice rink) għall-finijiet biex jiġi deċiż jekk din il-persuna tistax tagħmel mossa castling bir-reġina tagħha. Huwa ċertament probabbli li r-risposta għal din id-domanda tkun li r-regoli ta’ hockey fuq is-silġ ma jipprekludux tali mossa, iżda nissuspetta li dan huwa għaliex, kif wieħed jista’ jissupponi, dawn ir-regoli ma jgħidu xejn dwar tentattivi ta’ castling b’reġina fiċ-ċess.

    B.   Il-mertu tad-domandi preliminari

    97.

    Permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li ssir taf jekk dispożizzjoni nazzjonali – bħall-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO – li tillimita d-dritt ta’ aċċess għad-data personali miżmuma mill-awtoritajiet fiskali, meta din id-data tista’ tintuża biex jitressqu pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza kontra dawn l-awtoritajiet, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679.

    98.

    Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati hawn fuq, ir-risposta għal din id-domanda tista’ tkun biss pożittiva. Minħabba l-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan differenti tiegħu, ir-Regolament 2016/679 ma għandu xejn xi jgħid dwar l-għażla leġiżlattiva konkreta magħmula mill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-libertà ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-kredituri rregolati mid-dritt privat u mid-dritt pubbliku.

    99.

    Fi kwalunkwe każ, u minkejja d-diffikultà loġika affaċċjata fl-“adattament” tad-dispożizzjoni inkwistjoni tal-Unjoni għall-fatti tal-kawża, fis-segwenti ser nipprova ninterpreta daqslikieku kienet applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    1. L-ewwel domanda

    100.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679 jawtorizzax restrizzjonijiet introdotti fil-kuntest ta’ interess tal-awtoritajiet pubbliċi, għall-kuntrarju tal-protezzjoni tal-interessi tal-partijiet privati.

    101.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li tali possibbiltà hija evidentement assunta mil-leġiżlatur nazzjonali: Il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO jirreferi espressament għall-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679. Madankollu, din il-qorti tinnota li ċerti opinjonijiet akkademiċi jissuġġerixxu li s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23(1)(i) u (j) jippermettu restrizzjonijiet biss skont interess privat, u għalhekk ma jistgħux “ikopru” it-tkomplija ta’ għan pubbliku.

    102.

    Il-Land u l-Gvern Ċek u dak Ġermaniż huma tal-fehma li l-ewwel domanda magħmula għandha tkun imwieġba fl-affermattiv. Fir-rigward tal-kwistjoni (astratta) tal-interpretazzjoni tal-punti (i) u (j) tal-Artikolu 23(1), jiena naqbel mal-fehma tagħhom. La mill-formulazzjoni u lanqas mill-għan tal-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679 ma jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tkunx applikabbli fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi.

    103.

    Il-punt (j) jirrigwarda biss “l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili”, mingħajr ebda limitazzjoni fir-rigward tan-natura privata jew pubblika tal-partijiet fil-proċedura. Xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 (jew fil-premessa 73) ma jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-azzjonijiet tad-dritt ċivili li fihom jipparteċipaw l-awtoritajiet pubbliċi, bħala rikorrenti jew bħala konvenuti.

    104.

    Barra minn hekk, anki jekk il-parti l-kbira tal-pretensjonijiet skont id-dritt ċivili huma ppreżentati bejn persuni privati, bl-għan ta’ interess privat, ma nara l-ebda motiv raġonevoli li abbażi tiegħu l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li jittratta b’mod differenti l-proċeduri tad-dritt ċivili li fihom l-awtoritajiet pubbliċi huma partijiet. Kull tali regola, li tagħti iktar drittijiet lil ċerti pretendenti fuq pretendenti oħra, tkun pjuttost stramba fil-fehma tiegħi.

    105.

    L-iskop tar-regola stipulata fil-punt (j) huwa – nassumi – li jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jew nazzjonali li jiddeċiedi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili, ir-regoli speċifiċi dwar l-iskoperta jipprevalu, f’każ ta’ kunflitt, fuq ir-regoli ġenerali li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-data. Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet jipprovdu sistemi partikolari ta’ skoperta fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji, fosthom il-proċeduri tad-dritt ċivili. Madankollu, is-sistemi tal-Istati Membri jvarjaw b’mod sinjifikattiv. Fid-dawl tal-importanza ta’ tali sistemi, huwa possibbli li jiġi assunt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jiddeċiedi li l-applikazzjoni tagħhom ma għandhiex tiġi affettwata mir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Loġikament, hekk għandu jkun, irrispettivament minn jekk il-partijiet humiex suġġetti għad-dritt privat jew pubbliku, u indipendentement mill-interess privat jew pubbliku li fuqu hija bbażata l-azzjoni jew id-difiża tagħhom.

    106.

    Il-Kummissjoni, madankollu, tressaq l-argument oppost. Hija ssostni li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 jagħmel distinzjoni ta’ prinċipju bejn l-eċċezzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu l-interessi pubbliċi, elenkati fil-punti (a) sa (h), u dawk intiżi sabiex jipproteġu l-interessi privati, elenkati fil-punti (i) u (j) ta’ dan l-artikolu. Hija tispjega li l-punt (j) ma kienx fil-predeċessur tad-dispożizzjoni attwali (l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE ( 70 )), u ġie introdott biss permezz tar-regolament attwali. Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba li ġie miżjud fit-tmiem tal-lista, u mhux fil-bidu tal-lista, il-punt (j), l-istess bħall-punt (i), għandu jkun intiż sabiex jipproteġi interessi privati.

    107.

    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li ż-żieda tal-punt (j) kienet maħsuba li tikkodifika l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Promusicae ( 71 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat differenza apparenti fid-dispożizzjonijiet li kienu jikkorrispondu għall-Artikolu 23 attwali meta mqabbla mal-kapaċità tal-partijiet (privati) li jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Fil-fehma tiegħu, l-emenda kellha kamp ta’ applikazzjoni speċifiku u stretta ħafna.

    108.

    Madankollu, ma nara ebda element, la fit-test tar-Regolament 2016/679 u lanqas fix-xogħol preparatorju, insostenn tal-argument tal-Kummissjoni. F’dak li jikkonċerna lil dan tal-aħħar, b’mod partikolari, insibha pjuttost konfondenti li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda tali dokument quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew, tal-inqas, għamlet riferiment għalih fl-osservazzjonijiet tagħha.

    109.

    Fi kwalunkwe każ, mix-xogħol preparatorju disponibbli għall-pubbliku, jidher li l-punt (j) ma deherx fil-Proposta għal regolament imressqa mill-Kummissjoni fl‑2012 ( 72 ). Dan il-punt ġie sussegwentament introdott mill-Kunsill ( 73 ). Madankollu, fid-dokumenti li stajt nirrevedi, ma sibt l-ebda traċċa tal-allegata intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-emenda għal pretensjonijiet ta’ infurzar imressqa minn partijiet privati ( 74 ). Lanqas ma sibt xi indikazzjoni speċifika li l-leġiżlatur tal-Unjoni struttura l-lista ta’ restrizzjonijiet eventwali skont id-dikotomija ta’ interess pubbliku/interess privat issuġġerit mill-Kummissjoni.

    110.

    Lanqas ma jiena konvint mill-argument li skontu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (j) għandha suppost tkun pjuttost stretta, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu biss l-intenzjoni li jirreaġixxi għas-sentenza fil-kawża Promusicae.

    111.

    Il-punt (j) jista’ jkun li kien imqanqal mis-sentenza fil-kawża Promusicae. Madankollu, ma narax għalfejn, ladarba din il-problema ġiet “miftuħa” mis-sentenza, il-leġiżlatur kellu neċessarjament l-intenzjoni li jillimita l-emenda għall-fatti speċifiċi ta’ din it-tilwima. Għaliex tillimita l-emenda fil-pretensjonijiet skont id-dritt ċivili mressqa minn partijiet privati fil-persegwiment ta’ interess privat? Kif issemma fil-punti 104 u 105 iktar ’il fuq, kull tali regola tidher li hija kemxejn irraġonevoli.

    112.

    Għalhekk ma nara ebda raġuni li nikkonkludi li l-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679 jippermetti l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet biss meta l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili huwa mfittex minn individwi privati.

    2. It-tieni domanda

    113.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-espressjoni “l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili” fl-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679 tinkludix ukoll id-difiża kontra l-pretensjonijiet skont id-dritt ċivili u, jekk huwa hekk, jekk l-eżistenza tal-pretensjoni għandhiex tkun diġà ġiet stabbilita.

    114.

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO jistabbilixxi, essenzjalment, il-prinċipju li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligi tal-għoti tal-informazzjoni għandhom jiġu indikati biss mir-regoli tad-dritt ċivili. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni (nazzjonali) tipprevedi obbligi ta’ skoperta biss meta pretensjoni għall-evitar ta’ insolvenza tiġi stabbilita fuq il-mertu tagħha u meta l-proċeduri jirrigwardaw biss id-determinazzjoni ulterjuri tan-natura u tal-portata tal-pretensjoni. Għalhekk, sakemm jiġi stabbilit obbligu ta’ restituzzjoni, il-likwidatur tal-assi jista’ jitlob informazzjoni mingħand id-debitur insolventi biss.

    115.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-terminu “Durchsetzung” użat fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679 jirreferi tradizzjonalment għall-isfera tal-pretendent u huwa prinċipalment użat bħala sinonimu għall-infurzar jew għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni li diġà ġie kkonstatat fil-mertu. Fil-fatt, dan it-terminu huwa simili għat-termini “enforcement” fil-verżjoni Ingliża tar-regolament u “exécution” fil-verżjoni Franċiża tar-regolament. Fuq din il-bażi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-difiża kontra l-pretensjonijiet skont id-dritt ċivili tistax tiġi inkluża taħt it-terminu “infurzar”. F’dan il-kuntest, hija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jirreferu għal “stabbiliment”, “eżerċizzju” jew “difiża” ta’ pretensjonijiet legali ( 75 ).

    116.

    Jekk l-espressjoni “l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili” tinkludi d-difiża mill-awtoritajiet fiskali kontra tali pretensjonijiet, dan iqajjem ukoll il-kwistjoni – skont il-qorti tar-rinviju – dwar jekk il-pretensjonijiet (f’dan il-każ, il-pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza) għandhomx diġà jkunu stabbiliti, jew jekk huwiex biżżejjed li tintalab l-informazzjoni sabiex jiġu eżaminati tali pretensjonijiet. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO jirreferi għad-difiża tal-entità ġuridika tal-awtorità fiskali “kontra l-pretensjonijiet skont id-dritt ċivili stabbiliti kontra tagħha” ( 76 ). Dan jissuġġerixxi li l-pretendent diġà ressaq pretensjoni fil-konfront tal-parti opposta, u li l-meriti ta’ dik il-pretensjoni diġà ġew issostanzjati. Madankollu, interpretazzjoni testwali differenti hija wkoll possibbli. Barra minn hekk, jekk ir-regola nazzjonali kellha teskludi d-dritt ta’ aċċess għad-data fiskali biss fil-proċeduri ta’ infurzar, din ir-regola tkun fil-parti l-kbira ineffettiva: il-likwidatur tal-assi jkun diġà kiseb l-informazzjoni meħtieġa. Il-qorti tar-rinviju tkun għalhekk inklinata li taqra l-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO fis-sens li l-formulazzjoni “stabbilit” tinkludi wkoll “għadu jrid jiġi stabbilit” jew “possibbli”.

    117.

    F’dak li jirrigwarda wkoll din it-tieni domanda, jiena naqbel mal-fehmiet espressi mil-Land kif ukoll mill-Gvern Ċek u dak Ġermaniż.

    118.

    Qabel kollox, jidhirli li l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili jimplika neċessarjament evalwazzjoni tal-argumenti mressqa insostenn tal-eżistenza tal-pretensjoni, kif ukoll tal-argument insostenn tal-ineżistenza tal-pretensjoni. Interpretazzjoni kuntrarja tkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Fil-fatt, din tikser l-ekwilibriju proċedurali bejn il-partijiet fil-proċeduri ġudizzjarji billi tiffavorixxi lill-pretendent. Għalhekk, il-kunċett ta’ “infurzar” għandu jinkludi dak ta’ “difiża” kontra l-pretensjoni mressqa mill-pretendent.

    119.

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jużaw l-espressjoni “stabbiliment, eżerċizzju jew difiża” ta’ dritt quddiem il-qrati. L-ewwel nett, dawn id-dispożizzjonijiet setgħu ġew abbozzati minn “idejn” differenti f’mumenti differenti (kif imsemmi, il-punt (j) ġie miżjud mill-Kunsill iktar tard). It-tieni nett, dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra ma jinkludux it-terminu “infurzar” fost dawk użati, u għalhekk ma jistgħux jiġu pparagunati b’mod sinjifikattiv.

    120.

    Bl-istess loġika, jiena tal-opinjoni wkoll li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679 ma hijiex kundizzjonali fuq ir-rekwiżit li l-pretensjonijiet skont id-dritt ċivili jkunu diġà ġew stabbiliti.

    121.

    Ċertament, it-terminu użat fir-regolament, fid-diversi lingwi ( 77 ), jista’ jinqara bħala li jirreferi biss għall-fażi ta’ infurzar tal-proċedura: dak li fih tinkiseb konformità minn parti, jekk ikun hemm bżonn permezz ta’ koerċizzjoni. Madankollu, dan it-terminu jista’ wkoll jinftiehem, b’mod iktar wiesa’, li jirreferi għall-bidu tal-proċedura sabiex dritt suġġettiv ta’ xi ħadd jiġi rrikonoxxut u għalhekk protett.

    122.

    Naħseb li din l-aħħar interpretazzjoni għandha tiġi ppreferuta. Ma narax il-loġika li għaliha l-leġiżlatur tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri li jżommu s-sistemi speċifiċi tagħhom dwar l-iskoperta biss f’ċerti tipi jew stadji ta’ proċeduri ċivili u mhux f’oħrajn. Jekk raġunijiet dwar il-protezzjoni tal-integrità u l-korrettezza tal-proċeduri legali ċivili jippermettu lill-Istati Membri li jintroduċu restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tas-suġġetti tad-data (u l-obbligi tal-kontrolluri tad-data), dawn ir-regoli għandhom b’mod raġonevoli japplikaw, fil-prinċipju, f’kull stadju tal-proċedura ( 78 ).

    123.

    L-interpretazzjoni opposta tidher ukoll kontra-intuwittiva: għaliex l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jillimitaw l-aċċess matul l-istadju finali (jew ta’ infurzar) tal-proċedura, iżda mhux qabel? Kif tirrileva ġustament il-qorti tar-rinviju, l-amministratur ikun kiseb l-informazzjoni mfittxija sa dak iż-żmien u r-regola li tillimita l-aċċess tkun tilfet is-sens tagħha.

    124.

    Għalhekk, nikkonkludi li l-espressjoni “l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili”, fl-Artikolu 23(1)(j) tar-Regolament 2016/679, tinkludi wkoll id-difiża kontra l-pretensjonijiet skont id-dritt ċivili u ma hijiex limitata għal sitwazzjonijiet fejn l-eżistenza tal-pretensjoni tkun diġà ġiet stabbilita.

    3. Fuq it-tielet domanda

    125.

    Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO, li tillimita d-dritt ta’ aċċess għad-data miżmuma mill-awtoritajiet fiskali, meta din id-data tista’ tintuża biex jitressqu pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza kontra dawn l-awtoritajiet, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679.

    126.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO ma jirreferix għall-Artikolu 23(1)(e) iżda għall-Artikolu 23(1)(j). Madankollu, din il-qorti ma teskludix li l-punt (e) jista’ madankollu jipprovdi bażi valida għad-dispożizzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-għanijiet imfittxija mill-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO – li l-awtoritajiet fiskali jitqiegħdu f’pożizzjoni ekwivalenti għal dik ta’ kredituri oħra f’każ ta’ pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza, sabiex tiġi żgurata tassazzjoni uniformi u jiġi ssalvagwardjat dħul fiskali – jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “għan importanti ta’ interess pubbliku ġenerali” fis-sens tal-punt (e). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni taqax taħt il-“qasam fiskali”, għall-finijiet tal-punt (e), sa fejn is-suġġett tat-tilwima li hija adita bih ma huwiex irregolat mil-liġi fiskali, iżda mil-liġi tal-insolvenza.

    127.

    F’dan ir-rigward, iżda bir-riżerva diġà espressa iktar ’il fuq ( 79 ), jiena nerġa’ naqbel mal-Land, u mal-Gvern Ċek u dak Ġermaniż, li skonthom din id-domanda titlob risposta pożittiva.

    128.

    Il-punt (e) tal-Artikolu 23(1) jippermetti restrizzjonijiet maħsuba biex jissalvagwardjaw “objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali ta’ […] Stat Membru, b’mod partikolari, interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali” ( 80 ). Għalhekk jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679 li l-Istati Membri huma intitolati li jintroduċu restrizzjonijiet għal ċerti drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament sabiex isegwu l-interessi ekonomiċi fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni.

    129.

    L-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679 jirriproduċi, fis-sustanza, il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1)(e) tad-Direttiva 95/46 ( 81 ), li fir-rigward tiegħu il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “limitazzjoni tal-protezzjoni tad-data mogħtija mid-Direttiva 95/46 għal finijiet fiskali hija […] espressament prevista minn din id-direttiva” ( 82 ).

    130.

    Huwa minnu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679 jelenka numru ta’ eċċezzjonijiet u, bħala tali, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Tabilħaqq, bħala regola ġenerali, dan huwa l-approċċ korrett. Madankollu, il-punt (e) fih innifsu ma huwiex restrizzjoni, iżda biss id-dikjarazzjoni ta’ għan leġittimu. Min-natura tiegħu stess, għan leġittimu huwa indeterminat fil-formulazzjoni tiegħu. Dan huwa komuni għall-parti l-kbira tal-interessi elenkati fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 (notevolment, is-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika). Ir-raġuni hija, b’mod ċar, li interpretazzjoni dejqa u applikazzjoni tar-restrizzjonijiet permessi mill-Artikolu 23(1) hija żgurata billi tkun meħtieġa l-osservanza tal-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni: kull restrizzjoni għandha (i) tiġi introdotta permezz ta’ miżura leġiżlattiva, (ii) tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u (iii) tkun miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika.

    131.

    B’hekk, l-uniku rekwiżit stabbilit fil-punt (e) tal-Artikolu 23(1) huwa li l-interess li l-Istat Membru għandu l-intenzjoni li jipproteġi jkun wieħed “importanti”. Hawnhekk ukoll, ir-regolament ma joffri ebda indikazzjoni dwar x’jista’ (jew le) jiġi kkunsidrat bħala “importanti”.

    132.

    Personalment, jiena ninterpreta “importanti” bħala sempliċiment “li jimmerita l-protezzjoni”: interess li, sa fejn jippermetti deroga minn numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni, huwa rrikonoxxut bħala leġittimu anki fis-sistema ġuridika tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta l-interess imfittex jibbenefika lill-ġeneralità (għan ta’ interess pubbliku ġenerali), u ma jmurx kontra ebda regola jew prinċipju tad-dritt tal-Unjoni jew, tal-inqas, bl-ebda mod ma jkun inġust, dan l-interess jaqa’ b’mod ċar taħt il-punt (e).

    133.

    Minkejja dan, bilkemm għandi bżonn nindika li l-għan li tiġi żgurata tassazzjoni uniformi u li jkun ssalvagwardjat id-dħul mit-taxxa huma rrikonoxxuti bħala għanijiet leġittimi fis-sistema legali tal-Unjoni ( 83 ). Madankollu, il-mod speċifiku li bih il-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO jsegwi dan l-għan, jista’ jmur lil hinn mill-“ispazju sigur” mogħti lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679?

    134.

    Jiena ma naħsibx.

    135.

    Ma narax għalfejn id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO, li hija intiża sabiex tqiegħed lill-awtoritajiet fiskali f’pożizzjoni ekwivalenti għal dik ta’ kredituri oħra fil-kuntest ta’ pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza.

    136.

    Minbarra l-fatt li, għal darba oħra, huwa pjuttost diffiċli li tiġi dedotta xi pożizzjoni mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679 dwar il-kwistjoni tal-ugwaljanza tal-kredituri rregolati mid-dritt pubbliku u mid-dritt privat fil-proċedura ta’ insolvenza, nirrileva wkoll li, f’numru ta’ Stati Membri oħra, l-awtoritajiet fiskali jgawdu minn pożizzjoni privileġġata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Għalhekk ma huwiex eskluż li l-leġiżlatur Ġermaniż jista’ jikkunsidra li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-awtoritajiet fiskali tiegħu ma għandhomx ikunu (tal-inqas) żvantaġġati meta mqabbla mal-kredituri privati.

    137.

    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-istabbiliment ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-amministrazzjoni fiskali u l-kredituri rregolati mid-dritt privat f’kawżi bħal dik fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix interess pubbliku ġenerali, iżda interess proprju tal-Istat li ma jistax jiġi bbilanċjat mad-dritt fundamentali tas-suġġett tad-data li jkollu aċċess għad-data miġbura li tikkonċernah. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO.

    138.

    Il-ħsieb wara d-distinzjoni bejn “interessi pubbliċi ġenerali” u “interessi proprji għall-Istat”, u d-delimitazzjonijiet preċiżi taż-żewġ kunċetti, onestament ma nistax insibu. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni mill-Kummissjoni dwar dan il-punt, u bl-ebda sejba ta’ traċċa ta’ dan fit-test tar-Regolament 2016/679, jidhirli li l-argumenti tal-Kummissjoni ma humiex persważivi.

    139.

    Fid-dawl ta’ li ntqal hawn fuq, nikkonkludi li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 2 tal-Artikolu 32c(1) tal-AO, li tillimita d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet fiskali, meta din l-informazzjoni tista’ sussegwentement tintuża sabiex jiġu invokati pretensjonijiet għall-evitar ta’ insolvenza kontra dawn l-awtoritajiet, ma jistax jingħad li hija inkompatibbli mal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679, iżda f’termini prattiċi primarjament għaliex l-aħħar dispożizzjoni ma tgħid xejn fuq din il-kwistjoni speċifika.

    V. Konklużjoni

    140.

    Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990 (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360) (iktar ’il quddiem “Dzodzi”).

    ( 3 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja stess irreferiet għal din il-linja ta’ każijiet bħala “l-ġurisprudenza Dzodzi” fis-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 27), u tas‑17 ta’ Lulju 1997, Giloy (C‑130/95, EU:C:1997:372, punt 23).

    ( 4 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

    ( 5 ) Liġi li daħlet fis-seħħ mill‑25 ta’ Mejju 2018.

    ( 6 ) Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 1985 (166/84, EU:C:1985:373).

    ( 7 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini fil-kawża Thomasdünger (166/84, EU:C:1985:208, punti 1 u 2).

    ( 8 ) Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 1985, Thomasdünger (166/84, EU:C:1985:373, punt 11).

    ( 9 ) Iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    ( 10 ) Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:274, punti 8 sa 11). L-Avukat Ġenerali mgħallem ħa l-istess pożizzjoni fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Gmurzynska-Bscher (C‑231/89, EU:C:1990:276), deċiża fl-istess jum.

    ( 11 ) Dzodzi, punti 29 sa 43.

    ( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 1992, Federconsorzi (C‑88/91, EU:C:1992:276).

    ( 13 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443).

    ( 14 ) Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1998, Schoonbroodt (C‑247/97, EU:C:1998:586), u tal‑11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia (C‑1/99, EU:C:2001:10).

    ( 15 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Isbir (C‑522/12, EU:C:2013:711).

    ( 16 ) Ara, fost diversi sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:775), u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160).

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media (C‑413/13, EU:C:2014:2411, punt 19); tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 13); u tal-21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Post et (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:999, punt 39).

    ( 18 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, EU:C:2006:176, punt 17).

    ( 19 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 32).

    ( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Giloy (C‑130/95, EU:C:1997:372, punt 28), kif ukoll tal‑21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2016:578, punt 18).

    ( 21 ) Sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2003 (C‑306/99, EU:C:2003:3, punt 92).

    ( 22 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2004, British American Tobacco (C‑222/01, EU:C:2004:250, punt 41).

    ( 23 ) Sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia (C‑1/99, EU:C:2001:10, punti 18 sa 33).

    ( 24 ) Sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1998, Schoonbroodt (C‑247/97, EU:C:1998:586, punt 15).

    ( 25 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, Ostas celtnieks (C‑234/14, EU:C:2016:6, punti 2021).

    ( 26 ) Rispettivament, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 1992 (C‑88/91, EU:C:1992:276, punti 2 u 3), u tat‑12 ta’ Novembru 1992 (C‑73/89, EU:C:1992:431, punti 13, 14 u 22).

    ( 27 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia (C‑1/99, EU:C:2001:10, punt 31), u tas‑16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, EU:C:2006:176, punt 18).

    ( 28 ) Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1992 (C‑73/89, EU:C:1992:431, punti 22 u 23).

    ( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punti 15 sa 19), u tas‑17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poisťovňa (C‑48/16, EU:C:2017:377, punti 26 sa 32).

    ( 30 ) C‑28/95, EU:C:1996:332.

    ( 31 ) C‑306/99, EU:C:2001:608.

    ( 32 ) Konklużjonijiet fil-kawża Kofisa Italia (C‑1/99 u C‑226/99, EU:C:2000:498, punti 28 et seq.).

    ( 33 ) C‑267/99, EU:C:2001:190, punti 22 sa 35.

    ( 34 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:17, punti 18 et seq.).

    ( 35 ) Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1995 (C‑346/93, EU:C:1995:85, punti 20 et seq.).

    ( 36 ) Għal ħarsa ġenerali u kritika, ara Krommendijk, J., “Wide Open and Unguarded Stand our Gates: The CJEU and References for a Preliminary Ruling in Purely Internal Situations”, German Law Journal, vol. 18, 2017, pp. 1359 sa 1394; u Arena, A., Le ‘situazioni puramente interne’ nel diritto dell’Unione Europea, Editoriale Scientifica, Napoli, 2019, pp. 127 sa 143 u 180 sa 200.

    ( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Generali-Providencia Biztosító (C‑470/13, EU:C:2014:2469, punt 25), u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez (C‑351/14, EU:C:2016:447, punt 66). Ara wkoll id-digriet tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Italsempione - Spedizioni Internazionali (C‑450/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:508, punti 21 sa 23).

    ( 38 ) Ara, pereżempju, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2015, Orrego Arias (C‑456/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:550, punti 2425).

    ( 39 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, SGI u Valériane (C‑459/17 u C‑460/17, EU:C:2018:501, punt 28).

    ( 40 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2003, BIAO (C‑306/99, EU:C:2003:3, punt 92), kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punti 18 u 22).

    ( 41 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, Isbir (C‑522/12, EU:C:2013:711, punt 29), u tal‑21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Post et (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:999, punt 40).

    ( 42 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 47 sa 55, b’mod partikolari 53 u 55).

    ( 43 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 43); tal‑20 ta’ Marzu 2014, Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona (C‑139/12, EU:C:2014:174, punti 46 u 47); tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Belgische Staat (C‑469/18 u C‑470/18, EU:C:2019:895, punti 24 u 25); kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I. (C‑394/18, EU:C:2020:56, punti 47 sa 54). Ara wkoll id-digrieti tat‑3 ta’ Lulju 2014, Tudoran (C‑92/14, EU:C:2014:2051, punti 41 u 42), u tat‑12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343, punti 27 sa 31).

    ( 44 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012 (C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 32 sa 57).

    ( 45 ) L-unika deċiżjoni li tista’, forsi, tinqara li ssegwi lill-kawża Nolan, għalkemm b’raġunament a contrario, hija s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punti 2526).

    ( 46 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019 (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 42).

    ( 47 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G.S u V. G. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 47).

    ( 48 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G.S u V. G. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 47). Enfasi miżjuda.

    ( 49 ) Fil-verità, fil-fatt nemmen, bħall-predeċessuri mgħallma tiegħi ċċitati matul dawn il-konklużjonijiet, li l-linja ta’ ġurisprudenza Dzodzi hija anomalija u għandha tiġi abbandunata. Minbarra li din il-ġurisprudenza hija diskutibbli ħafna fuq il-livell kostituzzjonali, u dan iktar u iktar peress li llum, forsi kuntrarjament għall-passat, dak li jaqa’ taħt il-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” għandu tendenza li jkun issorveljat b’mod iktar qawwi minn qabel, l-approċċ Dzodzi wkoll kien twieled f’mument meta n-numru ta’ rinviji provenjenti mill-qrati nazzjonali kien ħafna iktar moderat u l-Qorti tal-Ġustizzja apparentement ma kinitx tiddejjaq li tieħu xi xogħol addizzjonali. Iżda nissuspetta wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma hijiex lesta għal tali pass.

    ( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 25), u tas‑7 ta’ Novembru 2013, Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punti 19 sa 38). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2012:663, punt 29).

    ( 51 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:404, punt 39), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawżi magħquda Deutsche Post et (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:502, punti 47 u 48).

    ( 52 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 27).

    ( 53 ) Digriet tad‑9 ta’ Settembru 2014, Parva Investitsionna Banka et (C‑488/13, EU:C:2014:2191, punt 29).

    ( 54 ) Ara iktar ’il fuq, punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Ara, f’dan is-sens, C. Ritter, “Purely Internal Situations, Reverse Discrimination, Guimont, Dzodzi and Article 234”, European Law Review, 31, 2006, pp. 690 sa 710, f’709; u S. Iglesias Sanchéz, “Purely Internal Situations and the Limits of EU law: A Consolidated Cae Law or a Notion to be Abandoned?”, European Constitutional Law Review, 14, 2018, pp. 7 sa 36, f’31.

    ( 56 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punti 54 sa 62).

    ( 57 ) Fil-fatt, ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jinqraw bħala li jissuġġerixxu li l-eżistenza ta’ interess reali tal-Unjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti fil-futur, għandha tiġi “stabbilita” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 42); ara wkoll is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punti 8788), u tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Europamur Alimentación (C‑295/16, EU:C:2017:782, punt 32) jew minn tal-inqas “konċepibbli” (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Solar Electric Martinique (C‑303/16, EU:C:2017:773, punt 29).

    ( 58 ) Ara, iktar il fuq, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 59 ) Dzodzi, punti 29 sa 43.

    ( 60 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punti 31 u 32).

    ( 61 ) Rispettivament is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Solar Electric Martinique (C‑303/16, EU:C:2017:773, punt 29), u tas‑27 ta’ Ġunju 2018, SGI u Valériane (C‑459/17 u C‑460/17, EU:C:2018:501, punt 28).

    ( 62 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Europamur Alimentación (C‑295/16, EU:C:2017:782, punt 31).

    ( 63 ) Ara, inter alia, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

    ( 64 ) Rispettivament, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1992, Fournier (C‑73/89, EU:C:1992:431, punt 23) (integrazzjoni ta’ kunċett li jinsab fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur fi ftehim li jirregola l-istess suġġett); tas‑7 ta’ Jannar 2003, BIAO (C‑306/99, EU:C:2003:3, punti 68 sa 77) (estensjoni ta’ regola ta’ kontabbiltà tal-Unjoni għal ċerti sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva tal-Unjoni rilevanti); u tal‑14 ta’ Jannar 2016, Ostas celtnieks (C‑234/14, EU:C:2016:6, punti 17 sa 19) (estensjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal kuntratt li l-valur tas-suq tiegħu kien taħt il-limitu stabbilit mid-Direttiva tal-Unjoni rilevanti).

    ( 65 ) Iżda ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punti 85 sa 93), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi minkejja l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux japplikaw fil-kawża prinċipali ratione temporis u ratione materiae. Minkejja dan, ma jistax jiġi kkontestat li ż-żewġ settijiet ta’ regoli kienu japplikaw għal sitwazzjonijiet simili ħafna, peress li kienu jirrigwardaw l-istess suġġett (il-ftehim ta’ kreditu) u kellhom l-istess għan (li jiġu protetti l-konsumaturi).

    ( 66 ) Ikkwotat fl-intier hawn fuq fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 67 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 2 u 4 u l-Artikolu 1 tar-Regolament 2016/679.

    ( 68 ) Ara b’mod partikolari l-premessi 4 u 73 tar-Regolament 2016/679. B’mod iktar ġenerali, ara Feiler, L., Forgó, N., Weig, M., The EU General Data Protection Regulation (GDPR) - A Commentary, GLP, 2018, pp. 138 sa 140; Moore, D., “Comment to Article 23 – Restrictions”, f’Kuner, C., Bygrave, L., Docksey, C., Drechsler, L. (eds), The EU General Data Protection Regulation (GDPR) - A Commentary, Oxford University Press, 2020, pp. 543 sa 554; u Ehmann, E., Selmayer, M. (eds.), Datenschutz-Grundverordnung: Kommentar, it-2 edizzjoni, C. H. Beck, 2018, p. 467 sa 469.

    ( 69 ) Għal dan il-kunċett fir-Regolament 2016/679, ara l-punt 10 tal-Artikolu 4.

    ( 70 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 15, p. 355).

    ( 71 ) Sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008 (C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 51 sa 55).

    ( 72 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) COM/2012/011 final tal‑25 ta’ Jannar 2012 (p. 54 u 55).

    ( 73 ) Ara, inter alia, id-dokumenti tal-Kunsill 9398/15, tal‑1 ta’ Ġunju 2015 (p. 145 u 146), u 9565/15, tal‑11 ta’ Ġunju 2015 (p. 107 u 108).

    ( 74 ) Irrispettivament mill-kwistjoni strutturali usa’ dwar sa fejn tali intenzjoni allegata għandha fil-fatt tkun rilevanti jekk din ma tkun bl-ebda mod riflessa jew fit-test tal-att ġuridiku jew inkella fil-premessi tiegħu — ara, fid-dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża BV (C‑129/19, EU:C:2020:375, punti 119 sa 123).

    ( 75 ) L-Artikolu 9(2)(f), l-Artikolu 17(3)(e), l-Artikolu 18(1)(c) u (2), it-tieni sentenza tal-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 49(1)(e) tar-Regolament 2016/679.

    ( 76 ) Enfasi miżjuda.

    ( 77 ) Din l-espressjoni hija simili, inter alia, għall-verżjoni Ċeka (“vymáhání”), Spanjola (“ejecución”), Finlandiża (“täytäntöönpano”), Taljana (“esecuzione”), Portugiża (“execução”) u Slovakka (“vymáhanie”) tar-regolament.

    ( 78 ) Ara, b’analoġija, il-loġika, raġonevolment iktar wiesgħa mħaddna mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tal-espressjoni “tista’ tiġi żvelata fi proċeduri ċivili jew kummerċjali” dwar jekk din il-proċedura għandhiex effettivament tkun diġà pendenti fis-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Buccioni (C‑594/16, EU:C:2018:717, punt 35).

    ( 79 ) Punti 93 sa 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 80 ) Enfasi miżjuda.

    ( 81 ) Punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 82 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2019, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 42).

    ( 83 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punt 51), u tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 68).

    Top