Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0546

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2021.
BZ vs Westerwaldkreis.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ċittadin ta’ pajjiż terz – Kundanna kriminali fl-Istat Membru – Artikolu 3(6) – Projbizzjoni ta’ dħul – Raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika – Revoka tad-deċiżjoni ta’ ritorn – Legalità tal-projbizzjoni fuq id-dħul.
Kawża C-546/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:105

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2021 ( 1 )

Kawża C‑546/19

BZ

vs

Westerwaldkreis

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment – Direttiva 2008/115/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa kontra ċittadin ta’ pajjiż terz wara l-kundanna kriminali tiegħu – Raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika – Irtirar tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn – Legalità tal-projbizzjoni fuq id-dħul”

1.

Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita għal darba oħra mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ).

2.

Fil-kawża preżenti, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, ser jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi xi kjarifikazzjonijiet neċessarji dwar żewġt aspetti li jirrigwardaw il-“projbizzjoni fuq id-dħul”, prevista mid-Direttiva 2008/115, li teskludi kull dħul u kull residenza fit-territorju tal-Istati Membri kollha. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab sabiex tiddefinixxi, l-ewwel nett, il-portata tal-marġni li għandhom l-Istati Membri sabiex jadottaw projbizzjonijiet fuq id-dħul esklussivament irregolati mid-dritt nazzjonali, u, it-tieni nett, ir-rabta legali, stabbilita mid-Direttiva inkwistjoni, bejn il-projbizzjoni fuq id-dħul u d-deċiżjoni ta’ ritorn.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2008/115

3.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

4.

L-Artikolu 2(1) u (2), ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

[…]

b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.”

5.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva, intitolat “Definizzjonijiet” jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-[Direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[…]

6)

‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

6.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, huwa mfassal kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

7.

Skont il-kliem tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Posponiment ta’ tneħħija”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

a)

meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement […]”

8.

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jipprovdi:

“1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

a)

jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

b)

jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

[…]”

2. Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006

9.

L-Artikolu 24(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) ( 3 ) jistabbilixxi:

“1.   Id-data dwar ċittadini ta’ pajjiż terz li għalihom inħareġ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul jew soġġorn għandha tiddaħħal abbażi ta’ allert nazzjonali li jirriżulta minn deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew mill-qrati skond ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Din id-deċiżjoni tista’ tittieħed biss abbażi ta’ valutazzjoni individwali. Appelli kontra dawn id-deċiżjonijiet għandhom isiru skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.   Allert għandu jiddaħal meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ibbażata fuq theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li tista’ tiġi mill-preżenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz in kwistjoni fit-territorju ta’ Stat Membru. Din is-sitwazzjoni għandha tirriżulta b’mod partikolari fil-każ ta’:

a)

ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie kkundannat fi Stat Membru għal reat b’piena li tinvolvi t-tneħħija tal-libertà għal perijodu ta’ mill-inqas sena;

b)

ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet serji għaliex wieħed għandu jemmen li kkommetta reati kriminali serji jew li fir-rigward tiegħu hemm indikazzjonijiet ċari ta’ intenzjoni li jikkommetti tali reat fit-territorju ta’ Stat Membru.

3.   Allert jista’ jiddaħħal ukoll meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 kienet ibbażata fuq il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien soġġett għal miżura li tinvolvi tkeċċija, rifjut għal dħul jew tneħħija li ma ġietx revokata jew sospiża, li tinkludi jew hija akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul jew, fejn applikabbli, projbizzjoni ta’ residenza, abbażi ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti nazzjonali dwar id-dħul jew ir-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

10.

Il-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali) (BGBl. 2008 I, p. 162), fil-verżjoni tagħha applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), fiha Artikolu 11, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza”, li jipprovdi kif ġej:

“1.   Ċittadin barrani li kien suġġett għal miżura ta’ tkeċċija, ta’ refoulement jew ta’ tneħħija ma jibqagħlux id-dritt li jidħol mill-ġdid fit-territorju federali u li jirrisjedi hemmhekk u l-ebda permess ta’ residenza ma għandu jinħariġlu, anki meta jkollu dritt għalih abbażi tal-liġi preżenti.

2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza huwa stabbilit ex officio. Dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tat-tluq taċ-ċittadin barrani. Fil-każ ta’ tkeċċija, it-tul tal-projbizzjoni huwa stabbilit fl-istess ħin tas-sentenza ta’ tkeċċija. F’każijiet oħra, dan jiġi stabbilit fl-istess mument tal-għoti tal-ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tneħħija u l-iktar tard waqt it-tneħħija jew refoulement […]

3.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza jaqa’ taħt deċiżjoni diskrezzjonali. Ma jistax ikun itwal minn ħames snin ħlief jekk iċ-ċittadin barrani ġie mkeċċi wara kundanna kriminali jew jekk ikun ta’ perikolu gravi għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku. It-tul ta’ projbizzjoni ma jistax jeċċedi l-għaxar snin.

[…]”

11.

L-Artikolu 50 tal-AufenthG, intitolat “Obbligu ta’ tluq mit-territorju” jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadin barrani huwa suġġett għall-obbligu li jitlaq mit-territorju jekk ma huwiex jew jekk ma jibqax detentur tal-permess ta’ residenza meħtieġ […].

2.   Iċ-ċittadin barrani huwa marbut li jitlaq mit-territorju tar-Repubblika Federali mingħajr dewmien jew, jekk ingħata terminu sabiex jitlaq mit-territorju, qabel ma jiskadi dan it-terminu.

[…]”

12.

L-Artikolu 51 tal-AufenthG, intitolat “Tmiem tal-legalità tar-residenza; żamma ta’ restrizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt 5 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   Il-permess ta’ residenza ma jibqax validu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: […]

5) fil-każ tat-tkeċċija taċ-ċittadin barrani, […]”

13.

Skont l-Artikolu 53(1) tal-AufenthG, intitolat “Tkeċċija”:

“Iċ-ċittadin barrani li r-residenza tiegħu tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku, għall-ordni kostituzzjonali demokratiku u liberu jew għal kwalunkwe interess maġġuri ieħor tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija jekk, fid-dawl tal-fatti kollha tal-każ, l-ibbilanċjar bejn l-interess li jirrappreżenta t-tluq tiegħu u l-interess tiegħu li jibqa’ fit-territorju tar-Repubblika Federali juri li l-interess pubbliku fit-tluq tiegħu jipprevali.”

14.

Il-punt 1 tal-Artikolu 54(1) tal-AufenthG jipprevedi:

“1.   L-interess fit-tkeċċija ta’ ċittadin barrani fis-sens tal-Artikolu 53(1), huwa partikolarment importanti:

1)

jekk ikun ġie kkundannat, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, għal kundanna ta’ priġunerija […]”

15.

L-Artikolu 58, tal-AufenthG, intitolat “Tkeċċija”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2):

“1.   Iċ-ċittadin barrani għandu jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija jekk l-obbligu tiegħu sabiex jitlaq mit-territorju jkun infurzabbli, jekk ma ngħatax terminu sabiex jitlaq mit-territorju jew jekk dan it-terminu skada, u jekk l-eżekuzzjoni volontarja tal-obbligu tiegħu sabiex jitlaq mit-territorju ma hijiex assigurata jew jekk il-kontroll ta’ dan jidher neċessarju minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubblika. […]

2.   […] Fil-każijiet l-oħra, l-obbligu ta’ tluq mit-territorju jsir infurzabbli biss meta r-rifjut tal-għoti tal-permess ta’ residenza jew ta’ att amministrattiv ieħor li abbażi tiegħu ċ-ċittadin barrani huwa marbut li jitlaq mit-territorju konformement mal-Artikolu 50(1) isiru huma stess infurzabbli.

[…]”

16.

L-Artikolu 60a tal-AufenthG, intitolat “Sospensjoni temporanja tat-tkeċċija”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (2) sa (4) tiegħu:

“2.   Ikun hemm sospensjoni tat-tneħħija taċ-ċittadin barrani sakemm din it-tneħħija ma tkunx possibbli minħabba raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi u sakemm ma jingħatalu l-ebda permess ta’ residenza temporanju. […]

3.   Is-sospensjoni tat-tneħħija taċ-ċittadin barrani sseħħ mingħajr ħsara għall-obbligu tiegħu sabiex jitlaq mit-territorju.

4.   Iċ-ċittadin barrani li jibbenefika mis-sospensjoni tat-tkeċċija għandu jingħata ċertifikat.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.

BZ, ta’ nazzjonalità mhux iddeterminata, twieled fis-Sirja u ilu jgħix fil-Ġermanja mill-1990. Minkejja li minn din id-data kien suġġett għall-obbligu li jitlaq mit-territorju, huwa madankollu baqa jgħix f’dan l-Istat Membru fuq il-bażi ta’ status ta’ tolleranza, li ġie estiż b’mod regolari, abbażi tal-Artikolu 60a tal-AufenthG.

18.

Fis-17 ta’ Marzu 2013, BZ ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u erba’ xhur minħabba reati ta’ sostenn tat-terroriżmu. F’Marzu 2014, huwa bbenefika minn sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-perijodu ta’ priġunerija li kien għad fadallu.

19.

Minħabba din il-kundanna kriminali, il-Westerwaldkreis (id-Distrett ta’ Westerwald) iddeċieda, permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Frar 2014, miżura ta’ tkeċċija ta’ BZ abbażi tal-punt 1 tal-Artikolu 53 tal-AufenthG (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tkeċċija”). Din id-deċiżjoni kien fiha wkoll projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza fit-territorju federali għal perijodu ta’ sitt snin, imnaqqas sussegwentement għal erba’ snin, li jibda jiddekorri mid-data tat-tluq, u limitat sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Lulju 2023. Fl-istess ħin, id-Distrett ta’ Westerwald adotta, fir-rigward ta’ BZ, ordni ta’ tluq mit-territorju, taħt piena ta’ tkeċċija.

20.

BZ oppona dawn id-deċiżjonijiet. Waqt is-seduta quddiem il-Kummissjoni ta’ Oppożizzjoni, id-Distrett ta’ Westerwald, irtira l-ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tkeċċija. Il-bqija tal-oppożizzjoni ġiet miċħuda.

21.

Għaldaqstant, BZ ressaq quddiem il-Verwaltungsgericht Koblenz (il-Qorti Amministrattiva ta’ Koblenz, il-Ġermanja), appell intiż għall-annullament tas-sentenza ta’ tkeċċija u l-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza fit-territorju federali, li ġie miċħud permezz ta’ sentenza ta’ din il-qorti. BZ appella minn din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja).

22.

Talba għal ażil ta’ BZ ġiet sussegwentement miċħuda mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2017, bħala manifestament infondata abbażi tad-dritt nazzjonali. Fl-istess ħin, din l-awtorità kkonstatat li BZ ma setax jitkeċċa lejn is-Sirja, peress li l-kundizzjonijiet tal-projbizzjoni fuq it-tkeċċija previsti fl-Artikolu 60 tal-AufenthG, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kienu ssodisfatti f’dak li jikkonċerna lil dan il-pajjiż.

23.

Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ April 2018, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja) ċaħdet l-appell ippreżentat minn BZ. Għaldaqstant, dan tal-aħħar ippreżenta rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

24.

Il-qorti tar-rinviju tindika li kienet diġà ċaħdet tali rikors sa fejn kien jikkonċerna s-sentenza ta’ tkeċċija meħuda kontra BZ, li kienet b’hekk saret definittiva, u firdet il-proċedura għal reviżjoni billi komplietha biss sa fejn tirrigwarda d-deċiżjoni sabiex jitnaqqas it-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ erba’ snin li jibda jiddekorri mit-tluq eventwali sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Lulju 2023.

25.

Mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li jikkonċernaw id-dritt Ġermaniż jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, adottata abbażi tal-Artikolu 53 tal-AufenthG, ma twassalx neċessarjament għat-tneħħija taċ-ċittadin barrani kkonċernat. Skont il-qorti tar-rinviju, il-persuni li r-residenza tagħhom tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà pubblika jistgħu fil-fatt ikunu s-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija anki meta t-tneħħija tagħhom mit-territorju Ġermaniż ma tkunx possibbli minħabba s-sitwazzjoni li tipprevali fil-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom. F’dan il-każ, l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija jkollha bħala konsegwenza, minn naħa, li ttemm il-validità tal-permess ta’ residenza taċ-ċittadin barrani kkonċernat, konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 51(1) tal-AufenthG, u, min-naħa l-oħra, li tipprojbixxi, abbażi tal-Artikolu 11(1) tal-AufenthG, id-dħul u r-residenza kif ukoll il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ġdid għal dan iċ-ċittadin barrani, qabel l-iskadenza tat-tul tas-sentenza ta’ tkeċċija.

26.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza li tista’ tiġi deċiża, skont id-dritt nazzjonali, anki fin-nuqqas ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju, taħt piena ta’ tneħħija, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, din il-qorti tippreċiża li, skont id-dritt Ġermaniż, is-sentenza ta’ tkeċċija ma tikkostitwixxix, bħala tali, “deċiżjoni ta’ ritorn”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, liema klassifikazzjoni trid bil-kontra tiġi rrikonoxxuta għall-ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tneħħija.

27.

Partikolarment, hija għandha dubji dwar il-punt jekk projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, deċiża kontra ċittadin ta’ pajjiż terz, meħuda għal finijiet “mhux relatati mal-migrazzjoni”, b’mod partikolari akkumpanjata minn sentenza ta’ tkeċċija, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115. Fil-każ fejn din id-domanda twassal għal risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza tistax titqies bħala konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, meta l-ordni ta’ tluq mit-territorju, taħt piena ta’ tneħħija, adottata fl-istess ħin ma’ din il-projbizzjoni, tkun ġiet irtirata mill-awtorità li ħarġitha.

28.

Jekk għandu jitqies li l-irtirar tad-deċiżjoni ta’ ritorn jimplika neċessarjament l-illegalità tal-projbizzjoni fuq id-dħul li hemm ma’ din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan huwiex ukoll il-każ fejn is-sentenza ta’ tkeċċija li ppreċediet id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun saret definittiva.

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Il-projbizzjoni ta’ dħul maħruġa kontra ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ‘mhux marbuta mal-migrazzjoni’ taqa’ fi kwalunkwe każ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2008/115/KE] jekk l-Istat Membru ma jkunx għamel użu mill-possibbiltà taħt l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva?

b)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkun fin-negattiv: tali projbizzjoni ta’ dħul hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 anki jekk, indipendentement mid-digriet ta’ tkeċċija maħruġ fil-konfront tiegħu, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa resident illegali u b’hekk jaqa’, bħala prinċpju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva?

c)

Projbizzjonijiet ta’ dħul maħruġa għal finijiet ‘mhux marbuta mal-migrazzjoni’ jinkludu projbizzjoni ta’ dħul maħruġa inkonessjoni ma’ ordni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ordni (fil-każ ineżami: biss għal raġunijiet kawtelatorji ġenerali fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu)?

2)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-projbizzjoni ta’ dħul taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115:

a)

L-irtirar amministrattiv ta’ deċiżjoni ta’ ritorn (jiġifieri, f’dan il-każ, l-ordni ta’ tneħħija) jimplika l-illegalità tal-projbizzjoni ta’ dħul (fis-sens tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2008/115), maħruġa fl-istess żmien tad-deċiżjoni?

b)

Ikun hemm din il-konsegwenza legali anki jekk l-ordni ta’ tneħħija amministrattiva li tkun ippreċediet id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun (saret) definittiva?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.

Dawn id-domandi kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub minn naħa tal-Gvern Ġermaniż u -dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea.

31.

Fit-23 ta’ April 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju li tirrigwarda l-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali. Ir-risposta ta’ din tal-aħħar, bid-data tas-6 ta’ Mejju 2020, waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2020.

32.

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-8 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsija għal tweġiba bil-miktub lill-partijiet interessati kollha. L-osservazzjonijiet bil-miktub fuq din il-mistoqsija ġew ippreżentati fit-terminu impost.

IV. Analiżi

33.

Il-Gvern Ġermaniż invoka l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari. Peress li jidher li dan l-argument jirrigwarda b’mod impliċitu lit-tieni domanda wkoll, ser nibda l-analiżi tiegħi permezz tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà (Taqsima A), qabel ma nikkonċentra fuq il-mertu ta’ kull waħda mid-domandi preliminari (Taqsima B).

A.   Fuq l-ammissibbiltà

34.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li, bil-kontra ta’ dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja użat il-fakultà, prevista fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, li ma tapplikax din id-direttiva fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ kundanna kriminali li tipprevedi jew li jkollha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, konformement mad-dritt nazzjonali.

35.

Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, dan il-gvern jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn il-fatt li l-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi Ġermaniża li tittrasponi d-Direttiva 2008/115 fiha l-paragrafu li ġej dwar l-Artikolu 11 tal-AufenthG, li jittrasponi l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115: “Id-derogi mid-dewmien normali ta’ ħames snin previst fir-raba’ sentenza l-ġdida huma bbażati fuq l-Artikolu 2(2)(b) (f’dan ir-rigward, dan jirrigwarda restrizzjoni fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva fir-rigward tal-persuni kkundannati kriminalment) u fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 11(2) (theddida serja għas-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku) tad-Direttiva 2008/115”.

36.

F’dan ir-rigward, ninnota li, wara t-talba għal informazzjoni indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju żammet l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt Ġermaniż hekk kif esponietha fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tgħid li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ddeċidietx, abbażi tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, li teskludi t-totalità mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ sanzjoni kriminali li tipprevedi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom.

37.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-paragrafu tal-espożizzjoni tal-motivi ċċitat mill-Gvern Ġermaniż jagħmel referenza għall-Artikolu 11(3) tal-verżjoni tal-AufenthG li kien fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, li jipprovdi li t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul ma jistax ikun itwal minn ħames snin “sakemm iċ-ċittadin barrani jitkeċċa wara kundanna kriminali jew jekk jikkostitwixxi periklu għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku” ( 4 ). B’hekk hija tqis li minn dan il-paragrafu jirriżulta li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija wara kundanna kriminali, il-leġiżlatur Ġermaniż, meta invoka l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, kellu l-intenzjoni li jidderoga, b’mod immedjat, mir-regola speċifika, stabbilita fl-Artikolu 11(2) tagħha, li tillimita t-tul tal-validità tal-projbizzjoni fuq id-dħul għal ħames snin u ma tippermettix derogi ħlief fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

38.

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, fil-proċedura preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju. Dan jimplika li, irrispettivament mill-kritiki espressi mill-Gvern Ġermaniż fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir fid-dawl tal-interpretazzjoni ( 5 ) li tipprovdi li, meta għamel referenza għall-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, il-leġiżlatur Ġermaniż ma xtaqx jeskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mkeċċija wara l-kundanna kriminali tagħhom mit-totalità tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 6 ).

39.

Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat interpretazzjoni opposta tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fis-sentenza Filev u Osmani ( 7 ), hekk kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, ma jistax jippermetti konklużjoni differenti. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet marbuta, abbażi tal-ġurisprudenza esposta fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mogħtija mill-Amtsgeright Laufen (il-Qorti Distrettwali ta’ Laufen, il-Ġermanja), l-awtriċi tad-talba għal deċiżjoni preliminari.

40.

Peress li r-rilevanza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tistax għaldaqstant titpoġġa indiskussjoni, inqis li dawn id-domandi għandhom jitqiesu bħala ammissibbli.

B.   Fuq il-mertu

1. Osservazzjonijiet preliminari

41.

Għandhom jiġu enfasizzati l-karatteristiċi essenzjali tal-kuntest ġuridiku rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja.

42.

Id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu rritornati b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u d-dinjità tagħhom ( 8 ).

43.

Għal dan il-għan, din id-direttiva tistabbilixxi bi preċiżjoni l-proċeduri, flimkien ma’ garanziji ġudizzjarji, li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru f’dak li jikkonċerna r-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu illegalment u tistabbilixxi l-ordni tal-iżvolġiment tal-fażijiet differenti li tinvolvi din il-proċedura.

44.

B’mod iktar partikolari, l-imsemmija direttiva tipprevedi li s-sitwazzjoni ta’ residenza illegali ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru toħloq l-obbligu, impost fuq dan tal-aħħar, li tinħareġ “deċiżjoni ta’ ritorn” fil-konfront tiegħu ( 9 ). Din id-deċiżjoni timponi fuq iċ-ċittadin ikkonċernat “obbligu ta’ ritorn”, jiġifieri obbligu li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, f’pajjiż ta’ transitu jew f’pajjiż ieħor ( 10 ), u tistabbilixxi sussegwentement terminu xieraq li fih dan iċ-ċittadin għandu jitlaq mit-territorju b’mod volontarju ( 11 ). Jekk ma jingħatax terminu għat-tluq volontarju jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma ġiex irrispettat, l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ ritorn ( 12 ).

45.

Id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ – jew, f’ċerti każijiet, għandha – tkun akkumpanjata minn “projbizzjoni fuq id-dħul”. Minkejja li din tiġi adottata minn Stat Membru wieħed biss, din tal-aħħar hija intiża sabiex tipprojbixxi lill-persuna destinatarja, skont id-definizzjoni li tirriżulta mill-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, milli tidħol u tirrisjedi fuq it-territorju tal-Istati Membri kollha. B’hekk, hija tagħti “dimensjoni Ewropea” lill-effetti tal-miżuri nazzjonali ta’ ritorn ( 13 ).

46.

Sabiex tali dimensjoni ma tibqax purament teoretika, din id-direttiva tipprevedi wkoll li, meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul mogħtija minn Stat Membru ieħor, dan huwa marbut li jikkonsulta minn qabel ma’ dan l-Istat Membru u li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tiegħu ( 14 ). L-attivazzjoni ta’ tali proċedura ta’ konsultazzjoni tissoponi għarfien minn qabel tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul deċiżi mill-Istati Membri l-oħra, li huwa possibbli sa fejn l-informazzjoni dwar dawn il-projbizzjonijiet fuq id-dħul jistgħu jkunu s-suġġett ta’ allert nazzjonali introdott fis-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni abbażi tal-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 1987/2006 ( 15 ).

47.

Hija preċiżament il-projbizzjoni fuq id-dħul li hija s-suġġett tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li qiegħed nipproponi li neżamina fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

2. Fuq l-ewwel domanda

48.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, mogħtija kontra ċittadin ta’ pajjiż terz fl-istess ħin ma’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

49.

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, id-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju jsibu l-oriġini tagħhom mill-kliem tal-punt 11 tal-“Manwal dwar ir-Ritorn” tal-Kummissjoni ( 16 ), li abbażi tiegħu d-Direttiva 2008/115 tapplika biss għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul marbuta mal-ksur tar-regoli ta’ migrazzjoni fl-Istati Membri (“projbizzjonijiet marbuta mar-ritorn”), jiġifieri r-regoli li jirregolaw id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li din id-direttiva ma jkollha l-ebda impatt fuq il-projbizzjonijiet fuq id-dħul “deċiżi għal finijiet mhux marbuta mal-migrazzjoni”. Din it-tieni kategorija tinkludi, minbarra projbizzjonijiet fuq id-dħul li jikkostitwixxu miżura restrittiva adottata abbażi tat-Titolu V tal-Kapitolu 2 tat-TUE, il-projbizzjonijiet ta’ dħul deċiżi kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi li wettqu xi reati kriminali serji jew li jista’ raġonevolment jitqies li ser iwettqu tali reati. B’hekk, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, skont il-qorti tar-rinviju, taqa’ taħt din il-kategorija, u, minħabba dan, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

50.

Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab sabiex tiddeċiedi dwar l-eżattezza tal-interpretazzjoni li tipprovdi li d-Direttiva 2008/115 tapplika biss għall-projbizzjonijiet deċiżi minħabba ksur tar-regoli ta’ migrazzjoni, u li l-projbizzjonijiet li jaqaw barra minn din il-kategorija, partikolarment dawk intiżi sabiex jipproteġu l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika fl-Istati Membri jibqgħu, bil-kontra, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar.

51.

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 jiddefinixxi l-“projbizzjoni fuq id-dħul” bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn”, fis-sens li ma jawtorizzax interpretazzjoni li tipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipprevedi f’dan l-artikolu l-miżuri mmotivati minn ksur tar-regoli ta’ migrazzjoni biss. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva lanqas ma jawtorizza dan sa fejn din id-dispożizzjoni hija limitata sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom id-deċiżjonijiet ta’ ritorn huma (jew jistgħu jkunu) akkumpanjati minn projbizzjonijiet ta’ dħul, mingħajr ma tagħmel l-ebda referenza għall-motivi li wasslu għall-ħruġ ta’ tali projbizzjoni.

52.

Fir-rigward tal-eżami tal-istruttura tad-Direttiva 2008/115, naqbel mal-qari tal-qorti tar-rinviju li jipprovdi li din id-direttiva ma tippermetti li jinstab l-ebda element li jimmilita favur restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bħal dak previst fil-punt 11 tal-“Manwal dwar ir-Ritorn”.

53.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li ssir referenza għad-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom id-direttiva msemmija tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha stess.

54.

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi li din tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, fejn tikkostitwixxi tali “soġġorn illegali”, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 17 )] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”. Issa, fid-dawl tal-ġeneralità tal-kliem tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet ma jħallu l-ebda dubju fir-rigward tal-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva b’mod wiesa’ ħafna, sa fejn ippreveda li n-natura illegali tar-residenza prevista minnha ma hijiex unikament dik li tirriżulta mill-ksur tar-regoli ta’ migrazzjoni (“l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul […] f’dan l-Istat Membru”), iżda wkoll dak li jirriżulta mill-ksur tar-regoli differenti minn dawn ta’ (“kondizzjonijiet oħrajn għal […] soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”).

55.

Kif indikajt iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115 jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jiddeċiedu li ma japplikawx lil din id-direttiva fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett, partikolarment, ta’ kundanna kriminali li tipprevedi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, konformement mad-dritt nazzjonali. B’hekk, dan l-artikolu jirriżulta neċessarjament mill-premessa li tipprovdi li r-residenza illegali li tista’ twassal għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 tista’ tirriżulta wkoll mill-ksur serju tal-liġi kriminali nazzjonali. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-preżenza ta’ tali dispożizzjoni kienet tkun totalment superfluwa fil-każ fejn ir-residenza illegali rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva tista’ tkun biss dik marbuta mal-ksur tar-regoli ta’ migrazzjoni. Minn dan isegwi li deċiżjoni ta’ ritorn, kif ukoll il-projbizzjoni fuq id-dħul li takkumpanjaha, jistgħu wkoll jiġu adottati bl-għan tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika.

56.

Din il-konklużjoni jidhirli li hija iktar meħtieġa meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115, bħall-Artikolu 6(2) ( 18 ), l-Artikolu 7(4) ( 19 ), l-Artikolu 11(2) u (3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ( 20 ). Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet juru li l-miżuri li huma intiżi għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika u tas-sigurtà nazzjonali ma humiex eżentati mis-sistema armonizzata stabbilita minnha, peress li l-għanijiet imfittxija minn dawn il-miżuri jimplikaw biss il-possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw mir-regoli stabbiliti f’dawn l-Artikoli ( 21 ).

57.

B’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-projbizzjoni fuq id-dħul, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi li, minkejja li bħala prinċipju, it-tul tagħha ma jistax jeċċedi l-ħames snin, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu projbizzjoni fuq id-dħul għal tul ta’ żmien li jeċċedi tali limitu fil-każ fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi, essenzjalment, li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw projbizzjoni fuq id-dħul fil-konfront ta’ persuni vittmi ta’ traffikar tal-bniedem u li ngħatalhom permess ta’ residenza abbażi ta’ dan, sakemm din il-persuna ma tirrappreżentax periklu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika u għas-sigurtà nazzjonali.

58.

Fil-fehma tiegħi, ix-xogħol preparatorju jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellu l-ebda intenzjoni li jipprevedi restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 ibbażata fuq il-motivi tal-illegalità tar-residenza. Naħseb li l-Kummissjoni ma setgħatx tesprimi dan il-ħsieb b’mod iktar ċar milli għamlet fil-proposta ta’ direttiva ( 22 ) u fid-dokument ta’ ħidma SEC(2005) 1175 tas-servizzi tal-Kummissjoni ( 23 ). Fil-fatt, hija affermat, fl-ewwel dokument, li din tal-aħħar “għandha l-għan […] li tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fil-pajjiż illegalment, tkun xi tkun ir-raġuni ta’ dan (p.e. viża skaduta, permess ta’ reżidenza skadut, revoka jew tneħħija ta’ permess ta’ reżidenza, deċiżjoni finali negattiva wara talba għal kenn, tneħħija ta’ l-istatus ta’ refuġjat, dħul illegali)” ( 24 ), filwaqt li, fit-tieni dokument, hija ppreċiżat li d-direttiva proposta għandha tapplika mhux biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’residenza illegali minħabba l-fatt li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul previsti fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (li illum sar l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen), iżda wkoll meta r-residenza tagħhom tkun illegali minħabba raġunijiet oħra, billi tiċċita bħala eżempju l-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlef il-permess ta’ residenza tiegħu u jkun fl-istess ħin suġġett għal proċedura ta’ ritorn minħabba t-twettiq ta’ att kriminali serju.

59.

Huwa minnu li, fl-imsemmija proposta, il-Kummissjoni ammettiet li kienet ġiet eżaminata l-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ “tkeċċija għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew pubblika” kellux ukoll ikun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fid-direttiva proposta. Hija ammettiet ukoll li r-risposta għal dan kienet fin-negattiv minħabba l-fatt, partikolarment, li tali armonizzazzjoni kellha tiġi mfittxija mhux fil-kuntest ta’ direttiva dwar it-tmiem tar-residenza illegali u dwar ir-ritorn, iżda pjuttost fil-kuntest ta’ direttiva li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza u dwar it-tmiem tal-preżenza jew tar-residenza legali. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat sussegwentement li dan ma jfissirx li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li r-residenza legali tiegħu tkun intemmet minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali ma taqax taħt id-direttiva proposta. Bil-kontra, din il-persuna tkun b’hekk saret ċittadin b’residenza illegali, klassifikazzjoni li tirriżulta, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi ppreċiżata sussegwentement, fl-applikazzjoni tad-direttiva inkwistjoni ( 25 ).

60.

Evalwazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115 minn perspettiva teleoloġika twassal ukoll sabiex jinftiehem, fil-fehma tiegħi, li din id-direttiva tfasslet, bħala prinċipju, b’kamp ta’ applikazzjoni tant wiesa’ li ma jistax jiġi llimitat biss għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul immotivati minn ksur tar-regoli ta’ migrazzjoni. Fil-fatt, id-“dimensjoni Ewropea”, li l-projbizzjoni fuq id-dħul prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet tfittex li tagħti lill-effetti tal-miżuri nazzjonali għar-ritorn hija spjegata, hekk kif tfakkar ġustament il-qorti tar-rinviju, mill-għan tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li huwa l-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u sabiex jiġi evitat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’residenza illegali jkunu jistgħu, billi jieħdu vantaġġ mid-differenzi regolatorji li jeżistu bejn l-Istati Membri, jevitaw il-miżuri nazzjonali li jtemmu r-residenza tagħhom. Issa, dan l-għan ma huwiex kompatibbli, fil-fehma tiegħi, ma’ restrizzjoni taċ-ċirku ta’ persuni li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi ddikjarata projbizzjoni fuq id-dħul, hekk kif ġie previst fil-“Manwal dwar ir-Ritorn”.

61.

F’dan l-istadju, huwa madankollu neċessarju li jiġi ammess li d-dubji l-iktar importanti li għandha l-qorti tar-rinviju donnhom jirrigwardaw il-kwistjoni jekk interpretazzjoni bħal dik li qiegħed nipproponi fil-konklużjonijiet preżenti hijiex korretta fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1987/2006.

62.

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-punt 11 tal-“Manwal dwar ir-Ritorn” jiċċita espressament, fost il-projbizzjonijiet fuq id-dħul, “maħruġa għal finijiet mhux marbuta mal-migrazzjoni”, li jevitaw b’hekk il-kontroll tad-Direttiva 2008/115, dawk adottati fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li wettqu reati kriminali serji jew li jista’ jitqies raġonevolment li għandhom l-intenzjoni li jwettqu tali reat. Dan il-punt 11 jirreferi għal dan il-għan għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul u ta’ residenza bbażati fuq theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali previsti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1987/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa tiegħi, inżid li l-Artikolu 24(3) tal-imsemmi regolament jirregola l-projbizzjonijiet fuq id-dħul u ta’ residenza mogħtija fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu s-suġġett ta’ “miżura li tinvolvi tkeċċija, rifjut għal dħul jew tneħħija” u li huma bbażati fuq in-“nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti nazzjonali dwar id-dħul jew ir-residenza [ta’ dawn iċ-ċittadini]”.

63.

B’hekk, mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1987/2006, adottat qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/115, jirriżulta li l-projbizzjonijiet fuq id-dħul u ta’ residenza bbażati fuq theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali u dawk mogħtija fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati minn deċiżjoni ta’ tneħħija, ta’ rifjut għal dħul jew ta’ tkeċċija, huma ddefiniti bħala li jaqgħu taħt kategoriji distinti, sa fejn dawn josservaw sistema ġuridika speċifika għal kull waħda minnhom (l-obbligu li jintroduċu allert fis-sistema tas-SIS jeżisti biss fir-rigward tal-ewwel projbizzjonijiet). Ir-Regolament 2018/1861, li ser japplika minflok ir-Regolament Nru 1987/2006 mit-28 ta’ Diċembru 2021, jirriproduċi, fl-Artikolu 24(1) tiegħu, l-istruttura f’żewġ kategoriji u l-kontenut tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1987/2006 ( 26 ), billi jikkonstata li t-tieni kategorija ta’ projbizzjonijiet fuq id-dħul issa ġiet armonizzata permezz tad-Direttiva 2008/115 (“projbizzjonijiet fuq id-dħul konformement mal-proċeduri li jirrispettaw lid-Direttiva 2008/115 fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz”) ( 27 ).

64.

Il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tistaqsi dwar il-punt jekk din għandhiex twassal għall-konklużjoni li kull projbizzjoni fuq id-dħul ibbażata fuq theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 u b’hekk hija suġġetta biss għas-sistema ġuridika applikabbli għaliha abbażi tad-dritt nazzjonali, hekk kif isostni l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

65.

Huwa ċertament minnu li, peress li d-Direttiva 2008/115 tikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen, din għandha tiġi interpretata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-koerenza neċessarja ta’ dan l-acquis ( 28 ), li jinkludi, mingħajr l-ebda dubju, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1987/2006. Madankollu, jidhirli li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, prevista fil-punt preċedenti tal-konklużjonijiet preċedenti, hija bbażata fuq qari żbaljat tal-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ din id-dispożizzjoni.

66.

Fil-fatt, inqis li l-projbizzjonijiet fuq id-dħul u ta’ residenza bbażati fuq theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1987/2006, jikkonċernaw biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri li jirrisjedu barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat fil-mument li fih jiġu deċiżi. Dan jispjega għalfejn dawn huma ttrattati bħala kategorija distinta minn dawk li jaqgħu taħt id-Direttiva 2008/115: kif jista’ jiġi kkunsidrat il-bidu ta’ proċedura għar-ritorn fil-konfront taċ-ċittadini inkwistjoni jekk ma dawn jinsabux f’sitwazzjoni ta’ residenza illegali fuq it-territorju tal-imsemmi Stat Membru?

67.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1987/2006 ma jipprevedix, hekk kif jallega l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, projbizzjonijiet fuq id-dħul u ta’ residenza bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri adottati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika fir-rigward taċ-ċittadini li jinsabu diġà fit-territorju ta’ Stat Membru. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ tali projbizzjonijiet fuq id-dħul u ta’ residenza jissopponu li dawn iċ-ċittadini jinsabu f’sitwazzjoni ta’ residenza illegali u li għandhom, bħala konsegwenza, ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Għaldaqstant, huma l-projbizzjonijiet “marbuta mar-ritorn”, li huma rregolati bħala tali mid-Direttiva 2008/115.

68.

Fil-qosor, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jipprevedu projbizzjonijiet fuq id-dħul fil-konfront tal-persuni li jikkostitwixxu theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, partikolarment jekk dawn ikunu ġew ikkundannati fi Stat Membru minħabba reat punibbli bi priġunerija ta’ mill-inqas sena, bil-kundizzjoni li dawn il-persuni jirrisjedu barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat fil-mument meta jinħarġu dawn il-projbizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma marbuta li josservaw ir-regoli armonizzati previsti mid-Direttiva 2008/115, li jibdew mill-obbligu ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, meta jipprevedu projbizzjonijiet fuq id-dħul fil-konfront ta’ persuni li jikkostitwixxu theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, jekk il-persuni inkwistjoni jinsabu diġà fit-territorju tagħhom ( 29 ). Din id-direttiva tapplika ħlief meta, fil-każ fejn it-theddid jew il-periklu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali jkunu jirriżultaw mill-fatt li l-persuni kkonċernati kienu s-suġġett ta’ sanzjoni kriminali serja jew ta’ proċeduri ta’ estradizzjoni, fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel użu mill-fakultà li jagħtih il-punt b tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 ( 30 ).

69.

Għaldaqstant, hija r-rabta bejn il-ħtieġa li jiġu rritornati ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati li tiddistingwi l-projbizzjonijiet fuq id-dħul li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 minn dawk li huma bbażati biss fuq id-dritt nazzjonali u mhux il-motivi tal-adozzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni stess ammettiet li l-punt 11 tal-“Manwal dwar ir-Ritorn” iwassal għal konfużjoni sa fejn jirreferi għal projbizzjonijiet fuq id-dħul mogħtija “għall-finijiet mhux marubta mall-migrazzjoni”, minflok ma juża l-espressjoni korretta ta’ projbizzjonijiet fuq id-dħul “mhux marbuta mar-ritorn”.

70.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, mogħtija kontra ċittadin ta’ pajjiż terz fl-istess ħin ma’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

3. Fuq it-tieni domanda

71.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix iż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, mogħtija kontra ċittadin ta’ pajjiż terz fl-istess ħin ma’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li saret definittiva, adottata abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet irtirata.

72.

Din id-domanda ssib l-oriġini tagħha fil-partikolaritajiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, hekk kif jirriżultaw mis-sunt tal-kuntest ġuridiku nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: (i) it-tkeċċija ma tikkostitwixxix “deċiżjoni ta’ ritorn”, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, peress li din il-klassifikazzjoni hija rrikonoxxuta għall-ordni ta’ tluq mit-territorju Ġermaniż taħt piena ta’ tneħħija; (ii) kull miżura ta’ tkeċċija għandha bħala effett li trendi r-residenza taċ-ċittadin barrani illegali u li tissuġġettah b’hekk għall-obbligu astratt li jitlaq mit-territorju Ġermaniż, u (iii) il-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza tintrabat, ipso jure, mhux biss ma’ kull ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tneħħija, iżda wkoll ma’ kull miżura ta’ tkeċċija. Tali elementi wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar il-punt jekk il-projbizzjoni fuq id-dħul għandhiex ikollha l-istess riżultat ġuridiku bħad-deċiżjoni ta’ ritorn u għaldaqstant ma tistax teżisti wara l-irtirar ta’ din tal-aħħar.

73.

Wara li nnotat li l-kliem tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, li jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom (l-ewwel subparagrafu) jew jistgħu (it-tieni subparagrafu) jiġu “akkumpanjati” minn projbizzjoni fuq id-dħul, ma jippermettix li tingħata risposta għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-fatt li l-punt 6 tal-Artikolu 3, ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-projbizzjoni fuq id-dħul bħala deċiżjoni jew att ta’ natura amministrattiva jew ġudizzjarja li “jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn” ma jimplikax neċessarjament, fil-fehma tagħha, li d-deċiżjoni tar-ritorn iċċaħħad lill-projbizzjoni fuq id-dħul li takkumpanjaha minn kull bażi. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk ir-rabta temporali bejn dawn iż-żewġ atti tirriżultax ukoll f’rabta materjali fir-rigward tal-imsemmija direttiva, li tawtorizza, bil-kontra, interpretazzjoni li tipprovdi li l-projbizzjoni fuq id-dħul issir illegali ladarba d-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi rtirata.

74.

Jidhirli neċessarju li nipprovdi preċiżazzjoni bl-għan li jiġi żgurat qari koerenti tal-punt 6 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115. Ma nemminx li l-frażi “li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn” hija intiża sabiex tesprimi rabta temporali, jiġifieri simultanjetà bejn iż-żewġ atti inkwistjoni, bħalma qisha tikkunsidra bħala fatt il-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, fil-fatt, li konformement mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, wieħed miż-żewġ każijiet li fihom l-Istati Membri huma obbligati jadottaw projbizzjoni fuq id-dħul tirriżulta meta l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat fit-terminu mogħti fid-deċiżjoni ta’ ritorn għat-tluq volontarju [(b)]. Issa, peress li l-projbizzjoni fuq id-dħul tkun imposta, f’tali każ, fi stadju sussegwenti fil-konfront tad-deċiżjoni ta’ ritorn, il-ħtieġa ta’ rabta ta’ simultanjetà bejn dawn iż-żewġ atti ma tistax tiġi inkluża, fil-fehma tiegħi, fid-definizzjoni tal-projbizzjoni fuq id-dħul.

75.

Din il-konstatazzjoni tista’ tissuġġerixxi li l-formulazzjoni ta’ tali definizzjoni ma ġietx maħsuba sew u li, bl-użu tal-verb “jakkumpanja”, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jimponi l-ħtieġa ta’ rabta ta’ tip differenti bejn il-projbizzjonijiet fuq id-dħul li jaqgħu taħt id-Direttiva 2008/115 u d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, b’mod partikolari rabta materjali li timplika, bħala tali, li l-projbizzjoni fuq id-dħul ma tistax tibqa’ fis-seħħ wara l-irtirar tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

76.

Tali ipoteżi hija sostnuta, fil-fehma tiegħi, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ouhrami ( 31 ). Fil-kuntest tar-risposta tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 u partikolarment dwar il-mument li minnu għandu jibda jiġi kkalkolat it-tul ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-fatt, li l-punt 6 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(1) flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, għandhom jinqraw fis-sens li l-projbizzjoni fuq id-dħul “hija maħsuba sabiex tikkompleta deċiżjoni ta’ ritorn, billi tipprojbixxi lill-persuna kkonċernata għal żmien determinat wara […] t-tluq tagħha mit-territorju tal-Istati Membri, milli tidħol mill-ġdid f’dan it-territorju u sussegwentement tissoġġorna hemmhekk” ( 32 ), sabiex tikkonkludi li “id-dħul fis-seħħ ta’ tali projbizzjoni jippresupponi għalhekk li l-persuna kkonċernata tkun telqet, minn qabel, mill-imsemmi territorju” ( 33 ). Issa, fil-fehma tiegħi, fuq livell testwali, it-termini użati mill-Qorti tal-Ġustizzja jimplikaw l-klassifikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn bħala kundizzjoni neċessarja minn qabel għall-validità tal-projbizzjoni fuq id-dħul. F’kull każ, din il-konklużjoni tidhirli li tirriżulta mill-iżviluppi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddedikat sussegwentement għall-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li tipprovdi li d-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi distinzjoni ċara bejn l-istadju tal-proċedura li tasal sal-eżekuzzjoni volontarja jew forzata tal-obbligu ta’ ritorn, li matulu r-residenza illegali tal-persuna kkonċernata hija rregolata mid-deċiżjoni ta’ ritorn, u l-istadju sussegwenti, li fih il-projbizzjoni fuq id-dħul tipproduċi l-effetti legali tagħha, li jimmaterjalizzaw fi projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju tal-Istati Membri u milli jirrisjedu fihom wara dħul illegali ġdid ( 34 ).

77.

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż jirrakkomandaw qari kemxejn differenti ta’ din is-sentenza. Skont dan il-gvern, għalkemm huwa minnu li l-projbizzjoni fuq id-dħul tipproduċi l-effetti legali tagħha mill-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ tluq mit-territorju li tirriżulta mir-residenza illegali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa minnu wkoll li ma hijiex neċessarjament id-deċiżjoni ta’ ritorn, hekk kif previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, li tistabbilixxi dan l-obbligu. Minflok ma hija sistematikament element kostituttiv tal-illegalità tar-residenza, id-deċiżjoni ta’ ritorn effettivament tillimita ruħha, skont l-imsemmi gvern, li tiddikjara tali illegalità.

78.

Għalkemm l-illegalità ta’ residenza ma għandhiex neċessarjament tkun ifformalizzata permezz ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, miżura ta’ projbizzjoni fuq id-dħul tibqa’ permissibbli, skont il-Gvern Ġermaniż, anki fil-każ tal-irtirar ta’ din id-deċiżjoni, peress li l-projbizzjoni fuq id-dħul tista’ tipproduċi l-effetti legali tagħha stess fil-każ fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkonforma ruħu mal-obbligu li huwa għandu abbażi tal-Artikolu 50 tal-AufenthG billi jitlaq volontarjament mit-territorju Ġermaniż.

79.

Ma nistax naqbel ma’ dan l-argument. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni ma hija konformi la mal-loġika u lanqas mal-ispirtu tad-Direttiva 2008/115.

80.

F’dak li jikkonċerna l-loġika ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tħalli ċertament lill-Istati Membri ħielsa sabiex jipprevedu li miżura ta’ tkeċċija trendi illegali r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u li dan iċ-ċittadin ikun b’hekk suġġett għal obbligu legali ġeneriku u astratt li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 50 tal-AufenthG. Madankollu, ladarba n-natura illegali ta’ residenza tkun stabbilita, l-imsemmija Direttiva ma tippermettix lill-Istat Membru kkonċernat li jittollera l-preżenza taċ-ċittadin imsemmi billi jistenna li dan jiddeċiedi li jitlaq mit-territorju nazzjonali minn jeddu. Bil-kontra, dan l-Istat Membru huwa marbut li jindirizza deċiżjoni ta’ ritorn lil dan iċ-ċittadin, konformement mal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva ( 35 ), ħlief jekk jiddeċiedi li jirregolarizza r-residenza tal-persuna kkonċernata billi jtiha permess ta’ residenza jew xi awtorizzazzjoni oħra li ttiha dritt ta’ residenza, abbażi tal-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva ( 36 ). L-obbligu impost fuq l-Istati Membri sabiex jibdew proċedura għar-ritorn, jekk ma jagħtux dritt ta’ residenza, ma għandu l-ebda eċċezzjoni. B’hekk, dan huwa impost fuq l-Istati Membri, b’mod indipendenti mill-kwistjoni jekk, f’każ partikolari, id-deċiżjoni ta’ ritorn hijiex element kostituttiv tal-illegalità ta’ residenza jew jekk għandhiex valur purament dikjaratorju.

81.

Fir-rigward tal-ispirtu tad-Direttiva 2008/115, l-obbligu previst fl-Artikolu 6(1) tagħha għandu l-għan, hekk kif spjegat il-Kummissjoni fil-“Manwal dwar ir-Ritorn”, li jitnaqqsu ż-“żoni legali griżi” (ta’ immigrazzjoni illegali), li jiġi evitat l-isfruttar ta’ persuni f’residenza illegali u sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali għall-persuni kkonċernati kollha ( 37 ). Issa, interpretazzjoni bħal dik mogħtija mill-Gvern Ġermaniż – li tipprovdi li d-dħul fis-seħħ ta’ kull projbizzjoni fuq id-dħul ma jeħtieġx neċessarjament li l-parti interessata tkun telqet mit-territorju nazzjonali wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħha, sa fejn ikun suffiċjenti li din għamlet dan sabiex tikkonforma ruħha ma’ obbligu ġeneriku u astratt previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali – tinjora b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, dawn l-għanijiet. Fil-fatt, iż-“żoni legali griżi” li tagħmel referenza għalihom il-Kummissjoni, ma jistgħux jitnaqqsu effettivament permezz ta’ tali obbligu peress li, b’differenza mill-obbligu ta’ ritorn li jinsab fl-istess deċiżjoni, dik ma fihiex neċessarjament la t-terminu li fih il-parti interessata hija marbuta li titlaq mit-territorju tal-Istat Membru b’mod volontarju, u lanqas l-eżekuzzjoni forzata tat-tluq tagħha fil-każ fejn din ma tkunx għamlet dan.

82.

Jekk projbizzjoni fuq id-dħul li tirriżulta mid-Direttiva 2008/115 ma tistax tipproduċi l-effetti legali tagħha stess ħlief qabel l-eżekuzzjoni, volontarja jew furzata tad-deċiżjoni ta’ ritorn, huwa ovvju li din ma tistax tibqa’ fis-seħħ wara l-irtirar ta’ din tal-aħħar.

83.

It-teżi mressqa f’dawn il-konklużjonijiet li tipprovdi li din il-projbizzjoni fuq id-dħul tikkostitwixxi strument li għandu neċessarjament natura anċillari fir-rigward tad-deċiżjoni għar-ritorn ( 38 ) tidhirli barra minn hekk riflessa b’mod ċar mill-għanijiet li huma l-bażi għall-introduzzjoni tal-projbizzjoni fuq id-dħul fi ħdan id-direttiva inkwistjoni. Diġà tfakkar diversi drabi fil-konklużjonijiet preżenti li, billi teskludi kull dħul u kull soġġorn fuq it-territorju tal-Istati Membri kollha, il-projbizzjoni fuq id-dħul hija intiża sabiex tagħti “dimensjoni Ewropea lill-effetti tal-miżuri nazzjonali ta’ ritorn” ( 39 ). Għandu jiżdied ukoll, kif jesponi, essenzjalment, il-punt 11 tal-“Manwal dwar ir-Ritorn”, li l-projbizzjoni fuq id-dħul intiża sabiex tippromwovi l-kredibbiltà tal-proċedura ta’ ritorn, billi turi lil dawk li tkeċċew minħabba l-fatt li ma osservawx ir-regoli tal-migrazzjoni fl-Istati Membri, li ma humiex ser ikunu awtorizzati jidħlu mill-ġdid fi kwalunkwe Stat Membru għal perijodu determinat. Dawn l-għanijiet ma jħallu l-ebda dubju, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-fatt li kull projbizzjoni fuq id-dħul li tirriżulta mid-Direttiva 2008/115 ma tista’ fl-ebda każ tiġi adottata fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, jew tinżamm fil-każ tal-irtirar ta’ din tal-aħħar.

84.

Barra minn hekk, ma narax kif il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda qabel id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun saret res judicata jista’ jbiddel din il-konklużjoni. Għall-kuntrarju, il-fatt li, fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, tonqos biss deċiżjoni amministrattiva sabiex tinkiseb l-eżekuzzjoni forzata tal-obbligu ta’ tluq tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, hekk kif previst fl-Artikolu 50 tal-AufenthG, jenfasizza biss il-fatt li d-deċiżjoni ta’ ritorn ma tibqax teżisti ġuridikament, b’mod li l-projbizzjoni fuq id-dħul li tirriżulta minnha tkun nieqsa minn kull bażi.

85.

F’dan l-istadju, nistgħu madankollu nistaqsu jekk l-irtirar tad-deċiżjoni ta’ ritorn ikollux madankollu bħala effett li l-projbizzjoni fuq id-dħul li takkumpanjaha inizjalment issirx “projbizzjoni mhux marbuta mar-ritorn”, u b’hekk tevita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, kwistjoni li kienet is-suġġett ta’ mistoqsija bil-miktub lill-partijiet fil-proċedura preżenti.

86.

Dwar dan il-punt, nistqarr li naqsam l-opinjoni negattiva espressa mill-Kummissjoni. Hekk kif fakkret din tal-aħħar, il-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, li akkumpanjat inizjalment lid-deċiżjoni ta’ ritorn fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt id-Direttiva 2008/115 sa fejn hija ġiet deċiża fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti illegalment, preċiżament minħabba din ir-residenza illegali. Peress li s-sempliċi rtirar ta’ tali deċiżjoni ma jkollha l-ebda impatt fuq dawn l-elementi, jidhirli ċar li dan l-irtirar ma jistax, fin-nuqqas ta’ miżura ġdida tal-awtoritajiet nazzjonali, iwassal għall-bidla fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-imsemmija projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza. Fil-fatt, b’differenza mill-projbizzjonijiet fuq id-dħul adottati abbażi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115, il-projbizzjonijiet fuq id-dħul ta’ portata nazzjonali jippreżentaw xi kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni li ma jinkludux in-natura illegali tar-residenza ( 40 ). F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Ġermaniżi dejjem għandhom il-possibbiltà li jadottaw att amministrattiv li jinkludi fih projbizzjoni fuq id-dħul ta’ portata nazzjonali, jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ tali projbizzjoni, mhux marbuta mar-ritorn, ikunu ssodisfatti.

87.

Hemm il-ħtieġa li nagħmel kumment finali. Ma iniex qiegħed ninjora l-fatt li l-ħsieb li wassal lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jirtiraw id-deċiżjoni ta’ ritorn, filwaqt li ħallew intatta l-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, kien li jipprekludu li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jasal sabiex jikkonsolida d-dritt ta’ residenza tiegħu fil-Ġermanja ( 41 ). Madankollu, bħall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u bħall-Kummissjoni, nosserva li d-Direttiva 2008/115 toffri lill-Istati Membri mezz legali li jippermettilhom jiffaċċjaw tali sitwazzjonijiet, jiġifieri dak indikat mill-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija fil-każ fejn din tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ non-refoulement filwaqt li jagħtu lill-persuni interessati konferma bil-miktub tas-sitwazzjoni tagħhom, konformement mal-premessa 12 tal-imsemmija direttiva ( 42 ). Dan il-metodu jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu mezz li d-deċiżjoni ta’ ritorn tkun sempliċement sospiża u sabiex b’hekk jevitaw li jibqa’ jeżisti kwalunkwe dubju fir-rigward tal-legalità taż-żamma fis-seħħ tal-projbizzjoni fuq id-dħul li takkumpanjaha. Sa fejn it-tneħħija tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tidher li ġiet sospiża abbażi ta’ status ta’ tolleranza previst fl-Artikolu 60a tal-AufenthG, nistaqsi jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi rrikorrewx għal tali possibbiltà.

88.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda preliminari fis-sens li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi ż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, deċiża kontra ċittadin ta’ pajjiż terz fl-istess ħin ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet irtirata. Dan jgħodd ukoll jekk din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun saret definittiva.

V. Konklużjoni

89.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), kif ġej:

1)

Projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, maħruġa kontra ċittadin ta’ pajjiż terz fl-istess ħin ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

2)

Id-Direttiva 2008/115 topponi ż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, deċiża kontra ċittadin ta’ pajjiż terz fl-istess ħin ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet irtirata. Dan jgħodd ukoll jekk din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun saret definittiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 3 ) ĠU 2006, L 381, p. 4, rettifika fil-ĠU, L 23, 29.1.2015, p. 19.

( 4 ) Korsiv miżjud minni.

( 5 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar (C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, jippermettix lill-Istati Membri li jidderogaw minnu b’mod immedjat, il-qorti tar-rinviju ssostni, ġustament fil-fehma tiegħi, li din il-kwistjoni ma hijiex determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li, minn perspettiva ġuridika, risposta negattiva twassal biss għall-inapplikabbiltà tat-tul ta’ projbizzjoni fuq id-dħul li jkun itwal minn ħames snin.

( 7 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013 (C‑297/12, EU:C:2013:569).

( 8 ) Ara l-premessi 2 u 11 tad-Direttiva 2008/115.

( 9 ) Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

( 10 ) Punti 3 u 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.

( 11 ) Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115. L-Istati Membri jistgħu jastjenu milli jagħtu tali terminu fis-sitwazzjonijiet identifikati fil-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 12 ) Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115.

( 13 ) Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2008/115.

( 14 ) Ara l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2008/115, li jirreferi f’dan ir-rigward għall-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).

( 15 ) Għandu jiġi osservat li dan ir-regolament tħassar mir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU 2018, L 312, p. 14) li ser japplika mit-28 ta’ Diċembru 2021. L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 2018/1861, li huwa intiż biex jissostitwixxi l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1987/2006, jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jintroduċu allert fis-SIS f’kull każ fejn projbizzjoni ta’ dħul kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jirrisjedi irregolarment tingħata abbażi tad-dispożizzjonijiet li jirrispettaw lid-Direttiva 2008/115.

( 16 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83).

( 17 ) ĠU 2006, L 105, p. 1.

( 18 ) L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi: “Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.” (Korsiv miżjud minni).

( 19 ) L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi: “Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.” (Korsiv miżjud minni).

( 20 ) L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 jinqara kif ġej: “Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

L-informazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ fatt jistgħu jiġu limitati meta d-dritt nazzjonali jippermetti li jiġi ristrett id-dritt għall-informazzjoni, partikolarment sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika, jew għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ reati kriminali u ta’ investigazzjonijiet u ta’ tħarrik f’dan ir-rigward.” (Korsiv miżjud minni).

( 21 ) F’dan is-sens, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Stadt Frankfurt am Main (C-18/19, EU:C:2020:130, punt 40).

( 22 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment {SEC(2005) 1057}/* COM/2005/0391 final - COD 2005/0167 */, Kapitolu I, Taqsima 4.

( 23 ) Commission staff working document – Detailed comments on Proposal for a European Parliament and Council Directive on common standards on procedures in Member States for returning illegally staying third country nationals (COM(2005) 391 final).

( 24 ) Korsiv miżjud minni.

( 25 ) Ara l-punt 12 tat-Taqsima 3, tal-Proposta.

( 26 ) L-unika emenda sostanzjali mwettqa hija l-estensjoni tal-obbligu li jiġi introdott allert SIS għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul mogħtija konformement mal-proċeduri previsti fid-Direttiva 2008/115. Ara, partikolarment, il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 515/2014 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (COM(2016) 882 finali - 2016/0408 (COD), p. 4). Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) L-Artikolu 24(1) tar-Regolament 2018/1861 jipprovdi kif ġej: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu allert għal rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn meta tiġi ssodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin: a) l-Istat Membru jkun ikkonkluda, abbażi ta’ valutazzjoni individwali li tinkludi valutazzjoni taċ-ċirkostanzi personali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat u l-konsegwenzi li dan jiġi rifjutat id-dħul u s-soġġorn, li l-preżenza ta’ dak iċ-ċittadin ta’’ pajjiż terz fit-territorju tiegħu tkun ta’ theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, u l-Istat Membru ikun konsegwentement adotta deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu biex jiġi rrifjutat id-dħul u s-soġġorn u jkun ħareġ allert nazzjonali għal rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn; jew b) l-Istat Membru jkun ħareġ projbizzjoni fuq id-dħul f’konformità ma’ proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva [2008/115] fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.”

( 28 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑482/08, EU:C:2010:631, punt 48).

( 29 ) Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ projbizzjoni fuq id-dħul tista’ tintwera permezz ta’ referenza għall-ordinament ġuridiku Franċiż, partikolarment il-Kodiċi dwar id-dħul u residenza tal-barranin u tad-dritt għall-ażil. L-ewwel kategorija, imsemmija “projbizzjoni amministrattiva tat-territorju”, hija prevista fl-Artikolu L214-2 ta’ dan il-kodiċi, li jipprovdi li “[kull ċittadin ta’ pajjiż terz] jista’ peress li ma jirresjedix normalment fi Franza u ma jinsabx fit-territorju nazzjonali, ikun is-suġġett ta’ projbizzjoni amministrattiva mit-territorju meta l-preżenza tiegħu fi Franza tkun tikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà nazzjonali jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Franza” (korsiv miżjud minni). It-tieni kategorija, imsemmija “projbizzjoni fuq ir-ritorn fit-territorju Franċiż”, hija prevista fl-Artikolu L511-1 tal-imsemmi kodiċi, li jipprovdi “[l-]awtorità amministrattiva tista’ tobbliga li jitlaq mit-territorju Franċiż, lil barrani li ma huwiex ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea […] meta dan ikun jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: […] 7° Jekk l-aġir tal-barrani li ma jkun ilu jirresjedi regolarment fi Franza għal iktar minn tliet xhur jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku”.

( 30 ) Bħala eżempju, ir-Repubblika Franċiża użat din il-fakultà f’dak li jikkonċerna l-“projbizzjoni mit-territorju Franċiż”, prevista fl-Artikolu L541-1 tal-Kodiċi dwar id-dħul u residenza tal-barranin u tad-dritt għall-ażil, jiġifieri piena li tista’ tingħata mill-awtorità ġudizzjarja kontra barrani ħati ta’ att kriminali jew ta’ reat u rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 131-30, 131-30-1 u 131-30-2 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż.

( 31 ) Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017 (C‑225/16, EU:C:2017:590).

( 32 ) Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 45). Korsiv miżjud minni.

( 33 ) Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 45). Korsiv miżjud minni.

( 34 ) Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punti 46 sa 49). Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq dan ir-raġunament fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2020, JZ (Piena ta’ priġunerija fil-każ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul) (C‑806/18, EU:C:2020:724, punti 32 sa 34).

( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Celaj (C‑290/14, EU:C:2015:285, punt 50), li jipprovdu li “[l]-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati Membri bħala riżultat tal-Artikoli 6 et seq tad-Direttiva 2008/115 huma persistenti, kontinwi u japplikaw mingħajr interruzzjoni fis-sens li jitnisslu awtomatikament malli l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli huma ssodisfatti” (korsiv miżjud minni).

( 36 ) Ara r-risposta tal-Kummissjoni għad-domanda parlamentari Nru P-1687/10 (ĠU 2011, C 138 E, p. 1), li tippreċiża, fir-rigward tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri, bħar-Renju ta’ Spanja, dak li ġej: “It implies that Spanish authorities are not free any more – once they become aware of the presence of an illegally staying third-country national on their territory – to tolerate this situation without either initiating return procedures or launching procedures for granting a right to stay” (“Hija timplika li l-awtoritajiet Spanjoli ma humiex iktar liberi – ladarba jsiru jafu bil-preżenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’residenza illegali fit-territorju tagħhom – li jittolleraw din is-sitwazzjoni mingħajr ma jibdew proċedura għar-ritorn jew jibdew proċeduri intiżi għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza”) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 37 ) Ara l-“Manwal dwar ir-Ritorn”, punt 5, p. 100. Ara wkoll ir-risposta tal-Kummissjoni għad-domanda Parlamentari Nru P-1687/10 (ĠU 2011, C 138 E, p. 1), li tipprovdi li “[t]he obligation on Member States to either initiate return procedures or to grant a right to stay has been proposed by the Commission and was adopted by the European Parliament and Council in order to reduce ‘grey areas’, to prevent exploitation of illegally staying persons and to improve legal certainty for all involved”.

( 38 ) Ara wkoll Martucci, F., “La directive ‘retour’: la politique européenne d’immigration face à ses paradoxes”, Revue trimestrielle de droit de l’Union européenne, 2009, p. 50, li jiddefinixxi l-projbizzjoni fuq id-dħul li tirriżulta mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115 bħala “anċillari għar-ritorn”.

( 39 ) Direttiva 2008/115, premessa 14.

( 40 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Skont il-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115: “[…] Sabiex ikunu jistgħu jippruvaw is-sitwazzjoni speċifika tagħhom f’każ ta’ kontrolli jew verifiki amministrattivi, [iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’residenza illegali li ma jistgħux jerġgħu jkunu s-suġġett ta’ tneħħija] għandhom jiġu pprovduti b’konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom […]”.

Top