EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0806

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Settembru 2020.
Proċeduri kriminali kontra JZ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jissoġġornaw illegalment – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 11 – Projbizzjoni fuq id-dħul – Ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet imposta tali projbizzjoni, iżda li qatt ma telaq mill-Istat Membru kkonċernat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi piena ta’ priġunerija għas-soġġorn ta’ dan iċ-ċittadin f’dan l-Istat Membru waqt li huwa konxju tal-projbizzjoni tad-dħul maħruġa kontrih.
Kawża C-806/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:724

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jissoġġornaw illegalment – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 11 – Projbizzjoni fuq id-dħul – Ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet imposta tali projbizzjoni, iżda li qatt ma telaq mill-Istat Membru kkonċernat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi piena ta’ priġunerija għas-soġġorn ta’ dan iċ-ċittadin f’dan l-Istat Membru waqt li huwa konxju tal-projbizzjoni tad-dħul maħruġa kontrih”

Fil-Kawża C‑806/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2018, fil-proċeduri kriminali kontra

JZ

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal JZ, minn S. J. van der Woude u J. P. W. Temminck Tuinstra, avukati,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, H. S. Gijzen u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil, A. Brabcová u A. Pagáčová, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra JZ, imwieled fl-Alġerija fl-1969 u li huwa ċittadin ta’ dan il-pajjiż terz, minħabba li rrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-21 ta’ Ottubru 2015 filwaqt li kien jaf li projbizzjoni fuq id-dħul kienet ingħatat fil-konfront tiegħu permezz ta’ deċiżjoni adottata fid-19 ta’ Marzu 2013.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 4 u 14 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[…]

(14)

L-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li jimpedixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha. It-tul tal-validità tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jkun determinat b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u normalment m’għandux ikun aktar minn ħames snin. F’dan il-kuntest għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kien diġà s-suġġett ta’ aktar minn deċiżjoni waħda ta’ ritorn jew ta’ ordni ta’ tneħħija jew daħal fit-territorju ta’ Stat Membru waqt projbizzjoni ta’ dħul.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skont id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva:

[…]

2)

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

3)

‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni [tal-Unjoni] jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5)

‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

6)

‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]

8)

‘tluq volontarju’ tfisser konformità ma’ l-obbligu ta’ ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

6

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]

6.   Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi [tal-Unjoni] u nazzjonali.”

7

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Tluq volontarju”, jipprevedi:

“1.   Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. […]

[…]

4.   Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

8

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Tneħħija”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

[…]”

9

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jipprovdi:

“1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

a)

jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

b)

jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta’ Stat Membru f’konformità sħiħa ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2010.

Id-dritt Olandiż

11

Il-wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) (il-Liġi tal-2000 dwar Ċittadini Barranin), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), kif emendata b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2011 għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 fid-dritt Olandiż (iktar ’il quddiem il-“Vw”), tipprevedi, fl-Artikolu 61(1) tagħha, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex, jew li ma għadux iktar, f’sitwazzjoni ta’ soġġorn legali għandu jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq inizjattiva tiegħu stess fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 62 tal-Vw, li l-paragrafi 1 u 2 tiegħu jittrasponu l-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115.

12

L-Artikolu 66 tal-Vw, li għandu l-għan li jittrasponi l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 fid-dritt Olandiż, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li deċiżjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul tittieħed kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jkunx telaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq inizjattiva tiegħu stess fit-terminu mogħti.

13

Skont l-Artikolu 66a(4) tal-Vw, il-projbizzjoni fuq id-dħul tinħareġ għal perijodu ddeterminat, li ma għandux jeċċedi l-ħames snin, ħlief jekk il-barrani jkun jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. Dan il-perijodu huwa kkalkolat mid-data li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun telaq effettivament mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

14

Skont l-Artikolu 66(7) tal-Vw, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fl-ebda każ ma jista’ jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’xi wieħed mill-każijiet li ġejjin:

“a)

kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ kundanna, li saret definittiva, minħabba reat li għalih huwa suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar;

b)

jekk jirrappreżenta theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali,

ċ)

jekk jirrappreżenta theddida serja fis-sens tal-paragrafu 4, jew

d)

jekk kull soġġorn għandu jiġi rrifjutat lilu bis-saħħa ta’ trattat, jew fl-interess tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi”.

15

Skont l-Artikolu 197 tal-Wetboek van Strafrecht (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2011 (Stb. 2011, Nru 663) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi meta jkun jaf jew ikollu raġunijiet serji sabiex jemmen li, abbażi ta’ dispożizzjoni legali, ġie ddikjarat “persuna mhux mixtieqa”, jew li kien suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul skont l-Artikolu 66(7) tal-Vw, tista’ b’mod partikolari tiġi imposta fuqu piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sitt xhur.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ April 2000, JZ ġie ddikjarat bħala “persuna mhux mixtieqa”, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi), tad-19 ta’ Marzu 2013, id-dikjarazzjoni li JZ kien suġġett għaliha tneħħiet fuq talba tal-persuna kkonċernata, wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 2008/115 fid-dritt Olandiż. Madankollu, din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-obbligu għall-persuna kkonċernata li titlaq immedjatament mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, billi tippreċiża li, skont id-dritt Olandiż, in-notifika tal-imsemmija deċiżjoni tgħodd bħala “deċiżjoni ta’ ritorn”, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-istess deċiżjoni tagħti fir-rigward ta’ JZ projbizzjoni fuq id-dħul għal perijodu ta’ ħames snin, minħabba li dan kien is-suġġett ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ kundanna kriminali.

18

Fil-21 ta’ Ottubru 2015, ġie kkonstatat li, bi ksur tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2013, JZ kien irrisjeda f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

19

Wara li ġie kkundannat fl-ewwel istanza għal dan ir-reat, skont l-Artikolu 197 tal-Kodiċi Kriminali, JZ sostna fl-appell, quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li dan l-artikolu kien intiż biss sabiex jikkriminalizza s-soġġorn li jmur kontra projbizzjoni fuq id-dħul, li, madankollu, jidħol fis-seħħ biss meta l-persuna kkonċernata tkun telqet mit-territorju tal-Istati Membri. Issa, peress li JZ ma telaqx mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi wara li l-projbizzjoni fuq id-dħul ġiet imposta fuqu, l-elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi reat ma humiex issodisfatti, b’tali mod li ma tistax tiġi imposta fuqu piena, skont l-imsemmi artikolu tal-Kodiċi Kriminali.

20

Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) madankollu kkundannat lil JZ, skont l-istess artikolu tal-Kodiċi Kriminali, għal piena ta’ priġunerija ta’ xahrejn.

21

JZ ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Din tal-aħħar tosserva li, permezz tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li projbizzjoni fuq id-dħul tipproduċi l-effetti legali tagħha biss mid-data li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun effettivament irritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew f’pajjiż terz ieħor. Parti mid-duttrina tislet il-konsegwenza li ma huwiex possibbli li jinbdew proċeduri, abbażi tal-Artikolu 197 tal-Kodiċi Kriminali, kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun għadu ma rritornax fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew f’pajjiż terz ieħor. Min-naħa l-oħra, skont parti oħra tad-duttrina, din is-sentenza ma tistax tkun is-suġġett ta’ tali interpretazzjoni, peress li dan l-artikolu tal-Kodiċi Kriminali jirreferi biss għad-data li fiha ġiet imposta l-projbizzjoni fuq id-dħul u għall-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien jaf biha.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“F’kuntest fejn huwa paċifiku, minn naħa, li f’għajnejn id-dritt Olandiż ċittadin barrani ma jissoġġornax b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, li l-istadji tal-proċedura ta’ ritorn previsti fid-Direttiva [2008/115] ġew segwiti iżda r-ritorn attwali ma seħħx, liġi nazzjonali li trendi punibbli kriminalment is-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi wara li tkun ġiet imposta fuqu projbizzjoni fuq id-dħul, bis-saħħa tal-Artikolu 66a(7) tal-[VW], hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja […] li, fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017Ouhrami (C 225/16, EU:C:2017:590, punt 49), iddeċidiet li l-projbizzjoni fuq id-dħul prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, toħloq l-“effetti” tagħha biss mill-mument li ċ-ċittadin barrani jerġa’ jmur lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew imur lejn pajjiż terz ieħor?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li piena ta’ priġunerija tista’ tiġi imposta fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva tkun ġiet ikkompletata, mingħajr madankollu ma l-persuna kkonċernata tkun effettivament telqet mit-territorju tal-Istati Membri, meta l-aġir ilmentat huwa ddefinit bħala soġġorn illegali b’għarfien ta’ projbizzjoni ta’ dħul, iddikjarat b’mod partikolari minħabba l-preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata jew il-perikolu li tirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar ir-rilevanza tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Achughbabian (C‑225/16, EU:C:2017:590).

24

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni għar-ritorn tal-persuni kkonċernati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom. Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tippreċiża f’dan ir-rigward li tali politika ta’ ritorn effikaċi tikkostitwixxi element indispensabbli ta’ politika ta’ migrazzjoni mmexxija tajjeb. Kif jirriżulta kemm mit-titolu tagħha kif ukoll mill-kontenut tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi għal dan l-għan “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’soġġorn illegali (sentenzi tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 3132, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan, C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 42).

25

Id-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż illegalment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjoni kollha tal-Istati Membri dwar is-soġġorn tal-barranin. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix li d-dritt ta’ Stat Membru jikklassifika s-soġġorn illegali bħala reat u jipprevedi sanzjonijiet kriminali sabiex jiddisswadi u jiskoraġġixxi t-twettiq ta’ tali ksur (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 28, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, Sagor, C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 31).

26

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax japplika leġiżlazzjoni kriminali li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/115 u, għaldaqstant, li ċċaħħadha mill-effettività tagħha. Fil-fatt, għalkemm, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċedura kriminali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dan il-qasam tad-dritt jista’ madankollu jiġi affettwat mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li la l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63(3)(b) KE, dispożizzjoni li ġiet riprodotta fl-Artikolu 79(2)(c) TFUE, u lanqas id-Direttiva 2008/115, adottata b’mod partikolari abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat KE, ma jeskludu l-kompetenza kriminali tal-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni klandestina u ta’ soġġorn illegali, dawn tal-aħħar għandhom jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 53 sa 55; tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 33; kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, Sagor, C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 32).

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trażżan is-soġġorn illegali permezz ta’ sanzjonijiet kriminali, sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, filwaqt li jkun jirrisjedi irregolarment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq minn dan it-territorju volontarjament, ma jkunx ġie suġġett għall-miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u, fil-każ ta’ detenzjoni bil-ħsieb li tiġi ppreparata u mwettqa t-tneħħija tiegħu, ma jkunx laħaq l-iskadenza tat-tul massimu ta’ tali detenzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 50).

28

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet, jekk ikun il-każ ta’ natura kriminali, li jirregolaw, fl-osservanza tal-prinċipji tad-Direttiva 2008/115 u tal-għan tagħha, is-sitwazzjoni li fiha l-miżuri koerċittivi ma jkunux ippermettew li tinkiseb it-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-istess direttiva u li jirrisjedi irregolarment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807,807, punt 50).

29

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, skont din il-ġurisprudenza, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’, bħala prinċipju, jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu l-possibbiltà li jimponi fuq ċittadin ta’ pajjiż terz piena ta’ priġunerija f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura ta’ ritorn stabbilita mid-Direttiva 2008/115 ġiet konkluża, iżda l-persuna kkonċernata tkompli tirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tagħha.

30

Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2008/115 li l-aġir li jrendi punibbli tali soġġorn illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz wara li l-proċedura ta’ ritorn ma tibqax għaddejja jiġi ddefinit fir-rigward tal-għarfien minn dan iċ-ċittadin ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, imposta fir-rigward tiegħu b’mod partikolari minħabba l-preċedenti kriminali tiegħu jew minħabba l-perikolu li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali.

31

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, id-deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat. F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

32

Fil-punti 45 sa 51 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590), li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, essenzjalment, li kemm mill-użu tal-espressjoni “projbizzjoni fuq id-dħul”, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115, mill-formulazzjoni u mill-għan ta’ dan l-Artikolu 11(1) kif ukoll mill-istruttura ta’ din id-direttiva, li tistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ritorn u eventwali ritorn, u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ ritorn, li tali projbizzjoni sservi biex tissupplimenta deċiżjoni ta’ ritorn, billi tipprojbixxi l-persuna kkonċernata għal perijodu fiss wara r-“ritorn” tagħha, u għalhekk wara t-tluq tagħha mit-territorju tal-Istati Membri, milli terġa’ tidħol f’dak it-territorju u tissoġġorna fih sussegwentement. Projbizzjoni fuq id-dħul eventwali tikkostitwixxi għalhekk mezz intiż sabiex tiżdied l-effikaċja tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-ritorn, billi tiggarantixxi li, għal ċertu perijodu wara t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li s-soġġorn tiegħu huwa illegali, tali ċittadin ma jkunx jista’ jidħol mill-ġdid fit-territorju tal-Istati Membri. Id-dħul fis-seħħ ta’ tali projbizzjoni jippreżupponi għalhekk li l-persuna kkonċernata tkun telqet, minn qabel, mill-imsemmi territorju.

33

Minn dan jirriżulta li, sal-mument tal-eżekuzzjoni volontarja jew forzata tal-obbligu ta’ ritorn, is-soġġorn illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz huwa rregolat mid-deċiżjoni ta’ ritorn u mhux mill-projbizzjoni fuq id-dħul, li tipproduċi l-effetti tagħha biss mill-mument li dan iċ-ċittadin effettivament jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri.

34

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-persuna kkonċernata ma telqitx mill-Pajjiżi l-Baxxi wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u li l-obbligu ta’ ritorn, stabbilit minnha, qatt ma ġie eżegwit, din il-persuna kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni illegali li tirriżulta minn soġġorn illegali inizjali, u mhux minn soġġorn illegali sussegwenti li jkun il-konsegwenza ta’ ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami, C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 55).

35

F’tali sitwazzjoni, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi ssanzjonata għal ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, peress li tali ksur huwa preċiżament nieqes.

36

Issa, skont JZ, jirriżulta b’mod partikolari mill-oriġini tal-Artikolu 197 tal-Kodiċi Kriminali li din id-dispożizzjoni hija intiża li tissanzjona biss il-ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u mhux soġġorn illegali inizjali. Jekk dan ikun effettivament il-każ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, id-Direttiva 2008/115, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11 tagħha, tipprekludi li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali tiġi applikata f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-persuna kkonċernata qatt ma telqet mit-territorju tal-Istati Membri.

37

Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Olandiż, l-Artikolu 197 tal-Kodiċi Kriminali huwa intiż sabiex jissanzjona kull soġġorn illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’għarfien tal-pronunzja ta’ projbizzjoni fuq id-dħul fir-rigward tiegħu, indipendentement mill-punt dwar jekk din il-projbizzjoni ġietx effettivament miksura miċ-ċittadin ikkonċernat. Fil-fatt, il-leġiżlatur Olandiż iddeċieda li jinkrimina, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, is-“soġġorn illegali kkwalifikat”, jiġifieri kull soġġorn illegali minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jaf jew li għandu raġunijiet serji sabiex jemmen li huwa kien is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul skont l-Artikolu 66(7) tal-Vw, filwaqt li s-“soġġorn illegali sempliċi” ma huwiex issanzjonat mid-dritt Olandiż. Dan l-Artikolu 66(7) japplika meta l-persuna kkonċernata kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ kundanna, li saret definittiva, minħabba t-twettiq ta’ reat li għalih hija imposta piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar, meta hija tikkostitwixxi perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali jew theddida serja, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 66(4), jew meta kull soġġorn għandu jiġi rrifjutat skont trattat jew fl-interess tar-relazzjonijiet internazzjonali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

38

Jekk il-qorti tar-rinviju tadotta din l-aħħar interpretazzjoni tal-Artikolu 197 tal-Kodiċi Kriminali, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, bħala prinċipju l-Istati Membri jistgħu jissanzjonaw b’piena ta’ priġunerija kull ċittadin ta’ pajjiż terz li għalih tkun ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn u li jibqa’ jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn, ikun, a fortiori, huwa permess li tkun prevista tali piena biss fir-rigward ta’ dawk fost dawk iċ-ċittadini li, pereżempju, għandhom storja kriminali jew joħolqu perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali.

39

Barra minn hekk, bħala prinċipju, ma huwiex inkompatibbli mad-Direttiva 2008/115, u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 11 tagħha, li d-dritt nazzjonali jiddefinixxi l-aġir inkriminat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’riferiment għas-soġġorn illegali tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat b’għarfien tal-fatt li projbizzjoni fuq id-dħul ġiet imposta fir-rigward tiegħu minħabba tali aġir jew tali perikolu.

40

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 32 sa 36 ta’ din is-sentenza, projbizzjoni fuq id-dħul ma tipproduċix effetti fl-assenza ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn u ma tistax, għaldaqstant, titqies li ġiet miksura f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-persuna kkonċernata qatt ma telqet mit-territorju tal-Istati Membri. Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jkun applikabbli f’din is-sitwazzjoni, l-aġir inkriminat ma jistax jiġi ddefinit bħala li jeħtieġ tali ksur.

41

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn u li jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma teżisti raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn hija suġġetta għar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari ta’ dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 49). Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, liġi li tawtorizza lill-qorti ċċaħħad persuna mil-libertà tagħha għandha tkun suffiċjentement aċċessibbli, preċiża u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħha sabiex jiġi evitat kull perikolu ta’ arbitrarjetà (il-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD 004275009, punt 125).

42

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 197 tal-Kodiċi Kriminali għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2008/115, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li piena ta’ priġunerija tista’ tiġi imposta fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jissoġġorna illegalment, li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva tkun twettqet sa tmiemha, mingħajr madankollu ma l-persuna kkonċernata tkun effettivament telqet mit-territorju tal-Istati Membri, meta l-aġir ilmentat huwa ddefinit bl-għan ta’ permanenza illegali b’għarfien ta’ projbizzjoni tad-dħul, iddikjarat b’mod partikolari minħabba l-preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata jew il-perikolu li tirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-aġir ilmentat ma jkunx iddefinit b’rabta ma’ ksur ta’ din il-projbizzjoni tad-dħul u li din il-leġiżlazzjoni tkun aċċessibbli, preċiża u prevedibbli biżżejjed fl-applikazzjoni tagħha sabiex jiġi evitat kull perikolu ta’ arbitrarjetà, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jissoġġornaw illegalment, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li piena ta’ priġunerija tista’ tiġi imposta fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jissoġġorna illegalment, li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva tkun twettqet sa tmiemha, mingħajr madankollu ma l-persuna kkonċernata tkun effettivament telqet mit-territorju tal-Istati Membri, meta l-aġir ilmentat huwa ddefinit bl-għan ta’ permanenza illegali b’għarfien ta’ projbizzjoni tad-dħul, iddikjarat b’mod partikolari minħabba l-preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata jew il-perikolu li tirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-aġir ilmentat ma jkunx iddefinit b’rabta ma’ ksur ta’ din il-projbizzjoni tad-dħul u li din il-leġiżlazzjoni tkun aċċessibbli, preċiża u prevedibbli biżżejjed fl-applikazzjoni tagħha sabiex jiġi evitat kull perikolu ta’ arbitrarjetà, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top